19.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 54/15


“Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-‘Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar għajnuna mill-Istat biex tiffaċilita l-għeluq ta’ minjieri tal-faħam li mhumiex kompetittivi’”

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2011/C 54/03)

Relatur ġenerali: is-Sur PEZZINI

Nhar il-21 ta’ Ottubru 2010, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar għajnuna mill-Istat biex tiffaċilita l-għeluq ta’ minjieri tal-faħam li mhumiex kompetittivi (COM(2010) 372 finali).

Nhar l-20 ta’ Ottubru 2010, il-Bureau tal-Kumitat inkariga lill-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali (CCMI), sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett.

Minħabba l-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul l-467 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-8 u d-9 ta’ Diċembru 2010 (sessjoni tat-8 ta’ Diċembru), li jaħtar lis-Sur Pezzini bħala relatur ġenerali u adotta din l-opinjoni b’158 voti favur, 8 voti kontra u 5 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-KESE jaħseb li hemm bżonn ta’ pakkett ta’ miżuri bil-għan li tingħata spinta qawwija lil mudell ta’ enerġija sostenibbli u li jinħoloq qafas ta’ referenza sigur u stabbli għas-settur, li jinkludi l-ippjanar tal-enerġija b’konformità mas-sigurtà tal-provvista, fir-rigward tal-aspetti soċjali, territorjali u ambjentali u tal-pjani direzzjonali sal-2020-2050.

1.2   Il-Kumitat jirrakkomanda li jiġi estiż ir-regolament fis-seħħ bħalissa dwar l-industrija tal-faħam (Regolament (KE) Nru 1407/2002 tat-23 ta’ Lulju 2002 dwar għajnuna mill-Istat lill-industrija tal-faħam) għall-istess perijodu tar-regolament li ser jiskadi, mingħajr ma dan jirrappreżenta piż żejjed fuq il-baġit tal-UE u mingħajr ma jiġu stabbiliti kondizzjonijiet għall-għeluq tal-minjieri, iżda bil-possibbiltà li tingħata għajnuna għall-investimenti u t-teknoloġija innovattiva tal-faħam nadif kif ukoll għat-taħriġ tal-persunal fil-qasam tal-materja prima strateġika. Jitlob li l-proposta tiġi emendata b’tali mod li tiffaċilita r-ristrutturazzjoni kompetittiva tal-minjieri tal-faħam u t-tisħiħ ta’ riserva strateġika Komunitarja.

1.3   Il-KESE jitlob li ssir verifika f’nofs it-term tal-kondizzjonijiet ta’ kompetittività tal-faħam nadif meta mqabbla mal-livelli ta’ kompetittività tar-riżorsi indiġeni tal-enerġija l-oħra tal-UE sal-2020, mal-għajnuna li ngħatat lis-sorsi indiġeni l-oħra tal-enerġija, mal-promozzjoni tal-użu tal-faħam fis-swieq dinjija, mal-volatilità tal-prezzijiet internazzjonali tal-karburanti fossili, mal-valur miżjud Ewropew tar-riżorsi indiġeni, kif ukoll mal-ispejjeż għar-rikonverżjoni tal-impjanti tal-elettriku u tar-riabilitazzjoni ta’ minjieri li m’għadhomx jintużaw.

1.4   Skont il-Kumitat, din il-verifika fl-2014 għandha ssir b’rabta mill-qrib mal-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat ta’ Lisbona dwar il-politika l-ġdida Komunitarja dwar l-enerġija (ara l-Artikolu 194) u b’konformità mal-istrateġija tal-Unjoni fil-qasam tas-sigurtà tal-enerġija u ta’ aċċess għar-riżorsi kif ukoll mal-politiki Komunitarji l-oħra dwar l-industriji, il-kummerċ, ir-riċerka u l-innovazzjoni.

1.5   Il-Kumitat jitlob li jiġi ppreżentat rapport f’nofs it-term fl-2015 lill-PE, lill-Kunsill u lill-Kumitat stess dwar il-kompetittività tal-industrija tal-faħam fl-Ewropa, li jmur lil hinn mis-sitwazzjoni eċċezzjonali tal-kriżi attwali, b’rabta mal-parametri msemmija hawn fuq tad-definizzjoni tat-termini relatati ma’ din l-industrija u li joħroġ fid-dieher il-progressi li saru fil-qasam strateġiku, ekonomiku, teknoloġiku, soċjali u ambjentali kif ukoll fir-rigward tat-tnaqqis tad-dipendenza mill-enerġija.

