52010DC0571

GREEN PAPER dwar l-espansjoni tal-użu tal-Akkwist-e fl-UE /* KUMM/2010/0571 finali */


MT

|| IL-KUMMISSJONI EWROPEA

Brussel 18.10.2010

KUMM(2010) 571 finali

 

GREEN PAPER

dwar l-espansjoni tal-użu tal-Akkwist-e fl-UE

SEG(2010) 1214

GREEN PAPER

dwar l-espansjoni tal-użu tal-Akkwist-e fl-UE

1. Għaliex għandu jkun hemm Green Paper dwar l-Akkwist-e?

L-Akkwist-e jirreferi għall-użu tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u l-ipproċessar tat-tranżazzjonijiet mill-istituzzjonijiet governattivi u organizzazzjonijiet oħrajn tas-settur pubbliku meta jinxtraw il-provvisti u s-servizzi jew jitressqu l-offerti għax-xogħoljiet pubbliċi. Madankollu, dan jinvolvi ħafna iżjed minn sempliċiment il-bidla minn sistemi bbażati fuq il-karta għal sistemi li jużaw l-komunikazzjonijiet elettroniċi għall-proċeduri tal-akkwist pubbliku. L-Akkwist-e għandu l-potenzjal li jrendi titjibiet importanti fl-effiċjenza tax-xiri individwali, l-amministrazzjoni globali tal-akkwist pubbliku u l-funzjonament tas-swieq għall-kuntratti pubbliċi.

Il-fażijiet tal-introduzzjoni tal-Akkwist-e jifformaw parti minn aġenda ambizzjuża tal-Gvern-e li fundamentalment tista' tittrasforma t-twassil u l-prestazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika. L-Aġenda Diġitali Ewropea tal-Kummissjoni tbassar l-adozzjoni ta' White Paper tal-Kummissjoni li jkun fiha deskrizzjoni tal-passi li tkun se tieħu l-Kummissjoni biex tistabbilixxi infrastruttura interkonnessa tal-Akkwist-e [1].

Din il-Green Paper tikkostitwixxi l-ewwel pass lejn it-tlestija ta' din l-azzjoni u d-definizzjoni / l-implimentazzjoni ta' programm ambizzjuż iżda realistiku biex jidderiġi l-potenzjal tal-ICT għall-akkwist pubbliku madwar is-suq uniku.

Din il-Green Paper tikkostitwixxi wkoll l-ewwel pass lejn eżami koordinat, ambizzjuż u komprensiv tal-qafas eżistenti tal-UE dwar l-Akkwist Pubbliku li għandha sservi ta' informazzjoni għall-proposti għar-riforma tal-leġiżlazzjoni tal-UE. Warajha se jkun hemm it-tieni Green Paper li tindirizza kwistjonijiet oħrajn marbutin mal-modernizzazzjoni tal-qafas eżistenti tal-akkwist pubbliku fl-UE.

Fl-2005, il-Ministri tal-UE esprimew ix-xewqa tagħhom li "sal-2010 tal-inqas 50 % tal-akkwist pubbliku li jinsab 'il fuq mil-limitu (threshold) tal-akkwist pubbliku tal-UE jkun qed isir b'mod elettroniku"[2]. Sabiex tilħaq dan, il-Kummissjoni mmodifikat il-leġiżlazzjoni u implimentat il-Pjan ta' Azzjoni tal-Akkwist-e (2004)[3]. Minkejja dan, l-adozzjoni fattwali tinsab ferm 'il bogħod mill-aspirazzjonijiet inizjali, u dan jirrifletti l-kumplessità teknika, loġistika u amministrattiva tal-bidla. L-evalwazzjoni tal-Kummissjoni[4] tissuġġerixxi li l-ammont tal-baġits totali tal-akkwist tal-ewwel Stati Membri[5] li ċċaqilqu, li qed jingħataw permezz tas-sistemi elettroniċi, huwa inqas minn 5 %.

Il-Kummissjoni tikkunsidra li issa wasal iż-żmien biex l-azzjoni tal-Komunità terġa' tiġi ffukata fuq l-appoġġ għall-varar tal-Akkwist-e mill-amministrazzjonijiet pubbliċi nazzjonali, reġjonali u lokali. Din it-teknoloġija issa mmaturat. Il-pjattaformi tal-Akkwist-e li kellhom suċċess issa huma stabbiliti sew f'ħafna reġjuni u Stati Membri. It-traffiku f'dawn is-sistemi laħaq massa kritika u qed jikber qatigħ. Hemm opportunità għat-tixrid tal-aħjar prassi u l-korrezzjoni tan-nuqqasijiet fl-ambjent legali u tal-politika tal-UE li f'ċirkustanzi oħrajn jaf ixekkel dawn l-iżviluppi.

Barra minn hekk, teżisti l-possibbiltà għall-allinjament tal-iżviluppi u l-proċessi biex ikun żgurat li l-komponenti ewlenin tal-infrastruttura emerġenti tal-Akkwist-e jappoġġaw il-parteċipazzjoni transkonfinali fil-proċeduri tal-akkwist. Il-proliferazzjoni mhux kontrollata tas-soluzzjonijiet u l-applikazzjonijiet tekniċi tista' twassal għall-barrieri mhux meħtieġa mill-operaturi ekonomiċi, fil-proċeduri li huma organizzati fuq sistemi ta' pajjiżi sħab. Filwaqt li l-parteċipazzjoni transkonfinali fl-Akkwist-e tibqa' aneddotali, il-Kummissjoni temmen li jkun għaqli li taġixxi issa sabiex tevita li l-barrieri tekniċi jew operazzjonali jsiru endemiċi fl-isfond tal-Akkwist-e emerġenti.

X'inhu l-Akkwist-e?

Akkwist-e huwa terminu ġenerali biex jieħu post il-proċeduri kollha ibbażati fuq il-karta tal-komunikazzjonijiet u l-ipproċessar ibbażati fl-ICT matul il-katina kollha tal-akkwist. L-Akkwist-e jinvolvi l-introduzzjoni ta' proċessi elettroniċi biex jappoġġaw il-fażijiet differenti ta' proċess tal-akkwist – il-pubblikazzjoni tas-sejħiet għall-offerti, il-forniment tad-dokumenti tal-offerti, is-sottomissjoni tal-offerti, l-evalwazzjoni, l-għoti, l-ordnar, il-fatturar u l-ħlas.

Il-proċessi marbuta mal-fatturar u l-ħlas (ta' wara l-għoti) mhumiex speċifiċi skont l-akkwist u s-soluzzjonijiet li ġew żviluppati għal suq aktar mifrux (B2B) jistgħu jitħaddmu fl-Akkwist-e[6]. Madankollu, xi fażijiet (notifika, sottomissjoni, evalwazzjoni u ordnar) jirrikjedu soluzzjonijiet imfassla apposta. Il-fażijiet tas-sottomissjoni, l-evalwazzjoni u l-ordnar huma l-ikbar sfida għaliex jirrikjedu sett maqbul ta' protokolli u standards għall-organizzazzjoni tal-iskambju ta' dokumenti kumplessi u l-interazzjoni bejn ix-xerrej pubbliku u l-fornituri.

Xi aspetti tal-attività tal-akkwist se jkomplu jirrikjedu ġesjtoni mhux awtomatizzata. Pereżempju, ċerti fażijiet ta' akkwisti kumplessi (diżinji, xogħolijiet) jistgħu jkunu diffiċli biex jiġu ridotti għall-formati standardizzati u jistgħu jirrikjedu l-intervent tal-bniedem. Xorta waħda, hemm il-potenzjal għal partijiet kbar tal-attività tal-akkwist biex jiċċaqilqu għal bażi elettronika. Wieħed jista' jitgħallem mill-esperjenza tal-Korea: iktar minn 9O % tal-akkwist pubbliku kollu f'dak il-pajjiż huwa medjat permezz tal-pjattaforma KONEPS li hija amministrata ċentralment.

Spiss, partijiet mill-proċedura tal-akkwist jistgħu jsiru elettronikament fejn oħrajn joperaw fuq bażi mhux awtomatizzata. Ħafna amministrazzjonijiet pubbliċi bnew portali għall-pubblikazzjoni tal-avviżi tal-akkwist u l-forniment ta' aċċess għad-dokumenti tal-offerti. Il-progress għall-użu ta' sistemi awtomatizzati għas-sottomissjoni, l-ipproċessar u l-evalwazzjoni tal-offerti u l-ordnar, huwa inqas mifrux. L-għan aħħari huwa 'Akkwist-e totali' fejn il-fażijiet kollha tal-proċedura min-notifika sal-ħlas isiru fuq bażi awtomatizzata, permezz tal-proċeduri elettroniċi. Possibbiltajiet bħal dawn huma disponibbli – normalment ipprovduti permezz ta' pjattaformi speċjalizzati tal-Akkwist-e li jipprovdu l-appoġġ rilevanti kollu lil awtoritajiet kontraenti individwali fit-tmexxija tal-proċeduri elettroniċi tal-akkwist.

2. Għaliex huwa importanti l-Akkwist-e?

Il-Kummissjoni tara l-vantaġġi li ġejjin fl-użu aktar mifrux tal-Akkwist-e:

a)           Aktar aċċessibbiltà u t-trasparenza: billi jiġu awtomatizzati u ċentralizzati l-flussi tal-informazzjoni dwar opportunitajiet individwali tal-offerti, l-Akkwist-e jista' jtejjeb l-aċċess tal-impriżi għall-akkwist pubbliku. It-tiftix għall-opportunitajiet fuq l-internet huwa iżjed imħaffef u jiswa inqas milli jiġu ċċekkjati l-pubblikazzjonijiet individwali. Is-sistemi tal-Akkwist-e jistgħu jiġu wkoll konfigurati sabiex jiġbdu l-attenzjoni tal-fornituri lejn opportunitajiet partikolari u jipprovdu aċċess immedjat għad-dokumentazzjoni tal-offerti. It-trasparenza titjieb ukoll għaliex il-proċess tal-akkwist ikun iżjed miftuħ, dokumentat u kkomunikat aħjar. B'riżultat ta' dan il-monitoraġġ u l-effiċjenza globali tal-akkwist pubbliku jitjiebu, u b'hekk is-swieq jinfetħu għall-iktar kompetizzjoni u jiżdied l-għadd ta' fornituri li jikkompetu.

b)           Benefiċċji għal proċeduri individwali: meta mqabbel mas-sistemi bbażati fuq il-karta, l-akkwist pubbliku elettroniku jista' jgħin lill-awtoritajiet kontraenti u l-operaturi ekonomiċi jnaqqsu l-ispejjeż amministrattivi u jħaffu l-proċeduri tal-akkwist individwali. Fil-klima finanzjarja attwali, dawn l-effiċjenzi jistgħu jkunu ta' għajnuna kbira, billi jimmassimizzaw il-potenzjal li jista' jinkiseb minn riżorsi limitati. Is-sistemi tal-Akkwist-e taw prova wkoll li jistgħu jkunu utli ħafna biex iħaffu n-nefqa tal-baġits tal-akkwist pubbliku.

c)           Benefiċċji f'termini ta' amministrazzjoni tal-akkwist aktar effiċjenti: fejn jeżistu Korpi Ċentrali għall-Akkwisti (Central Purchasing Bodies (CPBs)), l-użu tal-proċeduri elettroniċi jista' jikkontribwixxi biex jiċċentralizza funzjonijiet klerikali tal-akkwist li jiswew ħafna flus u jiksbu ekonomiji tal-iskala fl-amministrazzjoni tal-akkwist. Il-bidla għall-Akkwist-e tipprovdi wkoll opportunità aktar mifruxa biex jiġi razzjonalizzat u revedut il-proċess tal-akkwist – iċ-ċaqliq għall-Akkwist-e ma għandux ifisser l-ikkuppjar fil-forma elettronika tal-proċeduri bbażati fuq il-karta li setgħu kienu ilhom jeżistu għal ħafna snin. L-Akkwist-e jista' jiġi integrat fi ħdan l-attivitajiet (elettroniċi) l-oħrajn tal-organizzazzjoni (eż. kontroll tal-inventarju, maniġjar tal-kuntratti u l-awditjar) fejn jiġu żgurati l-konsistenza u l-effiċjenza aktar mifruxa.

