52010DC0614




[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 28.10.2010

KUMM(2010) 614 finali

SEG(2010) 1272 SEG(2010) 1276

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Politika Industrijali Integrata għall-Era tal-GlobalizzazzjoniIl-Kompetittività u s-Sostenibilità fix-Xena Prinċipali

{SEC(2010) 1272}

{SEC(2010) 1276}

WERREJ

1. L-Ewropa għandha bżonn l-industrija 3

2. Approċċ Ġdid għall-Politika Industrijali 4

3. Titjib fil-kundizzjonijiet qafas għall-industrija 5

3.1. Prova ta' kompetittività u implimentazzjoni ta' regolamentazzjoni intelliġenti 5

3.2. Titjib fl-aċċess għall-finanzi għan-negozji 7

4. Tisħiħ tas-Suq Uniku 8

4.1. L-iżvilupp tas-Suq Uniku u infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intelletwali 8

4.2. Il-Politika tal-Kompetizzjoni 10

4.3. Titjib tal-infrastruttura 10

4.4. Standardizzazzjoni 11

5. Politika ta' innovazzjoni industrijali ġdida 13

5.1. Innovazzjoni industrijali 13

5.2. Bażi ta' ħiliet 16

6. Il-kapitalizzazzjoni tal-globalizzazzjoni 17

6.1. Ir-regolamentazzjoni internazzjonali u tal-kummerċ 17

6.2. L-iżgurar ta' aċċess għall-materja prima u għal prodotti kruċjali 19

7. Il-promozzjoni tal-modernizzazzjoni industrijali 20

7.1. L-iffrankar tar-riżorsi, tal-enerġija u tal-karbonju 20

7.2. Kapaċitajiet strutturali eċċessivi 23

7.3. Inkomplu nibnu fuq ir-Responsabbiltà Soċjali tal-Kumpaniji 24

8. Id-dimensjoni speċifika tas-settur — approċċ b'mira speċifika 25

8.1 L-Ispazju: forza ispirattiva għall-innovazzjoni u l-kompetittività għas-servizz taċ-ċittadini. 25

8.2. Mobbiltà sostenibbli 27

8.3. L-indirizzar tal-isfidi imposti mis-soċjetà 28

8.4. It-tisħiħ mill-ġdid tal-kompetittività tal-UE permezz tal-katina tal-valur. 30

8.5. L-indirizzar ta' tħassib ta' industriji li jiddependu ħafna fuq l-enerġija 31

8.6 Approċċ settorjali mtejjeb 32

9. Konklużjonijiet: Governanza ġdida tal-UE għall-politika industrijali 33

1. L-Ewropa għandha bżonn l-industrija

Issa iktar minn qatt qabel, l-Ewropa għandha bżonn l-industrija u l-industrija għandha bżonn l-Ewropa. Is-Suq Uniku, b'500 miljun konsumatur, 220 miljun ħaddiem u 20 miljun intraprenditur, huwa strument essenzjali biex tinkiseb Ewropa b'industrija kompetittiva. Impjieg minn kull erbgħa fis-settur privat fl-Unjoni Ewropea huwa fl-industrija tal-manifattura, u tal-inqas impjieg ieħor minn kull erbgħa jiddependi fuq is-servizzi assoċjati li jiddependi fuq l-industrija bħala fornitur jew klijent. 80% tal-isforzi kollha tas-settur privat fir-riċerka u l-iżvilupp isiru mill-industrija - hija mutur tal-innovazzjoni u fornitur ta' soluzzjonijiet għall-isfidi li s-soċjetajiet tagħna huma kkonfrontati bihom.

Huwa essenzjali li tiżdied il-produttività fl- industrija tal-manifattura u s-servizzi assoċjati biex tkun il-bażi tal-irkupru tat-tkabbir u l-impjiegi, tirritorna s-saħħa u s-sostenibilità lill-ekonomija tal-UE u tgħin biex issostni l-mudell soċjali tagħna. L-industrija għalhekk tinsab fil-qofol tal-mudell ta' tkabbir ġdid għall-ekonomija tal-UE, kif enfasizzat fl-Istrateġija Ewropa 2020.

Il-kriżi finanzjarja u ekonomika reġgħet tefgħet l-attenzjoni fuq l-importanza ċentrali ta' katina tal-valur tal-manifattura industrijali b'saħħitha, kompetittiva u diversifikata għall-potenzjal tal-ħolqien tal-impjiegi u l-kompetittività tal-UE. Din il-komunikazzjoni tistabbilixxi qafas strateġiku għal politika industrijali integrata ġdida li tistimula l-irkupru ekonomiku u l-impjiegi billi tiżgura bażi industrijali ta' klassi dinjija dejjem tikber fl-UE.

L-SMEs jagħmlu xi 2/3 mill-impjiegi tal-industrija u sehem kbir tal-potenzjal ta' tkabbir u ta' impjiegi jinsab fl-SMEs ħabrieka u dinamiċi tagħha. Il-promozzjoni tal-ħolqien, it-tkabbir u l-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs b'hekk irid ukun fil-qalba tal-politika industrijali integrata tal-UE.

Fl-aħħar għaxar snin l- ambjent tan-negozju globali nbidel radikalment[1]. Dan jirriżulta f'kemm sfidi u kemm opportunitajiet għall-industrija Ewropea: il-politika industrijali għandha tgħin lill-industrija taħtaf dawn l-opportunitajiet. L-industrija tal-UE tikkompeti maċ-Ċina, il-Brażil, l-Indja u ekonomiji emerġenti oħrajn fi prodotti ta' valur għoli wkoll. It-teknoloġija, l-ICT u l-ħiliet qed isiru dejjem iktar importanti għall-kompetittività internazzjonali. Ktajjen ta' valur internazzjonali qed isiru dejjem iktar interkonnessi u hemm kompetizzjoni dejjem iktar qawwija għal enerġija u materja prima skarsi. L-industrija tal-UE trid ukoll tkun fuq quddiem fit-tranżizzjoni għal ekonomija b'karbonju baxx u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi.

Hemm raġunijiet biex wieħed ikun kunfidenti dwar il-kapaċità tal-industrija tal-UE li tegħleb dawn l-isfidi u tkompli tkun il-mutur għat-tkabbir tal-ekonomija tal-UE. Sal-bidu tal-kriżi finanzjarja u ekonomika, l-industrija Ewropea kienet sejra pjuttost tajjeb f'dan l-ambjent li jinbidel malajr. Hija rnexxielha żżomm sehemha mill-kummerċ dinji tul l-aħħar għaxar snin minkejja pressjoni qawwija minn kompetituri ġodda. Il-manifattura nnifisha hija responsabbli għal 75% tal-esportazzjonijiet. Setturi bħalma huma il-farmaċewtika u l-inġinerija żviluppaw enormement. L-industrija awtomobilistika, l-industrija kimika u dik ajruspazjali kienu qed jespandu wkoll. Filwaqt li l-kriżi ekonomika li inizjalment tat il-bidu għal waqgħa temporanja tal-produzzjoni tal-manifattura , din kienet segwtia minn rkupru qawwi hekk kif reġa' beda t-tkabbir fil-kummerċ dinji u hekk kif l-istokkijiet żejda ġew eliminati. Naturalment xi setturi ntlaqtu b'mod iktar sostanzjali u dejjiemi minn oħrajn.

Settur tal-manifattura tal-UE vibranti u kompetittiv ħafna jista' jipprovdi r-riżorsi u ħafna mis-soluzzjonijiet għall-isfidi soċjetali li qed tiffaċċja l-UE , bħall-bdil fil-klima, is-saħħa u l-popolazzjoni li qed tixjiħ, u l-iżvilupp ta' soċjetà b'saħħitha u sikura u ekonomija tas-suq soċjali li tirnexxi.

It-tranżizzjoni neċessarja għal ekonomija iktar sostenibbli, inklussiva u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi trid tkun appoġġjata kemm mill-politiki orizzontali u settorjali fil-livelli kollha u se jitlob governanza Ewropea u djalogu soċjali msaħħa.

2. Approċċ Ġdid għall-Politika Industrijali

Il-Komunikazzjoni tipproponi approċċ ġdid għall-politika industrijali li se tpoġġi lill-ekonomija tal-UE fi triq ta' tkabbir dinamiku li jsaħħaħ il-kompetittività tal-UE u li jipprovdi tkabbir u xogħlijiet, u li jippermetti t-tranżizzjoni lejn ekonimija b'użu baxx ta' karbonju u effiċjenti fir-riżorsi.

Qafas strateġiku ambizzjuż għal politika tal-kompetittività industrijali ġdida trid tqiegħed lill-kompetittività u s-sostenibilità tal-industrija Ewropea fix-xena prinċipali. Dan ifisser li l-politika industrijali trid tinftiehem fl-usa' sens tagħha:

L-ewwel nett, hija rigward dawk il-politiki li jħallu impatt fuq l-ispiża, il-prezz u l-kompetittività innovattiva tal-industrija u s-setturi individwali, bħall-politika tal-istandardizzazzjoni jew l-innovazzjoni, jew politiki settorjali li għandhom fil-mira pereżempju ir-rendiment fl-innovazzjoni tas-setturi individwali.

It-tieni nett, hemm bżonn li jitqiesu l-effetti tal-kompetittività tal-inizjattivi politiċi l-oħra kollha bħall-politika tat-trasport, tal-enerġija, il-politika ambjentali jew soċjali u dik tal-ħarsien tal-konsumatur, imma wkoll il-politika għal suq uniku u l-politiki kummerċjali. Dawn huma komponenti kruċjali tal-pakkett kumplessiv peress li jistgħu jkollhom influwenza importanti fuq l-ispiża, il-prezz u l-kompetittività innovattiva tal-industrija.

L-approċċ il-ġdid huwa kkaratterizzat minn:

- Li bażi orizzontali u applikazzjoni settorjali jingħaqdu flimkien. L-isfidi eżistenti jeħtieġu sforzi ta' aġġustament u strateġiji tranżitorji ambizzjużi minn setturi ekonomiċi differenti. Is-setturi kollha huma importanti u l-Kummissjoni se tkompli tapplika approċċ skont il-każ għas-setturi kollha . Fejn ikun rilevanti, il-Kummissjoni se tqis il-miżuri xierqa biex tinforma lill-konsumaturi u tippromwovi l-eċċellenza industrijali f'ċerti setturi. Reazzjonijiet politiċi Ewropej ikkoordinati . Il-qsim tax-xogħol madwar id-dinja kollha qiegħda tintensifika u l-kunċetti ta' setturi nazzjonali u industriji bi ftit interazzjoni ma' setturi oħra jew mal-bqija tad-dinja qed isiru inqas rilevanti.

- Trid titqies il-katina kollha tal-valur u l-provvista , mill-aċċess għall-enerġija u l-materja prima sas-servizzi ta' wara l-bejgħ u r-riċiklaġġ tal-materjali. U xi partijiet minn din il-katina bilfors li se jkunu minn barra l-Ewropa; għalhekk hemm bżonn li l-industriji kollha jkollhom "rifless tal-globalizzazzjoni".

- Il-Kummissjoni se tirrapporta regolarment dwar il-kompetittività tal-UE u tal-Istati Membri u r-rendiment u l-politiki industrijali . Peress li ħafna mill-kundizzjonijiet qafas rilevanti għal industrija kompetittiva u sostenibbli huma stabbiliti fil-livell tal-Istati Membri, il-monitoraġġ m'għandux biss ikopri r-rendiment tal-kompetittività imma wkoll il-politiki tal-kompetittività[2].

Is-suċċess ta' din il-politika industrijali ġdida se tiġi tradotta direttament f'iktar tkabbir u impjiegi u l-kompetittività internazzjonali mtejba tal-industrija tal-Ewropa. Barra minn hekk l-użu tar-riżorsi u l-enerġija u l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett serra għandhom jinfirdu miż-żieda fil-produzzjoni b'konformità mal-ambizzjonijiet ġenerali tal-istrateġija Ewropa 2020.

3. Titjib fil-kundizzjonijiet qafas għall-industrija

3.1. Prova ta' kompetittività u implimentazzjoni ta' regolamentazzjoni intelliġenti

Minkejja korp ta' leġiżlazzjoni u regolamenti tal-UE żviluppat sew, għad hemm ambitu sinifikanti għal regolamentazzjoni aħjar fil-livell Ewropew u nazzjonali. Pass ieħor lejn regolamentazzjoni intelliġenti[3] fil-livelli kollha ta' intervent regolatorju u fost l-oqsma politiċi differenti li jaffettwaw il-kompetittività industrijali huma essenzjali. Din għandha żewġ dimensjonijiet.

L-ewwel nett, huwa importanti li jiġi żgurat li l-proposti politiċi kollha b'effett sinifikanti fuq l-industrija jgħaddu minn analiżi kumplessiva għall-impatti tagħhom fuq il-kompetittività. Eżempji ta' miżuri bħal dawn huma leġiżlazzjoni ġdida tas-suq intern, regolamenti dwar is-swieq finanzjarji ewlenin li jistgħu jaffettwaw l-aċċess għall-finanzjament, u leġiżlazzjoni ġdida ambjentali jew dwar il-bdil fil-klima. L-analiżi tal-impatti fuq il-kompetittività għandha titwettaq permezz tal-proċess ta' stima tal-impatt eżistenti billi:

- tivvaluta u tirrapporta l-impatti ġenerali ta' proposta fuq il-kompetittività, inkluż l-investiment, l-ispiża, il-prezz, u l-implikazzjonijiet innovattivi għas-settur tal-industrija u dik individwali, kif ukoll is-sodisfazzjon tal-konsumatur u tqis b'mod partikolari l-interazzjonijiet potenzjali bejn proposta politika u leġiżlazzjoni u regolamentazzjoni oħra eżistenti jew ippjanata;

- tiżgura t-trasparenza ppjanata tal-ħidma tal-istima tal-impatt permezz tal-pubblikazzjoni ta' pjanijiet għall-inizjattivi kollha li x'aktarx iħallu impatti sinifikanti, inklużi b'mod partikolari dawk dwar il-kompetittività;

- titlob l-opinjoni tan-negozji u partijiet interessati oħra fit-tħejjija ta' inizjattivi leġiżlattivi sinifikanti permezz ta' konsultazzjoni tal-partijiet interessati u billi tħeġġiġhom jużaw pjanijiet fit-tħejjija tal-kontributi tagħhom għall-proċess ta' tfassil tal-politika;

- tkompli tiżgura li l-proposti sinifikanti kollha tal-Kummissjoni li x'aktarx ikollhom effetti sinifikanti, inklużi l-pjanijiet ta' azzjoni (u l-mandati għan-negozjati kummerċjali), jgħaddu minn stima tal-impatt u jintbagħtu lill-Bord tal-Istima tal-Impatt.

- tindika fil-pjanijiet li jakkumpanjaw il-Programm ta' Ħidma annwali liema miżuri għandhom jgħaddu minn stima tal-impatt.

It-tieni element se jkun valutazzjoni ex post tal-effetti tal-leġiżlazzjoni tal-kompetittività. Il-valutazzjonijiet sistematiċi tal-leġiżlazzjoni jridu jsiru parti integrali tar-regolamentazzjoni intelliġenti. Valutazzjoni tar-riżultati se twassal għal tfassil politiku iktar reazzjonarju, ibbażat fuq l-evidenza u trasparenti u jgħin għall-identifikazzjoni ta' opportunitajiet ġodda għat-titjib tal-kwalità tal-leġiżlazzjoni inkluża s-semplifikazzjoni u r-riduzzjoni tal-piż amministrattiv. Peress li l-leġiżlazzjoni fl-imgħoddi naturalment iffukat fuq it-trattament ta' għanijiet ewlenin (bħar-regolamentazzjoni tas-Suq Uniku, l-ilħuq tal-għanijiet ambjentali eċċ.), mhux dejjem saret valutazzjoni sħiħa tar-riperkussjonijiet potenzjali tal-kompetittività industrijali u b'mod partikolari l-impatt kumulattiv tal-leġiżlazzjoni. Il-Kummissjoni b'hekk beħsiebha tikkomplementa l-valutazzjoni ta' biċċiet individwali tal-leġiżlazzjoni b'iktar valutazzjonijiet politiċi komptrensivi. Dawn il-"kontrolli tal-adegwatezza" se jivvalutaw jekk il-qafas regolatorju għal qasam politiku hux adegwat għall-finijiet tiegħu u jekk mhuwiex x'għandu jittejjeb. Il-proċess għandu l-għan li jnaqqas il-piżijiet eċċessivi u jissemplifika saffi ta' leġiżlazzjoni li nbnew tul iż-żmien billi jiġi identifikat fejn jidħlu f'xulxin, in-nuqqasijiet, l-inkonsistenzi u miżuri obsoleti. L-esperjenza miksuba mis-semplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni fil-kuntest tal-"Approċċ il-ġdid" għas-Suq Uniku għall-merkanzija tista' tipprovdi għarfien f'dan ir-rigward.

Minkejja progress sostanzjali fis-snin reċenti, il-maġġoranza l-kbira tal-Istati Membri għadhom jiffaċċjaw sfidi serji u identifikabbli rigward regolamentazzjoni intelliġenti u l-ambjent tan-negozju, speċjalment għall-SMEs. Hemm bżonn li jsiru iżjed sforzi u sforzi iktar sistematiċi mill-Istati Membri biex jitnaqqas il-piż amministrattiv, biex ikun hemm regolamentazzjoni u politiki tal-gvern elettroniku aħjar, biex jiġi applikat il-prinċipju ta' "l-ewwel aħseb fiż-żgħir" u biex jiġu ssemplifikati l-iskemi ta' sostenn. L-iskambju tal-aqwa prassi fost min ifassal il-politika jista' jippermetti li jinkisbu għanijiet politiċi b'modi b'inqas piżijiet.

Hemm bżonn ukoll li jkompli jittejjeb l-ambjent tan-negozju speċjalment għall-SMEs. F'dan ir-rigward, diġà sar ħafna progress taħt l-Istrateġija ta' Liżbona u l- Att dwar in-Negozji ż-Żgħar adottat mill-Kummissjoni f'Ġunju 2008[4]. Madankollu, iktar progress huwa essenzjali permezz ta' applikazzjoni sostnuta tal-prinċipju "l-ewwel aħseb fiż-żgħir" u permezz ta' inizjattivi ġodda għall-appoġġ tal-kompetittività tal-SMEs, bħall-aċċess għal swieq ekoloġiċi u l-ekoinnovazzjoni, u kooperazzjoni bejn l-intrapriżi u l-internazzjonalizzazzjoni.

