|
17.2.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 51/29 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Ir-rinnovazzjoni tal-metodu Komunitarju (linji gwida)” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)
2011/C 51/05
Relatur ġenerali: is-Sur Henri MALOSSE
Korelatur: is-Sur Georges DASSIS
Nhar is-17 ta' Diċembru 2009, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, iddeċieda li jfassal opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar
Ir-rinnovazzjoni tal-metodu Komunitarju (linji gwida).
Is-sottokumitat dwar ir-Rinnovazzjoni tal-metodu Komunitarju, inkarigat sabiex jipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adotta l-opinjoni tiegħu nhar id-19 ta' Mejju 2010. Ir-relatur kien is-Sur Henri Malosse u l-korelatur kien is-Sur Georges Dassis.
Minħabba t-tiġdid tal-mandat, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul l-466 Sessjoni Plenarja tiegħu tad-19, l-20 u l-21 ta' Ottubru 2010 (seduta tal-21 ta' Ottubru) li jaħtar lis-Sur Malosse bħala relatur ġenerali, u adotta din l-opinjoni b’187 vot favur, 5 voti kontra u 6 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 L-Unjoni Ewropea, minkejja s-suċċessi kbar tagħha u l-influwenza tagħha li qed tikber, ma tiqafx tiddubita u toħloq id-dubji dwarha nnifisha. L-unjoni ekonomika u monetarja, minkejja s-suċċess favoluż tal-Euro, illum għadha qed tbati l-konsegwenzi tal-kriżi finanzjarja, aktar milli bnadi oħra fid-dinja. L-Istrateġija ta' Lisbona ma ppermettitx lill-Unjoni li tieħu l-post ta' mexxejja dinjija fl-ekonomija tal-għarfien. Fid-dawl ta' dawn id-diffikultajiet, iċ-ċittadini qed isiru aktar impazjenti u huma ħafna dawk li qed jiddubitaw jekk l-Unjoni hijiex kapaċi tiffaċċja l-isfidi l-kbar ta' żminijietna: il-globalizzazzjoni, it-tibdil fil-klima u l-irkupru mill-kriżi ekonomika u finanzjarja.
1.2 F’mumenti ta' dubju, huwa dejjem tajjeb li wieħed idur għall-pedament tal-bini tal-Ewropa. Il-metodu Komunitarju li kellu s-suċċessi tiegħu fl-Unjoni Ewropea jrid jiġi rinnovat u rrilanċjat.
1.3 Il-KESE jissuġġerixxi li l-metodu Komunitarju jiġi applikat fl-oqsma li fihom iċ-ċittadini Ewropej għandhom aspettattivi għoljin: l-irkupru tal-ekonomija Ewropea, is-sistemi tal-edukazzjoni, l-innovazzjoni u r-riċerka aktar dinamiċi, is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, l-iżvilupp sostenibbli, il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, il-promozzjoni tal-ugwaljanza fl-opportunitajiet u l-ispirtu tal-intrapriża, il-libertà taċ-ċirkolazzjoni u l-mobbiltà tal-persuni fir-rispett tad-drittijiet soċjali, l-iżvilupp ta' servizzi ta' interess ġenerali fuq livell Ewropew l-aktar fil-qasam tal-komunikazzjoni, l-ambjent, is-saħħa, is-sigurtà u l-protezzjoni ċivili.
1.4 Dan it-tiġdid tal-metodu Komunitarju ma jistax ikun effettiv jekk ma jkunx akkumpanjat minn riżorsi adegwati bħal baġit Ewropew li jikber b’mod proporzjonat, l-iżvilupp tas-sħubijiet pubbliċi/privati, koordinament aħjar bejn il-baġits nazzjonali u dak Ewropew u l-konsolidazzjoni tal-Fond Monetarju Ewropew.
1.5 Għalhekk, il-KESE jikkonkludi li l-metodu Komunitarju ta' dan id-deċennju ma jistax ikun l-istess bħal dak tas-snin sittin jew tmenin. Hemm bżonn li llum iċ-ċittadini jipparteċipaw, speċjalment permezz tad-demokrazija parteċipattiva u bl-għajnuna tar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili. Għalhekk, il-KESE jixtieq jara li s-soċjetà ċivili tingħata rwol akbar fl-inizjattivi ta' politika Ewropej, kif wkoll fil-valutazzjoni tal-impatt tagħhom biex jiġi żgurat li qed jiġu implimentati b’mod effettiv u biex jitranġaw in-nuqqasijiet.
1.6 Il-metodu Komunitarju jista’ u għandu jerġa jsir l-ixprun ta' impetu ġdid għall-integrazzjoni Ewropea jekk jiġi adattat b’dan il-mod għall-isfidi tal-lum u għall-aspettattivi taċ-ċittadini, jingħatawlu l-mezzi meħtieġa għall-implimentazzjoni u jiġġedded b’parteċipazzjoni aktar ħajja tas-soċjetà ċivili.
