52010DC0513

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-implimentazzjoni ta’ għajnuna makrofinanzjarja lil pajjiżi terzi fl-2009 SEG(2010) 1117 final /* KUMM/2010/0513 finali */


[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 30.9.2010

KUMM(2010) 513 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-implimentazzjoni ta’ għajnuna makrofinanzjarja lil pajjiżi terzi fl-2009SEG(2010) 1117 final

WERREJ

1. Introduzzjoni 3

2. Sfond 3

2.1. Il-kriżi finanzjarja globali u l-effetti dejjiema tagħha 3

2.2. Ambjent leġiżlattiv ġdid 4

3. Ħarsa ġenerali 5

3.1. Għajnuna Makrofinanzjarja fl-2009 5

3.2. Sinteżi tal-iktar operazzjonijiet reċenti fil-pajjiżi benefiċjarji 5

3.2.1. Il-Balkani tal-Punent 5

3.2.2. Pajjiżi tal-Viċinat tal-Lvant 6

3.2.3. Il-pajjiżi tal-Mediterran 7

4. Evalwazzjonijiet 7

5. Titjib tal-ġestjoni finanzjarja fil-pajjiżi benefiċjarji: il-valutazzjonijiet operattivi 9

6. Talbiet għall-għajnuna u proposti tal-Kummissjoni għall-ġejjieni 11

INTRODUZZJONI

Dan ir-rapport jipprovdi ħarsa ġenerali tal-għajnuna makrofinanzjarja (MFA) mill-UE għal pajjiżi terzi fl-2009. Dan jinkludi informazzjoni dwar l-operazzjonijiet l-aktar reċenti fil-Balkani tal-Punent, fl-Istati Indipendenti Ġodda u fil-pajjiżi tal-Mediterran, flimkien ma' tabelli li jipprovdu statistika dwar l-operazzjonijiet varji tal-MFA mwettqa mill-2000.

Barra minn hekk, bħala reazzjoni għar-rakkomandazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri fir-rapport speċjali tagħha ta’ Marzu 2002 dwar it-titjib tal-ġestjoni finanzjarja fil-pajjiżi benefiċjarji, mill-2004 ’l hawn il-Kummissjoni wettqet diversi valutazzjonijiet operattivi taċ-ċirkwiti u l-proċeduri finanzjarji relatati mal-għajnuna makrofinanzjarja f’kull pajjiż riċevitur. Il-konklużjonijiet li rriżultaw minn dawn il-valutazzjonijiet, li twettqu bis-sostenn ta' ditta ta' verifika professjonali, qegħdin jitqiesu kif xieraq fit-tfassil tal-kundizzjonijiet tal-politika marbuta mal-implimentazzjoni ta' din l-għajnuna.

Ir-riżultati tal-evalwazzjonijiet ex-post imwettqa mill-Kummmissjoni fl-2009 huma wkoll inklużi f'dan ir-rapport. L-għan ta' dawn l-evalwazzjonijiet, li huma mitluba mir-Regolament Finanzjarju, huwa li jiġi valutat l-impatt tal-għajnuna makrofinanzjarja fuq il-proċess ta' stabilizzazzjoni ekonomika u r-riformi strutturali implimentati fil-pajjiżi riċevituri. Il-progress f’dan ir-rigward jirrifletti wkoll sa liema livell ġew issodisfati l-kundizzjonijiet korrispondenti tal-politika ekonomika marbuta mal-għajnuna makrofinanzjarja tal-UE.

Fl-aħħar nett, ir-rapport jipprovdi informazzjoni dwar talbiet tal-MFA l-ġodda u l-proposti tal-Kummissjoni possibbli flimkien ma' analiżi tal-bidliet li sejrin jiġu introdotti fil-ġestjoni ta' operazzjonijiet tal-MFA oħra wara l-adozzjoni tat-Trattat ta' Lisbona.

Dan ir-rapport qiegħed jiġi mressaq skont id-deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar għajnuna makrofinanzjarja jew għajnuna finanzjarja eċċezzjonali tal-Komunità lil pajjiżi terzi u jsegwi d-direzzjoni tar-rapporti ppreżentati fis-snin ta’ qabel. Rapport aktar dettaljat (Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni SEC(2010) 1117 ) li jipprovdi informazzjoni ekonomika u finanzjarja rigward il-pajjiżi benefiċjarji qiegħed jiġi rilaxxat fl-istess ħin, flimkien ma' dejta statistika dettaljata dwar l-operazzjonijiet diversi mwettqa mill-1990.

