|
19.2.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 54/20 |
“Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar is-‘Sigurtà tal-provvista fl-agrikoltura u fis-settur tal-ikel fl-Unjoni Ewropea”
(opinjoni fuq inizjattiva proprja)
(2011/C 54/04)
Relatur: is-Sur KRAUZE
Nhar it-18 ta’ Frar 2010, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar
is-sigurtà tal-provvista fl-agrikoltura u fis-settur tal-ikel fl-Unjoni Ewropea
(opinjoni fuq inizjattiva proprja).
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-17 ta’ Novembru 2010.
Matul l-467 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-8 u d-9 ta’ Diċembru 2010 (seduta tad-9 ta’ Diċembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’133 vot favur, 3 voti kontra u 7 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 L-iżgurar tad-disponibbiltà tal-provvisti tal-ikel għandu jibqa’ wieħed mill-għanijiet fundamentali tal-politika agrikola tal-UE. Minħabba l-isfidi u l-inċertezzi assoċjati mas-sigurtà alimentari globali, il-Politika Agrikola Komuni (PAK) ta’ wara l-2013 għandha tkompli tiżgura s-sigurtà tal-provvista fl-agrikoltura u s-settur tal-ikel.
1.2 Produzzjoni agrikola sostenibbli u swieq agrikoli li jaħdmu bla xkiel joħolqu l-bażi għas-sigurtà tal-provvista tal-ikel fl-UE. Il-PAK tal-ġejjieni għandha bżonn ta’ mekkaniżmi sodi ta’ ġestjoni tas-suqbiex tiżgura t-tħaddim tas-swieq agrikoli u l-istabbiltà tal-prezzijiet. Ir-regoli għall-kummerċ agrikolu għandhom jiggarantixxu s-sigurtà tal-provvista fl-agrikoltura fil-pajjiżi kollha u fiċ-ċirkostanzi kollha.
1.3 Sabiex tkun tista’ twieġeb għall-isfidi kollha tal-ġejjieni u tiżgura s-sigurtà tal-provvista fl-agrikoltura u s-settur tal-ikel fl-Istati Membri kollha, l-UE teħtieġ PAK aktar b’saħħitha. Fil-ġejjieni, il-PAK għandha tibqa’ waħda mill-politiki ewlenin tal-UE. Il-finanzjament futur tal-PAK għandu jkun adegwat.
1.4 Is-soluzzjoni għas-sigurtà alimentari madwar id-dinja kollha hija s-sostenibbiltà tal-produzzjoni lokali tal-ikel. Fl-UE għandha tinżamm produzzjoni agrikola diversifikata u din għandha tiġi promossa madwar l-UE kollha. Għandha tingħata attenzjoni speċjali lir-reġjuni mbiegħda u ż-żoni bi żvantaġġi speċifiċi.
1.5 L-UE għandha timpenja ruħha aktar fit-tħejjija sistematika sabiex is-sigurtà tal-provvista tiżgura l-vijabbiltà tal-produzzjoni agrikola u tas-settur sħiħ tal-ikel, anki f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi u ta’ emerġenza. Madankollu, l-azzjonijiet prattiċi f’dan il-qasam (ħażniet, infrastruttura agrikola, taħriġ, eċċ.) għandhom jibqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Istati Membri. Bħalissa mhux meħtieġa leġislazzjoni ġdida tal-UE fil-qasam tas-sigurtà tal-provvista fl-agrikoltura u s-settur tal-ikel.
1.6 L-Istati Membri jistgħu jużaw il-politika dwar l-iżvilupp rurali tal-UE bħala għodda għall-promozzjoni ta’ azzjonijiet li jappoġġjaw u jtejbu s-sigurtà tal-provvista fl-agrikoltura u fis-settur tal-ikel. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-opportunità li toffri din il-possibbiltà fil-programmi tagħhom għall-iżvilupp rurali.
