15.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 48/45


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-kreattività u l-intraprenditorija: mekkaniżmi biex noħorġu mill-kriżi” (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2011/C 48/09

Relatur: is-Sinjura SHARMA

Nhar id-18 ta’ Frar 2010, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, iddeċieda li jfassal opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Il-kreattività u l-intraprenditorija: mekkaniżmi biex noħorġu mill-kriżi

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-1 ta’ Settembru 2010.

Matul l-465 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-15 u s-16 ta’ Settembru 2010 (seduta tal-15 ta’ Settembru 2010), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’109 voti favur, 2 voti kontra u 6 astensjonijiet.

1.   Kelma ta’ qabel –“Il-pont”

Biex toħroġ mill-kriżi finanzjarja u tindirizza l-isfidi tal-qgħad, il-faqar, l-inugwaljanza, il-globalizzazzjoni u t-tibdil fil-klima, l-Ewropa għandha bżonn tiftaħ moħħ iċ-ċittadini tagħha.

1.1   Din l-Opinjoni tqis il-valur miżjud tal-kreattività u tal-intraprenditorija bħala mekkaniżmu għall-ħruġ mill-kriżi b’enfasi fuq l-investiment fil-kapital uman billi tissaħħaħ u titrawwem attitudni pożittiva lejn il-kapaċità tal-individwu.

1.2   L-intraprenditorija fl-Ewropa sikwit tiġi kkunsidrata bħala t-twaqqif ta’ negozji ġodda, l-SMEs, u s-setturi tal-qligħ u tal-intrapriża soċjali. L-intraprenditorija hija l-“kapaċità tal-individwu li jdawwar l-ideat f’azzjoni” u għaldaqstant il-valur tagħha għas-soċjetà, speċjalment fi żminijiet ta’ kriżi, ma jistax jiġi sottovalutat jew injorat. Tinkludi:

il-kreattività, l-innovazzjoni u t-teħid ta’ riskji,

il-kapaċità tal-ippjanar u l-ġestjoni ta’ proġetti bil-għan li jintlaħqu l-għanijiet,

l-appoġġ fil-ħajja ta’ kuljum fid-dar u fis-soċjetà,

l-impjegati sabiex ikunu konxji mill-kuntest tax-xogħol tagħhom,

il-kapaċità li wieħed jaħtaf l-opportunitajiet,

il-pedament għal ħiliet u għarfien aktar speċifiċi meħtieġa biex tiġi stabbilita attività soċjali jew kummerċjali (1).

2.   Konklużjoni u rakkomandazzjonijiet

2.1   L-għan tal-Opinjoni huwa li tidentifika mezzi biex jiġi valutat il-potenzjal taċ-ċittadini Ewropej u ssarrfu f’azzjoni. Tuża approċċ għalkollox inklużiv biex jinħolqu l-opportunitajiet għal ammont ikbar ta’ nies indipendentement mill-età, is-sess, ir-razza, l-abilitajiet jew il-kundizzjonijiet soċjali. Madankollu, il-programmi speċifiċi reġjonali, nazzjonali u Ewropej li jippromovu l-kreattività u l-intraprenditorija għandhom jagħtu attenzjoni lill-gruppi żvantaġġati biex jiġu indirizzati l-inugwaljanzi fis-soċjetà.

2.2   L-Opinjoni tindirizza l-punti li ġejjin:

kif tinżamm id-diversità tal-Ewropa u fl-istess ħin tiġi trasferita lejn identità komuni,

kif l-Ewropa ssir FORZA TA’ GĦAJNUNA u tagħti s-setgħa liċ-ċittadini tagħha biex jieħdu azzjoni,

kif tinħoloq Ewropa kburija, ambizzjuża u b’valuri fejn iċ-ċittadini tagħha huma ambaxxaturi li jiċċelebraw is-suċċess tal-kisbiet tagħhom.

2.3   B’segwitu għall-kriżi finanzjarja, il-KESE jirrikonoxxi l-bżonn li jiġi stimolat il-ħolqien tal-impjiegi u li jinħolqu ekonomiji b’saħħithom u sostenibbli fl-Istati Membri. Ix-xogħol ta’ kwalità għolja jeħtieġ intraprenditorija ta’ kwalità għolja kif ukoll investimenti fis-setturi pubbliċi u privati bil-għan li jkun kompetittiv fil-livell internazzjonali. L-intraprenditorija hija għodda li biha tista’ tiġi indirizzata din l-isfida, tagħti tama realistika ta’ suċċess lill-partijiet kollha tas-soċjetà u tgħin lill-Ewropa tikseb identità aktar dinamika.

