52010DC0771




[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 17.12.2010

KUMM(2010) 771 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL, IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI

L-IPPJANAR SPAZJALI MARITTIMU FL-UE – KISBIET U żVILUPPI FUTURI

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL, IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI

L-IPPJANAR SPAZJALI MARITTIMU FL-UE – KISBIET U żVILUPPI FUTURI

1. INTRODUZZJONI

2. L-isfond u l-għan tal-Politika

Fil-Blue Paper u l-Pjan ta’ Azzjoni dwar Politika Marittima Integrata (IMP) tal-UE[1], l-Ippjanar Spazjali Marittimu (MSP) kien identifikat bħala waħda mill-għodod transsettorjali li jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-IMP.

Fl-2008, il-Kummissjoni adottat il-Komunikazzjoni "Pjan ta’ Tmexxija għall-Ippjanar Spazjali Marittimu: Il-ksib ta' Prinċipji Komuni fl-UE"[2], li pproponiet sett ta’ prinċipji ewlenin għall-MSP. Fil-Pjan ta’ Tmexxija, il-Kummissjoni impenjat ruħha li tipproduċi rapport dwar is-serje ta’ sessjonijiet ta’ ħidma li kellhom isiru fl-2009 u li tipproponi aktar passi u azzjonijiet. Din il-Komunikazzjoni tissodisfa dan l-impenn u tfittex li tiddeskrivi b’mod ġenerali l-kuntest attwali tal-MSP fl-UE.

L-MSP hija ġeneralment definita bħala proċess tal-awtoritajiet pubbliċi ta’ analiżi u allokazzjoni tad-distribuzzjoni spazjali u temporali tal-attivitajiet umani fiż-żoni tal-baħar biex jintlaħqu l-objettivi ekoloġiċi, ekonomiċi u soċjali.

3. GĦALFEJN TITWETTAQ AZZJONI TAL-UE DWAR L-MSP?

Il-Kummissjoni tenfasizza li l-implemtazzjoni tal-MSP hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri u li hija lesta biex taġixxi bħala faċilitatur lejn il-kooperazzjoni u l-iżvilupp ta’ approċċ komuni. Minkejja li ħafna mix-xogħol jista’ jiġi mwettaq fuq livell nazzjonali, il-Kummissjoni tikkonsidra li huwa importanti li nfittxu l-azzjoni fuq livell tal-UE biex jinkiseb qafas koerenti għall-MSP fl-UE.

- Approċċ komuni jippermetti l-applikazzjoni effikaċi u bla tfixkil tal-MSP f’żoni tal-baħar transkonfinali, filwaqt li jiffavorixxi l-iżvilupp ta’ attivitajiet marittimi u l-protezzjoni tal-ambjent tal-baħar abbażi ta’ qafas komuni u implikazzjonijiet leġiżlattivi simili.

- L-iżgurar li MSP hija użata fl-Istati Membri jsaħħaħ it-tkabbir sostenibbli fis-setturi marittimi. L-MSP hija kruċjali għaċ-ċertezza, il-prevedibbiltà u t-trasparenza legali u b’hekk tnaqqas l-ispejjeż għall-investituri u l-operaturi, b’mod partikolari dawk li jaħdmu f'aktar minn Stat Membru wieħed. Dawn l-elementi huma strumentali fil-promozzjoni tal-investimenti u fil-ħolqien tat-tkabbir u l-impjiegi f’konformità mal-inizjattiva Europa 2020[3]. Barra minn hekk, mingħajr ebda MSP, ir-riskju ta’ kunflitti spazjali bejn l-użi marittimi li qegħdin jespandu, inkluża l-protezzjoni tal-ambjent tal-baħar, jista’ jirriżulta f’kumbinazzjoni subottimali ta’ tkabbir u sostenibbiltà.

- L-MSP tappoġġa l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE (ara l-Kapitolu 5).

- Approċċ komuni jipprovdi opportunità tal-qsim tal-għarfien ma’ oħrajn lill-Istati Membri li japplikaw l-MSP.

- SESSJONIJIET TA’ ĦIDMA

Il-Komunikazzjoni dwar il-Pjan ta’ Tmexxija varat dibattitu dwar l-MSP fl-UE. Fl-2009 saru ħames sessjonijiet ta’ ħidma dwar l-MSP biex jiġu diskussi l-prinċipji tal-Pjan ta’ Tmexxija mal-Istati Membri, r-reġjuni, l-NGOs u l-industrija.

Ir-riżultat ġenerali, li kien milqugħ b’mod wiesa’, kien qbil ġenerali li l-għaxar prinċipji tal-Pjan ta’ Tmexxija kienu xierqa u komprensivi u jipprovdu bażi importanti għal aktar żvilupp tal-MSP fuq livell tal-UE.

