18.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 347/55


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Marokk”

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2010/C 347/08)

Relatur: is-Sinjura LÓPEZ ALMENDÁRIZ

Nhar l-16 ta’ Lulju 2009, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29 (2) tar-Regoli ta’ Proċeudra tiegħu li jfassal opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Marokk.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-7 ta’ Jannar 2010.

Matul l-460 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fis-17 u t-18 ta’ Frar 2010 (seduta tas-17 ta’ Frar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’187 vot favur, 2 voti kontra u 8 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-KESE jikkunsidra li l-impenn li ħa l-Marokk għat-twaqqif ta’ kunsill ekonomiku u soċjali huwa ta’ importanza kbira, u jittama li din l-inizjattiva tkun tista’ tiġi implimentata fiż-żmien stabbilit. L-implimentazzjoni waslet fi stadju avvanzat fid-dawl tal-fatt li f’Ottubru li għadda l-Kunsill tal-Ministri approva abbozz ta’ liġi organika dwar it-twaqqif ta’ din l-istituzzjoni ġdida li ser jitressaq quddiem il-parlament tal-Marokk għall-approvazzjoni. Wieħed jittama li l-kunsill ekonomiku u soċjali jkun jista’ jibda jopera fix-xhur li ġejjin, magħmul minn rappreżentanti tal-gruppi ta’ interess vitali u produttivi tal-pajjiż, primarjament l-organizzazzjonijiet u l-assoċjazzjonijiet soċjoekonomiċi u tan-negozju. Il-KESE joffri l-għarfien u l-parir tiegħu sabiex jintlaħaq dan l-għan.

1.2   Il-KESE jirrakkomanda li l-Kapijiet ta’ Stat li ser jiltaqgħu għall-ewwel summit bejn l-UE u l-Marokk taħt il-Presidenza Spanjola matul l-ewwel sitt xhur tal-2010, għandhom jagħtu mandat lill-KESE u l-KES futur tal-Marokk biex jistabbilixxu kooperazzjoni strutturata li tiżgura l-parteċipazzjoni attiva tas-soċjetà ċivili organizzata.

1.3   Il-KESE jirrikonoxxi l-impenn tal-gvern tal-Marokk biex jintegra l-acquis Komunitarju fil-leġiżlazzjoni tiegħu minkejja l-fatt li mhuwiex Stat Membru tal-UE. Dan għandu jgħin sabiex il-Marokk jipparteċipa iktar fis-suq uniku Ewropew fil-futur. L-integrazzjoni tal-acquis għandha ssaħħaħ l-effettività tal-korpi konsultattivi u tan-negozjar li huma bbażati fuq il-prinċipji tar-rappreżentanza u l-indipendenza. Huma għandhom jingħataw biżżejjed mezzi sabiex ikunu jistgħu iwettqu xogħolhom flimkien ma’ rikonoxximent tad-dritt tagħhom li jkollhom aċċess għall-informazzjoni neċessarja u d-dokumenti amministrattivi.

1.4   B’ħarsa lejn il-ħidma tar-Renju tal-Marokk fil-proċedura biex jikseb l-“Istatus Avvanzat”, li kisbu abbażi ta’ deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni matul laqgħa li saret fil-Lussemburgu fit-13 ta’ Ottubru 2008, il-KESE japprezza l-isforz li qed jagħmel dan il-pajjiż biex ikompli jkun wieħed mill-iktar imsieħba importanti tal-UE fir-reġjun. Bħalma huwa l-każ f’pajjiżi oħra, pereżempju għall-membri taż-Żona Ekonomika Ewropea, il-fatt li l-Marokk ingħata l-istatus avvanzat, jista’ jservi ta’ inċentiv għall-awtoritajiet tal-pajjiż huma u jsaħħu l-impenn tagħhom lejn l-UE u r-rikonoxximent tagħhom tal-acquis tal-Komunità fl-oqsma kollha inklużi dawk soċjali u d-drittijiet tal-bniedem.

1.5   Għalkemm il-bidliet li qed iseħħu l-Marokk għandhom jiġu aċċettati b’mod favorevoli, m’hemmx dubju li għad fadal ħafna riformi xi jsiru sabiex il-Marokk ikun jista’ jiġi kkunsidrat bħala pajjiż żviluppat bil-garanziji neċessarji kollha.

1.6   Il-KESE jqis li l-potenzjal tar-relazzjonijiet mal-Marokk ma ġiex żviluppat biżżejjed fl-aspetti kollha tiegħu. L-ewwel u qabel kollox jeħtieġ li jitqiesu l-benefiċċji li tista’ tikseb is-soċjetà Marokkina minn dan. Għalhekk iqis li r-riformi għandhom jitħeġġu sabiex jinfetħu setturi ġodda għall-kummerċ tas-servizzi u l-investiment. L-istabbiliment tal-intrapriżi fuq iż-żewġ naħat għandu jiġi promoss, sabiex jiġu ffaċilitati r-relazzjonijiet istituzzjonali, jinħoloq ambjent favorevoli għall-intraprenditorija u jiġu promossi l-forums għad-djalogu. Għandha tissaħħaħ il-kooperazzjoni bilaterali fl-inizjattivi esterni ta’ interess komuni, speċjalment mal-bqija tal-pajjiżi taż-żona Mediterranja bil-għan li tittejjeb l-integrazzjoni reġjonali mil-lat ekonomiku, soċjali kif ukoll ambjentali.

1.7   Fl-istess ħin, huwa essenzjali li tiġi żgurata l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fl-implimentazzjoni ta’ dawn il-kompiti. F’dan il-kuntest u kif diġà ntqal, il-KESE huwa ferm favur it-twaqqif ta’ kunsill konsultattiv ekonomiku u soċjali fil-Marokk u għalhekk jistieden lill-awtoritajiet Marokkini jwettqu konsultazzjonijiet pubbliċi. Dawn għandhom ikunu bbażati fuq ir-rappreżentattività, l-indipendenza u l-leġittimità. Mill-esperjenza tiegħu l-KESE jaf li l-ħolqien ta’ istituzzjoni b’dawn il-karatteristiċi jeħtieġ sforz ta’ kunsens bejn id-diversi setturi tas-soċjetà ċivili involuti u l-amministrazzjoni Marokkina u kriterji ġusti fid-deċiżjoni ta’ kif ser jiġu rrappreżentati d-diversi organizzazzjonijiet. L-organizzazzjonijiet għandhom jagħżlu r-rappreżentanti tagħhom b’mod liberu. It-twaqqqif ta’ kunsill ekonomiku u soċjali fil-Marokk m’għandu taħt l-ebda ċirkustanzi jilleġittimizza l-eliminazzjoni ta’ korpi konsultattivi oħra li jeżistu u li jipparteċipaw fil-konsultazzjoni tas-soċjetà ċivili u jgħinuha timmatura. Fil-prinċipju, il-kompetenzi ta’ dan il-kunsill m’għandhomx jeskludu kwalunkwe suġġett li dwaru l-gvern ikun mistenni jesprimi l-opinjoni tiegħu, inklużi kwistjonijiet finanzjarji.

