52010DC0620

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Is-sitt rapport dwar iż-żamma ta’ obbligi ta’ viża minn ċerti pajjiżi terzi bi ksur tal-prinċipju tar-reċiproċità /* KUMM/2010/0620 finali */


[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 5.11.2010

KUMM(2010) 620 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Is-sitt rapport dwar iż-żamma ta’ obbligi ta’ viża minn ċerti pajjiżi terzi bi ksur tal-prinċipju tar-reċiproċità

WERREJ

1. Introduzzjoni 3

2. Riżultati miksuba mill-ħames rapport tal-Kummissjoni dwar ir-reċiproċità 3

2.1. L-Awstralja 3

2.2. Il-Brażil 5

2.3. Il-Brunej Darussalam 6

2.4. Il-Kanada 6

2.5. Il-Ġappun 9

2.6. L-Istati Uniti tal-Amerika (US) 10

3. Konklużjoni 12

INTRODUZZJONI

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001, tal-15 ta’ Marzu 2001, li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri (l-Anness 1 għar-Regolament, il-“lista negattiva”) u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati minn dik il-ħtieġa (l-Anness II għar-Regolament, il-“lista pożittiva”)[1], huwa l-istrument bażiku tal-politika komuni tagħna dwar il-viża, li jipprovdi mekkaniżmu ta’ reċiproċità għal każijiet fejn pajjiż terz li qiegħed fuq il-lista pożittiva jżomm jew jintroduċi obbligu tal-viża għaċ-ċittadini ta’ Stat Membru wieħed jew iktar[2].

L-ewwel erba’ rapporti[3] wrew progress gradwali li nkiseb bis-soluzzjoni ta’ kwistjonijiet ta’ nuqqas ta’ reċiproċità. Il-ħames rapport dwar ir-reċiproċità tal-viża[4] tad-19 ta’ Ottubru 2009 wera li ħames pajjiżi terzi fuq il-lista pożittiva biss baqgħu jeżiġu l-viżi mingħand iċ-ċittadini ta’ Stat Membru wieħed jew iktar.

Fl-istess data, il-Kummissjoni adottat rapport ad hoc dwar l-impożizzjoni mill-ġdid tal-obbligu tal-viża mill-Kanada għaċ-ċittadini Ċeki[5]. Għall-ewwel darba, pajjiż terz fuq il-lista pożittiva kien impona mill-ġdid obbligu ta’ viża għaċ-ċittadini ta’ Stat Membru sa mill-introduzzjoni tal-mekkaniżmu l-ġdid tar-reċiproċità tal-viża fl-2005. Il-Kummissjoni kkonkludiet li jekk il-Kanada ma kinitx se tieħu passi pożittivi sabiex tiffaċilita l-formalitajiet għaċ-ċittadini Ċeki li jixtiequ jżuru l-Kanada u ma tistabbilixxix serje ta’ miżuri sabiex jerġa’ jiġi permess vjaġġar mingħajr viża għalihom sa tmiem l-2009, il-Kummissjoni kienet se tirrakkomanda li jiġi impost jew li jiġi impost mil-ġdid obbligu ta’ viża għal ċerti kategoriji ta’ ċittadini Kanadiżi.

Iż-żewġ rapporti kienu ppreżentati lill-Kunsill tal-ĠAI fit-23 ta’ Ottubru 2009. Il-Kunsill talab lill-Kummissjoni biex tkompli bl-isforzi tagħha ħalli tintlaħaq reċiproċità sħiħa fil-każ tal-pajjiżi terzi li qed ikomplu jimponu obbligu ta’ viża bi ksur tal-prinċipju tar-reċiproċità, inkluż, b’mod partikolari, billi jerġa’ jiġi stabbilit vjaġġar mingħajr viża għaċ-ċittadini Ċeki rigward il-Kanada.

Dan is-sitt rapport dwar ir-reċiproċità tal-viża jevalwa r-riżultati tal-isforzi li saru mid-19 ta’ Ottubru 2009.

RIżULATI MIKSUBA MILL-ħAMES RAPPORT TAL-KUMMISSJONI DWAR IR-REċIPROċITÀ

L-Awstralja

Is-sitwazzjoni preżenti

Mis-27 ta’ Ottubru 2008, iċ-ċittadini tal-Istati Membri u tal-pajjiżi assoċjati ta’ Schengen kollha għandhom id-dritt li jużaw is-sistema tal- eVisitor irrispettivament mill-istatus preċedenti tagħhom (jiġifieri, Awtorizzazzjoni Elettronika għall-Ivvjaġġar (ETA) jew viża elettronika (eVisa))[6]. L-eVisitor hija awtorizzazzjoni biex wieħed iżur l-Awstralja għal finijiet turistiċi jew ta’ negozju, għal perjodu massimu ta’ tliet xhur għal kull dħul. L-eVisitor hija valida għal tnax-il xahar mid-data meta tingħata.

L-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-eVisitor

Sa mill-introduzzjoni tas-sistema tal-eVisitor l-Awstralja pprovdiet lill-Kummissjoni b’rapporti regolari dwar l-istatistiċi tal-applikazzjonijiet għall-e-Visitor li jkopru lill-Istati Membri kollha. It-tielet rapport li jkopri l-perjodu bejn l-1 ta’ Lulju 2009 u l-31 ta’ Ottubru 2009 kien ipprovdut fit-18 ta’ Jannar 2010. Matul dan il-perjodu ngħataw 132 036 awtorizzazzjoni għal eVisitor, li minnhom 88,54% ingħataw b’mod awtomatiku. Ħlief għaċ-ċittadini tar-Rumanija (28,99%), tal-Bulgarija (40,95%) u tas-Slovakkja (69,92%), ir-rata tal-awtokonċessjoni ( autogrant ) hija ta’ iktar minn 82%, biċ-ċittadini Griegi jkollhom l-ogħla rata b’95,59%. Minħabba d-diffikultajiet iddikjarati ta' integrità rigward l-applikanti minn uħud mill-Istati Membri, l-Awstralja ddeċidiet li tipproċessa numru ikbar mill-applikazzjonijiet tagħhom b’mod manwali u teżaminahom iktar bir-reqqa. Ġew irrifjutati 745 applikazzjoni, li minnhom 263 saru minn ċittadini Rumeni. Barra minn hekk, l-istatistiċi juru li r-Rata Modifikata ta’ Nuqqas ta’ Ritorn (MNRR[7]) kienet ta’ 0,71% filwaqt li l-Latvja kellha l-ogħla rata b’5,63%.

