52010DC0535

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1161/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Lulju 2001 dwar il-kumpilazzjoni ta’ kontijiet trimestrali mhux finanzjarji skont is-settur istituzzjonali /* KUMM/2010/0535 finali */


[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 30.9.2010

KUMM(2010) 535 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1161/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Lulju 2001 dwar il-kumpilazzjoni ta’ kontijiet trimestrali mhux finanzjarji skont is-settur istituzzjonali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL

dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1161/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Lulju 2001 dwar il-kumpilazzjoni ta’ kontijiet trimestrali mhux finanzjarji skont is-settur istituzzjonali

WERREJ

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1161/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Lulju 2001 dwar il-kumpilazzjoni ta’ kontijiet trimestrali mhux finanzjarji skont is-settur istituzzjonali 1

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1161/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Lulju 2001 dwar il-kumpilazzjoni ta’ kontijiet trimestrali mhux finanzjarji skont is-settur istituzzjonali 2

1. Introduzzjoni 3

2. Konformità mal-obbligi ta' rappurtaġġ 3

2.1 L-obbligi ta’ rappurtaġġ 3

2.2 Konformità mal-obbligi ta’ rappurtaġġ 4

2.3 Konsistenza ma’ settijiet tad-dejta relatati 5

3. Kwalità tal-istatistika prodotta 5

3.1 Rilevanza 6

3.2 Preċiżjoni 7

3.3 Tempestività u puntwalità 8

3.4 Aċċessibbiltà u ċarezza 10

3.5 Koerenza u paragunabilità 10

4. Benefiċċji u titjib potenzjali 13

4.1. Benefiċċji relatati mal-ispejjeż tagħhom 13

4.2. Titjib potenzjali 14

Tempestività 14

Affidabilità 15

Kopertura 15

1. INTRODUZZJONI

Ir-Regolament (KE) Nru 1161/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “ir-Regolament QSA”) stabbilixxa l-qafas legali għall-kumpilazzjoni tal-kontijiet trimestrali mhux finanzjarji skont is-settur istituzzjonali ("QSA").

Il-kumpilazzjoni tal-QSA għaż-żona euro ġiet identifikata bħala prijorità fir-Rekwiżiti Statistiċi tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM) approvat mill-Kunsill tal-ECOFIN f’Settembru 2000. Il-QSA taż-żona euro tqiesu li huma meħtieġa urġentement u għandhom ikunu disponibbli fi żmien 90 jum minn tmiem it-trimestru konċernat.

Tabilħaqq, kif dikjarat fit-tielet premessa tar-Regolament QSA, l-analiżi tal-movimenti ċikliċi fl-ekonomija tal-Unjoni Ewropea u t-twettiq tal-politika monetarja fi ħdan l-EMU jeħtieġu statistiċi makroekonomiċi dwar l-imġiba ekonomika u l-interrelazzjoni ta' setturi istituzzjonali individwali li jkunu impossibbli li jiġu identifikati f’dejta kkumpilata fil-livell tal-ekonomija in ġenerali.

Dan ir-rapport ikopri l-implimentazzjoni tar-Regolament QSA, kif meħtieġ mill-Artikolu 9 tiegħu:

" Fi żmien ħames snin mid-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tiegħu. B'mod partikolari, ir-rapport għandu:

(a) jipprovdi informazzjoni dwar il-kwalità tal-istatistika li tkun saret;

(b) jistma l-benefiċċji favur il-Komunità, l-Istati Membri, il-fornituri u l-utenti ta' informazzjoni [statistika ta]l-istatistiċi li jkunu saru meta mqabbla mal-ispiża tagħhom;

(c) jidentifika oqsma għal titjib potenzjali u emendi li huma kkunsidrati meħtieġa fid-dawl tar-riżultati miksuba."

Ir-rapport jipprovdi tagħrif dwar dawn il-punti skont l-istruttura li ġejja: Taqsima 2; kif l-Istati Membri jissodisfaw l-obbligi legali tagħhom; Taqsima 3; il-kwalità tal-istatistika nazzjonali u Ewropea prodotta u; Taqsima 4; il-benefiċċji attwali għall-utenti paragunati mal-ispejjeż tal-ġabra/kumpilazzjoni flimkien ma' pjanijiet għal titjib fil-futur.

2. KONFORMITÀ MAL-OBBLIGI TA' RAPPURTAġġ

2.1 L-obbligi ta’ rappurtaġġ

Ir-Regolament QSA jipprovdi għat-trażmissjoni ta’ sett limitat ta’ tranżazzjonijiet li xorta jkopri s-sekwenza sħiħa tal-kontijiet mhux finanzjarji. Għall-pajjiżi li l-PGD tagħhom huwa iżjed minn 1% tat-total Ewropew, it-tqassim skont is-settur meħtieġ huwa dan li ġej: Korporazzjonijiet mhux finanzjarji (S11) / Korporazzjonijiet finanzjarji (S12) / Gvern (S13) / Unitajiet domestiċi flimkien ma’ istituzzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ li jservu l-unitajiet domestiċi (S1M) / il-Bqija tad-Dinja (S2). L-obbligi ta’ rappurtaġġ tal-pajjiżi li jaqgħu taħt il-limiti huma limitati għas-setturi tal-gvern u tal-Bqija tad-Dinja.

Id-dejta tal-QSA kellha tiġi trażmessa mhux iżjed tard minn 95 jum wara t-trimestru ta’ referenza, sa Awwissu 2008, u sa 90 jum wara. It-trażmissjonijiet għandhom jinkludu dejta b’lura li tibda mill-ewwel trimestru tal-1999.

Billi d-derogi temporanji ngħataw lil ċerti Stati Membri fiż-żmien meta r-regolament QSA ġie adottat u bit-tkabbir sussegwenti tal-UE, dawn kollha issa skadew u r-regolament QSA japplika għall-Istati Membri tal-UE kollha u, skont il-ftehim taż-ŻEE, għan-Norveġja u l-Islanda.

2.2 Konformità mal-obbligi ta’ rappurtaġġ

Pajjiżi b’obbligi sħaħ ta’ rappurtaġġ

Sabiex tivvaluta jekk pajjiż għandux jittrażmetti sett komplut ta’ dejta tal-QSA, il-Kummissjoni tiddetermina l-PGD tiegħu, bħala perċentwal tal-PGD Ewropew, abbażi tal-medja aritmetika tad-dejta annwali tal-aħħar tliet snin (ara l-Artikolu 3.2 tar-Regolament QSA).

