52010DC0677




[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 17.11.2010

KUMM(2010) 677 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL, IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Prijoritajiet tal-infrastruttura tal-enerġija għall-2020 u wara -Pjan dettaljat għal netwerk tal-enerġija Ewropew integrat

{SEG(2010) 1395 finali}{SEG(2010) 1396 finali}{SEG(2010) 1398 finali}

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL, IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Prijoritajiet tal-infrastruttura tal-enerġija għall-2020 u wara -Pjan dettaljat għal netwerk tal-enerġija Ewropew integrat

WERREJ

1. Daħla 4

2. L-isfidi tal-infrastruttura jirrikjedu azzjoni urġenti 4

2.1. Il-grids u l-ħżin tal-elettriku 4

2.2. Il-grids u l-ħżin tal-gass naturali 4

2.3 Netwerks distrettwali għat-tisħin u t-tkessiħ 4

2.4. Il-qbid, it-trasport u l-ħżin tas-CO2 (CCS – Carbon Capture and Storage ) 4

2.5. It-trasport taż-żejt u tal-olefin u l-infrastruttura tar-raffinar 4

2.6. Is-suq se jidħol għall-parti l-kbira tal-investimenti iżda għad hemm l-ostakli 4

2.7. Ħtiġijiet ta’ investiment u diskrepanza fil-finanzjament 4

3. Pjan dettaljat għall-infrastruttura tal-enerġija: Metodu ġdid ta’ ppjanar strateġiku 4

4. Il-prijoritajiet tal-infrastruttura Ewropea għall-2020 u wara 4

4.1. Il-kurituri ta’ prijorità għall-elettriku, il-gass u ż-żejt 4

4.1.1. L-adattament tal-grid tal-elettriku tal-Ewropa għall-2020 4

4.1.2. Provvisti tal-gass diversifikati għal netwerk tal-gass tal-UE kompletament interkonnessa u flessibbli 4

4.1.3. L-iżgurar tas-sigurtà tal-provvista taż-żejt 4

4.1.4. L-introduzzjoni ta’ teknoloġiji ta’ grids intelliġenti 4

4.2. Preparazzjoni tan-netwerks għal żmien itwal 4

4.2.1. Awtostradi tal-Elettriku Ewropej 4

4.2.2. L-infrastruttura tat-trasport Ewropea tas-CO2 4

4.3. Minn prijoritajiet għal proġetti 4

5. Sett ta’ għodda biex titħaffef l-implimentazzjoni 4

5.1. Raggruppamenti reġjonali 4

5.2. Proċeduri tal-permessi aktar rapidi u transparenti 4

5.3. Metodi u informazzjoni aħjar għal min jieħu d-deċiżjonijiet u ċ-ċittadini 4

5.4. Il-ħolqien ta’ qafas stabbli għall-finanzjament 4

5.4.1. L-ingranaġġ ta' sorsi privati permezz ta’ allokazzjoni tal-kost imtejba 4

5.4.2. It-twassil lejn l-aqwa ingranaġġ ta’ sorsi pubbliċi u privati permezz tal-mitigazzjoni tar-riskji tal-investituri 4

6. Konklużjonijiet u passi ’l quddiem 4

ANNESS 4

1. Daħla 4

2. Evoluzzjoni tad-domanda u l-provvista tal-elettriku 4

3. Il-kurituri ta’ prijorità għall-elettriku, il-gass u ż-żejt 4

3.1. L-adattament tal-grid tal-elettriku tal-Ewropa għall-2020 4

3.1.1. Il-grid barra mill-kosta fl-Ibħra tat-Tramuntana 4

3.1.2. L-interkonnessjonijiet fil-Lbiċ tal-Ewropa 4

3.1.3. Il-konnessjonijiet fil-Lvant Ċentrali u x-Xlokk tal-Ewropa 4

3.1.4. It-tlestija tal-Pjan ta’ Interkonnessjoni tas-Suq tal-Enerġija tal-Baltiku fl-elettriku 4

3.2. Provvisti tal-gass diversifikati għal netwerk tal-gass tal-UE kompletament interkonness u flessibbli 4

3.2.1. Il-Kuritur tan-Nofsinhar 4

3.2.2. L-interkonnessjonijiet tal-gass mit-Tramuntana għan-Nofsinhar fil-Lvant tal-Ewropa 4

3.2.3. It-tlestija tal-Pjan ta’ Interkonnessjoni tas-Suq tal-Enerġija tal-Baltiku fil-gass 4

3.2.4. Il-Kuritur mit-Tramuntana għan-Nofsinhar fil-Punent tal-Ewropa 4

3.3. L-iżgurar tas-sigurtà tal-provvista taż-żejt 4

3.4. L-introduzzjoni ta’ teknoloġiji ta’ grids intelliġenti 4

4. Preparazzjoni tan-netwerks għal żmien itwal 4

4.1. Awtostradi tal-elettriku Ewropej 4

4.2. L-infrastruttura tat-trasport Ewropea tas-CO2 4

1. Daħla

L-infrastruttura tal-enerġija tal-Ewropa hija s-sistema nervuża ċentrali tal-ekonomija tagħna. Il-miri tal-politika tal-enerġija tal-UE, kif ukoll l-għanijiet ekonomiċi tal-Ewropa 2020, ma jistgħux jintlaħqu mingħajr bidla maġġura fil-mod ta’ kif tiġi żviluppata l-infrastruttura Ewropea. Ir-rikostruzzjoni tas-sistema tal-enerġija tagħna għal futur b’livell baxx ta’ karbonju mhijiex biss kompitu tal-industrija tal-enerġija. Hemm bżonn titjib fit-teknoloġija, żieda fl-effiċjenza, kapaċità biex jintlaqa’ t-tibdil fil-klima u flessibbiltajiet ġodda. Dan mhux kompitu li jista’ jitwettaq minn Stat Membru wieħed waħdu. Jinħtieġu strateġija u finanzjament Ewropej.

Il-Politika dwar l-Enerġija għall-Ewropa, li ntlaħaq qbil dwarha mill-Kunsill Ewropew f’Marzu 2007[1], tistabbilixxi l -objettivi ewlenin tal-politika dwar l-enerġija tal-Unjoni għall-kompetittività, is-sostenibbiltà u s-sigurtà tal-provvista . Is-suq intern tal-enerġija għandu jiġi kkompletat fis-snin li ġejjin, u sal-2020 is-sorsi rinnovabbli għandhom jagħtu kontribut ta’ 20% għall-konsum tal-enerġija totali tagħna, l-emissjonijiet tal-gass b’effett serra għandhom jonqsu b’20%[2] u l-gwadanji fl-effiċjenza fl-enerġija għandhom iwasslu għal iffrankar ta’ 20% tal-konsum tal-enerġija. L-UE għandha tiżgura s-sigurtà tal-provvista lill-500 miljun ċittadin tagħha bi prezzijiet kompetittivi fid-dawl tal-kompetizzjoni internazzjonali li qed tikber fir-rigward tar-riżorsi dinjija. L-importanza relattiva tas-sorsi tal-enerġija se tinbidel. Għall-karburanti fossili, speċjalment il-gass u ż-żejt, l-UE se tkun tiddependi iktar u iktar fuq l-importazzjonijiet. Għall-elettriku, id-domanda hija mistennija tikber b’mod sinifikanti.

Il-Komunikazzjoni dwar l- Enerġija 2020 [3], adottata fl-10 ta’ Novembru 2010, appellat għal bidla sinifikanti fil-mod ta’ kif nippjanaw, nibnu u noperaw l-infrastrutturi u n-netwerks tagħna tal-enerġija. L-infrastrutturi tal-enerġija huma fuq quddiem fl-inizjattiva ewlenija[4] “Ewropa b’użu effiċjenti ta’ riżorsi”.

Netwerks tal-enerġija adegwati, integrati u affidabbli huma prerekwiżit essenzjali mhux biss għall-għanijiet tal-politika tal-enerġija tal-UE, iżda anke għall-istrateġija ekonomika tal-UE. L-iżvilupp tal-infrastruttura tal-enerġija tagħna mhux biss jippermetti lill-UE twassal suq intern tal-enerġija li jiffunzjona tajjeb, iżda se jtejjeb ukoll is-sigurtà tal-provvista, jippermetti l-integrazzjoni tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli, iżid l-effiċjenza fl-enerġija u jippermetti li l-konsumaturi jibbenefikaw minn teknoloġiji ġodda u użu intelliġenti tal-enerġija.

L-UE tħallas il-prezz għall-infrastruttura tal-enerġija skaduta tagħha u li ma għandhiex interkonnessjonijiet b’saħħithom. F’Jannar 2009, is-soluzzjonijiet għall-interuzzjonijiet tal-provvista tal-gass fil-Lvant tal-Ewropa kienu mxekkla minn nuqqas ta’ possibbiltajiet ta’ fluss fid-direzzjoni opposta u infrastrutturi inadegwati ta’ interkonnessjoni u ħżin. L-iżvilupp rapidu tal-ġenerazzjoni tal-elettriċità mir-riħ barra mill-kosta fir-reġjuni tal-Baħar tat-Tramuntana u l-Baħar Baltiku huwa mxekkel minn konnessjonijiet insuffiċjenti kemm fuq l-art kif ukoll barra mill-kosta. L-iżvilupp tal-potenzjal enormi fl-enerġiji rinnovabbli fin-Nofsinhar tal-Ewropa u fl-Afrika ta' Fuq se jkun impossibbli mingħajr interkonnessjonijiet addizzjonali fi ħdan l-UE u ma' pajjiżi ġirien. Ir-riskju u l-kost tal-interruzzjonijiet u l-ħela tal-enerġija se jiżdiedu bil-kbir sakemm l-UE ma tinvestix urġentement f’netwerks tal-enerġija intelliġenti, effettivi u kompetittivi u tisfrutta l-potenzjal tagħha għat-titjib tal-effiċjenza fl-enerġija.

Fuq żmien twil, dawn il-kwistjonijiet huma aggravati mill-mira tad-dekarbonizzazzjoni tal-UE li tnaqqas l-emissjonijiet tal-gass b’effett serra bi 80 sa 95% sal-2050 u jqajmu l-ħtieġa ta’ aktar żviluppi, bħal insfrastruttura għall-ħżin tal-elettriku fuq skala kbira, l-iċċarġjar tal-vetturi elettriċi, tat-trasport u l-ħżin tas-CO2 u tal-idroġenu. L-infrastrutturi li se jinbnew fl-għaxar snin li jmiss fil-biċċa l-kbira se jkunu għadhom qed jintużaw madwar l-2050. Għaldaqstant huwa kruċjali li l- objettiv iżjed fit-tul jinżamm fi ħsiebna. Fl-2011, il-Kummissjoni qed tippjana li tippreżenta pjan direzzjonali komprensiv għall-2050. Il-pjan direzzjonali se jippreżenta xenarji mħallta tal-enerġija, filwaqt li jiddeskrivi modi kien tista’ tintlaħaq l-mira fit-tul tad-dekarbonizzazzjoni tal-Ewropa u l-implikazzjonijiet għad-deċiżjonijiet fil-politika tal-enerġija. Din il-Komunikazzjoni tidentifika l-pjan tal-infrasfruttura tal-enerġija li se tkun meħtieġa biex jintlaħqu l-objettivi tal-enerġiji tal-2020 tagħna. Il-pjani direzzjonali tal-2050 għal ekonomija u enerġija b'livell tal-karbonju baxx se jinfurmaw u jiggwidaw ukoll l-implimentazzjoni tal-infrastruttura tal-enerġija tal-UE billi joffru viżjoni fit-tul.

L-infrastrutturi tal-enerġija ppjanati llum għandhom ikunu kompatibbli mal-għażliet tal-politika fit-tul.

Hemm bżonn ta’ politika ta’ infrastruttura tal-enerġija tal-UE ġdida li tikkoordina u tisfrutta bl-aħjar mod l-iżvilupp tan-netwerk fuq skala kontinentali. Dan jippermetti lill-UE tisfrutta l-benefiċċji kollha ta’ grid Ewropea integrata, li tiżboq sew il-valur tal-komponenti individwali tagħha. Strateġija Ewropea għal infrastrutturi tal-enerġija kompletament integrati bbażati fuq teknoloġiji intelliġenti u b’livell baxx ta’ karbonju tnaqqas l-ispejjeż tal-bidla għal livelli baxxi ta’ karbonju permezz tal-ekonomiji tad-daqs għal Stati Membri individwali. Suq Ewropew li huwa interkonness b'mod sħiħ se jtejjeb ukoll is-sigurtà tal-provvista filwaqt li jgħin fl-istabbiltà tal-prezzijiet tal-konsumatur billi jiżgura li l-elettriku u l-gass imorru fejn ikunu meħtieġa. In-netwerks Ewropej inklużi, kif hu xieraq, ma’ pajjiżi ġirien, se jiffaċilitaw il-kompetizzjoni fis-suq uniku tal-enerġija tal-UE u jibni s-solidarjetà bejn l-Istati Membri. Fuq kollox, infrastruttura Ewropea integrata se tiżgura li ċ-ċittadini u n-negozji Ewropej ikollhom aċċess għal sorsi tal-enerġija bi prezz raġonevoli. Dan, min-naħa l-oħra se jikkontribwixxi b’mod pożittiv għall-objettiv tal-politika Ewropa 2020 li tinżamm bażi industrijali b'saħħitha, diversifikata u kompetittiva fl-Ewropa.

Żewġ kwistjonijiet speċifiċi li għandhom jiġu indirizzati huma l-awtorizzazzjoni u l-finanzjament tal-proġett. Il-kooperazzjoni faċilitattiva u transkonfinali għandha ssir iktar effiċjenti u trasparenti biex tiżdied l-aċċettazzjoni tal-pubbliku u jiġu aċċellerati r-riżultati. Għandhom jinstabu soluzzjonijiet finanzjarji biex jintlaħqu l-ħtiġijiet tal-investiment - stmati għal madwar triljun ewro għall-għaxar snin li ġejjin li nofshom se jkunu meħtieġa għan-netwerks tal-enerġija biss. It-tariffi rregolati u l-ħlasijiet għall-konġestjoni se jkollhom jiffinanzjaw il-parti l-kbira ta’ dawn l-investimenti fuq il-grids. Madankollu, bil-qafas regolatorju attwali, mhux se jsir l-investiment kollu meħtieġ jew inkella mhux se jsir malajr daqskemm hu meħtieġ , speċjalment minħabba l-esternalitajiet pożittivi ta’ natura mhux kummerċjali jew iż-żieda fil-valur reġjonali jew Ewropew ta’ xi proġetti, li l-benefiċċji diretti tagħhom fuq livell nazzjonali jew lokali huma limitati. It-tnaqqis fir-ritmu tal-investiment fl-infrastruttura ġie aktar aggravat mir-reċessjoni.

Il-passi lejn strateġija ġdida tal-enerġija għall-UE jgawdu l-appoġġ kollu tal-kapijiet tal-istat u tal-gvernijiet tal-Ewropa. F’Marzu 2009, il-Kunsill Ewropew[5] appella għal reviżjoni dettaljata tal-qafas tan-Netwerks trans-Ewropej għall-Enerġija (TEN-E)[6] billi jiġi adattat kemm għall-isfidi deskritti hawn fuq kif ukoll għar-responsabbiltajiet il-ġodda mogħtija lill-Unjoni mill-Artikolu 194 tat-Trattat ta’ Lisbona.

Din il-Komunikazzjoni tiddeskrivi pjan dettaljat ( Blueprint ) li l-għan tiegħu huwa li jipprovdi lill-UE viżjoni ta’ dak li hu meħtieġ biex in-netwerks tagħna jsiru effiċjenti. . Hija tipproponi metodu ġdid ta’ ppjanar strateġiku biex jiġu mfassla l-infrastrutturi meħtieġa, jiġu stabbiliti liema minnhom huma ta’ interess Ewropew abbażi ta’ metodoloġija ċara u trasparenti u jiġi pprovdut sett ta’ għodda li jiżgura l-implimentazzjoni f’waqtha tagħhom, inklużi metodi biex jiġu aċċellerati l-awtorizzazzjonijiet, titjieb l-allokazzjoni tal-kost u l-finanzjament jiġi mmirat biex jiżdied l-investiment privat.

2. L-isfidi tal-infrastruttura jirrikjedu azzjoni urġenti

L-isfida biex l-infrastruttura tal-enerġija tagħna tiġi interkonnessa u adattata għall-ħtiġijiet il-ġodda hija sinifikanti, urġenti u tikkonċerna s-setturi kollha[7].

2.1. Il-grids u l-ħżin tal-elettriku

Il-grids tal-elettriku għandhom jiġu aġġornati u mmodernizzati biex ilaħħqu maż- żieda fid-domanda minħabba bidla maġġura fil-katina u t-taħlita tal-valur tal-enerġija globali iżda anke minħabba l-proliferazzjoni ta’ applikazzjonijiet u teknoloġiji li jiddependu fuqhom bħala sors ta’ enerġija (il-pompi tas-sħana, il-vetturi elettriċi, iċ-ċelloli tal-karburant u tal-idroġenu[8], it-tagħmir ta’ informazzjoni u komunikazzjoni eċċ.). Il-grids għandhom ukoll jiġu estiżi u aġġornati urġentement biex titrawwem l-integrazzjoni tas-suq u jinżammu l-livelli eżistenti tas-sigurtà tas-sistema, iżda speċjalment għat-trasport u l-bilanċ tal- elettriku ġġenerat minn sorsi rinnovabbli , li mistenni iktar milli jirdoppja fil-perjodu 2007-2020[9]. Sehem sinifikanti ta’ kapaċitajiet ta’ ġenerazzjoni se jkun ikkonċentrat f’postijiet iktar imbiegħda miċ-ċentri ewlenin ta’ konsum u ħżin. Sa 12% tal-ġenerazzjoni rinnovabbli fl-2020 mistennija tiġi minn stallazzjonijiet barra mill-kosta, speċjalment fl-Ibħra tat-Tramuntana. Sehem sinifikanti se jingħata wkoll minn impjanti tal-enerġija ( parks) mix-xemx u mir-riħ installati fuq l-art fin-Nofsinhar tal-Ewropa jew minn installazzjonijiet tal-bijomassa fl-Ewropa Ċentrali u fil-Lvant tal-Ewropa, filwaqt li l-ġenerazzjoni deċentralizzata wkoll se tiggwadanja importanza kbira mal-kontinent kollu. Permezz ta’ grid interkonness sew u intelliġenti li jinkludi ħżin fuq skala kbira , il-kost tal-użu tal-enerġija rinnovabbli jista’ jitnaqqas, peress li l-akbar gwadanni fl-effiċjenza jistgħu jsiru fuq skala pan-Ewropea. Minbarra dawn il-ħtiġijiet fuq żmien qasir, il-grids tal-elettriku jridu jevolvu b’mod aktar fundamentali biex tkun tista’ ssir il-bidla lejn sistema tal-elettriku dekarbonizzata għall-perjodu 2050, bl-appoġġ ta’ teknoloġiji ġodda ta’ vultaġġ għoli fuq distanzi twal u ta’ ħżin tal-elettriku ġdid li jistgħu jakkomodaw il-kontributi tal-enerġija rinnovabbli li dejjem jiżdiedu, mill-UE u aktar lil hinn.

Fl-istess waqt il-grids għandhom ukoll isiru iktar intelliġenti. L-ilħuq tal-miri tal-UE tal-2020 fir-rigward tal-effiċjenza fl-enerġija u l-enerġija rinnovabbli mhuwiex possibbli mingħajr iktar innovazzjoni u intellġenza fin-netwerks kemm fil-livell tat-trażmissjoni kif ukoll fil-livell tad-distribuzzjoni, speċjalment permezz ta’ teknoloġiji ta’ informazzjoni u komunikazzjoni. Dawn huma essenzjali biex jiġu adottati il-ġestjoni tad-domanda għall-enerġija u s-servizzi l-oħra ta’ grids intelliġenti . Il-grids tal-elettriku intelliġenti jiffaċilitaw it-trasparenza u jippermettu lill-konsumaturi jikkontrollaw l-apparat li jkollhom id-dar biex jiffrankaw l-enerġija, jiffaċilitaw il-ġenerazzjoni domestika u jnaqqsu l-ispejjeż. Tali teknoloġiji jgħinu wkoll biex tingħata spinta lill-kompettività u lill-primat tekonoloġiku dinji tal-industrija tal-UE, inklużi l-SMEs.

2.2. Il-grids u l-ħżin tal-gass naturali

Il-gass naturali se jibqa’ jkollu, sakemm tiġi garantita l-provvista tiegħu, rwol ewlieni fit-taħlita tal-enerġija tal-UE fl-għexieren tas-snin li ġejjin u se jsir iktar importanti bħala l- karburant ta’ riżerva għall-ġenerazzjoni tal-elettriku varjabbli. Għalkemm ir-riżorsi mhux konvenzjonali u tal-bijogass jistgħu, fuq żmien twil, jikkontribwixxu biex tonqos id-dipendenza tal-UE fuq l-importazzjoni, fuq żmien medju l-eżawriment tar-riżorsi indiġeni konvenzjonali tal-gass naturali jirrikjedi importazzjonijiet addizzjonali u diversifikati. In-netwerks tal-gass qed jiffaċċjaw ħtiġijiet ta’ flessibbiltà addizzjonali fis-sistema, il-ħtieġa ta' pipelines bidirezzjonali, kapaċitajiet akbar ta' ħżin u provvista flessibbli, inklużi l-gass naturali likwifikat (LNG – Liquefied Natural Gas ) u l-gass naturali kompressat (CNG – Compressed Natural Gas ). Fl-istess waqt, is-swieq għadhom frammentati u monopolistiċi, b’diversi ostakli għal kompetizzjoni miftuħa u ġusta. Fil-Lvant tal-Ewropa, tipprevali d- dipendenza fuq sors wieħed , ikkonsolidata bin-nuqqas ta’ infrastruttura. Sal-2020 diġà se jkun meħtieġ portafoll diversifikat ta’ sorsi u rotot fiżiċi tal-gass u netwerk tal-gass kompletament interkonness u bidirezzjonali fl-UE, fejn hu xieraq[10]. Dan l-iżvilupp għandu jkun marbut mill-qrib mal-istrateġija tal-UE għal pajjiżi terzi, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-pajjiżi fornituri u ta’ tranżitu tagħna.

2.3 Netwerks distrettwali għat-tisħin u t-tkessiħ

Il-ġenerazzjoni tal-enerġija termali ħafna drabi twassal għal telf fil-konverżjoni filwaqt li fl-istess ħin riżorsi naturali huma kkunsmati fil-qrib biex jipproduċu tisħin jew tkessiħ f'sistemi separati. Dan huwa ineffiċjenti u jqum il-flus. Bl-istess mod, is-sorsi naturali, bħall-ilma tal-baħar u ta’ taħt l-art, rarament huma użati għat-tkessiħ minkejja l-iffrankar fl-ispejjeż involuti. Għalhekk l-iżvilupp u l-modernizzazzjoni tan-netwerks distrettwali għat-tisħin u t-tkessiħ għandhom jiġu promossi bħala kwistjonijiet ta’ prijorità f’agglomerazzjonijiet akbar fejn il-kundizzjonijiet lokali jew reġjonali jistgħu jiġġustifikawha f'termini ta', b'mod notevoli, il-ħtiġijiet ta' tisħin u tkessiħ, infrastrutturi eżistenti u ppjanati u t-taħlita tal-ġenerazzjoni, eċċ... Dan se jiġi indirizzat fil-Pjan tal-Effiċjenza fl-Enerġija u s-sħubija dwar l-innovazzjoni tal-"Bliet Intelliġenti", li għandha tiġi varata fil-bidu tal-2011.

2.4. Il-qbid, it-trasport u l-ħżin tas-CO 2 (CCS – Carbon Capture and Storage )

It-teknoloġiji tas-CCS jippermettu t-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 fuq skala kbira filwaqt li jibqgħu jintużaw il-karburanti fossili, li se jibqgħu sors importanti għall-ġenerazzjoni tal-elettriku fl-għexieren ta’ snin li ġejjin. It-teknoloġija, ir-riskji u l-benefiċċji tagħha, għadhom qed jiġu ttestjati permezz ta' impjanti piloti li se jkunu onlajn fl-2015. It-twettiq kummerċjali tas-CCS fil-ġenerazzjoni elettrika u tal-applikazzjonijiet industrijali huwa mistenni li jibda fl-2020. Dan ikun segwit minn twettiq globali madwar l-2030. Minħabba l-fatt li s-siti tal-ħżin potenzjali tas-CO2 mhumiex imqassma b’mod uniformi madwar l-Ewropa u peress li xi Stati Membri, minħabba l-livelli sinifikanti tagħhom ta’ emissjonijiet tas-CO2, għandhom potenzjal ta’ ħżin limitat fil-konfini nazzjonali tagħhom, jista’ jkun meħtieġ li tinbena infrastruttura ta’ pipelines Ewropea li tkopri l-konfini tal-Istati u l-ambjent marittimu.

2.5. It-trasport taż-żejt u tal-olefin u l-infrastruttura tar-raffinar

Jekk il-politiki tal-klima, tat-trasport u tal-effiċjenza fl-enerġija jibqgħu kif inhuma llum, iż-żejt mistenni jirrappreżenta 30% tal-enerġija primarja, u parti sinifikanti tal-karburanti tat-trasport x’aktarx li jibqgħu bbażati fuq iż-żejt fl-2030. Is-sigurtà tal-provvista tiddependi mill-integrità u l-flessibbiltà tal- katina tal-provvista kollha, miż-żejt mhux maħdum ipprovdut lir-raffineriji sal-prodott finali distribwit lill-konsumaturi. Fl-istess ħin, l-għamla futura tal-infrastruttura tat-trasport tal-prodotti taż-żejt mhux maħdum u tal-petroleum se tkun ukoll iddeterminata minn żviluppi fis-settur tar-raffinerija, li bħalissa qed jaffaċċja għadd ta' sfidi kif muri fid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja din il-Komunikazzjoni.