d)           Potenzjal għall-integrazzjoni tas-swieq tal-akkwist tal-UE: f'ambjent ibbażat fuq il-karta, in-nuqqas ta' għarfien u t-tħassib dwar l-offerti għall-kuntratti li jkunu f'ċertu distanza 'l bogħod mill-post tal-istabbiliment tal-impriża seta' llimita jew skuraġġixxa fornituri milli jikkonkorru f'ċerti offerti. L-Akkwist-e għandu l-potenzjal li jnaqqas dawn il-barrieri tad-distanza u l-lakuni fl-informazzjoni u jħeġġeġ aktar parteċipazzjoni, u b'hekk ikabbar l-ammont ta' fornituri possibbli u potenzjalment ikabbar is-swieq. Għalkemm ma jistax jibdel ir-rilevanza tad-distanza jew il-qrubija fiżika f'termini tal-prestazzjoni fattwali tat-tranżazzjoni sottostanti tal-impriża, joffri mod biex jegħleb l-ispejjeż marbutin mad-distanza għall-parteċipazzjoni fil-proċedura tal-akkwist infisha. It-trasparenza li tirriżulta mhijiex sempliċiment benefiċċju transkonfinali; il-vantaġġi ta' din iż-żieda fit-trasparenza jistgħu jinħassu wkoll fi ħdan il-fruntieri ta' pajjiż, għaliex il-fornituri f'reġjun wieħed jieħdu vantaġġ tal-opportunitajiet f'reġjun ieħor. L-aċċess iffaċilitat għall-informazzjoni dwar l-opportunitajiet ta' offerti u l-ipproċessar ċentralizzat tal-offerti għandu jiffaċilita l-parteċipazzjoni biex il-fornituri barranin jipparteċipaw fl-opportunitajiet tal-akkwist fuq l-internet[7].

Dawn il-benefiċċji ta' hawn fuq kollha jgħinu r-riżultati tal-akkwist mixtieqa sabiex jinkisbu b'mod aktar effikaċi. B'mod partikolari, l-Akkwist-e jista' jgħin jissorsja l-inputs minn servizzi pubbliċi fuq termini li huma ta' valur aħjar għall-kontribwenti. Dan l-iffrankar huwa partikolarment ta' valur issa fil-kuntest tal-pressjoni biex ikun hemm ġestjoni tajba tan-nefqa pubblika.

Dawn il-benefiċċji ma jiġux b'xejn. L-abbiltà biex l-akkwist jitwettaq elettronikament tirrikejdi investiment matul il-katina tal-akkwist kollha biex tinbena l-kapaċità neċessarja u tiġi mmaniġjata l-bidla minn sistema għall-oħra. Il-kostijiet tal-investiment f'faċilitajiet nazzjonali u reġjonali tal-Akkwist-e – li jvarjaw minn e-Portals għal soluzzjonijiet aktar komprensivi – li jvarjaw minn EUR 0.5 miljun għal EUR 5 miljun[8]. Il-kostijiet taż-żamma ivarjaw minn ħafna eluf għal ħafna miljuni, preżumibbilment jiddipendi mid-daqs u s-sofistikazzjoni tas-sistema. L-esperjenza tissuġerixxi li dawn l-investimenti jistgħu jiġu rkuprati f'iffrankar amministrattiv matul perjodi qosra ta' żmien. Madankollu, il-barriera ikbar għall-użu ta' dawn is-sistemi tinsab fit-tħeġġiġ tal-awtoritajiet kontraenti u l-komunitajiet tal-fornituri biex jaħdmu b'dawn is-sistemi l-ġodda. L-inizjattivi tal-Akkwist-e li kellhom suċċess spiss jinkludu appoġġ estensiv biex iħarrġu lill-komunitajiet tal-utenti u l-isforzi kontinwi tal-isponsors tal-Akkwist-e biex jippromwovu u jiżviluppaw is-sistemi tagħhom.

Eżempji ta' ffrankar u titjib

· L-aġenzija Taljana bbażata fl-Emilia Romagna, Intercent ER, toffri servizzi ta' Akkwist-e li jinkludu Swieq-e, Katalogi-e u Rkanti-e u issa hija l-punt ta' referenza għal 539 amministrazzjoni (90 % tal-aġenziji lokali). Fl-2008 din ipproċessat tranżazzjonijiet li ammontaw għal madwar EUR 419 miljun, li rendew benefiċċji ta' effiċjenza ta' EUR 67.5 miljun u tfaddil fil-ħin ta' 45 sena umana.

· L-Austrian Federal Procurement Agency tiċċentralizza x-xiri għall-awtoritajiet federali permezz tal-funzjonalitajiet tal-Akkwist-e. Fl-2008 irrapportat tfaddil ta' EUR 178 miljun kontra volum ta' akkwist ta' EUR 830 miljun. Il-benefiċċji jidhru li qegħdin ikunu sinifikament ikbar mill-kost taż-żamma annwali ta' EUR 5 miljun, li huma inqas minn 3 % tal-iffrankar.

· Sa mill-1 ta' Frar 2005, l-awtoritajiet kontraenti kollha fid-Danimarka jistgħu jaċċettaw biss fatturi elettroniċi. Din ir-riforma taffettwa madwar 15-il miljun fattura fis-sena, u tapplika għas-settur pubbliku kollu, mill-ministeri sal-iskejjel tat-trabi. L-użu ta' Fatturar-e huwa mistenni li l-pubbliku jiffranka EUR 100 miljun fis-sena, apparti l-iffrankar mill-proċessi amministrattivi interni.

· Fin-Norveġja, il-pjattaforma Ehandel qed tgħin lill-awtoritajiet jiksbu 20-40 % fi tnaqqis fil-ħin li wieħed jieħu biex jiġu ttratati l-ordnijiet, il-fattura tal-oġġetti u l-iffrankar fil-prezzijiet tal-fatturar u l-konsenji fir-reġjun ta' 2-10 %.

· Fir-Renju Unit, is-sit Buying Solutions irrapporta fir-rapport annwali tiegħu tal-2008/09 li ffaċilita bejgħ ogħla minn 5 biljun sterlina, li wassal għal iffrankar ta’ 732 miljun sterlina. Ir-Renju Unit irrapporta wkoll iffrankar li spiss qabeż l-10 % (u anke wasal sa 45 %) permezz tal-użu ta' Rkanti-e u reċentament ħabbru pjanijiet biex jużaw Rkanti-e biex ifaddlu lill-kontribwenti sa 270 miljun sterlina sal-aħħar tal-2011.

· Studju Portugiż qabbel l-aħjar offerti għal xogħolijiet pubbliċi kkuntrattati minn 50 sptar pubbliku Portugiż fl-2009 (li kienu jużaw is-sistemi bbażati fuq il-karta) u fl-2010 (bl-użu tal-Akkwist-e). Dan ikkonkluda li fl-2010 inkiseb tnaqqis fl-ispiża ta' 18 % minħabba ż-żieda fil-kompetizzjoni ġġenerata bl-Akkwist-e.

3. X'rwol jista' jkollha l-UE fil-promozzjoni tal-Akkwist-e?

Ħafna mill-investiment meħtieġ fl-Akkwist-e irid isir fil-livell nazzjonali jew reġjonali, għaliex il-ħtiġijiet u r-riżorsi hemm jinsabu. Barra minn hekk, il-leġiżlazzjoni dwar l-akkwist tal-UE tippermetti lill-awtoritajiet kontraenti l-għażla dwar l-użu ta' metodi ta' komunikazzjoni elettroniċi jew oħrajn għall-akkwist ogħla mil-livell limitu. Għalhekk, il-politika tal-UE għall-ħtiġijiet tal-Akkwist-e trid tirrikonoxxi l-bidla minn isfel għal fuq u n-natura deċentralizzata tagħha.

Madankollu, għad hemm rwol importanti għall-inizjattivi tal-UE sabiex jiżblukkaw il-potenzjal tal-Akkwist-e u biex jiġu evitati n-nuqqasijiet li ġġib magħha bidla għall-Akkwist-e li ma tkunx koordinata u deċentralizzata. B'mod partikolari, l-isforzi legali u ta’ politika tal-UE kienu u għandhom ikomplu:

(1) Jippermettu lill-awtoritajiet kontraenti biex jiżvolġu l-akkwist b'mod elettroniku. Il-leġiżlazzjoni tal-UE jeħtieġ li tkun konfigurata sabiex tippermetti l-użu tas-sistemi u l-proċessi tal-Akkwist-e (għall-akkwist ogħla mil-livell limitu);

(2) Jiżguraw li l-Akkwist-e isir f'tali mod li jkun konformi mal-prinċipji u d-dispożizzjonijiet ċentrali tal-leġiżlazzjoni tal-akkwist pubbliku tal-UE (għall-akkwist ogħla mil-livell limitu) u l-prinċipji rilevanti tat-Trattat (għall-akkwist ta' taħt il-livell limitu);

(3) Iħeġġu l-iżvilupp u l-użu ta' soluzzjonijiet konverġenti, sikuri imma kummerċjalment vijabbli u jaqsmu l-eżempji tal-aħjar prassi. Dan għandu jħaffef il-bidla għall-Akkwist-e, jevita l-ħela tad-duplikazzjoni u jevita r-repetizzjoni tal-iżbalji.

(4) Jippermettu lill-operaturi ekonomiċi jipparteċipaw fil-proċeduri tal-akkwist elettroniku madwar is-suq uniku. L-Akkwist-e jipprovdi l-possibbiltà li jnaqqas il-barrieri tad-distanza u l-lakuni fl-informazzjoni. Il-kapaċità tal-Akkwist-e fl-Istati Membri differenti għandha – kemm jista’ jkun possibbli – tibni fuq mudelli u approċċi komuni. Is-soluzzjonijiet li jtejbu u jiżbqu l-interoperabbiltà bejn is-sistemi tal-Akkwist-e lokali, reġjonali u nazzjonali għandhom jiġu mħeġġa. Dawn għandhom jevitaw il-barrieri tekniċi li mhumiex meħtieġa għall-parteċipazzjoni transkonfinali fis-sistemi tal-Akkwist-e.

Il-politika tal-UE għalhekk jista' jkollha rwol importanti u kumplimentari fl-appoġġ għall-isforzi nazzjonali jew reġjonali sabiex tqiegħed l-akkwist fuq bażi elettronika. Għandha wkoll rwol aktar mifrux ta' koordinament, fejn trid tiżgura l-konsistenza mal-iżviluppi f'oqsma oħra relatati – pereżempju leġiżlazzjoni marbuta mal-firem elettroniċi jew fatturar elettroniku u li eventwalment jistgħu jwasslu għal ċertu armonizzazzjoni fl-approċċi ġewwa l-UE. Jekk ma titqisx id-dimensjoni tal-livell tal-UE, il-bidla tista' tkun imxekkla, jista' jkun hemm riżorsi moħlija għaliex dejjem qed nerġgħu nibdew mill-bidu, u l-potenzjal tal-Akkwist-e sabiex iżid il-fornituri jista' jibqa mhux realizzat. Din il-Green Paper u x-xogħol sussegwenti jimmiraw li jiddefinixxu bażi realistika u effikaċi għall-UE biex takkumpanja u tiffaċilita dan il-proċess importanti.

