17.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 51/20


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Ir-relazzjonijiet trans-Atlantiċi u l-promozzjoni internazzjonali tal-Mudell Soċjali Ewropew” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2011/C 51/04

Relatur: is-Sinjura BATUT

Nhar l-14 ta' Lulju 2009, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, b'konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, iddeċieda li jfassal opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Ir-relazzjonijiet trans-Atlantiċi u l-promozzjoni internazzjonali tal-Mudell Soċjali Ewropew.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-3 ta' Settembru 2010.

Minħabba t-tiġdid tal-mandat tal-Kumitat, l-assemblea plenarja ddeċidiet li tieħu pożizzjoni fuq din l-opinjoni waqt is-sessjoni plenarja ta' Ottubru u ħatret lis-Sinjura Batut bħala relatur ġenerali, b'konformità mal-Artikolu 20 tar-Regoli ta' Proċedura.

Matul l-466 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-21 ta' Ottubru 2010, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'110 vot favur, 34 vot kontra u 16-il astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-KESE huwa favur l-integrazzjoni progressiva tas-suq ħieles Ewro-Atlantiku u jixtieq japprofondixxi r-relazzjonijiet Ewro-Amerikani, b'enfasi partikolari fuq l-aspett soċjali, sabiex jantiċipa l-konsegwenzi tat-twettiq ta' din l-integrazzjoni ekonomika trans-Atlantika, bil-għan li ż-żewġ soċjetajiet, jiġifieri dik Amerikana u dik Ewropea, jiksbu benefiċċji ugwali u jsiru iktar kompetittivi flimkien, b'mod partikolari fir-rigward tal-ekonomiji emerġenti.

1.2   Il-KESE jqis li d-data ekonomika u soċjali miġbura fi ħdan il-Mudell Soċjali Ewropew (MSE) tirrappreżenta sistema unika fid-dinja li sservi ta' bażi għal żvilupp produttiv (1) u, fil-kuntest attwali ta' kriżi dinjija, ta' mutur qawwi għall-popolazzjonijiet milquta, u jfakkar li l-firmatarji tat-Trattat ta' Lisbona għażlu li jippromovu dan il-mudell. Huwa jixtieq li fi ħdan id-djalogu trans-Atlantiku tiġi żviluppata l-leġittimità:

1)

tal-identità Ewropea,

2)

tal-valuri u l-kultura tal-Ewropa, inkluż il-ħarsien tal-ambjent,

3)

tal-KESE, li permezz tal-membri tiegħu jirrappreżenta s-soċjetà ċivili organizzata tal-Unjoni.

1.3   Is-sistemi ta' protezzjoni soċjali kollettiva, is-servizzi pubbliċi u d-djalogu soċjali jirriflettu l-Mudell Soċjali Ewropew. Il-KESE jistieden lill-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni biex mhux biss jirrappreżentaw iżda wkoll jippromovu, f'kull ċirkostanza u b'mod speċjali fi ħdan id-djalogu trans-Atlantiku, il-mudell li qegħdin jitolbu ċ-ċittadini tagħhom.

1.3.1   Barra minn hekk, jekk il-kwistjonijiet soċjali b'mod ġenerali jitpoġġew fuq il-lista tal-prijoritajiet tal-UE, l-Ewropej ikunu preżenti u mgħammra aħjar biex jinsistu fuq din il-prijorità fid-djalogi eżistenti fi ħdan il-KET u t-TALD (2).

1.3.2   Sabiex il-valuri tal-Unjoni jkunu magħrufa aħjar fl-Istati Uniti u sabiex fehim aħjar taż-żewġt ixtut tal-Baħar Atlantiku jwassal għall-konverġenza fil-progress tal-interessi soċjali tagħhom u għal fehim soċjali ikbar, il-KESE jixtieq li l-Unjoni xxerred l-informazzjoni dwar il-MSE fost is-soċjetà ċivili Amerikana. It-TEK u t-TALD jistgħu jkunu mezz tajjeb għal dan. Il-KESE jemmen li l-“promozzjoni” tal-MSE (3) għandha ssir billi tiżdied il-viżibbiltà tal-UE fl-Istati Uniti.

1.4   Il-KESE jirrakkomanda li minbarra regoli finanzjarji ġodda, iż-żona Ewro-Atlantika tfassal standards komuni dwar l-aġenziji tal-klassifikazzjoni u regoli ġodda għal kompetizzjoni li tirrispetta iktar lill-interessi taċ-ċittadini. Huwa jistenna li l-Unjoni tieħu pożizzjonijiet b'saħħithom li jiggarantixxu l-livell ta' għajxien taċ-ċittadini u li d-djalogu trans-Atlantiku jgħin biex is-soċjetà ċivili tiġi iktar ikkunsidrata fiż-żewġ kontinenti.

1.5   Id-djalogu tas-soċjetajiet ċivili organizzati u tad-dinja tax-xogħol għandu jiġi mismugħ kemm fil-livell domestiku kif ukoll fi ħdan ir-relazzjonijiet mar-rappreżentanti tal-intrapriżi, ibda mill-korpi Ewro-Amerikani eżistenti. Il-Kummissjoni Ewropea, li, għall-perijodu 2011–2012, żiedet l-għajnuna finanzjarja tagħha b'rabta ma' dan id-djalogu minn EUR 600 000 għal EUR 800 000, tista' tkun il-faċilitatur. Il-KESE huwa lest li jgħin lill-imsieħba Amerikani bl-istrutturar ta' kunsill Ewro-Amerikan tas-soċjetà ċivili. Għandhom jinstabu mezzi kif iż-żewġ soċjetajiet jistgħu jagħtu leħen lill-impjegati u jiżviluppaw l-informazzjoni u l-konsultazzjoni, fuq kollox f'dan iż-żmien kritiku wara l-kriżi finanzjarja tal-2008. Il-KESE jemmen li iktar djalogu, kemm ċivili kif ukoll soċjali, u trasparenza, setgħu evitaw din il-kriżi li ilha għaddejja tliet snin.

1.5.1   Id-Djalogu Trans-Atlantiku għandu jinkludi fost l-objettivi tiegħu l-idea li wieħed jitgħallem mingħand l-ieħor, kif ukoll kontribut għall-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, kemm dawk politiċi u ċivili kif ukoll ekonomiċi u soċjali. Fid-djalogu trans-Atlantiku l-Unjoni għandha tippreżenta d-drittijiet ekonomiċi u soċjali taċ-ċittadini bħala parti integrali mill-pożizzjoni tagħha.

