15.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 48/72


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Titjib tal-mudelli tas-‘sħubijiet parteċipattivi pubbliċi-privati’ fl-iżvilupp ta’ ‘servizzi-e’ għal kulħadd fl-UE 27” (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2011/C 48/13

Relatur: is-Sur CAPPELLINI

Nhar is-16 ta’ Lulju 2009, il-Kunsill Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Titjib tal-mudelli tas-“sħubijiet parteċipattivi pubbliċi-privati” fl-iżvilupp ta’ “servizzi-e” għal kulħadd fl-UE 27

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-6 ta’ Settembru 2010.

Matul l-465 sessjoni plenarja tiegħu li saret nhar il-15 u s-16 ta’ Settembru 2010 (seduta tas-16 ta’ Settembru 2010), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’102 voti favur, vot wieħed kontra u 5 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-Aġenda Diġitali tal-Kummissjoni Ewropea (KE) u l-proposti tar-Rapport dwar is-Suq Intern biex jitwasslu benefiċċji ekonomiċi u soċjali sostenibbli minn suq uniku diġitali u konnessjonijiet tal-internet b’veloċità qawwija ħafna li ser iwasslu l-applikazzjonijiet liċ-ċittadini u lill-SMEs fiż-żoni rurali u remoti. Barra minn hekk, il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew (PE) u l-Kumitat tar-Reġjuni (KtR), li hemm bżonn ta’ iktar attivitajiet ta’ monitoraġġ sabiex jiġi żgurat li kulħadd igawdi mill-broadband b’linji fissi u dak bla fili sal-2013. Hemm bżonn ta’ investiment akbar fil-livelli kollha u għandhom jiġu studjati wkoll is-Sħubijiet Pubbliċi Privati (PPPs) għaż-żoni rurali u remoti biex in-netwerks jiġu aġġornati.

1.2

Il-KESE jappoġġja l-qafas għall-politika komuni tal-UE u nazzjonali biex jintlaħqu l-miri tal-Ewropa 2020 u għalhekk jitlob lill-KE biex tistabbilixxi grupp ta’ konsultazzjoni li jkun jista’ jgħin lill-Istati Membri, il-pajjiżi kandidati u l-operaturi privati interessati jissorveljaw aħjar l-aċċess għall-kopertura tal-broadband fiż-żoni rurali u dawk remoti.

1.3

Hemm nuqqasijiet serji tas-suq fil-provvista ta’ netwerks tal-broadband b’veloċità qawwija bi prezzijiet aċċessibbli fiż-żoni remoti. Għalhekk il-KE għandha tippromovi spettru sħiħ ta’ politiki li jiffaċilitaw l-iżvilupp ta’ netwerks miftuħin fi ħdan l-inizjattivi tal-Istat u s-settur pubbliku. L-UE għandha tuża bis-sħiħ l-iżvilupp tas-servizzi fis-settur pubbliku u dak privat sabiex tikkontribwixxi għat-titjib tas-servizzi lokali u reġjonali fl-oqsma tas-saħħa, l-edukazzjoni, is-servizzi ta’ emerġenza ta’ interess ġenerali, is-sigurtà u s-servizzi soċjali. L-adozzjoni ta’ PPP mill-awtoritajiet kollha tista’ toffri appoġġ strateġiku lill-SMEs li jispeċjalizzaw fis-servizzi pubbliċi tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (TIK) kif ukoll fil-ħiliet tal-intraprendituri żgħażagħ fit-TIK.

1.4

L-investiment privat u l-PPPs fiż-żoni remoti, rurali u dawk bi dħul baxx għandhom jiġu promossi permezz tal-Fondi Strutturali, il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) u l-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI) biex iwasslu konnessjonijiet bl-internet bi prezzijiet ġusti liċ-ċittadini vulnerabbli u lill-SMEs.Riżorsi tal-KE ddedikati għal dan għandhom jiġu diretti lejn il-promozzjoni tal-PPPs fi ħdan proġetti pilota transreġjonali u transkonfinali, u għandu jiġi promoss “Jum Ewropew dwar is-servizzi-e għal kulħadd”.

