52010DC0716

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL, IL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI Rinfurzar tar-reġimi tas-sanzjonar fis-settur tas-servizzi finanzjarji /* KUMM/2010/0716 finali */


[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 8.12.2010

KUMM(2010) 716 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL, IL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Rinfurzar tar-reġimi tas-sanzjonar fis-settur tas-servizzi finanzjarji

{SEG(2010) 1496 finali}{SEG(2010) 1497 finali}

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL, IL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Rinfurzar tar-reġimi tas-sanzjonar fis-settur tas-servizzi finanzjarji

1. INTRODUZZJONI

Sar progress fil-ħidma tal-Unjoni Ewropea għall-kostruzzjoni tas-suq uniku għas-servizzi finanzjarji lejn qafas armonizzat ta’ regoli prudenzjali u regoli ta’ kondotta għall-istituzzjonijiet finanzjarji, li għandhom jiżguraw sikurezza, stabilità u integrità fis-swieq finanzjarji.

Il-kriżi finanzjarja wasslet għad-dubju dwar kemm ir-regoli tas-swieq finanzjarji jiġux rispettati u applikati dejjem kif suppost fl-Unjoni kollha. In-nuqqas ta’ infurzar tar-regoli tal-UE fi Stat Membru jista' jkollu implikazzjonijiet sinifikanti fuq l-istabilità u l-funzjonament tas-sistema finanzjarja fi Stat Membru ieħor. Għalhekk huwa essenzjali li tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti u effettiva tar-regoli tal-UE fl-Istati Membri kollha.

Il-Kummissjoni kienet qed taħdem fuq riforma komprensiva tas-settur finanzjarji li timmira lejn l-iżgurar tas-sodezza u l-istabilità tas-sistema finanzjarja. Partikolarment, ir-riforma reċenti tal-arkitettura superviżorja ser tippermetti monitoraġġ aħjar tas-swieq finanzjarji u tissalvagwardja aħjar l-istabilità, is-sigurtà u l-integrità tas-suq.

Reġimi konverġenti effiċjenti u suffiċjenti tas-sanzjonar huma neċessità għas-sistema superviżorja l-ġdida. Kif rikonoxxut fir-rapport de Larosière: " Superviżjoni ma tistax tkun effikaċi b'reġimi differenti ħafna u dgħajfa tas-sanzjonar. Huwa essenzjali li fl-UE u kullimkien, is-superviżuri jkunu kapaċi jużaw reġimi tas-sanzjonar li jkunu konverġenti biżżejjed, stretti li jirriżultaw f'deterrent" [1].

L-iżgurar tal-applikazzjoni dovuta tar-regoli tal-UE huwa l-ewwel u qabel kollox il-kompitu tal-awtoritajiet nazzjonali li għandhom ir-responsabilità li jipprevjenu l-istituzzjonijiet finanzjarji milli jiksru r-regoli tal-UE, u li jissanzjonaw il-vjolazzjonijiet fil-ġuriżdizzjoni tagħhom. Imma l-awtoritajiet nazzjonali jeħtieġ li jaġixxu b'mod kordinat u integrat. L-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (ASE) ġodda ser iwasslu għal titjibiet fil-kordinazzjoni tal-attivitajiet ta’ infurzar mill-awtoritajiet nazzjonali[2]. Barra minn hekk, infurzar xieraq tal-leġiżlazzjoni tal-UE teħtieġ li l-awtoritajiet nazzjonali kollha jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom setgħat tas-sanzjonijiet xierqa.

F'dan il-kuntest, il-Kunsill ECOFIN il-Kunsill talab lill-Kummissjoni u lit-tliet Kumitati tas-Superviżuri (il-Kumitat tas-Superviżuri Bankarji Ewropej - KSBE, il-Kumitat tas-Superviżuri Ewropej tal-Assigurazzjoni u tal-Pensjonijiet tax-Xogħol – CEIOPS u l-Kumitat tar-Regolaturi Ewropej tat-Titoli – KRET) biex iwettqu eżerċizzju ta’ stima trassettorjali tal-koerenza, ekwivalenza u l-użu reali tas-setgħat tas-sanzjonar fl-Istati Membri, sabiex jgħinu biex jiġi ddeterminat jekk ir-reġimi tas-sanzjonar humiex suffiċjentement ekwivalenti[3]. L-istudji mwettqa mill-Kumitati tas-Superviżuri jkopru s-sanzjonijiet applikati mill-Istati Membri għall-vjolazzjonijiet tar-regoli nazzjonali li jittrasponu wħud mid-direttivi l-aktar importanti tal-UE applikabbli fis-setturi bankarji, tal-assigurazzjoni u tat-titoli[4]. Wara dan l-eżerċizzju[5], il-Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Marzu 2009 u t-2 ta’ Ġunju 2010[6] ħabbru Komunikazzjoni dwar is-sanzjonar fis-settur tas-servizzi finanzjarji biex jippromwovi l-konverġenza tas-sanzjonijiet fil-firxa kollha tal-attivitajiet superviżorji.

Fil-livell internazzjonali, it-tisħiħ tar-reġimi tas-sanzjonar huwa wieħed mill-elementi tar-riforma tas-settur finanzjarju. Fis-samit li sar f'Washington fil-15 ta’ Novembru 2008, il-mexxejja tal-G20 qablu dwar l-implimentazzjoni ta’ Pjan ta’ azzjoni għar-Riforma tas-swieq finanzjarji inkluż azzjonijiet immirati lejn il-protezzjoni tas-swieq u l-investituri mill-kondotta illeċita u lejn l-iżgurar li jkun hemm reġimi tas-sanzjonar adatti[7]. Li jiżdiedu l-infurzar u r-rimedji regolatorji huwa wkoll wieħed mill-għanijiet tar-riforma riċenti tar-regolazzjoni finanzjarja tal-US[8].

Abbażi tal-istudji msemmija tal-Kumitati tas-Superviżuri u d-diskussjonijiet mal-Istati Membri, din il-Komunikazzjoni tippreżenta oqsma għal titjib potenzjali identifikati fl-eżami tar-reġimi nazzjonali tas-sanzjonar, tissuġġerixxi azzjonijiet possibbli mill-UE biex tintlaħaq konverġenza u effiċjenza akbar ta’ dawn ir-reġimi, u tistieden lill-partijiet interessati konċernati kollha biex jikkummentaw dwar l-azzjonijiet proposti.

Abbażi tar-rispons li wasal, li jalimenta d-dibattitu dwar ir-rwol tar-reġimi tas-sanzjonar b'rabta ma' aktar leġiżlazzjoni, u b'segwitu għal valutazzjoni tal-impatt dettaljata tal-kwistjonijiet rilevanti b'rabta mas-sanzjonar, il-Kummissjoni ser tikkunsirda liema proposti jkunu meħtieġa biex jemendaw l-atti leġiżlattivi fil-qasam tas-servizzi finanzjarji[9].

2. REġIMI TAS-SANZJONAR FIS-SETTUR FINANZJARJU

2.1. Kunċetti ewlenin

Din il-Komunikazzjoni tirreferi għar-reġimi ta' sanzjonar bħala l-qafas legali li jkopri s-sanzjonijiet previsti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali għall-vjolazzjonijiet tar-regoli tal-UE dwar is-servizzi finanzjarji (inkluż regoli nazzjonali li jittrasponi d-direttivi tal-UE) mill-istituzzjonijiet finanzjarji u parteċipanti oħra fis-suq, u l-infurzar reali tas-sanzjonijiet.

Is-sanzjonijiet huma parti importanti ta’ kwalunkwe sistema regolatorja. Huma jipprovdu deterrent u jaġixxu ta’ katalizzatur biex tiġi żgurata l-konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE. Fis-settur finanzjarju, reġimi tas-sanzjonar effiċjenti huma element kruċjali tar-reġim superviżorju li għandu jiżgura swieq finanzjarji sodi u stabbli u, finalment, il-protezzjoni tal-konsumaturi u l-investituri. L-ambitu ta’ din il-Komunikazzjoni huwa limitat għas-sanzjonijiet imposti u applikati mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri inkluż il-qrati fil-qasam tas-servizzi finanzjarji. Aktar inċentivi biex jiżguraw konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE jistgħu jiġu pprovduti billi jiġi żgurat li l-konsumaturi jkollhom mezz biex jiksbu rimedju mill-awturi ta' vjolazzjoni kulfejn ikunu ġarrbu dannu. Il-Kummissjoni ser tvara konsultazzjoni pubblika dwar ir-rimedju kollettiv[10], fejn ser tqis ukoll kwistjonijiet marbuta mar-rimendju għall-konsumatur fis-settur tas-servizzi finanzjarji.

Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni sħiħa tad-dritt tal-UE, is-sanzjonijiet irid ikunu effikaċi, proporzjonati u dissważivi. Is-sanzjonijiet jistgħu jitqiesu effikaċi meta dawn ikunu kapaċi jiżguraw konformità mad-dritt tal-UE, proporzjonati meta jirriflettu adegwatement il-gravità tal-vjolazzjoni u ma jmorrux lil hinn minn dak neċessarju għall-ilħuq tal-għanijiet, u dissważivi meta jkunu suffiċjentement serji biex jiskuraġġixxu l-awturi ta’ vjolazzjonijiet milli jirrepetu l-istess kontravenzjoni, u kontraventuri potenzjoni oħra milli jikkommettu tali vjolazzjonijiet.