SFOND

Il-kriżi finanzjarja globali u l-effetti dejjiema tagħha

Il-kriżi finanzjarja globali, li feġġet fl-2007 u intensifikat ruħha ħafna fit-tieni nofs tal-2008 u l-ewwel nofs tal-2009, bdiet ir-riċessjoni globali l-aktar serja mit-Tieni Gwerra Dinjija 'l hawn. Għalhemm l-effetti inizjali ta' din il-kriżi nħassu l-aktar fis-settur finanzjarju ta' ekonomiji avvanzati, l-ekonomiji emerġenti u li qegħdin jiżviluppaw ġew affettwati b'mod serju wkoll. Dawn tal-aħħar ġew affettwati mill-kollass tal-kummerċ dinji, in-nuqqas tar-rimessi, iż-żieda fl-inċertezza u t-taqlib fil-flussi tal-kapitali. B'riżultat ta' dan, il-bilanċ tal-ħlasijiet u tal-pożizzjonijiet fiskali ddeterjoraw f'bosta pajjiżi emerġenti u li qegħdin jiżviluppaw. Il-premia tar-riskju u l-ispejjeż għas-self żdiedu, filwaqt li r-rati tal-kambju tagħhom u l-pożizzjonijiet ta' riżerva fil-kambju barrani ġeneralment naqsu. Il-kriżi għalhekk kellha impatt kbir fuq dawk il-pajjiżi u dawk li jfasslu l-politiki qegħdin jiffaċċjaw sfidi sinifikanti sabiex jiżguraw l-istabbiltà ekonomika u jkomplu jippromwovu l-iżvilupp.

Għall-ewwel, il-politika kellha t-tendenza li tiffoka fuq l-istabbilizzazzjoni, is-salvagwardja tal-istabbiltà finanzjarja u l-ġlieda kontra l-impatti tal-fażi inizjali tal-kriżi. Għaldaqstant, ġejjin sfidi importanti għall-politika għaliex il-kriżi mistennija li jkollha implikazzjonijiet aktar fit-tul billi tikkonfronta dawn il-pajjiżi b'ambjent internazzjonali aktar ristrett, b'mod partikolari fir-rigward tad-domanda, ir-rieda għar-riskji u l-flussi kapitali privati minn ekonomiji avvanzati. Barra minn hekk, il-kriżi enfasizzat aktar il-ħtieġa li jiġu implimentati riformi strutturali bl-għan li jżidu t-tkabbir sostenibbli u li jissalvagwardjaw l-istabbiltà finanzjarja tas-settur.

F'dan il-kuntest, l-għajnuna makrofinanzjarja, bħala strument ta' reazzjoni għall-kriżi fuq żmien qasir, hija partikolarment adattata biex tgħin lill-pajjiżi jiffaċċjaw il-bilanċ serju tal-ħlasijiet u d-defiċits baġitarji kkawżati jew aggravati mill-kriżi globali. Minħabba dan, bosta pajjiżi li qegħdin jiffaċċjaw sfidi kbar, mhux biss bħala reazzjoni għall-kriżi iżda wkoll biex jerġgħu jpoġġu l-ekonomiji tagħhom lura f'direzzjoni ta' tkabbir sostenibbli, fittxew li jibbenefikaw minn operazzjonijiet tal-MFA tal-UE.

L-operazzjonijiet tal-MFA jieħdu l-forma ta' self jew għotjiet fuq żmien medju/twil (jew taħlita xierqa ta' dawn). Dawn huma ggwidati mill-prinċipji li tenna mill-ġdid il-Kunsill fil-konklużjonijiet tiegħu tat-8 ta’ Ottubru 2002, li jenfasizzaw il-karattru eċċezzjonali ta’ din l-għajnuna, il-komplementarjetà tagħha għall-iffinanzjar ipprovdut mill-Istituti Finanzjarji Internazzjonali u l-kundizzjonalità tal-politika tagħha. L-MFA tikkumplimenta l-iffinanzjar ipprovdut mill-FMI u, ġeneralment, il-Bank Dinji għall-iffinanzjar ta' programmi ta' aġġustament jew ta' riforma xierqa. Mill-2000, l-MFA ġiet ipprovduta esklussivament lill-Balkani tal-Punent u l-Pajjiżi tal-Viċinat tal-Lvant. L-unika eċċezzjoni kienet fl-2007 meta l-Kunsill addotta Deċiżjoni dwar programm ta' għajnuna favur il-Libanu.

Ambjent leġiżlattiv ġdid

Fl-1 ta' Diċembru 2009, daħal fis-seħħ it-Trattat ta' Lisbona, li biddel il-bażi legali għall-MFA. It-Trattat b'mod partikolari fih żewġ Artikoli li jirrigwardjaw l-MFA:

L-Artikolu 212 jiddikjara li kull operazzjoni tal-MFA għandha tiġi adottata skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (kodeċiżjoni deskritta fl-Artikolu 294) mill-Parlament u l-Kunsill li jaġixxu fuq proposta mill-Kummissjoni.

L-Artikolu 213 jiddikjara li fil-każ ta' għajnuna finanzjarja urġenti mill-Unjoni, motivata kif xieraq mis-sitwazzjoni ekonomika jew politika tal-pajjiż benefiċjarju, il-Kunsill għandu jadotta d-deċiżjoni waħdu, permezz ta' votazzjoni ta' maġġoranza kwalifikata, fuq proposta tal-Kummissjoni. Din il-bażi legali għandha tintuża biss f'ċirkostanzi eċċezzjonali.

