52010DC0701




[pic] | Il-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 1.12.2010

KUMM(2010) 701 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI

Tabella ta’ Valutazzjoni dwar l-Għajnuna mill-IstatRapport dwar l-għajnuna mill-Istat mogħtija mill-Istati Membri tal-UE- Aġġornament Ħarifa 2010 -

SEG(2010) 1462 finali

WERREJ

Introduzzjoni 3

Għajnuna mill-Istat fil-kuntest tal-kriżi ekonomika 3

1. Għajnuna mill-Istat fl-2009 3

2. Xejriet u Mudelli tan-nefqa tal-għajnuna mill-Istat fl-Istati Membri 3

2.1. Xejra tal-livelli ta' għajnuna mill-Istat għall-industrija u s-servizzi 3

2.2. Għajnuna mill-Istat immirata lejn l-għanijiet orizzontali tal-interess komuni 3

3. Għajnuna mill-Istat fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja u ekonomika 3

3.1. Il-gwida tal-Kummissjoni f'każi ta' kriżi 3

3.2. Il-volum totali tal-miżuri tal-għajnuna mill-Istat approvat għas-settur finanzjarju 3

3.3. L-użu attwali ta’ miżuri ta’ għajnuna mill-Istat u r-rata tal-użu 3

3.4. Għajnuna mogħtija taħt il-Qafas Temporanju 3

4. Simplifikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat 3

4.1. Arkitettura ġdida għall-kontroll tal-għajnuna mill-Istat 3

4.2. Valutazzjoni ta' każi individwali ffukata fuq numru żgħir ta’ miżuri ta’ għajnuna kbira li tfixkel b'mod qawwi 3

4.3. Kważi 19% tal-għajnuna lill-industrija u s-servizzi għandha eżenzjoni ġenerali 3

5. Infurzar tar-regoli għall-għajnuna mill-Istat 3

INTRODUZZJONI

Dan l-aġġornament tal-Ħarifa 2010 tat-Tabella ta’ Valutazzjoni dwar l-għajnuna mill-Istat (minn hawn 'il quddiem "it-Tabella ta’ Valutazzjoni") jiffoka fuq il-qagħda tal-għajnuna mill-Istat fis-sebgħa u għoxrin Stat Membru għas-sena 2009. Dan l-aġġornament jipprovdi ħarsa ġenerali fuq il-livelli ta' għajnuna u l-għanijiet tal-għajnuna mogħtija mill-Istati Membri. Ir-rapport jinkludi kapitolu dwar l-għajnuna mill-Istat mogħtija lill-istituzzjonijiet finanzjarji u lill-ekonomija reali b'rispons għall-kriżi finanzjarja u ekonomika.

Barra minn hekk, ir-rapporti tat-Tabella ta’ Valutazzjoni dwar il-progress lejn it-twassil ta' pakkett ta' reforma komprensiv u koerenti għall-għajnuna mill-Istat li kien beda fl-2005 bil-Pjan ta' Azzjoni għall-Għajnuna mill-Istat (minn hawn 'il quddiem "SAAP"). Fl-aħħar nett, dan l-aġġornament jinnota l-kisbiet fil-qasam tal-infurzar tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.

It-Tabella ta’ Valutazzjoni tikkonsisti f’żewġ partijiet: l-ewwel parti hi sommarju tar-Rapport, adottat mill-Kulleġġ tal-Kummissarji li jiffoka fuq fatti prinċipali, konklużjonijiet, xejriet u tfassil fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat mogħtija mill-Istati Membri kif ukoll l-iżviluppi prinċipali ta' politika fil-kuntest tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat. u t-tieni parti hi Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal, mehmuż mar-Rapport, “Fatti u ċifri dwar l-għajnuna mill-Istat fl-Istati Membri tal-UE”, li jipprovdi l-isfond fattwali.

L-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA (ESA) tippubblika tabella ta’ valutazzjoni annwali[1] dwar il-volum ta' għajnuna mill-Istat mogħtija fl-Islanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja.

Għajnuna mill-Istat fil-kuntest tal-kriżi ekonomika

Fiż-żmien ta’ qabel il-kriżi finanzjarja, l-UE kienet qed tesperjenza tkabbir ekonomiku stabbli kull sena. Bejn l-2002 u l-2007, il-livell tal-għajnuna mill-Istat lill-industrija u s-servizzi naqset kull sena b'medja ta' 2% u fl-2007 kienet tiswa EUR 65 biljun jew anqas minn 0.5% tal-PDG. B'mod parallel, l-iżbilanċi tal-baġit niżlu għal medja ta' 0.8% tal-PDG fl-2007 – l-aħjar riżultat fi tletin sena[2]. Il-qgħad niżel matul dan il-perjodu u fl-2008 kien ta' 7% li hu l-aktar livell baxx għal ħafna żmien mal-UE kollha.

Il-kriżi finanzjarja ġabet tmiem immedjat għat-tkabbir stabbli tal-PDG, livelli baxxi ta’ għajnuna mill-Istat u tnaqqis fl-iżbilanċ tal-baġits sa mis-sena 2000. Il-livell globali tal-għajnuna mill-Istat żdied aktar fl-2009 meta mqabbel mal-2008 u kien ta’ 3.6% tal-PDG, din id-darba wkoll minħabba l-għajnuna għall-kriżi b’mod partikolari lis-settur finanzjarju. L-għajnuna lill-ekonomija reali mogħtija permezz tal-Qafas Temporanju[3], li l-Istati Membri bdew jimplimentaw fl-2009, kienet biss kontribuzzjoni żgħira fiż-żieda globali tal-volum ta’ għajnuna.

Meta f'Settembru 2008 is-self bejn il-banek waqaf, l-Istati Membri bdew jinjettaw ammonti kbar ta' għajnuna lis-settur bankarju sabiex jiżguraw li s-self lill-ekonomija jkun jista’ jkompli jingħata. Iggwidati mill-Qafas Temporanju, l-Istati Membri bdew ukoll inaqqsu r-restrizzjonijiet għall-iffinanzjar tan-negozji. Il-politika tal-għajnuna mill-Istat tal-Kummissjoni Ewropea kienet waħda mill-fatturi ewlenin li żguraw li dan il-proċess ta' salvataġġ li - b’mod ġenerali rnexxa - inkiseb b'mod koordinat. Din il-politika ppermettiet l-implimentazzjoni mgħaġġla ta' miżuri ta' sostenn bla preċedent u żgurat fl-istess ħin li s-Suq Intern baqa' mhux mittiefes.

1. GħAJNUNA MILL-ISTAT FL-2009

L-għanjuna mill-Istat totali[4] mogħtija mill-Istati Membri kienet tammonta għal EUR 427.2 biljun fl-2009, jew f'termini relattivi, għal 3.6% tal-PDG tal-UE-27[5]. Minn dan it-total, EUR 353.9 biljun jew 3% tal-PDG tal-UE-27 jirrelataw ma’ miżuri għall-kriżi rrapportati mill-Istati Membri. Fl-2009, tnejn u għoxrin Stat Membru implimentaw għajnuna għall-kriżi b’mod favorevoli għas-settur finanzjarju (2.98% tal-PDG tal-UE-27). Fl-1 ta’ Ottubru 2010[6], l-Istati Membri kollha tal-UE-15[7] flimkien ma' Ċipru, l-Ungerija, il-Latvja, il-Litwanja, il-Polonja, l-Islovakkja u s-Slovenja, kellhom miżuri għall-kriżi finanzjarja approvati mill-Kummissjoni u l-Istati Membri kollha kienu taw għajnuna skont il-Qafas Temporanju, ħlief Ċipru.

Meta jiġu esklużi l-miżuri għall-kriżi, l-għajnuna mill-Istat totali kienet tammonta għal madwar EUR 73.2 biljun fl-2009 jew 0.62% tal-PDG tal-UE-27. L-għajnuna lill-industrija u s-servizzi tirrappreżenta 79.3% tal-għajnuna mill-Istat totali, ekwivalenti għal EUR 58.1 biljun jew 0.49% tal-PDG tal-UE-27[8]. L-għajnuna għall-agrikoltura kienet tammonta għal EUR 11.6 biljun jew 15.9% tal-għajnuna totali, is-sajd EUR 0.2 biljun jew 0.3% tal-għajnuna totali, u t-trasport[9] EUR 3.3 biljun jew 4.5% tal-għajnuna totali.

