52010DC0742




[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 14.12.2010

KUMM(2010) 742 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL

dwar l-iskema tat-tassazzjoni "dazji tal-baċir" applikata fid-dipartimenti Franċiżi extra Ewropej

SEG(2010) 1558 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL

dwar l-iskema tat-tassazzjoni "dazji tal-baċir" applikata fid-dipartimenti Franċiżi extra Ewropej

SFOND

Id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li japplikaw għar-reġjuni l-aktar imbiegħda tal-Unjoni, li minnhom jagħmlu parti l-erba' dipartimenti Franċiżi extra Ewropej (DOM), fil-prinċipju ma jawtorrizzaw l-ebda differenza fid-DOM bejn il-prodotti lokali u dawk li ġejjin minn Franza Metropolitana jew minn Stati Membri oħra. L-Artikolu 349 tat-TFUE (dak li qabel kien l-Artikolu 299(2) tat-Trattat KE) jipprevedi l-possibbiltà li jiġu introdotti miżuri speċifiċi favur dawk ir-reġjuni minħabba l-eżistenza ta' żvantaġġi permanenti li għandhom effett fuq is-sitwazzjoni ekonomika u soċjali tar-reġjuni l-iktar imbiegħda.

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/162/KE tal-10 ta' Frar 2004, adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 299(2), tat-Trattat KE, tawtorizza lil Franza biex tipprevedi, sal-1 ta' Lulju 2014, eżenzjonijiet jew tnaqqis tad-"dazji tal-baċir" għal ċerti prodotti li huma mmanifatturati fid-DOM. L-Anness tad-deċiżjoni imsemmija hawn fuq tipprovdi lista ta' prodotti li għalihom jistgħu japplikaw l-eżenzjonijiet jew it-tnaqqis tat-tassazzjoni. Skont il-prodotti, id-differenza ta' tassazzjoni bejn il-prodotti mmanifatturati lokalment u l-prodotti l-oħra ma tistax tkun iktar minn 10, 20 jew 30 punt ta' persentaġġ.

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-10 ta' Frar 2004 tippreżenta r-raġunijiet li mmotivaw l-adozzjoni tal-miżuri speċifiċi: l-iżolament, id-dipendenza fir-rigward tal-materja prima u tal-enerġija, l-obbligu li jżiedu l-istokkijiet, id-daqs żgħir tas-suq lokali u l-livell baxx tal-attività ta' esportazzjoni eċċ. Dawn l-iżvantaġġi kollha ġabu żieda tal-ispejjeż ta' produzzjoni u b'hekk tal-prezz ta' kemm iqumu l-oġġetti mmanifatturati lokalment li, fin-nuqqas ta' miżuri speċifiċi, se jkunu inqas kompetittivi minn dawk li ġejjin minn barra, anke b'kunsiderazzjoni tal-ispejjeż ta' trasport lejn id-DOM. Dan se jagħmliha iktar diffiċli biex tinżamm il-produzzjoni lokali. Għalhekk, il-miżuri speċifiċi li jinsabu fid-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-10 ta' Frar 2004 inħolqu biex isaħħu l-industrija lokali.

L-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-10 ta' Frar 2004 jipprovdi li l-awtoritajiet Franċiżi jippreżentaw lill-Kummissjoni, għall-31 ta' Lulju 2008, rapport dwar l-applikazzjoni tal-iskema ta' tassazzjoni prevista minn din id-deċiżjoni, sabiex jivverifika l-effett tal-miżuri meħuda u l-kontribuzzjoni tagħhom għall-promozzjoni jew għaż-żamma tal-attivitajiet ekonomiċi lokali, b'kunsiderazzjoni tal-iżvantaġġi li jbagħtu minnhom ir-reġjuni l-iktar imbiegħda. Fuq il-bażi ta' dan ir-rapport, il-Kummissjoni tippreżenta lill-Kunsill rapport li jinkludi analiżi ekonomika u soċjali kompluta u, fejn xieraq, proposta maħsuba biex tadatta d-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni tal-10 ta' Frar 2004.

Fil-31 ta' Lulju 2008, l-awtoritajiet Franċiżi indirizzaw ir-rapport previst lill-Kummissjoni. Ġie indirizzat suppliment fit-22 ta' Diċembru 2008 u informazzjoni ġdida mitluba mill-Kummissjoni fis-16 ta' April 2009, ġew indirizzati lilha fis-16 ta' April 2010. Dawn id-dokumenti jidhru (bil-Franċiż biss) f'dokument ta' ħidma tas-servizzi tal-Kummissjoni li huwa distint minn dan ir-rapport.