F’Diċembru 2009, is-17-il pajjiż b’obbligi sħaħ ta’ rappurtaġġ kienu dawn li ġejjin: il-Belġju (BE), ir-Repubblika Ċeka (CZ), id-Danimarka (DK), il-Ġermanja (DE), l-Irlanda (IE), il-Greċja (EL), Spanja (ES), Franza (FR), l-Italja (IT), l-Olanda (NL), l-Awstrija (AT), il-Polonja (PL), il-Portugall (PT), il-Finlandja (FI), l-Isvezja (SE), ir-Renju Unit (UK) u n-Norveġja (NO).

Għall-aħħar kunsinna tal-2009 (dejta sal-2009Q3), l-Istati Membri b’mod ġenerali laħqu d-data ta' skadenza ta’ t+90 jum (29 ta’ Diċembru).

Il-maġġoranza tal-pajjiżi taw is-settijiet sħaħ tad-dejta filwaqt li n-Norveġja, l-Isvezja u l-Polonja taw settijiet tad-dejta parzjali u n-Norveġja ma ttrażmettiet l-ebda dejta għas-settur tal-unitajiet domestiċi. Madankollu, is-sitwazzjoni tjiebet fl-aħħar trażmissjonijiet u n-Norveġja stqarret li għandha tittrażmetti d-dejta tal-QSA għas-setturi kollha qabel Settembru 2010.

Is-serje b’lura kienu nieqsa għall-Greċja u Spanja (dejta tal-1999) u l-Irlanda (1999-2001). Dan kien ġeneralment minħabba Kontijiet tas-Settur Annwali nieqsa li qed jiġu kkumpilati u għandhom jiġu trażmessi lill-Eurostat, flimkien mal-kontijiet trimestrali, sa Settembru 2010.

Pajjiżi b’obbligi ta’ rappurtaġġ parzjali

F’Diċembru 2009, it-12-il pajjiż b’obbligu ta’ rappurtaġġ parzjali kienu dawn li ġejjin: il-Bulgarija (BG), l-Estonja (EE), Ċipru (CY), il-Latvja (LV), il-Litwanja (LT), il-Lussemburgu (LU), l-Ungerija (HU), Malta (MT), ir-Rumanija (RO), is-Slovenja (SI), is-Slovakkja (SK) u l-Islanda (IC).

Fost l-Istati Membri b’obbligi ta’ rappurtaġġ limitati, il-Lussemburgu biss ma ttrażmetta l-ebda dejta iżda impenja ruħu li jagħmel dan sa Diċembru 2010. Ir-Rumanija ttrażmettiet QSA sħaħ fuq bażi volontarja, b’hekk ħejjiet biex taqbeż il-limitu ta’ 1 % u ssir relatur sħiħ tal-QSA.

Ir-rekwiżiti tat-tempestività b’mod ġenerali ntlaħqu fil-waqt li xi pajjiżi naqsu milli jagħtu numru limitat ta' tranżazzjonijiet.

2.3 Konsistenza ma’ settijiet tad-dejta relatati

Il-konsistenza bejn id-dominji differenti tal-istatistika makroekonomika hija meħtieġa mir-Regolament QSA. Kif ġie ddikjarat fir-raba’ premessa tar-Regolament QSA: "Il-produzzjoni ta' dawn il-kontijiet hi parti mill-għan globali li tiġi kkumpilata sistema ta' kontijiet kull sena u kull trimestru għall-Unjoni Ewropea u għaż-żona tal-euro. Din is-sistema tiġbor fiha l-aggregati makroekonomiċi ewlenin u l-kontijiet finanzjarji u mhux finanzjarji skont is-settur istituzzjonali. L-għan hu li tinkiseb konsistenza f'dawn il-kontijiet kollha u, fir-rigward tal-bqija tal-kontijiet dinjija, bejn il-bilanċ ta' pagamenti u d-dejta tal-kontijiet nazzjonali."

Barra minn hekk, l-Artikolu 5 tar-Regolament QSA jeħtieġ li d-dejta trażmessa mill-Istati Membri għall-finijiet ta’ dan ir-regolament tkun konsistenti mal-kontijiet trimestrali mhux finanzjarji tal-gvern ġenerali, l-aggregati ewlenin trimestrali tal-ekonomija totali u d-dejta annwali korrispondenti trażmessa lill-Kummissjoni taħt il-programm ta' trażmissjoni ta' dejta tar-Regolament ESA[1].

L-inkonsistenzi huma ġeneralment żgħar ħlief għal dejta tal-BoP (bilanċ tal-ħlasijiet) fejn jistgħu jkunu mdaqqsa (ara l-Artikolu 3.5 għad-dettalji). Fi ftit każijiet, id-diskrepanzi mal-Aggregati Ewlenin Trimestrali (QNA) u l-Kontijiet tas-Settur Annwali (ASA) ġew osservati fil-passat iżda naqsu sa’ livelli "minuri" fl-aħħar trażmissjonijiet. Titjib ulterjuri huma mistenni bir-reviżjoni tal-programm ta’ trażmissjoni tal-ESA li għandu jarmonizza l-kalendarji tal-ħruġ u tar-reviżjoni tat-tabelli tal-Kontijiet Nazzjonali u possibilment id-dejta tal-BoP.

3. KWALITÀ TAL-ISTATISTIKA PRODOTTA

L-ewwel mod kif tiġi valutata l-kwalità tal-istatistika prodotta jikkonsisti fid-dokumentazzjoni tas-sorsi u l-metodi użati mill-Istati Membri u l-istituzzjonijiet Ewropej għall-kumpilazzjoni tal-kontijiet nazzjonali u Ewropej. Dan l-inventarju ġie kompletat f'Marzu 2010 u maqsum fost il-kumpilaturi bil-għan ta' skambju u trawwim tal-aħjar prassi. Dan għandu joħroġ fuq il-websajt tal-Eurostat (http://ec.europa.eu/eurostat/sectoraccounts) sa tmiem l-2010.

