52010DC0675

/* KUMM/2010/0675 finali */ RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1921/2006 tal-Parlament Ewropea u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar il-preżentazzjoni ta' dejta tal-istatistika dwar l-iżbark ta' prodotti tas-sajd fl-Istati Membri


[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 18.11.2010

KUMM(2010) 675 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1921/2006 tal-Parlament Ewropea u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar il-preżentazzjoni ta' dejta tal-istatistika dwar l-iżbark ta' prodotti tas-sajd fl-Istati Membri

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1921/2006 tal-Parlament Ewropea u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar il-preżentazzjoni ta' dejta tal-istatistika dwar l-iżbark ta' prodotti tas-sajd fl-Istati Membri

INTRODUZZJONI (AMBITU, SFOND, LEġIżLAZZJONI NAZZJONALI)

Skont it-termini tal-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1921/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-preżentazzjoni ta' dejta tal-istatistika dwar l-iżbark ta' prodotti tas-sajd fl-Istati Membri[1] (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ 'ir-Regolament dwar l-Iżbarki'), ‘ Sad-19 ta' Jannar 2010, u għal kull tliet snin wara dan, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport ta' evalwazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar id-dejta tal-istatistika miġbura skont dan ir-Regolament u b'mod partikolari dwar ir-relevanza u l-kwalità tagħha . Ir-rapport għandu janalizza wkoll l-effettività fl-infiq tas-sistema użata għall-ġbir u għall-ipproċessar tad-dejta tal-istatistika u għandu jippreżenta l-aħjar prattiċi sabiex jitnaqqas l-ammont ta' xogħol għall-Istati Membri u jtejjeb l-użu u l-kwalità tad-dejta tal-istatistika.’ Dan ir-rapport jiddokumenta l-progress li sar mill-Istati Membri, il-pajjiżi kandidati u dawk tal-EFTA, flimkien mal-Kummissjoni, fir-rigward tad-dispożizzjoni ta’ dan ir-Regolament.

Ir-Regolament dwar l-Iżbarki jirrikjedi li titressaq dejta ta’ kull sena dwar l-piż u l-prezz medju tal-prodotti tas-sajd żbarkati fl-Istati Membri mill-bastimenti Ewropej u tal-EFTA. Dan huwa strument aħjar minn ta' qablu f'għadd ta’ rigwardi. Hu jirrikjedi dettalji addizzjonali dwar il-prodotti u l-użi maħsuba għalihom, u dettalji dwar in-nazzjonalità tal-bastimenti. Ir-Regolament dwar l-Iżbarki jnaqqas ukoll il-piż tar-rappurtar minn fuq spallejn l-Istat Membri billi d-dejta tintalab tingħadda kull sena flok kull xahar, u d-dettalji dwar l-iżbarki ta' vetturi mill-UE u l-EFTA biss huma mitluba issa.

L-industriji tas-sajd fl-Istati Membri fl-Unjoni Ewropea huma differenti ħafna minn xulxin fejn għandhom x’jaqsmu ż-żoni li fihom isir is-sajd, l-ispeċijiet li jinqabdu u l-kompożizzjoni tal-flotot tas-sajd (inkluż id-daqs tal-bastimenti u l-metodi tas-sajd). Il-metodoloġiji użati għall-ġbir tad-dejta jirriflettu din id-diversità fl-industrija, u minħabba f'hekk it-tqabbil tal-qagħda fi Stati Membri differenti mhux daqstant faċli.

Il-biċċa l-kbira tad-dejta mitluba għar-rapporti dwar l-iżbarki skont ir-Regolament (KE) 1921/2006 tinġabar primarjament skont il-leġiżlazzjoni li tikkontrolla s-sajd u b'mod partikolari r-Regolament tal-Kunsill (KEE) 2847/93[2] ('ir-Regolament ta' Kontroll'). Din tistipula s-sottomissjoni tal-ġurnali ta' abbord il-bastimenti tas-sajd, id-dikjarazzjonijiet tal-iżbarki u noti tal-bejgħ, u dikjarazzjonijiet dwar il-konsenji għal għanijiet ta' monitoraġġ u infurzar tal-kwoti. Il-problemi bl-affidabbiltà u l-kompletezza tad-dejta ġew enfasizzati f'rapport mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri fl-2007[3]. B'risposta, fl-20 ta' Diċembru 2009, il-Kunsill adotta Regolament ta' Kontroll ġdid[4]. Dan għandu provvidement ikbar għall-kaptani li jissottomettu dejta elettronika, għall-kontrokontrolli awtomatizzati mill-Istati Membri, u għal regoli aktar stretti dwar it-tqegħid tal-ħut fis-suq. Bosta mid-dispożizzjonijiet l-ġodda tar-Regolamenti se jieħdu ż-żmien sakemm jiġu implimentati, għalkemm bosta Stati Membri diġà rrapportaw bidliet fis-sistemi tagħhom b'mod konformi ma' dak li qed jintalab.

KOPERTURA U KONTENUT

Il-ġbir tad-dejta

Id-diversità ġeografika tal-Istati Membri u l-istrutturi tal-industriji tagħhom jinfluwenzaw sostanzjalment il-mod kif tinġabar id-dejta. Pereżempju, l-Irlanda u r-Renju Unit, li t-tnejn għandhom kosti relattivament twal u b'bosta portijiet li fihom jistgħu jsiru l-iżbarki, jiddependu minn ġbir tad-dejta diċentralizzat permezz tal-ispettorati tas-sajd rispettivi tagħhom. Id-dejta tiddaħħal fl-uffiċċji portwali u tittella’ elettronikament f'dejtabejż ċentrali. Bil-maqlub għal dan, il-ġbir tad-dejta fid-Danimarka huwa iktar ċentralizzat. Xi Stati Membri, inklużi r-Renju Unit, il-Ġermanja u Spanja, jirrapportaw ukoll il-ġbir u l-analiżi inizjali permezz ta’ amministrazzjonijiet reġjonali u devoluti.

Dawk awtorizzati li jqiegħdu l-ħut fis-suq jintalbu[5] jissottomettu nota dwar il-bejgħ lill-awtoritajiet kompetenti li fit-territorju tagħhom se jkun qed jitqiegħed il-ħut fis-suq għall-ewwel darba. Bosta Stati Membri jirrapportaw speċifikament dwar il-kontrolli tal-ewwel bejgħ introdotti minnhom. Dawn inkludew id-Danimarka u anki r-Renju Unit, li mill-2005 għandhom sistema li permezz tagħha jirreġistraw ix-xerrejja u l-bejjiegħa awtorizzati u jaħtru s-swieq awtorizzati. Għall-ispeċijiet li ma jaqgħux taħt kwota, l-informazzjoni dwar il-prezz jipprovduha l-bejjiegħa bl-ingrossa u 50 fil-mija tal-iżbarki li ma jaqgħux taħt kwota huma koperti b'dan il-mod. Xi Stati Membri, pereżempju l-Belġju, jippermettu xi bejgħ ta' ħut direttament lill-pubbliku f’ċirkostanzi kkontrollati u oħrajn jirrapportaw l-applikazzjoni ta’ limitu minimu abbażi tal-piż, ngħidu aħna għal bejgħ taħt il-50 kg. Fil-każ tal-Belġju, id-dettalji dwar dan it-tip ta’ bejgħ xorta jiġu rreġistrati mill-irkant ta' Oostende. F’każijiet oħra, il-bejgħ jiġi stmat.

