/* KUMM/2010/0665 finali */ RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-applikazzjoni tas-Sistema Konsultattiva għall-Farms kif definita fl-Artikoli 12 u 13 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009
[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA | Brussel 15.11.2010 KUMM(2010) 665 finali RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-applikazzjoni tas- Sistema Konsultattiva għall-Farms kif definita fl-Artikoli 12 u 13 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 WERREJ 1. Introduzzjoni 3 2. Il-qafas tal-UE għas-SKF 4 2.1. Il-qafas legali 4 2.2. Appoġġ għas-SKF mill-fondi tal-iżvilupp rurali mill-2007 sal-2013 4 3. L-implimentazzjoni tas-SKF mill-Istati Membri 5 3.1. L-istat ta’ progress tas-SKF fl-Istati Membri 5 3.2. Il-finanzjament tas-SKF 6 3.3. L-evalwazzjoni tas-SKF 6 4. It-titjib tas-SKF għall-futur 7 4.1. Kjarifika tas-SKF u s-servizzi ta’ konsulenza għall-farms 7 4.2. L-ambitu tas-SKF 7 4.3. Kjarifika ta' rwol il-konsulenti tas-SKF fir-rigward ta’ atturi oħra fil-qasam tal-kundizzjonalità 8 4.4. Il-promozzjoni tas-SKF 9 4.5. Il-ġestjoni tas-SKF 11 5. Konklużjoni 12 RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-applikazzjoni tas- Sistema Konsultattiva għall-Farms (SKF) kif definita fl-Artikoli 12 u 13 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 Introduzzjoni L-Istati Membri huma obbligati li jistabbilixxu sistema li toffri konsulenza lill-bdiewa dwar il-ġestjoni tal-art u l-farms, minn issa ’l quddiem magħrufa bħala s-Sistema Konsultattiva għall-Farms (SKF). Is-SKF hija komponent ewlieni tar-riforma tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) tal-2003 u kellha tkun introdotta sal-2007[1]. L-għan tas-SKF huwa li tgħin lill-bdiewa sabiex isiru aktar konxji tal-flussi materjali u tal-proċessi prattiċi tal-biedja relatati mal-ambjent, is-sikurezza tal-ikel u s-saħħa u l-benesseri tal-annimali. Din ġiet introdotta fl-istess żmien tas-sistema tal-kundizzjonalità, skont liema l-appoġġ tal-PAK jitħallas kompletament biss jekk il-bdiewa jissodisfaw ċerti rekwiżiti relatati mal-ambjent, is-sikurezza tal-ikel, kif ukoll is-saħħa u l-benesseri tal-annimali. Hemm żewġ miżuri politiċi ta’ żvilupp rurali mfassla sabiex jgħinu lill-Istati Membri jistabbilixxu servizzi ta’ konsulenza għall-farms u biex jgħinu lill-bdewa jagħmlu użu minnhom. Is-SKF hija, fil-fatt, għodda li tgħin lill-bdiewa biex jissodisfaw dawk ir-rekwiżiti u, għaldaqstant, biex jevitaw milli jeħlu penali finanzjarji skont il-kundizzjonalità. Skont l-Artikolu 12(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009, il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Kunsill rapport dwar l-applikazzjoni tas-SKF — akkumpanjat, jekk ikun meħtieġ, bi proposti xierqa. Dak huwa l-għan ta’ dan ir-rapport — li jinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-istat ta’ implimentazzjoni tas-SKF u li jipproponi titjib possibbli. Huwa bbażat l-aktar fuq informazzjoni li tkun waslet għand l-Istati Membri bħala tweġiba għal kwestjonarju u għal studju ta’ evalwazzjoni li sar mill-Kummissjoni[2]. Is-SKF ġiet diskussa b’mod estensiv ukoll mal-Istati Membri f’ħames workshops tas-SKF li ġew organizzati mill-Kummissjoni mill-2006 sal-2010. Dawn id-diskussjonijiet koprew il-kontenut, l-istrutturi, il-metodi u l-għodod għas-servizzi konsultattivi nazzjonali. Id-data tal-għeluq sabiex tiġi stabbilita s-sistema kienet l-1 ta’ Jannar 2007. Minħabba li l-perjodu tal-istabbiliment dam sejjer mill-2007 sal-2009, u minħabba l-kumplessità tal-informazzjoni meħtieġa, għadu mhux possibbli li tingħata analiżi dettaljata dwar il-kapaċità tas-sistemi konsultattivi għall-farms nazzjonali jew dwar is-servizzi li jipprovdu lill-bdiewa. L-għan ta’ dan ir-rapport huwa, għalhekk, mhux dak li joffri ħarsa ġenerali eżawrjenti iżda li jipprovdi bażi għal dibattitu fil-Kunsill u fil-Parlament Ewropew matul il-perjodu mill-2010 sal-2011. IL-QAFAS TAL-UE GħAS-SKF Il-qafas legali Kull Stat Membru huwa obbligat legalment li jistabbilixxi SKF nazzjonali li toffri pariri lill-bdiewa. Is-SKF għandha tkopri minn tal-inqas ir-rekwiżiti ta’ ġestjoni statutorji kif ukoll il-"kundizzjoni agrikola u ambjentali tajba" (KAAT) li hemm referenza għaliha fl-Artikoli 4 sa 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009. Madankollu, il-qasam ta’ konsulenza