1.8   L-għan aħħari għall-UE għandu jkun li l-Marokk isir referenza strateġika fundamentali fl-aspetti kollha – preżenti u futuri - tar-relazzjonijiet tiegħu maż-żona tal-Euromed.

1.9   B’rabta ma’ dan, il-KESE jirrakkomanda li jitwaqqfu osservatorju tas-suq tax-xogħol, sistema ta’ taħriġ vokazzjonali u sistema ta’ sigurtà soċjali li ma tiddiskriminax kontra n-nisa u li ssaħħaħ l-isforzi favur il-ġlieda kontra x-xogħol tat-tfal. Fl-istess waqt il-Kumitat jirrakkomanda li l-Kummissjoni tappoġġja djalogu soċjali mal-partijiet interessati, jiġifieri l-imsieħba soċjali sabiex jissaħħaħ id-djalogu soċjali u jiġi żgurat li dan ikun kostruttiv.

1.10   Il-Kumitat jiddispjaċih li l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Marokk twaqqaf mingħajr konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali taż-żewġ naħat fir-rigward tal-kooperazzjoni fil-qasam tal-impjieg u l-iżvilupp soċjali.

1.11   F’dan il-kuntest, il-KESE qiegħed iħejji din l-opinjoni speċifika dwar il-Marokk, sabiex is-soċjetà ċivili organizzata titqies fir-relazzjonijiet bilaterali, u jipproponi struttura ġdida għad-djalogu bejn is-soċjetà ċivili fuq iż-żewġ naħat.

2.   Stqarrija spjegattiva

2.1   Il-Marokk huwa msieħeb privileġġat tal-Unjoni Ewropea, li jaqsam magħha l-għanijiet tal-politika esterna favur il-promozzjoni tad-demokrazija u l-iżvilupp ekonomiku u soċjali. Biex jikkontribwixxi biex jintlaħqu dawn l-objettivi, il-gvern tar-Renju tal-Marokk qiegħed jistinka biex isaħħaħ il-progress tiegħu lejn id-demokratizzazzjoni u l-istat ta’ dritt, u dan jagħmlu l-iktar pajjiż avvanzat tar-reġjun f’dan l-ambitu.

2.2   L-istrateġija tal-UE għall-Marokk tikkonsisti mill-pjan li l-pajjiż jiffaċċja l-ikbar żewġ kwistjonijiet ta’ tħassib tiegħu, li jiddominaw l-aġenda politika, ekonomika u soċjali tal-Marokk. L-ewwel nett, irid ikompli bit-tkabbir ekonomiku tiegħu u jindirizza l-qgħad, il-faqar u l-emigrazzjoni. Madankollu, fl-ambitu tal-politika esterna, irid jimplimenta bis-sħiħ il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat u l-Pjanijiet ta’ Azzjoni.

2.3   Il-Grupp ta’ Ħidma ad hoc UE-Marokk irrakkomanda li jissaħħu r-relazzjonijiet bejn l-atturi l-ġodda tal-assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Marokk, b’mod partikolari bejn il-Parlament Ewropew u l-Parlament tal-Marokk (1) u bejn il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kunsill Ekonomiku u Soċjali tal-Marokk li għandu jitwaqqaf.

3.   Is-sitwazzjoni politika

3.1   Il-Marokk huwa monarkija kostituzzjonali, fejn il-monarkija għad għandha poter kbir ħafna fil-gvern tal-pajjiż. Il-kostituzzjoni attwali li twaqqfet fl-1970 u ġiet riveduta fl-1991 u fl-1996, hija bbażata fuq sistema parlamentari bikamerali, tipprojbixxi sistema ta’ partit uniku u tiggarantixxi l-libertà ta’ assoċjazzjoni.

3.2   F’dawn l-aħħar snin, ir-Renju tal-Marokk nieda proċess ta’ modernizzazzjoni u demokratizzazzjoni tas-sistema politika tiegħu. Bl-istabbiliment ta’ kodiċi ċivili ġdid għall-familja, il-liġi dwar il-partiti politiċi, it-tisħiħ tad-demokrazija lokali, ir-riforma tal-ġustizzja u tas-sistema tal-ħabs u abozz ta’ liġi elettorali ġdida. Madanakollu, l-KESE jemmen li għad hemm sfidi soċjali konsiderevoli u li dawn jitolbu azzjoni ta’ distribuzzjoni soċjali kontinwa u koerenti fuq perijodu twil sabiex ikun jista’ jkun hemm aġġustament ġdid fl-indikaturi tal-iżvilupp tal-bniedem.

4.   Is-sitwazzjoni ekonomika

4.1   Il-qafas makroekonomiku tal-Marokk ġie kkonsolidat minkejja l-kuntest diffiċli. Madankollu, f’dawn l-aħħar snin is-settur turistiku qiegħed jiżviluppa bis-saħħa ta’ investimenti kbar, fuq kollox fir-reġjun tat-Tramuntana tal-pajjiż. Tnediet riforma agrikola kbira bil-għan li tittejjeb il-produttività u li jissaħħaħ ir-rwol li għandu dan is-settur fil-ġlieda kontra l-faqar.

