22.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 349/46


L-Erbgħa 10 ta’ Marzu 2010
Ftehim Kummerċjali dwar il-Ġlieda Kontra l-Falsifikazzjoni (ACTA)

P7_TA(2010)0058

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Marzu 2010 dwar it-trasparenza u s-sitwazzjoni attwali tan-negozjati tal-ACTA

2010/C 349 E/10

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikoli 207 u 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (Trattat FUE),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta’ Frar 2010 dwar Ftehim ta' Qafas rivedut bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni għall-perjodu leġiżlattiv li jmiss (1),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ Marzu 2009 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni (tfassil mill-ġdid), li għandha titqies bħala l-pożizzjoni tal-Parlament fl-ewwel qari (2) (COM(2008)0229 – C6-0184/2008 – 2008/0090(COD)),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta’ Diċembru 2008 dwar l-impatt tal-iffalsifikar fuq il-kummerċ internazzjonali (3),

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data tat-22 ta’ Frar 2010 dwar in-negozjati li qed isiru bħalissa mill-Unjoni Ewropea rigward Ftehim Kummerċjali dwar il-Ġlieda kontra l-Iffalsifikar (ACTA),

wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 8 tagħha,

wara li kkunsidra d-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika, kif emendata bid-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009,

wara li kkunsidra d-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku),

wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi fl-2008 l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi l-oħra tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) bdew in-negozjati dwar ftehim ġdid plurilaterali li jsaħħaħ l-infurzar tad-drittijiet ta’ proprjetà intelletwali (IPR) u jiġġieled kontra l-iffalsifikar u l-piraterija (Ftehim kummerċjali dwar il-ġlieda kontra l-iffalsifikar - ACTA) u ftehmu b’mod konġunt dwar klawsola ta’ kunfidenzjalità,

B.

billi fir-rapport tiegħu tal-11 ta’ Marzu 2009, il-Parlament talab lill-Kummissjoni biex “immedjatament tagħmel pubblikament disponibbli d-dokumenti kollha relatati man-negozjati li għadhom għaddejjin dwar il-Ftehim kummerċjali dwar il-ġlieda kontra l-iffalsifikar (ACTA)”,

C.

billi fis-27 ta’ Jannar 2010, il-Kummissjoni tat assigurazzjonijiet dwar l-impenn tagħha għal assoċjazzjoni msaħħa mal-Parlament, b'konformità mar-riżoluzzjoni tal-Parlament tad-9 ta’ Frar 2010 dwar Ftehim ta’ Qafas rivedut mal-Kummissjoni li talab li jkun hemm “l-għoti immedjat u sħiħ ta’ informazzjoni lill-Parlament f'kull stadju tan-negozjati dwar ftehimiet internazzjonali, b’mod partikolari dwar kwistjonijiet ta’ kummerċ u negozjati oħra li jinvolvu l-proċedura ta’ kunsens, (…) b'tali mod li jingħata effett sħiħ lill-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE”,

D.

billi rappreżentanti tal-Kunsill attendew rawnds ta’ negozjati tal-ACTA flimkien ma' rappreżentanti tal-Kummissjoni,

E.

billi l-Kummissjoni, bħala l-gwardjana tat-Trattati, hija obbligata li tara li jiġi osservat l-acquis communautaire meta jiġu nnegozjati ftehimiet internazzjonali li jaffettwaw il-leġiżlazzjoni fl-UE,

F.

billi, skont dokumenti li ġew żvelati, in-negozjati tal-ACTA jinkludu, fost affarijiet oħra, leġiżlazzjoni pendenti tal-UE dwar l-infurzar tal-IPR 2005/0127(COD) – Miżuri kriminali bil-għan li jiżguraw l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (IPRED-II)) u l-hekk imsejjaħ “Pakkett Telecom”, u dwar leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE fir-rigward tal-kummerċ elettroniku u l-protezzjoni tad-data,

G.