mhuwiex ristrett għall-istandards tal-kundizzjonalità: l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jinkludu kwistjonijiet oħrajn. Kull SKF nazzjonali tista’ titmexxa minn awtorità waħda jew aktar maħtura apposta jew inkella minn korpi privati. Mill-Kontroll tas-Saħħa tal-PAK tal-2008, kull Stat Membru huwa liberu li jiddeċiedi (fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi) liema kategoriji ta’ bdiewa għandu jkollhom aċċess ta’ prijorità għas-SKF, mingħajr ma jiġu stabbiliti kriterji oħrajn fuq il-livell tal-UE. Il-bdiewa jużaw is-SKF fuq bażi volontarja u huma jibqgħu responsabbli sabiex jaġixxu fuq il-parir li jirċievu. F’dan ir-rigward, is-SKF ma taffettwa bl-ebda mod l-obbligu u r-responsabbiltà tagħhom li jissodisfaw ir-rekwiżiti legali. Madankollu, il-qafas legali tal-UE jirrikonoxxi li l-bdiewa li jitolbu għall-konsulenza x’aktarx ikunu jafu aktar kif għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti legali. Għaldaqstant, meta jintgħażlu l-farms għall-ispezzjoni, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jikkunsidraw dawn il-bdiewa bħala dawk li jippreżentaw riskju aktar baxx. Li jiżdied l-għarfien tal-bdiewa dwar ir-rekwiżiti legali tal-UE huwa l-għan ewlieni tas-SKF. Għaldaqstant, parir għandu jkun distint b’mod ċar minn verifiki li jsiru fil-qafas tal-kundizzjonalità jew sabiex tkun żgurata l-konformità mal-leġiżlazzjoni settorjali. F’dan ir-rigward, l-Istati Membri jridu jiżguraw li l-operaturi tas-SKF ma jiżvelaw l-ebda informazzjoni personali jew individwali, jew dejta li dawn ikunu kisbu waqt il-ħidma konsultattiva tagħhom, ma’ persuni oħrajn ħlief il-bidwi li jkun qiegħed imexxi l-azjenda kkonċernata. L-unika eċċezzjoni għal din ir-regola hija jekk l-operaturi tas-SKF jiskopru xi irregolarità jew ksur li jkun kopert b’obbligu stabbilit bil-liġijiet tal-UE jew dawk nazzjonali biex jinformaw lil awtorità pubblika, b’mod partikolari fil-każ ta’ reati kriminali. Appoġġ għas-SKF mill-fondi tal-iżvilupp rurali mill-2007 sal-2013 Is-SKF kif stabbilit fl-ewwel pilastru tal-PAK tista’ tiġi ffinanzjata skont it-tieni pilastru permezz ta’ żewġ miżuri[3]. L-ewwel hemm il-miżura li tikkonfinanzja l-użu tal-bdiewa tas-servizzi konsultattivi għall-farms. Hawnhekk, l-għan huwa li l-bdiewa jkunu megħjunin ilaħħqu mal-ispejjeż li jkunu ġejjin mill-użu tas-servizzi konsultattivi biex itejbu l-prestazzjoni ġenerali tal-azjenda tagħhom. Bħala minimu, dawn is-servizzi konsultattivi għandhom ikopru r-rekwiżiti statutorji tal-ġestjoni, il-KAAT kif ukoll l-istandards tas-sigurtà fuq il-post tax-xogħol ibbażati fuq il-leġiżlazzjoni tal-UE. Dan l-appoġġ huwa limitat għal 80 % tal-ispiża eliġibbli għal kull servizz konsultattiv, sa ammont massimu ta’ EUR 1500. L-awtoritajiet u l-korpi magħżula biex jipprovdu s-servizzi konsultattivi għandu jkollhom ir-riżorsi xierqa (inkluż persunal ikkwalifikat, faċilitajiet amministrattivi u tekniċi, kif ukoll esperjenza u kredibbilità fil-konsulenza) fir-rigward tar-rekwiżiti tal-kundizzjonalità u l-istandards tas-sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Il-Kummissjoni fasslet linji gwida dwar il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ għajnuna u għall-prijoritazzjoni ta’ ċerti gruppi fil-mira, kif ukoll fuq il-frekwenza tal-konsulenza, l-użu ta’ korpi konsultattivi pubbliċi jew mhux pubbliċi u l-koordinazzjoni u s-superviżjoni ta’ dawk il-korpi. It-tieni, hemm il-miżura li tikkonfinanzja l-istabbiliment ta’ servizzi konsultattivi għall-farms. Sabiex jgħinu ħalli jiġu koperti l-ispejjeż tal-istabbiliment ta’ dawn is-servizzi, l-Istati Membri jistgħu jagħtu appoġġ digressiv fuq perjodu massimu ta’ ħames snin. L-IMPLIMENTAZZJONI TAS-SKF MILL-ISTATI MEMBRI F’Jannar 2009, sabiex tipprepara għal dan ir-rapport, il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarju strutturat dwar l-organizzazzjoni u l-istabbiliment tas-SKF fl-Istati Membri. Dan kien jinkludi, pereżempju, mistoqsijiet dwar dispożizzjonijiet legali, il-korpi responsabbli għall-koordinazzjoni, iċ-ċertifikazzjoni u l-kontroll, gruppi ta’ bdiewa ta’ prijorità, l-organizzazzjoni ġeografika, in-numru u t-tip ta’ korpi konsultattivi, l-ispeċjalizzazzjoni tagħhom, in-numru ta’ bdiewa milħuqa, il-metodi użati, il-finanzjament, eċċ.. L-Istati Membri (SM) ġew mistoqsija wkoll għadd ta’ mistoqsijiet miftuħa dwar il-problemi