Ir-rapport indirizzat mill-awtoritajiet Franċiżi jinkludi talba maħsuba biex tadatta, għall-Gujana Franċiża, il-lista tal-prodotti li tista' tkun soġġetta għal tassazzjoni differenzjata. Din it-talba, li fil-bidu kienet tikkonċerna madwar 80 prodotti, kienet sussegwentement irfinuta u, il-forma finali tagħha tas-16 ta' April 2010 tikkonċerna biss 64 prodott.

L-ELEMENTI PRINċIPALI LI JINSABU FIR-RAPPORT TAL-AWTORITAJIET FRANċIżI

Wara li fakkar l-istadji tal-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-2004 fid-DOM, ir-rapport l-ewwel iqis li l-iskema ta' tassazzjoni differenzjata għad-dazji tal-baċir ma tikkostitwix ostaklu għall-iskambji mad-DOM peress li l-fluss ta' importazzjoni f'kull wieħed mill-erba' DOM baqa' jżid mill-2004 għall-prodotti li huma soġġetti għal tassazzjoni differenzjata. Din it-tassazzjoni differenzjata ma waqfietx il-prodotti kkonċernati li ġejjin minn barra milli jidħlu fid-DOM.

Ir-rapport jindika li, anke jekk l-inflazzjoni hija b'mod globali iżjed minn dik innutata fi Franza metropolitana, dan mhuwiex il-każ fir-rigward tal-prodotti mmanifatturati, li huma l-prodotti l-iktar kkonċernati mit-tassazzjonijiet differenzjati. Ir-rapport ma jitrattax l-influwenza tad-dazji tal-baċir fuq il-livell ġenerali tal-prezzijiet fid-DOM u fuq id-differenza li teżisti bejn dan u l-livell ġenerali tal-prezzijiet fi Franza metropolitana.

Fir-rigward tal-aspett relattiv mal-għajnuna lill-impriżi, ir-rapport iqis li huwa diffiċli, b'kunsiderazzjoni tal-eżistenza ta' għajnuniet oħra reġjonali favur l-impriżi fid-DOM, li jingħata numru preċiż lill-impatt tat-tassazzjonijiet differenzjati. Ir-rapport jikkonkludu dwar dan il-punt li l-iskema ta' tassazzjoni differenzjata għad-dazji tal-baċir tikkostitwixxi għodda indispensabbli għall-bilanċ tal-profitabbiltà u s-sopprovivenza ta' diversi attivitajiet ta' produzzjoni tad-DOM. Barra minn hekk, ir-rapport jinnota li, anke b'kunsiderazzjoni tal-għajnuniet kollha rċevuti, l-impriżi tad-DOM, ħlief dawk li huma l-ikbar, dejjem ikollhom riżultat nett inqas minn 2 punti għal dak tal-impriżi ta' Franza metropolitana. Għall-impriżi l-iktar kbar, it-tassazzjonijiet differenzjati għad-dazji tal-baċir jgħinu biex iħeġġu lil dawn l-impriżi biex jinvestu, u dan ikkontribwixxa u għadu jikkontribwixxi għaż-żamma taż-żieda tal-ekonomija tad-DOM.

Fir-rigward tad-dħul li ġie mid-dazji tal-baċir, fl-2006 dan żdied għal madwar EUR 923 miljuni, li 95% minnhom ġew minn dazji tal-baċir fuq "l-importazzjonijiet". Ir-rapport jagħti indikazzjonijiet dwar il-mod kif intużaw il-fondi li ġejjin mid-dazji tal-baċir.

Fir-suppliment tar-rapport irċevut f'Diċembru 2008, l-awtoritajiet Franċiżi aġġornaw l-elementi li ġew kkomunikati qabel permezz taċ-ċifri tas-sena 2007. L-ammont tad-dħul li ġej mid-dazji tal-baċir żdied minn EUR 923 għal EUR 957 miljuni. Il-parti tad-dħul użata għall-finanzjament tal-investimenti fid-DOM laħqet il-31%. Id-differenzjali tat-tassazzjoni ma waqfux it-tkabbir tal-importazzjonijiet, anke jekk it-tkabbir ma kienx wieħed kbir, ħlief fir-rigward tal-Gwadelup.