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1966/2006[6] jitlob ukoll lill-Istati Membri li jirreġistraw lil dawk responsabbli mill-ewwel bejgħ tal-prodotti tas-sajd u lil dawk li l-fatturat annwali tagħhom jisboq l-EUR 400 000 (EUR 200 000 skont ir-Regolament ta’ Kontroll il-ġdid) jitlobhom jittrażmettu elettronikament lill-awtoritajiet nazzjonali n-noti tal-bejgħ u d-dikjarazzjonijiet tal-konsenji. Dan ir-Regolament jirrikjedi wkoll l-istabbiliment ta' ċentru elettroniku għan-noti tal-bejgħ. Dment li tkun stabbilita, is-sottomissjoni tad-dejta b'mod elettroniku ttejjeb il-veloċità tal-ġbir tad-dejta u l-preċiżjoni tar-rapportar. L-Istati Membri jirrapportaw gradi differenti bejniethom ta’ kopertura tal-iżbarki permezz ta' mezzi elettroniċi. Pereżempju, il-biċċa l-kbira tal-iżbarki huma rrapportati elettronikament fid-Danimarka, u l-kopertura elettronika fil-każ ta' xi speċijiet hija kważi totali.

Sorsi ta' dejta

Il-ġurnali abbord il-bastimenti, in-noti tal-bejgħ u d-dikjarazzjonijiet tal-iżbarki huma l-aktar sorsi amministrattivi importanti ta' dejta dwar il-qbid u l-iżbarki. Il-kaptani ta' bastimenti ta' tul kumplessiv ta’ 'il fuq minn 10 m huma obbligati mir-Regolament (KEE) Nru 2847/93 li jżommu ġurnal abbord tal-operazzjonijiet tagħhom (ħlief meta jsalpaw minn port għal anqas minn 24 siegħa). Ir-Regolament (KEE) Nru 2847/93 jirrikjedi wkoll li l-kaptani jissottomettu dikjarazzjonijiet dwar l-iżbark lill-awtoritajiet konċernati fi żmien 48 siegħa mill-iżbark. Il-ġurnali abbord huma ta’ għamla standard tal-UE, b’xi adattamenti f’ċerti każijiet (pereżempju fil-Finlandja) biex ikunu jixirqu n-natura tal-industrija. Il-ġurnali abbord jipprovdu mezz ta’ reġistrazzjoni tad-dejta matul l-operazzjonijiet u jirrikjedu biss stima tal-piż tal-qabda ta’ ħut ħaj. Dan huwa siewi l-iktar għall-apporzjonament tal-qabdiet għaż-żoni tas-sajd, għall-kalkolu tal-isforz tas-sajd u għall-kontrokontrolli.

Informazzjoni iktar eżatta titwassal permezz tad-dikjarazzjonijiet tal-iżbarki, li jsiru fi tmiem kull vjaġġ u li jirreġistraw il-kwantità ta’ kull speċi (spiss ta’ dawk biss li huma suġġetti għal kwoti tal-qbid jew leġiżlazzjoni Ewropea oħra) fl-għamla ta' piż żbarkat. In-noti tal-bejgħ huma sottomessi lill-awtoritajiet responsabbli mill-ewwel tqegħid fis-suq tal-ħut (kemm jekk ikun l-aġent tal-bastiment inkella l-awtoritajiet tal-irkant). Dawn jinkludu informazzjoni dwar il-kwantità ta’ kull speċi żbarkata, l-għamla li fiha jiġu ppreżentati, u l-valur ta' kull prodott, flimkien ma' informazzjoni dwar il-bastiment li jeżegwixxi l-iżbark. Għal darb’oħra, din l-informazzjoni taf tkun limitata għall-ispeċijiet ikkontrollati minn kwota fuq il-qbid, għalkemm xi Stati Membri, pereżempju l-Ġermanja, jirrapportaw il-kopertura sħiħa tal-ispeċijiet kollha bin-noti tal-bejgħ.

Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri jirrapportaw billi jużaw sorsi ta’ dejta alternattivi jew supplimentari fir-rigward tal-flotot kostali tagħhom, l-aktar għal bastimenti ta' tul inqas minn 10 m (8 m fl-Isvezja u 12-il m fl-Estonja). Pereżempju, fil-Finlandja, il-kaptani tal-bastimenti li ma jaqbżux l-10 m huma mitluba jżommu djarji mensili tal-attivitajiet tagħhom u fid-Danimark, dawn jistgħu jkunu eżentati mid-dover li jżommu ġurnal abbord, sakemm ikunu ppreżentaw 'dikjarazzjoni dwar iż-żona tas-sajd’ iffirmata u jkun jistadu skont din id-dikjarazzjoni. Fir-Renju Unit, l-attività tas-sajd tal-frott tal-baħar tiġi rreġistrata permezz ta' djarji mensili, li għandhom jimtlew bħala kundizzjoni tal-liċenzja, u d-Danimarka tuża stħarriġ kampjun biex tistima l-qabdiet sekondarji mis-sajd industrijali estensiv tagħhom.

Iċ-ċenstimenti u l-istħarriġ statistiċi jintużaw l-aktar minn pajjiżi li taħt il-prosekuzzjoni tagħhom jaqgħu l-industriji tas-sajd fil-Mediterran u l-Baħar l-Iswed, fejn is-sajd kostali jipprovdi proporzjon relattivament kbir tal-attività tas-sajd. Fil-Greċja u l-Italja jintużaw kważi esklussivament sorsi tad-dejta statistiċi, filwaqt li Stati Mediterranji oħra jiddependu iktar fuq sorsi amministrattivi. L-operazzjonijiet Franċiżi fil-Mediterran huma sorveljati permezz ta’ stħarriġ, filwaqt li għall-operazzonijiet fl-Atlantiku tal-Grigal jintużaw sorsi amministrattivi. Fl-Italja, fejn s-sors primarju tad-dejta huwa l-istħarriġ statistiku, ammont żgħir ta’ informazzjoni fir-rigward tat-tonn Atlantiku tal-pinen blu biss huwa pprovdut permezz tal-ġurnali abbord. Il-lokalità tal-operazzjonijiet mhix l-unika indikatur ta’ jekk tintużax informazzjoni amministrattiva inkella abbażi ta’ stħarriġ. Il-każijiet tal-Istati Mediterranji gżejjer żgħar, Malta u Ċipru, jixbħu aktar lis-sitwazzjonijiet tal-pajjiżi li l-flotot tagħhom jamministraw l-industriji tas-sajd fl-Atlantiku, bis-sorsi tad-dejta amministrattiva jintużaw għall-flotta ta' bastimenti li jisbqu l-10 m u l-istħarriġ tal-kampjun biex tinġabar dejta dwar il-flotot kostali ta' taħt l-10 m.

Xi Stati Membri, inkluża s-Slovenja, jirrapportaw li għadhom fil-proċess li jorganizzaw ir-regoli u l-proċessi tagħhom dwar l-ewwel punt tal-bejgħ, u dwar l-użu tan-noti tal-bejgħ u d-dikjarazzjonijiet tal-iżbarki għall-ġbir tad-dejta.