li ltaqgħu magħhom kif ukoll dwar is-suġġerimenti tagħhom għall-qafas tas-SKF futur. It-tweġibiet għall-kwestjonarju pprovdew id-dejta tal-implimentazzjoni għas-sena 2008. Din id-dejta u l-istudju ta’ evalwazzjoni tas-SKF ikkummissjonat mill-Kummissjoni fl-2009 jistgħu jiġu ppreżentati fil-qosor kif ġej. L-istat ta’ progress tas-SKF fl-Istati Membri F’ħafna mill-Istati Membri, is-SKF bdiet topera b’mod sħiħ fl-2008. Ix-xogħol ta’ preparazzjoni sabiex tkun stabbilita s-SKF (l-approvazzjoni tal-leġiżlazzjoni, il-pubblikazzjoni tas-sejħiet għall-offerti, l-għażla tal-korpi konsultattivi, eċċ.) sar fis-sena 2007. F'madwar nofs l-Istati Membri, is-SKF ġiet stabbilita bħala servizz speċifiku, b’mod kumplementari għas-servizzi ta’ estensjoni eżistenti. Fil-każijiet l-oħrajn, is-SKF kienet magħġuna mas-servizzi ta’ estensjoni eżistenti. B’mod ġenerali (fl-24 SM), is-SKF hija koordinata u sorveljata minn korpi pubbliċi. Il-korpi konsultattivi huma magħżula permezz ta’ sejħiet għall-offerti (14-il SM) u bil-ħatra ta’ korpi privati (5 SM) jew pubbliċi (5 SM). Ħafna mill-Istati Membri stabbilixxew il-limitu tal-kwalifiki minimi tal-konsulenti f'livell universitarju (BSc jew MSc). F’14-il Stat Membru, is-SKF tiffoka strettament fuq il-kundizzjonalità, filwaqt li fil-pajjiżi l-oħrajn, il-konsulenza tinkludi oqsma usa’, bħall-kompetittività tal-azjendi, l-impatt ambjentali tal-prattiki tal-biedja u l-appoġġ għall-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ żvilupp rurali (pereżempju, impenji agroambjentali). Iż-żewġ approċċi li ġew adottati l-aktar kienu l-konsulenza fuq il-post jew inkella konsulenza wiċċ imb’wiċċ (l-Istati Membri kollha ħlief ir-Renju Unit - l-Ingilterra) kif ukoll diskussjonijiet fi gruppi żgħar fuq il-post — b’dawn tal-aħħar ħafna drabi jikkumplementaw lil ta’ qabel. Għodod ta’ informazzjoni bbażati fuq il-kompjuter u listi ta’ verifika għenu sabiex tingħata konsulenza f’diversi SM. Fi 22 Stat Membru, l-ewwel kuntatt tal-bdiewa mas-SKF kien permezz ta’ linji tat-telefown għall-għajnuna. S’issa, ma kienx hemm wisq prijoritizzar ta’ gruppi ta’ bdiewa, ħlief għall-obbligu tal-bidu li tingħata prijorità lill-bdiewa li jirċievu iktar minn EUR 15 000 fi ħlasijiet diretti. Ċerti SM sostnew li kellhom problemi sabiex jilħqu lill-farms iż-żgħar. Fl-UE b’mod ġenerali, in-numru ta’ bdiewa li jirċievu konsulenza permezz tas-SKF kien pjuttost limitat (fl-2008 madwar 5 % tal-bdiewa li rċevew ħlasijiet diretti ngħataw konsulenza wiċċ imb’wiċċ). Il-benefiċjarji ewlenin tas-SKF kienu farms kbar, li kienu diġà familjari mas-servizzi konsultattivi eżistenti. Il-finanzjament tas-SKF Il-bdiewa kellhom aċċess liberu għall-konsulenza wiċċ imb’wiċċ fuq il-post (5 SM), jew ikkontribwixxew parzjalment għall-ispejjeż ta’ dik il-konsulenza (bejn 20 % u 50 % tal-ispejjeż kollha), jew inkella koprew dawn l-ispejjeż għal kollox (2 SM). Il-miżura li tappoġġa l-użu tas-servizzi ta’ konsulenza mill-bdiewa kienet ippjanata f’20 SM, u kopriet 1 123 000 bidwi. Il-baġit totali għal mill-2007 sal-2013 jammonta għal EUR 870.5 miljun — 0.6 % tan-nefqa pubblika totali għall-iżvilupp rurali (ŻR) — li minnha 1.3 % intnefqu fl-ewwel sentejn biex ikopru 12 250 bidwi. Il-miżura li tappoġġa l-istabbiliment ta’ servizzi ta’ ġestjoni, serħan u konsulenza kienet ippjanata minn 7 SM, b’4 SM (ES, MT, PT, IT) jiffokaw b’mod ċar fuq is-SKF. Il-baġit ta' mill-2007 sal-2013 jammonta għal EUR 172.9 miljun, jiġifieri 0.1 % tan-nefqa pubblika totali għall-iżvilupp rurali, li 2 % minnha intnefqu fl-ewwel sentejn. L-evalwazzjoni tas-SKF Ir-rapport ta’ evalwazzjoni tas-SKF ikkonkluda li, b’mod ġenerali, is-SKF għenet biex jiżdied l-għarfien tal-bdiewa dwar flussi materjali u proċessi prattiċi tal-biedja relatati mal-ambjent, is-sikurezza tal-ikel u s-saħħa u l-benesseri tal-annimali. Il-konsulenza wiċċ imb’wiċċ bl-użu ta’ listi ta’ verifika kienet ikkunsidrata bħala waħda effettiva ħafna, minħabba li dan huwa mod individwalizzat u strutturat ħafna ta’ kif tingħata l-konsulenza. F’ċerti Stati Membri, l-istabbiliment tas-SKF kien jirrappreżenta opportunità tajba sabiex dawn jerġgħu jippjanaw mill-ġdid u jtejbu s-sistemi ta’ konsulenza u ta’ informazzjoni usa’ tagħhom fis-settur tal-agrikoltura. Is-SKF għenet lill-bdiewa sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-kundizzjonalità, u din kienet