2. Għalfejn għandu jiġi rrinovat il-metodu Komunitarju
2.1 Sa mill-bidu tal-avventura Ewropea, il-metodu Komunitarju kien wara l-oriġinalità u s-suċċess tal-kostruzzjoni Ewropea li wasslet għall-Unjoni Ewropea tal-lum. Huwa kkaratterizzat minn:
|
— |
mezzi komuni użati għal objettivi komuni, |
|
— |
proġetti mmarkati mill-interess ġenerali, |
|
— |
disussjonijiet miftuħin u demokratiċi li jinvolvu lis-soċjetà ċivili, |
|
— |
deċiżjonijiet mittieħda b’maġġoranza, b’rispett tal-liġi, |
|
— |
kontroll amministrattiv u ġudizzjarju effettiv tal-implimentazzjoni tagħhom, |
|
— |
impatt u rabtiet diretti fl-ambjenti ekonomiċi u soċjali. |
Huwa fuq il-bażi ta' dan il-metodu Komunitarju li ġie garantit il-qofol tal-progress Ewropew.
2.2 L-Istati Membri żammew kompetenzi mdaqqsa, ta' spiss esklużivi fl-oqsma li mhumiex direttament koperti mit-Trattati, minn kwistjonijiet tradizzjonali ta' sovranità li jolqtu d-difiża u l-pulizija sa kwistjonijiet oħra ta' natura politika, kulturali jew speċifikament storika bħall-fiskalità jew ir-relazzjonijiet soċjali. Il-kooperazzjoni intergovernattiva f’oqsma bħal dawn hija fiha nnifisha aspett importanti tal-kostruzzjoni Ewropea li wkoll jistħoqqilha li tiġi analizzata biex jitkejjel l-impatt reali tagħha u jiġi valutat l-adattament tagħha għar-realtajiet u l-isfidi tal-Unjoni Ewropea tal-lum.
2.3 Is-suċċess tal-approċċ Komunitarju fil-kisba tal-objettivi komuni prinċipali mexa id f’id mal-iżvilupp ekonomiku u l-approfondiment politiku tal-proċess ta' integrazzjoni Ewropea. Dan is-suċċess wassal ukoll li tinħoloq ġibda b’saħħitha u qawwija li qatt ma dehret qabel fil-kontinent Ewropew bi tkabbiriet suċċessivi, l-ewwel lejn il-Punent, it-Tramuntana u n-Nofsinhar u wara lejn il-Lvant, bil-waqgħa tal-Purtiera tal-Ħadid.
2.4 Madankollu, matul dawn l-aħħar snin, il-metodu Komunitarju tilef il-pass u l-ġibda tiegħu. Il-Kummissjoni Ewropea mhux dejjem uriet li kellha l-mezzi jew ir-rieda li tieħu inizjattivi li jirrispondu għall-isfidi u l-aspettattivi. Madankollu, illum, l-Unjoni Ewropea għandha quddiemha sfidi ġodda bil-globalizzazzjoni, li dejjem aktar tidher li hi bla ħniena, u l-kriżi finanzjarja u ekonomika, li qed tpoġġi ħafna intrapriżi f’diffikultà, speċjalment l-SMEs, u qed iżżid l-inugwaljanzi soċjali bi ħsara għal numru dejjem akbar ta' persuni li jinsabu esklużi jew tal-anqas f’diffikultajiet kbar. Iċ-ċittadini Ewropej qed tonqsilhom dejjem aktar il-fiduċja fil-bini tal-Ewropa peress li donnha qed toħolqilhom aktar problemi milli ssolvilhom.
2.5 In-nuqqas tal-impatt Ewropew fis-Summit Dinji ta' Kopenħagen tal-2009 dwar it-tibdil fil-klima u n-nuqqas ta' kapaċità tal-Unjoni li tirreaġixxi waħedha quddiem id-diffikultajiet finanzjarji ta' wieħed mill-Istati Membri taż-żona Euro saħħew l-impressjoni li l-affarijiet mhux sejrin tajjeb, li wasslet ukoll għal instabbiltà fil-kamp finanzjarju.
2.6 Quddiem il-pass mgħaġġel tal-globalizzazzjoni, l-Unjoni Ewropea tidher li qed timxi bilmod u li nqabdet fil-kontradizzjonijiet, il-kumplessitajiet u d-dewmien tagħha. Il-KESE jirrakkomanda li mad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, il-metodu Komunitarju għandu jiġġedded biex ikun jista’ jingħata impetu ġdid li huwa meħtieġ biex l-Ewropa ssib postha fix-xena ekonomika u politika dinjija. Ir-rakkomandazzjonijiet tal-KESE jmissu prinċipalment il-kwistjonijiet ewlenin li ġejjin:
|
— |
l-enfasi fuq l-identità u l-interess ġenerali Ewropew; |
|
— |
l-adegwatezza tal-objettivi u r-riżorsi, |
|
— |
l-impenn tas-soċjetà ċivili. |
3. L-enfasi fuq l-identità u l-interess ġenerali Ewropew;
3.1 Il-metodu Komunitarju mhux ser jerġa’ jitnieda jekk l-identità komuni Ewropea ma tiġix stabbilita lil hinn mill-interessi u d-diversitajiet nazzjonali. Għalhekk, mhu ser iservi għalxejn li jiġu mmultiplikati r-rakkomandazzjonijiet ġuridiċi biex jinfetħu l-appalti pubbliċi jekk l-Istati Membri u l-amministrazzjonijiet nazzjonali tagħhom m’għandhom l-ebda inċentiv ġenwin biex jixtru prodotti Ewropej, bil-biża’ li jurtaw lil dawk li jħallsu t-taxxi u taħt il-pressjoni mill-kumpaniji “tagħhom”, filwaqt li l-kunċett “Ewropew” jibqa’ marbut ma' dak ta' “barrani”. Madankollu, quddiem il-globalizzazzjoni, hija biss Ewropa magħquda madwar dawn l-objettivi komuni u essenzjali li tista’ tkun kapaċi tiksibhom.