billi l-isforzi li qed tagħmel bħalissa l-UE biex tarmonizza l-miżuri ta’ infurzar tal-IPRs m’għandhomx jiġu evitati minn negozjati kummerċjali li jaqgħu barra mill-ambitu tal-proċess normali tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-UE,

H.

billi huwa kruċjali li jkun żgurat li l-iżvilupp ta’ miżuri ta’ infurzar tal-IPR iseħħ b'mod li ma jimpedixxix l-innovazzjoni jew il-kompetizzjoni, ma jdgħajjifx il-limitazzjonijiet tal-IPR u l-protezzjoni tad-data personali, ma jirrestrinġix il-fluss ħieles tal-informazzjoni u ma jtaqqalx bla bżonn il-kummerċ leġittimu,

I.

billi kwalunkwe ftehim li jintlaħaq mill-Unjoni Ewropea dwar l-ACTA għandu jkun konformi mal-obbligi legali imposti fuq l-UE fir-rigward tal-liġi tal-privatezza u l-protezzjoni tad-data, kif stabbilit b’mod partikolari fid-Direttivi 95/46/KE u 2002/58/KE u fil-każistika stabbilita tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE),

J.

billi t-Trattat ta’ Lisbona ilu fis-seħħ mill-1 ta’ Diċembru 2009,

K.

billi, b'riżultat tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, il-Parlament se jkollu jagħti l-approvazzjoni tiegħu għat-test tat-Trattat tal-ACTA, qabel id-dħul fis-seħħ tiegħu fl-UE,

L.

billi l-Kummissjoni impenjat ruħha li tipprovdi informazzjoni immedjata u sħiħa lill-Parlament f’kull stadju tan-negozjati dwar il-ftehimiet internazzjonali,

1.

Jinnota li, mill-1 ta’ Diċembru 2009, il-Kummissjoni kellha u għandha l-obbligu legali li immedjatament u bis-sħiħ tinforma lill-Parlament Ewropew fl-istadji kollha tan-negozjati internazzjonali;

2.

Jesprimi l-akbar tħassib tiegħu dwar in-nuqqas ta’ proċess trasparenti fit-twettiq tan-negozjati tal-ACTA, qagħda li tmur kontra sew it-test kif ukoll l-ispirtu tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE; jinsab ferm imħasseb li ma ġiet stabbilita l-ebda bażi legali qabel il-bidu tan-negozjati tal-ACTA u li ma ntalbitx l-approvazzjoni parlamentari għall-mandat ta’ negozjati;

3.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jagħtu aċċess pubbliku u parlamentari għat-testi u s-sommarji tan-negozjati tal-ACTA, bi qbil mat-Trattat u mar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni;

4.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jieħdu impenn proattiv mal-imsieħba fin-negozjati tal-ACTA biex jiġu eliminati negozjati ulterjuri kunfidenzjali b'mod awtomatiku, u biex jinfurmaw lill-Parlament bis-sħiħ u fi żmien utli dwar l-inizjattivi li jkunu se jittieħdu f'dan ir-rigward; jistenna li l-Kummissjoni tagħmel proposti qabel ir-rawnd li jmiss ta’ negozjati fi New Zealand f'April 2010, biex titlob li l-kwistjoni tat-trasparenza titqiegħed fuq l-aġenda ta’ dik il-laqgħa u li l-Parlament jiġi infurmat dwar l-eżitu ta’ dan ir-rawnd immedjatament hekk kif jintemm;

5.

Jenfasizza li, sakemm il-Parlament ma jkunx mgħarraf immedjatament u bis-sħiħ fl-istadji kollha tan-negozjati, jirriżerva d-dritt li jieħu azzjoni xierqa, inkluż li jressaq il-kwistjoni quddiem il-QĠUE bil-għan li jiġu salvagwardjati l-prerogattivi tiegħu;

6.

Jiddispjaċih dwar l-għażla kkalkulata tal-partijiet li ma jinnegozjawx permezz ta’ korpi internazzjonali stabbiliti sew, bħall-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO) u l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), li għandhom oqfsa stabbiliti ta’ informazzjoni pubblika u konsultazzjonijiet;

7.