ir-raġuni ewlenija biex il-bdiewa għamlu użu mis-sistema. Is-SKF tappoġġa wkoll il-kompetenzi tal-ġestjoni finanzjarja miżjuda tal-bdiewa (kontabilità) u tejbet il-mod kif huma għandhom iżommu l-kotba f’dak li għandu x’jaqsam mal-obbligi tal-kundizzjonalità. Madankollu, b’mod ġenerali l-effikaċja tas-SKF kienet għadha ristretta, minħabba li ftit kienu dawk il-bdiewa li fittxew il-konsulenza offruta. L-evalwaturi jaraw potenzjal għat-titjib minħabba li s-SKF laħqet aktar bdiewa (sa 20 % ta’ dawk li kienu qed jirċievu ħlasijiet diretti) fl-Istati Membri li implimentaw is-sistema mis-sena 2005 ’l quddiem. F’ċerti każijiet, il-finanzjament minn qabel tal-konsulenza seta’ qata’ qalb ċerti bdiewa milli jieħdu vantaġġ mis-SKF. L-evalwaturi kkunsidraw li kien prerekwiżit importanti ħafna għas-SKF li l-bdiewa tal-UE jkollhom aċċess għall-konsulenza fuq bażi volontarja, minħabba li s-segwiment ta’ parir, fin-natura tiegħu stess, huwa wieħed volontarju — f’kuntrast mas-sistemi ta’ kontroll/ċertifikazzjoni obbligatorji. S’issa, is-SKF ftit li xejn għamlet biex ittejjeb il-perċezzjoni tal-bdiewa tal-UE dwar il-PAK. Ħafna drabi, il-bdiewa raw is-SKF bħala waħda li hija strettament dwar il-kundizzjonalità u s-sistema relatata ta’ spezzjonijiet fil-farms, u dan tefagħha f’dawl negattiv. Madankollu, kien hemm każijiet fejn is-SKF irnexxielha tibni relazzjoni ta’ fiduċja u effettiva bejn il-bdiewa u l-konsulenti. Ir-rapport ta’ evalwazzjoni jirrakkomanda li l-kunċett volontarju u l-arkitettura flessibbli ġenerali tas-SKF għandhom jinżammu. IT-TITJIB TAS-SKF GħALL-FUTUR Fuq il-bażi tal-esperjenza ta’ dawn l-ewwel snin ta’ implimentazzjoni u fuq il-bażi tal-istudju ta’ evalwazzjoni, il-Kummissjoni qiegħda tagħmel il-proposti li ġejjin għat-titjib. Dawn il-proposti jistgħu jieħdu l-forma ta’ linji gwida (rakkomandazzjonijiet) għall-Istati Membri jew inkella jistgħu jeħtieġu l-emendar tal-leġiżlazzjoni attwali tal-UE. Kjarifika tas-SKF u s-servizzi ta’ konsulenza għall-farms 1. It-termini "Sistema Konsultattiva għall-Farms", u "servizzi ta’ konsulenza għall-farms" iridu jiġu ċċarati . Is-"Sistema Konsultattiva għall-Farms" tkopri l-organizzazzjoni ġenerali u d-diversi operaturi pubbliċi u/jew privati li jipprovdu "servizzi ta’ konsulenza għall-farms" lil bidwi fi Stat Membru (l-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009). L-eżistenza ta’ garanziji nazzjonali tas-SKF tiggarantixxi li kull bidwi jista’ jfittex u jirċievi parir dwar, minn tal-inqas, ir-rekwiżiti bażiċi tal-kundizzjonalità fil-qasam tal-ambjent, is-saħħa pubblika, is-saħħa tal-annimali u l-pjanti, il-benesseri tal-annimali u li l-art tinżamm f’kundizzjoni agrikola u ambjentali tajba. Huwa importanti li jkun hemm distinzjoni ċara kemm jista’ jkun bejn parir , jiġifieri r-riżultat ta’ Sistema Konsultattiva għall-Farms, u l-għoti sempliċi ta’ informazzjoni lill-bdiewa . Is-" servizzi ta’ konsulenza għall-farms" għandhom jevalwaw is-sitwazzjoni speċifika tal-bidwi u mhux jippreżentaw biss informazzjoni ġenerali. L-għoti ta’ informazzjoni dwar ir-rekwiżiti tal-kundizzjonalità diġà huwa obbligatorju skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament 73/2009. 2. Is-SKF hija mfassla biex tgħin mhux biss lill-bdiewa li jirċievu l-ħlasijiet tal-KAP iżda lill-bdiewa kollha fl-Unjoni Ewropea, inkluż (pereżempju) bdiewa li jispeċjalizzaw fit-trobbija tal-majjali li jeħtieġu parir dwar id-Direttiva dwar in-Nitrati. L-ambitu tas-SKF 3. Ir-rekwiżiti tal- kundizzjonalità u obbligi oħra li jridu jiġu rispettati mill-benefiċjarji għandhom ikunu fi ħdan l-ambitu minimu ewlieni tas-SKF u l-għanijiet tagħha, kemm għall-ewwel kif ukoll għat-tieni pilastru . Dawn ir-rekwiżiti għandhom ikunu koperti b’mod adegwat bil-parir tas-SKF. Is-SKF għandha l-ewwel u qabel kollox tgħin lill-bdiewa biex jikkonformaw mar-regoli. 4. L-elementi obbligatorji li jridu jkunu koperti mis-SKF, kemm fl-ewwel kif ukoll fit-tieni pilastru, għandhom jinkludu r-rekwiżiti minimi għall-użu ta’ fertilizzanti kif ukoll għall-użu ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti. Dawn ir-rekwiżiti jiffurmaw parti mill-kundizzjonalità għall-bdiewa li jirċievu ħlasijiet agri-ambjentali. 