1.6   Il-KESE ifakkar li l-UE għandha pożizzjoni ta’ tmexxija fir-riċerka u l-iżvilupp tat-teknoloġiji ta’ enerġija nadifa, b’mod partikolari fit-tekniki għall-ġbir u l-ħżin tad-diossidu tal-karbonju (CCS), kif ukoll fit-teknoloġiji tal-faħam nadif, il-poliġenerazzjoni abbażi tal-faħam, u l-ġenerazzjoni ta’ enerġija għal soluzzjonijiet integrati b’emissjonijiet żero (1), li jagħmlu parti integrali mis-Seba’ Programm Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku 2007-2013 tal-Unjoni Ewropea.

1.7   Il-KESE jenfasizza l-fatt li m’hemmx problemi ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern Ewropew peress li, kif stqarret il-Kummissjoni stess, m’hemm l-ebda skambju sinifikanti ta’ faħam bejn l-Istati Membri, b’mod partikolari għax l-istallazzjonijiet teknoloġiċi tal-impjanti tal-elettriku huma kkalibrati għal tipi partikolari ta’ faħam.

1.8   Il-KESE jinsisti fuq il-fatt li r-Regolament (KE) Nru 1407/2002 dwar l-għajnuna mill-Istat għall-industrija tal-faħam huwa aktar validu minn qatt qabel, b’mod partikolari minħabba li:

“l-iżbilanċ fil-kompetizzjoni bejn il-faħam Komunitarju u l-faħam importat wassal biex tul dawn l-aħħar għexieren ta’ snin l-industrija tal-faħam tadotta miżuri importanti ta’ ristrutturazzjoni u ta’ tnaqqis ta’ attività;

il-Komunità saret dejjem aktar dipendenti mill-importazzjoni ta’ sorsi primarji ta’ enerġija;

is-sitwazzjoni politika dinjija tagħti dimensjoni kompletament ġdida lill-valutazzjoni tar-riskji ġeopolitiċi u tar-riskji ta’ sigurtà fil-qasam tal-enerġija u sens usa’ lill-kunċett ta’ sigurtà ta’ provvista.”

1.9   Għal dawn ir-raġunijiet, u minħabba l-fattur strateġiku li jirrappreżentaw ir-riżorsi tal-enerġija, il-KESE jirrakkomanda li jkun hemm transizzjoni effikaċi lejn mudell Ewropew ġdid ta’ enerġija sostenibbli kkaratterizzat minn taħlita diversifikata li tinkludi s-sorsi kollha ta’ enerġija, it-teknoloġiji mmirati għat-tnaqqis tal-emissjonijiet li jniġġsu u skadenzi realistiċi għall-implimentazzjoni billi jiġu introdotti u jinżammu elementi li jagħmluh anqas dipendenti minn riżorsi esterni.

1.10   Fir-rigward tal-użu effiċjenti tal-enerġija, tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 u ta’ sustanzi oħra li jniġġsu, il-Kumitat jenfasizza l-importanza li jintlaħaq kunsens demokratiku u parteċipattiv; għaldaqstant jitlob bis-saħħa biex jissaħħaħ u jiġi strutturat aħjar, fil-livelli kollha, id-djalogu soċjali settorjali fi ħdan l-industrija tal-faħam fil-kuntest tal-politika ta’ koeżjoni ekonomika u soċjali tal-Unjoni fir-reġjuni li jipproduċu l-faħam u li għalihom, fis-sitwazzjoni attwali ta’ kriżi globali, l-għeluq tal-attività tfisser telf ta’ aktar minn 300 000 impjieg f’territorji speċifiċi ħafna.

2.   Introduzzjoni

2.1   Bħalissa, il-produzzjoni tal-faħam (2) tal-UE tammonta għal ekwivalenti ta’ madwar 288 miljun tunnellata ta’ faħam (Mtce), li 122 Mtce minnhom huma antraċit (hard coal). Il-faħam tipikament jintuża għall-ġenerazzjoni tal-elettriku jew tas-sħana jew għall-produzzjoni tal-azzar u għal proċessi industrijali oħra. Il-Polonja u l-Ġermanja huma l-akbar produtturi tal-faħam fl-UE.