Barra minn hekk, ngħatat ħarsa ġenerali lejn l-ewwel sena sħiħa tal-eVisitor (is-27 ta’ Ottubru 2008 – il-31 ta’ Ottubru 2009). Matul dik is-sena, saru 358 273 applikazzjoni, li minnhom 86,94% ngħataw awtomatikament. Kienu nnotati 1 863 rifjut, li minnhom 761 kienu għal ċittadini Rumeni. L-MNRR medja kienet ta’ 0,59%, filwaqt li r-Rumanija kellha l-ogħla rata ta’ 4,83%. L-Awstralja ddikjarat li għalkemm ma nqalgħet l-ebda diffikultà addizzjonali ta' integrità matul l-ewwel sena, għandu jkun hemm monitoraġġ kontinwat tal-applikazzjonijiet miċ-ċittadini Bulgari u Rumeni.

Fl-4 ta’ April 2010, l-Awstralja pprovdiet ir-raba’ rapport li jkopri l-perjodu bejn l-1 ta’ Lulju 2009 u l-31 ta’ Jannar 2010. Matul dan il-perjodu ngħataw 255 178 awtorizzazzjoni għal eVisitor, li minnhom 87,69% ngħataw awtomatikament. Ir-Rumanija (25,63%) u l-Bulgarija (36,61 %) kellhom l-iktar rati baxxi ta’ awtokonċessjonijiet. Ir-Rumanija kellha l-ogħla MNRR b’6,23% u l-Bulgarija kellha rata ta’ 3,72%, filwaqt li r-rata medja kienet ta’ 0,75%.

Fl-10 ta’ Ġunju 2010, l-Awstralja pprovdiet il-ħames rapport li kien ikopri l-perjodu bejn l-1 ta’ Lulju 2009 u t-30 ta’ April 2010, u l-perjodu bejn l-1 ta’ Lulju 2008 u t-30 ta’ April 2009. Paragun ta’ dawk iż-żewġ perjodi juri li r-rata ta’ awtokonċessjonijiet żdiedet minn 85,32% għal 87,09%. Madankollu, ir-rati ta’ awtokonċessjonijiet għall-applikanti Bulgari u Rumeni naqset b’mod sinifikanti rispettivament minn 87,30% għal 35,38%, u minn 78,57% għal 27,94%. Dan jirrifletti l-fatt li, minħabba d-diffikultajiet dwar l-integrità ddikjarati, l-Awstralja qed tipproċessa numru ikbar mill-applikazzjonijiet tagħhom b’mod manwali. Barra minn hekk, l-Awstralja ddikjarat li l-applikazzjonijiet taċ-ċittadini Latvjani wkoll qed jibdew jagħtu lok għal diffikultajiet dwar l-integrità.

Il-valutazzjoni ta’ jekk l-eVisitor tammontax għall-proċedura ta’ applikazzjoni għall-viża ta’ Schengen qed tiġi ffinalizzata u se titressaq f’dokument separat dalwaqt.

Valutazzjoni

Fil-prinċipju, l-eVisitor tipprovdi trattament ugwali taċ-ċittadini tal-Istati Membri u tal-pajjiżi assoċjati ta’ Schengen kollha. Barra minn hekk, il-perċentwali medja tal-awtokonċessjonijiet tibqa’ ferm għolja. Madankollu, ir-rapporti juru li minħabba d-diffikultajiet tal-Awstralja dwar l-integrità, l-applikazzjonijiet miċ-ċittadini ta’ wħud mill-Istati Membri qed jiġu pproċessati prinċipalment b’mod manwali sabiex ikunu jistgħu jiġu eżaminati ulterjorment. Il-Kummissjoni għalhekk se tkompli timmonitorja mill-qrib l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-eVisitor.

Il-Brażil

Is-sitwazzjoni preżenti

Iċ-ċittadini ta’ erba’ Stati Membri (Ċipru, l-Estonja, il-Latvja u Malta) għadhom jeħtieġu viża biex jidħlu fil-Brażil.

Il-passi li ttieħdu biex tinkiseb ir-reċiproċità

Fl-aħħar sessjoni ta’ negozjati li saru fi Brasilia bejn id-29 ta’ Settembru u l-1 ta’ Ottubru 2009, kien iffinalizzat it-test ta’ ftehim għall-eżenzjoni minn viża għal mawra qasira għal detenturi ta’ passaporti ordinarji bejn l-Unjoni Ewropea u l-Brażil u b’hekk ġew konklużi n-negozjati. In-negozjati dwar il-ftehim għall-eżenzjoni minn viża għal detenturi ta’ passaporti diplomatiċi, ta’ servizz jew uffiċjali kienu ffinalizzati fid-19 ta’ Novembru 2009.

Il-kwistjoni li fadal ta’ dikjarazzjoni unilaterali tal-Unjoni Ewropea li għandha tkun ikkomunikata lill-Brażil sabiex ikunu salvagwardjati l-ftehimiet bilaterali eżistenti (li jipprovdu għal eżenzjoni minn viża għal kategoriji ta’ vjaġġaturi li mhumiex koperti mill-Ftehim UE-Brażil) ġiet solvuta permezz ta’ skambju ta’ ittri bejn il-Kummissjoni u l-Brażil bejn Frar u April 2010. Fl-ittra tagħha, il-Kummissjoni Ewropea ddikjarat li l-Unjoni Ewropea tista’ tissospendi l-ftehim għad-detenturi ta’ passaporti ordinarji jekk il-Brażil jibda jiddenunzja l-ftehimiet bilaterali eżistenti. Fit-tweġiba tiegħu, il-Brażil ħa nota tad-dikjarazzjoni tal-UE u afferma mill-ġdid l-intenzjoni tiegħu li jinnegozja mill-ġdid uħud mill-ftehimiet bilaterali fuq bażi ta’ każ b’każ, f’kooperazzjoni mal-parti l-oħra.

Fit-28 ta’ April 2010, iż-żewġ ftehimiet ġew inizjalati formalment.