1.7 Is-settur agrikolu jista’ jkollu rwol sinifikanti biex tiżdied il-provvista tal-enerġija sigura u sostenibbli fl-UE u biex tonqos id-dipendenza tal-UE mill-karburanti fossili importati. Fil-livell tal-intrapriżi agrikoli, jekk dawn jipproduċu l-enerġija tagħhom stess, dan jista’ jkun kontribut importanti għas-sigurtà tal-provvista. Biex jiżdied l-użu tal-bijoenerġija fl-intrapriżi agrikoli, għandhom jiġu żviluppati aktar it-teknoloġiji tal-bijoenerġija. Il-produzzjoni tal-bijoenerġija għandha tkun sostenibbli u għandu jkun hemm aktar enfasi biex isir użu aħjar mill-prodotti sekondarji mill-agrikoltura u s-settur tal-ikel sabiex jitnaqqas it-tniġġis u l-emissjonijiet tas-CO2.
2. Daħla
2.1 Is-sigurtà tal-provvista fl-agrikoltura u fis-settur tal-ikel tfisser l-iżgurar li l-ikel ikun disponibbli u li n-nies ikollhom aċċess ekonomiku għalih, u li jinqered il-ġuħ. F’ħafna setturi tal-biedja madwar l-UE hemm livelli ta’ produzzjoni biżżejjed biex jitimgħu l-popolazzjoni tal-UE, u dan inkiseb permezz tal-PAK. Is-sigurtà alimentari, bħala ġid pubbliku li mhuwiex ikkumpensat mis-suq iżda pprovdut mill-agrikoltura u s-settur tal-ikel għall-benefiċċju tas-soċjetà, ser tkun għan importanti tal-PAK wara l-2013 (1).
2.2 Is-sigurtà alimentari ser tkun l-isfida ewlenija għas-setturi globali tal-agrikoltura u tal-ikel fl-għexieren ta’ snin li ġejjin. Bħala riżultat tal-kriżijiet ekonomiċi u tal-ikel, aktar minn biljun persuna fid-dinja qed ibatu l-ġuħ.
2.3 Is-sigurtà alimentari tfisser li jkun hemm ikel disponibbli biżżejjed biex wieħed jgħix ħajja b’saħħitha, kif ukoll li l-ikel ikun sigur u mhux kontaminat. Dan huwa suġġett ikkumplikat li jorbot ma’ setturi oħra bħalma huma l-produzzjoni taż-żejt, il-loġistika, eċċ. Kwalunkwe problema ta’ loġistika jew ta’ produzzjoni fir-reġjuni ewlenin ta’ produzzjoni minħabba kriżijiet mhux mistennija tista’ taffettwa d-disponibbiltà tal-ikel għal miljuni ta’ persuni, b’mod speċjali għal dawk li jgħixu fiż-żoni urbani. Is-soluzzjoni għas-sigurtà alimentari globali hija s-sostenibbiltà tal-produzzjoni lokali tal-ikel (2).
3. L-isfidi għall-produzzjoni globali tal-ikel
3.1 Skont tbassir li sar mill-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti (FAO), il-popolazzjoni dinjija ser tkun kważi 9,5 biljun sal-2050; biex dawn in-nies kollha jkollhom x’jieklu, il-produzzjoni globali tal-ikel ser ikollha tirdoppja meta mqabbla mal-livelli attwali. Il-popolazzjoni fil-bliet fid-dinja li qed tiżviluppa ser tiżdied b’rata partikolarment mgħaġġla. Ser ikun mistenni ħafna mill-bdiewa, u ser ikun hemm ukoll pressjoni miżjuda biex titwettaq biedja aktar intensiva. Il-produttività agrikola ser ikollha tiżdied sabiex il-popolazzjoni dinjija li qed tikber ikollha x’tiekol. Il-possibbiltà li jiġi estiż l-użu tal-art hija limitata minħabba użi mhux agrikoli tal-art, kif ukoll minħabba n-nuqqas ta’ artdisponibbli adatta għall-biedja.
