/* KUMM/2010/0487 finali */ KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI DWAR L-OPPORTUNITAJIET U L-ISFIDI GĦAĊ-ĊINEMA EWROPEA FL-ERA DIĠITALI
[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA | Brussel 24.9.2010 KUMM(2010) 487 finali KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI DWAR L-OPPORTUNITAJIET U L-ISFIDI GĦAĊ-ĊINEMA EWROPEA FL-ERA DIĠITALI KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI DWAR L-OPPORTUNITAJIET U L-ISFIDI GĦAĊ-ĊINEMA EWROPEA FL-ERA DIĠITALI 1. Introduzzjoni Fil-qalba tal-Aġenda Ewropea għall-Kultura, iċ-ċinema Ewropea għandha rwol importanti fit-trawwim tal-identitajiet Ewropej. Ix-xenarju awdjoviżiv qed jinbidel b'rata mgħaġġla madwar id-dinja, u b'hekk qed jitfaċċaw ħafna opportunitajiet għaċ-ċinema Ewropea u l-industrija awdjoviżiva, jekk jiġu megħluba l-isfidi inerenti fl-investiment fit-tagħmir, it-taħriġ u l-mudelli ġodda. It-teknoloġiji diġitali diġà għamlu l-aċċess għax-xogħlijiet awdjoviżivi Ewropej iktar faċli barra mill-pajjiż tal-oriġini tagħhom minħabba modijiet ġodda għat-trasport tal-kontenut awdjoviżiv (bħall-'video on demand' u l-'catch up TV'). Il-kompetittività tal-industrija tal-kontenut awdjoviżiv fl-Ewropa se tiddependi ħafna mill-użu ta' dawn it-teknoloġiji l-ġodda fl-istadju tad-distribuzzjoni. L- Aġenda Diġitali għall-Ewropa [1], parti mill-istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv[2], (waħda mis-seba' inizjattivi ewlenin tagħha), għandha l-għan li toħloq suq diġitali wieħed sabiex il-kontenut u s-servizzi kummerċjali u kulturali jkunu jistgħu jaqsmu faċilment il-fruntieri u ċ-ċittadini Ewropej ikunu jistgħu jgawdu bis-sħiħ l-benefiċċji tal-era diġitali. Wieħed mill-benefiċċji mħaddma bl-ICT għall-Ewropa huwa d-distribuzzjoni usa' u irħas tal-kontenut kulturali u kreattiv. Barra minn hekk, kif hemm miktub fil-Green paper "L-esplojtazzjoni tal-potenzjal tal-industriji kulturali u kreattivi"[3], il-kontenut kulturali għandu rwol kruċjali fl-iżvilupp tas-soċjetà tal-informazzjoni, billi jżid l-investimenti fl-infrastrutturi u s-servizzi tal-broadband, fit-teknoloġiji diġitali, kif ukoll fl-apparati l-ġodda tal-elettronika u t-telekomunikazzjoni tal-konsumatur. Minbarra l-kontribuzzjoni diretta tagħhom lill-PGD, l-industriji kreattivi u kulturali huma wkoll katalisti importanti tal-innovazzjoni ekonomika u soċjali f'ħafna setturi oħrajn. Fid-dawl tal-kwistjonijiet politiċi kkonċernati, il-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali[4], ratifikata mill-Unjoni Ewropea fl-2006, ukoll għandha rwol fid-determinazzjoni tal-bżonn li l-Unjoni Ewropea tieħu azzjoni dwar id-diġitazzjoni tat-teatri taċ-ċinema. Il-kwistjonijiet politiċi li ħarġu mill-impatt tar-revoluzzjoni diġitali fuq iċ-ċinema Ewropea huma relevanti fil-livelli kollha: reġjonali, nazzjonali u Ewropej. Hemm żewġ aspetti ta' importanza partikolari: - Il-kompetittività u ċ-ċirkolazzjoni tax-xogħlijiet Ewropej; - Il-pluraliżmu u d-diversità lingwistika u kulturali. Il-miżuri ta' appoġġ tal-Istati Membri ġeneralment jiffukaw fuq il-fażijiet tal-ħolqien u l-produzzjoni tal-films. Dawn il-films minn issa 'l quddiem se jeħtieġu wkoll masters diġitali u screens diġitali sabiex jintwerew u jaslu għand l-udjenza potenzjali tagħhom. L-aċċess għat-tagħmir diġitali u għall-masters diġitali se jkun importanti biex tinżamm il-kompetittività f'suq li qed jevolvi b'rata mgħaġġla. Biex ikun hemm ċirkolazzjoni ta' xogħlijiet Ewropej u diversità fiċ-ċinema Ewropea disponibbli għall-udjenza, se tkun meħtieġa firxa wiesgħa ta' operaturi (distributuri u eżibituri). Waħda mill-isfidi se tkun il-manutenzjoni tat-teatri taċ-ċinema minkejja l-ispejjeż kbar tat-tagħmir diġitali li jheddu l-eżistenza ta' għadd ta' teatri taċ-ċinema Ewropej. Din il-Komunikazzjoni tkompli fuq il-ħidma li diġà saret mill-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri f'dan il-qasam. Saħansitra