18.3.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 69/5 |
Inizjattiva tar-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Renju ta' Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika Portugiża, ir-Rumanija, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju tal-Isvezja bil-ħsieb tal-adozzjoni ta’ Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar L-Ordni Ewropea ta' Protezzjoni
(2010/C 69/02)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 82(1)(d) tiegħu,
Wara li kkunsidraw l-inizjattiva tar-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Renju ta' Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika Portugiża, ir-Rumanija, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju tal-Isvezja,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (1),
Billi:
(1) |
L-Unjoni Ewropea stabbilixxiet għaliha stess l-objettiv li żżomm u tiżviluppa żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja. |
(2) |
L-Artikolu 82(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi li l-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali fl-Unjoni għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku ta' sentenzi u deċiżjonijiet ġudizzjarji. |
(3) |
Skont il-programm ta' Stokkolma, adottat mill-Kunsill Ewropew fil-laqgħa tiegħu tal-10 u l-11 ta' Diċembru 2009, ir-rikonoxximent reċiproku jista' jestendi għat-tipi kollha ta' sentenzi u deċiżjonijiet ta' natura ġudizzjarja, li, skont is-sistema legali, jistgħu jkunu jew kriminali jew amministrattivi. Il-programm jinnota wkoll li l-vittmi ta' kriminalità jistgħu jkunu offruti miżuri ta' protezzjoni speċjali li għandhom ikunu effettiva fl-Unjoni. |
(4) |
Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta' Frar 2006 dwar is-sitwazzjoni attwali fil-ġlieda kontra l-vjolenza kontra n-nisa u kwalunkwe azzjoni futura, tirrakkomanda li l-Istati Membri jifformulaw politika ta' tolleranza żero fir-rigward tal-forom kollha ta' vjolenza kontra n-nisa u jappella lill-Istati Membri sabiex jieħdu l-miżuri adatti biex ikunu żgurati l-protezzjoni aħjar ta' u l-appoġġ għall-vittmi attwali u dawk potenzjali |
(5) |
F'żona komuni ta' ġustizzja mingħajr fruntieri interni, huwa meħtieġ li jkun żgurat li l-protezzjoni pprovduta lil persuna fi Stat Membru wieħed tinżamm u titkompla fi kwalunkwe Stat Membru ieħor li fih tmur jew tkun diġà marret dik il-persuna. Għandu jkun żgurat ukoll li l-eżerċizzju leġittimu minn ċittadini tal-Unjoni tad-dritt tagħhom li jiċċaqilqu u jirrisjedu liberament fit-territorju tal-Istati Membri, f'konformità mal-Artikolu 3(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikolu 21 tat-TFUE, ma jirriżultax f'telf tas-sigurtà tagħhom. |
(6) |
Sabiex jinkisbu dawn l-objettivi, huwa meħtieġ li din id-Direttiva tistabbilixxi regoli li bihom il-protezzjoni li ġejja minn miżura ta' protezzjoni adottata f'konformità mal-liġi ta' Stat Membru wieħed (“l-Istat emittenti”) tista' tiġi estiża għal Stat Membru ieħor li fih tmur persuna protetta (“l-Istat ta' esekuzzjoni”), irrispettivament mit-tip jew it-tul tal-obbligi jew il-projbizzjonijiet li jinsabu fil-miżura ta' protezzjoni kkonċernata. |
(7) |
Sabiex jiġi evitat li jitwettaq reat ġdid kontra l-vittma fl-Istat ta' esekuzzjoni, dak l-Istat għandu jingħata bażi legali għar-rikonoxximent tad-deċiżjoni adottata preċedentement fl-Istat emittenti favur il-vittma, filwaqt li tiġi evitata wkoll il-ħtieġa biex il-vittma tibda proċedimenti ġodda jew tipproduċi l-evidenza fl-Istat ta' esekuzzjoni għal darb'oħra bħallikieku l-Istat emittenti ma jkunx adotta d-deċiżjoni. |
(8) |
Din id-Direttiva għandha tiġi applikata u infurzata b'mod li l-persuna protetta tirċievi l-istess protezzjoni jew protezzjoni ekwivalenti fl-Istat ta' esekuzzjoni bħal dik li kienet tirċievi kieku l-miżura ta' protezzjoni nħarġet f'dak l-Istat ab initio, u b’hekk bl-evitar ta' kwalunkwe diskriminazzjoni. |
(9) |