1.5.2   Il-KESE jqis li d-djalogu bejn l-Ewropa u l-Istati Uniti jista' jissaħħaħ billi jiġu trattati kwistjonijiet soċjali fundamentali għall-koeżjoni taż-żewġ soċjetajiet: pereżempju, l-edukazzjoni inizjali u tul il-ħajja, li huma ta' kompetenza nazzjonali iżda wkoll “federali”, u huma tant bżonjużi għall-ekonomija ta' servizzi bbażata fuq l-għarfien fiż-żewġ soċjetajiet. L-ewwel nett jeħtieġ li, bil-għan li jinħolqu l-impjiegi u jittejjeb l-istandard tal-għajxien tal-Ewropej, tingħata l-ogħla prijorità fl-aġenda politika lill-kwistjoni tal-investimenti produttivi u tal-innovazzjoni, qasam li fih l-Istati Uniti żviluppaw kapaċità ta' ħolqien u ta' promozzjoni ħafna iktar avvanzata minn dik Ewropea.

1.5.3   Il-KESE jemmen li indikaturi komuni jippermettu li jiġu vvalutati u mqabbla s-sitwazzjonijiet soċjali u tax-xogħol taż-żewġ partijiet involuti fid-Djalogu.

1.6   Il-KESE jqis li l-kwistjoni tal-migrazzjonijiet hija importanti għad-demokraziji u jixtieq li tkun is-suġġett ta' djalogu soċjali trans-Atlantiku li jista' jinvolvi lill-Forum Ewropew tal-Integrazzjoni (FEI).

1.7   Għall-KESE, id-djalogu trans-Atlantiku jista' jgħaġġel is-sensibilizzazzjoni fir-rigward tas-sostenibbiltà u l-ħarsien tal-ambjent. Jemmen li ż-żewġ soċjetajiet ċivili u l-konsumaturi għandhom rwol x'jaqdu f'dan il-kuntest.

1.8   Il-KESE jixtieq ikun innovattiv biex jinkludi b'mod istituzzjonali lir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili organizzata fid-djalogu trans-Atlantiku. Iqis li f'dan id-djalogu l-Unjoni għad trid issir “Ewropea” fil-livell soċjali. Il-KESE jirrakkomanda li titqies id-dimensjoni soċjali f'kull fażi tad-djalogu trans-Atlantiku.

1.9   Bl-adozzjoni ta' programm ta' kooperazzjoni għall-istabbiliment tal-KET (4), iż-żewġ partijiet impenjaw ruħhom biex jgħaġġlu t-twettiq ta' integrazzjoni konkreta sabiex “joħolqu suq trans-Atlantiku magħqud minn hawn u l-2015 (5). Jeżistu ħafna ostakoli, partikolarment legali, iżda l-objettiv ma nbidilx, u l-KESE jixtieq jibda l-ħidma minn qabel sabiex ikun ċert li l-għażliet storiċi Ewropej li bnew lill-mudell soċjali (6) ma jintesewx. Is-soċjetà Ewropea u dik Amerikana, li jixxiebhu min-naħa tal-valuri li jħaddnu, mhumiex daqstant “integrabbli” soċjalment. Jekk l-Ewropej jagħrfu l-bżonn li jadattaw ċerti aspetti ta' dan il-mudell minħabba l-kriżi ekonomika attwali, huwa wkoll biex iħarsu aħjar il-prinċipji tiegħu fit-tul.

2.   Integrazzjoni ekonomika

2.1   L-Istati Uniti huma l-mutur tal-blokk ekonomiku tat-Tramuntana tal-Amerika li diġà nħoloq bil-ftehim ALENA. L-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti flimkien jipproduċu 60 % tal-PDG dinji u jiġġeneraw 40 % tal-kummerċ dinji u 62 % tal-istokk tal-investimenti diretti. Fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku, 7 miljun impjieg jiddependi mir-relazzjonijiet trans-Atlantiċi.

2.2   Fi studju (7) ppubblikat qabel ma bdiet il-kriżi, l-OECD kkalkulat li l-integrazzjoni totali taż-żewġ ekonomiji tista' tipproduċi 3 % tat-tkabbir għaż-żewġt imsieħba, u tagħti vantaġġ lit-tnejn fuq kważi l-pajjiżi l-oħra kollha tad-dinja.

2.3   Il-KESE jqis li l-kriżi tista' tittrasforma r-relazzjonijiet Ewro-Amerikani u li huwa urġenti li fi ħdan it-TEK u t-TALD titħeġġeġ diskussjoni bejn l-imsieħba soċjali dwar il-mudelli. Jista' jkun li l-kriżi tittardja l-integrazzjoni u tħalli biżżejjed ħin biex nesploraw oqsma bħall-utilità tal-istituzzjonijiet ta' djalogu, li ftit huma preżenti fl-Istati Uniti, jew il-kwistjoni tal-immigrazzjoni, li ftit li xejn hemm minnhom fl-Istati Uniti, jew il-kwistjoni tal-immigrazzjoni li tikkonċerna liż-żewġ kontinenti kemm mil-lat soċjali kif ukoll minn dak tal-impjieg, bħala soluzzjoni għat-tixjiħ tal-popolazzjoni (riżerva tal-forza tax-xogħol).

2.4   B'mod ġenerali, huwa magħruf li l-pjani ta' rilanċ tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Uniti m'għandhomx miżuri komuni, però fiż-żewġ każijiet il-konsegwenzi tagħhom kienu l-istess: li jnaqqsu d-defiċits pubbliċi, isaħħu l-azzjoni pubblika u jżidu t-talba għal kontrolli u għal allokazzjoni mill-ġdid tat-tqassim tal-ġid. Dawn id-differenzi u l-konverġenzi jistgħu jitqajmu fid-djalogu tat-TALD u tal-istruttura bilaterali konsultattiva li għandha tinħoloq.