Il-Kummissjoni se tkun qed:

- tagħmel stimi msaħħa tal-impatti fuq il-kompetittività industrijali għall-proposti politiċi ġodda importanti kollha b'effetti sinifikanti fuq l-industrija bħala parti mill-porċess tal-istima tal-impatt, u tagħmel valutazzjonijiet ex-post u "kontrolli tal-adegwatezza"tal-leġiżlazzjoni tal-UE inklużi kwistjonijiet ta' kompetittività industrijali (mill-2011 'il quddiem).

- tirrevedi l-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar sabiex tkompli ttejjeb l-ambjent tan-negozju għall-SMEs u tindirizza kwistjonijiet emerġenti bħall-aċċess għall-koperazzjonijiet fis-swieq ekoloġiċi u l-ekoinnovazzjonijiet bejn l-intrapriżi u l-internazzjonalizzazzjoni. (2010)

L-Istati Membri huma mistiedna:

- jiżguraw stima tal-impatti fuq il-kompetittività industrijali tal-proposti politiċi maġġuri tagħhom stess, jimplimentaw "kontrolli tal-adegwatezza" tal-leġiżlazzjoni tagħhom stess u

- jimplimentaw l-Att għan-Negozji ż-Żgħar, jagħmlu titjib ulterjuri fl-ambjent tan-negozju, u "l-ewwel jaħsbu fiż-żgħir".

3.2. Titjib fl-aċċess għall-finanzi għan-negozji

Huwa essenzjali li s-swieq finanzjarji jsiru iktar reżiljenti u effiċjenti u biex jiġi żgurat li jkollhom l-inċentivi ġusti biex jiffinanzjaw l-ekonomija u l-investiment reali, minflok jidħlu fi spekulazzjoni tas-suq finanzjarju. Regolamentazzjoni tas-suq finanzjarju trid tevita li tipperikola l-bżonnijiet ta' finanzjament għal żmien qasir tal-ekonomija reali u l-kapaċità tal-kumpaniji li jilqgħu għar-riskji.

L-aċċess għall-finanzi ġew identifikati mill-parti l-kbira tal-Istati Membri bħala problema importanti speċjalment għall-finanzjament tal-SME's u l-innovazzjoni. Ħafna pajjiżi użaw il-Qafas tal-Għajnuna Statli Temporanja biex jiżviluppaw miżuri ta' rkupru. B'mod partikolari, l-Istati Membri saħħew il-kreditu tal-esportazzjoni, l-assikurazzjoni tal-esportazzjoni u skemi ta' garanziji tas-self mill-bank għall-SMEs. Ħlasijiet tard mis-settur pubbliku għadhom problema fil-parti l-kbira tal-pajjiżi u f'xi pajjiżi hemm raġuni ċara biex jitnaqqas sostanzjalment id-dewmien fil-ħlasijiet.

Fid-dawl tal-kriżi finanzjarja u ekonomika, l-aċċess għall-finanzi għan-negozji tibqa' sfida ewlenija, speċjalment għall-SMEs. Id-disponibilità tal-kreditu għadu ma ġiex lura għan-normal u s-swieq finanzjarji jibqgħu f'riskju avvers. Il-Kummissjoni stabbiliet il-Forum tal-Finanzi tal-SMEs mal-istituzzjonijiet finanzjarji u rappreżentanti tan-negozju biex jivvaluta u jippropoga l-aqwa prassi u jsib soluzzjonijiet ġodda biex jiġi żgurat l-aċċess għall-finanzjament tan-negozji, speċjalment għall-SMEs.

Il-modernizzazzjoni tal-bażi industrijali tal-Ewropa u l-infrastruttura li sserraħ fuqha se jeħtieġu investiment sostanzjali ġdid, li jinkludi iktar kapital privat għal investimenti produttivi , b'mod partikolari permezz ta' swieq tal-kapital ta' riskju. Dan japplika speċjalment għall-finanzjament tan-negozji li jkunu ħa jibdew, kumpaniji li qed jikbru b'mod dinamiku u riċerka u żvilupp u innovazzjoni li spiss ma jistgħux ikunu ffinanzjati mill-flus likwidi. Minħabba d-deterjorament sinifikanti ħafna li għaddej bħalissa fl-istat tal-finanzi pubbliċi f'bosta Stati Membri, għandhom jiġu esplorati soluzzjonijiet ġodda u innovattivi, inklużi skemi kkofinanzjati mill-Politika Reġjonali tal-UE u l-PAK għas-settur tal-ikel agrikolu, sabiex tiżgura appoġġ finanzjarju effiċjenti u effettiv li jgħin lill-finanzjament pubbliku jiġi allinjat mal-mekkaniżmi tal-inċentivi mal-miri strateġiċi tal-UE.

Proġetti ta' investiment privat fuq skala kbira u investiment fl-infrastruttura jserrħu wkoll fuq swieq finanzjarji li jkunu qed jiffunzjonaw. Huma jistgħu jattiraw kapital privat u pubbliku minn barra l-UE, inkluż investiment barrani dirett minn fondi tal-prosperità sovrani. Huwa essenzjali li fondi bħal dawn joperaw fi klima ta' investiment miftuħ u jaderixxu ma' ċerti standards fir-rigward tat-trasparenza u l-governanza, b'konformità mal-aqwa prassi stabbiliti mill-IMF u l-OECD.

Il-Kummissjoni se tkun qed:

- toħroġ leġiżlazzjoni, b'konformità mal-Komunikazzjoni dwar il-pass li jmiss fir-riforma tas-servizzi finanzjarji[5], li tiżgura li s-swieq finanzjarji jsiru iktar reżiljenti u effiċjenti, filwaqt li tiżgura li ma jipperikolawx il-bżonnijiet ta' finanzjament tal-ekonomija reali. Impatti potenzjali dwar l-aċċess għall-finanzjament, speċjalment mill-SMEs, se jkunu vvalutati u meqjusa fis-sħiħ fit-tħejjija tal-leġiżlazzjoni futura;

- teżamina jekk l-istrumenti finanzjarji Ewropej jistgħux jiġu ffukati mill-ġdid fil-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss wara l-2013 biex tgħin tegħleb nuqqasijiet tas-suq fil-finanzjament ta' negozji żgħar u innovazzjoni;

L-Istati Membri huma mistiedna jiżviluppaw u jaqsmu l-aqwa prassi dwar l-iskemi governamentali għall-aċċess għall-finanzi (2011/12).

4. TISħIħ TAS-SUQ UNIKU

4.1. L-iżvilupp tas-Suq Uniku u infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intelletwali

Is-suq uniku kien wieħed mill-muturi tat-tkabbir ekonomiku fl-Unjoni Ewropea tul l-aħħar 20 sena. Huwa pprovda lill-industrija tal-UE bi tnaqqis konsiderevoli fl-ispejjeż tal-kummerċ transkonfinali, iktar kompetizzjoni, u pprovda ekonomiji ta' skala u ta' skop konsiderevoli mid-disponibilità ta' suq mal-Ewropea kollha. Madankollu għad hemm għadd ta' ostakli. Dawn jinkludu regoli nazzjonali diverġenti, dupplikazzjoni tal-proċeduri u diffikultajiet fl-aċċess għal xi setturi tas-suq. L-Att dwar is-Suq Uniku għandu l-għan li jindirizza dawn l-ostakli u fl-istess ħin tiġġedded il-kunfidenza fis-suq uniku. Il-kunfidenza tan-negozju, tal-ħaddiema, tal-investituri u tal-konsumaturi li se jibbenefikaw kollha minn suq uniku li jwassal għal ekonomija tas-suq soċjali kompetittiv ħafna.

Saret approssimazzjoni sostanzjali tal-liġi f'bosta oqsma ta' leġiżlazzjoni rilevanti għal attività ekonomika. Madankollu, l-industrija u ċ-ċittadini Ewropej tipikament għadhom ikkonfrontati b'27 ambjenti ġuridiċi differenti dettaljati ħafna fil-livell nazzjonali, kif ukoll fil-livell reġjonali. Dan ixekkel l-allokazzjon effiċjenti tar-riżorsi fl-Ewropa u l-kompetittività tal-industrija Ewropea. Għalhekk huwa importanti li l-leġiżlazzjoni eżistenti u l-proċeduri amministrattivi jkunu mmonitorizzati biex jiġi identifikat l-ambitu għal aktar armonizzazzjoni li ssaħħaħ l-effiċjenza . Filwaqt li xi ftit minn din il-ħidma diġà nbdiet, f'ħafna oqsma għad hemm ix-xogħol xi jsir.

Servizzi relatati man-negozju bħal-loġistika, il-ġestjoni tal-faċilità, it-tfassil, it-tqegħid fis-suq u r-reklamar qed isiru dejjem iktar essenzjali għall-manifattura moderna. It-tnejn li huma huma kontributi essenzjali u jsaħħu l-valur tal-prodotti. Filwaqt li l-implimentazzjoni tad-Direttiva tas-Servizzi neħħiet ostakli amministrattivi għall-forniment transkonfinali tas-servizzi, għad hemm oqsma oħra fejn l-ostakli jibqgħu u fejn il-funzjonalità tas-suq intern għas-servizzi hemm bżonn li jittejbu. Utenti industrijali għas-servizzi esterni b'hekk huma kkonfrontati b'suq li huwa frammentat ħafna, mhux trasparenti, u spiss ikun jonqsu standards ta' kwalità definit sew. Il-ħolqien ta' Suq Uniku li jirnexxi fis-servizzi relatati man-negozju jitlob li dawn il-kwistjonijiet ikunu indirizzati urġentement.

Titjib fis- sistema Ewropea tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali huwa essenzjali u ilu li kien hemm bżonnu, speċjalment Privattiva effettiva tal-UE u sistema ta' litigazzjoni tal-privattivi. B'mod iktar effettiv assenjazzjoni, ġestjoni u użu tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali huma essenzjali biex jitħallew isiru sforzi fir-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni li huma kruċjali għal kompetittività fit-tul. Barra minn hekk, l-assenjazzjoni ta' dawn id-drittijiet trid tmur id f'id ma' infurzar effettiv. Il-falsifikazzjoni u l-piraterija fis-Suq Uniku u barra minnu jaffettwa għadd u varjetà dejjem jikbru ta' setturi u firxa wiesgħa ta' negozji individwali. Il-falsifikazzjoni tal-prodotti bħall-farmaċewtiċi, tagħmir elettroniku u parts tal-karozzi jistgħu joħolqu riskji serji ta' saħħa u sigurtà, kif ukoll it-tnaqqis tal-profittabilità tal-industrija u l-inċentiv għall-innovazzjoni.

Il-Kummissjoni se tkun qed:

- tiżgura l-implimentazzjoni f'waqtha tal-Att ta' Suq Uniku;

- tfassal pjan ta' azzjoni multiannwali tal-UE biex tiżviluppa sorveljanza tas-suq tal-UE. Barra minn hekk, b'kooperazzjoni mad-dwana nazzjonali u l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq, tiżviluppa linji gwida għall-kontroll tad-dwana fil-qasam tas-sigurtà tal-prodotti.

- timmonitorizza l-leġiżlazzjoni tal-UE f'oqsma partikolari, inklużi b'mod partikolari l-moviment liberu tal-merkanzija biex tidentifika fejn iktar armonizzazzjoni tkun tista' tnaqqas b'mod sinifikanti l-ispejjeż ta' negozju transkonfinali;

- tistabbilixxi Grupp ta' Livell Għoli dwar is-Servizzi tan-Negozju biex jiġu eżaminati problemi tas-swieq, standards u innovazzjoni u kwistjonijiet ta' kummerċ internazzjonali fl-industriji bħal-loġistika, il-ġestjoni tal-faċilitajiet, it-tqegħid fis-suq u r-reklamar (2012);

- se jistabbilixxi l-azzjoni futura tiegħu biex isaħħaħ l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali f'Novembru 2010, inkluż b'mod partikolari inizjattiva biex issaħħaħ l-Osservatorju Ewropew dwar il-Falsifikazzjoni u l-Piraterija.

Il-Kunsill u l-Parlament Ewropew huma mistiedna:

- jadottaw urġentement il-proposti għal privattiva tal-UE u sistema unifikata ta' litigazzjoni dwar il-privattivi biex l-ewwel privattivi jkunu jistgħu jinħarġu fl-2014;

- jiżviluppaw u jaqsmu l-aqwa prassi u l-materjali relatati mas-sorveljanza tas-suq, konswetudnijiet, u sostenn ġenerali għan-negozju biex jitjieb l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.

4.2. Il-Politika tal-Kompetizzjoni

Swieq kompetittivi li jiffunzjonaw jikkontribwixxu għall-kompetittività tal-industriji Ewropej f'bosta modi. Il-kompetizzjoni hija l-mutur tal-innovazzjoni u l-kisbiet tal-effiċjenza u toħloq l-inċentivi għall-kumpaniji biex iżżid il-produttività tagħhom. Billi jiżamm ambjent ekwu, il-politika tal-kompetizzjoni tiżgura aċċess għas-suq intern tal-UE li hu kbir u sofistikat. Swieq kompetittivi jżidu wkoll il-pressjoni biex jiġu realizzati l-kisbiet ta' effiċjenza neċessarja biex isiru u jibqgħu kompetittivi.

Barra minn hekk, ir-regoli tal-kompetizzjoni jipprovdu oqfsa speċifiċi biex ikunu ta' appoġġ għall-kompetittività tal-industrija Ewropea u t-tranżizzjoni lejn industrija iktar effiċjenti fir-riżorsi. Permezz tal-għajnuna Statali, l-antitrust u l-kontroll tal-fużjonijiet, il-Kummissjoni tiżgura kompetizzjoni mhux imxekkla fi ħdan is-suq intern. Barra minn hekk, l-infurzar tal-politika tal-kompetizzjoni hija għodda importanti biex tħares lill-kumpaniji Ewropej minn prattikki dannużi għall-kompetittività, bħal tqassim tas-suq, akkumulazzjoni tal-kapaċità jew prevenzjoni ta' attivitajiet transkonfinali, li jwasslu għal prezzijiet ogħla. Dan huwa essenzjali b'mod partikolari għas-swieq tal-kontributi, bħal servizzi relatati mal-industrija li huma importanti għall-kompetittività fl-ispejjeż tal-industriji Ewropej.

Barra minn hekk, bit-tisħiħ tal-innovazzjoni u l-produttività, il-politika tal-kompetizzjoni hija strument effiċjenti għall-kumpaniji Ewropej biex jittrattaw kwistjonijiet ta' kompetittività globali, inkluża l-pożizzjoni tagħhom fis-swieq internazzjonali. B'mod partikolari l-kontroll tal-fużjonijiet huwa għodda essenzjali biex jippermetti lill-kumpaniji jirristrutturaw permezz ta' fużjonijiet ħalli jespandu fi swieq ġeografiċi oħra, filwaqt li jiżguraw li l-klijenti industrijali Ewropej u l-konsumaturi jkunu mħarsa miż-żidiet fil-prezzijiet u effetti antikompetittivi oħra.

Il-kontroll tal-Għajnuna Statali huwa rwol essenzjali biex jiġi evitat xkiel għas-Suq Uniku; barra minn hekk, it-tfassil ta' regoli ta' għajnuna tal-Istat jikkontribwixxi għall-promozzjoni tal-kompetittività tal-industrija fl-Ewropa. Ir-regoli tal-Għajnuna Statali jipprovdu qafas li jidderieġi l-investimenti tal-Istati Membri biex jindirizzaw nuqqasijiet tas-suq identifikati.

4.3. Titjib tal-infrastruttura

Il-kompetittività tal-industrija Ewropea kruċjalment tiddependi fuq il-kwalità u l-effiċjenza tas- servizzi tal-enerġija, tat-trasport u tal-infrastruttura tal-komunikazzjoni. It-titjib u l-modernizzazzjoni ta' dawn in-netwerks huma essenzjali. In-netwerks tat-trasport hemm bżonn li jittejbu biex ma jeħilx it-traffiku u jittejbu l-konnessjonijiet transkonfinali. In-netwerks tal-enerġija jridu jkunu aġġornati u mmodernizzati biex jinkorporaw netwerks intelliġenti, jiffaċilitaw l-integrazzjoni tal-enerġija rinnovabbli, jiżguraw suq intern tal-enerġija li jiffunzjona fis-sħiħ u jtejbu s-sikurezza tal-provvista. Hemm bżonn li jsiru iktar sforzi biex tiġi aġġornata infrastruttura fl-Istati Membri l-ġodda u r-reġjuni inqas żviluppati. Dan it-titjib se jeħtieġ investimenti massivi u l-iżvilupp ta' soluzzjonijiet ta' finanzjament innovattivi bħal bonds għall-proġetti u sħubijiet bejn il-pubbliku u l-privat. L-inizjattiva ewlenija tal-Aġenda Diġitali turi l-isfidi u tipproponi rimedji politiċi fil-qasam tal-komunikazzjoni. Bl-istess mod, il-Komunikazzjoni li ġejja dwar l-infrastruttura tal-enerġija u l-White Paper dwar it-trasport sostenibbli se jindirizza l-kwistjoni fil-kuntest tal-infrastruttura tal-enerġija u t-trasport. Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) u l-Fond ta' Koeżjoni għandhom rwol sinifikanti fl-iżvilupp u l-aġġornament ta' din l-infrastruttura.

Il-kompetizzjoni, l-effiċjenza tas-servizzi pubbliċi u privati, u l-infrastruttura huma determinanti importanti għall-kompetittività industrijali fl-Istati Membri. F'ħafna Stati Membri, iż-żieda fil-kompetizzjoni fl-industriji tan-netwerks jibqgħu sfida. F'xi Stati Membri, it-trasport bit-triq u l-infrastruttura tal-enerġija jeħtieġu l-attenzjoni. Proċeduri ta' għoti tal-permessi u aċċettazzjoni pubblika li jieħdu ż-żmien ukoll jistgħu jikkawżaw waqfien fl-iżvilupp tal-infrastruttura.