3.2 L-investiment fl-agrikoltura ser ikollu jiżdied kullimkien, iżda b’mod speċjali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, li għandhom potenzjal sostanzjali biex jespandu l-produzzjoni. L-infrastruttura rurali, l-aċċess għall-modernizzazzjoni, il-ġestjoni sostenibbli tal-ħamrija, u b’mod partikolari l-aċċess għall-ilma, kif ukoll għas-sistemi edukattivi u l-funzjonament tas-swieq agrikoli wkoll għandhom jitjiebu fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Madankollu, fuq il-medda twila ta’ żmien il-kwistjoni prinċipali tas-sigurtà alimentari ser tkun id-disponibbiltà tal-ikel u l-aċċessibbiltà għalih. L-aktar mezz effettiv biex tkun żgurata s-sigurtà alimentari ser ikun l-iżvilupp ġenerali u ż-żieda fil-livelli tal-pagi fl-iktar pajjiżi foqra. L-agrikoltura għandha rwol partikolarment importanti fl-iżgurar tas-sigurtà alimentari, iżda huwa diffiċli biex is-sigurtà alimentari tkun żgurata biss permezz tal-agrikoltura (3).
3.3 Fid-dikjarazzjoni finali tiegħu, is-Summit dwar l-Ikel tal-FAO tal-2009 irrakkomanda li l-produzzjoni tal-ikel tkun ir-responsabbiltà tal-pajjiżi individwali.
3.4 Fil-preżent, minħabba l-kriżijiet ekonomiċi u tal-ikel u l-bidliet fil-qagħda globali, huwa ġeneralment mifhum aħjar li l-pajjiżi u r-reġjuni kollha, inklużi dawk żvantaġġati, għandu jkollhom id-dritt, kif ukoll l-obbligu, li jipproduċu l-ikel tagħhom stess. Għandu jkun possibbli li jiġi prodott aktar ikel b’mod aktar sostenibbli.
3.5 Sfida ewlenija oħra għall-provvista globali tal-ikel, flimkien maż-żieda fil-popolazzjoni, hija t-tibdil fil-klima u l-limitazzjonijiet relatati fuq ir-riżorsi naturali. It-tibdil fil-klima jista’ jkollu impatt sostanzjali fuq il-produzzjoni tal-ikel, b’mod speċjali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u xi wħud minnhom huma wkoll l-inqas kapaċi li jadattaw għat-tibdil fil-klima. L-agrikoltura għandha tfittex li tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra, iżda fl-istess ħin tista’ tipprovdi wkoll parti mis-soluzzjoni għall-problema tal-emissjonijiet permezz tal-assimilazzjoni tal-karbonju fil-ħamrija. Għandha tinkiseb produzzjoni agrikola aktar effiċjenti b’inqas emissjonijiet. L-agrikoltura għandha tikkontribwixxi għat-titjib tal-kwalità tal-arja u l-ilma, l-ippreservar tad-diversità naturali u l-prevenzjoni tal-erożjoni. L-iżgurar tad-disponibbiltà ta’ art agrikola u ilma ħelu suffiċjenti huma sfidi kritiċi wkoll għas-sigurtà alimentari globali.
3.6 L-innovazzjoni fl-agrikoltura għandha rwol ewlieni biex jintlaħqu l-isfidi relatati mas-sigurtà alimentari u t-tibdil fil-klima. L-innovazzjonijiet ewlenin f’dawn l-oqsma huma ħafna drabi relatati mat-tgħammir tal-pjanti u l-annimali, it-tekniki tat-tisqija, il-kontroll tal-għargħar, ir-reżistenza għas-sħana u l-kesħa, id-diversifikazzjoni tal-metodi tal-biedja tradizzjonali, eċċ. Soluzzjoni għall-problemi futuri tista’ tkun ukoll li titjieb l-effiċjenza tal-metodi tat-tgħammir tal-pjanti, li għandha l-potenzjali li żżid sostanzjalment il-produttività agrikola.
4. Il-kunċett tas-sigurtà tal-provvista
4.1 Is-sigurtà alimentari hija kwistjoni strateġika ewlenija għall-popli kollha tad-dinja. L-aċċess għall-ikel huwa wieħed mill-aspetti ta’ kunċett usa’ tas-sigurtà. Il-problemi fl-aċċess għall-ikel malajr jirriżultaw f’żieda fl-instabbiltà u l-problemi soċjali. L-iżgurar tal-aċċess għall-ikel, anki f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi u emerġenza, huwa r-responsabbiltà tas-soċjetà.