Bl-għan li jiġi ssimplifikat il-proċess ta' teħid ta' deċiżjoni tal-istrument tal-MFA sabiex isir aktar flessibbli u effiċjenti u sabiex jiġu ċċarati aħjar il-prinċipji u l-kriterji li jmexxu dan it-tip ta' operazzjoni, il-Kummissjoni qiegħda tħejji Regolament ta' Qafas fil-kuntest tat-Trattat ta' Lisbona. Dan għandu jipprovdi bażi legali aktar trasparenti għall-istrument flimkien ma' setgħat implimentattivi estiżi għall-Kummissjoni. Dan ir-Regolament għandu jżid ir-rilevanza fil-ħin u, għalhekk, l-effettività tal-istrument tal-MFA meta mqabbel mal-proċeduri attwali, li huma bbażati fuq l-approvazzjoni ta' deċiżjonijiet leġiżlattivi jew skont mod li jqis kull każ b'mod individwali. Il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li tressaq il-proposta lill-Parlament u lill-Kunsill lejn l-aħħar tal-2010 jew fil-bidu tal-2011.

ĦARSA ġENERALI

Għajnuna Makrofinanzjarja fl-2009

Ġew impenjati erba' operazzjonijiet ġodda fl-2009. Fit-30 ta' Novembru, il-Kunsill iddeċieda jipprovdi l-MFA lil:

- Ġeorġja (Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/889/KE) - sa EUR 46 miljun f'għotjiet

- Armenja (Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/890/KE) - sa EUR 35 miljun f'għotjiet u EUR 65 miljun f'self

- Bosnja-Ħerzegovina (Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/891/KE) - sa EUR 100 miljun f'self

- Serbja (Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/892/KE) - sa EUR 200 miljun f'self

Rigward l-implimentazzjoni ta' operazzjonijiet tal-MFA li għadhom għaddejjin, sar ħlas ieħor lil-Libanu ta' EUR 25 miljun, fil-forma ta' self, f'Ġunju 2009 bħala parti mill-MFA approvata mill-Kunsill għal dan il-pajjiż f'Diċembru 2007. Għall-Ġeorġja, parti mill-ewwel segment (li jammonta għal EUR 23 miljun fil-forma ta' għotja) tal-għajnuna approvata mill-Kunsill f'Novembru 2009 inħarġet f'Diċembru 2009 (EUR 15,3 miljun) u Jannar 2010 (EUR 7,7 miljun).

Sinteżi tal-iktar operazzjonijiet reċenti fil-pajjiżi benefiċjarji

Il-Balkani tal-Punent

Il-Bosnja-Ħerzegovina

Fit-30 ta' Novembru 2009, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta Deċiżjoni biex jagħmel l-għajnuna makrofinanzjarja disponibbli għall-Bosnja-Ħerzegovina fil-forma ta' faċilità ta' self sa EUR 100 miljun (Deċiżjoni 2009/891/KE). L-għan ta' din l-għajnuna huwa li tgħin lill-awtoritajiet jindirizzaw il-finanzjament estern u l-ħtiġijiet baġitarji li fadal li jirriżultaw bħala konsegwenza tat-tnaqqis kbir fir-ritmu ekonomiku li qiegħed jaffettwa lill-pajjiż. Tikkumplimenta lill-programmi tal-FMI u tal-Bank Dinji. Il-ħlas huwa ppjanat f'żewġ segmenti, li huma ppjanati b'mod tentattiv għat-tielet u r-raba' kwart tal-2010, soġġett għall-konformità sodisfaċenti mar-rekwiżiti ta' kundizzjonalità.

Il-Kosovo

L-għajnuna finanzjarja eċċezzjonali għall-Kosovo approvata mill-Kunsill f'Novembru 2006, fil-forma ta' EUR 50 miljun għotjiet baġitarji, ġiet stabbilita biex tiskadi f'Diċembru 2009. Madankollu, skont dispożizzjoni fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/880/KE, il-Kummissjoni sussegwentement tawlet il-perjodu ta' disponibbiltà tagħha b'sena oħra, sal-11 ta' Diċembru 2010. Il-kundizzjonijiet miftiehma f'Memorandum ta' Ftehim iffirmat mal-awtoritajiet f'Diċembru 2007 għadhom ma ġewx issodisfati bis-sħiħ. B'mod partikolari, rekwiżit ewlieni wieħed, li huwa l-ħtieġa li jkun hemm qbil fuq programm ekonomiku mal-FMI, s'issa għadu ma ġiex issodisfat. Għalhekk, bħal fis-snin preċedenti, ma kienx possibbli li tiġi rilaxxata l-għotja fl-2009.

Il-Montenegro

Ftehim ta' self separat ġie ffirmat mal-Montenegro fl-2009 u daħal fis-seħħ fl-4 ta' Frar 2010. Dan jimplimenta d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/784/KE, li biha, parti mill-obbligazzjonijiet li jirriżultaw mis-self fuq żmien twil[1] mogħtija mill-UE lill-Istat Magħqud tas-Serbja u l-Montenegro - dik li qabel kienet ir-Repubblika Federali tal-Jugoslavja - ġew allokati lill-Montenegro. L-istess Deċiżjoni naqqset b'mod korrispondenti l-obbligazzjoni tas-Serbja fir-rigward ta' dak is-self mill-UE[2]. Din is-separazzjoni tal-pretensjonijiet tal-UE mill-Montenegro minn dawk tas-Serbja kienet ir-riżultat tal-indipendenza tal-Montenegro f'Ġunju 2006 u ta' ftehim milħuq bejn is-Serbja u l-Montenegro f'Lulju 2006 biex jiġu allokati obbligazzjonijiet esterni bejn iż-żewġ stati separati. Ma ħolqot l-ebda obbligazzjonijiet ġodda għall-UE u m'għandhiex implikazzjonijiet baġitarji.