Fis-6 ta’ Awwissu 2010, il-Kummissjoni adottat l-abbozzi tad-deċiżjonijiet dwar l-iffirmar u l-konklużjoni ta’ żewġ ftehimiet UE-Brażil għall-eżenzjoni minn viża għal mawra qasira. Id-deċiżjonijiet dwar l-iffirmar kienu adottati mill-Kunsill waqt il-laqgħa tal-Kunsill tal-ĠAI fis-7 u fit-8 ta’ Ottubru 2010, li se jagħtu l-possibbiltà lin-naħa tal-UE biex tiffirma formalment il-ftehimiet mal-Brażil.

Valutazzjoni

Il-Kummissjoni tilqa’ b’sodisfazzjon l-inizjalizzazzjoni tal-ftehimiet rispettivi għall-eżenzjoni minn viża għal mawra qasira għal detenturi ta’ passaporti ordinarji u għal detenturi ta’ passaporti diplomatiċi, ta’ servizz jew uffiċjali. Il-Kummissjoni tittama li ż-żewġ partijiet se jkunu jistgħu jirratifikaw iż-żewġ ftehimiet permezz tal-proċeduri interni tagħhom mill-iktar fis possibbli, sabiex ikun żgurat li ċ-ċittadini tal-Istati Membri kollha se jkunu jistgħu jivvjaġġaw mingħajr viża lejn il-Brażil.

Il-Brunej Darussalam

Is-sitwazzjoni preżenti

Iċ-ċittadini tal-Istati Membri kollha jibbenefikaw minn eżenzjoni mill-viża ta’ 30 jum. Din l-eżenzjoni mill-viża tista’ tiġi estiża lokalment għal żewġ perjodi ta’ 30 jum kull wieħed, sa mawra massima mingħajr viża ta’ 90 jum. Madankollu, iċ-ċittadini tal-US jgawdu minn mawra mingħajr viża ta’ 90 jum preferenzjali u immedjata jekk ikollhom passaport ordinarju li jista’ jinqara minn magna.

Il-passi li ttieħdu biex tinkiseb ir-reċiproċità

Il-Kummissjoni kellha iktar konsultazzjonijiet mal-Missjoni tal-Brunej Darussalam fl-Unjoni Ewropea fuq livell tekniku biex tiddiskuti l-possibbiltajiet għal eżenzjoni sħiħa mill-viża ta’ 90 jum għaċ-ċittadini tal-UE. Saru diskussjonijiet interni fost ministeri tal-Brunej Darussalam dwar il-possibilitajiet li l-eżenzjoni mill-viża tiġi estiża għal 90 jum. Madankollu, l-awtoritajiet tal-Brunej Darussalam eżiġew talba formali min-naħa tal-UE sabiex jestendu l-eżenzjoni mill-viża għal 90 jum. Fl-24 ta’ Ġunju 2010, il-Kummissjoni talbet formalment lill-awtoritajiet tal-Brunej Darussalam biex jagħtu liċ-ċittadini tal-UE eżenzjoni mill-viża ta’ 90 jum.

Valutazzjoni

Il-Kummissjoni se tistenna r-reazzjoni tal-Brunej Darussalam għat-talba formali tagħha qabel ma tiddefinixxi azzjoni ulterjuri possibbli.

Il-Kanada

Is-sitwazzjoni preżenti

L-obbligu tal-viża għadu jinżamm fir-rigward taċ-ċittadini tal-Bulgarija, tar-Repubblika Ċeka u tar-Rumanija.

Il-qagħda rigward ir-Repubblika Ċeka

Wara l-introduzzjoni mill-ġdid tal-obbligu tal-viża mill-Kanada għaċ-ċittadini tar-Repubblika Ċeka fl-14 ta’ Lulju 2009, fid-19 ta’ Ottubru 2009 il-Kummissjoni adottat rapport ad hoc dwar din l-introduzzjoni mill-ġdid. Il-Kummissjoni indikat żewġ kundizzjonijiet li l-Kanada għandha tistabbilixxi, b’mod sodisfaċenti, sa tmiem l-2009: l-istabbilment mill-ġdid tal-faċilitajiet għall-ħruġ tal-viżi fir-Repubblika Ċeka u l-istabbiliment ta’ serje ta’ miżuri sabiex jerġa’ jibda jkun hemm vjaġġar mingħajr viża għaċ-ċittadini Ċeki. Il-Kummissjoni għandha tirrakkomanda l-impożizzjoni jew l-impożizzjoni mill-ġdid ta’ obbligu għal viża għal ċerti kategoriji ta’ ċittadini Kanadiżi, jekk il-Kanada ma tissodisfax dawn iż-żewġ kundizzjonijiet.

B’ittra tal-10 ta’ Diċembru 2009, il-Kanada informat lill-Kummissjoni li mill-21 ta’ Diċembru 2009, l-applikanti Ċeki għall-viża jkunu jistgħu jressqu l-applikazzjonijiet tagħhom, jitkellmu ma’ impjegat tal-uffiċċju tal-viżi u jiġbru l-viżi tagħhom mill-Ambaxxata tal-Kanada fi Praga. Waqt il-Kunsill tal-Ġustizzja u tal-Affarijiet Interni tal-25 ta’ Frar 2010, il-Kummissjoni indikat li bil-ftuħ tal-faċilitajiet għall-viża fi Praga mill-21 ta’ Diċembru 2009 l-ewwel kundizzjoni mit-tnejn iffissati fir-rapport ad hoc kienet ġiet sodisfatta.

Fil-15 ta’ Marzu 2010, fi Praga saret it-tieni laqgħa tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Esperti tal-Kanada u tar-Repubblika Ċeka li għaliha attendiet ukoll il-Kummissjoni. Il-laqgħa tat il-possibbiltà li jkun hemm diskussjoni approfondita dwar il-kontenut possibbli tas-serje ta’ miżuri li għandhom iwasslu lill-Kanada biex fil-ġejjieni tiddeċiedi li tneħħi l-obbligu tal-viża għaċ-ċittadini Ċeki. Fuq il-bażi ta’ din id-diskussjoni, il-Kummissjoni abbozzat deskrizzjoni fil-qosor tas-serje ta’ miżuri, li tikkonsisti f’żewġ partijiet: l-ewwel nett, il-miżuri li għalihom diġà tnieda l-proċess u li, eventwalment, għandhom jipprevjenu sitwazzjoni simili għal dik li wasslet lill-Kanada biex tintroduċi mill-ġdid l-obbligu tal-viża għar-Republika Ċeka; it-tieni nett, miżuri li għandhom jagħtu possibbiltà lill-Kanada biex tiddeċiedi li tneħħi l-obbligu tal-viża qabel mal-ewwel miżuri jiġu implimentati b’mod sħiħ. Kemm il-Kanada kif ukoll ir-Repubblika Ċeka qablu dwar din id-deskrizzjoni fil-qosor tas-serje ta’ miżuri.

