16.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 341/72


Il-Ħamis, 11 ta' Frar 2010
Il-Madagaskar

P7_TA(2010)0032

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 11 ta' Frar 2010 dwar is-sitwazzjoni fil-Madagaskar

2010/C 341 E/15

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u 9 tal-Ftehim ta' Cotonou, rispettivament dwar id-djalogu politku u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari Konġunta ACP/UE f'Luanda tat- 3 ta' Diċembru 2009,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Madagaskar, u b'mod partikolari dik tas- 7 ta' Mejju 2009 dwar is-sitwazzjoni fil-Madagaskar,

wara li kkunsidra s-sospensjoni tal-Madagaskar mill-Komunità tal-Iżvilupp tan-Nofsinhar tal-Afrika (SADC) u mill-Unjoni Afrikana,

wara li kkunsidra l-pożizzjoni tal-Unjoni Afrikana li, fit- 2 ta' Frar 2010, talbet lir-“reġim illegali fil-Madagaskar biex jieqaf jipprova jimponi soluzzjonijiet unilaterali għall-kriżi”, u li reġa' tenna “l-ħtieġa li jkunu implimentati l-istituzzjonijiet tat-Tranżizzjoni konvenzjonali f'konformità mal-Karta ta' Maputa u l-Att Addizzjonali ta' Addis Ababa”,

wara li kkunsidra l-pożizzjoni tal-Organu ta' Sigurtà u Difiża tal-Komunità tal-Iżvilupp tan-Nofsinhar tal-Afrika (SADC) tal- 15 ta' Jannar 2010, li talab lill-komunità internazzjonali sabiex “ma taċċettax il-pjanijiet ta' Andy Rajoelina, li jrid imur lil hinn mill-ftehimiet ta' qsim tal-poter u jsejjaħ elezzjonijiet leġiżlattivi f'Marzu”,

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Istati Uniti li ma jħallix lill-Madagaskar ikompli jgawdi mill-benefiċċji tal-AGOA (African Growth and Opportunity Act), minħabba l-qagħda politika tiegħu,

wara li kkunsidra l-Ftehimiet ta' Maputo tat- 8 u d-9 ta' Awwissu 2009 u l-Att Addizzjonali ta' Addis Ababa tas- 6 ta' Novembru 2009, iffirmati mill-erba' kapijiet ewlenin tal-movimenti politiċi tal-Madagaskar,

wara li kkunsidra l-Artikolu 122(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi hemm instabilità politika persistenti wara l-kolp ta' stat u li tefgħet lill-Madagaskar f'sitwazzjoni prekarja kemm fil-livell soċjoekonomiku, kif ukoll dak umanitarju;

B.

billi fit- 18 ta' Diċembru 2009, il-mexxej tal-Madagaskar mirfud mill-armata, is-Sur Andry Rajoelina, irtira min-negozjati dwar il-qsim tal-poter mal-movimenti politiċi tal-Madagaskar;

C.

billi fit- 18 ta' Diċembru 2009, is-Sur Rajoelina ħatar bħala Prim Ministru lill-Kurunell Albert Camille Vital, ex fizzjal tal-armata;

D.

billi l-gruppi politiċi tal-oppożizzjoni, li jinkludu gruppi mmexxija mill-ex President Marc Ravalomanana, il-ħatra tal-Kurunell Albert Camille Vital bħala Prim Ministru kkundannawha bħala att illegali minn poter illegali;

E.

billi seħħew il-ksur mifrux tad-drittijiet tal-bniedem, il-fastidju u l-arrest arbitrarji ta' membri parlamentari, reliġjużi u membri tas-soċjetà ċivili, kif ukoll is-serq mill-knejjes u l-intimidazzjoni tal-istampa;

F.

billi l-komunità internazzjonali hija favur soluzzjoni negozjata għall-kriżi li bħalissa tinsab imblukkata apposta filwaqt li r-reġim illegali attwali qed ikompli jisfida l-komunità internazzjonali;

G.

billi t-Tnejn 6 ta' Lulju 2009, l-Unjoni Ewropea bdiet proċess ta' konsultazzjoni mal-Madagaskar b'applikazzjoni tal-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Cotonou, biex b'hekk fetħet djalogu bil-għan li jinstabu soluzzjonijiet adegwati għall-problemi politiċi tal-pajjiż;

H.

billi l-poplu tal-Madagaskar għandu bżonn u huwa kapaċi li jagħżel il-futur tiegħu u li jkun rajh f'idejh;

I.

billi r-reġim illegali attwali qiegħed jimmonopolizza l-poteri eżekuttivi, leġiżlattivi, ġudizzjarji, kif ukoll il-midja;

J.

billi s-Sur Rajoelina stqarr li jrid jorganizza unilateralment elezzjonijiet leġiżlattivi li jmorru kontra l-iskeda elettorali u b'nuqqas ta' konsultazzjoni tal-poplu tal-Madagaskar, kif previst mill-Karta ta' Maputu u l-Att Addizzjonali ta' Addis Ababa;

K.

billi skont l-IMF, l-għajnuna tad-donaturi lill-Madagaskar irrappreżentat 50 % tal-baġit nazzjonali u li l-Unjoni Ewropea ssuspendiet il-finanzjarjament tagħha għall-għajnuna u l-iżvilupp sakemm ma tinstabx soluzzjoni demokratika għall-kriżi attwali;

L.

billi l-maggoranza tal-popolazzjoni tiddisponi minn anqas minn dollaru kuljum biex tgħix, 7 000 tifel u tifla jsofru minn malnutrizzjoni serja u s-sitwazzjoni marret għall-agħar minn mindu bdiet il-kriżi politika;

M.

billi l-gvern ippubblika liġi li tillegalizza l-esportazzjoni ta' njam mhux trattat u fil-periklu, b'theddida għall-bijodiversità tal-pajjiż, li tista' tintilef għal dejjem;

1.

Jerġa' jtenni bil-qawwa l-kundanna tiegħu għall-proċess ta' ħtif tal-poter fil-Madagaskar mis-Sur Rajoelina, bi ksur flagranti tad-dispożizzjoni tal-kostituzzjoni tal-Madagaskar, li fil-fatt jikkostitwxxi kolp ta' stat pur u sempliċi;

2.

Jikkundanna bil-qawwa d-deċiżjoni tas-Sur Rajoelina li jħassar il-ħatra ta' Eugene Mangalaza bħala Prim Ministru, li saret wara ftehim tal-qsim tal-poter bejn il-partiti politiċi kollha f'Ottubru 2009;

3.

Jikkundanna bil-qawwa d-deċiżjoni tas-Sur Rajoelina li jibbojkottja t-tielet serje ta' negozjati f'Maputo f'Diċembru u li jirtira mid-diskussjonijiet fuq il-qsim tal-poter;

4.

Jitlob immedjatament l-implimentazzjoni tal-Ftehimiet iffirmati f'Maputo u f'Addis Ababa sabiex jerġa' jitwaqqaf gvern kostituzzjonali;

5.

Jikkundanna r-repressjoni sistematika tal-oppożizzjoni, iċ-ċensura tal-midja u l-intimidazzjoni u l-arrest sistematiku tal-ġurnalisti, l-arrest u t-tortura ta' nies ċivili, persuni politiċi u d-detenzjoni mingħajr akkuża u f'postijiet mhux magħrufa ta' bosta persuni; jitlob il-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tal-priġunieri politiċi kollha u l-annullament tal-proċeduri legali kontriehom;

6.

Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-bosta mijiet ta' persuni li għebu, fosthom xi mitt tifel u adolexxent;

7.

jesiġi inkjesta indipendenti internazzjonali dwar il-każijiet kollha ta' qtil politiku fil-Madagaskar, il-vjolazzjonijiet kollha tad-drittijiet tal-bniedem u l-atti kollha ta' ripressjoni mwettqa mill-forzi tas-sigurtà u mill-armata;

8.

Jiddiżapprova kull tentativ tas-Sur Rajoelina sabiex jorganizza unilateralment elezzjonijiet f'Marzu 2010, u ma jagħtix l-appoġġ tiegħu għajr għal elezzjonijiet li jkunu ppreparati minn gvern li jkollu l-kunsens u jkun inklussiv kif previst fil-Karta ta' Maputo u l-Att Addizzjonali ta' Addis Ababa, u konformi mal-iskedi elettorali u wara konsultazzjoni mal-poplu tal-Madagaskar; jitlob għalhekk lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex ma jibagħtux missjoni ta' osservazzjoni tal-elezzjonijiet għajr fil-qafas definit mill-Ftehimiet ta' Maputo u ta' Addis Ababa;

9.

huwa konvint li l-ftehim ta' Maputo u l-Atta Addizzjonali ta' Addis Ababa dwar il-Madagaskar huma l-qafas waħdieni possibbli għal soluzzjoni tal-kriżi politika fil-Madagaskar; iqis li d-djalogu kostruttiv huwa l-uniku mod vijabbli biex tintlaħaq soluzzjoni politika għall-kriżi;

10.

Jitlob li jiġi implimentat malajr proċess ta' diżarmament u x-xoljiment tal-milizji bl-iskop li terġa' titwaqqaf armata repubblikana;

11.

Jitlob li fil-każ li ma jiġux rispettati l-impenji li saru f'Maputo u Addis Ababa, jittieħdu b'mod selettiv sanzjonijiet individwali u mmirati kontra d-dirġenti attwali tal-Awtorità Għolja ta' Tranżizzjoni (HAT) li qed jagħmlu imblokk apposta;

12.

Jitlob li jinbdew proċeduri legali kont dawk allegatament ħatja ta' serq ta' proprjetà privata, ta' proprjetà pubblika u tar-riżorsi naturali tal-Madagaskar; jitlob li l-ebda gvern intermedju tal-Madagaskar ma jiffirma xi ftehim jew kuntratt ma' pajjiżi jew intrapriżi oħrajn dwar ir-rikkezzi naturali u patrimonju nazzjonali, qabel ma jkunu saru elezzjonijiet u qabel ma l-poplu tal-Madagaskar ikun ta mandat leġittimu lil gvern ġdid;

13.

Jitlob lill-komunità internazzjonali u lill-UE sabiex jagħtu l-għajnuna umanitarja tagħhom lill-poplu tal-Madagaskar; ifakkar li t-twaqqif mill-ġdid gradwali tal-programmi ta' kooperazzjoni mal-Madagaskar jiddependi mill-implimentazzjoni tal-istituzzjonijiet ta' tranżizzjoni konvenzjonali ta' gvern li kiseb kunsens u li jkun inklusiv f'konformità mal-Karta ta' Maputo u l-Att Addizzjonali ta' Addis Ababa, u fir-rispett integrali tal-prinċipji demokratiċi u l-libertajiet fundamentali kollha;

14.

jappoġġa l-isforzi f'dan il-proċess tal-ex President tar-Repubblika tal-Możambik, is-Sur Joachim Chissano, medjatur tal-Komunità tal-Iżvilupp tan-Nofsinhar tal-Afrika; u jitlob lill-erba' movimenti politiċi tal-Madagaskar biex minnufih jerġgħu lura għall-mejda tan-negozjati bil-għan li jaqblu fuq aġenda politika għal elezzjonijiet ġusti, demokratiċi u trasparenti fl-2010;

15.

Jitlob lill-Unjoni Afrikana, lill-Komunità tal-Iżvilupp tan-Nofsinhar tal-Afrika u lill-grupp internazzjonali ta' kuntatt biex iwasslu l-proċess ta' tranżizzjoni għas-suċċess;

16.

Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tagħti rendikont lill-Parlament Ewropew dwar l-iżviluppi fil-proċess ta' konsultazzjoni li qed isiru fil-Madagskar wara l-applikazzjoni tal-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Cotonou;

17.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jinforma b'din r-riżoluzzjoni lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea, lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, lill-Kunsill tal-ACP-UE, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Komunità tal-Iżvilupp tan-Nofsinhar tal-Afrika, lill-President Joaquim Chissano u lill-Kummissjoni tal-Unjoni Afrikana.