Is-Serbja

Fit-30 ta' Novembru 2009, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta Deċiżjoni biex jagħmel l-għajnuna makrofinanzjarja disponibbli għas-Serbja fil-forma ta' faċilità ta' self sa EUR 200 miljun (Deċiżjoni 2009/892/KE). L-għan ta' din l-għajnuna huwa li tgħin lill-awtoritajiet jindirizzaw il-finanzjament estern u l-ħtiġijiet baġitarji li fadal li rriżultaw fil-kuntest tal-kriżi globali fil-pajjiż. Tikkumplimenta lill-programmi tal-FMI u tal-Bank Dinji. Din l-għajnuna hija mistennija li tiġi rilaxxata fl-2010 bil-kundizzjoni li jkun hemm prestazzjoni kontinwa ta' rekwiżiti ta' kundizzjonalità. Il-ħlas huwa ppjanat f'żewġ segmenti, li huma mbassra b'mod tentattiv għat-tielet u r-raba' kwart tal-2010. Barra minn hekk, u kif osservat hawn fuq, l-obbligazzjonijiet tas-Serbja li jirriżultaw minn MFA preċedenti lil dik li qabel kienet ir-Repubblika Federali tal-Jugoslavja, tnaqqsu permezz tal-allokazzjoni ta' parti minnhom lill-Montenegro skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/784/KE.

Pajjiżi tal-Viċinat tal-Lvant

L-Armenja

It-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku globali - u b'mod partikolari d-deterjorazzjoni mgħaġġla tal-ekonomija Russa - kellu impatt qawwi fuq l-ekonomija tal-Armenja, li naqset b'15 % fl-2009. Bħala reazzjoni, id-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-30 ta' Novembru 2009 ipprovdiet għajnuna makrofinanzjarja li kienet tikkonsisti f'għotja ta' EUR 35 miljun u self ta' EUR 65 miljun. L-MFA tal-UE sejra tikkumplimenta s-sostenn minn donaturi oħra u hija maħsuba biex tgħin tkopri l-ħtiġijiet finanzjarji tal-Armenja fl-2010-2011. Il-kundizzjonijiet għall-kunsinna tal-MFA sejrin jikkumplimentaw il-kundizzjonalità tal-programm tal-FMI u sejrin jinkludu l-implimentazzjoni sodisfaċenti ta' dak il-programm, inklużi r-riformi fil-qasam tal-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi, il-ġestjoni tad-dejn, il-politika tal-akkwist u l-politika doganali.

Il-Ġeorġja

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-30 ta' Novembru 2009 ipprevediet għajnuna makrofinanzjarja lill-Ġeorġja bl-ammont ta' EUR 46 miljun f'għotjiet. Din l-għajnuna kienet parti minn pakkett internazzjonali li kien jammonta għal USD 4,5 biljun, li għalihom l-UE wiegħdu sa EUR 500 miljun (inkluż fil-forma ta' MFA) biex issostni l-irkupru ekonomiku tal-Ġeorġja fil-konsegwenzi tal-kunflitt armat mar-Russja f'Awwissu 2008. Din l-MFA kkumplimentat l-Arranġament Stand-By miftiehem mill-gvern tal-Ġeorġja mal-FMI biex jgħin lill-pajjiż matul il-kriżi globali. L-MFA kkontribwiet għall-kopertura tal-ħtiġijiet finanzjarji esterni tal-Ġeorġja fl-2009-2010. Il-Kummissjoni għamlet l-ewwel ħlas, ta' ammont ta' EUR 23 miljun, f'Diċembru 2009 u Jannar 2010. Il-kundizzjonalità tal-MFA, li hija konsistenti mal-kundizzjonalità tal-programm tal-FMI, għandha żewġ komponenti ewlenin: il-programm tal-SBA tal-FMI għandu jibqa' għaddej fid-direzzjoni t-tajba u għandu jkun hemm progress sodisfaċenti mar-riformi fil-qasam tal-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi.

Il-pajjiżi tal-Mediterran

Il-Libanu

Fil-bidu ta' Ġunju 2009, il-Kummissjoni ħallset l-ewwel segment tal-programm ta' għajnuna makrofinanzjarja tal-2007 - self ta' EUR 25 miljun. F'Diċembru 2009, il-Kummissjoni tawlet il-perjodu ta' disponibbiltà tat-tieni segment tal-programm ta' għajnuna, li jiskadi fil-21 ta' Diċembru 2010. Il-ħlas tat-tieni segment huwa soġġett għas-sodisfar tal-kundizzjonalitajiet inklużi fl-Memorandum ta' Ftehim miftiehem mal-awtoritajiet nazzjonali.