Fit-30 ta’ Marzu 2010, il-Gvern Kanadiżi qiegħed fuq il-medja tal-Parlament il- Balanced Refugee Reform Act (l-Att dwar miżuri ta’ riforma bbilanċjati rigward ir-refuġjati) (Abbozz ta’ Liġi C-11). L-Abbozz ta’ Liġi jinkludi bidliet fil-Bord tal-Immigrazzjoni u tar-Refuġjati (IRB), l-awtorità li tindika l-pajjiżi tal-oriġni sikuri, il-limiti għall-valutazzjonijiet tar-riskji ta’ qabel it-tneħħija u proċessi oħrajn ta’ wara t-talbiet, kif ukoll it-tneħħija f'waqtha ta’ dawk li ma rnexxielhomx jiksbu ażil. Dan għandu jwassal għal deċiżjonijiet iktar malajr, jipprovdi protezzjoni għall-persuni li jeħtiġuha, u jwassal għal tkeċċijiet iktar veloċi tal-applikanti miċħuda. Wara l-approvazzjoni tal- House of Commons u tas-Senat, l-Abbozz irċieva l-Kunsens Irjali tal-Gvernatur Ġenerali tad-29 ta’ Ġunju 2010. Il-Kunsens Irjali huwa l-perjodu ta’ implimentazzjoni tal-Liġi, li matulu se jkollhom jiġu abbozzati regolamenti u linji gwida operattivi addizzjonali u jiġi rreklutati u mħarrġa membri addizzjonali tal-persunal. Fl-14 ta’ Mejju 2010, f’Ottawa saret it-tielet laqgħa tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Esperti tal-Kanada u tar-Repubblika Ċeka, li għaliha attendiet ukoll il-Kummissjoni. Id-deskrizzjoni fil-qosor tas-serje ta’ miżuri kif ġew miftiehma wara l-laqgħa fi Praga ntużat bħala bażi għad-diskussjoni. Kien diskuss kull punt tad-deskrizzjoni fil-qosor, u għal kull punt kienu ffissati azzjonijiet u perjodi ta’ żmien. Intlaħaq ftehim dwar id-dokument abbozzat mir-Repubblika Ċeka: “Miżuri Rilevanti għar-Reġim tal-Viża bejn ir-Repubblika Ċeka u l-Kanada (kif miftiehem waqt il-Laqgħa tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Esperti f’Ottawa fl-14 ta’ Mejju 2010)”.

Fl-20 ta’ Settembru 2010, fi Praga saret ir-raba’ laqgħa tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Esperti tal-Kanada u tar-Repubblika Ċeka u għal darb’oħra attendiet il-Kummissjoni. Kien ikkontrollat il-progress tal-implimentazzjoni tal-azzjonijiet miftiehma fid-dokument “Miżuri Rilevanti għar-Reġim tal-Viża bejn ir-Repubblika Ċeka u l-Kanada”. Intlaħaq qbil li l-Kanada twettaq missjoni ta’ ġbir tad-dejta minn esperti fir-Repubblika Ċeka fil-qafas tar-reviżjoni tal-politika tagħha dwar il-viża f’Novembru jew fil-bidu ta’ Diċembru 2010. Il-Kanada tat informazzjoni li għandhom jiġu adottati r-regolamenti implimentattivi għall- Balanced Refugee Reform Act (l-Att dwar miżuri ta’ riforma bbilanċjati rigward ir-refuġjati)u l-Att għandu jidħol fis-seħħ qabel tmiem l-2011.

Il-qagħda rigward il-Bulgarija u r-Rumanija

Il-kwistjoni ta’ vjaġġar mingħajr viża għaċ-ċittadini kollha tal-UE lejn il-Kanada tqajmet f’diversi okkażjonijiet, b’mod partikolari waqt is-Samit UE-Kanada fil-5 ta’ Mejju 2010 fejn l-Unjoni Ewropea insistiet bil-qawwa fuq il-mira komuni ta’ vjaġġar mingħajr viża lejn il-Kanada għaċ-ċittadini kollha tal-UE. Il-Kanada affermat mill-ġdid l-impenn tagħha sabiex issolvi l-ostakoli li fadal ħalli din il-mira komuni tintlaħaq mill-iktar fis possibbli.

Wara ż-żjarat tekniċi tal-uffiċjali Kanadiżi fil-Bulgarija u fir-Rumanija f’April 2008, il-Kanada kkondividiet is-sejbiet prinċipali tar-reviżjonijiet tagħha mal-Bulgarija u mar-Rumanija f’Marzu 2009. Iż-żewġ Stati Membri pprovdew informazzjoni aġġornata relatata mas-sejbiet tar-reviżjoni. Il-Kanada kkondividiet it-tħassib li kien għad baqgħalha maż-żewġ Stati Membri, esprimiet l-intenzjoni tagħha li tkompli taħdem flimkien magħhom u qalet li tkun lesta tirċievi iktar aġġornamenti dwar l-oqsma li qed jagħtu lok għal tħassib.

Minn meta sar l-aħħar rapport, l-uffiċjali Kanadiżi ltaqgħu diversi drabi mal-uffiċjali tal-Ambaxxata Rumena f’Ottawa sabiex jiddiskutu kwistjonijiet dwar viżi u migrazzjoni. Il-Kanada kkomunikat lill-awtoritajiet Rumeni li mhijiex qed tippjana li tneħħi l-obbligu tal-viża din id-darba. Barra minn hekk, il-Kanada kkomunikat liż-żewġ Stati Membri li qed tkompli timmonitorja l-kundizzjonijiet tal-pajjiż u l-progress li sar fir-Rumanija u fil-Bulgarija sabiex jintlaħqu l-kriterji tal-Kanada għall-eżenzjoni mill-viża.

Valutazzjoni

Rigward is-sitwazzjoni mar-Repubblika Ċeka, il-Kummissjoni ffissat żewġ kundizzjonijiet li għandha tissodisfa l-Kanada. L-ewwel kundizzjoni ġiet sodisfatta bil-ftuħ tal-faċilitajiet għall-viża fi Praga mill-21 ta’ Diċembru 2010.

Rigward it-tieni kundizzjoni dwar is-serje ta’ miżuri sabiex jerġa’ jiġi stabbilit vjaġġar mingħajr viża għaċ-ċittadini Ċeki, il-Kummissjoni tikkunsidra li din il-kundizzjoni issa ġiet sodisfatta wkoll. Wara t-tielet laqgħa tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Esperti tal-Kanada u tar-Repubblika Ċeka, il-Kanada u r-Repubblika Ċeka qablu dwar id-dokument abbozzat mir-Repubblika Ċeka. Għalkemm intitolat “Miżuri Rilevanti għar-Reġim tal-Viża bejn ir-Repubblika Ċeka u l-Kanada” (kif miftiehem waqt il-Laqgħa tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Esperti f’Ottawa fl-14 ta’ Mejju 2010)”, il-Kummissjoni tinnota li dan id-dokument jikkostitwixxi s-“serje ta’ miżuri”, biex b’hekk qed tiġi implimentata t-tieni kundizzjoni. B’hekk, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-Kanada ssodisfat iż-żewġ kundizzjonijiet stabbilti fir-rapport ad hoc .

Fir-raba’ laqgħa tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Esperti tal-Kanada u tar-Repubblika Ċeka li saret fl-20 ta’ Settembru 2010 fi Praga, inkiseb iktar progress fl-implimentazzjoni tas-serje ta’ miżuri; b’mod partikolari, intlaħaq ftehim li l-Kanada se twettaq missjoni ta’ ġbir ta’ dejta fir-Repubblika Ċeka fil-qafas tar-reviżjoni tal-politika dwar il-viża tagħha qabel tmiem l-2010, li tista’ tiftaħ prospetti konkreti għal deċiżjoni mill-Kanada dwar ir-ritorn għal eżenzjoni mill-viża għaċ-ċittadini Ċeki. Għalhekk, f’dan l-istadju, il-Kummissjoni tikkunsidra li ma hemm l-ebda ħtieġa li tirrakkomanda xi miżura ta’ ritaljazzjoni kontra l-Kanada. Madankollu, il-Kummissjoni se timmonitorja mill-qrib il-progress tal-implimentazzjoni tas-serje ta’ miżuri, b’mod partikolari l-azzjoni ta’ segwitu fil-pront u xierqa tal-Kanada għall-missjoni ta’ ġbir ta’ dejta tagħha fir-Repubblika Ċeka qabel tmiem l-2010. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota li t-tneħħija mill-ġdid tal-obbligu tal-viża għaċ-ċittadini Ċeki ma għandhiex tistenna l-implimentazzjoni tar-riforma tal-ażil fil-Kanada; kien hemm qbil mir-Repubblika Ċeka, mill-Kanada u mill-Kummissjoni fil-minuti tat-tieni laqgħa tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Esperti fil-15 ta’ Marzu 2010 “li l-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni l-ġdida CAN dwar l-ażil – li tista’ ma tiġix implimentata qabel l-2013 – ma għandhiex tikkundizzjona t-tneħħija tal-obbligu tal-viża; l-implimentazzjoni tas-serje ta’ miżuri oħra għandha tagħti l-possibbiltà lill-CAN biex tiddeċiedi li tneħħi l-obbligu tal-viża qabel id-data tal-implimentazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni l-ġdida CAN dwar l-ażil, ”, u dan ġie kkonfermat mill-Kanada fir-raba’ laqgħa tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Esperti tal-20 ta’ Settembru 2010.

Rigward il-Bulgarija u r-Rumanija, il-Kummissjoni hija konxja li ż-żewġ pajjiżi għadhom ma jissodisfawx il-kriterji kollha għall-eżenzjoni mill-viża ffissati mill-Kanada. Madankollu, il-Kummissjoni se timmonitorja mill-qrib is-sitwazzjoni u se tkompli għaddejja b’diskussjonijiet mal-Kanada sabiex jinkiseb progress ħalli jitneħħew l-obbligi ta’ viża għaċ-ċittadini tal-Bulgarija u tar-Rumanija.

Il-Ġappun

Is-sitwazzjoni preżenti

L-Istati Membri kollha jgawdu minn vjaġġjar mingħajr viża lejn il-Ġappun. Madankollu, l-ivvjaġġar mingħajr viża għaċ-ċittadini tar-Rumanija ngħata fuq bażi temporanja biss, mil-1 ta’ Settembru 2009 sal-31 ta’ Diċembru 2011.

Eżenzjoni temporanja mill-viża għaċ-ċittadini Rumeni

Il-Ġappun iddikjara li se jevalwa l-eżenzjoni temporanja mill-viża għaċ-ċittadini Rumeni sena wara d-dħul fis-seħħ tagħha. Minn Settembru sa Diċembru 2010, l-Uffiċċju tal-Immigrazzjoni tal-Ministeru tal-Ġustizzja tal-Ġappun se jiġbor u janalizza l-informazzjoni rilevanti, inkluża r-rata ta’ soġġorn itwal minn dak awtorizzat .

L- attaché mibgħut mill-Ministeru tal-Amministrazzjoni u tal-Intern tar-Rumanija fl-Ambaxxata tar-Rumanija fil-Ġappun – waħda mill-kundizzjonijiet sabiex l-obbligu tal-viża jitneħħa b’mod temporanju – żviluppa relazzjonijiet ta’ koooperazzjoni mill-qrib mal-Uffiċċju tal-Immigrazzjoni Ġappuniż.

Valutazzjoni

Il-Kummissjoni se tistenna l-evalwazzjoni tal-ewwel sena tal-eżenzjoni temporanja mill-viża għaċ-ċittadini Rumeni mill-Uffiċċju tal-Imgrazzjoni Ġappuniż u tittama li din l-evalwazzjoni se twassal lill-Ġappun biex ibiddel l-eżenzjoni temporanja mill-viża f’eżenzjoni permanenti.

