/* KUMM/2010/0493 finali */ RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-applikazzjoni ta' Direttiva 2004/81 dwar il-permess ta' residenza maħruġ lil ċittadini ta' pajjiżi terzi li huma vittmi tat-traffikar fi bnedmin jew li kienu s-suġġett ta' azzjoni għall-faċilitazzjoni ta' immigrazzjoni illegali, li jikkoperaw mal-awtoritajiet kompetenti
[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA | Brussel 15.10.2010 KUMM(2010) 493 finali RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-applikazzjoni ta' Direttiva 2004/81 dwar il-permess ta' residenza maħruġ lil ċittadini ta' pajjiżi terzi li huma vittmi tat-traffikar fi bnedmin jew li kienu s-suġġett ta' azzjoni għall-faċilitazzjoni ta' immigrazzjoni illegali, li jikkoperaw mal-awtoritajiet kompetenti WERREJ 1. Introduzzjoni 3 2. Il-monitoraġġ u fiex waslet it-traspożizzjoni 3 3. Dispożizzjonijiet ġenerali 3 3.1. Definizzjonijiet (Artikolu 2) 3 3.2. Ambitu (l-Artikolu 3) 4 4. Dispożizzjonijiet speċifiċi 4 4.1. Informazzjoni mogħtija liċ-ċittadini tal-pajjiżi terzi kkonċernati(l-Artikolu 5) 4 4.2. Perjodu ta' riflessjoni (l-Artikolu 6(1)) 4 4.3. Protezzjoni mill-infurzar tal-ordnijiet ta' espulsjoni (l-Artikolu 6 (2)) 5 4.4. It-terminazzjoni tal-perjodu ta' riflessjoni (l-Artikolu 6(4)) 5 4.5. Il-ħruġ tal-permess ta' residenza (l-Artikolu 8) 5 4.6. Il-perjodu ta' validità u t-tiġdid tal-permess ta' residenza (l-Artikolu 8 (3)) 6 4.7. Trattament tal-vittmi (l-Artikoli 7 u 9) 6 4.7.1. Il-livelli tal-għajxien li huma kapaċi jiżguraw sussistenza 6 4.7.2. It-trattament tal-bżonnijiet speċjali ta' dawk l-aktar vulnerabbli (l-Artikolu 7(1) u 9(1-2)) 7 4.7.3. Ħtiġijiet marbuta ma' sikurezza u protezzjoni (l-Artikolu 7(2) u 9 (1)) 7 4.7.4. Is-servizzi ta' traduzzjoni u interpretazzjoni (l-Artikolu 7(3) u 9(1)) 7 4.7.5. Għajnuna legali b'xejn (l-Artikoli 7(4) u 9(1)) 7 4.7.6. Kura medika (l-Artikolu 7 (1) u 9(1)) 8 4.8. Minuri (Artikolu 10) 8 4.8.1. L-aħjar interess tat-tfal (Artikolu 10(a)) 8 4.8.2. Aċċess għas-sistema edukattiva għall-minuri (l-Artikolu 10 (b)) 8 4.8.3. Rappreżentazzjoni legali u fejn tinsab il-familja (l-Artikolu 10 (c)) 8 4.9. Xogħol, taħriġ vokazzjonali u edukazzjoni (l-Artikolu 11) 8 4.10. Programmi jew skemi (l-Artikolu 12) 9 4.11. Meta l-permess ta' residenza ma jiġġeddidx (l-Artikolu 13) 9 4.12. L-irtirar (l- Artikolu 14) 9 5. Statistika u figuri 10 6. Konklużjonijiet 10 7. Żviluppi fil-ġejjieni 11 INTRODUZZJONI Fid-29 ta' April 2004 id-Direttiva tal-Kunsill 2004/81/KE dwar il-permess ta' residenza maħruġ lil ċittadini ta' pajjiżi terzi li huma vittmi tat-traffikar fi [tal-]bnedmin jew li kienu s-suġġett ta' azzjoni għall-faċilitazzjoni ta' immigrazzjoni illegali, li jikkoperaw ma' l-awtoritajiet kompetenti (minn issa 'l quddiem: 'id-Direttiva'). Din tapplika għall-Istati Membri kollha apparti d-(DK), l-(IE) u r-(UK)[1]. Dan ir-rapport ġie mħejji b'konformità ma' Artikolu 16 tad-Direttiva, li tipprovdi li l-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fuq l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva fl-Istati Membri u tipproponi l-emendi meħteiġa. Hu bbażat fuq studju dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva[2]. L-Istati Membri ingħataw l-opportunità li jirrevedu u jaġġornaw l-informazzjoni fattwali. IL-MONITORAġġ U FIEX WASLET IT-TRASPOżIZZJONI L-Istati Membri kellhom iwettqu t-traspożizzjoni sas-6 ta’ Awwissu 2006[3]. Il-Kummissjoni tat l-għajnuna tagħha f'dan il-proċess billi organizzat laqgħat ma' esperti nazzjonali. Wara li għaddiet l-iskadenza tat-traspożizzjoni, bdew proċeduri ta' infrazzjoni kontra 14-il Stat Membru. Sussegwentement, skont l-Artikolu 226 tat-Trattat, il-Kummissjoni bagħtet tmien opinjonijiet motivati. Ittieħdu deċiżjonijiet sabiex jitressqu każijiet quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja (QEĠ) fir-rigward ta’ żewġ Stati Membri: wieħed minnhom ġie irtirat u ngħatat sentenza fil-konfront ta’ pajjiż wieħed[4] L-Istati Membri kollha marbuta bid-Direttiva ikkomunikaw il-miżuri tagħhom ta' traspożizzjoni. DISPOżIZZJONIJIET ġENERALI Definizzjonijiet (Artikolu 2) Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, it-traffikar tal-bnedmin ikopri każijiet 'bħal dawk' imsemmija fl-Artikoli 1, 2 u 3 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/629/GAI. Dan ifisser li anke jekk id-definizzjoni domestika m'hemmx għalfejn tkun identika, kwalunkwe waħda li tinbidel jew tkun ristretta b'mod sostanzjali jista' jkollha impatt negattiv fuq it-traspożizzjoni tad-Direttiva 2004/81/KE. Ċerti nuqqasijiet f'dan ir-rigward diġà ġew identifikati fir-rapport tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta' dik id-Deċiżjoni Qafas u d-dokument ta' ħidma tal-persunal li jakkumpanjaha[5]. Meta ġiet adottata, il-Kummissjoni stiednet lill-Istati Membri kkonċernati biex jikkoreġu s-sitwazzjoni mill-aktar fis possibbli. Ambitu (l-Artikolu 3) L-Istati Membri kollha għandhom japplikaw din id-Direttiva għaċ-ċittadini tal-pajjiżi terzi li huma, jew kienu vittmi ta' reati marbuta mat-traffikar tal-bnedmin, anke jekk ikunu daħlu illegalment fit-territorju tagħhom. Barra milli għall-vittmi tat-traffikar, l-Istati Membri jistgħu japplikaw din id-Direttiva għal ċittadini ta' pajjiżi terzi li kienu s-suġġett ta' azzjoni biex tiġi ffaċilitata l-immigrazzjoni illegali. Disa' Stati Membri (AT, BE, CZ, ES, LU, MT, PT, RO, SE) użaw din l-opportunità. Maġġoranza kbira tal-Istati Membri japplikaw in-normi tat-traspożizzjoni kemm għall-adulti kif ukoll għall-minuri, għalkemm żewġ Stati Membri (LT, SK), japplikawhom biss għall-adulti. Fl-EE l-applikazzjoni għall-minuri hi soġġetta għal restrizzjoni li hi fl-interessi u għall-benefiċċju tad-drittijiet tal-minuri. DISPOżIZZJONIJIET SPEċIFIċI Informazzjoni mogħtija liċ-ċittadini tal-pajjiżi terzi kkonċernati(l-Artikolu 5) Meta l-awtoritajiet kompetenti jkunu tal-fehma li ċittadin ta' pajjiż terz jista' jaqa' fl-ambitu ta' din id-Direttiva, huma għandhom jinfurmaw lill-persuna kkonċernata bil-possibiltajiet offruti taħt din id-Direttiva. AT, ES u LT ma wrewx li ssodisfaw dan l-obbligu. Il-leġiżlazzjoni fir-RO tista' tkun problematika, minħabba li ma tispeċifikax għal liema awtorità jirreferi l-obbligu, u lanqas il-kontenut u l-forma tal-informazzjoni. Minkejja t-traspożizzjoni formali, hemm indikazzjonijiet li qamu diffikultajiet prattiċi dwar ċerti okkażjonijiet f'uħud mill-Istati Membri (EE, EL, NL, PL), b'mod partikolari fejn il-vittmi ma ġewx identifikati b'mod sodisfaċenti. F'xi każi dan wassal biex l-allegat vittma jinżamm taħt kustodja bħala aljen li kien qieghħed hemm illegalment, minflok ma titqies bħala opportunità biex jingħata perjodu ta' riflessjoni (NL). Perjodu ta' riflessjoni (l-Artikolu 6(1)) L-Istati Membri kollha joffru perjodu ta' riflessjoni lill-persuni kollha li jaqgħu fl-ambitu tad-Direttiva. Id-Direttiva ma tippreskrivix kemm għandu jdum, imma tistipula li ż-żmien għandu jiġi ddeterminat permezz tal-liġi nazzjonali. L-Istati Membri adottaw soluzzjonijiet differenti f'dan ir-rigward. Uħud minnhom (BE, CZ, EL, FR, LU, LV, SK) jipprovdu żmien uniku u fiss (30 jum jew iżjed). F'uħud mill-Istati Membri l-oħrajn, hu stipulat biss tul minimu għall-perjodu ta' riflessjoni, filwaqt li oħrajn (EE, FI, DE) jipprovdu għal limitu minimu u massimu (sa 6 xhur). Ċerti Stati Membri (MT, PT, RO, SI) jistabbilixxu biss tul massimu (2-3 xhur). Fil-LT mhemmx indikazzjoni tat-tul tal-perjodu ta' riflessjoni, waqt li l-perjodu mhuwiex irregolat b'mod speċifiku bil-liġi fl-IT, għalkemm fil-prattika normalment jingħata. Fil-PL il-permess ta' residenza ta' massimu