B'kont meħud li din id-Direttiva tittratta sitwazzjonijiet fejn il-persuna protetta tiċċaqlaq għal Stat Membru ieħor, l-esekuzzjoni tad-dispożizzjonijiet tagħha ma timplika l-ebda trasferiment għall-Istat ta' esekuzzjoni ta' setgħat relatati ma' pieni prinċipali, sospiżi, alternattivi, kondizzjonali jew sekondarji, jew relatati ma' miżuri ta' sigurtà imposti fuq il-persuna li tikkaġuna l-periklu, jekk din tal-aħħar tkompli tirrisjedi fl-Istat li ħareġ il-miżura ta' protezzjoni. |
(10) |
Fejn ikun il-każ, għandu jkun possibbli l-użu ta’ mezzi elettroniċi bil-ħsieb li l-miżuri adottati fl-applikazzjoni ta' din id-Direttiva jitwettqu fil-prattika, f'konformità mal-liġijiet u l-proċeduri nazzjonali. |
(11) |
Ladarba l-għan ta' din id-Direttiva, jiġifieri l-protezzjoni ta' persuni li jinsabu f'periklu, ma jistax jinkiseb suffiċjentement mill-Istati Membri meta jaġixxu unilateralment, fid-dawl tan-natura transkonfinali tas-sitwazzjonijiet involuti, u jista’ minflok, minħabba d-daqs u l-effetti potenzjali, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5(3) tat-TUE. F'konformità mal-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit fl-Artikolu 5(4) tat-TUE, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkisebu dak l-għan. |
(12) |
Din id-Direttiva għandha tikkontribwixxi għall-protezzjoni ta' persuni li jkunu fil-periklu, u b’hekk tikkomplementa l-istrumenti li diġà jeżistu f'dan il-qasam, bħad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/947/ĠAI tas-27 ta' Novembru 2008 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku ta' sentenzi u deċiżjonijiet li jinvolvu probation bil-ħsieb ta' sorveljanza ta' miżuri ta' probation u ta' sanzjonijiet alternattivi (2), u d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/829/ĠAI tas-23 ta' Ottubru 2009 dwar l-applikazzjoni, bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, tal-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku għal deċiżjonijiet dwar miżuri ta' superviżjoni bħala alternattiva għal detenzjoni proviżorja (3), |
ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:
Artikolu 1
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw dawn id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1) |
“ordni Ewropea ta' protezzjoni” tfisser deċiżjoni ġudizzjarja relatata ma' miżura ta' protezzjoni maħruġa minn Stat Membru bl-għan li tiffaċilita t-teħid minn Stat Membru ieħor, fejn ikun il-każ, ta’ miżura ta' protezzjoni skont il-liġi nazzjonali tiegħu bil-ħsieb li jkunu salvagwardjati l-ħajja, l-integrità fiżika u psikoloġika, il-libertà jew l-integrità sesswali ta' persuna; |
(2) |
“miżura ta' protezzjoni” tfisser deċiżjoni adottata minn awtorità kompetenti ta' Stat Membru li timponi fuq persuna li tikkawża l-periklu wieħed jew aktar mill-obbligi jew projbizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2(2), sakemm il-ksur ta' tali obbligu jew projbizzjoni jikkostitwixxi reat kriminali taħt il-liġi tal-Istat Membru kkonċernat jew tista' b'xi mod tkun punibbli bid-deprivazzjoni tal-libertà f'dak l-Istat Membru; |
(3) |
“persuna protetta” tfisser il-persuna li ħajjitha, l-integrità fiżika u psikoloġika, il-libertà, jew l-integrità sesswali tagħha huma l-għan tal-protezzjoni li ġej minn miżura ta' protezzjoni adottata mill-Istat emittenti; |
(4) |
“persuni li tikkawża l-periklu” tfisser il-persuna li kienu imposti fuqha wieħed jew aktar mill-obbligi jew projbizzjonijiet, imsemmijin fl-Artikolu 2(2); |
(5) |
“Stat emittenti” tfisser l-Istat Membru li fih oriġinarjament kienet adottata miżura ta' protezzjoni, li tikkostitwixxi l-bażi biex tinħareġ ordni Ewropea ta' protezzjoni; |
(6) |
“Stat ta' esekuzzjoni” tfisser l-Istat Membru li rċieva ordni Ewropea ta' protezzjoni bil-ħsieb li huwa jirrikonoxxiha; |
(7) |
“Stat ta' superviżjoni” tfisser l-Istat Membru li lilu ġiet trasferita sentenza, kif definit fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/947/ĠAI, jew deċiżjoni dwar miżuri ta' superviżjoni, kif definit fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2009/829/ĠAI. |
Artikolu 2
Kamp ta' applikazzjoni tal-ordni Ewropea ta' protezzjoni
1. Ordni Ewropea ta' protezzjoni tista' tinħareġ fi kwalunkwe mument meta l-persuna protetta biħsiebha titlaq jew tkun telqet mill-Istat emittenti għal Stat Membru ieħor.