Is-sehem tal-produzzjoni fid-domanda interna tad-DOM tvarja, skont id-DOM, bejn 29,1% għall-Gujana Franċiża u 36,7% għall-Martinique. Iċ-ċifri pprovduti ma jagħmlux differenza bejn il-prodotti li jibbenefikaw minn tassazzjoni diffrenzjata għal dazji tal-baċir u dawk le.

Fir-rigward tal-impjieg, is-suppliment tar-rapport jindika li ma kienx possibbli f'dan l-istadju li jiġu kkwantifikati l-effetti tat-tassazzjoni differenzjata għal dazji tal-baċir fuq l-impjieg fl-impriżi li jipproduċu prodotti bħal dawn. Madankollu ir-rapport jipprovdi dejta globali dwar il-qgħad u l-impjiegi mħallsa fid-DOM.

Fir-rigward tal-prezzijiet, l-istess suppliment jindika li l-istatistiċi disponibbli ma jistgħux jiddeterminaw l-impatt tad-dazji tal-baċir fuq il-livell ġenerali tal-prezzijiet tal-prodotti li huma soġġetti għal tassazzjoni differenzjata jew fuq il-livell ta' inflazzjoni fid-DOM. Hija disponibbli biss id-dejta li tikkonċerna l-iżvilupp tal-prezzijiet tal-prodotti (bi jew mingħajr tassazzjoni differenzjata). L-indikazzjonijiet ipprovduti jaslu għall-konklużjonijiet differenti skont id-DOM.

Fl-aħħar, is-suppliment tar-rapport għandu ġustifikazzjonijiet supplimentari dwar it-talba maħsuba biex tadatta, għall-Gujana Franċiża, il-lista tal-prodotti li tista' tkun soġġetta għal tassazzjoni differenzjata.

Bl-ittra tal-15 ta' April 2009, is-servizzi tal-Kummissjoni infurmaw l-awtoritajiet Franċiżi li l-informazzjoni pprovduta ma kinitx biżżejjed biex jiġu vvalutati l-effetti reali tad-differenzjali tat-tassazzjoni fuq l-attività tad-DOM. Barra minn hekk, l-awtoritajiet Franċiżi ġew mitluba biex jipprovdu, għal kull DOM u għal kull kategorija tal-prodotti li huma soġġetti, għad-DOM ikkonċernat, għal differenzjal tat-tassazzjoni għad-dazji tal-baċir, evalwazzjoni tal-impatt tal-iskema f'termini ta' żamma jew ta' promozzjoni ta' attivitajiet lokali u tal-kundizzjonijiet tal-iskambji.

Fis-16 ta' April 2010, l-awtoritajiet Franċiżi indirizzaw lill-Kummissjoni t-tabelli differenti li fihom, għal kull 32 kategorija kbira ta' prodotti li jibbenefikaw minn differenzjal ta' tassazzjoni għad-dazji tal-baċir, informazzjoni relattiva mal-ammont ta' għajnuna rċevuta mill-impriżi kkonċernati, il-profitt jew it-telf li sar minn dawn l-impriżi, in-numru tal-impjegati, is-sehem tal-prodotti mmanifatturati lokalment fil-bejgħ totali ta' dawn il-prodotti kif ukoll il-progress tal-esportazzjonijiet.

Madankollu, l-awtoritajiet Franċiżi mmodifikaw it-talba tagħhom dwar il-Gujana Franċiża, li issa tirreferi biss għal 64 prodott u tipprovdi diversi preċiżjonijiet mitluba lill-awtoritajiet Franċiżi mill-Kummissjoni fl-ittra tagħha tal-15 ta' April 2009.

L-ANALIżI TAL-KUMMISSJONI

Il-Kummissjoni jiddispjaċiha li l-awtoritajiet Franċiżi mhumiex kapaċi jipprovdu, minn Lulju 2008 kif jipprevedi l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-10 ta' Frar 2004, evalwazzjoni preċiża tal-impatt, għal kull kategorija tal-prodotti li jibbenefikaw minn differenzjal tat-tassazzjoni għad-dazji tal-baċir, tal-miżuri meħuda u tal-kontribuzzjoni tagħhom għall-promozzjoni u ż-żamma tal-attivitajiet ekonomiċi lokali. Il-fatt li dan l-istudju sar tard dewwem l-għotja tal-informazzjoni lill-Kummissjoni u għalhekk din l-informazzjoni xi drabi hija frammentata u xi drabi oħra limitata ħafna, jew anke mhux eżistenti.