Sistemi tal-ġbir tad-dejta fl-Istati Membri u l-Pajjiżi tal-EFTA

Il-Belġju - Il-bastimenti Belġjani għandhom prosekuzzjoni fuq is-sajd fl-Atlantiku tal-Grigal (iż-Żona 27) biss, l-aktar fil-Baħar tat-Tramuntana (IVb u IVc) u l-Fliegu tal-Lvant (VIId). Is-sorsi tad-dejta huma ta’ natura amministrattiva (ġurnali abbord, dikjarazzjonijiet tal-iżbarki u noti tal-bejgħ). L-ewwel bejgħ irid jgħaddi mit-tliet irkanti ewlenin ((Zeebrugge, Oostende u Nieuwpoort) għajr għall-bastimenti ż-żgħar li jistgħu jbiegħu lill-pubbliku f’Oostende. In-noti tal-bejgħ jiġu trażmessi lis-Servizz tas-Sajd fil-Baħar (Dienst Zeevisserj) dakinhar tal-iżbark.

Il-Bulgarija - Il-bastimenti Bulgari għandhom prosekuzzjoni fil-Mediterran u l-Baħar l-Iswed (iż-Żona 37), u l-aktar fis-sottożona 37.4.2 Is-sorsi tad-dejta huma ta’ natura amministrattiva (ġurnali abbord, dikjarazzjonijiet tal-iżbarki u noti tal-bejgħ) mgħoddija lill-Aġenzija Nazzjonali tas-Sajd u l-Akwakultura (ANSA). L-ANSA titlob li n-noti tal-bejgħ mill-ewwel bejgħ jintbgħatu fi żmien 48 siegħa minn kull żbark. It-trażmissjoni elettronika tan-noti tal-bejgħ hija ppjanata b'mod konformi mal-leġiżlazzjoni komunitarja.

Id-Danimarka - Is-sorsi tad-dejta huma ta’ natura amministrattiva (ġurnali abbord, dikjarazzjonijiet tal-iżbarki u noti tal-bejgħ) u d-dejta li tinġabar b'mod ċentrali mid-Direttorat Daniż tas-Sajd (DDS). L-ewwel bejgħ tal-ħut minn sajjieda mhux kummerċjali huwa pprojbit fid-Danimarka, u l-ewwel xerrejja kollha jridu jkunu reġistrati mad-DDS u għandhom jissottomettu n-noti tal-bejgħ lilhom sew f’għamla elettronika inkella stampata. Madwar 90 fil-mija tan-noti tal-bejgħ jaslu f’għamla elettronika.

Il-Ġermanja - Il-bastiment Ġermaniżi għandhom prosekuzzjoni fl-Atlantiku tal-Grigal, tal-Majjistral u tal-Lvant Ċentrali u fil-Paċifiku tax-Xlokk (iż-Żoni 27, 21, 34 u 87). Is-sorsi tad-dejta huma ta’ natura amministrattiva (ġurnali abbord, dikjarazzjonijiet tal-iżbarki u noti tal-bejgħ). Dawn jingħaddu lill-Aġenzija Federali għall-Agrikultura u l-Ikel permezz tal-Organizzazzjonijiet tal-Produtturi (OP) u l-awtoritajiet tal-Länder.

L-Estonja - Il-bastimenti Estonjani għandhom prosekuzzjoni fuq is-sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral (iż-Żona 21) u l-Atlantiku tal-Grigal (27 - il-Baltiku) u 05 (ilmijiet interni). Is-sorsi tad-dejta huma ta’ natura amministrattiva (ġurnali abbord, dikjarazzjonijiet tal-iżbarki, noti tal-bejgħ u dokumenti tat-trasbord u t-trasport). Il-bastimenti ta’ anqas minn 12 m tul kumplessiv jimlew ġurnal abbord dwar "is-sajd kostali" li huwa stipulat fil-leġiżlazzjoni nazzjonali Estonjana. L-Estonja titlob kopji stampati tad-dokumentazzjoni darbtejn fix-xahar meta d-dejta tiġi sottomessa b’mezzi elettroniċi. L-ewwel xerrejja tal-ħut huma mitluba jissottomettu n-noti tal-bejgħ elettronikament lill-awtoritajiet (il-Ministeru tal-Agrikultura għas-sajd kummerċjali) u għadd ta' kumpaniji privati li għażlu li jagħmlu dan.

L-Irlanda - il-bastimenti Irlandiżi għandhom prosekuzzjoni fl-Atlantiku tal-Grigal (iż-Żona 27). Is-sorsi tad-dejta huma ta’ natura amministrattiva (ġurnali abbord, dikjarazzjonijiet tal-iżbarki, noti tal-bejgħ u dokumenti tal-kolletturi tal-frott tal-baħar). Id-dejta tinġabar fil-portijiet mill-Awtorità Irlandiża għall-Protezzjoni tas-Sajd fil-Baħar. L-Irlanda rrapportat li għamlet bidliet sinifikanti fis-sistemi tal-ġbir tagħha biex tiffaċilita l-ġbir elettroniku tad-dejta kif titlob il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea.

Il-Greċja - Il-bastimenti Griegi għandhom prosekuzzjoni fl-Atlantiku tal-Grigal u tal-Lvant Ċentrali u l-Mediterran (iż-Żoni 27, 34, u 37) u jirreġistraw l-informazzjoni permezz ta' stħarriġ statistiku. Stħarriġ f’għamla ta’ ċensiment jiġi applikat għas-sajd f’żoni ‘barranin’ u stħarriġ kampjun jiġi applikat għaż-Żona 37 ‘baħar apert’ u s-sajd kostali. L-istħarriġ isir mis-Servizz Statistiku Nazzjonali tal-Greċja. Il-Greċja tħaddem ċensiment sħiħ għall-bastimenti li jtajru l-bandiera Griega għas-‘Sajd f’żoni barranin'. Is-sajd fil-baħar miftuħ u fix-xatt iġorr rata ta' żball qawwija ta' nuqqas ta' risposti (50 fil-mija) u tintuża teknika tat-teħid tal-kampjuni biex tinħadem din id-diskrepanza.

Spanja - Spanja għandha industrija tas-sajd kbira u diversifikata u għadd ta’ aġenziji huma responsabbli mill-forniment u l-kwalità tad-dejta. Il-ġbir tad-dejta, l-ewwel darba jsir mill-awtoritajiet reġjonali u mbagħad din id-dejta tinġabar b’mod ċentralizzat. Seba’ sorsi tad-dejta amministrattivi distinti huma identifikati għall-kompilazzjoni tad-dejta dwar l-iżbarki inklużi l-ġurnal abbord, in-noti tal-bejgħ, id-dikjarazzjonijiet tat-trasferimenti, id-dikjarazzjonijiet tal-iżbarki u informazzjoni mill-Organizzazzjonijiet tal-Produtturi tal-Ħut (OP). Is-sorsi varji huma integrati f'dejtabejż kemm għall-qabdiet kif ukoll għall-iżbarki. Il-kopertura tal-iżbarki minn dawn is-sorsi titqies bħala eżawrjenti.