4.2   Minkejja l-fatt li l-kompetittività u l-isforzi għall-ġibda ta’ investimenti għandhom ħafna fejn jittejbu, l-investimenti barranin diretti żdiedu b’mod konsiderevoli, sa ma laħqu livell ta’ stokk ta’ USD 29 250 miljun fl-2006 (2), b’mod speċjali minħabba operazzjonijiet ta’ privatizzazzjoni. Mill-2006 ’l quddiem, il-flussi ta’ investiment barrani qed jiġu sseparati mill-proċess ta’ privatizzazzjoni u qed issir ħidma importanti f’setturi bħat-turiżmu, il-proprjetà, it-telekomunikazzjonijiet, l-assigurazzjonijiet, il-banek, l-industrija u t-trasport.

4.3   L-ekonomija tal-Marokk hija relattivament diversifikata, b’kontribut importanti u li dejjem qiegħed jikber tas-settur tas-servizzi għall-PDG (3). Is-settur tal-manifattura jinsab fit-tieni post f’termini ta’ kontribut għall-PDG, segwit mis-settur agrikolu (4), fejn it-tendenza hija waħda ta’ kontribut iktar baxx. Il-kontribut tas-settur tal-minjieri u tal-enġerija għall-PDG għadu limitat.

4.4   It-turiżmu jirrappreżenta s-sors prinċipali ta’ dħul għall-Marokk, segwit mill-kontribut finanzjarju tal-Marokkini li jgħixu barra mill-pajjiż u tal-esportazzjonijiet tal-fosfati. Id-dħul mill-esportazzjoni tas-servizzi (5) jirrappreżenta iktar minn 80 % ta’ dak iġġenerat mill-merkanzija. Għadd dejjem ikbar ta’ Ewropej qegħdin jagħżlu l-Marokk għall-vaganzi, u saħansitra bħala residenza.

4.5   Ir-riformi makroekonomiċi u strutturali mwettqa matul dawn l-aħħar snin ikkontribwixxew għad-diversifikazzjoni tal-ekonomija tal-pajjiż u għall-produttività globali tiegħu. It-tisħiħ fuq perijodu medju u fit-tul ta’ dawn ir-riformi ser jinkiseb permezz ta’ governanza mtejba bl-implimentazzjoni ta’ regoli tal-kompetizzjoni trasparenti u politika effettiva tal-protezzjoni tal-konsumaturi u l-utenti. Il-rata medja annwali ta’ tkabbir tal-PDG reali tal-Marokk għall-perijodu 2002–2007 kienet ta’ 4,5 % (6), appoġġjata minn domanda interna dinamika u żieda sinifikanti fir-rata ta’ investiment. Matul l-2008 l-ekonomija Marokkina kibret b’5,8 %, minkejja l-fatt li kien hemm xi tnaqqis fir-rata ta’ tkabbir minħabba domanda esterna iktar baxxa b’riżultat tal-kriżi finanzjarja u ekonomika internazzjonali, kif ukoll taż-żieda fil-prezzijiet, speċjalment fil-prezz taż-żejt.

4.6   Is-settur tal-agrikoltura jaqdi rwol ferm importanti fl-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-Marokk, lil hinn mill-importanza reali tiegħu fil-PDG (7). Is-settur iħaddem 44 % (8) tal-popolazzjoni attiva, persentaġġ li jiżdied sa 80 % jekk wieħed jikkunsidra l-popolazzjoni attiva rurali, minħabba n-nuqqas ta’ diversifikazzjoni ekonomika fil-kampanja.

L-agrikoltura għadha settur dipendenti ħafna mill-klima, minħabba n-nuqqas ta’ żvilupp tal-infrastruttura tal-ilma; dan is-settur ftit li xejn ġie mmodernizzat u għad għandu struttura arkajka magħmula fil-biċċa l-kbira tagħha minn irziezet żgħar (75 % tas-settur), b’tagħmir skars, tekniki ta’ produzzjoni antikwati u forza tax-xogħol bi ftit kwalifiki. Minkejja dan, parzjalment bis-saħħa ta’ sforz min-naħa tal-gvern u tal-investiment barrani, f’dawn l-aħħar snin seħħet bidla u attwalment il-25 % li jifdal huma rziezet agrikoli kbar b’sistema ta’ irrigazzjoni, moderni u esportaturi, li jipproduċu 80 % tal-frott taċ-ċitru, 35 % tal-ħaxix u 15 % taċ-ċereali. Bażikament 400-500 mill-produtturi l-kbar huma produtturi-esportaturi kbar, il-gvern Marokkin u xi kooperattivi.

It-taħriġ, l-appoġġ teknoloġiku u r-riċerka huma aspetti fundamentali li għandhom jagħmlu parti mill-politiki agrikoli futuri tal-Marokk. Sabiex tittejjeb il-kompetittività tas-settur agrikolu Marokkin jeħtieġ li titfassal strateġija tal-kummerċ iktar dinamika. Fl-istess waqt hemm bżonn li jitfasslu politiki strutturali u jinħolqu inċentivi li jagħtu importanza lix-xogħol li jsir min-nisa u li jippromovu l-assoċjazzjonijiet bħala strument għall-iżvilupp tal-ispirtu intraprenditorjali li huwa importanti wkoll fil-qasam agrikolu.

4.7   Il-kooperattivi u l-forom ta’ assoċjazzjoni oħra tal-produtturi jistgħu jagħmlu parti minn din l-istrateġija ġdida u jsiru strumenti li permezz tagħhom il-produtturi jkunu jistgħu jiffokaw fuq il-prodott tagħhom u jtejbu l-pożizzjoni tagħhom fis-suq. Il-COPAG (kooperattiva tal-produtturi Marokkini tal-ħalib) hija eżempju ta’ kif ġabra tal-produtturi f’kooperattiva tista’ toħloq valur miżjud u tippromovi l-intraprenditorija fis-settur tal-produzzjoni, il-ħolqa l-iktar dgħajfa tal-katina.