Waħda mill-opinjonijiet l-aktar komuni li ġiet ippreżentata kienet li l-MSP hija għodda integrata u bbilanċjata li għandha l-potenzjal li tipprovdi stabbiltà u prevedibbiltà fit-tul, kif ukoll biex timmaniġja l-kompetizzjoni għall-ispazju f'żoni li huma użati b'mod intensiv. Dan huwa kruċjali għas-setturi ekonomiċi kollha bħat-trasport marittimu, iż-żejt u l-gass, ir-ramel u ż-żrar, l-enerġija rinnovabbli, is-sajd, l-akkwakultura, it-turiżmu u għall-protezzjoni tal-ambjent.

Abbażi ta’ dan id-dibattitu, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjonijiet li ġejjin.

4. L-approċċ tal-ekosistema

Fil-Pjan ta’ Tmexxija, l-approċċ tal-ekosistema kien enfasizzat bħala prinċipju ta’ medda wiesgħa għall-MSP. Id-diskussjonijiet ikkonfermaw il-valutazzjoni tal-Kummissjoni li l-ekosistema għandha tifforma l-bażi tal-qafas ġenerali għall-MSP.

Id-Direttiva ta' Qafas dwar l-Istrateġija Marittima (MSFD) tirrikjedi l-applikazzjoni tal-approċċ tal-ekosistema għall-ġestjoni tal-attivitajiet umani (ara s-Sezzjoni 5.2). Is-sessjonijiet ta’ ħidma enfassizzaw li l-elementi tal-MSFD jistgħu jikkontribwixxu għall-applikazzjoni tal-MSP u viċeversa.

5. L-użu tal-MSP skont iż-żona u t-tip tal-attività

L-MSP trid tqis l-ispeċifitajiet kollha taż-żona (id-daqs, id-densità u l-karattru tal-użi marittimi, il-vulnerabbiltà ambjentali, l-istruttura amministrattiva u politika) meta tkun applikata. Iż-żoni ta’ ġestjoni wkoll iridu jkunu definiti b'dan il-mod. Żona b’ħafna użi marittimi intensivi għandha tkun is-suġġett ta’ proċess aktar dettaljat tal-MSP milli żona b'inqas attivitajiet.

6. Id-definizzjoni tal-objettivi biex jiggwidaw l-MSP

L-iffissar tal-objettivi għal MSP fuq livell nazzjonali jew reġjonali għandu jidher bħala proċess li jibda bi qbil dwar l-objettivi strateġiċi, li imbagħad huma definiti aktar permezz ta’ objettivi operattivi – jiġifieri objettivi li jistgħu jitkejlu u li huma kwantitattivi. Jekk fil-bidu jkun hemm viżjonijiet wisgħin u objettivi ġenerali ikun hemm aktar spazju għal negozjati, iżda għandhom jiġu speċifikati objettivi ċari sabiex ikunu utli għall-abbozzar, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ ta' pjan.

L-objettivi għandhom ikunu ibbażati fuq perspettivi fit-tul u jkunu orjentati lejn il-futur.

L-objettivi dwar l-ippjanar għandhom iqisu ibħra u baċiri tal-baħar reġjonali sħaħ, filwaqt li jqisu d-dimensjoni globali. Objettivi strateġiċi jew operattivi dwar skali spazjali differenti (globali, Ewropew, reġjonali, nazzjonali, lokali) għandhom jittieħdu bħala komponenti tal-istess qafas tal-ippjanar.

7. L-iżvilupp tal-MSP b’mod trasparenti

It-trasparenza issaħħaħ il-kontabbilità u l-leġittimità. Għandhom jiġu identifikati l-persuni responsabbli mit-teħid tad-deċiżjonijiet u l-partijiet interessati kollha rilevanti u l-istadji tal-proċess għandhom ikunu b’mod li jinftiehmu. L-aspettattivi dwar il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet għandhom ikunu indirizzati b’mod adegwat u r-raġunijiet għal deċiżjonijiet meħuda fil-proċess għandhom ikunu kkomunikati u ġġustifikati mal-partijiet interessati rilevanti.

8. Il-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati

Il-partijiet interessati kollha ghandhom ikunu involuti kmieni fil-proċess tal-MSP. Dan huwa essenzjali meta nfittxu għal sinerġiji u innovazzjoni u sabiex l-għanijiet u l-benefiċċji tal-proċess ikunu ċari. Għandu jsir dibattitu miftuħ bejn is-setturi differenti biex jiġu identifikati l-kunflitti u mezz ta’ koeżistenza bejniethom.

Huwa importanti li r-rwoli u r-responsabbiltajiet jkunu demarkati u li tiġi inkoraġġuta l-interazzjoni bejn il-gruppi tal-partijiet interessati u mhux biss bejn min qed ifassal il-politika u l-partijiet interessati.

Il-parteċipazzjoni sostanzjali tal-partijiet interessati jtawwal il-proċess; għalhekk għandu jkun hemm biżżejjed żmien biex din isseħħ. Dan iż-żmien jiġi rkuprat aktar ’il quddiem fil-fażi tal-implimentazzjoni peress li jkun hemm aktar sens ta’ sjieda bħala riżultat tal-involviment kontinwu.