4.2 Is-sigurtà alimentari f’ekonomija moderna li taħdem f’netwerk tiddependi minn bosta kwistjonijiet. Is-sigurtà alimentari teħtieġ provvisti stabbli tal-enerġija (żejt u elettriku), IT, loġistika effiċjenti, iġene tajba, u sistema ta’ twissija bikrija li taħdem sew sabiex is-soċjetà tkun imħarsa minn ikel li jkun ta’ dannu. L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-ħarsien ta’ infrastruttura ta’ importanza kritika fis-setturi tal-agrikoltura u tal-ikel kif ukoll azzjoni konkreta fuq il-post.
4.3 Is-soċjetajiet għandhom jipprovdu għal sitwazzjonijiet ta’ emerġenza fil-provvisti tal-ikel. Dan jissejjaħ “is-sigurtà tal-provvista”. Dan huwa ġeneralment mifhum li jfisser l-iżgurar ta’ flussi ta’ materjal (pereżempju ħażna għal każijiet ta’ emerġenza), iżda s-sigurtà tal-provvista għandha definizzjoni aktar wiesgħa u tfisser il-kapaċità li jinżammu dawk l-attivitajiet ekonomiċi bażiċi ta’ soċjetà li huma essenzjali għall-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-popolazzjoni, u għall-funzjonament u s-sigurtà ta’ soċjetà. Għalhekk, is-sigurtà tal-provvista fir-rigward tad-disponibbiltà tal-ikel tfisser il-kapaċità li jkunu garantiti l-produzzjoni tal-ikel u l-funzjonament tas-settur kollu tal-ikel, anki f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi u ta’ emerġenza.
5. Il-politika agrikola u s-sigurtà tal-provvista tal-UE
5.1 L-Unjoni Ewropea attwalment qed tħejji għar-reviżjoni li jmiss tal-PAK, jiġifieri l-politika agrikola għal wara l-2013. F’Novembru 2010, il-Kummissjoni ppubblikat komunikazzjoni dwar il-politika tal-ġejjieni. X’aktarx din ser tippubblika l-proposti leġislattivi rilevanti lejn l-aħħar tal-2011, u d-deċiżjoni tal-Kunsill u l-Parlament Ewropew hija mistennija fl-2012. Fl-UE ser tkompli tinkiseb produzzjoni biżżejjed tal-ikel permezz tal-PAK.
5.2 L-objettivi tal-politika agrikola tal-UE, kif stipulati fit-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u li huma inkorporati mingħajr tibdil fit-Trattat ta’ Lisbona li ġie rratifikat is-sena l-oħra, huma:
|
— |
li tiżdied il-produttività agrikola |
|
— |
li tiżgura livell ta’ għajxien xieraq għall-bdiewa |
|
— |
l-istabbilizzazzjoni tas-swieq |
|
— |
li tiżgura d-disponibbiltà tal-provvisti tal-ikel |
|
— |
li tiżgura prezzijiet raġonevoli tal-ikel għall-konsumaturi |
5.3 Huwa ċar li l-bidliet globali u l-isfidi l-ġodda li dawn joħolqu ser jistabbilixxu objettivi oħra għall-politika agrikola tal-UE, iżda l-objettivi primarji msemmija hawn fuq għadhom meħtieġa u rilevanti. Tul is-snin il-politika agrikola tal-UE, kif ukoll in-negozjati tal-kummerċ, kienu l-mira ta’ bosta kritiki. Fil-verità, il-PAK irnexxielha tikseb l-għanijiet stabbiliti b’mod sodisfaċenti sew. Din iggarantiet il-provvista tal-ikel madwar l-Unjoni, minkejja ċ-ċaqliq fil-prezzijiet u waqt il-perijodi ta’ kriżi. Il-PAK b’hekk żgurat is-sigurtà tal-provvista fl-UE, għalkemm l-UE mhijiex kompletament awtosuffiċjenti għal ċerti prodotti u produzzjoni agrikoli. Minkejja dan l-UE għandha tikkunsidra l-fatt li l-pajjiżi fil-periferijia tal-UE ta’ spiss jiffaċċjaw diffikultajiet biex jiżguraw il-provvisti tagħhom waqt perijodi ta’ ċaqliq kbir fil-prezzijiet