B'kunsiderazzjoni tad-data ta' preżentazzjoni tar-rapport tal-awtoritajiet Franċiżi (Lulju 2008), huwa diffiċli li wieħed jeżamina, fuq perjodu twil, l-impatt tat-tassazzjoni differenzjata applikata skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-10 ta' Frar 2004. Id-dejta għas-sena 2004 ma kinitx ipprovduta mill-awtoritajiet Franċiżi peress li d-Deċiżjoni 2004/162/KE hija applikabbli mill-1 ta' Awwissu 2004 u li l-iskema ta' dazji tal-baċir applikabbli qabel dik id-data ma tikkoinċidix neċessarjament ma' dik applikabbli f'dik l-istess data. Għalhekk, id-dejta dwar is-sena 2004 kienet iktar diffiċli biex tiġi użata.

B'kunsiderazzjoni ta' dawn l-elementi kollha, il-Kummissjoni mhijiex kapaċi tippreżenta rapport li għandu, kif jipprevedi l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni tal-10 ta' Frar 2004, "analiżi ekonomika kompluta". Peress li l-Kummissjoni hija dipendenti ħafna fuq l-informazzjoni pprovduta minn Franza u m'għandhiex mezzi oħra kif tiġbor iktar informazzjoni, hi tista' biss twettaq analiżi fuq il-bażi tal-informazzjoni rċevuta. Dawn il-konklużjonijiet li ġejjin jistgħu jittieħdu mill-informazzjoni pprovduta.

Id-DOM għadhom affettwati minn żvantaġġi

Minkejja li r-rapport tal-awtoritajiet Franċiżi ma jagħtix dettalji dwar dan il-punt, huwa evidenti li għad hemm l-iżvantaġġi mġarrba mill-prodotti tad-DOM li ġġustifikaw id-Deċiżjoni tal-10 ta' Frar 2004, u li huma msemmija hawn fuq. Dawn huma żvantaġġi strutturali marbuta mal-iżolament u l-insularità tad-DOM, bl-implikazzjonijiet kollha li għandhom fir-rigward ta' spejjeż għoljin għall-produzzjonijiet lokali.

Il-konsegwenzi tal-applikazzjoni ta' tassazzjoni differenzjata fuq il-prodotti li huma soġġetti għal dazji tal-baċir

Informazzjoni frammentata biss setgħet tinkiseb dwar l-impatt tat-tassazzjoni differenzjata fuq iż-żieda u l-impjieg f'kull settur ikkunsidrat. Fir-rigward tal-impjieg, in-numru ta' impjiegi fis-setturi li jibbenefikaw minn differenzjal tat-tassazzjoni għad-dazji tal-baċir ma mbidilx bejn l-2005 u l-2007. Fil-Gwadelup, l-impjieg naqas b'iktar minn 1000 impjieg, l-iktar fis-setturi tal-bhejjem u tas-sajd. Fil-Martinique l-impjieg baqa' kważi stabbli għall-istess impriżi u waqt l-istess perjodu. Għar-Réunion, iċ-ċifri pprovduti ma jippermettux id-determinazzjoni tal-progress.

L-informazzjoni kkomunikata tipprovdu wkoll tagħrif dwar il-progress tal-profitti li sar mill-impriżi li l-prodotti tagħhom huma mmanifatturati lokalment. Madankollu, l-informazzjoni hija frammentata u, skont is-setturi, tasal għall-konklużjonijiet kuntrastanti għal kollox. Barra minn hekk, huwa evidenti li l-livell ta' profitt mill-impriżi ma jirriżultax biss mill-eżistenza jew le ta' tassazzjoni differenzjata għad-dazji tal-baċir.

