|
18.12.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 347/34 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-istrateġija tal-ġejjieni għall-industrija tal-ħalib għall-perijodu 2010-2015 u wara”
(opinjoni fuq inizjattiva proprja)
(2010/C 347/05)
Relatur: is-Sur ALLEN
Nhar is-16 ta’ Lulju 2009, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar
L-istrateġija tal-ġejjieni għall-industrija tal-ħalib tal-UE għall-perijodu 2010-2015 u wara
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-28 ta’ Jannar 2010.
Matul l-460 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-17 u t-18 ta’ Frar 2010 (seduta tas-17 ta’ Frar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’152 vot favur, 6 voti kontra u 6 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 L-industrija tal-ħalib tal-UE għandha rwol ta’ importanza strateġika fuq medda twila ta’ żmien fil-provvista ta’ prodotti tal-ħalib siguri u ta’ kwalità għolja għaċ-ċittadini tal-UE. L-UE ma għandha qatt issir dipendenti minn provvisti ta’ ħalib li jiġu minn barra l-UE. Trid tkompli żżomm l-ogħla standards ta’ benesseri tal-annimali, iġjene, traċċabbilità, mediċina tal-annimali, ħarsien tal-ambjent u produzzjoni sostenibbli.
1.2 Il-bdiewa ser ikomplu jipproduċu ħalib ta’ kwalità tajba sakemm ikun jirrendilhom (iżda dan mhux għal żmien twil jekk ma jkunx jirrendilhom). Il-produzzjoni tal-ħalib fl-UE ser tonqos u tispiċċa għalkollox minn ċerti żoni sakemm ma nistabbilizzawx il-prezzijiet u dawn jiggarantixxu profitt. Iż-żoni żvantaġġati għandhom bżonn ta’ attenzjoni speċjali. Il-produtturi tal-ħalib għandhom jirċievu wkoll kumpens finanzjarju talli jfornu biedja multifunzjonali, jiġifieri “servizzi pubbliċi mhux kummerċjali” peress li jżommu u jiżviluppaw l-art rurali, il-bijodiversità, l-ambjent naturali u l-arti u l-kultura rurali. Fl-Istati Membri l-ġodda, għandha titqies il-possibblità ta’ pagamenti diretti akkoppjati għall-produtturi tal-ħalib.
1.3 Iridu jiġu ddedikati ħafna riżorsi għall-innovazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp u t-trobbija tal-bhejjem sabiex jiġi assigurat li l-industrija tal-ħalib issir aktar effiċjenti fil-livell tal-biedja u fil-livell tal-ipproċessar. Dan għandu jinkludi użu aħjar tal-ħaxix u tal-għalf fil-livell tal-biedja kif ukoll prodotti ġodda fil-livell tal-ipproċessar. Iż-żewġ livelli jeħtieġu teknoloġija ġdida u aħjar. Huwa importanti li jkun hemm investiment kbir biex jiġi żviluppat is-settur sabiex l-UE issir il-mexxejja dinjija f’dan il-qasam.
1.4 Huwa fundamentali li tiġi evitata l-instabilità fil-prezzijiet kif irreġistrata fl-2007/2008. Din trid tinkiseb bl-użu ta’ miżuri adegwati ta’ sostenn flimkien ma’ monitoraġġ tajjeb tas-suq sabiex jiġi assigurat bilanċ raġonveoli bejn il-provvista u d-domanda.
1.5 L-UE għandha l-għażla li tirreaġixxi għas-sitwazzjoni tas-suq billi tuża s-sistema tal-kwoti u sistemi oħra ta’ organizzazzjoni tas-suq (għall-inqas sal-2015).
1.6 B’konformità mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta’ Lulju 2009, għandu jiġi żviluppat u implimentat pjan ta’ direzzjoni sabiex tinstab ir-raġuni għala l-prezzijiet tal-konsum baqgħu 14 % ogħla meta mqabbla mal-perijodu ta’ qabel iż-żjieda fil-prezzijiet tal-ħalib. Irid ikun hemm it-trasparenza fil-katina tal-ikel kollha.
1.7 Sabiex tiġi assigurata l-vijabilità tal-industrija tal-ħalib tal-UE wara l-2015, ser jibqa’ jkun hemm bżonn ta’ għadd ta’ miżuri ta’ politika agrikola flimkien ma’ sistema ta’ xibka ta’ sikurezza bl-għan li ssostni u tistabbilizza l-prezzijiet b’mod li la jitħallew jinżlu inqas minn ċertu livell u lanqas ikunu esposti għal varjazzjonijiet eċċessivi, u jipprovdu wkoll ħażniet suffiċjenti ta’ riżervi sabiex jiġu koperti nuqqassijiet jew diżastri naturali li ma jistgħux jitbassru. Hija essenzjali sistema b’miżuri tas-suq relatati mal-provvista u d-domanda sabiex tiġi assigurata industrija tal-ħalib sostenibbli u ekoloġika għall-perijodu ta’ wara l-2015. L-ikel inġenerali u l-ħalib b’mod partikolari huma wisq importanti għall-benesseri taċ-ċittadini sabiex jispiċċaw bħala kapriċċi ta’ sistema tas-suq li tkun ħielsa u bla kontroll.
2. Daħla
2.1 Il-produzzjoni tal-ħalib hija waħda mill-attivitajiet agrikoli prinċipali fl-UE. Fl-2008, miljun produttur ipproduċew 150 miljun tunnellata ħalib b’valur ta’ aktar minn EUR 40 biljun, li jissarrfu f’14 % tal-valur tal-produzzjoni agrikola tal-UE. Aktar minn 60 % tal-laħam prodott fl-UE jiġi mill-imrieħel tal-baqar għall-ħalib. Skont il-figuri mill-Federazzjoni Internazzjonali tal-Ħalib, l-UE hija l-akbar produttur tal-ħalib b’27 % tal-produzzjoni dinjija, segwita mill-Indja b’20 % u mill-Istati Uniti b’16 %.