4. X'għamlet l-UE s'issa?

Dan il-qasam ta' politika mhuwiex xi ħaġa ġdida għall-Kummissjoni. Fis-snin riċenti diġà ħadet għadd ta' passi biex tilħaq l-għanijiet introdotti hawn fuq. B'mod partikolari:

(1) Ipproponiet modifiki fid-Direttivi tal-Akkwist Pubbliku tal-UE biex ikun permess l-użu tal-proċeduri elettroniċi għall-akkwist u biex jiġu introdotti tekniċi u għodod li ġew ikkunsidrati rilevanti għall-Akkwist-e. Qabel, il-leġiżlazzjoni tal-UE ma kinetx tirrikonoxxi l-possibbilità għall-użu ta' dawn il-metodi. Il-Kummissjoni introduċiet ukoll tekniki u għodod ġodda (Irkanti-e, DPS) sabiex tippermetti lill-awtoritajiet kontraenti biex jagħmlu l-aħjar użu tal-komunikazzjonijiet elettroniċi sabiex itejbu r-riżultati tal-akkwist. Dawn il-proposti ġew adottati u implimentati fid-Direttivi tal-Akkwist Pubbliku modifikati tal-2004.

(2) Hija kkonċepiet u implimentat programm ta' iktar minn 30 inizjattiva mhux leġiżlattiva sabiex tiċċara u tħeġġeġ l-użu tal-Akkwist-e (il-Pjan ta' Azzjoni). Il-viżjoni politika li tifforma l-bażi għall-Pjan ta' Azzjoni kienet ambizzjuża - li "...kwalunkwe impriża fl-Ewropa b'kompjuter u konnessjoni tal-internet tista' tipparteċipa f'xiri pubbliku li jsir b'mod elettroniku."[9];

(3) Hija kkofinanzjat ir-riċerka u żviluppat għodod oħrajn prattiċi sabiex tegħleb il-barrieri tekniċi u amministrattivi għall-Akkwist-e transkonfinali. Dawn jinkludu inizjattivi bħal PEPPOL[10], l-għodda varata riċentament e-CERTIS u Open e-PRIOR. Dawn il-proġetti għadhom qed jiġu żviluppati jew ġew introdotti biss riċentament.

B'mod parallel ma' din il-Green Paper, is-servizzi tal-Kummissjoni għamlu evalwazzjoni tal-miżuri tal-UE sabiex jappoġġaw l-Akkwist-e. Il-konklużjonijiet ewlenin ta' din l-evalwazzjoni huma li ġeneralment, il-Pjan ta' Azzjoni identifika b'mod korrett l-isfidi rilevanti u l-prijoritajiet li jridu jiġu indirizzati. Irrikonoxxiet ukoll li l-impetus primarju għal progress irid jiġi mill-Istati Membri u r-reġjuni. Identifikat għadd ta' azzjonijiet sabiex tidderiġi l-investimenti nazzjonali u reġjonali f'modi li kienu konsistenti mal-leġiżlazzjoni tal-UE u s-suq uniku.

Il-Pjan ta' Azzjoni kiseb daqsxejn suċċess notevoli fil-ħolqien u l-użu ta' infrastruttura komuni għall-pubblikazzjoni elettronika tal-avviżi ta' tressiq tal-offerti. Issa hemm sistema unika, aċċettata u użata sew għall-pubblikazzjoni tal-avviżi li huma ogħla mil-livell limitu madwar l-UE, appoġġata minn infrastruttura kompatibbli fil-livell nazzjonali. Fl-2009 ftit aktar minn 90 % tal-formoli li ntbagħtu lit-TED (Tenders Electronic Daily) waslu b'mod elettroniku u f'format strutturat. Il-pubblikazzjoni elettronika tal-avviżi għall-akkwist ta' taħt il-livell limitu avvanzat ukoll fil-livell nazzjonali jew reġjonali.

Ħafna miżuri tal-Pjan ta' Azzjoni kkonsistew fi gwida jew studji pilota li fittxew li jittestjaw jew jippromwovu ċerti soluzzjonijiet. Dawn qajmu kuxjenza dwar problemi, ippuntaw lejn soluzzjonijiet u pprovdew punti komuni ta' referenza għal suq aktar mifrux. Madankollu, ma fittxewx li jimponu soluzzjonijiet jew riżultati partikolari fi żmien meta t-teknoloġija u l-mudelli tal-impriża kienu għadhom qegħdin jevolvu. S'issa għadhom ma kkristallizzawx iżjed proġetti konkreti fil-qasam tal-istandardizzazzjoni. Fil-qosor, għalkemm ġeneralment il-prijoritajiet ġew identifikati b'mod korrett u ħafna mill-Pjan ta' Azzjoni ġie implimentat kif previst, s'issa għadha ma nħolqitx soluzzjoni fejn kull impriża tal-UE tkun tista' tipparteċipa f'kull proċedura tal-akkwist permezz tal-kompjuter tagħha.

Il-qofol ta' kollox huwa li ħafna mill-prijoritajiet identifikati mill-Pjan ta' Azzjoni, li ġew identifikati b'mod korrett fl-2004, għadhom prijoritajiet sal-lum. L-approċċ ta' "liġi mhux vinkolanti" kien jixraq għall-ambjent tal-Akkwist-e li kien għadu qiegħed jevolvi u ħeġġeġ l-iżvilupp ta' soluzzjonijiet kreattivi. Bil-benefiċċju li wieħed jista' jħares lura u jara dak kollu li sar, għad hemm oqsma li setgħu bbenefikaw minn approċċ aktar proattiv u/jew direttiv. L-evalwazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni identifikat għadd ta' sfidi u dgħufiji li, jekk ma jiġux indirizzati, se jwaqqfu r-realizzazzjoni tal-użu aktar mifux tal-Akkwist-e u l-parteċipazzjoni transkonfinali fl-akkwist fuq l-internet.

Azzjonijiet iffinanzjati u mmexxija mill-Kummissjoni biex jappoġġaw l-Akkwist-e

PEPPOL: immexxi minn organizzazzjonijiet tas-settur pubbliku minn diversi pajjiżi tal-UE u kofinanzjat mill-Kummissjoni Ewropea, PEPPOL huwa proġett tal-Akkwist-e kbir transkonfinali, intenzjonat biex jipprovdi infrastruttura u servizzi tal-IT ibbażati fuq l-istandards fuq skala kbira, sabiex jistabbilixxu u jmexxu operazzjonijiet tal-akkwist pubbliku pan-Ewropej fuq l-internet. Fil-qofol tal-arkitettura tal-PEPPOL hemm netwerk tat-trasport, li jippermetti s-sħab tal-impriża tal-Akkwist-e biex jikkonnettjaw ir-riżorsi tal-IT tagħhom biex jagħmlu skambji sikuri u affidabbli tad-dokumenti tan-negozju. Il-proġett se jagħti wkoll soluzzjonijiet għall-Ordnar-e u Fatturar-e u jipprovdi l-istruttura għall-ħolqien ta' sistemi għal Katalgi-e, il-validazzjoni tal-firem u l-Virtual Company Dossier (VCD).

Open e-PRIOR: il-Kummissjoni Ewropea żviluppat u varat e-PRIOR sabiex tippermetti l-iskambju ta' dokumenti strutturati tal-Katalogu-e, l-Ordnar-e u l-Fatturar-e bejn il-Kummissjoni u l-fornituri tagħha. Open e-PRIOR jipprovdi pubblikament din is-soluzzjoni f'format Open-Source li jista' jerġa’ jintuża. Barra minn hekk, Open e-PRIOR jinkludi Punt għall-Aċċess PEPPOL integrat li jippermetti l-iskambju tad-dokumenti permezz tan-Netwerk PEPPOL.

e-CERTIS: varat fl-istess żmien ta' din il-Green Paper, e-CERTIS huwa għodda tal-informazzjoni fuq l-internet, b'xejn, li tipprovdi dettalji taċ-ċertifikati u l-attestazzjonijiet differenti mitluba frekwentament fil-proċeduri tal-akkwist madwar is-27 Stat Membru, iż-żewġ Pajjiżi Kandidati (it-Turkija u l-Kroazja) u t-tliet pajjiżi membri taż-ŻEE (l-Islanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja). E-CERTIS ġie ddiżinjat biex jgħin kemm lill-operaturi ekonomiċi u wkoll lill-awtoritajiet kontraenti, l-ewwel biex jifhmu liema informazzjoni qed tiġi mitluba jew provduta u mbagħad biex jidentifikaw l-ekkwivalenti aċċettabli għal kullħadd.

5. L-istat tal-Akkwist-e

a)           Disponibbiltà ta' soluzzjonijiet tekniċi

L-Akkwist-e issa huwa possibbli fil-prattika - mhux biss teoretikament. It-teknoloġija teżisti u qed tintuża f'diversi pajjiżi biex tippermetti li l-fażijiet kollha tat-tranżazzjoni tal-akkwist jitlestew fuq l-internet.

It-teknoloġija ma pprovditx is-soluzzjonijiet mistennija (ta' teknoloġija avvanzata) għall-passi proċedurali kollha. F'ċerti każijiet, il-progress irriżulta minn approċċ aktar pragmatiku – fil-forma ta' soluzzjonijiet prattiċi li 'jduru madwar' il-problema u jinvolu soluzzjonijiet mhux daqshekk tekniċi jew jikkumbinaw komunikazzjoni li ma tużax l-internet flimkien ma' komunikazzjoni li tuża l-internet eż. l-approċċi adottati għal forniment ta' dokumenti li jagħtu xhieda għall-kriterji ta' esklużjoni jew selezzjoni; l-użu ta' soluzzjonijet b'isem l-utent u l-password sabiex jawtentikaw offerent. Ma jonqosx li dawn is-soluzzjonijiet huma validi - huma sempliċiment jipprovdu modi alternattivi biex jinkiseb ir-riżultat aħħari. Ġew identifikati ċerti limiti għall-Akkwist-e "totali" eż. diffikultajiet fl-użu ta' approċċi awtomatizzati ta' evalwazzjoni għal xiri kumpless; in-nuqqas ta' sistema li timmarka l-ħin li hija aċċettata fl-UE kollha.

b)           Investiment fi u disponibbiltà tal-kapaċità tal-Akkwist-e

Il-preżenza tal-Akkwist-e fl-Ewropa bdiet tinħass. Is-suċċess tal-għadd ta' pjattaformi juri l-każ tan-negozji. Ċerti awtoritajiet kontraenti, operaturi ekonomiċi, Korpi Ċentrali għall-Akkwisti u Stati Membri għamlu sforzi u progress sinifikanti. Sar progress kbir fl-iżvilupp tal-applikazzjonijiet elettroniċi li għandhom il-kapaċità jappoġġaw il-fażijiet kollha tal-proċeduri tal-akkwist jew ħafna minnhom. Xi Stati Membri jew reġjuni daħħlu fis-seħħ is-sistemi tal-Akkwist-e li jistgħu jappoġġaw proċessi 'tal-akkwist elettroniku totali' - tal-inqas għax-xiri tal-provvisti u s-servizzi standard. Sistemi oħrajn jikkonċentraw fuq li jipprovdu l-ewwel elementi tal-akkwist – f'25 Stat Membru huwa possibbli li tippubblika l-avviżi u tagħmel id-dokumenti tal-offerti disponibbli fuq l-internet.

Għadd ta' sistemi li kellhom suċċess adottaw mudell tal-Akkwist-e pprovdut minn partijiet terzi (3) fuq in-netwerk. Dawn il-pjattaformi spiss joffru s-servizzi tagħhom tal-Akkwist-e lil diversi organizzazzjonijiet. Il-prokuraturi individwali jingħataw spazju privat fuq l-internet fejn remotament jistgħu jiddefinixxu l-utenti, il-proċessi u t-twassil tagħhom. Uħud huma mmexxija minn aġenziji pubbliċi, filwaqt li oħrajn huma pprovduti minn kumpaniji fis-settur privat; wara l-awtoritajiet kontraenti jħallsu rata fissa jew skont l-użu.

c)           Użu attwali tal-Akkwist-e

Il-bidu ġenerali, kemm ġewwa ħafna pajjiżi u wkoll madwar l-UE bħala entità, għadu baxx u huwa stmat li qiegħed f'inqas minn 5 % tal-akkwist totali skont il-valur.