L-implimentazzjoni tal-aġenda tar-riforma deskritta fil-programm Paris III waqfet minħabba l-isfond tad-diviżjonijiet politiċi interni u l-paraliżi tal-attività leġiżlattiva fil-perjodu ta' qabel l-elezzjonijiet parlamentari ta' Ġunju 2009 u matul in-negozjati fit-tul sussegwenti dwar il-ħolqien ta' gvern ġdid. Għalhekk, fil-perjodu tar-rappurtaġġ ftit sar progress fir-rigward tas-sodisfar tal-kundizzjonijiet għall-ħlas tal-MFA.

EVALWAZZJONIJIET

Skont ir-Regolament Finanzjarju, il-Kummissjoni implimentat serje ta' programmi ta’ evalwazzjoni sabiex issir valutazzjoni tal-impatt tal-MFA f’kull pajjiż benefiċjarju. L-analiżijiet jitwettqu minn konsulenti esterni magħżula permezz ta' sejħa miftuħa għall-offerti, taħt is-sorveljanza ta' Kumitat ta' Tmexxija magħmul minn uffiċjali ta' sevizzi differenti tal-Kummissjoni bħal pereżempju id-DĠ AIDCO u d-DĠ RELEX. Mill-2004, twettqu total ta' 10 evalwazzjonijiet. L-aħħar żewġ evalwazzjonijiet, rispettivament fuq il-Ġeorġja u l-Moldova, tlestew fl-2009.

Dawn l-evalwazzjonijiet jużaw metodoloġija li tiddeskrivi l-għanijiet li tipprova tilħaq l-MFA, jidentifikaw l-effetti makroekonomiċi u strutturali ġenerali, u jqabblu r-riżultati ma' kuntest kontrafattwali li jassumi n-nuqqas tal-MFA kkonċernata. L-evalwazzjoni imbagħad twassal għall-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet ewlenin. L-evalwaturi jibbażaw ix-xogħol tagħhom fuq varjetà ta' metodi, inklużi analiżi tad-dokumenti, ġbir ta' dejta statistika rilevanti, intervisti ma' uffiċjali ewlenin u analiżi makroekonomika.

Il-Ġeorġja

L-evalwazzjoni indirizzat l-MFA sa EUR 33,5 miljun fil-forma ta' għotjiet ipprovduti mill-Kummissjoni Ewropea lill-Ġeorġja fl-2006-2008. L-għan ta' din l-għajnuna kien " li jsostni r-riformi ekonomiċi u jgħin lill-Ġeorġja ttejjeb is-sostenibbiltà tad-dejn". L-għajnuna kellha titħallas fi tliet segmenti, kull wieħed marbut ma' kundizzjonijiet dwar ir-riformi tal-PFM. L-ewwel żewġ segmenti (ta' EUR 11 miljun kull wieħed) tħallsu f'Awwissu u Diċembru 2006. Fl-istess ħin, il-Ġeorġja naqqset l-ammont tad-dejn pendenti tagħha lill-Komunità b'EUR 13 u EUR 15 miljun. It-tielet segment ma tħallasx minħabba n-nuqqas ta' sodisfar tal-kundizzjoni relatata mal-liġi dwar il-Kamra tal-Kontroll.

L-impatt nett tal-MFA fuq l-istokk tad-dejn tal-Ġeorġja, f'perċentwal tal-PGD, huwa stmat bħala wieħed li kien żgħir iżda pożittiv. Fuq ir-riforma tal-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi, l-impatt kien sinifikanti għalkemm inqas minn dak li kien maħsub. Għalhekk, il-miżuri sostnuti mill-għajnuna kkontribwew għall-infurzar tal-funzjonijiet interni ta' verifika u kontroll u l-adozzjoni tal-Liġi tal-Kamra tal-Kontroll anke jekk il-bidliet f'dan il-qasam saru bil-mod. Barra minn hekk, il-proċess ta' tħejjija tal-baġit tjieb permezz tal-introduzzjoni ta' bbaġitjar ibbażat fuq il-politika. Sforzi biex titjieb l-eżekuzzjoni tal-baġit issa qegħdin jiffokaw fuq l-introduzzjoni tal-istandards internazzjonali tal-kontabbiltà. Fl-opinjoni tal-evalwaturi, mingħajr l-operazzjoni tal-MFA, dawn ir-riformi ma kienux iseħħu jew probabbilment kienu jieħdu aktar żmien biex jimmaterjalizzaw.

Il-Moldova

L-evalwazzjoni vvalutat l-MFA mogħtija mill-UE lill Moldova fil-perjodu minn Settembru 2007 sa Diċembru 2008. L-għajnuna kienet tikkonsisti f'għotja ta' EUR 45 miljun li tħallset fi tliet segmenti. L-għan ta' din l-għajnuna kien li jsostni il-bilanċ tal-ħlasijiet tal-Moldova u jħeġġeġ l-implimentazzjoni tal-programm tar-riforma u aġġustament ekonomiku tagħha. L-ewwel segment, li kien jammonta għal EUR 20 miljun, tħallas f'Settembru 2007, it-tieni segment ta' EUR 10 miljun f'Awwissu 2008 u t-tielet u l-aħħar segment f'Diċembru 2008.