2. L-ordni Ewropea ta' protezzjoni għandha tinħareġ biss meta miżura ta' protezzjoni kienet ġiet adottata preċedentement fl-Istat emittenti, li timponi fuq il-persuna li qed tikkawża l-periklu wieħed jew aktar mill-obbligi jew projbizzjonijiet li ġejjin:
(a) |
obbligu li ma tidħolx f'ċerti lokalitajiet, postijiet jew żoni definiti fejn tirrisjedi jew iżżur il-persuna protetta; |
(b) |
obbligu biex tibqa' f'post speċifiku, fejn applikabbli matul ħinijiet speċifiċi; |
(c) |
obbligu li fih limitazzjonijiet dwar tluq mit-territorju tal-Istat emittenti; |
(d) |
obbligu li tevita kuntatt mal-persuna protetta; jew |
(e) |
projbizzjoni li tersaq eqreb lejn il-persuna protetta mid-distanza preskritta. |
Artikolu 3
1. L-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu kwalunkwe ordni Ewropea ta' protezzjoni f'konformità mad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva.
2. Din id-Direttiva m'għandux ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali fundamentali kif stabbiliti fl-Artikolu 6 tat-TUE.
Artikolu 4
Nomina ta' awtoritajiet kompetenti
1. Kull Stat Membru għandu jinforma lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill liema awtorità jew awtoritajiet ġudizzjarji li jkunu kompetenti taħt il-leġislazzjoni nazzjonali tiegħu biex joħorġu ordni Ewropea ta' protezzjoni u jirrikonoxxu tali ordni, f'konformità ma' din id-Direttiva, meta dak l-Istat Membru jkun l-Istat emittenti jew l-Istat ta' esekuzzjoni.
2. Bħala deroga għall-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jinnominaw awtoritajiet mhux ġudizzjarji bħala l-awtoritajiet kompetenti għat-teħid ta' deċiżjonijiet skont din id-Direttiva, sakemm tali awtoritajiet ikollhom il-kompetenza għat-teħid ta' deċiżjonijiet ta' natura simili skont il-liġi u l-proċeduri nazzjonali tagħhom.
3. Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandu jagħmel l-informazzjoni li jkun irċieva disponibbli għall-Istati Membri kollha u għall-Kummissjoni.
Artikolu 5
Ħruġ ta' ordni Ewropea ta' protezzjoni
1. Fuq il-bażi ta' miżura ta' protezzjoni adottata fl-Istat emittenti, awtorità ġudizzjarja ta' dak l-Istat, jew awtorità kompetenti oħra msemmija fl-Artikolu 4(2), għandha, fuq talba tal-persuna protetta biss, toħroġ ordni Ewropea ta' protezzjoni, wara li jkun verifikat li l-miżura ta' protezzjoni tissodisfa r-rekwiżiti kollha stabbiliti fl-Artikolu 3(1).
2. Il-persuna protetta jew ir-rappreżentant legali tagħha jista' jippreżenta talba għall-ħruġ ta' ordni Ewropea ta' protezzjoni jew lill-awtorità kompetenti tal-Istat emittenti jew lill-awtorità kompetenti tal-Istat ta' esekuzzjoni.
Jekk tkun ippreżentata tali talba fl-Istat ta' esekuzzjoni, l-awtorità kompetenti tiegħu għandha tittrasferixxi din it-talba malajr kemm jista' jkun lill-awtorità kompetenti tal-Istat emittenti sabiex, fejn ikun il-każ, din toħroġ l-ordni Ewropea ta' protezzjoni.
3. L-awtorità li tadotta miżura ta' protezzjoni li fiha waħda jew aktar mill-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 2(2) għandha tinforma lill-persuna protetta dwar il-possibbiltà li titlob ordni Ewropea ta' protezzjoni meta hija biħsiebha tiċċaqlaq għal Stat Membru ieħor. L-awtorità għandha tavża lill-persuna protetta biex tippreżenta l-applikazzjoni qabel ma titlaq mit-territorju tal-Istat emittenti.