Fir-rigward tal-ishma tas-suq okkupati mill-prodotti lokali li jibbenefikaw minn differenzjal tat-tassazzjoni għal dazji tal-baċir fir-rigward ta' prodotti li ġejjin barra mid-DOM, l-eżaminazzjoni tad-dejta kkomunikata fis-16 ta' April 2010 tqis l-eżistenza ta' sitwazzjonijiet differenti ħafna. Hemm prodotti li għalihom, minkejja l-eżistenza ta' tassazzjoni differenzjata għal dazji tal-baċir, is-sehem fis-suq meħud mill-prodotti lokali jibqa' dgħajjef jew dgħajjef ħafna. F'każijiet oħra, id-differenzjal ta' tassazzjoni għal dazji tal-baċir jippermetti l-prodotti lokali li jokkupaw sehem fis-suq bejn wieħed u ieħor ekwivalenti għal dak meħud mill-prodotti li ġejjin barra mid-DOM. Dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet huma l-iktar frekwenti, u dan jaqbel mal-indikazzjonijiet li jinsabu fir-rapport inizjali tal-31 ta' Lulju 2008 li skont dawn, minkejja l-iskema ta' tassazzjoni differenzjata għal dazji tal-baċir, il-fluss tal-"importazzjoni", f'kull wieħed mill-erba' DOM, tal-prodotti li ġejjin minn barra baqa' jiżdied mill-2004. Madankollu, fir-rigward tal-iskambji mal-pajjiżi AKP, l-importazzjonijiet tal-prodotti li ġejjin minn dawn il-pajjiżi huma affettwati biss b'mod marġinali. In-numru tal-prodotti kkonċernati, l-iktar il-prodotti petroliferi, huwa limitat.

Għall-prodotti l-oħra, l-indikazzjonijiet ipprovduti juru li l-prodotti lokali li huma soġġetti għal tassazzjoni differenzjata jokkupaw kważi t-totalità jew anke t-totalità kollha tas-suq b'tali mod li s-sehem tal-prodotti "impurtati" huwa dgħajjef ħafna, jew anke xi kultant mhux eżistenti. Dan iqajjem kwistjonijiet dwar l-opportunità biex tinżamm tassazzjoni differenzjata f'dawn it-tip ta' sitwazzjonijiet fejn il-prodotti lokali jidhru mal-ewwel daqqa t'għajn li qed jikkompetu mal-prodotti li ġejjin minn barra d-DOM. F'dan l-istadju jidher diffiċli li wieħed jasal għal soluzzjoni definittiva għall-prodotti kollha kkonċernati peress li d-dejta disponibbli għar-rapport tkopri biss tliet snin. Din il-kwistjoni għandha tiġi eżaminata iktar fid-detall jekk l-awtoritajiet Franċiżi jitolbu biex ikompli japplikaw tassazzjoni differenzjata wara Lulju 2014. Madankollu, f'ċerti sitwazzjonijiet jidher li d-Deċiżjoni tal-10 ta' Frar 2004 (ara hawn taħt) għandha tiġi emendata minnufih.

EMENDI TAD-DEċIżJONI TAL-KUNSILL TAL-10 TA' FRAR 2004

L-aħħar paragrafu tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-10 ta' Frar 2004 jipprevedi li r-rapport ippreżentat lill-Kunsill mill-Kummissjoni jista', fejn xieraq, ikun akkumpanjat minn proposta maħsuba biex tadatta d-dispożizzjonijiet tad-deċiżjoni msemmija hawn fuq. Dan hu l-każ. Dan ir-rapport huwa akkumpanjat minn proposta ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar dawn il-punti li ġejjin.

Estensjoni tal-lista ta' prodotti li jistgħu jkunu soġġetti għal tassazzjoni differenzjata għal dazji tal-baċir fil-Guyana Franċiża

L-awtoritajiet Franċiżi diġà kienu talbu fil-passat lill-Kummissjoni biex tippreżenta, fuq il-bażi tal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/162/KE tal-10 ta' Frar 2004, proposta ta' deċiżjoni tal-Kunsill maħsuba biex iżżid, għall-Gujana Franċiża, in-numru tal-prodotti li jistgħu jkunu soġġetti għal tassazzjoni differenzjata għad-dazji tal-baċir. Essenzjalment, din it-talba ma setgħetx tiġi sodisfatta peress li l-ebda waħda mis-sitwazzjonijiet previsti minn din id-dispożizzjoni, jiġifieri l-emerġenza ta' produzzjoni ġdida jew it-theddid għal produzzjoni lokali minn ċerti prattiki kummerċjali. Għal dawk il-prodotti tal-Gujana Franċiża li jaqgħu taħt l-ambitu ta' applikazzjoni ta' dan l-Artikolu 3, il-Kunsill adotta, fid-9 ta' Ġunju 2008, id-Deċiżjoni 2008/439/KE.

