22.12.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
CE 349/30 |
L-Erbgħa 10 ta’ Marzu 2010
UE 2020 - Segwitu tal-Kunsill Ewropew informali tal-11 ta’ Frar 2010
P7_TA(2010)0053
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Marzu 2010 dwar l-UE 2020
2010/C 349 E/05
Il-Parlament Ewropew,
wara li kkunsidra l-Kunsill Ewropew informali tal-11 ta’ Frar 2010,
wara li kkunsidra l-konsultazzjoni pubblika mnedija mill-Kummissjoni dwar l-UE 2020, u l-eżitu tagħha (SEC(2010)0116),
wara li kkunsidra l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-istrateġija ta’ Lisbona (SEC(2010)0114),
wara li kkunsidra d-dokument tal-Kunsill Ewropew bl-isem “Seven steps to deliver on the European strategy for growth and jobs” (Seba' passi għat-twettiq tal-istrateġija Ewropea għat-tkabbir u l-impjiegi),
wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. |
billi l-istrateġija UE 2020 għandha taqdi t-tkabbir ekonomiku u toħloq l-impjiegi, ġaladarba t-tnaqqis ta’ 4 % fil-PGD, rata anqas tal-produzzjoni industrijali u total ta’ aktar minn 23 miljun persuna qiegħda tirrappreżenta diżastru uman u ekonomiku, |
B. |
billi l-Istrateġija ta’ Lisbona ma tatx prestazzjoni tajba, minħabba struttura ta’ governanza dgħajfa, nuqqas ta’ responsabbiltà, objettiv kumpless ħafna b'wisq miri, għanijiet ambizzjużi ż-żejjed u nuqqas ta’ ċarezza, fokus u trasparenza, u billi għaldaqstant jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni għall-istrateġija UE 2020 u l-miri u l-qafas li jmorru magħha, |
Kummenti ġenerali
1. |
Jemmen li l-istrateġija UE 2020 jeħtiġilha tipprovdi risposta effikaċi għall-kriżi ekonomika u finanzjarja, u tagħti ambizzjoni ġdida lill-koerenza Ewropea u lill-proċess ta’ rkupru tal-UE, bili timmobilizza u tikkoordina strumenti nazzjonali u Ewropej; |
2. |
Jilqa', ġaladarba wisq mill-miri Ewropej ma ntlaħqux taħt l-Istrateġija preċedenti ta’ Lisbona, id-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew li jiddefinixxi anqas objettivi, imma li jagħmilhom aktar ċari, realistiċi u kwantifikabbli; |
Ekonomija tas-suq soċjali
3. |
Jemmenli impjiegi sostenibbli, li jkopru l-popolazzjoi kollha u ta’ kwalita għolja, sew għall-irġirl kif ukoll għan-nisa, jirrappreżentaw mira importanti għall-UE, li tista' tintlaħaq biss jekk l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri jimplimentaw ir-riformi meħtieġa; |
4. |
Jinnota li l-qgħad huwa kwistjoni tal-qofol fid-diskussjoni attwali fil-kuntest tal-kriżi; jemmen li, biex tindirizza l-qgħad għoli u li qed jikber, l-UE jeħtiġilha timplimenta aġenda soċjali ambizzjuża, inklużi sforzi biex tippromwovi ħajjiet itwal u aktar b'saħħithom, tiġġieled kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali, tgħin lill-ħaddiema jikkombinaw l-impjieg mar-responsabbiltajiet tagħhom ta’ kura, tnaqqas ir-rata ta’ tluq bikri mill-iskola, trawwem it-tagħlim tul il-ħajja u tiġġieled kontra d-diskriminazzjni u tippromwovi l-integrazzjoni tal-perspettiva tas-sess, l-ugwaljanza bejn is-sessi, id-drittijiet tal-ħaddiema u kundizzjonijiet tajba tax-xogħol; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jindirizzaw il-qgħad billi joħolqu aktar opportunitajiet ta’ taħriġ u perjodi qosra ta’ xogħol fl-impriżi għaż-żgħażagħ, filwaqt li jitħarsu minn prattiki xejn ġusti ta’ tħaddim; |