Jistieden lill-Kummissjoni biex twettaq evalwazzjoni tal-impatt tal-implimentazzjoni tal-ACTA fir-rigward tad-drittijiet fundamentali u tal-protezzjoni tad-data, tal-isforzi li għaddejjin bħalissa biex jiġu armonizzati l-miżuri ta’ infurzar tal-IPR u tal-kummerċ elettroniku, qabel ma jintlaħaq kwalunkwe ftehim tal-UE dwar test konsolidat tal-ACTA, u biex tikkonsulta mal-Parlament fi żmien utli dwar ir-riżultati ta’ din l-evalwazzjoni;

8.

Jilqa’ l-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni li kwalunkwe ftehim tal-ACTA se jkun limitat għall-infurzar tal-IPRs eżistenti, bla ebda preġudizzju għall-iżvilupp tal-liġi sostantiva dwar il-proprjetà intelletwali fl-Unjoni Ewropea;

9.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tillimita n-negozjati dwar l-ACTA għas-sistema eżistenti ta’ infurzar tal-IPR kontra l-iffalsifikar; iqis li negozjati ulterjuri tal-ACTA għandhom jinkludu għadd ikbar ta’ pajjiżi li qed jiżviluppaw u ta’ pajjiżi emerġenti, sabiex jintlaħaq livell multilaterali possibbli ta’ negozjati;

10.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-infurzar tad-dispożizzjonijiet tal-ACTA – speċjalment dawk dwar proċeduri ta’ infurzar tad-drittijiet tal-awtur fl-ambjent diġitali – ikun konformi għalkollox mal-acquis communautaire; jitlob li ma jitwettaq l-ebda tiftix ta’ natura personali fil-fruntieri tal-UE u li tingħata kjarifika sħiħa ta’ kwalunkwe klawsola li tippermetti tiftix mingħajr mandat u konfiska ta’ tagħmir ta’ ħażna tal-informazzjoni bħal kompjuters portabbli, telefowns ċellulari u MP3 plejers minn awtoritajiet tal-fruntieri u tad-dwana;

11.

Iqis li sabiex ikun hemm rispett tad-drittijiet fundamentali, bħad-dritt għal-libertà tal-espressjoni u d-dritt għall-privatezza, filwaqt li jiġi osservat bis-sħiħ il-prinċipju tas-sussidjarjetà, il-ftehim propost m’għandux jagħmilha possibbli li jiġu imposti l-hekk imsejħa proċeduri tat-tliet daqqiet (“three-strikes” procedures), f’konformità sħiħa mad-deċiżjoni tal-Parlament dwar l-Artikolu 1.1b fid-Direttiva li temenda 2009/140/KE li titlob li jiddaħħal paragrafu 3a ġdid fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 2002/21/KE dwar il-kwistjoni tal-politika tat-tliet daqqiet; iqis li kull ftehim għandu jkun jinkludi stipulazzjoni li l-għeluq ta’ aċċess għall-internet ta’ individwu għandu jkun soġġett għal eżami preċedenti minn qorti;

12.

Jenfasizza li l-privatezza u l-protezzjoni tad-data huma valuri ewlenin tal-Unjoni Ewropea, rikonoxxuti fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, li għandhom jiġu rispettati fil-politiki u r-regoli kollha adottati mill-UE skont l-Artikolu 16 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE;

13.

Jirrimarka li d-dispożizzjonijiet tal-ACTA, partikolarment il-miżuri bl-għan li jissaħħu s-setgħat għal spezzjonijiet transkonfinali u għall-konfiska tal-beni, m'għandhomx jaffettwaw l-aċċess globali għal prodotti mediċinali leġittimi, mhux għaljin u siguri – inklużi prodotti innovattivi u ġeneriċi – bl-iskuża tal-ġlieda kontra l-iffalsifikar;

14.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-istati li huma partijiet fin-negozjati tal-ACTA.


(1)  Testi adottati, P7_TA(2010)0009.

(2)  Testi adottati, P6_TA(2009)0114.

(3)  Testi adottati, P6_TA(2008)0634.