2.2 Is-settur tal-ħalib, mill-ġbir tiegħu sal-ipproċessar, jimpjega madwar 400 000 persuna fl-UE.
2.3 Il-produzzjoni tal-ħalib taqdi rwol importanti ħafna fiż-żamma tal-istruttura ekonomika u soċjali fiż-Żoni Żvantaġġati. Fil-fatt, 60 % tal-imħaleb fl-UE25 jinsabu f’dawn iż-żoni. Il-produzzjoni tal-ħalib hija waħda mill-aktar attivitajiet adegwati sabiex tmantni l-familji f’dawn iż-żoni u flimkien mat-trobbija tal-baqar u n-ngħaġ taqdi rwol prinċipali fiż-żamma u l-iżvilupp tal-pajsaġġ u l-ambjent.
3. Il-kuntest
3.1 F’dawn l-aħħar sentejn, is-swieq tal-ħalib globali raw varjazzjonijiet importanti fil-prezzijiet. Fl-2007 u fil-bidu tal-2008, il-prezzijiet globali tal-prodotti bażiċi tal-ħalib irreġistraw żjieda fenomenali, li wasslet għal żjieda sostanzjali fil-prezzijiet tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib. Dan kien sewgit matul it-tieni nofs tal-2008 b’roħs aktar drammatiku f’dawn il-prezzijiet.
3.2 Il-maġġoranza tal-prodotti tal-ħalib jiġu kkonsmati fir-reġjun fejn jiġu prodotti. Madwar 8 % tal-produzzjoni globali tal-ħalib tispiċċa fis-suq dinji u konsegwentament bidla żgħira fil-produzzjoni globali tista’ tinfluwenza b’mod sinjifikanti s-suq dinji. Pereżempju, qabża ta’ 2 % bejn il-produzzjoni globali u l-konsum globali hija ekwivalenti għal madwar 25 % tal-kummerċ dinji tal-ħalib.
3.3 Minkejja li l-UE hija l-akbar esportatur tal-ġobon, huma l-prodotti bażiċi, fi kliem ieħor il-ħalib tat-trab u l-butir, li jikkostitwixxu l-maġġoranza tal-esportazzjonijiet tal-ħalib barra l-UE. Fil-fatt, is-suq dinji tal-ħalib jista’ jiġi deskritt prinċipalment bħala suq tal-prodotti bażiċi tal-ħalib.
3.4 Peress li l-UE hija awtosuffiċjenti b’109 % fir-rigward tal-prodotti tal-ħalib, id-9 % żejda jistgħu jiġu esportati fuq is-suq dinji. Il-prodotti prinċipali esportati mill-UE huma l-butir/żejt tal-butir, il-ħalib xkumat tat-trab, il-ġobon, il-ħalib sħiħ tat-trab u l-ħalib magħqud.
3.5 Il-konsum globali tal-prodotti tal-ħalib ilu jikber b’medja ta’ 2,5 % kull sena sa mill-2000. Dan issa naqas għal 1 % kull sena.
3.6 Bejn l-2004 u l-2006, il-konsum globali tal-prodotti tal-ħalib kien aktar mill-produzzjoni b’konsegwenza li ntużaw ir-riżervi kollha. Din kienet ir-raġuni prinċipali għaż-żjieda mhux mistennija fil-prezzijiet tal-prodotti bażiċi tal-ħalib fuq is-suq dinji. Sa mill-2008 din is-sitwazzjoni nqalbet b’riżultat li l-produzzjoni issa hija aktar mit-talba.
3.7 Iż-żjieda mhux mistennija fil-prezzijiet tal-ħalib eventwalment ipprovokat tnaqqis fis-sehem tas-suq hekk kif il-konsumaturi qalbu għal sostituti orħos u, b’mod speċjali peress li l-ingredjenti tal-ħalib ġew issostitwiti minn alternattivi orħos. Ir-riċessjoni globali u r-roħs fil-prezzijiet taż-żejt wasslu għal aktar tnaqqis fil-bejgħ tal-prodotti tal-ħalib. Il-pajjiżi li jipproduċu ż-żejt huma importaturi kbar tal-prodotti tal-ħalib u roħs fil-prezzijiet taż-żejt tfisser tnaqqis fl-importazzjonijiet tagħhom tal-prodotti tal-ħalib u dan jista’ jwassal għal inżul fil-prezzijiet globali tal-prodotti tal-ħalib.
3.8 Filwaqt li ċ-ċaqliq fil-prezzijiet tal-prodotti tal-ħalib b’valur għoli huwa iktar diffiċli biex jiġi segwit milli dak tal-prodotti bażiċi, huwa ovvju li naqas il-bejgħ tal-prodotti tal-ħalib b’valur miżjud peress li l-konsumaturi qalbu għal prodotti irħas.