L-Istati Uniti tal-Amerika (US)

Is-sitwazzjoni preżenti

L-obbligu tal-viża għadu jinżamm fir-rigward taċ-ċittadini tal-Bulgarija, ta’ Ċipru, tal-Polonja u tar-Rumanija.

Fil-5 ta’ April 2010, il-Greċja issieħbet fil-Programm tal-Eżenzjoni mill-Viża (VWP).

Il-passi li ttieħdu biex tinkiseb ir-reċiproċità

Il-Kummissjoni kompliet tqajjem il-kwistjoni tan-nuqqas ta’ reċiproċità mal-awtoritajiet tal-US fuq livelli tekniċi u politiċi, prinċiplament waqt il-laqgħa tat-Troika Ministerjali tal-Ġustizzja u l-Intern tal-UE-US fit-28 ta’ Ottubru 2009, waqt il-laqgħat tat- Task Force tal-UE-US tal-10 ta’ Diċembru 2009 u tal-10 ta’ Marzu 2010, waqt il-laqgħat tal-Livell Għoli Informali tal-Ġustizzja u l-Intern tal-UE-US f’Jannar 2010 u f’Lulju 2010 u waqt il-laqgħa Ministerjali tal-Ġustizzja u l-Intern tal-UE-US fit-8 u fid-9 ta’ April 2010. Fit-2 ta’ Novembru 2009, ir-Regola Finali dwar l-eżami mediku tal-Barranin kienet ippubblikata fil- U.S. Federal Register (ir-Reġistru Federali tal-US) Vol. 74, Nru. 210, u daħlet fis-seħħ mill-4 ta’ Jannar 2010. Din ir-regola ħassret l-HIV/AIDS mil-lista tal-mard li jittieħed. Dan ifisser li mill-4 ta’ Jannar 2010, il-persuni li jkollhom l-HIV/AIDS huma eliġibbli biex jivvjaġġaw taħt il-VWP.

Fl-20 ta’ Jannar 2010, id-Dwana u l-Protezzjoni tal-Konfini (CBP) tal-US tat bidu għal perjodu ta’ tranżizzjoni ta’ 60 jum sabiex tkun infurzata l-konformità tat-trasportaturi bl-ajru mas-Sistema Elettronika għall-Awtorizzazzjoni tal-Ivvjaġġar (ESTA). Il-linji tal-ajru jistgħu jirrifjutaw li jtellgħu fuq inġenju tal-ajru lill-vjaġġaturi tal-VWP li ma jkollhomx ESTA approvata.

Fl-4 ta’ Marzu 2010, il-President Obama iffirma f’liġi H.R. 1299, il- United States Capitol Police Administrative Technical Corrections Act of 2009 , li jinkludi t- Travel Promotion Act (l-Att dwar il-Promozzjoni tal-Ivvjaġġar) tal-2009 (TPA). It-TPA jemenda l- Immigration and Nationality Act (l-Att dwar l-Immigrazzjoni u ċ-Ċittadinanza) fis-sens li mhux iktar tard minn sitt xhur wara d-data tal-promulgazzjoni tat-TPA, is-Segretarju tas-Sigurtà Nazzjonali għandu jistabbilixxi miżata għall-użu tal-ESTA u jibda l-valutazzjoni u l-ġbir ta’ dik il-miżata. Il-miżata inizjali għandha tkun is-somma ta’ USD10 għal kull awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar u ammont li se jiżgura mill-inqas l-irkupru tal-ispejjeż kollha biex tiġi pprovduta u amministrata l-ESTA, li għandu jiġi ddeterminat mis-Segretarju tas-Sigurtà Nazzjonali. It-tħassib dwar il-miżata ngħata leħen f’diversi okkażjonijiet u f’diversi ittri (ara l-ħames rapport dwar ir-reċiproċità tal-viża għal informazzjoni dettaljata dwar it-tħassib li ngħata leħen f’diversi demarches )[8]. Barra minn hekk, fit-23 ta’ Diċembru 2009, reġa’ tqajjem tħassib f’ittri komuni mill-Unjoni Ewropea u mill-Ġappun lis-Segretarja tal-Istat Clinton u lis-Segretarja tas-Sigurtà Nazzjonali Napolitano.

Fl-20 ta’ Mejju 2010, is-Segretarja tas-Sigurtà Nazzjonali Napolitano ħabbret l-eliminazzjoni tal-formola fuq il-karti tal-wasla/tat-tluq (il-Formola I-94W) għall-vjaġġaturi taħt il-VWP. Sa tmiem dan is-sajf, l-użu tal-formola fuq il-karti I-94W se jkun eliminat fl-ajruporti kollha. Dan ifisser li l-vjaġġaturi jridu jimlew l-ESTA fuq il-websajt biss u ma għandhomx għalfejn jimlew ukoll il-formola I-94W. Fis-6 ta’ Awwissu 2010, filwaqt li ġie rrispettat il-perjodu ta’ żmien iffissat mill-abbozz tat-TPA , id-Dwana u l-Protezzjoni tal-Konfini tas-Sigurtà Nazzjonali tal-US ħabbret il-pubblikazzjoni tar-regola finali interim dwar Miżata għall-Promozzjoni tal-Ivvjaġġar u dwar Miżata għall-Użu tas-Sistema Elettronika għall-Awtorizzazzjoni tal-Ivvjaġġar (ESTA), li saret effettiva fit-8 ta’ Settembru 2010. Ir-regola finali interim teżiġi li l-applikanti tal-ESTA jħallsu miżata ta’ USD 14, li hija s-somma ta’ USD 10 għal kull awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar, iddefinita fl-abbozz tat-TPA, u miżata ta’ USD 4, iddeterminata mis-Segretarju tas-Sigurtà Nazzjonali, sabiex ikun żgurat l-irkupru tal-ispejjeż kollha biex tkun ipprovduta u amministrata s-sistema tal-ESTA. Il-miżata ta’ USD 4 tintalab lill-applikanti kollha li japplikaw għal awtorizzazzjoni elettronika tal-ivvjaġġar, filwaqt li l-miżata ta’ USD 10 tintalab biss għall-applikazzjonijiet approvati tal-ESTA.

