22.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 349/92


Il-Ħamis 11 ta’ Marzu 2010
L-eskalazzjoni tal-vjolenza fil-Messiku

P7_TA(2010)0067

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Marzu 2010 dwar iż-żieda tal-vjolenza fil-Messiku

2010/C 349 E/19

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika, Koordinazzjoni Politika u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Messiku,

wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Marzu tal-2009 dwar l-Isħubija Strateġika UE-Messiku,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew tal-15 ta' Lulju 2008 bit-titolu “Lejn Partenarjat Strateġiku bejn l-UE u l-Messiku” (COM(2008)0447),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tat-30 ta' Settembru 2009 bit-titolu “L-Unjoni Ewropea u l-Amerika Latina: Atturi Globali fi Sħubija” (COM (2009)0495),

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Ottubru 2007 dwar l-qtil tan-nisa (“femiċidju”) fil-Messiku u fl-Amerika Ċentrali u r-rwol tal-Unjoni Ewropea fil-ġlieda kontra dan il-fenomenu,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-UE dwar il-qtil tal-ġurnalisti José Luis Romero, Valentín Valdés Espinosa u Jorge Ochoa Martínez,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjonijiet tal-ħames samits tal-kapijiet tal-istati u tal-gvernijiet tal-Unjoni Ewropea, tal-Amerika Latina u tal-Karibew (UE-LAC) li saru f’Rio de Janeiro (fit-28 u d-29 ta' Ġunju 1999), f’Madrid (fis-17 u t-18 ta' Mejju 2002), fi Guadalajara (fit-28 u d-29 ta' Mejju 2004), fi Vjenna (fit-12 u t-13 ta' Mejju 2006) u f'Lima (fis-16 u s-17 ta' Mejju 2008),

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni konġunta tas-17 ta' Mejju 2008 tar-IV Samit UE-Messiku li saret f’Lima,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni konġunta tad-9 Laqgħa tal-Kummissjoni Konġunta UE-Messiku li saret fi Brussell f’Novembru 2009,

wara li kkunsidra l-Artikolu 122(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi l-Messiku u l-Unjoni Ewropea għandhom valuri komuni li jidhru fis-soċjetajiet demokratiċi, pluralisti, li jħarsu l-libertajiet fundamentali, id-drittijiet tal-bniedem, il-protezzjoni tal-ambjent u l-iżvilupp sostenibbli, kif ukoll l-impenn tal-konsolidazzjoni tad-demokrazija, is-sigurtà legali, il-ġlieda kontra l-faqar u l-iżvilupp ekonomiku u soċjali ġust,

B.

billi s-sistemi demokratiċi tagħna għandhom id-dmir u l-obbligu li jiggarantixxu il-funzjonament tal-istat tad-dritt u li r-rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem u, għalhekk, it-tgawdija u l-eżerċitar tal-libertajiet, kif ukoll id-dritt tal-integrità fiżika jikkostitwixxu wieħed mill-pilastri bażiċi tal-istat tad-dritt,

C.

billi l-kawżi tal-vjolenza u n-nuqqas ta' siġurtà fil-Messiku ma jistgħux jinfirdu mill-problema strutturali tal-faqar, l-inugwaljanza u l-esklużjoni li huma oqsma li marru lura minn meta bdiet il-kriżi ekonomika globali u li hija meħtieġa viżjoni strateġika integrali tal-iżvilupp inklussiv fit-tul sabiex navvanzaw fil-koeżjoni soċjali,

D.

billi l-Isħubija Strateġika UE-Messiku toħloq opportunitajiet għal kooperazzjoni iktar mill-qrib bejn il-Messiku u l-UE fi kwistjonijiet ta' importanza globali u b'mod partikulari għal djalogu mtejjeb u iktar koordinazzjoni u għall-iżvilupp tal-iskambji f'oqsma bħal ma huma s-sigurtà, id-drittijiet tal-bniedem, ir-riforma elettorali, l-iżvilupp reġjonali u l-politiki ta' kummerċ u tar-regolamentazzjoni,

E.

billi l-Isħubija Strateġika se tkun tinkludi, għalhekk, iktar kooperazzjoni fi kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, u ż-żewġ partijiet ikkonfermaw ir-rieda tagħhom li jikkooperaw mill-qrib bl-għan komuni li jintlaħqu l-ogħla standards marbuta mad-drittijiet tal-bniedem,

F.

billi l-Messiku jipparteċipa fil-forums reġjonali u universali kollha u ffirma l-ftehimiet internazzjonali kollha relatati mad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, li fost oħrajn jinkludu, naturalment, il-ġlieda kontra l-vjolenza kontra n-nisa; billi, bl-istess mod, il-Messiku jippromwovi l-leġiżlazzjoni favur l-ugwaljanza tas-sessi,

G.

billi fl-2008 il-Programm ta' Kooperazzjoni UE-Messiku dwar id-drittijiet tal-bniedem fil-qafas tal-Programm ta' kooperazzjoni bilaterali UE-Messiku 2007-2013, u li bħala prijorità jinkludi l-prevenzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa u l-promozzjoni tad-drittijiet tan-nisa, bi programmi speċifiċi f’dan ir-rigward,