1.5

Il-KESE jagħti importanza kbira lill-bini ta’ sħubijiet iktar b’saħħithom bejn il-provvedituri pubbliċi u privati tas-servizzi-e pubbliċi li joffru servizz aħjar u iktar effiċjenti. Hemm bżonn ta’ iktar trasparenza u parteċipazzjoni attiva min-naħa taċ-ċittadini, filwaqt li jinżammu s-sjieda tal-investiment fl-infrastruttura pubblika u s-sorveljanza tal-prestazzjoni. Is-servizzi pubbliċi huma spiss ipprovduti fil-livell reġjonali u lokali fejn l-SMEs u l-assoċjazzjonijiet tagħhom jistgħu jieħdu sehem fi sħubijiet tas-settur pubbliku, kemm bħala provvedituri diretti kif ukoll, jekk hemm bżonn ta’ riżorsi finanzjarji sinifikanti jew għarfien espert globali, fi ħdan konsorzju. Dan huwa diġà l-każ fi Franza (Auvergne), l-Italja (Trentino Alto Adige, Lombardia) u Stati Membri oħra tal-UE.

1.6

Aċċess għal broadband bla fili ta’ kwalità għolja u bi prezz raġonevoli jista’ jżid l-aċċessibbiltà u l-kwalità tas-servizzi pprovduti mill-awtoritajiet, waqt li jkun iktar faċli għall-SMEs li jbiegħu l-prodotti tagħhom. Ir-reġjuni u l-komunitajiet remoti ser jibbenefikaw l-aktar mill-aċċess għal servizzi tal-broadband li jkollhom veloċità akbar.

1.7

Il-KESE jisħaq fuq il-ħtieġa ta’ investimenti straordinarji għall-iżvilupp tal-aċċess b’veloċità qawwija u universali għal broadband fiss jew bla fili għaċ-ċittadini u l-konsumaturi kollha. Fil-livell tal-UE, qafas ta’ għajnuna statali li jkun konformi mad-dispożizzjonijiet tal-UE dwar il-kompetizzjoni jista’ jgħin f’dan ir-rigward, hekk kif tista’ tgħin ukoll koordinazzjoni mtejba bejn id-diversi politiki u programmi tal-UE, biex l-għażla tal-konsumaturi tikkontribwixxi biex jintlaħqu l-objettivi ppjanati għal aċċess għaċ-ċittadini u l-lokalitajiet kollha għas-servizzi-e.

1.8

Il-KESE jaqbel li kull dar għandu jkollha aċċess għall-Internet broadband bi prezzijiet kompetittivi sal-2013. Id-dividend diġitali għandu jiġi promoss u użat biex iwessa’ l-kopertura tal-broadband bla fili u l-kwalità tas-servizzi. L-Istati Membri jridu jaġġornaw il-miri nazzjonali għall-kopertura mill-broadband b’veloċità qawwija biex jixprunaw l-awtoritajiet reġjonali u l-atturi privati fl-appoġġ koerenti tagħhom ta’ strateġija Ewropea għal broadband b’veloċità qawwija. B’mod partikolari, l-awtoritajiet reġjonali, l-UE u/jew l-istituzzjonijiet nazzjonali konsultattivi, l-SMEs, l-organizzazzjonijiet u atturi privati oħra għandhom ikunu involuti sa mill-bidu nett fl-inizjattiva tal-KE “L-Internet tal-Ġejjieni”.

1.9

Il-KESE jappoġġja s-soluzzjonijiet PPP li l-mudelli ta’ finanzjament tagħhom jistgħu jipprovdu broadband kosteffettiv u fil-ħin liċ-ċittadini fir-reġjuni rurali u transkonfinali. Għaldaqstant il-KESE jenfasizza li l-ħiliet diġitali, b’mod partikolari għall-SMEs u l-intraprendituri żgħażagħ fiż-żoni rurali u remoti huma kruċjali għal soċjetà diġitali inklużiva, speċjalment fejn l-aċċess għas-servizzi elettroniċi joħloq ostakli diġitali għall-anzjani, il-gruppi żvantaġġati u dawk bi dħul baxx. Iridu jiġu indirizzati wkoll il-problemi attwali ta’ aċċess.