5. |
Jenfasizza li, biex tindirizza qgħad għoli u li qed jikber, l-UE jeħtiġilha timplimenta aġenda soċjali ambizzjuża, flimkien ma’ strateġija qawwija ta’ ugwaljanza bejn is-sessi u politika ta’ integrazzjoni; |
6. |
Jemmen li l-UE jeħtiġilha toħloq swieq inklussivi u kompetittivi tax-xogħol permezz tar-ristrutturar tas-sistemi tas-sigurtà soċjali u l-provvista ta’ aktar flessibbiltà għal min iħaddem, flimkien ma’ benefiċċji adegwati għal żminijiet qosra tal-qgħad u appoġġ għall-kapaċità li dak li jkun jerġa' jsib impjieg; |
7. |
Jistieden lill-UE biex tiffaċilita l-moviment ħieles taċ-ċittadini kollha, inklużi l-ħaddiema; il-professjonisti, in-nies tan-negozju, ir-riċerkaturi, l-istudenti u l-persuni rtirati; |
8. |
Iħeġġeġ lill-UE biex tesplora l-possibbiltà ta’ skemi Ewropej maħsuba biex jiffaċilitaw il-migrazzjoni tal-għarfien u jipprevjenu “ħrib tal-imħuħ” mill-Ewropa, jippromwovu l-eċċellenza u jiżviluppaw netwerk ta’ universitajiet ewlenin fil-livell internazzjonali; jemmen li l-ħolqien tal-“ħames libertà” tal-għarfien għandu jikkontribwixxi għal dan il-għan; |
9. |
Jiddispjaċih li ma ssemma xejn dwar is-settur agrikolu fil-proposti oriġinali għall-istrateġija UE 2020, minkejja l-potenzjal li għandha l-agrikoltura li tikkontribwixxi attivament għall-ilħliq tal-isfidi prinċipali quddiemna; huwa konvint li, bil-qafas ta’ politika korrett u b'riżorsi baġitarji adegwati, l-agrikoltura u l-forestrija jistgħu jkollhom rwol importanti fl-istrateġija komprensiva Ewropeamaħsuba biex tilħaq irkupru ekonomiku u l-miri klimatiċi, filwaqt li fl-istess waqt tikkontribwixxi għas-sigurtà tal-ikel tal-UE u tad-dinja, it-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi; |
Governanza Ewropea qawwija għal Strateġija 2020 li tirnexxi
10. |
Jemmen li l-istrateġija UE 2020 għandha tipprovdi approċċ ambizzjuż, aktar koerenti u bbażat fuq il-miri għal-kriżi ekonomika, b'tali mod li jiżgura aktar koerenza bejn strateġiji li jirkbu waħda fuq l-oħra, bħall-Istrateġija għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir (SGP), biex jgħin ħalli tinbena Ewropa ġusta, sostenibbli u prospera; |
11. |
Huwa tal-fehma li l-Istrateġija ta’ Lisbona ma rnexxietx minħabba nuqqas ta’ impenn u nuqqas ta’ sens ta’ sjieda mill-Istati Membri f'dak li jirrigwarda l-implimentazzjoni ta’ pjanijiet ta’ azzjoni maqbula, flimkien mal-assenza ta’ inċentivi effikaċi u strumenti vinkolanti fil-livell tal-UE; |
12. |