2.6. Is-suq se jidħol għall-parti l-kbira tal-investimenti iżda għad hemm l-ostakli

Il-politika u l-miżuri leġiżlattivi li l-UE adottat mill-2009 ’l hawn ipprovdew bażi soda u tajba għall-ippjanar ta’ infrastruttura Ewropea. It- tielet pakkett tas-suq intern tal-enerġija [11] ħejja l-bażi għall-ippjanar u l-investiment għal netwerk Ewropew billi ħoloq ir-rekwiżit li l-Operaturi tas-Sistema ta’ Trażmissjoni (TSOs) jikkooperaw u jħejju pjanijiet ta’ żvilupp ta’ netwerk għal 10 snin (TYNDP) reġjonali u Ewropej għall-elettriku u l-gass fil-qafas tan-Netwerk Ewropew tat-TSOs (ENTSO) u billi stabbilixxa regoli ta’ kooperazzjoni dwar l-investimenti transkonfinali għar-regolaturi nazzjonali fil-qafas tal-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER).

It-tielet pakkett joħloq l-obbligu li r-regolaturi jikkunsidraw l-impatt tad-deċiżjonijiet tagħhom fuq is-suq intern tal-UE kollu kemm hu. Dan ifisser li ma għandhomx jevalwaw l-investimenti abbażi biss tal-benefiċċji fl-Istat Membru tagħhom, iżda abbażi tal-benefiċċji madwar l-UE kollha. Madankollu, l- iffissar tat-tariffi għadu jiffoka b’mod nazzjonali u deċiżjonijiet ewlenin dwar proġetti ta’ interkonnessjoni tal-infrastruttura jittieħdu fil-livell nazzjonali. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tradizzjonalment immiraw l-aktar li jnaqqsu kemm jistgħu t-tariffi, u għalhekk għandhom ix-xejra li ma japprovawx ir-rata ta’ redditu meħtieġa lill-proġetti b’benefiċċju reġjonali ogħla jew allokazzjoni transkonfinali tal-ispejjeż li hija diffiċli, proġetti li jużaw teknoloġiji innovattivi jew proġetti li jaqdu biss skopijiet ta’ sigurtà tal-provvista.

Barra minn hekk, bis-Sistema tal- Iskambju tal-Kwoti tal-Emissjonijiet (ETS) imsaħħa u estiża se jkun hemm suq tal-karbonju Ewropew unifikat. Il-prezzijiet tal-karbonju tal-ETS diġà jinfluwenzaw u se jkomplu jmexxu l-aqwa taħlita tal-provvista tal-elettriku u l-lok viċin sorsi ta’ provvista b’livell baxx ta’ karbonju.

Ir- regolament dwar is-sigurtà tal-provvista tal-gass [12] għandu jtejjeb il-kapaċità tal-UE li tirreaġixxi għal sitwazzjonijiet ta’ kriżi, permezz ta’ żieda fil-kapaċità tan-netwerk li tilqa’ għall-isfidi u standards komuni għas-sigurtà tal-provvista u tagħmir ieħor. Huwa jidentifika wkoll obbligi ċari relatati mal-investimenti f’netwerks.

Proċeduri tal-permessi twal u inċerti ġew identifikati mill-industrija kif ukoll mit-TSOs u mir-regolaturi, bħala waħda mir-raġunijiet ewlenin għad-dewmien fl-implimentazzjoni tal-proġetti infrastrutturali, speċjalment fl-elettriku[13]. Iż-żmien bejn l-ippjanar inizjali u l-kummissjonar finali ta’ linja tal-enerġija ħafna drabi jkun iktar minn 10 snin[14]. Il-proġetti transkonfinali ta’ sikwit jiffaċċjaw oppożizzjoni addizzjonali, billi ħafna drabi jiġu kkunsidrati bħala sempliċement “linji ta’ tranżitu” mingħajr benefiċċji lokali. Fl-elettriku, id-dewmien li jirriżulta minn dan huwa meħud li jippreveni madwar 50% tal-proġetti li huma kummerċjalment vijabbli milli jiġu mwettqa sal-2020[15]. Dan huwa ta’ xkiel kbir għat-trasformazzjoni tal-UE f’ekonomija effiċjenti fir-riżorsi u b’livell baxx ta’ karbonju u huwa ta’ theddida għall-kompetittività tagħha. Fiż-żoni barra mill-kosta n-nuqqas ta’ koordinazzjoni, ippjanar strateġiku u l-allinjament tal-oqfsa regolatorji nazzjonali ħafna drabi jtawlu l-proċess u jżidu r-riskju ta’ konflitti ma’ użijiet oħra fuq il-baħar iktar ’il quddiem.

2.7. Ħtiġijiet ta’ investiment u diskrepanza fil-finanzjament

Mil-lum sal-2020 għandhom jiġu investiti madwar triljun ewro fis-sistema tal-enerġija tagħna [16] biex jintlaħqu l-għanijiet tal-politika dwar l-enerġija u l-miri relatati mal-klima. Madwar nofs dan l-ammont se jkun jenħtieġ għan-netwerks, inklużi d-distribuzzjoni u t-trażmissjoni tal-elettriku u l-gass, il-ħżin u l-grids intelliġenti.

Minn dawn l-investimenti, in-netwerks tat-trażmissjoni tal-enerġija waħidhom għandhom bżonn madwar 200 biljun ewro . Mandankollu, 50% biss tal-investment meħtieġ għan-netwerks tat-trażmissjoni se jittieħed mis-suq sal-2020. Dan iħalli diskrepanza ta’ madwar 100 biljun ewro. Parti minn din id-diskrepanza hija kkawżata minn dewmien fl-akkwist tal-permessi ambjentali u ta’ kostruzzjoni meħtieġa, iżda wkoll mill-aċċess diffiċli għall-finanzjament u n-nuqqas ta' strumenti xierqa għat-tnaqqis tar-riskju, speċjalment għal proġetti b'esternalitajiet pożittivi u benefiċċji Ewropej usa' imma li ma għandhomx ġustifikazzjoni kummerċjali suffiċjenti[17]. L-isforzi tagħna jeħtieġu wkoll jiffukaw fuq aktar żvilupp tas-suq intern tal-enerġija, li huwa essenzjali biex tingħata spinta 'l quddiem lis-settur privat tal-investiment fl-infrastruttura tal-enerġija, li min-naħa tiegħu se jgħin biex titnaqqas id-diskrepanza finanzjarja fis-snin li ġejjin.

Il-kost tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ dawn l-investimenti, jew li ma jsirux b’koordinazzjoni fl-UE kollha, ikun enormi , kif juri l-każ tal-iżvilupp tal-enerġija mir-riħ barra mill-kosta, fejn is-soluzzjonijiet nazzjonali jkunu jiswew 20% iktar. It-twettiq tal-investimenti kollha meħtieġa fl-infrastruttura tat-trażmissjoni joħloq 775,000 impjieg addizzjonali fil-perjodu 2011-2020 u jżid il-PGD tagħna b’19-il biljun ewro sal-2020[18] meta mqabbel mat-tkabbir fix-xenarju ta’ kollox jibqa' kif inhu issa. Barra minn hekk, investimenti bħal dawn jgħinu fil-promozzjoni tat-tixrid tat-teknoloġiji tal-UE. L-industrija tal-UE, inklużi l-SMEs, hija produttur ewlieni tat-teknoloġiji tal-infrastruttura tal-enerġija. L-aġġornament tal-infrastruttura tal-enerġija tal-UE jipprovdi opportunità biex il-kompetittività tal-UE u l-primat teknoloġiku fid-dinja kollha jingħataw imbuttatura 'l quddiem.

3. Pjan dettaljat għall-infrastruttura tal-enerġija: Metodu ġdid ta’ ppjanar strateġiku

Hija meħtieġa politika tal-infrastruttura kompletament ġdida abbażi ta' viżjoni Ewropea jekk irridu li jkollna l-infrastrutturi tal-enerġija li l-Ewropa għandha bżonn fl-għoxrin sena li ġejjin. Dan ifisser ukoll bidla fil-prattika attwali tat-TEN-E ta’ listi twal ta’ proġetti predefiniti u inflessibbli. Il-Kummissjoni tipproponi metodu ġdid li jinkludi l-passi li ġejjin:

- L-identifikazzjoni ta’ pjan tal-infrastruttura tal-enerġija li twassal lejn supergrid intelliġenti Ewropew li jkun ta’ interkonnessjoni għan-netwerks fuq livell kontinentali

- L-iffukar fuq għadd limitat ta’ prijoritajiet Ewropej li għandhom jiġu implimentati sal-2020 biex jintlaħqu l-għanijiet fuq żmien twil u fejn l-azzjoni Ewropea hija l-iktar ġustifikata.

- L-identifikazzjoni, abbażi ta’ metodoloġija maqbula, ta’ proġetti konkreti meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dawn il-prijoritajiet – iddikjarati bħala proġetti ta’ interess Ewropew – b’mod flessibbli u li jibnu fuq il-kooperazzjoni reġjonali biex iwieġbu għall-bidliet fil-kundizzjonijiet tas-suq u l-iżvilupp teknoloġiku.

- L-appoġġ għall-implimentazzoni ta’ proġetti ta’ interess Ewropew permezz ta’ għodod ġodda , bħal kooperazzjoni reġjonali mtejba, proċeduri tal-permessi, metodi u informazzjoni aħjar għat-teħid tad-deċiżjonijiet u għaċ-ċittadini u strumenti finanzjarji innovattivi.

4. Il-prijoritajiet tal-infrastruttura Ewropea għall-2020 u wara

Il-Kummissjoni tipproponi l-prijoritajiet li ġejjin fuq żmien qasir u aktar fit-tul biex l-infrastruttura tal-enerġija tagħna tkun tajba għas-seklu 21.

4.1. Il-kurituri ta’ prijorità għall-elettriku, il-gass u ż-żejt

4.1.1. L-adattament tal-grid tal-elettriku tal-Ewropa għall-2020

L-ewwel pjan tal-iżvilupp tan-netwerk fuq 10 snin (TYNDP)[19] jifforma bażi solida għall-identifikazzjoni tal-prijoritajiet fis-settur tal-infrastruttura tal-elettriku. Madankollu, il-pjan ma jikkunsidrax bis-sħiħ l-investiment fl-infrastruttura mqanqal minn kapaċitajiet ta’ ġenerazzjoni importanti ġodda barra mill-kosta, prinċipalment mir-riħ fl-Ibħra tat-Tramuntana[20] u ma jiżgurax l-implimentazzjoni f’waqtha, speċjalment għall-interkonnessjonijiet transkonfinali. Biex tiġi żgurata l-integrazzjoni f’waqtha tal-kapaċitajiet ta’ ġenerazzjoni tal- enerġiji rinnovabbli fit-Tramuntana u n-Nofsinhar tal-Ewropa u iktar integrazzjoni tas-suq , il-Kummissjoni Ewropea qed tipproponi li l-attenzjoni tiffoka fuq il-kurituri prijoritarji li ġejjin, li jagħmlu l-grids tal-elettriku Ewropej tajbin għall-użu għall-2020:

1. Grid barra mill-kosta fl-Ibħra tat-Tramuntana u konnessjoni mat-Tramuntana tal-Ewropa kif ukoll mal-Ewropa Ċentrali – biex il-kapaċitajiet tal-produzzjoni tal-enerġija fl-Ibħra tat-Tramuntana[21] jiġu integrati u konnessi maċ-ċentri tal-konsum fl-Ewropa Ċentrali u dawk tat-Tramuntana u l-faċilitajiet ta’ ħżin idroġenu fir-Reġjun tal-Alpi u fil-pajjiżi Nordiċi.

2. Interkonnessjonijiet fl-Ewropa tal-Lbiċ biex jiġu akkomodati l-enerġiji tar-riħ, tal-ilma u tax-xemx, b’mod partikolari bejn il-Peniżola Iberika u Franza, u jgħaqqdu aktar mal-Ewropa Ċentrali, biex isir l-aqwa użu possibbli mis-sorsi tal-enerġija rinnovabbli tal-Afrika ta’ Fuq u l-infrastruttura eżistenti bejn l-Afrika ta’ Fuq u l-Ewropa.

3. Konnessjonijiet fil-Lvant Ċentrali u fix-Xlokk tal-Ewropa – tisħiħ tan-netwerk reġjonali fid-direzzjonijiet tal-fluss tal-enerġija mit-Tramuntana għan-Nofsinhar u mil-Lvant għall-Punent, sabiex jingħata appoġġ għall-integrazzjoni tas-suq u tal-enerġija rinnovabbli, inklużi konnessjonijiet ma’ kapaċitajiet tal-ħżin u integrazzjoni ta’ gżejjer ta’ enerġija.

4. Tlestija tal-BEMIP (Pjan ta’ Interkonnessjoni tas-Suq tal-Enerġija tal-Baltiku) – integrazzjoni tal-Istati Baltiċi fis-suq Ewropew permezz tat-tisħiħ tan-netwerks interni tagħhom u t-tisħiħ tal-interkonnessjonijiet mal-Finlandja, l-Isvezja u l-Polonja u permezz tat-tisħiħ tal-grid intern tal-Polonja u l-interkonnessjonijiet lejn il-Lvant u l-Punent.

4.1.2. Provvisti tal-gass diversifikati għal netwerk tal-gass tal-UE kompletament interkonnessa u flessibbli

L-għan ta’ dan il-qasam prijoritarju huwa li tinbena l-infrastruttura meħtieġa li tippermetti x-xiri u l-bejgħ tal-gass minn kwalukwe sors fl-UE kollha, indipendentement mill-konfini nazzjonali. Dan jiżgura wkoll is-sigurtà tad-domanda billi jipprovdi aktar għażla u suq akbar għall-produtturi tal-gass biex ibigħu l-prodotti tagħhom. Għadd ta’ eżempji pożittivi fl-Istati Membri juru li d-diversifikazzjoni hija element importanti biex tiżdied il-kompetizzjoni u titjieb is-sigurtà tal-provvista. Filwaqt li fil-livell tal-UE, il-provvisti huma diversifikati tul tliet kurituri - il-Kuritur tat-Tramuntana min-Norveġja, il-Kuritur tal-Lvant mir-Russja u l-Kuritur tal-Mediterran mill-Afrika – u permezz tal-LNG, id-dipendenza fuq sors wieħed għadha tipprevali f’ċertu reġjuni. Kull reġjun Ewropew għandu jimplimenta infrastruttura li tippermetti l- aċċess fiżiku għal talanqas żewġ sorsi differenti . Fl-istess waqt, ir-rwol ta’ bilanċ li għandu l-gass għall-ġenerazzjoni tal-elettriku varjabbli u l-istandards tal-infrastruttura introdotti fir-Regolament dwar is-Sigurtà tal-Provvista tal-Gass jimponu rekwiżiti ta’ flessibbiltà addizzjonali u jżidu l-ħtieġa ta’ pipelines bidirezzjonali, kapaċitajiet ta’ ħżin imtejba u provvista flessibbli, bħal-LNG/CNG. Biex jintlaħqu dawn l-għanijiet, ġew identifikati l-kurituri ta' prijorità li ġejjin:

1. Il- Kuritur tan-Nofsinhar għal iktar diversifikazzjoni tas-sorsi fil-livell tal-UE u biex jinġieb il-gass mill-Baċir tal-Kaspju, l-Asja Ċentrali u l-Lvant Nofsani fl-UE.

2. L-interkonnessjoni tal-Baħar Baltiku, il-Baħar l-Iswed, il-Baħar Adrijatiku u l-Baħar Eġew b’mod partikolari permezz ta’:

- l-implementazzjoni tal- BEMIP u

- il- Kuritur bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar fil-Lvant Ċentrali u x-Xlokk tal-Ewropa.

3. Il-Kuritur bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar fil-Punent tal-Ewropa se jneħħi l-punti ta’ konġestjoni interni u jżid il-kapaċità ta’ konsenja fuq żmien qasir, b’hekk jagħmel użu sħiħ minn provvisti esterni alternattivi possibbli, inkluż mill-Afrika, u jottimizza l-infrastruttura eżistenti, b’mod notevoli l-pjanti tal-LNG u l-faċilitajiet tal-ħżin eżistenti. .

4.1.3. L-iżgurar tas-sigurtà tal-provvista taż-żejt

Il-mira ta’ din il-prijorità hija li jiġu żgurati provvisti mingħajr interruzzjoni taż-żejt mhux maħdum lill-pajjiżi tal-UE fil-Lvant Ċentrali tal-Ewropa li ma għandhomx kosta, li attwalment jiddependu fuq rotot tal-provvista limitati, f’każ ta’ interuzzjonijiet fit-tul tal-provvista mir-rotot konvenzjonali. Id-diversifikazzjoni tal-provvisti taż-żejt u tan-netwerks tal-pipeline li huma interkonessi jikkontribwixxu wkoll biex ma jkomplix jiżdied it-trasport taż-żejt fuq bil-bastimenti, u b’hekk jonqos ir-riskju ta’ perikli ambjentali fil-Baħar Baltiku u l-Istretti tat-Turkija li huma partikolarment sensittivi u traffikużi. Dan jista’ jinkiseb b’mod ġenerali fl-infrastruttura eżistenti bit-tisħiħ tal-interoperabbiltà tan- network tal-pipeline tal-Lvant Ċentrali tal-Ewropa billi s-sistemi differenti jiġu interkonnessi u billi jitneħħew il-punti ta’ konġestjoni tal-kapaċità u/jew billi jiġu abilitati l-flussi fid-direzzjoni opposta.

4.1.4. L-introduzzjoni ta’ teknoloġiji ta’ grids intelliġenti

Il-mira ta’ din il-prijorità hija li jiġi pprovdut il-qafas neċessarju u l- inċentivi inizjali għal investimenti rapidi f’infrastruttura tan-netwerk “intelliġenti” ġdida biex jappoġġjaw i) suq tal-konsumaturi kompetittiv, ii) suq tas-servizzi tal-enerġija li jiffunzjona sew u li joffri għażliet reali ta’ ffrankar u effiċjenza tal-enerġija u iii) l-integrazzjoni tal-ġenerazzjoni rinnovabbli u distribwita, kif ukoll iv) biex takkomoda d-domanda ta’ tipi ġodda, bħal dik tal-vetturi elettriċi.

Il-Kummissjoni se tevalwa wkoll il-ħtieġa ta’ iktar leġiżlazzjoni biex l-implimentazzjoni tal-grid intelliġenti timxi kif ippjanat. B’mod partikolari, il-promozzjoni tal-investimenti fi grids intelliġenti u miters intelliġenti tirrikjedi valutazzjoni dettaljata ta’ liema aspetti tal-grids intelliġenti għandhom jiġu rregolati jew standardizzati u x’jista’ jitħalla għas-suq. Il-Kummissjoni se tikkunsidra wkoll aktar miżuri biex tiżgura li l-grids u l-miters intelliġenti jagħtu l-benefiċċji mixtieqa lill-konsumaturi, lill-produtturi, lill-operaturi u f’termini ta’ effiċjenza fl-enerġija. Ir-riżultati ta’ din il-valutazzjoni u aktar miżuri possibbli se jiġu ppubblikati matul l-2011.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tistabbilixxi pjattaforma ta’ grids intelliġenti ta’ transparenza u ta' informazzjoni li tippermetti t-tixrid tal-esperjenzi u l-prattiki tajba l-iktar aġġornati relatati mal-użu madwar l-Ewropa, il-ħolqien ta’ sinerġiji bejn id-diversi approċċi u l-iffaċilitar tal-iżvilupp ta’ qafas regolatorju adegwat. L-istabbiliment f’waqtu ta’ standards tekniċi u protezzjoni tad-dejta xierqa huma kruċjali għal dan il-proċess. Għal dan il-għan, għandha tingħata iktar attenzjoni lit-teknoloġiji tal-grid intelliġenti skont is-SET-Plan.

4.2. Preparazzjoni tan-netwerks għal żmien itwal

Fil-kuntest tal-perspettiva aktar fit-tul li għandha tiġi ppreżentata fil-Pjan Direzzjonali 2050, l-UE trid tibda mil-lum tiddiżinja, tippjana u tibni n-netwerks tal-enerġija tal-futur li se jkunu meħtieġa biex l-UE tkun tista’ tnaqqas aktar l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett serra. Hemm biss żmien limitat tal-opportunità . Huwa biss permezz ta’ approċċ koordinat lejn infrastruttura Ewropea ottimizzata li jistgħu jiġu evitati approċċi li jiswew ħafna flus fil-livell tal-Istati Membri jew tal-proġetti u soluzzjonijiet inqas minn ottimi fit-tul.

4.2.1. Awtostradi tal-Elettriku Ewropej

L- "Awtostradi tal-Elettriku" futuri għandhom ikollhom il-kapaċità li: i) jakkomodaw il-generazzjoni ż-żejda li qegħda dejjem tiżdied tal-enerġija mir-riħ fi u madwar l-Ibħra tat-Tramuntana u Baltiku u jżidu l-ġenerazzjoni ta' enerġija rinnovabbli fil-Lvant u t-Tramuntana tal-Ewropa kif ukoll fl-Afrika ta' Fuq; ii) jgħaqqdu dawn iċ-ċentri tal-ġenerazzjoni l-ġodda ma’ kapaċitajiet kbar tal-ħżin fil-pajjiżi Nordiċi u l-Alpi u ma’ ċentri maġġuri tal-konsum fl-Ewropa Ċentrali u iii) jlaħħqu mad-domanda u l-provvista dejjem jikbru ta' elettriku flessibbli u deċentralizzat[22].

Għalhekk, il-Kummissjoni Ewropea tipproponi li immedjatament jitnieda x-xogħol biex jiġi stabbilit pjan ta’ żvilupp modulari li jippermetti l-kummissjonar tal-ewwel Awtostradi sal-2020. Il-pjan għandu jipprovdi wkoll għall-estensjoni tagħhom bil-għan li jiġi ffaċilitat l-iżvilupp tal-kapaċitajiet tal-ġenerazzjoni rinnovabbli fuq skala kbira, inkluż lil hinn mill-konfini tal-UE u bil-ħsieb ta’ żviluppi potenzjali ta’ teknoloġiji ġodda ta’ ġenerazzjoni, bħall-enerġija mill-mewġ, mir-riħ u mill-marea. Idealment, il-ħidma għandha ssir fil-kuntest tal-Forum ta’ Firenze, organizzat mill-Kummissjoni Ewropea u l-ENTSO-E, u billi tkompli tibni fuq l-Inizjattiva Ewropea dwar il-Grid tal-Elettriku (EEGI) u l-Inizjattiva Industrijali Ewropea dwar l-Enerġija mir-Riħ tas-SET-Plan.

4.2.2. L-infrastruttura tat-trasport Ewropea tas-CO 2

L-oqsma ta’ prijorità jinkludu l-analiżi u l-qbil dwar il-modalitajiet tekniċi u prattiċi ta' infrastruttura futura għat-trasport tas-CO 2 . Aktar riċerka, ikkoordinata mill-Inizjattiva Industrijali Ewropea għall-qbid u l-ħżin tal-karbonju varata taħt is-SET-Plan, se tippermetti bidu f'waqtu tal-ippjanar u l-iżvilupp tal-infrastruttura fuq livell Ewropew, skont it-twettiq kummerċjali previst tat-teknoloġija wara l-2020. Il-kooperazzjoni reġjonali wkoll se tiġi appoġġjata biex jiġi stimulat l-iżvilupp tal-punti fokali tal-infrastruttura Ewropea futura.

4.3. Minn prijoritajiet għal proġetti

Il-prijoritajiet imsemmija hawn fuq għandhom jissarrfu fi proġetti konkreti u jwasslu għall-istabbiliment ta’ programm ta’ twettiq . Il-listi tal-ewwel proġett għandhom ikunu lesti matul l-2012 and jkunu sussegwentement aġġornati kull sentejn, sabiex jipprovdu dħul għall-aġġornament regolari tat-TYNDPs.

Il-proġetti għandhom jiġu identifikati u kkategorizzati skont kriterji maqbula u trasparenti li jwasslu għal għadd limitat ta’ proġetti. Il-Kummissjoni tipproponi li x-xogħol ikun ibbażat fuq il-kriterji li ġejjin, li għandhom jiġu rfinuti u maqbula mill-partijiet kollha rilevanti, b’mod notevoli ACER:

- Elettriku : kontribut għas-sigurtà tal-provvista tal-elettriku; kapaċità tal-konnessjoni tal-ġenerazzjoni rinnovabbli u tat-trażmissjoni tiegħu f’ċentri ewlenin ta’ konsum/ħżin; żieda fl-integrazzjoni tas-suq u l-kompetizzjoni; kontribut fl-effiċjenza fl-enerġija u l-użu tal-elettriku intelliġenti.

- Gass : diversifikazzjoni, filwaqt li tingħata prijorità lid-diversifikazzjoni tas-sorsi, id-diversifikazzjoni tal-kontropartijiet fornituri u d-diversifikazzjoni tar-rotot; kif ukoll żieda fil-kompetizzjoni permezz ta' żieda fil-livell ta' interkonnessjoni, żieda fl-integrazzjoni tas-suq u żieda fil-konċentrazzjoni tas-suq.

Il-proġetti identifikati għandhom jiġu eżaminati fil-livell tal-UE biex tiġi żgurata l-konsistenza fil-prijoritajiet u r-reġjuni kollha u kkategorizzati skont l-urġenza tagħhom fir-rigward tal-kontribut tagħhom biex jitwettqu l-prijoritajiet u l-għanijiet tat-Trattat. Il-proġetti li jissodisfaw il-kriterji jingħataw it-tikketta “ Proġett ta’ Interess Ewropew ”. Din it-tikketta tkun il-bażi ta’ aktar valutazzjoni[23] u kunsiderazzjoni skont l-azzjonijiet deskritti fil-kapitoli li ġejjin. It-tikketta tagħti prijorità politika lill-proġetti rispettivi.