Ċerti servizzi tan-netwerks Ewropej spiss ikunu pprovduti bi prezz relattivament għoli . Il-prezzijiet Ewropej tal-elettriku huma bħala medja ogħla mill-istandards internazzjonali. B'hekk hemm bżonn ta' implimentazzjoni tas-suq intern effettiv fis-settur tal-enerġija u t-Tielet Pakkett tal-Enerġija li ġie adottat reċentement se jkun għodda ewlenija f'dan l-eżerċizzju. Infurzar aqwa tar-regoli tal-kompetizzjoni fis-settur huwa neċessarju biex jitnaqqas ix-xkiel lill-kompetizzjoni bħall-abbużi minn pożizzjoni dominanti tal-parteċipanti fis-suq. Jekk ma tiġix indirizzata din il-kwistjoni jiżdiedu r-riskji ta' rilokazzjoni.

Finalment, in-netwerks differenti tal-enerġija, it-trasport u l-komunikazzjoni jridu jiġu iktar integrati biex jippermettu l-forniment ta' servizzi kompetittivi ġodda. Fl-istess waqt, din l-integrazzjoni tipprovdi wkoll sorsi ġodda ta' tkabbir u innovazzjoni .

Il-Kummissjoni se tkun qed:

- tieħu azzjonijiet konkreti biex tkompli tiżviluppa suq intern effiċjenti għat-trasport bit-triq, bl-ajru, bil-ferrovija u fuq l-ilma (il-White Paper li ġejja fuq il-Politika tat-Trasport) u jingħelbu l-problemi tat-trasport permezz tar-reviżjoni li ġejja tal-linji gwida TEN-T ibbażati fuq metodoloġija ġdida għal ippjanar TEN-T strutturata madwar il-ħolqien ta' netwerk ċentrali;

- tadotta pakkett ta' infrastruttura tal-enerġija biex tappoġġja inter alia l-iżvilupp ta' suq tal-enerġija interna billi tindirizza rabtiet infrastrutturali neqsin ta' sinifikat Ewropew u tipproponi l-għodod neċessarji biex tiġi żgurata r-realizzazzjoni f'waqtha tagħhom;

- iżżid l-isforzi tagħha biex tilliberalizza s-swieq tal-enerġija tal-UE sabiex issaħħaħ il-kompetizzjoni fis-settur tal-enerġija u tevita li tpoġġi lill-industrija tal-manifattura tal-UE fi żvantaġġ sinifikanti fis-swieq globali;

- tiżviluppa, flimkien mal-Grupp tal-BEI, strateġija ta' finanjament għall-infrastruttura li tinkludi l-ħolqien ta' bonds għall-proġetti tal-UE u t-trawwim tal-użu tas-sħubijiet bejn is-settur pubbliku u dak privat.

L-Istati Membri huma mistiedna:

- jitfgħu enfasi partikolari fuq l-indirizzar ta' problemi ta' trasport u interkonnessjonijiet transkonfinali tan-netwerks tal-enerġija.

- jimplimentaw fil-pront it-Tielet Pakkett tas-Suq tal-Enerġija Interna.

4.4. Standardizzazzjoni

Waħda mill-politiki ewlenin biex jinkisbu benefiċċji ekonomiċi mill-armonizzazzjoni u ekonomiji ta' skala hija l-istandardizzazzjoni, kemm fil-livell Ewropew, kemm f'dak internazzjonali kif ukoll f'dak nazzjonali. Ukoll is-swieq innifishom spiss jiġġeneraw standards fattwali permezz ta' tmexxija teknoloġika, ftehimiet tas-suq, u/jew dominanza tas-suq.

L-istandards Ewropej diġà għandhom rwol importanti fil-faċilitazzjoni tal-penetrazzjoni tas-suq ta' prodotti innovattivi u fit-tnaqqis tal-ispejjeż ta' produzzjoni. Proċess kompetittiv li jistabbilixxi l-istandard, fejn fornituri varji tat-teknoloġija jikkompetu fuq merti, jappoġġja l-politika industrijali billi jiżgura li l-klijenti industrijali, u finalment il-konsumaturi, jibbenefikaw mill-istandards fejn it-teknoloġiji ma jingħatawx prezz f'livelli soprakompetittivi. Għall-industriji tal-manifattura, il-mira ġenerali fl-għaxar snin li ġejjin hija li tiġi żviluppata sistema standard għall-Ewropa li se tissodisfa l-istennijiet kemm tal-atturi tas-suq kif ukoll tal-awtoritajiet pubbliċi Ewropej. Dan irid isir f'dinja u soċjetà li qed jinbidlu malajr u preferibilment għandu jippromwovi wkoll l-influwenza Ewropea lil hinn mis-suq uniku fl-ekonomija globalizzata. L-Ewropa trid ukoll tieħu miżuri addizzjonali biex iżżomm il-pożizzjoni strateġika tagħha fl-istandardizzazzjoni internazzjonali.

Minbarra dan, l-istandards iridu jiġu adattati biex jgħinu lill-politika Ewropea tindirizza l-"kwistjonijiet il-kbar" bħall-bdil fil-klima, is-sostenibilità, it-tixjiħ, u l-innovazzjoni b'mod ġenerali. L-istandards iridu jsiru parti integrali tal-iżvilupp tar-riċerka u l-politika mill-bidu nett. Billi tkun il-mutur għall-iżvilupp tal-istandards Ewropej jew internazzjonali għal dawn il-prodotti u teknoloġiji negozjabbli emerġenti ġodda (bħan-nanoteknoloġija u teknoloġiji abilitanti ewlenin oħrajn, karozzi elettriċi, teknoloġiji tas-saħħa, prodotti effiċjenti fl-enerġija, enerġija rinnovabbli u teknoloġiji ambjentali oħrajn, u servizzi tan-negozju) l-Ewropa tista' toħloq vantaġġ kompetittiv għall-kumpaniji tagħha u tiffaċilita l-kummerċ. Jekk l-istandards għandhom ikollhom dan ir-rwol li jippermettu l-innovazzjoni, kif deskritt fl-inizjattiva ewlenija tal-UE Unjoni tal-Innovazzjoni, l-Ewropa trid tiżviluppa metodi iktar flessibbli ta' ħidma mal-istandardizzaturi u tistaqsihom biex min-naħa tagħhom jużaw il-firxa kollha ta' strumenti (spefikazzjonijiet, ftehimiet ta' gruppi ta' ħidma) biex jiġu appoġġjati l-politiki Ewropej b'mod li jkun "adegwat għall-fini tiegħu". Dan se jippermetti żvilupp tal-istandards iktar mgħaġġel u flessibbli f'oqsma innovattivi.

L-effiċjenza u l-effettività tal-istandardizzazzjoni Ewropea trid tkun ottimizzata, billi jitrawmu strutturi iktar b'saħħithom għall-istandards armonizzati, proċessi li li jistabbilixxu l-istandards aħjar fil-livelli kollha, u adozzjoni rapida tal-aqwa standards globali disponibbli, fejn il-prattiki ta' għemil ta' standards globali huma stabbiliti sew bħal fis-settur tal-ICT. L-istandards m'għandhomx joħolqu piż addizzjonali, eż għall-SMEs. Minflok, dawn għandhom iwasslu għal kisbiet fl-effiċjenza u jaġixxu ta' inċentiv għall-innovazzjoni. L-għan aħħari għandu jkun il-konverġenza tal-istandards fil-livell dinji.

Il-Kummissjoni se tkun qed:

- tippreżenta, fil-bidu tal-2011, permezz ta' komunikazzjoni ta' standardizzazzjoni u proposta leġiżlattiva strateġija li tippromwovi rwol iktar b'saħħtu għall-istandardizzazzjoni Ewropea f'dinja u soċjetà li qed jinbidlu malajr. Dan se jinkludi t-tħaffif ta' proċessi ta' standardizzazzjoni, inter alia s-settur tal-ICT, li jwessa' l-involviment tal-SMEs u partijiet interessati oħra, u l-iżvilupp ta' standards għas-servizzi. Il-Komunikazzjoni se teżamina wkoll alternattivi għall-iżgurar ta' perspettiva iktar fit-tul, li s-sistema ta' standardizzazzjoni tkun kapaċi tadatta għall-ambjent li qed jevolvi malajr u tikkontribwixxi għal għanijiet interni u esterni strateġiċi Ewropej, inkluż permezz ta' reviżjoni indipendenti.

5. Politika ta' innovazzjoni industrijali ġdida

5.1. Innovazzjoni industrijali

L-ilħuq tal-isfidi tal-kompetizzjoni globali u iżjed sostenibilità jeħtieġu l-ksib ta' eċċellenza fl-innovazzjoni. L-innovazzjoni hija mutur ewlieni għall-produttività, iktar effiċjenza fl-enerġija u l-materjali, ir-rendiment aħjar tal-prodotti u s-servizzi, u l-ġenerazzjoni ta' swieq ġodda. Madankollu, l-Ewropa mhix tajba biżżejjed biex iddawwar l-eċċellenza fl-ideat tagħha fi prodotti u servizzi li jistgħu jitqiegħdu fis-suq. Hemm bżonn ta' politika ġdida tal-innovazzjoni industrijali biex jitħeġġeġ l-iżvilupp u l-kummerċjalizzazzjoni iktar malajr tal-prodotti u s-servizzi u biex tiżgura li l-kumpaniji tal-UE jkunu l-ewwel fis-suq. Mingħajr innovazzjoni ta' dan it-tip, l-industrija tal-Ewropa mhix se tkun tista' tikkompeti b'suċċess fis-suq globali, kemm fl-industriji mmexxija mit-teknoloġija u kemm minn dawk tradizzjonali.

L-inizjattiva ewlenija tal-Unjoni għall-Innovazzjoni tenfasizza l-approċċ kumplessiv għal mudell ta' innovazzjoni Ewropew distintiv u ta' suċċess. Hemm bżonn urġenti għal koordinazzjoni aħjar fl-edukazzjoni, l-isforzi tar-riċerka u tal-iżvilupp u l-innovazzjoni, iktar koerenza fil-kooperazzjoni fix-xjenza, it-teknoloġija u l-innovazzjoni mal-bqija tad-dinja, approċċ globali għall-isfidi soċjetali, it-twaqqif ta' ambjent ekwu għar-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni, u aċċess imsaħħaħ għall-kapital finanzjarju u ta' riskju, u fokus xieraq fuq kemm l-isfidi tal-kompetittività kemm dawk soċjetali.

Sfida ewlenija hija li jiġu żviluppati urġentement u jitqiegħdu fis-suq is-saħħiet tar-riċerka tal-Ewropa fit-teknoloġiji emerġenti. Teknoloġiji abilitantiewlenin [6] bħall-bijoteknoloġija, in-nanoteknoloġija, il-materjali avvanzati, il-fotonika, il-mikroelettroniċi u n-nanoelettroniċi u s-sistemi ta' manifattura avvanzata industrijali jistgħu jipprovdu l-bażi ta' varjetà wiesgħa ta' proċessi ġodda u prodotti u servizzi, li jinkludu l-iżvilupp ta' industriji interament ġodda tul l-għaxar snin li ġejjiin. L-Ewropa qiegħda fuq quddiem fir-riċerka xjentifika, imma l-użu f'waqtu u t-teħid ta' dawn it-teknoloġiji madwar l-industrija tal-UE, inklużi minn SMEs, għandha tiġi żgurata. Kooperazzjoni iktar mill-qrib dwar il-politiki u l-programmi teknoloġiċi, aċċess aħjar għall-finanzjament, u appoġġ imsaħħaħ għal proġetti pilota u ta' turija huma essenzjali biex jiġi aċċellerat l-iżvilupp ta' teknoloġiji kummerċjali. Hemm bżonn ta' leġiżlazzjoni tas-suq intern f'waqtha, għemil ta' standards iktar malajr, indirizzar kmieni ta' tħassib tal-konsumatur, u kuntratti pubbliċi kummerċjali u prekummerċjali biex jinħoloq Suq Uniku għall-prodotti u s-servizzi innovattivi. L-Unjoni tal-Innovazzjoni ħabbret reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-linji gwida tal-għajnuna statali għar-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni, li tiċċara liema forom tal-innovazzjoni jistgħu jkunu appoġġjati, inklużi għal teknoloġiji u innovazzjonijiet abilitanti ewlenin li jindirizzaw sfidi soċjetali, u l-aqwa użu tagħhom mill-Istati Membri.

L-Istati Membri li għandhom rendiment ta' innovazzjoni aħjar mill-medja kienu proattivi fir-reazzjoni għall-kriżi ekonomika, b'mod partikolari bl-użu tal-miżuri temporanji addizzjonali biex jiġu stimulati r-riċerka u l-innovazzjoni. Dan ma kienx ġeneralment il-każ għall-pajjiżi li qegħdin taħt il-medja tal-UE, li jindika l-probabbiltà ta' distakk dejjem jikber fir-rendiment tar-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni. Il-bżonn li jittejbu l-ħiliet u jissaħħaħ is-sehem tat-teknoloġija u attivitajiet intensivi fil-ħiliet hija terġa' iktar importanti f'dan il-każ.

L-industrija Ewropea trid issaħħaħ ukoll il- bażi ta' għarfien tagħha biex tibqa' kompetittiva, tinvesti fir-riċerka u l-innovazzjoni għal ekonomija intelliġenti, sostenibbli u inklużiva. Sa mill-2004, dik il-Kummissjoni appoġġjat il-ħolqien ta' Pjattaformi tat-Teknoloġija Ewropea biex iġġib lill-partijiet interessati tal-industrija flimkien fil-livell tal-UE, tiżviluppa viżjoni komuni dwar ir-riċerka u l-iżvilupp, u tinkoraġġixxi tagħrif lura fuq il-politiki tal-UE. L-Inizjattivi tat-Teknoloġija Konġunti twaqqfu biex ikomplu r-riċerka fil-livell Ewropew f'oqsma b'potenzjal ta' innovazzjoni għoli. Il-Kummissjoni nediet ukoll tliet Sħubijiet bejn il-Pubbliku u l-Privat bħala parti mill-Pakkett Ewropew ta' Rkupru Ekonomiku: "Fabbriki tal-futur", "Bini effiċjenti fl-enerġija" u "Karozzi ekoloġiċi", biex jappoġġjaw riċerka u żvilupp fit-tul bħala reazzjoni għall-isfidi ta' kompetittività u sostenibilità urġenti f'setturi industrijali ewlenin. Il-Komunitajiet ta' Għarfien u Innovazzjoni tal- Istitut Ewropew għall-Innovazzjoni u t-Teknoloġija jintegraw fil-livell tal-UE l-katina ta' innovazzjoi sħiħa mill-edukazzjoni u r-riċerka għall-kummerċjalizzazzjoni, b'fokus fuq governanza b'saħħitha, u jipprovdu mudelli għall-istimolu tal-innovazzjoni.

Użu aħjar tal- ICT għall-kompetittività industrijali, l-ottimizzazzjoni tar-riżorsi u l-innovazzjoni se jkunu essenzjali għall-kompetittività futura wkoll, kif stabbilit fl- inizjattiva ewlenija dwar l-Aġenda Diġitali [7]. In-negozju tal-UE x'aktarx li se jiffaċċja nuqqasijiet dejjem iktar severi ta' speċjalisti tal-ICT u utenti tal-ICT avvanzati. B'mod parallel, hemm bżonn li jitħeġġeġ użu iktar innovattiv ta' ICT mal-ktajjen tal-valur industrijali kollha biex jiġu ssemplifikati t-tranżazzjonijiet tan-negozju, pereżempju permezz ta' fatturi elettroniċi u tingħata spinta għall-kompetittività ġenerali permezz ta' proġetti dimostrattivi biex jippromwovu l-integrazzjoni tal-intrapriżi, speċjalment l-SMEs fil-ktajjen ta' valur diġitali.

Għal politika ta' innovazzjoni effettiva, għandna bżonn ta' għarfien aħjar fir- rendiment ta' innovazzjoni settorjali u potenzjal futur. L-Osservatorju tal-Innovazzjoni Settorjali tal-Kummissjoni identifikat sfidi ewlenin f'għadd ta' setturi u wera differenzi maġġuri bejn il-pajjiżi u s-setturi. Huwa essenzjali li jittejjeb id-desinn tal-istrument politiku tal-UE biex jappoġġja bidla strutturali u innovazzjoni, speċjalment fl-industriji maturi. Barra minn hekk, kooperazzjoni transsettorjali eqreb tista' tagħti spinta lill-kreattività u lill-innovazzjoni tal-kumpaniji. Dan jirrikjedi li l-kumpaniji jħarsu lil hinn mis-setturi tagħhom stess, għalhekk hemm bżonn ta' mekkaniżmi ġodda biex tiġi żgurata t-transfertilizzazzjoni tal-ideat u l-mudelli tan-negozji. Il-potenzjal għal dawn il-kuntatti bejn is-setturi differenti hemm bżonn li jiġu esplorati ulterjorment u tradotti f'reazzjonijiet politiċi.

Ragruppamenti u netwerks itejbu l-kompetittività industrijali u innovazzjoni billi jiġbru flimkien riżorsi u għarfien espert, u jippromwovu l-kooperazzjoni fost in-negozji, l-awtoritajiet pubbliċi u l-universitajiet. Politiki ta' ragruppamenti reġjonali, nazzjonali u tal-UE għandhom jimmiraw biex jegħlbu nuqqasijiet eżistenti tas-suq u distakki fil-finanzjament, speċjalment biex isservi ta' pont bejn il-kumpaniji u l-istituzzjonijiet tar-riċerka. Il-Politika Reġjonali tal-UE u r-reġjuni ta' assistenza tal-Programmi Qafas ta' riċerka biex jadottaw "strateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti" biex iqawwu l-kompetittività tagħhom bl-iżvilupp ta' niċeċ ta' innovazzjoni. Filwaqt li nibnu fuq is-suċċessi eżistenti, hemm bżonn ta' żvilupp ta' ragruppamenti u netwerks kompetittivi globali kemm għall-għenieqes tradizzjonali u kemm għal dawk tar-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni. Permezz tar-ragruppamenti lokali li huma konnessi mal-Ewropa kollha, massa kritika tista' tinkiseb għar-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni, il-ħiliet, il-finanzjament, it-transfertilizzazzjoni tal-ideat u l-inizjattivi intraprenditorjali. Madankollu, l-inizjattivi tar-ragruppamenti varji hemm bżonn li jiġu kkonsolidati u ssemplifikati.