Artikolu 6
Formola u kontenut tal-ordni Ewropea ta' protezzjoni
L-ordni Ewropea ta' protezzjoni għandha tkun skont il-formola stabbilita fl-Anness I ta' din id-Direttiva. Għandha tinkludi b'mod partikolari l-informazzjoni li ġejja:
(a) |
l-identità u ċ-ċittadinanza tal-persuna protetta, kif ukoll l-identità u ċ-ċittadinanza tar-rappreżentant legali tal-persuna jekk il-persuna protetta hija minorenni jew legalment diżabbli; |
(b) |
l-użu ta' kwalunkwe strument teknoloġiku, jekk ikun il-każ, li kien ipprovdut lill-persuna protetta biex jitwettaq l-infurzar immedjat tal-miżura ta' protezzjoni, fejn ikun il-każ; |
(c) |
l-isem, l-indirizz, in-numri tat-telefon u tal-fax, u l-indirizz elettroniku tal-awtorità kompetenti tal-Istat emittenti; |
(d) |
l-identifikazzjoni tal-miżura ta' protezzjoni li fuq il-bażi tagħha hija adottata l-ordni Ewropea ta' protezzjoni; |
(e) |
sommarju tal-fatti u ċ-ċirkostanzi li wasslu għall-impożizzjoni tal-miżura ta' protezzjoni fl-Istat emittenti; |
(f) |
l-obbligi jew il-projbizzjonijiet imposti fil-miżura ta' protezzjoni li fuqhom tkun ibbażata l-ordni Ewropea ta' protezzjoni fuq il-persuna li tikkawża l-periklu, it-tul u l-indikazzjoni espressa li l-ksur tagħhom jikkostitwixxi reat kriminali taħt il-liġi tal-Istat emittenti jew b'xi mod ieħor huma punibbli bid-deprivazzjoni tal-libertà; |
(g) |
l-identità u ċ-ċittadinanza tal-persuna li tikkawża l-periklu; |
(h) |
fejn ikun il-każ, ċirkostanzi oħrajn li jistgħu jinċidu fuq il-valutazzjoni tal-periklu li tiffaċċja l-persuna protetta; |
(i) |
l-indikazzjoni espressa, fejn applikabbli, li sentenza, kif definit mill-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/947/ĠAI, jew deċiżjoni dwar miżuri ta' superviżjoni, kif definit mill-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/829/ĠAI, diġà ġiet ittrasferita lill-Stat Membru ieħor u l-identifikazzjoni tal-awtorità kompetenti għall-infurzar ta' tali sentenza jew deċiżjoni. |
Artikolu 7
Proċedura ta' trasmissjoni
1. Fejn l-awtorità kompetenti tal-Istat emittenti tittrasmetti l-ordni Ewropea ta' protezzjoni lill-awtorità kompetenti tal-Istat ta' esekuzzjoni, hija għandha tagħmel dan bi kwalunkwe mezz li jħalli rekord bil-miktub sabiex jippermetti lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' esekuzzjoni li tistabbilixxi l-awtentiċità tagħha.
2. Jekk l-awtorità kompetenti jew tal-Istat ta' esekuzzjoni jew ta' dak emittenti mhix magħrufa mill-awtorità kompetenti tal-Istat l-ieħor, l-awtorità tal-aħħar għandha tagħmel l-istħarriġ kollu rilevanti, inkluż permezz tal-punti ta' kuntatt tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew stabbilit bl-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 98/428/ĠAI tad-29 ta' Ġunju 1998 li tistabbilixxi n-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew (4), il-Membru Nazzjonali tal-Eurojust jew is-Sistema Nazzjonali għall-koordinazzjoni tal-Eurojust tal-Istat tagħha, sabiex tinkiseb l-informazzjoni meħtieġa.
3. Meta awtorità tal-Istat ta' esekuzzjoni li jirċievi ordni Ewropea ta' protezzjoni m'għandhiex kompetenza biex tirrikonoxxiha, dik l-awtorità għandha, ex officio, tibgħat l-ordni Ewropea ta' protezzjoni lill-awtorità kompetenti.