minn kmieni fir-Rebbiegħa tal-2008, il-Kummissjoni Ewropea stabbiliet Grupp ta' Esperti dwar iċ-Ċinema Diġitali. Dan il-grupp, magħmul minn distributuri, eżibituri u rappreżentanti mill-aġenziji tal-films li jaħdmu fuq skemi ta' diġitizzazzjoni, esploraw il-mezzi differenti biex tinżamm id-diversità tal-films u taċ-ċinema fl-Ewropa diġitali ta' għada. Id-diskussjonijiet urew il-ħtieġa għal alternattiva għall-mudell VPF (Virtual Print Fee) eżistenti kif ukoll l-importanza tal-appoġġ tal-Unjoni Ewropea u tal-pubbliku nazzjonali għad-diġitizzazzjoni ta' ċerti teatri taċ-ċinema. Dawn il-kwistjonijiet ġew esplorati iżjed fil- Konsultazzjoni Pubblika dwar l-Opportunitajiet u l-Isfidi għaċ-Ċinema Ewropea fl-Era Diġitali[5] mnedija mill-Kummissjoni Ewropea fis-16 ta' Ottubru 2009. Waslu 'l fuq minn 300 tweġiba minn eżibituri, distributuri, produtturi, aġenti tal-bejgħ u partijiet interessati oħra bħal aġenziji tal-films, aġenziji professjonisti u kumpaniji tas-servizzi diġitali. Dawn it-tweġibiet taw kontribut siewi għal dan id-dokument. Matul dan il-perjodu, għadd ta' Stati Membri bdew jirriflettu wkoll dwar kif jistgħu jiżguraw li t-teatri taċ-ċinema jkunu jistgħu jagħmlu t-tranżizzjoni għall-proġezzjoni diġitali u jgawdu mill-benefiċċji tagħha. Dawn l-iskemi ġew eżaminati wkoll fit-tħejjija ta' din il-Komunikazzjoni. Huwa ċar li l-Kummissjoni Ewropea għandha rwol importanti x'taqdi fit-tranżizzjoni diġitali tat-teatri taċ-ċinema, partikolarment billi tikkontribwixxi għat-twaqqif ta' qafas għal din it-tranżizzjoni, li jkun ikopri elementi bħal: - l-istandardizzazzjoni; - il-ġbir u l-preservazzjoni tal-films fil-format diġitali; - l-appoġġ reġjonali għad-diġitizzazzjoni (inkluż il-Politika ta' Koeżjoni tal-UE); - il-kompatibbiltà mar-regoli tat-Trattat; - l-appoġġ lill-eżibituri tal-films Ewropej (Programm MEDIA); - l-aċċess għall-finanzi (Bank Ewropew tal-Investiment u MEDIA). 2. IS-SWALI TAċ-ċINEMA EWROPEJ META MQABBEL MAL-ISTATI UNITI (FEJN IL-BIċċA L-KBIRA TAL-INDUSTRIJA TAL-FILMS HIJA INTEGRATA VERTIKALMENT U S-SEHEM MIS-SUQ TAL-FILMS DOMESTIċI HUWA 95 %), IS-SUQ TAċ-ċINEMA EWROPEA HUWA KKARATTERIZZAT MINN FRAMMENTAZZJONI, żONI TA' LINGWI DIFFERENTI U VARJETÀ KBIRA TA' OPERATURI U DAN KOLLU JAGħMILHA IKTAR DIFFIċLI BIEX ISIRU FTEHIMIET GLOBALI JEW BIEX JIġU IMPLIMENTATI STRATEġIJI NAZZJONALI. Madwar 10 % tat-teatri taċ-ċinema Ewropej huma multiplexes, meta mqabbla ma' 35 % fl-Istati Uniti[6]. Barra minn hekk, 31 % tal-iskrins Ewropej huma f'teatri taċ-ċinema bi skrin wieħed. Dan inaqqas ir-rata tad-diġitizzazzjoni billi l-livelli limitati ta' attività jtellfu l-profitabbiltà tat-tagħmir diġitali għali. Il-problema hija agħar fl-Istati Membri l-ġodda, fejn il-perċentwal ta' skrins f'teatri taċ-ċinema bi skrin wieħed huwa 60 %, u tabilħaqq ogħla minn 80 % f'xi pajjiżi. Hemm diskrepanza simili f'termini ta' abitanti kull skrin: filwaqt li fl-2007 kien hemm 15 977 abitant għall kull skrin fl-Ewropa tal-Punent, għal medja ta' 50 926 abitant hemm skrin wieħed fl-Istati Membri Ewropej taċ-Ċentru u tal-Lvant[7]. Il-maġġoranza tat-teatri taċ-ċinema Ewropej għandhom bejn 2 u 7 swali. Hawnhekk tinsab id-diversità kbira tal-eżibizzjoni Ewropea: minn teatri taċ-ċinema lokali b'żewġt iskrins li juru kontenut nazzjonali jew Amerikan sa teatri b'ħafna skrins b'kontenut primarjament Ewropew, hemm firxa wiesgħa ta' kategoriji/kumpaniji tal-eżibizzjoni u ma tistax tinstab soluzzjoni waħda għal kulħadd. Xi eżibituri Ewropej għadhom iżommu lura milli jinvestu fit-tagħmir diġitali billi f'dawn l-aħħar 15-il sena investew sostanzjalment fl-immodernizzar tal-faċilitajiet tagħhom u fil-ħolqien ta' mini/multiplexes. Fl-2008, 37 % tal-iskrins fil-pajjiżi tal-MEDIA kienu f'multiplexes meta mqabbel ma' 9,4 % fl-1994 u dan il-perċentwal irdoppja bejn l-2000 u l-2008. Ir-revoluzzjoni tad-distribuzzjoni taċ-ċinema diġitali għalhekk tqajjem żewġ kwistjonijiet ewlenin: - L-investiment importanti fit-tagħmir diġitali se jkollu jiġġarrab mill-eżibituri u huma d-distributuri li se jiffrankaw (bis-saħħa tal-ispiża iżgħar għall-kopji diġitali); - It-tagħmir diġitali jirrappreżenta spiża li l-kumpaniji kbar taċ-ċinema u l-multiplexes jifilħu għaliha iżda li ħafna drabi ma tkunx għall-but ta' ċerti teatri taċ-ċinema indipendenti iżgħar (ħafna drabi arthouse). Dan jista' jwassal għal suq doppju ta' eżibizzjoni/distribuzzjoni, fejn mir-revoluzzjoni taċ-ċinema diġitali jgawdu biss il-multiplexes u l-films kummerċjali ta' valur kbir. Id-diversità kulturali u t-tiġdid tat-talent madankollu jiddependu fuq iż-żamma tan-netwerk uniku Ewropew ta' teatri taċ-ċinema. Kwistjoni korollarja importanti hija li t-tranżizzjoni diġitali se jkollha wkoll spiża soċjali (f'termini tat-telf tal-impjieg għall-projectionists u fil-laboratorji ) u l-bżonnijiet tat-taħriġ ikollhom jiġu sodisfatti. Il-perjodu ta' tranżizzjoni għandu għalhekk jitmexxa b'attenzjoni u għandhom jitqiesu l-implikazzjonijiet kollha tiegħu fuq il-partijiet interessati differenti f'kull stadju tal-katina awdjoviżiva. 3. Standardizzazzjoni L-Inizjattiva taċ-Ċinema Diġitali (DCI) tnediet fl-2002 mis-sitt kumpaniji ewlenin tal-Istati Uniti biex jiddefinixxu l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tad-distribuzzjoni taċ-ċinema diġitali. Dawn l-ispeċifikazzjonijiet ġew ippubblikati f'Lulju 2005 u mbagħad tbiddlu fi standards mis-Society of Motion Picture and Television Engineers (SMPTE). Huma inkludew riżoluzzjoni ta' 2048x1080, magħrufa bħala 2k (4096x2160 jew 4k għal skrins ikbar minn 15 m) u JPEG 2000 bħala l-format ta' kompressjoni maħsub biex iċ-ċinema diġitali tkun tista' toffri esperjenza mtejba taċ-ċinema lill-udjenzi permezz ta’ teknoloġiji li daqt ikunu disponibbli (HDTV Broadcast, Blu-Ray u video-on-demand). Dawn l-ispeċifikazzjonijiet jinkludu wkoll parametri ta' sigurtà (parti sinifikanti mill-ispiża tat-tagħmir). Issa qegħdin jiġu kkunsidrati għall-adozzjoni bħala standards internazzjonali volontarji mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Istandards (ISO) f'Ġinevra. Madankollu, dawn l-ispeċifikazzjonijiet għandhom implikazzjonijiet finanzjarji. 2k/4k jirrappreżenta investiment imdaqqas[8] għat-teatri taċ-ċinema, li ħafna minnhom bħalissa qed jesperjenzaw diffikultajiet finanzjarji. Mhux it-teatri taċ-ċinema Ewropej kollha jemmnu li se jgawdu minn benefiċċji fit-terminu l-qasir minnu (ħlief forsi għal dawk li joffru films 3D) jew tabilħaqq benefiċċji fit-tul (billi l-proġekters diġitali għandhom ħajja iqsar mill-proġekters 35 mm u għalhekk ikollhom jinbiddlu iktar sikwit bi spiża ogħla). Ta' min jinnota li ma hemmx standard għall-proġezzjoni diġitali 3D. Madankollu, l-interess tal-udjenza fil-films 3D jippermetti lit-teatri taċ-ċinema biex jiċċarġjaw iktar għall-biljetti għal wirjiet 3D, għallinqas fit-terminu l-qasir. Dan ħeġġeġ lit-teatri taċ-ċinema kummerċjali biex jinstallaw tagħmir għall-proġezzjoni diġitali tajjeb għat-3D. Sa fejn għandu x'jaqsam il-kontenut alternattiv (skrinings lajv tal-kunċerti, opera u sport), id-distributuri ta' dan it-tip ta' kontenut s'issa imponew rekwiżiti minimi pjuttost limitati. It-teknoloġija qed tinbidel rapidament. Huwa importanti li l-istandards jissodisfaw il-bżonnijiet tas-swali taċ-ċinema Ewropej. Issa hemm proġekters diġitali adatti għal postijiet kbar li huma ħafna orħos minn proġekters 2k konformi mad-DCI iżda li għandhom riżoluzzjoni tal-immaġni ta' 1920x1080. Xi wħud għandhom profil simili għal dawk meħtieġa mill-ispeċifikazzjonijiet DCI u għandhom verżjonijiet li jistgħu juru l-films 3D. Dawn il-proġekters huma wkoll kompatti u jistgħu jiġu integrati faċilment fil-kabini eżistenti tal-proġezzjoni u mħaddma, għallinqas għaż-żmien li ġej, fl-istess ħin ma' projector 35 mm biex ikun hemm tranżizzjoni bla problemi minn 35 mm għall-proġezzjoni diġitali. 