Jekk is-sanzjonijiet jissodisfawx dawn ir-rekwiżiti, jiddependi minn għadd ta’ fatturi, bħan-natura u l-livell tas-sanzjonijiet dispost mil-liġi, l-arranġamenti istituzzjonali u proċedurali li jirregolaw l-applikazzjoni tagħhom, id-detezzjoni effikaċi tal-vjolazzjonijiet u l-applikazzjoni effettiva tas-sanzjonijiet disposti mil-liġi. Dawn il-fatturi huma parti mir-reġimi tas-sanzjonar kif imsemmi f'din il-Komunikazzjoni.

Ir-regoli tal-UE dwar is-servizzi finanzjarji jirreferu kemm għal "sanzjonijiet amministrattivi" kif ukoll għal "miżuri amministrattivi". Id-distinzjoni bejn miżuri u sanzjonijiet mhijiex ċara: xi azzjonijiet amministrattivi, bħall-irtirar tal-awtorizzazzjoni, jistgħu jitqiesu bħala sanzjoni amministrattiva f'xi Stati Membri u miżura amministrattiva f'oħrajn. Din il-komunikazzjoni tirreferi għal "sanzjonijiet" bħala kunċett wiesa' li jkopri l-firxa kollha ta’ azzjonijiet applikati wara li titwettaq vjolazzjoni, u maħsuba biex jipprevjenu lill-kontraventur kif ukoll il-pubbliku ġenerali milli jwettqu aktar vjolazzjonijiet.

2.2. Il-qafas legali tal-UE

Skont il-qafas legali eżistenti, l-Istati Membri jgawdu awtonomija konsiderevoli f'termini ta’ għażla u applikazzjoni tas-sanzjonijiet nazzjonali. Madankollu, din l-awtonomija għandha tiġi bbilanċata bil-ħtieġa għal applikazzjoni effikaċi u konsistenti tad-dritt Ewropew. Partikolarment, id-Direttivi u Regolamenti Ewropej fis-seħħ bħalissa fil-qasam tas-servizzi finanzjarji essenzjalment fihom erbgħa gruppi ta’ dispożizzjonijiet tas-sanzjonar.

- L-ewwel grupp jittratta l- kordinazzjoni tas-setgħa li jiġu imposti sanzjonijiet bejn bosta Stati Membri li jistgħu jiġu affettwati minn vjolazzjoni – kwistjoni kruċjali fil-kuntest tal-"passaport" u l-eżerċizzju tal-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi u l-libertà tal-istabiliment fis-suq intern[11].

- It-tieni grupp jinkludi obbligu għall-Istati Membri biex jipprovdu għall-applikazzjoni tas-sanzjonijiet u miżuri amminsitrattivi xierqa fejn ir-regoli tal-UE jkunu nkisru, u biex jiżguraw li dawn ikunu effikaċi, proporzjonati u dissważivi[12] . Il-biċċa l-kbira mid-Direttivi eżistenti jipprevedu lista ta’ setgħat li għandhom ikunu disponibbli għall-awtoritajiet nazzjonali, imma mingħajr ma jiddistingwu bejn miżuri investigattivi, preventivi u ripressivi u mingħajr ma jispeċifikaw f'liema każijiet għandhom jintużaw dawk is-setgħat[13].

- It-tielet grupp li jittratta s-sanzjonijiet għal vjolazzjonijiet speċifiċi [14] . Ċerti atti jindikaw sanzjoni partikolari waħda jew aktar, bħall-irtirar tal-awtorizzazzjoni, li l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jimponu f'ċerti ċirkostanzi speċifiċi[15], u f'ċerti każijiet wkoll fejn f'dawn iċ-ċirkostanzi l-awtoritajiet kompetenti jkunu obbligati jimponu dik is-sanzjoni[16].

- Ir-raba' grupp jiddisponi għall- awtoritajiet biex jippubblikaw il-miżuri u sanzjonijiet f'ċerti ċirkostanzi[17].

Il-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE hija ristretta għas-sanzjonijiet u miżuri amministrattivi. L-Istati Membri jistgħu jaqgħżlu li japplikaw sanzjonijiet kriminali.

3. DEFIċENZI TAR-REġIMI EżISTENTI TAS-SANZJONAR

Mill-eżami tar-reġimi tas-sanzjonar imwettaq mill-Kummissjoni b'koperazzjoni mal-Kumitati tas-Superviżuri joħorġu divergenzi bejn l-Istati Membri. Tali diverġenzi jistgħu joriġinaw minn diversi fatturi inkluż id-differenzi fis-sistemi ġuridiċi nazzjonali tal-Istati Membri, rekwiżiti kostituzzjonali, il-funzjonament tal-amministrazzjonijiet nazzjonali u r-rwol tal-qrati (amministrattivi jew kriminali).

Il-mod li bih jitfasslu s-sanzjonijiet f'xi Stati Membri jqajjem il-mistoqsija dwar kemm is-sanzjonijiet ikunu effikaċi bis-sħiħ, proporzjonati u diswassivi. Barra minn hekk, id-diverġenzi jeżistu fil-livell tal-infurzar. F'xi Stati Membri ma ġiet applikata l-ebda sanzjoni għal aktar minn sentejn. Il-Kummissjoni tqis li dan jista' jkun sintomatiku ta’ infurzar dgħajjef tar-regoli tal-UE.

3.1. Diverġenzi u dgħufijiet fir-reġimi nazzjonali tas-sanzjonar

Filwaqt li n-natura u l-grad tagħhom ivarja sa ċertu punt bejn is-settur u bejn l-atti leġiżlattivi tal-UE, ġew identifikati ċerti diverġenzi u dgħufijiet dwar il-kwistjonijiet segwenti[18].

Xi awtoritajiet kompetenti ma għandhomx għad-dispożizzjoni tagħhom tipi importanti ta’ setgħat tas-sanzjonar għal ċerti vjolazzjonijiet

It-tipi ta’ sanzjonijiet ivarja ħafna bejn l-Istati Membri, inkluż għall-istess tip ta’ vjolazzjoni. Ġeneralment, l-awtoritajiet kompetenti ser ikunu biss kapaċi jimponu sanzjoni li tkun ottimali f'termini ta’ effikaċa, proporzjonalità u dissważività, jekk ikollhom firxa wiesgħa ta’ setgħat differenti tas-sanzjonar.

Il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali mhux dejjem jipprevedu ċerti setgħat tas-sanzjonar, bħall-irtirar tal-liċenzji u l-iskwalifika/tkeċċija tal-maniġers, li x'aktar ikunu partikolarment xierqa biex tiġi żgurata d-deterrenza fis-settur finanzjarju.

Pereżempju, f'sitt (6) Stati Membri ma hemm l-ebda possibilità biex tiġi rtirata l-awtorizzazzjoni f'każ ta’ vjolazzjoni tad-Direttiva dwar l-Abbuż tas-Suq. 15-il Stat Membru ma jiddisponux l-iskwalifika/tkeċċija tal-maniġment u/jew il-korp superviżorju f'każijiet li jinvolvu l-manipulazzjoni tas-suq skont din id-Direttiva. Dawk is-setgħat jistgħu jkunu utli biex jiġu ssanzjonati effikaċement il-vjolazzjonijiet, u għalhekk jiġi pprevenut l-abbuż tas-suq.

Twissijiet pubbliċi u pubblikazzjonijiet ta' sanzjonijiet mhumiex previsti fil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali kollha anki minkejja li dawn ikunu ta’ kontribut sinifikanti għall-prevenzjoni ġenerali, billi jaġixxu bħala tfakkiriet tas-sanzjonijiet applikabbli għal ċerti tipi ta’ mġieba u juru li verament jeżisti l-periklu li tali mġieba tinqabad u tiġi punita mill-awtoritajiet. Pereżempju, fl-ambitu tal-MiFID, ħames (5) Stati Membri ma jipprevedux twissijiet pubbliċi u seba' (7) Stati Membri ma jipprevedux il-pubblikazzjoni tas-sanzjonijiet. Fis-settur tal-assigurazzjoni, 14-il awtorità superviżorja biss konsistemenet jippubblikaw is-sanzjonijiet.

Il-livelli tas-sanzjonijiet pekunarji amministrattivi (multi) ivarjaw sew bejn l-Istati Membri u huma baxxi wisq f'xi Stati Membri

Jeżistu diverġenzi importanti dwar il-livell minimu u massimu tas-sanzjonijiet pekunarji previsti fil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali u okkażjonalment il-livell massimu huwa tant baxx li wisq probabbli s-sanzzjonijiet mhumiex dissważivi biżżejjed.

Pereżempju, fis-settur bankarju l-ammont massimu ta’ multi previst għal każ ta’ vjolazzjoni huwa bla limitu jew varjabbli f'sitt (6) Stati Membri, aktar minn miljun (1) euro f'disa' (9) Stati Membri, u anqas minn 150,000 euro f'seba' (7) Stati Membri.