L-għajnuna għall-ferroviji[10] hi rrapportata mill-Istati Membri li tammonta għal EUR 33.1 biljun jew 0.3% tal-PDG tal-UE-27[11].

F’termini assoluti, l-aktar ħames pajjiżi li jagħtu l-għajnuna jammontaw għal EUR 39.8 biljun jew 68.2% tal-għajnuna totali[12]. Il-Ġermanja kienet tammonta għal EUR 15.3 biljun jew 26.3% tal-għajnuna totali, segwita minn Franza (EUR 11.7 biljun; 20.1%), Spanja (EUR 4.9 biljun; 8.4%), l-Italja (EUR 4.6 biljun; 7.9%) u r-Renju Unit (EUR 3.3 biljun; 5.5%). Meta wieħed iħares lejn l-għajnuna bħala perċentwali tal-PDG toħroġ stampa totalment differenti: Malta tat għajnuna li kienet tikkonsisti f’1.7% tal-PDG, segwita mill-Ungerija (1.0%), il-Portugall u d-Danimarka (0.9% kull wieħed) u l-Isvezja (0.8%).

2. XEJRIET U MUDELLI TAN-NEFQA TAL-GħAJNUNA MILL-ISTAT FL-ISTATI MEMBRI

Meta wieħed iħares lejn ix-xejriet għall-perspettiva fit-tul, il-livell globali tal-għajnuna mill-Istat li fis-snin 80 kien ta' 2% tal-PDG, niżel għal ftit anqas minn 1% fis-snin 90 u niżel għal madwar 0.5% - 0.6% tal-PDG fis-snin 2003 – 2007. Minħabba r-rispons għall-kriżi finanzjarja u ekonomika, il-livell ta’ għajnuna globali tal-UE-27 żdied b'mod sinifikanti u fl-2009 kien ta’ 3.6%, kif ġie msemmi hawn fuq.

Il-grafika nru 1[13]: Total tal-għajnuna mill-Istat bħala % tal-PDG (UE-27; dejta mill-1992)

[pic]

It-tnaqqis fin-nefqa tal-għajnuna mill-Istat mis-sena 2000 sal-2007 jista' jkun attribwit għal tliet fatturi prinċipali: l-ewwel, minħabba perjodu ta' tkabbir ekonomiku sa mis-sena 2000, l-Istati Membri taw ferm anqas għajnuna għas-salvataġġ u r-ristrutturar lil ditti li kienu fil-bżonn. It-tieni, l-għajnuna mill-Istat lis-settur tal-faħam kompla juri xejra 'l isfel, li primarjament kienet osservata fil-Polonja, Franza, il-Germanja u Spanja. It-tielet, l-impenji ta' qabel l-adeżjoni u l-isforzi kontinwi wara l-adeżjoni, kienu ta' kontribut biex titnaqqas ix-xejra mindu l-Istati Membri tal-UE-12[14] komplew jaġġustaw il-politiki u l-prattiċi tagħhom dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ħtiġijiet taħt il-politiki u l-liġijiet dwar l-għajnuna mill-Istat tal-UE.

Dawn l-isforzi jistgħu jidhru li huma r-riżultat ta' rikonoxximent ġenerali li volum kbir ta' għajnuna mill-Istat mhux biss xekklet l-allokazzjoni effiċjenti tar-riżorsi iżda kienet ukoll il-kawża biex l-ekonomija kollha kemm hi tkun anqas kompetittiva. Ix-xogħol f'dan ir-rigward kien diġà beda f'nofs is-snin 80 biex il-kontroll effettiv għall-għajnuna mill-Istat ikun element prinċipali tal-Programm għas-Suq Uniku. Id-dixxiplina dwar l-għajnuna mill-Istat ġiet imwessgħa u msaħħa fis-snin 90 fil-kuntest tal-EMU u mbagħad ġiet mogħtija impetus ġdid mill-Kunsill ta' Lisbona fis-sena 2000 u l-SAAP fl-2005. Il-pakkett li ħareġ dwar riformi għall-għajnuna mill-Istat iffoka l-aktar fuq kif tkun immirata aħjar l-għajnuna[15] filwaqt li jkun assigurat li t-tfixkil jinżamm għal wieħed minimu sabiex is-suq uniku jkompli jiffunzjona.

Mingħajr konsiderazzjoni tal-miżuri ta’ eċċezzjoni għall-kriżi, fl-2009 l-għajnuna globali kienet ta’ 0.62% tal-PDG (EUR 73.2 biljun). Għalkemm reġgħet kibret f’dik is-sena meta mqabbel mas-sena ta’ qabel, din xorta għadha fil-medja tal-aħħar 10 snin. Dan jidher li qed jindika li l-ewwel l-Istati Membri baqgħu iżommu dixxiplina tal-għajnuna mill-Istat[16]; it-tieni, id-dixxiplina stretta tal-għajnuna mill-Istat fis-snin ta' qabel il-kriżi tista' tkun tidher bħala kontribut importanti li kellu rispons veloċi, sostanzjali u mmirat għall-kriżi possibbli mingħajr ma kien imminat il-kunsens globali li l-għajnuna mill-Istat għandha tintuża b'mod kawt u kkunsidrat fejn ikun meħtieġ, biex jinkiseb l-għan li hu aċċettat b'mod komuni u li jkun proporzjonat b'rabta ma’ dak l-għan.

Minħabba l-partikolaritajiet assoċjati mal-għajnuna għall-agrikoltura, is-sajd u t-trasport, it-taqsimiet segwenti dwar il-livelli u l-orjentazzjoni tal-għajnuna (‎2.1 u ‎2.2) jiffukaw biss fuq l-għajnuna lill-industrija u s-servizzi.

2.1. Xejra tal-livelli ta' għajnuna mill-Istat għall-industrija u s-servizzi

Sabiex tkun analizzata b’mod preċiż ix-xejra għall-għajnuna mill-Istat għall-industrija u s-servizzi, mhumiex qed jiġu kkunsidrati hawnhekk il-miżuri għall-kriżi u dawn se jiġu diskussi b'mod separat fil-kapitolu 3.

Għall-UE kollha, ix-xejra tal-livell tal-għajnuna mogħtija għall-industrija u s-servizzi fl-UE kienet kemxejn stabbli matul iż-żewġ perjodi konsekuttivi ta' tliet snin 2004 - 2006 u 2007 – 2009 meta mqabbel bħala perċentwal tal-PDG. Bħala medja, in-nefqa għall-għajnuna kienet tammonta għal EUR 55.1 biljun jew 0.45% tal-PDG fil-perjodu ta’ bejn l-2007 - 2009, filwaqt li matul il-perjodu 2004 - 2006 il-medja kienet tammonta għal EUR 53 biljun jew 0.45% tal-PDG. Dan juri li, jekk neskludu r-rispons speċifiku għall-kriżi finanzjarja u ekonomika, ħafna Stati Membri baqgħu għaddejin bl-isforzi tagħhom biex iżommu l-livelli globali tal-għajnuna taħt kontroll.

11-il Stat Membru setgħu jżommu jew anke jnaqqsu l-livelli tal-għajnuna tagħhom fil-perjodu 2007 - 2009 meta mqabbel mal-2004 - 2006. Ħafna mill-pajjiżi tal-UE-12 kisbu tnaqqis sinifikanti ta’ 0.5% tal-PDG jew anke aktar. B'riżultat ta' dan, in-nefqa medja tal-UE-12 naqset b’0.12%, jiġifieri minn 0.69% tal-PDG fl-2004 - 2006 għal 0.57% fl-2007 - 2009. Uħud mill-pajjiżi tal-UE-15 setgħu wkoll inaqqsu l-livelli tal-għajnuna, li issa huwa ta’ kważi 0.44% tal-PDG fil-perjodu 2007 - 2009, li kienu wkoll 0.44% tal-PDG fil-perjodu 2004 – 2006.