5. Sett ta’ għodda biex titħaffef l-implimentazzjoni

5.1. Raggruppamenti reġjonali

Il-kooperazzjoni reġjonali kif żviluppata għall-Pjan ta’ Interkonnessjoni tas-Suq tal-Enerġija tal-Baltiku (BEMIP) jew għall-Inizjattiva tal-Grid Barra mill-Kosta tal-Pajjiżi tal-Ibħra tat-Tramuntana (NSCOGI) kienet strumentali biex jintlaħaq qbil dwar il-prijoritajiet reġjonali u l-implimentazzjoni tagħhom. Il-kooperazzjoni reġjonali mandatorja stabbilita fil-kuntest tas-suq intern tal-enerġija se tgħin biex tiġi aċċellerata l-integrazzjoni tas-suq, filwaqt li l-approċċ reġjonali kien ta’ benefiċċju għall-ewwel TYNDP tal-elettriku.

Il-Kummissjoni tqis li l-ħidma għal tali pjattaformi reġjonali stabbiliti apposta għandha tkun ta’ għajnuna għall-iffaċiliar tal-ippjanar, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-prijoritajiet identifikati u għat-tfassil tal-pjanijiet ta’ investiment u proġetti konkreti. Ir-rwol tal- Inizjattivi Reġjonali eżistenti, stabbiliti fil-kuntest tas-suq intern tal-enerġija, għandu jissaħħaħ, fejn rilevanti, b’kompiti relatati mal-ippjanar tal-infrastruttura, filwaqt li jistgħu jiġu proposti wkoll strutturi reġjonali ad hoc fejn ikun meħtieġ. F’dan ir-rigward, l-istrateġiji tal-UE għall-hekk imsejħa makroreġjuni (bħall-Baħar Baltiku jew ir-Reġjun tad-Danubju) jistgħu jintużaw bħala pjattaformi ta’ kooperazzjoni biex ikun hemm qbil dwar proġetti transnazzjonali bejn is-setturi kollha.

F’dan il-kuntest, biex jingħata bidu għall-metodu ta’ ppjanar reġjonali ġdid fuq żmien qasir, il-Kummissjoni beħsiebha tistabbilixxi Grupp ta’ Livell Għoli bbażat fuq il-kooperazzjoni tal-pajjiżi fil-Lvant Ċentrali tal-Ewropa, pereżempju fil-grupp Visegrad[24], bil-mandat li jħejji pjan ta’ azzjoni matul l-2011, għall-konnessjonijiet tal-gass u ż-żejt kif ukoll tal-elettriku mit-Tramuntana għan-Nofsinhar u mil-Lvant għall-Punent.

5.2. Proċeduri tal-permessi aktar rapidi u transparenti

F’Marzu 2007, il-Kunsill Ewropew stieden lill-Kummissjoni “tressaq proposti bl-għan li jiġu ssimplifikati l-proċeduri ta’ approvazzjoni” bħala reazzjoni għall-appelli ripetuti tal-industrija għal miżuri tal-UE li jiffaċilitaw il-proċeduri tal-permessi.

Bħala reazzjoni għal din il-ħtieġa, il-Kummissjoni se tipproponi, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà, li tintroduċi miżuri ta' permess li japplikaw għal proġetti b’"interess Ewropew" biex jissimplifikaw, jikkoordinaw aħjar u jtejbu l-proċess attwali filwaqt li jirrispettaw standards ta’ sikurezza u sigurtà u jiżguraw il-konformità sħiħa mal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE[25]. Il-proċeduri simplifikati u mtejba għandhom jiżguraw l-implimentazzjoni f’waqtha tal-proġetti tal-infrastruttura identifikati, li mingħajrhom l-UE ma jirnexxilhiex tilħaq l-għanijiet tagħha tal-enerġija u tal-klima. Barra minn hekk, għandhom jipprovdu trasparenza għall-partijiet interessati kollha nvoluti u jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet billi jiżguraw dibattiti miftuħa u trasparenti fuq livell lokali, reġjonali u nazzjonali biex ikabbru l-fiduċja tal-pubbliku u l-aċċettazzjoni tal-istallazzjonijiet.

It-teħid tad-deċiżjonijiet imtejjeb għandu jiġi indirizzat permezz tal-azzjonijiet li ġejjin:

1. L-istabbiliment ta’ awtorità ta’ kuntatt (" punt ta’ waqfa waħda ") għal kull proġett b'interess Ewropew, iservi bħala interfaċċja unika bejn l-iżviluppaturi ta’ proġett u l-awtoritajiet kompetenti involuti fil-livell nazzjonali, reġjonali u/jew lokali, bla ħsara għall-kompetenza tagħhom. Din l-awtorità għandha tkun responsabbli mill-koordinazzjoni tal-proċess tal-permessi kollu għal proġett partikolari u mit-tixrid tal-informazzjoni meħtieġa dwar il-proċeduri amministrattivi u l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet fost il-partijiet kollha interessati. F’dan il-kuntest, l-Istati Membri jkollhom il-kompetenza sħiħa biex jallokaw is-setgħa tat-teħid tad-deċiżjonijiet lid-diversi partijiet fl-amministrazzjoni u fil-livelli governattivi. Għal proġetti transkonfinali, għandha tiġi esplorata l-possibbiltà ta’ proċeduri koordinati jew konġunti[26] sabiex il-proġetti jitfasslu aħjar u tiġi aċċellerata l-awtorizzazzjoni finali tagħhom.

2. Għandha tiġi analizzata l-introduzzjoni ta’ limitu ta’ żmien għal deċiżjoni pożittiva jew negattiva finali li għandha tittieħed mill-awtorità kompetenti. Meta jitqies li d-dewmien ħafna drabi iseħħ minħabba prattika amministrattiva fqira, għandu jiġi żgurat li kull wieħed mill-passi meħtieġa fil-proċess ikun kompletat f’limitu ta’ żmien speċifiku, filwaqt li jiġu rispettati b’mod sħiħ ir-reġimi legali applikabbli tal-Istati Membri u l-liġi tal-UE. L-iskeda proposta għandha tipprovdi għal involviment bikri u effettiv tal-pubbliku fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, u d-drittijiet tal-appell taċ-ċittadini fir-rigward ta’ deċiżjoni tal-awtoritajiet għandhom jiġu ċċarati u msaħħa, filwaqt li jiġu integrati b’mod ċar fl-iskeda ġenerali. Din se tkompli tiġi esplorata meta, f’każ li d-deċiżjoni tkun għada ma tteħditx wara l-iskadenza tal-limitu ta’ żmien stabbilit, ikunu jistgħu jingħataw setgħat speċjali biex jadottaw deċiżjoni finali pożittiva jew negattiva, f’terminu ta’ żmien stabbilit, lil awtorità maħtura mill-Istati Membri kkonċernati.

3. L-iżvilupp ta’ linji gwida għal iktar trasparenza u prevedibbiltà tal-proċess għall-partijiet kollha kkonċernati (ministeri, awtoritajiet lokali u reġjonali, żviluppaturi ta’ proġetti u popolazzjonijiet milquta). L-għan tagħhom ikun li jtejbu l-komunikazzjoni maċ-ċittadini biex jiġi żgurat li l-kosti u l-benefiċċji ambjentali, tas-sigurtà tal-provvista, soċjali u ekonomiċi ta’ proġett ikunu mifhuma tajjeb, u biex il-partijiet kollha interessati jiġu involuti f’dibatittu trasparenti u miftuħ fi stadju bikri tal-proċess. Jistgħu jiġu inklużi rekwiżiti minimi relatati mal-kumpens lill-popolazzjonijiet milquta. B’mod speċifiku, għall-installazzjonijiet tal-enerġija transkonfinali barra mill-kosta għandu jsir ippjanar tal-ispazju marittimu biex jiġi żgurat proċess ta’ ppjanar dirett u koerenti, iżda anke iktar infurmat.

4. Biex jittejbu l-kundizzjonijiet għall-kostruzzjoni f’waqtha tal-infrastruttura meħtieġa, għandha tiġi kkunsidrata l-possibbiltà li jingħataw gwadanji u inċentivi, inkluż ta’ natura finanzjarja, lil reġjuni jew Stati Membri li jiffaċilitaw l-awtorizzazzjoni f’waqtha ta’ proġetti ta’ interess Ewropew. Għandhom jitqiesu wkoll mekkaniżmi oħra għall-qsim tal-benefiċċji inspirati mill-aqwa prattika fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli[27].

5.3. Metodi u informazzjoni aħjar għal min jieħu d-deċiżjonijiet u ċ-ċittadini

Sabiex ir-reġjuni u l-partijiet interessati jiġu megħjuna jidentifikaw u jimplimentaw proġetti ta’ interess Ewropew, il-Kummissjoni se tiżviluppa għodda stabbilita apposta ta’ politika u ta’ appoġġ għall-proġetti biex takkumpanja l-attivitajiet tal-ippjanar tal-infrastruttura u tal-iżvilupp ta’ proġetti fil-livell reġjonali u tal-UE. Għodda bħal din telabora, fost l-oħrajn, l-immudellar u l-previżjonijiet għas-sistema kollha tal-enerġija u b’mod konġunt għall-elettriku u l-gass u metodu komuni għall-valutazzjoni tal-proġetti[28] xieraq biex jirrifletti sfidi fuq żmien qasir u twil li jkopri b'mod notevoli l-protezzjoni kontra t-tibdil fil-klima, biex tiġi ffaċilitata l-prijoritizzazzjoni tal-proġetti. Il-Kummissjoni tinkoraġġixxi wkoll lill-Istati Membri biex jikkoordinaw proċeduri tal-valutazzjoni ambjentali eżistenti tal-UE diġà fi stadju bikri. Barra minn hekk, se tkun żviluppata għodda biex tispjega aħjar il-benefiċċji ta’ proġett speċifiku lill-pubbliku usa’ u tassoċja dawn il-benefiċċji mal-proċess. Dawn l-għodod għandhom ikunu kkumplimentati minn komunikazzjoni dwar il-benefiċċji tal-iżvilupp tal-infrastruttura u l-grids intelliġenti għall-konsumaturi u ċ-ċittadini, f’termini ta’ sigurtà tal-provvista, id-dekarbonizzazzjoni tas-settur tal-enerġija u l-effiċjenza fl-enerġija.

5.4. Il-ħolqien ta’ qafas stabbli għall-finanzjament

Anke jekk il-kwistjonijiet ta’ permess kollha jkunu solvuti, xorta x’aktarx li tibqa’ diskrepanza fl-investiment stmata għal madwar 60 biljun ewro sal-2020, l-aktar minħabba l-esternalitajiet pożittivi mhux ta’ natura kummerċjali ta’ proġetti b’interess reġjonali jew Ewropew u r-riskji inerenti ta’ teknoloġiji ġodda. It-tneħħija ta' din id-diskrepanza hija sfida sinifikanti, imma prerekwiżit jekk il-prijoritajiet tal-infrastruttura se jinbnew fil-ħin. Għalhekk, hija meħtieġa aktar integrazzjoni tas-suq intern tal-enerġija biex tagħti imbuttatura lill-iżvilupp tal-infrastruttura u hija meħtieġa azzjoni koordinata tal-UE biex tnaqqas l-ostakli tal-investiment u r-riskji tal-proġett.

Il-Kummissjoni tipproponi l-ħidma fuq żewġ aspetti; aktar titjib fir-regoli tal-allokazzjoni tal-kost u l-aqwa ingranaġġ tal-Unjoni Ewropea fuq il-finanzjament pubbliku u privat.

5.4.1. L-ingranaġġ ta' sorsi privati permezz ta’ allokazzjoni tal-kost imtejba

L-infrastruttura tal-elettriku u l-gass fl-Ewropa huma setturi regolati, li l-mudell tan-negozju tagħhom huwa bbażat fuq tariffi regolati miġbura mill-utenti, li jippermettu l-irkupru tal-investimenti magħmula (“ il-prinċipju min juża jħallas ”). Dan għandu jibqa’ l-prinċipju prinċipali anke fil-futur.

It-tielet pakkett jitlob li r-regolaturi jipprovdu lill-operaturi tan-netwerk inċentivi tariffarji xierqa, kemm fiż-żmien qasir u kemm fit-tul, biex tiżdied l-effiċjenza, jitrawmu l-integrazzjoni tas-suq u s-sigurtà tal-provvista u jingħata appoġġ għal inizjattivi ta’ riċerka relatati[29]. Madankollu, għalkemm din ir-regola l-ġdida tista’ tkopri xi aspetti innovattivi fi proġetti ta’ infrastruttura ġodda, hija mhijex maħsuba biex tindirizza l-bidliet teknoloġiċi ewlenin, speċjalment fis-settur tal-elettriku, li jikkonċernaw il-grids barra mill-kosta jew il-grids intelliġenti.

Barra minn hekk, l-issettjar tat-tariffi għadu wieħed nazzjonali u għaldaqstant mhux dejjem iwassal għal progress fil-prijoritajiet Ewropej. Ir-regolamenti għandhom jirrikonoxxu li kultant l-iktar approċċ effiċjenti biex TSO jindirizza l-ħtiġijiet tal-konsumatur huwa li jinvesti f’netwerk barra mit-territorju tiegħu. L-istabbiliment ta’ tali prinċipji għall-allokazzjoni transkonfinali tal-ispejjeż huwa essenzjali għall-integrazzjoni sħiħa tan-netwerks Ewropej tal-enerġija.

Fin-nuqqas ta’ prinċipji maqbula fil-livell Ewropew, se jkun diffiċli li dan isir, partikolarment billi hemm bżonn ta’ konsistenza fit-tul. Il-Kummissjoni qed tippjana li fl-2011 tressaq linji gwida jew proposta leġiżlattiva biex tiġi indirizzata l-allokazzjoni tal-kost ta’ proġetti teknoloġiċi kbar kumplessi jew transkonfinali, permezz ta’ regoli dwar it-tariffi u l-investimenti.

Ir-regolaturi għandhom jaqblu dwar prinċipji komuni b’rabta mal-allokazzjoni tal-kost ta’ investimenti ta’ interkonnessjoni u tariffi relatati. Fl-elettriku, għandha tiġi analizzata l-ħtieġa għall-iżvilupp ta' swieq ta’ xiri bil-quddiem fuq żmien twil għall-kapaċità transkonfinali tat-trażmissjoni, filwaqt li fis-settur tal-gass l-ispejjeż tal-investimenti jistgħu jiġu allokati lil TSOs f’pajjiżi ġirien, kemm għal investimenti normali (ibbażati fuq id-domanda tas-suq) u kemm għal dawk motivati minn raġunijiet ta’ sigurtà tal-provvista.

5.4.2. It-twassil lejn l-aqwa ingranaġġ ta’ sorsi pubbliċi u privati permezz tal-mitigazzjoni tar-riskji tal-investituri

Fir-Reviżjoni tal-Baġit, il-Kummissjoni enfasizzat il-ħtieġa li jiġi massimizzat l-impatt tal-intervent finanzjarju Ewropew billi dan ikollu rwol katalitiku biex jimmobilizza, jiġbor flimkien u jingrana riżorsi finanzjarji pubbliċi u privati għal infrastrutturi ta’ interess Ewropew. Dan jirrikjedi li jsir użu massimu tal-profitti tal-kumpaniji fid-dawl tar-riżorsi skarsi, li jittaffew id-diffikultajiet tal-investituri, jiġu mmitigati r-riskji tal-proġetti, titnaqqas l-ispiża tal-finanzjament u jiżdied l-aċċess għall-kapital. Qed jiġi propost approċċ "minn żewġ naħat":

L-ewwel nett, il-Kummissjoni se tkompli ssaħħaħ is-sħubijiet tal-UE mal-Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali (IFI) u tibni fuq l-inizjattivi eżistenti ta’ għajnuna finanzjarja u teknika konġunta[30] . Il-Kummissjoni se tagħti attenzjoni partikolari lill-iżvilupp ta’ sinerġji ma’ dawn l-istrumenti u, għal uħud minnhom, se teżamina l-possibbiltà li l-kunċetti tagħhom jiġu adattati għas-settur tal-infrastruttura tal-enerġija.

It-tieni nett, mingħajr ħsara għall-proposta tal-Kummissjoni għall-qafas finanzjarju multiannwali li jmiss għal wara l-2013, li għandu jiġi ppreżentat f’Ġunju 2011, u meta jitqiesu r-riżultati tal-Analiżi tal-Baġit[31], fir-rigward tas-simplifikazzjoni tal-prijoritajiet tal-enerġija fi programmi differenti, il-Kummissjoni beħsiebha tipproponi sett ġdid ta' għodda. Dawn l-għodod għandhom jiġbru flimkien mekkaniżmi finanzjarji eżistenti u innovattivi li huma differenti, flessibbli u mfassla apposta għar-riskji u l-ħtiġijiet finanzjarji speċifiċi li jkollhom il-proġetti fl-istadji varji tal-iżvilupp tagħhom . Minbarra l-forom tradizzjonali ta’ appoġġ (għoti ta’ flus, sussidji fuq ir-rata tal-interessi), jistgħu jiġu proposti soluzzjonijiet innovattivi bbażati fuq is-suq li jindirizzaw in-nuqqas fl-ekwità u l-finanzjament tad-dejn. Se jiġu eżaminati speċjalment il-possibbiltajiet li ġejjin: parteċipazzjoni fl-ekwità u appoġġ għall-fondi infrastrutturali, faċilitajiet immirati għal bonds tal-proġetti, possibbiltà ta’ test għal mekkaniżmu ta’ pagamenti avvanzati għall-kapaċità relatati man-netwerk, faċilitajiet ta’ qsim tar-riskji (speċjalment għar-riskji teknoloġiċi l-ġodda) u garanziji ta’ self għas-sħubijiet pubbliċi privati. Se tingħata attenzjoni partikolari lejn it-trawwim ta’ investimenti fi proġetti li jikkontribwixxu għall-ilħiq tal-miri tal-2020 u li jaqsmu l-konfini tal-UE, fi proġetti li jippermettu t-twettiq ta’ teknoloġiji ġodda bħall-grid intelliġenti, u fi proġetti oħra fejn il-benefiċċji mal-UE kollha jistgħux jinkisbu mis-suq waħdu.

6. Konklużjonijiet u passi ’l quddiem

L-ostakli fil-possibbiltajiet ta’ fondi pubbliċi u privati tul is-snin li ġejjin ma għandhomx ikunu skuża biex jiġu posposti l-bini tal-infrastruttura identifikata u t-twettiq tal-investimenti korrespondenti. Fil-fatt, l-investimenti tal-lum huma kundizzjoni meħtieġa għal iffrankar fil-ġejjieni, biex b’hekk titnaqqas l-ispiża globali tal-kisba tal-għanijiet tal-politika tagħna.

Abbażi tal-ħsibijiet espressi mill-istituzzjonijiet u l-partijiet interessati fuq dan il-pjan direzzjonat, il-Kummissjoni, fl-2011, beħsiebha tipprepara inizjattivi xierqa bħala parti mill-proposti tagħha għall-qafas finanzjarju multiannwali li jmiss. Dawn il-proposti se jindirizzaw l-aspetti regolatorji u finanzjarji identifikati fil-Komunikazzjoni, b’mod notevoli permess tal-Istrument tas-Sigurtà u l-Infrastruttura tal-Enerġija u s-simplifikazzjoni tal-prijoritajiet tal-enerġija fi programmi differenti.

ANNESS

Il-prijoritajiet tal-infrastruttura tal-enerġija proposti għall-2020 u wara

1. Daħla

Dan l-Anness jipprovdi informazzjoni teknika dwar il-prijoritajiet tal-infrastrutturi Ewropej, imressqa fil-Kapitolu 4 tal-Komunikazzjoni, dwar il-progress tal-implimentazzjoni tagħhom u l-passi li jmiss li huma meħtieġa. Il-prijoritajiet magħżula jirriżultaw mill-bidliet u l-isfidi maġġuri, li s-settur tal-enerġija tal-Ewropa se jaffaċċja fl-għexieren tas-snin li ġejjin, indipendentement mill-inċertezzi marbutin mal-provvista u d-domanda ta’ ċerti sorsi tal-enerġija.

Is-Sezzjoni 2 tippreżenta l-evoluzzjonijiet mistennija tal-provvista u d-domanda għal kull settur tal-enerġija kopert f’din il-komunikazzjoni. Ix-xenarji huma bbażati fuq "Ix-Xejriet tal-Enerġija għall-2030 – aġġornament tal-2009”[32], li jiddependu fuq il-qafas tal-immudellar tal-PRIMES, iżda jqisu wkoll l-eżerċizzji ta’ xenarji magħmula minn partijiet interessati oħra. Filwaqt li x-xenarju ta’ Referenza tal-PRIMES għall-2020 huwa bbażat fuq sett ta' politiki maqbul tal-UE, b'mod notevoli żewġ miri legalment vinkolanti (sehem ta' 20% ta' enerġiji rinnovabbli mill-konsum tal-enerġija finali u tnaqqis ta' 20% fl-emissjonijiet ta' gass b'effett serra fl-2020 meta mqabbel mal-1990) il-linja bażi tal-PRIMES hija bbażata biss fuq it-tkomplija ta' politika li huma diġà implimentati, li għalihom dawn il-miri ma jinkisbux. Għall-perjodu bejn is-sena 2020 u l-2030, il-PRIMES qed jassumi li mhu se jittieħdu ebda miżuri ta’ politika ġodda. Dawn l-evoluzzjonijiet jippermettu l-identifikazzjoni ta' xejriet maġġuri, li se jmexxu l-iżvilupp tal-infrastruttura matul fl-għexieren ta’ snin ġejjin[33].

Fis-sezzjonijiet 3 u 4, il-prijoritajiet tal-infrastrutturi (Mappa ) identifikati fil-Komunikazzjoni huma ppreżentati billi tingħata ħarsa lejn is-sitwazzjoni u l-isfidi ffaċċjati f'kull każ u billi jiġu pprovduti, kif ikun rilevanti, spjegazzjonijiet tekniċi dwar ir-rakkomandazzjonijiet magħmula fil-Komunikazzjoni. Huwa mifhum li l-preżentazzjonijiet tal-prijoritajiet ivarjaw f’termini ta’:

- natura u maturità: Ċerti prijoritajiet jikkonċernaw proġetti ta' infrastruttura speċifiċi ħafna, li jistgħu jkunu, għal xi wħud, avvanzati ħafna f'termini ta' preparazzjoni u żvilupp ta' proġett. Oħrajn ikopru kunċetti usa’ u ħafna drabi anke aktar ġodda, li għandhom bżonn xogħol addizzjonali konsiderevoli qabel ma jinbidlu f’proġetti konkreti.

- ambitu: Ħafna mill-prijoritajiet jiffukaw fuq ċertu reġjun ġeografiku, kemm awtostradi tal-elettriku kif ukoll netwerks tas-CO2 li jkopru potenzjalment ħafna Stati Membri jekk mhux l-Istati Membri kollha. Madankollu, l-grids intelliġenti huma prijorità tematika mifruxa mal-UE kollha.

- livell ta’ parteċipazzjoni propost fir-rakkomandazzjonijiet: Skont in-natura u l-maturità tal-prijoritajiet, ir-rakkomandazzjonijiet jikkonċentraw fuq żviluppi konkreti jew jindirizzaw medda usa’ ta’ kwistjonijiet, inklużi aspetti ta’ kooperazzjoni reġjonali, pjanar u regolazzjoni, standardizzazzjoni u disinn tas-suq jew ir-riċerka u l-iżvilupp.

[pic]

Mappa 1: Kurituri ta’ prijorità għall-elettriku, gass u żejt

2. EVOLUZZJONI TAD-DOMANDA U L-PROVVISTA TAL-ELETTRIKU

L-aħħar aġġornament tax-"Xejriet tal-Enerġija għall-2030 - l-aġġornament tal-2009"[34] ibbażat fuq il-qafas tal-immudellar tal-PRIMES jipprevedi tkabbir żgħir fil-konsum tal-enerġija primarja bejn illum u l-2030 skond ’l hekk imsejjaħ xenarju tal-Linja Bażi (Figura 1), filwaqt li t-tkabbir mistenni li jibqa' fil-biċċa l-kbira stabbli skont ix-xenarju ta' Referenza[35] (Figura 2) Għandu jiġi nnutat li dawn il-projezzjonijiet ma jinkludux il-politiki tal-effiċjenza fl-enerġija li se jiġu implimentati mill-2010 ’l quddiem, pass 'il quddiem possibbli lejn il-mira ta' tnaqqis tal-emissjonijiet ta' -30% sal-2020[36] jew politiki addizzjonali tat-trasport li jmorru lil hinn mir-regolament dwar l-emissjonijiet tas-CO2 u tal-karozzi. Għalhekk, għandhom jittieħdu bħala limiti l-akar għoljin għad-domanda mistennija tal-enerġija.

[pic] | [pic] |

Figura 1: Konsum tal-enerġija primarja skont il-karburant (Mtoe), Linja bażi tal-PRIMES | Figura 2: Konsum tal-enerġija primarja skont il-karburant (Mtoe), Xenarju ta’ Referenza tal-PRIMES |

[pic]

Figura 3: Konsum tal-karburant fossili tal-UE-27 skont l-oriġini f’Mtoe (inklużi karburanti tal-bastimenti),

Xenarju ta’ referenza tal-PRIMES

F'dawk ix-xenarji, is-sehem tal-faħam u ż-żejt fit-taħlita ġenerali tal-enerġija jonqos bejn illum u l-2030, filwaqt li d-domanda għall-gass tibqa' fil-biċċa l-kbira stabbli sal-2030. Is-sehem tal-enerġiji rinnovabbli huwa maħsub li jikber b’mod sinifikanti kemm fil-konsum tal-enerġija primarja kif ukoll tal-enerġija finali, filwaqt li kontribuzzjoni tal-enerġija nukleari, li qegħda madwar 14% tal-konsum tal-enerġija primarja, huwa maħsub li tibqa' stabbli. Id-dipendenza tal-UE fuq il-karburanti fossili se tkompli tkun għolja għaż-żejt u l-faħam u se żżid għal gass, kif muri fil-Figura 3.