4.8   Barra minn hekk, il-“Pjan Aħdar” li l-Marokk ippreżenta f’April 2008, li jfittex li jiżviluppa l-agrikoltura tal-pajjiż bl-appoġġ tal-investiment barrani privat, jikkonsisti fi strateġija agrikola ġdida u interssanti għall-Magreb, jirrappreżenta mentalità ġdida. Il-Pjan jimmira li fi żmien għaxar jew ħmistax-il sena, l-agrikoltura ssir il-mutur prinċipali tal-ekonomija nazzjonali permezz ta’ ammont kbir ta’ investimenti pubbliċi, bil-għan li jintlaħqu żewġ objettivi fundamentali: li tinħoloq agrikoltura moderna b’valur miżjud imsaħħaħ u li jiżdied il-qligħ tal-produtturi agrikoli ż-żgħar. Il-pjan jipprovdi għall-privatizzazzjoni ta’ 700 000 ettaru li attwalment jintużaw għaċ-ċereali bil-għan li l-art tibda tintuża għat-tkabbir intensiv tal-ħaxix u l-frott li jservi ta’ inċentiv għall-irrigazzjoni. Matul l-għaxar snin li ġejjin il-Marokk ser jinvesti, permezz tal-Aġenzija għall-Iżvilupp Agrikolu, madwar 150 miljun dirham għall-implimentazzjoni tal-miżuri tal-“Aħdar”. Għalhekk ser jiġu proposti bejn 700 u 900 proġett li jiswew madwar MAD 10 u 15-il miljun fis-sena.

4.9   Il-Marokk huwa pajjiż bi dħul medju, fejn il-PDG għal kull persuna kien ta’ USD 2 580 (9) fl-2008, id-doppju tal-PDG fl-2002.

4.10   F’Novembru 2009, il-popolazzjoni Marokkina qabżet il-31 650 000 persuna, b’rata medja annwali ta’ tkabbir demografiku ta’ 1,2 % (9). Il-popolazzjoni urbana qed tkompli tikber u tirrappreżenta 56,4 % tal-popolazzjoni totali. Fl-2008, il-popolazzjoni attiva laħqet il-11,5 miljun persuna (10), 0,7 % iktar miċ-ċifra tas-sena l-oħra, filwaqt li r-rata ta’ parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol naqset għal 36,8 % meta mqabbla mat-36,9 % fl-2007.

4.11   Il-qgħad għadu waħda mill-ikbar problemi tal-pajjiż. Fiż-żoni urbani, ir-rata ta’ qgħad laħqet l-14,1 %, filwaqt li r-rata għaż-żoni rurali hija ta’ 4,7 %. Ir-rata ta’ qgħad globali għall-2008 kienet ta’ 9,4 % (11), l-ekwivalenti għal total ta’ 1 077 800 ħaddiem minn 15-il sena ’l fuq. Is-salarju medju fis-settur rurali tal-Marokk huwa madwar EUR 0,55-0,65 fis-siegħa għal 9 sigħat xogħol (12). Il-ħaddiema staġjonali m’għandhomx drittijiet tax-xogħol u t-tħaddim tat-tfal fis-serer Marokkini hija komuni.

4.12   S’issa l-kriżi finanzjarja internazzjonali ma laqtitx wisq lill-ekonomika tal-Marokk, l-iktar minħabba l-fatt li s-settur finanzjarju tal-pajjiż ma kienx integrat ħafna fis-settur finanzjarju internazzjonali. Madankollu, mingħajr dubju l-kriżi ekonomika internazzjonali bdiet tħalli impatt fuq ċerti setturi ekonomiċi ewlenin tal-pajjiż bħall-proprjetà, it-turiżmu, it-tessuti, il-vetturi u l-esportazzjonijiet. L-investiment barrani u l-bgħit ta’ flus minn barra ntlaqtu wkoll u qed jidħlu fil-Marokk fi kwantitajiet ferm iktar baxxi. Dan jista’ jfisser li l-kriżi ser jibqa’ jkollha impatt fuq il-pajjiżi għal xi żmien.

4.13   Il-Marokk ġie kklassifikat bħala t-tielet destinazzjoni ta’ investiment barrani dirett fl-Afrika għas-snin 2009–2010, wara l-Afrika tan-Nofsinhar u l-Eġittu (13). Studju li sar enfasizza l-fatt li l-Marokk kiseb riżultati tajbin f’ħafna kategoriji bħall-infrastruttura, l-istrateġija f’termini ta’ investiment barrani dirett u potenzjal ekonomiku. Madankollu, anke jekk it-tendenza tal-flussi ta’ investiment hija pożittiva, il-klima tan-negozju għadha soġġetta għal evalwazzjoni kritika. Minkejja dan, is-sena l-oħra ġie approvat Kodiċi dwar il-governanza intraprenditorjali u Kodiċi speċifiku dwar l-SMEs, u ġew adottati l-atti ta’ applikazzjoni tad-diversi emendi tal-liġi dwar il-kumpaniji b’responsabbiltà limitata. F’Ottubru 2008 ġie approvat abbozz ta’ liġi mressaq mill-Aġenzija Marokkina għall-Iżvilupp tal-Investimenti (AMDI).

4.14   L-awtoritajiet tal-Marokk impenjaw ruħhom favur it-tnedija tal-Karta Ewro-Mediterranja tal-Intrapriża, li titlob il-konsultazzjoni, il-kunsens u l-kwalità. Jeżistu diversi istituzzjonijiet li jippromovu l-investimenti tal-kumpaniji privati, speċjalment dawk tal-SMEs, u l-aċċess għall-kreditu huwa promoss mill-Fond Ċentrali tal-Garanzija (FĊG).

4.15   Il-prospetti (14) għall-ekonomija Marokkina għadhom, minkejja kollox, tajbin. Bħalissa f’ċertu sens il-Marokk jinsab protett mit-turbulenzi finanzjarji dinjija bis-saħħa tad-dejn estern relattivament baxx tiegħu fuq perijodu twil, u tat-titjib tal-politiki makroekonomiċi tiegħu. It-tkabbir ekonomiku għandu jkompli jkun relattivament b’saħħtu fuq perijodu medju, b’bilanċ estern pożittiv fil-kont kurrenti, anke jekk jista’ jkun li jkun hemm defiċit żgħir fuq il-perijodu medju. Min-naħa tiegħu, il-Gvern Marokkin (15) qiegħed jipprevedi tkabbir tal-PDG reali ta’ 5,8 % għall-2009, bi tkabbir tas-settur agrikolu (16) ta’ 15 % u tkabbir tas-settur mhux agrikolu ta’ 4,1 %. L-awtoritajiet ekonomiċi tal-pajjiż huma ddeterminati li jkomplu bl-isforzi ta’ konsolidazzjoni baġitarja tal-aħħar snin u li jilħqu l-għan li jżommu d-defiċit baġitarju primarju taħt it-3 % tal-PDG fuq perijodu medju.