L-eċċezzjoni għal dan l-użu baxx hija l-Portugall, fejn l-użu ta' mezzi elettroniċi li jfisser li wieħed jaħdem il-fażijiet tal-akkwist sal-għoti tal-kuntratt, ilu mandatorju mill-1 ta' Novembru 2009 għal ħafna mix-xiri pubbliku (xi kuntratti ta' valur żgħir ma jsirux b'mod elettroniku u l-evalwazzjoni ta' ċertu xiri tista' ssir b'taħlita ta' meżżi elettroniċi u dawk aktar standard). B'riżultat ta' dan l-awtoritajiet kontraenti issa qed jagħmlu l-akkwist iżjed malajr u huwa mistenni ffrankar ta' EUR 28 miljun fis-sena. Stati Membri oħrajn ukoll għamlu użu minn ċerti fażijiet tal-Akkwist-e jew għodod mandatorji fil-livell nazzjonali eż. Ċipru, il-Belġju u l-Pajjiżi l-Baxxi għamlu jew qed jippjanaw li jagħmlu n-notifika tal-possibbiltajiet tal-kuntratt mandatorja permezz ta' ċerti pjattaformi. Pajjiżi oħrajn introduċew rekwiżiti mandatorji għal ċerti livelli ta' gvern eż. l-Awstrija għamlet l-użu tal-ftehimiet tal-qafas mandatorju għall-awtoritajiet federali għal oġġetti u servizzi speċifiċi.

Evidenza aneddotali aktar mifruxa tissuġerixxi li ħafna awtoritajiet kontraenti u operaturi ekonomiċi għamlu l-bidla għall-Akkwist-e u ma jikkunsidrawx li jerġgħu lura għll-proċeduri ta' fuq il-karta.

d)           Aċċessibbiltà transkonfinali tas-sistemi tal-Akkwist-e

Fil-preżent ma tantx jidher li hemm aspetti komuni fis-sistemi differenti li jeżistu – ġew żviluppati soluzzjonijiet iżolati individwali u jekk mhijiex se tittieħed azzjoni malajr ħalli tinħoloq rabta komuni bejniethom, hemm riskju kbir ta' frammentazzjoni tas-suq. Il-proċessi eżistenti tal-impriża, l-istandards tad-dokumenti u l-formati u l-modi ta' komunikazzjoni mhumiex suffiċjentament standardizzati. Iktar ma jsiru disponibbli l-komponenti predefiniti u dawk li jistgħu jergħu jintużaw għall-Akkwist-e, iktar ma jkun faċli biex ikun żgurat ambjent tal-Akkwist-e interoperabbli li jħeġġeġ l-użu aktar mifrux u eventwalment l-użu transkonfinali. Filwaqt li l-konverġenza fuq sistema waħda monolotika la ma hija mixtieqa u l-anqas intenzjonata, għandha tiffaċilita l-parteċipazzjoni jekk ikun hemm xi funzjonalita tal-qofol komuni għas-sistemi kollha.

B'riżultat ta' wħud minn dawn il-problemi, fis-suq tal-lum, l-operaturi ekonomiċi li jixtiequ jipparteċipaw fil-proċeduri tal-akkwist fuq l-internet fi Stati Membri oħrajn se jaffaċċaw ostakli prattiċi, tekniċi u amministrattivi. Il-proċeduri tal-Akkwist-e nazzjonali / reġjonali huma ddiżinjati b'referenza għall-prattiki lokali amministrattivi jew tekniċi li jistgħu jvarjaw sinifikament. Għalkemm id-disponibbiltà tal-infrastruttura żdiedet sinifikament mill-2004, ftit sar progress konkret lejn l-akkwist elettroniku bla xkiel u transkonfinali. S'issa, dawn il-kwistjonijiet għadhom ma telawx fil-wiċċ minħabba t-talba limitata mill-fornituri tal-pajjiżi sħab biex jipparteċipaw fl-akkwist fuq l-internet. Madankollu, l-attenzjoni għandha tkun iffukata issa fuq dawn il-kwistjonijeit, jekk ma rridux naffaċċaw ġenerazzjoni ġdida ta' barrieri tekniċi għall-akkwist transkonfinali (fuq l-internet).

6. Sfidi

It-taqsima li ġejja tidentifika l-isfidi ewlenin li jwaqqfu t-tranżizzjoni b'suċċess għall-Akkwist-e u li jistgħu jkunu qed joħolqu ostakli mhux neċessarji għall-parteċipazzjoni transkonfinali fil-proċeduri tal-akkwist fuq l-internet. Ħafna minn dawn il-kwistjonijiet huma marbutin internament u ma jistgħux jiġu indirizzati f'iżolament jekk għandhom jingħelbu b'suċċess u jintlaħqu l-għanijiet tal-politika.

(1) Kif tingħeleb l-inerzja u l-biżgħat min-naħa tal-awtoritajiet kontraenti u l-fornituri: it-teknoloġija u l-kapaċità biex l-akkwist isir b'mod elettroniku qiegħdin isiru dejjem aktar disponibbli. Madankollu, mhuwiex il-każ ta' "ibniha u mbagħad jużawha". L-awtoritajiet kontraenti jeħduha bil-mod biex jagħmlu użu minn dawn il-possibbiltajiet. Dan jista' jkun attribwit għall-ispejjeż tal-riorganizzazzjoni tas-sistemi interni, u n-nuqqas ta' kuxjenza dwar il-vantaġġi. Bl-istess mod il-fornituri mhux dejjem jaraw il-benefiċċji għalihom f'li jagħmlu din it-tranżazzjoni. Ħafna mill-awtoritajiet kontraenti u l-fornituri qegħdin konxjament jieħdu approċċ ta' "nistennew u naraw" minħabba r-riskji pperċeputi fl-investiment fl-Akkwist-e. Barra mir-riskji marbutin mat-teknoloġija, huma konċernati dwar ir-riskji assoċjati mal-integrazzjoni ta' dawn it-teknoloġiji mas-sistemi ta' informazzjoni eżistenti, mal-mudell tal-impriża li dawn it-teknoloġiji jimponu fuq ir-relazzjonijiet tal-awtoritajiet li jikkuntrattaw il-fornituri, u mal-mekkaniżmi tas-sikurezza u l-kontroll meħtieġ sabiex jiżguraw l-użu xieraq tagħhom. Uħud, partikolarment, l-SMEs, huma konċernati wkoll li huma se jispiċċaw mitfugħin ’il barra mis-suq mix-xejriet tal-perkors lejn l-aggregazzjoni u ċ-ċentralizzazzjoni. Jekk tkun mixtieqa tranżazzjoni mħaffa tal-Akkwist-e, se jkun neċessarju li jissaħħu l-inċentivi sabiex issir il-bidla għall-Akkwist-e fejn huwa disponibbli - u possibbilment biex jiġi impost l-użu tal-Akkwist-e f'ċerti ċirkustanzi (eż. għal ċertu xiri).

(2) Nuqqas ta' standards fil-proċessi tal-Akkwist-e: għal futur qarib, il-fornituri se jkunu konfrontati bi sfond ta' Akkwist-e li jikkonsisti fi pjattaformi u arranġamenti tal-Akkwist-e differenti. Kull sistema jista' jkun fiha karatteristiċi tekniċi u funzjonijiet differenti, li jikkomplikaw il-ħidma tal-fornituri li jkunu qed ifittxu li jipparteċipaw f'sistemi multipli. Dan jista' jżid l-ispejjeż tat-tagħlim għall-fornituri fl-akkwist u jnaqqas il-parteċipazzjoni fis-sistemi tal-Akkwist-e. Ħafna mill-aktar kwistjonijiet ta' sfida joħorġu fil-fażijiet tas-sottomissjoni u l-ipproċessar tal-offerti. Is-suq jeħtieġ li jidentifika applikazzjonijiet maturi bil-livelli xierqa ta' funzjonalità. Huma meħtieġa iktar sforzi konċentrati fil-livell tal-UE sabiex jħeġġu l-allinjament jew l-istandardizzazzjoni f'dawn il-partijiet kruċjali tal-proċess. Huma meħtieġa punti komuni ta' referenza u standards sabiex jippermettu l-iżvilupp ta' sistemi replikabbli u interoperabbli. L-isforzi għandhom ikunu konċentrati fl-oqsma tal-iskambju tad-dokumenti, l-awtentikazzjoni, Fatturar-e, Katalogi-e u l-klassifikazzjonijiet tal-prodotti.

(3) Ma hemmx mezzi biex jiġi ffaċilitatat ir-rikonoxximent reċiproku tas-soluzzjonijiet elettroniċi nazzjonali għal fażijiet kritiċi tal-akkwist u l-għodod (eż. l-awtentikazzjoni tal-fornituri permezz tal-użu ta' firem elettroniċi, prova nazzjonali tad-dokumenti ta' eliġibbiltà). Jeħtieġ li jinsabu soluzzjonijiet li jnaqqsu l-piż żejjed minn fuq l-awtoritajiet kontraenti u l-fornituri li jixtiequ joperaw f'suq Ewropew aktar mifrux.

(4) Rekwiżiti tekniċi kumplikati, partikolarment għall-awtentikazzjoni tal-offerent: ġew adottati firxa kbira ta' rekwiżiti u soluzzjonijiet madwar l-UE sabiex jindirizzaw il-kwistjonijiet marbutin mal-awtentikazzjoni u l-identifikazzjoni. Uħud minn dawn is-soluzzjonijiet huma teknoloġikament sempliċi ħafna eż. l-użu ta' kombinazzjoni ta' isem l-utent u password; oħrajn huma aktar sofistikati, u jirrikjedu tipi speċifiċi ta' firem elettroniċi, inkluż firem kwalifikati (jirrikjedu ċertifikat diġitali maħruġ minn Fornitur tas-Servizz ta' Ċertifikazzjoni li supervizzati/akkreditati). Id-deċiżjoni li ssir promozzjoni tal-Firem-e kwalifikati fi ħdan il-Pjan ta' Azzjoni setgħet ssettjat il-punt ta' referenza għall-applikazzjonijiet tal-Akkwist-e fl-għoli wisq u żiedet il-kost u l-piż tas-sottomissjoni tal-offerti b'mod elettroniku. L-għażla tal-livell tas-sigurtà ta' firma elettronika għandha tkun ibbażata fuq valutazzjoni tar-riskju ta' soluzzjonijiet falluti ta' identifikazzjoni / firem fil-kuntest tal-akkwist. Fl-aħħar, in-nuqqas ta' interoperabbiltà transkonfinali tal-firem elettroniċi jippreżenta diffikulta oħra. Hemm tamiet għall-progress ibbażata fuq l-istabbilment ta' listi nazzjonali affidabbli tal-fornituri ta' ċertifikati tal-firma kwalifikati[11]; ir-razzjonalizzazzjoni li ġejja tal-istandards tal-firem elettroniċi; u s-soluzzjonijiet pilota PEPPOL). Aspetazzjonijiet simili ta' teknoloġija għolja għal elementi oħrajn tal-proċess tal-Akkwist-e ġew indirizzati b'soluzzjonijiet aktar pragmatiċi – pereżempju l-użu ta' dikjarazzjonijiet ta' konformità / eliġibbiltà, aċċettati fl-istadji inizjali tas-sottomissjoni tal-offerti aktar mill-iżvilupp ta' Dokumenti-e kumplessi. Is-soluzzjonijiet tal-Akkwist-e jeħtieġ li jkunu proporzjonati, rikonoxxuti minn xulxin u disponibbli ħafna bi prezz raġonevoli.