9. Koordinazzjoni fl-Istati Membri – proċessi simplifikati tat-teħid tad-deċiżjonijiet

Entità amministrattiva unika li tmexxi l-proċess (punt ta’ waqfa waħda) li jista’ jikkjarifika r-responsabbiltajiet u l-livelli ta’ awtorizzazzjoni (pereżempju, nazzjonali vs reġjonali) tkun ta’ benefiċċju għall-proċess tal-MSP. Dan mhux bilfors ifisser li trid tinħoloq entità ġdida : dan l-objettiv jista’ jintlaħaq minn punt ta' waqfa wieħed abbażi tal-istrutturi governattivi eżistenti .

10. L-iżgurar tal-effett legali tal-MSP nazzjonali

L-MSP trid tiġi applikata b’konformità mal-liġi internazzjonali.

Sabiex ikun żgurat l-effett legali tal-ippjanar spazjali marittimu nazzjonali, għandha tkun żgurata l-kooperazzjoni interistituzzjonali u l-kompetenzi amministrattivi għandhom ikunu ċari. Żona Ekonomika Esklussiva (ŻEE) tipprovdi kundizzjonijiet aktar favorevoli għal implimentazzjoni effikaċi tal-MSP, peress li jkun aktar faċli li tiġi infurzata.

Biex pjan spazjali marittimu jkun elaborat, jistgħu jintużaw iż-żewġ għodod li huma t-tnejn legalment vinkolanti jew ta' natura aktar indikattiva. Huwa essenzjali li jkun kjarifikat min huwa marbut mill-pjan (jiġifieri l-atturi ekonomiċi, l-awtoritajiet pubbliċi, il-pubbliku ġenerali).

11. Il-kooperazzjoni u l-konsultazzjoni transkonfinali

Il-komunikazzjoni, il-konsultazzjoni u l-kooperazzjoni ma’ Stati ġirien għandhom iseħħu fi stadju bikri. Għandhom jiġu identifikati persuni u gruppi ta’ kuntatt rilevanti (min ifassal il-politika, il-partijiet interessati, ir-riċerkaturi, eċċ.) fil-pajjiżi kkonċernati. MSP transkonfinali effikaċi teħtieġ l-iżvilupp ta' viżjoni konġunta abbażi tal-esplorazzjoni ta' interessi komuni (pereżempju, il-grid tal-elettriku barra mill-kosta, is-sajd, it-trasport bil-baħar).

Hija meħtieġa rieda politika qawwija għall-kooperazzjoni.

12. L-inkorporar ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni fil-proċess tal-ippjanar

Il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni huma meħtieġa għall-ġestjoni adattiva taż-żoni tal-baħar u għandhom ikopru l-aspetti soċjoekonomiċi, ambjentali u ta' governanza. L-indikaturi għandhom ikunu definiti fi stadju bikri fil-proċess. Din il-ħidma għandha tibni fuq l-oqfsa eżistenti (globali, Ewropej, reġjonali, nazzjonali, lokali). Il-fatt li l-proċessi ambjentali naturali tal-baħar u l-użi differenti tal-ispazju tal-baħar għandhom skali spazjali/temporali differenti għandu jkun inkorporat fis-sistemi ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni.

13. Il-ksib ta’ koerenza bejn l-ippjanar spazjali terrestri u l-MSP – ir-relazzjoni mal-ICZM

Il-baħar mhuwiex suġġett ta' drittijiet individwali tal-proprjetà bl-istess mod bħall-art, il-kundizzjonijiet tal-ippjanar huma differenti għal kull wieħed minnhom. L-ippjanar mill-art għall-baħar huwa kruċjali u jeħtieġ koerenza bejn l-istrateġiji u l-pjanijiet tal-baħar u terrestri, kif ukoll l-implimentazzjoni koerenti tagħhom. Trid tingħata attenzjoni speċifika lil strateġija spazjali għall-ispazju tranżizzjonali mill-art għall-baħar, li huwa part mill-proċess tal-Ġestjoni Integrata taż-Żona Kostali (ICZM).

B’hekk insibu rabtiet mill-qrib bejn l-MSP fl-ilmijiet kostali u l-ICZM (ara s-Sezzjoni 5.4.).

14. Bażi b’saħħitha tad-dejta u tal-għarfien

Il-prinċipji ta’ disinn tan-Netwerk Ewropew ta’ Osservazzjoni u Dejta tal-Baħar (EMODNET) huma validi u kompatibbli ma' dawk ta' inizjattivi oħra li jistgħu jintużaw għall-MSP (ara s-Sezzjoni 5.1)[4].