'Il fuq minn 80 % tal-iskrins Ewropej huma wesgħin inqas minn 10 m. Il-kwalità tal-proġezzjoni b'riżoluzzjoni ta’ 1920x1080 fuq skrins ta' dan id-daqs hija sodisfaċenti ferm u d-differenza tat-2k hija kompletament aċċettabbli għall-udjenzi u s-sidien tat-teatri taċ-ċinema. Dan evidentement ikun alternattiva vijabbli għall-maġġoranza assoluta tal-iskrins Ewropej. Barra minn hekk, dan jirrappreżenta ffrankar sinifikanti f'termini tal-investiment privat u pubbliku meħtieġ għat-tranżizzjoni għall-proġezzjoni diġitali. Madankollu, għad hemm il-problema dwar jekk id-distributuri kollha jaċċettawx li l-films tagħhom jintwerew f'dawn il-kundizzjonijiet. L-Unjoni Ewropea se teżamina iktar kif taħtaf l-opportunitajiet offruti mill-proċess ta' standardizzazzjoni. L-għan huwa li tiġi żgurata l-flessibbiltà meħtieġa biex it-teatri taċ-ċinema kollha vijabbli fl-Ewropa jużaw il-proġezzjoni diġitali. 4. L-isfidi taċ-ċinema diġitali għall-wirt ċinematografiku Kif enfasizzat fit-Tieni rapport dwar l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Wirt Ċinematografiku, it-tranżizzjoni għaċ-ċinema diġitali tqiegħed fir-riskju l-kapaċità ta' ġenerazzjonijiet futuri li jkollhom aċċess għall-films diġitali. Fir-rigward tal-kollezzjoni ta' films magħmula b'mod diġitali jew diġitizzati fl-istituzzjonijiet tal-wirt ċinematografiku jew teatri taċ-ċinema speċjalizzati fil-wirt ċinematografiku hemm il-ħtieġa li jiġu aġġornati l-istrumenti legali li jistabbilixxu d-depożitu legali jew obbligatorju tal-films sabiex jiġu koperti l-films li jsiru bit-tipi kollha tal-midja. L-istabbiliment ta' standards fil-livell Ewropew li jispeċifikaw il-kundizzjonijiet għas-sottomissjoni tal-films lill-arkivji u għall-preservazzjoni tagħhom huwa importanti wkoll. Madankollu, billi ħafna mistoqsijiet għandhom bla tweġiba dwar il-ħżin u l-preżervazzjoni fit-tul tal-materjal diġitali, l-għażliet kollha għall-preservazzjoni tal-films diġitali għandhom jitqiesu, kif ukoll il-ħolqien ta’ punti ta’ referenza bejn l-Istati Membri u s-setturi l-oħra. L-investimenti fir-riċerka, it-tagħmir u t-taħriġ professjonali f'dan il-qasam huma importanti ħafna. Fl-aħħar nett, l-istituzzjonijiet tal-wirt ċinematografiku jew it-teatri taċ-ċinema speċjalizzati fil-wirt ċinematografiku għandhom jiġu mgħammra wkoll għall-proġezzjoni f'format diġitali u għandhom jiġu inklużi fl-istrateġiji tal-Istati Membri għat-tgħammir tat-teatri taċ-ċinema. Id-definizzjoni ta' standards għall-proġezzjoni diġitali tal-films tal-wirt ċinematografiku hija wkoll meħtieġa. 5. Il-finanzjament tat-tranżizzjoni għaċ-ċinema diġitali 5.1. Mudelli kummerċjali Skont mudell ta' finanzjament VPF, id-distributuri (għall-ewwel, is-sitta ewlenin tal-Istati Uniti) jiffirmaw ftehimiet fit-tul mal-intermedjarji (magħrufa bħala integraturi). Dawn l-integraturi[9] jiffinanzjaw l-akkwist ta' tagħmir taċ-ċinema diġitali u jiġbru l-kontribut tad-distributuri biex jerġgħu jħallsu (parzjalment) it-tagħmir li jkunu ffinanzjaw f'isem l-eżibituri. L-idea wara l-mudell hija li l-ewwel darba li distributur juri film diġitali f'ċinema mgħammra permezz ta' ftehim VPF, id-distributur iħallas somma (il-VPF) lill-integratur sabiex jirrimborsa l-investiment inizjali tiegħu. Il-mudelli ta' finanzjament kummerċjali attwali jserrħu l-iktar fuq ħlasijiet VPF. Ġew iffirmati ftehimiet ta' distribuzzjoni mal-kumpanijiet ewlenin kollha tal-Istati Uniti; issa oħrajn qed jibdew jiffirmaw ftehimiet. Il-mudell VPF jista' ma jipprovdix biżżejjed dħul għal swali taċ-ċinema iżgħar u dawk arthouse li joffru programmar Ewropew. Dan jista' jkollu impatt fuq it-tip ta' films li jiġu pprogrammati. 