L-awtoritajiet Franċiżi rrepetu t-talba tagħhom dwar il-Gujana Franċiża fir-rapport indirizzat lill-Kummissjoni fil-31 ta' Lulju 2008. Fil-forma l-iktar riċenti tagħha, it-talba tirrigwarda 64 żieda jew modifika. Il-proposta tal-Kummissjoni tipprevedi li żżid, għall-Gujana Franċiża, mal-listi differenti ta' prodotti li jistgħu jkunu soġġetti għal tassazzjoni differenzjata, 46 prodott kompletament ġdid u żżid id-differenzjal awtorizzat jew tkabbar l-ambitu ta' applikazzjoni tal-prodotti kkonċernati għal 6 prodotti. Is-46 prodott kompletament ġdid jinkludu 43 prodott li għalihom diġà teżisti produzzjoni lokali u 3 prodotti li għalihom għad ma teżistiex produzzjoni lokali iżda li għalihom jeżistu proġetti konkreti maħsuba biex tinbeda attività ta' produzzjoni eżistenti.

L-emendi differenti proposti lid-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-10 ta' Frar 2004 jinsabu fid-detall fil-proposta tad-Deċiżjoni tal-Kunsill li takkumpanja dan ir-rapport.

L-adattamenti l-oħra li jinsabu fil-proposta.

Permezz tal-eżaminazzjoni tad-dokumenti statistiċi differenti annessi mar-rapport tal-awtoritajiet Franċiżi nstabet il-ħtieġa li jiġu adattati diversi punti tad-Deċiżjoni tal-10 ta' Frar 2004. Dawn l-adattamenti ma jippreġudikawx l-ekonomija ġenerali tad-dispożizzjoni prevista mid-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-10 ta' Frar 2004 li hija applikabbli sal-1 ta' Lulju 2014. Madankollu, f'ċerti sitwazzjonijiet speċifiċi, jidher neċessarju li minn issa tiġi adattata d-deċiżjoni oriġinali sabiex jiġu kkunsidrati ċerti sitwazzjonijiet meqjusa waqt l-eżaminazzjoni tar-rapport ippreżentat mill-awtoritajiet Franċiżi jew bħala riżultat tal-mistoqsijiet li saru. L-adattamenti proposti għandhom diversi raġunijiet.

L-ewwel nett, kien innutat li, mill-2004, tneħħew diversi produzzjonijiet lokali jew li, għall-prodotti oħra, l-awtoritajiet Franċiżi m'għadhomx japplikaw it-tassazzjoni differenzjata għad-dazji tal-baċir minħabba l-fatt li l-produzzjoni lokali issa qiegħda bi prezz ekwivalenti għal dak tal-produzzjoni li ġejja minn barra. Għalhekk m'għadx hemm iktar raġunijiet biex jinżammu dawn il-prodotti fuq il-lista tal-prodotti li għalihom huwa awtorizzat differenzjal tat-tassazzjoni għad-dazji tal-baċir.

Instab ukoll li għal ċertu numru ta' prodotti, id-differenzjal tat-tassazzjoni għad-taxxi portwali effettivament applikat huwa, għal diversi raġunijiet, sinifikament inqas mid-differenzjal massimu tat-tassazzjoni awtorizzat mid-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-10 ta' Frar 2004. Bla dubju, id-dispożizzjoni tal-2004 għandha l-għan li tippermetti lill-awtoritajiet Franċiżi ċerta flessibbiltà fl-istabbilment tad-differenzjali tat-tassazzjoni li huma effettivament applikati u m'hemm l-ebda intenzjoni li titneħħa din il-flessibbiltà. Madankollu, jeżistu sitwazzjonijiet fejn wieħed jista' jinnota differenza kbira bejn id-differenzjal tat-tassazzjoni massimu awtorizzat u d-differenzjal tat-tassazzjoni applikat verament. Kienu għalhekk eżaminati sitwazzjonijiet fejn id-differenzjal tat-tassazzjoni effettivament applikat huwa inqas minn iktar minn għaxar punti ta' perċentwal mid-differenzjal tat-tassazzjoni massimu awtorizzat. F'ċerti każijiet, il-Kummissjoni wasslet għall-konklużjoni li ma kienx hemm għalfejn jinżamm id-differenzjal massimu awtorizzat illum iżda li jeħtieġ li jitnaqqas. Il-proposta tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tippreċiża l-każijiet li huma kkonċernati.