2.4.1   Il-konsegwenzi tal-kriżi qed jiġu diskussi fuq livell għoli (fis-summits tal-UE u l-Istati Uniti,) hekk kif qed jiġu diskussi wkoll suġġetti oħra fil-qafas tad-djalogu li jeżisti bejn il-Kummissjoni u l-kontropartijiet tagħha fl-amministrazzjoni Amerikana u l-aġenziji tagħha fil-qasam tal-finanzi, l-ekonomija u s-swieq domestiċi. Is-soċjetà ċivili fl-Ewropa qiegħda tbati min-nuqqas ta' regolazzjoni tal-prattiki bankarji u l-aġenziji ta' klassifikazzjoni (8), u min-nuqqas ta' trasparenza tagħhom. Barra minn hekk, qiegħda tħallas għall-pjani ta' rilanċ u, filwaqt li wieħed mill-objettivi tat-Trattat huwa li “jippromovi l-progress ekonomiku u soċjali” tal-popli Ewropej, iċ-ċittadini qegħdin jaraw il-protezzjoni soċjali tagħhom tiġi kkunsidrata għalja wisq u titnaqqas. Huma s-sistemi finanzjarji li fallew u kkawżaw danni serji għall-ekonomija reali. Dawn żiedu aktar diffikultajiet ma' dawk tas-sistemi soċjali, li diġà kienu riżultat tan-nuqqas ta' tkabbir u impjieg. Il-KESE huwa konxju li l-protezzjoniżmu mhuwiex sinonimu ta' impjiegi, u huwa favorevoli għall-kummerċ u l-investiment mingħajr ostakoli, sakemm id-drittijiet soċjali ma jintesewx. Iżda l-kisba mill-ġdid tal-fiduċja, li ngħatat prijorità għolja, għandha tintlaħaq permezz ta' regolamenti ġodda u intelliġenti tas-swieq finanzjarji. Il-KESE jixtieq ukoll li fid-djalogu trans-Atlantiku tingħata prijorità lill-promozzjoni tad-dimensjoni soċjali fl-ekonomija u l-kummerċ. Il-KESE jixtieq li r-rappreżentanti tal-Unjoni fid-djalogu trans-Atlantiku, fir-rwol tagħhom ta' rappreżentanti taċ-ċittadini, ikomplu jassiguraw il-promozzjoni tal-MSE fil-kwistjonijiet ekonomiċi u kummerċjali. Il-Kummissjoni min-naħa tagħha tagġixxi b'konformità mat-Trattat u tiżgura l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tiegħu.

2.4.2   Il-KESE jqis li huwa utli li r-rabtiet ekonomiċi bejn iż-żewġt ixtut tal-Atlantiku jissaħħu u li tinbena s-solidarjetà ekonomika bejn l-Istati Membri tal-Unjoni. Jemmen li dawn iż-żewġ elementi jiffavorixxu r-ritorn tat-tkabbir u l-iżvilupp tal-ekonomija, flimkien mal-iżvilupp tal-pakkett soċjali Ewropew. B'hekk l-Ewropej ikollhom ħafna materjal x'jittrattaw fid-djalogu tas-soċjetajiet ċivili.

2.5   Il-proġett ta' integrazzjoni tas-suq trans-Atlantiku (9) m'huwiex magħruf sewwa miċ-ċittadini. L-esperjenza tal-integrazzjoni tat-Tramuntana tal-Amerika bl-ALENA-NAFTA tat post marġinali biss lill-oqsma soċjali u ambjentali, mingħajr ma ppruvat tistimola l-impjieg. Hemm bżonn ta' valutazzjoni: fl-Istati Uniti, il-Kanada u l-Messiku l-ambjent iddeterjora, is-salarji tbaxxew u l-impjiegi qed jiġu delokalizzati lejn iċ-Ċina. L-integrazzjoni Ewropea, min-naħa tagħha, ipproduċiet rikkezza (żieda fil-PDG) iżda għalqet il-mini u t-tarzni, tilfet l-industrija tal-metallurġija u t-tessili u rristrutturat setturi sħaħ inklużi s-sajd, l-agrikoltura u l-karozzi. Iżda bil-ftuħ tas-Suq Uniku ġie organizzat ċertu kumpens. Il-KESE jixtieq jantiċipa u jiddjaloga dwar il-konsegwenzi ambjentali (pereżempju l-GMOs) u soċjali tal-integrazzjoni attwali. Uħud minnhom diġà seħħu: l-impjiegi fiċ-ċinema, il-protezzjoni tad-data privata fis-SWIFT.

3.   L-effetti possibbli tal-integrazzjoni trans-Atlantika

3.1   L-istrutturi ekonomiċi u kummerċjali tal-UE u tal-Istati Uniti huma pjuttost simili. L-ewwel effett li wieħed jista' jistenna huwa intensifikazzjoni tal-kompetizzjoni, li iktar milli fuq l-ispejjeż ser tiffoka fuq il-kwantità, il-kwalità u d-divrenzjar tal-prodotti. Ir-rata ta' skambju tad-dollaru għandha tgħin lill-Istati Uniti jġibu lura l-kompetittività fl-esportazzjoni. Ir-rati ta' interess huma iktar baxxi fl-Istati Uniti, u l-FED tirreaġixxi iktar malajr mill-BĊE. Fl-assenza ta' bidla radikali, iż-żona tal-euro probabbilment mhux ser ikollha l-kapaċità ta' reazzjoni meħtieġa biex tevolvi f'suq trans-Atlantiku wiesa'.

3.2   L-integrazzjoni tista' tkun ta' piż fuq l-ispejjeż u l-kundizzjonijiet ta' ħidma u twassal għal żieda fl-insigurtà, iktar u iktar billi s-suq tax-xogħol sar iktar flessibbli, is-salarji qed jonqsu b'mod iktar sinifikattiv u d-delokalizzazzjonijiet qed isiru intensivi, fi ħdan strateġija ta' diżinflazzjoni kompetittiva. L-Ewropej jibżgħu minn din il-pressjoni għal tbaxxija tal-istandards soċjali, tas-saħħa u ambjentali, u fuq il-livell ta' impjiegi u l-livell ta' għajxien tagħhom, meta l-integrazzjoni għandha tibbenefika liż-żewġ partijiet. It-titjib fil-prestazzjoni ekonomika u ż-żjieda fil-produttività huma parti mis-soluzzjoni, iżda xi wħud minn dawk li jkunu tilfu xogħolhom mhux ser iġibuh lura. L-Istati Membri, li reġgħu nbnew wara l-gwerra fuq il-bażi ta' kunsens soċjoekonomiku intern qawwi diġà qegħdin ibatu minn tensjoni marbuta mad-diverġenzi fis-sistemi rispettivi tagħhom li qegħdin joħorġu fid-dieher bl-aħrax minn Mejju 2010 lil hawn, bl-ispekulazzjoni fuq il-munita komuni.

3.3   Fil-qafas tal-frammentazzjoni miżjuda tal-proċessi produttivi (10), il-pajjiżi emerġenti jistgħu jkunu dawk li jmorru minn fuq fir-rigward tal-integrazzjoni trans-Atlantika, bir-riżultat li l-kompetizzjoni bejn l-ikbar żewġ ekonomiji taż-żona tal-OECD tikber. Fil-fehma tal-KESE, din hija hija waħda mit-temi li għandhom jiġu diskussi b'mod prijoritarju fid-djalogi trans-Atlantiċi.