ta' tliet xhur, li jista' jingħata lill-vittmi kollha tat-traffikar, hu meqjus bħala ekwivalenti għal perjodu ta' riflessjoni. L-għamla fakultattiva ta' din id-dispożizzjoni mhix konformi mad-Direttiva, fejn il-kwistjoni ta' perjodu ta' riflessjoni hija obbligatorja. Protezzjoni mill-infurzar tal-ordnijiet ta' espulsjoni (l-Artikolu 6 (2)) Id-Direttiva tipprojbixxi l-infurzar ta' kwalunkwe ordni ta' espulsjoni matul il-perjodu ta' riflessjoni. Il-maġġoranza l-kbira tal-Istati Membri ikkonformaw mar-rekwiżit. Madankollu, l-ebda protezzjoni ta' dan it-tip ma hi pprovduta fil-BG. It-terminazzjoni tal-perjodu ta' riflessjoni (l-Artikolu 6(4)) Id-Direttiva tippermetti li l-perjodu ta' riflessjoni jista' jiġi tterminat jekk il-persuna kkonċernata tkun attivament, volonatarjament u fuq l-izjattiva tiegħu/tagħha stess ġedded/t il-kuntatt mal-awturi, jew għal raġunijiet marbuta ma' politika pubblika jew għall-ħarsien ta' sigurtà nazzjonali. Anqas min-nofs l-Istati Membri (BE, DE, EE, FI, FR, EL, LU, LV, MT, PL, SE, SK) ittrasponew din id-dispożizzjoni fakultattiva skont iċ-ċirkostanzi indirizzati permezz ta' dan l-Artikolu. Fil-NL, il-perjodu ta' riflessjoni jista' jiġi tterminat fejn il-vittma waqt il-perjodu ikun indika li hu/hi ma j/tkunx i/trid li j/tikkopera mal-awtoritajiet kompetenti jew fejn hu/hi j/titlaq mill-pajjiż matul il-perjodu ta' riflessjoni; dan imur lil hinn mill-kriterji stabbiliti fid-Direttiva. Id-dispożizzjoni relevanti fl-ES tista' tkun wiesgħa żżejjed minħabba li tippermetti li l-perjodu ta' riflessjoni jista' jiġi tterminat fuq il-bażi ġenerali li l-awtoritajiet isiru jafu li t-talba tal-vittma ma tkunx iġġustifikata. Il-ħruġ tal-permess ta' residenza (l-Artikolu 8) Għall-kwistjoni tal-permess ta' residenza l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw b'mod kumulattiv l-opportunità ppreżentata bil-prolongament tal-permanenza tiegħu/tagħha fit-territorju għall-investigazzjonijiet jew il-proċedimenti ġudizzjarji, jekk hu/hi uriex/urietx intenzjoni ċara li j/tikkopera u jekk hu/hi qatax/qatgħetx ir-relazzjonijiet kollha mal-awturi ssuspettati. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri ttrasponew b'mod korrett dawn il-kriterji. Uħud (BG, LT) addizzjonalment jirrikjedu li l-vittma tippreżenta dokument wieħed jew iżjed, bħal passaport jew viża tad-dħul, bħala kundizzjoni minn qabel għall-kwistjoni tal-permess ta' residenza. Dan jista' jċaħħad mill-benefiċċju attwali tad-drittijiet taħt din id-Direttiva, minħabba li wħud mill-vittmi setgħu tħallew, taħt ċerti ċirkostanzi, mingħajr prova ta' identità. Il-leġiżlazzjoni ta' FR tirrikjedi li l-vittma għadha tagħmel ilment uffiċjali mal-awtoritajiet kompetenti bħala prerekwiżit għall-ħruġ tal-permess ta' residenza. Skont il-prattika fil-post, dan jista' jmur lil hinn mill-kundizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva. Il-kundizzjonijiet għall-ħruġ ta' permess ta' residenza imsemmija taħt l-Artikolu 8(1) huma bla ħsara għar-raġunijiet marbuta ma' politika pubblika u mal-ħarsien tas-sigurtà nazzjonali. Numru ta' Stati Membri (AT, BE, DE, EE, FI, FR, LU, SE, SI) jipprovdu possibbiltà li l-permess ta' residenza jkun miċħud għal raġunijiet bħal dawn. F'ċerti każijiet din id-dispożizzjoni tifforma parti mill-prinċipji ġenerali li jirregolaw il-kwistjoni tal-permessi ta' residenza. Fl-EE il-permess jista' jiġi rrifjutat meta l-persuna x'aktarx tkun se tpoġġi fil-periklu l-ordni pubbliku, is-sikurezza pubblika, il-morali pubblika jew id-drittijiet jew l-interessi ta' persuni oħra; dan jaqbeż il-marġini stabbilit fid-Direttiva. Barra mill-permessi ta' residenza li jingħataw bi skambju ma' koperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti, uħud mill-Istati Membri (eż. AT, BE, ES, HU, IT, LU, NL, PL, SK) jagħmlu dispożizzjoni