5.   Is-sitwazzjoni soċjali

5.1   Ir-rata ta’ qgħad kienet ta’ 9,4 % fl-2008 (11), minkejja li nħolqu 310 000 impjieg is-sena li għaddiet, b’mod partikolari fis-setturi tal-bini u tas-servizzi. Fl-ewwel tliet xhur tal-2009 kien hemm ħolqien nett ta’ 40 000 impjieg, frott is-76 000 impjieg ġdid fiż-żoni urbana, minkejja telf ta’ 36 000 impjieg fiż-żoni rurali. Settur b’settur, il-ħolqien ta’ impjiegi kien limitat għas-servizzi u x-xogħlijiet pubbliċi, li żdiedu b’5,9 % rispettivament, filwaqt li fis-setturi l-oħra t-telf varja mill-4,5 % fis-settur industrijali sal-1,4 % tas-settur agrikolu u tas-sajd.

5.2   F’dan l-ambitu, l-iktar problema gravi hija dik tal-qgħad taż-żgħażagħ (17), inklużi ż-żgħażagħ universitarji, fatt li jwassal għal brain drain. Kwistjoni importanti oħra hija l-fatt li s-suq tax-xogħol huwa ddominat mis-settur agrikolu, li jirrappreżenta wkoll proporzjon konsiderevoli ta’ xogħol informali. Fl-istess ħin hemm ekonomija moħbija bbażata fuq l-impjieg irregolari. Barra minn hekk, il-Marokk qiegħed iħabbat wiċċu ma’ diffikultà kbira biex jassorbi l-forza tax-xogħol fis-suq tax-xogħol tiegħu, b’konsegwenza tal-espansjoni demografika li seħħet fil-pajjiż.

5.3   Dawn iċ-ċifri ta’ qgħad għandhom impatt dirett fuq il-familji minħabba n-nuqqasijiet li għad hemm fis-sistemi tal-ħarsien soċjali (l-allokazzjonijiet tal-qgħad, is-sigurtà soċjali għas-saħħa, il-pensjonijiet, eċċ.)

5.4   Il-flussi migratorji qed jonqsu b’riżultat tal-kriżi ekonomika u l-UE hija d-destinazzjoni prinċipali għall-ħaddiema immigranti Marokkini. Importanti li ssir distinzjoni wkoll bejn l-emigrazzjoni legali u illegali. Dawk li jirnexxilhom jidħlu f’pajjiż b’mod illegali jsibu ruħhom f’kundizzjonijiet ta’ riċeviment ferm iktar diffiċli. Qegħdin jiżdiedu wkoll b’mod kontinwu l-iskambji professjonali bejn iż-żewġ żoni ġeografiċi.

5.5   Ir-rata ta’ impjieg tan-nisa għadha baxxa. Filwaqt li r-rati ta’ impjieg tal-irġiel huma ta’ madwar 80 %, ir-rata ta’ impjieg tan-nisa hija ta’ 21 % fiż-żoni urbani u ta’ 33 % fiż-żoni rurali (18). Bl-eċċezzjoni tal-istennija tal-għomor, l-indikaturi tal-iżvilupp soċjali tan-nisa huma iktar baxxi minn dawk tal-irġiel fl-oqsma l-oħra kollha bħat-tip ta’ attività, l-istatus professjonali, il-livell ta’ responsabbiltà, is-salarju fis-settur privat, ir-rata tal-qgħad u l-livell ta’ ħarsien soċjali.

5.6   Is-suġġett tal-impjieg u l-affarijiet soċjali għandu jiġi indirizzat iktar fil-fond bil-għan li jinħoloq qafas istituzzjonali li jippermetti li jiġu żviluppati miżuri attivi u servizzi pubbliċi ta’ impjieg, li jiġi kkontrollat is-suq tax-xogħol sabiex tiġi indirizzata l-ekonomija illegali, ix-xogħol informali u x-xogħol mhux iddikjarat, li jittejjeb l-investiment fil-kapital uman u l-kapaċità għall-impjieg, li tiżdied il-protezzjoni u l-inklużjoni soċjali u li jintużaw mekkaniżmi tal-impjieg li jaħdmu kontra d-diskriminazzjoni fir-reklutaġġ.

5.7   Is-sigurtà soċjali tal-maġġoranza tal-ħaddiema Marokkini mhix adegwata. Din is-sitwazzjoni hija problema serja għal ħafna familji. Il-gvern Marokkin huwa konxju mill-fatt u għandu r-rieda politika li jfittex soluzzjoni. L-awtoritajiet Marokkini ser iżidu l-monitoraġġ sabiex tiġi regolarizzata s-sitwazzjoni tal-ħaddiema kollha fis-sistema ta’ sigurtà soċjali. Għalhekk id-dipartiment tal-monitoraġġ tal-impjieg u l-uffiċċju nazzjonali tas-sigurtà soċjali qed iżidu l-isforzi tagħhom sabiex itejbu l-kopertura tal-ħaddiema. Madanakollu, il-gvern Marokkin ser ikollu jżid l-investiment fis-saħħa u l-kopertura medika sabiex jiffaċilita l-aċċess taċ-ċittadini tal-Marokk għas-sistema tal-kura tas-saħħa.

5.8   Qed jitfassal pjan tripartitiku ta’ konformità soċjali li ser jiddetermina kemm in-negozji Markokkini jissodisfaw u jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni tax-xogħol. Barra minn hekk fil-qafas tal-leġiżlazzjoni soċjali ġdida tal-Marokk qed isir progress lejn iċ-ċertifikazzjoni tan-negozji li jikkonformaw mar-regoli tax-xogħol.

5.9   Xi żmien ilu tpoġġew il-pedamenti ta’ forum ċentralizzat tas-soċjetà ċivili, għalkemm din tal-aħħar ma kinitx rappreżentata b’mod formali. Il-gvern tal-Marokk impenja ruħu li jniedi l-kunsill ekonomiku u soċjali (KES) qabel tmiem l-2009, iżda s’issa dan għadu ma twaqqafx uffiċjalment minkejja li ddaħħal fil-kostituzzjoni Marokkina fl-1997. Il-KESE jittama li d-diversità tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tkun riflessa fl-għamla tal-KES tal-Marokk, billi r-rappreżentattività tal-Kunsilli Ekonomiċi u Soċjali, garantita minn kriterji ċari u ġusti, hija kundizzjoni essenzjali għall-effikaċja tagħhom, kif ukoll għall-indipendenza tat-tħaddim tagħhom u l-allokazzjoni tar-riżorsi neċessarji għal dan. L-eżistenza ta’ kunsill ekonomiku u soċjali ma tinsabx f’kunflitt mar-rwol ta’ korpi konsultattivi oħra tal-Marokk. Bil-kuntrarju hija tikkumplementahom.