2.4   L-Istrateġija UE 2020 għandha xpruni ewlenin tematiċi u ffokati fuq il-prijoritajiet li ġejjin:

il-ħolqien tal-valur billi t-tkabbir jiġi bbażat fuq l-għarfien;

l-għoti tas-setgħa lin-nies f’soċjetajiet inklużivi; il-ksib ta’ kapaċitajiet ġodda, it-trawwim tal-kreattivita u l-innovazzjoni, l-iżvilupp tal-intraprenditorija u t-tranżizzjoni bla xkiel bejn impjieg u ieħor ser ikunu kruċjali f’dinja li ser toffri aktar postijiet tax-xogħol u titlob lura aktar adattabilità;

il-ħolqien ta’ ekonomija kompetittiva, konnessa u aktar ekoloġika.

2.5   Il-kriżi tippermetti li jiġu stabbiliti mudelli ġodda ta’ żvilupp, tkabbir u governanza. Hemm bżonn ta’ kundizzjonijiet qafas imtejbin u koerenti għall-bidla u dan jirrappreżenta opportunità biex l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili jikkontribwixxu permezz ta’ mekkaniżmi prattiċi u tanġibbli.

2.6   Il-kapital uman tal-Ewropa jista’ jintuża malajr billi jinħoloq ambjent “FAVOREVOLI”, bil-kundizzjoni li jiġu APPLIKATI r-rakkomandazzjonijiet li ġejjin, li huma sempliċi u vijabbli:

10 PASSI ewlenin lejn il-bidla

1.

VIŻJONI – Viżjoni Unika għall-Ewropa;

2.

EDUKAZZJONI – promozzjoni tal-ambizzjoni;

3.

MOBBILTÀ – il-ħolqien tal-opportunitajiet għal tagħlim organizzat;

4.

SENSIBILIZZAZZJONI DWAR IR-RISKJI – niggwidaw lill-Ewropej biex ma jibqgħux jistmellu r-riskju;

5.

STIMOLU – it-tħeġġiġ ta’ spirtu intraprenditorjali;

6.

OBBLIGU TA’ RENDIKONT – dwar il-proġetti Ewropej;

7.

KOMUNITÀ – il-promozzjoni ta’ ċittadinanza attiva;

8.

IMPLIMENTAZZJONI – ta’ politika għall-intraprendituri u l-SMEs;

9.

KONSULTAZZJONI – pjattaforma għal diskussjoni bejn il-partijiet interessati;

10.

PROMOZZJONI – ta’ kultura ġdida fil-mezzi tax-xandir u permezz ta’ ambaxxaturi.

2.7   Dawn ir-rakkomandazzjoni m’għandhomx jibqgħu l-kompitu ta’ parti interessata waħda iżda għandhom ikunu r-responsabbiltà ta’ kulħadd. F’dinja kumplessa li tinbidel b’rata mgħaġġla, l-individwi għandhom bżonn kapaċitajiet u ħiliet ġodda biex ma jiġux esklużi. Id-djalogu soċjali jista’ jinfluwenza l-bidla biex jinkisbu l-għanijiet tal-UE 2020 u biex tiġi żviluppata intraprenditorija sostenibbli. Jeħtieġ li tinħoloq tradizzjoni madwar l-Ewropa li tippermetti lill-individwi u l-organizzazzjonijiet jiżviluppaw spirtu intraprenditorjali.

2.8   Il-valur Ewropew tal-investiment fl-intraprenditorija:

 

Jekk intik EUR 1 u inti ttini EUR 1, it-tnejn li aħna jkollna EUR 1,

 

Jekk intik idea u inti ttini idea, ikollna żewġ ideat.

Intraprenditorija fl-Ewropa = 500 miljun persuna + 500 miljun idea + 500 miljun azzjoni;

Minn dawn l-ideat, kemm minnhom jistgħu joħorġuna mill-kriżi?

3.   L-Ewropa llum il-ġurnata

3.1   Fl-2008, l-Ewropa daħlet fi kriżi finanzjarja li bdiet fl-Istati Uniti iżda li kellha impatti serji fuq id-dimensjonijiet ekonomiċi u soċjali tas-soċjetà. Ir-raġunijiet tal-kriżi huma ddokumentati tajjeb peress li l-Ewropa kienet waħda minn dawk l-aktar milquta fil-perijodu medju u dak fit-tul.