Franza - Ir-responsabbiltà ewlenija għas-sottomissjoni u l-kwalità tad-dejta sserraħ fuq l-uffiċċju tas-sajd u l-akwakultura (BSPA) li huwa parti mill-Ministeru tal-Ikel, l-Agrikultura u s-Sajd (MAAP). Id-dejta dwar l-importazzjoni tas-sajd tat-tonn tropikali hija fornuta mill-Istitut għar-Riċerka u l-Iżvilupp tad-Direction des Pêches Maritimes et de l'Aquaculture (DPMA). Il-bastiment Franċiżi huma attivi l-iktar fl-Atlantiku tal-Grigal, il-Mediterran u l-Oċean Indjan. Kopertura tajba tal-attività tas-sajd fl-Atlantiku tinkiseb minn sorsi amministrattivi (ġurnali abbord, dikjarazzjonijiet tal-iżbark u noti tal-bejgħ). Għal żoni fejn id-dejta amministrattiva hija anqas affidabbli, partikolarment fil-każ tal-Mediterran, dawn is-sorsi huma suplimentati minn stħarriġ b’kampjuni. Franza investiet bil-qawwi fl-immodernizzar u t-titjib tas-sistemi ta’ ġbir tad-dejta dwar is-sajd.

L-Italja - L-Italja għandha prosekuzzjoni fuq is-sajd fil-Mediterran, l-Atlantiku tal-Lvant Ċentrali u l-Oċean Indjan tal-Punent (iż-Żoni 37, 34 u 51) Hi topera stħarriġ b’kampjun għaż-Żona 37 u ċensiment għal żoni oħrajn. Il-ġurnali abbord jintużaw biex tinġabar id-dejta fuq il-qabdiet tat-tonn Atlantiku tal-pinen blu biss u dawn jinġabru mill-Ministeru tal-Agrikultura, l-Ikel u l-Politiki Forestjarji. L-NSI, ISTAT jiġbor dejta għaż-Żoni 34 u 51 u l-IREPA għaż-Żona 37. L-ISTAT hija responsabbli mill-koordinament tar-rapportar lill-Eurostat. L-Italja għandha numru kbir ta’ bastimenti zgħar (ta’ tul kumplessiv inqas minn 12 m) Madwar 99 fil-mija tal-bastimenti joperaw fl-ilmijiet kostali madwar il-peninżula Taljana. Madwar żewġ terzi ta’ dawn huma ta’ daqs żgħir u jħaddmu tagħmir passiv[7]. Il-ġbir tad-dejta jsir permezz ta’ stħarriġ b’kampjun multivarjat bil-popolazzjoni maqsuma skont iż-żona, id-daqs tal-bastiment u t-tagħmir tas-sajd użat. Il-metodoloġija tal-istħarriġ tillimita r-rata tal-iżbalji tal-kampjun għal tolleranza ta' 3,5 fil-mija. Ir-rata tal-iżbalji minħabba nuqqas ta’ risposti hija rikonoxxuta wkoll u tiġi indirizzata permezz tas-selezzjoni tal-kampjun. Għadd ċkejken ta’ bastimenti (madwar 20) li jistadu fiż-Żoni 34 u 51 jimlew kwestjonarju.

Ċipru - Dejta amministrattiva (ġurnali abbord) jinġabru mill-Ispettorat tas-Sajd għal bastimenti ta’ 10 m jew iktar f’tul kumplessiv. Stħarriġ supplimentari ta’ kull xahar għall-flotta tat-tkarkir tal-qiegħ isir ukoll bħala stħarriġ b'kampjun tal-flotta tas-sajd kostali (bastimenti taħt l-10 m f'tul kumplessiv). Dan tal-aħħar huwa ddeterminat b’mod arbitrarju u jkopri 15-20 fil-mija tas-settur. Dawk suġġetti għall-istħarriġ jeġtieġilhom jikkompilaw rapporti tal-qabdiet/l-iżbarki ta’ kuljum. Il-ġbir tad-dejta dwar is-sajd u l-kompilazzjoni tar-rapporti hija r-responsabbiltà tad-Dipartiment tas-Sajd u r-Riċerka Marina tal-Ministeru tal-Agrikultura, ir-Riżorsi Naturali u l-Ambjent.

Il-Latvja - Il-bastimenti Latvjani huma attivi fl-Atlantiku (iż-Żoni 27, 21 u 34). Ir-responsabbiltà ewlenija mit-trażmissjoni tad-dejta sserraħ fuq id-Dipartiment tas-Sajd tal-Ministeru tal-Agrikultura, iżda aġenziji oħra, inklużi l-Amministrazzjoni tal-Ilmijiet Interni u Marini tal-Ministeru tal-Ambjent, l-Aġenzija Latvijana għar-Riżorsi tal-Ħut (tal-Ministeru tal-Agrikultura) huma responsabbli mill-ġbir tad-dejta. Is-sorsi tad-dejta huma ta’ natura amministrattiva, ġurnali abbord, noti tal-bejgħ u dikjarazzjonijiet tal-iżbarki. Il-Latvija tirrikjedi li ssir reġistrazzjoni ċentrali u ċertifikazzjoni annwali tax-xerrejja tal-ħut. Ix-xerrejja tal-ħut huma mitluba jissottomettu noti tal-bejgħ elettroniċi (segwiti minn kopji stampati) fi żmien 48 siegħa minn meta jkun sar il-bejgħ.

Il-Litwanja - Il-Litwanja għadha prosekuzzjoni fuq is-sajd fl-Atlantiku tal-Grigal u tal-Majjistral, tal-Lvant Ċenrali u fil-Paċifiku t'Isfel. Id-Dipartiment tas-Sajd tal-Ministeru tal-Agrikultura huwa responsabbli mill-ġbir u l-ipproċessar tad-dejta. Is-sorsi ewlenin tad-dejta huma l-ġurnali abbord u d-dikjarazzjonijiet tal-iżbarki. Il-Litwanja tirrapporta li għandha sistema awtomatizzata integrata għall-ipproċessar u l-ivvalidar tad-dejta dwar il-qbid u l-iżbarki.

Malta - Iċ-Ċentru Malti għax-Xjenzi tas-Sajd fil-Ministeru tar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali huwa responsabbli għall-ġbir tad-dejta u din imbagħad tingħadda lill-Eurostat mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (l-Unità tal-Istatistika Agrikola u tas-Sajd). Il-bastimenti Maltin huma attivi fil-Mediterran (iż-Żona 37, sottożona 15). Malta tuża l-ġurnali abbord u n-noti tal-bejgħ bħala sors tad-dejta għall-flotta ta' 'l fuq minn 10 m. Fis-sitt portijiet f'Malta u Għawdex isir stħarriġ b'kampjun stratifikat. Id-daqs tal-kampjun jiġi ffissat biex jistima l-isforz totali tas-sajd b’livell ta’ kunfidenza ta’ 95 fil-mija.

Il-Pajjiżi l-Baxxi - Il-bastiment tal-Pajjiżi l-Baxxi huma attivi fl-Atlantiku tal-Grigal u tal-Lvant Ċentrali u fil-Paċifiku tax-Xlokk (iż-Żoni 27, 34 u 87). Is-sorsi tad-dejta huma ta’ natura amministrattiva (ġurnali abbord, dikjarazzjonijiet tal-iżbarki, noti tal-bejgħ u dokumenti tat-trasbord u t-trasport). Id-dejta tinġabar mill-Ministeru tal-Agrikultura, il-Konservazzjoni tan-Natura u l-Kwalità tal-Ikel (Ministerie van Landbouw, Natuurbeheer en Voedsekwaliteit) u tingħadda lill-Eurostat permezz tal-Uffiċċju Ċentrali tal-Istatistika. Il-Pajjiżi l-Baxxi japplikaw regoli li jiggvernaw il-bejgħ tal-ħut permezz ta' punti ta' bejgħ awtorizzati permezz tal-Organizzazzjonijiet tal-Produtturi. In-noti tal-bejgħ elettroniċi jintbagħtu fi żmien 48 siegħa minn meta jkun sar il-bejgħ.