3.9 Fil-Komunikazzjoni tagħha lill-Kunsill ta’ Lulju 2009, il-Kummissjoni qalet li ż-żjieda fil-prezzijiet fit-tieni nofs tal-2007 pprovokat żjieda mgħaġġla fil-prezzijiet tal-ħalib u żjieda qawwija fil-prezzijiet tal-konsum. Bil-kontra, it-tnaqqis fil-prezzijiet fit-tieni nofs tal-2008/2009 li wassal għal tnaqqis fil-prezz tal-butir b’39 %, il-ħalib xkumat tat-trab b’49 %, il-ġobon bi 18 % u l-ħalib b’31 %, wassal għal tnaqqis fil-prezzijiet tal-konsum ta’ madwar 2 % biss (medja tal-UE). Fil-fatt, il-prezzijiet tal-konsum baqgħu madwar 14 % ogħla minn kif kienu qabel iż-żjieda fil-prezzijiet. Madankollu, f’dawk il-pajjiżi li għandhom bejgħ għoli ta’ prodotti tal-ħalib lill-bejjiegħa li jbiegħu bl-irħis raw “gwerra tal-prezzijiet” fl-2009 peress li l-prodotti tal-ħalib jintużaw sabiex jikkompetu ma’ bejjiegħa oħra. (1)
3.10 Ir-razzjonalizzazzjoni fi ħdan is-settur tal-kummerċ bl-imnut tal-UE li dejjem qiegħed isir aktar intensiv wassal biex dan is-settur jiġi mogħni b’poter ta’ negozjar li ma jistax jitqabbel mal-bqija tal-katina tal-provvista tal-ikel. Il-bdiewa spiċċaw jaċċettaw il-prezzijiet minflok jistabbilixxuhom, speċjalment meta l-provvista tal-ħalib tkun iżjed mid-domanda. Meta jitqies kollox, jidher li l-awtoritajiet responsabbli għall-kompetizzjoni u r-regoli konnessi kienu aktar ta’ benefiċċju għad-distributuri l-kbar milli għall-miljun produttur tal-ħalib. Il-bdiewa jeħtieġu pożizzjoni aktar b’saħħitha ta’ negozjar fir-rigward tal-prezzijiet ta’ produzzjoni tal-ħalib b’tali mod li l-katina tal-ikel terġa’ ssib il-bilanc u l-ekwilibru.
3.11 Fl-Aġenda 2000, segwita mir-reviżjoni ta’ nofs it-term u l-Verifika tas-Saħħa li nħolqu biex jippreparaw l-Agrikoltura tal-UE għal ftehim tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) li huwa possibbli fil-futur, tbaxxa l-prezz ta’ manipulazzjoni u, flimkien mar-restrizzjonijiet kwantitattivi għall-manipulazzjoni tas-suq, dan dgħajjef il-mekkaniżmu ta’ appoġġ lill-prezzijiet. Għalhekk il-prezzijiet tal-produzzjoni tal-ħalib niżlu għal livell inferjuri għal dak li kien qabel ma bdew jiffunzjonaw il-mekkaniżmi ta’ appoġġ bħall-manipulazzjoni.
4. Prospetti għas-suq
4.1 Unjoni Ewropea
4.1.1 Fis-suq tal-ħalib tal-UE, il-produzzjoni taqbeż il-konsum b’9 %.
4.1.2 L-UE timporta wkoll prodotti tal-ħalib minn pajjiżi terzi b’tariffi mraħħsa. Dawn l-importazzjonijiet huma żgħar meta mqabbla mal-konsum totali tal-UE. Fil-fatt, fl-2007 u l-2008, l-UE importat madwar 330 000 u 300 000 tunnellata ta’ prodotti tal-ħalib rispettivament. Il-prodotti tal-ħalib importati fl-UE jinkludu l-ġobon (1.1 % tal-produzzjoni tal-UE), il-butir (4.3 % tal-produzzjoni tal-UE) u l-ħalib xkumat tat-trab (2.4 % tal-produzzjoni tal-UE). L-importazzjonijiet tal-prodotti tal-ħalib jammontaw bejn 2 % u 3 % tal-ekwivalenti f’ħalib mill-produzzjoni tal-ħalib fl-UE.
4.1.3 Sa 40 % tal-ħalib tal-UE jinbidel f’ġobon u madwar 30 % jintuża għal prodotti friski tal-ħalib. Dawn iż-żewġ tipi ta’ prodotti kienu l-muturi prinċipali taż-żjieda fil-konsum fi ħdan l-UE dawn l-aħħar għaxar snin. It-30 % li jibqa’ jinbidel f’butir, trab jew kaseina.
4.1.4 Il-ħażniet ta’ intervent tas-suq tal-butir u l-ħalib xkumat tat-trab kienu qegħdin jiżdiedu minħabba konsum aktar limitat fl-UE, ir-roħs fil-prezzijiet dinjija tas-suq u r-riċessjoni globali. Il-kwota tal-UE żdiedet b’2 % fl-2008 u b’1 % fl-2009 li, flimkien maż-żjieda fil-kwota fil-ġejjieni diġà deċiża, jistgħu jwasslu għal żjieda fil-produzzjoni tal-ħalib fl-UE.
4.1.5 L-użu tar-rimborżi għall-esportazzjoni evita li aktar ħażniet jimmanipulaw is-swieq waqt li l-manipulazzjoni kienet miftuħa.
4.1.6 L-azzjonijiet li ttieħdu mill-Kummissjoni wasslu sabiex il-prezzijiet tal-ħalib tal-UE ma jinżlux għal-livell tal-prezzijiet fuq is-suq dinji ta’ 14-15-il ċenteżmu ta’ euro kull litru. Il-prezzijiet tal-UE nżammu ogħla mill-prezzijiet globali. Fid-diversi Stati Membri, il-prezzijiet ivarjaw minn minimu ta’ 16-il ċenteżmu fil-Latvja għal 25/27 ċenteżmu ta’ euro għal kull litru f’ħafna Stati Membri oħrajn, li xorta jibqa’ taħt in-nefqa tal-produzzjoni. Liema parti oħra tas-soċjetà taħdem mingħajr ma titħallas jew għal dħul taħt il-paga minima legali?
4.1.7 Il-produzzjoni tal-ħalib attwalment tinsab 4,2 % taħt il-kwota u huwa mistenni li tibqa’ taħt il-kwota għall-2009/2010.