4.   Il-modalitajiet tal-integrazzjoni

4.1   Il-ħolqien ta' blokk Ewro-Atlantiku ma jistax isir mingħajr ma jiġu infurmati l-popli kkonċernati. L-Unjoni tista' tieħu azzjoni demokratika u tivvalorizza d-djalogu maċ-ċittadini u mad-dinja tax-xogħol b'mod intern kif ukoll fil-korpi Ewro-Amerikani maħluqa għal dan il-għan. Il-Kummissjoni Ewropea tista' tkun il-faċilitatur ta' dan id-djalogu billi talloka iktar mezzi finanzjarji minn qabel (11); il-KESE huwa lest li jgħin lill-imsieħba Amerikani bl-istrutturar ta' kunsill Ewro-Amerikan tas-soċjetà ċivili.

4.2   Il-KESE jqis li l-integrazzjoni trans-Atlantika għandha, b'konformità mat-Trattat ta' Lisbona, tkun is-suġġett ta' konsultazzjoni taċ-ċittadini. Fl-assenza ta' pożizzjoni ċara tal-istituzzjonijiet kompetenti dwar il-promozzjoni internazzjonali tal-mudell soċjali Ewropew, l-integrazzjoni trans-Atlantikatinvolvi r-riskju ta' tidgħjif tal-“patt soċjali” Ewropew; iċ-ċittadini għandhom jiġu kkonsultati.

4.3   Il-KESE jixtieq li d-djalogu trans-Atlantiku jiżviluppa l-leġittimità:

1)

tal-identità Ewropea,

2)

tal-valuri u l-kultura tal-Ewropa, inkluż il-ħarsien tal-ambjent,

3)

tal-KESE, li permezz tal-membri tiegħu jirrappreżenta s-soċjetà ċivili organizzata tal-Unjoni.

5.   Regolamenti bankarji

5.1   Hemm bżonn ta' riformi urġenti tal-ekonomija globalizzata. Il-KESE jiddispjaċih li r-riforma tal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali qiegħda ssir tant bil-mod, bi ħsara għall-kompetizzjoni ġusta u ż-żamma tal-bilanċ soċjali.

5.2   Huwa urġenti li jiġu ddefiniti l-istandards komuni għall-aġenziji tal-klassifikazzjoni sabiex jiġi evitat li l-azzjonijiet tagħhom ikollhom konsegwenzi negattivi (12): l-aġenziji vvalutaw lill-banek b'mod pożittiv u dan wassal għall-kriżi; issa qegħdin jivvalutaw lill-Istati b'mod negattiv minħabba d-defiċit tagħhom marbut mal-assistenza li qed jagħtu lil dawn l-istess banek, li ser titħallas miċ-ċittadini. L-azzjonijiet tal-banek u tal-aġenziji tal-klassifikazzjoni huma żewġ punti li s-soċjetajiet ċivili tal-UE u tal-Istati Uniti jistgħu jiddibattu fuqhom fil-qafas tad-djalogu trans-Atlantiku.

6.   Libertajiet u drittijiet tal-bniedem

6.1   Dawn huma aċċettati bħala prinċipji iżda mhumiex irrispettati bl-istess mod miż-żewġ naħat: il-moviment ħieles għadu mhux qed jiġi trattat b'mod ugwali fost l-Ewropej kollha u l-Amerikani. Il-kwistjonijiet ta' viża, passaport u kontroll tas-sigurtà għandhom jiżviluppaw lejn armonizzazzjoni ikbar fuq il-bażi ta' mudell iddefinit b'mod komuni.

6.2   L-eżempju tas-“SWIFT” (13) joffri spjegazzjoni: fir-riżoluzzjoni leġislattiva tiegħu tal-11 ta' Frar 2010 (14) il-Parlament Ewropew kien oppona ruħu għat-tiġdid ta' ftehim dwar il-ġestjoni u t-trasferiment ta' data finanzjarja tal-UE lejn l-Istati Uniti mwettqa mill-kumpanija SWIFT. L-għan kien li jiġi ġestit l-aċċess dirett għas-servers Ewropej għal raġunijiet ta' sorveljanza tat-terroriżmu. Permezz tal-kompetenzi l-ġodda tiegħu, il-PE reġa' kkunsidra dan it-trasferiment lejn l-Istati Uniti tad-data kunfidenzjali tal-movimenti bankarji tal-Ewropej, li jimplika telf de facto tal-garanziji u l-protezzjoni offruti fil-liġijiet tal-Istati Membri u tal-Unjoni. Il-Membri Parlamentari riedu li l-Unjoni tispeċifika l-viżjoni tagħha tas-suq trans-Atlantiku fil-qasam tal-protezzjoni tad-drittijiet. Ippreferew jorjentaw ruħhom lejn sistema b'iktar Ewropa, bi rwol ġdid għall-Europol, bl-eżiġenza ta' dritt ta' rikors għaċ-ċittadini. Anke jekk il-garanziji llum mhumiex sħaħ, il-ftehim li ġie ffirmat fit-8 ta' Lulju 2010 ser jiġi rivedut kull sena. Dan imur fid-direzzjoni ta' dak li jixtieq il-Kummissarju Barnier, jiġifieri li s-suq intern “iservi bħala proġett tas-soċjetà li jkun iddefinit kollettivament mill-istituzzjonijiet Ewropej” (15). Dan huwa dak li jixtieq ukoll il-KESE fl-opinjoni attwali, li l-Unjoni tikkonferma l-viżjoni tagħha tas-suq trans-Atlantiku u tippromovi l-MSE tagħha fir-rispett tal-ġar il-kbir tagħha, l-Amerika.

6.3   Id-dritt għall-ħajja, il-bijoetika, l-oqsma fejn l-Unjoni għandha pożizzjonijiet progressisti, għandhom jiġu protetti u miżmuma permezz ta' qbil komuni separat mill-ftehimiet kummerċjali.

6.4   Il-KESE jixtieq li s-sħubija trans-Atlantika tikkontribwixxi realment għar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, kemm dawk politiċi u ċivili kif ukoll dawk ekonomiċi u soċjali. L-Istati Uniti għandhom storja twila favur id-drittijiet ċivili u politiċi, u ma' dawn l-Unjoni Ewropea żiedet l-iżvilupp tad-drittijiet ekonomiċi u soċjali. L-interess taż-żewġ kontinenti jinsab fil-volontà politika biex iċ-ċittadini u r-residenti kollha tagħhom jibbenefikaw minn dan mill-firxa sħiħa ta' drittijiet u possibbiltajiet ta' kull entità.