5.4 Fil-futur, is-swieq globali ser joperaw b’mod aktar miftuħ. Kwalunkwe ftehim kummerċjali tal-ġejjieni jista’ jippermetti biex prodotti agrikoli minn pajjiż mhux tal-UE jidħlu aktar faċilment fl-UE (soġġetti għall-kriterji tas-sigurtà alimentari), iżda fl-istess ħin ser joffri aktar opportunitajiet biex prodotti agrikoli tal-UE jkollhom aċċess għal swieq oħrajn. Id-demografija u s-swieq dinjija qed ibiddlu l-prijoritajiet tal-produzzjoni agrikola u d-domanda għall-ikel madwar id-dinja kollha. L-interdipendenza tas-soċjetajiet u taż-żoni ekonomiċi qed tiżdied. It-tibdil fil-klima qed jipproduċi aktar u aktar kundizzjonijiet estremi tat-temp. Peress li ż-żieda fil-kummerċ internazzjonali mhijiex biżżejjed biex tiżgura l-provvista tal-ikel, fil-ġejjieni ser jiżdied iċ-ċaqliq fil-prezzijiet tal-prodotti agrikoli u l-instabbiltà tas-suq. Il-politika agrikola tal-UE tal-ġejjieni għandha tipprovdi għal mekkaniżmi li jistabbilizzaw is-suq. L-UE m'għandhiex toħloq instabbiltà fis-swieq globali tal-ikel, iżda għandha tikkontribwixxi b’mod attiv biex teqridha.
5.5 L-Unjoni Ewropea hija produttur u esportatur tal-ikel globali importanti ħafna. L-aħjar mod biex l-UE tgħin fiż-żamma tal-istabbiltà tas-swieq globali tal-ikel u tipprevjeni l-kriżijiet tal-ikel huwa li tiżgura li s-suq agrikolu tagħha stess jibqa’ bbilanċjat u jiffunzjona b’mod effettiv. L-UE għandu jkollha wkoll rwol sinifikanti fiż-żamma tas-sigurtà globali tal-ikel.
5.6 Il-konsumaturi Ewropej iridu jkomplu jieklu ikel ta’ kwalità tajba, nutrittiv u sigur. Il-politika agrikola tal-ġejjieni għandha tiżgura li l-produzzjoni kollha titwettaq b’mod li jħares l-ambjent (l-arja, il-ħamrija, l-ilma), kif ukoll il-benesseri tal-annimali tal-irziezet. Il-fatt li l-istandards huma ogħla fl-UE milli fil-bqija tad-dinja jżid l-ispejjeż għall-produtturi Ewropej, u l-politika agrikola tal-UE għandha tipprovdi għal strumenti, kemm fl-agrikoltura kif ukoll fin-negozju, li joħolqu kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni bejn il-produzzjoni fl-UE u pajjiżi oħra. L-isfida għall-UE hija li tuża l-għodod attwali (eż. ftehimiet kummerċjali) u tiżviluppa għodod ġodda biex dawn iħajru lil pajjiżi oħra li jipproduċu l-ikel isegwu l-istandards tal-produzzjoni tal-ikel użati mill-produtturi tal-ikel tal-UE
5.7 Il-politika dwar l-iżvilupp rurali (it-tieni pilastru tal-PAK) ser tkompli tkun ta’ importanza kbira għall-iżvilupp ibbilanċjat taż-żoni rurali fil-ġejjieni. Iż-żoni rurali huma parti essenzjali tal-Ewropa. Aktar minn 60 % tal-popolazzjoni tal-Unjoni Ewropea ta’ bħalissa magħmula minn 27 Stat Membru tgħix f’żoni rurali, u ż-żoni rurali jgħoddu għal 90 % tat-total tal-art tal-Unjoni. Il-politika dwar l-iżvilupp rurali, li tikkunsidra aktar iċ-ċirkostanzi differenti tal-Istati Membri, tista’ ssir aktar importanti fil-ġejjieni. Ir-rwol tal-politika dwar l-iżvilupp rurali bħala dak li jipprovdi l-impjiegi fil-komunitajiet rurali u bħala d-diversifikatur tal-opportunitajiet ta’ negozju ser jikber. Il-politika dwar l-iżvilupp rurali tista’ tintuża bħala għodda tal-UE għall-promozzjoni tas-sigurtà tal-provvista fl-agrikoltura u fis-settur tal-ikel.