Il-Polonja - Il-ġurnali abbord u n-noti tal-bejgħ huma rrapportati bħala s-sors ewlieni ta' informazzjoni. Ir-responsabbiltà mill-ġbir u t-trażmissjoni tad-dejta sserraħ fuq id-Dipartiment tas-Sajd tal-Ministeru tal-Agrikultura u l-Iżvilupp Rurali.

Il-Portugall - Id-Direttorat Ġenerali Portugiż għas-Sajd u l-Akwakultura huwa responsabbli mis-sottomissjoni tad-dejta statistika lill-Eurostat. Il-Portugall għandu flotta kbira u diverstifikata b’karatteristiċi differenti fiż-żoni differenti fejn jitwettaq is-sajd. Il-flotta hija dominata minn bastimenti żgħar tal-injam bla saqaf li huma involuti fis-sajd artiġjanali. L-iktar żoni importanti huma l-Atlantiku tal-Grigal, tal-Punent u tal-Lvant Ċentrali. Hemm ukoll sajd importanti bil-lenza twila fl-Oċean Atlantiku u dak Indjan, li l-mira tiegħu huwa l-pixxispad (u anki l-kelb il-baħar ikħal fl-Oċean Indjan). Is-sorsi tad-dejta prinċipali huma l-ġurnali abbord, id-dikjarazzjonijiet tal-iżbarki u n-noti tal-bejgħ. Il-ħut frisk jew imkessaħ irid jinbiegħ permezz ta’ swieq regolati u l-informazzjoni fuq in-noti tal-bejgħ f'dan il-każ hija waħda kompleta. Fil-kaz ta' ħut proċessat fuq il-baħar, il-prezzijiet medji huma miksuba mid-dikjarazzjonijiet tal-iżbarki.

Ir-Rumanija - Ir-Rumanija hija attiva fiż-Żona Ekonomika Esklużiva tal-Baħar l-Iswed (iż-Żona 37). Is-sorsi tad-dejta huma ta’ natura amministrattiva, ġurnali abbord, dikjarazzjonijiet tal-iżbarki u noti tal-bejgħ. Id-dokumenti huma miġbura minn spetturi reġjonali tal-Aġenzija Nazzjonali tas-Sajd u l-Akwakultura (ANSA). L-ANSA tanalizzahom biex imbagħad tirrapporta lill-Eurostat.

Is-Slovenja - Ir-responsabbiltà għall-ġbir u s-sottomissjoni tad-dejta sserraħ fuq il-Ministeru tal-Agrikultura, is-Sajd u l-Ikel, l-Istititu għar-Riċerka dwar is-Sajd tas-Slovenja u l-Uffiċċju Statistiku tar-Repubblika tas-Slovenja. Il-flotta Slovena għandha prosekuzzjoni fuq iż-żoni tas-sajd fl-Adrijatiku ta’ Fuq (iż-Żona 37). Is-sorsi tad-dejta huma ta’ natura amministrattiva għall-volumi (ġurnali abbord). Il-vetturi kollha huma mitluba li jikkompilaw il-ġurnali abbord, biex b’hekk il-kopertura tal-qabdiet mill-flotta hija waħda sħiħa, għajr għall-iżbarki ta' ammonti żgħar ta' ħut (anqas minn 50 kg) li attwalment ma jiġux reġistrati. Qed jissawru sistemi biex jirregolaw il-punti tal-ewwel bejgħ u biex jiġbru informazzjoni permezz tan-noti tal-bejgħ. L-informazzjoni dwar il-prezzijiet tinġabar permezz ta' stħarriġ statistiku ta' kull xahar tan-negozji li jkopri 50 % tal-iżbarki totali f'dik li hija kwantità.

Il-Finlandja - Ir-responsabbiltà ewlenija għall-ġbir, is-sottomissjoni u l-kwalità tad-dejta dwar is-sajd isserraħ fuq l-Istitut Finlandiż tar-Riċerka dwar il-Kaċċa u s-Sajd. Ir-reġistri jinżammu mill-Ministeru tal-Agrikultura u l-Foresterija. Il-bastimenti Finlandiżi jistadu biss fil-Baħar Baltiku. Is-sorsi tad-dejta jinkludu varjazzjoni tal-ġurnal abbord tal-UE għall-flotta ta' 'l fuq minn 10 m. Dan jirreġistra wkoll dettalji tat-trasbordi, ix-xerrejja tal-ħut u r-rimi. Formola mensili tas-sajd kostali tintuża biex tiġi rreġistrata l-attività tal-flotta ta’ anqas minn 10 m (għajr għas-sajd tas-salamur li għalih tintuża formola differenti). L-ewwel bejgħ tal-ispeċijiet bi kwota huwa rregolat, bin-notifiki jkunu obbligatorji fi 48 siegħa mindu jkun sar l-iżbark. L-informazzjoni dwar il-bejgħ ta’ speċijiet mhux suġġetti għal kwota hija suplimentata bi stħarriġ tal-akbar kumpaniji tas-sajd bl-ingrossa.

L-Isvezja - Ir-responsabbiltà mill-ġbir u s-sottomissjoni tad-dejta sserraħ fuq il-Bord Svediż tas-Sajd. Is-sorsi tad-dejta huma ta’ natura amministrattiva, u jikkonsistu f’ġurnali abbord, noti tal-bejgħ, dikjarazzjonijiet tal-iżbarki, u fil-każ tal-flotta kostali, ġurnali ta’ kull xahar (jew anki ta’ kuljum). In-noti tal-bejgħ jinġabru b’mod ċentrali, sew elettronikament jew inkella stampati, u s-sajjieda kostali għandhom l-għażla li jissottomettu l-ġurnali elettronikament, permezz ta' interfaċċja sikura fuq l-internet.

Ir-Renju Unit - Il-qabdiet mill-Atlantiku tal-Grigal (iż-Żona 27) huma l-aktar importanti. Hemm flotta tas-sajd kostali mdaqqsa li l-mira tagħha huma l-iktar l-ispeċijiet li mhumiex suġġetti għal kwota, għalkemm taqbad proporzjoni sinifikanti ta' xi wħud mill-istokks bi kwota. Ir-Rejnu Unit jopera wkoll flotta distanti żgħira li hija rreġistrata fir-Renju Unit, iżda hija bbażata u mħaddma barra mill-pajjiż. L-ispettorati tas-sajd tal-Ingilterra, l-Iskozja, Wales u l-Irlanda ta’ Fuq huma responsabbli mill-ġbir tad-dejta. Din tinġabar u tingħadda lill-Eurostat mill-Aġenzija Marina u tas-Sajd tad-Dipartiment tal-Ambjent, l-Ikel u l-Affarijiet Rurali (DEFRA). Fil-każ tal-flotta ta’ 'l fuq minn 10 m, id-dejta amministrattiva (is-sorsi tad-dejta jikkonsistu f’ġurnali abbord, noti tal-bejgħ u dikjarazzjonijiet tal-iżbarki). Fil-każ tal-flotta ta’ taħt l-10 m, il-ġurnali abbord u d-dikjarazzjonijiet tal-iżbarki huma fornuti fuq bażi volontarja, iżda n-noti tal-bejgħ huma mitluba mir-regoli li jiggvernaw l-ewwel bejgħ tal-ħut. Dawn is-sorsi jipprovdu ċensiment sħiħ tal-biċċa l-kbira tal-attività tas-sajd. Aktar informazzjoni dwar il-frott tal-baħar hija pprovduta permezz ta’ djarji tal-attività li jiġu kkompilati bħala kundizzjoni tal-permess li wieħed jistad għall-frott tal-baħar.