5. Permezz tal-fokus ta’ prijorità tagħha fir-rigward tar-rekwiżiti tal-kundizzjonalità, is-SKF diġà kopriet diversi prattiki li huma relatati mal-bidla fil-klima — prattiki li jnaqqsu l-impatt tal-agrikoltura fuq il-klima u li jgħinu lill-farms jaddattaw għall-bidla u għal kundizzjonijiet klimatiċi aktar varjabbli[4]. L-istandards attwali tal-KAAT huma essenzjali sabiex iżommu l-karbonju organiku fil-ħamrija agrikola u biex jiżguraw l-użu sostenibbli tagħhom. Madankollu, ikun tajjeb li wieħed jinkludi azzjoni speċifika dwar it-tibdil fil-klima fil-qafas tas-SKF , pereżempju l-analiżi ta’ prattiki tajba u li jsiru eżerċizzji ta’ promozzjoni speċifika dwar il-farms, inkluż l-għoti ta’ konsulenza relatata mat-teknoloġija. Mod wieħed kif jista’ jiġi żgurat li l-Istati Membri jiżviluppaw dawn il-kapaċitajiet huwa li tiġi inkluża referenza speċifika f’test legali li jenfasizza din il-ħtieġa . Il-konsulenti jistgħu jkunu utli ħafna sabiex jagħmlu sinteżi tal-prattiki tajba u jagħmluhom aktar familjari għall-bdiewa. Lista ta’ prattiki tajba tista’ tinġabar fil-qosor fuq il-livell tal-UE. Il-konsulenti jistgħu jiġu obbligati li jsegwu taħriġ speċifiku sabiex jifhmu u jxerrdu prattiki agrikoli importanti relatati mat-tibdil fil-klima. Kjarifika ta' rwol il-konsulenti tas-SKF fir-rigward ta’ atturi oħrajn fil-qasam tal-kundizzjonalità 6. L-Istati Membri għandhom jiġu mfakkra dwar id-distinzjoni loġika bejn kontroll (verifiki u spezzjonijiet) u parir. Irid ikun hemm separazzjoni ċara bejn parir u kontrolli . Fi kwalunkwe każ, il-bidwi huwa responsabbli għall-azzjonijiet tiegħu stess. 7. Huwa importanti li tinżamm ir-regola preżenti li dejta individwali minn farms li tkun saritilhom żjara m’għandha fl-ebda ċirkostanza tiġi trażmessa mill-konsulenti lill-ispetturi. Anke jekk din tkun saret b’mod anonimu xorta waħda titqies bħala ksur ta’ kunfidenzjalità . Il-fatt li l-konsulenti jiġu pprovduti b’dejta dwar spezzjonijiet fil-farms individwali, għandha t-tendenza li tkun kontroproduttiva, minħabba li jista’ teqred il-fiduċja meħtieġa fil-konsulent. L-evidenza turi li l-Istati Membri mhux dejjem fehmu dawn il-prinċipji b’mod sħiħ. 8. L-għoti ta' dejta aggregata lill-konsulenti minn spezzjonijiet f'farms jista’ jkun utli, iżda ma għandux isir obbligatorju . Jekk il-konsulent jistaqsi għal din sabiex ikun jista’ jagħti parir aħjar, il-korp ta’ spezzjoni jista’ jgħaddi dejta aggregata, pereżempju t-tipi ta’ nonkonformità li wieħed l-aktar jiltaqa’ magħhom b’mod l-aktar spiss. 9. Il-konsulenti tas-SKF m’għandhomx jillimitaw l-isforzi tagħhom biex jgħinu lill-bdiewa ħalli jissodisfaw l-obbligi prattiċi tagħhom taħt il-kundizzjonalità, iżda għandhom jispjegaw ukoll l-għanijiet ta’ dawn l-obbligi u l-politiki bażi, u kif dawn jikkontribwixxu għal agrikoltura sostenibbli . Bidwi li jifhem ir-razzjonal wara l-obbligi speċifiċi jkollu tendenza akbar li jissodisfhom. 10. Qegħdin ifeġġu temi ġodda ta’ konsulenza u bidwi se jkun jeħtieġ għajnuna fuq skala wiesgħa ta’ kwistjonijiet — minn punti ekonomiċi u ekoloġiċi għall-konservazzjoni tan-natura. Il-konsulenti tas-SKF mhux sejrin ikunu jistgħu jwieġbu l-mistoqsijiet kollha, iżda jridu jkunu infurmati tajjeb u jridu jkunu kapaċi jaġixxu bħala "prattikant ġenerali", li jidderieġu lill-bdiewa jekk ikun meħtieġ għal għand konsulenti speċjalizzati . Pereżempju, meta bidwi jkun jeħtieġ li jorjenta (jew jorjenta mill-ġdid) il-produzzjoni tiegħu u jkun jeħtieġ parir dwar is-swieq agrikoli, il-konsulent tas-SKF għandu jkun kapaċi jpoġġi lill-bidwi f’kuntatt mas-servizzi li jispeċjalizzaw f’dawn il-materji, jew jiggwidah lejn sorsi ta’ informazzjoni rilevanti , pereżempju dejta dwar il-produzzjoni. Approċċ simili jista’ jiġi rakkomandat għall-biedja organika. Pereżempju, il-bdiewa jistgħu jkunu jeħtieġu parir dwar kif wieħed ikun jista’ jaqleb għall-produzzjoni organika, jew dwar opportuniatjiet ta’ suq u prattiki ta’ biedja aħjar (ara wkoll il-proposta 19). Il-korpi li jikkoordinaw is-SKF għandu jkollhom rwol importanti sabiex jgħinu lill-konsulenti jingħaqdu f’netwerk , pereżempju billi jipprovdu d-dettalji ta’ kuntatt ta’ konsulenti speċjalizzati u billi jindikaw f’liema oqsma huma speċjalizzati. Il-promozzjoni tas-SKF 11. L-ambitu tal-miżura dwar l-użu tas-servizzi konsultattivi għall-farms kif definit fl-Artikolu 24 tar-Regolament 1698/2005 għandu jiġi ċċarat. Irid ikun iċċarat li l-bidwi mhuwiex obbligat li jsegwi parir dwar kull rekwiżit tal- kundizzjonalità biex ikun intitolat jirċievi appoġġ għall-użu ta’ servizz konsultattiv għall-farm[5]. Dan għandu jnaqqas il-piż amministrattiv tal-miżura għall-bdiewa u l-amministrazzjonijiet, kif ukoll l-ispejjeż għall-bdiewa. Il-bidwi jista’ japplika aktar malajr għar-rimborż għas-sehem tiegħu/tagħha tal-ispejjeż tal-konsultazzjoni, minħabba li mhuwiex sejjer jibqa’ obbligu li wieħed joqgħod jistenna sakemm ikunu ġew koperti l-oqsma kollha tal-kundizzjonalità. Madankollu, il-korpi li jikkoordinaw is-SKF u l-konsulenti għandhom jibqgħu jagħtu l-attenzjoni meħtieġa għal dawk l-obbligi li huma oqsma ewlenin għas-SKF, minħabba li jista’ jkun li l-bdiewa li jitolbu parir mhux dejjem jistgħu jintebħu li huma jkunu jeħtieġu pariri li jkunu speċifikament fuq il-kundizzjonalità. 12. Fl-istess waqt, il- kopertura obbligatorja tal-istandards tas-sigurtà fuq il-post tax-xogħol skont it-tieni miżura tat-tieni pilastu rigward l-użu tas-SKF għandha tkun flessibbli u ristretta għall-elementi rilevanti. 13. Il-frekwenza tat-teħid tal-miżura rigward l-użu tas-servizzi konsultattivi għall-farms għandha titħalla miftuħa . S’issa, l-Istati Membri pprogrammaw minn żewġ sa tliet servizzi konsultattivi għall-perjodu ta’ żvilupp rurali mill-2007 sal-2013. Ta’ min jiċċara li l-bidwi jista’ jitlob għal servizzi oħra, pereżempju għal minn tal-inqas darba fis-sena. Il-flessibbiltà li wieħed jitlob għal konsulenza b’mod aktar frekwenti, flimkien mal-flessibbiltà fl-ambitu obbligatorju għal kull servizz konsultattiv kif imsemmi fil-proposta (11), se jagħmlu l-miżura aktar immirata u attraenti. L-ispiża ta’ kull servizz konsultattiv se titnaqqas minħabba li din tkun limitata biex tipprovdi parir immirat meta l-bidwi jkun jeħtieġu verament. 14. L-ambitu tal-kundizzjonalità twessa’ mill-2003 ’l hawn. L-ispejjeż żdiedu wkoll u l-istenniji mill-konsulenza tas-SKF li tmur lil hinn mill-kundizzjonalità huma ogħla milli kienu fl-2003, meta wieħed iqis l-isfidi ġodda bħalma huma t-tibdil fil-klima, problemi relatati mal-ilma, il-ħtieġa li tiġi protetta l-biodiversità, eċċ[6]. L-Istati Membri qegħdin jitlobu lill-UE sabiex iżżid il-baġit għall-konsulenza lill-farms. Il-konsegwenza tal-proposti (11) sa (13) għandha takkomoda din id-domanda miżjuda : il-bdiewa jistgħu jirċievu l-konsulenza mmirata b’mod aktar frekwenti, u fuq skala usa’ ta’ temi, fil-limitu tal-ammont massimu ta’ appoġġ ta’ EUR 1500 bħala appoġġ għal servizz konsultattiv għall-farms[7]. 15. Il-Kummissjoni trid tenfasizza li s-SKF hija importanti wkoll għall-bdiewa ż-żgħar. Bħalissa dan il-grupp mhuwiex qiegħed jintlaħaq kif suppost bis-servizzi tas-SKF, madankollu l-bdiewa ż-żgħar huma importanti daqs l-oħrajn fir-rigward tal-ħtieġa li jikkonformaw u n-nuqqas ta’ għarfien li jista’ jkollhom rigward l-obbligi tagħhom. Il-miżuri proposti hawnhekk huma intiżi wkoll sabiex jindirizzaw dan il-punt, madankollu l-Istati Membri għandhom ikunu proattivi u jirriflettu dwar kif għandhom jolqtu lil dawk il-bdiewa li jkunu għadhom ma ntebħux bil-ħtieġa tagħhom għall-konsulenza. 16. L-Istati Membri għandhom jagħmlu aktar sabiex jippromwovu s-SKF , pereżempju billi jinkludu lista ta’ korpi konsultattivi meta jibagħtu l-formoli tal-applikazzjoni lill-bdiewa jew billi jagħmlu arranġamenti biex l-ispetturi tal-farms jagħtu lill-bidwi dik il-lista jekk dawn jiskopru li hemm xi ksur. 17. Biex il-bdiewa jkollhom aktar għarfien dwar is-SKF, l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 għandu jinkludi l-obbligu fuq l-Istati Membri li jipprovdu lill-bdiewa l-lista ta’ konsulenti tas-SKF . Il-ġestjoni tas-SKF 18. Il-Kummissjoni tirrakkomanda bil-qawwa li l-korpi li jikkoordinaw is-SKF għandhom jorganizzaw taħriġ ta’ segwitu bażiku u regolari għal kull konsulent, minn tal-inqas fuq il-punti kollha relatati mal- kundizzjonalità. Dan it-taħriġ għandu jkopri kemm l-obbligi attwali tal-bdiewa kif ukoll il-politiki li jsaħħuhom. It-taħriġ huwa meħtieġ b’mod partikolari fil-qasam ta’ azzjoni ġdida li tiġi ttrattata, pereżempju, bit-tibdil fil-klima. 