5.2. L-intervent pubbliku fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali Billi l-mudell ta' finanzjament VPF huwa bbażat fuq il-mudell tradizzjonali ta' distribuzzjoni, il-profil tat-teatri taċ-ċinema li tradizzjonalment kienu juru films mat-tieni, it-tielet u r-raba’ diffużjoni jistgħu għalhekk ma jkunux adatti għall-mudell VPF, li huwa bbażat fuq ir-rata ta’ rotazzjoni medja ta' films li jintwerew għall-ewwel darba. Iċ-ċinema għandha rwol soċjali u kulturali importanti fil-muniċipalitajiet u ż-żoni rurali billi dawn ħafna drabi jkunu l-uniċi postijiet li joffru aċċess għall-kultura lill-komunità. Ħafna teatri taċ-ċinema Ewropej (partikolarment teatri bi skrin wieħed) huma proprjetà tal-muniċipalitajiet. Il-Fondi Strutturali tal-Unjoni Ewropea jistgħu jintużaw mill-Istati Membri/reġjuni biex jikkofinanzjaw proġetti ta' diġitazzjoni u inizjattivi ta' taħriġ bħala fatturi ta' innovazzjoni kif ukoll ta' diversità kulturali u ta' żvilupp reġjonali, sakemm dawn il-proġetti u l-inizjattivi jkunu konformi mar-regoli tal-għajnuna tal-Istat. F'dan il-kuntest, il-finanzjament jista' jingħata taħt bosta tipi ta' proġetti inkluż dawk b’dimensjoni kulturali jew marbuta ma' attraenza lokali: ir-riġenerazzjoni urbana, id-diversifikazzjoni rurali, it-turiżmu kulturali, l-attivitajiet innovattivi, is-soċjetà tal-informazzjoni u l-kapital uman[10]. Billi dawn il-Fondi Strutturali huma mmexxija mill-Istati Membri/reġjuni, huma għandhom jidentifikaw id-diġitizzazzjoni bħala qasam possibbli għall-finanzjament fl-Oqfsa ta' Referenza Strateġika Nazzjonali u l-programm operazzjonali[11]. Biex ikollhom suċċess, il-proġetti ta' diġitizzazzjoni għandhom ikunu fi strateġiji ta' żvilupp integrati, fil-livell reġjonali jew tal-bliet, fi sħubija mal-awtoritajiet li jirrappreżentaw oqsma politiċi differenti u rappreżentanti relevanti mis-soċjetà ċivili. Fil-Polonja, ir-reġjun ta' Malopolska diġà uża l-Fondi Strutturali Ewropej biex jidiġitizza netwerk żgħir ta' teatri taċ-ċinema arthouse proprjetà tal-muniċpalità sabiex ir-reġjun isir iktar "attraenti għat-turisti". Fil-Portugall, skema interreġjonali għad-diġitazzjoni ta' teatri taċ-ċinema (fil-biċċa l-kbira muniċipali) fir-reġjuni tat-Tramuntana, taċ-Ċentru u ta' Alentejo dalwaqt titlesta, wara li kisbet finanzjament mill-FEŻV[12] taħt l-intestatura ġenerali ta' 'Faċilitajiet Kulturali'. Il-Land Ġermaniż ta' Niedersachsen u xi reġjuni Franċiżi wkoll beħsiebhom jużaw ir-riżorsi tal-FEŻR għad-diġitazzjoni tat-teatri taċ-ċinema. Fl-Istati taż-ŻEE hemm varjetà ta' kundizzjonijiet politiċi, soċjali u ekonomiċi. Għaldaqstant, tqiesu strateġiji differenti għad-diġitizzazzjoni f'pajjiżi differenti, inklużi skemi ta' konverżjoni kollettivi pereżempju fi Franza u l-Ġermanja li ma tkomplewx sat-tmiem. - Proġetti pilota: L-ewwel pajjiż li beda skema pilota kien ir-Renju Unit bid-Digital Screen Network (240 skrin għal films "speċjalizzati"). Saru skemi pilota simili fl-Irlanda (Cultural Cinema Consortium) u l-Isvezja (permezz tal-Istitut Svediż tal-Films); - Skemi nazzjonali mmirati: il-Finlandja; il-Polonja, ir-Repubblika Ċeka u s-Slovakkja jiffukaw primarjament fuq teatri taċ-ċinema muniċipali; - Faċilitajiet tat-taxxi u l-kreditu: Spanja (self b’kundizzjonijiet preferenzjali) u l-Italja (kreditu fiskali)[13]. - Skemi oħra: In-Norveġja (għaddejja) u l-Pajjiżi l-Baxxi (ippjanata). Komplementarjetà Fit-territorji fejn huma disponibbli soluzzjonijiet tas-suq/VPF, dan jistgħu jiġu aċċessati minn għadd ta' teatri taċ-ċinema (multiplexes, chains taċ-ċinema, teatri b'ħafna skrins b'rata għolja ta' films li jintwerew għall-ewwel darba. Soġġetti għall-konformità mar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE, it-teatri taċ-ċinema ż-żgħar b'rata ta' rotazzjoni iktar baxxa li jixtiequ jakkwistaw tagħmir diġitali jistgħu f'xi każi jingħaqdu flimkien u “jaqsmu” l-ispejjeż għall-aċċess għall-ftehimiet VPF (jew fondi reġjonali Ewropej). Il-fondi nazzjonali ta' solidarjetà huma wkoll alternattiva. Il-komplementarjetà hija neċessarja billi, skont xi interpretazzjonijiet, l-appoġġ pubbliku jista' tabilħaqq jaffettwa l-valur tal-VPF imħallas biex