Fl-aħħar, kien innutat li, għal madwar għoxrin prodott li huma soġġetti għal tassazzjoni differenzjata, il-prodotti lokali għandhom kważi t-totalità jew anke t-totalità kollha tas-suq b'tali mod li s-sehem tas-suq tal-prodotti li ġejjin minn barra kien żero (l-ebda "importazzjoni") għas-snin 2005, 2006 u 2007. Kif ġie indikat iktar qabel, il-Kummissjoni għandha dubji dwar il-ħtieġa li tinżamm tassazzjoni differenzjata għal dawn il-prodotti, speċjalment meta teżisti diġà produzzjoni lokali sinifikattiva għall-prodotti kkonċernati, li minn dan wieħed jista' jikkonkludi li l-prodotti mmanifatturati lokalment mhumiex inqas kompetittivi mill-prodotti "impurtati" u dan il-punt għandu jerġà jkun eżaminat, jekk ikun xieraq, mal-iskadenza tad-Deċiżjoni tal-10 ta' Frar 2004. Madankollu, mill-lum, il-Kummissjoni tqis li hemm bżonn, fil-qafas tal-adozzjoni f'nofs terminu, li tipproponi t-tneħħija ta' żewġ prodotti li jinsabu fil-lista A tal-Anness tad-Deċiżjoni tal-10 ta' Frar 2004, li għalihom teżisti produzzjoni lokali sinifikattiva. Għall-Gwadelup, huma kkonċernati ċerti residwi ta' produzzjonijiet alimentari (prodott 2302). Għar-Réunion, huma kkonċernati ċerti residwi mill-manifattura tal-polpa tal-injam (prodott 3804 00).

KONKLUżJONI ġENERALI

L-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Franċiżi ma jagħtux stampa kompluta tal-impatt ekonomiku u soċjali fuq il-produzzjoni lokali fid-DOM tal-applikazzjoni ta' tassazzjoni differenzjata għad-dazji tal-baċir tal-prodotti lokali fir-rigward tal-prodotti li ġejjin minn barra. L-informazzjoni frammentata pprovduta tippermetti għalhekk li jiġi nnutat li l-iskema tat-tassazzjoni differenzjata għad-dazji tal-baċir ppermetit li tinżamm, għall-biċċa l-kbira tal-prodotti kkonċernati, produzzjoni lokali li kapaċi tokkupa sehem pjuttost kbir fis-suq lokali. Huwa probabbli li, mingħajr l-eżistenza ta' din it-tassazzjoni differenzjata, f'ħafna każijiet l-attività lokali ta' produzzjoni ma kinitx setgħet tinżamm, u dan kieku kien ikollu konsegwenzi ekonomiċi u soċjali negattivi.

F'ċerti każijiet fejn il-prodotti lokali għandhom sehem dominanti fis-suq u xi kultant anke kważi s-sehem totali fis-suq, il-Kummissjoni għandha iktar dubji dwar il-ħtieġa li jinżamm differenzjal tat-tassazzjoni. Dawn id-dubji huma ikbar għall-każijiet fejn il-prodotti li ġejjin minn barra huma assenti għal kollox. Jekk ikun xieraq, dan is-suġġett għandu jiġi eżaminat fid-detall fl-aħħar tal-perjodu kopert mid-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-2004. Madankollu, minn issa, il-Kummissjoni qed tipproponi t-tneħħija ta' żewġ prodotti minn lista ta' prodotti li jistgħu jkunu soġġetti għal tassazzjoni differenzjata.

Minkejja li l-kwistjoni tal-metodu dwar kif għandha terġa' tiġi stabbilita l-kompetittività tal-produzzjonijiet lokali fir-rigward tal-prodotti "impurtati" hija essenzjalment tal-awtoritajiet Franċiżi, il-Kummissjoni jiddispjaċiha li r-rapport tal-awtoritajiet Franċiżi m'għandux informazzjoni dwar l-impatt tal-iskema ta' tassazzjoni differenzjata tal-prodotti fuq il-livell ġenerali tal-prezzijiet fid-DOM, u mhux biss fuq l-inflazzjoni, peress li l-għan tat-tassazzjoni differenzjata hu li jbiddel il-kompetizzjoni bejn il-prodotti fuq il-bażi tal-ogħla prezz ta' kemm iqumu l-oġġetti, li huwa dak tal-prodotti mmanifatturati fid-DOM.