19. L-Istati Membri għandhom joħolqu sinerġiji bejn strumenti differenti bħall-konsulenza, it-taħriġ, l-informazzjoni, is-servizzi ta’ estensjoni u r-riċerka , filwaqt li jkunu rispettati l-karatteristiċi ta’ kull strument iżda li jintegrahom b’mod koerenti. Barra minn hekk, l-informazzjoni mill-konsulenti dwar l-implimentazzjoni prattika tar-rekwiżiti tal-kundizzjonalità tista’ tkun ta’ użu partikolari għall-awtoritajiet li jmexxu s-SKF u l-kundizzjonalità. Għaldaqstant huwa importanti li l-atturi fil-qasam tal-kundizzjonalità, bħalma huma l-konsulenti, il-korpi li jikkoordinaw is-SKF u l-awtoritajiet ġestjonali tal-kundizzjonalità, għandhom jaqsmu bejniethom l-għarfien tagħhom dwar l-implimentazzjoni prattika tar-rekwiżiti tal-kundizzjonalità. Dawn jistgħu, pereżempju, jorganizzaw sessjonijiet regolari ta’ skambju ta’ informazzjoni, darba jew darbtejn fis-sena. 20. Biex tiġi żgurata l-koerenza bejn il-pilastri, id-dispożizzjoni implimentattiva tat-tieni pilastru rigward il-kwalifiki xierqa tal-persunal li l-konsulenti tas-SKF għandu jkollhom tista’ tiġi estiża għar-regoli tal-ewwel pilastru għas-SKF[8]. 21. L-Istati Membri huma mfakkra li l-Kummissjoni, filwaqt li ma tixtieqx iżżid piż amministrattiv ieħor, tikkunsidra bħala essenzjali li s-SKF tiġi evalwata u mmonitorjata , b’mod partikolari minħabba d-diskussjonijiet marbuta mal-futur tas-SKF kif ukoll il-miżuri tas-servizz ta’ konsulenza għall-farms fil-PAK ta’ wara l-2013. Din l-evalwazzjoni m’għandhiex twassal għal skambju ta’ dejta mhux meħtieġ dwar ir-rekords ta’ farms individwali u lanqas għal piż amministrattiv żejjed. Madankollu, huwa ta’ importanza kbira li tiġi żgurata l-effikaċja tas-SKF billi ssir valutazzjoni tal-kwantità u l-kwalità ta’ konsulenza mogħtija (pereżempju l-utilità tagħha u l-livell ta’ sodisfazzjon tal-bidwi). KONKLUżJONI Fid-dawl tal-evalwazzjoni stabbilita f’dan ir-rapport, il-Kummissjoni tikkunsidra li s-SKF hija għodda essenzjali sabiex il-PAK tkun implimentata b’suċċess. Il-bdiewa huma appoġġati fl-isforzi tagħhom biex jikkonformaw mar-rekwiżiti legali tal-UE li jirrigwardaw l-ambjent, is-sikurezza tal-ikel kif ukoll is-saħħa u l-benesseri tal-annimali. Meta tgħinhom f’dawn ir-rekwiżiti tal-"kundizzjonalità", is-SKF tkun qiegħda tgħin lill-bdiewa milli jitilfu l-ħlasijiet tal-PAK. Bidwi li jirċievi parir x’aktarx ikun fehem aktar l-obbligi tiegħu fir-rigward tal-kundizzjonalità, u għaldaqstant ikun aktar lest li jikkonforma magħhom. Ċertament li s-servizzi ta’ konsulenza mhumiex xi ħaġa ġdida f’ħafna mill-Istati Membri, iżda setgħu kienu qegħdin iseħħu biċċa biċċa. Meta jobbliga lil kull Stat Membru li jkollu SKF fis-seħħ, il-leġiżlatur ikun jista’ jadotta approċċ ġenerali li jkun aktar strateġiku. L-isforzi li qegħdin isiru fl-Istati Membri juru r-rwol importanti li s-sistema u l-korpi li jikkoordinaw is-SKF għandhom sabiex jgħinu lill-bdiewa ħalli jifhmu u jimplimentaw ir-regoli tal-UE. Il-fażi tal-bidu kienet teħtieġ sforz konsiderevoli, speċjalment minn Stati Membri fejn fl-imgħoddi ftit li xejn kienu jesżistu servizzi ta’ konsulenza. Għal Stati Membri oħrajn, li tiġi stabbilita SKF kienet aktar kwistjoni ta’ kif jiġu koordinati s-servizzi eżistenti sabiex il-bdiewa jkollhom punt ta’ kuntatt wieħed għall-konsulenza rigward kwistjonijiet prattiċi. Barra minn hekk, bl-isfidi l-ġodda li qegħdin jiżviluppaw, l-istennijiet mis-servizzi ta’ konsulenza żdiedu mill-2003 ’l hawn. Għaldaqstant, is-SKF għandha tiżviluppa u tinkludi b’mod proattiv punti li jmorru lil hinn mir-rekwiżiti legali tal-kundizzjonalità. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tagħmel ir-rakkomandazzjonijiet li ġejjin lill-Istati Membri: - L-ambitu tas-SKF jinżamm wiesa’ filwaqt li r-regoli jiġu rrispettati bħala l-ambitu minimu prinċipali. - Jiġi enfasizzat ir-rwol tal-konsulent tas-SKF bħala "prattikant ġenerali" li jidderieġi lill-bdiewa, jekk ikun meħtieġ, għal għand konsulenti speċjalizzati. - Id-dejta aggregata li tiġi minn spezzjonijiet fil-farms tintuża sabiex il-konsulenza li tingħata tkun immirata aħjar, filwaqt li tiġi kkunsidrata l-importanza kbira li tiġi rispettata l-kunfidenzjalità tad-dejta tal-konsulenza. Il-konsulent tas-SKF għandu jaġixxi bħala "prattikant ġenerali", li jgħaqqad l-aspetti differenti kollha tal-agrikoltura permezz ta’ approċċ olistiku. Dan għandu jispjega lill-bdiewa mhux biss ir-rekwiżiti tal-UE iżda wkoll l-għanijiet tagħhom u l-politiki bażi tagħhom. - Is-SKF titmexxa ’l quddiem permezz ta’ miżuri speċifiċi, bħal li jittieħdu l-opportunitajiet xierqa biex il-bdiewa jingħataw il-lista ta’ konsulenti, filwaqt li tiżgura li l-farms iż-żgħar jintlaħqu wkoll. - Titjieb il-ġestjoni tas-SKF, u jiġi żgurat li l-għarfien