Il-qafas komunitarju attwali għall-Għajnuna tal-Istat għar-Riċerka u l-Iżvilupp u l-Innovazzjoni jipprovdi bonus fl-intensitajiet tal-għajnuna għal riċerka u żvilupp kollaborattivi u proġetti tal-innovazzjoni, jiġifieri proġetti jitwettqu f'tal-inqas 2 Stati Membri jew jinvolvu kollaborazzjoni mal-SMEs. Huwa jippermetti wkoll lill-Istati Membri jinnotifikaw l-għajnuna għall-promozzjoni tal-eżekuzzjoni ta' proġetti importanti ta' interess Ewropew komuni skont l-Artikolu 107(3)(b) TFUE. L-Istati Membri jistgħu jitħeġġew jagħmlu użu minn dan l-istrument.

Il-Kummissjoni se tkun qed:

- tniedi inizjattiva biex tippromwovi l-użu wiesa' u f'waqtu, it-teħid u l-kummerċjalizzazzjoni ta' Teknoloġiji Abilitanti Ewlenin kompetittivi;

- tippromwovi riċerka, żvilupp u innovazzjoni industrijali dwar teknoloġiji ta' manifatturazzjoni avvanzati, tibni fuq l-inizjattiva "Fabbriki għall-Futur", sabiex tiffaċilita l-modernizzazzjoni tal-bażi industrijali tal-UE u tipprovdi reazzjoni għall-isfidi soċjetali bħall-effiċjenza tal-enerġija, il-bdil fil-klima u l-iskarsezza tar-riżorsi;

- tippromwovi inizjattivi li jġibu flimkien edukazzjoni ogħla u negozji biex titjib il-forza tax-xogħol b'ħiliet kbar tal-Ewropa, bħall-inizjattiva tal-ħiliet elettroniċi ffukata fuq utenti tal-ICT avvanzati fl-industrija, u l-azzjoni pilota Forum Universitajiet-Negozji li tiffinanzja Alleanzi tal-Għarfien bejn l-universitajiet u n-negozji;

- tippromwovi kunċetti ġodda ta' kummerċ u teknoloġiji ta' manifattura marbuta li huma kkonċentrati fuq l-iżvilupp ta' prodotti sostenibbli, ibbażati fuq id-disinn u skont ix-xewqa tal-utent fis-settur tat-tessuti u l-ilbies kif ukoll swieq oħra kbar ta' konsum;

- tiżviluppa l-approċċi politiċi biex jitrawwem il-potenzjal għal transfertilizzazzjoni bejn is-setturi, inklużi setturi ta' manifatturazzjoni tradizzjonali u SMEs;

- tippreżenta Strateġija ġdida għal Ragruppamenti u Netwerks globalment kompetittivi inkluża azzjoni speċifika biex jiġu promossi globalment ragruppamenti u netwerks kompetittivi kemm fl-industriji tradizzjonali u kemm f'dawk emerġenti (2011).

- tħeġġeġ in-notifika parallela ta' Għajnuna għal proġetti kollaborattivi transkonfinali fir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni.

L-Istati Membri huma mistiedna:

- irawmu kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn il-politiki għal teknoloġiji abilitanti biex jimmassimizzaw is-sinerġiji u l-komplementaritajiet fl-użu effettiv tat-teknoloġija;

- tippromwovi "speċjalizzazzjoni intelliġenti" permezz tal-politiki Reġjonali tal-UE biex tiżviluppa ragruppamenti u ttejjeb l-andament tal-innovazzjoni tar-reġjuni.

5.2. Bażi ta' ħiliet

L-immodernizzar tal-bażi ta' ħiliet tal-Ewropa se jkun wieħed mill-għanijiet tal- inizjattiva ewlenia "Aġenda għal ħiliet u impjiegi ġodda" . Dan se jgħin il-bażi industrijali tal-Ewropa billi jipproponi azzjoni biex itejjeb il-funzjonament tas-swieq tax-xogħol tagħna u biex jiġi żgurat li l-forza tax-xogħol tagħna jkollha l-ħiliet it-tajbin. Għalkemm hemm qgħad għoli, l-industrija Ewropea għadha qed tbati biex issib impjegati li għandhom il-ħiliet meħtieġa biex jimlew dawn il-postijiet tax-xogħol. Dan in-nuqqas ta' qbil fil-ħiliet huwa mistenni jogħla ladarba jitqies it-tnaqqis fil-forza attiva tax-xogħol minħabba l-bidla demografika. Il-modernizzazzjoni tal-istrutturi industrijali se jitlob ħiliet ġodda, kundizzjonijiet ġodda tax-xogħol, u bidliet fil-karrieri iktar frekwenti. Il-ħaddiema għandhom bżonn ta' appoġġ biex iġestixxu dawn il-proċessi b'suċċess permezz tal-flessigurtà fit-tagħlim tul il-ħajja. Hemm bżonn ta' koordinament iktar mill-qrib bejn il-gvernijiet nazzjonali, reġjonali u lokali b'involviment iktar qawwi mill-imsieħba soċjali. Ir-rwol tal-Fond Soċjali Ewropew iridu jissaħħu biex tiġi appoġġjata l-implimentazzjoni ta' politiki tas-suq tax-xogħol attivi u tqabbil aħjar bejn il-ħaddiema u l-impjiegi. Hemm bżonn ta' koordinament mill-qrib bejn is-settur pubbliku u s-sħab industrijali fil- politiki tal-edukazzjoni u t-taħriġ . B'mod partikolari, huwa essenzjali li jiżdied l-għadd u l-kwalità tal-gradwati fix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika. L-għadd ta' ħaddiema b'ħiliet medji wkoll jeħtieġu li jkunu jaqblu mad-domandi mill-industriji li qed jikbru b'pass mgħaġġel bħas-setturi tal-ambjent u tal-enerġija. Politiki fil-livell tal-UE jista' jkollhom valur miżjud sinifikanti, partikolarment billi jgħinu għall-qsim tal-informazzjoni u l-aqwa prassi.

Il-Kummissjoni se tkun qed:

- tħeġġeġ in-netwerking bejn l-awtoritajiet tal-industrija, l-edukazzjoni u l-impjiegi tal-Istati Membri biex jaqsmu informazzjoni u l-aqwa prassi fis-swieq tax-xogħol u strateġiji tal-ħiliet;

- tipproponi prinċipji gwida dwar il-kundizzjonijiet qafas għall-ħolqien tal-impjiegi, inkluż l-investiment fl-iżvilupp ta' gradwati fix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika.

L-Istati Membri huma mistiedna:

- iżidu l-użu tagħhom tal-Fond Soċjali Ewropew għall-aġġornament tal-ħiliet u r-ristrutturazzjoni.

6. IL-KAPITALIZZAZZJONI TAL-GLOBALIZZAZZJONI

6.1. Ir-regolamentazzjoni internazzjonali u tal-kummerċ

Liberalizzazzjoni tajba tal-kummerċ permezz ta', inter alia , ftehimiet multilaterali u bilaterali u spejjeż neżlin fit-trasport u l-komunikazzjoni għenu biex jinħoloq suq globali vibranti u tkabbir rapidu fi swieq ġodda għall-esportazzjonijiet mill-UE. Il-potenzi ekonomiċi emerġenti l-ġodda bħaċ-Ċina, l-Indja u l-Brażil qegħdin malajr inaqqsu d-distakk tal-produttività u l-innovazzjoni li għadha teżisti mad-dinja industrijalizzata. Għalhekk hemm bżonn li l-industrija tibbenefika minn opportunitajiet tas-suq permezz ta' trasformazzjoni u modernizzazzjoni biex jinżamm il-vantaġġ kompetittiv tagħha. Inġiebu benefiċċji ċari għall-industrija tal-UE minn dawn it-tendenzi l-ġodda li ħadu xejra pożittiva wara l-kriżi, meta swieq emerġenti pprovdew għal tkabbir sinifikanti. Il-" Komunikazzjoni dwar it-Tkabbir fil-Kummerċ u l-Affarijiet Dinjin "[8] tistabbilixxi l-approċċ għall-politika kummerċjali l-ġdida bħala parti mill-istrateġija Ewropa 2020.

Għandhom isiru sforzi partikolari biex jiġi żgurat li din il-pressjoni kompetittiva li qed tiżdied mill-ekonomiji emerġenti mhix ibbażata fuq strateġiji ta' tkabbir li jserrħu wisq fuq miżuri protezzjonisti biex jippromwovu esportazzjonijiet u jiddiskriminaw kontra importazzjonijiet. Fil-fatt, it-tendenzi li ġew osservati għall-użu mhux dovut ta' ostakli mhux tariffarji għall-kummerċ, sussidji moħbija, kuntratti pubbliċi diskriminatorji, trasferiment teknoloġiku sfurzat, rati ta' kambju ġestiti, u infurzar dgħajjef tal-ħarsien soċjali u ambjentali. Għalhekk huwa essenzjali li wieħed ikompli jimmonitorizza mill-qrib interventi statali ta' dan it-tip li jxekklu l-kompetizzjoni u jieħdu azzjoni xierqa. L- istrateġija għall-aċċess għas-suq hija għodda importanti għall-indirizzar ta' tipi differenti ta' ostakli kummerċjali li l-kumpaniji Ewropej qed jiffaċċjaw fis-swieq tal-pajjiżi terzi. Fit-tisħiħ tal-istrateġija, għandha tingħata attenzjoni partikolari għal oqsma bħall-kuntratti pubbliċi, l-investiment dirett barrani, u r-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjonijiet tal-materja prima. Bl-istess mod, il-protezzjoni u l-infurzar effettivi tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u indikazzjonijiet ġeografiċi fil-pajjiżi terzi huma kruċjali biex jippermettu lin-negozji Ewropej, l-iktar dawk fis-setturi innovattivi, biex jidħlu u jikkompetu fi swieq terzi.

Strumenti ta' difiża tal-kummerċ huma essenzjali wkoll għall-ħarsien tal-industrija tal-UE minn prattiki inġusti. Dawn għandhom isiru iktar aċċessibbli, speċjalment għall-SMEs. B'mod iktar ġenerali, għandhom isiru sforzi kontinwati għall-implimentazzjoni, il-monitorizzazzjoni u l-infurzar tal-ftehimiet multilaterali u bilaterali konklużi.

Is-suċċess fl-ekonomija dinjija l-ġdida b'interazzjoni intensiva jiddependi mill- kapaċità tal-intrapriżi biex jaċċessaw swieq internazzjonali u jisfruttaw l-ktajjen tal-valur globali . Is-sistema multilaterali ta' bħalissa bbażata fuq ir-regoli li toffri prospetti affidabbli ta' infurzar effettiv u soluzzjoni għat-tilwim jiffaċilita dan bil-kbir; hekk ukoll tagħmel konverġenza globali eqreb tar-regolamentazzjoni u l-istandards għall-merkanzija u s-servizzi mibjugħa li għandha tiġi estiża u msaħħa. Barra minn hekk din is-sistema multilaterali għandha tkun ikkomplementata bi ftehimiet reġjonali u bilaterali. Oqsma ġodda inkluża l-politika tal-kompetizzjoni, l-għajnuna statali u l-investiment barrani dirett għandhom ikunu indirizzati.

Fis-suġġett regolatorju, bżonn partikolarment urġenti huwa li jkun hemm regoli u standards kompatibbli globalment għal prodotti, servizzi u teknoloġiji kummerċjabbli emerġenti ġodda . Regoli u għemil ta' standards għanu jkun ibbażat fuq prinċipji ta' regolamentazzjoni aħjar u b'hekk ikun effettiv fl-infiq kemm jista' jkun. L-għan aħħari huwa l-konverġenza ta' regoli u standards fil-livell internazzjonali kull meta jkun possibbli. Meta dan ma jkunx jista' jinkiseb, għandhom jintużaw il-mekkaniżmi offruti permezz tal-ftehim tad-WTO dwar Ostakli Tekniki għall-Kummerċ (TBT). L-UE se tipprova tipprevjeni l-ħolqien ta' ostakli nontariffarji ġodda u tippromwovi prattika regolatorja tajba fid-djalogi regolatorji bilaterali tagħha ma' sħab maġġuri.

F'każ fejn il-leġiżlazzjoni Ewropea timponi rekwiżiti ta' traċċabilità , dawn jikkontribwixxu għall-kwalità u s-sigurtà tal-prodotti u japplikaw għall-importazzjonijiet kif ukoll għall-prodotti li saru fl-UE. F'xi każijiet, l-UE tista' ssib li jkun jaqblilha tipproponi l-estensjoni tagħhom għas-sħab kummerċjali tagħha. L-UE għandha interess partikolari f'li tara li jkun hemm integrazzjoni ekonomika mill-qrib mal-pajjiżi ġirien permezz tal-Politika Ewropea tal-Viċinat. Ftehimiet dwar il-Valutazzjoni u l-Aċċettazzjoni tal-Konformità ta' prodotti industrijali (ACAAs) ibbażati fuq allinjament mal-UE jistgħu jiżguraw il-moviment liberu tal-merkanzija. L-integrazzjoni ekonomika mill-qrib tal-pajjiżi ġirien f'ċerti oqsma tas-Suq Uniku tista' tipprovdi vantaġġi konkreti għaż-żewġ partijiet u tista' ssaħħaħ il-kummerċ u l-investiment. L-UE se tkun qed tindirizza wkoll sehem ikbar mill-fondi disponibbli li jaqgħu taħt l- Istrument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija għall-bini tal-kapaċità u governanza ekonomika tajba fil-pajjiżi sħab.

L-internalizzazzjoni tal-ktajjen ta' valur u provvista toffri potenzjal sinfikanti ta' tkabbir, iżda din toħloq ukoll diffikulatjiet partikolari lill-SMEs. Huma biss 25% l-SMEs li fil-preżent jesportaw lejn swieq ġewwa u barra l-UE[9]. Biex l-SMEs ikunu megħjuna jsiru internazzjonali , dawn jeħtieġu l-informazzjoni u s-sostenn xierqa fi swieq barra l-UE. Xi Stati Membri u organizzazzjonijiet tan-negozju diġà jipprovdu sostenn bħal dan, iżda għad fadal potenzjal sostanzjali għal sinerġiji akbar bejn l-isforzi tal-UE, tal-Istati Membri u dawk ta' dawn l-organizzazzjonijiet. In-Netwerk Ewropa tal-Intrapriżi diġà kellu sehem kbir fl-iggwidar u l-iffaliċitar tal-kooperazzjoni internazzjonali fin-negozju, speċjalment mal-pajjiżi tal-Mediterran, u l-assistenza internazzjonali tiegħu lill-SMEs għandha tkompli tiġi żviluppata. Filwaqt li tkompli tibni fuq l-esperjenza mal-SME IPR Helpdesk taċ-Ċina, il-Kummissjoni se tkompli ssaħħaħ is-sostenn għall-ħarsien u l-infurzar tal-proprjetà intellettwali b'attenzjoni speċjali lil swieq ewlenin ta' pajjiżi terzi oħrajn. Fejn jidħlu l-investigazzjonijiet dwar id-difiża tal-kummerċ, is-sitwazzjoni speċjali tal-SMEs - bħala importaturi, utenti, ilmentaturi jew esportaturi - se tkun indirizzata.

Il-Kummissjoni se tkun qed:

- Ladarba jkunu konklużi n-negozjati, tħejji analiżi ekonomika tal-konsegwenzi għall-Kunsill u l-Parlament tal-ftehim propost għall-UE, qabel il-firma;

- tlesti rapport annwali dwar l-ostakli għall-kummerċ u l-investiment għall-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa, fejn tinkludi miżuri "lil hinn mill-fruntieri" u prattiki ta' politika industrijali, kif ukoll tidentifika l-prijoritajiet għal strateġija għal aċċess fis-suq u għal azzjoni ta' infurzar. (mill-2011 ’il quddiem);

- tiżviluppa inizjattivi ta' kooperazzjoni regolatorja internazzjonali bil-ħsieb li s-sħab ewlenin tagħna fil-kummerċ jaderixxu ma' kwalunkwe skema internazzjonali ġdida jew eżistenti u jiżviluppaw globalment regoli u standards kompatibbli. F'dak ir-rigward, il-ftehimiet kummerċjali tagħna għandhom jippromwovu l-użu tar-regoli u l-istandards internazzjonali minn sħabna, kif ukoll ta' proċeduri ta' konformità tajbin għall-kummerċ.

- tfittex integrazzjoni ekonomika iktar mill-qrib ma' pajjiżi ġirien billi testendi l-benefiċċji tas-Suq Uniku Ewropew f'oqsma speċifiċi permezz tal- Politika Ewropea tal-Viċinat, u tagħti prijorità akbar lill-istituzzjonijiet tas-suq u lill-governanza ekonomika f'relazzjonijiet mas-sħab fl-iżvilupp (Komunikazzjoni dwar il-kummerċ u l-iżvilupp fil-bidu tal-2011);

- tressaq strateġija biex tiġi sostnuta l-internalizzazzjoni tal-SMEs inklużi miżuri konkreti billi tibni fuq il-politiki stabbiliti fl-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar (Komunikazzjoni fl-2011);

- tintegra rekwiżiti ta' traċċabilità għal produtturi minn pajjiżi terzi għall-indikazzjonijiet tal-pajjiż tal-oriġni fil-proposti tal-Kummissjoni, fejn ikun il-każ.

Il-Kummissjoni tistieden lill-Kunsill u lill-Parlament biex:

- iħaffu l-adozzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni dwar l-indikazzjoni tal-pajjiż tal-oriġini ta' ċerti prodotti impurtati minn pajjiżi terzi.