Minkejja x-xejra pożittiva ta' tnaqqis f’dawn l-Istati Membri, Stati Membri oħra żiedu n-nefqa għall-għajnuna fl-2007 - 2009 meta mqabbla mal-2004 - 2006[17]. Kwalunkwe żieda tista' tkun l-aktar attribwita lill-għajnuna favur l-għanijiet orizzontali, prinċipalment għal għajnuna reġjonali u r-riċerka u l-iżvilupp. Minkejja dan, iż-żieda fil-volum ta’ għjnuna li saret fl-2008 u l-2009 ma tippermettix li ssir konklużjoni dwar jekk ix-xejra ’l isfel fit-tul tan-nefqa għall-għajnuna mill-Istat tal-UE-27 daritx bil-kontra; id-dejta hi biss għal sentejn u tibqa’ fil-medja għall-perjodu 2000 – 2007.

L-evoluzzjoni għal perjodu qasir mill-2008 għall-2009 turi ċaqliq żgħir 'il fuq. In-nefqa għall-għajnuna mill-Istat għall-industrija u s-servizzi tela b'madwar 0.03% tal-PDG. Pereżempju, Franza tat aktar għajnuna għall-iżvilupp reġjonali kif ukoll għar-riċerka u l-iżvilupp, filwaqt li l-Ġermanja allokat aktar għajnuna għar-reġjuni u l-SMEs. Din l-evoluzzjoni 'il fuq għal perjodu qasir turi li s-sistema attwali ta' kontroll tal-għajnuna mill-Istat għadha tippermetti lill-Istati Membri biex jirreaġixxu b'mod veloċi għal ħtiġiet ekonomiċi li dejjem qed jinbidlu mingħajr notifika ulterjuri lill-Kummissjoni. L-għodod prinċipali għall-Istati Membri f'dan ir-rigward huma miżuri ta' eżenzjoni sħiħa u skemi approvati ta' għajnuna notifikata li taħthom l-għajnuna individwali tista' tingħata lil għadd akbar ta' impriżi (għal aktar dettalji ara l-kapitolu 4).

2.2. Għajnuna mill-Istat immirata lejn l-għanijiet orizzontali tal-interess komuni

Qed jiġi mfakkar li l-għajnuna mill-Istat għal għanjiet orizzontali, jiġifieri għajnuna li ma tkunx mogħtija għal setturi speċifiċi, normalment tkun ikkunsidrata bħala waħda aktar adatta biex tindirizza l-fallimenti tas-suq u b'hekk tkun ta' anqas tfixkil minn għajnuna settorjali u għajnuna ad hoc . Ir-Riċerka, l-Iżvilupp u l-Innovazzjoni (minn hawn 'il quddiem "RŻI"), li jissalvagwardjaw l-ambjent, inkluż il-ħarsien tal-enerġija u l-enerġiji minn sorsi rinnovabbli, is-sostenn lill-Impriżi Żgħar u ta' Daqs Medju (minn hawn 'il quddiem "SMEs"), il-ħolqien tal-impjiegi, il-promozzjoni tat-taħriġ u l-għajnuna għall-iżvilupp ekonomiku reġjonali biex jingħata sostenn lill-koeżjoni territorjali, huma l-aktar għanijiet orizzontali prominenti li jmorru mal-għajnuna mill-Istat.

Sabiex wieħed iħares lejn ix-xejriet imsemmija fir-rigward tal-isforzi mill-Istati Membri biex jindirizzaw mill-ġdid l-għajnuna 'mhux għall-kriżi' għal għanijiet orizzontali ta' interess komuni, mhumiex jiġu kkunsidrati l-każi għall-kriżi għal din l-analiżi[18].

Fuq din il-bażi, l-għajnuna maħsuba għal għanijiet orizzontali fl-2009 kienet tammonta għal EUR 48.7 biljun u kienet tammonta għal madwar 84% tal-għajnuna totali għall-industrija u s-servizzi. Din trid tiġi mqabbla ma’ livelli ferm aktar baxxi fl-2004 (74%) u f’nofs is-snin 90 (50%). It-tliet għanijiet prinċipali li fl-2009 imxew magħhom l-Istati Membri kienu l-għajnuna reġjonali (24%), l-għajnuna vvalutata taħt il-linji gwida tal-għajnuna għall-ambjent (23%)[19] u l-għajnuna għar-RŻI (18%). Ix-xejra tikkonferma ċ-ċaqliq 'il fuq dwar għajnuna li hija orjentatat lejn għanijiet orizzontali. Madanakollu, meta wieħed iħares lejn l-għadd ta' Stati Membri li indirizzaw 90% jew aktar tal-għajnuna tagħhom għall-industrija u s-servizzi għal għanijiet orizzontali ta' interess komuni, jiġi identifikat tnaqqis. Fl-2009, 15-il Stat Membru kienu qed jagħtu 90% jew aktar ta' għajnuna mmirata għal għanijiet orizzontali meta mqabbel ma' 17 fl-2008[20] u l-2007[21]. L-ebda raġuni jew mudell ewlieni ma ġie identifikat biex jispjega dan l-iżvilupp.

Għall-UE kollha kemm hi, l-għajnuna għall-iżvilupp settorjali inkluż għajnuna għas-salvataġġ u għar-ristrutturar[22] fl-2009 kienet anqas meta titqabbel mal-2008 u kienet tammonta għal EUR 9.4 biljun jew 16% tal-għajnuna totali għall-industrija u s-servizzi[23]. Barra mill-kuntest tal-kriżi ekonomika u finanzjarja, l-għajnuna għas-salvataġġu r-ristrutturar, kif iggwidata mill-linji gwida dwar is-Salvataġġ u r-Ristrutturar[24], fl-2009 kienet tammonta għal EUR 398 miljun biss, meta mqabbel ma’ medja annwali ta’ EUR 872 miljun fil-perjodu 2006 – 2008.

B’mod globali, ix-xejra fit-tul ta' żmien tindika li l-Istati Membri qed ikomplu jindirizzaw livell għoli ta' għajnuna lejn l-għanijiet orizzontali. B’mod partikolari, għalkemm ċerti Stati Membri tal-UE-15 taw aktar għajnuna settorjali fl-2009 meta mqabbel mal-2008, l-Istati Membri kollha tal-UE-12 qegħdin idawwru b'mod progressiv l-għajnuna lejn l-għanijiet orizzontali.

3. GħAJNUNA MILL-ISTAT FIL-KUNTEST TAL-KRIżI FINANZJARJA U EKONOMIKA

3.1. Il-gwida tal-Kummissjoni f'każi ta' kriżi

L-għajnuna mill-Istat kienet waħda mill-istrumenti ewlenin ta' għajnuna għall-Istati Membri fil-ġlieda kontra l-agħar kriżi finanzjarja fl-istorja riċenti. Peress li l-linji gwida eżistenti dwar is-Salvataġġ u r-Ristrutturar ma kinux biżżejjed biex jindirizzaw b’mod veloċi s-sitwazzjoni deterjoranti, eżatt wara l-bidu tal-kriżi l-Kummissjoni ressqet diversi komunikazzjonijiet dwar il-bażi legali tal-Artikolu 107(3)(b) tal-TFUE[25]. Dawn il-komunikazzjonijiet, filwaqt li jimmiraw biex iżommu livell ibbilanċjat u jiżguraw l-istabbiltà finanzjarja u ċ-ċertezza legali, jistabbilixxu l-pożizzjoni tal-Kummissjoni dwar kif ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għandhom jiġu applikati għall-azzjonijiet tal-gvernijiet fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat[26]. Dawk il-komunikazzjonijiet dwar is-settur finanzjarju ġew kumplimentati bi gwida dwar il-valutazzjoni ta' miżuri ta' sostenn relatati mal-kriżi għall-ekonomija reali (imsejħa l-Qafas Temporanju, ara hawn taħt).

