16.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 341/5


L-Erbgħa, 10 ta' Frar 2010
It-terremot reċenti f'Ħaiti

P7_TA(2010)0015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 10 ta' Frar 2010 dwar it-terremot reċenti f'Ħaiti

2010/C 341 E/02

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra s-Samit tal-G7 f'Iqaluit, il-Kanada, tas- 6 ta' Frar 2010,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Konferenza Preparatorja Ministerjali f'Montreal tal- 25 ta' Jannar 2010,

wara li kkunsidra d-dibattitu tiegħu tal- 20 ta' Jannar 2010 dwar it-terremot f'Ħaiti, mal-Barunissa Ashton, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa straordinarja tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin li saret fi Brussell fit- 18 ta' Jannar 2010,

wara li kkunsidra l-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja,

wara li kkunsidra l-Missjoni ta' Stabilizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti f'Ħaiti (MINUSTAH),

wara li kkunsidra l-proposta ta' Michel Barnier, tad- 9 ta' Mejju 2006 għal Forza Ewropea għall-Protezzjoni Ċivili: “Għajnuna Ewropea”,

wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi terremot b'qawwa ta' 7.3 fuq l-iskala Richter laqat lil Ħaiti fit- 12 ta' Jannar 2010, filwaqt li kkawża ħsara katastrofika lil Port-au-Prince, Jacmel u żoni oħra abitati fir-reġjun, b'għadd kbir ta' skossi qawwija li seħħew wara għadhom jaffettwaw lill-pajjiż,

B.

billi ġie rrappurtat li hemm sa 200 000 ruħ mejta, 250 000 midruba u aktar minn 3 miljun ruħ milquta b'mod dirett,

C.

billi l-Uffiċċju tan-NU għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji (OCHA) irrapporta li madwar miljun ruħ jeħtieġu l-kenn madwar il-pajjiż u li madwar 600 000 ruħ ġew spostati internament,

D.

billi l-Gvern Ħaitjan ikkalkula li 235 000 ruħ telqu minn Port-au Prince u li sa miljun ruħ jistgħu jitilqu mill-bliet biex imorru f'żoni rurali, u b'hekk tintefa' pressjoni fuq komunitajiet li diġà huma vulnerabbli,

E.

billi xi 1.8 miljun ruħ ma kellhomx sigurtà ta' ikel qabel it-terremot, f'pajjiż fejn qrib is-60 % tal-popolazzjoni tgħix f'żoni rurali u 70 % tgħix fuq inqas minn USD 2 kuljum,

F.

billi deċennji ta' instabbiltà politika kkontribwew sabiex jiddgħajfu l-istituzzjonijiet tal-istat u l-kapaċità tiegħu li jipprovdi servizzi pubbliċi bażiċi qabel it-terremot, u billi l-ħsara kkaġunata mit-terremot ipparalizzat il-kapaċità tal-istat li jirreaġixxi attivament għall-isforz ta' għajnuna, fatt li aggrava s-sitwazzjoni,

G.

billi l-Kummissjoni qablet li tipprovdi EUR 137 miljun għal ħtiġijiet fuq tul ta' żmien qasir u mill-inqas EUR 200 miljun għal tul ta' żmien medju u twil, filwaqt li l-Istati Membri jipprovdu EUR 92 miljun addizzjonali,

H.

billi Ħaiti jinsab mgħakkes b'dejn barrani, li huwa stmat li huwa madwar USD biljun, li diġà kien ostaklu għall-iżvilupp ta' Ħaiti qabel ma seħħ it-terremot u jista' jfixkel l-isforz ta' rkupru tal-pajjiż,

I.

billi l-bini mill-ġdid immedjat tal-kapaċità ta' Ħaiti għal demokrazija u gvern li jaħdmu hu parti essenzjali mill-bidla mill-għoti tal-ewwel fażi ta' għajuna ta' emerġenza għall-kompitu kbir tal-bini mill-ġdid tan-nazzjon,

1.

Jesprimi l-kondoljanzi sinċieri tiegħu lill-poplu ta' Ħaiti u lill-popli ta' nazzjonijiet oħra, u lill-istaff tal-organizzazzjonijiet internazzjonali, inklużi n-NU u l-Kummissjoni, u jesprimi l-kompassjoni u s-solidarjetà sinċiera tiegħu magħhom għat-telfa massiva ta' ħajjiet u d-devastazzjoni kkawżati mit-terremot;

2.