1.10

L-istituzzjonijiet tal-UE għandhom jisfruttaw b’kull mod l-iżvilupp tas-servizzi elettroniċi fis-settur pubbliku u privat biex jitjiebu s-servizzi lokali u reġjonali fis-saħħa, l-edukazzjoni, is-servizzi tal-emerġenza u s-sigurtà u ta’ interess ġenerali iktar wiesa’ u s-servizzi soċjali.

2.   Sfond/Kuntest ġenerali

2.1

L-internet sar waħda mill-aktar infrastrutturi strateġikament importanti tas-seklu 21 u huwa obbligu ċentrali għat-tisħiħ mill-UE tas-servizz universali previst fit-Trattat ta’ Lisbona. Madankollu, fiż-żoni rurali u remoti, is-sitwazzjoni ftit li xejn għadha tjiebet u ma tantx nistgħu nitkellmu dwar suq Ewropew tas-servizzi elettroniċi (1). Peress li s-settur privat ma jidhirx interessat li jissodisfa t-talba għas-servizzi u peress li l-gvernijiet waħedhom mhumiex kapaċi jlaħħqu ma’ din l-isfida, soluzzjoni adatta tkun li ż-żewġ partijiet (pubbliku u privat) jipparteċipaw fil-qsim tal-benefiċċji u r-riskji permezz ta’ PPP f’dan il-qasam. L-involviment attiv u r-rwol tas-soċjetà ċivili organizzata fil-PPP fit-tnedija tas-servizzi-e jistgħu jaqdu funzjoni kruċjali f’dan il-proċess.

2.2

Din l-opinjoni fuq inizjattiva proprja għandha l-għan li tistudja din il-kwistjoni u tippromovi d-dibattitu dwar is-sejba ta’ soluzzjonijiet sostenibbli biex is-servizzi elettroniċi jitwasslu kullimkien u lil kulħadd fl-Ewropa, partikolarment fl-anqas żoni aċċessibbli u lill-aktar gruppi vulnerabbli.

2.3

F’dan il-kuntest, l-objettivi ġenerali ta’ din l-opinjoni huma dawn li ġejjin:

analiżi, bl-assistenza tal-KESE u l-organizzazzjonijiet ta’ interess pubbliku u privat, ta’ kif il-PPPs jistgħu jiġu adottati għall-promozzjoni tas-servizzi elettroniċi għal kulħadd, b’mod partikolari l-individwi, in-negozji u l-gvernijiet reġjonali jew lokali;

indikazzjoni tal-potenzjal għal inklużjoni soċjali ikbar ta’ gruppi vulnerabbli u għall integrazzjoni ekonomika taż-żoni remoti permezz ta’ applikazzjoni sostenibbli u effiċjenti tal-PPPs għat-twassil tas-servizzi elettroniċi fl-Ewropa (2);

assistenza lill-istituzzjonijiet tal-UE u dawk li jifformaw il-politiki, kif ukoll il-pubbliku interessat u l-atturi privati li jixtiequ jidħlu f’PPP fil-qasam tas-servizzi elettroniċi, billi jiġu identifikati l-problemi u fejn possibbli s-soluzzjonijiet, billi jwettqu analiżi tal-impatt tad-domanda u l-offerta tas-servizzi-e b’rabta mal-bżonnijiet tas-soċjetà ċivili, biex jesploraw il-ħtiġijiet ta’ impjiegi u ħiliet rilevanti, kif ukoll politiki u prattiki ta’ programmi tajbin fil-livell tal-UE li jistgħu jiġu trasferiti għal-livell nazzjonali u reġjonali.

2.4

L-ICT qed jolqtu l-parti l-kbira tal-aspetti ta’ ħajjitna. Hekk kif id-differenzi bejn it-telefown, l-internet, ix-xandir televiżiv, iċ-ċellulari u servizzi essenzjali tal-komunikazzjoni oħra jiddgħajfu, hekk ukoll qed tiddgħajjef id-differenza bejn is-setturi industrijali u dawk pubbliċi u bejn il-politika tal-UE u dik nazzjonali. Filfatt ħafna politiki nazzjonali u reġjonali ma kinux kapaċi joffru aċċess globali għal dawn is-servizzi b’mod effikaċi għal kulħadd.