(5) Ġestjoni tat-tranżizzjoni multiveloċi għall-Akkwist-e: Stati Membri jew reġjuni differenti qed jimxu b'veloċitajiet differenti sabiex jadottaw il-possibbiltajiet offruti mill-Akkwist-e. Xi Stati Membri imponew l-użu ta' proċeduri tal-akkwist elettroniku għax-xiri kollu jew ftit minnu. Il-proċeduri tal-akkwist għal dan ix-xiri jridu jiġu organizzati permezz tal-infrastruttura disponibbli tal-Akkwist-e. L-isfida għas-suq uniku hija l-iżgurar li l-fornituri tal-pajjiżi sħab ma jkunux żvantaġġati bla bżonn biex jikkompetu fuq dawn is-sistemi u li għandhom l-għodod biex jipparteċipaw fi proċeduri organizzati fuq sistemi differenti.

Mistoqsijiet

1. L-isfidi ta' hawn fuq jirrappreżentaw l-iżjed ostakli sinifikanti għall-adozzjoni tal-Akkwist-e u l-parteċipazzjoni transkonfinali fil-proċeduri tal-akkwist fuq l-internet? Jekk jogħġbok qiegħed dawn l-isfidi f'ordni ta' importanza - mill-iktar importanti għall-inqas.

2. Hemm sfidi oħrajn ta' prijorità mhux identifikati hawn? Jekk jogħġbok ikkummenta.

7. Prijoritajiet għall-azzjoni fil-livell tal-UE

Il-Kummissjoni temmen li l-modi li ġejjin jistgħu jiġu esplorati bil-ħsieb li jwittu t-triq għall-użu aktar mifrux tal-Akkwist-e u jappoġġaw l-parteċipazzjoni transkonfinali fil-proċeduri tal-Akkwist-e.

7.1. Inċentivi u diżinċentivi biex titħaffef l-adozzjoni tal-Akkwist-e

Issa li t-teknoloġija teżisti, l-isfida hija dik li wieħed jikkonvinċi lill-awtoritajiet kontraenti u l-fornituri biex jużawha. Jista' jkun hemm il-ħtieġa ta' intervent politiku sabiex jinbeda dan il-proċess u tiżgura li dan iżid fil-massa kritika.

B'dan it-tir, għadd ta' Stati Membri introduċew obbligi biex jaħdmu l-proċeduri tal-akkwist b'mod elettroniku – jew b'mod ġenerali (bħall-Portugall) jew għal xiri partikolari (bħal Franza). Għax-xiri pubbliku ta' taħt il-livelli stipulati fid-Direttivi tal-UE, l-Istati Membri għandhom diskrezzjoni kbira fir-rigward tal-organizzazzjoni tal-proċeduri.

Għall-proċeduri ogħla mil-livell limitu, id-Direttivi attwali tal-akkwist pubbliku tal-UE ma jindirizzawx espliċitament ix-xenarju fejn Stat Membru jkun jixtieq jimponi l-użu tal-Akkwist-e bħala l-mezz rilevanti ta' komunikazzjoni. L-iċċarar fuq dan il-punt jista' jipprovdi lill-awtoritajiet nazzjonali b'sigurta' ikbar meta jimponu l-użu tal-Akkwist-e.

Jista' wkoll ikun hemm lok biex tintuża l-leġiżlazzjoni biex tinċentiva l-awtoritajiet kontraenti biex jaqilbu għall-Akkwist-e. Id-Direttivi tal-UE attwali diġà qed ibassru tnaqqis fid-dati ta' skadenza tal-pubblikazzjoni (b'sebat ijiem), fil-każ ta' notifika elettronika tal-offerti u t-tnaqqis fid-dewmien għas-sottomissjoni tal-offerti (b'ħamest ijiem) meta jiġi pprovdut aċċess dirett mhux ristrett u sħiħ għad-dokumenti rilevanti permezz ta' mezzi elettroniċi. Aktar tnaqqis fid-dati ta' skadenza jista' jiżbilanċja l-abbiltà tal-operaturi ekonomiċi biex jippreparaw offerti tajbin. Madankollu, jista' jkun hemm potenzjal biex jiġu introdotti aktar inċentivi jew kundizzjonijiet regolatorji preferenzjali biex l-awtoritajiet kontraenti jitħeġġu jagħmlu l-migrazzjoni għall-Akkwist-e.

Pereżempju, jista' jkun hemm lok biex isir trasferiment mill-awtorità kontraenti tar-responsabbiltà biex tkun konformi ma' ċerti rekwiżiti regolatorji jew proċedurali, għal sistema tal-Akkwist-e li tieħu ħsieb jew tamministra l-proċedura tal-akkwist kollha jew parti minnha. Fejn ir-rekwiżiti tat-trasparenza u proċedurali tad-Direttiva, u l-oġġettività u t-traċċabbiltà ta' proċeduri individwali jkunu garantiti bil-pjattaforma tal-Akkwist-e, ir-responsabbiltà għall-iżgurar tal-konformità mar-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni tal-akkwist tista' tiċċaqlaq mill-awtorità kontraenti individwali għas-sistema tal-Akkwist-e. Approċċ bħal dan ikun jipprovdi 'kenn sikur' għall-awtoritajiet kontraenti individwali li jużaw dawn il-faċilitajiet speċjalizzati sabiex imexxu l-proċeduri tal-akkwist individwali. Din iċ-ċaqliqa fir-responsabbiltà, mill-awtorità kontraenti għas-sistema tal-Akkwist-e, tista' tagħmel l-użu ta' mezzi fuq l-internet aktar attraenti u b'hekk iżżid l-adozzjoni ta' dan il-proċess elettroniku. Dan l-approċċ jista' jirrikjedi d-definizzjoni tar-rekwiżiti jew il-prinċipji komuni għar-rikonoxximent ta' sistemi tal-e-Procurmenet sabiex jiżgura li dawn joffru l-garanziji neċessarji.

Mistoqsijiet

3. Hemm aktar lok għall-introduzzjoni ta' inċentivi regolatorji fil-leġiżlazzjoni tal-UE biex iħeġġu l-użu tal-Akkwist-e? Jekk jogħġbok iddeskrivi l-inċentivi li jistgħu jkunu effettivi.

4. Il-leġiżlazzjoni tal-UE għandha televa l-obbligi u r-responsabbiltajiet tal-awtoritajiet kontraenti meta l-akkwisti jsiru mis-sistemi tal-Akkwist-e? Dan se jagħmel l-użu tal-Akkwist-e iżjed attraenti?

5. Il-leġiżlazzjoni tal-UE għandha tippermetti l-impożizzjoni tal-proċeduri elettroniċi għal parti mill-akkwist kopert mid-Direttivi tal-UE? Xi jkunu l-iżvantaġġi / vantaġġi ta' dawn id-dispożizzjonijiet? Għal-liema tipi ta' akkwist koperti mid-Direttivi tal-UE jista' l-użu mandatorju tal-Akkwist-e jiddaħħal b'suċċess?

6. Alternattivament, għandha l-leġiżlazzjoni tal-akkwist tal-UE tiċċara l-possibbilità għall-Istati Membri individwali biex jirrikjedu l-użu tal-Akkwist-e f’ċerti ċirkustanzi? F’liema kundizzjonijiet dan ikun utli jew ġustifikat?

7.2. Iffaċilitar tal-parteċipazzjoni transkonfinali fl-Akkwist-e

Stati Membri u reġjuni individwali qed jimxu b'veloċitajiet differenti sabiex jippromwovu l-użu tal-Akkwist-e. Hemm bżonn li tingħata attenzjoni biex ikun żgurat li dan ma joħloqx barrieri mhux meħtieġa u sproporzjonati għal parteċipazzjoni transkonfinali fl-akkwist. Hemm bżonn ta' bilanċ bejn l-awtoritajiet li jħeġġu biex isir investiment fil-kapaċità tal-Akkwist-e u li tiġi evitata l-frammentazzjoni tas-swieq tal-akkwist fi gruppi ta' operaturi konnessi ma' sistemi li għandhom l-ispeċifikazzjonijiet tal-funzjonalità unika tagħhom. Is-sistemi tal-Akkwist-e iridu jkunu aċċessibli fil-wisa', kemm jista’ jkun possibbli. Dan ifisser li l-kundizzjonijiet tekniċi, legali u amministrattivi għal parteċipazzjoni fil-proċeduri għandhom ikunu mhux diskriminatorji, proporzjonati u ma joħolqux ostakli mhux ġustifikati u arbitrarji għal parteċipazzjoni / reġistrazzjoni minn operaturi ekonomiċi minn Stati Membri oħrajn.

Sabiex jinkiseb dan, l-attenzjoni fil-livell tal-UE – u b'mod partikolari kwalunkwe passi biex jiċċaraw l-ambjent legali - għandhom jiffokaw prinċipalment fuq il-proċeduri tal-akkwist ogħla mil-livelli limiti tal-UE jew dawk li jsiru fuq sistema tal-Akkwist-e fejn il-valur totali tal-akkwist jeċċedi ċertu livell limitu. Il-prijoritizzazzjoni ta' intervent fil-livell tal-UE tkun tippermetti sforzi nazzjonali u reġjonali biex tiġi żviluppata l-kapaċità tal-Akkwist-e tagħhom organikament u biex l-attenzjoni fil-livell tal-UE tiġi ffukata fuq dawk is-segmenti jew sistemi fejn il-potenzjal għall-akkwist transkonfinali fuq l-internet huwa l-ikbar.

Taħt din l-intestatura, l-azzjoni fil-livell tal-UE għandha tikkontribwixxi fil-modi li ġejjin:

a)           Iċċarar tal-kundizzjonijiet tal-aċċess li s-sistemi u l-proċeduri tal-Akkwist-e iridu jissodisfaw. Għandha tiġi stabbilita perspettiva komuni tar-rekwiżiti neċessarji għall-aċċessibbiltà fil-wisa' tal-Akkwist-e lil hinn mill-fruntieri, billi tibni fuq ir-rekwiżiti tal-funzjonalità diġà prodotti skont il-Pjan ta' Azzjoni tal-2004. Dan ma jfissirx il-ħolqien ta' sistema tal-Akkwist-e unika, issa jew fil-futur. Dan ifisser definizzjoni ta' sett minimu ta' karatteristiċi maqbula li għandhom ikunu preżenti fi kwalunkwe sistema tal-Akkwist-e sabiex ikun żgurat li tkun aċċessibli fil-wisa'. Dan ikun jinvolvi li tiġi pprovduta gwida operazzjonali biex tespandi fuq il-prinċipji stipulati fl-Artikolu 42 tad-Direttiva 2004/18/KE. Din il-gwida tista' tieħu l-forma ta' rakkomandazzjonijiet, komunikazzjonijiet interpretattivi jew azzjonijiet oħrajn mhux leġiżlattivi. Alternattivament tista' tieħu l-forma ta' bidliet fid-Direttivi (għall-akwist ogħla mil-livell limitu) jew miżuri leġiżlattivi waħedhom indirizzati lis-sistemi tal-Akkwist-e.

b)           Iffaċilitar tar-rikonoxximent reċiproku tal-identifikaturi elettroniċi, dokumenti evidenzjarji u kundizzjonijiet oħrajn għall-operaturi ekonomiċi biex jipparterċipaw fil-proċeduri tal-akkwist fuq l-internet. Ħafna mit-tħassib li ħareġ s'issa jirrelata ma' problemi marbuta mal-awtentikazzjoni, bħall-applikazzjoni ta' firem elettroniċi u r-rikonixximent ta' identifikazzjoni elettronika. Dawn il-problemi mhumiex speċifiċi għall-kuntest tal-Akkwist-e imma joħorġu fi kwalunkwe sitwazzjoni fejn huma meħtieġa l-awtentikazzjoni / il-firem. Il-Kummissjoni adottat miżuri biex tippermetti l-awtoritajiet jidentifikaw l-oriġini / ċertifikazzjoni tal-firem tal-pajjiżi sħab. Il-proġett PEPPOL qed jiżviluppa soluzzjonijiet li jfittxu li jipprovdu għodod fuq l-internet li jippermettu r-rikonoxximent awtomatiku tal-firem elettroniċi minn Stati Membri oħrajn li jistgħu jintużaw fil-kuntest tal-akkwist.