L-Islanda - Il-bastimenti Islandiżi jistadu l-aktar fl-ilmijiet tal-Atlantiku tal-Grigal, iżda wkoll, anki jekk inqas, fl-Atlantiku tal-Majjistral u tan-Nofsinhar. Bħal ma hu l-każ għall-Istati Membri tal-UE, m’hemm l-ebda differenzi fundamentali fil-metodoloġiji biex tiġi kkompilata l-istatistika dwar il-qbid u l-iżbarki. Id-dejta tinkiseb mill-ġurnali abbord. L-Islanda tirregola wkoll b’mod strett l-ewwel bejgħ tal-ħut u kull żbark irid isir fil-portijiet maħtura u għandu jintiżen permezz ta' mwieżen ċertifikati. Kemm ix-xerrejja kif ukoll il-proċessuri tal-ħut huma mitluba li jissottomettu rapporti. Ir-responsabbiltà mill-ġbir tad-dejta sserraħ fuq id-Direttorat Islandiż tas-Sajd u t-trażmissjoni lill-Eurostat issir mill-Uffiċju tal-Istatistika tal-Islanda. Filwaqt li s-sorsi tad-dejta huma l-istess għaż-żewġ organizzazzjonijiet, jistgħu jfeġġu diskrepanzi fejn id-Direttorat tas-Sajd iforni d-dejta direttament, billi din tissejjes fuq id-dejtabejż kurrenti li huwa suġġett għal reviżjoni.

In-Norveġja - Il-bastimenti Norveġiżi jistadu fl-Atlantiku tal-Grigal (iż-Żona 27), l-Atlantiku tal-Majjistral (iż-Żona 21) u l-Oċean Arktiku (iż-Żona 48). Id-Direttorat Norveġiż tas-Sajd huwa responsabbli mill-ġbir tad-dejta dwar is-sajd. Is-sorsi tad-dejta huma ta’ natura amministrattiva u jikkonsistu minn ġurnali abbord tal-qbid, noti tal-iżbarki u noti tal-bejgħ. Id-dejta mill-ġurnali abbord li tiġi rreġistrata fid-Direttorat tas-Sajd tinkludi l-aktar dokumentazzjoni minn trawlers, inklużi bastimenti li joperaw 'il hinn miż-żona tal-ICES. Id-dejta min-noti tal-iżbarki u l-bejgħ tinġabar permezz ta' sitt organizzazzjonijiet tal-bejgħ differenti u tintbagħat elettronikament fuq bażi regolari lid-Direttorat tas-Sajd. Skont il-liġi Norveġiża, l-organizzazzjonijiet tal-bejgħ tal-prodotti tas-sajjieda għandhom waħedhom il-jedd għall-ewwel bejgħ kollu mis-sajjieda Norveġiżi. In-nota tal-bejgħ tkopri d-dejta kemm tal-iżbarki domestiċi kif ukoll dawk f'portijiet barranin minn bastimenti Norveġiżi u l-iżbarki minn bastimenti barranin fin-Norveġja. Kif jirrikjedu r-regoli Norveġiżi, kull nota tal-bejgħ fiha informazzjoni dwar l-ispeċi, it-tip ta’ prodott, iż-żona tas-sajd, il-kwantità u l-valur, eċċ. Informazzjoni oħra bħall-istat ta’ konservazzjoni tingħata għal għanijiet statistiċi.

Il-Kwalità tad-Dejta

Il-metodoloġiji għall-ġbir tal-informazzjoni għall-infurzar u l-kontroll u għal għanijiet statistiċi huma pjuttost konsistenti fl-Istati Membri. L-affidabbiltà tal-istatistika tiddependi mill-veraċità u l-eżattezza tad-dokumentazzjoni fornuta mis-sajjieda u mill-kontrolli tal-kwalità tal-awtoritajiet tal-Istati Membri.

L-Istati Membri jużaw għadd ta’ mekkaniżmi biex jissorveljaw l-attivitajiet tas-sajd, inkluż monitoraġġ b’mezzi tal-ajru, bastimenti li jħarsu s-sajd, monitoraġġ bis-satellita (għal bastimenti ta’ > 15-il metru f’tul kumplessiv) u spezzjonijiet abbord il-bastimenti tas-sajd. Din l-informazzjoni tintuża biex jiġi ċċekkjat it-tagħrif irreġistrat fil-ġurnali abbord, in-noti tal-bejgħ u d-dikjarazzjonijiet tal-iżbarki. Bosta Stati Membri diġà jirrapportaw l-użu ta' metodi elettroniċi biex iwettqu dawn il-kontrokontrolli.

Is-sorsi varji tad-dejta jiġu ċċekkjati wkoll għall-kwalità mad-dħul tagħhom, billi jiġi żgurat li l-informazzjoni hija internament konsistenti u li żbalji bażiċi jiġu eliminati, inklużi l-iżbalji fl-ifformatjar u t-tniżżil ta' speċijiet, żoni jew prezzijiet skorretti. Kif ġie diskuss, għadd ta' sorsi tad-dejta ewlenija jiġu ċċekkjati kontra xulxin għall-konsistenza, u anki dan, spiss isir elettronikament. Barra minn dan, xi Stati Membri, inkluż ir-Renju Unit, jirrapportaw li laħqu qbil ta' ħidma ma' Stati Membri oħra li permezz tiegħu l-bastimenti jiżbarkaw, biex jiskambjaw dejta għall-kontrokontrolli, partikolarment għal għanijiet ta' sorveljanza tal-kwoti.

Il-kopertura tad-dejta mis-sorsi varji hija waħda komprensiva, u l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri jirrapportaw li din hija waħda totali. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, fejn jintużaw sorsi tad-dejta ta’ natura amministrattiva (ġurnali abbord, dikjarazzjonijiet tal-iżbarki u noti tal-bejgħ) bħala sorsi tad-dejta, dawn jirrappreżentaw ċensiment komplet u ma jiġi applikat l-ebda kampjunarju statistiku. Fl-Isvezja, il-ġurnali abbord huma rreġistrati minn qabel mal-bastimenti u minn kif inhu rrapportat dan jiżgura grad partikolarment għoli ta' rispons. Kull diskrepanza fil-kopertura tad-dejta tiġi kkompensata permezz ta' stħarriġ statistiku li jista' jkopri l-operazzjonijiet kollha tas-sajd jew parti minnhom.