Ir-rispons ta’ eċċezzjoni tal-Istati Membri, ikkoordinat mill-Kummissjoni, għen biex jinżammu taħt kontroll il-kriżijiet finanzjarji fl-2009. Parzjalment minħabba l-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat, il-kundizzjonijiet fis-settur finanzjarju ġew stabilizzati fejn banek kbar raw il-kapital ta’ Tier-1 tagħhom jaqbeż l-10%. Barra minn hekk, fl-2009, is-settur finanzjarju għadda minn prestazzjoni qawwija fuq in-naħa tal-qligħ u l-profitti u ra rkupru gradwali tal-prezzijiet tal-assi finanzjarji. Anki jekk dak it-titjib ma nħassx b'mod ugwali fl-Ewropa[27], dan jipprovdi sinjal pożittiv lis-swieq, l-Istati Membri u l-Kummissjoni.

Fit-2 ta’ Diċembru 2009[28], il-Kunsill tal-Ecofin enfasizza l-ħtieġa li ma titkompliex il-parteċipazzjoni f’diversi forom ta’ sapport temporanju għas-settur finanzjarju. Dawk il-konklużjonijiet b’mod partikolari enfasizzaw li t-tneħħija ta’ miżuri ta’ għajnuna mill-Istat għandhom jibdew permezz ta’ skemi ta’ garanziji. F’dak ir-rigward, il-Kummissjoni ppreżentat analiżi li tiġġustifika l-introduzzjoni ta’ prerekwiżiti speċifiċi għal miżuri ta’ garanzija wara t-30 ta’ Ġunju 2010[29]. Fil-qalba ta’ dawk il-bidliet hemm regola li tagħmel il-ħlasijiet ta’ garanziji dipendenti fuq il-kredibilità tal-bank. Din tikkostitwixxi bħala l-ewwel pass lejn il-ħruġ minn skemi ta’ garanzija fi ħdan qafas koerenti u bħala parti minn metodu koordinat fl-Istati Membri biex b’hekk ikun issalvagwardjat il-progress li sar fl-infurzar tal-istabbiltà finanzjarja. Il-Kunsill tal-Ecofin tat-18 ta’ Mejju 2010 laqa’ l-analiżi tal-Kummissjoni[30] u x-xogħol li beda mmirat biex jinkoraġġixxi istituzzjonijiet finanzjarjament tajba joħorġu minn garanziji tal-Istat filwaqt li ħeġġeġ lill-oħrajn biex jeżaminaw il-vijabbiltà fit-tul tagħhom. Fid-dawl ta’ dik id-diskussjoni, il-Kummissjoni sussegwentament approvat jew ġeddedt skemi f’14-il Stat Membru, fejn Ċipru, il-Finlandja u s-Slovakkja għażlu li jeliminaw kompletament il-miżuri ta’ garanziji tagħhom.

3.2. Il-volum totali tal-miżuri tal-għajnuna mill-Istat approvat għas-settur finanzjarju

B’mod globali, il-Kummissjoni ħadet bejn wieħed u ieħor 200 deċiżjoni dwar miżuri ta’ għajnuna mill-Istat għas-settur finanzjarju bbażati fuq l-Artikolu 107(3)(b) tat-TFUE bejn l-1 ta’ Ottubru 2008 u l-1 ta’ Ottubru 2010[31]. Dawn id-deċiżjonijiet, filwaqt li kienu mmirati biex jirrimedjaw xkiel serju fl-ekonomiji tal-Istati Membri, awtorizzaw, emendaw jew tawlu ż-żmien ta’ 41 skema u indirizzaw permezz ta’ deċiżjonijiet individwali s-sitwazzjoni ta’ aktar minn 40 istituzzjoni finanzjarja. Il-kriżi finanzjarja sejħet għal azzjoni aktar vasta bil-Kummissjoni tawtorizza miżuri għall-kriżi finanzjarja fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat f’22 Stat Membru; kienu numru żgħir ta’ Stati Membri li ma taw l-ebda għajnuna lill-istituzzjonijiet finanzjarji tagħhom (notevolment – il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Malta u r-Rumanija).

Il-volum massimu tal-miżuri approvati mill-Kummissjoni sa mill-bidu tal-kriżi sal-1 ta’ Ottubru 2010 (li jinkludi kemm skemi u interventi ad hoc ) jammonta għal EUR 4 599.90 biljun. Il-volum totali approvat għall-iskemi (EUR 3 478.96 biljun) kien konsiderevolment ogħla minn dak għall-istituzzjonijiet finanzjarji individwali (EUR 1 109.94 biljun). Ammonti kbar ta’ sapport approvati taħt l-iskemi jistgħu jiġu mfissra permezz tal-fatt li ċerti Stati Membri[32] adottaw skemi ta’ garanziji totali kbar li jkopru d-dejn sħiħ tal-banek tagħhom.

Fost l-istrumenti ta' għajnuna trattati f'dak il-perjodu ta' referenza, l-akbar ammont kien approvat bħala garanziji inklużi l-iskemi u l-interventi ad hoc li jirrappreżentaw EUR 3 485.25 biljun jew 76% tal-volum massimu. L-ammont approvat għal miżuri ta’ rikapitalizzazzjoni jikkostitwixxi EUR 546.08 biljun, segwiti mill-interventi ta’ assi danneġġjati b’volum totali approvat ta’ EUR 401.79 biljun. Il-volum massimu ta’ għajnuna approvat f’relazzjoni mal-istrumenti ta’ likwidità hu ta’ EUR 155.77 biljun. Din id-dejta tindika li l-Istati Membri primarjament għamlu użu minn miżuri ta’ garanzija li kellhom effett ta’ stabbiltà għas-settur finanzjarju mingħajr ma kienu ta’ piż kbir għall-finanzi pubbliċi għall-kuntrarju ta’ strumenti aktar intervenzjonisti bħar-rikapitalizzazzjoni jew it-tiswija ta’ assi danneġġjati. Barra minn hekk, kważi 70% tal-volum massimu għandhom x’jaqsmu ma' ħames Stati Membri biss (ir-Renju Unit, l-Irlanda, id-Danimarka, il-Ġermanja u Franza[33]), b’differenzi sostantivi globali ta’ volumi approvati fi Stati Membri individwali[34].

3.3. L-użu attwali ta’ miżuri ta’ għajnuna mill-Istat u r-rata tal-użu

L-għajnuna mill-Istat totali mogħtija lis-settur finanzjarju fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja fl-2009 tirrappreżenta EUR 351.7 biljun, jew 2.98% tal-PDG tal-UE-27.

Mhux l-għajnuna kollha li ġiet approvata bejn il-bidu tal-kriżi u t-tmiem tal-2009 kienet użata fil-verità u b’mod effettiv mill-Istati Membri kkonċernati[35]. Fl-2009, l-ammont nominali ta’ għajnuna rrapportat lill-Kummissjoni mill-Istati Membri kien ta’ EUR 1 106.56 biljun jew 9.3% tal-PDG tal-UE-27 (EUR 727.38 biljun għall-iskemi u EUR 379.18 biljun għall-interventi ad hoc ), filwaqt li ċ-ċifra għall-2008 kienet ta’ EUR 1 236 biljun[36]. Ir-rata tal-użu fl-2008 u l-2009 tikkostitwixxi 65% tal-garanziji u 62% għall-miżuri ta’ rikapitalizzazzjoni. L-interventi ta’ likwidità kienu simili b'perċentwal ta’ 67%, filwaqt li r-rata tal-użu għall-assi danneġġjati hi ta' 32%[37].

Skont ir-rapporti annwali dwar in-nefqa tal-għajnuna mill-Istat għall-2009[38], l-Istati Membri rrapportaw li l-element tal-għajnuna (jew l-ekwivalenti tal-għotja gross[39]) tal-ammont imsemmi hawn fuq tikkostitwixxi EUR 351.7 biljun li tirrappreżenta 2.98% tal-PDG tal-UE-27[40]. Bejn wieħed u ieħor nofs in-nefqa tal-għajnuna mill-Istat fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja kienet provduta fil-forma ta' miżuri ta' rikapitalizzazzjoni (EUR 139.43 biljun), segwit minn garanziji (EUR 128.15 biljun), assi danneġġjati (EUR 75.27 biljun) u interventi ta’ likwidità (EUR 8.8 biljun).