2.5

F’dan il-kuntest, Neelie Kroes, il-Kummissarju l-ġdid għall-Aġenda Diġitali nediet dibattitu dwar konsultazzjoni pubblika “biex tara jekk għandniex bżonn naġġornaw ir-regoli biex niżguraw li ċ-ċittadini tal-UE u n-negozji jkollhom aċċess għas-servizzi ta’ komunikazzjoni essenzjali, fosthom l-internet veloċi. Irridu nkunu żguri li ħadd ma jispiċċa barra mis-soċjetà diġitali.” Barra minn hekk il-Komunikazzjoni reċenti “Ewropa 2020” tikkonferma l-għan li jitwasslu benefiċċji ekonomiċi u soċjali sostenibbli minn Suq Uniku Diġitali permezz tal-internet b’veloċità qawwija u qawwija ħafna u applikazzjonijiet interoperabbli, b’aċċess għall-broadband għal kulħadd sal-2013.

2.6

L-Istrateġija ta’ Lisbona kienet diġà identifikat il-fatt li neħtieġu aċċess għal faċilitajiet diġitali moderni (pereżempju l-internet, il-GPS) u ’l hekk imsejħa servizzi elettroniċi. Fid-dawl ta’ dan, il-modernizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi trid tinkludi:

provvista ta’ servizzi ta’ kwalità aħjar u aktar siguri lill-popolazzjoni ġenerali;

risposta lit-talbiet tan-negozji, b’mod partikolari l-SMEs, li għandhom bżonn anqas burokrazija u aktar effiċjenza;

assigurazzjoni tal-kontinwità transkonfinali tas-servizzi ta’ interess ġenerali (fosthom il-protezzjoni ċivili), li huma importanti ferm biex tinżamm il-mobbiltà fl-Ewropa u l-koeżjoni soċjali fl-Istati Membri.

2.7

Il-qafas regolatorju attwali tal-UE (taħt id-Direttiva Servizz Universali (3) tal-2002) jirrikjedi lill-Istati Membri li jiżguraw li ċ-ċittadini kollha jista’ jkollhom konnessjoni man-netwerk pubbliku tat-telefown f’lokalità fissa u aċċess għas-servizzi pubbliċi tat-telefown għall-komunikazzjoni bil-vuċi u tad-data li għandhom aċċess funzjonali għall-internetIl-konsumaturi għandu jkollhom aċċess għas-servizzi tad-direttorji u għad-direttorji, it-telefowns pubbliċi bi ħlas u għal miżuri speċjali jekk għandhom diżabbiltà.

2.8

Barra minn hekk, Komunikazzjoni reċenti tal-KE identifikat il-PPPs bħala waħda mill-għażliet fil-każ tal-“aċċellerazzjoni” tal-użu tal-internet fl-Ewropa u t-twassil tas-servizzi elettroniċi liċ-ċittadini tal-UE. Il-PPPs jidhru li jippermettu liċ-ċittadini Ewropej li jużaw aħjar it-teknoloġiji magħrufin u dawk li qed joħorġu issa b’approċċ aktar globali. Barra minn hekk, il-PPPs jistgħu jgħinu wkoll biex jinkixfu l-ostakli li jinħolqu minn affarijiet li mhumiex tekniċi u jimbuttaw għal strateġija li tindirizzahom (4). It-terminu PPP jkopri għadd kbir ta’ sitwazzjonijiet u għaldaqstant jeżistu diversi definizzjonijiet fil-letteratura, bħal-linji gwida tan-Nazzjonijiet Uniti (5) jew il-prattiki tal-BEI.