għal ċerti forom ta' permess tar-residenza, fuq il-bażi tal-pożizzjoni vulnerabbli tal-vittma. Xi kultant din il-possibbiltà hija llimitata għal kategoriji partikolari tal-persuni (eż. il-minuri) Il-perjodu ta' validità u t-tiġdid tal-permess ta' residenza (l-Artikolu 8 (3)) Id-Direttiva tirrikjedi li l-perjodu ta' residenza jkun validu għal mill-anqas sitt xhur. Għandu jiġġedded jekk il-kundizzjonijiet tal-ħruġ jibqgħu jiġu ssodisfati. Fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri il-perjodu ta' validità hu mill-anqas sitt xhur (AT, CZ, FI, FR, DE, LT, LU, LV, MT, PL, RO, SE, SI) jew sena (EL, ES, NL, PT). F'żewġ Stati Membri (BG, EE) jew ma hemmx perjodu minimu ta' validità jew hu iqsar minn sitt xhur. L-Istati Membri kollha għamlu dispożizzjoni biex il-permess ta' residenza jiġġedded. Trattament tal-vittmi (l-Artikoli 7 u 9) Il-livelli tal-għajxien li huma kapaċi jiżguraw sussistenza L-Istati Membri huma obbligati li jiżguraw li l-persuni kkonċernati li ma għandhomx riżorsi biżżejjed ikunu ggarantiti livell ta' għajxien li hu biżżejjed biex jiżgura s-sussistenza tagħhom matul il-perjodu ta' riflessjoni u tal-anqas l-istess trattament wara li joħroġ il-permess ta' residenza. Maġġoranza kbira tal-Istati Membri jipprovdu xi tip ta' appoġġ jew fi flus kontanti jew in natura f'dan ir-rigward. Fl-AT it-trattament jingħata biss wara li jinħareġ il-permess ta' residenza, filwaqt li mhemm l-ebda dispożizzjoni speċifika għal għajnuna waqt il-perjodu ta' riflessjoni, sakemm il-vittma jkun persuna li tfittex l-ażil. Dan jidher li ma jissodisfax ir-rekwiżiti tad-Direttiva. Barra minn hekk, ġew innutati diffikultajiet prattiċi f'uħud mill-Istati Membri, fejn it-trattament offrut jista' ma jkunx biżżejjed biex il-benefiċjarji jiġu pprovduti b'mezzi adegwati ta' sussistenza. Fil-BG, mhemm l-ebda evidnza li ġew imwaqqfa postijiet ta' kenn għall-vittmi. Fil-LT, il-vittmi ma jibbenefikawx minn drittijiet speċifiċi f'dan ir-rigward: huma jirċievu l-istess trattament bħal ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu hemm illegalment. It-trattament tal-bżonnijiet speċjali ta' dawk l-aktar vulnerabbli (l-Artikolu 7(1) u 9(1-2)) L-Istati Membri għandhom jittrattaw il-ħtiġiet speċjali tal-iktar vulnerabbli, inkluż, fejn xieraq u jekk tipprovdi l-liġi nazzjonali, għajnuna psikoloġika. Dan għandu x'jaqsam kemm mal-perjodu ta' riflessjoni u maż-żmien ta' wara l-ħruġ tal-permess tar-residenza. Madankollu, veru ftit mill-Istati Membri stabbilixxew klawsola ġenerali għal dan il-għan. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri jipprovdu aċċess għal għajnuna psikoloġika permezz ta' dispożizzjonijiet espliċiti. Ma ġew stabbiliti l-ebda postijiet fejn tingħata l-għajnuna fil-BG. Fl-EE l-aċċess għall-għajnuna psikoloġika hu pprovdut biss taħt ċirkostanzi aggravati, u r-rimborż jingħata lill-vittmi post factum , li jista' jagħmilha diffiċli għalihom li jgawdu minn dan id-dritt fil-prattika. Fl-AT, LT u SK ma hemm l-ebda dispożizzjoni speċifika li tiggarantixxi għajnuna psikoloġika lill-vittmi. Ħtiġijiet marbuta ma' sikurezza u protezzjoni (l-Artikolu 7(2) u 9 (1)) Huma biss ftit l-Istati Membri li ntroduċew dispożizzjonijiet espliċiti dwar il-ħtiġijiet marbuta mas-sikurezza u l-protezzjoni tal-persuni kkonċernati (BG, EL, FI, FR, LV, MT, PT). Numru ta' Stati Membri jistrieħu fuq il-miżuri li jeżistu diġà għall-ħarsien tal-vittmi (CZ, DE, ES, LT, NL, SE, SK). Ma ntwerew l-ebda dispożizzjonijiet nazzjonali li jirrelartaw ma' dan fl-AT, EE u RO. Is-servizzi ta' traduzzjoni u interpretazzjoni (l-Artikolu 7(3) u 9(1)) Numru konsiderevoli ta' Stati Membri jipprovdu servizzi ta' traduzzjoni u interpretazzjoni kemm qabel kif ukoll wara l-kwistjoni tal-permess ta' residenza (BE, CZ, FI, DE, EL, ES, LT, LU, MT, NL, PT, RO, SE, SK). Fil-PL