Iħeġġeġ lil-Kunsill Ewropew biex jabbanduna “l-metodu ta’ koordinament miftuħ”, ibbażat fuq “l-iskambju tal-aqwa prattiki” u “l-pressjoni tal-pari” fil-qasam tal-politika ekonomika; Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tuża d-dispożizzjonijiet kollha disponibbli fit-Trattat ta’ Lisbona, bħall-Artikoli 121, 122, 136, 172, 173 u 194, biex tikkoordina r-riformi ekonomiċi u l-pjanijiet ta’ azzjoni tal-Istati Membri; |
13. |
Jenfasizza li l-Kummissjoni għandha tfassal tabella preċiża tal-ostakli u tipproponi azzjoni fuq dan l-elementi ewenin ta’ xkiel, bil-għan li tikkompleta s-suq intern; |
14. |
Jitlob lill-Kummissjoni biex, filwaqt li tirrispetta l-prinċipju tas-sussidjarjetà, tressaq miżuri ġodda bħal regolamenti u direttivi, u sanzjonijiet possibbli għal dawk l-Istati Membri li ma jimplimentawx l-istrateġija UE 2020 u inċentivi għal dawk li jimplimentawha; |
15. |
Ifakkar li sew il-Kummissjoni kif ukoll il-Kunsill Ewropew enfasizzaw ir-rwol kruċjali tal-Parlament fl-istrateġija UE 2020, u li għaldaqstant għandhom jirrispettaw il-prerogattivi tiegħu billi jressqu rakkomandazzjonijiet annwali ta’ politika lill-Parlament qabel ma l-Kunsill Ewropew jieħu deċiżjoni; iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jirrikonoxxu r-rwol ewlieni tal-Parlament fl-implimentazzjoni tal-istrateġija UE 2020; huwa tal-feham li jeħtieġ li jitfassal ftehim interistituzzjonali biex tiġi definita u formalizzata triq demokratika u effikaċi li teħodna 'l quddiem, li għandu jinkludi impenn mill-Kunsill li, fis-snin li ġejjin, ma jaqbilx dwar tibdiliet fl-istrateġija mingħajr ma l-ewwel jikkonsulta mal-Parlament; |
16. |
Jenfasizza l-ħtieġa għal kooperazzjoni aħjar mal-parlamenti nazzjonali u mas-soċjetà ċivili; huwa tal-fehma li l-involviment ta’ aktar atturi se jqawwi l-pressjoni fuq l-amministrazzjonijet nazzjonali biex irendu r-riżultati; |
17. |
Huwa tal-fehma li l-Istati Membri, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni, għandhom ifasslu pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali li jistipulaw valuri massimi u minimi għal ċerti aspetti makroekonomiċi tal-ekonomiji tagħhom; |
18. |
jinnota li l-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri ġibdet il-kritika tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri; jidhirlu li, ladarba l-Istati Membri jimmaniġġjaw 80 % tal-baġit tal-UE huma stess, il-Kummissjoni għandha tqegħidhom taħt aktar pressjoni biex jassumu r-responsabbiltà għall-infiq aktar korrett ta’ dawn il-fondi, u tikkunsidra penali finanzjarji jekk l-Istati Membri jirrifjutaw li jikkooperaw; |
19. |
Jemmen li l-Istati Membri għandhom jindikaw kif ikunu użaw fondi tal-UE biex jilħqu d-diversi miri tal-UE 2020, u li l-finanzjament tal-UE għandu jkun kundizzjonali fuq ir-riżultati u l-kompatibbiltà mal-objettivi tal-istrateġija UE 2020; |
Il-ħarsien tas-saħħa tal-euro bit-tisħiħ tas-sorveljanza finanzjarja
20. |