jirrimborsa t-tagħmir tal-eżibitur. Għalkemm xi pajjiżi jippreferu strateġiji diġitali nazzjonali, sabiex ikun hemm garanzija ta' aċċess indaqs għaċ-ċinema u t-tranżizzjoni tkun iktar rapida, xi wħud iqisu li l-appoġġ pubbliku għandu fil-fatt jagħti prijorità lit-teatri taċ-ċinema li ma għandhomx aċċess għas-soluzzjonijiet tas-suq jew fondi ta' solidarjetà u għalhekk ma jistgħux iħallsu għat-tagħmir mingħajr intervent pubbliku: teatri taċ-ċinema bi skrin wieħed, teatri taċ-ċinema part-time, teatri taċ-ċinema li jivvjaġġaw minn post għall-ieħor... Approċċ ieħor possibbli huwa li d-diġitazzjoni tat-teatri taċ-ċinema ssir bi tpattija għal impenn favur programmar Ewropew. Il-kompatibilità mal-liġi tal-Unjoni Ewropea dwar l-għajnuna tal-Istat u l-kompetizzjoni Skont il-politika attwali tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-għajnuna tal-Istat għad-diġitizzazzjoni taċ-ċinema, is-sussidji lit-teatri taċ-ċinema li juru ċertu sehem ta' films Ewropej jew arthouse ġew approvati skont l-Artikolu 107(3)(d)[14] tat-TFUE u l-għajnuna tal-Istat lit-teatri taċ-ċinema żgħar jew f'postijiet remoti ġiet approvata skont l-Artikolu 107(3)(c)[15] tat-TFUE. Ammonti iżgħar ta' fondi pubbliċi li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tar-regolament de minimis [16] mhumiex meqjusa li għandhom effett potenzjali fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati Membri, għaldaqstant mhemmx bżonn li l-miżura tiġi notifikata lill-Kummissjoni bil-quddiem. L-eżenzjonijiet attwali ma jkoprux l-għajnuna lil teatri taċ-ċinema ikbar/multiplexes li ma jurux livell minimu ta' films Ewropej/arthouse u li jaqbżu l-limitu de minimis . Il-Kummissjoni se jeħtiġilha tevalwa l-kompatibilità tal-għajnuna tal-Istat għaċ-ċinema diġitali skont l-Artikolu 107.3(c) tat-TFUE jew skont id-deroga kulturali tal-Artikolu 107.3(d) tat-TFUE. It-tnejn li huma jirrikjedu li l-Kummissjoni tqis il-bżonn, il-proporzjonalità u l-adegwatezza tal-għajnuna. Il-Kummissjoni tinnota li l-iskrinings diġitali 3D jagħmlu l-investiment fil-proġekters diġitali kummerċjalment vijabbli. Għalhekk jidher li l-għajnuna tal-Istat għal dawn l-ispejjeż mhijiex neċessarja.Barra minn hekk, l-iskemi pubbliċi ta' appoġġ għat-tagħmir ta' proġezzjoni diġitali: - ma għandhomx jaċċelleraw l-għeluq tat-teatri taċ-ċinema bi proporzjon kbir ta' programmar arthouse; - għandhom isegwu l-prinċipju tan-newtralità teknoloġika, jiġifieri: - kull għajnuna għandha tkun disponibbli għall-finanzjament ta' tagħmir ta' proġezzjoni diġitali li l-eżibitur iqis li huwa xieraq għall-awditorju u għall-udjenza tiegħu; u - it-tagħmir ikkonċernat għandu jkun kapaċi juri kontenut minn varjetà ta' sorsi diġitali. Il-Kummissjoni dejjem se taċċetta n-natura doppja (kulturali u ekonomika) tas-settur tal-films, f'konformità mal-prinċipji ta' gwida tal-Konvenzjoni tal-UNESCO għall-Protezzjoni u l-Protezzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali. Huma u jiżviluppaw skemi ta' appoġġ għat-tagħmir ta' proġezzjoni diġitali, l-Istati Membri għandhom jevitaw mudelli li jistgħu jqajmu kwistjonijiet ta' kompetizzjoni, pereżempju dawk li jinvolvu ftehimiet kollettivi bejn maġġoranza ta' distributuri. Il-Kummissjoni se tiżgura li t-tranżizzjoni minn ċinema analoga għal waħda diġitali tkun tikkonforma mar-regoli tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Unjoni Ewropea, partikolarment fir-rigward ta' projbizzjoni ta' ftehimiet restrittivi tal-Artikolu 101 tat-TFUE. 6. L-intervenzjoni pubblika fil-livell Ewropew Jekk it-tranżizzjoni għall-proġezzjoni diġitali tikkawża l-għeluq tat-teatri taċ-ċinema, dan evidentement jipperikola d-diversità kulturali. L-Unjoni Ewropea hija impenjata li tippreserva u tippromwovi d-diversità kulturali skont id-dispożizzjonijiet li ġejjin: - L-Artikolu 167(4) tat-TFUE jistipula li l-Unjoni għandha tieħu kont ta' aspetti kulturali fl-azzjonijiet tagħha skont