L-evalwazzjoni kkonkludiet li l-operazzjoni tal-MFA għenet lill-pajjiż biex itejjeb il-qagħda ekonomika tiegħu u wkoll biex jiffaċċja l-konsegwenzi tan-nixfa li affettwat il-produzzjoni agrikola tal-Moldova (jidher li l-MFA tat spinta lit-tkabbir ekonomiku kumulattiv b'madwar 0,6 fil-mija) u tat is-sehem tagħha għas-soluzzjoni tad-diffikultajiet tal-bilanċ tal-ħlasijiet tagħha. Madankollu, il-qagħda makroekonomika u finanzjarja imbagħad ddeterjorat u dan irrifletta l-impatt tal-kriżi globali.

Filwaqt li l-MFA tal-UE kkontribwiet għat-tnaqqis tar-restrizzjonijiet finanzjarji tal-pajjiż u sostniet l-isforzi ta' aġġustament tiegħu fuq żmien qasir, l-impatt fuq żmien medju u twil kellu jkun aktar limitat.

Meta evalwazzjoni

Il-Kummissjoni ddeċidiet fl-2008 li twettaq "meta evalwazzjoni" sabiex tivvaluta l-impatt ġenerali tal-operazzjonijiet tal-MFA fil-pajjiżi benefiċjarji. Ġie magħżul konsulent speċifikament għal dan l-iskop. L-istudju li twettaq essenzjalment kien sinteżi tal-metodoloġija u l-eżiti tas-seba' evalwazzjonijiet tal-MFA ex-post li tlestew bejn l-2004 u l-2008.

Il-meta evalwazzjoni kkonkludiet li, f'terminu qasir sa medju, l-MFA tidher li kellha effett pożittiv iżda mhux uniformi fuq l-implimentazzjoni ta' riformi strutturali fil-pajjiżi riċevituri. L-MFA kkontribwiet għas-suċċess tar-riformi strutturali billi pprovdiet dħul addizzjonali lill-gvern. Dan għen biex ma jinħlewx ir-riżorsi għan-nefqa soċjali billi naqqas l-ispiża taż-żamma tad-dejn barrani. Madankollu, ir-riformi strutturali jistgħu jieħdu żmien konsiderevoli biex jimmaterjalizzaw u l-MFA, billi hija strument għal żmien qasir u ta' kriżi, tista' biss tagħmel kontribuzzjoni sinifikanti għall-aċċellerazzjoni tal-proċess tar-riforma f'orrizont ta' żmien aktar qasir.

L-impatt tal-MFA fuq is-sostenibbiltà esterna fuq żmien twil tal-pajjiżi benefiċjarji kien pożittiv, għalkemm żgħir u indirett. Ir-riformi strutturali li nbdew mill-MFA kkontribwew b'mod ġenerali għat-titjib tal-kapaċità ta' tkabbir tagħhom.

Il-kriżi finanzjarja globali enfasizzat il-fatt li kien hemm ħtieġa reali fil-pajjiżi riċevituri għal strument finanzjarju ta' kriżi fuq żmien qasir, separat minn strumenti baġitarji tradizzjonali fuq żmien itwal ipprovduti mill-IFI. Għalhekk huwa possibbli ħafna li fin-nuqqas tas-sostenn preċedenti pprovdut mill-MFA, l-impatt tal-kriżi finanzjarja attwali seta' jinħass aktar minn dawn il-pajjiżi.

Skont il-meta evalwazzjoni, it-titjib l-aktar importanti li l-MFA kkontribwiet għalihom kienu r-riformi marbuta mal-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi.

Konklużjoni ewlenija tal-istudju hija wkoll ix-xewqa ta' Regolament ta' Qafas għall-istrument tal-MFA sabiex tinkiseb bażi legali ċara u stabbli filwaqt li jiġi ssimplifikat il-proċess ta' deċiżjoni għaż-żieda fl-effiċjenza.

TITJIB TAL-ġESTJONI FINANZJARJA FIL-PAJJIżI BENEFIċJARJI: IL-VALUTAZZJONIJIET OPERATTIVI

Skont ir-Regolament Finanzjarju relatat mal-baġit tal-UE, il-Kummissjoni għandha twettaq spezzjonijiet qabel ma tħallas il-fondi lill-pajjiżi riċevituri. Sabiex tikkumplimenta informazzjoni ta' fiduċja li hija ta' spiss disponibbli f'rapporti diġà maħruġa mill-IFI, bħal pereżempju l-istudji tar-Responsabbiltà Finanzjarja u tan-Nefqa Pubblika (PEFA)[3], ir-Rapporti dwar l-Osservanza ta' Standards u Kodiċijiet (ROSC)[4] u l-Valutazzjonijiet tar-Responsabbiltà Finanzjarja tal-Pajjiż (CFAA)[5], il-Kummissjoni twettaq valutazzjonijiet operattivi.

L-għan tal-valutazzjonijiet operattivi huwa li jiksbu assigurazzjonijiet raġonevoli dwar il-funzjonament tal-proċeduri amministrattivi u ċ-ċirkwiti finanzjarji tal-pajjiżi riċevituri qabel il-ħlas tal-fondi tal-UE. Il-konsulenti minn ditti tal-verifika internazzjonali jgħinu lill-uffiċjali tal-Kummissjoni fit-twettiq ta' dawn il-valutazzjonijiet. Il-valutazzjonijiet operattivi jistgħu jitqiesu bħala waħda mis-sistemi ta' verifika tal-Kummissjoni u r-riżultati ewlenin tagħhom huma mqassma bejn id-Diretturi Ġenerali.