3.2 Għalhekk hemm bżonn li jiġi definit x’inhu l-interess ġenerali Komunitarju. Il-Kummissjoni teħtieġ tistimula aktar id-diskussjoni f’dan il-qasam u mhux tibqa’ fil-ġenb bħalma ġara reċentement waqt il-kriżi finanzjarja u d-diffikultajiet ta' wieħed mill-Istati Membri taż-żona Euro. Ta’ spiss tidher li toqgħod attenta li ma turtax l-Istati Membri u l-amministrazzjonijiet nazzjonali filwaqt li l-interess komuni, li hu mifhum minn kulħadd, spiss jeħtieġ soluzzjonijiet ibbażati fuq is-solidarjetà u l-kunċett ta' komunità ta' interessi.
3.3 Jidher li hu dejjem aktar diffiċli għall-Kummissjoni Ewropea li tiddefinixxi u tirrappreżenta dan l-interess ġenerali Ewropew. Iżda dan hu r-rwol tagħha. Hemm bżonn li terġa taqbad ir-ritmu tas-snin 60 u 80. Illum il-ġurnata m’għadhiex waħedha u t-twaqqif ta' trijanglu istituzzjonali ġdid, b’Parlament imsaħħaħ u President permanenti tal-Kunsill Ewropew, għandu jħeġġiġha sabiex twettaq ir-rwol tagħha ta' istituzzjoni li tipproponi u tikkontrolla b’mod aktar sħiħ.
3.4 Minn issa ’l quddiem, il-Parlament Ewropew irid jieħu rwol ewlieni fid-definizzjoni tal-interess ġenerali Ewropew peress li jirrappreżenta liċ-ċittadini. Biswit il-Kummissjoni Ewropea, iż-żewġ Kumitati konsultattivi (il-KESE u l-KtR) iridu jkunu jistgħu jaqdu rwol ta' lieva biex jistimulaw u jsaħħu l-inizjattivi tal-Kummissjoni Ewropea mingħajr ma jinsew id-dritt tal-inizjattiva taċ-ċittadini, kif ukoll ir-rabtiet l-oħra kollha mas-soċjetà ċivili.
3.5 Ir-reviżjoni tal-metodu Komunitarju ma jagħmilx sens jekk dan ma jiġix akkumpanjat minn reviżjoni tal-kunċett tas-“sussidjarjetà” li ma ġiex interpretat ħlief f’sens wieħed, jiġifieri bħala strument li jfixkel l-applikazzjoni tal-metodu Komunitarju u l-implimentazzjoni ta' politiki Komunitarji ġodda. Hemm bżonn ta' approċċ ġdid u aktar dinamiku għal dan il-kunċett, li jkun ibbażat fuq il-prinċipju li, għal raġunijiet ta' effikaċja u ta' ekonomija fuq skala kbira, se jkun jaqbel li, aktar ta' spiss, dawk is-setturi li għandhom bżonn riżorsi kbar jiġu trasferiti għal-livell Ewropew: infrastrutturi, riċerka u żvilupp, politika industrijali, difiża, politika barranija, sigurtà, il-ġlieda kontra n-nuqqas ta' saħħa, eċċ. Iċ-ċittadini Ewropej huma kapaċi jifhmu dan jekk il-politiċi nazzjonali tagħhom ma jibqgħux jaħbulhom il-verità.
3.6 Quddiem id-divarju dejjem ikbar bejn iċ-ċittadini u l-isituzzjonijiet Ewropej, huwa importanti li l-Unjoni tiddefinixxi oqsma ġodda għall-applikazzjoni tal-metodu Komunitarju li jkunu jirriflettu l-aspettattivi kbar taċ-ċittadini.