4.1.8 Iż-żjieda fil-prezzijiet tal-UE (li diġà bdiet) għandha tkun gradwali ħafna. L-eżistenza ta’ ħażniet sostanzjali ta’ manipulazzjoni li jheddu s-suq tista’ ddewwem l-irkupru skont jekk il-Kummissjoni tiddeċiedix li tirrilaxxa dawn il-ħażniet fis-suq.
4.1.9 It-tbiċċir tal-baqar żdied skont id-data tal-UE. Huwa probabbli li qegħdin jitbiċċru numru akbar ta’ baqar tal-ħalib, u dan iwassal għal tnaqqis fil-produzzjoni tal-ħalib fil-futur immedjat. Madankollu, fuq il-perijodu qasir, iż-żjieda gradwali fil-prezzijiet tal-ħalib ser twassal għal żjieda fil-produzzjoni f’numru żgħir ta’ pajjiżi.
4.1.10 Hekk kif il-prezzijiet tal-ħalib jibqgħu jiżdiedu fuq il-perijodu medju, il-produzzjoni tal-ħalib ser tiżdied sal-2015 u probabbilment ser tipprogressa bl-istess ritmu taż-żjidiet fil-kwota kif ġew miftiehma fil-Verifika tas-Saħħa.
4.1.11 Huwa probabbli li titkompla t-tendenza tat-tnaqqis fil-produzzjoni tal-ħalib fl-Ewropa tan-Nofsinhar u f’xi Stati Membri li jinsabu fit-Tramuntana.
4.1.12 Il-konsum tal-ġobon u tal-prodotti tal-ħalib friski Ewropej jidher li ser jibqa’ baxx minħabba prospetti limitati ta’ żjieda fid-dħul.
4.1.13 Il-Kummissjoni tbassar tnaqqis fil-butir żejjed sal-2015 minħabba tnaqqis fil-produzzjoni tal-butir u żjieda fil-produzzjoni tal-ġobon. Dan jiffaċilita t-tnaqqis, li kien mitlub, tar-rimborżi għall-esportazzjoni, suġġett li bħalissa qed jiġi indirizzat fin-negozjati tal-WTO.
4.1.14 Xi esperti tas-suq jemmnu li jista’ jibqa’ eċċess ta’ butir minħabba produzzjoni akbar ta’ prodotti tal-ħalib b’kontenut baxx ta’ xaħam u nuqqas ta’ żjieda fil-konsum tal-ġobon.
4.1.15 Il-prospettivi tas-suq fl-UE sal-2015 mhumiex ċerti iżda probabbilment ma jkunx hemm l-istess żjieda bħalma kien hemm f’dawn l-aħħar għaxar snin.
4.1.16 Fl-aħħar snin, is-suq tal-ħalib tal-UE kien milqut b’mod partikolari mill-problema tal-varjazzjoni kbira fil-prezzijiet. Din twassal għal problemi kbar għall-ażjendi li jipproduċu l-ħalib u tqajjem ukoll inċertezzi fil-konsumaturi minħabba tibdil ripetut fil-prezzijiet. Għalhekk hemm bżonn li, permezz ta’ miżuri adegwati, titrażżan din il-varjazzjoni għolja fis-swieq.
4.2 L-Istati Uniti tal-Amerika
4.2.1 Fl-Istati Uniti, fil-ħames snin ta’ qabel l-2008, il-produzzjoni tal-ħalib kienet qed tikber b’rata ta’ 2,5 % kull sena filwaqt li l-konsum kien qiegħed jiżdied b’1 % kull sena. L-Istati Uniti kellhom eċċess esportabbli annwali sa 5 miljun tunnellata. Id-dgħufija tad-dollaru Amerikan għen l-esportazzjonijiet.
4.2.2 Għall-industrija Amerikana tal-ħalib, il-perspettiva fuq medda qasira ta’ żmien mhijiex tajba. Kien hemm tnaqqis ta’ 1 % fil-produzzjoni fl-2009 u huwa mistenni aktar tnaqqis ta’ 1 % fl-2010. Fuq il-perijodu medju, huwa probabbli li jkun hemm xi tkabbir hekk kif il-prezzijiet tal-ħalib jibdew jiżdiedu u l-ispejjeż tal-għalf isiru aċċessibbli. Kwalunkwe żjieda fil-produzzjoni probabbilment tintuża għall-ġobon u tiġi kkunsmata fil-pajjiż stess.
4.2.3 Is-servizz tar-Riċerka Ekonomika tad-Dipartiment tal-Agrikoltura tal-Istati Uniti qiegħed ibassar li għall-2010 ser jogħlew il-prezzijiet tal-ħalib tal-Istati Uniti b’riżultat ta’ żjieda fit-tbiċċir tal-baqar tal-ħalib u żjieda fl-esportazzjonijiet tal-ħalib.
4.3 In-New Zealand
4.3.1 In-New Zealand hija l-akbar esportatur tal-ħalib fid-dinja. Il-produzzjoni tnaqqset b’madwar 3 % fl-2007/2008 li wasslet għal tnaqqis fl-esportazzjonijiet, filwaqt li fl-2008/2009 żdiedet bi 8 %. L-esperti jistennew tkabbir medju ta’ 3 % kull sena li għandu jerġa’ jonqos sal-2015. Peress li l-produzzjoni tan-New Zealend tiddependi mill-ħaxix, il-kondizzjonijiet tat-temp jistgħu jħallu impatt qawwi fuq il-livelli tal-produzzjoni.
4.3.2 S’issa, il-prezzijiet baxxi ma wasslux għal produzzjoni inqas fin-New Zealand. Fil-futur, minħabba użu akbar ta’ għalf ikkonċentrat u ta’ fertilizzant, huwa probabbli li jerġa’ jkun hemm prezzijiet baxxi li jwasslu għal nuqqas fiż-żjieda tal-produzzjoni tal-ħalib.