Iċ-ċifri miġbura jiżvelaw li l-Istati Membri taw aktar għajnuna mill-Istat permezz ta’ interventi ad hoc (EUR 240.4 biljun) milli permezz tal-iskemi (EUR 174.41 biljun).

Għal stampa globali ddettaljata tal-miżuri ta’ kriżi awtorizzati mill-Kummissjoni fl-2008 – 2010 u l-għajnuna mogħtija taħt ir-regoli ta’ għajnuna mill-Istat, ara l-Kapitolu 3 tad-Dokument tal-Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni fl-anness.

3.4. Għajnuna mogħtija taħt il-Qafas Temporanju

Il-kuntest u l-ambitu

Bħala rispons għall-issikkar tal-aċċess għall-kreditu li l-kumpaniji ffaċċjaw b’riżultat tal-kriżi finanzjarja, il-Kummissjoni adottat il-Qafas Temporanju fis-17 ta’ Diċembru 2008[41]. Dan iffoka, l-ewwel, fuq iż-żamma tal-kontinwità tal-aċċess tal-kumpaniji għall-finanzi u, t-tieni, fuq l-istabbilitment ta’ bażi għal tkabbir sostenibbli fit-tul billi jkunu mħeġġa l-investimenti. Barra minn hekk, ir-regoli tal-linji gwida eżistenti ġew simplifikati, pereżempju ġew introdotti limiti ogħla għall-investimenti ta’ kapital ta’ riskju. Il-Qafas Temporanju hu miftuħ biex jappoġja s-setturi kollha tal-ekonomija iżda jeskludi l-għajnuna li tirrimedja l-problemi strutturali diġà eżistenti u b’hekk ma japplikax għall-kumpaniji f'diffikulta qabel il-kriżi.

Il-Qafas Temporanju għandu jitqies bħala parti mir-rispont globali tal-Kummissjoni għall-kriżi ekonomika, il-Pjan Ewropew ta' Rkupru Ekonomiku[42].

Miżuri approvati taħt il-Qafas Temporanju

Bejn is-17 ta’ Diċembru 2008 u l-1 ta’ Ottubru 2010, il-Kummissjoni approvat 73 skema[43] taħt il-Qafas Temporanju u 4 miżuri ta’ għajnuna ad hoc , li jammontaw għal volum totali ta’ għajnuna approvata ta' EUR 82.5 biljun (0.7% tal-PDG tal-UE-27). Il-maġġoranza tirrappreżenta skemi għall-għajnuna sa EUR 500 000 għal kull kumpanija (23 skema f’23 Stat Membru), 18-il miżura ta’ garanzija sussidjata (14-il Stat Membru), 8 skemi għal interessi ta’ self sussidjat (7 Stati Membri), 5 skemi li joffru interess fuq self imnaqqas għal negozji li jinvestu fil-produzzjoni ta’ prodotti favur l-ambjent (5 Stati Membri), u 6 skemi ta’ kapital ta’ riskju (5 Stati Membri). Barra minn hekk, 12-il Stat Membru ffaċilitaw l-attivitajiet tal-esportazzjoni permezz ta’ 13-il skema ta’ kreditu tal-esportazzjoni[44].

Għajnuna mogħtija fl-2009

Fl-2009, il-Kummissjoni approvat miżuri taħt il-Qafas Temporanju li kienu jammontaw għal bejn wieħed u ieħor total ta’ EUR 81.3 biljun. Wara r-rapporti annwali mressqa mill-Istati Membri u t-tweġib tagħhom għall-kwestjonarju tal-Kummissjoni dwar il-Qafas Temporanju, l-element ta’ għajnuna miġbur tal-miżuri kollha ta’ għajnuna implimentati mill-Istati Membri fl-2009 huwa stmat għal EUR 2.2 biljun, li jirrappreżenta 0.018% tal-PDG tal-UE-27. L-Istati Membri dehru li kienu kawti ħafna fid-determinazzjoni tal-baġit minħabba l-inċertezzi dwar il-kobor u t-tul tal-kriżi u l-bżonn li jingħata sinjal ċar lis-swieq dwar id-disponibbiltà tal-awtoritajiet pubbliċi biex jissodisfaw il-ħtiġijiet potenzjali għal appoġġ li wara rriżulta li kien sostanzjalment anqas minn dak mistenni. Barra minn hekk, l-Istati Membri dehru li applikaw b'mod strett il-kondizzjonijiet dwar l-għoti tal-għajnuna, l-biċċa il-kbira minħabba l-fatt tal-limitazzjonijiet baġitarji, li b’hekk x’aktarx li żamm in-numru ta' benefiċjarji żgħir.

Fir-rigward tal-preferenza ta’ għażla offruta taħt il-Qafas Temporanju, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri kienu attirati permezz tal-għodda tal-ammont tal-għajnuna limitata, segwit mill-garanziji sussidjati u interessi ta’ self sussidjat.

Għal aktar dettalji, aqra l-kapitolu 3.4 tad-Dokument tal-Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni fl-anness.

4. SIMPLIFIKAZZJONI TAR-REGOLI DWAR L-GħAJNUNA MILL-ISTAT

4.1. Arkitettura ġdida għall-kontroll tal-għajnuna mill-Istat

Il-Kummissjoni għandha l-kompetenza esklussiva biex tivvaluta l-kompatibbiltà tal-miżuri dwar l-għajnuna mill-Istat mat-TFUE. B’konformità ma' dan, l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar il-miżuri kollha qabel l-implimentazzjoni tagħhom[45].

L-SAAP f'Ġunju 2005 ħabbar l-intenzjonijiet tal-Kummissjoni biex tkattar l-użu tal-politika dwar l-għajnuna mill-Istat bħala għodda effettiva għat-tkabbir u l-impjiegi. Il-pjan nieda reviżjoni għal kważi r-regoli u l-proċeduri kollha tal-għajnuna mill-Istat[46]. Hemm erba' prinċipji ta' gwida li servew bħala pedament għall-programm ta' riforma:

- inqas għajnuna mill-Istat u li hija mmirata aħjar;

- strateġija ekonomika rfinata;

- proċeduri aktar effettivi, infurzar aħjar, tbassir ogħla u trasparenza mtejba;

- responsabbiltà konġunta bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri.

F’ċerti każi, kategoriji sħaħ ta’ għajnuna ġew identifikati bħala li x’aktarx mhux se jkollhom impatt negattiv sinifikanti fuq il-kompetizzjoni fuq il-livell tal-UE filwaqt li jikkontribwixxu għall-kisba ta’ għan ta’ interess komuni. Dawn 'l hekk imsejħa 'eżenzjonijiet ta’ kategorija’ ġew għalhekk adottati u miżuri li jissodisfaw il-kriterji stipulati f’dawn l-istrumenti speċifiċi jistgħu għalhekk jingħataw mingħajr notifika ulterjuri lill-Kummissjoni[47]. Meta Stat Membru jinnotifika u japprova skema ta’ għajnuna, dan jista’ ġeneralment jagħti għotjiet ta’ għajnuna individwali mingħajr notifika ulterjuri lill-Kummissjoni. Applikazzjonijiet kbar individwali għal skemi ta' għajnuna li tkun taqbeż ċertu limitu u għajnuna li tkun mogħtija barra minn skema[48] trid tiġi notifikata individwalment.