2.2   Mill-għaxar Stati Membri li jipproduċu l-antraċit, sitt pajjiżi jipprovdu tal-anqas xi forma ta’ għajnuna mill-Istat: l-aktar il-Ġermanja u Spanja, u sa ċertu punt l-Ungerija, il-Polonja, ir-Rumanija u s-Slovakkja (is-Slovenja tati għajnuna biss lil minjieri li diġà huma magħluqin).

2.3   It-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar tal-1951 kien jistipula regoli ċari dwar jekk l-Istati Membri jistgħux jagħtu għajnuna lill-kumpaniji fl-industrija tal-faħam u l-azzar: kif stipulat f’dan it-Trattat, is-sussidji jew l-għajnuna mill-Istat, fi kwalunkwe forma, mhumiex kompatibbli mas-suq komuni tal-faħam u l-azzar u huma pprojbiti fi ħdan il-Komunità. Din il-projbizzjoni ta’ kwalunkwe appoġġ għall-kumpaniji min-naħa tal-Istati individwali, stabbilita fl-Artikolu 4(c), kienet konsegwenza loġika tat-tneħħija tal-miżuri nazzjonali kollha ta’ protezzjoni fi ħdan is-suq komuni.

2.4   Madankollu, wara l-istabbilment tas-suq komuni, malajr ħareġ fid-dieher li ma kienx ser ikun possibbli li tiġi żgurata l-provvista tal-enerġija tal-Ewropa. Għalhekk, l-Artikolu 95, jiġifieri d-dispożizzjoni adottata biex tkopri ċirkostanzi mhux previsti ladarba t-Trattat ġie ffirmat, beda jintuża bħala bażi biex jiġi permess ċertu tip ta’ għajnuna Komunitarja. Dan għamilha possibbli li jkun hemm intervent Komunitarju fejn meħtieġ biex jinkisbu l-għanijiet tat-Trattat.

2.5   Meta t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar skada, il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 1407/2002 tat-23 ta’ Lulju 2002 dwar għajnuna mill-Istat lill-industrija tal-faħam, li jiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2010. Bejn l-2003 u l-2008 ġiet approvata għajnuna ta’ aktar minn EUR 26 biljun għas-settur.

2.6   Il-Kumitat esprima l-opinjoni tiegħu dwar din l-iskema ta’ għajnuna (3), u appoġġa l-fehma tal-Kumitat Konsultattiv tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar li regolament bil-għan li jtejjeb is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija u li jipprovdi bażi soda għall-enerġija primarja fl-istess waqt ma jistax jirrikjedi tnaqqis kontinwu tal-għajnuna kollha għall-industrija tal-faħam.

2.7   Il-Kumitat laqa’ l-fatt li l-Istati Membri kellhom il-possibbiltà li jżommu livell minimu u stabbli ta’ produzzjoni tal-antraċit indiġenu, li jagħmilha possibbli li jkun hemm aċċess għal depożiti sostanzjali. Dan kien ifisser iż-żamma ta’ infrastruttura operattiva, enfasi qawwija u miżuri speċifiċi fil-qasam sensittiv tas-saħħa u s-sigurtà fil-post tax-xogħol, kwalifiki professjonali tajbin u għarfien espert teknoloġiku.

2.8   Il-Kumitat jenfasizza wkoll l-importanza li jingħata kontribut attiv lil dan is-settur speċifiku fil-qafas tal-materja prima strateġika biex tagħmel l-Ewropa aktar attraenti għall-investituri u għal min iħaddem, issaħħaħ il-kompetittività tan-negozju u l-koeżjoni soċjali, tħeġġeġ ir-riċerka u l-innovazzjoni, u fl-aħħar biex tippromovi l-introduzzjoni u t-tixrid ta’ ħiliet ġodda u t-taħriġ tar-riżorsi umani (4).

2.9   Bl-istess mod, il-Kumitat innota li l-Kummissjoni għandha tiffoka fuq l-għajnuna mill-Istat li għandha effett sinifikanti fuq il-kummerċ minflok taħli r-riżorsi tagħha biex tanalizza ammont kbir ta’ każijiet li huma l-aktar ta’ tħassib lokali u li għandha tikkjarifika t-tifsira u l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “tħassib lokali” (5).

