12.8.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 236/160


L-Erbgħa 16 ta’ Ġunju 2010
It-twaqqif u s-saħħa numerika tal-kumitat speċjali dwar l-isfidi politiċi u r-riżorsi baġitarji għal Unjoni Ewropea sostenibbli wara l-2013

P7_TA(2010)0225

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta’ Ġunju 2010 dwar it-twaqqif, is-setgħat, il-kompożizzjoni numerika u l-mandat tal-kumitat speċjali dwar l-isfidi tal-politika u r-riżorsi baġitarji għal Unjoni Ewropea sostenibbli wara l-2013

2011/C 236 E/31

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet meħuda mill-Konferenza tal-Presidenti fit-22 ta’ April u t-12 u l-20 ta’ Mejju 2010 li tipproponi t-twaqqif ta’ kumitat speċjali għall-isfidi tal-politika u l-mezzi baġitarji disponibbli għall-Unjoni wara l-2013,

wara li kkunsidra l-Artikolu 312(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tistipula li matul il-proċedura li twassal għall-adozzjoni tal-qafas finanzjarju, il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jieħdu kwalunkwe miżura meħtieġa li tiffaċilità l-adozzjoni tagħha,

wara li kkunsidra l-bżonn li jinġabru u jiġu koordinati l-opinjonijiet tad-diversi kumitati kkonċernati u li jiġi stabbilit mandat għall-Kumitat għall-Baġits għan-negozjati tiegħu mal-Kunsill bil-għan li jiġi adottat regolament li jkun jinkludi fih il-qafas finanzjarju multiannwali (MFF) ġejjieni, u possibilment, id-definizzjoni ta’ miżuri ta’ appoġġ li għandhom jiġu ddefiniti fi ftehim interistituzzjoniali,

wara li kkunsidra l-ħidma mwettqa mill-kumitat speċjali dwar il-kriżi finanzjarja, ekonomika u soċjali tal-Parlament u l-ħtieġa għal segwitu tal-ħidma ta’ dan il-kumitat, partikularment fir-rigward tal-appoġġ għal tkabbir sostenibbli u kwalitattiv u investimenti fuq medda twila ta’ żmien, sabiex jiġu indirizzati l-effetti tal-kriżi fuq medda ta’ żmien twila.

wara li kkunsidra l-Artikolu 184 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

1.

Jiddeċiedi li jwaqqaf kumitat speċjali bil-mandat li:

(a)

jiddefinixxi l-prijoritajiet politiċi tal-Parlament għall-MFF ta wara l-2013, kemm f'termini leġiżlattivi kif ukoll f'termini baġitarji;

(b)

jagħmel stima tar-riżorsi finanzjarji meħtieġa biex l-Unjoni tilħaq l-għanijiet tagħha u twettaq il-politiki tagħha għall-perjodu li jibda mill-1 ta’ Jannar 2014;

(c)

jiddefinixxi t-tul taż-żmien tal-MFF li jmiss;

(d)

jipproponi, skont dawn il-prijoritajiet u objettivi, struttura għall-MFF tal-ġejjini, filwaqt li jindika l-oqsma ewlenin tal-attività tal-Unjoni;

(e)

jissottometti linji gwida għall-allokazzjoni indikattiva ta’ riżorsi bejn u fi ħdan l-intestaturi differnti tan-nefqa tal-MFF, b'konformità mal-prijoritajiet u mal-istuttura proposta;

(f)

jispeċifika r-rabta bejn riforma tas-sistema finanzjarja tal-baġit tal-UE u reviżjoni tan-nefqa sabiex il-Kumitat għall-Baġits jingħata bażi soda għan-negozjati dwar l-MFF il-ġdid;

2.

Jiddeċiedi li jwaqqaf kumitat speċjali għal perjodu ta’ 12-il xahar mill-1 ta’ Lulju 2010 sabiex jissottometti rapport lill-Parlament qabel ma l-Kummissjoni tippreżenta l-proposta tagħha biċ-ċifri għall-MFF li jmiss, ippjanata għal Lulju 2011;

3.

Ifakkar li l-proposti baġitarji u leġiżlattivi speċifiċi se jiġu indirizzati mill-kumitati relevanti b'konformità mal-Anness VII tar-Regoli ta’ Proċeduri tiegħu;

4.

Jiddeċiedi li l-kumitat speċjali għandu jkun magħmul minn 50 membru.