Id-dejta għandha tkun immaniġjata fuq il-livell xieraq (globali, Ewropew, reġjonali, nazzjonali, lokali). Pereżempju, hija meħtieġa dejta aktar dettaljata f’żoni qrib il-kosta u skali differenti ta’ dejta jridu jkunu parti mill-proċess. Huma meħtieġa tipi differenti ta’ għarfien (ambjentali, soċjoekonomiku, eċċ.). Tista’ tingħata riċerka minn proġetti appoġġati mill-istrateġija tal-UE għar-riċerka tal-baħar u marittima li tista’ ddawwar id-dejta f’għarfien integrat li jkun jista' jappoġġa l-MSP fuq livelli differenti[5].

Il-ġbir tad-dejta u ta’ għarfien rilevanti għandu jitwettaq abbażi tal-kollaborazzjoni mar-reġjuni marittimi, mhux biss bejn l-Istati Membri tal-UE, imma wkoll ma’ partijiet oħra f’dawk ir-reġjuni; pajjiżi terzi, organizzazzjonijiet reġjonali, kif ukoll partijiet interessati oħra.

15. ŻVILUPPI DWAR L-MSP MILL-KOMUNIKAZZJONI DWAR IL-PJAN TA’ TMEXXIJA ’L HAWN

16. Il-livell nazzjonali

Kien hemm żviluppi sinifikanti dwar l-MSP f’ħafna Stati Membri u żoni marittimi differenti, kif ukoll varjetà kbira ta’ użi umani, li wasslu għal approċċi differenti għall-MSP. L-istrutturi amministrattivi u s-sistemi legali differenti jagħtu lok għal varjetà ta’ politiki, minn ebda politika jew leġiżlazzjoni sa politiki dwar l-ICZM li jilħqu wkoll il-baħar, u mill-użu parzjali tal-MSP sa applikazzjoni sħiħa tal-MSP fil-baħar territorjali u/jew iż-ŻEE. Hemm ukoll varjazzjonijiet kbar fir-rigward tas-sistema governattiva għall-MSP (ċentrali, awtoritajiet reġjonali u/jew lokali, involviment tal-partijiet interessati, eċċ.).

Hemm xejra ġenerali lejn użu akbar tal-MSP L-iżviluppi bejn l-Istati Membri qed jipproċedu b’ritmi differenti u l-proċessi tal-MSP li qed jirriżultaw x’aktarx li jkunu differenti bejniethom. Dan isaħħaħ il-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-iżvilupp kmieni ta' approċċ jew qafas komuni għall-MSP f'livell tal-UE jkun ta' benefiċċju.

Il-kooperazzjoni transkonfinali hija komponent kruċjali. Qed tkun dejjem aktar użata għall-ewwel darba mill-Istati Membri u fi proġetti li jesploraw il-potenzjal tal-MSP f’baċiri tal-baħar reġjonali. Il-ħtiġijiet li nħolqu minn żviluppi ekonomiċi riċenti bħal proġetti għal "supergrid" tal-elettriku fil-Baħar tat-Tramuntana, kif ukoll l-implimentazzjoni ta' leġiżlazzjoni tal-UE, pereżempju l-miżuri tad-distribuzzjoni spazjali fl-MSFD, jrendu din il-kooperazzjoni ħaġa meħtieġa. Dan, min-naħa l-oħra, isaħħaħ il-każ għal qafas komuni fuq livell tal-UE biex jappoġġa l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membru dwar l-MSP.

Qed iseħħu żviluppi simili f’pajjiżi terzi, pereżempju l-Istati Uniti, il-Kanada u l-Awstralja.

17. Il-livell internazzjonali

L-MSP qed tkun dejjem iktar is-suġġett tal-attenzjoni ta’ fora internazzjonali varji, bħall-UNESCO/IOC, il-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika u l-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar.

Il-konvenzjonijiet reġjonali tal-baħar[6] huma msieħba importanti għall-UE, minħabba l-involviment tagħhom fil-ġestjoni ambjentali internazzjonali tal-baċiri tal-baħar u l-implimentazzjoni tal-MSFD. Xi wħud inkludew ukoll l-MSP fil-qasam tal-ħidma tagħhom[7]. Dawn l-iżviluppi huma f’konformità mal-approċċ tal-Pjan ta’ Tmexxija.

18. KUNTEST ATTWALI FUQ LIVELL TAL-UE

Hemm medda wiesgħa ta' politiki tal-UE li għalihom approċċ komuni fuq livell tal-UE għall-MSP huwa rilevanti u utli.

19. Il-Politika Marittima Integrata tal-UE, l-ispeċifitajiet reġjonali u d-dejta u l-għarfien tal-baħar

Iż-żewġ aspetti li ġejjin tal-implimentazzjoni tal-IMP huma ta’ importanza partikolari għall-MSP.