2.10   Il-Kumitat innota wkoll li bħalissa, il-karburanti fossili tal-faħam (6), iż-żejt u l-gass naturali huma s-sinsla tal-provvista tal-enerġija Ewropea u globali. Barra minn hekk, peress li ser jibqgħu importanti tul l-għexieren ta’ snin li ġejjin, huma essenzjali (7).

2.11   Din id-dipendenza tista’ tittaffa billi d-depożiti konsiderevoli tal-faħam tal-Ewropa jintużaw aktar. Fil-każ tal-faħam, s’issa ġew estratti biss 3 % mit-3 400 biljun tunnellata ekwivalenti ta’ żejt li ġew stmati. It-tul mistenni tal-ħajja tar-riżorsi dinjija u r-riservi tal-faħam, taż-żejt u tal-gass jiddependi minn bosta fatturi (it-tkabbir ekonomiku, l-esplorazzjoni u l-avvanzi teknoloġiċi). It-tul tal-ħajja tagħhom ikopri bosta għexieren ta’ snin fil-ġejjieni (u x’aktarx anke sekli fil-każ tal-faħam) (7).

2.12   Skont il-previżjonijiet taċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka (JRC) (8) għall-2030-2050, il-faħam ser jibqa’ jagħmel parti integrali biex jiġu ssodisfatti l-bżonnijiet fil-qasam tal-enerġija tul is-seklu 21. Iż-żjieda fl-attenzjoni biex jiġu limitati l-emmissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra tfisser investiment kbir fir-riċerka u l-iżvilupp ta’ teknoloġiji għas-suq tal-faħam nadif u ta’ teknoloġiji dejjem aktar effettivi għall-ġbir u l-ħżin tad-diossidu tal-karbonju. Fil-livell globali, il-faħam ser jibqa’ sors sinifikanti ta’ enerġija li jipprovdi aktar minn 20 % tal-ħtiġijiet tal-enerġija tad-dinja.

2.13   Kif diġà enfasizza l-Kumitat (9), wara tnaqqis inizjali, lejn l-2015 il-konsum tal-faħam huwa mistenni jerġa’ jiżdied b’riżultat tat-titijib fil-kompetittività tiegħu fil-qasam tal-produzzjoni tal-elettriku. Iż-żjieda fil-prezzijiet tal-gass u d-disponibbiltà aktar kmieni milli mistenni tat-teknoloġiji avvanzati għall-konverżjoni tal-faħam f’elettriku huma r-raġunijiet ewlenin għal dan l-iżvilupp.

2.14   Iċ-Ċina, l-Istati Uniti tal-Amerika, l-Indja, l-Awstralja u r-Russja huma l-produtturi ewlenin madwar id-dinja: iċ-Ċina tipproduċi 2 761 Mt kull sena (47 % tal-produzzjoni dinjija), l-Istati Uniti tal-Amerika 1 006 Mt (17 %) u r-Russja 247 Mt (4 %). L-UE timporta 180 MR ta’ antraċit kull sena prinċipalment mir-Russja (30 %), il-Kolombja (17.8 %), l-Afrika t’Isfel (15.9 %) u l-Istati Uniti tal-Amerika (12.8 %) (10).

3.   Il-proposta

3.1   Fid-dawl tal-iskadenza tar-Regolament tal-Kunsill KE/1407/2002 tat-23 ta’ Lulju 2002 dwar l-għajnuna mill-Istat għall-industrija tal-faħam, dan l-aħħar il-Kummissjoni stabbilixxiet is-sitt għażliet li ġejjin:

l-ewwel għażla: l-ebda strument legali ġdid speċifiku għas-settur li jkun japplika wara l-iskadenza tar-Regolament dwar il-Faħam; japplikaw biss ir-regoli ġenerali dwar l-għajnuna mill-Istat;

it-tieni għażla: l-adozzjoni ta’ linji gwida bbażati fuq l-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE, li jkunu simili għal dawk adottati fis-setturi tal-bini tal-vapuri u tal-azzar (għajnuna biex jiġu koperti l-pagamenti lill-ħaddiema li jispiċċaw bla xogħol jew li jkunu aċċettaw li jirtiraw kmieni minħabba l-għeluq tal-minjieri, l-għoti ta’ pariri u t-taħriġ vokazzjonali mill-ġdid għal dawn il-ħaddiema u għad-diżattivazzjoni tas-siti);