Il-miżata għall-ESTA tiġi mitluba għar-reġistrazzjonijiet il-ġodda fi jew wara t-8 ta’ Settembru 2010. Fil-każ ta’ vjaġġatur li diġà huwa rreġistrat fl-ESTA, fil-prinċipju, wara t-8 ta’ Settembru 2010 huwa ma għandux għalfejn jerġa’ jirreġistra u jħallas il-miżata.

Il-pagament irid isir b’karti ta’ kreditu jew ta’ debitu magħżula. Id-Dipartiment tas-Sigurtà Nazzjonali (DHS) qed jeżamina miżuri oħrajn ta’ pagament għall-ġejjieni.

Fl-istess jum li tħabbret mill-US ir-regola finali interim dwar il-miżata għall-ESTA, il-Kummissjoni ħarġet dikjarazzjoni pubblika fejn qalet li, min-naħa l-waħda, fehmet li din id-deċiżjoni qed tittieħed skont l-obbligi legali taħt l-abbozz tat-TPA, imma min-naħa l-oħra, iddispjaċiha ferm li kienet introdotta l-miżata. It-tħassib li qajmu kemm-il darba l-UE u l-Kummissjoni kien ripetut u ngħad li dawn ir-rekwżiti l-ġodda, applikabbli biss għall-vjaġġaturi taħt il-VWP, mhumiex konsistenti mal-impenn tal-US li tiffaċilita l-mobbiltà transatlantika u se jkunu oneru addizzjonali għaċ-ċittadini Ewropej li jivvjaġġaw lejn l-US.

Fis-7 ta’ Ottubru 2010, il-Kummissjoni bagħtet kummenti bil-miktub dwar din ir-regola finali interim lill-US fil-qafas tal-proċedura ta’ konsultazzjoni pubblika stabbilita mill-US, fejn fakkret għal darba oħra t-tħassib tagħha rigward l-impediment għall-mobbiltà transatlantika maħluq minn dawn ir-rekwiżiti l-ġodda u pprovdiet kummenti speċifiċi dwar id-dispożizzjonijiet tar-regola interim, eż. dwar il-mezzi ta’ pagament u l-aspetti tal-protezzjoni tad-dejta.

Ir-Regola Finali dwar l-ESTA għadha ma ġietx ippubblikata fil- U.S. Federal Register (ir-Reġistru Federali tal-US). Malli tiġi ppubblikata, il-Kummissjoni se toħroġ valutazzjoni finali fejn tieħu inkunsiderazzjoni kwalunkwe bidla possibbli, inkluża l-introduzzjoni ta’ miżata għall-ESTA.

L-“approċċ fuq żewġ binarji”, kif miftiehem mill-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti (Coreper) fit-12 ta’ Marzu 2008, jeżiġi kunsiderazzjoni speċjali rigward l-eżekuzzjoni tal-kompetenzi esterni taħt it-Trattat ta’ Lisbona. Din hija xi ħaġa li l-Kummissjoni se tqis iktar mill-qrib. Madankollu, anki jekk il-binarju tal-UE għadu ma ġiex iffinalizzat, l-US ħalliet iktar Stati Membri jissieħbu fil-VWP, eż. il-Greċja f’April 2010. Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li wħud mir-rekwiżiti legali tal-US li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-UE – u li qed jiġu koperti minn skambju ta’ ittri bejn l-UE u l-US bħala li ġew sodisfatti – għal parteċipazzjoni (kontinwata) fil-VWP, għadhom ma ġewx sodisfatti minn uħud mill-Istati Membri, eż. il-ħruġ ta’ passaporti bijometriċi.

Valutazzjoni

Il-Kummissjoni laqgħet b’sodisfazzjon il-fatt li l-Greċja ssieħbet fil-VWP ukoll. Peress li għad ma ġiet stabbilita l-ebda sistema ta’ ħruġ bijometriku mill-ajruporti – li tista’ tivverifika t-tluq ta’ mhux inqas minn 97 fil-mija taċ-ċittadini barranin li joħorġu mill-ajruporti tal-US – (din hija waħda mill-kundizzjonijiet tal-Att 9/11), il-limitu tar-rati ta’ rifjut tal-viża baqa’ ta’ tlieta fil-mija. Dan ifisser li fuq il-bażi tal-aħħar rati ta’ rifjut tal-viża tal-erba’ Stati Membri li għadhom mhumiex qed jipparteċipaw fil-VWP, Ċipru biss jilħaq dan il-limitu. Madankollu, Ċipru ma jissodisfax kriterji legali oħrajn iffissati mill-US għal parteċipazzjoni fil-VWP. Il-Kummissjoni se tkompli tqajjem il-kwistjoni tan-nuqqas ta’ reċiproċità fil-kuntatti tagħha mal-US sabiex ikun hemm stabbilita reċiproċità sħiħa tal-viża mill-iktar fis possibli.

Rigward il-kwistjoni tal-HIV/AIDS, il-Kummissjoni tapprezza li l-HIV/AIDS tneħħiet mil-lista ta’ mard li jittieħed u li l-persuni li għandhom l-HIV/AIDS issa huma eliġibbli biex jivvjaġġaw taħt il-VWP.

Rigward ir-regola finali interim dwar il-miżata għall-ESTA, il-Kummissjoni, filwaqt li tifhem li din id-deċiżjoni qed tittieħed skont l-obbligi tat- Travel Promotion Act (l-Att dwar il-Promozzjoni tal-Ivvjaġġar), iddispjaċiha ferm li l-US introduċiet din il-miżata l-ġdida. Il-Kummissjoni irrepetiet it-tħassib, li diġà tathom leħen f’diversi demarches fuq il-livell tal-UE, li l-introduzzjoni ta’ miżata għall-ESTA hija oneru addizzjonali għaċ-ċittadini Ewropej li jivvjaġġaw lejn l-US u mhijiex konsistenti mal-impenn ta’ spiss ripetut dwar kuntatti u kooperazzjoni transatlantiċi. Il-Kummissjoni bagħtet kummenti bil-miktub dwar ir-regola finali interim rigward il-miżata għall-ESTA lill-US fil-qafas tal-proċedura ta’ konsultazzjoni pubblika stabblita minnhom fis-7 ta’ Ottubru 2010. Il-Kummissjoni se tkompli tqajjem it-tħassib tagħha dwar il-miżata għall-ESTA mal-US.