4.3.3 Il-kwistjonijiet ambjentali qegħdin isiru aktar importanti fin-New Zealand u dan ukoll jista’ jostakola t-tkabbir fuq il-perijodu fit-tul.
4.3.4 Huwa probabbli li l-esportazzjoni tal-ħalib tan-New Zealand ser tkompli tikber.
4.4 L-Amerika t’Isfel
4.4.1 L-Amerika t’Isfel qiegħda żżid l-importanza tagħha bħala esportatur tal-ħalib u probabbilment ser tikkompeti mal-UE fis-swieq Afrikani iktar milli man-New Zealand għas-swieq Asjatiċi. B’mod partikolari, l-eċċess esportabbli tal-Brażil wisq probabbli ser jitkompla sal-2015.
4.5 Iċ-Ċina
4.5.1 F’dawn l-aħħar għaxar snin kien hemm żjieda mgħaġġla fil-produzzjoni tal-ħalib taċ-Ċina iżda huwa probabbli li l-livell ta’ tkabbir jonqos matul l-għaxar snin li ġejjin. Il-produzzjoni Ċiniża ma kinitx daqs il-konsum iżda l-importazzjonijiet tal-ħalib fiċ-Ċina ma kienux daqshekk kbar bħalma kienu mbassra oriġinarjament.
4.5.2 Fuq medda medja ta’ żmien, huwa mistenni li l-importazzjonijiet Ċiniżi tal-ġobon u tal-ħalib xkumat tat-trab ser jiżdiedu kif għandhom jiżdiedu wkoll l-esportazzjonijiet Ċiniżi tal-ħalib sħiħ tat-trab.
4.5.3 F’Diċembru 2009 kien hemm żewġ każijiet ġodda ta’ ħalib imniġġes bil-melamina u dan jista’ jolqot b’mod serju lill-esportazzjonijiet tal-ħalib Ċiniż.
4.6 Ir-Russja
4.6.1 Il-produzzjoni tal-ħalib fir-Russja hija mistennija li tirkupra matul il-ħames snin li ġejjin hekk kif il-baqar li jipproduċu ftit ħalib qegħdin jintbidlu ma’ baqar impurtati li jipproduċu aktar ħalib. Minħabba raġunijiet ta’ sigurtà alimentari, ir-Russja tixtieq titla’ minn 70 % għal 95 % tal-awtosuffiċjenza fil-prodotti tal-ħalib. Għall-2010 ġiet stabbilita mira għall-produzzjoni tal-ħalib ta’ 37 miljun tunnellata. Konsegwentement huwa possibbli li l-importazzjonijiet Russi tal-butir ser jonqsu mal-medda taż-żmien filwaqt li huwa mistenni li jiżdiedu l-importazzjonijiet tal-ġobon.
4.7 Il-prospettiva globali tas-suq dinji tindika tkabbir bil-mod, u dan ser jiddetermina, skont il-livell tal-irkupru ekonomiku globali, it-tkabbir fil-konsum, speċjalment fil-pajjiżi tat-Tielet Dinja.
4.8 L-aktar tkabbir fil-popolazzjoni fit-30 sena li ġejjin ser iseħħ fil-pajjiżi tat-Tielet Dinja u dan għandu jwassal għal domanda akbar għall-prodotti tal-ħalib. Madankollu, sakemm ma jkunx hemm tkabbir ekonomiku adegwat, dawn il-pajjiżi mhux ser ikunu jistgħu jixtru l-ammonti ikbar tal-prodotti tal-ħalib. Tradizzjonalment, il-prodotti tal-ħalib ma jagħmlux parti mid-dieta bażika fl-Asja u f’xi pajjiżi tat-Tielet Dinja.
4.9 Kwistjonijiet bħall-indikazzjonijiet dwar in-nutriment u s-saħħa fir-rigward tal-prodotti tal-ħalib ser ikunu essenzjali sabiex jinżamm u jiġi żviluppat is-sehem tas-suq għall-prodotti tal-ħalib. Ir-riċerka u l-innovazzjoni f’dawn l-oqsma huma essenzjali.
4.10 Huwa importanti li t-tikketta tindika li l-prodott huwa prodott tal-ħalib awtentiku u tispjega b’mod adegwat il-kwalitajiet nutrittivi u l-effetti fuq is-saħħa tal-konsumaturi. Il-konformità mar-regoli ambjentali ser ikollha importanza ikbar fil-futur għall-prodotti tal-ħalib.
5. Grupp ta’ Livell Għoli
5.1 Il-Kummissarju Fischer Boel stabbilixxiet Grupp ta’ Livell Għoli dwar il-ħalib li għandu joħroġ ir-rapport finali tiegħu sal-aħħar ta’ Ġunju 2010.