Il-kwalità tal-istatistika prodotta ġiet valutata abbażi tal-kriterji li ġejjin, kif stabbilit fir-Regolament 223/2009 tal-11 ta’ Marzu 2009 dwar l-Istatistika Ewropea[2]: ir-rilevanza, il-preċiżjoni, it-tempestività u l-puntwalità, l-aċċessibbiltà u ċ-ċarezza, il-koerenza u l-paragunabilità.

3.1 Rilevanza

Ir-rilevanza huwa aspett tal-kwalità li jikkaratterizza kemm prodott statistiku jissodisfa l-ħtiġijiet tal-utenti. Din timplika l-identifikazzjoni tal-utenti u l-għarfien tal-ħtiġijiet u l-aspettattivi tagħhom. It-tielet premessa tar-Regolament QSA tispeċifika l-għanijiet ewlenin tal-produzzjoni tal-QSA kif ġej:

"L-analiżi ta' movimenti ċikliċi fl-ekonomija tal-Unjoni Ewropea u t-twettiq tal-politika monetarja fi ħdan l-EMU jeħtieġu statistiċi makroekonomiċi dwar l-imġiba ekonomika u l-interrelazzjoni ta' setturi istituzzjonali individwali li jkunu impossibbli li jiġu identifikati f'dejta kkumpilata fil-livell tal-ekonomija in ġenerali. Hemm għalhekk il-ħtieġa li jsiru kontijiet trimestrali skont is-settur istituzzjonali, kemm għall-Unjoni Ewropea in ġenerali kif ukoll għaż-żona tal-euro."

Għalhekk, id-dejta tal-QSA hija ta’ interess ewlieni, l-ewwel nett, għall-utenti istituzzjonali bħall-BĊE u d-DĠ ECFIN tal-Kummissjoni, kif ukoll għal skopijiet ta’ governanza ekonomika.

Kontijiet Ewropej

L-Eurostat u l-BĊE jippubblikaw sett sħiħ ta’ kontijiet trimestrali tas-settur għaż-żona euro li jinkludi kontijiet mhux finanzjarji, kif ukoll kontijiet finanzjarji u karti tal-bilanċ. L-Eurostat jippubblika wkoll kontijiet trimestrali tas-settur mhux finanzjarji għall-Unjoni Ewropea.

L-Eurostat joħroġ stqarrijiet uffiċjali trimestrali li jiffokaw fuq sett ta' indikaturi ewlenin aġġustati kull staġun, għaż-żona euro u l-UE. Dawn l-indikaturi mhux finanzjarji, li huma intiżi biex jiddeskrivu l-imġiba tal-korporazzjonijiet mhux finanzjarji u tal-unitajiet domestiċi, huma dawk li ġejjin:

- Sehem ta' profitt tal-korporazzjonijiet mhux finanzjarji definit bħala eċċess operattiv gross diviż bil-valur gross miżjud. Dan l-indikatur tat-tip tal-profitabilità juri s-sehem tal-valur miżjud maħluq matul il-proċess ta' produzzjoni għar-rimunerazzjoni tal-kapital.

- Ir-rata ta’ investiment gross tal-korporazzjonijiet mhux finanzjarji definita bħala formazzjoni ta’ kapital fiss gross diviż bil-valur miżjud gross. Dan il-proporzjon jirrelata mal-investiment tan-negozji mhux finanzjarji f’assi fissi (bini, makkinarju, softwer, titjib ewlieni fl-assi fissi, eċċ). mal-valur miżjud maħluq matul il-proċess tal-produzzjoni.

- Rata ta’ tfaddil gross tal-unitajiet domestiċi kkalkulata bħala tfaddil gross diviż bid-dħul disponibbli gross[3].

- Rata ta’ investiment gross tal-unitajiet domestiċi kkalkulata bid-diviżjoni tal-formazzjoni ta’ kapital fiss gross tal-unitajiet domestiċi bid-dħul disponibbli gross[4].

Il-BĊE jippubblika stqarrija uffiċjali li tkopri kemm il-kontijiet trimestrali tas-settur finanzjarju kif ukoll dak mhux finanzjarju taż-żona euro. L-istqarrijiet uffiċjali tal-BĊE janalizzaw il-bidliet fil-perċentwal annwali tat-tranżazzjonijiet ewlenin li jsaħħu d-deċiżjonijiet tas-setturi varji fl-ekonomija. Barra minn hekk, dan jipproduċi regolarment materjal ta’ tagħrif iżjed dettaljat għall-Bord Eżekuttiv u l-Kunsill Governattiv tiegħu. Dan il-materjal huwa l-bażi għal analiżi komprensiva tal-iżviluppi trimestrali fiż-żona euro li tiġi ppubblikata fil-Bulettin ta’ Kull Xahar tal-BĊE.

Tqassim skont il-pajjiż

It-tagħrif imwassal mill-utenti mhux istituzzjonali (analisti tal-bank, konsulenti, ġurnalisti, eċċ.) jikkonfermaw l-interess kbir tagħhom fid-dejta fuq perjodu qasir mis-settur istituzzjonali. Madankollu, minbarra l-aggregati Ewropej, l-utenti jeħtieġu iżjed tagħrif dwar il-pajjiżi individwali.

In-numru ta’ pajjiżi li joħorġu dejta tal-QSA minbarra s-setturi tal-gvern u l-bqija tad-dinja żdied f’dawn l-aħħar snin. Fl-2010, tmienja minn 17-il pajjiż b’obbligi ta’ rappurtaġġ sħiħ ippubblikaw dejta tal-QSA; jew aġġustata kull staġun (FR, UK) jew le (CZ, DK, ES, NL, PT u SE). Erba’ pajjiżi oħra (AT, DE, IT u NO) jiżvelaw indikaturi magħżula dwar l-unitajiet domestiċi u, fil-każ tal-Italja, korporazzjonijiet mhux finanzjarji. Fost il-ħames pajjiżi li jibqa’, wieħed (BE) qed jikkunsidra l-pubblikazzjoni possibbli ta’ din id-dejta fil-futur qrib.

Il-pajjiżi kkonċernati ġeneralment joħorġu d-dejta tal-QSA sa t+90 jum jew ftit wara (massimu ta’ t+93 jum għar-Repubblika Ċeka, t+97 jum għall-Pajjiżi l-Baxxi, sa t+98 jum għall-Italja u bejn 90 u 100 jum għal Spanja).