Tħassib ieħor joħroġ mir-rekwiżit għall-awtoritajiet kontraeni biex jivvalutaw id-dokumenti evidenzjarji sottomessi mill-offerenti biex jagħtu prova ta' eliġibbiltà għall-għażla. Dawn id-dokumenti jinħarġu fil-livell nazzjonali / lokali skont il-konvenzjonijiet, formati u lingwi rilevanti. L-Akkwist-e kien mistenni jsib modi biex iżid l-effiċjenza ta' din il-parti tal-proċess u iktar speċifiku, biex inaqqas il-piż li tqiegħed id-dispożizzjoni ripetuta ta' dan it-tip ta' evidenza fuq operatur ekonomiku. Ħafna mis-soluzzjonijiet żviluppati s'issa jaslu sa ċertu punt biex jissodisfaw dawn l-għanijiet, imma ma jiddependux fuq soluzzjonijiet ta' teknoloġija avvanzata kumplikata. Pereżempju, f'xi pajjiżi l-operatur ekonomiku jipprovdi stqarrija (spiss dokument elettroniku sempliċi li jista' jew ma jistax ikun iffirmat b'mod elettroniku) li huma mhux qed jiksru kwalunkwe mill-kriterji stipulati. L-offerenti rebbieħa biss jintalbu jipprovdu d-dokumenti attwali u dan jista' jsir b'mod elettroniku jew fuq il-karta.

Il-Kummissjoni żviluppat l-għodda e-CERTIS biex tassisti l-awtoritajiet kontraenti fir-rikonoxximent ta' dokumenti validi minn Stati Membri oħrajn. Se tkompli tibni fuq din l-għodda, biex tiżvilippa soluzzjonijiet prattiċi biex tgħin l-awtoritajiet kontraenti jirrikonoxxu l-attestazzjonijiet / iċ-ċertifikati tal-pajjiżi sħab.

c)           Simplifikazzjoni tar-rekwiżiti tad-dħul / parteċipazzjoni għall-operaturi ekonomiċi. L-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tal-Pjan ta' Azzjoni tal-Akkwist-e tiżvela tħassib li l-preferenza għal firem elettroniċi kwalifikati tista' tikkostitwixxi barriera tad-dħul mhux neċessarja għall-Akkwist-e - b'mod partikolari għall-fornituri tal-pajjiżi sħab fin-nuqqas s'issa ta' għodod operazzjonali għar-rikonoxximent ta' firem elettroniċi differenti. Ġaladarba hemm din il-valutazzjoni, jista' jkun utli biex wieħed jikkunsidra l-preżunzjoni favur il-firem elettroniċi kwalifikati li tinsab fil-leġiżlazzjoni tal-akkwist tal-UE. L-Aġenda Diġitali għall-Ewropa tbassar reviżjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Firem-e u ż-żieda fil-ħidma fil-qasam tal-Identifikazzjoni-e.

Mistoqsijiet

7. Huwa meħtieġ l-intervent tal-UE sabiex ikun evitat il-ħolqien ta' barrieri mhux neċessarji u sproporzjonati għall-parterċipazzjoni transkonfinali fuq l-internet fil-proċeduri jew sistemi tal-akkwist? Jekk għandha tiġi ċċarata din għandha tkun fil-forma leġiżlattiva jew mhux leġiżlattiva?

8. Tikkunsidra li l-isforzi biex jiġi żviluppat ambjent tal-UE legali u tal-politika għandu jiffoka fuq:

– Sistemi li jappoġġaw il-proċeduri tal-akkwist ogħla mil-livelli stipulati fid-Direttivi tal-UE (inkluż sistemi b'taħlita ta' ogħla u anqas mil-livell limitu);

– Sistemi akbar li jindirizzaw ċertu livell de minimis ta' akkwist (permezz ta' valur monetarju jew perċentwal tat-total tal-akkwist nazzjonali).

9. Hemm bżonn ta' modifika jew aġġornament fil-qafas leġiżlattiv tal-UE attwali dwar l-Akkwist-e? Jekk iva, liema dispożizzjonijiet u għal-liema raġuni? (Jekk jogħġbok irreferi għall-Anness I għal lista ta' dispożizzjonijiet marbuta mal-Akkwist-e.)

10. X'soluzzjonijiet tal-awtentikazzjoni u identifikazzjoni (inkluż il-Firem-e) jkunu proporzjonati għar-riskji li hemm fl-Akkwist-e?

11. X'inhuma l-ostakli prinċipali tekniċi, amministrattivi jew prattiċi misjuba mill-operaturi ekonomiċi meta jippruvaw jirreġistraw jew jipparteċipaw fi proċeduri jew sistemi tal-Akkwist-e ta' pajjiżi sħab (awtentikazzjoni, prova ta' eliġibbiltà, solvenza finanzjarja, eċċ.: jekk jogħġbok speċifika)? Dawn il-barrieri jikkostitwixxu ostaklu li ma jistax jingħeleb jew jistgħu jintegħlbu għal spiża raġonevoli?

7.3. Elementi importanti għal infrastruttura tal-Akkwist-e interoperabbli

Ix-xogħol fil-futur għandu jerġa’ jenfasizza l-ħolqien ta' għodod li jistgħu jerġgħu jintużaw u fejn jixraq, jinvesti fl-iżvilupp ta' soluzzjonijiet u standards tal-infrastruttura.

Suċċess ċar tal-Pjan ta' Azzjoni tal-2004 kien il-ħolqien tat-TED u l-introduzzjoni ta' forom elettroniċi standard għall-proċeduri tal-akkwist ogħla mil-livell limitu li pprovdew punt ta' referenza uniku għall-Ewropa kollha għall-proċeduri kollha ogħla mil-livell limitu billi jużaw l-informazzjoni pprovduta f'format komuni. Madankollu, l-UE tista' tagħmel iżjed biex tiffaċilita l-interkonnettività u l-interoperabbiltà fl-isfond emerġenti Ewropew tal-Akkwist-e.

a)           Inħeġġu l-istandardizzazzjoni tal-proċessi u s-sistemi ewlenin: proċess kollaborattiv bħall-Akkwist-e, fejn sistemi indipendenti li jappartjenu għal partijiet indipendendti jinteraġġixxu permezz ta' skambju ta' informazzjoni tan-negozju. Dawn jistgħu jkunu appoġġati biss jekk is-sistemi jaqsmu perspettiva komuni tal-proċess tan-negozju u l-informazzjoni li jeħtieġ jiġu skambjati. L-approċċi u l-formati standardizzati għall-proċessi l-aktar frekwenti tal-Akkwist-e jtejbu konsiderevolment l-adozzjoni u l-użu mill-ġdid tad-dejta. L-operaturi jkunu jistgħu jipparteċipaw fi proċessi tal-akkwist f'għadd mingħajr limitu ta' sistemi differenti bi ftit sforz u spejjeż, mingħajr ma jkollhom bżonn jerġgħu jaħdmu b'mod sinifikanti s-sottomissjonijiet tagħhom kull darba, apparti milli jfassluhom għall-offerta speċifika. Qed isir progress importanti f'ċerti fażijiet ta' wara l-għoti (eż. Katalogi-e, Ordnar-e u Fatturar-e), għalkemm dan s'issa għadu ma wassalx għall-adozzjoni tal-istandards Ewropej. Għandhom jiżdiedu l-isforzi f'dawn l-oqsma u l-proċess ta' standardizzazzjoni għandu jiġi estiż għall-fażijiet ewlenin oħrajn tal-Akkwist-e.

b)           Qabel l-għoti: saru żviluppi kbar fil-pubblikazzjoni u t-tqassim elettroniku tal-informazzjoni dwar l-opportunitajiet tal-akkwist. Madankollu, deher ħafna inqas progress fl-iżvilupp ta' approċċi komuni, standards jew mudelli għas-sottomissjoni fuq l-internet u l-ipproċessar tal-offerti. Dan huwa l-post fejn jinsab il-veru gwadan (u l-isfidi) tal-Akkwist-e. Filwaqt li ġew iddiżenjati soluzzjonijiet għal pjattaformi tal-Akkwist-e individwali, ma ingħatatx attenzjoni għall-allinjament ta' metodi jew approċċi għas-sottomissjoni elettronika tal-offerti.

c)           Nipprovdu elementi importanti komuni għas-sistemi tal-Akkwist-e: il-Kummissjoni qed tiżviluppa serje ta' applikazzjonijiet li se jkunu jinkludu l-fażijiet ewlenin kollha fiċ-ċiklu tal-akkwist, billi jibnu fuq is-soluzzjoni eżistenti Open e-PRIOR. Dawn is-sistemi kienu primarjament intenzjonati għall-użu intern, billi jippermettu lill-Kummissjoni biex tiżviluppa kapaċità effiċjenti tal-Akkwist-e imma issa qed ikunu disponibbli bħala komponenti b'xejn tal-Open Source li jistgħu jkunu integrati fi kwalunkwe sistema tal-Akkwist-e kif mixtieq.

d)           L-operaturi ekonomiċi jingħataw l-għodod biex jgħellbu l-kwistjonijiet tal-interoperabbiltà teknika: L-ICT qiegħed dejjem iżid fil-kapaċità li jwassal soluzzjonijiet biex jappoġġa l-komunikazzjoni bejn sistemi u applikazzjonijiet ibbażati fuq speċifikazzjonijiet tekniċi differenti. Il-proġett pilota PEPPOL qiegħed jiżviluppa soluzzjonijiet tas-software li wieħed faċli jikseb biex jegħleb l-inkompatibbiltajiet tekniċi l-aktar importanti li jistgħu jwaqqfu l-operaturi ekonomiċi milli jipparteċipaw fi proċeduri tal-Akkwist-e tal-pajjiżi sħab. Is-soluzzjonijiet PEPPOL se jiġu ppruvati f'sitwazzjonijiet reali matul ix-xhur li ġejjin. Il-Kummissjoni għandha tippromwovi u tappoġġa l-adozzjoni mis-suq tas-soluzzjonijiet PEPPOL li kellhom suċċess.

Mistoqsijiet

12. Xi standards fil-livell tal-UE huma meħtieġa bħala prijorità b'appoġġ għall-Akkwist-e?

13. Il-Kummissjoni għandha tħeġġeġ / iżżid il-forniment ta' soluzzjonijiet Open-Source li jistgħu jiġu integrati f'sistemi tal-Akkwist-e eżistenti jew li qed jiżviluppaw ftit ftit?

14. Il-Kummissjoni għandha tkompli tagħmel is-soluzzjonijiet tal-Akkwist-e tagħha (eż. tibni fuq l-e-Prior li huwa Open Source) disponibbli għall-pubbliku fil-wisa'?

7.4. Nagħmlu l-akkwist iktar aċċessibbli (għall-SMEs), sostenibbli u innovattiv

L-Akkwist-e jista', min-natura tiegħu, ikun iktar kompatibbli ma' jew jiffaċilità l-użu ta' baġits tal-akkwist fl-appoġġ tal-għanijiet tal-UE 2020.