- Id-diversità fil-baċiri tal-baħar madwar l-UE qanqlet lill-Kummissjoni biex tadotta approċċ tal-baċir tal-baħar reġjonali għall-implimentazzjoni tal-IMP. Eżempji ta’ dan huma l-approċċi reġjonali għall-Artiku[8], il-Mediterran[9], u l-istrateġija makroreġjonali għar-reġjun tal-Baħar Baltiku[10]. Il-ħtieġa li jiġu kkunsidrati l-elementi speċifiċi għal kull baċir tal-baħar hija ugwalment essenzjali għall-MSP.

- L-inizjattiva tal-Kummissjoni dwar l-għarfien u d-dejta tal-baħar timmira[11] sabiex tipprovdi għarfien u dejta tal-baħar li huma kkontrollati għall-kwalità u faċilment aċċessibbli għall-benefiċċju tal-industrija privata, għat-teħid tad-deċiżjonijiet pubbliku u tar-riċerka xjentifika tal-baħar, li kollha huma importanti ħafna għall-iżvilupp tal-MSP.

- Id-Direttiva ta' Qafas dwar l-Istrateġija Marittima (MSFD)

L-MFSD[12] hija l-pilastru ambjentali tal-IMP. Timmira sabiex tikseb u żżomm status ambjentali tajjeb fl-ambjent tal-baħar sal-2020, biex timmaniġja l-attivitajiet umani f’żoni tal-baħar skont l-approċċ tal-ekosistema u tikkontribwixxi lejn l-integrazzjoni tat-tħassib ambjentali f’politiki differenti[13]. Id-Direttiva tispeċifika li l-programm ta’ miżuri li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sal-2015 biex jilħqu dan l-objettiv jista’ jinkludi miżuri spazjali[14], kontrolli dwar id-distribuzzjoni spazjali u temporali u miżuri dwar il-ġestjoni tal-koordinazzjoni[15]. Għalhekk, l-MSP tista’ tkun għodda importanti għall-Istati Membri biex jappoġġaw ċerti aspetti tal-implimentazzjoni tal-MSFD, inkluż fil-kuntest ta’ koordinazzjoni transkonfinali tal-istrateġiji tal-baħar. Kemm l-MSP kif ukoll l-MSFD jiddependu fuq dejta u għarfien ta’ kwalità tajba (ara is-Sezzjoni 3.11). Hemm ukoll rabta bejn il-miżuri spazjali tal-MSFD u l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Għasafar u l-Ħabitats[16] fiż-żoni kostali u tal-baħar.

20. Attivitajiet marittimi Ewropej

Is-sajd huwa wieħed mill-attivitajiet ekonomiċi l-aktar antiki li jseħħu fl-ilmijiet tal-UE. Flimkien ma’ problemi tal-kapaċità żejda tal-flotta, stokkijiet tal-ħut li qed jonqsu u inqas profitt, is-settur tas-sajd qed jiffaċċja wkoll żieda fil-kompetizzjoni għall-ispazju. L-akkwakultura teħtieġ żoni speċifiċi riservati għall-attivitajiet tagħhom. Is-settur tal-qbid jeħtieġ aċċess flessibbli sabiex jirreaġixxi għat-tibdil fix-xejriet tad-distribuzzjoni tal-istokkijiet tal-ħut. Aċċess li huwa definit sew u fit-tul għall-ispazju tal-baħar huwa importanti għaż-żewġ setturi u qafas tal-MSP li jinvolvi lill-partijiet interessati u l-kooperazzjoni transkonfinali huwa essenzjali. Barra minn hekk, l-għarfien tas-sajjieda dwar il-baħar jista’ jkun utli biex isir l-aħjar użu tal-post ta', pereżempju, iż-Żoni Protetti tal-Baħar (MPA) u parks eoliċi, filwaqt li fl-istess ħin il-kostijiet ikunu limitati. Il-ħtieġa li tkun żgurata l-koerenza fil-pjanijiet spazjali bejn iż-żoni tal-baħar tibda tidher fil-kuntest tal-ġestjoni tas-sajd, minħabba l-mobbiltà tar-riżorsa u minħabba li deċiżjonijiet bħal dawn huma meħudin fuq livell tal-UE fil-PKS. Ħtieġa simili għall-koerenza u l-flessibbiltà spazjali tidher ukoll fil-protezzjoni ambjentali tal-baħar, pereżempju fl-indikazzjoni u d-delimitazzjoni tal-MPAs.

L-użu ta’ enerġiji rinnovabbli huwa kruċjali għall-politika tal-UE dwar it-tibdil fil-klima, kif ukoll għal objettivi oħra tal-UE. Id-Direttiva tal-2009 dwar l-enerġija rinnovabbli[17] tistipula mira ta’ sehem ta’ 20 % ta’ sorsi ta’ enerġija bħal dawn sal-2020. Sorsi tal-enerġija rinnovabbli barra mill-kosta, b'mod partikolari enerġija mir-riħ barra mill-kosta, se jkunu kontributuri importanti għal dan. Il-parks eoliċi barra mill-kosta u sorsi oħra ta' enerġija rinnovabbli għandhom ikunu konnessi mal-grid fuq l-art. Il-ħtiġijiet ġodda tal-infrastruttura tal-grid se tkun indirizzata fil-pakkett tal-Infrastruttura tal-Enerġija tal-Kummissjoni li għandu jiġi adottat dalwaqt. Dawn l-istallazzjonijiet se jeħtieġu ammonti sinifikanti ta’ spazju, inklużi f'żoni transkonfinali. Hemm benefiċċji sinifikanti mistennija minn approċċ komuni lejn l-MSP u l-koordinazzjoni transkonfinali tagħha. Ir-riċerka ffinanzjata mill-UE fi ħdan is-7 Programm Kwadru (FP7) hija mmirata lejn l-appoġġ tal-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli barra mill-kosta u l-mixja lejn l-aqwa MSP possibbli.