Fil-livell Ewropew, l-Eurostat beda jferrex dejta dwar il-pajjiżi għal kull wieħed mill-indikaturi ewlenin imsemmija hawn fuq u l-komponenti sottostanti tagħhom. Minħabba li l-maġġoranza tal-Istati Membri għadhom ma kkumpilawx QSA aġġustata kull staġun, dawn l-indikaturi huma ppubblikati bħala erba’ somom trimestrali miġbura.

3.2 Preċiżjoni

Kif imsemmi fir-Regolament 223/2009 dwar l-Istatistika Ewropea, dan tal-aħħar għandu jiddeskrivi r-realtà b’mod preċiż u affidabbli. Il-preċiżjoni u l-affidabilità tal-istatistika jiddependu fuq ħafna varjabbli. Fattur importanti wieħed f’dan ir-rigward huwa l-limitu safejn is-sorsi tad-dejta diretti jintużaw meta paragunati ma' metodi indiretti bbażati fuq tendenzi tal-passat u preżunzjonijiet ta' mudell. Il-produzzjoni tal-QSA nazzjonali tiddependi ħafna fuq tliet sorsi ta’ input tal-istatistika, jiġifieri l-aggregati trimestrali ewlenin għall-ekonomija totali, il-kontijiet trimestrali tal-gvern ġenerali u l-bilanċ tal-ħlasijiet trimestrali. Dawn huma supplimentati b’sorsi tad-dejta amministrattivi (pereżempju rekords tat-taxxi, tagħrif ieħor mill-awtoritajiet superviżorji tal-industrija), li normalment jinkludu dejta diretta li tista’ tintuża bħala indikaturi tal-iżvilupp fuq medda qasira taż-żmien ta’ settur/tranżazzjonijiet partikolari.

Tagħrif statistiku infraannwali relattivament tajjeb jeżisti fir-rigward tal-attivitajiet ta’ korporazzjonijiet finanzjarji (kontijiet ta' qligħ u telf, tagħrif dettaljat tal-karti tal-bilanċ bit-tqassim skont il-kontrapartijiet, statistika tar-rati tal-imgħax, kontijiet finanzjarji trimestrali), li jintuża minn ħafna pajjiżi fil-proċess tal-kumpilazzjoni tal-QSA. Dawn is-sorsi primarjament ikopru istituzzjonijiet finanzjarji monetarji, fondi ta’ investiment u, sa ċertu punt, il-korporazzjonijiet tal-assigurazzjoni u l-fondi tal-pensjoni. F’ħafna każijiet, id-dejta tal-aġenziji superviżorji uffiċjali, l-assoċjazzjonijiet tan-negozju tal-industrija u l-Boroż jintużaw ukoll.

Madankollu, huma biss ftit pajjiżi (pereżempju r-Repubblika Ċeka u r-Renju Unit, il-Pajjiżi l-Baxxi għas-settur tal-korporazzjonijiet mhux finanzjarji) li jirrappurtaw id-dejta tal-QSA b’mod sħiħ li jużaw dejta ta’ sorsi diretti biex jappoġġjaw il-kumpilazzjoni tal-istimi individwali għas-setturi tal-unitajiet domestiċi u tal-korporazzjonijiet mhux finanzjarji, b’mod partikolari għall-produzzjoni u l-ġenerazzjoni tal-kontijiet tad-dħul.

Il-maġġoranza tal-pajjiżi l-oħra jagħmlu użu estensiv minn metodi indiretti li jużaw dejta annwali bħal indikaturi ta’ riferiment u trimestrali biex jaqbdu l-moviment fuq perjodu qasir inkluż il-komponent staġjonali. F’dawn il-każijiet, il-kwalità tal-QSA tiddependi direttament fuq il-preċiżjoni tal-ASA. Għalkemm il-kontijiet annwali huma bbażati fuq firxa aktar vasta ta’ sorsi, il-flussi tad-dħul bejn il-korporazzjonijiet u l-unitajiet domestiċi mhux dejjem jinqabdu sew, u dan iwassal pereżempju għal rati tat-tfaddil tal-unitajiet domestiċi jew ishma ta’ profitt tan-negozju mhux plawżibbli. L-indikaturi ewlenin annwali ppubblikati minn Eurostat jidhru li huma għodda effiċjenti għad-ditezzjoni ta' livelli / ċaqliq implawżibbli bħal dawn li mbagħad jiġu investigati mal-pajjiż ikkonċernat (Ara l-paragrafu 3.5 hawn taħt – ″paragunabilità″). Fl-aħħar nett, f’ċertu każijiet, il-pajjiżi jużaw stimi bbażati purament fuq mudelli li mhumiex appoġġjati minn tagħrif trimestrali dirett jew indirett. Madankollu, dawn il-metodi (ibbażati fuq mudelli) huma ġeneralment ristretti għal tranżazzjonijiet li jilgħabu rwol minuri fil-kontijiet.

3.3 Tempestività u puntwalità

L-istatistika Ewropea għandha tiġi mxerrda fil-ħin, b'mod partikolari meta tintuża għal skopijiet ta' politika ekonomika. Dan huwa l-każ għall-QSA Ewropea li tinkludi tagħrif rilevanti għall-imġiba tal-politika monetarja fiż-żona euro u għall-koordinazzjoni tal-politiki tal-baġit fl-UE. Sa min-nofs l-2007, il-QSA Ewropea ġiet ippubblikata puntwalment, fi żmien 120 jum wara t-trimestru ta’ referenza.

It-tempestività tal-Istatistika Ewropea għandha tikkunsidra r-rekwiżiti tal-utent kemm jista’ jkun possibbli. Hemm domanda qawwija mill-utenti istituzzjonali biex jiġu mgħaġġla l-kumpilazzjoni u t-tixrid tad-dejta tal-QSA li jippermetti l-użu tagħha bħala input fil-ħin għat-teħid ta’ deċiżjonijiet. Id-data attwali tat-tixrid ta’ t+120 jum għadha ma tilħaqx il-mira ta’ t+90 jum stabbilita mill-Kunsill tal-ECOFIN f’Settembru 2000. B’mod partikolari, din it-tempestività aħjar hija neċessarja biex tissodisfa l-bżonnijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE li jiddeċiedi fuq il-politika monetarja taż-żona euro. Madankollu, it-tempestività aħjar għall-kontijiet taż-żona euro tiddependi l-ewwel fuq disponibilità iżjed bikrija tad-dejta tal-input bħall-istatistika trimestrali tal-gvern, il-Bilanċ tal-Ħlasijiet u l-kontijiet finanzjarji trimestrali (MUFA).