dawn is-servizzi huma pprovduti mill-NGOs awtorizzati mill-gvern. F'xi każi, il-benefiċċji tal-interpretazzjoni jistgħu ma jkunux biżżejjed minħabba nuqqasijiet prattiċi, bħal numru limitat ta' servizzi (EL). L-AT tipprovdi traduzzjoni biss wara li joħroġ il-permess ta' residenza, l-SI waqt il-perjodu ta' riflessjoni biss, u l-BG waqt il-proċeduri kriminali biss. L-EE ma tipprovdix aktar min 'servizz ta' traduzzjoni ta' emerġenza'. Il-leġiżlazzjoni tal-LV tista' tkun problematika minħabba nuqqas ta' intitolamenti espliċiti għall-vittmi ta' traffikar wara li joħroġ il-permess ta' residenza. Għajnuna legali b'xejn (l-Artikoli 7(4) u 9(1)) Numru konsiderevoli ta' Stati Membri jipprovdu servizzi ta' traduzzjoni u interpretazzjoni kemm qabel kif ukoll wara l-kwistjoni tal-permess ta' residenza (BE, CZ, FI, DE, FR, ES, LT, LU, MT, NL, PT, RO, SE, PT). Saret dispożizzjoni għall-intitolamenti relevanti fl-EL, imma n-nuqqas ta' dispożizzjonijiet operattivi jista' jipperikola l-applikazzjoni fil-prattika. Kura medika (l-Artikolu 7 (1) u 9(1)) L-Istati Membri huma obbligati li jiżguraw trattament mediku ta' 'emerġenza' waqt il-perjodu ta' riflessjoni u għajnuna medika 'meħtieġa' wara li joħroġ il-permess ta' residenza. L-Istati Membri kollha kkonformaw ma’ dan l-obbligu. Ftit minnhom (BE, CZ, EL, FI, NL, SE) marru aktar 'il quddiem u jipprovdu kura medika ġenerali, aktar milli sempliċiment ta' emerġenza, qabel u wara li joħroġ il-permess tar-residenza. Kura medika ġenerali tingħata wara li joħroġ il-permess ta' residenza fil-PL u PT. M'hemm l-ebda indikazzjoni ta' Stati Membri oħrajn li jipprovdu firxa aktar wiesgħa ta' servizzi għal dawk li għandhom permess ta' residenza, minkejja li d-Direttiva dan tinkoraġġih billi tispeċifika li t-trattament wara l-ħruġ tal-permess ta' residenza għandu jkun 'mill-anqas' l-istess bħal ma jkun waqt il-perjodu ta' riflessjoni. Minuri (Artikolu 10) L-aħjar interess tat-tfal (Artikolu 10(a)) Dawk l-Istati Membri li għażlu li japplikaw din id-Direttiva għall-minuri għandhom jikkunsidraw kif imiss l-aħjar interess tat-tfal meta japplikaw id-dispożizzjonijiet. Huma biss ftit l-Istati Membri li jipprovdu speċifikament għal dan fil-leġiżlazzjoni tagħhom (BE, EE, FI, MT, PT, RO, ES, SE). Xi oħrajn iqisu li l-prinċipju hu effettivament fis-seħħ minħaba r-ratifika tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal jew liġijiet ġenerali. Madankollu, l-applikazzjoni attwali ta' dan il-prinċipju jista' jqajjem tħassib. Pereżempju, huma biss l-ES, FR u MT li ntroduċew dispożizzjoni speċifika li tiżgura li l-proċedura tkun xierqa għall-età u għall-maturità tat-tfal. Huma biss il-BG, EL u PT li użaw dispożizzjoni fakultattiva (l-Artikolu 10 (a)) biex jestendu l-perjodu ta' riflessjoni għall-minuri. Aċċess għas-sistema edukattiva għall-minuri (l-Artikolu 10 (b)) L-Istati Membri kollha jipprovdu aċċess għas-sistema edukattiva għall-minuri. Wieħed għad irid jara jekk id-dispożizzjoni fir-RO u EE, li aċċess bħal dan jagħmluh bħala kundizzjoni ta' residenza fil-pajjiż, tqajjimx xi problemi fil-prattika. Rappreżentazzjoni legali u fejn tinsab il-familja (l-Artikolu 10 (c)) Maġġoranza kbira tal-Istati Membri kkonformaw mar-rekwiżit dwar ir-rappreżentazzjoni legali għall-minuri mhux akkumpanjati. Madankollu, fl-EL ma ġew stabbiliti l-ebda dispożizzjonijiet operazzjonali għall-kundizzjonijiet tar-rappreżentazzjoni legali. Ir-rekwiżit għall-Istati Membri li jagħmlu kull sforz biex isibu lill-membri tal-familja malajr kemm jista' jkun ma ġiex introdott f'bosta Stati Membri (AT, CZ, FI, MT, PL, SE, SI). Xogħol, taħriġ vokazzjonali u edukazzjoni (l-Artikolu 11) L-Istati Membri għandhom jiddefinixxu r-regoli li taħthom it-titolari tal-permess ta' residenza għandhom ikunu awtorizzati li jkollhom aċċess għas-suq