Xi partijiet tal-ilmijiet ’il barra mill-kosti tal-UE huma sfruttati b’mod intensiv għall-produzzjoni taż-żejt u tal-gass. L-UE għandha interess vitali li tiżgura s-sikurezza tal- attivitajiet barra mill-kosta taż-żejt u tal-gass . L-aċċident Deepwater Horizon qanqal lill-Kummissjoni biex taħseb f'leġiżlazzjoni komprensiva tal-UE dwar il-pjattaformi taż-żejt immirata lejn l-iżgurar tal-ogħla standards tas-sikurezza. Il-Komunikazzjoni tal-2010 dwar is-sikurezza tal-attivitajiet barra mill-Kosta taż-żejt u tal-gass[18] tenfasizza l-fatt li l-awtoritajiet pubbliċi huma responsabbli għall-istabbiliment ta' qafas regolatorju xieraq għall-attivitajiet barra mill-kosta li jqis il-prinċipji tal-MSP.

It-trasport marittimu fl-ilmijiet madwar l-UE huwa intens. L-użu tal-baħar minn skemi tat-trasport marittimu u ta' separazzjoni tat-traffiku huwa rregolat fuq livell internazzjonali, l-aktar minn UNCLOS, il-Konvenzjoni tas-SOLAS u r-Reżoluzzjonijiet tal-IMO. Id-Direttiva 2002/59/KE teħtieġ li l-Istati Membri u l-Kummissjoni jaħdmu flimkien lejn servizzi obbligatorji tat-traffiku marittmu u sistemi xierqa għar-rotot tal-vapuri[19]. L-MSP tista’ tappoġġa dan, filwaqt li tqis passaġġi tat-tbaħħir mifthema f’livell internazzjonali u tal-UE u l-ġestjoni tagħhom, u l-moviment tal-bastimenti li jseħħ barra minn dawn il-passaġġi. Il-vantaġġi ta’ tbaħħir qasir fuq il-baħar (il-prestazzjoni ambjentali u l-enerġija) kienu ta' kuraġġ għall-Kummissjoni biex tippromwovi dan it-tip ta' trasport permezz ta' inizjattivi bħall-"Awtostradi tal-Baħar" u "Spazju tat-trasport marittimu Ewropew mingħajr ostakli"[20]. L-azzjoni taħt dawn l-inizjattivi se teħtieġ il-koordinazzjoni tal-miżuri spazjali relatati.

21. Il-Ġestjoni Integrata taż-Żoni Kostali (ICZM)

L-ICZM timmira lejn qafas ta’ ġestjoni komprensiv għaż-żona kostali sħiħa, inklużi l-politika ambjentali, l-ippjanar spazjali, il-politika industrijali u l-politiki u l-istrumenti l-oħra li għandhom effett fuq reġjuni kostali. L-ICZM tfittex li ttejjeb il-benessri ekonomiku u soċjali taż-żoni kostali u tgħinhom jiżviluppaw il-potenzjal sħiħ tagħhom. Fil-prattika, iffukat aktar fuq l-art u x-xtut fil-viċin immedjat. B’paragun ma' dan, l-MSP iffukat fuq l-allokazzjoni tal-ispazju u l-kisba ta' bilanċ tal-użi spazjali fiż-żoni tal-baħar, għalkemm hemm similaritajiet f’termini tal-involviment tal-partijiet interessati.

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw Rakkomandazzjoni fl-2002[21] li tiddeskrivi b’mod ġenerali l-passi li għandhom jittieħdu mill-Istati Membri biex jiżviluppaw strateġiji nazzjonali tal-ICZM. L-UE rratifikat il-Protokoll ta' Barċellona dwar l-ICZM għall-Mediterran fl-2010[22].

22. ŻVILUPPI KONĊETTWALI TAL-MSP FUQ LIVELL TAL-UE

Sabiex ikun hemm avvanz fl-iżvilupp konċettwali tal-MSP, il-Kummissjoni bdiet studji dwar aspetti varji tal-MSP:

- Studju fl-2008 dwar l-aspetti legali tal-MSP[23];

- Studju fl-2010 dwar l-effetti ekonomiċi tal-MSP, li kkonkluda li l-effetti ekonomiċi tal-MSP huma spejjeż tat-tranżazzjonijiet imnaqqsa għal attivitajiet marittimi ġodda u klima tal-investiment imtejba[24];

- Studju fl-2010 li ta ħarsa lejn il-potenzjal tal-MSP fil-Mediterran[25].