Hemm fis-seħħ regoli stretti li jiggvernaw l-iskadenzi taż-żmien għall-forniment tan-noti tal-bejgħ, il-ġurnali abbord u d-dikjarazzjonijiet tal-iżbarki u fil-biċċa l-kbira tal-każijiet dawn jiġu rispettati meta l-iżbarki jseħħu fit-territorju tal-Istat Membri kkonċernat. F’xi każijiet, pereżempju, fejn id-dejta tiġi fornuta elettronikament, id-dejta tiġi aġġornata kuljum. L-Istati Membri spiss jirrapportaw problemi b’dewmien fil-wasla tan-noti tal-bejgħ minn bastimenti li jkunu żbarkaw fi Stat Membru ieħor jew f'pajjiżi terzi. Dan it-tip ta’ dewmien jaf jammonta għal xi xhur. Filwaqt li din il-kwistjoni ma tolqotx direttament ir-rapporti skont ir-Regolament (KE) Nru 1921/2006, li japplika għall-iżbarki fit-territorju tal-Istati Membri nfushom, xorta għandha impatt fuq il-kwalità ta’ rapporti dwar il-qabdiet statutorji relatati, partikolarment fuq medda ta’ żmien qasira, fejn l-informazzjoni inqas preċiża mill-ġurnali abbord tissostitwixxi n-noti tal-bejgħ sakemm dawn isiru disponibbli. Id-dewmien fis-sottomissjoni tad-dejta jista’ jwassal għal diskrepanzi bejn informazzjoni li suppost tkun identika mibgħuta lil Eurostat u lis-Servizzi tal-Kummissjoni l-oħrajn (id-DĠ MARE) għal għanijiet ta' sorveljanza tal-kwoti. Filwaqt li l-Istati Membri jagħmlu l-almu tagħhom biex jikkompletaw ir-reġistrazzjonijiet tagħhom kemm jista' jkun qrib tmiem is-sena tas-sajd, id-dejtabejżis jibqgħu miftuħin għall-korrezzjonijiet, għalkemm ġeneralment, ftit isiru aġġornamenti sinifikanti sa sitt xhur wara s-sena referenzjarja.

Il-Pajjiżi l-Baxxi rrapportaw problema speċifika bl-informazzjoni meta l-ħut jiġi ppreparat u ffriżat abbord u meta l-ewwel bejgħ jiġi rreġistrat mat-tluq mill-pajjiż bħala oġġett esportat. F’dan il-każ, l-informazzjoni dwar il-prezz medju tiġi fornuta sakemm id-dejta reali ssir disponibbli. Fil-prattika, dan japplika għall-biċċa l-kbira tal-qabdiet tal-Pajjiżi l-Baxxi skont il-volum, li jikkonsistu l-iktar fl-ispeċi pelaġika (kavalli, aringi u merlangu l-ikħal, eċċ.). Stati Membri oħra jirrapportaw kwistjonijiet simili, fejn il-ħut ma jinbiegħx minnufih u fejn jiġu fornuti stimi permezz tal-bejgħ tal-istess speċi jew speċijiet simili.

L-Istati Membri jirrapportaw ukoll problemi fil-fatturi ta’ konverżjoni tal-piżijiet differenti tal-ħut ħaj u dak żbarkat, li huma applikati fi Stati Membri differenti. Għal darb’oħra, dan ma jolqotx direttament ir-rapporti skont ir-Regolament (KE) Nru 1921/2006, li jirrikjedi l-piż tal-prodott u mhux tal-ħuta ħajja. Madankollu, dan jissarraf fi kwistjoni partikolari għas-sorveljanza tal-kwoti tal-Istati Membri u għanijiet oħra ta' rappurtar. Dan, fil-biċċa l-kbira tiegħu, se jiġi indirizzat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 409/2009[8], li jiffissa fatturi ta' konverżjoni komuni bejn il-piż tal-iżbark u dak tal-ħuta ħajja għal bosta speċijiet u prodotti.

Ġiet innutata problema partikolari bl-identifikazzjoni tal-ispeċi. Ittieħdu bosta inizjattivi biex itejbu dan l-aspett, inkluż il-forniment lis-sajjieda b'ċarts ta' identifikazzjoni. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, dan jolqot lill-ispeċijiet li mhumiex suġġetti għal kwota u dawk li l-iżbarki tagħhom huma żgħar jew irregolari. L-ispeċijiet jafu jiġu inklużi skont kodiċi ġenerika, anki meta l-ispeċi tkun ġiet identifikata, pereżempju meta l-kodiċi eżatta għadha mhix fis-sistema. L-Istati Membri jistgħu jirrevedu din id-dejta u jikkoreġuha fejn jintebħu bil-problemi, u fil-fatt ġieli jagħmlu dan. Id-Danimarka tinnota li xi kultant ikun hemm kampanji fost is-sajjieda mmirati lejn kwistjonijiet partikolari tar-rapportar.

L-UżU TAD-DEJTA (ID-DISSEMINAZZJONI TAD-DEJTA)

Ir-rapporti tal-Istati Membri huma disponibbli bla ħlas permezz tad-dejtabejż ta' disseminazzjoni tal-Eurostat għall-utenti kollha li għandhom aċċess għall-internet. L-utenti ewlenin ta’ din l-istatistika huma DĠ MARE għall-għanijiet tal-Politika Komuni tad-Sajd u anki l-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (ICES), li juża d-dejta tal-Eurostat biex jagħmel rakkomandazzjonijiet lid-DĠ MARE fir-rigward tas-sajd fl-Atlantiku tal-Grigal.

IS-SEJBIET EWLENIN: ANALIżI TAR-RIżULTATI

Sommarju tar-riżultati qed jitwassal permezz tal-Anness ma’ dan ir-Rapport. Il-valur u l-kwantità kumplessiva tal-iżbarki raw waqgħa fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri mill-2007 ta' madwar 17 % u 11 % rispettivament (ara t-Tabella 1). L-akbar waqgħat mill-2007 ġew irreġistrati fil-Pajjiżi l-Baxxi (308 elf tunnellata), il-Ġermanja (83 elf tunnellata) u d-Danimarka (79 elf tunnellata).

Fost l-Istati Membri, Spanja, l-Italja, ir-Renju Unit u Franza rreġistraw l-ogħla valuri ta' żbarki (ara ċ-Ċarts 1 u 2 tal-Anness). Madankollu, f’dak li huwa volum, id-Danimarka rreġistrat l-ogħla żbarki. Dawn jispjegawhom il-qabdiet kbar mid-sajjieda industrijali Daniżi tal-ħut pelaġiku li huwa ta’ valur relattivament baxx.

Kemm in-Norveġja kif ukoll l-Islanda rreġistraw volumi ikbar ta' żbarki minn kwalunkwe Stat Membru ieħor, għal darb’oħra bil-maġġoranza tal-iżbarki jikkonsistu biss f'żewġ speċijiet pelaġiċi (43 % u 63 % rispettivament).

Fl-UE kollha kemm hi, il-biċċa l-kbira tal-ispeċijiet maqbuda f’termini ta' volum kienu dawk pelaġiċi (aringi, sardin aħdar, merlangu ikħal, ċiċċirell, eċċ.) (ara t-Tabella 2 tal-Anness) bl-unika speċi tal-fond fil-lista tal-aktar 10 ħutiet maqbuda fl-akbar volumi tkun il-merluzz. Madankollu, il-volumi ikbar tal-ispeċijiet pelaġiċi jsegwu x-xejra li jkunu ta' valur ferm inqas minn dawk tal-ħut tal-fond. L-awwista tan-Norveġja ( Nephrops norvegicus ) kienet l-ispeċi bl-ogħla valur totali fl-2008, u l-erba’ speċijiet li jmiss f’termini ta’ valur kienu kollha ħut tal-fond.