2.9

Il-KE għamlet sensiela ta’ konsultazzjonijiet pubbliċi bl-involviment tal-KESE dwar suġġetti bħal:

Aċċess tal-ġenerazzjoni li jmiss (NGA);

It-trasformazzjoni tal-opportunità tad-dividend diġitali f’benefiċċji soċjali u fi tkabbir ekonomiku fl-Ewropa;

Il-prinċipji tas-Servizz Universali fil-komunikazzjonijiet elettroniċi.

2.10

Il-Komunikazzjoni tal-KE COM (2009) 479 finali, dwar “Sħubija pubblika-privata dwar Il-Ġejjieni tal-Internet”, tfittex li tipprovdi qafas li fih jistgħu jsiru t-tħejjijiet għal soċjetà “intelliġenti” u biex tiżdied il-kompetittività tal-industrija Ewropea tal-ICT. It-tħejjija għat-tnedija tal-inizjattiva tal-PPPs dwar l-Internet tal-Ġejjieni, kif promoss minn xi Stati Membri u atturi industrijali, ser teħtieġ involviment ikbar tas-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet reġjonali.

3.   Kummenti ġenerali: Il-PPPs u t-twassil tas-servizzi elettroniċi

3.1

Hekk kif fis-soċjetà tagħna jiġu garantiti l-provvista u l-aċċess għall-ikel, l-ilma, l-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa, il-moviment u l-awtoritajiet pubbliċi, huwa importanti li nidentifikaw u nadottaw l-aktar soluzzjonijiet sostenibbli u l-aktar politiki effettivi li jiggarantixxu trattament ugwali għaċ-ċittadini u n-negozji tal-UE fis-soċjetà tal-informazzjoni, l-aktar fiż-żoni rurali u remoti tal-UE.

3.2

Madankollu, s’issa dan ma ntlaħaqx kullimkien fl-UE u għad hemm żoni ġeografiċi u gruppi soċjali f’riskju tal-esklużjoni diġitali. L-esklużjoni diġitali tista’ tkun marbuta ma’ fatturi demografiċi (l-età, is-sess, it-tip ta’ familja), soċjoekonomiċi (l-edukazzjoni, l-impjieg, l-istatus, id-dħul) jew ġeografiċi (bħat-tip ta’ dar, il-lokalità, karatteristiċi reġjonali jew lokali partikolari, fatturi ġeopolitiċi, eċċ.). Ir-raġunijiet tal-falliment tas-suq fis-servizzi-e jiddependu mill-każ u jistgħu jinkludu pajsaġġ sfavorevoli, popolazzjoni baxxa, sistema ta’ tassazzjoni għolja jew dawn kollha flimkien. Peress li ħafna drabi t-talba u t-tranżazzjonijiet ma jkunux biżżejjed f’dawn iż-żoni, l-operaturi privati spiss jiddeċiedu li ma jinvestux.

3.3

Madankollu, m’għandhiex tingħata attenzjoni esklużiva lill-esklużjoni ġeografika iżda għandha tiġi kkunsidrata wkoll l-esklużjoni soċjali li tmur id f’id mal-poter tal-akkwist jew il-kompetenzi limitati ta’ ċerti gruppi ta’ utenti (6). Għalhekk, is-servizzi elettroniċi għandhom jiġu estiżi biex jiżguraw l-aċċess lill-utenti kollha, irrispettivament mis-sitwazzjoni ġeografika, finanzjarja jew soċjali tagħhom.

3.4

Hemm bżonn ta’ sforz straordinarju ta’ politika u miżuri għat-trasferiment tar-riżultati lill-gruppi vulnerabbli u fuq kollox liż-żoni mhux urbani.

3.5

Il-KESE ddedika diversi opinjonijiet u rakkomandazzjonijiet ewlenin lil suġġetti varji marbutin mas-servizzi elettroniċi, l-interoperabbiltà tagħhom u l-infrastrutturi tal-ICT (7).

3.6

Il-KESE jemmen li l-PPPs jistgħu jkunu mezz biex jitwasslu s-servizzi elettroniċi fl-UE - dan huwa qasam promettenti ġdid b’aspetti kritiċi tal-operat.