5.2 Dan il-Grupp ser jiddiskutu l-kwistjonijiet li ġejjin:
|
— |
Ir-relazzjonijiet kuntrattwali bejn il-produtturi tal-ħalib u l-imħaleb bil-għan li jinstab bilanċ aktar effettiv bejn il-provvista u d-domanda fis-suq tal-ħalib |
|
— |
X’jista’ jsir sabiex jissaħħaħ il-poter tan-negozjar tal-produtturi tal-ħalib? |
|
— |
It-trasparenza u l-informazzjoni lill-konsumaturi, il-kwalità u l-kwistjonijiet relatati mas-saħħa u t-tikkettar |
|
— |
L-innovazzjoni u r-riċerka bil-għan li s-settur isir aktar kompetittiv |
|
— |
Suq possibli ta’ futures għall-prodotti tal-ħalib. |
6. Inizjattiva Franko-Ġermaniża
6.1 Il-Ministru Franċiż għall-Agrikoltura is-Sur Le Maire ippreżenta tliet għanijiet prinċipali għall-agrikoltura Ewropea:
|
— |
li jiġi garantit dħul stabbli u deċenti għall-bdiewa permezz ta’ strumenti regolatorji b’saħħithom; |
|
— |
li l-prezzijiet isiru aktar trasparenti fil-katina kollha tal-provvista tal-ikel, bil-ħatra eventwali ta’ awtorità Ewropea ta’ sorveljanza; kif ukoll |
|
— |
li l-innovazzjoni u l-investiment fis-setturi tal-agrikoltura u tal-ikel għandhom jitqiegħdu fil-qalba tal-Aġenda ta’ Lisbona. |
6.2 L-inizjattiva Franko-Ġermaniża titlob għal aktar azzjoni min-naħa tal-UE sabiex jiġu protetti l-produtturi tal-ħalib. Tissuġġerixxi li b’mod temporanju jiżdied il-prezz minimu ta’ intervent Komunitarju fejn l-UE tkun responsabbli għax-xiri tal-eċċess mingħand il-produtturi.
7. Il-politika sal-2015
7.1 Il-Kummissjoni topponi totalment kwalunkwe bidla fiż-żjieda tal-kwoti kif deċiż mill-Verifika tas-Saħħa. Attwalment, dawn iż-żidiet ftit li xejn qegħdin iħallu impatt peress li l-UE tinsab 4,5 % taħt il-kwota u probabbilment ser tkun taħt il-kwota tagħha s-sena d-dieħla. Madankollu, hekk kif il-prezz tal-ħalib ikompli jiżdied fuq il-perijodu medju, il-produzzjoni ser tiżdied u żżid id-diskrepanza bejn il-produzzjoni tal-ħalib u l-konsum, bit-tendenza li jonqos il-prezz tal-produzzjoni minħabba s-sitwazzjoni tas-suq dinji.
7.2 Il-prezzijiet tal-prodotti bażiċi tal-ħalib fis-suq dinji ġeneralment ikunu taħt il-prezz tal-UE; Dan jiddependi mill-istandards differenti li hemm ġewwa u barra l-UE, u għaldaqstant spejjeż tal-produzzjoni differenti wkoll. Il-mudell tal-UE tal-industrija tal-ħalib qatt mhu ser ikun jista’ jikkompeti man-New Zealand u ma’ xi pajjiżi oħra minħabba struttura totalment differenti tal-ispejjeż tal-materja prima u d-daqs tal-imħaleb.
7.3 L-esportazzjonijiet tal-ġobon mill-UE ġeneralment huma kompetittivi iżda żjieda fil-konsum barra l-UE tiddependi fuq tkabbir globali ekonomiku sostenibbli fuq perijodu ta’ żmien.
7.4 L-idea li jiżdiedu l-kwoti, irrispettivament mil-livell tad-domanda sabiex jinkiseb tnaqqis gradwali tal-attività ekonomika (“soft landing”) fin-nuqqas ta’ miżuri komplementari, hija kontradittorja jekk irridu niżviluppaw il-mudell Ewropew tal-biedja u nassiguraw li tinżamm il-produzzjoni tal-ħalib fiż-żoni żvantaġġati. Hemm bżonn ta’ ambjent rurali dinamiku u, f’ċerti żoni, il-produzzjoni tal-ħalib hija l-mutur prinċipali għall-futur soċjali, ekonomiċi u kulturali ta’ dawn iż-żoni. Il-possibbiltà l-oħra hija l-abbandun tal-art li jkollha konsegwenzi soċjali u ambjentali li jagħmlu l-ħsara.
7.5 Iż-żjieda fil-kwoti tal-ħalib irrispettivament mill-kondizzjonijiet tas-suq u finalment li titneħħa kull leġiżlazzjoni fis-settur tal-ħalib jagħmlu sens biss jekk l-UE tixtieq issegwi l-mudelli tal-biedja tan-New Zealand u tal-Istati Uniti. Fl-Istati Uniti, il-preżenza ta’ sistemi kbar ħafna tat-trobbija tal-annimali b’aktar minn 2 000 baqra hija kkunsidrata bħala l-pass ’il quddiem. Bir-ritmu attwali, 500 farm biss dalwaqt ser ikunu biżżejjed biex jipproduċu terz tal-ħalib tal-Istati Uniti. Politika bħal din tipprovoka perikli sinjifikanti għall-patrimonju kulturali, il-pajsaġġ u l-iżvilupp taż-żoni rurali tal-UE, tagħmel ħsara lill-ambjent u lill-bijodiversità tal-UE, u barra minn hekk, twassal għall-abbandun taż-żoni muntanjużi u dawk umdi. Għalhekk dan jista’ jwassal għar-rifjut tal-mudell Komunitarju tal-agrikoltura multifunzjonali.
7.6 Il-kunċett tal-agrikoltura multifunzjonali jfisser li, apparti l-produzzjoni alimentari, l-agrikoltura għandha funzjonijiet oħra bħall-iżvilupp tal-pajsaġġi rurali, it-tkabbir tal-patrimonju naturali u kulturali, is-sostenn lill-ekonomija rurali u t-titjib tas-sigurtà alimentari. Il-perspettiva tal-OECD tal-multifunzjonalità hija ta’ agrikoltura li tipproduċi firxa ta’ prodotti bażiċi (ikel u fibra) flimkien ma’ firxa ta’ prodotti mhux bażiċi, inklużi prodotti u servizzi ambjentali u soċjali.