6.2. L-iżgurar ta' aċċess għall-materja prima u għal prodotti kruċjali

Aċċess sikur, affordabbli, affidabbli u ġust għall-materja prima huwa essenzjali għall-kompetittività , l-innovazzjoni u l-impjiegi industrijali. Is-sigurtà tal-provvista mhix daqshekk kwistjoni ta' dipendenza fuq l-importazzjoni iżda ta' livell ta' diversifikazzjoni ta' fornituri u l-affidabbiltà tagħhom, jinsabu f'liema pajjiż jinsabu. Swieq globali li jiffunzjonaw tajjeb għal materja prima u prodotti huma essenzjali għal allokazzjoni effiċjenti ta' riżorsi globali u biex jaġevolaw il-progress teknoloġiku. Madankollu, il-movimenti fuq medda qasir ta’ żmien f'dawn il-prezzijiet jitolbu kopertura tar-riskji sostantivi, filwaqt li fl-istess ħin iż-żieda tal-pajjiżi tas-swieq emerġenti fl-ekonomija dinjija żiedet il-kompetizzjoni globali għal tali riżorsi.

Biex tindirizza dawn il-kwistjonijiet, il-Kummissjoni nediet l-Inizjattiva għall-Materja Prima f'Novembru 2008 u analiżi dettaljata tad-domanda u tal-possibbiltà ta' skarsezza ta' materja prima ewlenija f'Ġunju 2010. Dawn l-inizjattivi ħejjew is-sisien għal strateġija tal-UE dwar il-materja prima li tenfasizza l-kunċett tal-"katina ta' valur miżjud" li se tkompli ssegwi l-istrateġija tat-3 pilastri biex: (i) tiżgura ambjent ekwu fl-aċċess għar-riżorsi f'pajjiżi terzi; (ii) issaħħaħ provvista sostenibbli ta' materja prima minn sorsi Ewropej, u (iii) tnaqqas il-konsum ta' materja prima ewlenija billi żżid tkabbar l-użu effiċjenti tar-riżorsi u tippromwovi r-riċiklaġġ.

Regoli u ftehimiet ġodda dwar il-ġestjoni u l-aċċess, internazzjonali u sostenibbli, għal materja prima , huma meħtieġa f'livell mutlilaterali, kif ukoll azzjonijiet ta' politika biex jiġu indirizzati r-restrizzjonijiet u l-limiti inġustifikati ta' esportazzjoni fuq l-esplorazzjoni u estrazzjoni minn pajjiżi terzi, partikolarment minn pajjiżi sħab strateġiċi u mill-Afrika. Applikazzjoni vigoruża tar-regoli tal-kompetizzjoni eżistenti tal-UE f'każijiet ta' ftehimiet li jmorru kontra l-kompetittività jew konċentrazzjoni tas-swieq li thedded li tipperikola l-aċċess għall-materja prima huma essenzjali wkoll. Teżisti wkoll il-ħtieġa li jiġu promossi teknoloġiji tat-tħaffir fil-minjieri u tal-ipproċessar li jwasslu għal użu effiċjenti tar-riżorsi, riċiklaġġ, sostituzzjoni u ż-żieda fl-użu ta' materja prima rinnovabbli biex titnaqqas id-dipendenza qawwija tal-UE fuq il-materja prima, u jitjieb il-bilanċ ambjentali, fost l-oħrajn permezz ta' żieda fl-użu ta' materja prima sekondarja (dak li jintrema), tagħmir elettroniku u vetturi li jintremew esportati lejn pajjiżi terzi; infurzar tar-Regolament dwar it-Trasbord tal-Iskart; użu ieħor jew riċiklaġġ ta' prodotti u materjali bbażati fuq standards minimi li jintlaħaq qbil dwarhom. Il-kundizzjonijiet ta' qafas għal provvista u ġestjoni sostenibbli ta' materja prima fi ħdan l-UE jeħtieġ jiġu indirizzati billi tingħata spinta lill-użu effiċjenti tar-riżorsi proprji tal-UE, ir-riċiklaġġ u sostituzzjoni dejjem ikbar. Żieda fl-investiment fl-iskoperta ta' depożiti ġodda tal-UE ta' materja prima tista' tiġi promossa permezz ta' skambju tal-aqwa prassi fil-qasam tal-ippjanar tal-użu tal-art u tal-ispazju marittimu u kundizzjonijiet amministrattivi għall-esplorazzjoni u l-estrazzjoni, filwaqt li tiġi żgurata s-sostenibbiltà. Il-promozzjoni tal-investiment f'esplorazzjonijiet ġodda u aktar effiċjenti u f'teknoloġiji tal-estrazzjoni hija wkoll essenzjali. F'setturi bħas-settur tal-ikel, sors lokali kompetittiv ta' materji primi sostenibbli huma indirizzati mill-politika agrikola tal-UE.

Il-Kummissjoni se tkun qed:

- tressaq Strateġija dwar il-Materja Prima li tinkludi proposti biex jissaħħu l-kundizzjonijiet ta' qafas għall-provvisti sostenibbli ta' materja prima domestika, żieda fir-riċiklaġġ u s-sejbien ta' sostituti għal tipi oħrajn ta' materja prima (2010).

7. IL-PROMOZZJONI TAL-MODERNIZZAZZJONI INDUSTRIJALI

7.1. L-iffrankar tar-riżorsi, tal-enerġija u tal-karbonju

L-industrija tal-UE trid tħaffef it-tranżizzjoni tagħha lejn ekonomika baxxa fil-karbonju, effiċjenti fir-riżorsi u fl-enerġija. Il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u ż-żieda fl-effiċjenza tar-riżorsi tista' ġġib magħha tnaqqis fil-prezzijiet kif ukoll tnaqqis fl-impatt ambjentali minn użu aħjar tar-riżorsi u l-enerġija. Dawn huma essenzjali kemm biex jinkiseb tkabbir sostenibbli u jkun hemm l-impjiegi kif ukoll biex jinkiseb vantaġġ kompetittiv fir-reazzjoni għall-kompetizzjoni globali dejjem tikber għal limitazzjonijiet tar-riżorsi u dak ambjentali. L-inizjattiva ewlenija li jmiss dwar It-Tranżizzjoni lejn Ewropa Effiċjenti fl-Użu tar-Riżorsi se tipprovdi qafas għat-twassil ta' diżakkoppjar ambizzjuż u mingħajr intoppi tal-użu tal-karbonju u tar-riżorsi mit-tkabbir ekonomiku. Bl-istess mod, teżisti l-ħtieġa li jiġu żviluppati miżuri speċifiċi aktar fit-tul dwar l-effiċjenza fl-enerġija sabiex jiġu il-potenzjal tal-iffrankar tal-enerġija jiġi rrealizzat fis-sistemi industrijali, tal-enerġija u tat-trasport. Il-pjan tal-UE għal ekonomija b'karbonju baxx sal-2050, inklużi l-miri għall-2030, se jkun qed jenfasizza metodi għal titjib teknoloġiku u tibdil strutturali fis-sistemi industrijali, tal-enerġija u tat-trasport li huma fundamentali biex tiġi stimulata l-innovazzjoni, tingħata spinta lit-tkabbir u lill-ħolqien tal-impjiegi, u tissaħħaħ is-sigurtà tal-enerġija talUE.

Għaldaqstant hemm bżonn ta' strateġija aktar konkreta u realistika aktar fit-tul biex ikun stimulat l-investiment għall-iffrankar tal-karbonju u tal-enerġija u tar-riżorsi fl-industrija kollha . Hemm bżonn ta' riċerka u innovazzjoni kemm m is-settur privat kif ukoll minn dak pubbliku, flimkien ma regolamentazzjoni ambjentali għaqlija bbażata fuq is-suq u li tkun implimenatta b'mod ekwu fis-Suq Uniku. Ir-regolazzjoni ġdida trid tirrifletti l-ħtieġa ta' tranżizzjoni lejn ekonomija b'użu effiċjenti tar-riżorsi filwaqt li tqis il-potenzjal ta' kostijiet u piżijiet fi żmien qasir. It-trasferiment tal-użu tal-karbonju band'oħra u żvantaġġi kompetittivi oħrajn li tista' ġġarrab l-industrija tal-UE iridu jiġu evitati sabiex tiġi miġġielda d-delokalizzazzjoni tal-produzzjoni u l-impjiegi barra l-Unjoni Ewropea. Fil-kuntest tan-negozjati internazzjonali dwar il-klima, l-UE bħalissa qed taħdem dwar kif tista' ttejjeb l-iskala u l-effettività tas-swieq internazzjonali tal-karbonju, filwaqt li tistimula l-flussi tal-investiment internazzjonali għar-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni fit-teknoloġiji b'użu baxx ta' karbonju. Barra minn dan, l-UE qed tiżviluppa politiki li jsitgħu jnaqqsu l-kost tal-istrateġiji għall-klima u l-enerġija fit-tul permezz ta' ġbir u ħżin tal-karbonju fuq firxa wiesgħa u proġetti innovattivi ta' rinovabbiltà oħrajn.

Fil-qafas tal-Pjanijiet Nazzjonali għal Użu Effiċjenti tal-Enerġija, l-Istati Membri kollha implimentaw azzjonijiet biex jassistu l-intrapriżi biex inaqqsu l-intensita tagħhom ta' enerġija. Xi Stati Membri żviluppaw ukoll pjanijiet ta' azzjoni konkreta biex jinkoraġġixxu ekoteknoloġiji u/jew itejbu l-prestazzjoni ambjnetali ta' industriji speċifiċi. Madankollu, huma biss ftit l-Istati Membri li diġà żviluppaw strateġiji aktar ġenerali ta' użu effiċjenti tar-riżorsi.

F'dinja ta' regolazzjoni intelliġenti, l-effiċjenza tar-riżorsi fl-ekonomija wiesgħa tista' tagħti spinta lill-kompetittività industrijali tal-UE filwaqt li timplimenta objettivi ambjentali tagħha. Il-leġiżlazzjoni trid tiġi implimentata b'mod prevedibbli u proporzjonat , filwaqt li tipprovdi ċ-ċertezza legali meħtieġa għal investimenti aktar fit-tul. Il-politiki l-ġodda għandhom jinkoraġġixxu l-innovazzjoni u jqisu l-kosteffettività taċ-ċiklu tal-ħajja, il-ħajja tal-investimenti, u d-deċiżjonijiet tal-intrapriżi u l-konsumaturi dwar ix-xiri. Bl-użu ta' regolazzjoni intelliġenti li tħares ’il quddiem, ir-realizzazzjoni tal-ambizzjonijiet ambjentali u tal-miri tal-politika industrijali tista' tkun konsistenti b'mod reċiproku. Il-politiki ambjentali u industrijali jridu jmorru id f'id. Studju bir-reqqa tal-impatti ekonomiċi u soċjali ta' leġiżlazzjoni ambjentali u ta' kostijiet u benefiċċji oħrajn għas-soċjetà huma parti mill-Istudju tal-Impatt li jakkumpanja l-inizjattivi regolatorji tal-Kummissjoni u għandhom isiru wkoll fuq il-livell ta' Stat Membru. B'dan il-mod, ir-regolamentazzjoni ambjentali tista' sservi ta' lieva għall-innovazzjoni u l-iżvilupp industrijali aktar milli bħala ostaklu.

F'dan il-kuntest, il- politika tal-UE għal industrija sostenibbli tiffoka b'mod espliċitu fuq l-opportunitajiet għal tkabbir sostenibbli u għal ħolqien tal-impjiegi filwaqt li tagħmel it-tranżizzjoni għal aktar iffrankar tar-riżorsi fl-industrija kollha kemm hi. Politiki oħra jinkludu politika dwar il-prodotti minn perspettiva tal-istadji kollha li tmur lil hinn mill-fażi tal-produzzjoni; l-użu ta' strumenti bħalma huma d-direttiva tal-Ekodisinn, it-tikkettar dwar l-enerġija fi prodotti domestiċi u l-Ekotikketta Ewropea. L-inkoraġġiment ta' inizjattivi volontarji mill-industrija, u l-adozzjoni usa' tal-aqwa prassi ta' mmaniġġar tal-ambjent permezz tal-Iskema tal-Verifika u tal-Ekoġestjoni tal-UE (l-EMAS) u tal-ISO14001, huma essenzjali wkoll. Il-monitoraġġ mill-qrib tal-progress jgħin biex dan il-progress jitkejjel u li jiġu identifikati problemi fl-implimentazzjoni.

Sabiex jiġi żviluppat is-suq tal-UE għall- prodotti u s-servizzi ambjentali , l-UE teħtieġ tiżgura suq intern trasparenti u ġust li jippremja l-innovazzjoni, b'titjib fl-iskemi ta' standardizzazzjoni u ċertifikazzjoni, implimentazzjoni aktar armonizzata tal- acquis (eż. Id-Direttiva ta' Qafas dwar l-Iskart), użu usa' tal-kuntratti pubbliċi ambjentali u l-iżvilupp tad-direttiva tal-ekodisinn, u l-inklużjoni tal-Ftehimiet dwar il-Kummerċ Ħieles..

Suċċess fin-negozjar tal-limitazzjonijiet tal-iskarsezza globali tar-riżorsi, inklużi l-limitazzjonijiet ambjentali, se jkunu jeħtieġu teknoloġiji iinovativi li jirnexxilhom jippenetraw is-swieq gloabli. Madankollu, innovazzjoni żgħira iżda sfruttata verament tajjeb trid tħalli r-riżultati fuq żmien qasir sa dak medju. Partikolarment, jeħtieġ jiġi adottat approċċ innovattiv għal teknoloġiji ambjentali fuq l-istess linji bħal dawk adottati għal teknoloġiji siewja ewlenin u l-pjan għal Tekonoloġiji Strateġiċi tal-Enerġija (Strategic Energy Technologies, SET). Il-Pjan ta' Azzjoni ta' Ekoinnovazzjoni tal-ġejjieni se jistabbilixxi l-għodda biex jiġu identifikati r-rekwiżiti ta' żvilupp u tħaddim għal teknoloġiji ambjentali ewlenin, jtejjeb il-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Istati Membri fl-iżvilupp u t-tħaddim ta' dawn it-teknoloġiji u jiġġenera għarfien tal-potenzjal tat-teknoloġiji l-ġodda. Ostakli għall-attività tal-intrapriżi transkonfinali jkunu jeħtieġu jiġu indirizzati billi jiġi stabbilit qafas regolatorju xieraq u tiġi żgurata implimentazzjoni aktar uniformi tal-oqfsa regolatorji eżistenti.

Il-Kummissjoni se tkun qed:

- tiżviluppa l-istrateġiji u l-politiki industrijali settorjali fit-tul meħtieġa biex jassistu t-tranżizzjoni lejn ekonomija baxxa fil-karobonju u b'użu effiċjenti tar-riżorsi u l-enerġija, u dan b'konformità mal-pjan li ġej tal-UE għa-iżvilupp ta' ekonomija baxxa fil-karbonju sal-2050;

- tagħmel monitoraġġ tal-kompetittività sostenibbli, inkluż tal-inizjattivi volontarji ġejjin mill-industrija tal-Unjoni indirizzati lejn is-sostenibbiltà tar-riżorsi;

- tirrevedi l-Politika dwar Konsum u Produzzjoni Sostenibbli / il-Politika Industrijali Sostenibbli u tikkunsidra l-possibbiltà ta' estensjoni tad-Direttiva tal-Ekodisinn għal prodotti ġodda (2012);

- tvara Pjan ta' Azzjoni għall-Ekoinnovazjoni biex ikunu żgurati l-kummerċjalizzazzjoni u l-użu siewi ta' teknoloġiji ambjentali ewlenin.

L-Istati Membri huma mistiedna:

- isaħħu koordinazzjoni mill-qrib bejn il-politiki għal teknoloġiji ambjentali biex jimmassimizzaw is-sinerġiji u l-komplmentaritajiet fl-użu effettiv tat-teknoloġija, inklużi l-politiki biex tingħata spinta d-domanda, partikolarment fl-ekoinnovazzjoni.

7.2. Kapaċitajiet strutturali eċċessivi

Prijorità importanti tal-politika industrijali ġdida trid tkun dik li tingħata għajnuna lill-industrija tal-UE biex din tirkupra malajr u li jsiru l-aġġustamenti neċessarji wara l-kriżi ekonomika. B'mod partikolari, l-okkorrenza ta' kapaċitajiet ta' eċċess strutturali f'xi industriji teħtieġ tweġibiet li japplikaw każ b'każ fil-livell tal-kumpaniji, u li jvarjaw minn dħul f'mudelli ta' negozju u prodotti ġodda għall-ħruġ definittiv mis-suq. Il-kumpaniji u l-imsieħba soċjali għandhom ir-responsabbiltà ewlenija tar-ristrutturazzjoni biex jiżguraw il-kompetittività u l-vijabbiltà futura tagħhom, minħabba li l-esperjenza wriet li l-adattazzjoni strutturali misjuqa mill-kompetizzjoni hija l-iktar li taħdem malajr u b'mod effiċjenti.

Il-linji gwida għal sostenn fl-Għajnuna u r-Ristrutturar jippermettu s-sostenn biss jekk dan jirriżulta f'ristrutturar li huwa kapaċi jrodd lura l-vijabbiltà fit-tul tal-benefiċjarji mingħajr sostenn ulterjuri, jiżgura kontribuzzjoni xierqa tal-benefiċċjarju għall-ispejjeż ta' ristrutturazzjoni, u jekk ikun akkumpanjat minn miżuri maħsuba biex jindirizzaw it-tfixkil fil-kompetizzjoni. It-tagħlimiet li ttieħdu waqt il-kriżi se jkunu ta' kontribut fir-reviżjoni tal-Linji Gwida dwar is-Sostenn għall-Għajnuna u r-Ristrutturar.