3.6.1 Għalhekk wasal iż-żmien li jiġu żviluppati servizzi Ewropej ta' interess ġenerali fl-oqsma fejn l-iżvilupp tas-sitwazzjonijiet u l-isfidi jwasslu biex dawn ikunu meħtieġa: protezzjoni ċivili, għajnuna fl-urġenzi internazzjonali, servizz tad-dwana, trasport, ċentri tar-riċerka, netwerks ta' veloċità għolja, eċċ. Fuq dawn il-bażijiet ġodda, ikun possibbli li jiġu promossi konċessjonijiet Ewropej ta' interess ġenerali permezz ta' sħubijiet pubbliċi/privati għall-iżvilupp tan-netwerks trans-Ewropej (trasport, enerġija, telekomunikazzjoni) biex b’hekk tissaħħaħ il-koeżjoni u l-kompetittività tal-Unjoni Ewropea.
3.6.2 Biex il-ħajja taċ-ċittadini u l-intrapriżi ssir aktar faċli u dawn isiru konxji tar-realtà tas-suq uniku, jistgħu jittieħdu għadd ta' inizjattivi li l-utilità tagħhom għall-interess ġenerali ilha li ġiet aċċettata: politika industrijali Ewropea kkaratterizzata minn sinerġiji biex tiġi ffaċċjata l-globalizzazzjoni, statut Ewropew għall-SMEs, għall-fondazzjonijiet u l-assoċjazzjonijiet, servizz wieħed tat-taxxa għall-attivitajiet transkonfinali tal-SMEs, privattiva Komunitarja. Bl-istess mod għandhom jiġu żviluppati għadd ta' strumenti leġislattivi li jiggarantixxu ċ-ċirkolazzjoni ħielsa tal-persuni fir-rispett tad-drittijiet soċjali u l-konvenzjonijiet kollettivi. Speċjalment fil-qasam tas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, l-iżvilupp sostenibbli u l-ħarsien tal-konsumaturi, jistgħu jinbtu wkoll inizjattivi oħra wara l-inizjattivi taċ-ċittadini, imwasslin l-aktar mill-Parlament u mill-KESE.
3.6.3 Kif ġie enfasizzat diversi drabi mill-KESE, l-għażla ta' direttivi fil-qasam kruċjali tal-appalti pubbliċi wasslet għal falliment enormi, l-akbar falliment minn mindu nħoloq is-suq uniku. Tletin sena wara l-Att Uniku Ewropew, l-appalti pubbliċi għadhom wisq frammentati. In-nuqqas ta' spirtu Komunitarju, l-għadd ta' direttivi Ewropej iddettaljati ħafna, il-leġislazzjonijiet nazzjonali addizzjonali kif ukoll id-derogi numerużi wasslu biex tinżamm l-iżolazzjoni tal-ekwivalenti ta' 15 % tal-PDG Ewropew. F’dan il-qasam, l-istess bħal f’oqsma oħra fejn dan jgħodd, il-Kummissjoni Ewropea għandha tagħti preferenza lir-regolament b’applikazzjoni diretta minflok lid-direttiva li l-implimentazzjoni tagħha tinvolvi traspożizzjoni fil-livell nazzjonali.
3.6.4 L-Unjoni Ewropea għandha żżid l-investiment tagħha fit-“trijanglu tal-għarfien”: l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni. L-edukazzjoni, li kulħadd jaf li hija element essenzjali għall-irkupru tal-Ewropa, ma tistax tibqa’ stranġiera għall-Unjoni Ewropea. Fuq il-bażi tas-suċċess tal-inizjattiva Erasmus, hemm bżonn li fil-livell Ewropew jitnedew programmi aktar ambizzjużi ta' mobilità, skambji appoġġjati min-netwerk Ewropew tal-universitajiet, inizjattivi partikulari li jippromovu kompetenzi prinċipali, l-iżvilupp tal-intraprenditorjat u azzjonijiet favur gruppi mmirati fuq il-pjan Ewropew permezz ta' approċċ ġdid ta' interess ġenerali. Fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni, it-tmien Programm Qafas Ewropew irid isir is-simbolu ta' Ewropa ġdida u jiffoka fuq oqsma bħan-nanoteknoloġiji b’ċentri tar-riċerka komunitarji, proġett industrijali ġenwinament Ewropew u mezzi umani u finanzjarji adegwati.
3.6.5 L-unjoni ekonomika u monetarja trid tiġi stabbilita fil-qalba ta' din l-identità u din il-koeżjoni Ewropea. Illum dan kollu huwa ’l bogħod mir-realtà, bħalma juru b’mod ċar il-politiki nazzjonali differenti tal-pajjiżi tal-UE, membri taż-żona Euro quddiem il-kriżi ekonomika u finanzjarja. Il-membri taż-żona Euro jridu jsiru laboratorju avvanzat tal-integrazzjoni ekonomika u finanzjarja, billi bejniethom jiżviluppaw kooperazzjoni msaħħa li toħloq effett ta' impetu pożittiv għad-dinamiżmu u l-effikaċja tal-Unjoni kollha. Il-KESE jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni li timmira li tissorvelja l-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri. Fil-fehma tiegħu dan ir-rwol irid imur lil hinn minn wieħed ta' kontabilità tat-tip OECD u jqis il-prijoritajiet politiċi taċ-ċittadini tal-Unjoni, speċjalment f’termini ta' koeżjoni soċjali, il-ġlieda kontra l-esklużjoni, il-ħolqien tal-impjiegi u l-iżvilupp tal-kreattività u l-intraprenditorija.