7.7 Il-produzzjoni tal-ħalib fuq skala wiesgħa msejsa fuq feedlot li ma tirrispettax ċerti liġijiet, bħal dik dwar il-ġestjoni tan-nitroġenu fil-ħamrija, pereżempju, tħalli impatti kbar fuq l-ambjent.
7.8 Fil-preżent, 50 % tal-produzzjoni tal-ħalib tal-UE sseħħ fi 11 % tat-territorju Komunitarju. Irrispettivament mid-deċiżjonijiet politiki adottati, fil-futur id-daqs medju tal-merħla fl-UE ser ikompli jikber. Madankollu, ma tantx ikun mixtieq li jiġu adottati soluzzjonijiet politiki li jinkoraġixxu produzzjonijiet kbar ħafna u intensivi tal-ħalib f’żoni li għandhom vantaġġ partikolari mil-lat tal-ispejjeż tal-produzzjoni. Politika bħal din tista’ tippreżenta perikli ambjentali sinjifikanti.
7.9 Il-produtturi tal-ħalib jipparteċipaw fil-mudell tal-UE tal-agrikoltura multifunzjonali. Għalekemm il-multifunzjonalità tgħin lill-produtturi jegħlbu d-diffikultajiet temporanji, jekk iċ-ċaqliq fil-prezzijiet tal-produzzjoni jkun kostanti, mudell bħal dan ma jkunx sostenibbli għall-produtturi. L-istabilità tal-prezzijiet tal-produzzjoni, li tippermetti lill-produtturi li jkollhom dħul raġonevoli, hija tajba kemm għall-produtturi kif ukoll għall-konsumaturi.
8. Wara l-2015
8.1 Jekk il-produzzjoni tal-ħalib għandha tinżamm u tiġi żviluppata bħala industrija vijabbli fl-UE kollha, il-produtturi tal-ħalib irid ikollhom dħul ekwu sabiex jgħixu ħajja normali kif ukoll jinvestu fil-futur tagħhom bħala produtturi tal-ħalib. Dħul ekwu jfisser dħul komparabbli mad-dħul medju li mhux ġej mill-biedja.
8.2 L-Artikolu 33 tat-Trattat KE jistabbilixxi l-objettivi tal-PAK li jinkludu dispożizzjoni (a) li tassigura livell ġust ta’ għajxien għall-popolazzjoini agrikola, (b) li tagħmel is-swieq stabbli, (c) li tiggarantixxi d-disponibilità tal-provvisti u (d) li tassigura prezzijiet raġonevoli fil-konsenja tal-prodotti lill-konsumatur.
8.3 Huwa essenzjali li jiġu ddedikati aktar riżorsi għat-trobbija tal-annimali, il-prevenzjoni tal-mard fost l-annimali u l-innovazzjoni fil-livell tal-biedja sabiex jiġi assigurat l-iżvilupp ta’ industrija aktar effiċjenti. Industrija tal-ħalib aktar kompetittiva tista’ tinkiseb billi jkun hemm użu aħjar tal-ħaxix u għalf ieħor. Hemm bżonn ta’ aktar riċerka u innovazzjoni fil-livell tal-ipproċessar biex jiġu żviluppati prodotti ġodda ħalli jiżdied is-sehem fis-suq. Trid isseħħ bidla radikali f’dawn l-oqsma. L-istabbilimenti edukattivi u tas-saħħa u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom jippromovu l-konsum tal-prodotti tal-ħalib għax il-ħalib huwa prodott tal-ikel, għandu kwalitajiet mediċinali u huwa xarba rifreskanti fl-istess ħin. L-UE għandha żżomm is-sigurtà u l-awtosuffiċjenza tal-provvista tal-ħalib fit-territorju tagħha. Ikun żball kbir jekk ikun hemm dipendenza mill-importazzjonijiet tal-ħalib bħalma ġara fil-produzzjoni Ewropea tal-laħam minħabba prezzijiet baxxi tal-produzzjoni.
8.4 Ir-rapport speċjali 14/2009 tal-Qorti tal-Awdituri jiddikjara fir-Rakkomandazzjoni 1 li “l-Kummissjoni għandha tkompli tissorvelja l-iżvilupp tas-suq fil-ħalib u fil-prodotti tal-ħalib, billi timplimenta l-miżuri meħtieġa sabiex tevita li d-deregolamentazzjoni tas-settur ma twassalx għal sitwazzjoni oħra ta’ produzzjoni żejda. Jekk dan ma jsirx, l-objettiv tal-Kummissjoni li jkollha livell ta’ regolamentazzjoni minimu, bħala sistema ta’ sikurezza, malajr jista’ jirriżulta impossibbli li jinkiseb”. Il-KESE huwa konvint li intervent tat-tip “sistema ta’ sikurezza” u “ħażna” jeħtieġu wkoll diversi miżuri ta’ stabbilizzazzjoni tas-swieq marbuta mal-offerta u d-domanda.
8.5 Il-Kumitat jemmen li huwa kruċjali li jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet li jiggarantixxu l-futur ta’ industrija tal-ħalib vijabbli fl-UE kollha.
8.6 Sistema li jkun fiha miżuri marbuta mal-offerta u d-domanda flimkien ma’ sistemi adatti ta’ appoġġ dirett huma essenzjali sabiex tassigura industrija tal-ħalib fl-UE li tissodisfa l-bżonnijiet soċjali, ekonomiċi u ambjentali tas-soċjetà u ssir sistema agrikola tassew multifunzjonali li għandha ġġib dinamiżmu ġdid fl-UE rurali. Żvilupp bħal dan għandu jġib benefiċċji soċjali, kulturali u ekonomiċi lill-iżvilupp globali tal-UE.