Il-Kummissjoni għadha ma lestietx il-valutazzjoni tagħha tal-ESTA sabiex tiddetermina jekk din tammontax għall-proċedura ta’ applikazzjoni għall-viża ta’ Schengen jew le peress li r-Regola Finali dwar l-ESTA għad trid tiġi ppubblikata fil- U.S. Federal Register (ir-Reġistru Federali tal-US). Ma hemm l-ebda dubju li l-fatt li qed tintalab miżata se jkun fattur addizzjonali f’din il-valutazzjoni.

KONKLUżJONI

L-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu l-ġdid tar-reċiproċità tal-viża stabbilit fl-2005 permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 851/2005 tista’ tiġi kkunsidrata bħala sodisfaċenti. L-Awstralja u l-Ġappun issa jipprovdu trattament ugwali taċ-ċittadini tal-Istati Membri kollha imma d-determinazzjoni finali tar-reċiproċità sħiħa tal-viża tistenna rispettivament valutazzjoni ulterjuri tas-sistema tal- eVisitor u l-eżenzjoni permanenti mill-viża għar-Rumanija. Mal-Brażil, l-Unjoni Ewropea dalwaqt se tiffirma żewġ ftehimiet ta’ eżenzjoni mill-viża – wieħed dwar detenturi ta’ passaporti ordinarji u l-ieħor dwar detenturi ta’ passaporti dipolomatiċi, ta’ servizz jew uffiċjali – li se jiżguraw ir-reċiproċità tal-viża. Il-Kummissjoni se tagħmel ħilitha biex ikun hemm ratifika bikrija ta’ dawn il-ftehimiet mill-Unjoni Ewropea u se timmonitorja r-ratifika min-naħa Brażiljana.

Baqgħu jeżistu biss numru ferm limitat ta’ każijiet ta’ “nuqqas ta’ reċiproċità”, li tnejn minnhom għandhom karatteristiċi speċifiċi:

- Il-Brunej-Darussalam jagħti liċ-ċittadini kollha tal-UE eżenzjoni mill-viża, imma din hija valida għal 30 jum biss, u tista’ tiġi mġedda darbtejn għal 30 jum; il-Kummissjoni se tkompli bl-isforzi tagħha biex tistabbilixxi reċiproċità sħiħa għalkemm is-sitwazzjoni preżenti ma tagħtix lok għal problemi għaċ-ċittadini tal-UE;

- Il-Kanada introduċiet mill-ġdid l-obbligu tal-viża għaċ-ċittadini Ċeki imma ġew stabbiliti serje ta’ miżuri sabiex il-Kanada tkun tista’ terġa’ tneħħi l-ħtieġa tal-viża għaċ-ċittadini tar-Repubblika Ċeka qabel ma tiġi implimentata l-leġiżlazzjoni Kanadiża l-ġdida dwar l-ażil; l-implimentazzjoni orjentata lejn ir-riżultati tas-serje ta’ miżuri se tkun immonitorjata mill-qrib mill-Kummissjoni, b’mod partikolari, l-azzjoni ta’ segwitu fil-pront u xierqa tal-Kanada għall-missjoni ta’ ġbir ta’ dejta tagħha fir-Repubblika Ċeka qabel tmiem l-2010.

Meta tindirizza l-każijiet l-oħra li fadal ta’ nuqqas ta’ reċiproċità, jiġifieri rigward l-US (l-obbligu ta’ viża għall-Bulgarija, għal Ċipru, għar-Rumanija u għall-Polonja), u rigward il-Kanada (l-obbligu ta’ viża għall-Bulgarija u għar-Rumanija), l-UE qed tiġi ffaċċjata bil-limiti tal-mekkaniżmu ta’ reċiproċità tagħha kif ġie stabbilit fl- acquis preżenti. Tabilħaqq f’dawn il-każijiet l-Istati Membri jiġu kkunsidrati mill-pajjiżi terzi bħala li ma jissodisfawx il-kriterji oġġettivi għall-eżenzjoni mill-viża stabbiliti b’mod unilaterali minn dawn il-pajjiżi terzi fil-leġiżlazzjoni domestika tagħhom (eż. ma joħorġux passaporti bijometriċi, ma jilħqux limiti ffissati għar-rati ta’ rifjut tal-viża u/jew għar-rati ta’ soġġorn itwal minn dak awtorizzat).

Il-Kummissjoni se tkompli tqajjem dawn il-kwistjonijiet fl-okkażjonijiet kollha rilevanti u fil-fora kollha xierqa mal-pajjiżi terzi kkonċernati. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Istati Membri biex jirriflettu dwar kif jindirizzaw ulterjorment dawn il-każijiet ta’ nuqqas ta’ reċiproċità.

[1] ĠU L 81, 21.3.2001, p. 1 (Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 19, Volum 04, p. 65 - 71).

[2] Il-mekkaniżmu preżenti tar-reċiproċità tal-viża ġie introdott billi r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 ġie emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 851/2005 tat-2 ta’ Ġunju 2005 (ĠU L 141, 4.6. 2005, p.3).

[3] COM(2006) 3 finali tal-10.1.2006, COM(2006) 568 finali tat-2.10.2006, COM(2006) 533 finali tat-13.9.2007, COM(2008) 486 finali/2 tad-9.9.2008.

[4] COM(2009) 560 finali.

[5] COM(2009) 562 finali.

[6] Ara l-Anness 2 għall-ewwel rapport dwar ir-reċiproċità tal-viża (COM(2006) 3 finali) għal spjegazzjoni ulterjuri tal-ETA u tal-viża elettronika.

[7] Ir-Rata Modifikata ta’ Nuqqas ta’ Ritorn (MNRR) hija kalkolu tal-perċentwali tal-viżitaturi li jkunu waslu, li l-viżi inizjali tagħhom ikunu skadew fil-perjodu tar-rappurtar u jew jibqgħu fl-Awstralja illegalment, jew jitilqu mill-Awstralja b’viża skaduta jew japplikaw għal viża sussegwenti għajr il-viżi li jiġu kkunsidrati bħala ta’ benefiċċju għall-Awstralja.

[8] COM(2009) 560 finali, p. 7 u 8.