Jenfasizza li l-konsolidazzjoni tal-baġit u l-politiki ekonomiċi jeħtieġ li jkunu koordinati mill-qrib biex jiżdied it-tkabbir, jinħolqu l-impjiegi u tiġi żgurata l-istabbiltà tal-euro fil-ġejjieni; huwa tal-fehma li l-Istati Membri jeħtiġilhom jikkonformaw mal-kriterji tal-Patt Ewropew ta’ Stabbiltà u Tkabbir (SGP), filwaqt li jilħqu bilanċ bejn it-tnaqqis tal-iżbilanċi nazzjonali, l-investimenti u l-ħtiġijiet soaċjali; |
21. |
Jemmen li l-fatt li bosta Stati Membri tal-UE fiż-żona tal-euro naqsu milli jirrispettaw l-SGP juri li jeħtieġ li l-pajjiżi fl-EMU jsaħħu l-koordinament ekonomiku bejniethom; jemmen li l-problemi fiż-żona tal-euro jirrikjedu soluzzjoni Ewropea, u jqis li mhuwiex tajjeb li m'hemm l-ebda mekkaniżmu biex jissalvagwardja l-istabbiltà tal-euro; |
22. |
Jinnota li attakki speulattivi fuq pajjiżi li qed jiffaċċaw diffikultajiet ekonomiċi jkomplu jgħarrqulhom il-problemi ekonomiċi u tassew jgħollilhom il-prezz li jeħtiġilhom iħallsu biex jissellfu l-flus; |
23. |
Jenfasizza l-ħtieġa għal superviżur Ewropew biex jiżgura sorveljanza effikaċi tas-superviżjoni mikro- u makroprudenzjali, biex b'hekk jipprevjeni kriżijiet fil-ġejjieni; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żgurata sistema bankarja Ewropea effiċjenti li tkun kapaċi tiffinanzja l-ekonomija reali u żżomm lill-Ewropa bħala ċentru finanzjarju u ekonomija fost l-aqwa fid-dinja; jenfasizza li s-superviżjoni ma tistax tibqa' biss kwistjoni nazzjonali, minħabba li s-swieq huma internazzjonali u l-istituzzjonijiet finanzjarji joperaw 'l hinn mill-fruntieri; |
Il-liberazzjoni tal-potenzjal tas-suq intern Ewropew
24. |
Jinnota li s-suq uniku jagħti kontribut kbir għall-prosperità tal-Ewropa, u jilqa' l-fatt li Mario Monti ingħata l-kompitu li jippropni ideat ġodda u bbilanċjati, bil-għan li jagħti spinta lis-suq komuni Ewropew; huwa tal-fehma li, ladarba s-suq intern huwa qasam ewlieni tal-istrateġija UE 2020, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom joħroġu bi proposti biex jikkompletaw is-suq intern; |
25. |
Jinnota li xi gvernijiet qed jipprattikaw il-protezzjoniżmu ekonomiku, u b'hekk qed jheddu li jħottu 50 sena ta’ integrazzjoni u solidarjetà ekonomika; |
26. |
Ifakkar lill-Istati Membri i jistgħ jużaw il-meotdu ta’ kooperazzjoi msaħħa fl-oqsma fejn in-negozjati ma jkunu sabu l-ebda żbokk; |
27. |
Jidhirlu li huwa essenzjali li s-suq intern tal-enerġija jiġi kkompletat biex niżguraw it-tkabbir ekonomiku, l-integrazzjoni ta’ enerġiji rinnovabbli u s-sigurtà tal-provvista; huwa tal-fehma li sorsi tal-enerġija sostenibbli u bi ftit karbonju għandhom jirrappreżentaw sehem sinifikanti tat-taħlita ta’ enerġji tal-UE; |
28. |
Jemmen li l-industrija Ewropea għandha tieħu vantaġġ mir-rwol ewlieni tagħha fl-ekonomija sostenibbli u fit-teknoloġiji ħodor tal-mobbiltà billi tisfrutta l-potenzjal tagħha għall-esportazzjoni; jidhirlu li, fl-istess waqt, dan inaqqas id-dipendenza fuq ir-riżorsi u jagħmilha eħfef li nżommu mal-miri meħtieġa 20-20-20 dwar it-tibdil fil-klima; jisħaq, madankollu, li l-ekonomija tal-UE jeħtiġilha biżżejjed materja prima ta’ teknoloġija avvanzata biex tkun tista' tilħaq din il-mira; |