it-tielet għażla: regolament li jippermetti l-għoti ta’ għajnuna operattiva għal żmien limitat (għajnuna ta’ għeluq), għajnuna operattiva digressiva sakemm takkompanja t-tnaqqis ordnat tal-attivitajiet tal-minjieri u l-impjanti fil-kuntest ta’ pjan definit tajjeb għall-għeluq tal-minjieri;

ir-raba’ għażla: regolament li jippermetti għajnuna biex jiġu koperti spejjeż eċċezzjonali (responsabbiltajiet soċjali u ambjentali li jintirtu) b’rabta mal-għeluq tal-minjieri tal-faħam;

il-ħames għażla: regolament ibbażat fuq l-Artikolu 107(3)(e) tat-TFUE li jippermetti lill-Istati Membri jagħtu kemm għajnuna għall-għeluq kif ukoll għajnuna li tkopri spejjeż eċċezzjonali; jew

is-sitt għażla: jiġġedded b’għaxar snin oħra r-Regolament attwali dwar il-Faħam, jiġifieri sal-aħħar tal-2020, mingħajr ir-rekwiżit tal-għeluq tal-minjieri u bil-possibbiltà li tingħata għajnuna għall-investiment.

3.2   Il-Kummissjoni ddeċidiet li tipproponi Regolament ġdid tal-Kunsill ibbażat fuq il-ħames għażla, bi strument addizzjonali għall-Istati Membri biex jittaffa l-impatt soċjali u reġjonali tal-għeluq tal-minjieri u tissaħħaħ il-koeżjoni soċjali fir-reġjuni tal-Ewropa.

Barra l-possibbiltajiet offruti mir-regoli ġenerali dwar l-għajnuna mill-Istat – biex issaħħaħ id-dimensjoni kompetittiva tal-intrapriżi u l-koeżjoni soċjali, tistimola d-dispożizzjoni għar-riċerka u l-innovazzjoni, u tippromovi l-ħolqien u t-tixrid tal-għarfien ġdid u t-taħriġ tar-riżorsi umani – il-proposta tal-Kummissjoni toffri l-possibbiltà li żewġ tipi ta’ għajnuna għall-industrija tal-antraċit jiġu ddikjarati bħala kompatibbli mas-suq intern: l-għajnuna għall-għeluq u l-għajnuna biex tkopri spejjeż eċċezzjonali.

3.3.1   B’mod aktar speċifiku, l-għoti ta’ għajnuna operattiva lill-minjieri tal-faħam għandu jkun soġġett għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

għandu jitfassal pjan dettaljat għall-għeluq definittiv sal-1 ta’ Ottubru 2014 ta’ kull minjiera tal-faħam li mhjiex kompetittiva, u li kienet għadha attiva fil-31 ta’ Diċembru 2009;

l-għajnuna għandha tonqos b’mod drastiku maż-żmien: jiġifieri l-għajnuna għandha tonqos bi 33 % wara kull perijodu ta’ ħmistax-il xhar;

jekk il-minjiera ma tingħalaqx sad-data stabbilita l-għajnuna kollha mogħtija għandha titħallas lura; u

l-Istati Membri għandhom jippreżentaw pjan dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu bil-għan li jiġu evitati l-impatti ambjentali tal-użu tal-faħam.

3.3.2   L-għajnuna għall-ispejjeż eċċezzjonali għandha tkopri l-ispejjeż eċċezzjonali għar-ristrutturar u d-diżattivazzjoni tas-sit li mhumiex relatati direttament mal-produzzjoni attwali, kif ukoll ir-responsabbiltajiet soċjali u ambjentali li jintirtu b’rabta mal-għeluq tal-minjieri, bil-kundizzjoni li dawn ikunu rriżultaw biss mill-għeluq ta’ unitajiet ta’ produzzjoni tal-faħam.

4.   Kummenti ġenerali

4.1   Il-Kumitat ma apprezzax il-fatt li ma ġiex ikkonsultat mill-Kunsill fir-rigward tal-kompetenzi tal-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali (CCMI) li hija integrata fi ħdanu bħala struttura permanenti ta’ ħidma u li ħadet il-funzjonijiet tal-Kumitat Konsultattiv tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar.