Il-potenzjal tal-Akkwist-e biex iżid l-aċċess irid jiġi realizzat kompletament. Dan ma jirrelatax biss mal-possibbiltà tal-parteċipazzjoni transkonfinali, imma wkoll biex jattira lill-fornituri kollha interessati u eliġibbli, kbar u żgħar. Xi pajjiżi segwew ir-rakkomandazzjonijiet tal-Pjan ta' Azzjoni u introduċew strateġiji biex iħeġġu lill-SMEs biex jadottaw il-prassi tal-Akkwist-e. Dawn l-istrateġiji jidher li kellhom suċċess, bi proporzjon sinifikanti ta' SMEs jirreġistraw fuq diversi pjattaformi u jipprovdu l-offerti. Pajjiżi oħrajn jirraportaw tħassib li ċ-ċaqliq biex l-Akkwist-e jintuża biex jiżdied iċ-ċentralizzazzjoni tax-xiri jew l-aggregazzjoni bl-użu tal-ftehimiet ta’ qafas qed jeskludi l-SMEs. Hekk kif qed isiru iktar żviluppi u raffinamenti, jista' jkun neċessarju li jkun żgurat li s-sistemi kollha tal-Akkwist-e ikunu favorevoli għall-SMEs[12].

L-Akkwist-e jista' wkoll inaqqas il-konsum tar-riżorsi ambjentali. Finalment, it-traċċabbiltà u t-trasparenza tal-Akkwist-e jista' jagħmilha iżjed faċli biex wieħed jiddiżinja, jimplimenta u jimmonitorja l-politiki biex jagħtu direzzjoni lin-nefqa lejn għanijiet ta' politika innovattivi, sostenibbli u inklusivi.

Mistoqsija

15. Il-Kummissjoni diġà ħadet passi biex tħeġġeġ il-ħolqien ta' strateġiji biex jittejjeb l-aċċess għas-swieq tal-Akkwist-e mill-SMEs. X'passi oħrajn jistgħu jittieħdu biex jittejjeb l-aċċess tal-partijiet interessati kollha, b'mod partikolari l-SMEs, għas-sistemi tal-Akkwist-e?

7.5. Għoti ta’ valuri referenzjarji u monitoraġġ ... nitgħallmu mill-aħjar prassi

Hekk kif qed nimxu l-quddiem, huwa vitali li nsibu mekkaniżmu li jippermetti lill-partijiet kollha biex jipprofittaw iktar direttament mill-esperjenzi eżistenti, u jippromwovu b'mod attivi l-benefiċċji aktar mifruxa tal-Akkwist-e. Dan se jkun partikolarment importanti meta wieħed iqies l-ambjent finanzjarju kurrenti, fejn ir-riżorsi huma limitati u l-proposti għall-proġetti tal-IT (li spiss kellhom storja ta' falliment jew ġew jiswew iż-żejjed) jistgħu ikunu ġġudikati b'iktar xettiċiżmu minn qabel.

Sistemi ta' monitoraġġ aħjar, kemm fil-livell tal-UE u dak nazzjonali jistgħu jagħmlu possibbli l-ittraċċar tal-progress iktar mill-qrib u, sakemm jiġu introdotti l-indikaturi xierqa, jiffaċilitaw azzjoni fil-ħin biex jindirizzaw kwistjonijiet hekk kif ikunu qed jiżviluppaw aktar milli meta jkunu saru endemiċi.

7.6. Żviluppi internazzjonali u kooperazzjoni

Bħala parti mill-Pjan ta' Azzjoni tal-2004, il-Kummissjoni ġiet involuta f'diversi inizjattivi intenzjonati li jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta' qafas internazzjonali għall-Akkwist-e. Għalkemm in-negozjati għadhom sejrin, it-test tal-GPA rivedut jinkludi dispożizzjonijiet dwar l-Akkwist-e u l-Kummissjoni ħadmet mal-Kummissjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Kummerċ Internazzjonali (UNCITRAL) biex jiġu introdotti reviżjonijiet li jirrelataw mal-Akkwist-e. Filwaqt li l-progress s'issa kien limitat, il-Kummissjoni hija impenjata li tkompli l-adozzjoni tal-Akkwist-e u li tippromwovi soluzzjonijiet Ewropej.

8. Konklużjonijiet

L-Akkwist-e ma għadux ħolma tal-ġejjini – dejjem qed isir iżjed realtà li taħdem f'ħafna reġjuni u Stati Membri. Fejn qiegħed jintuża, qiegħed jagħti l-benefiċċji mixtieqa. Dawn is-sistemi wrew il-kapaċità tagħhom li jħaffu x-xiri pubbliku u jiffaċilitaw il-fluss tan-nefqa pubblika fil-kuntest tal-kriżi attwali.

Madankollu, l-użu tal-Akkwist-e għadu lura ħafna mill-aspettativi stipulati fid-Dikjarazzjoni ta' Manchester. Aktar milli użu ta' 50 % tal-Akkwist-e fl-2010, bl-eċċezzjoni tal-Portugall, il-Kummissjoni tistma li t-tranżazzjonijiet tal-Akkwist-e ma jammontawx aktar minn 5 % tan-nefqa totali tal-akkwist fl-ewwel Stati Membri li qalbu għas-sistema. It-tmexxija fil-livelli kollha tal-gvern - inkluż l-UE – hija meħtieġa biex iżżomm u taċċellera it-trażizzjoni għall-Akkwist-e. Jekk l-awtoritajiet kontraenti jingħataw l-għażla, huma se jżommu ma' prassi ppruvati u fdati (bbażati fuq il-karta) aktar milli jinvestu u jagħmlu użu minn dawn l-għażliet ġodda promettenti.

Din il-Green Paper ippreżentat xi ideat ġodda biex tingħeleb l-inerzja min-naħa tal-awtoritajiet kontraenti u l-operaturi ekonomiċi li fil-preżent qegħdin iżommu lura mill-migrazzjoni għall-Akkwist-e.

Din il-Green Paper tippreżenta wkoll għadd ta' modi ssuġġeriti sabiex tiżgura li l-introduzzjoni tal-Akkwist-e ma twassalx għal ġenerazzjoni oħra ta' barrieri tekniċi u amministrattivi għall-parteċipazzjoni transkonfinali fil-proċeduri tal-akkwist. Stati Membri, reġjuni jew setturi qed jimxu b'veloċitajiet differenti sabiex jieħdu vantaġġ mill-opportunitajiet offruti mill-Akkwist-e. Irridu niżguraw li din il-'ġeometrija varjabbli' ma tagħtix bidu għall-ostakli mhux neċessarji u sproporzjonati fl-akkwist transkonfinali. Din jinvolvi l-iċċarar tal-obbligi tal-organizzaturi tal-proċeduri tal-Akkwist-e biex jiġi evitat li jimponu kundizzjonijiet li jafu jwaqqfu b'mod mhux neċessarju u sporporzjonat, il-parteċipazzjoni transkonfinali. Din tbassar ukoll għadd ta' passi sabiex l-awtoritajiet kontraenti u l-operaturi ekonomiċi jiġu mgħammra biex jitħalltu b'mod effettiv fil-kuntest tal-akkwist fuq l-internet.

Il-Kummissjoni stabbilit serje ta' mistoqsijiet marbuta mal-evalwazzjoni tagħha tal-istat tal-Akkwist-e fl-Ewropa u għas-suġġerimenti tagħha għall-modi kollha possibbli biex jingħelbu l-isfidi ewlenin għall-adozzjoni u l-użu tal-Akkwist-e fis-suq uniku. Il-Kummissjoni tistieden ir-risposti għal dawn il-mistoqsijiet mill-partijiet interessati kollha. L-iskadenza għar-risposti hija s-31.01.2011 (indirizz tal-posta elettronika: markt-consult-eproc@ec.europa.eu).

Is-servizzi tal-Kummissjoni se janalizzaw ir-risposti kollha u jippubblikaw sinteżi tal-opinjonijiet fl-2011.

ANNESS I: Dispożizzjonijiet marbutin mal-Akkwist-e introdotti permezz tad-Direttivi tal-Akkwist Pubbliku tal-2004 (2004/17/KE[13] u 2004/18/KE[14])

Suġġett || Referenza || Deskrizzjoni

Mezzi elettroniċi ta’ komunikazzjoni; || L-Artikoli 1.12 u 1.13 ta' 2004/18/KE u l-Artikoli 1.11 u 1.12 ta' 2004/17/KE || Qed jiġi ċċarat li komunikazzjoni bil-miktub tinkludi mezzi elettroniċi, jiġifieri 'l-użu ta' tagħmir elettroniku għall-ipproċessar (inkluża l-kompressjoni diġitali) u l-ħżin ta’ dejta li tiġi trażmessa, imwassla u rċevuta bil-wajer, bir-radju, b’mezzi ottiċi jew b’mezzi elettromanjetiċi oħrajn'

Firem-e || L-Artikolu 42.5(b) ta' 2004/18/KE u l-Artikolu 48.5(b) ta' 2004/17/KE || L-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li l-offerti elettroniċi jkun akkumpanjat minn firma elettronika avvanzata f'konformità mal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 1999/93/KE (firma elettronika avvanzata bbażata fuq ċertifikat kwalifikat)

Sistema Dinamika ta' Xiri (Dynamic Purchasing System - DPS) || L-Artikolu 1.6 ta' 2004/18/KE u 1.5 ta' 2004/17/KE || DPS hija definita bħala proċess kompletament elettroniku biex jagħmel ix-xiri użat komuni, limitat fid-dewmien tiegħu u miftuħ matul il-validità tiegħu għal kwalunkwe operatur ekonomiku li jissodisfa l-kriterji tal-għażla, wara li jressaq offerta indikattiva.

Rkanti-e || L-Artikolu 1.7 ta' 2004/18/KE u 1.6 ta' 2004/17/KE || Definit bħala 'proċess repetittiv li jinvolvi tagħmir elettroniku għall-preżentazzjoni ta' prezzijiet ġodda, reveduti l-isfel, u/jew valuri ġodda li jikkonċernaw ċerti elementi tat-tressiq tal-offerti, magħmula wara l-evalwazzjoni tal-offerti u l-impatt fuq l-ikklassifikar tal-offerti

Katalgi-e || Premessa 12 ta' 2004/18/KE u Premessa 20 ta' 2004/17/KE || Definit bħala għodda li tiffaċilita l-akkwist pubbliku, speċifikament bħala modalità għall-parteċipazzjoni f'akkwisti skont il-ftehimiet ta’ qafas jew fi ħdan DPS

Notifika-e || L-Artikolu 36.2, 36.3 u 36.6 ta' 2004/18/KE u l-Artikolu 44.2 u 44.3 ta' 2004/17/KE || In-notifika għandha ssir permezz ta' formoli standard imma mhux neċesarjament permezz ta' mezzi elettroniċi, imma fi proċeduri aċċellerati, l-avviżi jridu jintbagħtu bil-feks jew b'mezzi elettroniċi. In-Notifika-e tippermetti pubblikazzjoni mqassra u jżid it-tul massimu permess tal-avviżi.

Profili tax-xerreja || Il-punt 2(b) tal-Anness VIII għal 2004/18/KE, u l-punt 2(b) tal-Anness XX għal 2004/17/KE || Definit bħala ġabra ta' dejta li tirrigwarda l-attivitajiet tal-akkwist ta' awtorità kontraenti li jistgħu jinkludu avviżi ta' informazzjoni minn qabel, u informazzjoni ġenerali utli bħal punt ta' kuntatt

Aċċess elettroniku għad-dokumenti || L-Artikolu 38.6 ta' 2004/18, (dispożizzjoni korrispondenti l-Artikolu 45.6 ta' 2004/17) || Il-limiti taż-żmien għar-riċevuta tal-offerti tista’ titnaqqas b'ħamest ijiem sakemm l-awtorità kontraenti / entità toffri aċċess dirett mhux ristrett u sħiħ permezz ta' mezzi elettroniċi għad-dokumenti tal-kuntratt u kwalunkwe dokument supplimentari. It-test tal-avviż għandu jispeċifika l-indirizz tal-internet li fih hija aċċessibbli din id-dokumentazzjoni.

