22.12.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
CE 349/88 |
Il-Ħamis 11 ta’ Marzu 2010
Diżastru naturali kbir fir-reġjun awtonomu ta' Madejra u l-effetti tat-tempesta Xynthia fl-Ewropa
P7_TA(2010)0065
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Marzu 2010 dwar id-diżastru naturali kbir fir-reġjun awtonomu ta' Madejra u l-effetti tat-tempesta “Xynthia” fl-Ewropa
2010/C 349 E/17
Il-Parlament Ewropew,
wara li kkunsidra l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-UE, u l-Artikolu 191 u 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE,
wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal regolament li jistabbilixxi l-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (COM(2005)0108) u l-pożizzjoni tal-Parlament tat-18 ta' Mejju 2006 (1),
wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-5 ta' Settembru 2002 dwar l-għargħar fl-Ewropa (2), tat-8 ta' Settembru 2005 dwar id-diżastri naturali (in-nirien u l-għargħar) fl-Ewropa (3), u fis-7 ta' Settembru 2006 dwar in-nirien tal-foresti u l-għargħar (4), u r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-18 ta' Mejju 2006 dwar id-diżastri naturali (in-nirien tal-foresti, n-nixfiet u l-għargħar) – l-aspetti agrikoli (5), l-aspetti tal-iżvilupp reġjonali (6) u l-aspetti ambjentali (7),
wara li kkunsidra l-white paper “L-adattament għat-tibdil fil-klima: Lejn qafas Ewropew għall-azzjoni” (COM(2009)0147) wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Approċċ Komunitarju dwar il-prevenzjoni tad-diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem (COM(2009)0082),
wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar id-diżastru naturali kbir fir-reġjun awtonomu ta' Madejra tal-24 ta' Frar 2010,
wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. |
billi fl-20 ta' Frar 2010 seħħ diżastru naturali kbir f'Madejra, b'xita eċċessiva u bla preċedenti, irwiefen qawwija u mewġ enormi li kkawżaw il-mewt ta' mill-anqas 42 persuna f'Madejra, b'bosta persuni mitlufa, mijiet ta' persuni spustati u għexieren ta' persuni midruba, |
B. |
billi fis-27 u fit-28 ta' Frar 2010, tempesta enormi u qerrieda fuq skala kbira msejħa “Xynthia” laqtet il-punent ta' Franza, partikolarment ir-reġjuni ta' Poitou-Charentes, Pays-de-la-Loire u l-Bretanja, u kkawżat il-mewt ta' madwar 60 persuna, b’bosta persuni mitlufa u eluf li sfaw bla dar, |
C. |
billi numru ta' fenomeni meteoroloġiċi, speċjalment it-tempesta “Xynthia”, laqtu wkoll reġjuni differenti fi Spanja, partikolarment il-Gżejjer Kanarji u r-reġjun ta' Andalucia, kif ukoll il-Belġju, il-Ġermanja, l-Olanda u l-Portugall, u kkawżaw bosta mwiet u ħsara materjali qawwija, |
D. |
billi dan id-diżastru kkawża tbatija qawwija lill-familji tal-vittmi u lill-popolazzjoni milquta, |
E. |
billi d-diżastru kkawża qerda fuq skala kbira, bi ħsarat sinifikanti lill-infrastrutturi pubbliċi - fosthom it-toroq, il-portijiet, il-provvista tal-ilma, l-elettriku, l-impjanti sanitarji u t-telekomunikazzjonijiet - kif ukoll lill-bini privat, stabbilimenti kummerċjali, l-industriji u r-raba' u għamel ukoll ħsara lill-wirt naturali u kulturali, billi b’mod partikolari l-ħsara lill-provvista tal-ilma u lill-impjanti sanitarji tista’ tkun ta' theddida għas-saħħa pubblika, |
F. |
billi d-diżastru bħalissa jimpedixxi lill-persuni milli jibqgħu għaddejjin bil-ħajja tagħhom ta' kuljum u x’aktarx ikollu impatt ekonomiku u soċjali fit-tul, |
G. |
billi jeħtieġ li ż-żoni milquta mid-diżastru jitnaddfu u jerġgħu jinbnew, kif ukoll jirkupraw il-potenzjal produttiv tagħhom u jiġu kkumpensati l-ispejjeż soċjali kkawżati mid-diżastru, |
H. |
billi fis-snin riċenti qed jidher ċar li l-problemi ta' għargħar, tempesti u fenomeni estremi tat-temp x’aktarx ikunu dejjem aktar frekwenti; billi l-investiment fit-tafja tat-tibdil fil-klima ukoll hu importanti għall-prevenzjoni tal-katastrofi, |
I. |
billi d-diżastri naturali għandhom konsegwenzi ekonomiċi u soċjali ta' ħsara għall-ekonomiji reġjonali, l-attività produttiva, l-akkwakultura, it-turiżmu, l-ambjent u l-bijodiversità, |
1. |
Jesprimi l-mogħdrija u s-solidarjetà tiegħu mar-reġjuni milquta, jiddispjaċih għall-konsegwenzi ekonomiċi serji ta' dawn id-diżastri naturali u partikolarment, jibgħat il-kondoljanzi tiegħu lill-qraba kollha tal-vittmi; |