9. Kummenti speċifiċi
9.1 L-użu ta’ “swieq tal-futures” fis-settur tal-ħalib irid jiġi analizzat sew. Madankollu, trid titqies sew il-konfużjoni finanzjarja globali li nibtet mill-użu mhux adegwat tal-prodotti finanzjarji. F’opinjoni preċedenti, il-Kumitat iddikjara li “Għalhekk, il-prodotti tal-ikel għandhom jiġu kkunsidrati b’mod totalment differenti minn, ngħidu aħna, il-prodotti industrijali, li s-sit ta’ produzzjoni tagħhom jiġi ddeterminat prinċipalment minn kriterji relatati mal-ispejjeż.”
9.2 Il-maġġoranza tal-produtturi tal-ħalib jinsabu f’kooperattivi, u għalhekk sa ċertu punt jista’ jkollhom impatt fuq il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tagħhom. Meta l-produtturi tal-ħalib huma membri ta’ kooperattiva u jbigħu l-ħalib lill-istess kooperattiva huma jkollhom salvagwardji aktar effettivi minn produttur tal-ħalib li jbigħ lill-imħaleb privati. Għalkemm diġà jeżistu l-kuntratti volontarji bejn il-produttur individwali u x-xerrej, fil-każ ta’ maħleb privat, il-produttur ftit li xejn ikollu opprtunità jinnegozja Dawn il-kuntratti jispeċifikaw il-kundizzjonijiet tal-forniment, iżda ma jistgħux jinfluwenzaw l-iżvilupp kumplessiv tas-suq fl-UE. L-esperjenza turi li, fil-qasam tal-katina alimentari, hemm bżonn li titjieb il-qagħda fis-suq tal-produtturi u tal-kooperattivi li jirrappreżentawhom. Għalhekk hemm bżonn li wieħed janalizza l-possibbiltajiet ta’ kooperazzjoni li huma permessi mil-liġi dwar il-kompetittività.
9.3 Madankollu, fl-Istati Membri ġodda, ħafna produtturi jbigħu l-ħalib tagħhom direttament lill-imħaleb privati. Peress li l-industrija tal-prodotti tal-ħalib qed issir dejjem iktar ikkonċentrata, ftit li xejn hemm għażla u l-prezz tal-produzzjoni jinżel. Biex tinżamm il-kompetizzjoni għall-ħalib mhux ippastorizzat, il-produtturi jrid ikollhom l-opportunità li joħolqu kooperattivi li mbagħad ikunu jistgħu jbigħu l-ħalib lill-industrija.
9.4 Ħafna mill-produtturi fl-aktar Stati Membri riċenti (il-Bulgarija u r-Rumanija) ftit li xejn jirċievu appoġġ mill-pagamenti diretti, li huma kompletament diżakkoppjati fuq bażi ta’ ettari. Minħabba f’dan il-livell baxx ta’ appoġġ, produttività baxxa, nuqqas ta’ dħul mis-suq u aċċess diffiċli għall-kreditu, il-produtturi ma jistgħux jinvestu biex ikunu konformi mal-livelli ta’ iġjene tal-UE.
9.5 L-importazzjonijiet kollha tal-ħalib fl-UE jridu jikkonformaw mal-istandards tal-UE speċjalment fl-oqsma tat-traċċabbilità, il-benesseri tal-annimali, l-iġjene, il-mediċina tal-annimali, il-ħarsien tal-ambjent, is-sigurtà alimentari u l-metodi ta’ produzzjoni sostenibbli. Il-kwistjoni tal-kontenut tal-karbonju qed tieħu ċerta importanza.
9.6 Irridu nassiguraw li l-korpi eżistenti bħall-kumitati konsultattivi u dawk ta’ ġestjoni għandhom biżżejjed riżorsi biex janalizzaw is-sitwazzjoni tal-provvista u d-domanda tas-suq tal-ħalib. Għandhom ikunu disponibbli l-istrumenti neċessarji sabiex ikun assigurat li l-produtturi jirċievu prezz adegwat tal-ħalib li jkopri l-ispejjeż u jrendilhom profitt. L-UE għandha żżomm il-kapabilità tagħha sabiex tipproduċi provvisti adegwati ta’ ħalib. Ma nistgħux insiru dipendenti fuq provvisti ta’ ħalib li jiġu minn barra l-UE. Jekk nagħżlu l-politiki l-ħżiena, dan jista’ jseħħ fil-futur imbiegħed.
9.7 Iż-żamma u l-iżvilupp ulterjuri tal-impjieg full-time u part-time fis-settur tal-ħalib iridu jkunu prijorità, speċjalment fiż-żoni rurali.
9.8 Ma nistgħux ninjoraw il-kwistjonijiet tal-ġuħ u n-nuqqas ta’ riżorsi alimentari adegwati fit-Tielet Dinja. Kwisjonijiet bħall-bidla fil-klima globali, il-prezz globali tal-ikel u l-provvista globali tal-ikel huma relatati mill-qrib. Għandna responsabilità biex ngħinu l-pajjiżi li għadhom qegħdin jiżviluppaw.
Brussell, 17 ta’ Frar 2010.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Mario SEPI
(1) ĠU C 128, 18.5.2010, p. 111. u ĠU C 255, 14.10.2005, p. 44.
APPENDIĊI
Din l-emenda, għalkemm ġabet mill-inqas kwart tal-voti mixħuta, ġiet irrifjutata:
Punt 7.7
Ħassar il-punt.
“Il-produzzjoni tal-ħalib fuq skala wiesgħa msejsa fuq feedlot li ma tirrispettax ċerti liġijiet, bħal dik dwar il-ġestjoni tan-nitroġenu fil-ħamrija, pereżempju, tħalli impatti kbar fuq l-ambjent.”
|
Voti |
Favur: 56 |
Kontra: 76 |
Astensjonijiet: 25 |