3.7

L-analiżi wriet li fost l-argumenti ewlenin favur dan l-approċċ hemm:

titjib fil-kwalità tas-servizzi elettroniċi għal gruppi vulnerabbli;

titjib fil-kosteffettività, permezz tal-innovazzjoni, l-esperjenza u l-flessibbiltà tas-settur privat;

żjieda fl-investiment fl-infrastruttura pubblika biex testendi t-twassil tas-servizzi elettroniċi;

sostenibbiltà ta’ flessibbiltà akbar u l-aċċess għar-riżorsi tal-imsieħba privati;

titjib fil-kwalità tan-nefqa pubblika;

gwadann fl-effiċjenza u konverġenza tas-servizzi ta’ interess ġenerali.

3.8

Barra minn hekk, l-investiment urġenti fi proġetti ta’ infrastruttura huwa mezz importanti biex tinżamm l-attività ekonomika, b’mod partikolari fiż-żminijiet ta’ kriżi li ninsabu fihom, u jista’ jikkontribwixxi lejn ritorn mgħaġġel għal tkabbir ekonomiku sostnut. F’dan il-kuntest, il-PPPs jistgħu joffru mezzi għat-twassil ta’ proġetti ta’ infrastruttura, servizzi ta’ interess ġenerali u servizzi ta’ appoġġ għan-negozji li jiggarantixxu l-iżvilupp lokali u l-irkupru ekonomiku f’xi reġjuni tal-UE (8).

3.9

Jeżistu wkoll riskji fir-rigward tal-PPP għas-servizzi-e. Wieħed minnhom huwa r-riskju li ż-żoni remoti ma jiġux koperti, peress li ħafna drabi dawn jinvolvu telf għall-provvedituri privati tas-servizzi. Għaldaqstant, il-PPP kollha għandhom jinkludu obbligu li jipprovdu dawn is-servizzi wkoll liż-żoni remoti.

4.   Kwistjonijiet kritiċi fl-iżvilupp tas-servizzi elettroniċi

4.1

F’din l-opinjoni qed nindirizzaw ukoll l-iżvilupp tas-servizzi elettroniċi, li bih qed infissru t-tixrid tal-faċilitajiet u l-provvista ta’ aċċess ugwali madwar l-UE. Dan jinkludi jew il-ħolqien ta’ infrastruttura ġdida “intelliġenti” fejn hemm bżonn, jew it-titjib ta’ dik attwali. Din il-kwistjoni tqajjem xi punti kritiċi dwar:

Effiċjenza Il-fatt li tkun teżisti infrastruttura mhux dejjem ifisser li taħdem b’mod effiċjenti jew li hija aċċessibbli bl-istess mod għall-gruppi soċjali xierqa. L-aktar eżempju reċenti huwa pprovdut mill-istħarriġ tal-Ewrobarometru dwar kemm nies jafu bin-numru tal-emerġenza 112. Għalkemm is-servizz diġà jeżisti u jaħdem f’għoxrin pajjiż tal-UE, il-perċentwali tan-nies li jafu bih huwa baxx ħafna, 32 % ta’ dawk intervistati (9). It-titjib jista’ jinkiseb billi ċ-ċittadini jiġu informati aħjar u billi t-teknoloġiji tat-tagħlim elettroniku jiġu applikati aħjar.

Żoni rurali. Għad hemm differenzi kbar madwar l-UE rigward l-aċċess għas-servizzi elettroniċi (10). Iż-żoni rurali għadhom ibatu minn nuqqas ta’ aċċess għall-ICT, 23 % tan-nies f’dawn iż-żoni m’għandhomx aċċess għan-netwerks tal-broadband fiss (11).

4.2

F’approċċ li huwa verament dak ta’ “suq miftuħ”, il-PPP għandha titnieda mill-bidu nett bil-parteċipazzjoni effettiva tal-livelli kollha tal-awtoritajiet tal-UE/nazzjonali/reġjonali, l-imsieħba soċjali, l-atturi tas-soċjetà ċivili organizzata, l-organizzazzjonijiet tal-SMEs, l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi u partijiet interessati aktar mifruxa (operaturi, bejjiegħa, fornituri tal-IT, swieq vertikali u dawk tal-applikazzjoni, eċċ.).