Jilqa' b'sodisfazzjon l-isforzi tal-awtoritajiet Ħaitjani u tas-soċjetà ċivili ta' Ħaiti, kif ukoll tan-NU, l-NGOs u donaturi bilaterali oħra biex iġibu l-għajnuna lill-poplu ta' Ħaiti u pubblikament ifaħħar il-ħidma tal-organizzazzjonijiet umanitarji u tal-individwi minn madwar l-Unjoni kollha;

3.

Jitlob li ssir valutazzjoni komprensiva biex jiġu identifikati l-ħtiġijiet tal-popolazzjoni fit-tul kif ukoll fuq terminu ta' żmien qasir u sabiex jiġi stabbilit l-involviment tal-UE fil-proċess ta' rikostruzzjoni, li jkun ikopri t-tliet fażijiet ta' għajnuna ta' emerġenza, riabilitazzjoni u rikostruzzjoni; jitlob lill-Kummissjoni biex mill-aktar fis possibbli tagħmel evalwazzjoni tar-reazzjoni Ewropea għall-kriżi umanitarja f'Ħaiti u biex tippreżenta proposti bl-għan li ttejjeb aktar l-azzjonijiet tal-UE fir-rigward ta' sitwazzjonijiet simili fil-ġejjieni;

4.

Iħeġġeġ li l-prijorità tal-UE tingħata lill-assistenza għall-isforzi ta' rikostruzzjoni u t-titjib tas-sitwazzjoni umanitarja, b'enfasi partikulari fuq il-gruppi vulnerabbli, bħan-nisa u t-tfal, u fuq l-għoti ta' kenn, faċilitajiet mediċi, assistenza loġistika u ikel; jistieden lill-Istati Membri kollha biex ikunu mħejjija biex jissodisfaw it-talbiet tan-NU għal aktar assistenza;

5.

Jesprimi tħassib serju dwar il-benessri tal-persuni vulnerabbli, b'mod partikulari n-nisa; jistieden lill-Kummissjoni u lin-NU biex jagħtu attenzjoni speċjali lill-parteċipazzjoni tan-nisa fl-isforzi ta' rikostruzzjoni billi jinvolvuhom b'mod attiv fil-fażijiet ta' riabilitazzjoni, ta' rikostruzzjoni u ta' evalwazzjoni tal-programmi kollha ta' għajnuna u ta' bini mill-ġdid;

6.

Jisħaq li t-tfal mhux akkumpanjati u t-tfal mifrudin għandhom jingħataw servizzi bil-għan li jerġgħu jingħaqdu mal-ġenituri tagħhom jew ma' min is-soltu jieħu ħsiebhom mill-aktar fis possibbli; jistieden lill-UE u lill-komunità internazzjonali biex jevalwaw urġentement il-ħtieġa għal pjan ikkoordinat li jieħu ħsieb l-eluf ta' tfal li sfaw orfni minħabba t-terremot; jenfasizza r-riskju serju ta' każijiet ta' traffikar tal-bnedmin;

7.

Iħeġġeġ lill-UE tappoġġja moratorju temporanju fuq adozzjonijiet ġodda ta' tfal minn Ħaiti għal sentejn wara li jkunu bdew l-isforzi ta' rintraċċar; jitlob li jsiru sforzi mill-UE biex b'urġenza tagħti lit-tfal il-ħtiġijiet bażiċi tagħhom, biex tibda tħaddem skejjel temporanji u biex tipprovdi servizz ta' counselling lit-tfal;

8.

Jilqa' b'sodisfazzjon l-impenji preliminari tal-Kummissjoni għas-somma ta' EUR 30 miljun f'assistenza umanitarja iżda jesprimi t-tħassib tiegħu li 87 % tal-Appell Rapidu għal Ħaiti maħruġ mill-OCHA għal USD 575 miljun huwa ffinanzjat b'dawk li huma kontribuzzjonijiet; jenfasizza li finanzjament bħal dan huwa kruċjali għas-sosteniment fit-tul tal-operazzjonijiet; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri kollha biex jonoraw għalkollox l-impenji li daħlu għalihom;

9.

Jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-pajjiżi tal-G7 li min-naħa tagħhom jikkanċellaw id-dejn internazzjonali ta' Ħaiti; jistenna li l-pajjiż u d-donaturi internazzjonali kollha jagħmlu l-istess; jistieden ukoll lill-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) biex jikkanċella għalkollox id-dejn pendenti tal-pajjiż, li jinkludi self ta' emerġeza ta' USD 102 miljun approvat f'Jannar 2010; jisħaq li kull assistenza ta' emerġenza minħabba t-terremot trid tkun ipprovduta fis-sura ta' għotjiet u mhux fis-sura ta' self li jġib id-dejn;

10.

Itenni t-talba tas-Sotto-Segretarju Ġenerali tan-NU għall-Affarijiet Umanitarji għal vetturi li jittrasportaw il-fjuwil; jistieden lill-Istati Membri biex jipprovdu assistenza addizzjonali għal provvisti ta' trasport lejn il-kampijiet improvviżati, il-punti ta' distribuzzjoni u lejn il-bliet u l-irħula li jinsabu aktar 'il barra;

11.

Jenfasizza l-importanza li tkun ipprovduta sigurtà adegwata għall-konvojs tad-distribuzzjoni tal-għajnuna bil-għan li jkun żgurat li l-provvisti jitqassmu b'mod ġust u kalm, partikolarment lill-persuni dgħajfa u lil dawk li għandhom l-akbar ħtiġijiet;

12.

Jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-Kunsill li jibgħat 350 pulizija militari biex jappoġġjaw l-isforzi ta' għajnuna f'Ħaiti taħt il-kmand tan-NU, u d-deċiżjoni li tinħoloq ċellola ta' koordinazzjoni (EUCO Ħaiti) fi Brussell biex tiffaċilita r-reazzjoni proattiva Ewropea fil-qasam militari u tas-sigurtà kif ukoll il-koordinazzjoni tal-kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri tal-UE;

13.

Jistieden lin-NU biex tirrevedi l-mandat ta' MINUSTAH flimkien mal-awtoritajiet ta' Ħaiti sabiex jirreaġixxu għall-ħtiġijiet tal-pajjiż wara d-diżastru, b'enfasi partikulari fuq kwistjonijiet ta' sigurtà;

14.

Jenfasizza l-importanza li tingħata l-għajnuna xierqa lill-awtoritajiet lokali biex ikunu jistgħu jistimulaw l-ekonomija fi żmien meta mijiet ta' eluf ta' nies qed jitilqu minn Port-au-Prince biex imorru jgħixu fil-kampanja; jistieden lill-UE u lid-donaturi internazzjonali l-oħrajn biex kull fejn ikun possibbli jixtru ikel prodott lokalment għall-isforz tal-għajnuna;

15.

Jappoġġja l-isforzi tal-UE biex tagħti spinta lill-produzzjoni tal-ikel fuq livell lokali, filwaqt li tirriabilita l-infrastruttura li saritilha l-ħsara u filwaqt li l-materjal meħtieġ (żerriegħa, fertilizzant u għodod) isir disponibbli għal dawk li għandhom impriża agrikola żgħira - b'mod partikulari għall-istaġun tat-tħawwil tar-rebbiegħa li jibda f'Marzu, li jifforma 60 % tal-produzzjoni nazzjonali tal-ikel;

16.

Jitlob lill-Kummissjoni biex tagħmel dak kollu li tista' biex tappoġġja l-programmi fejn min jaħdem jitħallas f'kontanti, li huma importanti biex ikun hemm il-flus fl-idejn fil-komunità, u biex tassisti fit-tħaddim mill-ġdid tas-sistema bankarja;

17.

Jenfasizza l-ħtieġa li jsir investiment fit-tul fil-kostruzzjoni ta' bini li jkun reżistenti għat-terremoti u fl-infrastruttura bażika, bħal m'hi l-provvista tal-ilma, it-toroq u l-elettriku, li jew ma kinux jeżistu jew li fil-biċċa l-kbira ma kinux biżżejjed qabel ma sar it-terremot, sitwazzjoni li taggrava ferm l-impatt ta' diżastri naturali;

18.

Jitlob li titlaqqa' konferenza internazzjonali u li ssir valutazzjoni tal-ħtiġijiet ta' wara d-diżastri kkoordinata man-NU u l-Bank Dinji, bil-għan li tiġi stabbilita rikostruzzjoni fit-tul ladarba tintemm l-operazzjoni tal-emerġenza;

19.

Jistieden lill-komunità internazzjonali biex tiżgura li l-poplu ta' Ħaiti u l-gvern tiegħu jkunu l-atturi ewlenin tal-proċess ta' rikostruzzjoni, biex ikunu jistgħu jieħdu f'idejhom is-sjieda tal-ġejjieni kollettiv tagħhom;

20.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq lill-Parlament valutazzjoni komprensiva tal-ħtiġijiet ta' wara d-diżastri u rapport ta' progress dwar ir-rikostruzzjoni;

21.