Fir-rigward tal- gass , id-dipendenza fuq l-importazzjonjiet diġà hija għolja u se tkompli tikber aktar, biex tilħaq madwar 73-79% tal-konsum sal-2020 u 81-89%[37] sal-2030, l-aktar minħabba t-tbattil tar-riżorsi indiġeni. Abbażi tax-xenarji differenti, il-ħtieġa ta' importazzjoni addizzjonali tifrex minn 44 Mtoe sa 148 Mtoe sal-2020 u minn 61 għal 221 Mtoe sal-2030 (meta mqabbel mal-2005).

Se tkun meħtieġa aktar flessibbiltà minħabba r-rwol dejjem jikber tal-gass bħala riserva primarja għall-produzzjoni varjabbli tal-enerġija. Dan iffisser użu aktar flessibbli tas-sistemi tal-pipeline, ħtieġa għal kapaċitajiet addizzjonali ta' ħżin, kemm f'termini ta' volumi ta' ħidma kif ukoll ta’ kapaċitajiet ta’ rtirar u injezzjoni, u ħtieġa għal provvisti flessibbli, bħal LNG/CNG.

Ir-Regolament adottat reċentement dwar is-sigurtà tal-provvista jeħtieġ investiment fl-infrastruttura biex tiżdied ir-reżiljenza u s-saħħa tas-sistema tal-gass jekk ikun hemm interruzzjoni tal-provvista. L-Istati Membri għandhom jissodisfaw żewġ standards tal-infrastruttura: l-N-1 u l-fluss fid-direzzjoni opposta. Il-formula N-1 tiddeskrivi l-abbiltà tal-kapaċità teknika tal-infrastruttura tal-gass li tissodisfa d-domanda kollha tal-gass fil-każ ta’ interruzzjoni tal-akbar infrastruttura individwali tal-provvista tal-gass, f’jum ta’ domanda għall-gass eċċezzjonalment għolja li skont probabbiltà statistika tinzerta darba kull 20 sena. L-N-1 tista’ tiġi sodisfatta fil-livell nazzjonali jew reġjonali u Stat Membru jista’ juża wkoll miżuri relatati mal-produzzjoni u d-domanda. Ir-Regolament jistipula wkoll li għandha tkun disponibbli kapaċità fiżika bidirezzjonali permanenti fl-interkonnessjonijiet transkonfinali kollha bejn l-Istati Membri (minbarra l-konnessjonijiet mal-LNG, il-produzzjoni jew id-distribuzzjoni).

Attwalment ħames pajjiżi ma jissodisfawx il-kriterju tal-N-1 (il-Bulgarija, is-Slovenja, il-Litwanja, l-Irlanda u l-Finlandja), meta jitqiesu l-proġetti għaddejjin bħalissa skont il-Programm Ewropew tal-Enerġija għall-Irkupru iżda jeskludu l-miżuri relatati mad-domanda[38]. Fir-rigward tal-investimenti fil-fluss fid-direzzjoni opposta, skont l-istudju tal- Gas Transmission Europe dwar il-fluss fid-direzzjoni opposta (Lulju 2009), fl-Ewropa ġew identifikati 45 proġett meqjusa vitali biex itejbu l-flussi fid-direzzjoni opposta fl-Istati Membri u bejniethom u biex jipprovdu flessibbiltà akbar fit-trasport tal-gass fejn meħtieġ. L-isfida ewlenija hija li jiġu ffinanzjati proġetti biex jissodisfaw l-obbligi tal-infrastruttura, speċjalment meta l-infrastrutturi ma jkunux rikjesti mis-suq.

Fir-rigward tad-domanda għaż- żejt , huma mistennija żewġ żviluppi paralleli differenti: tnaqqis fl-UE-15 u tkabbir kostanti fl-Istati Membri l-ġodda, fejn id-domanda mistennija tiżdied b’7.8% bejn l-2010 u l-2020.

L-isfidi ewlenin tal-infrastruttura tal- elettriku huma d-domanda li qed tikber u ż-żieda fis-sehem tal-ġenerazzjoni minn sorsi rinnovabbli, flimkien ma’ ħtiġijiet addizzjonali għall-integrazzjoni tas-suq u s-sigurtà tal-provvista. Huwa previst li l-ġenerazzjoni tal-elettriku gross tal-UE-27 se tiżdied mill-inqas b’20% minn madwar 3,362 TWh fl-2007 għal 4,073 TWh fl-2030 skont ix-xenarju ta’ referenza tal-PRIMES u għal 4,192 TWh skont ix-xenarju bażi tal-PRIMES, anki mingħajr ma jitqiesu l-effetti possibbli ta’ żvilupp kbir fl-elettromobbiltà. Is-sehem tal-enerġija rinnovabbli fil-ġenerazzjoni tal-elettriku gross mistenni jkun madwar 33% fl-2020 skont ix-xenarju ta’ Referenza, li minnhom is-sorsi varjabbli (ir-riħ u x-xemx) jistgħu jirrappreżentaw madwar 16%[39].

Il-Figura 4 turi l-evoluzzjoni tal-produzzjoni tal-elettriku gross għal kull sors skont ix-xenarju ta’ Referenza tal-PRIMES għall-perjodu 2010-2030:

[pic] | [pic] |

Figura 4: Ġenerazzjoni tal-enerġija mħallta gross 2000-2030 skont is-sors f’TWh (xellug) u l-ishma korrispondenti tas-sorsi f'% (lemin), xenajru ta' referenza tal-PRIMES |

Iktar informazzjoni dettaljata għall-perjodu sal-2020 hija pprovduta fil-Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali għall-Enerġija Rinnovabbli (NREAPs - National Renewable Energy Action Plans ) li l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2009/28/KE. Fuq il-bażi tal-ewwel 23 pjan ta’ azzjoni nazzjonali għall-enerġija rinnovabbli u fil-biċċa l-kbira konformi mar-riżultati tax-xenarju ta’ referenza tal-PRIMES għall-2020, f’dik is-sena se jkun hemm kapaċità tal-installazzjonijiet tal-elettriku rinnovabbli ta’ madwar 460 GW fit-23 Stat Membru kopert[40], filwaqt li attwalment hija biss madwar 244 GW[41]. Madwar 63% ta’ dan it-total huwa marbut mas-sorsi tal-enerġija varjabbli mir-riħ (200 GW, jew 43%) u mix-xemx (90 GW, li minnha 7 GW hija enerġija solari kkonċentrata, jew 20%) (Tabella 1).

Tip ta’ sors ta’ enerġija rinnovabbli | Kapaċità tal- installazzjoni 2010 (GW) | Kapaċità tal- installazzjoni 2020 (GW) | Sehem 2020 (%) | Varjazzjoni 2010-2020 (%) |

Idroloġiku | 116.9 | 134.2 | 29% | 15% |

Riħ | 82.6 | 201 | 43% | 143% |

Xemx | 25.8 | 90 | 19% | 249% |

Bijomassa | 21.2 | 37.7 | 8% | 78% |

Ieħor | 1 | 3.6 | 1% | 260% |

TOTAL | 247.5 | 466.5 | 100% | 88% |

Tabella 1: Projezzjoni tal-evoluzzjoni tal-kapaċitajiet tal-installazzjonijiet tal-enerġiji rinnovabbli f’GW, 2010-2020

Huwa previst li l-enerġiji rinnovabbli fit-23 Stat Membru se jikkontribwixxu iktar minn 1150 TWh ta’ elettriku ġġenerat, b’madwar 50% tagħhom ġejjin minn sorsi varjabbli (Tabella 2).

Tip ta’ sors ta’ enerġija rinnovabbli | Ġenerazzjoni 2010 (TWh) | Ġenerazzjoni 2020 (TWh) | Sehem 2020 (%) | Varjazzjoni 2010-2020 (%) |

Idroloġiku | 342.1 | 364.7 | 32% | 7% |

Riħ | 160.2 | 465.8 | 40% | 191% |

Bijomassa | 103.1 | 203 | 18% | 97% |

Xemx | 21 | 102 | 9% | 386% |

Ieħor | 6.5 | 16.4 | 1% | 152% |

TOTAL | 632.9 | 1151.9 | 100% | 82% |

Tabella 2: Projezzjoni tal-evoluzzjoni tal-ġenerazzjoni tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli f’GW, 2010-2020

Il-biċċa l-kbira taż-żieda fil-kapaċitajiet u l-ġenerazzjoni tal-enerġija mir-riħ se tkun ikkonċentrata fil-Ġermanja, ir-Renju Unit, Spanja, Franza, l-Italja u l-Pajjiżi Baxxi, filwaqt li ż-żieda fil-kapaċitajiet u l-ġenerazzjoni tal-enerġija mix-xemx se tkun iktar u iktar ikkonċentrata fil-Ġermanja u fi Spanja u fuq skala inferjuri fl-Italja u fi Franza.

Flimkien mal-enerġiji rinnovabbli, il-karburanti fossili se jibqa’ jkollhom rwol fis-settur tal-elettriku. L-iżgurar tal-kompatibbiltà mar-rekwiżiti tal-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima mill-użu tal-karburanti fossili fis-setturi tal-elettriku u tal-industrija jista’ għalhekk jeħtieġ l-applikazzjoni tal-qbid u l-ħżin tas-CO 2 (CCS ) fuq skala kbira u trans-Ewropea. Ix-xenarji tal-PRIMES jipprevedu t-trasport ta’ madwar 36 miljun tunnellata (Mt) ta’ CO2 sal-2020, fuq il-bażi tal-politiki eżistenti, u 50-272 Mt[42] sal-2030 hekk kif l-użu tas-CCS isir iktar mifrux.

Skont l-analiżi mwettqa mill-KEMA u mill- Imperial College London abbażi tax-xenarju ta’ referenza tal-PRIMES, il-kapaċità tal-ġenerazzjoni tal-elettriku fl-2020 għandha tkun biżżejjed biex tissodisfa l-quċċata tad-domanda prattikament fl-Istati Membri kollha, minkejja l-iżvilupp tal-ġenerazzjoni varjabbli minn forom ta’ enerġija rinnovabbli (Mappa 2 u Mappa 3[43]). Għaldaqstant, għalkemm ma għandux ikun hemm ħtieġa ta’ importazzjonijiet biex l-Istati Membri jiżguraw is-sigurtà tal-provvista tagħhom, iktar integrazzjoni tas-27 sistema tal-elettriku Ewropea tista’ traħħas il-prezzijiet b’mod sinifikanti u żżid l-effiċjenza ġenerali billi jitnaqqas il-kost tal-ibbilanċjar tal-provvista u d-domanda f’kull ħin.

[pic] Mappa 2: Il-kapaċità kostanti vs il-quċċata tad-domanda fl-2020, xenarju ta’ referenza tal-PRIMES | [pic] Mappa 3: Il-kapaċità kollha vs il-quċċata tad-domanda fl-2020, xenarju ta’ referenza tal-PRIMES |

L-evoluzzjoni tal-kummerċ transkonfinali tal-elettriku tidher fil-Mappa 4 u l-Mappa 5[44]. Skont ix-xenarju ta’ Referenza tal-PRIMES, x’aktarx li x-xejra ġenerali attwali tal-esportazzjonijiet u l-importazzjonijiet tal-elettriku se tibqa’ hekk sal-2020 għall-biċċa l-kbira tal-Istati Membri.

[pic] Mappa 4: Is-sitwazzjoni tal-importazzjoni/esportazzjoni netta fix-xitwa (minn Ottubru sa Marzu) 2020, Xenarju ta’ referenza tal-PRIMES | [pic] Mappa 5: Is-sitwazzjoni tal-importazzjoni/esportazzjoni netta fis-sajf (minn April sa Settembru) 2020, Xenarju ta’ referenza tal-PRIMES |

Dan jirriżulta fil-ħtiġijiet ta’ kapaċità ta’ interkonnessjonijiet bejn l-Istati Membri li ġejjin, ibbażati fuq l-ottimizzazzjoni tal-grid tal-elettriku Ewropea eżistenti kif deskritta fil-Pjan ta’ Żvilupp tan-Netwerk fuq Għaxar Snin pilota tal-ENTSO-E[45] (Mappa 6). Madankollu, għandu jiġi nnutat li dawn il-ħtiġijiet ġew ikkalkulati abbażi ta’ suppożizzjonijiet simplifikati[46] u għandhom jitqiesu bħala indikattivi biss. Ir-riżultati jistgħu jvarjaw b’mod sinifikanti wkoll jekk is-sistema tal-enerġija Ewropea tiġi ottimizzata fuq il-bażi ta’ grid Ewropea mfassla ġdida u integrata b’mod sħiħ, minflok fuq il-bażi tan-netwerks tal-elettriku eżistenti b’iffukar nazzjonali.

[pic]

Mappa 6: Rekwiżiti ta’ kapaċità ta’ interkonnessjoni għall-2020 f’MW[47], xenarju ta’ Referenza tal-PRIMES

(sors: KEMA, Imperial College London )

3. IL-KURITURI TA’ PRIJORITÀ GħALL-ELETTRIKU, IL-GASS U ż-żEJT

3.1. L-adattament tal-grid tal-elettriku tal-Ewropa għall-2020

3.1.1. Il-grid barra mill-kosta fl-Ibħra tat-Tramuntana

It-Tieni Analiżi Strateġika dwar l-Enerġija tal-2008 identifikat il-ħtieġa ta’ strateġija koordinata relatata mal-iżvilupp tal-grid barra mill-kosta: “ (…) għandu jiġi żviluppat Pjan Dettaljat ta’ sistema ta’ distribuzzjoni ’l barra mill-kosta tal-Baħar tat-Tramuntana li jgħaqqdu flimkien sistemi nazzjonali ta’ distribuzzjoni tal-elettriku fl-Ewropa tal-Majjistral u jibdew iħaddmu l-għadd ta’ proġetti tar-riħ ippjanati ’l barra mill-kosta ”[48]. F’Diċembru 2009, disa’ Stati Membri tal-UE u n-Norveġja[49] ffirmaw dikjarazzjoni politika dwar l-Inizjattiva tal-Grid Barra mill-Kosta tal-Pajjiżi tal-Ibħra tat-Tramuntana (NSCOGI) bl-għan li jikkoordinaw l-iżviluppi fit-teknoloġija tar-riħ u tal-infrastrutturi barra mill-kosta fl-Ibħra tat-Tramuntana. Id-disa’ membri tal-UE se jikkonċentraw fihom madwar 90% tal-iżviluppi kollha tat-teknoloġiji tar-riħ barra mill-kosta tal-UE. Skont l-informazzjoni inkluża fil-Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali għall-Enerġija Rinnovabbli (NREAPs), il-kapaċità tal-installazzjonijiet hija maħsuba tilħaq 38.2 GW (1.7 GW minn sorsi rinnovabbli tal-enerġija tal-baħar) u produzzjoni ta’ 132 TWh fl-2020[50]. Ir-riħ barra mill-kosta jista’ jirrappreżenta 18% tal-ġenerazzjoni tal-elettriku rinnovabbli f’dawn id-disa’ pajjiżi.

Ir-riċerka applikata turi li l-ippjanar u l-iżvilupp ta’ infrastruttura tal-grid barra mill-kosta fl-Ibħra tat-Tramuntana jistgħu jiġu ottimizzati biss permezz ta’ approċċ reġjonali sod. Ir-raggruppament ta’ turbini tar-riħ f’ċentri jista’ jkun soluzzjoni attraenti meta mqabbel ma’ konnessjonijiet radjali individwali, fejn id-distanza mill-kosta tiżdied u l-installazzjonijiet ikunu kkonċentrati fl-istess żona[51]. Fil-pajjiżi fejn dawn il-kundizzjonijiet huma sodisfatti, bħall-Ġermanja, il-kosti tal-konnessjoni tat-turbini tar-riħ barra mill-kosta jistgħu b’hekk jitnaqqsu b’iktar minn 30%. Għaż-żona tal-Baħar tat-Tramuntana b’mod globali, it-tnaqqis tal-kosti jista’ jilħaq kważi l-20% sal-2030[52]. Sabiex dan it-tnaqqis fil-kost ikun jista’ jsir, huwa assolutament meħtieġ li l-iżvilupp fit-teknoloġiji tar-riħ barra mill-kosta jkun iktar koordinat, ippjanat u kkonċentrat ġeografikament u li jkun hemm koordinazzjoni transkonfinali. Dan jippermetti li jittieħdu l-benefiċċji kkombinati tal-konnessjoni tat-turbini tar-riħ u tal-interkonnessjonijiet transkonfinali[53], jekk il-kapaċità tal-konnessjoni tkun ta’ daqs tajjeb biex ikollha benefiċċju nett pożittiv. L-iżvilupp barra mill-kosta se jinfluwenza ħafna l-ħtieġa ta’ tisħiħ u espansjoni tan-netwerks fuq l-art, speċjalment fil-Lvant Ċentrali tal-Ewropa, kif enfasizzat fil-prijorita 3. Il-Mappa 7 tispjega l-kunċett ta’ grid barra mill-kosta possibbli kif żviluppat mill-istudju dwar Sistema ta’ Distribuzzjoni fil-Baħar[54].

[pic]

Mappa 7: Spjegazzjoni grafika tal-kunċett ta’ grid barra mill-kosta possibbli għall-Ibħra tat-Tramuntana u l-Baħar Baltiku (xenarju ta’ “approċċ imħallat” li juri l-linji ta’ trażmissjoni eżistenti (ħomor), dawk ippjanati (ħodor) u dawk ikkummissjonati (roża) kif ukoll linji addizzjonali (blu) meħtieġa skont il-kalkoli tal-Grid Barra l-Kosta)

Il-pjanijiet eżistenti ta’ żvilupp barra mill-kosta f’ċertu Stati Membri juru li se jkun hemm żvilupp sinifikanti fl-Ibħra tat-Tramuntana tul il-konfini jew minn konfini għal ieħor tal-ilmijiet territorjali ta’ diversi Stati Membri, u dan iqajjem kwistjonijiet ta’ ppjanar u oħrajn regolatorji ta’ dimensjoni Ewropea[55]. Hemm bżonn tisħiħ tan-netwerk Ewropew fuq l-art biex l-elettriku jiġi trażmess liċ-ċentri ewlenin ta’ konsum iktar ’il ġewwa mill-kosta. Madankollu, il-Pjan ta’ Żvilupp tan-Netwerk fuq Għaxar Snin (TYNDP) pilota tal-ENTSO-E ma jinkludix valutazzjoni xierqa tal-infrastruttura meħtieġa biex jiġu konnessi l-kapaċitajiet tar-riħ ġodda futuri barra mill-kosta. L-ENTSO-E impenja ruħu li jindirizza din il-kwistjoni urġenti iktar fid-dettall fit-tieni edizzjoni tat-TYNDP tiegħu li għandu jiġi ppubblikat fl-2012.

L-Istati Membri adottaw jew qed jippjanaw li jadottaw approċċi differenti relatati mal-iżvilupp tal-grid barra mill-kosta. Ħafna mill-Istati Membri (il-Ġermanja, id-Danimarka, Franza, l-Isvezja, l-Irlanda) assenjaw l-estensjoni barra mill-kosta tal-grid fuq l-art tagħhom lil TSOs nazzjonali. S’issa r-Renju Unit għażel li joħroġ sejħa għal offerti għall-konnessjoni ta’ kull waħda mit-turbini tar-riħ barra mill-kosta ġdida separatament[56]. Fil-Belġju u l-Pajjiżi l-Baxxi, l-iżvilupp tal-grid huwa attwalment assenjat lill-iżviluppatur tat-turbini tar-riħ. Barra minn hekk, l-oqfsa regolatorji nazzjonali attwali jħeġġu soluzzjonijiet esklużivament minn punt għal ieħor għall-konnessjoni tat-turbini tar-riħ ma’ punt ta’ konnessjoni fuq l-art, bl-għan li jitnaqqas kemm jista’ jkun il-kost tal-konnessjoni ta’ kull proġett. Il-konnessjoni tar-raggruppamenti tat-turbini tar-riħ permezz ta’ ċentru, li magħha hemm marbut riskju ta’ provvista avvanzata tal-kapaċità u riskju teknoloġiku, mhijiex koperta bir-regolamenti nazzjonali attwali. Finalment, ma sseħħx l-ottimizzazzjoni fil-konfini kollha biex jiġi ffaċilitat il-kummerċ tal-elettriku bejn żewġ jew diversi Stati Membri.

Bħala konsegwenza għal dan, jintilfu l-opportunitajiet offruti minn approċċ reġjonali għal żvilupp tal-infrastruttura barra mill-kosta u fuq l-art integrata kif ukoll is-sinerġiji mal-kummerċ tal-elettriku internazzjonali. Fuq żmien itwal, dan jista’ jwassal għal soluzzjonijiet subottimi u li jiswew iktar flus.

Sfidi oħra għall-iżvilupp ta’ grid barra mill-kosta huma relatati mal-għoti ta’ permess u t-tfassil tas-suq. Kif jiġri fi proġetti infrastrutturali oħra, il-proċeduri tal-awtorizzazzjoni ħafna drabi jkunu frammentati anke fl-istess pajjiż. Meta proġett jaqbeż il-konfini territorjali ta’ diversi Stati Membri, dan jista’ jikkomplika konsiderevolment il-proċess ġenerali, u jwassal għal dewmien kbir fit-twettiq. Barra minn hekk, l-integrazzjoni insuffiċjenti tas-swieq tal-elettriku, l-adattament insuffiċenti ta’ sistemi ta’ konnessjoni u skemi nazzjonali ta’ appoġġ adattati għall-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli barra mill-kosta u n-nuqqas ta’ regoli tas-suq adattati għas-sistemi tal-elettriku bbażati fuq sorsi tal-enerġija rinnovabbli iktar varjabbli jistgħu jxekklu l-iżvilupp ta’ proġetti barra mill-kosta u ta’ grid barra mill-kosta tassew Ewropea.

L-ippjanar ta’ żvilupp ta’ teknoloġiji tar-riħ barra mill-kosta u tal-infrastrutturi tal-grid barra mill-kosta u fuq l-art meħtieġa jirrikjedi koordinazzjoni bejn l-Istati Membri, l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji, l-operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni u l-Kummissjoni Ewropea. L-ippjanar tal-ispazji marittimi u d-definizzjoni taż-żoni ta’ żvilupp tal-enerġija mir-riħ barra mill-kosta u mill-oċean jistgħu jtejbu l-iżvilupp u jiffaċilitaw id-deċiżjonijiet għal investimenti f’dan is-settur.

Rakkomandazzjonijiet

Ġiet stabbilita kooperazzjoni reġjonali strutturata mill-Istati Membri fl-NSCOGI[57]. Għalkemm l-impenn tal-Istati Membri li jiżviluppaw il-grid b’mod koordinat huwa ferm importanti, issa dan għandu jissarraf f’azzjonijiet konkreti biex isir il-mutur ewlieni għall-iżvilupp ta’ grid barra mill-kosta fl-Ibħra tat-Tramuntana. F’konformità mal-istrateġija ppreżentata fil-Komunikazzjoni, l-inizjattiva għandha tistabbilixxi struttura li tiffunzjona, b’parteċipazzjoni adegwata tal-partijiet interessati, u tistabbilixxi pjan ta’ ħidma bi skeda u għanijiet konkreti relatati mal-konfigurazzjoni u l-integrazzjoni tal-grid, kwistjonijiet tas-suq u regolatorji u proċeduri ta’ ppjanar u awtorizzazzjoni.

Taħt il-gwida tal-NSCOGI, għandhom jitħejjew possibbiltajiet differenti tal-konfigurazzjoni tal-grid minn TSOs u ENTSO-E nazzjonali fit-TYNDP li jmiss. Il-possibbiltajiet ta’ disinn għandhom jikkunsidraw aspetti ta ppjanar, kostruzzjoni u operat, l-ispejjeż assoċjati mal-infrastruttura u l-benefiċċji jew id-diffikultajiet tad-diversi possibbiltajiet ta’ disinn. B’mod partikolari, it-TSOs għandhom jirrevedu l-iżvilupp tat-turbini tar-riħ ippjanati sabiex jidentifikaw possibbiltajiet ta’ konnessjonijiet ċentrali u interkonnessjonijiet għall-kummerċ tal-elettriku, filwaqt li jqisu l-possibbiltà ta’ żvilupp fit-teknoloġiji tar-riħ fil-futur. Ir-regolaturi għandhom jikkunsidraw l-istrateġiji tal-iżvilupp globali u l-benefiċċji reġjonali u fit-tul meta japprovaw linji ta’ trażmissjoni ġodda barra mill-kosta. Għandhom jiġu analizzati possibbiltajiet biex il-qafas regolatorju jiġi rivedut u jsir kompattibbli, filwaqt li jkopri, fost l-oħrajn l-operat tal-assi tat-trażmissjoni barra mill-kosta, l-aċċess u l-ħlas għat-trażmissjoni, ir-regoli tal-bilanċ u s-servizzi anċillari.

3.1.2. L-interkonnessjonijiet fil-Lbiċ tal-Ewropa

Franza, l-Italja, il-Portugall u Spanja se jospitaw żviluppi futuri sinifikanti ta’ kapaċitajiet ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku rinnovabbli varjabbli tul l-għaxar snin li ġejjin. Fl-istess waqt, il-Peniżola Iberika hija kważi gżira elettrika. Fil-preżent, l-interkonnessjonijiet bejn Franza u Spanja diġà jbatu minn kapaċità insuffiċjenti, b’erba’ linji ta’ kollegament biss (2 ta’ 220 kV u 2 ta’ 400 kV) bejn il-pajjiżi, li l-aħħar waħda minnhom nbniet fl-1982. Ilkoll huma kontinwament mgħobbija żżejjed[58]. Linja ta’ 400 kV ġdida fil-Pirenej tal-Lvant għandha tkun lesta sal-2014, u din għandha żżid il-kapaċità ta’ interkonnessjoni attwali minn 1,400 MW għal madwar 2,800 MW, iżda xorta jista’ jibqa’ jkun hemm xi ftit konġestjoni[59].

Barra minn hekk, dawn il-pajjiżi għandhom rwol ċentrali għall-konnessjoni mal-Afrika ta’ Fuq, li tista’ ssir iktar u iktar importanti minħabba l-potenzjal enormi tagħha ta’ enerġija mix-xemx.