3.2   Fl-2010, hemm aktar minn 20 miljun persuna qiegħda fl-UE. Il-maġġoranza ta’ dan il-kapital uman li mhux qed jintuża hija magħmula minn żgħażagħ, nisa, ħaddiema avvanzati fl-età, migranti u gruppi vulnerabbli oħra. Fil-perijodu qasir, la s-settur pubbliku, milqut minn defiċit enormi, u lanqas il-kumpaniji l-kbar, li qed jiffaċċjaw l-isfidi tal-kriżi u tal-globalizzazzjoni, mhu ser ikunu jistgħu joħolqu dawn l-impjiegi waħedhom. Il-mit ta’ ritorn malajr għat-tkabbir b’saħħtu u minnufih fl-UE mhuwiex realistiku sakemm ma jinbidlux il-kundizzjonijiet strutturali peress li l-qgħad huwa prinċipalment problema strutturali u mhux problema taċ-ċikli ekonomiċi.

3.3   L-UE għandha bżonn tiffoka fuq l-ekonomija, l-intraprenditorija sostenibbli, il-politika tal-impjiegi u dik soċjali iżda r-ritmu tal-globalizzazzjoni mhux ser jistenna lill-Ewropa tlaħħaq miegħu minkejja l-fatt li tista’ tikkontribwixxi ħafna għall-iżvilupp tal-oħrajn. Id-dimensjoni Ewropea hija opportunità għall-iskambju tal-esperjenzi u għodda għall-ħolqien ta’ identità Ewropea aktar b’saħħitha, kemm fl-Ewropa kif ukoll lil hinn minnha.

3.4   Illum l-Ewropa hija magħmula minn 27 Stat Membru koeżiv, produttiv u b’talent, u l-pajjiżi ġirien huma ħerqana li jingħaqdu mal-Unjoni. L-Ewropa għandha ħafna punti b’saħħithom – il-paċi, l-istabbiltà, id-diversità, sistemi ta’ regoli, il-governanza tajba u s-solidarjetà. L-Ewropa tirrispetta ħafna l-valuri soċjali u l-artijiet tagħha. F’termini ekonomiċi, l-Ewropa għandha suq ta’ 500 miljun persuna u n-negozji tagħha għandhom potenzjal ta’ tkabbir.

3.5   Issa huwa ż-żmien li l-Ewropa tagħmel l-aħjar użu mis-saħħiet kollettivi tagħna.

4.   L-intraprenditorija – saħħa Ewropea u mekkaniżmu għall-ħruġ mill-kriżi

4.1   L-intraprenditorija tikkonċerna l-ħolqien tal-ġid li ser iwassal biex l-Ewropa toħroġ mill-kriżi. It-Trattat ta’ Lisbona jirrikonoxxi l-intraprenditorija u d-diversità tal-atturi ekonomiċi u issa jeħtieġ li jinsabu mezzi ġodda biex l-intraprenditorija sostenibbli, bħala xprun ewlieni għat-tkabbir, iżżomm l-Ewropa kompetittiva.

4.2   Dan ser jinkludi t-tfittxija ta’ ideat ġodda u l-ksib ta’ momentum li jibni l-fiduċja, il-kredibbiltà u t-tkabbir kontinwu għall-futur. Il-ġid jappoġġja l-investiment fl-edukazzjoni, l-impjiegi, il-ħiliet, il-produttività, is-saħħa u l-kundizzjonijiet soċjali fejn l-intraprenditorija, il-kreattività u l-innovazzjoni huma strumenti fondamentali għall-progress tas-soċjetà.

4.3   Ammont kbir ta’ esperjenzi teoretiċi, empiriċi u prattiċi li saru mir-riċerkaturi u mill-intrapri¿i stabbilixxew konnessjoni ċara bejn l-intraprenditorija u t-tkabbir (2). L-assoċjazzjonijiet kummerċjali, il-konfederazzjonijiet tat-trejdjunjins, l-aġenziji internazzjonali tal-iżvilupp, il-Bank Dinji, l-ILO, l-OECD u l-NGOs jappoġġjaw il-promozzjoni tal-intraprenditorija bħala għodda ewlenija għat-tkabbir, l-iżvilupp, it-tnaqqis tal-faqar u l-inklużjoni soċjali. Ħafna opinjonijiet tal-KESE jagħmlu rakkomandazzjonijiet biex jiġi appoġġjat il-valur tal-intraprendotirja fis-soċjetà u bosta Stati Membri għandhom prattika tajba fir-rigward tal-intraprenditorija.

4.4   L-intraprenditorija ġiet identifika globalment bħala mutur għall-innovazzjoni, l-investiment u l-bidla u taqdi rwol indispensabbli għall-ħruġ mill-kriżi ekonomika attwali u l-livell għoli ta’ inċertezza li ġġib magħha. F’dan il-kuntest, ir-rikonoxximent tal-ħiliet u tal-kompetenzi permezz tal-intraprenditorija huwa wieħed mill-mekkaniżmi biex jissolvew il-problemi u jissawru ideat ġodda.