Promozzjoni tal-SMEs u tal-impjiegi
29. |
Jemmen li l-Kummissjoni kellha tenfasizza aktar il-promozzjoni tal-impriżi żgħar u medji (SMEs) u l-appoġġ lejhom, minħabba li l-parti l-kbira tal-impjiegi jinħolqu f'dan is-settur u l-innovazzjoni u l-progerss teknoloġiku tiegħu għandhom rwol kruċjali biex jagħtu spinta lill-ekonomija tagħna; huwa tal-fehma li jeħtieġ li jsiru aktar proposti biex titnaqqas il-burokrazija u biex jinġiebu 'l quddiem l-ideat innovattivi, |
30. |
Jenfasizza li Att Dwar in-Negozji ż-Żgħar huwa l-ewwel pass, imma li għandna nkomplu nibnu fuqu b'mod aktar ambizzjuż; jidhirlu li l-prijorità għandha tingħata lil-leġiżlazzjoni favur l-SMEs, li tinkoraġġixxi l-intraprenditorija u li ttejjeb l-aċċess għall-finanzjamrnt; |
31. |
Jenfasizza li Strateġija 2020 li tirnexxi għandha tiffoka fuq il-promozzjoni tal-SMEs u l-impjiegi mhux biss fis-setturi tal-kummerċ u tas-servizzi, iżda wkoll f'dawk tal-industrija u tal-agrikoltura, billi dawn huma vitali għall-ekonomika tagħna tal-ġejjieni; |
32. |
Huwa tal-fehma li popolazzjoni Ewropea li qed tixjieħ tirrikjedi politiki tal-edukazzjni tul il-ħajja u età tal-irtirar aktar flessibbli (fejn l-impjegati jagħmlu din l-għażla), b'tali mod li għadd kbir biżżejjed ta’ nies attivi jibqgħu fis-suq tax-xogħol, u li tittejjeb l-inklużjoni soċjali tagħhom; jidhirlu li spiss jiġi ttraskurat il-potenzjal għall-impjiegi ta’ nies akbar fl-età u ta’ persuni b'diżabbiltà, u jistenna proposti bil-għan li jtejbulhom il-potenzjal tagħhom; barra minn hekk, iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tressaq strateġija biex tiġġieled kontra l-qgħad taż-żgħażagħ; |
Baġit li jirrifletti tkabbir intelliġenti, inklussiv u sostenibbli bħala l-prijorità tas-seklu 21
33. |
Hu tal-fehma li l-baġit kurrenti ma jirriflettix biżżejjed il-ħtiġijiet finanzjarji assoċjati mal-indirizzar tal-isfidi tas-seklu 21; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tressaq proposti ambizzjużi biex l-istrateġija UE 2020 tagħmilha suċċess; |
34. |
Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex fl-istrateġija l-ġdida iżżomm il-mira li 3 % tal-PDG jintefaq fuq l-R&D – kif stipulat fl-Istrateġija ta’ Lisbona – kemm għall-baġit tal-UE kif ukoll għal dawk nazzjonali; jitlob lill-Kummissjoni tressaq proposta biex ir-riċerka Ewropea tagħmilha aktar effiċjenti billi tissimplifika l-istrutturi eżistenti, taqta' l-burokrazija u toħloq klima aktar favur ir-riċerka u l-innovazzjoni fis-settur pubbliku u f'dak privat; huwa tal-feham li, biex jintlaħaq trijangolu tal-għarfien li jaħdem, huwa essenzjali li l-edukazzjoni tittejjeb u li s-sistemi tal-innovazzjoni jsiru aktar strutturati u effiċjenti, filwaqt li fl-istess ħin jingħata appoġġ għat-teknoloġiji ewlenin ta’ aċċess; jistieden lill-Istati Membri biex jagħmlu użu aħjar mis-sinerġiji potenzjali bejn il-fondi tal-politika ta’ koeżjoni u dawk tal-R&D; |
35. |