Iħeġġeġ lill-UE taħdem mal-awtoritajiet Ħaitjani biex tkun stabbilita ġestjoni tal-kapaċitajiet u prevenzjoni tad-diżastri għall-futur imbiegħed, filwaqt li jisħaq li l-isforzi ta' rikostruzzjoni għandhom jissejsu fuq prijoritajiet nazzjonali, filwaqt li jitħarsu l-prinċipji tal-effikaċja tal-għajnuna u jingħata appoġġ lill-istituzzjonijiet ta' Ħaiti sabiex ikunu jistgħu jiggvernaw b'mod effikaċi;

22.

Jistieden lill-komunità internazzjonali biex tibqa' tagħti prijorità lil Ħaiti, biex tuża dan bħala opportunità biex tittratta darba għal dejjem il-kawżi primarji tal-faqar eżistenti f'Ħaiti, u biex tgħin lil Ħaiti joħroġ minn dan id-diżastru bħala demokrazija li taħdem sew b'ekonomija li tkun tista' ssostni l-poplu tiegħu;

23.

Jirrikonoxxi l-ħidma tal-Istati Membri individwali tal-Unjoni Ewropea permezz tal-Mekkaniżmu Komunitarju għall-Protezzjoni Ċivili u l-koordinazzjoni effikaċi ta' din l-assistenza mill-MIC (Iċ-Ċentru ta' Monitoraġġ u Informazzjoni) u mit-timijiet tal-ECHO li ntbagħtu ftit sigħat biss wara t-terremot;

24.

Jinnota li, għall-ewwel darba, il-Kummissjoni bagħtet b'suċċess żewġ moduli li kienu disponibbli permezz ta' azzjoni preparatorja dwar Kapaċità ta' Reazzjoni Rapida tal-UE stabbilita bl-appoġġ tal-Parlament;

25.

Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposti quddiem il-Parlament mill-aktar fis possibbli biex titwaqqaf Forza Komunitarja għall-Protezzjoni Ċivili msejsa fuq il-Mekkaniżmu Komunitarju għall-Protezzjoni Ċivili sabiex jinġabru r-riżorsi meħtieġa biex tingħata l-ewwel għajnuna umanitarja ta' emerġenza fi żmien 24 siegħa wara li jkun seħħ diżastru;

26.

Jenfasizza li mekkaniżmu Ewropew ta Intervenzjoni rapida għandu jkun:

ċivili u/jew umanitarju

jeżisti b'mod permanenti

jista' jiġi mobilizzat f'kull waqt u fl-iqsar żmien possibbli

jaġixxi taħt il-bandiera tal-UE

josserva d-dritt umanitarju internazzjonali

dispost li jikkopera ma' korpi oħrajn involuti f'azzjoni umanitarja

lest li jikkopera mas-sistema tan-NU

dispost li jilqa' kontribuzzjonijiet ta' pajjiżi terzi

jirrispetta n-natura volontarja tal-parteċipazzjoni tal-Istati Membri għall-arranġamenti li jkunu se jiġu stabiliti

jisħaq għal titjib kontinwu biex jinżamm il-livell tal-kapaċitajiet umani u materjali disponibbli għall-mobilizzazzjoni f'kull ħin

ibbażat fuq il-prinċipju ta' qsim tal-piżijiet;

27.

Jistieden lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u lill-Kummissarju għall-Kooperazzjoni Internazzjonali, l-Għajnuna Umanitarja u r-Rispons f'Każ ta' Kriżi biex jieħdu sehem ewlieni fil-koordinazzjoni tar-reazzjoni tal-Unjoni f'każ ta' kriżi, filwaqt li jintużaw ir-responsabilitajiet li nħolqu skont it-Trattat ta' Lisbona biex tkun ikkoordinata aħjar ir-reazzjoni tal-UE għal kriżijiet fil-ġejjieni, u filwaqt li jinbena fuq dak li diġà nkiseb;

28.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-President tal-Kummissjoni, lill-President u lill-Gvern ta' Ħaiti, lis-Sotto-Segretarju Ġenerali tan-NU għall-Affarijiet Umanitarji u l-Għajnuna ta' Emerġenza kif ukoll lill-Gvernijiet tal-Istati Membri.