4.5   Fl-UE, l-iżvilupp ekonomiku dejjem kien ibbilanċjat ma’ impenn qawwi favur id-dimensjoni soċjali u dan għandu jissokta permezz ta’ attivitajiet intraprenditorjali li għandhom jiġu inkorporati fil-ħajja ta’ kuljum. Inkluż f’oqsma mhux kummerċjali:

l-inklużjoni soċjali u t-tnaqqis tal-faqar huma appoġġjati mill-intraprenditorija għax is-soċjetà hija l-qofol tal-analiżi tal-innovazzjoni (3) peress li tbiddel l-ideat, il-prattiki u l-istituzzjonijiet tagħha.

il-protezzjoni ambjentali hija bbażata fuq sorsi tal-enerġija sostenibbli u l-adattament għat-tibdil fil-klima u dan ser iwassal biex jinħolqu mezzi ġodda ta’ ħidma, biex l-impjiegi jsiru aktar ekoloġiċi u biex jinħolqu impjiegi u teknoloġiji ekoloġiċi ġodda.

it-turiżmu, ir-riġenerazzjoni u l-migrazzjoni, inkluż l-għoti ta’ ħajja mill-ġdid lir-reġjuni rurali u dawk l-anqas vantaġġati ser jirrikjedu attivitajiet intraprenditorjali għall-ħolqien tal-impjiegi u t-tibdil tal-infrastruttura, partikolarment għas-setturi bħar-riġenerazzjoni urbana, l-agrikoltura, il-foresterija, it-turiżmu fil-gżejjer (4) u l-agrituriżmu.

l-edukazzjoni tuża l-kreattività biex tidentifika l-ixpruni rilevanti li jistimolaw tiftixa għall-għarfien biex jiġi żgurat li n-nies jitgħallmu fil-livelli u l-etajiet kollha.

il-kura tas-saħħa tuża mezzi ġodda ta’ ħidma u t-teknoloġija biex tipprovdi l-aqwa ambjent għall-għoti tal-kura, ir-riċerka, u l-provvediment ta’ mediċini u trattamenti.

ix-xejriet demografiċi ser jeħtieġu adattamenti soċjali, soluzzjonijiet ġodda u kreattivi biex jindirizzaw l-infrastruttura, is-servizzi, l-impjiegi, il-familja u l-protezzjoni soċjali.

l-NGOs, inklużi l-proġetti ta’ għajnuna u ta’ taħriġ, huma effettivi u rivoluzzjonarji f’bosta setturi li jirrikjedu soluzzjonijiet ġodda biex jingħelbu l-isfidi soċjali.

il-kapaċitajiet tas-settur pubbliku ser ikollhom bżonn soluzzjonijiet biex jipprovdu l-istess għajnuna u jtejbuha b’baġit imnaqqas.

4.6   Kull persuna għandha talent, bl-ispirtu kreattiv u intraprenditorjali li jissaħħaħ meta l-ambjent jgħin biex jiġu promossi dawn l-attivitajiet. L-enfasi fuq l-individwu, fejn titqies id-diversità, hija essenzjali għaliex l-esklużjoni u d-diskriminazzjoni huma forzi negattivi li jżidu l-inugwaljanza fl-opportunitajiet: inqas ma jintlaħaq il-potenzjal tan-nies, inqas ma jkunu mmotivati biex jiżviluppaw lilhom innifishom (5). B’mod partikolari fl-Ewropa, illum il-ġurnata dan jista’ joffri soluzzjonijiet ġodda biex jiġu indirizzati l-ammonti kbar ta’ persuni qiegħda u mingħajr kwalifiki. Barra minn hekk, approċċ ta’ diversità jista’ joħloq opportunitajiet għal ammont ikbar ta’ nies indipendentement mill-età, is-sess, ir-razza, l-abilitajiet jew il-kundizzjonijiet soċjali.

4.7   Sensiela ta’ fatturi kollettivi jaqdu rwol li joħolqu ambjent proattiv għal suċċess f’kull dimensjoni tal-ħajja, inkluż il-ħruġ mill-kriżi:

VIŻJONI ċara b’MISSJONI fattibbli u OBJETTIVI li jistgħu jintlaħqu;

PROĠETT b’GĦAN/IDENTITÀ KOMUNI;

ENFASI u “ATTITUDINI POŻITTIVA LEJN IL-KAPAĊITÀ TAL-INDIVIDWU”

TMEXXIJA li tippromovi l-individwalità flimkien ma’ VALURI komuni b’saħħithom.

5.   10 PASSI – lista tal-affarijiet li jistgħu jsiru u li għandhom jiġu implimentati biex jinħoloq ambjent favorevoli

It-tkabbir ma jseħħx f’vakwu; jenħtieġ nies li għandhom approċċ simili lejn il-ħajja, netwerks u partijiet interessati. Fl-aħħar mill-aħħar, it-tradizzjoni fis-soċjetà, fil-post tax-xogħol u d-dar ser tippermetti l-intraprenditorija għall-individwi u l-organizzazzjonijiet, inkluża l-promozzjoni tal-ħolqien tal-impjiegi permezz ta’ kumpaniji żgħar u żjieda fil-provvista ta’ impjegati kkwalifikati. Il-partijiet interessati – min iħaddem, it-trejdjunjins, l-NGOs, is-settur pubbliku u dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet – ser ikollhom jingħaqdu biex jindirizzaw bidla kulturali u jippermettu li tiġi sfruttata “kultura intraprenditorjali” minn KULĦADD biex mhux biss jappoġġjaw il-ħruġ minn din il-kriżi iżda wkoll biex jingħelbu l-isfidi fit-tul tad-dinja.

5.1   Viżjoni Unika għall-Ewropa  (6) trid tiġi kkomunikata, bi strateġija u objettivi konkreti. Din trid tinkludi tmexxija politika fejn kulħadd iwieġeb għad-deċiżjonijiet li jieħu, responsabbiltà u sens ta’ realtà. Għandha tingħata spinta ġdida u jitlesta l-Proġett tas-Suq Uniku li ser iġib benesseri ekonomiku għal kulħadd, iktar mobilità, ħiliet ġodda, opportunitajiet tan-negozju u għażla usa’. L-intraprenditorija għal kulħadd trid tkun trasversali u tolqot kull qasam ta’ politika.

5.2   L-edukazzjoni intraprenditorjali madwar l-Ewropa fi ħdan il-kurrikulu kollu u bħala parti mit-tagħlim tul il-ħajja għadha teħtieġ impenn konkret mill-mexxejja. Il-promozzjoni tal-ambizzjoni u l-importanza tal-kreattività u l-intraprenditorija jridu jiġu apprezzati u mhux mfixkla man-negozju u l-ġenerazzjoni tal-profitti. Il-kreattività tiżviluppa permezz tat-tagħlim f’sistemi formali u informali. L-edukaturi għandhom ikunu involuti bis-sħiħ biex jiżguraw li titwassal il-komunikazzjoni t-tajba. L-għalliema jistgħu jkunu kontra definizzjoni restrittiva tal-intraprenditorija, bħal fil-każ tat-twaqqif ta’ negozji ġodda, iżda jistgħu jkunu aktar favur kunċett wiesa’ bħala kompetenza ewlenija għall-ħajja. It-“Turġien intraprenditorjali” biex jiġu żviluppati l-attivitajiet u t-tagħlim jistgħu jgħinu biex jiddaħħal l-“ispirtu” fil-klassi (7).

5.2.1   L-għalliema jeħtieġu stili li huma fl-avangwardja u tagħlim u mekkaniżmi sperimentali sabiex iwasslu lill-istudenti kompetenzi u teknoloġiji aġġornati li jirriflettu l-globalizzazzjoni. Iridu jqisu r-rwol tagħhom bħala persuni li jgħinu lill-istudenti jsiru aktar indipendenti u jieħdu inizjattiva għat-tagħlim tagħhom. It-taħriġ effettiv tal-għalliema, l-iskambju ta’ prattika tajba u n-netwerks (8), kif ukoll tal-metodoloġiji u tal-għodod jistgħu jappoġġjaw lill-għalliema huma u jadattaw għall-istili kollha ta’ tagħlim. Is-sħubijiet ma’ min iħaddem, it-trejdjunijns u l-NGOs jistgħu jiġu kkunsidrati biex jiġi appoġġjat it-trasferiment tal-għarfien.

5.3   Il-ħolqien ta’ opportunitajiet għall-mobbiltà organizzata għat-tagħlim irid isir aspett naturali tal-karattru Ewropew. L-aċċess għat-tagħlim huwa fattur deċiżiv għall-koeżjoni soċjali, il-parteċipazzjoni politika u l-eżerċizzju taċ-ċittadinanza (9). Inizjattiva ambizzjuża għal Skema tal-Edukazzjoni tal-UE tas-seklu 21 tista’ tinfetaħ għad-diskussjoni mal-partijiet interessati tal-KESE u iktar tard tiġi proposta lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fl-UE.

5.3.1   It-trijangolu tal-għarfien (edukazzjoni, innovazzjoni u riċerka) jaqdi rwol kruċjali fil-promozzjoni tat-tkabbir u tal-impjiegi fil-futur. Erasmus, Leonardo, Socrates u programmi oħrajn bħal dawn iridu jkunu miftuħin għal kulħadd, b’inqas ostakoli għall-aċċess, tnaqqis fil-piżijiet amministrattivi u jipprovdu l-inċentivi tajbin għall-parteċipazzjoni. Il-KESE jirrakkomanda l-introduzzjoni ta’ Europass li jiġbor fih l-attivitajiet kollha ta’ tagħlim li jsiru fl-Ewropa.

5.4   Li niggwidaw lill-Ewropej biex ma jibqgħux jistmellu r-riskju u biex iħaddnu attitudni “pożittiva lejn il-kapaċità tagħhom” b’kultura ta’ riskji “evalwati” għandu jkun l-enfasi sabiex tiġi żviluppata soċjetà produttiva. Il-benefiċċji u l-premji tal-kreattività u tal-innovazzjoni għas-soċjetà għandhom jiġu promossi bi sforz konxju biex nitbiegħdu mill-kultura negattiva ta’ falliment li hija preżenti fl-Ewropa illum il-ġurnata.

5.4.1   Iridu jiġu kkunsidrati mekkaniżmi innovattivi għal aċċess għall-finanzi. Dawn jistgħu jinkludu mekkaniżmu ta’ mikrokreditu (PROGRESS, FSE, JASMINE, JEREMIE u CIP) u self mikro għal unjins tal-kreditu u proġetti tal-komunità (10). Dawn l-għodod jistgħu jappoġġjaw mhux biss l-intraprendituri iżda wkoll is-sostenibilità ta’ inizjattivi għall-komunitajiet u l-iżvilupp, b’mod speċjali għall-NGOs.

5.4.2   L-istrumenti li diġà jeżistu għall-appoġġ tal-innovazzjoni jridu jiġu aġġustati biex jirriflettu l-karatteristiċi li qed jinbidlu (servizzi – miftuħa, li jitmexxew mill-utent – innovazzjoni). L-indirizzar u t-tnaqqis tal-kumplessità, żjieda fil-flessibilità tal-iskemi, li l-kollaborazzjoni tkun iktar faċli, u aċċess iktar malajr għall-fondi huma mekkaniżmi li jistgħu jħaffu t-trasformazzjoni tal-għarfien fi prodotti li jistgħu jiġu kkummerċjalizzati.

5.5   It-tħeġġiġ ta’ kumpaniji kbar biex joħolqu u jistimolaw l-ispirtu intraprenditorjali. Il-kompetenza u t-talenti tal-ħaddiema kollha jridu jiġu stmati billi l-forza tax-xogħol tħaddan fiha ħafna ħiliet prattiċi u intellettwali. L-identifikazzjoni ta’ kompetenzi u ta’ dak li mhuwiex tanġibbli għandha titħeġġeġ bl-iżvilupp ta’ għodod ġodda għall-appoġġ ta’ dan ir-rikonoxximent.

5.5.1   L-opportunitajiet ta’ impjieg u apprendistati għall-istudenti u l-persuni qiegħda għandhom jiġu promossi aħjar u mħeġġa.

5.5.2   L-iżvilupp ta’ Qafas ta’ Kumpaniji għat-twaqqif ta’ kumpaniji derivati, fejn il-kumpanija l-kbira tappoġġja, tagħti pariri u toffri opportunitajiet fis-suq għall-innovaturi, jista’ jintuża biex jiġu introdotti fis-suq tal-brevetti rreġistrati ġodda. Miżuri li jappoġġjaw kumitati tad-djalogu soċjali u l-imsieħba soċjali biex iwettqu u jikkontribwixxu għal valutazzjonijiet tal-impatt fl-indirizzar tal-Istrateġija tal-Impjieg tal-UE u l-UE 2020 jridu jiġu kkunsidrati fl-iżvilupp ta’ relazzjonijiet u l-promozzjoni tal-aqwa ambjent tax-xogħol.

5.6   Jeħtieġ li jiġu valutati l-objettivi fit-tul tal-proġetti Ewropej biex jiġi ġġustifikat l-investiment. Din il-valutazzjoni għandha tikkunsidra s-sostenibilità tal-proġetti, il-kummerċjalizzazzjoni tar-riżultati ta’ suċċess u għandha tibni fuq ir-riżultati li jkunu ta’ benefiċċju għas-soċjetà kollha.

5.6.1   Dan jista’ jinkludi l-użu ta’ proġetti interġenerazzjonali u transettorjali, inklużi l-clusters, sabiex jiġi propost li jingħaqdu flimkien l-esperjenza u mħuħ b’ideat ġodda biex jinqasmu ħiliet, snajja’, għarfien u netwerks ġodda permezz ta’ relazzjonijiet bejn il-konsulenti esperti u l-għalliema privati. Il-promozzjoni ta’ proġetti tal-ekonomija sostenibbli ma’ intraprendituri ekoloġiċi konxji mill-isfidi tat-tibdil fil-klima, in-nuqqas ta’ enerġija u ta’ sorsi ta’ karburanti fossili ser tenfasizza l-ħarsien ambjentali.

5.7   Il-promozzjoni ta’ inizjattivi komunitarji u ta’ ċittadinanza attiva biex jitħeġġu proġetti għall-benefiċċju tal-komunità u/jew li jitnedew mill-komunità, b’perspettiva Ewropea. Din għandha tqis id-diversità u dawk li huma vulnerabbli ħafna u tista’ tiġi akkuppjata ma’ mekkaniżmu Ewropew ta’ ċertifikazzjoni volontarja għar-responsabbiltà soċjali korporattiva u ma’ possibbiltajiet ta’ reviżjoni għall-inizjattivi Komunitarji.

5.8   Impenn qawwi għall-implimentazzjoni ta’ politiki li jappoġġjaw ambjent favorevoli għall-intraprendituri li jridu jibdew in-negozju tagħhom huwa essenzjali. 98 % tal-kumpaniji kollha fl-UE huma SMEs u bit-tradizzjoni twila tagħha ta’ żvilupp tal-SMEs, il-qafas tal-UE jrid jinżamm u jittejjeb (11):

L-Ismall Business Act għall-Ewropa u l-prinċipju “Aħseb l-ewwel fiż-żgħir” (SME) għandhom jesiġu impenn serju f’ħafna Stati Membri u huma neqsin minn dak li huwa meħtieġ fi kriżi. Għandhom jiġu indirizzati l-aċċess u l-parteċipazzjoni akbar tal-SMEs fi proġetti tal-UE u fl-akkwist pubbliku, bi swieq miftuħa li jappoġġjaw it-tkabbir ta’ intraprendituri. Għandu jingħata appoġġ għal ambjenti interattivi bl-użu ta’ inkubaturi, clusters, ċentri tax-xjenza u tat-teknoloġija u s-sħubijiet mal-qasam akkademiku. Dan jista’ jinkludi ONE-STOP-SHOP tal-UE bħala sors ta’ informazzjoni għall-intraprenditorija fis-setturi kollha.

Għandha tiġi meqjusa wkoll xibka ta’ sigurtà tas-sigurtà soċjali għal dawk li jaħdmu għal rashom, u li tikkunsidra l-aspetti uniċi tal-ġestjoni tan-negozju, b’mod partikolari f’termini ta’ maternità, kura tat-tfal u l-għeluq tan-negozju.

Il-Kunsill ser jadotta l-Istatut tal-UE dwar Kumpaniji li huma SMEs, biex b’hekk jappoġġja l-proġett tas-suq uniku u sabiex l-operazzjonijiet transkonfinali jsiru iktar faċli għall-SMEs. Dan il-proġett, li oriġina bħala inizjattiva tal-KESE, joħloq identità Ewropea għal intraprendituri ġodda.

Iktar sensibilizzazzjoni u appoġġ għal Erasmus għal Intraprendituri Żgħażagħ  (12). Għal impatt reali għandhom jinstabu soluzzjonijiet sabiex jiġu attratti aktar kumpaniji ospitanti u biex jiġi rikonoxxut il-kontribut tagħhom. Dan jista’ jinkludi “Premju għall-Intraprendituri Ewropej”, Marka tal-UE jew parteċipazzjoni f’opportunijiet b’viżibbiltà kbira. L-Akkreditazzjoni tal-Ħiliet għall-Intraprendituri, b’differenza mill-ħaddiema, rari tista’ titwettaq u b’hekk jibqgħu ma jiġux rikonoxxuti mis-soċjetà għall-kontribut tagħhom.

5.9   L-użu tal-għarfien espert permezz tat-twaqqif ta’ Pjattaforma għal Diskussjoni bejn il-Partijiet Interessati dwar it-tisħiħ tal-Ispirtu u l-Kultura ta’ “Innovazzjoni u Kreattività” tal-UE. It-trawwim tal-kooperazzjoni bejn il-partijiet interessati jista’ joffri rakkomandazzjonijiet ta’ politika komuni u trasversali dwar suġġetti bħat-titjib fir-relazzjonijiet bejn id-dinja akkademika u l-industrija, l-innovazzjoni f’ambjenti kummerċjali u mhux kummerċjali, il-mobbiltà tar-riċerkaturi, l-użu tal-fondi strutturali, l-aqwa prattiki globali u t-twaqqif ta’ qafas għall-indirizzar ta’ kwistjonijiet urġenti. Id-djalogu soċjali biex tiġi ffaċilitata l-promozzjoni tal-ispirtu intraprenditorjali fil-livell reġjonali u lokali jista’ jippromovi l-profil tal-Intraprenditur Ewropew li huwa l-iktar adatt għas-seklu 21.

5.10   Il-promozzjoni ta’ kultura ġdida permezz tal-mezzi tax-xandir b’netwerk ta’ ambaxxaturi u xempji pożittivi. Għandha tiġi promossa kultura li tirrikonoxxi l-ħsieb intraprenditorjali u tappoġġja inizjattivi għal kumpaniji ġodda u li qed jikbru, intraprendituri soċjali, l-innovazzjoni fis-settur pubbliku, il-kreattività fil-post tax-xogħol, l-ippjanar tas-suċċessjoni u l-parteċipazzjoni tal-impjegati. Il-kultura l-ġdida tal-intraprenditorija fl-Ewropa titlob tmexxija u appoġġ permezz ta’ kelliema jew “ambaxxaturi”.

6.   Il-kriżi hija l-istimolu sabiex l-Ewropa mhux biss tirrikonoxxi l-potenzjal taċ-ċittadini tagħha iżda wkoll trawwem fihom l-ispirtu intraprenditorjali u l-ħsieb.

6.1   Din il-kriżi mhux ser tkun l-unika waħda li l-Ewropa ser tiffaċċa u biex jiġi żgurat li l-Ewropa tkun preparata għall-isfidi fil-futur, għandu jinħoloq momentum billi jiġu implimentati l-10 passi bħala mekkaniżmu biex nimxu l-quddiem, flimkien ma’:

pjan ta’ Azzjoni;

grupp ta’ ħidma Ewropew dwar l-intraprenditorija;

pjattaforma tal-partijiet interessati;

summit Ewropew u tal-G20 dwar l-intraprenditorija;

innovazzjoni fl-Ewropa (Ewropa 2020).

6.1.1   IlL-KESE jista’ jiżviluppa dawn l-ideat flimkien mal-partijiet interessati fil-futur qarib.

Brussell, 15 ta’ Settembru 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  COM(2005) 548. Punt 7 tal-Anness.

(2)  Audretsch, D. B. u R. Thurik (2001), Linking Entrepreneurship to Growth, OECD Science, Technology and Industry Working Papers, 2001/2, OECD Publishing. doi: 10.1787/736170038056.

(3)  EUCIS-LLL Barċellona 2010.

(4)  Bornholme, Danimarka.

(5)  Hillman 1997.

(6)  Iċ-ċittadini għandhom ikunu jistgħu jidentifikaw:

I

Il-viżjoni għall-Ewropa: Stati Uniti tal-Ewropa b’rispett għall-kulturi u l-lingwi kollha u miftuħa għad-dinja

II.

Is-saħħa tal-Ewropa: il-ħolqien ta’ entità komuni u paċifika wara sekli ta’ gwerer ċivili u kunflitti;

III.

L-UE tfisser: entità politika għanja li toffri l-opportunitajiet massimi għal individwi u ħolm kollettiv;

IV.

Li tkun Ewropew ifisser li taqsam valuri komuni, l-iktar taħlita tajba ta’ valuri individwali (prestazzjoni) u kollettivi;

V.

Il-benefiċċju li tkun ċittadin tal-UE: tuża d-dimensjoni tal-UE f’termini kulturali, ekonomiċi u xjentifiċi, sabiex jiġu żviluppati l-ħiliet u l-kwalifiki tal-individwi nnifishom għall-ġejjieni tagħhom u ta’ oħrajn.

(7)  ĠU C 309, 16.12.2006, p. 110 (mhux disponibbli bil-Malti).

(8)  Towards greater cooperation and coherenxe in entrepreneurship education, KE, Marzu 2010.

(9)  BIG ISSUE, ACAF Spanja.

(10)  www.european-microfinance.org – eżempji ta’ proġetti ta’ inklużjoni komunitarja u soċjali bbażati fuq l-intraprenditorija.

(11)  L-SMEs ta’ sikwit huma kkunsidrati l-ikbar grupp ta’ intraprendituri u r-rakkomandazzjonijiet biex jiġi appoġġjat it-tkabbir tagħhom ġew iddokumentati tajjeb mill-KETU u l-UEAPME u mill-KESE f’ħafna opinjonijiet.

(12)  Il-Programm Intrapriża Erasmus għal intraprendituri, KE Kummissjoni DĠ Intrapriża.