Sal-2020, madwar 10 GW tal-ġenerazzjoni ġdida tal-enerġiji rinnovabbli tista’ tinbena fil-pajjiżi tal-Lvant u tan-Nofsinhar tal-Mediterran, li minnhom ikun hemm kapaċitajiet ta’ kważi 60% enerġija mix-xemx u 40% mir-riħ[60]. Madankollu, mil-lum, hemm biss interkonnessjoni waħda bejn il-kontinent Afrikan u dak Ewropew (Marokk-Spanja) b'kapaċità ta' madwar 1,400 MW, li tista' tiżdied għal 2,100 MW fis-snin li ġejjin. Qed tiġi ppjanata linja tal-enerġija diretta tal-kurrent taħt il-baħar ta' 1,000 MW bejn it-Tuneżija u l-Italja, li għandha tkun operattiva sal-2017. L-użu ta’ dawn l-interkonnessjonijiet eżistenti u ġodda se joħloq sfidi ġodda fuq żmien medju (wara l-2020) fir-rigward tal-konsistenza tagħhom mal-evoluzzjonijiet tan-netwerk Ewropew u tal-Afrika ta' Fuq, kemm fir-rigward tal-kapaċità kif ukoll kif rigward tal-qafas regolatorju korrispondenti. Kull interkonnessjoni oħra għandha tkun akkumpanjata minn salvagwardji biex ma jkunx hemm żieda fir-riskji ta’ rilaxx tal-karbonju minn importazzjonijiet tal-enerġija.

Rakkomandazzjonijiet

Biex tiġi żgurata l-integrazzjoni adegwata ta’ kapaċitajiet ġodda, l-aktar mill-enerġiji rinnovabbli, fil-Lbiċ tal-Ewropa u t-trażmissjoni tagħhom lejn partijiet oħra tal-kontinent, għandhom jittieħdu l-azzjonijiet ewlenin li ġejjin sal-2020:

- żvilupp xieraq tal-interkonnessjonijiet fir-reġjun u l-akkomodazzjoni tan-netwerks nazzjonali eżistenti għal dawn il-proġetti l-ġodda. Se tkun meħtieġa kapaċità ta’ interkonnessjoni ta’ mill-inqas 4,000 MW bejn il-Peniżola Iberika u Franza sal-2020. Għandhom jiġu żviluppati proġetti korrespondenti filwaqt li tingħata l-akbar attenzjoni għall-aċċettazzjoni tal-pubbliku u l-konsultazzjoni mal-partijiet kollha interessati.

- fir-rigward tal-konnessjonijiet ma’ pajjiżi terzi, l-iżvilupp ta’ konnessjonijiet tal-Italja mal-pajjiżi tal-Komunità tal-Enerġija (speċjalment il-Montenegro, iżda anke l-Albanija u l-Kroazja), it-twettiq tal-interkonnessjoni bejn it-Tuneżija u l-Italja, l-espansjoni tal-interkonnettur bejn Spanja u l-Marokk, it-tisħiħ, fejn ikun meħtieġ, tal-interkonnessjonijiet min-Nofsinhar għan-Nofsinhar fil-pajjiżi ġirien tal-Afrika ta’ Fuq (inkluż dak li jirrigwarda l-ġestjoni effettiva ta’ dawn l-infrastrutturi) u studji preparatorji għal interkonnessjonijiet addizzjonali mit-Tramuntana għan-Nofsinhar li għandhom jiġu żviluppati wara l-2020.

3.1.3. Il-konnessjonijiet fil-Lvant Ċentrali u x-Xlokk tal-Ewropa

Il-konnessjoni ta’ ġenerazzjoni ġdida hija sfida kbira fl-Ewropa Ċentrali u fil-Lvant tal-Ewropa. Pereżempju, fil-Polonja biss huma previsti madwar 3.5 GW sal-2015 u sa 8 GW sal-2020[61].

Fl-istess waqt, reċentement kien hemm bidla sinifikanti fix-xejriet tal-fluss tal-enerġija fil-Ġermanja. Il-kapaċitajiet tal-enerġija mir-riħ fuq l-art, li kienu jammontaw għal madwar 25 GW fi tmiem l-2009, u l-iżvilupp barra mill-kosta, flimkien ma’ impjanti konvenzjonali tal-enerġija ġodda, huma kkonċentrati fit-Tramuntana u l-Grigal tal-pajjiż; madankollu d-domanda hija akbar fil-parti tan-Nofsinhar, u dan iżid id-distanzi bejn iċ-ċentri tal-ġenerazzjoni u tat-tagħbija jew it-tagħmir tal-bilanċ (pereżempju l-ħżin permezz tal-pompi). Għalhekk hemm bżonn ta’ kapaċitajiet ta’ tranżitu kbar ħafna mit-Tramuntana għan-Nofsinhar, li jqisu bis-sħiħ l-iżvilupp tal-grid fl-Ibħra tat-Tramuntana u madwarhom fil-kuntest tal-prijorità 3.1.1. Minħabba l-impatt tal-insuffiċjenzi attwali tal-interkonnessjoni fuq il-grids ġirien speċjalment fil-Lvant tal-Ewropa, approċċ reġjonali koordinat huwa vitali biex tissolva din l-kwistjoni.

Fix-Xlokk tal-Ewropa, il-grid tat-trażmissjoni hija pjuttost mifruxa meta mqabbla mal-grid tal-bqija tal-kontinent. Fl-istess waqt, ir-reġjun kollu (inklużi l-pajjiżi tal-Komunità tal-Enerġija) għandu ħafna potenzjal għal aktar ġenerazzjoni idroloġika. Hemm bżonn ta’ kapaċitajiet addizzjonali ta’ konnessjoni u interkonnessjoni tal-ġenerazzjoni biex jiżdiedu l-flussi tal-enerġija bejn il-pajjiżi tax-Xlokk tal-Ewropa u mal-Ewropa Ċentrali. L-estensjoni taż-żona sinkronika mill-Greċja (u iktar tard il-Bulgarija) għat-Turkija toħloq ħtiġijiet addizzjonali għat-tisħiħ tal-grids f’dawn il-pajjiżi. Billi l-Ukrajna u r-Repubblika tal-Moldova esprimew l-interess tagħhom li jingħaqdu fin-netwerks tal-elettriku interkonnessi kontinentali Ewropej, għandhom jiġu analizzati aktar estensjonijiet fuq żmien twil.

Rakkomandazzjonijiet

Biex jiġu żgurati l-konnessjoni u t-trażmissjoni xierqa tal-ġenerazzjoni, speċjalment fit-Tramuntana tal-Ġermanja, u integrazzjoni aħjar tan-netwerks tal-elettriku tax-Xlokk tal-Ewropa, jeħtieġ li sal-2020 jittieħdu l-azzjonijiet ewlenin li ġejjin u dawn għandhom ikunu appoġġjati b’mod notevoli mill-pajjiżi tal-Lvant Ċentrali tal-Ewropa, billi titwessa’ l-kooperazzjoni diġà eżistenti fis-settur tal-gass:

- l-iżvilupp ta’ interkonnessjonijiet xierqa, speċjalment fil-Ġermanja u l-Polonja, li jgħaqqdu l-kapaċitajiet ta’ ġenerazzjoni ġodda, inklużi s-sorsi rinnovabbli, fil-Baħar tat-Tramuntana jew viċin tiegħu, maċ-ċentri ta’ domanda fil-Ġermanja tan-Nofsinhar u ma’ impjanti ta’ ħżin permezz tal-pompi li għandhom jiġu żviluppati fl-Awstrija u l-Isvizzera, filwaqt li tiġi akkomodata ġenerazzjoni ġdida fil-pajjiżi tal-Lvant. Linji ta’ kollegament ġodda bejn il-Ġermanja u l-Polonja se jsiru importanti ladarba jiġu żviluppati interkonnessjonijiet ġodda mal-Istati Baltiċi (b’mod partikolari l-interkonnessjoni bejn il-Polonja u l-Litwanja, ara hawn taħt). Minħabba ż-żieda ta’ flussi paralleli mit-Tramuntana għan-Nofsinhar, hemm bżonn ta’ espansjoni tal-kapaċità transkonfinali bejn is-Slovakkja, l-Ungerija u l-Awstrija fuq żmien medju (wara l-2020). Hemm bżonn li l-konġestjoni tittaffa internament permezz ta’ investimenti biex tiżdied il-kapaċità transkonfinali fl-Ewropa Ċentrali.

- iż-żieda tal-kapaċitajiet ta’ trasferiment bejn il-pajjiżi tax-Xlokk tal-Ewropa, inklużi dawk tat-Trattat tal-Komunità tal-Enerġija, bl-għan li jiġu aktar integrati fis-swieq tal-elettriku tal-Ewropa Ċentrali.

Din il-kooperazzjoni għandha tkun koperta mill-kooperazzjoni tal-Lvant Ċentrali tal-Ewropa li diġà teżisti fis-settur tal-gass.

3.1.4. It-tlestija tal-Pjan ta’ Interkonnessjoni tas-Suq tal-Enerġija tal-Baltiku fl-elettriku

F’Ottubru 2008, b’segwitu għall-ftehim tal-Istati Membri tar-Reġjun tal-Baħar Baltiku, ġie stabbilit Grupp ta’ Livell Għoli (HLG) ippresedut mill-Kummissjoni dwar l-Interkonnessjonijiet tar-Reġjun tal-Baltiku. Il-pajjiżi parteċipanti huma d-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, il-Ġermanja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Polonja, l-Isvezja u, bħala osservatur, in-Norveġja. F’Ġunju 2009, l-HLG ħareġ bil-Pjan ta’ Interkonnessjoni tas-Suq tal-Enerġija tal-Baltiku (BEMIP), Pjan ta’ Azzjoni komprensiv dwar l-interkonnessjonijiet tal-enerġija u t-titjib tas-suq fir-Reġjun tal-Baħar Baltiku, kemm għall-elettriku kif ukoll għall-gass, . L-għan ewlieni huwa li jintemm “l-iżolament enerġetiku” relattiv tal-Istati tal-Baltiku u li jiġu integrati fis-suq usa’ tal-enerġija tal-UE. Il-BEMIP jipprovdi eżempju importanti ta’ kooperazzjoni reġjonali ta’ suċċess. Il-lezzjonijiet li ttieħdu minn din l-inizjattiva għandhom jiġu kkunsidrati għal strutturi ta’ kooperazzjoni reġjonali oħra.

L-ostakli tas-suq intern kellhom jitneħħew biex l-investimenti jsiru vijabbli u attraenti. Dan kien jinvolvi l-allinjament tal-oqfsa regolatorji biex tiġi stabbilita l-bażi għall-kalkolu tal-allokazzjoni ġusta tal-kosti u l-benefiċċji, biex b’hekk issir bidla lejn il-prinċipju “il-benefiċjarji jħallsu”. Il-Programm Ewropew tal-Enerġija għall-Irkupru (EEPR) kien mutur evidenti għall-implimentazzjoni fil-ħin ta’ proġetti infrastrutturali. Huwa kien ta’ inċentiv biex jintlaħaq qbil malajr dwar kwistjonijiet pendenti. L-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku pprovdiet ukoll qafas ikbar għall-prijorità tal-infrastruttura tal-enerġija. L-istrateġija diġà pproponiet qafas biex il-fondi eżistenti mill-fondi strutturali u fondi oħrajn ikunu ffukati fl-oqsma identifikati mill-istrateġija bħala oqsma prijoritarji.

Diversi fatturi wasslu biex din l-inizjattiva titqies bħala suċċess mill-partijiet interessati fil-Baħar Baltiku: (1) l-appoġġ politiku għall-inizjattiva, u għall-proġetti u l-azzjonijiet tagħha; (2) l-involviment ta’ livell għoli tal-Kummissjoni li kellu rwol ta’ faċilitazzjoni u saħansitra ta’ mutur; (3) l-involviment tal-partijiet interessati kollha rilevanti fir-reġjun mill-bidu nett sal-implimentazzjoni (ministeri, regolaturi u TSOs) biex jiġu implimentati l-prijoritajiet infrastrutturali definiti.

Minkejja l-progress li sar s’issa, għad hemm bżonn ta’ aktar sforzi biex il-BEMIP jiġi implimentat bis-sħiħ: huwa meħtieġ monitoraġġ kontinwu tal-implimentazzjoni tal-Pjan min-naħa tal-Kummissjoni u tal-Grupp ta’ Livell Għoli biex jiġi onorat l-impenn fir-rigward tal-azzjonijiet u tal-iskeda maqbula.

B’mod partikolari, huwa meħtieġ li jingħata appoġġ mhux biss għall-proġetti ewlenin iżda anke għal proġetti transkonfinali iktar kumplessi, bħal-LitPolLink bejn il-Polonja u l-Litwanja, li huwa essenzjali għall-integrazzjoni tas-suq tar-Reġjun tal-Baltiku fl-UE, u li għalih ġie assenjat koordinatur tal-UE.

3.2. Provvisti tal-gass diversifikati għal netwerk tal-gass tal-UE kompletament interkonness u flessibbli

3.2.1. Il-Kuritur tan-Nofsinhar

Id-dipendenza dejjem tikber tal-Ewropa fuq il-karburanti importati hija evidenti fis-settur tal-gass. Il-Kuritur tan-Nofsinhar huwa – wara l-Kuritur tat-Tramuntana min-Norveġja, il-Kuritur tal-Lvant mir-Russja, il-Kuritur tal-Mediterran mill-Afrika u minbarra l-LNG – ir-raba’ l-akbar assi għad-diversifikazzjoni tal-provvisti tal-gass fl-Ewropea. Id-diversifikazzjoni tas-sorsi ġeneralment iżżid il-kompetizzjoni u għalhekk tikkontribwixxi għall-iżvilupp tas-suq. Fl-istess waqt, ittejjeb is-sigurtà tal-provvista: kif intwera wkoll fil-kriżi tal-gass ta’ Jannar 2009, il-pajjiżi l-iktar milquta kienu dawk li jiddependu fuq sors ta’ importazzjoni wieħed biss. Madankollu, ħafna drabi l-attitudni ta’ difiża tal-produtturi tal-gass u tal-atturi eżistenti fis-swieq monopolistiċi xxekkel id-diversifikazzjoni. L-implimentazzjoni tal-Kuritur tan-Nofsinhar tirrikjedi kooperazzjoni mill-qrib bejn diversi Stati Membri u fil-livell Ewropew, billi ebda pajjiż ma jirrikjedi individwalment il-volumi ta’ gass inkrimentali (gass ġdid) suffiċjenti biex jirfdu l-investiment fl-infrastruttura tal-pipeline. Għaldaqstant, l-Unjoni Ewropea għandha taġixxi biex tippromwovi d-diversifikazzjoni u tipprovdi għall-ġid pubbliku tas-sigurtà tal-provvista billi tlaqqa’ flimkien l-Istati Membri u l-kumpaniji biex tintlaħaq massa kritika. Dan huwa l-prinċipju bażi tal-istrateġija tal-UE għall-Kuritur tal-Gass tan-Nofsinhar. L-importanza tiegħu ġiet enfasizzata fit-Tieni Analiżi Strateġika dwar l-Enerġija tal-Kummissjoni ta’ Novembru 2008, li ġiet approvata mill-Kunsill Ewropew f’Marzu 2009.

Il-mira tal-Kuritur tan-Nofsinhar hija li jgħaqqad direttament is-suq tal-gass tal-UE mal-akbar depożitu ta’ gass fid-dinja (il-Baċir tal-Kaspju/tal-Lvant Nofsani) li l-volum tiegħu huwa stmat għal 90.6 triljun metru kubu (għall-skopijiet ta’ paragun, ir-riżervi ppruvati tar-Russja jammontaw għal 44.2 tcm[62]). Barra minn hekk, ġeografikament, il-bjar tal-gass huma saħansitra eqreb mid-depożiti ewlenin tar-Russja (Mappa 8).

L-istati fornituri potenzjali individwali ewlenin huma l-Azerbajġan, it-Turkmenistan u l-Iraq; iżda jekk il-kundizzjonijiet politiċi jkunu jippermettu, il-provvisti minn pajjiżi oħra fir-reġjun jistgħu jirrappreżentaw sors ta’ aktar provvista sinifikanti għall-UE. L-istat ewlieni ta’ tranżitu huwa t-Turkija, filwaqt li rotot oħra ta’ tranżitu huma dawk mill-Baħar l-Iswed u l-Lvant tal-Mediterran. L-għan strateġiku tal-kuritur huwa li sal-2020 ikun hemm rotta tal-provvista lejn l-UE ta’ madwar 10-20% tad-domanda tal-UE għall-gass, bejn wieħed u ieħor ekwivalenti għal 45-90 biljun metru kubu ta’ gass fis-sena (bcma).

L-għan operattiv għall-iżvilupp tal-istrateġija tal-Kuritur tan-Nofsinhar huwa li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jaħdmu mal-pajjiżi produtturi tal-gass, kif ukoll ma’ dawk il-pajjiżi kruċjali għat-trasport tal-idrokarburi lejn l-UE, bl-għan konġunt li jiġu żgurati malajr impenji serji għall-provvista tal-gass u l-bini ta’ infrastrutturi għat-trasport tal-gass (pipelines, trasport bil-baħar tal-Gass Naturali Likwifikat/Kompressat) meħtieġa fl-istadji kollha tal-iżvilupp tagħha.

[pic]

Mappa 8: Tqabbil tad-distanzi tal-provvisti tal-gass ewlenin tal-Lvant miċ-ċentri ta’ konsum ewlenin tal-UE

L-isfida ewlenija għas-suċċess tal-Kuritur tan-Nofsinhar hija li jiġi żgurat li l-elementi kollha tal-kuritur (ir-riżorsi tal-gass, l-infrastruttura tat-trasport u ftehimiet sottostanti) ikunu disponibbli fil-ħin kif ukoll ikollhom ambitu sinifikanti. S’issa, sar progress sostanzjali f'din id-direzzjoni. Bl-appoġġ finanzjarju tal-Kummissjoni (il-programmi EEPR u/jew TEN-E) u l-isforz kbir tal-kumpaniji tal-pipelines, proġetti tat-trasport konkreti, bħan-Nabucco, l-ITGI, it-TAP u l-White Stream, diġà jinsabu fl-istadju tal-iżvilupp u qed jiġi studjati possibbiltajiet oħra. In-Nabucco kif ukoll Poseidon, l-interkonnettur taħt il-baħar bejn l-Italja u l-Greċja li huwa parti mill-ITGI, irċevew eżenzjoni parzjali mill-Aċċess ta’ Partijiet Terzi (l-hekk imsejħa “eżenzjoni tal-Artikolu 22”). Barra minn hekk, il-Ftehim Intergovernattiv dwar in-Nabucco, iffirmat f’Lulju 2009, ipprovda ċertezza u termini legali lin-Nabucco għat-trasport tal-gass mit-Turkija, u ħoloq preċedent għal aktar estensjoni tas-sistemi ta’ trasport.

L-isfida ewlenija għall-ġejjieni hija li jiġi żgurat li l-pajjiżi produtturi tal-gass ikunu lesti li jkunu miftuħa għat-trasport tal-gass direttament lill-Ewropa, li ħafna drabi jista’ jfisser li jkollhom jaċċettaw riskju politiku kbir marbut mas-sitwazzjoni ġeopolitika tagħhom. Il-Kummissjoni, b’kooperazzjoni mal-Istati Membri involuti fil-Kuritur tan-Nofsinhar, għandha bżonn tenfasizza aktar l-impenn tagħha li tibni relazzjonijiet fit-tul mal-pajjiżi produtturi tal-gass f’dan ir-reġjun u tipprovdilhom rabta aktar qawwija mal-UE.

Il-komponenti tal-pipeline tal-Kuritur tal-Gass tan-Nofsinhar huma msaħħa wkoll bit-tħejjija ta’ possibbiltajiet ta’ twassil ta’ kwantitajiet sostanzjali addizzjonali ta’ Gass Naturali Likwifikat (LNG) lill-Ewropa b’mod partikolari mil-Lvant Nofsani (il-Golf Persjan u l-Eġittu). Fl-ewwel fażi dan jinkludi l-iżvilupp ta’ punti ta’ riċeviment tal-LNG fl-Ewropa (u l-konnessjoni tagħhom man-netwerk il-kbir). Barra minn hekk, mistennija li gradwalment tinbena kooperazzjoni ma’ pajjiżi produtturi dwar l-iżvilupp ta’ politiki dwar l-enerġija u pjanijiet ta’ investiment fit-tul li jwasslu għal-LNG.

3.2.2. L-interkonnessjonijiet tal-gass mit-Tramuntana għan-Nofsinhar fil-Lvant tal-Ewropa

Il-kunċett strateġiku tal-interkonnessjoni tal-gass naturali mit-Tramuntana għan-Nofsinhar huwa li ż-żona tal-Baħar Baltiku (inkluża l-Polonja) tingħaqad mal-Baħar Adrijatiku u l-Eġew u sal-Baħar l-Iswed, filwaqt li tkopri l-Istati Membri tal-UE li ġejjin (il-Polonja, ir-Repubblika Ċeka, is-Slovakkja, l-Ungerija, ir-Rumanija u possibbilment l-Awstrija) u l-Kroazja. Dan jipprovdi l-flessibbiltà ġenerali biex ir-reġjun tal-Lvant Ċentrali tal-Ewropa (CEE) joħloq suq intern sod, li jiffunzjona sew u li jippromwovi l-kompetizzjoni. Fuq żmien twil, dan il-proċess ta’ integrazzjoni għandu jiġi estiż għall-pajjiżi tat-Trattat tal-Komunità tal-Enerġija li mhumiex membri fl-UE. Suq integrat jipprovdi s-sigurtà tad-domanda meħtieġa[63] u jiġbed lill-fornituri lejn l-aħjar użu mill-infrastrutturi tal-importazzjoni ġodda u eżistenti, bħall-impjanti tar-rigassifikazzjoni tal-LNG il-ġodda u l-proġetti tal-Kuritur tan-Nofsinhar. Ir-reġjun tas-CEE isir għalhekk inqas vulnerabbli għal interuzzjoni tal-provvista mir-rotta Russja/Ukraina/Bjelorussja.

Hemm fornitur ewlieni wieħed fir-reġjun tas-CEE; in-netwerks lineari (mil-Lvant għall-Punent) u iżolati attwali huma wirt tal-passat. Għalkemm il-proporzjon tal-gass impurtat mir-Russja jikkostitwixxi 18% tal-konsum tal-UE-15, fl-Istati Membri l-ġodda dan l-indikatur huwa 60% (2008). Il-Gazprom iwassal il-maġġoranza assoluta tal-importazzjonijiet tal-gass fir-reġjun (il-Polonja: 70%, is-Slovakkja: 100%, l-Ungerija: 80%, ċertu pajjiżi tal-Balkani tal-Punent: 100%).

Minħabba swieq monopolisitiċi, iżolati u żgħar, kuntratti tal-provvista fit-tul u nuqqasijiet regolatorji, fost affarijiet oħra, ir-reġjun mhuwiex attraenti għall-investituri u l-produtturi. In-nuqqas ta’ koordinazzjoni regolatorja u ta’ approċċ komuni fir-rigward tan-nuqqas ta’ interkonnessjonijiet jipperikola l-investimenti l-ġodda u jostakola d-dħul ta’ kompetituri ġodda fis-suq. Barra minn hekk, is-sigurtà tal-provvista tikkostitwixxi tħassib, u l-investimenti meħtieġa għall-konformità mal-istandards tal-infrastruttura imposti mir-Regolament dwar is-Sigurtà tal-Provvista tal-Gass huma kkonċentrati f’dan ir-reġjun. Finalment, ammont konsiderevoli tal-popolazzjoni jonfqu ammont relattivament għoli tad-dħul tagħhom fuq l-enerġija u dan iwassal għal faqar enerġetiku.

Id-dikjarazzjoni tal-grupp ta’ Visegrad[64] estiż diġà tesprimi impenn ċar fir-reġjun biex dawn l-isfidi jiġu ffaċċjati. Abbażi tal-esperjenza miksuba u l-ħidma tal-BEMIP diġà mwettqa mill-firmatarji tad-dikjarazzjoni, il-Grupp ta’ Livell Għoli (HLG) propost fil-Komunikazzjoni għandu jipprovdi pjan ta’ azzjoni komprensiv biex jinbnew l-interkonnessjonijiet u tiġi kkompletata l-integrazzjoni tas-suq. L-HLG għandu jiġi megħjun minn gruppi ta’ ħidma li jiffukaw fuq proġetti konkreti, l-aċċess għan-netwerks u t-tariffi. Il-ħidma għandha tinkludi l-esperjenzi miksuba permezz tal-inizjattiva tas-Sistema l-Ġdida ta’ Trażmissjoni tal-Ewropa (NETS)[65].

3.2.3. It-tlestija tal-Pjan ta’ Interkonnessjoni tas-Suq tal-Enerġija tal-Baltiku fil-gass

Għalkemm l-implimentazzjoni tal-proġetti relatati mal-elettriku fil-kuntest tal-BEMIP għaddejja ġmielha, ftit sar progress fil-gass minn meta l-Pjan ta’ Azzjoni ġie approvat mit-tmien Kapijiet ta’ Stat ta’ Stati Membri tal-UE u l-President Barroso f’Ġunju 2009. L-HLG irnexxielu biss jiddefinixxi lista twila ta’ proġetti bi spejjeż globali tal-investimenti għoljin wisq meta mqabbla mad-daqs tas-swieq tal-gass fir-reġjun. Ma ntlaħaq assolutament ebda qbil dwar l-azzjonijiet tas-suq intern. Is-settur tal-gass issa huwa l-punt fokali tal-ħidma tal-BEMIP minn żewġ naħat: iż-żona tal-Baltiku tal-Lvant u dik tal-Baltiku tal-Punent.