L-Istati Membri jeħtieġu wkoll isostnu r-riallokazzjoni tax-xogħol, fil-qafas ta' sistema ta' flessigurtà. Antiċipazzjoni u ġestjoni aħjar tar-ristrutturar għandu jgħin lill-impjegati u lill-kumpaniji biex jadattaw għat-tranżizzjonijiet imposti minn kapaċitajiet eċċessivi kif ukoll mill-modernizzazzjoni u minn aġġustament strutturali. Ir-regoli eżistenti dwar l-għajnuna mill-Istat joffru lill-Istati Membri bosta possibbiltajiet biex jużaw din l-għajnuna biex takkumpanja l-bidla, eż. permezz ta' għajnuna fit-taħriġ u fir-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni, jew bħala sostenn għall-kapital ta' riskju. Fil-livell Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u dak Reġjonali jistgħu jistimulaw l-investiment u l-innovazzjoni biex isaħħu l-kapaċità tal-ekonomiji lokali li jerġgħu jiġu fuq saqajhom. L-FEŻR kompla jiffoka dejjem iktar fuq l-investimenti li jiffaċilitaw titjib fil-katina tal-valur kemm mis-setturi tal-hi-tech u dawk tradizzjonali permezz ta' investimenti fir-riċerka u l-iżvilupp, filwaqt li l-Fond ta' Koeżjoni jinvesti, b'mod partikolari, fil-prijoritajiet tal-UE dwar it-trasport li jistgħu jtejbu l-aċċessibbiltà fiżika kif ukoll l-infrastruttura ambjentali fl-Istati Membri inqas żviluppati. Investiemnti bħal dawn jagħmlu aktar faċli għar-reġjuni biex jiżviluppaw in-niċeċ tal-innovazzjoni tagħhom stess abbażi ta' speċjalizzazzjoni għaqlija.

Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni usa' kapaċi jtejjeb ukoll l-abbiltà tal-Istati Membri u tar-reġjuni biex jimmaniġġaw l-effetti tal-kriżi u biex jgħinu fil-provvediment ta' taħriġ mill-ġdid u miżuri oħrajn marbuta mas-suq tax-xogħol attiv għall-ħaddiema qiegħda.

Ir-rappreżentanti tal-maniġment u tal-ħaddiema huma l-atturi ewlenin li jridu jaqblu fuq l-istrateġiji ta' ristrutturazzjoni fil-livell tal-kumpanija. L-interventi ta' politika għandhom jakkumpanjaw ristrutturazzjoni bħal din biex jevitaw diffikulatjiet soċjali u jippromwovu ħiliet u impjiegi ġodda, hekk li jevitaw sensji tal-massa u l-falliment ta' reġjuni sħaħ jew id-delokalizzazzjoni ta' industriji sħaħ kif ukoll jiffaċilitaw ir-rikonverżjoni ekonomika u t-tranżizzjonijiet professjonali. L-ETUC, il-Business Europe, is-CEEP u l-UEAPME qablu dwar it-test ‘Orientations for reference in managing change and its social consequences’ fl-2003. Dawn id-direzzjonijiet jeħtieġ jiġu riveduti biex jintegraw l-għarfien akkumulat sussegwentement dwar l-aħjar modi biex ikun antiċipat u ġestit ir-ristrutturar u biex jittieħed kont tal-esperjenza tal-kriżi ekonomika u finanzjarja. Direzzjonijiet aġġornati dwar ir-ristrutturar jistgħu jkunu verament utli fir-rinfurzar tal-kapaċità tan-negozji u l-forza tax-xogħol biex jadattaw għal ambjent ekonomiku li qed jinbidel b'pass mgħaġġel.

Il-Kummissjoni se tkun qed:

- tirrevedi s-sostenn Komunitarju għar-riintegrazzjoni tal-ħaddiema qiegħda f'xogħol ieħor inkluż permezz tar-reviżjoni tar-regolament dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2011);

- tniedi konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali Ewropej dwar qafas Ewropew għar-ristrutturar (2011);

- tirrevedi l-Linji Gwidi dwar l-għajnuna u r-ristrutturar għall-Għajnuna mill-Istat (2012);

- issostni lill-Istati Membri u r-reġjuni permezz tal-Politika ta' Koeżjoni fid-diversifikazzjoni tal-industriji eżistenti, tgħolli l-livell tal-kapaċità industrijali, tistimula l-investiment u l-innovazzjoni biex terġà tiżviluppa mill-ġdid ir-reżiljenza tal-ekonomiji lokali u ssaħħaħha;

- tressaq proposti biex taċċellera l-implimentazzjoni u ttejjeb l-iffukar tal-Fondi Struttrali Ewropej permezz tal-Ħames Rapport ta' koeżjoni (2010) u fil-qafas regolatorju tal-politika ġdida ta' Koeżjoni (2011).

7.3. Inkomplu nibnu fuq ir-Responsabbiltà Soċjali tal-Kumpaniji

Ir-responsabbiltà soċjali tal-kumpaniji tista' tikkontribwixxi lejn il-kompettitività u r-rendiment tas-sostenibbiltà tal-industrija Ewropea. Dan jgħin biex tikber il-fiduċja fin-negozju, li hi tant importanti għall-ħolqien ta' ambjent ta' negozju fejn l-industrija tista' tieħu r-ruħ. Il-kriżi finanzjarja wriet li hemm bżonn ta' approċċ ġdid għall-bilanċ bejn il-massimizzazzjoni tal-profitt fi żmien qasir u ħolqien ta' valur sostenibbli aktar ma jgħaddi ż-żmien . Il-kumpaniji Ewropej jeħtieġ iqisu l-kontribut tagħhom għat-tkabbir sostenibbli u l-ħolqien tal-impjiegi u jikkunsidraw l-interessi tal-impjegati u ċ-ċittadini affettwati mid-deċiżjonijiet tan-negozju. Etika u valuri tan-negozju b'saħħithom jistgħu jikkontribwixxu għall-irkupru mill-kriżi.

Ir-responsabbiltà soċjali tal-kumpaniji tista' tpoġġi lil-kumpaniji Ewropej fuq quddiem nett fis-swieq li qed ipoġġu primjum dejjem akbar fuq kwistjonijiet soċjali u ambjentali. L-industrija tal-UE diġà varat għadd sinifikanti ta' inizjattivi indirizzati lejn sostenibbiltà tar-riżorsi, inkluża l-inizjattiva mill-industrija kemikali Responsible Care, l-inizjattiva Global e-sustainability, u l-Materials Stewardship Policy tal-Kunsill Internazzjonali dwar il-Mini u l-Metalli.

L-inkoraġġiment tat-tkabbir sostenibbli jimplika li l-konsumaturi jingħataw l-informazzjoni li jeħtieġu biex ikunu jistgħu jixtru prodotti u servizzi li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent. Din għandha tinkludi informazzjoni dwar l-impatt ekoloġiku tal-prodotti u s-servizzi. Il-Kummissjoni se tkun qed taħdem fuq metodoloġija Ewropea komuni biex isir studju tal-impatti ambjentali assoċjati mal-prodotti tal-konsumatur, abbażi ta' analiżi taċ-ċiklu sħiħ u kriterji oġġettivi.

Il-Kummissjoni se tkun qed:

- tressaq inizjattiva ta' politika ġdida dwar ir-responsabbiltà soċjali tal-kumpaniji fejn tindirizza kwistjonijiet friski bħalma huma n-negozju u d-drittijiet tal-bniedem, u l-iżvelar ta' informazzjoni ambjentali, soċjali, dik marbuta mal-impjiegi u dwar il-governanza tal-kumpaniji (2011);

- tagħmel monitoraġġ tal-inizjattivi volontarji min-naħa tal-industrija tal-UE indirizzati lejn is-sostenibbiltà tar-riżorsi. (mill-2011 ’il quddiem);

- teżamina qabel l-2012 il-possibbiltà ta' inizjattiva dwar l-Impatt Ekoloġiku tal-Prodotti.

8. Id-dimensjoni speċifika tas-settur — approċċ b'mira speċifika

Minħabba li s-setturi kollha huma importanti, il-Kummissjoni se tkun qed tkompli tapplika approċċ speċifiku għas-setturi kollha. Uħud mill-inizjattivi speċifiċi għas-settur jistgħu jittieħdu għal ċerti tipi ta' settur:

- politika industrijali settorjali għall- ispazju bbażata fuq il-kompetenzi ġodda mogħtija mit-Trattat ta' Liżbona.

- L-industriji tal-Vetturi bil-mutur u t-tagħmir ta' trasport se jkollhom rwol ewlieni fl-iżvilupp ta' soluzzjonijiet għall- mobilità sostenibbli .

- Setturi li jidhru li l-iktar jippromettu biex jingħelbu l-isfidi soċjali l-oħrajn tal-ġejjieni, it-tibdil fil-klima, is-saħħa, u s-sigurtà (eż. l-industriji tal-ħarsien tas-saħħa, tal-prodotti u teknoloġiji ambjentali, tal-provvista tal-enerġija, tas-sigurtà).

- Setturi fejn il-konsiderazzjonijiet tal-katina tal-valur huma partikolarment importanti (ngħidu aħna s-settur tal-kimiċi, l-inġinerija, il-fabbrikanti tat-tagħmir tat-trasport, l-ikel agrikolu, is-servizzi tan-negozju).

- Setturi b'enerġija intensiva esposti għall-kompetizzjoni internazzjonali jeħtieġu l-vantaġġi ta' swieq kompetittivi tal-enerġija li joffru kundizzjonijiet ta' qafas li huma favorevoli u li jippermettulhom jikbru fl-UE (aċċess għall-enerġija u l-materji primi bi prezz kompetittiv, ambjent ekwu fis-suq globali, eċċ.).

It-tema tal-inizjattivi u l-proġetti ta' illustrazzjoni kollha li ġejjin hija l-promozzjoni tal-innovazzjoni tal-industrija. Tabilħaqq, il-kompetittività sostnuta tal-industrija Ewropea u s-setturi kollha tagħha nistgħu naslu għaliha biss jekk l-industrija ttejjeb l-abbiltà tagħha li tkun innovattiva. F'dan il-kuntest, l-innovazzjoni għandha tinftiehem fis-sens usa' tagħha, jiġifieri lil hinn mit-teknoloġija u inklużi wkoll il-mudelli ta' negozju u ta' organizzazzjoni. Is-setturi kollha jridu jtejbu l-prestazzjoni tagħhom fl-innovazzjoni, sew jekk huma setturi tradizzjonali inkella low-tech, jew setturi ġodda inkella high-tech. Din il-kapaċità trid tkun sostnuta mill-politika fil-każijiet fejn is-suq, waħdu, ma jasalx. Dawn l-azzjonijiet se jsiru billi jintużaw ir-riżorsi finanzjarji disponibbli.

8.1 L-Ispazju: forza ispirattiva għall-innovazzjoni u l-kompetittività għas-servizz taċ-ċittadini.

L-industrija tal-manifattura b'rabta mal-ispazju hija industrija high-tech, ta' riskju għoli u ta' investiment intensiv. Fin-nazzjonijiet kollha fejn teżisti, din l-industrija hija ssussidjata ferm, u tiddependi l-aktar fuq programmi istituzzjonali. L-Ewropa diġà għandha industrija spazjali kbira u high-tech li tissupplixxi parti sinifikanti tar-rekwiżiti kummerċjali globali għall-manifattura tas-satelliti, it-tfigħ tagħhom fl-ispazju u s-servizzi tagħhom. L-industrija Ewropea timplimenta sistemi u servizzi fl-oqsma tat-telekomunikazzjonijiet, in-navigazzjoni u l-osservazzjoni tal-pjaneta tagħna li jiggarantixxu s-sigurtà għall-UE, jindirizzaw sfidi soċjali ewlenin bħala hu t-tibdil fil-klima, u jagħtu spinta lill-kompetittività tal-industriji Ewropej.

F'ambjent dejjem aktar kompetittiv, bil-ħruġ ta' qawwiet tal-ispazju ġodda, l-Ewropa teħtieġ li tibni fuq dak li kisbet fil-passat biex issaħħaħ bażi industrijali solida u bbilanċjata. Il-politika industrijali tal-ispazju tal-Ewropa għandha tkopri l-katina kollha ta' provvista, inklużi l-IŻM biex tiżgura kompetittività internazzjonali ikbar u non-dipendenza f'setturi strateġiċi (bħal-lanċjaturi) u l-iżvilupp ta' suq għall-prodotti u s-servizzi tal-ispazju, l-iktar servizzi ġodda permezz tas-satelliti mill-GNSS (Global Navigation Satellite Systems – Sistemi Satellitari għan-Navigazzjoni Globali), GMES (Global Monitoring for Environment and Security – Monitoraġġ Globali għall-Ambjent u s-Sikurtà) u infrastrutturi ta' komunikazzjonijiet bis-satellita.

Il-politika dwar l-ispazju hija ispirata minn tliet prinċipji ewlenin: dak soċjali (il-benefiċċji għall-benessri taċ-ċittadini li jistgħu jiġu mill-esplorazzjoni u l-użu tal-ispazju), ekonomiku (l-ispazju jiġġenera għarfien u jispira l-innovazzjoni) u strateġiku (l-ispazju jikkontribwixxi għax-xbieha tal-Unjoni Ewropea bħala attur globali). L-Artikolu 189 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jagħti kompetenza konġunta lill-Unjoni fil-politika dwar l-ispazju bil-għan speċifiku li jkun promoss il-progress xjentifiku u tekniku, il-kompetittività industrijali u l-implimentazzjoni tal-politiki tiegħu.

Biex tikseb dawn l-objettivi filwaqt li tikkapitalizza fuq l-investimenti magħmula u timmassimizza l-potenzjal tal-innovazzjoni tal-ispazju, il-Kummissjoni se tfittex li tikseb is-sistema ta' Navigazzjoni Galileo/EGNOS (European Geostationary Navigation Overlay System) u l-GMES u l-ispazju u s-sikurtà.

Il- Galileo/ EGNOS u l-GMES huma programmi stabbiliti sew, u t-tlestija u l-kontinwazzjoni tagħhom wara l-2013 se jkunu s-suġġett ta' proposti leġiżlattivi fl-2011 bi qbil mal-proposti ġenerali għall-Qafas Finanzjarju Multiannwali. Il-Kummissjoni tibqa' impenjata biex tlesti l-kostellazzjoni ta' Galileo u tistabbilixxi skema ta' governanza ġdida.

Il-GMES hija l-kontribut ewlieni għall-ispazju tal-Unjoni biex tindirizza t-tibdil fil-klima . Għaldaqstant hu neċessarju li jitlestew l-infrastrutturi għall-osservazzjoni tal-ispazju li huma ddisinjati għall-monitoraġġ tal-kwalità tal-art, tal-oċeani, tal-atmosfera u tal-arja, kif ukoll bħala reazzjoni u sigurtà f'każijiet ta' emerġenza, sabiex is-servizz tat-"tibdil fil-klima" tal-GMES jagħti r-riżultati.

L-applikazzjonijiet ispazjali huma għodda essenzjali għas- sigurtà taċ-ċittadin . Dawn il-ħtiġijiet ta' sikurtà jistgħu jiġu koperti jew permezz tal-kapaċitajiet nazzjoanli użati b'manjiera kkoordinata jew permezz tal-iżvilupp ta' kapaċitajiet komuni. L-Unjoni trid tirrinforza s-sħubija tagħha mal-Istati Membri sabiex tiżgura li l-missjonijiet marbuta mas-sigurtà ma jiddependux fuq l-assi ta' pajjiżi terzi u tiggarantixxi l-kontinwità ta' missjonijiet li jidħlu għalihom l-Istati Membri stess.

L-infrastrutturi spazjali huma infrastrutturi kruċjali li jikkontribwixxu għas-sigurtà u l-benessri taċ-ċittadini. Dawn jeħtieġ ikunu mħarsa minn riskji bħal dawk imposti mid-debris jew ir-radjazzjoni tax-xemx. Il-kapaċitajiet ta' protezzjoni eżistenti tal-Istati Membri jridu jiġu żviluppati sabiex tkun stabbilita sistema ta' għarfien ta' sitwazzjonijiet tal-ispazju Ewropew. L-Unjoni jeħtieġ tiddefinixxi l-organizzazzjoni u l-governanza ta' sistema bħal din filwaqt li tqis in-natura doppja tagħha u l-ħtieġa li tiżgura l-isfruttament sostenibbli tagħha.

L-ispazju hu komponent importanti tal- politika tal-Unjoni dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni . Is-sostenn għar-riċerka dwar l-ispazju se jkun definit matul it-tħejjija tal-Programm ta' Qafas li jmiss għar-Riċerka u l-Iżvilupp fit-Teknoloġija.

Dak tal-komunikazzjonijiet bis-satellita huwa settur ewlieni tal-ispazju kemm mil-lat ekonomiku kif ukoll dak teknoloġiku. Dan jikkontribwixxi għall-Aġenda Diġitali għall-Ewropa, u notevolment għat-tnaqqis fil-qabża fil-broadband. Il-proposta tal-Kummissjoni għal pogramm għal politika dwar l-ispettru tar-radju hija objettiv importanti f'din l-inizjattiva.

Sabiex jiġu implimentati dawn l-azzjonijiet jeħtieġ tiġi implimentata skema ta' governanza aħjar . L-ewwel nett, l-Unjoni Ewropea jeħtieġ issaħħaħ is-sħubija mal-Istati Membri u, b'konformità mal-Artikolu 189 tat-Trattat, tikkoordina l-isforzi meħtieġa għall-esplorazzjoni u l-isfruttament tal-ispazju. It-tieni nett, it-Trattat ta' Liżbona jorbot lill-Unjoni biex "tistabbilixxi relazzjonijiet xierqa ma' l-Aġenzija Ewropea tal-Ispazju". L-involviment dejjem jikber tal-Unjoni Ewropea fl-ispazju jeħtieġ rievalwazzjoni tar-relazzjonijiet tagħha mal-ESA u, fl-istess ħin, teħtieġ evoluzzjoni gradwali tal-ESA. It-tielet nett, jeħtieġ tiġu żgurata koordinazzjoni ikbar bejn il-programmi tal-UE u bejn dawn u l-programmi tal-ESA u tal-Istati Membri.

Hemm bżonn tingħata l-attenzjoni dovuta lill- kooperazzjoni internazzjonali , li hi ċentrali għall-ispazju, inkluż għall-potenzjal tagħha għall-iżvilupp, notevolment għall-Afrika.

Il-Kummissjoni se tkun qed:

- tipproponi miżuri fl-2011 biex timplimenta l-prijoritajiet tal-politika dwar l-Ispazju abbażi tal-Artikolu 189 tat-TFUE;

- tfittex li tikseb politika dwar l-Industrija tal-Ispazju b'kollaborazzjoni mill-qrib mal-Aġenzija Ewropea tal-Ispazju u l-Istati Membri.