7.   Drittijiet soċjali

7.1   Il-KESE diġà nnota li d-djalogu “soċjali” trans-Atlantiku ma kellux suċċess kbir s'issa (16). Id-drittijiet soċjali huma kkunsidrati bħala inklużi fit-terminu “drittijiet fundamentali”, iżda t-tifsira sħiħa tagħhom hija dik ta' drittijiet “ċivili u politiċi”.

7.2   Il-KESE jqis li mhuwiex biżżejjed li wieħed ifakkar regolarment li l-Istati Uniti u l-UE għandhom l-istess valuri u li lil hinn mill-ekonomija t-tnejn għandhom l-għan li jiddefendu l-libertà, id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem. L-Unjoni għandha dejjem tfakkar fl-azzjoni esterna tagħha li d-drittijiet “fundamentali” l-oħra, id-drittijiet soċjali, huma parti integrali mill-pożizzjoni tagħha. It-testi fundamentali tagħha jinkludu klawżola soċjali orizzontali għall-konsiderazzjoni, kemm fit-tfassil kif ukoll fl-implimentazzjoni tal-politiki tagħha, tar-“rekwiżiti marbuta mal-promozzjoni ta' livell għoli tal-impjiegi, mal-garanzija ta' protezzjoni soċjali xierqa, mal-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali kif ukoll ma' livell għoli ta' edukazzjoni, taħriġ u protezzjoni tas-saħħa.” (17)

7.3   Fil-fatt huwa minħabba l-“Istat soċjali”, is-sistemi soċjali u r-rispett tad-drittijiet soċjali, inerenti fid-drittijiet tal-bniedem, li l-Ewropa tispikka fost il-kontinenti l-oħra.

Il-MSE jiġbor flimkien il-protezzjoni tal-libertajiet pubbliċi, il-mekkaniżmi tal-ekonomija soċjali tas-suq u l-motivazzjoni tal-azzjoni pubblika. Huwa magħmul minn tliet pilastri, is-sistemi ta' protezzjoni soċjali kollettiva, is-sistemi pubbliċi, id-djalogu soċjali. F'ċertu sens huwa sinteżi tal-“istil ta' għajxien Ewropew”. Il-KESE jiddispjaċih li dan fih innifsu mhuwiex ser jiġi promoss mill-Unjoni. Dawn l-aspetti kollha jitqajmu fit-Trattat ta' Lisbona. Dan il-mudell għandu jiġi promoss politikament permezz ta' approċċ “L-Ewropa = Benesseri għal kulħadd”. Il-KESE jemmen li l-Unjoni għandha tinsisti li l-elementi ta' dan l-istat soċjali jkunu fil-qalba tad-diskussjonijiet Ewro-Atlantiċi. Jemmen li jekk dan ma jsirx ser ibatu ċ-ċittadini, l-identità u d-diversità Ewropej.

8.   Sistemi ta' protezzjoni soċjali

8.1   L-Ewropej aċċettaw ċertu tqassim mill-ġdid tal-ġid nazzjonali mis-sistemi nazzjonali ta' protezzjoni soċjali kollettiva; dan ġie destabbilizzat mill-globalizzazzjoni tal-iskambji. Jekk l-UE ma tiddefendix il-Mudell Soċjali Ewropew, hemm il-periklu li tikkawża d-dekostruzzjoni tiegħu. Is-soċjetà kollha kemm hi tgħix aħjar meta l-ħin tax-xogħol limitat jippermetti li n-nies iqattgħu iktar ħin mal-familji tagħhom, pilastru soċjali fl-Ewropa, meta l-leave tal-maternità twil ikun imħallas sabiex it-tfal żgħar jitrabbew aħjar, meta l-kura għal mard serju tkun koperta mill-assigurazzjoni, meta l-anzjani dipendenti jiġu megħjuna: dawn mhumiex rigali tal-Istat, l-ispejjeż kbar ta' dan kollu ġew evitati jew mifruxa permezz tal-ħlasijiet soċjali u/jew it-taxxi mħallsa mill-benefiċjarji matul is-snin.

8.2   Illum ir-relazzjonijiet trans-Atlantiċi f'dan il-qasam mhumiex ibbilanċjati. L-Istati Uniti huma federazzjoni ta' Stati mingħajr Stat soċjali (la federali u lanqas fl-Istati) iżda qegħdin jikkunsidraw xi tibdil soċjali (liġi federali dwar l-assigurazzjoni tas-saħħa). L-UE tinkludi stat soċjali nazzjonali f'kull Stat Membru, iżda mhux fit-tliet pilastri fil-livell “federali”, li jirrakkomanda objettivi ta' konverġenza permezz tal-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni. Il-KESE jqis li din id-diskrepanza bejn l-UE u l-USA m'għandhiex twassal għal tidgħjif tal-mudell soċjali Ewropew. Huwa jistaqsi lilu nnifsu kemm id-drittijiet tal-Istati Membri ser iżommu sħaħ fi ħdan l-integrazzjoni trans-Atlantika, jekk ma jkunx hemm azzjoni Komunitarja u volontà politika biex jiġi promoss il-mudell Ewropew, partikolarment f'dan iż-żmien ta' kriżi.

8.3   Il-KESE jemmen li d-djalogu soċjali trans-Atlantiku, li jappoġġja bis-sħiħ, għandu jittratta l-isfida tal-“ftuħ kontra s-sigurtà” li tinsab fil-qalba tal-iżviluppi attwali. Hija kwistjoni tal-benesseri ta' 300 miljun persuna minn naħa u dak ta' 500 miljun ruħ min-naħa l-oħra.