Ir-reġjun tal-Baħar Baltiku tal-Lvant (il-Litwanja, il-Latvja, l-Estonja u l-Finlandja) jirrikjedi azzjoni urġenti biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista permezz tal-konnessjoni mal-bqija tal-UE. Fl-istess waqt il-Finlandja, l-Estonja u l-Latvja jgawdu derogi mill-ftuħ tas-suq skont it-tielet pakkett dwar is-suq intern sakemm is-swieq tagħhom ikunu iżolati. Id-deroga tintemm ladarba l-infrastruttura tagħhom tkun integrata mal-bqija tal-UE, pereżempju permezz tal-interkonnessjoni tal-gass mil-Litwanja għall-Polonja. Għalkemm il-konsum annwali tal-gass tat-tliet Stati Baltiċi u l-Finlandja flimkien huwa biss ta’ madwar 10 bcm, il-gass kollu li jikkunsmaw ġej mir-Russja. Bħala sehem mill-provvista totali tal-enerġija primarja, il-gass tar-Russja jammonta għal 13% fil-Finlandja, 15% fl-Estonja u madwar 30% fil-Latvja u fil-Litwanja, filwaqt li l-medja tal-UE hija madwar 6.5%. Il-fornitur ewlieni għandu wkoll interessi maġġoritarji fit-TSOs tal-erba’ pajjiżi kollha kemm huma. Barra minn hekk, anke l-Polonja tiddependi ħafna fuq il-gass tar-Russja. Għaldaqstant ma tantx hemm interess tas-suq biex isir investiment f’infrastruttura ġdida. L-infrastruttura minima meħtieġa ġiet miftiehma, u żvilupp kbir f’dan il-qasam huwa d-djalogu li issa jinsab għaddej – appoġġjat politikament miż-żewġ naħat – bejn il-kumpaniji tal-konnessjoni tal-gass bejn il-Polonja u l-Litwanja. Għaddejjin ukoll diskussjonijiet dwar terminal tal-LNG reġjonali fi grupp ta’ ħidma dwar l-LNG.

Fil-Punent tal-Baltiku, l-għan tal-grupp ta’ ħidma huwa li jinstabu modi biex tiġi sostitwita l-provvista tal-bjar tal-gass tad-Danimarka li qegħdin jiżvojtaw mill-2015 ’il quddiem, kif ukoll li tittejjeb is-sigurtà tal-provvista fid-Danimarka, l-Isvezja u l-Polonja. Għandu jiġi prodott pjan ta’ azzjoni sa tmien l-2010. Iż-żewġ gruppi ta’ ħidma jiffukaw ukoll fuq ostakli regolatorji u l-identifikazzjoni ta’ prinċipji komuni biex ikunu jistgħu jsiru investimenti reġjonali.

Bħala azzjoni ewlenija, il-kooperazzjoni reġjonali għandha tinżamm soda biex ikunu jistgħu jiġi stabbiliti l-proġetti li ġejjin: PL-LT, terminal tal-LNG reġjonali u pipeline li jgħaqqad lin-Norveġja u d-Danimarka u possibbilment l-Isvezja u l-Polonja. L-għanijiet tal-ftuħ tas-suq u tat-titjib fis-sigurtà tal-provvista tal-gass jistgħu jintlaħqu b’mod iktar kosteffikaċi fuq livell reġjonali milli fuq skala nazzjonali. L-appoġġ tal-Kummissjoni huwa wkoll kontinwament mitlub mill-Istati Membri biex jiġi ggwidat il-proċess tal-BEMIP. Finalment, għandhom jinstabu soluzzjonijiet biex jinkiser iċ-ċirku vizzjuż li skontu “Jekk ma jkunx hemm suq, ma jkunx hemm inċentiv ta’ investiment fl-infrastruttura; u mingħajr infrastruttura, is-suq ma jiżviluppax”.

3.2.4. Il-Kuritur mit-Tramuntana għan-Nofsinhar fil-Punent tal-Ewropa

Il-kunċett strateġiku tal-interkonnessjonijiet tal-gass naturali Tramuntana-Nofsinhar fil-Punent tal-Ewropa, jiġifieri mill-peniżola Iberika u l-Italja għall-Majjistral tal-Ewropa, huwa li tittejjeb l-interkonnessjoni fiż-żona tal-Mediterran u għalhekk il-provvisti mill-Afrika u mill-Kuritur tat-Tramuntana fornut min-Norveġja u r-Russja. Għad hemm punti ta’ konġestjoni infrastrutturali fis-suq intern li ma jippermettux il-flussi liberi tal-gass f’dan ir-reġjun, bħal pereżempju l-livell baxx ta’ interkonnessjoni lejn il-peniżola Iberika li ma jippermettix li l-aqwa użu possibbli tal-infrastruttura tal-importazzjoni tal-gass żviluppata ferm tal-peniżola Iberika. L-assi Spanja-Franza ilu priorità għal aktar minn għaxar snin, iżda għadu mhux lest. Madankollu, twettaq progress fi snin riċenti, permezz tal-koordinazzjoni aħjar tal-oqsfa regolatorji nazzjonali - meħuda wkoll bħala prijorità mill-Inizjattiva Reġjonali tal-Gass tal-Lbiċ - u l-involviment attiv tal-Kummissjoni Ewropea. Indikazzjoni oħra ta’ funzjonament difettuż tas-suq intern u n-nuqqas ta’ interkonnetturi huma l-prezzijiet sistematikament ogħla fuq is-suq Taljan tal-operaturi meta mqabbla ma’ swieq ġirien oħra.

Fl-istess waqt, filwaqt li l-iżvilupp tal-elettriku minn sorsi varjabbli huwa mistenni li jkun partikolarment prominenti f’dan il-kuritur, il-kapaċità ġenerali ta’ twassil tas-sistema tal-gass fuq żmien qasir għandha tittejjeb biex jingħelbu l-isfidi tal-flessibbiltà addizzjonali meħtieġa għall-ibbilanċjar tal-provvista tal-elettriku.

Il-punti ta’ konġestjoni infrastrutturali ewlenin li ma jippermettux il-funzjonament tajjeb tas-suq intern u l-kompetizzjoni għandhom jiġu identifikati f’dan il-kuritur u l-partijiet interessati, l-Istati Membri, l-NRAs u t-TSOs għandhom jaħdmu flimkkien biex jiffaċiltaw l-implimentazzoni tagħhom. Imbagħad, analiżi integrata tas-sistemi tal-elettriku u l-gass – li tqis kemm l-aspett tal-ġenerazzjoni u kemm dak tat-trażmissjoni – għandha twassal għall-valutazzjoni tal-ħtiġijiet ta’ flessibbiltà tal-gass u għall-identifikazzjoni ta’ proġetti bl-għan li tiġi supplimentata l-ġenerazzjoni tal-elettriku varjabbli.

3.3. L-iżgurar tas-sigurtà tal-provvista taż-żejt

Għall-kuntrarju tal-gass u l-elettriku, it-trasport taż-żejt mhux irregolat. Dan ifisser li mhemm ebda regoli, pereżempju fuq ir-rati ta’ redditu jew ta’ aċċess minn partijiet terzi għal investimenti ġodda ta’ infrastruttura. Il-kumpaniji taż-żejt huma primarjament responsabbli biex jiżguraw provvista kontinwa. Madankollu, hemm ċerti aspetti, li prinċipalment jikkonċernaw l-aċċess ħieles għall-pipelines li jfornu lill-UE, iżda li jinstabu f’pajjiżi li huma barra mill-UE (fil-Bjelorussja, il-Kroazja u l-Ukraina b’mod partikolari), li ma jistgħux jiġu indirizzati permezz ta’ arranġamenti kummerċjali biss iżda jeħtieġu wkoll attenzjoni politika.

In-netwerk tal-pipelines taż-żejt mhux maħdum fil-Lvant tal-Ewropa (estensjoni tal-pipeline ta’ Druzhba) ġie ppjanat u mibni matul il-perjodu tal-Gwerra l-Bierda u, dak iż-żmien, ma kellu l-ebda komunikazzjoni ta’ pipeline man-netwerk tal-Punent. Bħala riżultat ta’ dan mhemmx konnessjonijiet biżżejjed bejn in-netwerk tal-pipelines tal-Punent tal-Ewropa u l-infrastrutturi tal-Lvant. Għalhekk il-possibbiltajiet ta’ provvista alternattiva ta’ pipeline ta' prodotti taż-żejt mhux maħdum jew tal-petroleum minn Stati Membri tal-Punent lejn pajjiżi tas-CEE huma limitati. Fil-każ ta’ interruzzjoni tal-provvista fit-tul fis-sistema Druzhba (kapaċità attwalment użata: 64 miljun tunnellata/sena), dawn il-limitazzjonijiet iwasslu għal żieda kbira fit-traffiku tat-tankers fiż-żona Baltika li hija sensittiva mil-lat ambjentali[66], fil-Baħar l-Iswed u fl-Istretti tat-Turkija li minnhom jgħaddi ħafna traffiku[67], u dan iwassal għal żieda fir-riskji ta’ inċidenti u tixrid ta’ żejt. Fil-każ tar-raffinerija Mažeikiai tal-Litwanja[68] l-provvista alternattiva teħtieġ trasport bil-baħar ta’ madwar 5.5 sa 9.5 miljun tunnellata fis-sena permezz tal-Baħar Baltiku għat-terminal taż-żejt ta’ Butinge fil-Latvja.

Skont studju riċenti[69], ir-reazzjonijiet potenzjali għal interruzzjonijiet fil-provvista jinkludu: (1) il-ħolqien tal-pipeline Schwechat-Bratislava bejn l-Awstrija u s-Slovakkja; (2) l-aġġornament tal-linja ta’ komunikazzjoni Adria (li tgħaqqad it-terminal taż-żejt Omisalj fil-kosta Adrijatika Kroata mal-Ungerija u s-Slovakkja); u (3) l-aġġornament tal-pipeline Odessa-Brody fl-Ukraina (li tgħaqqad it-terminal taż-żejt tal-Baħar l-Iswed mal-fergħa tan-Nofsinhar ta’ Druzhba fi Brody) u l-estensjoni ppjanata tagħha lejn il-Polonja (Brody-Adamowo). Dawn ir-rotot jirrappreżentaw kapaċità ta’ provvista alternattiva ta’ mill-inqas 3.5, 13.5, u 33 miljun tunnellata fis-sena rispettivament. Titjib addizzjonali jkun il-ħolqien ta’ Pipeline taż-Żejt Pan-Ewropew li jorbot il-provvista tal-Baħar l-Iswed mal-Pipeline Transalpina b’kapaċità maħsuba ta’ bejn 1.2 miljun u 1.8 miljun barmil kuljum.

Għar-raġunijiet imsemmija hawn fuq, l-appoġġ politiku għall-mobilizzazzjoni tal-investiment privat f'infrastrutturi alternattivi possibbli huwa prijorità, sabiex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista taż-żejt f’pajjiżi tal-UE li ma jmissux mal-baħar, iżda wkoll biex jitnaqqas it-trasport taż-żejt fuq il-baħar, u b’hekk jitnaqqsu r-riskji ambjentali. Dan mhux bilfors jeħtieġ li tinbena infrastruttura ta’ pipelines ġdida. It-tneħħija tal-punti ta’ konġestjoni għall-kapaċità u/jew l-abilitazzjoni ta’ flussi fid-direzzjoni opposta jistgħu jikkontribwixxu wkoll għas-sigurtà tal-provvista.

3.4. L-introduzzjoni ta’ teknoloġiji ta’ grids intelliġenti

Il-grids intelliġenti[70] huma netwerks ta’ enerġija li jistgħu b’mod kosteffiċjenti jintegraw l-imġiba u l-azzjonijiet tal-utenti kollha mqabbda magħhom. Huma qed jibdlu l-mod li bih titħaddem il-grid tal-elettriku f’termini ta’ trażmissjoni u distribuzzjoni u ristrutturar tar-rotot attwali tal-ġenerazzjoni u l-konsum. Permezz tal-integrazzjoni tat-teknoloġija diġitali u sistema ta’ komunikazzjoni bidirezzjonali, il-grids intelliġenti jistabbilixxu interazzjoni diretta bejn il-konsumaturi, utenti oħra tal-grids u l-fornituri tal-enerġija. Huma jippermettu lill-konsumaturi jikkontrollaw u jamministraw direttament ix-xejriet tal-konsum individwali tagħhom, b’mod notevoli jekk ikunu kkumbinati b’tariffi li jiddivrenzaw fil-ħin, filwaqt li jipprovdu, min-naħa tagħhom, inċentivi b’saħħithom għal użu effiċjenti tal-enerġija. Huma jippermettu lill-kumpaniji li jtejbu u jżommu fil-mira tagħhom il-ġestjoni tal-grid tagħhom, filwaqt li jżidu s-sigurtà tal-grids u jnaqqsu l-ispejjeż. Teknoloġiji tal-grids intelliġenti huma meħtieġa sabiex jippermettu evoluzzjoni kosteffikaċi lejn sistema tal-enerġija dekarbonizzata, filwaqt li jippermettu l-ġestjoni ta’ ammonti kbar ta’ enerġija rinnovabbli fuq l-art u ’l barra mill-kosta, filwaqt li jżommu disponibbli l-ġenerazzjoni konvenzjonali tal-enerġija u l-adegwatezza tas-sistema tal-enerġija. Fl-aħħar nett, it-teknoloġiji tal-grids intelliġenti, inkluż l-użu ta’ miters intelliġenti, itejbu l-funzjonament tas-swieq tal-konsumaturi, li jipprovdi għażla reali lill-konsumaturi, peress li kumpaniji tal-enerġija kif ukoll il-kumpaniji tat-teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni jistgħu jiżviluppaw servizzi ta’ enerġija ġodda u innovattivi.

Ħafna pajjiżi żviluppaw proġetti ta’ grids intelliġenti, inkluż l-użu tal-miters intelliġenti, u dawn huma l-Awstrija, il-Belġju, Franza, id-Danimarka, il-Ġermanja, il-Finlandja, l-Italja, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Portugall, l-Isvezja, Spanja u r-Renju Unit[71]. Fl-Italja u l-Isvezja kważi l-klijenti kollha diġà għandhom miters intelliġenti.

L-Istudju tal-Bijointelliġenza tal-2008[72] jikkonkludi li l-grids intelliġenti jistgħu jnaqqsu l-konsum primarju annwali tal-UE tas-settur tal-enerġija fl-2020 bi kważi 9%, li huwa ekwivalenti għal 148 TWh ta’ elettriku jew iffrankar li jlaħħaq kważi 7.5 biljun ewro fis-sena (fuq bażi tal-prezzijiet medji tal-2010). L-istimi tal-industrija jargumentaw li familja medja tista’ tiffranka 9% tal-konsum tal-elettriku u 14% tal-konsum tal-gass tagħha, li jikkorrispondu għal iffrankar ta’ madwar 200 ewro fis-sena[73].

Il-Kummissjoni tippromwovi l-iżvilupp u l-użu ta’ grids intelliġenti permezz ta’ appoġġ finanzjarju għar-riċerka u l-iżvilupp (R&Ż). L-Inizjattiva Ewropea dwar il-Grid tal-Elettriku tas-SET-Plan (EEGI), imnedija f’Ġunju 2010, ġiet żviluppata minn tim ta’ operaturi tan-netwerk fid-distribuzzjoni u t-trażmissjoni tal-elettriku bl-appoġġ tal-Kummissjoni u timmira li tiżviluppa aktar il-kwistjonijiet teknoloġiċi tal-grids intelliġenti. Din se tikkonsolida l-esperimenti tal-grids intelliġenti li saru sa issa permezz ta’ dimostrazzjonijiet fuq skala kbira u tippromwovi r-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni fit-teknoloġiji tal-grids intelliġenti. Se tistimula wkoll użu iktar mifrux billi tindirizza sfidi li jinħolqu mill-integrazzjoni tat-teknoloġija fil-livell tas-sistema, l-aċċettazzjoni mill-utent, il-limitazzjonijiet ekonomiċi u r-regolazzjoni.

Minbarra din l-imbuttatura teknoloġika, inħolqot ġibda mis-suq għall-implimentazzjoni madwar l-Ewropa ta’ grids intelliġenti permezz tal-adozzjoni tat-tielet pakkett tas-suq intern tal-enerġija fl-2009, li jipprevedi l-obbligu għall-Istati Membri biex jiżguraw implimentazzjoni wiesa’ ta’ sistemi ta’ użu ta’ miters intelliġenti sal-2020[74]. Barra minn hekk, id-Direttiva dwar effiċjenza fl-użu finali tal-enerġija u dwar servizzi ta’ enerġija[75] identifikat il-miter intelliġenti bħala wieħed mill-kontributuri ewlenin għat-titjib fl-effiċjenza fl-enerġija. Id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli[76], finalment, tqis il-grids intelliġenti bħala element li jippermetti l-integrazzjoni ta’ żieda tal-enerġija rinnovabbli fil-grid u tobbliga lill-Istati Membri biex jiżviluppaw infrastruttura ta’ trażmissjoni u ta’ grids b’dan l-għan. Flimkien, dawn id-direttivi jikkostitwixxu l-politika u l-qafas legali ewlenin li fuqhom jinbena iktar żvilupp u l-iżvilupp tal-grids intelliġenti.

Sabiex jiġi żgurat li l-grids intelliġenti u l-miters intelliġenti jiġu żviluppati b’mod li tittejjeb il-kompetizzjoni fil-livell tal-konsumatur, l-integrazzjoni tal-ġenerazzjoni fuq skala kbira minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, u l-effiċjenza fl-enerġija permezz tal-ħolqien ta’ suq miftuħ għas-servizzi tal-enerġija, il-Kummissjoni waqqfet Task Force dwar il-grids intelliġenti f’Novembru 2009. Din tikkonsisti f’madwar 25 assoċjazzjoni Ewropea li jirrappreżentaw il-partijiet interessati rilevanti kollha. Il-mandat tagħha huwa li tagħti parir lill-Kummissjoni dwar l-azzjonijiet ta’ politika u dawk regolatorji fil-livell tal-UE u li tikkoordina l-ewwel passi lejn l-implimentazzjoni tal-grids intelliġenti skont id-dispożizzjonijiet tat-tielet pakkett. Il-ħidma inizjali tat-Task Force tmexxiet minn tliet Gruppi Esperti[77], li kull wieħed minnhom jiffoka fuq (1) funzjonalitajiet tal-grids intelliġenti u l-miters intelliġenti, (2) rakkomandazzjonijiet regolatorji għas-sigurtà tad-dejta, il-ġestjoni tad-dejta u l-protezzjoni tad-dejta, u (3) rwoli u responsabbiltajiet tal-atturi involuti fl-użu tal-grids intelliġenti.

Minkejja l-benefiċċji mistennija mill-grids intelliġenti u l-miżuri ta’ politika fis-seħħ imsemmija preċedentement, it-tranżizzjoni lejn il-grids u l-miters intelliġenti mhix qed tavvanza malajr daqskemm meħtieġ biex jintlaħqu l-għanijiet tal-UE tal-enerġija u l-klima.

Is-suċċess tal-Grids Intelliġenti mhux se jiddependi biss fuq it-teknoloġija ġdida u r-rieda tan-netwerks li jintroduċuhom, iżda wkoll fuq oqfsa regolatorji tal-aħjar prattika li jappoġġjaw l-introduzzjoni tagħhom, li jindirizzaw kwistjonijiet tas-suq, inklużi l-impatti fuq il-kompetizzjoni, u l-bidliet fl-industrija (jiġifieri fil-kodiċi industrijali jew regolamentazzjoni) u l-mod li bih il-konsumaturi jużaw l-enerġija. L-isfida ewlenija hija l-ħolqien tal-qafas regolatorju t-tajjeb għal suq tas-servizzi tal-enerġija li jaħdem sew. Dan se jkun jeħtieġ l-abilitazzjoni tal-kooperazzjoni ta’ medda wiesgħa ta’ atturi tas-suq differenti (ġeneraturi, operaturi tan-netwerks, bejjiegħa tal-enerġija lill-konsumatur, kumpaniji tas-servizzi tal-enerġija, kumpaniji tat-teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni, konsumaturi, produtturi tal-apparat). Dan il-qafas regolatorju se jkollu wkoll jiżgura l-aċċess miftuħ adegwat u l-qsim ta’ informazzjoni operazzjonali bejn l-atturi, u jista’ jkollu jindirizza wkoll kwistjonijiet ta’ ffissar ta’ tariffi biex jiġu pprovduti inċentivi xierqa biex l-operaturi tas-sistemi tad-distribuzzjoni jinvestu f’teknoloġiji intelliġenti. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali wkoll għandhom rwol importanti ħafna peress li dawn japprovaw it-tariffi li jipprovdu l-bażi għall-investimenti fil-grids intelliġenti, u possibbilment miters intelliġenti. Sakemm ma jiġix żviluppat mudell ġust ta’ kondiviżjoni tal-ispejjeż u jinstab bilanċ ġust bejn spejjeż għall-investiment fuq żmien qasir u l-profitti fuq żmien itwal, ir-rieda tal-operaturi tal-grids li jwettqu xi investimenti sostanzjali fil-futur se tkun limitata.

Standards mingħajr ambigwità (miftuħa) għal grids u miters intelliġenti huma meħtieġa sabiex jiżguraw l-interoperabbiltà, billi jindirizzaw sfidi teknoloġiċi ewlenin u jippermettu l-integrazzjoni b’suċċess tal-utenti kollha tal-grids, filwaqt li jipprovdu affidabbiltà għolja tas-sistema u kwalità fil-provvista tal-elettriku. Minħabba l-isforzi kompetittivi sabiex jiġu żviluppati standards madwar id-dinja, id-dipendenza u l-investiment f’soluzzjoni teknika speċifika waħda (Ewropea) illum jista’ jwassal għal spejjeż mhux rekuperabbli ( stranded costs ) għada. Din hija r-raġuni għaliex l-Kummissjoni nediet mandat ta’ standardizzazzjoni tal-miters intelliġenti għall-korpi ta’ standardizzazzjoni rilevanti Ewropej fl-2009. Mandat ġdid biex jiġu riveduti l-istandards relatati u jiġu żviluppati standards ġodda għall-grids intelliġenti se jiġi mnedi mill-Kummissjoni għall-istess korpi tal-istandards fil-bidu tal-2011. Il-kollaborazzjoni internazzjonali hija għalhekk essenzjali sabiex tiġi żgurata l-kompatibbiltà tas-soluzzjonijiet.

Sfida oħra hija li l-konsumaturi jiġu pperswaduti u li tintrebaħ il-fiduċja tagħhom fir-rigward tal-benefiċċji tal-grids intelliġenti. Sakemm l-elastiċità tal-prezz tal-elettriku tibqa’ baxxa, il-benefiċċji ġenerali ta’ grids intelliġenti jibqgħu mhux verifikati u r-riskju tal-abbuż tad-dejta jibqa’ mhux indirizzat[78], jista’ jkun diffiċli li tingħeleb in-nuqqas ta’ rieda tal-konsumaturi, meta wieħed iqis il-ħin u t-tibdil fl-imġiba meħtieġa biex jiġu sfruttati l-benefiċċji tat-teknoloġiji intelliġenti.

L-aħħar iżda mhux l-inqas, in-nuqqas possibbli ta’ ħaddiema kkwalifikati li jkunu lesti li jħaddmu s-sistema kumplessa tal-grids intelliġenti hija sfida oħra mhux insinifikanti.

It-tranżizzjoni lejn grids intelliġenti hija kwistjoni kumplessa u mhix realistika qabża waħda min-netwerk eżistenti għal grids intelliġenti. Tranżizzjoni b’suċċess se teħtieġ kooperazzjoni mirquma bejn il-partijiet interessati kollha sabiex jinstabu s-soluzzjonijiet kosteffikaċi korretti, jiġi evitat ix-xogħol doppju u jintużaw is-sinerġiji eżistenti. Sabiex tinkiseb kuxjenza u aċċettazzjoni pubblika u sostenn min-naħa tal-konsumatur, il-benefiċċji u l-ispejjeż tal-implimentazzjoni tal-grids intelliġenti se jkollhom jiġu diskussi oġġettivament u spjegati bir-reqqa, permezz tal-parteċipazzjoni attiva tal-konsumaturi, l-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju u l-awtoritajiet pubbliċi.

Rakkomandazzjonijiet

Sabiex jiġi żgurat tali approċċ u jingħelbu l-isfidi identifikati, l-azzjonijiet ewlenin li ġejjin huma rrakkomandati:

- Leġiżlazzjoni speċifika: Kif deskritt fil-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni se tevalwa jekk humiex meħtieġa xi inizjattivi leġiżlattivi oħra għall-implimentazzjoni tal-grids intelliġenti skont ir-regoli tat-tielet pakkett tas-suq intern tal-enerġija. Il-valutazzjoni se tqis l-għanijiet li ġejjin: i) li tiżgura l-aċċess miftuħ adegwat u l-qsim ta’ informazzjoni operattiva bejn l-atturi u l-interazzjonijiet fiżiċi tagħhom; ii) li toħloq suq tas-servizzi tal-enerġija li jaħdem b’mod korrett; u iii) tipprovdi inċentivi xierqa sabiex l-operaturi tal-grids jinvestu f’teknoloġiji intelliġenti għal grids intelliġenti. Abbażi ta’ din l-analiżi, id-deċiżjoni finali li tikkonċerna l-leġiżlazzjoni speċifika għall-grids intelliġenti se tittieħed matul l-ewwel nofs tal-2011.

- Standardizzazzjoni u Interoperabbiltà: It-Task Force iddefinixxiet sett ta’ sitt servizzi previsti u madwar 30 funzjonalità tal-grids intelliġenti. It-Task Force u l-Grupp ta’ Ħidma Konġunt CEN/CENELEC/ETSI dwar l-Istandards tal-Grids Intelliġenti sa tmiem l-2010 se jipproduċu analiżi konġunta dwar l-istatus tal-istandardizzazzjoni Ewropea għal teknoloġiji tal-grids intelliġenti u jidentifikaw ħidma ulterjuri meħtieġa f’dan il-qasam. Sal-bidu tal-2011 il-Kummissjoni se twaqqaf mandat ta’ standardizzazzjoni sabiex il-korpi ta’ standardizzazzjoni Ewropej rilevanti jiżviluppaw standards tal-grids intelliġenti u jiżguraw l-interoperabbiltà u l-kompatibbiltà billi l-istandards jiġu elaborati madwar id-dinja.