3.6.6 L-Unjoni Ewropea, bis-saħħa tal-munita unika tagħha, għandha wkoll titkellem b’vuċi waħda fil-laqgħat ekonomiċi u finanzjarji internazzjonali, partikularment dik tal-G20 u ssaħħaħ, fil-livell Ewropew, il-parteċipazzjoni tagħha fl-FMI u l-Bank Dinji.
3.6.7 It-tisħiħ tal-politika barranija Ewropea huwa element prinċipali tat-Trattat ta' Lisbona. Dan jinkludi partikularment il-ħolqien ta' servizz diplomatiku, kariga għal Rappreżentant Għoli (amalgamata mal-funzjoni ta' Viċi President tal-Kummissjoni) u l-ħolqien ta' delegazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea fil-pajjiżi terzi li jissostitwixxu d-delegazzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea. Huwa importanti li t-Trattat jiġi implimentat b’mod ambizzjuż sabiex l-Ewropa titkellem effettivament b’vuċi waħda, id-diskors tagħha jkollu aktar piż u koerenza għall-barranin filwaqt li b’mod strutturat torganizza fuq il-pjan politiku, ekonomiku, kulturali, xjentifiku u kummerċjali, koordinazzjoni ġenwina tal-azzjonijiet barranin minflok ma tintilef fuq ir-rivalitajiet żgħar li jservu biss biex idgħajfu l-pożizzjoni tal-Unjoni.
4. L-adegwatezza tal-objettivi u r-riżorsi
4.1 Jekk ħafna mill-objettivi Komunitarji twettqu biss parzjalment, ta' spiss dan kien minħabba n-nuqqas ta' determinazzjoni li dawn jitwettqu b’mod komplet u n-nuqqas ta' allokazzjoni tar-riżorsi komuni neċessarji.
4.1.1 Bl-istess mod, fir-rigward tar-rilanċ tas-suq intern, ir-rapport ta' Mario Monti (1) jagħmel xi suġġerimenti relevanti ħafna biex jiżgura l-implimentazzjoni effettiva tiegħu: tisħiħ tan-netwerk SOLVIT, valutazzjoni tal-implimentazzjoni tad-direttivi, parteċipazzjoni tal-amministrazzjonijiet nazzjonali, il-parlamenti nazzjonali u s-soċjetà ċivili, tneħħija tal-aħħar ostakli partikularment dawk marbutin mal-mobilità tal-persuni. Għaldaqstant il-KESE jirrakkomanda li dan ir-rapport, wara konsultazzjoni adatta mal-partijiet differenti tas-soċjetà ċivili, irid jiġi segwit minn pjan ta' azzjoni preċiż b’kalendarju tal-implimentazzjoni.
4.1.2 Ser ikun hemm bżonn ta' għajnuna baġitarja mill-Unjoni f’forma adegwata (allokazzjonijiet baġitarji, self, sħubijiet pubbliċi/privati, eċċ.) sabiex jindirizzaw l-oqsma l-ġodda ta' applikazzjoni tal-metodu Komunitarju. Is-suċċess tal-KEFA fl-1951 kien ibbażat fuq il-fatt li l-mezzi kienu adattati għall-objettivi. Il-baġit attwali tal-Unjoni (inqas minn 1 % tal-PDG) huwa baxx wisq biex jinkisbu l-objettivi mistennija miċ-ċittadini fl-oqsma kollha fejn hemm bżonn ta' intervent aktar effikaċi. Tkabbir regolari fil-baġit bejn l-2013 u l-2020 lejn l-objettiv ta' 2 % tal-PDG jidher li huwa objettiv li jista’ jintlaħaq li m’għandu jsib l-ebda oġġezzjoni, fid-dawl tal-ekonomiji ta' skala u l-bżonn li jonqos id-dejn pubbliku tal-Istati Membri – sakemm il-prinċipju tat-trasferimenti baġitarji mil-livell nazzjonali lejn il-livell Ewropew jinftiehem mill-gvernijiet u jiġi spjegat tajjeb liċ-ċittadini. B’mod partikulari, huwa jippermetti li jiġu ffinanzjati l-ħtiġijiet ta' investiment u ta' netwerks kbar, jiġi appoġġjat it-trijanglu tal-għarfien (l-edukazzjoni, ir-riċerka, l-innovazzjoni) li tissaħħaħ il-politika ta' koeżjoni u li l-Unjoni tingħata l-mezzi umani u finanzjarji għall-politika barranija tagħha.