Barra minn hekk, fl-2009 beda proġett ta’ importanza kbira ta’ riċerka taħt l-FP7 li jimmira lejn il-produzzjoni ta’ għodod integrati ta’ ġestjoni għall-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ żoni mmaniġjati b’mod spazjali.

Barra dan, l-UE se tikkofinanzja żewġ proġetti bi prova dwar l-MSP fil-Baħar Baltiku u fil-Grigal tal-Atlantiku, inklużi l-Baħar tat-Tramuntana u ż-żona tal-Kanal. Kull proġett jinvolvi korpi minn mill-inqas żewġ Stati Membri u jimmira lejn il-gwadann ta’ esperjenza prattika tal-applikazzjoni tal-MSP f'żona transkonfinali[26]. Il-Kummissjoni adottat ukoll proposta għal regolament biex jiġi appoġġat l-iżvilupp ulterjuri ta’ Politika Marittima Integrata, li se jikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-MSP fil-perjodu 2011-2013; b'mod aktar preċiż jipproponi aktar proġetti ta' prova dwar MSP transkonfinali għal żoni marittimi magħżula[27].

Fl-aħħar nett, diversi programmi INTERREG[28] jinkludu komponenti importanti tal-MSP. Il-programm LIFE jappoġġa miżuri ta' ġestjoni spazjali, fil-kuntest tan-netwerk Natura 2000 u l-applikazzjoni ta' approċċ tal-ekosistema fl-implimentazzjoni tal-MSFD. Dawn il-proġetti huma essenzjali biex ikun żgurat l-iżvilupp tal-aqwa prassi u esperjenzi fl-MSP f'kuntest transkonfinali.

23. KONKLUżJONIJIET U PROSPETTIVI GħALL-ġEJJIENI

Il-Kummissjoni toħroġ tliet konklużjonijiet mill-esperjenza miksuba dwar l-MSP minn meta ġiet varata l-IMP tal-UE u l-Komunikazzjoni dwar il-Pjan ta' Tmexxija dwar l-MSP:

- Il-proċess ta’ konsultazzjoni li ġie wara l-Pjan ta’ Tmexxija wera qbil mifrux dwar il-ħtieġa ta’ approċċ komuni dwar l-MSP u kkonferma interess lejn aktar żvilupp tal-MSP fuq livell tal-UE għar-raġunijiet spjegati fil-Kapitolu 2.

- L-iżvilupp tal-proċessi tal-MSP mill-Istati Membri qed iseħħ, imma fuq bażi ad hoc , permezz ta’ mogħdijiet u skedi ta' żmien differenti. Approċċ komuni aktar koerenti jtejjeb b’mod sinifikanti l-valur potenzjali tal-MSP għall-UE kollha, kif ukoll f’kuntest tal-baċiri tal-baħar.

- Il-ħtieġa li qed tiżdied għal ippjanar koordinat tal-baċiri tal-baħar, kemm fil-kuntest ta' żviluppi ekonomiċi attwali kif ukoll fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-politiki u l-leġiżlazzjoni tal-UE, tibbenifika b'mod qawwi mill-MSP, peress li din il-politika tistabbilixxi parametri li jiffaċilitaw il-kooperazzjoni transkonfinali dwar l-MSP bejn l-Istati Membri.

Fid-dawl ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-Kummissjoni tara ħtieġa ċara għal ħidma kontinwa lejn approċċ komuni għall-MSP kif ukoll żieda fil-valur f’din il-ħidma. Aktar azzjoni dwar l-MSP fuq livell tal-UE għandha tkun ibbażata fuq l-esperjenza sinifikanti li nġabret fl-Istati Membri, kif ukoll fil-fora internazzjonali u f'pajjiżi terzi. Il-Kummissjoni temmen ukoll li l-valur miżjud importanti ta’ aktar azzjoni dwar l-MSP fuq livell tal-UE jinsab fl-iffukar fuq l-aspetti transkonfinali u l-istabbiliment ta’ qafas komuni orjentat lejn il-proċess li fih l-Istati Membri jistgħu iwettqu l-MSP b'mod ottimali. Għalhekk, il-Kummissjoni se tipproponi aktar azzjoni dawr l-MSP fl-2011.

Kull azzjoni ulterjuri dwar l-MSP fuq livell tal-UE għandha tkun żviluppata b’koordinazzjoni sħiħa mal-politiki u l-inizjattivi futuri u attwali u b'appoġġ għalihom fil-qasam tal-politika marittima, inklużi b’mod partikolari l-implimentazzjoni tal-MFSD u l-iżviluppi futuri tal-ICZM bir-rispett sħiħ tal-kompetenzi u l-ġurisdizzjonijiet eżistenti tal-awtoritajiet rilevanti.