5.8 Il-politika agrikola tal-UE tal-ġejjieni għandha tkompli tagħti kas tal-kwistjonijiet tas-sigurtà tal-provvista minħabba l-isfidi u l-inċertezzi assoċjati mas-sigurtà alimentari globali. L-iżgurar tad-disponibbiltà tal-provvisti tal-ikel huwa objettiv fundamentali tal-politika agrikola tal-UE. L-UE għandha timpenja ruħha aktar fit-tħejjija sistematika sabiex tkun żgurata l-vijabbiltà tal-produzzjoni agrikola u tas-settur sħiħ tal-ikel, anki f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi u ta’ emerġenza. Għandhom ikunu disponibbli l-mekkaniżmi meħtieġa sabiex ikun żgurat li dan jista’ jseħħ. Objettiv ewlieni tal-politika agrikola tal-UE għandu jkun li tinżamm produzzjoni agrikola diversifikata u li din tiġi promossa madwar l-UE. Iż-żamma tad-diversità rikka ta’ ikel ta’ kwalità għolja minn żoni rurali differenti madwar l-Unjoni għaċ-ċittadini tal-UE ser tipprovdi s-soluzzjoni strateġika t-tajba għall-politika tal-ikel tal-UE. Dan ser jgħin ukoll biex tkun żgurata s-sigurtà tal-provvista.
5.9 Fuq tul ta’ żmien is-sigurtà tal-provvista fl-agrikoltura u fis-settur tal-ikel teħtieġ li l-produzzjoni agrikola tkun sostenibbli. Minbarra s-sostenibbiltà ambjentali, id-dimensjonijiet ekonomiċi u soċjali huma importanti wkoll. Għandha titqiegħed aktar enfasi fuq ir-rwol tal-agrikoltura fl-adattament għat-tibdil fil-klima u l-mitigazzjoni tiegħu. Il-biedja u s-settur tal-ikel għandhom sehem x’jagħtu ukoll fil-produzzjoni tal-bijoenerġija. Il-miri tal-Istrateġija UE2020 għandhom jiġu integrati fil-politika agrikola.
5.10 Il-produzzjoni tal-bijoenerġija tat rwol sinifikanti lill-agrikoltura tal-UE fl-adozzjoni tat-teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli. Is-settur tal-agrikoltura u l-ikel sostenibbli jista’ jagħti kontribut kbir lit-tnaqqis tad-dipendenza tal-UE mill-karburanti fossili importati u fl-iżgurar ta’ provvista sigura tal-enerġija għall-konsumaturi tal-UE. Jekk l-iskart u l-prodotti sekondarji agrikoli (id-demel, l-iskart tal-industrija tal-ikel, eċċ.) jinbidlu f’bijoenerġija, dan għandu jgħin biex jitnaqqsu t-tniġġis u l-emissjonijiet tas-CO2.
Brussell, 9 ta’ Diċembru 2010.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Staffan NILSSON
(1) Sar seminar dwar “Is-sigurtà tal-provvista fl-agrikoltura u fis-settur tal-ikel fl-Unjoni Ewropea” f’Ħelsinki fil-31 ta’ Mejju 2010 b’konnessjoni mat-tfassil tal-opinjoni.
(2) Skont id-definizzjoni tas-Summit dwar l-ikel tal-FAO.
(3) Ġ.U. C 100, 30.4.2009, p. 44.