tax-xogħol, għal taħriġ vokazzjonali u edukazzjoni. L-Istati Membri kollha għajr ir-RO jipprovdu aċċess għas-suq tax-xogħol għall-persuni kkonċernati. MT timponi l-kundizzjoni li wieħed jikseb liċenzja mill-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern, li tista' tagħmilha diffiċli għan-nies biex jeżerċitaw dan id-dritt. L-Istati Membri kollha għajr ir-RO jippermettu lill-vittmi jaċċessaw taħriġ vokazzjonali u edukazzjoni. Programmi jew skemi (l-Artikolu 12) Il-vitrtmi għandu jkollhom aċċess għal programmi jew skemi eżistenti immirati għall-irkupru ta' ħajja soċjali normali, filwaqt li hemm alternattiva prevista biex jiġu pprovduti arranġamenti speċifiċi għall-persuni kkonċernati. L-Istati Membri kollha jippermettu lill-vittmi biex jieħdu sehem fi programmi li normalment huma mmirati lejn il-vittmi tat-traffikar jew, b'mod aktar ġenerali, l-immigranti. Madankollu, tliet Stati Membri biss (CZ, FI, LV) ħadu l-opportunità biex iniedu l-programmi mmirati. L-ebda Stat Membru ma għamel it-tiġdid tal-permess ta' residenza bħala kundizzjoni għall-parteċipazzjoni fil-programmi u l-iskemi relevanti. Meta l-permess ta' residenza ma jiġġeddidx (l-Artikolu 13) Maġġoranza kbira tal-Istati Membri ma jġeddux il-permess ta' residenza jekk il-kundizzjonijiet ipprovduti fl-Artikolu 8(2) ma jibqgħux jiġu ssodisfati, jew jekk deċiżjoni adottata mill-awtoritajiet kompetenti itterminat il-proċeduri relevanti. Xi Stati Membri (BE, CZ, FI, LU, NL) jagħmulha possibbli li jingħata permess permanenti ta' residenza għall-vittmi wara li jkunu tterminati l-proċeduri jew ladarba l-vittma jkun qatta' perjodu speċifikat fil-pajjiż. L-irtirar (l- Artikolu 14) Il-permess ta' residenza jista' jiġi rtirat f'kull ħin jekk il-kundizzjonijiet tal-ħruġ ma jibqgħġux jiġu ssodisfati, b'mod partikolari fil-każijiet elenkati taħt l-Artikolu 14 (a-e). Il-kriterji għall-irtirar tal-permess ta' residenza jvarjaw fil-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri. Wħud minnhom (BE, DE, EL, LU, MT, RO) jistabbilixxu l-kundizzjonijiet ibbażati fuq dawk stipulati fl-Artikolu 14. Oħrjan (BG, CZ, ES, FR, EE, LV, NL, PT, SK) introduċew kriterji aktar ristretti għall-irtirar. Fis-SE u LT il-permess ta' residenza jista' jiġi rtirat jekk il-persuna kkonċernata tkun fuq il-lista tal-persuni pprojbiti milli jidħlu f'dawk il-pajjiżi. Raġunijiet oħra għall-irtirar jinkludu kriterju tas-saħħa pubblika (LT), użu ħażin tal-permess mid-detentur (PL), dispożizzjoni ta' informazzjoni fuq l-identità li tkun falza jew iffalsifikata (FI u SI), l-għoti ta' informazzjoni skorretta jew ommissjoni ta' ċirkostanzi li kienu importanti biex wieħed jikseb il-permess (SE). Ir-raġunijiet imsemmija hawn fuq jidher li jeċċedu l-ambitu tal-Artikolu 14. STATISTIKA U FIGURI Kien biss numru limitat ta' Stati Membri li kienu kapaċi jipprovdu dejta dwar in-numru ta' permessi ta' residenza mogħtija bħala riżultat tat-traspożizzjoni tad-Direttiva, u kienu numru iżgħar li informa lill-Kummissjoni dwar in-numru ta' perjodi ta' riflessjoni. Id-dejta disponibbli[6] dwar il-permessi ta' residenza għall-vittmi tat-traffikar juru li l-impatt tad-Direttiva jvarja konsiderevolment. F'ċerti Stati Membri in-numru ta' permessi kien sinjifikanti (BE, IT, NL, FR, DE), f'xi każi jaqbeż il-100 kull sena. F'oħrajn, il-figuri kienu konsiderevolment iżgħar, fil-maġġoranza tal-każi bejn 1-20 kull sena (CZ, FI, HU, PL, SE). Fi Stati Membri oħra l-ebda permess ta' residenza ma ngħata fuq din il-bażi jew ma ngħatat l-ebda informazzjoni (BG, EE, ES, LV, LT, RO, SI, SK). Għandu jiġi nnutat li d-dejta disponibbli tista' ma tkunx kollha komparabbli, minħabba li xi Stati Membri qegħdin f'pożizzjoni li jagħtu permessi ta' residenza umanitarji li l-ħruġ tagħhom mhuwiex ristrett għall-vittmi ta' traffikar jew mhuwiex dipendenti