8.2. Mobbiltà sostenibbli

L-iżvilupp u l-użu siewi ta' teknoloġiji tal-vetturi li ma jniġġsux u b'użu effiċjenti tal-enerġija hu opportunità biex ikun hemm impatt sostanzjali fuq l-emissjonijiet tal-gass bl-effett ta' serra, fuq it-tniġġis tal-arja u l-istorbju, u biex tkun rinfurzata l-pożizzjoni fuqanija fis-suq tas-settur tal-karozzi Ewropew. Lil hinn mill-istrateġija mħabbra f'April 2010[10], se jkun hemm bżonn ta' finanzjament sostanzjali għall-investimenti fl-infrastruttura, inkluż għal proġetti bi prova biex jiġu jesebixxu teknoloġiji ġodda fi bliet u reġjuni speċifiċi. It-tmexxija industrijali tal-UE f'teknoloġiji ewlenin jeħtieġ jiġu żviluppati, speċjalment f'teknoloġiji tal-batterija u l-potenzjal għal sostituzzjonijiet tal-litju. Jeħtieġ jiġi investigat ukoll il-potenzjal għal tipi ġodda ta' oġġetti u servizzi.

Ir-Rapport ELECTRA tefa' d-dawl fuq il-potenjzal għal użu siewi tal-ħżin tal- enerġija tal-linji ferrovjarji u għal tekonoloġiji ta' superviżjoni awtomatika tat-trenijiet biex iwasslu għal żieda sostanzjali fl-użu effiċjenti tal-enerġija, inkluż permezz tal-ibridizzazzjoni tat-trazzjoni tad-diżil u biex tiġi indirizzata strateġija għas-sistemi ta' ħżin abbord il-vettura u maġenb il-linja għat-trazzjoni tal-elettriku. Is-settur jibbenefika minn aktar investiment fir-riċerka, fis-simulazzjoni u l-ittestjar ta' teknoloġiji mmirati lejn iktar armonizzazzjoni ta' standards fl-UE u lil hinn minnha. It-trenijiet ta' veloċità għolja huma suq b'kompetizzjoni kbira minn kompetituri barra mill-UE. Kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn il-kumpaniji Ewropej fl-iżviluppar ta' trenijiet b'veloċità għolja tista' ġġib magħha xi vantaġġi: din il-possibbiltà teħtieġ tiġi studjata. F'kull każ, trid tiġi żgurata l-kompetizzjoni mingħajr tgħawwiġ fis-suq Ewropew.

L- industrija ajruspazjali u xi partijiet tal- industriji marittimi huma kompetittivi ħafna u komponenti tal-industrija tal-UE ta' suċċess globali kbir. Se jkunu meħtieġa sforzi biex tiżdied l-effiċjenza u jonqsu l-impatti ambjentali. Diġà huwa disponibbli sostenn sostanzjali għar-riċerka u l-innovazzjoni f'vetturi tal-ajru ambjentali permzz tal-Impenn għal Sema Nadifa (Clean Sky Undertaking). Se tkun meħtieġa innovazzjoni kontinwa biex jiġu żviluppati vettyuri tal-ajru spazjali u vapuri b'emissjonijiet baxxi u bħala reazzjoni għall-isfida ambjentali. Fjuwils alternattivi, l-implimentazzjoni tas-Sema Unika u aktar tnaqqis tal-istorbju kkaġunat mill-vetturi tal-ajru huma fuq nett fl-aġenda tal-politika stabbilita eżistenti. Opportunità importanti ta' negozju għall-bini tal-bastimenti fl-UE huwa l-involviment tagħhom fil-kostruzzjoni u t-tħaddim affiddabbli ta' pjattaformi fuq il-baħar għar-riħ u l-vetturi neċessarji biex isostnuhom.

Il-Kummissjoni se tkun qed:

- tressaq pjattaforma għal Vetturi Nodfa u Effiċjenti fl-Enerġija, li tlaqqa' flimkien l-Istati Membri, l-industrija, u partijiet interessati oħrajn biex tiżgura l-investimenti fl-infrastruttura, inklużi l-proġetti bi prova, u biex tniedi inizjattivi dwar teknoloġiji u materjali ewlenin (2012);

- tniedi Pjan Strateġiku ta' Teknoloġija tat-Trasport (2011), inkluża inizjattiva strateġika dwar is-Sistemi ta' Trasport Nadif u pakkett ta' mobbiltà elettronika biex taġevola l-effiċjenza u s-sigurtà tas-settur tat-trasport;

- tidħol għal studju dwar il-fattibbiltà dwar proġetti ta' illustrazzjoni dwar il-ħżin tal-enerġija tal-ferroviji u l-ibridizzazzjoni tat-trazzjoni tad-diżil, b'mod li twassal għal illustrazzjonijiet fil-prattika u għal aktar proġetti ta' riċerka sabiex tikber l-effiċjenza fl-enerġija u ssaħħaħ il-kompetittività (sejħa għall-proposti fl-2012/13);

8.3. L-indirizzar tal-isfidi imposti mis-soċjetà

L-industriji tal-UE tal- farmaċewtika u tal-ħarsien tas-saħħa , inkluż l- apparat mediku , huma setturi ta' importanza globali bi rwol essenzjali fir-riċerka għal trattamenti mediċi u mediċini ġodda u fit-titjib tal-livell tas-saħħa u tal-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini tal-UE, b'mod partikolari tal-popolazzjoni li qed tixjieħ. F'dan il-kuntest, teżisti l-ħtieġa li s-settur privat jissieħeb ma' dak pubbliku sabiex tkompli tiġi żviluppata r-responsabbiltà tal-kumpaniji u jkun possibbli aċċess aktar faċli għall-mediċini u t-trattamenti u trasparenza akbar, filwaqt li tiġi ppremjata l-innovazzjoni u l-kompetittività industrijali aktar żviluppata. L-Impenn Konġunt għal Inizjattiva għal Mediċini Innovattivi jimplimenta sħubija bħal din bejn il-pubbliku u l-privat bil-għan li jiġu prodotti mediċini aktar siguri u f'iqsar żmien. Barra minn dan, aktar trasparenza u koordinazzjoni aħjar bejn l-ipprezzar u s-sitemi ta' rimborż mill-Istati Membri għandhom iwasslu biex ma jkunx hemm dewmien fl-aċċess għas-suq u biex jitjieb il-funzjonament tas-suq intern għall-mediċina. Barra minn dan, il-Kummissjoni se tniedi Sħubija għall-Innovazzjoni Ewropea bi prova dwar it-tixjiħ attiv u f'saħħtu[11].

L- industrija tas-sigurtà tal-UE għandha quddiem wiċċha suq intern tassew ifframmentat u bażi industrijali dgħajfa. L-oqfsa regolatorji nazzjonali jvarjaw bil-bosta u s-suq għall-prodotti tas-sigurtà huwa ferm iddiversifikat b'mod li jvarja bejn kameras għal sistemi kumplessi ta' skennjar. Biex tiġi pprovduta sistema ta' sigurtà, il-fabbrikanti, l-integraturi tas-sistema u l-fornituri tas-servizz iridu jaħdmu flimkien mal-klijenti u mill-qrib. Huwa essenjali li tiġi żviluppata sistema aktar mgħaġġla għall-approvazzjoni ta' teknoloġiji ta' prijorità; li jsir aktar progress sostanzjali dwar l-armonizzazzjoni, l-istandardizzazzjoni; li jiġu kkunsidrati l-kuntratti pubbliċi kkoordinati; u li r-riċerka dwar teknoloġiji ta' sigurtà tiġi aċċellerata inkluż l-użu doppju. Dwar dan tal-aħħar, il-Kummissjoni se tkun qed tikkoordina mal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża.

Is- settur tal-kostruzzjoni ukoll jista' jagħmel kontribut sostanzjali bħala reazzjoni għat-tibdil fil-klima u tibdil ambjentali u soċjali ieħor. Id-Direttiva riveduta dwar ir-rendiment tal-enerġija fil-bini tistabbilixxi l-ambizzjoni li sal-2021 ikun hemm tranżizzjoni lejn kważi żero enerġija fil-bini fl-Ewropa, filwaqt li r-rinfurzar tar-rekwiżiti għar-rendiment tal-enerġija se jistabbilixxi standards ġodda għall-bini. Din hija opportunità għas-settur tal-kostruzzjoni u r-rinnovazzjoni.

Is- swieq ibbażati fuq riżorsi bijoloġiċi b'domanda għolja u b'qafas leġiżlattiv favorevoli jistgħu jkunu ta' kontribut sostanzjali għat-trasformazzjoni tal-UE lejn ekonomija aktar sostenibbli. Madankollu se jkunu meħtieġa l-kundizzjonijiet tajba ta' leġiżlazzjoni u ta' qafas sabiex jinkoraġġixxu d-domanda għal materji primi rinovabbli għall-użu mill-industrija (eż. l-injam u l-karta, imma anki l-bijoplastika, il-bijolubrikanti u l-farmaċewtiċi) u biex tkun żgurata s-sostenibbiltà; jeħtieġ tiġi stimulata l-innovazzjoni teknoloġika permezz ta' proġetti ta' illustrazzjoni; u jiġu żviluppati standards Ewropej u internazzjonali għat-teknoloġiji l-ġodda. Jeħtieġ jibqa' għaddej ix-xogħol eżistenti fuq it-tikketti ta' prodotti speċifiċi (eż. l-ekotikkettar) u fuq id-dokumenti u n-netwerks ta' gwida għall-kuntratti pubbliċi.

Il-Kummissjoni se tkun qed:

- tiżviluppa proċess ta' Kura tas-Saħħa u l-Prodotti farmaċewtiċi li jinvolvi l-Istati Membri, l-industrija u partijiet oħra interessati fis-saħħa biex iġġib il-quddiem responsabbiltà korporattiv, itejjeb l-aċċess għall-mediċini, u ssaħħaħ il-kompetittività tal-industrija farmaċewtika. Biex tiffaċilita t-tħaddim tas-suq intern għall-mediċini, hija se tieħu l-opportunità li tirrevedi d-Direttiva 89/105/KEE dwar it-trasparenza tal-għoti tal-prezzijiet u l-proċeduri ta' rimbors;

- tippreżenta inizjattiva dwar is-Sikurtà tal-Industrija, inkluża sistema mgħaġġla għall-approvazzjoni tat-teknoloġiji ta' prijorità, filwaqt li tistabbilixxi prijoritajiet għall-armonizzazzjoni u l-istandardizzazzjoni u tqis sistema ta' koordinazzjoni tal-kuntratti pubbliċi, u twaqqaf Pjattaforma ta' Sikurezza Ewropea u ta' Użu Doppju (2012 'il quddiem)

- tiżviluppa strateġija għall-Kompetittività Sostenibbli tal-Kostruzzjoni biex tiżgura kundizzjonijiet ta' qafas xierqa għas-Suq Intern tal-prodotti u s-servizzi tal-kostruzzjoni, ittejjeb l-effiċjenza tar-riżorsi u r-rendimenti ambjentali tal-intrapriżi ta' kostruzzjoni, u ġġib 'il quddiem il-ħiliet, l-innovazzjoni u l-iżvilupp teknoloġiku biex tindirizza il-ħtiġijiet tas-soċjetà u r-riski klimatiċi (2011);

- tistabbilixxi kundizzjonijiet biex toħloq swieq bijo-bbażati, ittejjeb il-leġiżlazzjoni rilevanti u l-kondizzjonijiet ta' qafas għall-użu industrijali, iġġib 'il quddiem l-innovazzjoni permezz ta' proġetti ta' illustrazzjoni, u tiżviluppa standards Ewropej u internazzjonali (2012).

8.4. It-tisħiħ mill-ġdid tal-kompetittività tal-UE permezz tal-katina tal-valur.

Jeħtieġ li l-UE tagħti aktar attenzjoni lill-katina tal-valur tal-manifattura. Kif ġie deskritt aktar 'il fuq, l-industrija hija dejjem iktar dipendenti fuq il-materja prima u l-prodotti intermedji, u hija dipendenti b'mod kruċjali fuq l-industriji li jagħtu servizz lin-negozju li jżidu l-valur u jgħinu fit-tfassil u t-tqegħid fis-suq ta' prodotti u servizzi ġodda. Din il-perspettiva ġdida teħtieġ approċċ differenti lejn il-politika industrijali li dejjem tqies aktar l-irbit bejn settur u ieħor.

L-industrija kimika hija eżempju tajjeb tal-approċċ il-ġdid li huwa meħtieġ. Minkejja l-kriżi ekonomika, l- industrija kimika tibqa' kompetittiva ħafna u hija waħda mill-muturi tal-industrija tal-manifattura tal-UE. Għandha rwol internazzjonali ta' suċċess b'sehem ta' 24% tas-suq dinji, iżda għandha quddiemha l-kompetizzjoni dejjem tikber miċ-Ċina, l-Indja, u l-Lvant Nofsani. Bħala industrija tal-prodotti intermedji, is-settur għandu potenzjal enormi biex itejjeb kemm il-kompetittività kif ukoll il-prestazzjoni ambjentali ta' industriji oħra aktar 'l isfel fil-linja tal-produzzjoni permezz ta' innovazzjoni fis-sustanzi u l-materjal. Il-Grupp ta' Livell Għoli dwar il-Kimika enfasizza għadd ta' kontribuzzjonijiet potenzjali tal-industrija biex jinstabu soluzzjonijiet għall-isfidi kritiċi tas-soċjetà li għandha quddiemha l-UE, bħall-użu dejjem jikber ta' materjal li jiġġedded, l-effiċjenza tal-enerġija li dejjem tiżdied, u t-tnaqqis tal-użu tal-ilma eċċ...

Il-katina ta' forniment alimentari tal-Ewropa kollha tinsab f'perjodu ta' aġġustament bħala riżultat tal-preferenzi tal-konsumatur li qed jinbidlu, l-iskarsezza tar-riżorsi, il-fatturi demografiċi, ta' saħħa, u ambjentali, u t-tħassib tal-konsumatur dwar is-sikurezza tal-ikel, is-saħħa u l-prezzijiet. L- Industrija Agro-Alimentari hija kompetittiva ħafna u tirrappreżenta 2% tal-PGD tal-Ewropa u 13,5% tal-impjieg totali fil-manifattura. Iżda, jeħtieġ li hija tindirizza dawn il-kwistjonijiet kif ukoll l-iżbilanċji fis-saħħa tal-akkwist bejn il-produtturi agro-alimentari u dawk li jbiegħu bl-imnut u li ttejjeb l-effiċjenza tal-istrutturi ta' provvista u tiffaċilita r-ristrutturar mill-ġdid tagħhom.

L- industrija tat-tessuti, ħwejjeġ tal-ilbies u tal-ġilda tal-UE għaddiet minn bdil strutturali għal aktar minn 20 sena. L-iżviluppi teknoloġiċi, flimkien mal-punti ta' saħħa tradizzjonali fid-disinn u l-kwalità wkoll isibu triqthom fis-swieq il-kbar tal-konsum lil hinn mis-settur, bħall-ilbies sportiv li jintlibes barra; prodotti ta' lussu, jew xedd tas-saqajn. Minħabba f'hekk il-prodotti ta' konsum qed isiru dejjem iżjed komuni filwaqt li joffru opportunitajiet ġodda ta' suq għall-manifattura Ewropea. Prodotti speċjali ta' valur miżjud għoli jirrappreżentaw diġà biċċa sostanzjali tal-attivitajiet tas-settur, b'sehem ta' produzzjoni dejjem jiżdied u valur miżjud iġġenerat biex jipprovdi soluzzjonijiet maqtuha apposta għal setturi oħra bħall-kura tas-saħħa, l-inġinerija ċivili jew l-ispazju tal-ajru. Sforzi sinifikanti fir-Riċerka u l-Iżvilupp u l-innovazzjoni saħħew il-kontenut ta' għarfien u s-sostenibbiltà tas-settur, filwaqt li permezz tagħhom dan sar possibbli. Jeħtieġ li jinġiebu 'l quddiem kunċetti ġodda ta' kummerċ u teknoloġiji ta' manifattura marbuta li huma kkonċentrati fuq l-iżvilupp ta' prodotti sostenibbli, ibbażati fuq id-disinn u skont ix-xewqa tal-utent fis-settur tat-tessuti u l-ilbies kif ukoll swieq oħra kbar ta' konsum.

B'mod partikolari, l- industriji kulturali u kreattivi huma muturi importanti ta' innovazzjoni ekonomika u soċjali f'setturi oħra. Id-disinn, l-arkitettura, u r-reklamar għandhom rwol importanti fl-appoġġ tal-investimenti pereżempju fil-kostruzzjoni, it-teknoloġiji ġodda ta' konsum, soluzzjonijiet favur l-ambjent u l-ekonomija diġitali. Bl-istess mod is-servizzi ta' mobilità u loġistika qed isiru dejjem iżjed importanti biex isostnu il-katini tal-valur u jippermettu l-produzzjoni fil-waqt propizju. Kollaborazzjoni iktar mill-qrib bejn dawn l-industriji u dawk li jfasslu l-politika fl-UE, fl-Istati Membri, fir-reġjuni u fil-lokal iġġib 'il quddiem il-kontribut tagħhom lill-ekonomija fis-sħiħ tagħha.

Il-Kummissjoni se tkun qed:

- twettaq is-segwitu tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar il-kompetittività tal-industrija kimika, l-aktar il-kontribut tagħha potenzjali biex tipprovdi soluzzjonijiet għall-isfidi kritiċi tas-soċjetà permezz ta' Sħubiji ta' Innovazzjoni;

- tuża l-Forum ta' Livell Għoli dwar l-Industrija Alimentari biex tiżgura tħaddim aħjar tal-katina ta' provvista alimentari;

- tipproponi inizjattivi strateġiċi wara l-Green paper dwar l-Isfruttament tal-potenzjal tal-industriji kulturali u kreattivi, inkluża Komunikazzjoni dwar l-aspetti ewlenin tal-kompetittività tal-industrija tal-moda, bit-tnedija ta' Alleanza tal-Industriji Kreattivi Ewropej u Alleanza tal-Industriji Mobbli u tal-Mobilità Ewropej biex iġġib flimkien lil dawk li jfasslu l-politika u r-rappreżentanti tal-industrija (2011).