jiġi skambjat bejn l-atturi kollha fil-qasam tal-kundizzjonalità. Il-korpi li jikkoordinaw is-SKF għandhom isaħħu s-sinerġiji bejn id-diversi strumenti bħall-konsulenza, it-taħriġ, l-informazzjoni, is-servizzi ta’ estensjoni u r-riċerka. Huwa important ħafna li ssir evalwazzjoni tas-SKF u li din tkun immonitorjata. Il-Kummissjoni tikkunsidra wkoll li l-azzjonijiet li ġejjin huma wkoll meħtieġa: - It-termini "SKF" u "servizzi ta’ konsulenza għall-farms" għandhom jiġu ċċarati, fejn għandu jkun hemm distinzjoni ċara bejn parir u sempliċiment għoti ta’ informazzjoni dettaljata, u għandu jkun żgurat li s-SKF tkun qed tolqot lill-bdiewa kollha fl-UE. - Fl-ambitu minimu tas-SKF ikunu inklużi r-rekwiżiti minimi għall-fertilizzanti u għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti kif stabbilit fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, u tiġi enfasizzata l-ħtieġa għal azzjoni speċifika dwar it-tibdil fil-klima. - Jiġi spjegat ir-rwol tal-konsulenti tas-SKF fir-rigward ta’ atturi oħra fil-qasam tal-kundizzjonalità, fejn tiġi rakkomandata separazzjoni ċara bejn parir u spezzjonijiet fil-farms. - Is-SKF tiġi promossa billi tiġi introdotta l-flessibbiltà fil-kontenut u l-frekwenza ta’ kemm għandha tintuża l-miżura ta’ konsulenza, u billi l-Istati Membri jiġu obbligati li jipprovdu lill-bdiewa bil-lista ta’ konsulenti tas-SKF. - Titjieb il-ġestjoni tas-SKF permezz tal-ħtieġa li l-konsulenti jkunu kwalifikati kif suppost u jingħataw taħriġ regolari, b’sessjonijiet ta’ taħriġ li jiġu organizzati mill-korpi li jikkoodrinaw is-SKF. Dawn l-azzjonijiet jistgħu jwasslu għal bidliet leġiżlattivi fil-pakkett ta’ wara l-2013. [1] L-Artikoli 13-16 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003. [2] http://ec.europa.eu/agriculture/eval/reports/fas/index_en.htm. [3] L-Artikoli 24 u 25 u l-premessi 18 u 19 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005. [4] Pereżempju, l-istandard dwar il-protezzjoni tal-mergħa permanenti, l-istandard għat-tinwib u l-uċuħ għall-kultivazzjoni intermedja, l-istandard minimu għall-kopertura tal-ħamrija, tnaqqis ta’ art li ma tinħadimx taħt l-istandard minimu tal-ġestjoni tal-art, standards dwar il-ġestjoni tar-residwu tal-uċuħ, standards dwar iż-żamma ta’ materja organika tal-ħamrija u rekwiżiti taħt id-Direttiva dwar in-Nitrati li jikkonċernaw l-applikazzjoni u l-ħażna tad-demel. Dawn ir-rekwiżiti kollha jistabbilixxu limiti fuq il-prattiki li għandhom impatti fuq l-emissjonijiet tal-GHG fuq il-livell tal-farm. Dawn huma koperti taħt is-SKF permezz tal-prijorità għar-rekwiżiti tal-kundizzjonalità. [5] Bħala parti mill-proċess ta’ simplifikazzjoni tal-2009, kien hemm diskussjoni dwar jekk il-konsulenza kofinanzjata mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) għandhiex tkun obbligata li tkopri l-oqsma kollha tal-kundizzjonalità u tal-istandards kollha tas-sikurezza fuq il-post tax-xogħol, kif stabbilit fl-Art. 24 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005. Bħala parti mill-proċess ta’ allinjament f’Settembru 2010, il-Kummissjoni beħsiebha temenda r-Regolament tal-Kunsill 1698/2005 sabiex il-miżura tkun magħmula aktar flessibbli. [6] Waħda mill-azzjonijiet previsiti fil- White Paper tal-2009: "L-Adattament għat-tibdil fil-klima" (COM(2009) 147) hija li " jsir eżami tal-kapaċità tas-Sistema ta’ Konsulenza tal-Farm sabiex tirrinforza t-taħriġ, l-għarfien u l-adozzjoni ta’ teknoloġiji ġodda li jiffaċilitaw l-adattament" . Aktar dettalji jidhru fid-Dokument ta’ Ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tad-DĠ AGRI li jakkumpanja l- White Paper : ‘L-adattament għat-tibdil fil-klima: l-isfida għall-agrikoltura u għaż-żoni rurali Ewropej’ (SEC(2009) 417). [7] L-Artikolu 24 u l-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 1698/2005. [8] Ir-regoli implimentattivi tat-tieni pilastru skont l-Artikolu 15 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1974/2006 jispeċifikaw li s-servizzi ta’ konsulenza għall-farms li jkunu kofinanzjati " għandu jkollhom riżorsi xierqa fil-forma ta’ persunal ikkwalifikat" . Il-linji gwida għal din il-miżura jeħtieġu li l-kwalifiki tal-persunal jistgħu jiġu stabbiliti permezz ta’ livell minimu ta’ edukazzjoni jew ċertifikazzjoni. Il-miżura tat-tieni pilastru dwar l-użu tas-servizzi ta’ konsulenza għall-farms qiegħda tiġi applikata f’20 Stat Membru.