Artikolu 8
Miżuri fl-Istat ta' esekuzzjoni
1. L-awtorità kompetenti tal-Istat ta' esekuzzjoni għandha:
(a) |
kif tirċievi ordni Ewropea ta' protezzjoni mibgħuta f'konformità mal-Artikolu 7, tirrikonoxxi dik l-ordni u, fejn ikun il-każ, tieħu l-miżuri kollha li jkunu disponibbli skont il-liġi nazzjonali tagħha f'każ simili sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-persuna protetta, sakemm ma tiddeċidix li tinvoka waħda mir-raġunijiet għal non-rikonoxximent imsemmijin fl-Artikolu 9; |
(b) |
tinforma lill-persuna li tikkawża l-periklu, fejn ikun il-każ, dwar kwalunkwe miżura meħuda fl-Istat ta' esekuzzjoni; |
(c) |
tieħu kwalunkwe miżura urġenti u proviżorja meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni kontinwa tal-persuna protetta; |
(d) |
tinnotifika minnufih lill-awtorità kompetenti tal-Istat emittenti u, jekk l-Istat emittenti ikun differenti mill-Istat ta' superviżjoni, l-awtorità kompetenti tal-Istat ta' superviżjoni, dwar kwalunkwe ksur kontra l-miżura ta' protezzjoni sottostanti l-ordni Ewropea ta' protezzjoni u deskritta fiha. In-notifika għandha tingħata billi tintuża l-formola standard li tinsab fl-Anness II. |
2. L-awtorità kompetenti tal-Istat ta' esekuzzjoni għandha tinforma lill-awtorità kompetenti tal-Istat emittenti u lill-persuna protetta dwar il-miżuri adottati f'konformità ma' dan l-Artikolu.
Artikolu 9
Raġunijiet għal non-rikonoxximent ta' ordni Ewropea ta' protezzjoni
1. Għandhom jingħataw raġunijiet dwar kwalunkwe rifjut biex tkun rikonoxxuta ordni Ewropea ta' protezzjoni.
2. L-awtorità kompetenti tal-Istat ta' esekuzzjoni tista' tirrifjuta li tirrikonoxxi ordni Ewropea ta' protezzjoni fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:
(a) |
l-ordni Ewropea ta' protezzjoni ma tkunx kompluta jew ma tkunx ġiet kompluta fil-limit ta' żmien stabbilit mill-awtorità kompetenti tal-Istat ta' esekuzzjoni; |
(b) |
ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 2(2) ma ġewx sodisfatti; |
(c) |
il-protezzjoni ġejja mill-esekuzzjoni ta' pieni jew miżura li hija koperta bl-amnestija skont il-liġi tal-Istat ta' esekuzzjoni u hija relatata ma' att li jaqa' taħt il-kompetenza tiegħu skont dik il-liġi; |
(d) |
tkun konferita l-immunità, taħt il-liġi tal-Istat ta' esekuzzjoni, lill-persuna li tikkawża l-periklu, li tagħmilha impossibbli li jkunu adottati l-miżuri ta' protezzjoni; |
3. Fil-każijiet imsemmijin fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 2, u qabel ma tiddeċiedi li ma tirrikonoxxix l-ordni Ewropea ta' protezzjoni, l-awtorità kompetenti tal-Istat ta' esekuzzjoni għandha tikkomunika, b'mezzi adatti, mal-awtorità kompetenti tal-Istat emittenti u, jekk ikun meħtieġ, titlob lil din tal-aħħar biex tipprovdi, mingħajr dewmien, kwalunkwe informazzjoni addizzjonali meħtieġa.
Artikolu 10
Deċiżjonijiet sussegwenti fl-Istat emittenti
1. L-awtorità kompetenti tal-Istat emittenti għandu jkollha ġurisdizzjoni biex tieħu d-deċiżjonijiet sussegwenti kollha relatati mal-miżura ta' protezzjoni sottostanti ordni Ewropea ta' protezzjoni. Dawn id-deċiżjonijiet sussegwenti għandhom jikkonċernaw notevolment:
a) |
it-tiġdid, ir-reviżjoni u l-irtirar tal-miżura ta' protezzjoni; |
b) |
il-modifika tal-miżura ta' protezzjoni; |
c) |
il-ħruġ ta' mandat ta' arrest jew kwalunkwe deċiżjoni ġudizzjarja oħra infurzabbli li jkollha l-istess effett; |
d) |
il-bidu ta’ proċedimenti kriminali ġodda kontra l-persuna li tikkawża l-periklu. |
2. Il-liġi tal-Istat emittenti għandha tapplika għal deċiżjonijiet meħudin skont il-paragrafu 1.
3. Fejn sentenza, kif definit fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/947/ĠAI, jew deċiżjoni dwar miżuri ta' superviżjoni, kif definit fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/829/ĠAI, diġà ġiet ittrasferita lil Stat Membru ieħor, deċiżjonijiet sussegwenti għandhom jittieħdu f'konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti ta' dawk id-Deċiżjonijiet Qafas.