Bħala pass intermedju, il-validazzjoni u l-kumpilazzjoni tnaqqsu għal 10 ijiem (kalendarji) wara t-trażmissjoni tal-QSA nazzjonali, li tippermetti d-disponibilità interna tal-istimi preliminari għaż-żona euro u l-kontijiet mhux finanzjarji tal-UE fi żmien 100 jum wara t-trimestru ta' referenza.

3.4 Aċċessibbiltà u ċarezza

L-istatistika Ewropea għandha tinxtered b'mod konvenjenti u tiġi ppreżentata f'forma ċara u li tinftiehem Din għandha tkun disponibbli u aċċessibbli fuq bażi imparzjali bil-metadejta u gwida ta’ sostenn.

- Aggregati taż-żona euro/Ewropej

L-istqarrijiet tal-Eurostat ikopru serje tad-dejta tal-QSA sħaħ li jibdew mill-1999Q1 (mhux aġġustat kull staġun) għaż-żona euro u l-UE kif ukoll indikaturi ewlenin li jiffokaw fuq l-imġiba tas-setturi tal-korporazzjonijiet mhux finanzjarji u tal-unitajiet domestiċi (kemm primarja u aġġustata kull staġun) kif deskritt fit-Taqsima 3.1 hawn fuq.

Id-dejta tinxtered permezz ta’ kanali differenti: stqarrija uffiċjali, bażi tad-dejta tal-istatistika u t-taqsima tal-websajt tal-Eurostat iddedikata għall-kontijiet tas-settur[5]. Dik it-taqsima ddedikata tippreżenta kontijiet trimestrali integrati tas-settur mhux finanzjarju u dak finanzjarju għaż-żona euro u QSA mhux finanzjarji għall-UE fil-forma ta’ sekwenza tal-kontijiet kif definit fl-ESA95. Dan il-format jgħin lill-utenti jifhmu u janalizzaw ir-relazzjonijiet bejn is-setturi u t-tranżazzjonijiet differenti.

Id-dejta hija akkumpanjata minn tagħrif metodoloġiku dwar il-kumpilazzjoni tal-QSA Ewropea u s-sekwenza tal-kontijiet tal-ESA85. Barra minn hekk, il-ġabra tal-istqarrijiet uffiċjali tal-QSA maħruġa minn Eurostat hija provduta flimkien ma’ fajl Excel li jinkludi d-dejta sottostanti. Fl-aħħar nett, sett ta’ madwar 30 ċart u tabelli analitiċi huwa aġġornat kull trimestru sabiex l-utenti jkunu jistgħu jirrelataw faċilment mal-bidliet fl-ekonomija totali mal-iżviluppi f'kull settur istituzzjonali.

Barra minn hekk, il-BĊE joħroġ stqarrija uffiċjali dettaljata dwar il-kontijiet integrati taż-żona euro (EAA), jagħmel id-dejta tal-EAA kollha disponibbli permezz tal-Maħżen tad-Dejta Statistika (SDW)[6] u jippubblika l-indikaturi ewlenin fil-Bullettin ta’ Kull Xahar u l-Librett Statistiku tiegħu. It-tagħrif metodoloġiku huwa disponibbli wkoll fuq il-websajt tiegħu.

- Tqassim skont il-pajjiż

Il-kontijiet annwali tas-settur huma ppublikat minn Eurostat għal kull pajjiż, ħdejn u fl-istess format tal-ESA 895 bħall-QSA taż-żona euro u tal-UE. Barra minn hekk, l-indikaturi ewlenin trimestrali elenkati fit-Taqsima 3.1 ġew ippubblikati, kompletament jew parzjalment, għall-Istati Membri kollha li jirrappurtaw QSA sħaħ minbarra l-Belġju, il-Greċja, l-Irlanda u l-Finlandja li l-inklużojni tagħhom hija pjanata fil-futur qrib.

3.5 Koerenza u paragunabilità

Koerenza

Il-konsistenza bejn id-dominji tal-istatistika relatati hija definita bħala waħda mill-aspetti ta' kwalità essenzjali tal-prodott statistiku (ara t-Taqsima 2.3 tad-dokument). Fil-każ tal-QSA, dan jikkonċerna l-kontijiet annwali tas-settur (ASA), l-aggregati ewlenin (QNA), il-kontijiet mhux finanzjarji trimestrali tal-gvern (STPFS), il-kontijiet finanzjarji trimestrali (MUFA) u l-istatistika tal-BoP.

Il-QSA b'mod ġenerali kisbu livell tajjeb ta' konsistenza ma' statistika oħra relatata, b'mod partikolari l-STPFS (minbarra għar-Renju Unit) u l-QNA.

Fir-rigward tal-konsistenza tal-QSA/BoP, ċertu pajjiżi għad għandhom diskrepanzi mdaqqsa minħabba kunċetti differenti użati fiż-żewġ oqsma. Pereżempju, fil-Kontijiet Nazzjonali ħafna Stati Membri jużaw il-kunċett nazzjonali għall-kummerċ fl-oġġetti, eskluż b’mod partikolari il-kummerċ kważi tranżitu, filwaqt li jużaw il-kunċett tal-UE għall-BoP.

Diskrepanzi oħra tal-QSA/BoP jirriżultaw minn differenzi fil-Ħames edizzjoni tal-Manwali tal-Bilanċ tal-Ħlasijiet rispettivi – BPM5 u s-Sistema Ewropea tal-Kontijiet - ESA95 rispettivament). Dawn jikkonċernaw aġġustament għas-Servizzi ta’ Intermedjazzjoni Finanzjarja Mkejla Indirettament (FISIM) fir-rigward tal-importazzjonijiet, l-esportazzjonijiet u l-flussi tal-imgħax fil-Kontijiet Nazzjonali, u t-trattament differenti tas-servizzi ta’ kostruzzjoni u tal-gvern u d-dħul mill-fondi reċiproċi. Dawn id-differenzi kunċettwali huma mistennija li jgħibu meta joħorġu l-verżjonijiet ġodda tal-Manwali (BPM6 u ESA2008).