disposizzjonijiet oħra tat-Trattat, b'mod partikolari sabiex tirrispetta u tippromwovi d-diversità tal-kulturi tagħha; - Il-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali tenfasizza n-natura doppja (kulturali u eknomika) tal-prodotti u s-servizzi kulturali[17] (li jinkludu notevolment ix-xogħlijiet awdjoviżivi). L-għan tal-pjan ta' azzjoni tal-Kummissjoni Ewropea huwa li jinħoloq ambjent favorevoli għall-eżibizzjoni diġitali tal-films Ewropej. L-inizjattivi differenti ġew u se jiġu mnedija biex jappoġġaw l-adozzjoni tat-teknoloġiji diġitali l-ġodda u l-investiment fihom. Bl-għajnuna tal-Fondi Strutturali Ewropej u l-iskema ġdida MEDIA, l-għan aħħari tal-Kummissjoni huwa wkoll il-promozzjoni tal-aċċess taċ-ċittadini Ewropej għaċ-ċinema diġitali. Il-Programm MEDIA 2007 Ir-rivoluzzjoni diġitali hija sfida għall-għanijiet globali tad-diversità kulturali ta' MEDIA, ċirkolazzjoni ikbar tax-xogħlijiet Ewropej u kompetittività msaħħa tas-settur awdjoviżiv[18]. Il-Programm MEDIA 2007 impenja ruħu li jappoġġa t-teatri taċ-ċinema Ewropej fl-era diġitali. Wieħed mill-għanijiet ewlenin tiegħu huwa li: " jippreserva u jtejjeb id-diversità kulturali u lingwistika Ewropea u (...), jiggarantixxi l-aċċessibilità tagħha lill-pubbliku... ". L-ewwel nett, it-tranżizzjoni diġitali jeħtieġ tkun akkumpanjata minn taħriġ għall-professjonisti. F'dan il-kuntest, l-Artikolu 3(1)(c) tad-deċiżjoni MEDIA 2007 tipprevedi t-taħriġ dwar l -inklużjoni upstream tat-teknoloġiji diġitali għall-produzzjoni, wara l-produzzjoni, id-distribuzzjoni, il-marketing u l-arkivjar tal-programmi awdjoviżivi Ewropej . L-inizjattivi ta' taħriġ għalhekk ġew appoġġati, inkluż dwar il-produzzjoni 3D u għall-eżibituri[19]. It-tieni, l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni MEDIA 2007 jipprevedi l-għanijiet li ġejjin fil-qasam tad- distribuzzjoni u t-tqassim: "(d) li jħeġġu d-diġitalizzazzjoni ta' xogħlijiet awdjoviżivi Ewropej u l-iżvilupp ta' suq diġitali kompetittiv; (e) l-inkoraġġiment lis-swali biex jużaw il-possibilitajiet offr uti mid-distribuzzjoni diġitali." Skont (d) il-programm MEDIA kkontribwixxa għad-diġitazzjoni tal-kontenut Ewropew permezz ta' proġetti pilota bħal Europe's Finest[20] (id-diġitizzazzjoni tal-klassiċi Ewropej) u D-Platform[21] (għodda komuni għall-faċilitazzjoni tal-mastering diġitali u d-distribuzzjoni tal-films Ewropej). Permezz tal-iskema VOD, MEDIA jappoġġa wkoll indirettament id-diġitazzjoni tal-programmi Ewropej. Skont (e) il-Kummissjoni diġà appoġġat għadd ta' inizjattivi permezz tad–diversi skemi MEDIA: proġetti pilota dwar teknoloġiji ġodda (bħal CinemaNet Europe, netwerk ta' teatri taċ-ċinema mgħammra diġitalment li juru esklussivament dokumentarji), il-kofinanzjament ta' spejjeż diġitali għad-distribuzzjoni ta' films Ewropej u skema ta' appoġġ speċifiku għall-iskrinings diġitali tal-films Ewropej immexxija minn Europa Cinemas. Il-pass li jmiss issa huwa li tiġi ddiżinjata skema ġdida tal-MEDIA li tappoġġa t-tranżizzjoni diġitali taċ-ċinema Ewropea. F'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà u l-għanijiet tal-Programm l-appoġġ se jiffoka fuq it-teatri taċ-ċinema li fil-maġġoranza juru films Ewropej riċenti. Dan se jinkludi l-kriterju bażiku tal-għoti għas-swali taċ-ċinema applikanti. L-istess kriterju diġà ntuża biex jiġi stabbilit in-netwerk Europa Cinemas, li għandu rwol kruċjali fil-wiri tal-films Ewropej[22] u li l-Programm MEDIA ilu jappoġġa għal 15-il sena. In-netwerk issa kiber għal 770 teatru taċ-ċinema li b'kollox jagħmlu 1 945 skrin f'443 belt fil-pajjiżi parteċipanti ta' MEDIA. L-iskema l-ġdida ta' diġitazzjoni se tagħti appoġġ direttament lit-teatri taċ-ċinema u tikkofinanzja ġabra identifikata biċ-ċar ta' spejjeż għat-tagħmir diġitali fl-għamla ta' finanzjament b’rata fissa. L-appoġġ ta' MEDIA jista' jiżdied ma' appoġġ nazzjonali; madankollu, se tingħata prijorità lit-teatri