fuq il-koperazzjoni tagħhom mal-awtoritajiet kompetenti. Bil-ħsieb li tinkiseb statistika aktar kompleta u affidabbli fuq l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva, il-Kummissjoni se teżamina l-alternattivi tekniċi għall-ġbir tad-dejta dwar il-permessi ta' residenza mogħtija skont in-normi li jittrasponu d-Direttiva bħala parti mill-ġbir eżistenti tad-dejta organizzata fi ħdan il-qafas tal-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) 862/2007. KONKLUżJONIJIET Anke jekk il-figuri disponibbli fihom infushom ma jistgħux jippermettu valutazzjoni sħiħa tal-effettività ta' din id-Direttiva, l-impatt tagħha jidher li hu insuffiċjenti fid-dawl tad-dejta ġenerali tal-vittmi tat-traffikar fl-UE. Filwaqt li l-vittmi identifikati f'xi Stati Membri jgħoddu bosta mijiet jew anke 'il fuq minn elfejn fis-sena[7], in-numru ta' permessi ta' residenza bbażati fuq din id-Direttiva qajla jkun għola minn għoxrin fis-sena. Anke jekk proporzjon ta' vittmi ma jikkwalifikax taħt din id-Direttiva (pereżempju għaliex ikunu ċittadini ta' pajjiżi terzi), id-differenza bejn vittmi identifikati u dawk li jużaw il-permessi ta' residenza speċifiċi hi notevoli. Dan jista' jindika li l-potenzjal tad-Direttiva li żżarma n-netwerks tat-traffikanti filwaqt li tipproteġi d-drittijiet tal-vittmi mhix qed tiġi sfruttata bis-sħiħ. Għlakemm uħud mid-defiċjenzi indikati f'dan ir-rapport mhumiex manifestament serji, hemm uħud li jistgħu jipprevjenu d-Direttiva milli tiġi applikata korrettement. Barra minn hekk, kif indikat mill-Istati Membri, xi vittmi ma tantx ikunu disposti li jistrieħu fuq il-mekkaniżmi. Madankollu, wieħed jista' jassumi wkoll li jekk wieħed jagħti lill-vittmi aċċess aktar effettiv għall-informazzjoni dwar l-opportunitajiet li huma disponibbli ikun qed jgħolli l-profil tad-Direttiva u jgħinha taħdem aħjar. It-titjib tal-forniment tal-informazzjoni jeħtieġ aktar sforz mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u tal-organizzazzjonijiet u assoċjazzjonijiet nongovernattivi, kif stipulat fl-Artikolu 5. Mod ieħor kif il-vittmi jistgħu jieħdu vantaġġ sħiħ mill-iskema hu jekk id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva marbuta ma' kif il-vittmi huma ttrattati matul il-kors tal-perjodu ta' riflessjpni jew għall-permess ta' residenza jiġu segwiti bis-sħiħ. L-istatistika turi wkoll li jekk wieħed jagħmilha possibbli li jagħti permessi temporanji ta' residenza jippermetti lill-vittmi li għal diversi raġunijiet ma jikkoperawx mal-awtoritajiet kompetenti jistgħu jżidu b'mod sinjifikanti n-numru tal-vittmi li jibbenefikaw mir-residenza legali fl-Istati Membri. ŻVILUPPI FIL-ġEJJIENI Il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin hi waħda mill-ogħla prijoritajiet fil-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja. Ittieħdu bosta inizjattivi importanti, li wkoll jaffettwaw il-politika dwar l-immigrazzjoni, biex tissaħħaħ l-azzjoni kontra dan it-tip ta' att kriminali. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Ġunju tal-2009[8], adottata bil-ħsieb tal-Programm ta' Stokkolma, saħqet li għandu jkun hemm tolleranza żero għat-traffikar tal-bnedmin u għandhom ikunu investiti riżorsi adegwati sabiex, fost l-oħrajn, jiġu ssimplifikati l-kundizzjonijiet għall-ħruġ tal-permessi ta' residenza għall-vittmi. Il-Programm ta' Stokkolma[9] saħaq li l-ġlieda kontra t-traffikar tal-persuni għandha tagħmel użu mill-mezzi kollha ta' azzjoni, billi tgħaqqad flimkien il-prevenzjoni, l-infurzar tal-liġi u l-protezzjoni tal-vittmi. Intwera biċ-ċar li l-kompetenzi kollha tal-Unjoni għandhom jintużaw bl-aħjar mod sabiex iwasslu għal-politika kkoordinata u konsolidata tal-UE. Il-Kummissjoni ssejħet biex tipproponi passi ulterjuri biex tipproteġi u tassisti l-vittmi permezz ta' firxa ta' miżuri[10]. Id-drittijiet