Is-"sistema bi tliet livelli": eżenzjoni ġenerali, valutazzjoni standard u valutazzjoni dettaljata

Sabiex il-proċeduri u t-teħid tad-deċiżjonijiet jitħaffu u jsiru aktar effiċjenti, fl-2008 l-Kummissjoni introduċiet tibdiliet sostanzjali għall-arkitettura tal-kontroll tagħha tal-għajnuna mill-Istat. Dan kien miksub billi d-diversi miżuri ta' għajnuna ġew soġġetti għal livell ta' kontroll li jirrifletti l-effetti potenzjali rispettivi tagħhom fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ. L-arkitettura l-ġdida hija bbażata fuq "sistema bi tliet livelli": eżenzjoni ġenerali (u de minimis ), valutazzjoni standard u valutazzjoni dettaljata. Filwaqt li l-għadd ta' miżuri ta' eżenzjoni ġenerali żdied b’mod sinifikanti matul is-snin li għaddew, il-maġġoranza tal-każi jew skemi individwali li għadhom jiġu nnotati huma soġġetti għal valutazzjoni standard li tiżgura valutazzjoni mingħajr skossi. Fl-2009 saret valutazzjoni ddettaljata f’4 minn 16-il każ ta' riskju tal-kapital; għall-każi ta’ RŻI, kienet 9 minn 30 każ. L-ebda valutazzjoni ddettaljata ma saret għall-każi ta’ protezzjoni ambjentali, u għal 1 biss minn 59 każ ta’ għajnuna reġjonali. Ma saret l-ebda valutazzjoni dettaljata f'każi li jaqgħu taħt xi għan orizzontali ieħor.

Il-proċedura simplifikata l-ġdida u l-Kodiċi tal-Aħjar Prattika

Sabiex il-proċess ta' notifika għal każi kompatibbli a priori jkun b'anqas skossi, f'Settembru 2009, il-Kummissjoni introduċiet proċedura simplifikata[49]. Il-Kummissjoni qed timmira li tiżgura li għajnuna kompatibbli b'mod ċar tkun approvata f'perjodu ta' żmien aktar mgħaġġel ta' xahar, ibbażat fuq notifika kompleta minn Stat Membru.

Il-parti l-oħra tal-pakkett ta’ simplifikazzjoni kienet il-Kodiċi tal-Aħjar Prattika għat-tmexxija tal-proċeduri ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat[50]. Din hi bbażata fuq impenn konġunt tal-Kummissjoni u l-Istati Membri sabiex jinkisbu proċeduri aktar simplifikati u prevedibbli f'kull pass tal-investigazzjoni tal-għajnuna mill-Istat. B’riżultat ta’ dan, il-Kummissjoni se tkun f’pożizzjoni li tadotta aktar malajr id-deċiżjonijiet tagħha dwar każi ta’ għajnuna mill-Istat fi ħdan il-qafas legali ta’ proċedura.

4.2. Valutazzjoni ta' każi individwali ffukata fuq numru żgħir ta’ miżuri ta’ għajnuna kbira li tfixkel b'mod qawwi

L-Istati Membri qegħdin dejjem jużaw il-possibilitajiet għall-għoti ta’ għajnuna ta' eżenzjoni ġenerali u b’mod partikolari jużaw skemi abbażi ta' liema għajnuna lill-impriżi individwali tista' tingħata mingħajr avviż ulterjuri lill-Kummissjoni. Fl-2009, 964 jew 76% tal-miżuri ġodda li ġew introdotti[51] kkwalifikaw bħala għajnuna ta' eżenzjoni ġenerali. 225 skema (18%) u 86 miżura ta’ għajnuna individwali (6%) kienu soġġetti għal deċiżjoni tal-Kummissjoni fl-2009. Dan ifisser li 94% tal-miżuri ta’ għajnuna mmirati għall-industrija u s-servizzi, filwaqt li kienu soġġetti għad-dixxiplina tal-għajnuna mill-Istat, ġew mogħtija mill-Istati Membri mingħajr ma kellhom ħtieġa ta' valutazzjoni individwali mill-Kummissjoni fuq livell tal-benefiċjarju. F'termini ta' volumi ta' għajnuna rrapportata[52], l-għajnuna individwali kienet tammonta għal 12% biss tal-għajnuna totali lill-industrija u s-servizzi (EUR 6.9 biljun), filwaqt li l-għajnuna li ngħatat taħt l-iskemi kienet tammonta għal 69% (EUR 40.4 biljun) u għajnuna għal eżenzjoni ġenerali għal 19% (EUR 10.8 biljun).

4.3. Kważi 19% tal-għajnuna lill-industrija u s-servizzi għandha eżenzjoni ġenerali

L-għajnuna għal eżenzjoni ġenerali żdiedet bejn wieħed u ieħor għal EUR 2 biljun għal EUR 10.8 biljun jew 19% tal-għajnuna totali lill-industrija u s-servizzi fl-2009 meta mqabbla mal-2008 (EUR 8.9 biljun jew 19%) u l-2007 (EUR 6.1 biljun jew 13%). L-akbar kontribuzzjoni kienet għajnuna mmirata għall-iżvilupp reġjonali[53], segwita mill-għajnuna għall-SMEs, it-taħriġ u l-impjiegi. Ċerti Stati Membri neħħew kompletament il-miżuri ta’ għajnuna li taw qabel taħt il-BERs u bidluhom permezz ta’ miżuri ta’ GBER korrispondenti fejn l-Istati Membri ġeneralment kabbru l-ambitu tal-miżura li issa hi aċċettata taħt ir-regoli ta’ GBER.

5. INFURZAR TAR-REGOLI GħALL-GħAJNUNA MILL-ISTAT

Għajnuna illegali

L-Artikolu 108(3) tat-TFUE jobbliga lill-Istati Membri mhux biss li jinnotifikaw il-miżuri tal-għajnuna mill-Istat lill-Kummissjoni qabel l-implimentazzjoni tagħhom, iżda wkoll li jistennew ir-riżultati tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni qabel ma jimplimentaw il-miżuri nnotifikati. Meta wieħed minn dawn l-obbligi ma jiġix irrispettat, il-miżura tal-għajnuna mill-Istat titqies bħala illegali.

Fil-perjodu 2000-2009, il-Kummissjoni ħadet 910 deċiżjoni dwar għajnuna illegali. F'madwar 22% tal-każi tal-għajnuna illegali[54] il-Kummissjoni intervjeniet billi ħadet deċiżjoni negattiva dwar miżura ta' għajnuna mhux kompatibbli. Din id-deċiżjoni negattiva normalment titlob lill-Istat Membru kkonċernat biex jirkupra l-għajnuna li jkun ħa b'mod illegali. Fi 2% oħra tal-każi ta' għajnuna illegali[55], il-Kummissjoni ħadet deċiżjoni kondizzjonali. Din ir-rata ta' intervent ta' madwar 24% għall-għajnuna illegali hi madwar għaxar darbiet ogħla mir-rata ta' deċiżjonijiet negattivi u kondizzjonali f'każi debitament notifikati. Aktar min-nofs l-interventi saru fis-settur tal-industrija u s-servizzi, madwar ftit inqas minn kwart saru fl-agrikoltura u l-kumplament fis-sajd, fit-trasport u fil-faħam.

Irkupru tal-għajnuna

Sar aktar progress fil-konfront ta' deċiżjonijiet dwar irkupru pendenti sabiex dawn jiġu konklużi. It-total tal-ammont ta’ rkupru pendenti kien ta’ 54 każ[56] (meta mqabbel ma’ 94 każ fl-aħħar tal-2004) L-ammont ta’ għajnuna illegali u li mhix kompatibbli rkuprata mis-sena 2000 kompla jiżdied u kien ta' EUR 12-il biljun fit-30 ta' Ġunju 2010[57]. Dak ifisser li l-perċentwali tal-għajnuna illegali u li mhix kompatibbli li għad trid tkun irkuprata niżel minn 75% fi tmiem l-2004 għal madwar 11% fit-30 ta' Ġunju 2010.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ħadet xi deċiżjonijiet ta' rkupru fl-oqsma tal-agrikoltura, is-sajd u t-trasport.

Infurzar tal-Liġi dwar l-għajnuna mill-Istat: Kooperazzjoni mal-qrati nazzjonali

Fis-segwitu għall-Avviż dwar l-Infurzar tal-Liġi dwar l-Għajnuna mill-Istat mill-Qrati Nazzjonali[58], sforzi ta’ tagħrif ġew intensifikati pereżempju permezz tal-għoti ta’ pakkett ta’ informazzjoni ppubblikat fuq is-sit elettroniku tad-DĠ għall-Kompetizzjoni[59] u permezz ta’ pubblikazzjoni ta’ fuljett[60] li jiġbor fih l-aktar materjal tal-UE relevanti għall-infurzar tal-għajnuna mill-Istat fix-xogħol ta’ kuljum tal-imħallfin.