Fis-settur tat-titoli fost it-18-il Stat Membru li jipprevedu multi amministrattivi għall-vjolazzjoni tal-projbizzjoni ta' abbuż minn informazzjoni privileġġata, erba' (4) Stati Membri jipprevedu multi massimi ta’ 200 000 euro jew anqas, filwaqt li 12-il Stat Membru biss jipprevedu multi ta’ miljun (1) euro jew aktar. Fil-każ ta’ vjolazzjonijiet tal-kundizzjonijiet minimi għall-awtorizzazzjoni tad-ditti tal-investiment, 17-il Stat Membru jipprevedu multi massimi ta’ anqas minn miljun (1) euro u f'sitta (6) minnhom l-ammont massimu huwa ta’ 100 000 jew anqas. Fis-settur tal-assigurazzjoni, il-multi huma bla limitu jew jistgħu jilħqu l-miljun (1) euro jew aktar f'10 Stati Membri, huma bejn 100,000 u miljun (1) euro f'seba' (7) Stati Membri, u anqas minn 100,000 euro f'sitt (6) Stati Membri.

Vjolazzjonijiet tal-leġiżlazzjoni tas-servizzi finanzjarji jistgħu jwasslu għal gwadanji ta’ bosta miljuni ta' euro, ħafna aktar mil-livelli massimi tal-multi previsti f'xi Stati Membri[19]. Multa li tkun anqas mill-gwadanji li jkunu mistennija mill-vjolazzjoni wisq probabbli ma jkollhiex wisq effett deterrent. Barra minn hekk, kontraventur potenzjali jista' dejjem jittama li l-vjolazzjoni ma tinqabadx mill-awtoritajiet. Biex jiġi żgurat li multa jkollha effett deterrent suffiċjenti fuq operatur razzjonali fis-suq, il-possibilità li vjolazzjoni tibqa' ma tinqabadx trid titpaċa bl-impożizzjoni ta’ multi li jkunu sinifikament ogħla mill-benefiċċju potenzjali li joriġina minn ksur tal-leġiżlazzjoni tas-servizzi finanzjarji. Fis-settur finanzjarju, fejn għadd kbir ta’ kontraventuri potenzjali huma istituzzjonijiet finanzjarji transfruntieri b'fatturati konsiderevoli sew, sanzjonijiet ta’ ftit eluf ta’ euro ma jistgħux jitqiesu dissważivi biżżejjed.

Xi awtoritajiet kompetenti, meta jindirizzaw sanzjonijiet amministrattivi lil persuni fiżiċi ma jistgħux jindirizzaw sanzjonijiet amministrattivi lil persuni ġuridiċi wkoll

F'ċerti Stati Membri, sanzjonijiet jistgħu jiġu imposti fuq persuni fiżiċi biss jew fuq persuni ġuridiċi biss: għalhekk dawn jiġu ttrattati b'modi differenti fir-rigward ta’ kontravenzjoni speċifika, skont l-Istat Membru fejn tkun twettqet il-kontravenzjoni.

Pereżempju, xi Stati Membri ma jipprevedux l-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet fuq persuni fiżiċi fis-settur tal-assigurazzjoni.

F'din is-sitwazzjoni, persuna fiżika (eż. il-maniġer ta’ bank) li jkun essenzjalment responsabbli minn vjolazzjoni jista' ma jkunx skuraġġit milli jwettaq vjolazzjonijiet ladarba ma jkollu l-ebda riskju li jiġi ssanzjonat għall-kondotta illiċita tiegħu minħabba li s-sanzjonijiet huma applikati biss għall-persuni ġuridiċi (eż. il-bank). Mill-banda l-oħra, meta individwu jwettaq vjolazzjoni għall-benefiċċju ta’ istituzzjoni finanzjarja, sanzjonijiet applikabbli għall-individwu biss jista' ma jkollhomx effett deterrent suffiċjenti fuq l-istituzzjoni finanzjarja. Barra minn hekk, meta vjolazzjoni tkun ir-responsabilità ta’ persuna ġuridika (eż. istituzzjoni finanzjarja kumplessiva), is-sanzjonar ta’ persuni fiżiċi biss (eż. l-impjegati involuti fil-vjolazzjoni) tista' tkun insuffiċjenti biex tinkuraġġixxi tali istituzzjoni finanzjarja tieħu miżuri organizzazzjonali u tipprovdi t-taħriġ neċessarju lill-persunal biex jipprevjeni vjolazzjonijiet.

L-awtoritajiet kompetenti ma jqisux l-istess kriterji fl-applikazzjoni tas-sanzjonijiet

F'bosta setturi, jeżistu diverġenzi dwar il-fatturi li għandhom jiġu kkunsidrati mill-awtoritajiet kompetenti meta jiddeċiedu t-tip ta’ sanzjonijiet amministrattivi u/jew jikkalkolaw l-ammont ta’ sanzjonijiet pekunarji amministrattivi li jridu jiġu applikati f'każ speċifiku. Ċerti fatturi, bħall-benefiċċju li jirriżulta mill-vjolazzjonijiet (fejn kalkolabbli) kif ukoll is-saħħa finanzjarja u l-imġieba koperattiva possibbli tal-awtur ta’ vjolazzjoni, mhux dejjem jitqiesu, meta dawn jistgħu jgħinu jiżguraw l-effikaċa, il-proporzjonalità u d-dissważività tas-sanzjonijiet applikati effettivament.

Pereżempju, għall-vjolazzjoni ta’ abbuż minn informazzjoni privileġġata skont id-Direttiva dwar l-Abbuż tas-Suq, 12-il Stat Membru biss jipprevedu sanzjonijiet li jikkorrispondu tal-anqas għall-benefiċċju derivat mill-vjolazzjoni. Madankollu, multa li ma tkunx konsiderevolment ogħla mill-benefiċċju li jista' jinkiseb minn vjolazzjoni jkollha biss effett dissważiv limitat.

Fis-settur bankarju, 17-il Stat Membru biss iqisu s-saħħa finanzjarja ta’ istitutzzjoni finanzjarja meta jiddeterminaw il-livell ta’ multa imposta fuqha. Ħames (5) Stati Membri biss iqisu dak il-fattur fl-applikazzjoni tal-multi għall-vjolazzjonijiet tad-Direttiva UCITS[20]. Madankollu, kwalunkwe penali imposti jeħtieġ ikollhom effett ekwivalenti fuq l-impriżi kollha tas-servizzi finanzarji. multa fuq livell żgħir, filwaqt li ċarament tkun dissważiva għal ċerti istituzzjonijiet finanzjarji żgħar, ikollha biss effett dissważiv limitat ħafna għall-istituzzjonijiet finanzjarji kbar.

Finalment, il-livell ta’ koperazzjoni tal-kontraventur ma jiġix ikkunsidrat fl-Istati Membri kollha, meta dan jista' jinkuraġġixxi l-kontraventuri jikkoperaw mal-awtoritajiet kompetenti, li huwa importanti biex tiżdied il-kapaċità investigattiva tagħhom. Pereżempju, fis-settur tal-assigurazzjoni, il-koperazzjoni mal-awtoritajiet tiġi kkusidrata fi 18-il Stat Membru biss.

Hemm diverġenza fin-natura (amministrattiva jew kriminali) tas-sanzjonijiet previsti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali

Il-firxa ta’ vjolazzjonijiet li għalihom huma previsti sanzjonijiet amministrattivi jew kriminali fil-leġiżlazzjoni nazzjonali jvarja fl-UE.

Pereżempju, filwaqt li l-Istati Membri kollha jipprevedu sanzjonijiet amministrattivi fil-każ ta’ vjolazzjonijiet tal-MiFID, 13-il Stat Membru biss jipprevedu wkoll sanzjonijiet kriminali.

Soġġett għal analiżi dettajlata każ każ, is-sanzjonijiet kriminali applikabbli għall–aktar vjolazzjoni serja tar-regoli tal-UE dwar is-servizzi finanzjarji jibagħtu messaġġ qawwi ta’ diżapprovazzjoni lill-kontraventuri individwali u jistgħu għalhekk ikollhom effett dissważiv importanti, jekk dawn ikunu applikati kif dovut mis-sistema tal-ġustizzja kriminali.

Il-livell ta’ applikazzjoni tas-sanzjonijiet ivarja bejn l-Istati Membri

Barra milli s-sanzjonijiet xierqa jkunu previsti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, huwa kruċjali għall-effikaċa tar-reġimi tas-sanzjonar li jiġi żgurat li s-sanzjonijiet jiġu effettivament applikati meta tinstab vjolazzjoni jew ikun hemm provi dwarha.

Minkejja li ma hemm l-ebda indikatur sempliċi li jkun kapaċi jkejjel u jikkumpara l-livell tal-applikazzjoni tas-sanzjonijiet fi Stati Membri differenti, tista' tinġabar xi evidenza mill-fatturi tal-input, bħalma huma r-riżorsi ddedikati minn pajjiż fl-applikazzjoni tas-sanzjonijiet, jew il-fatturi tal-awtput bħall-għadd u l-livell tas-sanzjonijiet applikati. Pereżempju, l-għadd ta’ sanzjonijiet applikati fi Stati Membri differenti fl-2007 ivarja bejn 0 għal aktar minn 100, u d-diverġenzi jeżistu wkoll fl-Istati Membri li għandhom setturi finanzjarji bankarji ta' daqs simili. Xi Stati Membri ma applikawx sanzjonijiet għal aktar minn sentejn[21].