4.2   L-ewwel nett, il-KESE qed iħaddem id-dritt tiegħu li jagħti l-opinjoni tiegħu dwar kwistjoni ta’ importanza kbira f’termini ta’ bidliet industrijali fl-UE, kif saħaq il-Kumitat Konsultattiv tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar fir-rigward tar-Regolament KE/1407/2002, billi jirrakkomanda li t-titjib tas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija u l-provvediment ta’ bażi soda ta’ enerġija primarja fl-istess waqt ma jistgħux jirrikjedu tnaqqis kontinwu tal-għajnuna kollha għall-industrija tal-faħam.

4.3   Il-KESE jinnota li l-Kunsill Ewropew tad-19 u l-20 ta’ Marzu 2009 appoġġja t-Tieni Analiżi Strateġika dwar l-Enerġija li ġiet ippubblikata fit-13 ta’ Novembru 2008 mill-Kummissjoni, li saħqet fuq il-bżonn li “[j]sir l-aħjar użu mir-riżorsi indiġeni tal-enerġija tal-UE u l-bżonn li jsir ‘l-aħjar użu mir-riżorsi tal-enerġija tagħha, inklużi sorsi rinnovabbli, karburanti fossili u, fil-pajjiżi’ li jagħżlu li jagħmlu dan, l-enerġija nukleari”.

4.4   Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-objettivi tas-Sitt Programm ta’ Azzjoni Ambjentali 2002-2012 jinkludu l-inkoraġġiment ta’ enerġija rinnovabbli u l-użu ta’ karburanti fossili b’inqas karbonju għall-ġenerazzjoni tal-elettriku u li l-Artikolu 1 tar-Regolament attwali dwar l-għajnuna għall-industrija tal-faħam jipprovdi għaż-żamma, bħala miżura ta’ prekawzjoni, ta’ kwantità minima ta’ produzzjoni ta’ faħam indiġenu biex ikun iggarantit aċċess għar-riservi.

4.5   Fl-aħħar, il-KESEjinnota li l-istudji Komunitarji wkoll, kif twettqu mill-Istitut għall-Enerġija taċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka f’Petten, juru li l-antraċit ser jibqa’ jkollu sehem integrali biex jiġu sodisfatti l-bżonnijiet fil-qasam tal-enerġija tul is-seklu 21.

4.6   Il-KESE jilqa’ l-miżuri proposti mill-Kummissjoni peress li jindirizzaw il-bżonn għal żvilupp kompetittiv tan-negozji fis-settur u peress li ma jsegwux loġika ta’ nuqqas ta’ kompetittività (11), f’qafas komuni ta’ referenza, bil-għan li:

jinżamm livell suffiċjenti ta’ riżorsi indiġeni ta’ enerġija, biex jikkontribwixxi għas-sigurtà tal-provvista u t-tnaqqis tad-dipendenza tal-enerġija;

“tinżamm pożizzjoni Ewropea ta’ tmexxija fit-teknoloġiji intelliġenti fil-qasam tal-minjieri u teknoloġiji ambjentali ta’ faħam nadif u ta’ ġbir u ħżin tad-diossidu tal-karbonju: użu usa’ tat-teknoloġija għall-ġbir u l-ħżin tas-CO2 ser ikun biss possibbli wara l-2020 u jekk jitwettqu b’suċċess ir-riċerka u l-iżvilupp meħtieġa fwaqthom;”

jiġu indirizzati n-nuqqasijiet tas-suq fir-rigward tal-investiment fir-riċerka, l-innovazzjoni u r-ristrutturar, biex l-intrapriżi Ewropej fil-qasam tal-faħam ikunu jistgħu jakkwistaw teknoloġiji ġodda tas-suq bi prezzijiet mnaqqsin u jsiru kompetittivi;

jinkisbu l-għanijiet soċjali u ambjentali billi jinħoloq ġid ibbażat fuq is-settur u impjiegi assoċjati mal-iżvilupp tar-reġjuni fejn il-minjieri, l-estrazzjoni u industriji oħra relatati huma l-industriji predominanti jew l-uniċi industriji;

jiġi applikat il-kunċett ta’ tħassib lokali għas-settur, peress li l-kummerċ intra-Komunitarju ftit li xejn għandu impatt fuq is-settur u għalhekk ma jaffettwax b’mod sinifikanti l-kummerċ, u li s-sistema attwali ta’ għajnuna ma wasslitx għal distorsjonijiet sostanzjali tal-kummerċ;