- Protezzjoni tad-dejta: Abbażi tax-xogħol tat-Task Force, il-Kummissjoni, b’kooperazzjoni mill-qrib mas-Superviżur Ewropew tal-Protezzjoni tad-Dejta, se tevalwa l-bżonn ta’ miżuri addizzjonali għall-protezzjoni tad-dejta, ir-rwoli u r-responsabbiltajiet ta’ atturi differenti li jikkonċernaw l-aċċess, il-pusses u l-ġestjoni tad-dejta (il-proprjetà, il-pussess u l-aċċess, id-drittijiet tal-qari u l-emendar, eċċ), u tipproponi, jekk meħtieġ, proposti u/jew linji gwida regolatorji adegwati.

- Investimenti ta’ infrastruttura: Partijiet kbar tal-investimenti meħtieġa għall-użu tal-grids intelliġenti jistgħu jkunu mistennija li jiġu mill-operaturi tan-netwerks, b’mod notevoli fil-livell tad-distribuzzjoni, u mill-kumpaniji privati, taħt il-gwida tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali. Meta l-fondi jkunu neqsin, l-alleanzi pubbliċi-privati jistgħu jipprovdu soluzzjonijiet. Fejn ir-rata ta’ redditu għal investiment huwa baxx wisq u l-interess pubbliku huwa evidenti, il-finanzi pubbliċi għandu jkollhom l-opportunità jidħlu fix-xena. Il-Kummissjoni se tinkoraġġixxi lill-Istati Membri sabiex ipoġġu fondi għad-dispożizzjoni għall-appoġġ tal-użu tal-Grid Intelliġenti. Il-Kummissjoni se teżamina wkoll appoġġ partikolari għal teknoloġiji intelliġenti skont il-programm ta’ politika ta’ appoġġ għall-proġetti msemmi fil-Komunikazzjoni, kif ukoll strumenti innovattivi ta’ finanzjament immirati lejn l-introduzzjoni rapida ta’ teknoloġiji tal-grids intelliġenti f’netwerks tat-trażmissjoni u d-distribuzzjoni.

- Proġetti ta’ dimostrazzjoni, riċerka u żvilupp (R&Ż) u innovazzjoni: B’mod konformi mal-politika tal-investiment tal-infrastruttura msemmija hawn fuq, politika ta’ riċerka u żvilupp u dimostrazzjoni ċara hija meħtieġa biex tittejjeb l-innovazzjoni u titħaffef l-evoluzzjoni lejn netwerks intelliġenti, ibbażati fuq l-EEGI u l-attivitajiet tal-grids intelliġenti tal-Alleanza Ewropea għar-Riċerka dwar l-Enerġija, li tiffoka fuq riċerka għal perjodu ta’ żmien itwal. Għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-innovazzjonijiet fis-sistemi tal-elettriku magħquda flimkien ma’ riċerka u żvilupp fuq tekonoloġiji tal-enerġija (kejbils, transformers, eċċ.) u ma’ riċerka u żvilupp fuq teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (sistemi ta’ kontroll, komunikazzjonijiet, eċċ.). Il-miżuri proposti għandhom jindirizzaw ukoll l-imġiba tal-konsumatur, l-aċċettazzjoni u l-ostakli fil-ħajja reali għall-użu. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jippromwovu l-proġetti tar-riċerka u l-iżvilupp u tad-dimostrazzjoni, pereżempju b’taħlita ta’ sostenn pubbliku u inċentivi regolatorji, filwaqt li jiżguraw li l-EEGI tkun tista’ tibda l-proġetti proposti kif ippjanat, minkejja s-sitwazzjoni finanzjarja diffiċli bħalissa fl-UE. Dan ix-xogħol għandu jiġi kkoordinat mill-qrib ma’ attivitajiet proposti fil-Komunikazzjoni li jikkonċernaw l-awtostradi tal-elettriku fl-Ewropa.Sabiex tiġi żgurata trasparenza totali fil-proġetti kurrenti ta’ dimostrazzjoni/proġetti pilota u r-riżultati tagħhom u l-iżvilupp ta’ qafas legali fil-futur, il-Kummissjoni tista’ toħloq pjattaforma sabiex tippermetti t-tixrid ta’ prassi tajba u esperjenzi li jikkonċernaw l-użu prattiku tal-grids intelliġenti madwar l-Ewropa u tikkoordina l-approċċi differenti biex jiġu żgurati s-sinerġiji. Is-sistema tal-informazzjoni tas-SET-plan, amministrata miċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka (JRC) tal-Kummissjoni Ewropea, tinkludi skema ta’ monitoraġġ li tista’ tintuża bħala punt ta’ tluq.

- Il-promozzjoni ta’ ħiliet ġodda: Sabiex jimtela l-vojt bejn impjiegi bi ftit kwalifiki u dawk b’ħafna kwalifiki minħabba l-ħtiġijiet tal-użu tal-grids intelliġenti, jistgħu jintużaw inizjattivi li hemm għaddejjin attwalment bħall-azzjonijiet ta’ taħriġ skont il-Pjan tas-SET, il-Komunitajiet ta’ Għarfien u Innovazzjoni tal-Istitut Ewropew tat-Teknoloġija, l-Azzjonijiet Marie Curie[79] u azzjonijiet oħra bħall-inizjattiva “Ħiliet Ġodda għal Impjiegi Ġodda”. Madankollu, se jkun meħtieġ li l-Istati Membri jindirizzaw b’mod serju l-konsegwenzi soċjali negattivi possibbli u jniedu programmi biex jerġgħu jħarrġu l-ħaddiema u jappoġġjaw l-akkwist ta’ ħiliet ġodda.

4. Preparazzjoni tan-netwerks għal żmien itwal

4.1. Awtostradi tal-elettriku Ewropej

Awtostrada tal-elettriku għandha tinftiehem li hi linja ta’ trażmissjoni tal-elettriku b’ferm iktar kapaċità għat-twassil tal-enerġija mill-grids eżistenti ta’ trażmissjoni ta’ vultaġġ għoli, kemm f’dak li jirrigwarda l-ammont tal-elettriku trażmess, kif ukoll id-distanza koperta minn din it-trażmissjoni. Biex jintlaħqu dawn il-kapaċitajiet akbar, jeħtieġ li jiġu żviluppati teknoloġiji ġodda, li jippermettu t-trażmissjoni tal-kurrent dirett (DC) u livelli ta’ vultaġġi li huma ogħla b’mod sinifikanti minn 400 kV.

Għall-perjodu ta’ wara l-2020 u sal-2050, jeħtieġ li tinstab soluzzjoni fuq żmien twil sabiex tiġi megħluba l-isfida ewlenija li qed jaffaċċjaw in-netwerks tal-elettriku: l-akkomodazzjoni tal-enerġija żejda dejjem tiżdied mill-ġenerazzjoni bir-riħ fl-Ibħra tat-Tramuntana u taż-żejjed tal-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli li qed tiżdied fil-Lbiċ u anke fix-Xlokk tal-Ewropa, il-konnessjoni ta’ dawn iċ-ċentri ta’ ġenerazzjoni l-ġodda ma’ kapaċitajiet kbar ta’ ħżin fil-pajjiżi Nordiċi u l-Alpi u ma’ ċentri ta’ konsum eżistenti u futuri fl-Ewropa Ċentrali, iżda anke mal-grids eżistenti ta’ kurrent alternat (AC) u ta’ vultaġġ għoli. L-awtostradi l-ġodda għandhom jikkunsidraw iż-żoni eżistenti u tal-futur ta’ enerġija żejda, bħal Franza, in-Norveġja jew l-Isvezja, u l-kumplessità tal-kuritur ta’ trażmissjoni eżistenti tal-Ewropa Ċentrali bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar li jwassal l-elettriku żejjed mit-Tramuntana, filwaqt li jgħaddi mid-Danimarka u l-Ġermanja, lejn żoni fejn ikun hemm nuqqas fin-Nofsinhar tal-Ġermanja u t-Tramuntana tal-Italja.

Minkejja l-inċertezzi teknoloġiċi, huwa ċar li kwalunkwe sistema futura ta’ awtostrada tal-elettriku għandha tinbena pass wara l-ieħor, filwaqt li tiġi żgurata l-kompatibbiltà tal-konnessjonijiet AC/DC u l-aċċettazzjoni lokali[80], fuq il-bażi tal-prijoritajiet l-oħra sal-2020 deskritti fil-kapitolu 3.1, b’mod partikolari rigward il-grids barra mill-kosta.

Din is-sistema ta' awtostrada se jkollha wkoll tipprepara għal konnessjonijiet possibbli lil hinn mill-konfini Ewropej lejn in-Nofsinhar u l-Lvant, sabiex tibbenefika b'mod sħiħ mill-potenzjal konsiderevoli tal-enerġiji rinnovabbli f'dawn ir-reġjuni. Minbarra l-konnessjonijiet diġà sinkroniċi mal-Maghreb u t-Turkija, jistgħu għalhekk ikunu meħtieġa konnessjonijiet ma’ pajjiżi oħra tal-Mediterran u tal-Lvant fuq żmien twil. Għal dan il-għan, jista’ jiġi previst djalogu mal-istati tal-Afrika ta’ Fuq dwar ir-rekwiżiti tekniċi u legali għall-iżvilupp ta’ infrastrutturi tal-elettriku trans-Mediterranji.

Għalkemm qed jiżdied l-għarfien dwar il-ħtieġa futura ta’ grid tal-elettriku pan-Ewropew, hemm inċertezza sinifikanti dwar il-mument li fih dan il-grid se jtkun meħtieġ u l-passi li għandhom jittieħdu sabiex jinbena. Azzjoni koordinata fil-livell tal-UE hija għalhekk indispensabbli biex jibda l-iżvilupp koerenti ta’ dan il-grid u biex jitnaqqsu l-inċertezzi u r-riskji. Il-koordinazzjoni Ewropea hija meħtieġa wkoll sabiex jiġi stabbilit qafas legali, regolatorju u organizzattiv adegwat biex tiġi ddisinjata, ippjanata, mibnija u operata sistema ta’ awtostradi tal-elettriku bħal din.

Din l-azzjoni għandha tintegra x-xogħol ta’ riċerka u żvilupp li qed isir, speċjalment fil-kuntest tal-Inizjattiva Ewropea dwar il-Grid tal-Elettriku (EEGI) u l-Inizjattiva Industrijali Ewropea dwar l-Enerġija mir-Riħ tas-SET-Plan, biex jiġu adattati t-teknoloġiji eżistenti u jiġu żviluppati t-tekonoloġiji ġodda ta’ trażmissjoni, ħżin u grids intelliġenti. F’dan il-kuntest, se tkun teħtieġ ukoll l-integrazzjoni tal-potenzjal għat-trasport u l-ħżin tal-idroġenu fuq skala kbira. Meta akkoppjat maċ-ċelloli tal-karburant, huwa partikolament tajjeb għall-applikazzjonijiet distribwiti u tat-trasport. Il-kummerċjalizzazzjoni għal applikazzjonijiet residenzjali tista' tiġi mistennija mill-2015 u għall-vetturi idroġeni madwar l-2020[81].

Rakkomandazzjonijiet

L-azzjonijiet ewlenin li ġejjin huma meħtieġa sabiex jiġu ppreparati l-awtostradi tal-elettriku Ewropej:

- F’konformità mal-konklużjonijiet tal-Forum ta’ Bukarest ta’ Ġunju 2009, jinbeda x-xogħol apposta għall-Awtostradi tal-Elettriku, fil-qafas tal-Forum ta’ Firenze, sabiex jiġi strutturat ix-xogħol imwettaq mill-partijiet interessati kollha għall-preparazzjoni tal-awtostradi tal-elettriku. Dan ix-xogħol għandu jiġi organizzat mill-Kummissjoni Ewropea u mill-ENTSO-E u jlaqqa’ flimkien il-partijiet interessati rilevanti kollha. Għandu jiffoka fuq l-istabbiliment ta’ xenarji ta’ żvilupp ta’ ġenerazzjoni fuq żmien medju u twil, filwaqt li jevalwa kunċetti ta’ arkitettura ta’ grid pan-Ewropew u possibbiltajiet ta’ disinn, janalizza l-konsegwenzi tal-użu tal-politiki soċjoekonomiċi u industrijali u jfassal qafas legali, regolatorju u organizzazzjonali xieraq.

- Jiġu żviluppati r-riċerka u l-iżvilupp meħtieġa, li jibnu fuq l-Inizjattiva Ewropea dwar il-Grid tal-Elettriku (EEGI) u l-Inizjattiva Industrijali Ewropea dwar l-Enerġija mir-Riħ tas-SET-Plan, sabiex jiġu adattati t-teknoloġiji eżistenti u jiġu żviluppati teknoloġiji ġodda ta’ trażmissjoni, ħżin u ta’ grids intelliġenti kif ukoll l-għodod meħtieġa għad-disinn u l-ippjanar tal-grids.

- Jiġi stabbilit pjan ta’ żvilupp modulari , li għandu jiġi ppreparat mill-ENTSO-E sa nofs l-2013, bl-għan li jikkummissjona l-ewwel Awtostradi tal-Elettriku sal-2020. Il-pjan jipprovdi wkoll għall-estensjoni bl-għan li jiffaċilita l-iżvilupp ta’ kapaċitajiet ta’ ġenerazzjoni rinnovabbli fuq skala kbira lill hinn mill-konfini tal-UE.

4.2. L-infrastruttura tat-trasport Ewropea tas-CO 2

Peress li s-siti potenzjali tal-ħżin tas-CO2 mhumiex mifruxa b’mod uniformi madwar l-Ewropa, l-użu fuq skala kbira tal-qbid u l-ħżin tas-CO2 fl-Ewropa, jista' jkun meħtieġ sabiex jintlaħqu livelli sinifikanti ta’ dekarbonizzazzjoni tal-ekonomiji Ewropej wara l-2020, u se jeħtieġ il-bini ta’ infrastruttura ta’ pipelines u, fejn hu adattat, infrastruttura ta’ trasport bil-baħar, mifruxa mal-konfini kollha tal-Istati Membri, jekk il-pajjiżi ma jkollhomx potenzjal ta’ ħżin tas-CO2 adegwat.

It-teknoloġiji tal-komponenti tas-CCS (il-qbid, it-trasport u l-ħżin) huma ppruvati. Madankollu, għadhom ma ġewx integrati u ttestjati fuq skala industrijali, u, attwalment, is-CCS mhux kummerċjalment vijabbli. Sal-lum, l-implimentazzjoni tat-teknoloġija kienet limitata għal impjanti fuq skala żgħira ħafna drabi ddisinjati sabiex juru komponent wieħed jew tnejn waħedhom. Fl-istess ħin hemm qbil komuni li sabiex ikollha impatt profond fuq it-tnaqqis tal-emissjonijiet, u b’hekk ikun possibbli li jkun hemm portafoll b‘”l-inqas spejjeż” ta’ miżuri ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, il-vijabbiltà tat-teknoloġiji tas-CCS trid tintwera fuq skala kbira madwar l-2020.

Bħala reazzjoni għal dan, il-Kunsill Ewropew tar-rebbiegħa 2007 ddeċieda li jappoġġja l-użu ta’ mhux iktar minn 12-il impjant ta’ dimostrazzjoni ta’ CCS fuq skala kbira fl-Ewropa sal-2015 sabiex iwassal it-teknoloġija għal vijabbiltà kummerċjali. Attwalment hemm sitt proġetti ta’ CCS fuq skala kbira fil-fażi ta’ kostruzzjoni, maħsuba għad-dimostrazzjoni tat-teknoloġija fil-ġenerazzjoni tal-elettriku. Dawn għandu jkollhom kapaċità ta’ installazzjoni ta’ mill-inqas 250MW u se jkollhom ukoll komponenti ta’ trasport u ħżin. Dawn il-proġetti huma kkofinanzjati mill-Kummissjoni b’konċessjonijiet li jammontaw għal total ta’ biljun ewro. Mekkaniżmu ulterjuri ta’ finanzjament, integrat fis-Sistema tal-Iskambju tal-Kwoti tal-Emissjonijiet, se jkun operattiv sa tmiem l-2010[82]. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tappoġġja r-riċerka u l-iżvilupp relatati mas-CCS u stabbiliet netwerk apposta għall-iskambju tal-għarfien għad-dimostraturi tas-CCS fuq skala kbira.

Fl-2010, iċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka (JRC) ipprepara valutazzjoni tal-ħtiġijiet ta’ investiment fl-infrastruttura tat-trasport tas-CO2[83]. Skont is-suppożizzjonijiet tax-xenarju bażi tal-PRIMES, l-istudju juri li fl-2020 se jinqabdu 36 Mt ta’ CO2 u se jiġu ttrasportati f’6 Stati Membri tal-UE. In-netwerk tat-trasport tas-CO2 li jirriżulta jestendi għal madwar 2,000 km u jeħtieġ investiment ta’ 2.5 biljun ewro (Mappa 9). Kważi l-pipelines kollha huma ppjanati biex jakkomodaw il-kwantitajiet ta’ flussi addizzjonali tas-CO2 mistennija fis-snin ta’ wara[84].

Għall-2030, l-istudju jindika li l-ammont ta’ CO2 maqbud jiżdied għal 272 Mt (Mappa 10). Ħafna mil-pipelines mibnija preċedentement issa joperaw b’kapaċità totali, b’pipelines ġodda mibnija biex jiġu utilizzati kompletament fl-eskalazzjoni lejn l-2050. In-netwerk tat-trasport tas-CO2 issa jestendi għal madwar 8,800 km u jeħtieġ investiment kumulattiv ta’ madwar 9.1 biljun ewro. L-ewwel netwerks reġjonali huma ffurmati fl-Ewropa madwar l-ewwel impjanti ta’ dimostrazzjoni. L-analiżi tal-JRC tenfasizza wkoll il-benefiċċji ta’ koordinazzjoni Ewropea bl-għan li l-Ewropa tikseb soluzzjoni ottima għat-trasport tas-CO2, peress li r-riżultati tagħha jindikaw li sa 16-il Stat Membru tal-UE jistgħu jkunu involuti fit-trasport transkonfinali tas-CO2 sal-2030.

[pic] | [pic] |

Mappa 9: Infrastruttura tan-netwerk tas-CO2 fl-2020, xenarju tal-linja bażi tal-PRIMES | Mappa 10: Infrastruttura tan-netwerk tas-CO2 fl-2030, xenarju tal-linja bażi tal-PRIMES |

Analiżi oħra, magħmula minn Arup fl-2010 u li tiffoka fuq il-fattibbiltà tal-infrastrutturi tas-CO2 madwar l-Ewropa[85], timmira lejn id-determinazzjoni ta’ netwerk ottimu tat-trasport tas-CO2 fl-Ewropa u l-evoluzzjoni tiegħu matul iż-żmien, abbażi ta’ volumi predefiniti ta’ CO2, l-identifikazzjoni ta’ siti ta’ ħżin adattati u l-approċċ ta’ minimizzazzjoni tal-ispejjeż. L-iktar xenarju konservattiv jikkalkula netwerk ta’ 6,900 km għal 50 Mt ta’ CO2 trasportat fl-2030. L-istudju jargumenta li peress li ċerti pajjiżi se jkollhom nuqqas ta’ kapaċità ta’ ħżin, netwerk transkonfinali biss jista’ jippermetti użu iktar mifrux tas-CCS.

Dawn il-konklużjonijiet huma kkorraborati mill-istudju tal-GEOCAPACITY tal-UE (2009) dwar il-kapaċità Ewropea tal-ħżin ġeoloġiku tas-CO2[86]: netwerk tat-trasport futur tas-CO2 jiddependi b’mod kritiku fuq id-disponibbiltà ta’ ħżin fuq l-art jew id-disponibbiltà u l-iżvilupp ta’ formazzjonijiet ta’ mluħa barra mill-kosta. Filwaqt li jitqies il-livell ta’ għarfien tal-pubbliku dwar il-ħżin tas-CO2 u t-teknoloġija tas-CCS b’mod ġenerali, l-istudju jissuġġerixxi li għandha tingħata prijorità lill-ħżin f’formazzjonijiet ta’ mluħa barra mill-kosta. L-istudju jindika wkoll li d-disponibbiltà tal-kapaċitajiet ta’ ħżin għadha ma tistax tiġi kkonfermata, għalhekk hemm bżonn ta’ xogħol addizzjonali sabiex jiġi vverifikat il-potenzjal tal-ħżin reali. Madankollu, il-mutur prinċipali għall-iżvilupp tas-CCS fil-futur qarib huwa l-prezz tas-CO2, li huwa inċert ħafna u jiddependi fuq l-evoluzzjoni tal-ETS. Kwalunkwe analiżi li tiddeskrivi netwerk possibbli tas-CO2 wara l-2020 għandha għalhekk tiġi ttrattata b’attenzjoni kbira.

L-istudji kollha jikkonfermaw li l-evoluzzjoni tan-netwerk tas-CO2 fl-Ewropa se tiġi ddeterminata diġà minn issa mid-disponibbiltà ta’ siti ta’ ħżin u mil-livell tal-użu tas-CCS u mil-livell ta’ koordinazzjoni għall-iżvilupp tiegħu. L-iżvilupp ta’ netwerks integrati ta’ pipelines u ta’ trasport bil-baħar, ippjanati u mibnija inizjalment fil-livell reġjonali jew nazzjonali u li jqisu l-ħtiġijiet tat-trasport ta’ diversi sorsi ta’ CO2 jieħdu vantaġġ mill-ekonomiji tad-daqs u jippermettu l-konnessjoni ta’ sorsi addizzjonali tas-CO2 ma’ bjar adegwati matul iċ-ċiklu tal-ħajja ta’ pipeline[87]. Fuq żmien itwal, netwerks integrati bħal dawn jiġu estiżi u interkonnessi sabiex jilħqu s-sorsi u s-siti ta’ ħżin mifruxa madwar l-Ewropa, simili għan-netwerks tal-gass tal-lum.

Rakkomandazzjonijiet

Ladarba s-CCS isir kummerċjalment vijabbli, il-pipelines u l-infrastruttura tat-trasport bil-baħar mibnija għal proġetti ta’ dimostrazzjoni se jsiru punti fokali għal netwerk futur tal-UE. Huwa importanti li din l-istruttura inizjalment frammentata tiġi ppjanata b’tali mod li tiżgura kompatibbiltà madwar l-Ewropa kollha iktar tard. Il-lezzjonijiet li tgħallimna dwar l-integrazzjoni tan-netwerks inizjalment frammentati bħal dawk għall-gass għandhom jiġu kkunsidrati sabiex tiġi evitata proċedura ugwalment impenjattiva għall-ħolqien ta’ swieq komuni.

L-eżaminazzjoni tal-modalitajiet tekniċi u prattiċi ta’ netwerk tas-CO2 għandha tiġi segwita u għandu jiġi mfittex li jintlaħaq qbil rigward viżjoni komuni. Il-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Karburanti Fossili Sostenibbli għal djalogu bejn il-partijiet interessati (fil-Forum ta’ Berlin) għandu jintuża għal diskussjonijiet dwar azzjonijiet possibbli f’dan il-qasam. In-Netwerk tal-Proġetti tas-CCS jista’ jintuża sabiex tinkiseb esperjenza mill-proġetti ta’ dimostrazzjoni operattivi. Dan min-naħa tiegħu jippermetti l-valutazzjoni tal-ħtiġijiet u l-firxa ta’ intervent potenzjali tal-UE.

Il-kooperazzjoni reġjonali għandha tiġi appoġġjata wkoll sabiex jiġi stimulat l-iżvilupp ta’ raggruppamenti li jikkostitwixxu l-ewwel stadju ta’ netwerk Ewropew integrat possibbli fil-futur. L-istrutturi ta’ appoġġ eżistenti, inkluż in-Netwerk tal-Proġetti tas-CCS u l-Grupp tal-Iskambju tal-Informazzjoni stabbiliti skont id-Direttiva 2009/31/KE dwar il-ħżin ġeoloġiku tas-CO2, jistgħu jħaffu l-iżvilupp ta’ raggruppamenti reġjonali. Dan jista’ jinkludi fost l-oħrajn l-istabbilment ta’ gruppi ta’ ħidma ffokati u l-iskambju tal-informazzjoni dwar is-suġġett fil-kuntest tan-Netwerk tal-Proġetti tas-CCS, filwaqt li jsir skambju tal-aħjar prattiki dwar il-kooperazzjoni faċilitattiva u transkonfinali tal-awtoritajiet kompetenti fil-Grupp tal-Iskambju tal-Informazzjoni. Se jintużaw ukoll fora ta’ diskussjoni globali dwar is-CCS mill-

Kummissjoni għall-iskambju tal-għarfien eżistenti dwar raggruppamenti reġjonali and ċentri madwar id-dinja.

Il-Kummissjoni għandha tkompli taħdem ukoll fuq mappa ta’ infrastruttura Ewropea tas-CO2 li tista’ tiffaċilita l-ippjanar ta’ infrastruttura bil-quddiem, filwaqt li tikkonċentra fuq il-kwistjoni tal-kosteffiċjenza. Parti importanti minn din il-ħidma tinkludi l-identifikazzjoni tal-lok, il-kapaċità u d-disponibbiltà ta’ siti ta’ ħżin, speċjalment barra mill-kosta. Sabiex jiġi żgurat li r-riżultati ta’ dan l-eżerċizzju ta’ mmappjar ikunu paragunabbli fil-kontinent kollu u jkunu jistgħu jintużaw għal disinn ottimu tan-netwerk, se jsiru sforzi sabiex tiġi elaborata metodoloġija komuni ta’ valutazzjoni tal-kapaċità ta’ ħżin. Għall-iskop ta’ trasparenza fir-rigward tal-ħżin u s-CCS b’mod ġenerali, il-Kummissjoni se tkompli bil-ħidma għall-pubblikazzjoni ta’ Atlas Ewropew dwar il-Ħżin tas-CO2 biex jiġi viżwalizzat il-potenzjal tal-ħżin.