H.

billi l-istabbiliment tal-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem, li bħala prijoritajiet għandu l-appoġġ għall-eliminazzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa u t-tfal, il-promozzjoni tal-konformità mad-drittijiet tal-bniedem mill-membri tal-forzi tas-sigurtà pubblika, l-appoġġ għall-eliminazzjoni tad-diskriminazzjoni u l-inklużjoni ta' standards internazzjonali għad-drittijiet tal-bniedem u l-ġustizzja,

I.

billi l-Messiku għaddej minn żieda ta' vjolenza li tirriżulta prinċipalment mit-traffikar tad-drogi partikolarment fiż-żona tal-fruntieri mal-Istati Uniti, li tirriżulta primarjament mill-ġlieda bejn il-gruppi kriminali għall-kontroll tal-provvista, f’termini ta' produzzjoni u traffikar, għas-suq enormi fl-Istati Uniti, u b’mod sekondarju mill-impatt tal-attakk tal-gvern Messikan kontra din is-sitwazzjoni,

J.

billi l-importanza tal-pjan mniedi mill-gvern dwar is-saħħa, l-edukazzjoni u l-koeżjoni soċjali, kif ukoll it-tisħiħ tal-istrateġija politika għall-irkupru ta' Ciudad Juárez; billi dan il-pjan, li jiswa EUR 200 miljun, se jikkontribwixxi għall-eliminazzjoni tal-kawżi soċjali tal-vjolenza, minkejja li l-intensifikazzjoni tal-isforzi għal dan il-għan hija meqjusa meħtieġa,

K.

billi l-Gvern Messikan wera impenn kbir għat-titjib tas-sitwazzjoni tas-sigurtà fil-pajjiż, inkluż żieda notevoli tal-baġit għall-forzi tas-sigurtà u r-riforma tal-istituzzjonijiet pubbliċi tas-sigurtà, bl-għan li tiżdied l-effettività tal-infurzar tal-liġi u l-effikaċja tas-settur tal-ġustizzja, u b’hekk jiġġieled il-kriminalità organizzata,

L.

billi l-Messiku huwa, skont informazzjoni mill-Federazzjoni Internazzjonali tal-Ġurnalisti, wieħed mill-iktar postijiet perikolużi fid-dinja għall-ġurnalisti, b’tal-inqas 53 ġurnalist li nqatlu mis-sena 2000 - 13 minnhom fis-sena 2009 biss - li ġew rrappurtati wkoll fir-rapporti tal-Kummissjoni Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Messiku,

M.

billi huwa ta' spiss li jkun hemm tagħbir u theddid kontra l-membri tal-organizzazzjonijiet li jaħdmu fid-difiża u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u fuq livell statali u federali jkun hemm dewmien mhux ġustifikat f’ħafna mill-investigazzjonijiet preliminari dwar l-attakki u l-qtil tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem,

N.

billi saru ilmenti mill-organizzazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali tad-difiża tad-drittijiet tal-bniedem marbuta mal-ksur ta' dawn id-drittijiet f’ċerta imġiba tal-forzi tas-sigurtà,

1.

Jaqbel mal-awtoritajiet Messikani dwar it-tħassib dwar iż-żieda tal-vjolenza, f’solidarjetà mal-poplu tal-Messiku fil-ġlieda kontra t-traffikar tad-drogi;

2.

Jesprimi l-kondoljanzi u s-solidarjetà tiegħu mal-qraba u l-ħbieb tal-vittmi, kif ukoll mal-poplu Messikan, u jħeġġiġhom jibqgħu jiġġieldu għad-difiża tas-sistema demokratika u l-istat tad-dritt;

3.

Jappoġġa lill-Gvern Messikan fir-rieda tiegħu li jiġġieled il-kriminalità organizzata tat-traffikar tad-drogi, filwaqt li jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar iż-żieda tal-vjolenza marbuta mat-traffikar tad-drogi u dwar in-nuqqas ta' rispett u s-sens ta' impunità tal-kartelli tad-drogi għal kwalunkwe tip ta' awtorità, partikolarment fl-istati Messikani qrib il-fruntiera mal-Istati Uniti;

4.

Jikkundanna kull tip ta' vjolenza, partikolarment il-vjolenza u t-theddid persistenti ta' qtil li huma soġġetti għalihom l-attivisti ddedikati għall-promozzjoni u d-difiża tad-drittijiet tal-bniedem fil-Messiku, u jitlob għat-tisħiħ tal-isforzi min-naħa tal-awtoritajiet Messikani biex jipprovdu protezzjoni legali u personali għal dawn il-gruppi; jitlob, barra minn hekk, lill-UE biex tapplika linji gwida dwar il-protezzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem b’mod effettiv;

5.

Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Messiku biex jibqgħu jaħdmu għat-tisħiħ tal-qafas istituzzjonali, b’attenzjoni partikolari għan-nisa li huma vittmi iktar gravi tal-vjolenza; iqis li huwa xogħol il-gvern li jiġġieled il-“femiċidju”, billi jiżgura li dawk responsabbli u l-kompliċi tagħhom jitressqu quddiem il-ġustizzja, u jitlob għal azzjoni effetiva għall-prevenzjoni tal-kontinwazzjoni ta' reati bħal dawn;

6.

Jikkundanna, fl-istess kuntest, il-vjolenza u l-qtil ta' persuni li jaħdmu mal-midja, u jappoġġa lill-awtoritajiet kompetenti fl-applikazzjoni tal-miżuri kollha meħtieġa għall-identifikazzjoni, id-detenzjoni ta' dawk responsabbli minn dawn ir-reati kif ukoll biex dawn jitressqu quddiem il-ġustizzja; jilqa’ b’mod favorevoli l-adozzjoni mill-awtoritajiet leġiżlattivi Messikani tal-miżuri leġiżlattivi u istituzzjonali li għandhom l-għan li jiggarantixxu l-libertà tal-espressjoni u s-sikurezza tal-ġurnalisti;

7.

Jirrakkomanda, f’dan il-ambitu, li l-Gvern tal-Messiku jkompli jaħdem għat-tisħiħ tal-istat tad-dritt, bl-għan li jiġu solvuti xi problemi strutturali li huma l-bażi tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, u b’mod konkret f’dak li hu marbut mar-riforma tas-sistema ġudizzjarja; jenfasizza, b’hekk, l-importanza ta' awtorità ġudizzjarja indipendenti li tiggarantixxi l-imparzjalità u l-ġlieda determinata kontra l-impunità;

8.

Jitlob lill-gvernijiet tal-Istati Membri, fil-qafas tar-relazzjonijiet bilaterali tagħhom mal-Messiku, kif ukoll lill-istituzzjonijiet Ewropej, li jirduppjaw l-appoġġ tagħhom fid-difiża tad-drittijiet tal-bniedem permezz ta' programmi ta' kooperazzjoni u riżorsi finanzjarji u tekniċi; jitlob ukoll li jżidu r-riżorsi baġitarji tagħhom għall-kollaborazzjoni fil-kompitu tat-tisħiħ u r-riforma tal-organi ġudizzjarji, l-entitajiet tas-sigurtà u s-servizzi ta' prosekuzzjoni, bl-għan li jiġu prosekuti u kkastigati dawk responsabbli, kif ukoll għall-ħolqien ta' sistemi effikaċi għall-protezzjoni tax-xhieda, il-vittmi u l-familji tagħhom;

9.

Jiġbed l-attenzjoni lejn il-kooperazzjoni tal-gvern Messikan, fil-promozzjoni ta' forma effettiva ta' multilateraliżmu u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet tan-Nazzjonijiet Uniti għaż-żamma u l-konsolidazzjoni tal-paċi u l-kapaċità tiegħu li jiżgura r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, b’mod li jindirizza, skont il-liġi internazzjonali, it-theddid għall-paċi u s-sigurtà bħal ma huma t-traffikar tad-drogi u l-armi, il-kriminalità organizzata, it-terroriżmu u t-traffikar tal-bnedmin, skont id-Dikjarazzjoni ta' Lima;

10.

Itenni li l-Isħubija Strateġika titqies bħala opportunità għad-diskussjoni dwar kif il-klawżola dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija tista’ tkun iktar effettiva u kif tista’ tiġi valutata l-konformità ma' dik il-klawżola, inkluż il-progress rigward id-dimensjoni pożittiva tagħha, filwaqt li jitqies li d-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija huma valuri fundamentali tal–ftehimiet kollha bejn iż-żewġ partijiet;

11.

Iqis li l-integrazzjoni soċjali taż-żgħażagħ tikkostitwixxi wieħed mill-elementi fundamentali li jiffaċilitawhom biex jagħrfu s-sistema demokratika; iqis li l-frustrazzjoni tagħhom hija waħda mill-kawżi li l-iktar tikkontribwixxi għall-vjolenza, u li għalhekk għandha tissaħħaħ il-kooperazzjoni tal-UE fl-ambitu tal-koeżjoni soċjali; jitlob lill-awtoritajiet Messikani biex jużaw ir-riżorsi meħtieġa biex jgħinu liż-żgħażagħ biex isibu posthom fis-soċjetà, u biex jadottaw programmi ta' prevenzjoni, rijabilitazzjoni u riinserzjoni soċjali ta' persuni vvizzjati bid-droga;

12.

Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Gvern tal-Messiku biex fir-reviżjoni ta' nofs it-terminu (2007-2013) tal-Istrument għall-Finanzjament tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp jistabbilixxu bħala prijorità fis-settur ta' konċentrazzjoni 1 (“koeżjoni soċjali”) is-sigurtà u t-tisħiħ tal-governanza u tal-istituzzjonijiet;

13.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani (OEA), lill-Assemblea Ewro-Latinoamerikana (EuroLat) u lill-President tal-Kungress tal-Istati Uniti tal-Messiku.