5.10   L-iktar organizzazzjoni rappreżentattiva tad-dinja intraprenditorjali hija l-Konfederazzjoni Ġenerali tal-Intrapriżi tal-Marokk (CGEM). Il-Kamra tal-Kummerċ u l-Industrija wkoll taqdi rwol importanti fl-appoġġ tagħha għall-intrapriżi, l-edukazzjoni, it-taħriġ, is-servizzi intraprenditorjali u l-internazzjonalizzazzjoni. L-Assoċjazzjoni tan-Nisa Intraprendituri tal-Marokk, li tiġbor fiha iktar minn 350 membru fil-livell nazzjonali, qiegħda tippromovi r-rwol tal-mara fl-intraprenditorija, u għandha wkoll fergħat reġjonali. L-assoċjazzjoni Maroc Entrepreneurs għandha l-għan li tippromovi t-taħriġ u l-istart-ups fost iż-żgħażagħ.

5.11   It-trade unions ewlenin huma l-Unjoni tal-Ħaddiema Marokkini (UMT), il-Konfederazzjoni Demokratika tax-Xogħol (CDT), l-Unjoni Ġenerali tal-Ħaddiema tal-Marokk (UGTM), il-Federazzjoni Demokratika tax-Xogħol (FDT) u l-Unjoni Nazzjonali tal-Ħaddiema Marokkini (UNTM). Ta’ min isemmi wkoll l-Unjoni Nazzjonali tal-Kooperattivi Agrikoli tal-Marokk (UNCAM).

5.12   Minkejja l-fatt li l-gvern tal-Marokk wettaq riformi fil-qasam tal-liġi tax-xogħol, huwa neċessarju li wieħed ikompli jaħdem fuq it-titjib tal-implimentazzjoni tad-drittijiet tax-xogħol u li jiġu rratifikati l-konvenzjonijiet rilevanti tal-ILO, b’mod partikolari l-Konvenzjoni 87 dwar il-libertà tal-assoċjazzjoni.

5.13   It-titjib tas-sistema edukattiva u tal-alfabetizzazzjoni għadhom waħda mill-iktar sfidi importanti għall-iżvilupp tal-pajjiż. F’Settembru 2008, il-Ministeru tal-Edukazzjoni tal-Marokk ippreżenta pjan ta’ emerġenza għall-promozzjoni tal-aċċess għall-iskola tal-bniet taż-żoni rurali, kif ukoll għal aċċess ugwali u effettiv tat-tfal għall-edukazzjoni obbligatorja. In-nuqqas ta’ forza tax-xogħol ikkwalifikata huwa wieħed mill-ostakli prinċipali għat-twaqqif ta’ kumpaniji fil-Marokk, billi l-pożizzjoni ta’ tekniku intermedjarju hija fost l-iktar pożizzjonijiet diffiċli li jiġu koperti.

5.14   Qed isiru sforzi biex jinħolqu rabtiet iktar stretti bejn is-sistemi tal-edukazzjoni għolja, ir-riċerka u t-taħriġ professjonali tal-Marokk u ż-Żona Ewropea tal-edukazzjoni għolja, ir-riċerka xjentifika u t-taħriġ professjonali. Dan l-għan għandu jiffaċilita t-titjib tal-kwalifiki tal-istudenti Marokkini u tal-kapaċitajiet professjonali tagħhom għall-aċċess tagħhom għad-dinja tax-xogħol. Hemm bżonn li tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tal-prattiki fin-negozji abbażi tal-ftehimiet bejn l-universitajiet u l-organizzazzjonijiet tan-negozji bħas-CGEM u l-kmamar tal-kummerċ.

5.15   Il-KESE jirrakkomanda sistemi li jiffaċilitaw ir-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki bejn l-UE u l-Marokk b’kunsiderazzjoni tal-istatus avvanzat tal-Marokk. Waħda mill-problemi prinċipali tal-pajjiż hija n-numru kbir ta’ gradwati qiegħda.

5.16   Bil-kooperazzjoni mal-UE, hija ppjanata t-tnedija ta’ Grupp ta’ Ħidma (19) magħmul minn rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet intraprenditorjali u tal-intraprendituri Ewropej u Marokkini, bil-għan li l-Kunsill tal-Assoċjazzjoni jiġi infurmat regolarment bl-ostakoli għall-kummerċ u l-investiment. Ir-rappreżentanti tat-trade unions jistgħu jieħdu sehem f’dan il-Grupp.

5.17   Fil-qasam tat-tisħiħ tad-demokrazija, ir-riformi mwettqa ppermettew li jsir progress, pereżempju bl-adozzjoni ta’ liġi elettorali ġdida li tippromovi l-parteċipazzjoni tan-nisa, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-adozzjoni ta’ pjan ta’ azzjoni strateġiku għall-istituzzjonalizzazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi. F’dan il-kuntest, għalkemm il-gvern Marokkin stqarr li rtira r-riżervi li kellu dwar il-Konvenzjoni dwar l-eliminazzjoni ta’ kull forma ta’ diskriminazzjoni kontra n-nisa, għadu ma ddepożitax l-istrumentikorrispondenti fin-Nazzjonijiet Uniti (20).

5.18   F’Novembru 2008, il-Ministeru tal-Iżvilupp Soċjali, il-Familja u s-Solidarjetà nieda s-sitt kampanja tiegħu għall-ġlieda kontra l-vjolenza bbażata fuq is-sess, li wasslet għal rappurtar ikbar tal-atti ta’ vjolenza kontra n-nisa permezz tan-numru tat-telefon provdut għal dan il-għan. Madankollu, hemm bżonn ta’ iktar ċentri ta’ riċeviment tal-vittmi. Bl-istess mod, għadu ma ġiex approvat l-abbozz ta’ liġi li ser jippenalizza l-vjolenza bbażata fuq is-sess, bir-riżultat li l-problemi fl-applikazzjoni tal-Kodiċi Ċivili tal-Familja ma ġewx indirizzati (21).