Artikolu 11
Raġunijiet għar-revoka tar-rikonoxximent ta' ordni Ewropea ta' protezzjoni
L-awtorita kompetenti tal-Istat ta' esekuzzjoni tista' tirrevoka r-rikonoxximent ta' ordni Ewropea ta' protezzjoni fejn hemm prova li l-persuna protetta telqet definittivament mit-territorju tal-Istat ta' esekuzzjoni.
Artikolu 12
Limiti ta’ żmien
1. L-ordni Ewropea ta' protezzjoni għandha tkun rikonoxxuta mingħajr dewmien.
2. L-awtorità kompetenti tal-Istat ta' esekuzzjoni għandha tiddeċiedi mingħajr dewmien dwar l-adozzjoni ta' kwalunkwe miżura skont il-liġi nazzjonali tagħha b'segwitu għar-rikonoxximent ta' ordni Ewropea ta' protezzjoni, f'konformita mal-Artikolu 8.
Artikolu 13
Liġi regolatorja
Id-deċiżjonijiet magħmulin mill-awtorità kompetenti tal-Istat ta' esekuzzjoni skont din id-Direttiva għandhom ikunu rregolati bil-liġi nazzjonali tagħha.
Artikolu 14
Obbligi tal-awtoritajiet involuti
1. Fejn, fl-applikazzjoni tal-Artikolu 10(1)(b), l-awtorità kompetenti tal-Istat emittenti mmodifikat il-miżura ta' protezzjoni sottostanti l-ordni Ewropea ta' protezzjoni, hija għandha tinforma mingħajr dewmien lill-awtorità kompetenti tal-Istat ta' esekuzzjoni b'tali modifika. Fejn ikun il-każ, l-awtorità kompetenti tal-Istat ta' esekuzzjoni għandha tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jingħata effett lill-miżura ta' protezzjoni modifikata, jekk dawk il-miżuri jkunu disponibbli skont il-liġi nazzjonali tagħha f'każ simili, tinforma lill-awtorita kompetenti tal-Istat emittenti, lill-persuna protetta u, fejn ikun il-każ, lill-persuna li tikkawża l-periklu, meta din tal-aħħar tinsab fit-territorju tal-Istat ta' esekuzzjoni.
2. L-awtorità kompetenti tal-Istat emittenti għandha tinforma mingħajr dewmien lill-awtorità kompetenti tal-Istat ta' esekuzzjoni u lill-persuna protetta bl-iskadenza jew bir-revoka tal-miżura ta' protezzjoni sottostanti l-ordni Ewropea ta' protezzjoni li nħarġet fl-Istat emittenti u, sussegwentement, bir-revoka tal-ordni.
Artikolu 15
Konsultazzjonijiet bejn l-awtoritajiet kompetenti
Fejn ikun il-każ, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat emittenti u tal-Istat ta' esekuzzjoni jistgħu jikkonsultaw lil xulxin sabiex tkun iffaċilitata l-applikazzjoni bla xkiel u effiċjenti ta' din id-Direttiva.
Artikolu 16
Lingwi
L-ordni Ewropea ta' protezzjoni għandha tiġi tradotta fil-lingwa uffiċjali jew f'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istat ta’ esekuzzjoni.
Kwalunkwe Stat Membru jista', jew meta din id-Direttiva tiġi adottata jew f'data aktar tard, jistqarr permezz ta' dikjarazzjoni depożitata mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, li huwa ser jaċċetta traduzzjoni f'waħda jew aktar mil-lingwi uffiċjali l-oħrajn tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni.
Artikolu 17
Spejjeż
L-ispejjeż li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta' din id-Direttiva għandhom jitħallsu mill-Istat ta' esekuzzjoni, ħlief għall-ispejjeż li jsiru esklussivament fit-territorju tal-Istat emittenti.