Dan jista’ jiġi spjegat minn għadd ta’ fatturi inkluż in-nuqqas ta’ vjolazzjonijiet, imma jidher li x'aktarx dan huwa dovut, parzjalment, għall-fatt li l-vjolazzjonijiet ma kinux qed jinqabdu. Dan jidher aktar probabbli meta wieħed iqis li xi wħud minn dawn l-Istati Membri għandhom settur finanzjarju ta’ ċerta importanza u li Stati Membri oħra li għandhom swieq finanzjarji ta’ daqs simili applikaw bosta sanzjonijiet fl-istess perjodu ta’ sentejn imsemmi.

3.2. Il-konsegwenzi ta’ reġimi tas-sanzjonar diverġenti u dgħajfin

Is-sanzjonijiet previsti mid-dritt nazzjonali fil-każ ta’ vjolazzjonijiet tar-regoli tal-UE dwar is-servizzi finanzjarji, ivarjaw f'aspetti kruċjali tar-reġimi tas-sanzjonar. Dawk id-diverġenzi wasslu għal sitwazzjoni fejn is-sanzjonijiet jidher li mhux dejjem ikunu ottimali f'termini ta’ effikaċa, proporzjonalità u dissważività.

Tassew, meta sanzjonijiet applikati fl-Unjoni kollha ma jkunux stretti biżżejjed jew il-lviell tagħhom ikun partikolarment baxx anki għall-aktar vjolazzjonijiet gravi, ikun hemm riskju għoli li dawn ma jkollhomx effett dissważiv suffiċjenti, minħabba li l-gwadann perċepit mill-imġieba illegali ikun ħafna aktar mir-riskju reali. Barra minn hekk, minħabba li l-effett dissważiv u tal-effikaċa tas-sanzjonijiet jiddependi tal-anqas parzjalment mill-fatt li jiġu pperċepiti li jiġu applikati mill-awtoritajiet kompetenti, li jiġu disposti sanzjonijiet xierqa jkun insuffiċjenti jekk il-vjolazzjonijiet ma jinqabdux u għalhekk is-sanzjonijiet ma jiġux applikati.

Nuqqas ta’ dissważività u applikazzjoni ineffikaċi tas-sanzjonijiet jistgħu jirriżultaw f'nuqqas ta’ konformità mar-regoli tal-UE dwar is-servizzi finanzjarji (bħar-regoli prudenzjali, obbligi ta’ kondotta operazzjonali, obbligi ta’ trasparenza, eċċ.) li jistgħu jżidu r-riskju tal-manipulazzjoni tas-suq u n-nuqqas ta’ trasparenza, u jista' jkun li jwasslu l-istituzzjonijiet finanzjarji biex jieħdu riskji eċċessivi fl-attività tagħhom.

Din is-sitwazzjoni tissogra serjament li tippreġudika l-protezzjoni tal-konsumaturi u l-integrità tas-swieq. Vjolazzjonijiet tar-regoli tal-UE dwar is-servizzi finanzjarji jista' jkun li jikkawżaw ħsarat ekonomiċi gravi għal firxa wiesgħa ta' utenti tas-servizzi finanzjarji u għas-sikurezza u l-integrità tas-swieq finanzjarji, li minnhom innfushom iwasslu għal riperkussjonijiet negattivi fuq l-ekonomija kollha.

Barra minn hekk, id-diverġenzi fir-reġimi tas-sanzjonar jistgħu joħolqu distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fis-Suq Intern . Jekk is-sanzjonijiet applikati fi Stati Membri differenti għal vjolazzjonijiet simili jkunu konsiderevolment differenti, l-istituzzjonijiet finanzjarji tista' tiġihom it-tentazzjoni li jidħlu f'arbitraġġ regolatorju meta jiddeċiedu dwar il-post tal-istabiliment tagħhom jew dwar il-postazzjoni tal-fergħat; sabiex jibbenifikaw mir-reġimi tas-sanzjonar l-anqas stretti. Dan jista' jipprevjeni l-iżvilupp ta’ kuntest ekwu fis-Suq Intern.

Id-defiċenzi identifikati fir-reġimi nazzjonali tas-sanzjonar jistgħu wkoll ikollhom impatt negattiv fuq is-superviżjoni finanzjarja . Arkitettura superviżorja Ewropea ġdida twaqqfet biex tiżgura superviżjoni effikaċi tad-ditti finanzjarji, li teħtieġ koperazzjoni, kordinazzjoni u fiduċja fost is-superviżuri nazzjonali. Madankollu, awtorità superviżorja tista' ma tkunx trid tiddelega setgħat[22] lil awtorità fi Stat Membru ieħor fejn ir-reġim tas-sanzjonar ikun konsiderevolment idgħjef. Jekk is-superviżuri nazzjonali ma jkunux mgħonija b'setgħat ekwivalenti u konsistenti, inkluż setgħat tas-sanzjonar, hemm ir-riskju li d-deċiżjonijiet maqbula ma' kulleġġ ma jiġux applikati b'mod konsistenti mis-superviżuri konċernati.

Fl-aħħar nett, din is-sitwazzjoni tissogra tippreġudika l-kunfidenza fis-settur finanzjarju , fejn il-partijiet interessati, u partikolarment il-konsumaturi jinnutaw li l-imġieba illegali ma tiffaċċax sanzjonijiet xierqa li jkunu kapaċi jiskuraġġixxu aktar vjolazzjonijiet.

4. AZZJONIJIET TA’ POLITIKA SUġġERITI

Fid-dawl ta’ dawk id-defiċenzi, il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li huma neċessarji aktar konverġenza u rinfurzar tar-reġimi tas-sanzjonar biex jiġi pprevenut ir-riskju ta’ funzjonament ħażin tas-swieq finanzjarji u li dawn iġibu benefiċċji importanti. Il-Kummissjoni tqis li dawn l-għanijiet jistgħu jitlaħqu aħjar permezz ta’ azzjoni mill-UE aktar milli permezz ta’ inizjattivi nazzjonali differenti, li ma jkunux suffiċjenti biex tintlaħaq il-konverġenza.

Il-Kummissjoni għalhekk tissuġġerixxi li jiġi stabilit standard minimu komuni fil-livell Ewropew dwar il-materji kruċjali tar-reġimi tas-sanzjonar fis-settur tas-servizzi finanzjarji fejn ġew identifikati defiċenzi.

4.1. Approssimazzjoni minima tar-reġimi nazzjonali tas-sanzjonar

Il-Kummissjoni tqis li tista' tkun neċessarja inizjattiva leġiżlattiva tal-UE li tipprowovi konverġenza u tirrinforza r-reġimi nazzjonali tas-sanzjonar fis-settur tas-servizzi finanzjarji. Dawn l-għanijiet ma jistgħux jintlaħqu suffiċjentement mill-Istati Membri waħedhom: fin-nuqqas ta’ qafas komuni tal-UE, l-inizjattivi nazzjonali ma jistgħux jiżguraw konsistenza fir-rinforzar tar-reġimi tas-sanzjonar. Azzjoni tal-UE għalhekk tidher li hija neċessarja biex tintlaħaq konverġenza suffiċjenti.

Il-Kummissjoni taħseb li inizjattiva leġiżlattiva meħtieġa biex tistabilixxi xi standards minimi komuni li l-Istati Membri għandhom jirrispettaw fit-tfassil tas-sanzjonijiet amministrattivi għal vjolazzjoni tar-regoli tas-servizzi finanzjarji u meta japplikaw dawn is-sanzjonijiet f'dan il-qasam. Tali standards jkunu żviluppati fil-qafas tal-prinċipji bażiċi komuni għas-setturi speċifiċi kollha, li jkunu jiggarantixxu l-koerenza komplessiva ta’ kwalunkwe azzjoni tal-UE f'dan il-qasam, imma li jkunu adattati skont l-ispeċifitajiet tas-setturi differenti u l-atti leġiżlattivi tal-UE fil-qasam tas-servizzi finanzjarji.

Barra minn hekk, l-introduzzjoni ta’ sanzjonijiet kriminali għall-aktar vjolazzjonijiet serji tal-leġiżlazzjoni tas-servizzi finanzjarji tista' tkun prevista jekk u fejn dan jirriżulta essenzjali biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effikaċi ta’ tali leġiżlazzjoni.

L-approċċ leġiżlattiv previst ikun speċifiku għas-settur u strettament limitat għal ċerti elementi tar-reġim tas-sanzjonar[23]. Xi elementi ewlenin ġew identifikati fit-taqsima li ġejja.

4.2. Kwistjonijiet ewlenin għall-approssimizzazzjoni

Abbażi tal-ispeċifiċitajiet ta’ kull settur u att leġiżlattiv fil-qasam tas-servizzi finanzjarji, il-Kummissjoni taħseb li l-approssimizzazzjoni għandha tindirizza tal-anqas il-kwistjonijiet li ġejjin.

- Tipi adegwati ta’ sanzjonijiet amministrattivi għall-vjolazzjonijiet ta’ dispożizzjonijiet kruċjali

Fl-opinjoni tal-Kummissjoni, għal vjolazzjonijiet ta’ kull dispożizzjoni kruċjali ta' att leġiżlattiv tal-UE, li l-konformità magħha tkun essenzjali għall-effikaċja prattika tal-att u għalhekk tal-funzjonament tajjeb tas-swieq finanzjarji, sett ta’ qofol ta’ sanzjonijiet amministrattivi għandhom ikunu disposti fl-Istati Membri kollha. Tali sanzjonijiet għandhom ikunu ta’ natura li tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti biex jimponu f'kull każ speċifiku, sanzjoni li wisq probabbli tkun ottimali f'termini ta’ effikaċa, proporzjonalità u dissważività.