5.19   Ir-rata tal-faqar naqset għal 9 % (6), u dan ifisser li hemm popolazzjoni fqira ta’ iktar minn żewġ miljun persuna. Din hija sitwazzjoni soċjali inkwetanti, u għalhekk il-ġlieda kontra l-faqar hija waħda mill-iktar sfidi importanti li qed jiffaċċja l-pajjiż. Iż-żieda msemmija fil-PDG għal kull persuna għadha insuffiċjenti fil-ġlieda kontra l-faqar. Billi hemm żbilanċ fit-tqassim, dan ma wassalx għat-titjib mixtieq fil-livell ta’ għajxien tal-popolazzjoni. L-istrument ewlieni għat-tnaqqis tal-faqar għandu jkun żieda fit-tkabbir ekonomiku u t-titjib tal-produttività flimkien ma’ rispett għad-drittijiet tal-bniedem li huma inseparabbli mid-drittijiet ekonomiċi, soċjali, kulturali u ambjentali u li mingħajrhom ma tistax tiġi żgurata d-distribuzzjoni mtejba tal-ġid. Hemm bżonn ta’ koordinazzjoni aħjar bejn id-diversi programmi ta’ tnaqqis tal-faqar mnedija fil-Marokk min-naħa tal-istituzzjonijiet internazzjonali bħan-Nazzjonijiet Uniti u l-Bank Dinji.

5.20   L-immigrazzjoni illegali lejn l-UE hija sors kbir ieħor ta’ tħassib. Minbarra ż-żewġ miljun Marokkin li huma residenti legali tal-pajjiżi tal-UE, huwa stmat li hemm madwar miljun persuna oħra li qiegħda tgħix hemm b’mod illegali. Fl-istess ħin, il-Marokk huwa wieħed mill-pajjiżi ta’ tranżitu tal-immigrazzjoni illegali mill-pajjiżi Subsaħarjani lejn l-Unjoni Ewropea. Attwalment qed jiġi negozjat ftehim ta’ riammissjoni bejn l-UE u l-Marokk.

6.   Ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Marokk

6.1   L-ewwel ftehimiet iffirmati bejn l-Unjoni Ewropea u l-Marokk imorru lura għall- 1969 u l-1976. Wara dan, fil-qafas tal-Proċess ta’ Barċellona mill-1995 ’l quddiem ġie ffirmat Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Marokk, li daħal fis-seħħ fl-2000. Reċentement, f’Lulju 2005, ġie adottat Pjan ta’ Azzjoni UE-Marokk, fl-ambitu tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV), għal perijodu ta’ ħames snin (22). Ir-relazzjoni attwali mal-Marokk qiegħda tiġi żviluppata fil-qafas tal-Unjoni għall-Mediterran.

6.2   Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jistabbilixxi l-qafas legali tar-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Marokk, bil-ħolqien ta’ żona ta’ kummerċ ħieles, minbarra l-istabbiliment ta’ kooperazzjoni privileġġata f’ambiti oħra bħall-politika, l-ekonomija u l-affarijiet soċjali, xjentifiċi u kulturali.

6.3   Id-Dokument Strateġiku tal-Pajjiż (CSP) jistabbilixxi l-qafas strateġiku ta’ għajnuna tal-UE lill-Marokk għall-perijodu 2007–2013, li fih jinġabru s-setturi prijoritarji ta’ kooperazzjoni, li jiffukaw fuq:

l-iżvilupp tal-politiki soċjali;

il-modernizzazzjoni ekonomika;

l-għajnuna istituzzjonali;

il-governanza tajba u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali;

il-ħarsien tal-ambjent.

6.4   Fil-qafas tal-kooperazzjoni strateġika bejn l-Afrika u l-UE, il-Marokk qiegħed jaqdi rwol attiv fid-djalogu politiku bejn l-UE u l-Afrika, billi huwa inkarigat mit-tnedija tal-kooperazzjoni dwar it-tibdil fil-klima.

6.5   F’Ottubru 2008, ġie ffirmat dokument konġunt bejn l-UE u l-Marokk fil-qafas tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, li għandu l-għan li jsaħħaħ ir-relazzjonijiet bilaterali bil-għan li jinkiseb l-istatus avvanzat, li tfassal bil-għan li jissaħħu r-relazzjonijiet politiċi, l-integrazzjoni tas-suq intern, il-kooperazzjoni settorjali u d-dimensjoni umana.

6.6   L-UE għadha l-iktar msieħba kummerċjali importanti tal-Marokk, billi iktar minn nofs l-akkwisti esterni (23) tal-Marokk jiġu mill-pajjiżi Ewropej u billi kważi t-tliet kwarti tal-bejgħ (24) tiegħu huma destinati għall-UE. Pajjiż b’pajjiż, Franza hija l-ewwel provveditur, imbagħad Spanja, ir-Renju Unit, l-Italja u l-Ġermanja. Is-sitwazzjoni hija prattikament l-istess waħda għall-importaturi tal-prodotti mill-Marokk.

6.7   Fir-rigward tal-prodotti tal-kummerċ bejn l-UE u l-Marokk, ta’ min isemmi d-diversifikazzjoni gradwali tal-importazzjonijiet Marokkini. Tul dawn l-aħħar għaxar snin, l-għadd ta’ prodotti Ewropej differenti li xtara l-Marokk żdied konsiderevolment. Il-prodotti prinċipali li l-Marokk jimporta mill-UE huma t-tessuti, il-gass tal-pitrolju u karburanti oħra, magni u apparat ieħor u prodotti kimiċi.

6.8   L-esportazzjonijiet tal-Marokk lejn l-UE huma iktar ikkonċentrati, billi iktar minn nofshom huma ħwejjeġ u prodotti maħduma bil-labra tal-malja (iktar minn terz tat-total), komponenti elettroniċi, frott tal-baħar u wires u cables tal-elettriku.