Artikolu 18
Relazzjoni ma' ftehimiet u arranġamenti oħrajn
1. L-Istati Membri jistgħu jkomplu japplikaw ftehimiet jew arranġamenti bilaterali jew multilaterali li jkunu fis-seħħ meta tidħol fis-seħħ din id-Direttiva, sakemm dawn jippermettu li l-objettivi ta' din id-Direttiva jiġu estiżi jew imwessa' u jgħinu sabiex jiġu simplifikati jew iffaċilitati iktar il-proċeduri biex jittieħdu miżuri ta' protezzjoni.
2. L-Istati Membri jistgħu jikkonkludu ftehimiet jew arranġamenti bilaterali jew multilaterali wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva, sakemm dawn jippermettu li l-objettivi ta' din id-Direttiva jiġu estiżi jew imwessa' u jgħinu sabiex jiġu simplifikati jew iffaċilitati iktar il-proċeduri biex jittieħdu miżuri ta' protezzjoni.
3. Sa … (5), l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar il-ftehimiet u l-arranġamenti eżistenti msemmijin fil-paragrafu 1 li huma jixtiequ jkomplu japplikaw. L-Istati Membri għandhom ukoll jinnotifikaw lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe ftehim jew arranġament ġdid kif imsemmi fil-paragrafu 2, fi żmien tliet xhur minn meta jiġi ffirmat tali ftehim.
Artikolu 19
Implimentazzjoni
1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva sa … (6).
2. L-Istati Membri għandhom jittrasmettu lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet li jittrasponu fil-liġi nazzjonali tagħhom l-obbligazzjonijiet imposti fuqhom skont din id-Direttiva.
Artikolu 20
Reviżjoni
1. Sa mhux aktar tard minn … (7), il-Kummissjoni għandha tfassal rapport ibbażat fuq l-informazzjoni li tirċievi mill-Istati Membri taħt l-Artikolu 19(2).
2. Fuq il-bażi ta' dan ir-rapport, il-Kunsill għandu jivvaluta:
a) |
sa liema punt l-Istati Membri ħadu l-miżuri meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva, u, |
b) |
l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva. |
3. Ir-rapport għandu jkun akkumpanjat, jekk meħtieġ, minn proposti leġislattivi.
Artikolu 21
Dħul fis-seħħ
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi, …
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
…
Għall-Kunsill
Il-President
…
(1) Opinjoni tal-Parlament Ewropew ta’ … (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill ta' … (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali)
(2) ĠU L 337, 16.12.2008, p. 102.
(3) ĠU L 294, 11.11.2009, p. 20.
(5) Nota lill-ĠU: daħħal id-data 3 xhur wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva.
(6) Nota lill-ĠU: daħħal id-data sentejn wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva.
(7) Nota lill-ĠU: daħħal id-data 4 snin wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva.
ANNESS I
ORDNI EWROPEA TA' PROTEZZJONI
imsemmija fl-Artikolu 6
DIRETTIVA 2010/…/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL TA’ … DWAR L-ORDNI EWROPEA TA' PROTEZZJONI
Stat Emittenti: Stat ta' Esekuzzjoni: |
||||||||||||||||||||||||||||
|
||||||||||||||||||||||||||||
|
||||||||||||||||||||||||||||
|
||||||||||||||||||||||||||||
|
||||||||||||||||||||||||||||
|
||||||||||||||||||||||||||||
|
||||||||||||||||||||||||||||
|
||||||||||||||||||||||||||||
|
||||||||||||||||||||||||||||
|
||||||||||||||||||||||||||||
|
||||||||||||||||||||||||||||
|
||||||||||||||||||||||||||||
|
||||||||||||||||||||||||||||
|
||||||||||||||||||||||||||||
|
||||||||||||||||||||||||||||
|
||||||||||||||||||||||||||||
|
||||||||||||||||||||||||||||
|
||||||||||||||||||||||||||||
|
ANNESS II
FORMOLA
imsemmija fl-Artikolu 8(1)(d)
DIRETTIVA 2010/…/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL TA’ … DWAR L-ORDNI EWROPEA TA' PROTEZZJONI
RAPPORT TA' KSUR KONTRA L-MIŻURA TA' PROTEZZJONI SOTTOSTANTI U DESKRITTA FL-ORDNI EWROPEA TA' PROTEZZJONI
|
||||||||||||
|
||||||||||||
|
||||||||||||
|
||||||||||||
|
||||||||||||
|
||||||||||||
|
||||||||||||
|
||||||||||||
|
||||||||||||
|
||||||||||||
|