52010DC0559

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL EWROPEW Opinjoni tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 355(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea dwar l-inizjattiva tal-gvern Franċiż għall-emenda tal-istatus ta' Saint-Barthélémy fir-rigward tal-Unjoni /* KUMM/2010/0559 finali */


[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 18.10.2010

KUMM(2010) 559 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL EWROPEW

Opinjoni tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 355(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea dwar l-inizjattiva tal-gvern Franċiż għall-emenda tal-istatus ta' Saint-Barthélémy fir-rigward tal-Unjoni

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL EWROPEW

Opinjoni tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 355(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropeadwar l-inizjattiva tal-gvern Franċiż għall-emenda tal-istatus ta' Saint-Barthélémy fir-rigward tal-Unjoni

Ir-Repubblika Franċiża rreferiet inizjattiva lill-Kunsill Ewropew għall-emenda tal-istatus tal-gżira ta' Saint-Barthélemy fir-rigward tal-Unjoni, fuq il-bażi tal-Artikolu 355(6) TFUE. Dan it-territorju attwalment jaqa' taħt id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikoli 355(1) u 349 TFUE. L-inizjattiva tar-Repubblika Franċiża tikklassifikah mill-1 ta' Jannar 2012, fl-istatus ta' Pajjiż u Territorju extra-Ewropew (Pays et Territoire d’Outre-mer - P.T.O.M.) imsemmi fid-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 355(2) TFUE u tar-raba' parti tal-istess Trattat.

L-Artikolu 355(6) TFUE jipprevedi li: " Il-Kunsill Ewropew, fuq l-inizjattiva tal-Istat Membru kkonċernat, jista' jadotta deċiżjoni li temenda l-istatus, fir-rigward tal-Unjoni, ta' pajjiż jew territorju Daniż, Franċiż jew Olandiż previst fil-paragrafi 1 u 2. Il-Kunsill Ewropew għandu jaġixxi b'mod unanimu wara li jikkonsulta l-Kummissjoni. "

B'mod konformi ma' din id-dispożizzjoni [ għandha tiġi speċifikata d-data ], il-Kunsill Ewropew ikkonsulta lill-Kummissjoni dwar din l-inizjattiva.

Il-Kummissjoni eżaminat l-inizjattiva ta' Franza, biss fir-rigward tal-konsegwenzi li l-bidla imsemmija se jkollha skont id-dispożizzjonijiet stess tal-Artikolu 355 TFUE. Fil-fatt, skont dawn id-dispożizzjonijiet u mid-dħul fis-seħħ tal-bidla fl-istatus, il-liġi tal-Unjoni Ewropea ma tapplikax aktar għat-territorju ta' Saint-Barthélemy, għajr ir-raba' parti tat-TFUE.

Fid-dawl ta' dan l-eżami, il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li żewġ oqsma jeħtieġu pożizzjoni f'din l-opinjoni, jiġifieri dawk relatati mal-valuta u mat-tassazzjoni.

Dwar is-sistema monetarja

Kif jirriżulta mid-dokumenti li ssottomettiet lill-Kunsill Ewropew, Franza tixtieq li l-euro jibqa' jintuża f'Saint-Barthélemy. Jeħtieġ li tiġi konkluża konvenzjoni monetarja bejn Franza u l-Unjoni Ewoprea għal dan l-għan, u sabiex tiġi żgurata ż-żamma tal-applikazzjoni tal-liġi Komunitarja fl-oqsma essenzjali għall-funzjonament tajjeb tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja (b'mod partikolari l-leġiżlazzjoni monetarja, finanzjarja, kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-falsifikazzjoni), bħall-konvenzjonijiet eżistenti jew li qegħdin jiġu nnegozjati.

Fid-dokument ta' spjega mehmuż mal-inizjattiva tagħha, Franza ddikjarat b'mod ċar li hija " se tissottoskrivi għall-impenni meqjusa meħtieġa għall-applikazzjoni, f'Saint-Barthélemy, tar-regoli li jirrigwardjaw il-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni monetarja, il-ġlieda kontra ċ-ċirkolazzjoni illegali ta' kapital u kontra l-ħasil tal-flus kif ukoll il-kooperazzjoni amministrattiva ".

Il-Kummissjoni tieħu nota ta' dan l-impenn u se tirrakkomanda lill-Kunsill fiż-żmien xieraq il-ftuħ tan-negozjati sabiex tiġi konkluża konvenzjoni monetarja bejn l-Unjoni Ewropea u Franza, fuq il-bażi tal-Artikolu 219(3) TFUE. Din ir-rakkomandazzjoni se tinkludi b'mod partikolari abbozz ta' Direttivi ta' negozjati tal-Kummissjoni meħtieġa għal dan. B'mod konformi mal-użu fis-seħħ għat-tħejjija tal-konvenzjonijiet monetarji, il-Bank Ċentrali Ewropew għandu jkun assoċjat fin-negozjati.