2. |
Ifaħħar lill-iskwadri ta' tiftix u salvataġġ li ħadmu bla waqfien biex isalvaw lin-nies u jillimitaw il-ħsara umana u materjali; |
3. |
Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jappoġġjaw lill-dawk milquta mill-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali tad-diżastru; |
4. |
Jikkunsidra li l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali għandhom jiffukaw fuq politiki ta' prevenzjoni effettivi u għandhom jagħtu aktar attenzjoni għal-leġiżlazzjoni u l-prattiċi adegwati marbutin mal-programmi ta' riforestazzjoni, mal-użu tal-art, mal-ġestjoni tal-ilma u mal-ġestjoni effettiva tar-riskju, fir-rispett, inter alia, għall-kostruzzjoni urbana ma' xatt il-baħar u l-bini ta' digi, u f’żoni agrikoli u afforestati; |
5. |
Jitlob lill-Kummissjoni, sabiex, hekk kif il-gvernijiet tal-pajjiżi milquta jressqu t-talbiet rispettivi tagħhom, immedjatament tieħu kull azzjoni meħtieġa għall-mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà għall-Unjoni Ewropea bl-aktar mod urġenti u flessibbli u fl-akbar miżura possibbli; |
6. |
Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tikkunsidra n-natura speċifika tar-reġjuni individwali milquta, partikolarment il-fraġilità tar-reġjuni insulari u l-aktar imbiegħda, bil-għan li tingħata l-aqwa għajnuna possibbli lill-vittmi ta' dan id-diżastru; |
7. |
Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, biex minbarra li timmobilizza l-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea, tkun miftuħa u flessibbli fir-rigward tan-negozjati mal-awtoritajiet rilevanti fir-reviżjoni tal-Programmi Operattivi Reġjonali Intervir+ (FEŻR) u Rumos (FSE) u l-ekwivalenti Franċiżi tagħhom, kif ukoll tat-taqsima dwar il-Madejra tal-Programm Operattiv Tematiku ta' Tisħiħ Territorjali, iffinanzjat mill-Fond ta' Koeżjoni; jitlob lill-Kummissjoni biex tkompli għaddejja bir-reviżjoni tagħha malajr kemm jista' jkun u biex tanalizza l-possibilità li fl-2010 żżid ir-rata ta' kofinanzjament tal-Komunità għal proġetti speċifiċi fil-Programmi Operattivi rispettivi f'konformità mar-regoli u l-limiti massimi stipulati fir-Regolament Ġenerali dwar il-Fondi Strutturali 2007-2013 (Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006), mingħajr ma terġa' tqajjem il-kwistjoni dwar il-pakkett finanzjarju annwali allokat lill-Istati Membri kkonċernati; |
8. |
Itenni li huwa importanti ħafna li jkun hemm Regolament ġdid dwar l-EUSF ibbażat fuq il-proposta tal-Kummissjoni (COM(2005)0108) biex jiġu indirizzati l-problemi kkawżati mid-diżastri naturali b'mod aktar flessibbli u effettiv; jikkritika l-fatt li l-Kunsill imblokka d-dossier minkejja l-fatt li l-Parlament adotta l-pożizzjoni tiegħu b'maġġoranza kbira ħafna fl-ewwel qari f'Mejju 2006; iħeġġeġ lill-Presidenza Spanjola u lill-Kummissjoni sabiex tinstab soluzzjoni mingħajr dewmien għall-attivazzjoni mill-ġdid ta' dan ir-Regolament, bil-għan li jinħoloq strument aktar qawwi u aktar flessibbli li jkun kapaċi jiffaċċja b’mod aktar effettiv l-isfidi l-ġodda tat-tibdil fil-klima; |
9. |
Jitlob lill-Istati Membri u lir-reġjuni milquta sabiex jniedu pjanijiet adegwati ta' restawr u riabilitazzjoni għaż-żoni milquta; jitlob lill-Istati Membri biex jeżaminaw il-ħtieġa li għal investimenti fit-tul f'politiki ta' prevenzjoni ta' dawn id-diżastri u l-limitazzjoni tal-ħsarat tagħhom; |
10. |
Jitlob lill-Istati Membri biex jadattaw għall-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima billi jsegwu l-leġiżlazzjoni eżistenti permezz ta' approċċ integrat fl-oqsma kollha kkonċernati; |
11. |
Jisħaq fuq il-bżonn li r-rakkomandazzjonijiet tal-White Paper dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima jiġu tradotti f'miżuri konkreti u li jittieħdu passi sabiex jiġi żgurat li l-adattament għat-tibdil fil-klima jsir realtà fl-Unjoni Ewropea; |
12. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet tal-Istati Membri u lill-Gvern tar-Reġjun Awtonomu ta' Madejra. |
(1) ĠU C 297 E, 7.12.2006, p. 331.
(2) ĠU C 272 E, 13.11.2003, p. 471.
(3) ĠU C 193 E, 17.8.2006, p. 322.
(4) Testi adottati, P6_TA(2006)0349.
(5) Testi adottati, P6_TA(2006)0222.
(6) Testi adottati, P6_TA(2006)0223.
(7) Testi adottati, P6_TA(2006)0224.