8.4   Is-sistemi soċjali ħafna drabi jrrappreżentaw fl-Ewropa l-ekwivalenti tal-baġits tal-Istati. Is-16 % tal-PDG Amerikan iddedikat lill-ispejjeż ta' saħħa huwa ħafna meta wieħed iqis li l-kopertura taċ-ċittadini Amerikani hija iktar baxxa minn dik tal-Ewropej u li l-ispejjeż Ewropej huma iktar baxxi (il-medja tal-pajjiżi tal-OECD hija ta' 8,9 % tal-PDG). L-ekonomija reali taħdem permezz tagħhom. Huma jassorbu l-kriżi b'mod kruċjali għall-Ewropa u ċ-ċittadini tagħha, ħlief meta l-assigurazzjoni tkun individwali u l-fondi finanzjarji privati jkunu soġġetti għall-iżviluppi imprevedibbli tas-swieq. Il-KESE jqis li l-awtoritajiet għandhom id-dmir li jimpedixxu li l-ftuħ totali għall-kompetizzjoni fil-qafas ta' żona ekonomika Ewro-Amerikana integrata kbira jdgħajjef il-protezzjoni taċ-ċittadini. Għalhekk il-KESE huwa sodisfatt bis-suċċess miksub mill-Presidenza Amerikana attwali bl-istabbiliment ta' sistema innovanti ta' assigurazzjoni tas-saħħa fl-Istati Uniti.

8.4.1   Is-saħħa

8.4.1.1   L-objettiv tal-Unjoni għal konverġenza soċjali 'il fuq, akkumpanjata minn prinċipju ta' non- regressjoni soċjali, għandu l-approvazzjoni taċ-ċittadini u għandu jinżamm. In-nisa Ewropej, pereżempju, qatt m'huma ser jaċċettaw li d-drittijiet tagħhom f'termini ta' leave tal-maternità jonqsu. Fl-Istati Uniti dan il-leave huwa ferm iqsar u kultant mhux imħallas.

8.4.1.2   Il-KESE jqis li d-djalogu bejn l-Ewropa u l-Istati Uniti jimxi 'l quddiem jekk jindirizza dawn il-kwistjonijiet tant fundamentali għall-koeżjoni taż-żewġ soċjetajiet. Is-soċjetà Amerikana hija mifruda ħafna dwar il-proposta għal protezzjoni rregolata tas-saħħa b'fondi miksuba mit-taxxi taħt il-kontroll tar-rappreżentanti eletti. Il-KESE jemmen li dan forsi juri nuqqas ta' informazzjoni dwar il-mudell Ewropew, li mhuwiex ċentralizzat għall-kontinent kollu iżda li joffri garanziji sodi u kollettivi lil kulħadd, inkluż għar-residenti barranin, fi ħdan sistemi ta' kopertura tas-saħħa universali li jikkontribwixxu għall-PDG. Il-KESE jixtieq li l-Unjoni twassal din l-informazzjoni lis-soċjetà ċivili Amerikana. Id-djalogu tas-soċjetajiet ċivili organizzati jista' jkun mezz tajjeb għal dan.

8.4.2   Il-pensjoni

8.4.2.1   Bħalma huwa l-każ għall-oqsma l-oħra tas-sistemi ta' protezzjoni soċjali, jeżistu differenzi bejn l-Ewropej, u l-impatt ta' dan fuq l-ekonomija ġenerali huwa kbir. Ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili għandhom jiġu involuti fid-djalogu Ewro-Amerikan, minħabba t-tibdil kbir fl-istil ta' għajxien li jistgħu jwasslu għalih il-ftehimiet kummerċjali bejn iż-żewġ komunitajiet.

8.4.3   Il-qgħad

8.4.3.1   L-Istati Membri tal-UE kollha għandhom sistema pubblika ta' ħlasijiet għall-qgħad. L-integrazzjoni taż-żona Atlantika ġġib magħha r-riskju globali li, għal raġunijiet ta' kompetittività, tikber il-flessibbiltà f'dan il-qasam mingħajr ma tikber is-sigurtà. L-Ewropej jistgħu, bħall-Amerikani, jinkwetaw li s-sitwazzjoni tagħhom tiddgħajjef (18). Is-sitwazzjoni tal-ħaddiema fl-Istati Uniti marret lura mill-1970 lil hawn. Minħabba l-kriżi, l-insigurtà u l-għadd ta' ħaddiema foqra (“working poors”) żdiedu fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku. Ikkonfrontati minn kriżi ekonomika storika, iż-żewġ naħat tal-Atlantiku qegħdin jibżgħu li s-sitwazzjoni taggrava f'kuntest ta' flessibbiltà ikbar. Il-KESE jemmen li l-flessigurtà xi kultant tista' tgħin lill-impjegati, meta s-sigurtà mwiegħda tkun hemm, iżda din ma tistax tissostitwixxi impjieg stabbli li jġib miegħu salarju u pensjoni deċenti. L-Unjoni Ewropea għandha tradizzjoni ta' djalogu soċjali li jqis l-interessi rispettivi tal-partijiet involuti. Għandha testi dwar id-djalogu soċjali u l-istituzzjonijiet. Dan jeħtieġ organizzazzjonijiet ta' min iħaddem u tal-ħaddiema rappreżentattivi u impenjati favur it-tmexxija tan-negozjati.

9.   Servizzi pubbliċi  (19)

9.1   L-edukazzjoni

9.1.1   Fl-Istati Uniti, l-universitajiet, bi ħlas, huma rikonoxxuti bħala l-aqwa universitajiet fid-dinja u jiġbdu lill-Ewropej kemm bħala studenti kif ukoll bħala għalliema. Għall-Amerikani bħall-Ewropej, fil-ġejjieni l-impjieg ser ikun aktar disponibbli għall-impjegati mħarrġa sewwa u bi kwalifiki għoljin.

Dawn ser ikunu f'pożizzjoni aħjar biex jiksbu xogħlijiet b'salarju għoli, u b'hekk isaħħu l-prosperità Amerikana.

L-għadd ta' impjiegi li jitolbu livell għoli ta' studju għandu jikber b'mod ħafna iktar mgħaġġel minn dak tax-xogħlijiet b'inqas kwalifiki. Hija prevista żieda konsiderevoli fl-impjiegi li jeħtieġu diploma universitarju jew postsekondarju professjonali.

[Uffiċċju eżekuttiv tal-President tal-Istati Uniti – Kunsill tal-Kunsilliera Ekonomiċi (CEA), Jobs of the Future].

9.1.2   L-edukazzjoni hija t-triq lejn il-ġejjieni. Fl-UE, fejn l-edukazzjoni hija b'xejn, it-tnaqqis tas-servizzi pubbliċi u l-ibblukkar tal-politiki baġitarji nazzjonali wasslu għal sitwazzjoni fejn l-opportunitajiet ugwali qegħdin jonqsu. Bl-Istrateġija ta' Lisbona, l-UE qiegħda tirrakkomanda lill-Istati Membri li jorjentaw lill-universitajiet (studji superjuri), fl-ewwel lok lejn il-bżonnijiet tal-intrapriżi, u wara forsi lill-iskejjel sekondarji wkoll (studji sekondarji).