Jemmen li l-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp għandu jkollhom rwol akbar fl-appoġġ tal-investiment infrastrutturali, tat-teknoloġiji l-ħodor, tal-innovazzjoni u tal-SMEs; |
36. |
Jisħaq li l-innovazzjoni tibda b'edukazzjoni aħjar, u jħeġġeġ lill-Kummisjsoni biex tinkoraġġixi sħubijiet ġodda bejn in-negozju, ix-xjenza u r-riċerka universitarja; |
37. |
Jappella għall-adozzjoni ta’ appoċċ estiż għall-politika futura tal-innovazzjoni tal-UE; huwa tal-feham li teknoloġiji ewlenin ta’ aċċess għandhom jirċievu finanzjament adegwat biex f'dawn l-oqsma l-Ewropa tiġi minn ta’ quddiem nett fid-dinja; |
38. |
Iqis li s-settur tat-trasport huwa attur importanti fl-ilħiq tat-tkabbir sostenibbli previst fl-Istrateġija 2020 u li s-settur jikkontribwixxi b'mod notevoli għat-tkabbir ekonomiku meħtieġ għall-implimentazzjoni tal-UE 2020; iqis li taħlita ta’ miżuri differenti bħat-taħlita tal-enerġiji, miżuri għall-formazzjoni tal-prezzijiet u approċċ realistiku għall-internalizzazzjoni ta’ spejjeż esterni huma importanti f'dan il-kuntest, u li dawn il-miżuri għandhom ikunu akkumpanjati minn miri aktar ċari u realistiċi li għandhom jiġu riveduti regolarment; |
39. |
Ifakkar li l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali hija pilastru ewlieni tal-proġett Ewropew li bħalissa jinsab fil-periklu minħabba l-effetti tal-kriżi ekonomika; huwa tal-fehma li strateġija 2020 hija opportunità storika biex tinżamm u tissaħħaħ il-koeżjoni Ewropea, primarjament permezz ta’ politika ta’ koeżjoni trasparenti, simplifikata u intelliġenti li tkun protetta kontra li tiġi renazzjonalizzata, u pjan sostenibbli fit-tul għan-Netwerks Trans-Ewropej, għall-enerġija u għall-aċċess b'xejn u ekwu għall-ICT u l-broadband, biex in-nies – speċjalment iż-żgħażagħ – ikollhom kull lok jużaw it-teknoloġiji moderni tal-komunikazzjoni bil-faċilità kollha, filwaqt li fl-istess ħin jadottaw approċċ awtokritiku; |
40. |
Iqis li l-politika dwar l-industrija hija tassew importanti biex tiffaċilita t-tranżizzjoni għal ekonomija sostenibbli; jidhirlu li l-UE għandha tippromwovi l-innovazzjoni bil-għan li tiżviluppa modi ta; produzzjoni li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent u, fejn ikun meħtieġ, tippermetti kumpens temporanju għat-tħaddir tal-industrija Ewropea fil-kuntest tas-swieq globali; |
41. |
Jemmen li l-UE għandha tidħol għal proġetti ekonomiċi kbar, bħalma huma grid tal-enerġija verament Ewropea, l-ikkompletar sħiħ tal-proġett Galileou l-applikazzjoni wiesgħa tat-teknoloġija ħadra, inkluż it-tiġdid sistematiku tal-istokk tal-bini tal-UE, is-saħħa elettronika u t-titjib u l-aġġornament tal-infrastruttura tal-ICT; |
42. |
Jenfasizza li din ir-riżoluzzjoni jqisha bħala l-ewwel pass, u sejjer iressaq riżoluzzjoni aktar dettaljata dwar punti ta’ mblokk, problemi u proġetti ewlenin, fil-waqt għas-samit ta’ Ġunju; |
*
* *
43. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill Ewropew u lill-Kummissjoni. |