Biex tkun determinata t-triq ’il quddiem, il-Kummissjoni varat valutazzjoni tal-impatt, inkluża konsultazzjoni pubblika, biex tesplora medda ta’ alternattivi biex tippromwovi u tiżviluppa aktar l-MSP, flimkien ma’ alternattivi biex tiżviluppa aktar l-ICZM filwaqt li tqis politiki oħra tal-UE. Din il-medda ta’ alternattivi, fil-prinċipju, se tkopri:

- Alternattivi mhux vinkolanti, bħall-iskambju tal-aqwa prassi, proġetti transkonfinali, studji u riċerka, linji gwida u/jew rakkomandazzjonijiet.

- Alternattivi leġiżlattivi għall-istabbiliment ta’ approċċ komuni u kooperazzjoni transkonfinali fuq bażi legali soda, filwaqt li l-implimentazzjoni tibqa' f'idejn l-Istati Membri.

- [pic][pic][pic]

[1] Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni "Politika Marittima Integrata għall-Unjoni Ewropea", COM(2007)575 tal-10.10.2007 u SEC(2007) 1278 tal-10.10.2007.

[2] COM(2008) 791 finali tal-25.11.2008

[3] Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Ewropa 2020 – Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv" COM(2010) 2020 tat-3.3.2010.

[4] http://ec.europa.eu/maritimeaffairs/emodnet_en.html

[5] COM (2008) 534 finali dwar strateġija tal-UE għar-riċerka tal-baħar u dik marittima

[6] L-aktar il-Konvenzjoni OSPAR għat-Tramuntana tal-Atlantiku, il-Konvenzjoni ta’ Ħelsinki (HELCOM) għall-Baħar Baltiku, il-Konvenzjoni ta’ Barċellona għall-Baħar Mediterran u l-Konvenzjoni ta’ Bukarest għall-Baħar Baltiku.

[7] http://www.helcom.fi/Recommendations/en_GB/rec28E_9/

[8] Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni "L-Unjoni Ewropea u r-reġjun tal-Artiku", COM(2008) 763 finali tal-20.11.2008

[9] Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni "Lejn Politika Marittima Integrata għal governanza aħjar fil-Mediterran", COM(2009) 466 finali tal-11.9.2009

[10] Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Soċjali u Ekonomiku Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni dwar L-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku, COM(2009) 248 finali, SEC(2009) 712

[11] Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni "Għarfien dwar Il-Baħar 2020. Dejta u osservazzjoni tal-baħar għat-tkabbir intelliġenti u sostenibbli" COM(2010) 461 finali tad-9.9.2010

[12] Id-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2008 li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika tal-Ambjent Marin [tal-Baħar], ĠU L 164, tal-25.6.2008

[13] L-Artikolu 1 ta' l-MSFD

[14] L-Artikolu 13(4) tal-MSFD

[15] L-Anness VI tal-MSFD

[16] Id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, ĠU L206, 22.7.1992, u d-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-Konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi, GU L 20, 26.1.2010

[17] Id-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE, ĠU L 140, 5.6.2009

[18] Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni "Niffaċċjaw l-isfida tal-attivitajiet barra mill-kosta taż-żejt u tal-gass" [Traduzzjoni mhux uffiċjali], COM(2010) 560 finali tat-12.10.2010

[19] Id-Direttiva 2002/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ġunju 2002 li tistabbilixxi sistema għall-monitoraġġ u l-informazzjoni dwar it-traffiku tal-bastimenti fil-Komunità u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/75/KEE ĠU L 208, 5.8.2002

[20] Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2010/65/UE tal-20 ta’ Ottubru 2010 dwar il-formalitajiet ta’ rappurtar għal bastimenti li jaslu fi u/jew jitilqu minn portijiet tal-Istati Membri u li tħassar id-Direttiva 2002/6/KE

[21] Ir-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2002 dwar l-implimentazzjoni tal-Ġestjoni Integrata taż-Żoni Kostali fl-Ewropa [Traduzzjoni mhux uffiċjali] 2002/413/KE, ĠU L 148, 6.6.2002

[22] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Settembru 2010 (2010/631/UE)

[23] http://ec.europa.eu/maritimeaffairs/spatial_planning_en.html#6

[24] http://ec.europa.eu/maritimeaffairs/study_msp_en.html

[25] http://ec.europa.eu/maritimeaffairs/spatial_planning_en.html

[26] http://ec.europa.eu/maritimeaffairs/call_proposals_tenders_en.html

[27] Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Programm biex jiġi appoġġat l-iżvilupp ulterjuri ta’ Politika Marittima Integrata, COM(2010) 494 finali, 29.9.2010.

[28] http://www.plancoast.eu/files/baltcoast_final_report.pdf; http://www.balance-eu.org; http://www.plancoast.eu/; http://www.baltseaplan.eu