Ir-raġunijiet pendenti għall-inkonsistenzi huma dawk li ġejjin:

- rekwiżiti differenti ta’ dejta;

- perjodiċità u/jew politiki ta’ reviżjoni differenti tal-istatistika relatata (imsejħa differenzi vintage ) :

- arranġamenti istituzzjonali (sorsi tad-dejta differenti użati minn unitajiet ta’ kumpilazzjoni differenti; b’mod partikolari rilevanti għall-BoP u l-kontijiet finanzjarji);

- reġistrazzjoni assimetrika tal-flussi transkonfinali.

Inkonsistenzi minħabba rekwiżiti differenti ta’ dejta jistgħu jirriżultaw mit-trattamenti differenti tad-diskrepanza statistika bejn l-approċċi tal-prodott u tal-infiq tal-Prodott Gross Domestiku. B’differenza mit-trażmissjonijiet tal-QNA fejn id-diskrepanza statistika tista’ tiġi rappurtata separatament, il-QSA jiġu rappurtati bbilanċjati fost l-użi u r-riżorsi. Għalhekk, id-diskrepanza fuq in-naħa tal-prodott hija tipikament allokata lill-valur gross miżjud (B.1G), filwaqt li d-diskrepanza fuq in-naħa tal-infiq tipikament taqa’ fuq il-bidliet fl-inventarji/oġġetti ta’ valur (P.5N).

Id-differenzi vintage jistgħu jseħħu kultant f’ċerti perjodi fis-sena minħabba politiki differenti ta’ reviżjoni annwali tad-dejta. B’mod partikolari, l-ANA huma ġeneralment aġġornati abbażi tal-QNA u jkunu disponibbli f’t+3 xhur, filwaqt li l-ASA huma riveduti bejn t+6 u t+9 xhur. Il-QSA, li ġeneralment jitqabblu fuq l-ASA, sadanittant jistgħu jvarjaw mill-QNA. Barra minn hekk, l-istatistika annwali tal-finanzi pubbliċi (APFS) tista’ tkun konsistenti man-notifiki tal-EDP li jsiru f’t+3 u t+9 xhur. Jekk id-dejta tal-ASA ma tiġix ikkumpilata / riveduta f’dawn il-mumenti preċiżi, dan jista’ joħloq diskrepanzi bejn il-QSA li jitqabblu fuq l-ASA u d-dejta tal-STPFS/APFS, speċjalment f'Marzu u Settembru.

Id-differenzi vintage jistgħu jerġgħu jseħħu wkoll kull trimestru minħabba rekwiżiti differenti ta' tempestività u/jew politiki ta' reviżjoni madwar id-dominji statistiċi. Pereżempju, l-QNA huma disponibbli f’t+70 jum filwaqt li l-STPFS u l-QSA jiġu trażmessi f’t+90, bl-użu tat-tagħrif addizzjonali disponibbli bejn t+70 u t+90 jum. Minħabba li tingħata prijorità ogħla lill-allinjament tal-QSA mal-STPFS, dan joħloq differenza vintage mal-indikaturi tal-QNA prodotti qabel.

Barra minn hekk, l-arranġamenti istituzzjonali differenti madwar il-pajjiżi ħafna drabi jirriżultaw f’distintinzjoni tas-sorsi tad-dejta u l-approċċi metodoloġiċi, kif ukoll fid-distinzjoni tal-politiki ta’ reviżjoni madwar id-dominji statistiċi. Dan jikkonċerna, l-ewwel nett, diskrepanzi mad-dejta tal-BoP u MUFA (minbarra d-differenzi kunċettwali u vintage diskussi hawn fuq). F’ħafna pajjiżi, il-kontijiet mhux finanzjarji li jinkludu l-RoW huma stmati mill-Istituti tal-Istatistika Nazzjonali (NSI), filwaqt li l-Banek Ċentrali Nazzjonali (BĊN's) huma tipikament responsabbli għall-BoP u l-kontijiet finanzjarji. Ir-rikonċiljazzjoni tas-sorsi tad-dejta użati mill-istituzzjonijiet differenti, il-ftehim reċiproku fuq il-livell tad-dettall meħtieġ fid-dejta tal-input, il-komunikazzjoni regolari dwar kwistjonijiet metodoloġiċi bejn l-NSI u l-BĊN huma ta’ importanza kbira mill-fehma ta’ koerenza statistika.

Fil-livell Ewropew, id-diskrepanzi ma jirriżultawx biss mill-inputs nazzjonali iżda wkoll mir-reġistrazzjoni assimetrika tal-flussi transkonfinali bejn l-Istati Membri. Teoretikament, l-intraflussi għandhom ikunu ugwali fuq in-naħa tal-użi u tar-riżorsi (eż. l-oġġetti esportati mill-Istati Membri kollha fil-Komunità għandhom ikunu ugwali għall-importazzjonijiet totali). Madankollu, dan mhuwiex il-każ fil-prattika minħabba l’hekk imsejħa ″assimetriji″. L-aġġustament ta’ dawn l-assimetriji jirrikjedi l-ibbilanċjar tal-kontijiet Ewropej li eventwalment iwassal għal ċertu differenzi ma’ pubblikazzjonijiet oħra tal-kontijiet nazzjonali, li fihom il-flussi transkonfinali fil-qasam ikkonċernat għadhom ma tneħħewx.

Paragunabilità

Il-paragunabilità tista’ tiġi analizzata kemm mill-perspettiva kunċettwali kif ukoll dik empirika.

Kif ġie ddikjarat fl-Artikolu 4 tar-Regolament QSA, il-paragunabilità hija żgurata fuq in-naħa kunċettwali bl-użu ta’ standards, definizzjonijiet, klassifikazzjonijiet u regoli tal-kontabilità komuni kif stabbilit fir-Regolament ESA.