4.1.3 Biex tiffinanzja dan l-impenn minn issa sal-2020, l-UE ser ikollha bżonn ir-riżorsi tagħha, kif ukoll li l-baġits nazzjonali u dak Ewropew ikunu kkoordinati aħjar. Fid-dawl tad-defiċits li qed jikbru fil-finanzi pubbliċi wara l-kriżi finanzjarja tal-2008, ser ikun faċli li wieħed juri li d-dejn jonqos aktar malajr, mingħajr ma jiġi ssagrifikat it-tkabbir, billi r-riżorsi jitpoġġew flimkien biex jiġu ffinanzjati nefqiet pubbliċi bħad-difiża, is-sigurtà tal-fruntieri, l-għajnuna barranija, ir-riċerka, il-politika industrijali eċċ. L-Istati Membri jridu juru r-rieda politika tagħhom li jaqbdu din it-triq.
4.1.4 Quddiem il-kriżi finanzjarja, pass importanti kien ikun il-ħolqien ta' Fond Monetarju Ewropew ġenwin li jaġixxi fuq, u jistabbilizza ż-żona Euro (speċi ta' Riżerva Federali Ewropea) li kien jippermetti li b’mod solidali jiġu affrontati d-diffikultajiet li jiltaqa’ magħhom xi wieħed mill-membri tiegħu. Kien hemm bżonn tal-waqa’ tal-Euro u tad-deterjorazzjoni tal-kriżi f’wieħed mill-Istati Membri biex dawn l-Istati waqqfu Fond embrijoniku u ddeċidew li jaġixxu, mhux aktar fuq livell bilaterali iżda b’mod kollettiv – filwaqt li xorta kien għad hemm bżonn tal-għajnuna addizzjonali tal-FMI.
4.1.5 Barra minn hekk, jidher biċ-ċar li l-kisba tal-objettivi tal-integrazzjoni u l-koeżjoni jeħtieġu allokazzjoni aħjar tar-riżorsi Ewropej biex jiġi pprovdut appoġġ aħjar lill-programmi transkonfinali, li għalihom hemm allokat biss 1 % tal-baġit, minkejja li jaqdu rwol indispensabbli ta' tisħiħ għat-tħaddim tajjeb tas-suq uniku. Is-suċċess tal-istrateġija 2020 jiddependi kemm mill-kwistjoni tal-mezzi kif ukoll mill-appoġġ effettiv li ċ-ċittadini jagħtu lil dawn l-objettivi, li mhuwiex il-każ fil-preżent.
4.2 L-Ewropa ta' 27 pajjiż ma tistax tibqa’ tiggverna ruħha kif kienet l-Ewropa ta' 6 pajjiżi. It-trijanglu istituzzjonali bir-raġun qed jagħti aktar importanza lill-Parlament Ewropew. L-istituzzjonijiet u l-implimentazzjoni kemm jista’ jkun mgħaġġla tad-dritt tal-inizjattiva taċ-ċittadini jridu jagħmlu minn dan strument verament demokratiku.
4.2.1 L-estensjoni tal-kompetenzi Komunitarji mxiet flimkien mal-estensjoni tal-proċedura tal-kodeċiżjoni bejn il-Parlament u l-Kunsill. Min-naħa l-oħra, it-trattati suċċessivi li fformulaw dawn ir-regoli ġodda ma tantx fittxew li jadattaw il-proċeduri ta' konsultazzjoni kif hemm bżonn. Fil-mument, il-KESE jiġi kkonsultat dwar il-proposti tal-Kummissjoni meta tibda l-proċedura ta' kodeċiżjoni, filwaqt li dan għandu jsir ħafna qabel.
4.2.2 Il-KESE kieku jaqdi r-rwol konsultattiv tiegħu b’mod aktar effikaċi jekk jiġi kkonsultat qabel dawk li jieħdu l-kodeċiżjoni, hekk kif titħejja l-analiżi preliminari tal-impatt. Il-kunċett ta' opinjoni esploratorja hekk jieħu s-sens kollu tiegħu. L-opinjoni tal-Kumitat flimkien mal-analiżi tal-impatt imbagħad ikunu jistgħu jiġu mehmużin mal-proposta tal-Kumissjoni li tintbagħat lil dawk li jieħdu l-kodeċiżjoni. Ir-relatur tal-KESE jrid ukoll jiġi mismugħ mill-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew.
4.2.3 Il-Kummissjoni għandha tassigura wkoll li jsiru konsultazzjonijiet adegwati meta tkun ser tirtira xi proposta li tkun diġà saret, b’mod partikulari meta din tkun tikkonċerna direttament lill-atturi tas-soċjetà ċivili. Għalhekk, il-Kummissjoni ma kellhiex tirtira l-proposta għal Statut Ewropew tal-Assoċjazzjonijiet mingħajr konsultazzjoni.
4.2.4 Fil-qasam tal-governanza, l-Unjoni trid tiggarantixxi b’mod aktar proattiv il-prinċipju tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa li jippermetti lil dawn tal-aħħar li jsibu posthom b’mod ugwali fiċ-ċentru tad-deċiżjonijiet u l-konsultazzjoni.