Dwar is-sistema fiskali

Fl-interess tal-funzjonament tajjeb tas-suq intern, l-Unjoni fasslet politika Ewropea ta' governanza fiskali tajba deskritta fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2009)201. Din il-politika tinkludi dispożizzjonijiet li fost oħrajn għandhom l-għan li jipprevjenu l-frodi u l-evitar tat-taxxa transkonfinali. Hija tinkludi wkoll kodiċi ta' kondotta fil-qasam tat-tassazzjoni tal-impriżi bl-għan li jiġġieled kontra l-kompetizzjoni fiskali ta' ħsara[1].

Fir-rigward tal-kooperazzjoni fiskali l-Unjoni għalhekk adottat id-Direttiva 77/799/KEE dwar għajnuna reċiproka mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni diretta u tat-taxxi fuq il-premiums tal-assigurazzjoni[2], kif ukoll id-Direttiva 2003/48/KE dwar tassazzjoni ta' riżervi fuq id-dħul fil-forma ta' pagamenti ta' imgħax[3].

Il-Kummissjoni tqis li, wara il-bidla fl-istatus ta' Saint-Barthélemy, għandu jkun hemm dispożizzjonijiet konvenzjonali li jiggarantixxu li l-mekkaniżmi taż-żewġ Direttivi msemmijin hawn fuq fir-rigward tal-għajnuna u l-kooperazzjoni fiskali u fir-rigward tat-tassazzjoni ta' riżervi, japplikaw ukoll fil-ġejjieni fit-territorju msemmi.

Fid-dokument ta' spjega mehmuż mal-inizjattiva tagħha, Franza ddikjarat b'mod ċar li hija "se tissottoskrivi għall-impenni meqjusa meħtieġa għall-applikazzjoni, f'Saint-Barthélemy, tar-regoli li jirrigwardjaw it-trasparenza fiskali".

Il-Kummissjoni tieħu nota ta' dan l-impenn u se tirrakkomanda lill-Kunsill fiż-żmien xieraq il-ftuħ tan-negozjati sabiex jiġu konklużi l-konvenzjonijiet korrispondenti, fuq il-bażi tal-Artikolu 218 TFUE. Din ir-rakkomandazzjoni se tinkludi b'mod partikolari abbozz ta' Direttivi ta' negozjati meħtieġa għal dan.

Rigward il-kompetizzjoni fiskali ta' ħsara, il-Kummissjoni tfakkar l-impenn meħud minn Franza flimkien mal-Istati Membri l-oħra fil-qafas tal-kodiċi ta' kondotta msemmi hawn fuq, dwar il-qasam tat-tassazzjoni tal-impriżi. Skont dan it-test, fil-fatt, l-Istati Membri jimpenjaw ruħhom li jippromwovu l-adozzjoni ta' prinċipji bl-għan li jeliminaw il-miżuri fiskali ta' ħsara, fit-territorji fejn ma japplikax it-Trattat. Il-Kummissjoni tassumi li dan l-impenn, li jimmira b'mod speċifiku t-territorji msemmijin, se japplika wkoll f'Saint Barthélemy, minn meta l-emenda tal-istatus tal-gżira tidħol fis-seħħ.

Dwar l-oqsma l-oħra

Għall-fini ta' kompletezza, il-Kummissjoni tindika wkoll li l-bidla fl-istatus tista' teħtieġ adattamenti tekniċi f'oqsma diversi tal-leġiżlazzjoni sekondarja, b'mod partikolari fir-rigward tal-assoċjazzjoni tal-P.T.O.M mal-Unjoni Ewropea, tal-politika reġjonali, tal-impjiegi, tal-agrikoltura, marittima, u tal-unjoni doganali. Dawn l-adattamenti għandhom jistgħu jsiru b'mod li titqies il-bidla fl-istatus skont il-kalendarju ppjanat (bidla fl-istatus fl-1 ta' Jannar 2012).

Konklużjoni

Il-bidla fl-istatus ta' Saint-Barthélemy ma tqajjimx, fil-biċċa l-kbira tagħha, problemi partikolari fir-rigward tal-liġi tal-Unjoni. Għaldaqstant, huma meħtieġa ċerti adattamenti tekniċi tal-leġiżlazzjoni sekondarja. Barra minn hekk, il-Kummissjoni taħseb li huwa importanti, b'mod partikolari biex jiġu ssalvagwardjati l-interessi tal-Unjoni wara d-data tal-bidla fl-istatus, li l-ftehimiet jiġu konklużi bejn Franza u l-Unjoni Ewropea dwar:

- iż-żamma tal-euro kif ukoll il-leġiżlazzjoni għall-funzjonament tajjeb tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja;

- il-governanza fiskali tajba, u b'mod aktar preċiż l-għajnuna reċiproka fil-qasam fiskali u t-tassazzjoni tar-riżervi.

[1] Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri, mlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, tal-1 ta' Diċembru 1997, dwar kodiċi ta' kondotta fil-qasam tat-tassazzjoni tal-impriżi, ĠU C 2, 6.1.1998, p. 2.

[2] ĠU L 336, 27.12.1977, p. 15.

[3] ĠU L 157, 26.6.2003, p. 38.