Fil-każ ta' xi Stati Membri, ġew irreġistrati kwantitajiet sinifikanti ta’ żbarki taħt kodiċi ta’ speċijiet ġeneriċi. Fil-każ tal-Irlanda, il-Greċja u l-Italja dawn irrappreżentaw aktar minn 5 fil-mija tal-iżbarki tagħhom. Fil-każ ta’ Spanja, il-volumi rreġistrati taħt kodiċi ġeneriċi kienu kbar, imma ammontaw għal proporzjoni relattivament żgħir (inqas minn 2 %) tal-iżbarki rreġistrati minn dan il-pajjiż. Dan aktarx li huwa indikattiv tan-natura diversa tal-industrija tas-sajd Spanjola. L-użu tal-kodiċi ġeneriċi mill-Italja u l-Greċja jista' wkoll ikun indikatur tad-diversità tal-iżbarki, imma huwa riżultat ukoll tal-metodi tal-ġbir tad-dejta u n-natura artiġjanali ta' parti sostanzjali tal-flotot ta' dawn iż-żewġ pajjiżi.

KONKLUżJONIJIET U RAKKOMANDAZZJONIJIET

1. Il-maġġoranza tal-Istati Membri pprovdew tifsira dettaljata tal-metodoloġiji tagħhom, b’deskrizzjoni tas-sorsi tad-dejta u tal-kontrolli tal-kwalità li ġew applikati. Il-biċċa l-kbira tad-dejta mgħoddija lill-Eurostat inġabret b'mekkaniżmi introdotti għal finijiet ta' kontroll u infurzar. Il-Eurostat jiddependi l-aktar u qabelxejn fuq is-sajjieda u fuq l-awtoritajiet nazzjonali biex jiġu żgurati l-eżattezza u l-kwalità tad-dejta.

2. L-Istati Membri ma jirrapportaw l-ebda differenzi partikolari fil-metodoloġija fir-rigward tal-informazzjoni mgħoddija lis-servizzi tal-Kummissjoni (id-DĠ MARE u Eurostat). L-użu mill-ġdid ta’dejta għal finijiet statistiċi jiżgura li ftit ikun hemm piż finanzjarju addizzjonali fuq l-industrija tas-sajd. Biex jiġi mminimizzat il-piż fuq l-Istati Membri li jipprovdu r-rapporti lill-Kummissjoni Ewropea, qed ikun hemm kull ma jmur dejjem aktar kooperazzjoni mill-qrib bejn id-DĠ MARE u ESTAT permezz tal-iżvilupp bi sħab ta' soluzzjonijiet tat-teknoloġija tal-informatika għall-ġbir u d-disseminazzjoni tad-dejta.

3. L-identifikazzjoni preċiża tal-ispeċijiet, speċjalment fil-każ ta' speċijiet minuri, hija problema attwali, kif inhu wkoll l-użu ta' kodiċi ġeneriċi għall-ispeċijiet. L-Eurostat qed idaħħal sistemi ġodda ta’ validazzjoni awtomatika għad-dejta li se jgħinu biex jindirizzaw din il-kwistjoni. Hija rakkomandata aktar investigazzjoni tar-rapportar ta’ kwantitajiet sostanzjali ta’ ħut taħt kodiċi ġeneriċi minn xi Stati Membri.

4. Is-sorsi varji tad-dejta amministrattiva jistgħu jiġu kontrollati kontra xulxin f'ġieħ il-konsistenza. Meta dawn is-sorsi tad-dejta jintuzaw f’mod integrat, dawn jistgħu jipprovdu ħarsa komprensiva u konsistenti lejn l-attivitajiet tas-sajd. Aktar kunfidenza fil-kwalità tad-dejta tiġi provduta permezz ta’ kontrokontrolli minn attivitajiet ta’ sorveljanza. L-użu li kull ma jmur qed jikber ta’ metodi elettroniċi tal-ġbir tad-dejta ssarraf f'titjib kemm fil-puntwalità kif ukoll fl-eżattezza tal-informazzjoni. F’bosta Stati Membri għaddejja ħidma biex jiġu implimentati sistemi konformi mar-rekwiżiti Ewropej li qegħdin jinbidlu.

5. It-tnaqqis fil-frekwenza tar-rapporti taffa l-piż tal-intrigu minn fuq spallejn l-Istati Membri. Id-dejta baqgħet sors prezzjuż tal-informazzjoni għall-formulazzjoni tal-politika u l-immaniġġjar tas-swieq fil-qafas tal-PKS.

ANNESS

ŻBARKI TA' PRODOTTI TAS-SAJD FL-UE U L-EFTA

Tabella 1

[pic]

* Iċ-ċifri tal-Litwanja fl-2008 għadhom qed jiġu analizzati.

Iċ-ċifri kwantitattivi jirriflettu l-piż tal-prodott.

Ċart 1

Valur totali tal-iżbarki fl-2008 — UE u EFTA

[pic]

Ċart 2

Volum totali tal-iżbarki fl-2008 — UE u EFTA

[pic]

Tabella 2

L-10 speċijiet bl-akbar volum u l-ogħla valur (UE) fl-2008

[pic]

[1] ĠU L 403, 30.12.2006, p. 1.

[2] Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2847/93 tat-12 ta' Ottubru 1993 li jistabbilixxi sistema ta' kontroll li tapplika għall-politika tas-sajd komuni. ĠU L 261, 20.10.1993, p. 1.

[3] Ir-Rapport Speċjali 7/2007 dwar is-sistemi ta’ kontroll, spezzjoni u sanzjoni relatati mar-regoli dwar il-konservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd fil-Komunità.

[4] Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1224/2009 tal- 20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1.

[5] Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2847/93.

[6] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1966/2006 tal-21 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni u r-rappurtar elettroniku tal-attivitajiet tas-sajd u dwar il-mezzi ta' telerilevament ĠU L 409, 30.12.2006, p. 1.

[7] It-tagħmir tas-sajd normalment jiġi kklassifikat f’żewġ kategoriji: passivi u attivi. Din il-klassifikazzjoni hija msejsa fuq l-imġiba relattiva tal-ispeċi fil-mira u t-tagħmir tas-sajd. B’tagħmir passiv, il-qabda tal-ħut ġeneralment tissejes fuq il-moviment tal-ispeċi fil-mira lejn l-apparat (eż. nasbiet), filwaqt li fil-każ tat-tagħmir attiv il-qabda ġeneralment tissejjes fuq segwiment immirat tal-ispeċi fil-mira (eż. tkarkir, tkaxkir).

[8] Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 409/2009 tat-18 ta’ Mejju 2009 li jistabbilixxi l-fatturi ta’ konverżjoni tal-Komunità u l-kodiċijiet ta’ preżentazzjoni użati sabiex jikkonvertu l-piż tal-ħut ipproċessat f’piż tal-ħut ħaj, u li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2807/83. ĠU L 123, 19.5.2009, p. 78 .