4.3 It-Trattat ta' Lisbona reġa’ wessa’ l-ambitu tad-deċiżjonijiet adotatti b’maġġoranza kwalifikata, li għalhekk isiru r-regola tal-funzjonament tal-UE 27. L-unanimità madankollu tibqa’ neċessarja f’ċerti oqsma li huma marbutin ħafna mal-affarijiet Komunitarji, bħal pereżempju l-fiskalità. L-esperjenza tindika b’mod ċar li esiġenza bħal din faċilment tibblokka l-funzjonament tal-Unjoni fl-oqsma fejn l-unanimità għadha teżisti. Għalhekk huwa kemxejn paradossali li l-Unjoni, li kellha x-xewqa li ssir l-ekonomija tal-għarfien l-aktar kompetittiva u l-aktar dinamika fid-dinja, ma rnexxilhiex, minkejja l-intenzjonijiet iddikjarati ripetutament mill-Kunsill Ewropew, tiżblokka l-adozzjoni tal-privattiva Komunitarja, li għadha soġġetta għall-unanimità!
4.3.1 Diversi preċedenti jindikaw madankollu li l-metodu Komunitarju xi kultant ippermetta li jinstabu, meta dan kien neċessarju, il-mezzi neċessarji biex jingħeleb l-ostaklu tal-unanimità. B’dan il-mod, il-Protokoll Soċjali u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali Soċjali setgħu jitkomplew bi 11-il pajjiż parteċipant, bir-Renju Unit jingħaqad magħhom aktar tard. Ma nistgħux napplikaw l-eżempju ta' din il-flessibbiltà għal oqsma oħra fejn illum teżisti l-problema ta' blokk, bħall-privattiva Komunitarja jew l-armonizzazzjoni tal-bażi fiskali tal-kumpaniji?
4.3.2 L-UEM hija probabbilment l-aħjar eżempju ta' kooperazzjoni msaħħa li rnexxiet, li bdiet bi grupp żgħir ta' pajjiżi li kien miftuħ għal dawk li kellhom il-kapaċità li jintegraw. Iżda, l-Eurogrupp għadu ma rnexxilux, anke b’Bank Ċentrali Ewropew ta' natura federali, jiżviluppa governanza ekonomika komuni tal-istess livell tal-unjoni monetarja. Il-ħin mitluf matul l-aħħar għaxar snin huwa ta' tħassib. Sakemm dan ma jiġix progressivament assorbit matul l-għaxar snin li ġejjin, ser jhedded il-koeżjoni, il-kompetittività u l-impjiegi taż-żona Euro, mingħajr ma tintesa, ovvjament, il-vijabbiltà tal-Euro nnifisha. Biex dan jiġi rimedjat, hemm bżonn li t-tħaddim tal-Eurogrupp jiġi rivedut biex isir aktar effikaċi u trasparenti, partikularment billi l-kapijiet tal-Istat jew tal-gvern taż-żona Euro jiltaqgħu fuq bażi regolari (u mhux biss f’sitwazzjoni ta' kriżi) u billi l-laqgħat jinfetħu għal ministri oħra kkonċernati mill-valur tal-Euro: affarijiet soċjali, industrija eċċ.
4.4 F’Ewropa b’27 Stat Membru, bla dubju, il-kwistjoni tat-traspożizzjoni korretta tad-direttivi u tal-Ewrokompatibilità tal-politiki nazzjonali għandha piż importanti. Għalxejn tiġi ffaċilitata l-adozzjoni tad-direttivi jekk l-Istati Membri jieħdu l-ħin biex jimplimentawhom fl-iskadenzi preskritti jew iżidu dispożizzjonijiet nazzjonali superfluwi.
4.4.1 Il-Kummissjoni għandha ttejjeb it-tabelli tagħha ta' valutazzjoni tat-traspożizzjoni tad-direttivi, li ta' spiss jippermettu li ssir pressjoni effikaċi fuq l-Istati Membri li qegħdin jibqgħu lura. L-imsieħba tas-soċjetà ċivili jridu jiġu kkonsultati f’dawn is-sitwazzjonijiet.
4.4.2 L-għajnuniet Komunitarji jridu jiffokaw l-aktar, meta dan ikun neċessarju, fuq it-titjib tal-kondizzjonijiet li fihom l-Istati Membri jittrasponu u japplikaw ir-regolamentazzjoni komuni u fuq it-tneħħija tal-ostakli u t-tfixkil li għadhom jeżistu f’dawn l-oqsma.
5. L-impenn tas-soċjetà ċivili.
5.1 Hemm tendenza li spiss jintnesa l-objettiv tal-kostruzzjoni Ewropea, kif kien ġie ddikkjarat minn Jean Monnet: “aħna ma nagħmlux koalizzjonijiet bejn l-Istati, aħna ngħaqqdu n-nies”. L-isfiduċja murija mill-elettorat matul il-konsultazzjonijiet li saru dawn l-aħħar snin dwar il-futur tal-Ewropa għandha twassal biex jiġi analizzat il-mod li bih tipparteċipa s-soċjetà ċivili, li llum jidher biċ-ċar li mhuwiex adegwat.