Pereżempju, ordnijiet ta’ waqfien u ebda tkomplija u inġunzjonijiet tal-qrati jew amministrattivi jistgħu ma jkunux utli jekk ikun hemm riskju li ċerti tipi ta’ vjolazzjonijiet jipperpetwaw jew jirrepetu ruħhom. Barra minn dan, l-impożizzjoni ta’ multa xierqa jista' jkollha effett deterrent konsiderevoli għaliex timponi kost fuq l-awtur tal-vjolazzjoni. Irtirar tal-awtorizzazzjoni titsa' tkun xierqa fil-każ ta’ vjolazzjoni rikurrenti ta’ dispożizzjonijiet kruċjali tal-atti leġiżlattivi tal-UE. Is-sostituzzjoni tal-maniġers ta’ istituzzjoni finanzjarja hija sanzjoni li tiġi applikata fil-każijiet ta’ atti gravement ħżiena mill-maniġment.

Barra minn hekk, twissijiet pubbliċi u l-pubblikazzjoni ta’ sanzjonijiet jistgħu jagħtu kontribut sinifikanti lill-prevenzjoni ġenerali tal-vjolazzjonijiet. Ir-reġimi tas-sanzjonijiet ikunu jipprevjenu aħjar kontraventuri potenzjali oħra minn vjolazzjonijiet futuri, jekk dawk ikunu konxji li s-sanzjonijiet previsti fil-liġi jkunu attivament applikati u infurzati u jkun hemm riskju reali li l-vjolazzjonijiet jinqabdu u jiġu ssanzjonati mill-awtoritajiet.

Il-Kummissjoni tissuġġerixxi li jiddaħħlu dispożizzjonijiet koerenti f'kull att leġiżlattiv, li jindika, għal kull waħda mid-dispożizzjonijiet krucjali, tip wieħed jew aktar ta’ sanzjonijiet amministrattivi li jrid ikunu disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri kollha fil-każ ta’ vjolazzjonijiet ta’ dik id-dispożizzjoni. Il-leġiżlazzjoni nazzjonali jkollha tiżgura li dawk it-tipi ta’ sanzjonijiet ikunu jistgħu jiġu imposti kontra l-persuni responsabbli minn tali vjolazzjoni. Il-Kummissjoni tikkunsidra wkoll miżuri possibbli biex jiġi żgurat kollegament xieraq bejn tali sanzjonijiet amministrattivi u kwalunkwe sanzjonijiet kriminali imposti mill-Istati Membri.

- Pubblikazzjoni tas-sanzjonijiet

Il-Kummissjoni taħseb li jeħtieġ li bħala regola l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiddivulgaw lill-pubbliku s-sanzjonijiet imposti. Il-Kummissjoni għalhekk tikkunsidra jekk obbligu ġenerali f'dan is-sens, għandux jiġi introdott u l-eċċezzjonijiet minn dak l-obbligu jkunu limitati aktar, perżempju billi jiġi pprovdut li fejn divulgazzjoni tippreġudika serjament is-swieq finanzjarji, l-awtorità tkun teħtieġ tippubblika s-sanzjonijiet bi kwalunkwe mezz anonimu.

- Livell għoli biżżejjed ta’ multi amministrattivi

Fid-dawl tal-gwadanji kbar li jistgħu jinkisbu mill-vjolazzjonijiet tal-leġiżlazzjoni tas-servizzi finanzjarji, il-livell ta’ kwalunkwe multa disposta mid-dritt nazzjonali għandu jkun suffiċjentement għoli biex jippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali jimponu multi effikaċi, proporzjonati u dissważivi. Sabiex jiġi skuraġġit operatur razzjonali fis-suq milli jikser il-liġi, il-possibilità li vjolazzjoni tibqa' ma tinqabadx għandha tiġi bbilanċata b'multa li tkun tista' raġonevolment titqies li tkun teċċedi l-benefiċċji finanzjarji potenzjali li jistgħu jiġu gwadanjati minn vjolazzjoni, anki fejn dawk il-benefiċċji ma jkunux jistgħu jiġu kkalkolati. Dan isir bis-suppożizzjoni li operatur razzjonali fis-suq iqis il-probabbiltà li jinqabad meta jiddeċiedi jekk iwettaqx kontravenzjoni, u li effettivament mhux il-vjolazzjonijiet kollha jinqabdu.

Barra minn hekk, peress li, skont iċ-ċirkostanzi ta’ kull każ speċifiku, il-livell reali tas-sanzjonijiet imposti spiss huwa anqas mill-massimu previst mil-leġiżlazzjoni, u l-firxa permessa ta' sanzjonijiet ma tiġix dejjem eżerċitata, huwa aktar u aktar importanti li l-livelli ta' limitu jkunu suffiċjentement għolja sabiex tiġi żgurata d-deterrenza għal kwalunkwe tip ta’ vjolazzjoni.

Il-Kummissjoni għalhekk ser tivvaluta jekk jeħtieġx tistabilixxi, għal kull kategorija ta’ multi amministrattivi, livelli minimi li l-Istati Membri jkunu meħtieġa jħarsu meta jistipulaw il-firxa ta’ multi previsti fil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali. Dan il-livell jista' jiġi ddeterminat billi jitqiesu t-tipi ta’ vjolazzjonijiet u l-benefiċċji li jistgħu jkunu mistennija li jiddaħħlu minn vjolazzjoni, sabiex dan il-livell jeċċedi sinifikament tali benefiċċji potenzjali.

- Sanzjonijiet previsti kemm għal individwi kif ukoll għal istituzzjonijiet finanzjarji

Is-sanzjonijiet għandhom ikunu imposti fuq l-individwi responsabbli għal vjolazzjoni u/jew fuq l-istituzzjonijiet finanzjarji li għall-benefiċċju tagħhom dawk l-individwi jkunu qed jaġixxu meta jwettqu ksur. Is-sanzjonar tal-individwi responsabbli għal vjolazzjoni jista' jkun aktar xieraq fejn vjolazzjoni tkun esklussivament ir-responsabilità tagħhom. Mill-banda l-oħra, fejn dak l-individwi jkun parti minn istituzzjoni finanzjarja, l-immultar tal-istituzzjoni finanzjarja spiss ikun xieraq jekk il-persuna responsabbli tkun aġixxiet għall-benefiċċju ta' istituzzjoni finanzjarja. Barra minn hekk dan jista' jħeġġeġ lill-istituzzjoni finanzjarja tieħu miżuri organizzazzjonali u tipprovdi lill-persunal taħriġ neċessarju biex tipprevjeni vjolazzjonijiet.

Il-Kummissjoni tqis li, bla ħsara għall-ispeċifiċitajiet ta’ kull att leġiżlattiv, għandhom ikunu disponibbli sanzjonijiet amministrattivi kontra l-individwu responsabbli u l-istituzzjonijiet finanzjarji li għall-benefiċċju tagħhom ikun aġixxa l-individwu .

Il-Kummissjoni qed tikkunsidra tintroduċi dispożizzjonijiet xierqa li jispeċifikaw li s-sanzjonijiet amministrattivi għandhom ikunu applikabbli għall-persuni kollha responsabbli għal kontravenzjoni[24]. Dan għandu jinkludi l-individwu responsabbli għal vjolazzjoni u/jew fejn dak l-individwu jkun parti minn istituzzjoni finanzjarja, l-istituzzjoni finanzjarja li għall-benefiċċju tagħha jkun aġixxa meta wettaq il-vjolazzjoni.

- Kriterji xierqa biex jitqiesu meta jiġu applikati s-sanzjonijiet

L-effikaċa, il-proporzjonalità u d-dissważività tas-sanzjonijiet jiddependu wkoll mill-fatturi, inkluż ċirkostanzi aggravanti jew mitiganti, meqjusa mill-awtoritajiet kompetenti meta jiddeċiedu dwar is-sanzjonijiet li għandhom jiġu applikati għall-awtur ta’ vjolazzjoni speċifika. Dan jgħodd partikolarment għad-determinazzjoni tal-ammont reali tal-multi, fejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprevedi firxa ta’ ammonti minimi u massimi.

Dawn il-fatturi għandhom jitfasslu b'mod li jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti jadattaw it-tip u l-livell ta' sanzjonijiet imposti għan-natura u l-impatt tal-vjolazzjoni kif ukoll għall-kondizzjonijiet personali tal-kontraventuri, li jgħinu fl-iżgurar ta’ proporzjonalità u dissważività ottimali tas-sanzjonijiet effettivament imposti.

Fl-opinjoni tal-Kummissjoni, barra l-gravità tal-vjolazzjoni li diġà hija prevista kważi fil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali kollha, il-fatturi li għandhom jitqiesu għandhom jinkludu tal-anqas:

- il-benefiċċji finanzjarji għall-awtur tal-kontravenzjoni derivati mill-vjolazzjoni (jekk kalkolabbli), sabiex jiġi rifless aħjar l-impatt tal-vjolazzjoni u jiġu skuraġġiti aktar vjolazzjonijiet;

- is-saħħa finanzjarja tal-awtur tal-vjolazzjoni, kif indikat mill-elementi bħall-fatturat annwali ta’ istituzzjoni finanzjarja jew l-introjtu annwali ta’ persuna responsabbli mill-vjolazzjoni, li jgħinu fl-iżgurar li s-sanzjonijiet ikunu dissważivi biżżejjed anki għal istituzzjonijiet finanzjarji kbar.