Monitoraġġ ex-post

Bid-dħul fis-seħħ tal-GBER għadd ferm akbar ta' miżuri ta' għajnuna mhumiex aktar soġġetti għall-obbligu ta' notifika. L-Artikolu 10 ta' dak ir-regolament jikkostitwixxi l-bażi għat-twettiq ta' monitoraġġ ex-post fuq bażi ta' kampjun. Ir-riżultat wera li, b’mod ġenerali, il-parti tal-arkitettura eżistenti tal-għajnuna mill-Istat li tippermetti l-approvazzjoni tal-iskemi ta' għajnuna u li tippermetti lill-Istati Membri li jimplimentaw il-miżuri ta' għajnuna taħt il-GBER u l-BERs qed taħdem b'mod sodisfaċenti.

ANNESS

Dokument ta' Ħidma għall-Persunal tal-Kummissjoni "Fatti u ċifri dwar l-għajnuna mill-Istat fl-Istati Membri tal-UE"

[1]

[2] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, Sostenibilità fuq medda twila ta' żmien tal-finanzi pubbliċi għal ekonomija li qed tirkupra - COM(2009) 545 tal-14/10/2009 (http://ec.europa.eu/economy_finance/thematic_articles/article15994_en.htm)

[3] Qafas temporanju għal miżuri ta' għajnuna mill-Istat biex isostnu l-aċċess għall-finanzjament fil-kriżi finanzjarja u ekonomika preżenti; verżjoni konsolidata, il-ĠU C 83, tas-7.4.2009; kif emendat aktar fil-ĠU C 261, tal-31.10.2009, p. 2 u l-ĠU C 303, tal-15.12.2009, p. 6.

[4] It-total ikopri l-għajnuna għall-manifatturar, is-servizzi, il-faħam, l-agrikoltura, is-sajd u parti mis-settur tat-trasport iżda jeskludi l-għajnuna għas-settur tal-ferroviji u l-għajnuna għall-kumpens għas-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali minħabba n-nuqqas ta' dejta komparabbli. L-ammonti tal-għajnuna jirriferu għall-element ta’ għajnuna (jew l-għotja gross ekwivalenti f’każ ta’ garanziji jew self) li jinsab fil-miżura tal-għajnuna mill-Istat sakemm ma jkunx iddikjarat mod ieħor (ara r-rimarki dwar il-metodoloġija fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, mehmuż ma’ dan ir-Rapport).

[5] L-UE-27 tfisser l-Istati Membri kollha tal-UE.

[6] Sabiex tingħata stampa sħiħa tal-għajnuna għall-kriżi, il-perjodu sħiħ li jibda mid-data tal-adozzjoni tal-miżuri għall-kriżi tal-Kummissjoni sad-data stmata tal-1 Ottubru 2010 ġie użat bħala l-perjodu ta’ referenza għal din il-parti tar-rapport.

[7] L-UE-15 tikkonsisti fl-Istati Membri li ssieħbu fl-UE qabel l-2004.

[8] Il-faħam, bħala parti mill-għajnuna settorali, ammonta għal EUR 2.7 biljun jew 3.7% tal-għajnuna totali.

[9] Minbarra l-ferroviji.

[10] Minħabba li d-dejta komparabbli mhix disponibbli, din ma ġiet inkluża fl-ebda wieħed mit-totali.

[11] Ara l-paragrafu 2.3.5 tad-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni "Fatti u ċifri dwar l-għajnuna mill-Istat fl-Istati Membri tal-UE".

[12] Il-miżuri għall-kriżi esklużi.

[13] Sors: DĠ Kompetizzjoni; Ċifri tal-PDG: Eurostat.

[14] L-UE-12 tinkludi l-Istati Membri li daħlu fl-UE fl-2004 jew wara.

[15] Jiġifieri biex issir promozzjoni tal-għajnuna orizzontali flok l-għajnuna settorali.

[16] Meta tkun eskluża l-għajnuna għall-kriżi.

[17] Il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, l-Irlanda, il-Greċja, Franza, il-Litwanja, l-Ungerija, il-Portugall u s-Slovakkja.

[18] Kieku wieħed kellu jinkludi l-miżuri għall-kriżi, is-sehem tal-għajnuna orizzontali kien jinżel għal 13%.

[19] Iż-żewġ gruppi differenti ta' każi jaqgħu fil-kategorija tal-għajnuna għall-ambjent u għall-iffrankar tal-enerġija. L-ewwel grupp ta' każi għandu għan ta' benefiċċju dirett għall-ambjent. It-tieni grupp ikopri t-tnaqqis jew l-eżenzjoni minn taxxi ambjentali. Għal dan it-tieni grupp ta' każi, in-nefqa tal-għajnuna ma tistax tittieħed bħala mudell biex jiġi mkejjel il-benefiċċju ambjentali peress li dan il-benefiċċju hu mħallas mit-taxxi u mhux mill-eżenzjoni tagħhom. Għal aktar dettalji, ara t-Tabella ta’ Valutazzjoni tar-Rebbiegħa 2008 - COM(2008) 304, tal-21.5.2008.

[20] Ara t-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Ħarifa 2009 - COM(2009) 661, tas-7.12.2009, p. 5.

[21] Ara t-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Ħarifa 2008 - COM(2008) 751, tas-17.11.2008, p. 30.

[22] L-għajnuna għas-salvataġġ u r-ristrutturar naqset u għalhekk ma tikkontribwixxix għaż-żieda globali fl-għajnuna settorjali.

[23] Dawn il-perċentwali jeskludu dawk il-miżuri b'għan orizzontali li minkejja dan, huma mmirati għas-setturi tal-manifattura u s-servizzi.

[24] Linji Gwida tal-Komunità dwar Għajnuna mill-Istat għas-Salvataġġ u r-Ristrutturar ta' Impriżi f'Diffikultà (ĠU C 244, 1.10.2004, pp. 2-17), kif estiżi fil-ĠU C 156, 9.7.2009, p. 3.

[25] Minn Ottubru tal-2008 l-Kummissjoni adottat erba’ Komunikazzjonijiet; 1) Komunikazzjoni mill-Kummissjoni- L-applikazzjoni ta' regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għal miżuri meħuda fejn jidħlu istituzzjonijiet finanzjarji fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja globali preżenti (ĠU C 270, 25.10.2008, p. 8-14); 2) Komunikazzjoni mill-Kummissjoni — Ir-rikapitalizzazzjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji fil-kriżi finanzjarja preżenti: limitazzjoni tal-għajnuna għall-minimu meħtieġ u protezzjoni kontra distorsjonijiet ta' kompetizzjoni (ĠU C 10, 15.1.2009, p. 2-10); 3) Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar it-trattament ta' assi danneġġjati fis-settur bankarju tal-Komunità (ĠU C 72, 26.3.2009, p. 1-22); u 4) Komunikazzjoni mill-Kummissjoni fuq ir-ritorn għall-vijabbiltà u l-valutazzjoni ta’ miżuri ta’ ristrutturar fis-settur finanzjarju fil-kriżi attwali taħt ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat (ĠU C 195, 19.8.2009, p. 9-20). Din tal-aħħar hi applikabbli sal-aħħar tal-2010.

[26] Għal analiżi aktar iddettaljata tal-ideat ewlenin ta’ dawn il-komunikazzjonijiet u kif ukoll għal analiżi aktar profonda tal-kuntest tal-kriżi jekk jogħġbok irreferi għall-edizzjonijiet ta’ qabel tat-Tabella ta’ Valutazzjoni, notevolment it-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Ħarifa 2008, l-edizzjoni speċjali tar-Rebbiegħa 2009, it-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Ħarifa 2009 u l-edizzjoni speċjali tar-Rebbiegħa 2010. Ara wkoll ir-Rapport dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni għall-2009 – COM(2010) 282, 3.6.2010, p. 4-11.