5.2 Ir-regolamentazzjoni Komunitarja qed tkompli titħejja f’kondizzjonijiet li huma wisq ’il bogħod miċ-ċittadini. L-istennijiet ġustifikati tagħhom dwar il-libertajiet, is-sigurtà u s-semplifikazzjoni ta' spiss ikunu delużi minħabba l-paraliżi deċiżjonali jew il-kompromessi, wisq modesti, mill-Istati Membri u l-amministrazzjonijiet nazzjonali tagħhom. Huwa għalhekk li hemm bżonn li tissaħħaħ il-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, u b’mod partikulari tal-utenti, fi ħdan il-kumitati regolatorji, fuq il-bażi tal-metodi li ġew ippruvati mill-proġetti ta' semplifikazzjoni SLIM, iżda did-darba dan għandu jsir minn isfel għal fuq, matul il-proċess ta' tħejjija tar-regolamentazzjoni, minflok minn fuq għal isfel, meta dan ikun diġà ġie adottat u jkun hemm ħafna għaġla biex jiġu kkoreġuti l-agħar żbalji li jesperjenzaw l-istess utenti.
5.3 Huwa wkoll kruċjali li l-atturi tas-soċjetà ċivili jingħataw spazji Ewropej fejn ikunu ħielsa u responsabbli li jiddefinixxu regoli komuni li jikkonċernawhom, permezz ta' prattiki awtonomi ta' awtoregolamentazzjoni jew billi jippreċiżaw ċerti aspetti tar-regolamentazzjoni pubblika fil-qasam tagħhom, bi stedina mill-leġislatur biex jitħejjew il-koregolamenti. L-indipendenza kuntrattwali tal-imsieħba soċjali Ewropej ingħatatilhom bit-Trattat ta' Maastricht fuq talba espliċita tagħhom. Filwaqt li t-Trattat ma jipprevedix dan espliċitament, ġew żviluppati wkoll approċċi simili f’oqsma oħra: l-standardizzazzjoni teknika, ir-rikonoxximent professjonali, il-prestazzjoni ta' servizzi, il-kummerċ, b’mod partikulari l-kummerċ elettroniku, is-sigurtà tal-kunsinna u tal-pagament, id-drittijiet tal-konsumaturi, l-enerġija u l-ambjent. Il-Kumitat wettaq sondaġġ dwar dan u appoġġjahom f’rapport ta' informazzjoni. Ftehim interistituzzjonali Ewropew tal-2003 pprovda l-qafas proċedurali. Issa hemm bżonn li l-leġislatur Ewropew jinkorpora fir-regolament tiegħu spazji ta' libertà li jħeġġu dawn il-prattiki, taħt il-kontroll tiegħu u b’mod komplementari għall-attività tiegħu. Dan l-appoġġ għandu jikkonċerna wkoll metodi alternattivi biex jiġu solvuti l-kunflitti, bħall-konċiljazzjoni u l-medjazzjoni.
5.4 L-Ewropa ma tistax timxi ’l quddiem jekk l-Ewropej ma jiġux imħajra li jħossuhom u jaġixxu ta' Ewropej. Dan jissoponi li jingħatawlhom l-għodod komuni li għad m’għandhomx: drittijiet ekonomiċi u soċjali aktar ċari, proċeduri aktar sempliċi, mezzi ġuridiċi aktar awtonomi, statuti komuni inqas limitati (ara l-assoċjazzjonijiet, il-kumpaniji, il-fondazzjonijiet). Huwa l-ewwel nett fil-livell lokali (taċ-ċittadini, l-assoċjazzjonijiet, l-awtoritajiet lokali) li l-Ewropa trid tinħass bħala ħtieġa u ssir ambizzjoni u sors ta' kburija komuni.
5.5 Għalhekk għandu jitnieda programm multiannwali, bi skeda preċiża li tkopri l-għaxar snin mill-2010, biex l-Ewropej stess jingħataw il-mezzi ħalli flimkien jaqdu rwol ta' xprun, li mingħajru ma jistax ikun hemm tiġdid tal-metodu Komunitarju.
5.6 Bl-appoġġ indispensabbli tal-Parlament Ewropew, il-KESE, il-KtR u l-organizzazzjonijiet Ewropej kbar tas-soċjetà ċivili li huma marbutin mat-3 gruppi tal-Kumitat (Min Iħaddem, Impjegati u Interessi Varji), jistgħu jippruvaw iniedu konsultazzjoni wiesgħa dwar it-temi prinċipali ta' interess ġenerali għall-għaxar snin li ġejjin li probabbilment jibbenefikaw minn rilanċ tal-metodu Komunitarju, li fil-verità jfisser politiki komuni ġodda.
Brussell, 21 ta’ Ottubru 2010.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Staffan NILSSON
(1) “Strateġija ġdida għas-Suq Uniku – għas-servizz tal-ekonomija u s-soċjetà Ewropea” [traduzzjoni mhux uffiċjali] – Rapport lill-President tal-Kummissjoni Ewropea mressaq minn Mario Monti, 9.5.2010.