4.3

Bidu adatt jista’ jkun il-Fondi Strutturali tal-UE, il-BEI/FEI u ċerti programmi speċifiċi bħall-mekkaniżmi attwali tal-Programmi Qafas fil-Programmi ta’ ħidma dwar l-ICT tal-ġejjieni (għall-2011-2013), b’baġit ta’ madwar EUR 300 miljun.

4.4

F’dan il-kuntest, il-PPPs jistgħu jibbenefikaw mill-ħidma tal-ħames “Pjattaformi Ewropej tat-Teknoloġija” (ETPs), bl-iskambji dwar il-kwistjonijiet relatati mal-internet u r-Riċerka Strateġika rispettiva tagħhom. Karatteristika essenzjali ta’ PPP ta’ dat-tip hija li jinfetħu pjattaformi ta’ servizz miftuħin, standardizzati u transsettorjali.

4.5

Mill-perspettiva tal-politika Ewropea, setturi bħall-kura tas-saħħa, il-mobbiltà, l-ambjent u l-ġestjoni tal-enerġija huma kandidati ewlenin li jibbenefikaw minn infrastrutturi ġodda “intelliġenti” li jaħdmu bl-internet, li jiffaċilitaw l-aċċess rapidu tas-servizzi u l-adozzjoni tagħhom minn miljuni ta’ utenti u klijenti.

Brussell, 16 ta’ Settembru 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Sħubija pubblika-privata dwar l-Internet tal-Ġejjieni - COM(2009) 479 finali.

(2)  Il-problema ewlenija tas-servizzi elettroniċi fl-UE hija li m’hemmx definizzjoni waħda komuni. Is-soltu, b’servizzi elettroniċi, wieħed jifhem is-sens dejjaq tal-ICT (Teknoloġiji tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni), fosthom servizzi bħall-gvern-e, negozju-e, saħħa-e, informazzjoni tas-settur pubbliku, tagħlim-e, inklużjoni-e, u akkwist pubbliku-e.

(3)  ĠU L 108, 24.4.2002, p. 51-77

(4)  White Paper dwar id-definizzjoni tal-PPP tal-ġejjieni tal-internet, Jannar 2010.

(5)  Guide book on promoting good governance in Public-Private Partnership (Gwida dwar il-promozzjoni tal-governanza tajba fis-Sħubija Pubblika-Privata) – Nazzjonijiet Uniti, New York u Ġinevra, 2008.

(6)  ĠU C 139, 11.5.2001, p. 15; ĠU C 123, 25.4.2001, p. 53; ĠU C 108, 30.4.2004, p. 86.

(7)  ĠU C 77, 31.3.2009, p. 60; ĠU C 175, 28.7.2009, p. 92; ĠU C 175, 28.7.2009, p.8; ĠU C 317, 23.12.2009, p. 84; ĠU C 218, 11.9.2009, p. 36; ĠU C 224, 30.8.2008, p. 50; Opinjoni tal-KESE dwar It-trasformazzjoni tad-dividend diġitali f’benefiċċji soċjali u fi tkabbir ekonomiku, is-Sinjura Darmanin (TEN/417).

(8)  COM(2009) 615 finali, Il-mobilizzazzjoni tal-investiment privat u pubbliku għall-irkupru u tibdil strutturali fit-tul: l-iżvilupp tal-Partenarjati Pubbliċi Privati.

(9)  Flash Eurobarometer 285 – The European Emergency Number 112, Analytic Report (In-numru ta’ emerġenza Ewropew 112, Rapport analitiku), Wave 3, Frar 2010.

(10)  Telecoms: konsultazzjoni dwar is-servizz universali tal-ġejjieni fl-era diġitali, IP/10/218, Brussell, 2.3.2010 (ara http://ec.europa.eu/information_society/policy/ecomm/doc/library/public_consult/universal_service2010/index_en.htm).

(11)  COM(2009) 103 finali. Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew - Aċċess aħjar għaż-żoni rurali għat-teknoloġija moderna tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni.