19.1.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 18/35


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-industrija Ewropea tal-bini tal-bastimenti fil-konfront tal-kriżi attwali”

2011/C 18/07

Relatur: is-Sur KRZAKLEWSKI

Korelatur: is-Sur CALVET CHAMBON

Nhar is-16 ta’ Lulju 2009, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

L-industrija Ewropea tal-bini tal-bastimenti fil-konfront tal-kriżi attwali

Il-Kummissjoni Konsultattiva għall-Bidliet Industrijali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar id-9 ta’ April 2010.

Matul l-462 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-28 u d-29 ta’ April 2010 (seduta tad-29 ta’ April), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’168 vot favur, 14-il vot kontra u 12-il astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropea jinsab imħasseb sew dwar il-kriżi profonda li qed tolqot l-industrija tal-bini tal-bastimenti fl-UE. Din il-kriżi hija ikkaratterizzata minn fjask sħiħ dwar ordnijiet ġodda, problemi serji fil-finanzjament tal-ordnijiet attwali, kapaċità żejda ta’ produzzjoni għall-bini ta’ bastimenti tal-merkanzija, telf irreversibli ta’ impjiegi flimkien ma’ previżjoni ta’ sensji addizzjonali, u żieda kontinwa ta’ fallimenti u xoljimenti tat-tarznari u tal-intrapriżi relatati.

1.2   Il-Kumitat huwa konvint li, b’riżultat tal-kriżi jinħtieġu strateġija Ewropea komuni dwar il-ġejjieni tal-industrija tal-bini tal-bastimenti fl-UE u azzjoni kkoordinata mill-Istati Membri f’dan ir-rigward. L-ewwel elementi ta’ din l-istrateġija għandhom jiġu definiti u implimentati mhux iktar tard minn nofs l-2010 u għandhom jindirizzaw dawn il-bżonnijiet urġenti:

l-ixprunar tad-domanda (ara l-punti 4.1 u 4.1.1),

il-finanzjament (li jinkludi l-prolongazzjoni wara l-2011 tal-miżuri taħt il-Kwadru dwar l-għajnuna mogħtija mill-Istat għall-bini tal-bastimenti),

il-garanzija ta’ miżuri għall-impjieg (inkluż l-appoġġ wara li jingħalqu t-tarzni),

il-kumpens għal nuqqas ta’ sitwazzjoni b’kondizzjonijiet indaqs.

Dawn il-miżuri għandhom irażżnu t-tendenza li jiġu adottati miżuri li jistgħu jxekklu l-kompetittività.

1.3   Minħabba n-nuqqas ta’ regolamenti kummerċjali vinkolanti applikabbli għas-settur tal-bini tal-bastimenti madwar id-dinja, il-Kumitat jemmen li l-Kummissjoni għandha tagħmel sforz ikbar u tieħu azzjoni iktar diretta biex tħares dan is-settur strateġiku. Madankollu, billi m’hemmx ftehim internazzjonali mill-OECD, l-UE għandha tieħu azzjoni diretta u deċiżiva biex tħares is-settur Ewropew tal-bini tal-bastimenti mill-kompetizzjoni inġusta.

1.4   Il-persuni li jieħdu d-deċiżjonijiet fil-livell Ewropew u nazzjonali, l-intrapriżi fis-settur u l-imsieħba soċjali għandhom jieħdu passi urġenti biex jimplimentaw dan il-proġett konġunt (1). L-għanijiet politiċi tal-proġett huma:

li fl-Ewropa tinżamm bażi industrijali b’saħħitha u kompetittiva għal dan is-settur ta’ livell teknoloġiku għoli li huwa kapaċi joħloq ħafna impjiegi sostenibbli fil-futur;

li jiġu evitati s-sensji mingħajr ħsieb fit-tul matul il-perijodu ta’ nuqqas ta’ attività ekonomika, jinżammu l-impjiegi u, daqstant importanti, li tinżamm forza tax-xogħol ikkwalifikata f’dan is-settur strateġiku;

li tingħata kunsiderazzjoni speċjali lill-vantaġġi li t-trasport marittimu joffri minn lat ekoloġiku u li jiffranka l-enerġija – l-industrija Ewropea tal-bini tal-bastimenti, u speċjalment is-sottosettur tat-tagħmir marittimu, għandha potenzjal sinifikanti biex ittejjeb is-sitwazzjoni f’dawn iż-żewġ oqsma;

li tiġi żgurata l-koeżjoni f’reġjuni tal-kosta li jinsabu fil-periklu, inklużi r-reġjuni fejn jinbnew il-bastimenti;

li l-produzzjoni tal-bini tal-bastimenti tinżamm milli taqa’ taħt il-massa kritika meħtieġa, inkella l-UE ma tkunx tista’ tipproduċi bastimenti fil-ġejjieni;

li jiġi ssalvagwardjat l-għarfien Ewropew rigward il-finanzjament tal-bini tal-bastimenti (2);

li jinżammu l-ħiliet marittimi Ewropej (fir-riċerka u l-edukazzjoni terzjarja, fost oħrajn);

li jiġi żgurat li s-settur ikollu potenzjal sinifikanti għat-tkabbir, l-innovazzjoni u l-espansjoni f’termini ta’ riċerka u żvilupp;

li jkun ċar li l-ispiża tan-nuqqas ta’ azzjoni hija ħafna ikbar mill-ispiża biex jittieħdu miżuri konkreti li jappoġġjaw is-settur (ara l-eżempju fl-Istati Uniti) (3).

1.5   Il-Kumitat jitlob lill-Kunsill, il-Kummissjoni u l-Parlament biex jiżguraw li, bħala prijorità strateġika, l-Ewropa tipprova żżomm il-massa kritika meħtieġa għall-bini u tiswija tal-bastimenti fl-Ewropa. Dan huwa essenzjali sabiex:

isir il-monitoraġġ tal-progress fil-kwistjonijiet relatati mal-ambjent u l-enerġija fil-qasam tat-trasport u ż-żieda fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija.

ma jintilifx il-kontribut teknoloġiku importanti tas-settur lill-industrija Ewropea, bl-impatt tiegħu fuq setturi oħrajn (ekonomiji esterni). Ladarba tarzna tingħalaq, ma terġax tinfetaħ.

jiġi sfruttat il-potenzjal tat-tkabbir futur (pereżempju l-użu tal-enerġija mir-riħ), li l-Ewropa tista’ tagħmel biss billi tuża l-kapaċitajiet tagħha fil-qasam tal-bini tal-bastimenti.

ikun hemm livell suffiċjenti ta’ kapaċità biex jiġu indirizzati kondizzjonijiet mingħajr preċedent (f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi, kull bastiment isir element strateġiku tat-taqbida, inklużi l-bastimenti tal-merkanzija).

tinżamm forza tax-xogħol kwalifikata u livell suffiċjenti ta’ riċerka ta’ livell għoli fl-industrija tal-bini tal-bastimenti, li inkella tispiċċa għalkollox f’idejn li ma jkunux Ewropej, f’oqsma bħat-trasport, it-tkabbir sostenibbli, il-preservazzjoni tal-ambjent u l-eċċellenza teknoloġika fl-innovazzjoni.

1.6   Il-Kumitat iwissi li t-telf ta’ massa kritika essenzjali fis-settur tal-bini tal-bastimenti ser iwassal biex jingħalqu l-istituzzjonijiet li jħarrġu l-inġiniera u l-persunal tekniku speċjalizzat u l-iskejjel vokazzjonali għall-ħaddiema speċjalizzati. Dan ifisser li l-Unjoni Ewropea tinsab fil-periklu li ma jibqalhiex massa intellettwali kritika biex tiffaċċja l-kompetituri kummerċjali u politiċi.

1.7   Il-Kumitat jemmen li, bħal setturi oħra (pereżempju s-settur tal-karozzi), l-Istati Membri għandhom jgħaqqdu l-isforzi tagħhom biex jieħdu azzjoni konġunta fil-livell Ewropew, sabiex is-settur ikun jista’ jegħleb il-kriżi, b’miżuri urġenti li jqisu l-karatteristiċi tas-settur.

1.7.1   Dawn il-miżuri għandhom jiżguraw li:

ordnijiet ġodda jitwettqu mill-iktar fis possibbli;

ir-rabta bejn it-tarzni, l-intrapriżi li jikkooperaw magħhom u l-ħaddiema bl-għarfien essenzjali tinżamm meta l-industrija tkun għaddejja minn perijodu ħażin sabiex l-għarfien ma jintilifx għalkollox minħabba kriżi temporanja.

1.8   Rigward il-politika dwar l-impjieg fis-settur, il-Kumitat jemmen li għandu jsir minn kollox biex jiġu evitati s-sensji. Il-ħaddiema kwalifikati u li għandhom il-ħiliet meħtieġa, li kien hemm nuqqas tagħhom dawn l-aħħar snin, għandhom jinżammu. Matul il-kriżi fis-settur, l-awtoritajiet pubbliċi għandhom jistabbilixxu oqfsa Ewropej komuni biex jitnaqqsu s-sigħat tax-xogħol bil-għan li jiġu ggarantiti l-opportunitajiet indaqs u l-protezzjoni tal-ħaddiema. Dawn is-sistemi għandhom ikunu disponibbli għal kull ħaddiem li jinsab fir-riskju.

1.8.1   Dawn l-oqfsa għandhom jiggarantixxu li fejn huwa possibbli jinżammu l-impjiegi bil-poter tal-akkwist tagħhom u jiżguraw id-dritt ta’ kull ħaddiem tal-aċċess għat-taħriġ u t-taħriġ mill-ġdid. Il-programmi huma meħtieġa biex iħarrġu u jerġgħu jħarrġu l-ħaddiema li jibnu l-bastimenti biex itejbu l-ħiliet individwali tagħhom u l-livell ġenerali tal-kwalifiki fit-tarzni.

Ir-rakkomandazzjonijiet u l-proposti speċifiċi tal-Kumitat

1.9   Huwa essenzjali li tittieħed iżjed azzjoni fil-livell Ewropew sabiex jiġi ffaċilitat it-tiġdid urġenti tal-flotta minħabba raġunijiet ambjentali. Għal dan il-għan huwa importanti li jsir użu mill-possibbiltajiet li jinħolqu mil-linji gwida għall-għajnuna għall-ħarsien tal-ambjent. L-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali għandha tindirizza l-kwistjonijiet ambjentali fil-livell internazzjonali bħala kwistjoni prijoritarja. Dan il-proċess diġà nbeda.

1.10   L-Istati Membri u l-UE għandhom jindirizzaw il-problemi kroniċi tal-finanzjament tas-settur tal-bini tal-bastimenti. Għalhekk, fi ħdan il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), għandu jiġi stabbilit strument finanzjarju Ewropew għall-bini tal-bastimenti. L-industrija, il-livell politiku u l-BEI għandhom isibu mezz biex il-fondi tal-BEI għall-promozzjoni ta’ “teknoloġiji ekoloġiċi” u trasport nadif ikunu disponibbli għas-settur tal-bini tal-bastimenti.

1.11   Għandu jsir monitoraġġ iktar strett tal-prattiki tas-sidien tal-bastimenti sabiex ma jużawx l-għajnuna Ewropea u nazzjonali biex jixtru l-bastimenti mit-tarzni barra mill-UE.

1.12   Għandha tingħata għajnuna u appoġġ liż-żarmar u l-modernizzazzjoni (retrofitting) bi ħsara ambjentali u ekonomika mill-inqas, tal-bastimenti antiki, bir-rekwiżiti ta’ kwalità Ewropej għat-tarzni li jwettqu dan ix-xogħol.

1.13   Il-Kumitat jappoġġja l-inizjattiva LeaderSHIP 2015 bħala qafas tajjeb għall-partijiet kollha interessati biex jiżviluppaw politiki b’mod konġunt għas-settur. Dan it-tip ta’ qafas għandu jiġi estiż għal setturi oħra tal-industrija.

1.13.1   L-inizjattiva LeaderSHIP 2015 għandha tiżviluppa pjan ta’ azzjoni dinamiku u kuraġġuż li jiffoka fuq it-tisħiħ tal-industrija tal-bini tal-bastimenti fl-Ewropa u fuq li jinżammu l-impjiegi li jeħtieġu livell għoli ta’ ħiliet waqt li jindirizza l-isfidi ambjentali marbuta mal-industrija tal-bini tal-bastimenti. Huwa kruċjali li l-proposti żviluppati fil-kuntest tal-LeaderSHIP 2015 jiġu implimentati mill-partijiet interessati kollha, b’mod partikolari mill-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri.

1.14   Il-Kumitat jirrakkomanda li, matul il-kriżi, l-imsieħba soċjali jisfruttaw l-opportunitajiet għad-djalogu soċjali bil-għan li jitfasslu strateġiji konġunti għall-futur. Id-djalogu soċjali huwa pjattaforma għall-ideat u s-soluzzjonijiet konġunti biex jiġu indirizzati l-isfidi attwali u futuri għas-settur tal-bini tal-bastimenti. B’rabta ma’ dan, għandu jintlaħaq ftehim dwar l-istandards soċjali għall-ħaddiema fl-industrija Ewropea tal-bini tal-bastimenti u dawn għandhom jiġu implimentati.

1.14.1   Il-Kumitat huwa tal-fehma li l-applikazzjoni tal-prinċipji tar-responsabbiltà tal-kumpaniji fis-settur għandha tikkontribwixxi għall-iżvilupp sostenibbli tiegħu.

1.14.2   Il-Kumitat iħeġġeġ li jiġu stabbiliti miżuri speċifiċi sabiex tinżamm ir-rabta bejn il-ħaddiema u l-kumpanija matul perijodi twal ta’ domanda baxxa (forzi tax-xogħol komuni (labour pools), taħriġ issussidjat, eċċ).

1.14.3   Għandha tiġi evalwata l-possibbiltà li jiġi identifikat xi appoġġ “soċjali” (il-FSE (4), il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni) temporanjament għas-settur tal-bini tal-bastimenti.

1.15   Il-Kumitat jappoġġja t-twaqqif pront ta’ kunsill settorjali tal-impjieg u l-ħiliet għas-settur tal-bini tal-bastimenti, b’konformità mal-istrateġija l-ġdida tal-Kummissjoni li tipprovdi għall-ħolqien ta’ korpi bħal dawn.

1.16   Billi l-produzzjoni “ekoloġika” u l-bastimenti li jiffrankaw l-enerġija huma importanti ħafna għas-sopravivenza tal-industrija, huwa essenzjali li l-kumpaniji tal-bini tal-bastimenti, il-kulleġġi u l-awtoritajiet pubbliċi jipprovdu l-programmi tat-taħriġ u t-taħriġ mill-ġdid biex jippromovu u jiżviluppaw ġabra ta’ ħiliet u kompetenzi li jippermettu transizzjoni effettiva għal bastimenti b’emissjonijiet baxxi u li jiffrankaw l-enerġija. Il-Kumitat jappoġġja l-idea ta’ “kwalifiki ekoloġiċi” għall-ħaddiema kollha fis-settur.

1.16.1   Fis-settur tal-bini tal-bastimenti għandu jsir użu mill-istrumenti bħas-Sistema Ewropea ta’ Krediti għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (ECVET), il-Qafas Ewropew ta’ Referenza għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità (EQARF) u l-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (QEK) biex il-mobbiltà ssir eħfef u biex jissaħħu l-kompetittività u l-produttività.

1.17   L-industrija tal-bini tal-bastimenti għandha titħeġġeġ biex twessa’ l-objettivi u l-attivitajiet tagħha (id-dinja marittima, l-akkwakultura, l-enerġiji barra l-kosta, id-dimensjoni Artika, eċċ.)

1.18   Il-miżuri teknoloġiċi għandhom ikunu orjentati lejn oqsma ġodda wkoll (inkluża r-riċerka) u r-rwol tal-pjattaformi teknoloġiċi u l-kollaborazzjoni bejniethom (pereżempju WATERBORNE) għandhom jissaħħu.

1.19   Il-Kummissjoni għandha titħeġġeġ biex tagħti iktar appoġġ u biex tieħu azzjoni iktar urġenti biex iddaħħal it-trasport bil-baħar b’distanzi qosra, l-awtostradi tal-baħar u bastimenti adatti li jilħqu r-rekwiżiti Ewropej għall-ambjent u l-enerġija.

1.20   Il-Kumitat jemmen li fit-tfittxija għas-soluzzjonijiet għat-tarzni Ewropej ma nistgħux ma nikkunsidrawx analiżi tas-settur tal-produzzjoni tat-tagħmir tal-bastimenti, li huwa marbut direttament magħhom. Il-qagħda ta’ dan is-settur hija ħafna aħjar minn dik tat-tarzni (mhux l-inqas għax l-intrapriżi jistgħu jirrilokaw iktar faċilment). Għaldaqstant, tajjeb li jiġu analizzati r-raġunijiet għal dawn is-sitwazzjonijiet differenti u li jinsiltu konklużjonijiet li jistgħu jitqiesu meta waqt li jitfittxu soluzzjonijiet effettivi għat-tarzni Ewropej.

Il-Kumitat beħsiebu jħejji rapport dwar dan is-settur u l-impatt tiegħu fuq is-settur tal-bini tal-bastimenti.

2.   Daħla – sfond tal-opinjoni u l-objettivi tagħha

2.1   L-industrija Ewropea tal-bini tal-bastimenti (5) ntlaqtet partikolarment ħażin mill-kriżi attwali, minħabba:

il-ħtiġijiet finanzjarji tagħha, li huma ikbar minn ta’ setturi oħra;

is-sensittività enormi tagħha għall-bidliet fil-kummerċ dinji, li bħalissa qed jirkadi mingħajr l-ebda trażżin f’dak li għandu x’jaqsam mad-domanda għall-bini tal-bastimenti, l-iktar minħabba ż-żieda rekord fl-għadd ta’ bastimenti kummerċjali fid-dinja, li l-ammont żejjed jiżboq sew it-tkabbir meħtieġ għat-trasport bil-baħar;

il-kompetituri tagħha, li joriġinaw l-ewwel nett mill-Istati li jadottaw approċċ intervenzjonist lejn din l-industrija u jqisu lil dan is-settur bħala wieħed ta’ importanza strateġika;

il-fatt li din il-kriżi seħħet fi żmien meta madwar id-dinja hemm kapaċità żejda ċara ta’ kapital fiżiku, li tiżboq sew il-ħtiġijiet;

il-fatt li din il-kriżi ġrat eżatt meta ħafna tarzni qed joħorġu minn proċess avvanzat u ħafna drabi diffikultuż ta’ ristrutturar, modernizzazzjoni u żvilupp teknoloġiku mtejjeb. Eżempju ta’ dan huwa t-tarzni Pollakki;

il-karatteristiċi speċifiċi ta’ dan is-settur (investimenti kbar, ċikli ta’ produzzjoni twal, prototipi u merkanzija li qatt ma jiġu prodotti fi kwantità, eċċ), li f’ħafna modi jagħmlu l-bini tal-bastimenti inevitabbilment u intrinsikament riġidi. Fi żmien ta’ kriżi serja dan iwassal għal miżuri drastiċi bħall-għeluq tat-tarzni.

2.2   Hemm periklu veru li tintilef il-massa kritika (6) meħtieġa biex tiġi sostnuta l-produzzjoni tal-industrija Ewropea tal-bini tal-bastimenti u dan il-fattur għandu jiġi kkunsidrat sabiex tiġi analizzata l-ħsara li ġrajja bħal din taf iġġib, mil-lat ekonomiku, soċjali, teknoloġiku u strateġiku, għall-futur tal-Ewropa li nixtiequ nibnu.

2.3   Il-fatturi li ssemmew hawn fuq wasslu lill-Kumitat biex ifassal din l-opinjoni, li tiffoka fuq il-konsegwenzi speċifiċi tal-kriżi għall-industrija tal-bini tal-bastimenti. L-opinjoni teżamina l-kwistjoni mill-perspettiva ekonomika u dik soċjali (rigward l-impjieg, l-impjiegi ta’ kwalità u l-impatt reġjonali) u mil-lat teknoloġiku u strateġiku.

2.4   F’din l-opinjoni, il-Kumitat jwettaq ukoll analiżi u evalwazzjoni ta’ nofs it-term tal-implimentazzjoni tal-inizjattiva LeaderSHIP 2015 u jipprova jwieġeb dawn il-mistoqsijiet: x’jista’ jsir biex jiġi żgurat is-suċċess u jiġi evitat il-falliment, u din l-inizjattiva kif tista’ tiġi aġġornata fil-konfront ta’ fatturi ġodda li qed joħorġu mill-kriżi ekonomika?

3.   Il-konsegwenzi speċifiċi tal-kriżi għall-industrija tal-bini tal-bastimenti

3.1   Minħabba n-natura unika tas-settur tal-bini tal-bastimenti, huwa importanti li jiġi enfasizzat li l-akkumulazzjoni tal-problemi finanzjarji f’dan is-settur, li hija r-riżultat kemm tal-problemi finanzjarji li għadhom għaddejjin (7) u mill-istadju xejn favorevoli fiċ-ċiklu ekonomiku, kif ukoll mill-irtirar tal-finanzjament min-naħa tal-investituri ta’ ordnijiet li kienu diġà saru (u l-kummerċ dejjem jikber fil-bastimenti użati (8)) huma periklu kbir, l-aktar minħabba li dan il-qasam tal-industrija dejjem kellu aktar problemi ta’ finanzjament minn setturi oħra.

3.1.1   Is-settur tal-bini tal-bastimenti tal-UE, u b’mod partikolari s-sottosettur tat-tarzni li jibnu bastimenti kbar u ta’ daqs medju, qed isofri wkoll min-nuqqas ta’ kondizzjonijiet indaqs u mill-kompetizzjoni inġusta minn partijiet oħra tad-dinja; u dan ilu jiġri għexieren ta’ snin. Is-settur għad m’għandux sistema ta’ regolamenti kummerċjali vinkolanti fid-dinja kollha. Barra minn hekk, ma nistgħux ninjoraw il-fatt li l-kriżi enfasizzat il-kapaċità żejda f’pajjiżi li qed jaġixxu mingħajr ħniena biex jiksbu finanzjament pubbliku permanenti għall-produzzjoni nazzjonali.

3.1.2   Minħabba li għall-ewwel darba dawn iċ-ċirkostanzi negattivi li ssemmew hawn fuq ġraw fl-istess perijodu, il-problema li s-settur qed jiffaċċja bħalissa ma tistax tiġi ttrattata sempliċement bħala “l-istorja li tirrepeti ruħha”, iżda iktar bħala sfida ġdida u drammatika. Huwa importanti li wieħed jinnota li n-natura ta’ dawn id-diffikultajiet hija iktar finanzjarja milli industrijali/strutturali.

3.1.3   Madankollu, il-kriżi tippreżenta opportunità biex jittieħdu passi li jwasslu għaż-żamma u s-salvagwardja tal-massa kritika meħtieġa biex jinżammu t-teknoloġiji avvanzati f’dan is-settur fil-periklu tal-kollass iżda li huwa kruċjali għat-trasport marittimu. B’xorti ħażina, it-tarzni Ewropej jinsabu fir-riskju li jitilfu din il-massa kritika.

3.2   L-industrija tal-bini tal-bastimenti qed turi tendenza karatteristika li tibqa’ lura meta l-ekonomija tibda tirkupra. Fid-dawl ta’ din it-tendenza xejn favorevoli, jekk ma jiġix appoġġjat, dan is-settur jista’ jsofri impatt fatali. Dan jista’ jiġri wkoll jekk il-miżuri temporanji ta’ appoġġ li diġà qed jittieħdu jitwaqqfu kmieni wisq.

3.2.1   Fl-industrija tal-bini tal-bastimenti, it-triq tan-niżla ħadet post perijodu ta’ tkabbir. Din kienet tendenza familjari fl-industrija tal-bini tal-bastimenti għal għexieren ta’ snin, u l-UE għandha tantiċipa l-effetti taċ-ċiklu ekonomiku fil-politiki settorjali tagħha.

3.3   Fid-diskussjonijiet dwar il-kawżi u l-konsegwenzi tal-qagħda diffiċli fis-settur, huwa importanti li jissemmew iċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-pajjiżi bħall-Polonja jew ir-Rumanija pereżempju.

Is-sitwazzjoni drammatika fil-Polonja, kif rajna fil-kollass attwali tal-produzzjoni f’żewġ tarzni ewlenin fi Gdynia u Szczecin, hija r-riżultat ta’ diversi sensiliet ta’ ċirkostanzi diżastrużi fuq xulxin li ma kinux previsti snin qabel. Dawn kienu l-abbandunar tal-isforzi tar-riforma u r-ristrutturar tas-settur, l-ewwel nett b’riżultat tad-deċiżjoni politika bejn l-2002 u l-2003 u n-nuqqas li tiġi sfruttata l-klima ekonomika pożittiva fis-suq Ewropew u dak internazzjonali bejn l-2003 u l-2008.

3.4   Din hija industrija b’importanza strateġika fiha nnifisha, kif ukoll b’rabta ma’ impjiegi u setturi oħra. Dan huwa partikolarment importanti u evidenti f’dawn iż-żminijiet ta’ kriżi. Il-Kummissjoni rrikonoxxiet dan il-fatt, u wieħed jittama li anke l-Presidenza attwali tal-UE tagħmel dan. Għalhekk, min-naħa tagħhom hemm mistennija u meħtieġa l-azzjoni politika. B’xorti ħażina, sal-ġurnata tal-lum kien hemm nuqqas ċar ta’ appoġġ min-naħa tal-maġġoranza ta’ dawk l-Istati Membri li għandhom settur tal-bini tal-bastimenti.

3.5   L-impatt soċjali tal-kriżi fl-industrija tal-bini tal-bastimenti huwa sinifikanti ħafna fil-livell reġjonali. Il-qgħad li qed jiżdied fl-hekk imsejħa reġjuni tal-bini tal-bastimenti u t-telf ta’ parti sinifikanti mill-PDG reġjonali jistgħu jkunu aktar drastiċi minn dak fl-industriji nazzjonali, li għalihom qed jittieħdu miżuri ta’ appoġġ fil-livell nazzjonali.

3.6   Meta tarzna tingħalaq, ġeneralment tingħalaq għal dejjem. B’hekk l-għarfien u t-teknoloġiji avvanzati jintilfu darba għal dejjem. Fil-prattika, il-prodotti kollha tal-bini tal-bastimenti huma prodotti pilota jew prototipiċi u kull wieħed minhom fih komponent differenti tar-riċerka u l-iżvilupp. Jekk l-Ewropa titlifhom, il-futur tat-trasport ekoloġiku u b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju garantit mill-“bastimenti nodfa” jaqa’ f’idejn inċerti. Barra minn hekk, it-telf tal-massa kritika joħloq ir-riskju li jiġi limitat l-aċċess għall-enerġija u l-materja prima mill-oċeani u għall-minerali estratti lil hinn mill-kosta.

3.7   Is-sottosettur tat-tiswija mhuwiex fi kriżi, iżda jista’ jkun li qed jibda jħoss il-kompetizzjoni mit-tarzni tal-bini tal-bastimenti li qed ibiddlu l-orjentazzjoni tagħhom lejn it-tiswija. Iżda dan l-aħħar kien hemm xi każijiet fejn it-tarzni speċjalizzati fit-tiswija xtraw (jew krew) partijiet minn infrastruttura tal-manifattura minn tarzni speċjalizzati fil-bini u ingaġġaw ħaddiema kkwalifikati minn tarzni li ngħalqu.

3.8   Il-bini u t-tiswija tal-bastimenti u t-teknoloġija ta’ livell għoli li tintuża għal dan il-għan jaqdu rwol ewlieni biex jiddefendu l-Ewropa, itejbu s-sigurtà u l-ambjent, u jittrasferixxu t-teknoloġiji lejn oqsma oħra tal-industrija. Dan jirrappreżenta argument importanti fit-tfittxija ta’ soluzzjoni għall-kriżi attwali fis-settur.

3.9   Meta niddeskrivu l-qagħda tas-settur tal-bini tal-bastimenti, speċjalment dik tat-tarzni, ma nistgħux ma nagħmlux valutazzjoni tas-settur tal-produzzjoni tat-tagħmir tal-bastimenti, li huwa direttament marbut miegħu. Fl-Ewropa, dan is-settur jimpjega kważi d-doppju tan-numru ta’ ħaddiema li jimpjega s-settur tal-bini tal-bastimenti (minbarra l-impjiegi fis-settur tal-bini tal-jottijiet u d-dgħajjes tad-divertiment, li jaqbżu n-numru ta’ impjiegi fis-settur tal-bini tal-bastimenti b’darba u nofs). Is-sehem tas-settur tal-UE tal-manifattura tat-tagħmir fil-produzzjoni globali ta’ tagħmir li huwa teknoloġikament avvanzat huwa konsiderevolment akbar minn dak tas-settur tat-tarzni, u jammonta għal 36 % (meta mqabbel ma’ dak tal-Asja li huwa ta’ 50 % li jirrigwarda prodotti ta’ klassi inferjuri). Għalhekk, is-sitwazzjoni tas-settur tal-provvedituri tat-tagħmir marittimu hija aħjar b’mod inkomparabbli minn dik li jinsab fiha s-settur tat-tarzni.

3.10   Għaldaqstant, tajjeb li jiġu analizzati r-raġunijiet għal dawn is-sitwazzjonijiet differenti u li jinsiltu konklużjonijiet li jistgħu jitqiesu meta jitfittxu soluzzjonijiet effettivi għat-tarzni Ewropej. Is-soluzzjonijiet applikati f’dan is-settur u r-rabtiet naturali tiegħu mat-tarzni jistgħu jifformaw sinerġija siewja u denja biex tiġi implimentata fis-settur kollu tal-bini tal-bastimenti. Fl-istess ħin, m’għandniex ninsew il-previżjoni li s-sitwazzjoni tas-settur Ewropew tat-tagħmir ser teħżien b’mod konsiderevoli jekk tintilef il-massa kritika tat-tarzni Ewropej.

4.   Azzjonijiet u soluzzjonijiet proposti biex tiġi indirizzata l-kriżi attwali fis-settur

4.1   Jeħtieġ li tiżdied minnufih id-domanda għall-prodotti u s-servizzi offruti mis-settur kollu kemm hu (inkluża t-tiswija). Il-Kumitat jemmen li, għal dan il-għan, huwa importanti li titħeġġeġ il-modernizzazzjoni (retrofitting) ekoloġika ta’ bastimenti qodma jew mhux siguri kif ukoll ta’ dawk li “jikkontaminaw”, permezz ta’ miżuri leġiżlattivi u inċentivi ekonomiċi.

4.1.1   Sabiex tingħeleb il-problema tas-sitwazzjoni negattiva tas-suq ta’ dan is-settur, l-UE u l-Istati Membri, fost affarijiet oħra, jistgħu jappoġġjaw jew jiffinanzjaw it-titjib tal-flotta kummerċjali tal-UE fl-aspetti ekoloġiċi u li jiffrankaw l-enerġija, flimkien mas-sottokuntrattar tat-tagħmir industrijali/marittimu.

4.1.2   It-tarzni Ewropej għandhom jikkonċentraw fuq il-bini ta’ bastimenti li għandhom vantaġġ komparattiv, jiġifieri bastimenti speċjalizzati ta’ kwalità u b’teknoloġija għolja (9).

4.2   Għandhom jiġu kkunsidrati l-miżuri speċifiċi fil-qafas tal-flessigurtà “interna”, li jipproteġu r-rabta bejn il-ħaddiema fis-settur u l-kompetenzi tagħhom fil-fażi tad-dumping taċ-ċiklu (10). Dawn għandhom jiġu appoġġjati permezz ta’ negozjati fil-qafas tad-djalogu soċjali u l-organizzazzjoni ta’ miżuri tal-għajnuna mill-Istat għal dan il-għan.

4.2.1   Ċerti miżuri ta’ appoġġ strutturali fir-reġjuni jistgħu jiġu evalwati mill-ġdid u ffokati fuq is-settur. Il-FEŻR (11) jista’ jkun sors ta’ finanzjament għal xi strumenti ta’ dan it-tip.

4.3   S’issa, l-isforz biex ikun hemm kondizzjonijiet indaqs fis-suq kompetittiv tal-bini u t-tiswija tal-bastimenti la kien serju u lanqas ġust. Fl-Ewropa għandha tiġi żgurata l-kompetizzjoni ħielsa, però dan is-settur, li jrid ilaħħaq mal-bqija tad-dinja, għandu jiġu offrut l-istess livell ta’ protezzjoni bħall-kompetituri barra mill-UE.

4.3.1   Sabiex is-settur tal-bini tal-bastimenti jitqies bħala wieħed ta’ importanza strateġika, fid-dawl tal-kompetituri minn barra l-UE, għandna nieħdu azzjoni simili għal dik li qed tittieħed pereżempju fis-settur tal-karozzi. Iżda fl-istess ħin, l-aħħar ftehim mal-Korea, li lanqas biss jirrikjedi li jiġu sodisfatti l-obbligi l-aktar reċenti u preċedenti, mhuwiex approċċ serju.

4.3.2   Il-Korea għandha tirrispetta l-impenn tagħha għal “prezzijiet normali tas-suq” u żżomm lura milli tagħti fondi (bail-outs) biex issalva t-tarzni. Il-Kummissjoni għandha tressaq rakkomandazzjoni dwar dan fil-laqgħa tal-OECD dwar in-negozjati tal-ftehim il-ġdid tal-bini tal-bastimenti.

4.4   Ir-rabta tal-bini tal-bastimenti mad-difiża għandha wkoll rwol importanti x’taqdi fil-futur tas-settur. Hawnhekk għandha tiġi kkunsidrata l-azzjoni tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża li għandha titqies bħala waħda li tħares ’il quddiem. F’dan l-istadju, ta’ min isemmi l-opportunitajiet li ser jinħolqu għal dan is-sottosettur mit-teknoloġiji ta’ użu doppju.

4.5   Huwa importanti li jiġu żviluppati l-kapaċità u l-potenzjal tal-pjattaforma teknoloġika WATERBORNE b’rabta mas-settur tal-bini tal-bastimenti bħala parti mis-7 Programm Qafas tar-Riċerka u l-Iżvilupp u l-kollaborazzjoni tiegħu ma’ pjattaformi teknoloġiċi oħra, bil-għan li jinżamm l-iżvilupp ta’ waħda mill-aktar armi importanti tas-settur, jiġifieri l-miżuri tar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni.

4.6   Huwa essenzjali li tinżamm il-massa kritika tal-industrija fil-livell Ewropew jekk nixtiequ jkollna bastimenti siguri, “ekoloġiċi” u li jiffrankaw l-enerġija, li ser ikollhom influwenza kbira fuq il-futur tal-protezzjoni ambjentali fuq il-baħar, fuq l-ispejjeż tat-trasport kollu kif ukoll fuq il-protezzjoni u ż-żamma tat-trasport Ewropew f’termini ta’ provvista tal-enerġija (bastimenti kostali, pjattaformi, pjattaformi tat-tħaffir, turbini tar-riħ fuq il-baħar, eċċ.). Dan huwa marbut ukoll mal-idea li jiġi organizzat trasport ekoloġiku (trasport bil-baħar fuq distanzi qosra, awtostradi tal-baħar, eċċ.).

4.6.1   Il-linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali [2008/C82/01] jispeċifikaw l-akkwist ta’ bastimenti li jirrispettaw l-ambjent. Dawn il-linji gwida għandhom jiġu implimentati mingħajr dewmien u mingħajr burokrazija żejda.

4.7   Fid-dawl tal-isfidi attwali, hemm bżonn li s-sistema ġenerali ta’ appoġġ provdut mill-programmi qafas, li hija indirizzata għas-setturi tal-produzzjoni tal-massa, tiġi adattata għall-ħtiġijiet tas-settur, b’tali mod li dawn il-programmi jkunu jistgħu jiġu applikati għall-bini tal-bastimenti bl-użu tat-teknoloġija avvanzata, dedikata b’mod ġenerali għall-prototipi u għall-produzzjonijiet limitati.

4.8   Il-qafas finanzjarju Ewropew tal-2003 għall-għajnuna mill-istat għall-bini tal-bastimenti (12) (2003/C 317/06), li tfassal mill-Kummissjoni Ewropea, huwa utli u għandu jiġġedded sa wara l-2011 sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet ta’ innovazzjoni li jkunu affidabbli. Il-prinċipji mġedda għandhom jikkorispondu b’mod iktar effettiv għall-bżonnijiet speċifiċi u l-iktar reċenti tas-settur u jiżguraw iktar stabbiltà fi ħdanu.

5.   L-inizjattiva LeaderSHIP 2015 – x’nistgħu nagħmlu biex niżguraw li din tgħin lis-settur fil-kriżi attwali u biex tevita l-fallimenti?

5.1   Meta l-inizjattiva LeaderSHIP (LS) 2015 tfasslet mis-settur u ġiet appoġġjata mil-livell politiku tal-UE matul il-perijodu 2002–2003, il-prospetti għall-industrija Ewropea tal-bini tal-bastimenti kienu jidhru li huma pjuttost dgħajfa. L-ordnijiet ġodda naqsu, u l-ispejjeż għall-bini ta’ bastimenti ġodda kienu baxxi u bdew jonqsu minħabba li bdiet tikber il-kapaċità tal-produzzjoni fl-Asja.

5.1.1   Bħalissa l-istrateġija LS 2015 tinsab f’nofs il-perijodu tagħha, però s-settur qiegħed fl-istess qagħda bħalma kien meta tnieda l-programm, jew possibbilment saħansitra agħar minħabba l-kriżi globali.

5.1.2   Sitt snin ilu, l-inizjattiva LS 2015 kienet meqjusa bħala viżjoni bbażata fuq il-fiduċja fil-kapaċitajiet tal-produzzjoni u l-potenzjal innovattiv tas-setturi marittimi Ewropej u fuq id-determinazzjoni li s-settur jiġġieled għall-futur tiegħu. Jidher li dan l-approċċ għadu jgħodd, iżda l-inizjattiva nnifisha trid tiġi aġġustata u adattata għas-sitwazzjoni preżenti, b’mod partikolari billi jinsiltu l-konklużjonijiet mill-perijodu tal-ħolqien u l-implimentazzjoni tagħha.

5.2   Il-valutazzjoni tal-LS 2015 mill-imsieħba soċjali mis-settur tal-bini tal-bastimenti hija din:

a.

Is-suċċessi prinċipali huma:

Bidla fil-mentalità fis-settur,

Bidla fil-mod kif dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet u s-soċjetà jħarsu lejn is-settur,

Approċċ konsistenti mil-lat politiku,

Il-karattru Ewropew tal-inizjattiva,

Progress konkret f’oqsma individwali ta’ azzjoni (innovazzjoni, djalogu soċjali, drittijiet tal-proprjetà intellettwali, prinċipji tekniċi tal-proċess tal-produzzjoni).

b.

In-nuqqasijiet prinċipali huma:

Għadd ta’ proposti konkreti ma ġewx implimentati (LPF (13), finanzjament),

Ċerti kwistjonijiet ma ġewx ikkunsidrati b’mod adatt (l-istruttura tal-industrija).

5.2.1   Fil-qosor, l-imsieħba soċjali jemmnu li l-approċċ għat-tul għandu jiġi aġġustat bl-użu ta’ miżuri li jindirizzaw il-kriżi.

5.3   Sentejn ilu, f’dokument bil-fehmiet tagħha dwar il-progress tal-implimentazzjoni tal-programm LS 2015, fil-konklużjoni finali tagħha l-Kummissjoni stqarret li “LeaderSHIP 2015 ikompli jipprovdi qafas xieraq għall-politiki tagħha indirizzati lejn is-settur tal-bini tal-bastimenti. Għandu jissokta u fejn possibbli għandha tiżdiedlu l-ħeffa tiegħu, partikolarment fir-rigward tal-kwistjoni tal-iffinanzjar tal-bastimenti. Iżda għandu jiġi nnutat li f’bosta oqsma l-inizjattiva tinsab prinċipalment fil-qasam tal-industrija (eż. l-istruttura tal-industrija) jew għand l-Istati Membri.” Il-Kummissjoni tiddikjara li għadha impenjata fil-LeaderSHIP 2015 u ser tkompli taħdem biex tiżgura li titfassal l-aħjar taħlita ta’ politika u li tiġi applikata fil-livell tal-UE.

5.4   Minkejja l-kontenut u l-intenzjonijiet tal-valutazzjoni ta’ hawn fuq, irridu nagħmluha pjuttost ċara li, aktar minn sentejn wara li tħejja dan id-dokument, hemm bżonn urġenti (l-aktar minħabba l-bidliet fis-settur ikkawżati mill-kriżi) li l-programm jiġi aġġornat u jinkludi strumenti mġedda, għalkemm jidher li l-qafas ġenerali tal-aktar miżuri importanti marbuta mas-settur ma tilef xejn mir-rilevanza tiegħu.

5.4.1   Jidher li l-problema prinċipali sabiex il-programm LS 2015 jirnexxi hija li l-inizjattivi ppjanati mhux qed jiġu implimentati b’mod effettiv u li l-programm ftit li xejn qed jitħaddem f’xi Stati Membri, speċjalment f’dawk ġodda.

5.5   Fir-rigward tal-impatt tal-inizjattiva LS 2015 fuq l-impjiegi fl-industrija tal-bini tal-bastimenti, il-valutazzjonijiet f’xi ċrieki kienu pjuttost xettiċi (14). Huma jsibu problema bl-inizjattiva minħabba n-nuqqas ta’ implimentazzjoni konkreta. Jenfasizzaw li l-uniċi bidliet introdotti bl-implimentazzjoni tal-LS2015 kienu l-aktar ta’ natura kwalitattiva u jirreferu għall-ħiliet ġodda tal-ħaddiema.

Brussell, 29 ta’ April 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Ir-reazzjoni ppjanata għall-kriżi tfasslet f’Bremerhaven fil-laqgħa tar-rappreżentanti ta’ livell għoli fil-qafas tal-inizjattiva LeaderSHIP.

(2)  S’issa l-Ewropa kienet qed tiddomina s-swieq tal-kreditu għall-bini tal-bastimenti. Sabiex tiġi mħarsa u tissaħħaħ din il-kompetenza, għandha tiġi stabbilita sistema Ewropea ta’ garanzija li tippermetti lit-tarzni jiżguraw il-finanzjament tal-ordnijiet eżistenti u futuri, l-Ewropa għandha żżomm u tiżviluppa aktar ir-rwol tagħha bħala ċentru għall-finanzjament tal-bastimenti.

(3)  L-impatt kummerċjali ta’ telf ta’ massa kritika fl-Istati Uniti kien ta’ żieda ta’ 300 % fl-ispejjeż tal-bini ta’ bastimenti ġodda wara l-kriżi fis-settur.

(4)  Il-Fond Soċjali Ewropew.

(5)  Hemm definizzjoni ta’ dan it-terminu fil-glossarju fl-aħħar tal-opinjoni.

(6)  Huwa essenzjali li jkun hemm livell minimu ta’ produzzjoni ġenerali fit-tarzni tal-Istati Membri tal-UE sabiex jiġi żgurat li s-settur tal-bini tal-bastimenti jkompli jitħaddem fl-UE.

(7)  Problemi ta’ finanzjament dejjem jikbru minħabba marġni baxxi ta’ profitt (CESA).

(8)  L-għadd ta’ bastimenti żejda jiżboq sew it-tkabbir meħtieġ fit-trasport bil-baħar; li kieku l-bastimenti l-ġodda kellhom jitqiegħdu wieħed wara l-ieħor, dawn ikopru żona ta’ 60 Mil Nawtiku (skont il-Bloomberg and Clarkson Research Services).

(9)  Mingħajr ma din il-lista titqies bħala eżawrjenti, nistgħu nsemmu dawn it-tipi ta’ bastimenti: bastimenti tal-passiġġieri, bastimenti tal-kroċeri, jottijiet, dgħajjes tad-divertimenti, bastimenti tas-servizz, trasportaturi tal-karozzi u tal-kimiċi, trasportaturi tal-LNG/LEG/LPG, bastimenti offshore, bastimenti li jkissru s-silġ (middle ice breakers), bastimenti lukandi, bastimenti tal-protezzjoni tas-sajd, bastimenti tar-rmonk u l-provvisti, pjattaformi għat-tħaffir, turbini tar-riħ ’il barra mix-xtut, bastimenti intiżi għal skopijiet militari, bastimenti attrezzati b’teknoloġija b’użu doppju, bastimenti tal-merkanzija moderni b’aktar minn skop wieħed, laneċ tar-rmonk u bastimenti tar-riċerka.

(10)  Il-perijodu fejn joħorġu fid-dieher l-effetti tal-kriżi u n-nuqqas ta’ attività fiċ-ċiklu ekonomiku (għadd ta’ ordnijiet limitat sew).

(11)  Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali.

(12)  ĠU C 317 2003, p. 11.

(13)  Leadership Platform Financing.

(14)  Preżentazzjoni: “Analiżi tal-impatt tal-programm LeaderSHIP 2015 fuq l-impjiegi fis-settur tal-bini tal-bastimenti”, Jerzy Bieliński, Renata Płoska, Università ta’ Gdańsk, il-Polonja.


APPENDIĊI 1

Glossarju tat-Termini:

—   L-industrija tal-bini tal-bastimenti (inklużi t-tiswija u t-trasformazzjoni): hija orjentata lejn il-bastimenti l-kbar (l-iktar dawk li jintużaw fuq il-baħar), intiżi għall-finijiet merkantili/kummerċjali, iżda wkoll lejn il-bastimenti militari. Tindirizza wkoll il-prodotti u s-servizzi provduti għall-bini, il-konverżjoni u ż-żamma ta' dawn il-bastimenti (dawk li jintużaw fuq il-baħar kif ukoll dawk li jintużaw fil-passaġġi interni) (1). Fi ħdan l-industrija tal-bini tal-bastimenti nistgħu niddistingwu bejn żewġ sottosetturi (2):

Il-bini tal-bastimenti

It-tagħmir marittimu

—   Il-bini tal-bastimenti: jinkludi l-bini tal-bastimenti, it-tiswija (u t-trasformazzjoni) tagħhom u huwa orjentat lejn il-bastimenti kummerċjali marittimi kbar. Dan jinkludi wkoll is-sottosettur tal-jottijiet l-kbar nett.

—   It-tagħmir marittimu: iħaddan il-prodotti u s-servizzi kollha provduti għall-bini, it-trasformazzjoni u ż-żamma tal-bastimenti (dawk li jintużaw fuq il-baħar kif ukoll dawk li jintużaw fil-passaġġi interni) u l-istrutturi marittimi. Dan jinkludi s-servizzi tekniċi fil-qasam tal-inġinerija, l-installazzjoni u l-ikkummissjonar u ż-żamma tal-bastimenti (inkluża t-tiswija) (3).

Fatti u Figuri:

Tarzni:

Fl-Ewropa hemm madwar 150 tarzna kbira, li xi 40 minnhom huma attivi fis-suq dinji għall-bastimenti kummerċjali marittimi l-kbar. Fl-Unjoni Ewropea hemm mal-120 000 ruħ impjegati direttament mit-tarzni (ċivili u navali, il-bini ġdid u t-tiswija). B'sehem ta' 15 % tas-suq f'termini ta' volum, l-Ewropa għadha qed tikkompeti ma' pajjiżi mix-Xlokk tal-Asja biex tkun minn tal-ewwel fid-dinja f'termini tal-valur tal-bastimenti ċivili li jiġu manifatturati (EUR 15-il biljun fl-2007) (4).

Tagħmir marittimu:

L-impjiegi diretti fis-settur tat-tagħmir marittimu huma stmati għal iktar minn 287 000 filwaqt li l-impjiegi indiretti jammontaw għal madwar 436 000. Il-bejgħ annwali tas-settur fl-2008 ġie stmat għal madwar EUR 42 biljun (5). Is-sehem tal-esportazzjoni tat-tagħmir manifatturat jilħaq is-46 %. Is-settur tat-tagħmir marittimu huwa t-tielet l-ikbar wieħed fil-cluster marittimu wara t-tbaħħir u s-sajd (6).


(1)  http://ec.europa.eu/enterprise/sectors/maritime/index_en.htm.

(2)  ECORYS, Studju dwar il-Kompetittività tal-Industrija Ewropea tal-bini tal-bastimenti, Rotterdam, Ottubru 2009.

(3)  http://www.emec.eu/marine_equipment/index.asp.

(4)  http://ec.europa.eu/enterprise/sectors/maritime/index_en.htm.

(5)  Il-membri tal-EMEC: il-Kroazja, id-Danimarka, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, il-Polonja, l-Isvezja, il-Pajjiżi l-Baxxi, in-Norveġja, it-Turkija u r-Renju Unit.

(6)  http://www.emec.eu/marine_equipment/index.asp


APPENDIĊI 2

tal-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

L-emendi li ġejjin, li ġabru minn ta' l-inqas kwart tal-voti mixħuta, ma ġewx aċċettati matul id-dibattiti:

Punt 1.11

Għandu jitħassar:

“”

Riżultat tal-votazzjoni

Voti favur

:

65

Voti kontra

:

108

Astensjonijiet

:

18