Ir-Regolament ESA jiddefinixxi b’mod partikolari l-unitajiet istituzzjonali, is-setturi u l-kontenut ta’ kull tranżazzjoni individwali li hija tas-sekwenza tal-kontijiet. Sabiex titrawwem l-applikazzjoni xierqa ta’ dawn l-istandards, il-kwestjonarji tal-QSA (u l-ASA) ġew iddisinjati f’mod li jippermettu biss it-trażmissjoni tal-kombinazzjonijiet tas-setturi/tranżazzjonijiet rilevanti. Barra minn hekk, il-kodiċi u r-regoli tal-kontabilità tal-ESA huma sistematikament verifikati minn Eurostat mar-riċeviment tat-trażmissjonijiet tal-QSA.

Min-naħa empirika, il-paragunabilità maż-żmien hija verifikata bil-monitoraġġ tar-reviżjonijiet fuq trażmissjonijiet konsekuttivi u l-mistoqsijiet lill-Istati Membri dwar kwalunkwe bidla f'daqqa fil-varjabbli ewlenin.

Ir-Regolament ESA jistabbilixxi wkoll regoli dwar iż-żmien tar-reġistrazzjoni tat-tranżazzjonijiet. Dawn ir-regoli, li jimplimentaw il-kunċett tar-reġistrazzjoni tad-dovuti, huma b’mod partikolari importanti fil-kuntest tal-QSA fejn it-tranżazzjonijiet kollha rilevanti għandhom jiġu rreġistrati simultanjament għall-kontrapartijiet kollha. Sabiex tiġi verifikata l-paragunabilità maż-żmien u l-applikazzjoni uniformi tar-regoli taż-żmien tar-reġistrazzjoni madwar il-pajjiżi, lista’ ta’ ċarts ta’ sinifikat ekonomiku tiġi aġġornata kull trimestru u sottomessa lill-kumpilaturi tal-QSA għal reviżjoni minn pari. Dan jippermetti d-ditezzjoni ta’ tendenzi trimestrali mhux plawżibbli li jistgħu jindikaw reġistrazzjoni inkonsistenti tal-flussi relatati.

Il-paragunabilità fuq tul ta’ żmien tiġi sorveljata permezz ta' paraguni bejn il-pajjiżi tal-indikaturi ewlenin tal-ASA bħar-rata tat-tfaddil tal-unitajiet domestiċi relatata mad-dħul disponibbli tal-unitajiet domestiċi.

4. BENEFIċċJI U TITJIB POTENZJALI

4.1. Benefiċċji relatati mal-ispejjeż tagħhom

Spejjeż

Il-kumpilazzjoni tad-dejta tal-QSA ssir l-iżjed abbażi ta’ Kontijiet Annwali tas-Settur li kienu jeżistu minn qabel u dejta trimestrali għas-setturi tal-gvern u tal-bqija tad-dinja (BoP).

Din id-dejta ġeneralmenti tiġi kompletata bl-użu ta’ stħarriġ jew dejta amministrattiva eżistenti. Fi ftit każijiet, ġie introdott stħarriġ addizzjonali li jissodisfa r-rekwiżiti tal-QSA.

Dan huwa l-każ għall-Pajjiżi l-Baxxi li jagħmel stħarriġ tal-ikbar 300 ditta tas-settur tal-korporazzjonijiet mhux finanzjarji, li jkopru madwar 50 % tat-total tal-karta tal-bilanċ, u proporzjon sinifikanti tal-unitajiet tas-settur tal-korporazzjonijiet finanzjarji[7]. Il-Portugall u l-Finlandja introduċew ukoll stħarriġ addizzjonali fir-rigward tas-settur tal-korporazzjonijiet mhux finanzjarji.

Il-każ tar-Renju Unit huwa speċifiku ħafna għaliex dan il-pajjiż iħejji l-kontijiet trimestrali tas-settur li mbagħad jintużaw għad-dervizzjoni tal-kontijiet annwali tas-settur. QSA huma bbażati fuq numru ta’ stħarriġ trimestrali b’mod partikolari, għall-unitajiet domestiċi: l-istħarriġ "tal-pagi u s-salarji"; għal korporazzjonijiet mhux finanzjarji: "l-istħarriġ tal-qligħ trimestrali" u għal korporazzjonijiet finanzjarji: numru ta’ stħarriġ imwettaq mill-Bank tal-Ingilterra u, fir-rigward tal-fondi tal-pensjonijiet, il-kumpaniji tal-assigurazzjoni u l-fondi fiduċjarji, mill-Uffiċċju għall-Istatistika Nazzjonali (ONS).

Il-kumpilazzjoni tad-dejta tal-QSA għas-setturi tal-unitajiet domestiċi u tal-korporazzjonijiet kienet teħtieġ ukoll persunal addizzjonali. Ix-xogħol addizzjonali[8] ġie stmat f’Ekwivalenti Full Time kif ġej: Eurostat (5), BĊE (2.5), BE (0.6), CZ (1.5), DK (1), DE (1.5), IE (2), EL (0.3), ES (2), FR (1), IT (1.5), NL (3), AT (2), PL (1.5), PT (2), RO(2), FI (1), SE (2), NO (1).

Benefiċċji

Ir-Regolament QSA rawwem il-kumpilazzjoni, fl-Istati Membri, tas-serje trimestrali għan-naħa tad-dħul tal-Kontijiet Nazzjonali. Din id-dejta tikkompleta s-serje trimestrali għall-prodott u l-infiq li diġà nġabru permezz tal-programm ta’ trażmissjoni tal-ESA. Fil-livell Ewropew, il-kumpilazzjoni tad-dejta tal-QSA bdiet żviluppi metodoloġiċi filwaqt li waslet għal firxa vasta ta’ prodotti statistiċi ġodda.

Fuq in-naħa metodoloġika, kien neċessarju li tiġi riveduta l-kumpilazzjoni tal-aggregati Ewropej sabiex jiddeskrivu ż-żona euro (EA)/UE kollha kemm hi. L-ewwel nett, il-QSA tal-Istati Membri ġew kompletati bil-kontijiet tal-istituzzjonijiet tal-UE u l-BĊE. It-tieni nett, il-kont tal-bqija tad-dinja ġie stmat abbażi tad-dejta tal-BoP tal-Extra-EA / UE għaliex għandha tirreġistra wkoll il-flussi fil-konfront ta' pajjiżi terzi biss. It-tielet nett, il-kontijiet ġew ibbilanċjati mill-ġdid sabiex is-setturi domestiċi jaqblu mal-kont tal-bqija tad-dinja stmat mill-ġdid.