9.1.3   Il-KESE jqis li l-edukazzjoni għal kulħadd, l-ugwaljanza li hija tħeġġeġ bejn l-irġiel u n-nisa u r-rikonċiljazzjoni tal-ħajja familjali/professjonali għandhom jiggarantixxu l-opportunitajiet kollha għaċ-ċittadini. Tista' twassal għal skambji u djalogu bejn iż-żewġ soċjetajiet, pereżempju dwar l-edukazzjoni tul il-ħajja u s-sistemi ta' finanzjament, sabiex l-ekonomija ta' servizzi bbażata fuq l-għarfien tibbenefika liż-żewġ soċjetajiet filwaqt li jinstabu mezzi kif jiġu kkunsidrati dawk li m'għandhomx aċċess għaliha.

9.2   Qbil ġenerali fuq il-kummerċ tas-servizzi (AGCS)

9.2.1   Huma ċ-ċittadini tal-Unjoni li ġġieldu biex isalvaw l-industrija taċ-ċinema u jżommu l-ispeċifiċità tal-kultura Ewropea fid-dawl tal-perikli li tiffaċċja minħabba l-liberalizzazzjoni dinjija tas-servizzi. It-tħaris tal-identità Ewropea tiddependi minn tisħiħ tad-djalogu bejn il-kulturi favur iż-żamma tar-rikkezza mnibbta fid-diversità: diversi aspetti huma marbutin ma' dan, bħall-impjiegi, il-ħarsien tal-wirt, l-iżvilupp tal-innovazzjoni u tal-kreattività (ir-rwol tal-AGCS u tal-prestazzjoni ħielsa tas-servizzi).

9.2.2   Il-kultura mhijiex sempliċement merkanzija. Il-KESE jemmen li l-kultura għandha tkun parti mid-djalogu trans-Atlantiku tas-soċjetajiet ċivili organizzati.

9.3   Il-każ partikulari tal-immigrazzjoni u l-integrazzjoni

9.3.1   Iż-żewġ soċjetajiet qegħin jixjieħu u jridu jiġġestixxu l-immigrazzjoni tagħhom. L-isfida tikkonsisti f'li tinstab soluzzjoni għat-tixjiħ demografiku u l-bżonn ta' forza tax-xogħol, billi jinstab il-livell ta' tolleranza għall-koeżjoni soċjali. Dan jiddependi mill-politiki ta' integrazzjoni, li jridu jkunu politiki fit-tul bħala parti minn approċċ globali li jaħdem f'żewġ direzzjonijiet: immigranti/soċjetà ospitanti. Il-pressjoni interna u esterna hija qawwija. Il-KESE jqis li l-kwistjoni tal-migrazzjoni hija importanti għad-demokraziji u jixtieq li tkun is-suġġett ta' djalogu soċjali trans-Atlantiku li, rigward din il-kwistjoni, jista' jinvolvi lill-FEI.

10.   Id-djalogu soċjali

10.1   Dan huwa wieħed mill-punti fejn id-diskrepanza bejn iż-żewġ soċjetajiet hija mill-ikbar. Id-djalogu soċjali msawwar mill-istorja tal-Ewropej issa sar parti mill-kultura; huwa ma jeżistix l-Amerika, fejn iċ-ċittadini m'għandhomx mezz kif isemmgħu leħinhom f'dan ir-rigward. Għandhom jinstabu mezzi kif iż-żewġ soċjetajiet jistgħu jagħtu leħen lill-impjegati u jiżviluppaw l-informazzjoni u l-konsultazzjoni, fuq kollox f'dan iż-żmien kritiku wara l-kriżi finanzjarja tal-2008. Il-KESE jemmen li l-istandards stabbiliti flimkien huma neċessarji biex jiġu vvalutati u mqabbla s-sitwazzjonijiet soċjali u tax-xogħol taż-żewġ kontinenti, b'mod partikolari fir-rigward tal-ħin tax-xogħol u l-benefiċċji soċjali, sabiex tinħoloq viżjoni ċara tal-kompetittività ta' kull sistema f'kuntest fejn il-globalizzazzjoni tal-iskambji tuża s-salarji bħala element varjabbli ta' aġġustament.

10.2   Fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-2009, il-PE jipprevedi politika konġunta mal-Kungress Amerikan, bi tressiq tal-banek ċentrali Amerikani u Ewropej lejn xulxin. Madankollu, il-konvenzjonijiet tal-ILO ma ġewx irratifikati mill-Istati Uniti. Studju (20) wera li d-dinja tax-xogħol Amerikana, fejn il-protezzjoni fundamentali bħad-dritt li wieħed jitħallas salarju minimu, id-dritt li jitħallas għas-sigħat żejda maħduma, li jieħu pawża għall-ikel, li jirċievi għajnuna f'każ ta' inċident jew li jitlob kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar huma mċaħħda lil għadd kbir ta' impjegati.

10.3   Il-KESE jqis li fil-qafas tad-djalogu soċjali trans-Atlantiku, l-attenzjoni mogħtija lir-rappreżentanti tas-soċjetà ċvili u b'mod partikolari tal-ħaddiema, hija insuffiċjenti.

11.   Ambjent

11.1   Politika Amerikana favur l-ambjent ikollha impatt fuq l-għażliet baġitarji u fuq ix-xogħol. Għall-KESE, id-djalogu trans-Atlantiku jista' jgħaġġel is-sensibilizzazzjoni għal sostenibbiltà ikbar u għall-ħarsien tal-ambjent. Jemmen li s-soċjetà ċivili u l-konsumaturi għandhom rwol x'jaqdu biex l-ekonomija ssir iktar ekoloġika.

11.2   L-Unjoni u l-Istati Uniti għandhom ikunu kapaċi joħolqu flimkien industriji ġodda fil-qasam tal-bżonn tal-enerġiji rinnovabbli. Il-Kalifornja u l-Portugall għamlu l-istess għażliet fir-rigward tal-post li għandu jingħata lill-enerġija mix-xemx u mir-riħ. Il-KESE jqis li jkun ferm gravi għall-ġejjieni taż-żewġ setgħat jekk l-ideat ikunu tagħhom iżda mbagħad jintużaw it-teknoloġiji Ċiniżi (bħalma huwa l-każ fil-qasam tal-enerġija fotovoltajka).

12.   Fil-livell istituzzjonali

12.1   L-opinjoni preċedenti tal-KESE dwar ir-relazzjonijiet trans-Atlantiċi ddeskriviet diversi xenarji possibbli għall-ġejjieni tat-TALD u l-KET.