8.5. L-indirizzar ta' tħassib ta' industriji li jiddependu ħafna fuq l-enerġija

Jeħtieġ li l-Ewropa ttejjeb ukoll il-kompetittività internazzjonali tagħha billi tkun f'qagħda li tgħaġġel it- tranżizzjoni lejn ekonomija li tiddependi inqas fuq il-karbonju u li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti fl-industriji li jiddependu fuq l-enerġija bħal dawk tal-azzar, metalli mhux mill-ħadid, il-karta, u l-industrija kimika. Dan se jsir f'koordinazzjoni mal-inizjattiva ta' prominenza li jmiss dwar 'l-Effiċjenza tar-riżorsi' u l-Pjan SET. L-investimenti fil-produzzjoni li hija effiċjenti fl-użu tagħha tal-karbonju jipprovdu lill-industriji li jiddependu mill-enerġija b'kapaċità qawwija biex iżidu l-kompetittività u jagħmluhom inqas dipendenti fuq il-prezzijiet tal-enerġija fil-ġejjieni.

L-industriji li jiddependu fuq l-enerġija jipprovdu parti importanti fil-katina tal-valur tal-industrija tal-manifattura fl-UE u huma minn ta' quddiem fid-dinja f'dik li hija effiċjenza ta' enerġija. Huma parti integrali mill-katina tal-valur u jimmanifatturaw biċċa sewwa mill-prodotti industrijali b'effett ta' tnaqqis tas-CO2. Għaldaqstant, l-industriji li jiddependu fuq l-enerġija jridu jsibu l-kondizzjonijiet ta' produzzjoni kompetittiva fl-Ewropa fil-ġejjieni. Dan ifisser li r-riskju ta' tniġġis mill-karbonju għall-industriji li jiddependu fuq l-enerġija jrid jitqies, inkluż fil-kuntest tal-impatti indiretti possibbli miż-żidiet fil-prezzijiet tal-elettriku minħabba l-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet.

Qed tiġi żviluppata teknoloġija u teknika ġdida għall-produzzjoni mnaqqsa tal-karbonju għall-industriji li jiddependu fuq l-enerġija u li jipproċessaw il-materjal, permezz ta' Pjattaformi Teknoloġiċi u Inizjattivi ta' Suq Innovattiv. Iżda, jeħtieġ li jkun hemm kundizzjonijiet ta' qafas xierqa u aktar kollaborazzjoni bejn is-settur pubbliku u dak privat biex jiġi żgurat l-użu f'waqtu u l-kummerċjalizzazzjoni ta' dawn l-innovazzjonijiet mas-setturi kollha li jiddependu mill-enerġija.

Il-Kummissjoni se tkun qed:

- ġġib 'il quddiem l-adattamenti għar-regoli tal-għajnuna Statali billi tagħmel konċessjonijiet għal kumpens xieraq għall-kosti indiretti tal-ETS bħal dawk fuq il-prezzijiet tal-elettriku, filwaqt li tiżgura kondizzjonijiet indaqs fis-Suq Uniku u l-kisba tal-għanijiet tal-Komunità fid-dawl tal-impenji internazzjonali dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet

- Ġġib 'il quddiem Skema ta' Karbonju Baxx għall-Industrija Sostenibbli (SILC) biex tikkoordina l-kondizzjonijiet ta' qafas, l-azzjonijiet ta' finanzjar, il-ġbir ta' dejta, u attivitajiet oħra mill-UE u l-Istati Membri għall-promozzjoni tal-iżvilupp u l-adozzjoni tat-teknoloġiji b'karbonju baxx b'koordinazzjoni mal-Pjan SET-Plan (2011 'l quddiem);

- Fil-kuntest tad-diskussjoni dwar riċerka fil-ġejjieni ta' Sħubija Pubblika-Privata, tikkunsidra inizjattiva ta' Implimentazzjoni ta' Karbonju Baxx għall-Industriji li jiddependu fuq l-enerġija, billi tgħaqqad flimkien il-pjattaformi teknoloġiċi rilevanti mal-UE u l-Istati Membri, biex tiżgura r-riċerka u l-iżvilupp xierqa, l-istrateġiji ta' finanzjar u tħaddim għall-produzzjoni ta' karbonju baxx;

- bi sħubija mal-Istati Membri u l-industrija, ġġib 'il quddiem proġetti ta' illustrazzjoni u l-adozzjoni ta' teknoloġiji li jipproduċu ammonti baxxi ħafna ta' karbonju, inkluż il-qbid u l-ħażna tal-karbonju industrijali, filwaqt li tevita t-tgħawwiġ fil-kompetizzjoni (2011-16).

- tesplora iktar fil-kuntest tal-Istrateġija Ewropa 2020, l-opportunitajiet biex tintroduċi aktar mekkaniżmi innovattivi ta' inċentiva marbuta mas-suq tal-karbonju, l-aktar għal dawk li jaqdfu iktar fuq quddiem.

8.6 Approċċ settorjali mtejjeb

Barra minn hekk, il-Kummissjoni fl-2011 se tikkonsulta ma' parti interessata dwar l-aqwa mod kif tista' tuża u ssaħħaħ id-dimensjoni industrijali tal-Inizjattivi ta' Teknoloġija Konġunti u Sħubiji ta' Innovazzjoni Ewropej kif imħabbar fl-Inizjattiva ta' Unjoni tal-Innovazzjoni, u dwar prijoritajiet f'dan ir-rigward.

9. Konklużjonijiet: Governanza ġdida tal-UE għall-politika industrijali

Filwaqt li l-kriżi ekonomika u finanzjarja ffukat l-attenzjoni tal-politika ta' kompetittività industrijali lejn azzjonijiet ta' salvataġġ u rkupru fuq medda qasira ta' żmien, fil-ġejjieni l-attenzjoni ta' dawk li jfasslu l-politika trid tkun ikkonċentrata fuq sfidi strutturali fuq medda twila ta' żmien, b'mod partikolari ż-żamma tal-kompetittività globali, il-bidla fil-klima, l-enerġija, it-tixjiħ tal-popolazzjoni, il-ħiliet u l-għarfien. Fil-kuntest tal-konsolidament fiskali, l-istrateġiji tal-kompetittività ma jistgħux jimbnew fuq programmi ewlenin ta' nfiq, iżda x'aktarx li jindirizzaw riformi strutturali f'oqsma bħat-titjib tal-ambjent tal-kummerċ, l-immodernizzar tal-amministrazzjonijiet pubbliċi, it-titjib tal-abilità tal-kumpaniji li jinnovaw jew itejbu l-effiċjenza enerġetika. Fl-istess waqt jista' jkun hemm ħtieġa ta' miżuri ta' politika li jakkumpanjaw it-tibdil strutturali li għaddej fi ħdan l-industriji u minn industrija għal oħra.

Ir-rendiment tal-politika industrijali ġdida jitlob ukoll governanza Ewropea aktar effettiva. Il-kunċetti ta' setturi nazzjonali u industriji nazzjonali bi ftit interazzjoni ma' setturi oħra jew il-bqija tad-dinja qed isiru inqas rilevanti. Issa huwa dejjem iktar importanti li jiġu identifikati l-interessi strateġiċi industrijali Ewropej, u r-reazzjonijiet politiċi nazzjonali jridu jċedu posthom għal reazzjonijiet politiċi Ewropej kkoordinati.

Din il-governanza imtejba u ambizzjuża Ewropea għandha żewġ fergħat separati:

- viżjoni ħolistika u iżjed ikkoordinata tat-tfassil tal-politika fil-livell Ewropew, bis-sehem tal-Kummissjoni u l-Istituzzjonijiet Ewropej, l-iktar il-Kunsill u l-Parlament Ewropew. Jeħtieġ jittejbu l-koordinazzjoni u l-interazzjoni tal-istrateġiji differenti li jaffettwaw il-kompetittività, inkluż l-'ittestjar tal-kompetittività' tal-proposti ġodda ta' politika;

- kooperazzjoni aktar mill-qrib mal-Istati Membri u l-monitoraġġ tas-suċċess u r-rendiment tal-kompetittività tal-istrateġiji fil-livell Ewropew u tal-Istati Membri. Dan jista' jkun ibbażat fuq l-Artikolu 173 tat-Trattat il-ġdid ta' Liżbona TFUE dwar il-politika industrijali fil-kuntest tal-qafas Ewropa 2020, il-koordinazzjoni tal-politika ekonomika mtejba u notevolment bis-"semestru Ewropew" il-ġdid li, inter alia , għandu jikkontribwixxi fid-disinn ta' programmi ta' riforma nazzjonali aħjar[12].

Bħala parti mill-Istrateġija Ewropa 2020, il-Kummissjoni se tirrapporta għalhekk b'mod regolari dwar il-kompetittività u l-politika industrijali u r-rendiment tal-UE u tal-Istati Membri.

Tabilħaqq, billi ħafna mill-kondizzjonijiet ta' qafas rilevanti għal industrija kompetittiva u sostenibbli jiġu ffissati fil-livell tal-Istat Membru, il-monitoraġġ ma għandux biss ikopri r-rendiment tal-kompetittività iżda wkoll il-politika tal-kompetittività, inklużi fatturi bħall-ambjent tan-negozju, is-sistema ta' innovazzjoni, il-kondizzjonijiet ta' kompetizzjoni, l-infrastruttura, l-effiċjenza tal-amministrazzjoni pubblika, u l-progress lejn l-effiċjenza enerġetika u tar-riżorsi. L-ewwel analiżi tar-rendiment u l-politika tal-kompetittività tal-Istati Membri turi li hemm fejn isir titjib f'ħafna sezzjonijiet. Din l-analiżi se tkompli tiġi rfinuta biex tinkludi kopertura aħjar tas-sostenibbiltà industrijali, l-aktar fid-dawl tal-inizjattiva ta' prominenza li jmiss dwar l-Effiċjenza tar-Riżorsi. Il-qafas ta' politika fil-livell tal-UE – l-istrateġija Ewropa 2020 bl-azzjonijiet ta' prominenza tagħha u l-Artikolu 173 TFUE dwar il-politika industrijali – jipprovdi medda ta' mezzi biex l-Istati Membri jitħeġġu fiż-żieda tal-isforzi tagħhom biex iwettqu dan it-titjib, b'hekk isir kontribut lejn industrija u ekonomija Ewropea aktar kompetittiva u l-Kummissjoni se tużahom sal-aħħar.

Reviżjoni tal-istrateġiji politiċi industrijali u kummerċjali tal-Istati Membri tista' twassal għal koordinament u ġbir flimkien aħjar tal-użu tar-riżorsi disponibbli , u l-istrumenti legali jistgħu jiġġeneraw aktar valur għall-flus. Dan huwa iktar importanti fejn hemm l-inqas riżorsi disponibbli, u fejn l-oqfsa ta' politika saru aktar komprensivi u frammentati f'dawn l-aħħar deċennji.

Dan it-tip ta' monitoraġġ se jkun organizzat permezz tal-Kunsill dwar il-Kompetittività u l-Parlament Ewropew u se jiġi żviluppat aktar permezz ta' reviżjonijiet inter pares u skambji ta' prassi tajba. Huwa konsistenti bis-sħiħ mal-qafas tal-Ewropa 2020.

Huwa se jkun parti mill- monitoraġġ ġenerali tal-Ewropa 2020 iżda b'attenzjoni speċifika fuq ir-rendiment tal-kompetittività tal-Istati Membri u l-possibbiltà ta' tagħlim reċiproku. Dan min-naħa tiegħu għandu jikkontribwixxi fit-titjib tal-istrateġiji politiċi nazzjonali kif osservati mill-qrib permezz tal-programmi ta' riforma nazzjonali[13].

L-oqsma li ġejjin huma b'mod partikolari xierqa għall-iskambju tal-aħjar prassi: it-tnaqqis tal-piż amministrattiv u l-istima tal-impatti fuq il-kompetittività, "l-ittestjar tar-rendiment" u "ibda miż-żgħir" fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, strateġiji biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-finanzjament, teknoloġiji siewja ewlenin, infurzar tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali, l-iżvilupp ta' strateġiji ta' ħila fir-rigward tal-ħtiġijiet industrijali u fid-disinn tal-istrateġiji nazzjonali industrijali, speċjalment fir-rigward tas-setturi individwali u l-involviment tal-partijiet interessati. Il-kooperazzjoni aktar mill-qrib tista' tipproduċi sinerġiji, komplementarjetajiet u użu aħjar tar-riżorsi speċjalment fl-iżvilupp u ttħaddim ta' teknoloġiji siewja ewlenin u teknoloġiji ambjentali iżda, ukoll, f'xi żoni speċifiċi ta' ħila, fejn id-domanda nazzjonali tista' ma tiġġustifikax kurrikulu sħiħ u proprju. Fl-aħħar nett, filwaqt li l-ġustifikazzjoni fondamentali għall-iskambju tal-aħjar prassi u l-kooperazzjoni hija iktar qawwija fil-livell tal-azzjonijiet individwali, ir-reviżjonijiet inter pares huma aktar ta' benefiċċju għal strateġiji politiċi iktar integrati u kumplessi.

Dawn l-azzjonijiet jistgħu jkunu ta' ġeometrija varjabbli billi l-ħtiġijiet nazzjonali u ċ-ċirkustanzi jvarjaw. Il-Kummissjoni se tiddiskuti mal-Kunsill u l-Istati Membri fix-xhur li ġejjin l-prinċipji u l-modalitajiet li fuqhom għandhom jorganizzaw lilhom infushom kif ukoll l-ambitu u l-ġerarkija tal-prijoritajiet. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tissorvelja u tirrapporta kull sena dwar il-kompettitività u l-istrateġiji industrijali u r-rendiment tal-Istati Membri. Dan se jinkludi l-aspetti industrijali ta' aktar strateġiji li jaqdu aktar għanijiiet ġenerali bħall-edukazzjoni, ir-riċerka, il-ħarsien tal-ambjent jew il-bidla fil-klima. Se jkun hemm enfasi partikolari fuq l-iżviluppi li jirrigwardaw l-iskambju tal-aħjar prassi u l-azzjonijiet ta' kooperazzjoni. L-Istrateġija Ewropa 2020 hija wkoll ta' importanza għall-aġenda ta' riforma tat-tkabbir tal-pajjiżi tal-UE. Il-pajjiżi kandidati u potenzjalment kandidati għandhom għalhekk ukoll jibdew ifittxu li jsegwu l-għanijiet proposti tal-politika industrijali integrata ġdida.

L-implimentazzjoni tal-approċċ il-ġdid għall-politika industrijali għandha tgħin l-impriżi u l-investituri jidħlu għal produzzjoni industrijali li tħalli l-qligħ, tkun sostenibbli u toħloq il-postijiet tax-xogħol fl-Ewropa u ttejjeb il-kompetittività internazzjonali f'termini ta' produttività u kost. L-industrija tal-UE għalhekk tibbenefika mis-suq dinji li qed jikber b'rata mgħaġġla bis-saħħa tal-globalizzazzjoni. Fi kliem ieħor, l-Ewropa se jkollha produzzjoni industrijali li tikber, impjiegi u dħul tul id-deċennju li ġej, filwaqt li tnaqqas b'mod sinifikanti l-impatt tal-karbonju u r-riżorsi mill-industrija.

L-indikaturi ta' suċċess li ġejjin għalhekk se jiġu osservati mill-qrib:

- It-titjib fil-kompetittività internazzjonali, bit-tqabbil kemm tal-produttività tal-UE kif ukoll tal-iżviluppi tal-kost ma dawk tal-kompetituri tagħha.

- L-għadd ta' impjiegi ġodda maħluqa fl-industrija u s-servizzi marbuta mal-industrija, b'referenza partikolari mal-għadd maħluq fl-IŻMs;

- Ir-rata li biha tikber il-produzzjoni tal-manifattura, partikolarment il-produzzjoni fl-ekoindustriji;

- Is-sehem tas-setturi ta' manifattura ta' teknoloġija medja u għolja fil-valur miżjud totali tal-manifattura u l-impjieg.

Il-Kummissjoni, skont l-Artikolu 173 TFUE, se tkun qed:

- timplimenta l-azzjonijiet deskritti f'din il-Komunikazzjoni biex issaħħaħ il-qafas ta' politika Ewropea għall-politika industrijali, filwaqt li taħdem mill-qrib mal-Kunsill u l-Parlament Ewropew;

- tirrapporta lill-Kunsill u l-Parlament Ewropew dwar il-kompetittività industrijali tal-UE u tal-Istati Membri u l-istrateġiji marbuta u r-rendiment fuq bażi ta' kull sena;

- tagħti bidu għal reviżjonijiet inter pares u skambji ta' prassi tajba mal-Istati Membri biex ittejjeb il-kooperazzjoni dwar il-politika industrijali madwar l-UE.

L-Istati Membri huma mistiedna:

- jikkooperaw u fejn xieraq jikkoordinaw l-politika industrijali tagħhom;

- jidħlu għal reviżjonijiet inter pares u skambji ta' prassi tajba.

-

[1] DĠ għall-Intrapriża u l-Industrija: "L-Industrija tal-Manifattura fl-UE: X'inhuma l-Isfidi u l-Opportunitajiet għas-Snin li Ġejjin?"

[2] Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar il-politiki u r-rendiment tal-kompetittività tal-Istati Membri SEC(2010)1272. Is-sejbiet ewlenin ta' dan ir-rapport rigward l-isfidi maqsuma minn ħafna Stati Membri tal-UE huma enfasizzati fil-kaxxi fit-test.

[3] COM(2010)543

[4] COM(2008)394

[5] COM(2010) 301.

[6] COM(2009)512

[7] COM(2010) 245.

[8] COM(2010) 612.

[9] Id-DĠ għall-Intrapriża u l-Industrija "Internationalisation of SMEs", 2010.

[10] ‘Strateġija Ewropea dwar vetturi ta' enerġija nadifa u effiċjenti’ COM(2010)186, 28.4.2010.

[11] COM(2010) 546.

[12] COM(2010) 250.

[13] COM(2010)250.