- l-imġieba koperattiva tal-awtur tal-vjolazzjoni, li tista' tikkontribwixxi biex tħeġġeġ lill-kontraventuri jikkoperaw u b'dan iżidu l-kapaċità investigatorja tal-awtoritajiet u għalhekk l-effikaċa tas-sanzjonijiet;

- id-durata tal-vjolazzjoni.

Il-Kummissjoni għalhekk qed tikkunsidra proposti biex tintroduċi dispożizzjonijiet li jeħtieġu lill-Istati Membri jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti, meta jiddeterminaw is-sanzjonijiet li jrid jiġu imposti għal vjolazzjoni tal-leġiżlazzjoni tas-servizzi finanzjarji, iqisu, tal-anqas, ċerti kriterji kruċjali komuni.

- Introduzzjoni possibbli ta’ sanzjonijiet kriminali għall-vjolazzjonijiet l-aktar gravi

Sanzjonijiet kriminali, partikolarment priġonerija, ġeneralment jitqiesu li jwasslu messaġġ qawwi ta’ diżapprovazzjoni li jista' jżid id-dissważività tas-sanzjonijiet, sakemm ikunu applikati kif dovut mis-sistema tal-ġustizzja kriminali.

Madankollu, is-sanzjonijiet kriminali jistgħu ma jkunux xierqa għat-tipi kollha ta’ vjolazzjonijiet u għall-każijiet kollha. Priġonerija tista' tkun imposta biss kontra persuni fiżiċi, filwaqt li f'xi Stati Membri multi kriminali jistgħu jiġu imposti fuq persuni ġuridiċi. Mhux it-tipi kollha ta’ vjolazzjonijiet li jokkorru fil-qasam tas-servizzi finanzjarji jistgħu jitqiesu suffiċjentement gravi biex jiggarantixxu sanzjonijiet kriminali.

Id-dritt eżistenti tal-UE dwar is-servizzi finanzjarji huwa mingħajr ħsara għad-dritt tal-Istati Membri li jimponu sanzjonijiet kriminali. Fil-fatt, bosta Stat Membru għandhom sanzjonijiet kriminali fis-seħħ għal ċerti kontravenzjonijiet fis-settur tas-servizzi finanzjarji, partikolarment fil-każ tal-abbuż tas-suq jew tal-abbuż minn informazzjoni privileġġata. Fil-każ tal-manipulazzjoni tas-suq ipprojbita skont id-Direttiva dwar l-Abbuż tas-Suq, żewġ (2) Stati Membri biss ma jiddisponux sanzjonijiet kriminali. F'oqsma oħra sanzzjonijiet kriminali huma previsti f'ħafna anqas Stati Membri. Pereżempju, vjolazzjonijiet tal-kondizzjonijiet inizzjali għall-awtorizzazzjoni ta’ ditta ta’ investiment skont il-MiFID huma punibbli bi priġonerija f'seba' Stati Membri biss.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq u b'konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill ĠAI tat-22 ta’ April 2010 dwar il-prevenzjoni tal-kriżi ekonomika u l-appoġġ għall-attività ekonomika u l-Programm ta' Stokkolma[25], il-Kummissjoni ser tivvaluta jekk u f'liema oqsma l-introduzzjoni ta' sanzjonijiet kriminali, u l-istabiliment ta' regoli minimi dwar id-definizzjoni ta' vjolazzjonijiet kriminali u sanzjonijiet jistgħu jkunu essenzjali sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effikaċi tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-servizzi finanzjarji. Kwalunkwe proposta fil-qasam tad-dritt kriminali għandha timmira li tiżgura koerenza xierqa u konsistenza fis-setturi differenti kollha, partikolarment meta jitqies it-tip u l-livell tas-sanzjonijiet kriminali inklużi fid-direttivi tal-UE.

- Mekkaniżmi xierqa li jappoġġaw l-applikazzjoni effikaċi tas-sanzjonijiet

Sabiex jiġi żgurat reġim tas-sanzjonar effikaċi, proporzjonat u dissważiv, huwa essenzjali li s-sanzjonijiet previsti mill-liġi jkunu applikati effikaċement, li l-vjolazzjonijiet jinqabdu, li l-investigazzjonijiet u l-proċeduri tas-sanzjonar jitwettqu b'espedjenza u li s-sanzjonijiet xierqa jiġu imposti fejn dan ikun meħtieġ.

L-applikazzjoni tas-sanzjonijiet tal-vjolazzjonijiet tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-servizzi finanzjarji hija prinċipalment fir-responsabilità tal-awtoritajiet nazzjonali. Sabiex ikun possibbli għall-awtoritajiet kompetenti biex jinfurzaw effikaċement id-dritt tal-UE, il-qafas legali u istituzzjonali għandu jkun kemm jista' jkun iwassal għad-detezzjoni tal-vjolazzjonijiet u l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet xierqa.

Il-Kummissjoni tfakkar fl-obbligu tal-Istati Membri li jiżguraw, mingħajr ħsara għall-indipendenza tal-ġudikatura, li l-awtoritajiet kompetenti japplikaw is-sanzjonijiet previsti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali b'mod effikaċi. Dak għandu jinkludi, fost l-oħrajn, riżorsi umani u finanzjarji suffiċjenti ddedikati għall-applikazzjoni tas-sanzjonijiet, taħriġ xieraq u għarfien speċjalizzat tal-persuni u l-istituzzjonijiet li jwettqu l-investigazzjonijiet u proċeduri tas-sanzjonar. Il-Kummissjoni tqis li dawn il-kwistjonijiet jistgħu jiġu indirizzati aħjar fil-livell nazzjonali.

Madankollu, il-Kummissjoni taħseb li l-UE tista' tieħu azzjoni biex ittejjeb il-qafas legali li fih joperaw l-awtoritajiet kompetenti, u partikolarment biex jiġi żgurat li l-awtoritajiet nazzjonali kollha jkollhom s-setgħat u l-għodod investigatorji kruċjali neċessarji, jikkoperaw u jikkordinaw l-azzjoni tagħhom b'mod xieraq.

Filwaqt li l-grad ta’ konverġenza b'rabta mas-setgħat u l-għodod investigatorji l-aktar kruċjali abbażi tal-leġiżlazzjoni eżistenti diġà huwa relattivament għoli, għad ma ntlaħqet l-ebda konverġenza dwar, partikolarment, il-mekkaniżmi tal-inkuraġġiment tal-persuni li jkunu jafu bi vjolazzjonijiet potenzjali biex jirrapportaw dawk il-vjolazzjonijiet f'istituzzjoni finanzjarja jew lill-awtoritajiet kompetenti, u tal-inkuraġġiment tal-persuni li jkunu responsabbli minn vjolazzjonijiet potenzjali biex jirrapportaw dawk il-vjolazzjonijiet lill-awtoritajiet kompetenti.

Fl-opinjoni tal-Kummissjoni, jista' jkun utli li jiġi esplorat jekk ikunux jistgħu jiġu introdotti dispożizzjonijiet komuni dwar mekkaniżmi li l-Istati Membri jkollhom idaħħlu fis-seħħ biex jaqbdu aħjar il-vjolazzjonijiet tad-dritt tal-UE, partikolarment dawk li jimmiraw lejn il-protezzjoni tal-persuni (eż. impjegati ta’ istituzzjonijiet finanzjarji) li jiddenunċaw vjolazzjonijiet potenzjali mwettqa minn persuni oħra (ġażi (whistleblowing)) jew lejn li jiddisponu tnaqqis fis-sanzjonijiet applikabbli għall-persuni li jistqarru l-involviment tagħhom fi vjolazzjoni, skont ċerti kundizzjonijiet stretti u ddefiniti b'mod ċar (programmi ta’ klemenza)[26]. Billi l-awtoritajiet kompetenti jitħallew jikxfu vjolazzjonijiet li probabbilment kien ikunu jibqgħu ma jinqabdux, jew li jiġbru aktar evidenza dwar vjolazzjoni, tali mekkaniżmi jkunu jistgħu jikkontribwixxu għal applikazzjoni aktar effikaċi tad-dritt tal-UE, għall-benefiċċju tal-parteċipanti kollha fis-suq finanzjarji.

Fir-rigward tal- koperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti , il-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE diġà pprovdiet obbligu għall-Istati Membri biex jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiġi żgurat li l-awtoritajiet kompetenti jikkoperaw ma' xulxin kull meta jkun neċessarju għall-fini tal-qbid tal-vjolazzjonijiet u l-impożizzjoni ta' sanzjonijiet. Partikolarment, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiskambjaw informazzjoni u jikkoperaw fejn vjolazzjoni jkollha effetti f'aktar minn Stat Membru wieħed.