[1] Il-konklużjonijiet tal-Presidenza, il-Kunsill Ewropew, Marzu 2007.

[2] 30% jekk ikun hemm il-kundizzjonijiet it-tajba.

[3] COM(2010) 639.

[4] Strateġija tal-Ewropa 2020, COM(2010) 2020.

[5] Il-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew tad-19-20 ta’ Marzu 2009, 7880/09.

[6] Il-Linji Gwida tat-TEN-E u r-Regolament Finanzjarju tat-TEN. Ara r-rapport tal-implimentazzjoni tat-TEN-E 2007-2009 - COM(2010)203.

[7] Għal analiżi iktar dettaljata, ara l-Anness u l-Istima tal-impatt li jakkumpanjaw din il-Komunikazzjoni

[8] L-implimentazzjoni fuq skala kbira se teħtieġ l-iżvilupp ta’ infrastruttura sostanzjali għat-trasport u l-ħżin tal-idroġenu.

[9] Abbażi tal-pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali dwar l-enerġija rinnovabbli nnotifikati minn [23]-il Stat Membru lill-Kummissjoni

[10] Ara r-Regolament dwar is-sigurtà tal-provvista tal-gass, (KE) Nru 994/2010

[11] Id-Direttivi 2009/72/KE u 2009/73/KE, ir-Regolamenti (KE) Nru 713, (KE) Nru 714 u (KE) Nru 715/2009.

[12] Ir-Regolament (KE) Nru 994/2010.

[13] Il-konsultazzjoni pubblika dwar il-Green Paper Lejn netwerk Ewropew ta’ enerġija sikura, sostenibbli u kompetittiva, COM(2008)737.

[14] Pjan ta’ żvilupp ta’ netwerk għal 10 snin tan-Netwerk Ewropew tat-TSOs (ENTSO-E), Ġunju 2010

[15] Ara l-istima tal-impatt mehmuża.

[16] Kalkoli tal-mudell tal-PRIMES.

[17] Ara l-istima tal-impatt mehmuża.

[18] Ara l-istima tal-impatt mehmuża.

[19] Il-500 proġett identifikat mit-TSOs nazzjonali jkopru l-UE kollha, in-Norveġja, l-Isvizzera u l-Balkani tal-Punent. Il-lista ma tinkludix proġetti lokali, reġjonali jew nazzjonali, li ma tqisux ta’ sinifikat Ewropew.

[20] Huwa mistenni li l-edizzjoni li jmiss tal-TYNDP ippjanata għall-2012 jkollha approċċ iktar minn fuq għal isfel, bis-suppożizzjoni tas-seħħ tal-obbligi legali tal-2020 dwar l-integrazzjoni tal-enerġiji rinnovabbli u t-tnaqqis fl-emissjonijiet bil-ħsieb li dawn imorru lil hinn mis-sena 2020, u li tindirizza dawn in-nuqqasijiet.

[21] Dan jinkludi l-Baħar tat-Tramuntana u l-Ibħra tal-Majjistral.

[22] Għalkemm x’aktarx li tali grid fl-aħħar mill-aħħar tkun ibbażata fuq teknoloġija DC, għandha tinbena pass wara l-ieħor, filwaqt li tiżgura l-kompatibbiltà mal-grid AC attwali.

[23] L-impatti ekonomiċi, soċjali u ambjentali tal-proġetti għandhom jiġu evalwati skont il-metodu komuni msemmi fil-kapitolu li jmiss.

[24] Ara d-Dikjarazzjoni tas-Samit tal-pajjiżi tal-V4+ dwar is-Sigurtà tal-Enerġija li sar f’Budapest fl-24 ta’ Frar 2010.

[25] Ara l-istima tal-impatt mehmuża.

[26] Inkluża b’mod partikolari l-leġiżlazzjoni ambjentali rilevanti tal-UE

[27] Ara, per eżempju, www.reshare.nu

[28] Ara, per eżempju "Gwida għall-analiżi kost-benefiċċju ta’ proġetti tal-investiment", Lulju 2008

http://ec.europa.eu/regional_policy/sources/docgener/guides/cost/guide2008_en.pdf

[29] Ara l-Artikolu 37 tad-Direttiva 2009/72/KE u l-Artikolu 41 tad-Direttiva 2009/73/KE.

[30] Speċjalment Marguerite, l-Istrument ta’ Garanzija dwar Self għal Proġetti TEN-T, il-Faċilità ta’ Finanzjament għall-Qsim tar-Riskji, Jessica, Jaspers.

[31] L-Analiżi tal-Baġit tal-UE, adottata fid-19 ta’ Ottubru 2010.

[32] http://ec.europa.eu/energy/observatory/trends_2030/doc/trends_to_2030_update_2009.pdf

[33] Fl-assenza ta’ aktar miżuri ta’ politika u taħt ċerti suppożizzjonijiet.

[34] http://ec.europa.eu/energy/observatory/trends_2030/doc/trends_to_2030_update_2009.pdf

[35] Skont dan ix-xenarju, wieħed jassumi li ż-żewġ miri vinkolanti għall-enerġiji rinnovabbli u t-tnaqqis tal-emissjonijiet jintlaħqu. Fil-linja bażi tal-PRIMES, ibbażata biss fuq it-tkomplija ta’ politiki li diġà huma implimentati, dawn il-miri ma jintlaħqux.

[36] Għal analiżi aktar dettaljata tal-implikazzjoni tagħha ara d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Analiżi tal-alternattivi biex isir progress lil hinn mit-tnaqqis ta' 20 % tal-emissjonijiet ta’ gassijiet b'effett serra u l-valutazzjoni tar-riskju ta’ rilaxx tal-karbonju – COM (2010) 265. Informazzjoni u analiżi tal-isfond Parti II - SEC (2010) 650.

[37] Il-figuri kollha aktar baxxi jirreferu għax-xenarju ta’ referenza tal-PRIMES, filwaqt li l-figuri ogħla ġejjin mix-Xenarju Ambjentali tal-Eurogas ippubblikat f’Mejju 2010, abbażi ta’ kollezzjoni minn isfel għal fuq tal-istimi tal-membri tal-Eurogas.

[38] Ara l-valutazzjoni tal-impatt fuq http://ec.europa.eu/energy/security/gas/new_proposals_en.htm

[39] Iċ-ċifri rispettivi għall-2030 huma 36% u 20%. Innota li x-xenarju ta’ Referenza tal-2030 ma jqisx politiki tal-enerġija rinnovabbli potenzjali futuri fl-UE jew fi Stati Membri individwali wara l-2020.

[40] L-Awstrija, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, Ċipru, il-Ġermanja, id-Danimarka, il-Greċja, Spanja, il-Finlandja, Franza, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Portugall, ir-Rumanija, l-Isvezja, is-Slovakkja, is-Slovenja u r-Renju Unit

[41] “Il-Projezzjonijiet tal-Enerġija Rinnovabbli kif Ippubblikati fil-Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali għall-Enerġija Rinnovabbli tal-Istati Membri Ewropej”, aġġornament għal 19-il pajjiż. L.W.M. Beurskens, M. Hekkenberg. iċ-Ċentru ta’ Riċerka dwar l-Enerġija tal-Pajjiżi Baxxi, l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent. 10 ta’ Settembru 2010. Disponibbli fi: http://www.ecn.nl/docs/library/report/2010/e10069.pdf

[42] 50 Mt skont ix-xenarju ta’ referenza tal-PRIMES, 272 Mt skont ix-xenarju tal-linja bażi tal-PRIMES, minħabba l-prezz ogħla tas-CO2.

[43] Il-mapep juru l-marġnijiet tal-kapaċità, jiġifieri l-proporzjon ta’ kapaċità kostanti (esklużi l-enerġiji rinnovabbli varjabbli) / il-kapaċità kollha (inklużi l-enerġiji rinnovabbli varjabbli) vs l-ogħla domanda għall-elettriku, kif imfassla fil-mudell tal-KEMA u l- Imperial College London għall-Istati Membri kollha tal-UE flimkien man-Norveġja u l-Isvizzera fl-2020, abbażi tax-xenarju ta’ referenza tal-PRIMES (sors: KEMA u l- Imperial College London ).

[44] Sors: KEMA u l- Imperial College London

[45] https://www.entsoe.eu/index.php?id=282

[46] L-immudellar tal-grid magħmul mill- Imperial College London u l-KEMA juża approċċ ta’ “ċentru tal-gravità”, li skontu l-grid tal-elettriku ta’ kull Stat Membru hija rrappreżentata minn nodu uniku, li minnu u lejh tiġi kkalkulata l-kapaċità tat-trażmissjoni . Il-mudell ta’ investiment assoċjat iqabbel l-ispejjeż tal-espansjoni tan-netwerk bejn l-Istati Membri mal-ispejjeż ta’ investimenti tal-kapaċità tal-ġenerazzjoni addizzjonali, fuq bażi ta’ ċerti suppożizzjonijiet tal-ispiża tal-input u jevalwa l-livell ta’ interkonnessjoni ta’ spiża ottima bejn l-Istati Membru fuq din il-bażi.

[47] Il-kapaċitajiet ta’ interkonnessjoni li ġejjin mhumiex murija fuq il-mappa għal skopijiet ta’ ċarezza: Awstrija-Svizzera (470 MW); Belġju-Lussemburgu (1000 MW); Ġermanja-Lussemburgu (980 MW); Norveġja-Ġermanja (1400 MW); Svizzera-Awstrija (1200 MW).

[48] COM(2008) 781. Il-komunikazzjoni enfasizzat ukoll li “[is-Sistema ta’ Distribuzzjoni ’l Barra mix-Xtut tal-Baħar tat-Tramuntana] għandha ssir wieħed mill-elementi essenzjali ta’ sistema Ewropea ta’ distribuzzjoni futura mill-aqwa. Il-Pjan għandu jidentifika l-passi u l-iskeda li għandhom jittieħdu u kwalunkwe azzjonijiet speċifiċi li għandhom jiġu adottati. Dan għandu jiġi żviluppat mill-Istati Membri u mill-atturi reġjonali involuti u fejn hemm bżonn għandu jitħaffef b’azzjoni fuq livell Komunitarju”. Fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Enerġija tad-19 ta’ Frar 2009, ġie ċċarat li l-pjan għandu jkopri l-Baħar tat-Tramuntana (inkluż ir-reġjun tal-English Channel) u l-Baħar tal-Irlanda.

[49] Il-pajjiżi li qed jipparteċipaw fl-NSCOGI huma l-Belġju, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Lussemburgu, il-Ġermanja, Franza, id-Danimarka, l-Isvezja, ir-Renju Unit, l-Irlanda u n-Norveġja.

[50] L-Irlanda wkoll ippreparat xenarju tal-linja bażi u xenarju tal-esportazzjoni iktar ambizzjużi. Skont dan ix-xenarju tal-aħħar, iċ-ċifri rispettivi huma: iktar minn 40 GW ta’ riħ barra mill-kosta, 2.1 GW ta’ enerġija rinnovabbli tal-baħar oħra b’ġenerazzjoni ta’ 139 TWh fl-2020. Għall-UE inġenerali (meta titqies il-linja bażi għall-Irlanda), il-kapaċità tal-installazzjonijiet tar-riħ 'il barra mill-kosta hija stmata għal aktar minn 42GW fl-2020, bil-ġenerazzjoni tal-elettriku kull sena possibbli ta' aktar minn 137 TWh.

[51] Abbażi ta' analiżi tal-benefiċċju vis-a-vis il-kost, l-istudju Grid ’il Barra mill-Kosta, imwettaq minn 3E u msieħba u ffinanzjat mill-Programm Enerġija Intelliġenti-Ewropa, jikkonkludi li l-konnessjonijiet tal-grid radjali jagħmlu sens sa 50 km distanza mill-punt ta’ konnessjoni tagħhom fuq il-kosta. Għal distanzi ikbar (fuq medda ta’ 50 sa 150 km) mill-punt ta’ konnessjoni fuq il-kosta, il-konċentrazzjoni tat-turbini tar-riħ hija fattur determinanti għall-benefiċċju tar-raggruppamenti. Jekk il-kapaċità tal-installazzjoni jkollha radju ta’ 20 km (f’ċerti każijiet 40 km) minn madwar iċ-ċentru, u jekk tkun fl-ordni tal-ogħla rata disponibbli għall-kejbils tal-vultaġġ ta’ kurrent dirett, jkun ta’ benefiċċju raggruppament permezz ta’ konnessjoni ċentrali. F’każ ta’ distanza ta’ 150 km, iċ-ċentri tal-grids barra mill-kosta huma meqjusa soluzzjonijiet tipiċi. Iktar informazzjoni hija disponibbli f’dan is-sit: www.offshoregrid.eu. Jidher li dawn ir-riżultati huma kkonfermati fil-livell tal-Istati Membri: Il-benefiċċji tar-raggruppament jew ta’ disinn iktar modulari ġew meqjusa fil-Pajjiżi l-Baxxi għat-tieni fażi tagħhom ta’ żvilupp tat-teknoloġiji tar-riħ barra mill-kosta. Minħabba d-daqs żgħir tat-turbini tar-riħ u d-distanza qasira tagħhom mill-kosta, il-valutazzjoni madankollu wriet li r-raggruppament mhuwiex l-iktar approċċ kosteffikaċi f’din il-fażi.

[52] Skont l-Istudju Grid ’il Barra mill-Kosta, żvilupp infrastrutturali ta’ grid barra mill-kosta b’saħħtu jiswa 32 biljun ewro sal-2020 u sa 90 biljun ewro sal-2030 jekk jiġu kkunsidrati l-konnessjonijiet radjali. Fil-każ ta’ raggruppament, l-ispiża tal-infrastruttura tista’ tonqos għal 75 biljun ewro sal-2030.

[53] L-iżvilupp integrat jista’ jkollu żewġ muturi ewlenin. Jekk jiġi żviluppat interkonnettur l-ewwel, sussegwentement ikunu jistgħu jiġu konnessi turbini tar-riħ. Jekk il-konnessjonijiet tat-turbini tar-riħ jkunu l-ewwel li jiġu żviluppati, l-interkonnetturi jistgħu jiġu żviluppati iktar tard bejn iċ-ċentri, minflok jinbnew interkonnetturi ġodda minn kosta għal kosta.

[54] Pakkett ta’ Ħidma D4.2 "Erba’ xenarji ta’ Grid Barra mill-Kosta fil-Baħar tat-Tramuntana u l-Baħar Baltiku" (Studju dwar Grid Barra mill-Kosta, Lulju 2010). Aktar informazzjoni hija disponibbli fi http://www.offshoregrid.eu/images/pdf/pr_pr100978_d4%202_20100728_final_secured.pdf.

[55] Jeħtieġ li jiġu żviluppati soluzzjonijiet integrati li jikkombinaw il-konnessjonijiet tal-impjanti tar-riħ barra mill-kosta u interkonnessjonijiet kummerċjali ma’ pajjiż ieħor, jew konnessjonijiet transkonfinali ta’ impjant tar-riħ (li jinsab fl-ibħra territorjali ta’ pajjiż, iżda konness mal-grid ta’ pajjiż ieħor).

[56] Il-kumpaniji kollha jistgħu jipparteċipaw f’dawn is-sejħiet għal offerti, u dan joħloq ambjent kompetittiv għall-iżvilupp u l-operat tan-netwerk il-ġdid.

[57] L-NSCOGI għandha approċċ reġjonali, hija mmexxija mill-Istati Membri parteċipanti u tkompli tibni fuq ħidma eżistenti u inizjattivi oħra. Il-membri tagħha għandhom l-għan li jilħqu qbil dwar pjan ta’ ħidma strateġiku permezz ta’ memorandum ta’ ftehim li għandu jiġi ffirmat sa tmiem l-2010.

[58] TYNDP pilota tal-ENTSO-E.

[59] Matul il-proċedura ta’ fużjoni għall-akkwist tal-Hidrocantábrico fil-2002, l-EDF-RTE u l-EDF kienu offrew li jżidu l-kapaċità ta’ interkonnessjoni kummerċjali, li dak iż-żmien kienet ta’ 1,100 MW, b’minimu ta’ 2,700 MW (Każ Nru COMP/M.2684 - EnBW / EDP / CAJASTUR / HIDROCANTÁBRICO – deċiżjoni tad-19 ta’ Marzu 2002).

[60] "Studju dwar il-Finanzjament tal-Investiment fl-Enerġija Rinnovabbli fir-Reġjun tan-Nofsinhar u l-Lvant tal-Mediterran", Abbozz tar-Rapport finali minn MWH, Awwissu 2010. Il-pajjiżi inklużi f’dan l-istudju huma l-Alġerija, l-Eġittu, Iżrael, il-Ġordan, il-Libanu, il-Marokk, is-Sirja, it-Tuneżija, ix-Xatt tal-Punent / Gaża.

[61] TYNDP pilota tal-ENTSO-E.

[62] Analiżi Statistika tal-BP dwar l-Enerġija Dinjija, Ġunju 2009.

[63] Id-domanda tal-importazzjoni netta tal-ikbar suq (l-Ungerija) minn fost it-tmien pajjiżi kienet ta’ 8.56 Mtoe fl-2007 (Eurostat), filwaqt li d-domanda tas-seba’ swieq kollha flimkien kienet ta’ 41 Mtoe, meta mqabbla mal-importazzjonijiet tal-Ġermanja ta’ madwar 62 Mtoe.

[64] Ara d-Dikjarazzjoni tas-Samit tal-pajjiżi tal-V4+ dwar is-Sigurtà tal-Enerġija li sar f’Budapest fil-24 ta’ Frar 2010 (http://www.visegradgroup.eu/). Skont it-tifsira tad-Dikjarazzjoni, il-pajjiżi tal-V4+ huma: ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika Slovakka u r-Repubblika tal-Polonja (bħala Stati Membri tal-Grupp ta’ Visegrad), ir-Repubblika tal-Awstrija, Bosnja-Ħerzegovina, ir-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Repubblika tal-Kroazja, ir-Repubblika tas-Serbja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Rumanija.

[65] L-għan tas-Sistema l-Ġdida ta’ Trażmissjoni tal-Ewropa (NETS - New European Transmission System ) huwa li tiffaċilita l-iżvilupp ta’ suq reġjonali kompetittiv, effiċjenti u likwidu tal-gass li jsaħħaħ ukoll is-sigurtà tal-provvista, billi joħloq pjattaforma ta’ infrastruttura unifikata biex jiżdied il-livell ta’ kooperazzjoni/integrazzjoni bejn it-TSOs reġjonali.

[66] Il-Baħar Baltiku huwa wieħed mill-iktar ibħra li jgħaddi traffiku minnu madwar id-dinja, li jammonta għal iktar minn 15% tat-trasport tal-merkanzija tad-dinja (3,500-5,000 bastimenti fix-xahar). Madwar 17-25% ta’ dawn il-bastimenti huma tankers li jittrasportaw madwar 170 miljun tunnellata ta’ żejt fis-sena.

[67] Is-Stretti tat-Turkija jinkludu l-Bosporus u Dardanelli u jgħaqqdu l-Baħar l-Iswed, permezz tal-Baħar ta’ Marmara, mal-Baħar Eġew. Wesgħin inqas minn kilometru fil-punt l-iktar dejjaq tagħhom, huma jinstabu fost il-passaġġi tal-ilma l-iktar diffiċli u perikolużi għan-navigazzjoni fid-dinja, minħabba l-ġeografija b’kurvaturi u l-ħafna traffiku tagħhom (50,000 bastiment, li jinkludu 5,500 tanker taż-żejt, fis-sena).

[68] Fl-2006, wara li ġew innutati xi tnixxijiet mill-pipeline ta’ Druzhba, Transneft, l-operatur tal-pipelines fir-Russja, waqqaf il-kunsinna taż-żejt mhux maħdum lejn ir-raffinerija Mažeikiai tal-Litwanja, l-unika raffinerija taż-żejt fl-Istati Baltiċi. Minn dakinhar din il-parti tal-pipeline partikolari baqgħet magħluqa.

[69] “Aspetti Tekniċi dwar l-Użu Varjabbli ta’ Pipelines taż-Żejt li ġejjin fl-UE minn Pajjiżi Terzi” studju mill-ILF u Purvin & Gertz għall-Kummissjoni Ewropea, 2010.

[70] L-ERGEG u t-Task Force Ewropea għas-Sistemi ta’ Distribuzzjoni Intelliġenti jiddefinixxu l-grids intelliġenti bħala netwerks tal-elettriku li, b’mod kosteffikaċi, jintegraw l-imġiba u l-azzjonijiet tal-utenti kollha mqabbda magħhom – ġeneraturi, konsumaturi u dawk li huma kemm ġeneraturi kif ukoll konsumaturi – sabiex jiżguraw sistemi ta’ enerġija sostenibbli u ekonomikament effiċjenti b’telf baxx u livelli għolja ta’ kwalità u sigurtà tal-provvista u sikurezza. Ara http://ec.europa.eu/energy/gas_electricity/smartgrids/taskforce_en.htm għal aktar informazzjoni.

[71] Ir-rapport tal-ERGEG ippreżentat u mqassam fil-Forum annwali taċ-Ċittadini (Londra) dwar l-Enerġija f’Settembru 2009, jagħti l-iktar ħarsa ġenerali aġġornata u kompleta rigward l-istatus tal-implimentazzjoni tal-miters intelliġenti fl-Ewropa. Disponibbli fi:http://ec.europa.eu/energy/gas_electricity/forum_citizen_energy_en.htm

[72] “L-Impatti tat-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni fuq l-Effiċjenza tal-Enerġija”, Rapport Finali tas-Servizz tal-Bio Intelligence, Settembru 2008. Appoġġjat mid-DĠ INFSO tal-Kummissjoni Ewropea.

[73] http://www.nuon.com/press/press-releases/20090713/index.jsp

[74] L-Anness 1 għad-Direttiva 2009/72/KE u l-Anness 1 għad-Direttiva 2009/73/KE jeħtieġu li l-Istati Membri jiżguraw l-implimentazzjoni ta’ sistemi ta’ miters intelliġenti li jassistu l-parteċipazzjoni attiva tal-konsumaturi fis-suq tal-provvista tal-enerġija. Din l-obbligazzjoni tista’ tkun suġġetta għal valutazzjoni ekonomika mill-Istati Membri sat-3 ta’ Settembru 2012. Skont id-Direttiva tal-Elettriku, meta t-tixrid tal-użu tal-miters intelliġenti jkun evalwat b’mod pożittiv, mill-inqas 80% tal-konsumaturi se jkunu mgħammra b’sistemi ta’ miters intelliġenti sal-2020.

[75] L-Anness 3 għad-Direttiva 2006/32/KE.

[76] L-Artikolu 16 għad-Direttiva 2009/28/KE.

[77] Task Force Grids Intelliġenti – programm ta' viżjoni u ħidma:http://ec.europa.eu/energy/gas_electricity/smartgrids/doc/work_programme.pdf

[78] Abbozz ta’ liġi dwar l-użu tal-grids intelliġenti ġie miċħud mill-Parlament Olandiż fl-2009 għal finijiet ta’ tħassib dwar il-protezzjoni tad-dejta.

[79] http://cordis.europa.eu/fp7/people/home_en.html

[80] Dan jista’ jinkludi l-ħtieġa tal-użu parzjali ta’ taħt l-art għal-linji tal-elettriku, filwaqt li jitqies li l-ispejjeż għall-investment għal kejbils taħt l-art huma min 3 sa 10 darbiet aktar meta mqabbel ma' linji fuq l-art. Ara "Aspetti ta’ fattibbiltà u tekniċi tat-tpoġġija taħt l-art parzjali ta' linji tal-enerġija li huma ta' vultaġġ ekstra għoli", dokument konġunt mill-ENTSO-E u Europacable. Novembru 2010.

[81] Għal dan il-għan, fil-qafas tas-SET-Plan, l-Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Karburant u l-Idroġenu se tvara l-ewwel studju dwar l-ippjanar tal-infrastruttura tal-idroġenu tal-UE sal-aħħar tal-2010, u se jmexxi l-użu kummerċjali li se jibda f’qafas tal-2020.

[82] http://ec.europa.eu/clima/funding/ner300/index_en.htm

[83] “L-evoluzzjoni tal-firxa u tal-ħtiġijiet ta’ investiment ta’ netwerk trans-Ewropew tat-trasport tas-CO2”, il-Kummissjoni Ewropea, Ċentru Konġunt għar-Riċerka , EUR 24565 EN. 2010.

[84] Pipelines ta’ daqs kbir wisq huma murija bl-aħmar, filwaqt li l-pipelines li jaħdmu bil-kapaċità totali huma murija bil-blu.

[85] “Il-fattibbiltà ta’ infrastrutturi tas-CO2 madwar l-Ewropa”, studju minn Ove Arup & Partners Ltd għall-Kummissjoni Ewropea. Settembru 2010.

[86] “GeoCapacity tal-UE – Valutazzjoni tal-Kapaċità Ewropea għall-Ħażna Ġeoloġika tad-Dijossidu tal-Karbonju”, Proġett Nru SES6-518318. Rapport tal-Attività Finali disponibbli fi: http://www.geology.cz/geocapacity/publications

[87] L-Istudju tal-Pre-Front End Engineering Design ta’ netwerk tas-CCS għal Yorkshire u Humber wera li investimenti inizjali fil-kapaċità żejda tal-pipelines ikunu kosteffiċjenti anke jekk żviluppi sussegwenti jingħaqdu man-netwerk sa 11-il sena wara. L-istudju kkonferma wkoll esperjenza minn setturi oħra, jiġifieri li l-investiment f’netwerks integrati jikkatalizza l-użu fuq skala kbira tat-teknoloġiji tas-CCS billi jikkonsolida proċeduri tal-permessi, inaqqas l-ispiża tal-konnessjoni ta’ sorsi tas-CO2 ma’ bjar u jiżgura li CO2 maqbud jiġi maħżun malli l-faċilità tal-qbid issir operattiva.