Il-pubblikazzjoni ta’ sett sħiħ ta’ kontijiet tas-settur istituzzjonali (mhux finanzjarju u finanzjarju) integrati għaż-żona euro u l-kontijiet tas-settur mhux finanzjarju għall-UE kienet ikkunsidrata bħala suċċess kbir mill-kumpilaturi u l-utenti istituzzjonali[9]. Kif stabbilit fl-ispeċifikazzjonijiet tal-proġett, il-kontijiet trimestrali tas-settur mhux finanzjarju issa jippermettu l-analiżi tal-imġiba tal-aġenti ekonomiċi u l-interazzjonijiet tagħhom fl-ekonomija reali. Kombinati mal-kontijiet finanzjarji trimestrali, toħroġ stampa iżjed kompleta.

4.2. Titjib potenzjali

Għalkemm il-bżonnijiet prinċipali espressi fir-Rekwiżiti Statistiċi tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM) approvata mill-Kunsill tal-ECOFIN f’Settembru 2000 ġew sodisfatti mill-QSA, ċertu titjib jista’ jiġi propost biex jestendi aktar l-użu tagħhom.

Tempestività

Bħala l-ewwel prijorità, l-Istati Membri u l-Eurostat/BĊE jfittxu li jtejbu t-tempestività tal-kontijiet taż-żona euro/tal-UE. Madankollu, kif imsemmi fit-Taqsima 3.3 hawn fuq, it-tempestività aħjar għall-kontijiet taż-żona euro tiddependi fuq id-disponibilità aktar bikrija tad-dejta tal-input.

Taħt ir-reviżjoni kontinwa tal-programm ta' trażmissjoni tal-ESA rivedut, huwa previst li d-dati tal-għeluq jkunu iqsar għat-trażmissjonijiet tal-QSA li tippermetti l-kumpilazzjoni/pubblikazzjoni tal-kontijiet taż-żona euro/tal-UE sa t+90 jum minflok t+120 jum.

Affidabilità

Sors ieħor ta’ titjib possibbli huma sorsi trimestrali aħjar għas-setturi tal-unitajiet domestiċi u tal-korporazzjonijiet mhux finanzjarji. F’ċertu każijiet, il-pajjiżi jużaw stimi bbażati purament fuq mudelli li mhumiex appoġġjati minn tagħrif trimestrali dirett jew indirett. Huwa importanti li l-metodu (bbażat fuq mudelli) tal-aħħar jintuża biss għal tranżazzjonijiet li jilgħabu rwol żgħir fil-kontijiet.

Min-naħa l-oħra, ċertu pajjiżi diġà bdew jiġbru dejta diretta, pereżempju mill-kontijiet tal-kumpaniji. Idealment, l-istatistika tiġi ġġenerata bħala prodott sekondarju tal-kontabilità regolari tal-intrapriżi, mill-anqas għal kumpaniji elenkati u dejta amministrattiva/pagi għall-unitajiet domestiċi.

L-Eurostat għandu jkompli jissorvelja u jtejjeb il-kwalità tal-kontijiet trimestrali tas-settur permezz ta’ verifiki sistematiċi tad-dejta inklużi paraguni bejn il-pajjiżi. Dan għandu jrawwem ukoll it-tifrix tal-aħjar prattiki ta’ kumpilazzjoni taħt l-awspiċi tat-task force tas-CMFB fuq il-kontijiet trimestrali mis-setturi istituzzjonali.

Kopertura

Kif spjegat fit-Taqsima 2.1 tad-dokument, l-utenti tad-dejta tal-QSA regolarment jesprimu l-interess tagħhom fid-disponibilità tad-dejta tal-QSA nazzjonali. Bħala konsegwenza, il-pubblikazzjoni ta’ sett armonizzat ta’ dejta nazzjonali, inklużi ċifri aġġustati kull staġun, hija waħda mill-prijoritajiet ta' żvilupp tal-QSA għall-futur qrib.

Fl-istess ħin, ikun estremament utli li jiġi estiż is-sett ta’ indikaturi ewlenin ikkalkulati f’termini reali. Dejta ta' volum bħal din dwar l-investiment tal-unitajiet domestiċi u tan-negozju għandha tikkompleta l-pubblikazzjonijiet kurrenti dwar id-dħul u l-konsum reali tal-unitajiet domestiċi. Tqassim skont il-pajjiż għandu joħroġ possibbilment fl-istess żmien bħall-indikaturi Ewropej korrispondenti.

Il-provvista ta’ dejta aġġustata kull staġun f’termini reali, għal sett limitat ta’ indikaturi, qed tiġi diskussa fil-kuntest tar-reviżjoni tal-programm ta’ trażmissjoni tal-ESA.

[1] Ir-Regolament (KE) Nru 2223/96

[2] Ippubblikat fil-ĠU L 87 tal-31.3.2009

[3] Wara aġġustament għall-bidla fl-istrument ta’ kapital nett tal-unitajiet domestiċi fir-riżervi tal-fondi tal-pensjoni.

[4] Idem .

[5] Ara: http://ec.europa.eu/eurostat/sectoraccounts

[6] Ara: http://sdw.ecb.europa.eu

[7] L-unitajiet li sar stħarriġ tagħhom ikopru 90 % tat-total tal-karti tal-bilanċ għall-Istituzzjonijiet Monetarji u Finanzjarji (35 % tal-S12 totali); 100 % għall-fondi ta’ investiment (1 % ta’ S12) u 85 % għal Korporazzjonijiet tal-Assigurazzjoni u Fondi tal-Pensjoni (15 % ta’ S12).

[8] Minħabba li r-Renju Unit jikkompila l-Kontijiet tas-Settur Annwali (ASA) bħala s-somma tal-QSAs, ix-xogħol speċifiku għall-QSA ma jistax jiġi stmat.

[9] Ara l-minuti tal-34 laqgħa tas-CMFB, paragrafu 6.1.4 fuq: http://www.cmfb.org/reports/meetings.htm u l-arkivji tal-konferenza stampa li saret fl-1 ta’ Ġunju 2007 fuq: http://epp.eurostat.ec.europa.eu/portal/page/portal/sector_accounts/introduction.