ANNESS II: Status tal-miżuri tal-Pjan ta' Azzjoni

Għan I: Niżguraw Suq Intern li jiffunzjona sew fl-akkwist pubbliku elettroniku

Implimentazzjoni tal-qafas legali sew u fil-ħin

COM għandha toħroġ dokument interprettativ dwar ir-regoli l-ġodda dwar l-akkwist pubbliku elettroniku || Lest

COM għandha tagħmel id-demostrazzjonijiet tat-tagħlim disponibbli fuq l-internet, u tippermetti s-CAs u l-EOs biex isiru familjari mad-dispożizzjonijiet u l-għodod il-ġodda tal-Akkwist-e || Lest

COM għandha tipprovdi l-assistenza li tixraq lill-SM biex jagħmlu traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet legali l-ġodda || Lest

Jitlesta l-qafas legali bl-għodod bażiċi xierqa

COM għandha tadotta Formoli Standard ġodda għall-avviżi dwar l-akkwist billi tqies l-proċeduri l-ġodda u l-użu tal-mezzi elettroniċi ta' komunikazzjoni || Lest

COM għandha tippreżenta proposti għar-reviżjoni tal-Vokabolarju Komuni dwar l-Akkwist (Common Procurement Vocabulary – CPV) || Lest

COM għandha tippreżenta Blueprint għal sistema kompletament elettronika għall-ġbir u l-pubblikazzjoni tal-avviżi tal-akkwist fuq it-Tenders Electronic Daily (TED) || Lest

L-SM għandhom jimplimentaw sistemi kompletament elettroniċi fil-livell nazzjonali inkluż l-għodod xierqa għall-ġbir u l-pubblikazzjoni awtomatizzati fit-TED || Għaddej

Tneħħija / prevenzjoni tal-barrieri biex isiru l-proċeduri tal-akkwist pubbliku elettroniċi

L-SM u l-COM jittestjaw, jirfinaw u jivvalidaw ir-riżultati tar-rekwiżiti komuni tal-funzjonalità tal-IDA (Interchange of Data between Administrations programme – il-programm tal-Interkambju tad-Dejta bejn l-Amministrazzjonijiet) għas-sistemi tal-Akkwist-e || Lest

L-SM għandhom jirrevedu dwar jekk l-iskemi kollha operazzjonali tal-Akkwist-e ġewx aġġustati għar-rekwiżiti tad-Direttivi || Għaddej

L-SM għandhom jintroduċu skemi ta' akkredetazzjoni nazzjonali biex jivverifikaw il-konformità tas-sistemi tal-e-Tendering mal-qafas legali || Għaddej

L-SM u l-COM għandhom jikkunsidraw permezz ta' studju ta' fattibbiltà jekk għandhomx jintroduċu skema ta' konformità mal-verifikazzjoni Ewropea ||  Lest

COM tipproponi azzjoni skont il-programm tal-IDABC (Interoperable Delivery of European eGovernment Services to public Administrations, Businesses and Citizens – Twassil Interoperabbli tas-Servizzi tal-e-Government Ewropej lill-Amministrazzjonijiet pubbliċi, Impriżi u Ċittadini) biex tgħin l-SM jikkoordinaw l-implimentazzjoni tal-firma kwalifikata avvanzata biex isolvu l-problemi ta' interoperabbiltà, snin 2005-2009 || Lest

L-SM japplikaw, jekk meħtieġ bil-liġi nazzjonali, Firem-e kwalifikati interoperabbli || Għaddej

Sejba u indirizzar tal-problemi tal-interoperabbiltà matul iż-żmien

CEN / ISSS (Centre Europeen de Normalisation/Workshop on Information Society Standardisation Systems – Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni / Grupp ta' Ħidma dwar is-Sistemi tal-Istandardizzazzjoni tas-Soċjetà tal-Informazzjoni) għandhom ilestu l-analiżi tal-lakuni dwar il-ħtiġijiet tal-interoperabbiltà għal Akkwist-e effettiv || Lest

COM tipproponi li jitkomplew l-attivitajiet fuq L-Akkwist-e taħt il-programm IDABC għall-iskambju u d-diskussjoni tal-kwistjonijiet tal-interoperabbiltà u l-monitoraġġ tal-iżviluppi tal-SM || Lest (Xogħol tkompla mill-IDABC / ISA)

COM u l-SM għandhom jippromwovu attivitajiet ta' standardizzazzjoni fil-livell Ewropew u jaħdmu flimkien mal-korpi ta' standardizzazzjoni internazzjonali || Għaddej

Għan II: Kisba ta' iktar effiċjenza fl-akkwist, titjib fil-governanza u l-kompetittività

Tiżdied l-effiċjenza tal-akkwist pubbliku u tittejjeb il-governanza

L-SM għandhom jippreparaw pjanijiet nazzjonali biex jintroduċu l-isfond tal-Akkwist-e billi jissettjaw miri ta' prestazzjoni li jistgħu jitkejlu, u jqiesu l-ħtiġijiet nazzjonali speċifiċi || Parzjalment lest

L-SM għandhom iħeġġu l-preparazzjoni ta' pjanijiet simili mix-xerrejja nazzjonali individwali u jikkoordinaw u jimmonitorjaw l-implimentazzjoni tagħhom || Parzjalment lest

COM għandha tkompli x-xogħol ta' monitoraġġ fuq il-Fatturar-e mis-CEN / ISSS u tipproponi l-kontinwazzjoni tal-attivitajiet XML li saru fl-2003-2004 fuq il-Fatturar-e u l-Ordnar-e taħt l-IDABC || Għaddej

L-SM għandhom jistabbilixxu sistemi elettroniċi għall-ġbir u l-ipproċessar ta' dejta ta' statistika dwar l-akkwist || Parzjalment lest

Tiżdied l-kompettitività tas-swieq tal-akkwist pubbliku madwar l-UE

COM għandha tikkunsidra tipproponi servizzi għall-forniment elettroniku tal-informazzjoni dwar l-impriża u ċ-ċertifikati fl-akkwist pubbliku għall-implimentazzjoni taħt il-programm IDABC || Lest

L-SM u l-COM għandhom jaqblu dwar sett komuni ta' ċertifikati elettroniċi frekwentament meħtieġa għall-użu fl-Akkwist-e || Għaddej

COM għandha tipproponi l-varar ta' studju dwar il-Katalgi-e (fid-DPS u l-ftehimiet tal-qafas elettroniċi) bl-użu ta' xogħol mis-CEN / ISSS taħt il-programm IDABC || Lest

In-Netwerk tal-Akkwist Pubbliku għandu jorganizza punt ta' riferiment dwar it-trasparenza, l-awditjar u t-traċċabbiltà tas-sistemi tal-Akkwist-e || Imdewwem

In-Netwerk tal-Akkwist Pubbliku għandu jorganizza sessjonijiet ta' ħidma biex jippromwovi l-iskambji ta' standardizzazzjoni dwar id-dokument tal-offerti || Imdewwem

L-SM għandhom ivaraw u jappoġġaw kampanji ta' kuxjenza speċifiċi u taħriġ għall-SMEs fil-livelli nazzjonali u reġjonali || Għaddej

Għan III: Ħidma lejn qafas internazzjonali għall-akkwist pubbliku elettroniku

COM għandha tkompli n-negozjati dwar ir-reviżjoni tal-Ftehim dwar l-Akkwisti Pubbliċi (GPA - Government Procurement Agreement) || Għaddej

COM għandha tieħu inizjattivi fil-GPA biex tipprogressa lejn l-utilizzazzjoni ta' nomenklatura unika komuni għall-klassifikazzjoni tal-oġġetti u s-servizzi tal-akkwist || Għaddej

COM għandha tippromwovi l-attivitajiet ta' u taħdem ma' korpi internazzjonali tal-istandardizzazzjoni u l-fora biex tevita l-emerġenza ta' barrieri ta' interoperabbiltà fil-livell internazzjonali || Għaddej

COM għandha tikkoopera man-netwerk tal-Banek Multilaterali tal-Iżvilupp (MDBs - Multilateral Development Banks) bil-ħsieb li tikkoordina l-assistenza teknika fil-pajjiżi terzi (3rd), u tappoġġa r-riorganizzazzjoni u l-kompjuterizzazzjoni tar-reġim tal-Akkwist Pubbliku tagħhom || Għaddej

COM għandha tikkunsidra kwalunkwe aġġustament neċessarju u l-fattibbiltà tal-Akkwist-e fil-kuntest tal-istrumenti tal-għajnuna esterna tal-UE || Għaddej

[1]               Aġenda Diġitali għall-Ewropa COM(2010) 245 (paġna 32)

[2]               Id-dikjarazzjoni Ministerjali ta' Manchester tal-2005

[3]               Komunikazzjoni dwar il-Pjan ta' Azzjoni għall-implimentazzjoni tal-qafas legali għall-akkwist pubbliku elettroniku ppublikata f'Diċembru tal-2004.

[4]               Ara l-Evalwazzjoni tal-Kummissjoni tal-Pjan ta' Azzjoni tal-2004 għall-Akkwist Pubbliku elettroniku u l-istudju ta' appoġġ ppubblikat fuq is-sit tal-internet tad-DĠ għas-Suq Intern u s-Servizzi.

[5]               Dan jeskludi l-Portugall, li għamel l-użu tal-Akkwist-e mandatorju mill-1 ta' Novembru 2009, għall-fażijiet kollha min-notifika sal-għoti tal-offerti.

[6]               Deutsche Bank Research ppubblika riċerka "e-Invoicing Final steps of an efficient invoicing process" (il-passi tal-aħħar tal-Fatturar-e għall-proċess effiċjenti tal-fatturar) f'Mejju 2010, li kien fih ċifri li jissuġerixxu li "taħt ċerti suppożizzjonijiet l-ipproċessar awtomatizzat ta' fattura elettronika jista' jiswa total ta' aktar minn EUR 18 inqas mill-ipproċessar tradizzjonali mhux strutturat tal-fattura stampata."

[7]               Xorta jistgħu jitwaqqfu milli jipparteċipaw minħabba l-ispejjeż strutturali jew fatturi oħrajn marbutin mas-suq sottostanti li jagħmel is-sitwazzjoni anqas attraenti għalihom biex jipparteċipaw. Madankollu, firxa dejjem tiżdied ta' akkwisti tista' tiġi ssorsjata remotament inkluż servizzi bħas-software, il-kompetizzjonijiet tad-diżinn u s-sevizzi ta' assistenza (help-desks). L-Akkwist-e għandu jkun adattat sew biex jippubblika, jisfrutta u ultimament jirrealizza dawn l-opportunitajiet.

[8]               Abbażi tal-informazzjoni disponibbli fuq is-sit tal-internet www.epractice.eu

[9]               Paġna 10 tal-Valutazzjoni Estiża tal-Impatt COM 2004(841), annessa mal-Komunikazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni.

[10]             Pan-European Public Procurement Online (PEPPOL) – għal aktar informazzjoni ara s-sit tal-internet www.peppol.eu

[11]             Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 2009/767/KE kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 2010/245/UE.

[12]             Il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tagħmel l-Open e-PRIOR iktar aċċessibbli għall-SMEs permezz tal-iżvilupp ta' portal tal-fornituri.

[13]             Id-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2004 li tikkoordina l-proċeduri ta' akkwisti ta' entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali, ara http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=CELEX:32004L0017:MT:NOT

[14]             Id-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta' proċeduri għall-għoti ta' kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi, ara http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=CELEX:32004L0018:MT:NOT