6.9   Fin-negozjati attwali, qed titqies is-sitwazzjoni ta’ ċerti setturi sensittivi billi jikkunsidraw in-nuqqas ta’ simetrija bejn l-impenji u l-applikazzjoni gradwali tagħhom. Hija fuq kollox kwistjoni tal-liberalizzazzjoni tal-kummerċ tas-servizzi u tad-dritt ta’ stabbiliment, kif ukoll tal-liberalizzazzjoni tal-kummerċ tal-prodotti agrikoli, il-prodotti agrikoli pproċessati u l-prodotti tas-sajd.

6.10   Il-kuntest tal-kriżi ekonomika attwali affettwa b’mod serju lis-settur agrikolu Ewropew, u d-dħul tal-bdiewa tbaxxa ħafna (bi 12,2 % fl-2009, skont l-EUROSTAT). F’dan il-kuntest, il-konċessjonijiet kummerċjali l-ġodda li ngħataw lill-Marokk fil-qasam ta’ produzzjonijiet sensittivi bħall-frott u l-ħxejjex, prattikament mingħajr l-ebda protezzjoni mill-għajnuniet Komunitarji, qegħdin ikomplu jaggravaw is-sitwazzjoni ekonomika diffiċli ta’ ħafna rziezet Ewropej. L-użu tas-settur tal-ħxejjex u l-frott fin-negozjar tar-relazzjoni kummerċjali bejn l-UE u l-Marokk, għall-benefiċċju ta’ attivitajiet ekonomiċi oħra, għandu konsegwenzi negattivi u jhedded il-ġejjieni tal-produtturi u l-iżvilupp ta’ ħafna reġjuni Ewropej. Għaldaqstant, għandu jiġi stabbilit kumpens reali, permezz ta’ appoġġ supplimentari li jippermetti li tittejjeb il-kompetittività f’dawn iż-żoni.

Il-KESE jinsab imħasseb li l-Unjoni Ewropea u l-Marokk laħqu ftehim reċentement dwar ir-reviżjoni tar-relazzjonijiet agrikoli kummerċjali tagħhom fi Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, filwaqt li l-Ftehim attwali mhuwiex qiegħed jiġi rrispettat mill-perspettiva tan-nuqqas ta’ ħlas tal-ammonti doganali stabbiliti u n-nuqqas ta’ rispett tal-kwoti, u dan mingħajr ma tfasslu mekkaniżmi ġodda u mingħajr ma sar titjib sostanzjali tal-mekkaniżmi attwali sabiex jiġi ggarantit li jiġu sodisfatti l-klawżoli aċċettati miż-żewġ naħat.

6.11   Fir-rigward tal-investimenti diretti mill-UE (25), ta’ min jinnota li Franza (26) hija l- investitur prinċipali fil-Marokk, segwita minn Spanja, ir-Renju Unit u l-Ġermanja (27). Is-setturi prinċipali ta’ investiment huma t-turiżmu, il-proprjetà, it-telekomunikazzjonijiet, l-assigurazzjoni, il-banek, l-industrija u t-trasport.

Brussell, 17 ta’ Frar 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Tista’ tinkiseb iktar kooperazzjoni parlamentari fost affarijiet oħra billi titwaqqaf kummissjoni parlamentari konġunta bejn il-parlamenti tal-Ewropa u l-Marokk bil-parteċipazzjoni taż-żewġ kmamar tagħhom u mhux tal-Kamra tar-Rappreżentanti biss.

(2)  Sors: UNCTAD – Database FDI/INC.

(3)  Bejn wieħed u ieħor ta’ żewġ terzi.

(4)  Inklużi t-trobbija tal-annimali, il-foresterija u s-sajd.

(5)  Dan irdoppja bejn l-2002 u l-2006.

(6)  Sors: Fond Monetarju Internazzjonali (FMI).

(7)  Fl-2008 kien jirrappreżenta 13 % tal-PDG. Sors: FAO

(8)  13 734 506 persuna (għall-agrikoltura, il-foresti u s-sajd). Sors: FAO

(9)  Sors: il-Bank Dinji – World Development Indicators.

(10)  Sors: ILO – LABORSTA (bażi ta’ data ta’ statistika tax-xogħol) ibbażata fuq studju dwar il-forza tax-xogħol.

(11)  Sors: ILO – LABORSTA (bażi ta’ data ta’ statistika tax-xogħol).

(12)  Sors: Federazzjoni Nazzjonali tas-Settur Agrikolu tal-Marokk (UMT)

(13)  Skont studju ppubblikat mill-FDI Intelligence, sussidjarju tal-grupp tal-istampar Ingliż “The Financial Times”.

(14)  Skont id-data tal-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI).

(15)  Previżjonijiet tal-Ministeru tal-Ekonomija u t-Teżor tal-Marokk.

(16)  Inklużi s-sajd u l-foresterija.

(17)  Skont id-data tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), il-qgħad fost iż-żgħażagħ huwa seba’ punti ’l fuq mill-medja tal-qgħad tal-popolazzjoni attiva. 39 % tal-persuni mingħajr xogħol huma żgħażagħ.

(18)  Sors: Ir-rapport ta’ segwitu tal-Marokk – Dokument SEC(2009) 520/2, 23 ta’April 2009.

(19)  Skont id-“Dokument konġunt UE-Marokk dwar it-tisħiħ tar-relazzjonijiet bilaterali/Statut Avvanzat” – DG E V Doc. 13653/08 p.6.

(20)  Sors: Ir-rapport ta’ segwitu tal-Marokk – Dokument SEC(2009) 520/2, 23 ta’April 2009.

(21)  Fil-fażi ta’ tħejjija mill-2006.

(22)  S’issa tfasslu tliet rapporti ta’ segwitu f’Diċembru 2006, f’April 2008 u f’April 2009.

(23)  51,4 % tal-importazzjonijiet tal-Marokk jiġu mill-UE.

(24)  71,9 % tal-esportazzjonijiet tal-Marokk imorru lejn l-UE.

(25)  Sors: Office des Changes – Flux financiers – Gvern tal-Marokk.

(26)  Bejn l-2002 u l-2008, l-investiment ta’ Franza fil-Marokk qabeż il-53 000 miljun dirham.

(27)  Fl-istess perijodu l-investimenti ta’ Spanja qabżu l-35 000 miljun dirham, u dawk tar-Renju Unit u tal-Ġermanja qabżu s-6 000 dirham kull wieħed.