Għal kull pajjiż, titwettaq valutazzjoni operattiva qabel il-ħlas tal-ewwel segment ta' MFA. Jitfassal programm ta' ħidma b'kooperazzjoni fil-qrib bejn l-uffiċjali tal-Kummissjoni u l-konsulenti, filwaqt li jitqiesu l-ispeċifitajiet ta' kull pajjiż. Matul il-missjonijiet fuq il-post, l-investigazzjonijiet jiffokaw fuq l-organizzazzjoni tal-bank ċentrali u b'mod aktar speċifiku fuq il-ġestjoni tal-kontijiet li jkunu sejrin jirċievu l-fondi tal-UE. Barra minn hekk, il-proċeduri eżistenti tal-ministeri tal-finanzi huma deskritti u vvalutati f'oqsma bħal pereżempju l-proċessi baġitarji, il-funzjonament tat-Teżor u d-dipartimenti tal-kontabbiltà, il-verifika interna, r-riżorsi umani u l-unitajiet tal-IT. F'kull każ, tingħata attenzjoni speċjali għal kif jaħdmu l-istituzzjonijiet tal-verifika esterna, l-indipendenza tagħhom, il-programmi ta' ħidma tagħhom u l-effikaċja tal-kontrolli tagħhom. Fil-valutazzjonijiet operattivi l-aktar reċenti twettqet ukoll analiżi tal-proċeduri eżistenti fl-aġenziji tal-akkwist. Il-konklużjonijiet tal-valutazzjonijiet operattivi jiġu kkomunikati lill-awtoritajiet nazzjonali, li għandhom l-opportunità jikkummentaw dwar l-analiżi u r-rakkomandazzjonijiet li hemm fir-rapporti.

Ġeneralment jitwettqu spezzjonijiet ta' segwitu qabel il-ħlas tat-tieni jew it-tielet segmenti sabiex jiġi valutat it-titjib implimentat fl-amministrazzjonijiet nazzjonali wara l-ewwel missjoni.

Bejn l-2004 u t-tmiem tal-2009, tlestew total ta' disa' valutazzjonijiet operattivi f'pajjiżi li jibbenefikaw minn għajnuna makrofinanzjarja u twettqu missjonijiet ta' segwitu fil-maġġoranza tagħhom. F'kull każ l-opinjoni tal-konsulenti kienet li "il-qafas għal ġestjoni finanzjarja b'saħħitha kien effettiv".

Madankollu, dawn il-valutazzjonijiet enfasizzaw il-ħtieġa għall-implimentazzjoni ta' titjib f'livelli varji tal-amministrazzjonijiet nazzjonali.

Id-dgħjufijiet ewlenin li nstabu fil-ministeri tal-finanzi normalment huma fil-kapaċitajiet tad-dipartimenti tal-verifika interna, li ġeneralment għandhom jissaħħu billi jirreklutaw awdituri kompetenti, u billi tiġi rikonoxxuta b'mod formali l-indipendenza tagħhom. F'xi każijiet, il-proċess baġitarju attwali għandu wkoll jitjieb permezz tal-implimentazzjoni ta' djalogu reali, inklużi l-ħtiġijiet finanzjarji, mal-ministeri kkonċernati. Barra minn hekk, id-dipartimenti responsabbli għat-tbassir makroekonomiku f'bosta każijiet mhumiex kapaċi jwettqu r-rwol tagħhom sewwa.

Għandha tiġi garantita l-indipendenza lill-istituzzjonijiet tal-verifika esterna (kemm politikament u finanzjarjament) u r-rapporti tagħhom għandhom jiġu eżaminati mill-Parlamenti nazzjonali qabel ma ssir il-votazzjoni għar-rilaxx annwali.

Il-proċedura ta' akkwist eżistenti osservati fil-pajjiżi li jibbenefikaw mill-għajnuna makrofinanzjarja ġeneralment għandhom jittejbu sabiex jikkonformaw mal-Ftehim ta' Akkwist Pubbliku stabbilit mid-WTO.

Sabiex jiġu korreġuti d-dgħjufijiet fil-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi fil-pajjiżi benefiċjarji, ġew indirizzati rakkomandazzjonijiet lill-awtoritajiet nazzjonali. Xi wħud mir-rakkomandazzjonijiet jitqiesu bħala azzjonijiet li għandhom isiru qabel ma jkun jista’ jsir il-ħlas. Dan kien il-każ għat-tisħiħ tad-dipartimenti tal-kontroll intern fi ħdan il-ministeri tal-finanzi.