l-impjanti elettriċi jkunu jistgħu jiġu mmodernizzati u jiġi żgurat li l-iskadenzi u l-proċeduri għar-ristrutturar settorjali fil-livell nazzjonali (12) jiġu rispettati, billi jiġu appoġġjati n-netwerks fid-distretti tal-minjieri tal-faħam u ċ-ċentri tal-kompetenza għall-estrazzjoni u l-użu tar-riżorsi minerali u n-netwerks għat-taħriġ ta’ managers b’livell għoli ta’ kwalifiki;

jinżamm il-kunċett ta’ riserva strateġika minima għall-faħam indiġenu sabiex jiġi sodisfatt l-obbligu ta’ servizz universali tas-settur pubbliku li tiġi żgurata s-sigurtà tal-enerġija taħt l-Artikolu 106 tat-TFUE (li qabel kien l-Artikolu 86(2) tat-TKE);

jingħataw pariri, taħriġ u servizzi ta’ taħriġ vokazzjonali mill-ġdid għall-ħaddiema u esperti minn minjieri mhux kompetittivi; jiġi appoġġjat l-irtirar minn kniemi fis-settur u fl-industriji relatati;

jiġi żviluppat u appoġġjat djalogu soċjali settorjali Ewropew għall-industriji tal-minjieri u jiġu organizzati forums tekniċi bbażati fuq netwerks bħall-Forum dwar il-Karburanti Fossilli li sar f’Berlin;

jiġu appoġġjati t-tixrid u l-iskambju tal-aqwa prattiki, b’mod partikolari mil-lat tekniku u ambjentali kemm biex il-produzzjoni avvanzata tal-faħam u l-applikazzjonijiet tagħha jsiru kompetittivi u sostenibbli kif ukoll biex jingħata bidu lir-ristrutturar, id-diversifikazzjoni u l-għeluq (u r-riabilitazzjoni (13) tas-siti) fejn dawn il-proċessi ma jkunux vijabbli.

4.7   Il-KESE jemmen li l-limitu ta’ żmien speċifikat mill-Kummissjoni huwa qasir wisq u ma jissodisfax il-ħtiġijiet għall-iżvilupp tas-settur: il-perijodu 2011-2018 ikun aktar adatt, l-istess bħall-perijodu 2002-2010, biex jiġi żgurat li l-intrapriżi tas-settur ikunu kompetittivi, fid-dawl tal-iżviluppi tat-teknoloġija tas-suq fir-rigward tat-tekniki bi spejjeż baxxi għall-ġbir u l-ħżin tal-karbonju u t-tekniki għall-faħam nadif u t-tħaffir fil-minjieri.

4.8   Bl-istess mod, il-KESE jemmen li r-rata ta’ digressività hija għolja wisq u kkonċentrata f’limiti ta’ żmien li huma qosra ħafna biex tiġi rkuprata l-kompetittività u biex ikun hemm innovazzjoni fil-qasam tal-produzzjoni, il-faħam nadif u l-ġbir u l-ħżin tal-karbonju. Barra minn hekk, l-għajnuna għandha tippremja aktar milli tikkastiga (kif tagħmel il-proposta) lill-intrapriżi li jirkupraw il-marġni tal-kompetittività tagħhom.

4.9   Fir-rigward tal-kompetizzjoni mhux ibbilanċjata bejn prodott importat u prodott indiġenu, qabel ma jiġi rrakkomandat li din is-sitwazzjoni titlob għal-limitazzjoni tas-sistema Komunitarja, jista’ jagħti l-każ li jeħtieġ li s-sistemi tal-pajjiżi li jesportaw jiġu eżaminati f’aktar dettall u b’mod aktar trasparenti. Fil-fehma tal-KESE, jeħtieġ ukoll li meta jkunu qed jiġu ffirmati l-ftehimiet ma’ pajjiżi terzi, tiġi valutata f’aktar reqqa u b’aktar koerenza l-inklużjoni ta’ obbligu li jiġu rispettati r-regoli soċjali relatati mal-ILO sabiex il-minaturi ma jiġux sfruttati u jiġu garantiti l-kundizzjonijiet ottimi ta’ sigurtà u ta’ protezzjoni tal-ħaddiema kontra aċċidenti, sikwit fatali, li jiġru fil-kumpaniji l-kbar madwar id-dinja.