12.2   Il-KESE jixtieq ikun innovattiv u jinkludi b'mod istituzzjonali lir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili fi djalogu trans-Atlantiku fi ħdan is-soċjetajiet ċivili organizzati. Kull djalogu, rapport, studju jew ftehim imwettaq fil-qafas tar-relazzjonijiet trans-Atlantiċi għandu jkollu kapitolu li jikkunsidra l-impatt soċjali tal-miżuri previsti, lil hinn mill-ħolqien tal-impjiegi. L-Istati Membri għadhom ma approvawx politika soċjali integrata fil-livell tal-Unjoni minkejja l-fatt li fil-prattika jeżisti mudell komuni reali u li dan ifisser li l-Unjoni tkun tista' tiddefendi dan il-mudell fid-djalogu mal-Istati Uniti. L-Unjoni għandha tippromovi l-MSE tagħha billi tikseb viżibbiltà ikbar fl-Istati Uniti.

Brussell, 21 ta’ Ottubru 2010.

Il-President tal- Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Iż-żieda fil-PDG tal-Istati Membri mill-ħolqien tal-UE lil hawn hija prova ta' dan; ara wkoll in-nota 6 f'qiegħ il-paġna.

(2)  KET: Kunsill Ekonomiku trans-Atlantiku; TALD: Transatlantic Labour Dialogue (djalogu fi ħdan it-trejdjunjins).

(3)  ĠU C 309, 16.12.2006, p. 119-125.

(4)  Ftehim iffirmat fil-White House minn G.W. Bush, A. Merkel u J.M. Barroso.

(5)  PE, Riżoluzzjoni “L-istat tar-relazzjonijiet trans-Atlantiċi wara l-elezzjoni fl-Istati Uniti”.

(6)  Dwar il-Mudell Soċjali Ewropew: ara l-Preambolu tat-Trattat ta' Lisbona “JIKKONFERMAW ir-rabta tagħhom mad-drittijiet soċjali fundamentali kif definiti fil-Karta Soċjali Ewropea iffirmata f'Torin fit-18 ta' Ottubru 1961 u fil-Karta Ewropea tal-1989 dwar id-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema tal-1989 …”; ara TUE, Artikoli 3, 6, 32; ara TFUE, Artikolu 9 u Titolu X; ara t-Trattat ta' Lisbona-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, Artikoli 28, 34, 35, 36.

(7)  OECD, Dipartiment tal-affarijiet ekonomiċi, 2005, “Il-benefiċċji tal-liberalizzazzjoni tas-swieq tal-prodotti u tat-tnaqqis tal-ostakoli għall-iskambji u għall-investimenti internazzjonali: il-każ tal-Istati Uniti u tal-Unjoni Ewropea”.

(8)  Kapitolu 1, ĠU C 277, 17.11.2009, p. 117-124.

(9)  Dan il-proġett ġie ppreżentat b'mod konġunt mill-Kummissarji Leon Brittan (kummerċ estern), Martin Bangemann (industrija u telekomunikazzjoni) u Mario Monti (suq intern) f'Marzu 1998. Huwa jikkonċerna r-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Istati Uniti u jikkonsisti minn erba' oqsma: żona ta' kummerċ ħieles għas-servizzi; it-tneħħija tal-barrieri tekniċi għall-kummerċ, b'mod speċjali mill-ftehimiet ta' rikonoxxenza reċiproka; il-liberalizzazzjoni tas-swieq pubbliċi, tal-proprjetà intellettwali u l-investimenti; eventwalment, it-tneħħija progressiva tal-ħlasijiet tad-dwana fuq il-prodotti industrijali sal-2010. Issa pospost għall-2015.

(10)  Id-diżindustrijalizzazzjoni qed tkompli fl-Istati Uniti, fejn l-impjieg fil-manifattura naqas bi 30 % fl-aħħar għaxar snin u s-sehem tal-Istati Uniti fil-kummerċ dinji għadda minn 13 % għaxar snin ilu għal 9 %. Id-delokalizzazzjoni tal-produzzjoni qed tkompli fl-UE. Dwar il-ħin tax-xogħol, ara l-istudju ta' Rones et al., 1997, ikkwotat fir-Revue Internationale, IRES, Nru 54-01.2001.

(11)  Fl-2009 id-DĠ Relex tal-Kummissjoni għamlet sejħa għall-offerti ta' 800 000 euro għall-proġetti tas-soċjetà ċivili li jħeġġu d-djalogu bejn l-UE u l-Istati Uniti.

(12)  ĠU C 277, 17.11.2009, p. 117-124.

(13)  SWIFT: Society for Worldwide Interbank Financial Communications; kumpanija Amerikana rregolata mil-leġislazzjoni Belġjana li tiġġestixxi l-iskambji internazzjonali tad-data finanzjarja ta' iktar minn 200 pajjiż.

(14)  PE (05305/1/2010 REV1-C7-0004/2010-2009/0190(NLE). Ftehim SWIFT II, PE 8.7.2010 (11222/1/2010/REV1 u COR1-C7-0158/2010-0178-( NLE)).

(15)  Dibattitu organizzat fis-17 ta' Marzu 2010 minn Euractiv.fr flimkien mar-RP tal-Kummissjoni f'Pariġi u bl-appoġġ tad-DTCC, Depositary Trust and Clearing Corporation, Questions d'Europe Nru 165, 6 ta' April 2010, Fondazzjoni Robert Schuman.

(16)  ĠU C 288, 22.9.2009, p. 32-39.

(17)  TFUE, Artikolu 9.

(18)  “Middle Class in America”.

(19)  ĠU C 128, 18.5.2010, p. 97-102.

(20)  Dan l-istudju, dottorat, sar taħt is-superviżjoni ta' Annette Bernhardt, kodirettriċi tal-politika tal-Proġett NELP (National Employment Law), abbozz ta' liġi dwar l-impjieg.


ANNESS

tal-opinjoni tal-Kumitat

L-emenda li ġejja ġabret iktar minn kwart tal-voti iżda ġiet irrifjutata:

Punt 1.4

Immodifika kif ġej:

Il-KESE jirrakkomanda li minbarra regoli finanzjarji ġodda, iż-żona Ewro-Atlantika tfassal standards komuni dwar l-aġenziji tal-klassifikazzjoni u regoli ġodda għal-kompetizzjoni li l-livell ta' għajxien .

Voti favur

:

66

Voti kontra

:

76

Astensjonijiet

:

21