Il-Kummissjoni temmen li l-ASE l-ġodda ser jiffaċilitaw aktar il-koperazzjoni eżistenti bejn l-awtoritajiet kompetenti, li jgħinu fl-iżgurar ta’ applikazzjoni aktar konsistenti tas-sanzjonijiet u attivitajiet superviżorji aktar effiċjenti. Għal dan il-għan, l-ASE għandhom jużaw is-setgħat tagħhom biex iwettqu eżamijiet bejn il-pari, u jinkludu setgħat ta' sanzjonar bħala qasam ta' prijorità għal dawk l-eżamijiet. Għandhom ukoll jagħmlu użu sħiħ mis-setgħat tagħhom li jiġbru informazzjoni dwar is-sanzjonijiet, sabiex jimmonitorjaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali u jippromwovu l-iskambju ta' informazzjoni u l-aqwa prassi bejn l-Istati Membri. Barra minn hekk, l-ASE għandhom il-possibilità li jsolvu n-nuqqas ta’ qbil bejn l-awtoritajiet nazzjonali, f'ċerti oqsma li jeħtieġu koperazzjoni, kordinazzjoni jew teħid konġunt ta’ deċiżjonijiet mill-awtoritajiet superviżorji minn aktar minn Stat Membru wieħed.

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ser tikkonsidra jekk aktar konverġenza dwar kwisjonijiet speċifiċi oħra, bħar-regoli dwar l-oneru tal-provi, tkunx neċessarja biex jiġi żgurat li s-sanzjonijiet disposti fil-liġi jkunu applikati effikaċement.

5. KONKLUżJONI

Il-kriżi finanzjarja wriet li r-regoli tas-swieq finanzjarji mhux dejjem jiġu rispettati u applikati kif suppost. Dan ippreġudika serjament il-kunfidenza fis-settur finanzjarju. Filwaqt li tirrikonoxxi li reġimi tas-sanzjonar aktar stretti ma jistgħux jirrimedjaw il-problemi kollha marbuta mal-applikazzjoni tar-regoli tal-UE dwar is-servizzi finanzjarji, il-Kummissjoni taħseb li konverġenza akbar u rinfurzar tar-reġimi nazzjonali eżistenti jistgħu jgħinu sinifikantement biex jiġi pprevenut ir-riskju ta’ funzjonament mhux sewwa tas-swieq finanzjarji u jiġi assistit l-iżvilupp ta’ kuntest ekwu fis-Suq Intern.

Il-Kummissjoni tilqa' kummenti mill-Istati Membru u l-partijiet interessati dwar l-analiżi tad-defiċenzi identifikati u l-proposti ta’ politika ssuġġeriti f'din il-Komunikazzjoni. Il-partijiet interessati huma partikolarment mistiedna jindikaw jekk hemmx xi kwistjoni li jaħsbu li ma jkunx xieraq li dwarha jkun hemm aktar approssimizzazzjoni u jekk hemmx oqsma li fihom il-Kummissjoni għandha tqis azzjonijiet addizzjonali.

Il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet interessati kollha biex jibagħtu l-kontribuzzjonijiet tagħhom fi: markt-sanctions-consultation@ec.europa.eu, sad-19 ta’ Frar 2011.

Ir-risponsi rċevuti ser ikunu disponibbli fuq is-sit tal-internet tal-Kummissjoni sakemm ma tintalabx speċifikament il-kunfidenzjalità, u l-Kummissjoni ser tippubblika sommarju tar-riżultati tal-konsultazzjoni.

Il-Kummissjoni ser tqis il-kummenti rċevuti, jekk tiddeċiedi li tagħmel proposti xierqa dwar kif tirrinforza r-reġimi nazzjonali tas-sanzjonar b'mod konsistenti. Kwalunkwe inizjattiva leġiżlattiva futura f'dan il-qasam tiġi akkumpanjata minn valutazzjoni tal-impatt tal-kwistjonijiet rilevanti marbuta mas-sanzjonar.

[1] Rapport tal-Grupp ta’ Livell Għoli dwar is-Superviżjoni Finanzjarja fl-UE ippresedut minn Jacques de Larosière, 25.2.2009, par. 201, mhux tradott għall-Malti.

[2] F'Novembru 2010, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw atti leġiżlattivi li jistabilixxu qafas superviżorju ġdid għar-regolazzjoni finanzjarja fl-Ewropa, inkluż il-ħolqien tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (AETS), l-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE), u l-Awtorità Ewropea dwar l-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (AEAPX), ara COM(2009) 499 finali, COM(2009) 501 u COM(2009) 502. Dawn l-awtoritajiet ser ikollhom setgħat iwettqu analiżijiet bejn il-pari tal-awtoritajiet nazzjonali inkluż is-setgħat tas-sanzjonar u ser jirċievu informazzjoni dwar is-sanzjonijiet applikati mill-awtoritajiet nazzjonali. Dawk is-setgħat jistgħu jintużaw biex tiġi mmonitorjata l-leġiżlazzjoni nazzjonali u jiġi promoss l-iskambju tal-informazzjoni u l-aqwa prassi bejn l-Istati Membri. Ikollhom ukoll is-setgħa li jsolvu tilwimiet bejn l-awtoritajiet nazzjonali, f'xi oqsma li jeħtieġu koperazzjoni, kordinazzjoni jew teħid konġunt ta' deċiżjonijiet minn awtoritajiet superviżorji differenti. Fil-Proposta tagħha dwar l-emenda tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 dwar l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu - COM(2010) 289 - il-Kummissjoni tipproponi wkoll li tinkariga lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq bis-setgħa li tieħu miżuri superviżorji xierqa fil-każ ta’ vjolazzjonijiet tar-Regolament u li titlob lill-Kummissjoni biex timponi multa fuq aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu f'xi każijiet speċifiċi.

[3] Il-Kunsill Ewropew, f'"Il-Programm ta’ Stokkolma – Ewropa miftuħa u sigura għas-servizz u l-protezzjoni taċ-ċittadini", tat-2.12.2009, jisħaq il-ħtieġa li jiġu rregolati s-swieq finanzjarji u jiġi pprevenut l-abbuż u jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex itejbu d-detezzjoni tal-abbuż tas-suq u l-miżapproprijazzjoni tal-fondi. Il-konklużjonijiet tal-Kunsill JHA dwar il-prevenzjoni tal-kriżi ekonomika u l-appoġġ għall-attività ekonomika, jisħqu li tista' tingħata kunsiderazzjoni dwar jekk ikunx possibbli jew, skont il-każ, ikunx xieraq li jiġu armonizzati l-liġijiet kriminali rigward it-trattament tal-manipulazzjonijiet serji tal-prezzijiet fis-suq tal-istokks u mġieba ħażina oħra b'rabta mas-swieq tat-titoli. Ara Docc. 8920/10 tat-22.04.2010 u 7881/10 tat-29.03.2010.

[4] Id-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti Kapitali 2006/48/KE (ĠU L 302, 17.11.2009); id-Direttiva dwar is-Swieq fl-istrumenti finanzjarji 2004/39/KE (ĠU L 145, 30.04.2004); id-Direttiva dwar l-Abbuż tas-Suq 2003/6/KE (ĠU L 96, 12.04.2003); id-Direttiva Solvenza II 2009/138/KE (ĠU L 335, 17.12.2009); id-Direttiva dwar il-Prospett 2003/71/KE (ĠU L 345, 31.12.2003); id-Direttiva dwar il-Medjazzjoni fl-Assigurazzjoni 2002/92/KE (ĠU L 9, 15.01.2003); id-Direttiva dwar il-Ħasil tal-Flus 2005/60/KE (ĠU L 309, 25.11.2005); id-Direttiva UCITS 2009/65/KE (ĠU L 302, 17.11.2009).

[5] KSBE: "Mapping of supervisory objectives, including early intervention measures and sanctioning powers" (Pjantifikazzjoni tal-għanijiet superviżorji, inkluż miżuri ta’ intervent bikri u s-setgħat tas-sanzjonijiet), Marzu 2009/47, KRET: "Report on administrative measures and sanctions as well as criminal sanctions available in Member States under the Market Abuse Directive" (Rapport dwar il-miżuri u sanzjonijiet amministrattivi kif ukoll is-sanzjonijiet kriminali disponibbli fl-Istati Membri skont id-Direttiva dwar l-Abbuż tas-Suq), 17.10.2007; "Report on the mapping of supervisory powers, supervisory practices, administrative and criminal sanctioning regimes of MS in relation to the MiFID Directive" (Rapport dwar il-pjanifikazzjoni tas-setgħat superviżorji, il-prassi superviżorji, ir-reġimi ta’ sanzjonar amminsitrattiv u kriminali tal-SM b'rabta mad-Direttiva MiFID; 16.02.2009, 08/220, "Report on CESR members' powers under the Prospectus Directive and its implementing measures" (Rapport dwar is-setgħat tal-membri tal-KRET skont id-Direttiva dwar il-Prospett u l-miżuri implimentattivi tagħha) Ġunju 2007, 07-384; CEIOPS: "Report to the European Commission on EU supervisory powers, objectives, sanctioning powers and regimes" (Rapport lill-Kummissjoni Ewropea dwar is-setgħat superviżorji, l-għanijiet, is-setgħat u r-reġimi tas-sanzjonar tal-UE), 29.05.2009, 21/09. Din il-Komunikazzjoni hija bbażata fuq l-informazzjoni pprovduta f'dawk ir-rapporti u l-kontribuzzjonijiet irċevuti sussegwentement mill-Istati Membri.

[6] COM(2010) 301.