tal-minuri irċevew attenzjoni partikolari f'dan il-kuntest. Fil-Programm ta' Stokkolma kien indikat li se tingħata attenzjoni partikolari lit-tfal f'sitwazzjoni partikolarment vulnerabbli, b'mod partikolari fil-kuntest tal-politika tal-immigrazzjoni (minorenni mhux akkumpanjati, vittmi tat-traffikar, eċċ). Skont il-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Minuri mhux Akkumpanjati[11], l-UE u l-Istati Membri għandhom isaħħu l-azzjoni fir-rigward tat-tfal vittmi tat-traffikar tal-persuni bl-għajnuna li mill-anqas għandha tinkludi l-miżuri pprovduti bid-Direttiva 2004/81. Il-Kummissjoni diġà ħadet azzjoni biex twieġeb għal dawn is-sejħiet. Fid-29 ta' Marzu 2010 hi ppreżentat proposta leġiżlattiva li se ssaħħaħ il-protezzjoni u l-appoġġ għal-vittmi[12]. Barra minn hekk, stateġija ġdida integrata dwar il-ġlieda konta t-traffikar tal-persuni u dwar miżuri biex il-vittmi jiġi protetti u megħjuna, hi skedata għall-2011[13]. Barra minn hekk, il-proposti tal-Kummissjoni tal-2008 u l-2009 li jemendaw il-Kunidizzjonijiet ta' Akkoljenza u d-Direttivi ta' Kwalifika jispeċifikaw li l-vittmi ta' traffikar għandhom jitqiesu bħal persuni vulnerabbli li bżonnijiet speċjali tagħhom għandhom jiġu indirizzati kif jixraq. Barra minn hekk, il-Kummissjoni nediet konsultazzjoni pubblika u qed twettaq valutazzjoni tal-impatt bil-ħsieb li tippreżenta pakkett ta' miżuri fl-2011 għall-vittmi tal-kriminalità u l-vjolenza b'mod ġenerali. Issa wieħed se jiffoka fuq il-miżuri addizzjoni li jżidu l-potenzjal tal-liġi dwar l-immigrazzjoni fil-ġlieda kontra t-traffikar u t-tisħiħ tal-protezzjoni tal-vittmi. F'dan il-kuntest il-Kummissjoni tista' tikkinsidra l-ħtieġa ta' emendi għad-Direttiva, inkluża l-possibbiltà li jinħareġ permess ta' residenza temporanju bbażat fuq is-sitwazzjoni vulnerabbli tal-vittma u mhux neċessarjament bħala skampju mal-koperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti. Emendi oħra jistgħu jinkludu li jkun hemm tul speċifiku tal-perjodu ta' riflessjoni għall-vittmi; it-tisħiħ tal-qafas għat-trattament, b'mod partikolari għall-minuri, it-tisħiħ tal-obbligu li l-vittmi jiġu infurmati bid-drittijiet tagħhom. Il-Kummissjoni se teżamina l-każi kollha fejn qamu problemi bl-applikazzjoni ta' din id-Direttiva. Dan jista' jimplika li jsir kuntatt mal-Istati Membri u/jew it-tnedija tal-passi proċedurali meħtieġa għan-nonkonformità, fejn hu xieraq, skont l-Artikolu 258. [1] F'dan ir-rapport 'l-Istati Membri' tfisser l-Istati Membri marbutin bid-Direttiva. [2] Studju appoġġjat mill-Kummissjoni u mmexxi min-Netwerk Akkademiku għall-Istudji Legali dwar l-Immigrazzjoni u l-Asil fl-Ewropa 'Odysseus' (2007). [3] Ir-(RO) u l-(BG) kellhom jittrasponu d-Direttiva mill-adeżjoni tagħhom fl-UE. [4] C-2008/266, sentenza tal-14.5.2009, il-Kummissjoni v Spanja. [5] COM(2006) 187 finali u SEC(2006)525. [6] Id-dejta nġabret fuq il-bażi ta' talbiet ad-hoc li saru għar-rapport Odysseus, Valutazzjoni tal-Impatt għall-proposta ta' Deċiżjoni Qafas dwar it-traffikar tal-persuni u, aktar reċenti, permezz ta' punti nazzjonali ta' kuntatt tal-Kumitat dwar l-Integrazzjoni u l-Ażil. [7] Ir-Rapport Globali dwar it-Traffikar tal-Bnedmin, Frar 2009, UNODC. [8] COM(2009) 262 finali. [9] Dokument tal-Kunsill 17024/09. [10] Id-Direttiva 2009/52/KE dwar is-sanzjonijiet għall-impjegati kienet ukoll parzjalment ispirata mill-iskema pprovduta taħt id-Direttiva 2004/81/KE. Hi tipprevedi l-istabbilimenti ta' arranġamenti komparabbli għall-ħruġ ta' permessi ta' residenza għaċ-ċittadini ta' pajjiżi ta' residenza involuti fi proċedimenti kriminali li partikolarment għandhom x'jaqsmu ma' kundizzjonijiet ta' xogħol li jisfruttaw minuri impjegati illegalment. [11] COM(2010) 213 finali. [12] COM(2010) 95 finali. [13] Ara Pjan ta' Azzjoni: COM(2010) 171 finali.