4.10   Fl-aħħarnett, il-KESE jemmen li huwa essenzjali għall-ġejjieni tal-attivitajiet tas-setturi tal-minjieri u tal-ġenerazzjoni tal-elettriku li l-intrapriżi Ewropej u l-Istati Membri jingħataw qafas ċar u proattiv għal għajnuna orizzontali li tista’ tiġi attivata għal finijiet soċjali u ambjentali u għar-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku, l-innovazzjoni, it-taħriġ u għall-provvediment ta’ ħiliet vokazzjonali fis-settur.

Brussell, 8 ta’ Diċembru 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Ara: ZEP – Zero emissions platform, European Technology Platform for zero emission fossil, fuel, power – Implementation Plan 2010-2012 (Pjattaforma Ewropea tat-Teknoloġiji għall-Impjanti tal-Enerġija mill-Karburanti Fossili b’Emissjonijiet Żero – Pjan ta’ Implimentazzjoni 2010-2012) www.zeroemissionsplatform.eu/ccs-technology/capture.html; konferenza organizzata mill-Presidenza Belġjana dwar il-Pjan SET 2010 (Pjan Strateġiku Ewropew għat-Teknoloġiji fil-qasam tal-Enerġija) (15 u 16 ta’ Novembru 2010, Pjattaforma Ewropea tat-Teknoloġiji għall-Impjanti tal-Enerġija mill-Karburanti Fossili b’Emissjonijiet Żero (ETP-ZEP) http//setis.ec.europa.eu/technologies/Zero-emission-fossil

(2)  Din l-opinjoni tirreferi għall-“faħam iebes jew faħam” kif definit fl-Artikolu 2 tar-Regolament KE/1407/2002 – antraċit, faħam artab (lignite), karbonju fossili.

(3)  ĠU C 48, 21.2.2002, p. 49 (mhux disponibbli bil-Malti).

(4)  ĠU C 65, 17.3.2006, p. 1 (mhux disponibbli bil-Malti).

(5)  Ara nota 2 f’qiegħ il-paġna.

(6)  Antraċit, faħam artab (lignite) u faħam iebes.

(7)  ĠU C 28, 3.2.2006, p. 5 (mhux disponibbli bil-Malti).

(8)  Coal of the future (supply prospects for thermal coal by 2030-2050), Direttorat Ġenerali għaċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka (DG JRC) Istitut tal-Enerġija, Petten (il-Pajjiżi l-Baxxi), Frar 2007 (mhux disponibbli bil-Malti).

(9)  Ara nota 9 f’qiegħ il-paġna.

(10)  L-Istati Uniti tal-Amerika għadha qed taqdi rwol attiv fil-finanzjament tal-impjanti tal-faħam – kemm lokalment kif ukoll internazzjonalment – li jmur kontra l-wegħda li għamel il-President Obama mal-G20 li jelimina s-sussidji għall-karburanti fossili.

(11)  F’dan ir-rigward, kif jindikaw id-dokumenti kollha dwar il-politiki tal-enerġija tal-Kummissjoni – mill-Pjan SET sal-Istrateġija tal-Enerġija 2011/2020 – għandhom jiġu kkunsidrati bosta parametri fosthom il-livell ta’ kompetittività tar-riżorsi l-oħra tal-UE sal-2020, l-għajnuna mogħtija lis-sorsi l-oħra tal-enerġija, il-promozzjoni tal-użu tal-faħam fis-swieq dinjija, il-volatilità tal-prezzijiet tal-karburanti fossili fil-livell internazzjonali, il-valur miżjud Ewropew tas-sigurtà fil-provvista tal-enerġija b’mod partikolari f’każ ta’ kriżijiet u tensjoni internazzjonali; jeħtieġ ukoll li jiġu kkunsidrati l-ispejjeż għall-konverżjoni mill-ġdid tal-impjanti tal-elettriku li jaħdmu bil-faħam u l-ispejjeż għar-riabilitazzjoni tal-minjieri li m’għadhomx jintużaw.

(12)  Ara pereżempju l-pjan tal-Ġermanja għall-minjieri tal-faħam sal-2018.

(13)  Id-diżattivazzjoni.