[7] Laqgħat sussegwenti tal-G20 appellaw għall-bżonn li tissaħħaħ is-superviżjoni u r-regolazzjoni finanzjarja biex tiġi promossa, fost l-oħrajn, l-integrità tas-suq u tiġi appoġġata d-dixxiplina fis-suq (Londra, April 2009) u għal azzjonijiet biex jiġu protetti l-konsumaturi, id-depożituri u l-investituri kontra l-prassi abbużiva fis-suq (Pittsburgh, Settembru 2009).

[8] Id-Dodd-Frank Wall Street Reform u l-Consumer Protection Act, (Lulju 2010) jipprovdu riforma komprensiva tas-sistema finanzjarja Amerikana. L-implimentazzjoni tagħha fil-prattika hija soġġetta għal ammont sostanzjali ta’ regoli żviluppati mill-aġenziji regolatorji inkarigati tal-US sabiex iġibu fis-seħħ id-dispożizzjonijiet ta’ livell għoli tal-Att. Ir-riforma tipprevedi, pereżempju, il-ħolqien ta’ inċentivi finanzjarji għall-informaturi li jirrapportaw lis-SEC vjolazzjonijiet tal-liġijiet tat-titoli, it-tisħiħ tal-awtorità tas-SEC biex tieħu azzjonijiet biex tgħin u tħeġġeġ kwalunkwe persuna li tkun kisret il-liġijiet federali tat-titoli, u livell aktar baxx ta’ prova għal dan.

[9] Eżami tas-setgħat superviżorji disponibbli għas-superviżuri bankarji nazzjonali twettaq pereżempju fil-ħidma attwali tal-immaniġjar tal-kriżijiet.

[10] Ara l-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni 2011, par. 2.6 - COM(2010)623.

[11] Id-Direttiva dwar l-Abbuż tas-Suq, l-Artikolu 16; Solvenza II, l-Artikolu 250(1)(b); DRK, l-Artikolu 132(1)(d); Solvenza II, l-Artikolu 155(3), 158(2); DRK, l-Artikolu 30(3); MiFID, l-Artikolu 62(2); UCITS, l-Artikoli 21(5) u 108(5); id-Direttiva dwar il-Prospett, l-Artikolu 23; MiFID, l-Artikoli 32(7) u 62(2); UCITS, l-Artikoli 108(1) u 109(2); MiFID, l-Artikolu 62(2).

[12] L-Artikolu 51(1) tal-MiFID jistipula, pereżempju, li: "Mingħajr preġudizzju għall-proċeduri għall-irtirar ta’ awtorizzazzjoni jew għad-dritt tal-Istati Membri li jimponu sanzjonijiet kriminali, l-Istati Membri għandhom jiżguraw, skont il-liġijiet nazzjonali tagħhom, illi jkunu jistgħu jittieħdu l-miżuri amministrattivi appoprjati jew ikunu jistgħu jiġu imposti sanzjonijiet amministrattivi kontra l-persuni responsabbli, meta ma jitħarsux id-dispożizzjonijiet adottati sabiex tiġi implimentata din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi dawn il-miżuri jkunu effettivi[effikaċi], proporzjonati u dissważivi." Ara wkoll l-Artikolu 25 tad-Direttiva dwar il-Prospett 2003/71/KE, l-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar l-Abbuż tas-Suq 2003/6/KE (interpretata mill-Qorti fil-kawża C-45/08, Spector Photo Group v Van Raemdonck/CBFA, sentenza tat-23.12.2009, para 65-77), u l-Artikolu 28 tad-Direttiva 2004/109/KE dwar ir-rekwiżit tat-trasparenza, l-Artikolu 99(1) tad-Direttiva UCITS 2009/65/KE, l-Artikolu 54 tad-Direttiva 2006/48/KE dwar l-istituzzjonijiet ta’ kreditu, jew l-Artikolu 34 tad-Direttiva Solvenza II 2009/138/KE, l-Artikolu 39(2) tad-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus, li wkoll jipprevedu sanzjonijiet kontra persuni fiżiċi. Il-premessa 38 tad-Direttiva dwar l-Abbuż tas-Suq tispeċifika li s-"sanzjonijiet għandhom ikunu dissważivi biżżejjed u proporzjonati għall-gravità tal-ksur u għall-gwadanni realizzati."

[13] Ara MiFID l-Artikolu 50, DRK l-Artikolu 136, UCITS l-Artikolu 98, Solvenza II l-Artikolu 34, id-Direttiva dwar il-Prospett l-Artikolu 21.

[14] Ara l-Artikoli 62, 258(2) tad-Direttiva 2009/138/KE – Solvenza II; l-Artikolu 99(2) UCITS; l-Artikolu 8(1)-(3) tad-Direttiva 2002/92/EC dwar il-medjazzjoni fl-assigurazzjoni.

[15] Dan jikkonċerna prinċipalment l-irtirar ta’ awtorizzazzjoni, ara eż. id-Direttiva 2009/138/KE (Solvenza II), l-Artikolu 144(1); id-Direttiva 2006/48/KE (DRK), l-Artikolu 17.

[16] Ara eż. id-Direttiva 2009/138/KE (Solvenza II), l-Artikoli 131 u 144(2).

[17] Pereżempju l-Artikolu 51(3) tad-Direttiva 2004/39/KE - MiFID, l-Artikolu 25(2) tad-Direttiva dwar il-Prospett 2003/71/KE, l-Artikolu 28(2) tad-Direttiva 2004/109/KE dwar ir-rekwiżiti tat-trasparenza, l-Artikolu 14(4) tad-Direttiva dwar l-Abbuż tas-Suq 2003/6/KE, l-Artikolu 99(3) tad-Direttiva 2009/65/KE – UCITS.

[18] L-eżempji f'din it-taqsima ma jsemmux l-Istati Membri konċernati, minħabba li l-iskop huwa biss biex jiġu spjegati l-problemi ġenerali identifikati. Aktar tagħrif jinsab fir-rapporti tal-Kumitati tas-Superviżuri li fuqhom tissejjes din il-Komunikazzjoni.

[19] Ara pereżempju l-istqarrija għall-istampa tal-FSA Nru FSA/PN/098/2003 tal-25/09/2003.

[20] Sorsi: informazzjoni fornuta mill-membri tal-KRET dwar is-sanzjonijiet previsti fir-regoli nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva UCITS.

[21] Eż. fis-settur bankarju, xi Stati Membri ma imponew l-ebda sanzjoni fl-2006-2007 u l-ewwel trimestru tal-2008.

[22] Awtorità kompetenti tista' tiddelega kompiti u responsabilitajiet lil awtoritajiet kompetenti oħrajn b'ċerti kundizzjonijiet, biex tiġi żgurata superviżjoni transfruntiera effikaċi.

[23] Il-bażijiet legali għal azzjoni tal-UE f'dan il-qasam ikunu d-dispożizzjonijiet dwar is-suq intern fit-Trattat li jikkonċernaw l-approssimizzazzjoni tal-liġijiet (l-Artikolu 114 tat-TFUE), il-kordinazzjoni tar-regoli dwar il-bidu u l-insegwiment tal-attivitajiet ta’ persuni b'impjieg għar-rashom u l-libertà tal-forniment tas-servizzi (l-Artikoli 53(1) u 62 tat-TFUE). Dawn jipprovdu lil-leġiżlatur tal-UE l-possibilità li jadotta miżuri għall-approssimizzazzjoni tal-liġijiet nazzjonali, bl-għan li jittejbu l-kondizzjonijiet għall-istabiliment u l-funzjonament tas-suq intern. Dan jista' jinkludi miżuri marbuta mas-sanzjonijiet jekk dawn ikunu neċessarji sabiex jiġi żgurat li r-regoli tal-UE jkunu effikaċi bis-sħiħ. L-introduzzjoni ta’ tali miżuri fil-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-servizzi finanzjarji tissejjes fuq l-istess bażi legali bħall-atti leġiżlattivi settorali konċernati. L-Artikolu 83 tat-TFUE jipprovdi wkoll bażi legali għall-istabiliment ta’ regoli minimi dwar id-definizzjoni tal-kontravenzjonijiet u sanzjonijiet kriminali, meta l-approssimizzazzjoni tal-liġijiet kriminali tirriżulta essenzjali biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effikaċi tal-politika tal-Unjoni f'qasam li jkun soġġett għal miżuri ta’ armonizzazzjoni.

[24] Bosta Direttivi jipprovdu li jistgħu jiġu imposti sanzjonijiet fuq il-persuni responsabbli għall-kontravenzjoni, imma mingħajr ma jiċċaraw jekk dawn jinkludux il-persuni fiżiċi u ġuridiċi. Hemm xi eċċezzjonijiet, eż. fid-Direttiva Solvenza II 2009/138/KE, l-Artikolu 34 ("L-awtoritajiet superviżorji għandu jkollom is-setgħa li jieħdu kwalunkwe miżura neċessarja inklużi dawk, fejn xieraq, ta’ natura amministrattiva u finanzjarja, fir-rigward ta’ impriżi tal-assigurazzjoni u tar-rijassigurazzjoni, u tal-membri tal-korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju tagħhom").

[25] Ara n-nota tal-qiegħ 3.

[26] Ara l-programmi stabiliti mill-OFT u s-SEC biex jippremjaw lill-ġażżaja.