[27] Ċerti banek għad jistgħu joħolqu tħassib dwar il-likwidità fil-konfront tar-ristrutturar li għaddej bħalissa u l-inċertezzi fis-suq.

[28] Ara l-2981 laqgħa tal-Kunsill, Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, Brussell, it-2 ta’ Diċembru 2009, 16838/09 (Stqarrija Stampa 352): http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_Data/docs/pressdata/en/ecofin/111706.pdf.

[29] Dokument ta’ ħidma tal-persunal dwar l-applikazzjoni ta’ regoli dwar l-għajnuna mill-istat għall-iskemi ta' garanziji tal-gvernijiet li jkopru d-djun tal-banek li għandhom joħorġu wara t-30 ta’ Ġunju 2010, http://ec.europa.eu/competition/state_aid/studies_reports/phase_out_bank_guarantees.pdf.

[30] Ara l-laqgħa 3015 tal-Kunsill għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, tat-18 ta’ Mejju 2010, http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_data/docs/pressdata/en/ecofin/114495.pdf .

[31] Sabiex jirrifletti l-aħħar żviluppi, il-perjodu ta’ referenza għal ammonti approvati u deċiżjonijiet meħuda fil-kuntest ta’ każi ta’ kriżi finanzjarja li ttieħed f’din it-Tabella ta’ Valutazzjoni kien mill-1 ta’ Ottubru 2008 sal-1 ta’ Ottubru 2010. Kwalunkwe differenza ma’ dokumenti oħra tal-Kummissjoni li janalizzaw il-volumi approvati ta’ għajnuna bħala garanziji jistgħu jiġu spjegati permezz ta’ data ta’ referenza differenti.

[32] Skemi ta’ garanziji totali ġew adottati fid-Danimarka u l-Irlanda.

[33] Uħud minn dawn l-Istati Membri kellhom l-ogħla livelli ta’ PDG fl-UE-27.

[34] Pereżempju, il-volum massimu approvat mill-Kummissjoni fir-Renju Unit hu ta’ EUR 850 biljun filwaqt li ċ-ċifra għal-Litwanja hi ta’ EUR 1.74 biljun.

[35] Għal aktar informazzjoni dwar id-distinzjoni bejn volumi approvati, ammonti li ntużaw fil-verità u element ta’ għajnuna, aqra l-Kapitolu 3 u n-noti dwar il-metodoloġija fid-dokument ta’ ħidma tal-Persunal fl-anness.

[36] Jekk jogħġbok innota li ċ-ċifri għall-użu attwali u l-element ta’ għajnuna fl-2008 huma differenti minn dawk imħabbra fit-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Ħarifa 2010 minħabba l-aġġustamenti tad-dejta li għamlu l-Istati Membri (jew proposti mill-Kummissjoni), bħal pereżempju fil-każ tad-Danimarka fejn iċ-ċifri għall-iskema NN51/2008 kienu inklużi fis-sena 2008.

[37] Ir-rata tal-użu tikkostitwixxi fl-użu attwali ta’ miżuri tal-għajnuna mill-Istat mill-bidu tal-kriżi finanzjarja fl-2008 sal-31 ta’ Diċembru 2009 relattiva għall-ammont totali approvat f’dan il-perjodu. F’dan l-istadju, ir-rata tal-użu ma tistax tiġi kkalkulata għall-2010 peress li l-Kummissjoni ma għandhiex fil-pussess tagħha ċ-ċifri tal-użu attwali għall-2010. Dawn iċ-ċifri se jiġu rrapportati mill-Istati Membri fl-eżerċizzju tat-Tabella ta’ Valutazzjoni 2011.

[38] Fin-nuqqas ta’ dejta tan-nefqa attwali u/jew stimi provduti mill-Istati Membri, f’ċerti każi l-Istati Membri ġew mitluba biex jikkonfermaw l-istimi li saru mis-servizzi tal-Kummissjoni. Għall-metodi ta’ stima eżatti applikati, jekk jogħġbok irreferi għan-noti dwar il-Metodoloġija.

[39] Il-vantaġġ monetarju meta l-għajnuna ġiet mogħtija fil-forma ta’ garanzija jew self, pereżempju.

[40] Id-dejta dwar l-element ta’ għajnuna hi miksuba mir-rapporti tal-Istati Membri dwar l-għajnuna mill-Istat. Għal aktar informazzjoni dwar id-distinzjoni bejn l-użu attwali u l-element ta’ għajnuna, definizzjonijiet preċiżi tal-element ta’ għajnuna għal kull strument ta’ għajnuna (garanziji, rikapitalizzazzjoni u assi danneġġjati) fir-rigward tal-każi tal-kriżi finanzjarja, jekk jogħġbok irreferi għan-noti dwar il-Metodoloġija tat-Tabella ta’ Valutazzjoni.

[41] Il-verżjoni konsolidata tal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni – il-Qafas Temporanju, ĠU C 83, 7.4.2009, p. 1; kif emendata aktar fil-ĠU C 261, 31.10.2009, p. 1 u l-ĠU C 303, tal-15.12.2009, p. 6.

[42] Adottat f’Novembru 2008.

[43] Iċ-ċifra tinkludi biss miżuri li jaqaw taħt l-għajnuna lill-industrija u s-servizzi.

[44] 12-il skema kienu qed jagħtu għajnuna ta’ madwar EUR 15000 għall-produtturi tal-agrikoltura.

[45] L-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea; dispożizzjonijiet dettaljati jinsabu fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta' Marzu 1999 (ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1-9).

[46] Ara t-tabella 2 fl-Anness dwar il-Fatti u ċ-ċifri dwar l-għajnuna mill-Istat fl-Istati Membri tal-UE.

[47] F’dan li ġej, għajnuna ta' eżenzjoni ta' kategorija tinkludi għajnuna mogħtija taħt ir-regolamenti dwar l-eżenzjoni ta’ kategorija li skadew (BERs) li ġew sostitwiti permezz ta’ test ikkonsolidat, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/2008 tas-6 ta’ Awwissu 2008 li jiddikjara ċerti kategoriji dwar il-kompatibilità mas-suq komuni fl-applikazzjoni tal-Artikolu 87 u 88 tat-Trattat (Regolament dwar Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa, jew GBER), (ĠU L 214, 9.8.2008, p. 3). Barra minn hekk, miżuri li jikkonformaw mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Novembru 2005 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 86(2) tat-Trattat tal-KE għal għajnuna mill-Istat fil-forma ta' kumpens għas-servizz pubbliku mogħti lil ċerti intrapriżi li jkunu fdati bl-operat ta' servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali (ĠU L 312, 29.11.2005, p. 67), u mar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport għall-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq u li tirrevoka r-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 1191/69 u (KEE) Nru 1107/70 (ĠU L 315, 3.12.2007, p. 1), huma eżentati wkoll mill-obbligu ta’ notifika.

[48] Magħrufa wkoll bħala għajnuna 'ad hoc'.

[49] Avviż tal-Kummissjoni dwar proċedura Simplifikata għat-trattament ta’ ċerti tipi ta’ għajnuna mill-Istat ĠU C 136, 16.6.2009, p. 3-12).

[50] Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Kodiċi tal-Aħjar Prattika għat-tmexxija tal-proċeduri ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat (ĠU C 136, 16.6.2009, p. 13).

[51] Il-miżuri għall-kriżi esklużi.

[52] Il-miżuri għall-kriżi esklużi.

[53] Peress li dak l-għan ta' politika kien introdott għall-eżenzjoni ġenerali fl-2007.

[54] 197 każ.

[55] 19-il każ.

[56] Dan il-perjodu jinkludi l-ewwel nofs tal-2010.

[57] Il-Kummissjoni tagħmel rapport dwar l-irkupru bbażat fuq 6 xhur kumulattivi.

[58] Avviż tal-Kummissjoni dwar l-infurzar tal-liġi tal-għajnuna mill-Istat mill-qrati nazzjonali (ĠU C 85, 9.4.2009, p. 1).

[59] http://ec.europa.eu/competition/court/state_aid.html.

[60] http://ec.europa.eu/competition/publications/state_aid/national_courts_booklet_en.pdf .