Dawn il-valutazzjonijiet operattivi pprovdew l-opportunità biex jinfetaħ djalogu bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-awtoritajiet nazzjonali. Barra minn hekk, ippermettew lill-persunal tal-Kummissjoni li jkollu rwol ta' għarfien u ta' sostenn fil-qasam tal-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi, b'mod partikolari fl-oqsma tal-kontroll finanzjarju intern pubbliku u l-verifika esterna. Ir-rakkomandazzjonijiet u l-pariri mogħtija mir-rappreżentanti tal-UE għenu lill-awtoritajiet u uffiċjali nazzjonali jimplimentaw bidliet li kien hemm bżonn kbir tagħhom fil-livelli varji tal-amministrazzjonijiet lokali. Ħames snin wara l-bidu ta’ dawn il-valutazzjonijiet operattivi u minkejja xi dewmien fl-implimentazzjoni ta’ xi wħud mill-modifiki mitluba, il-Kummissjoni osservat titjib reali fil-livelli kollha tal-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi tal-pajjiżi benefiċjarji. L-implimentazzjoni tar-riformi fil-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi rakkomandati fil-valutazzjonijiet operattivi f'xi każijiet ġiet sostnuta mill-UE permezz tal-provvista ta' għajnuna teknika ffinanzjata mill-istrumenti ta' kooperazzjoni tal-Komunità.

Il-konklużjonijiet ewlenin tal-VO diversi mwettqa huma rappurtati fid-Dokument ta' Ħidma ppubblikat fl-istess żmien ta' dan ir-rapport.

TALBIET GħALL-GħAJNUNA U PROPOSTI TAL-KUMMISSJONI GħALL-ġEJJIENI

Wara il-kriżi finanzjarja, bosta pajjiżi fil-viċinat talbu sostenn MFA sabiex inaqqsu l-pressjoni fuq ir-riżervi ta' skambju barranin u biex jikkontribwixxu għall-istabbiltà u r-riformi ekonomiċi. F'Novembru 2009, il-Kunsill adotta d-Deċiżjonijiet MFA għall-Armenja (EUR 100 miljun), għall-Ġeorġja (EUR 46 miljun), għas-Serbja (EUR 200 miljun) u għall-Bosnja-Ħerzegovina (EUR 100 miljun) Barra minn hekk, f'Ottubru 2009 il-Kummissjoni adottat proposta għal MFA bl-ammont ta' EUR 500 miljun għall-Ukraina (li għandu jiżdied mal-EUR 110 miljun li għadu disponibbli mid-Deċiżjoni tal-2002) u fid-9 ta' Ġunju 2010 proposta għal MFA għall-Moldova bl-ammont ta' EUR 90 miljun. Il-proposta għall-Ukraina ġiet adottata mill-Kunsill fid-29 ta' Ġunju 2010 u ffirmata mill-Parlament fis-7 ta' Lulju 2010.

Pajjiżi oħra fil-viċinat (il-Ġeorġja u l-Bjelorussja), kif ukoll pajjiżi terzi oħra, (l-Islanda, ir-Repubblika Kirgiża u it-Taġikistan), talbu għal MFA mill-UE wkoll. It-talba tal-Ġeorġja tirreferi għat-tieni parti tal-wegħda kundizzjonali magħmula mill-UE fil-konferenza tad-donaturi internazzjonali organizzata għal dan il-pajjiż f'Ottubru 2008. Il-Kummissjoni għadha qiegħda teżamina dawn it-talbiet u forsi tressaq proposti relatati fl-2010. Minħabba din iż-żieda fl-operazzjonijiet tal-MFA, it-tnaqqis sostanzjali propost mill-Kunsill matul it-tħejjija tal-Abbozzi tal-Baġit tal-2010 u tal-2011 jista' jikkawża diffikultajiet fl-implimentazzjoni futura tal-istrument.

[pic]

[pic][pic]

[pic]

[pic] [pic]

[1] Dan is-self ġie approvat mid-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2001/549/KE u 2002/882/KE

[2] ĠU L 269, 10.10.2008, p. 8.

[3] L-għodda dijanjostika PEFA, żviluppata mill-Bank Dinji b'kooperazzjoni mal-Kummissjoni u d-donaturi bilaterali, tintuża biex jiġu stabbiliti linji ta' bażi bħala kejl biex wieħed jara jekk il-pajjiżi humiex qegħdin jagħmlu progress fis-sistema ta' ġestjoni tal-finanzi pubbliċi.

[4] L-ROSC jiġbru fil-qosor sa fejn il-pajjiżi josservaw ċertu standards u kodiċijiet rikonoxxuti internazzjonalment, bħall-verifika, il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, is-superviżjoni tal-banek, it-trasparenza fiskali, is-superviżjoni tal-assigurazzjoni, ir-regolament tas-sistemi ta' ħlasijiet u ta' titoli. Jintużaw biex jgħinu itejbu d-diskussjonijiet tal-politika tal-istituzzjonijiet mal-awtoritajiet nazzjonali u fis-settur privat.

[5] L-għan tas-CFAA huwa li jevalwa l-qafas tal-kontabbiltà u l-verifika tal-pajjiż mil-lat tal-kompatibbiltà tiegħu ma' standards internazzjonali u l-ħtiġijiet tal-pajjiż stess. Ir-rapporti tas-CFAA jfasslu ukoll pjan ta' azzjoni li jiddeskrivi l-għajnuna teknika u s-sekwenzar ta' riformi meħtieġa għat-tisħiħ tal-qafas legali, tal-kontabbiltà u tal-verifika eżistenti.