taċ-ċinema/pajjiżi li ma jistgħux jibbenefikaw minn ftehimiet VPF jew minn skemi ta' appoġġ nazzjonali għad-diġitizzazzjoni. It-teatri taċ-ċinema bbażati f'dawk il-pajjiżi se jingħataw attenzjoni partikolari, f'konformità mal-prijoritajiet tal-Programm MEDIA 2007[23]. Biex ikun jista' jingħata appoġġ fl-għamla ta’ finanzjament b’rata fissa li jiffinanzja studju fuq l-ispejjeż tat-tagħmir diġitali ġie kkummissjonat biex tiġi ddeterminata skala mobbli tal-ispejjeż unitarji. L-iskema se tiġi finalizzata u mnedija fi tmiem l-2010, fuq il-bażi tas-sejbiet minn dan l-istudju. Għażla oħra li trid tiġi esplorata hija l-faċilitazzjoni tal- aċċess tal-eżibituri għall-kreditu jew għall-appoġġ tal-ispejjeż ta' finanzjament tagħhom. F'perjodu ta' tnaqqis ta’ kreditu, miżura bħal din tista' tkun ir-rispons adegwat għal xi teatri taċ-ċinema billi ma tiswiex wisq, għandha fattur ta' multiplikazzjoni kbir, tnaqqas id-dipendenza fuq id-distributuri/studji u hija ħafna inqas probabbli li toħloq distorsjonijiet fis-suq. Għalhekk, qed tiġi kkunsidrata l-possibbiltà li jinfetaħ Fond ta' Garanzija tal-Produzzjoni MEDIA lill-eżibituri u/jew li jinħoloq skema i2i ġdida għalihom. Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) jista' wkoll ikollu rwol fit-tranżizzjoni diġitali billi jgħin il-fondi nazzjonali/pjanijiet ta' diġitizzazzjoni jaċċessaw is-self kummerċjali. Sadanittant, il-BEI ħa sehem fil-faċilita ta' kreditu ta' EUR 100 miljun mogħtija lill-integratur XDC għall-istrateġija taċ-ċinema diġitali fl-Ewropa. 7. Konklużjonijiet Il-Kummissjoni Ewropea hija konxja li t-tranżizzjoni għall-proġezzjoni diġitali għandha għadd ta' riskji li għandhom jiġu indirizzati biex it-teatri taċ-ċinema Ewropej jibbenefikaw mill-opportunitajiet tagħha. Biex tintlaħaq dak l-objettiv jinħtieġ li: - ikun hemm garanzija ta' flessibbiltà u trasparenza fil-proċess ta' standardizzazzjoni, sabiex l-istandards tal-proġezzjoni taċ-ċinema diġitali jissodisfaw il-ħtiġijiet diversi tat-teatri taċ-ċinema Ewropej; - ikun hemm sigurtà legali fil-qasam tal-għajuna tal-Istat għad-diġitazzjoni tat-teatri taċ-ċinema, fl-għamla ta' kriterji ta' valutazzjoni ċara li jippermettu lill-Istati Membri jiddiżinjaw l-iskemi tagħhom skonthom; - l-appoġġ finanzjarju tal-UE għat-tranżizzjoni diġitali tat-teatri taċ-ċinema li juru l-films Ewropej jew ikollhom impatt fuq l-iżvilupp reġjonali. Il-Kummissjoni għalhekk biħsiebha timplimenta l-elementi li ġejjin minn pjan ta' azzjoni għat-tranżizzjoni lejn il-proġezzjoni diġitali taċ-ċinema għat-teatri taċ-ċinema Ewropej: AZZJONI | SKEDA | Il-Kummissjoni se tħejji rapport dwar il-progress li jsir fl-adozzjoni tal-istandards tal-proġezzjoni taċ-ċinema diġitali biex tiżgura li dan jirrifletti l-ħtiġijiet tat-teatri taċ-ċinema Ewropej u li jiġu esplorati alternattivi għaċ-ċinema Ewropej li ma jirrikjedux jew ma għandhomx aċċess għal tagħmir 2k. | 2010 | Il-Kummissjoni se tniedi studju dwar l-ispejjeż tat-tagħmir diġitali biex jipprovdi dejta importanti minn madwar l-UE. | 2010 | Il-Kummissjoni se tniedi skema ġdida ta' appoġġ tal-MEDIA għad-diġitizzazzjoni tat-teatri taċ-ċinema li juru perċentwal sinifikanti ta' films Ewropej (mhux nazzjonali). | 2010 | Il-Kummissjoni se teżamina l-possibbiltà li testendi l-Fond ta' Garanzija tal-Produzzjoni MEDIA lill-eżibituri jew issib mod simili biex tiffaċilita l-aċċess tagħhom għall-kreditu. | 2011 | Il-Kummissjoni se tadotta Rakkomandazzjoni ddwar il-promozzjoni tad-diġitizzazzjoni taċ-ċinema Ewropea. | 2011 | Il-Kummissjoni se timmonitorja t-tranżizzjoni diġitali u tirrevedi l-aspetti differenti tagħha kollha fil-katina awdjoviżiva kollha (taħriġ, masters diġitali, ipprogrammar...). | 2012 | Il-Kummissjoni se tiżviluppa kriterji xierqa biex tevalwa l-appoġġ mill-għajnuna tal-Istat għall-proġezzjoni diġitali fil-Komunikazzjoni taċ-Ċinema. | 2012 | [1] Ara http://ec.europa.eu/eu2020/index_en.htm [2] Ara l-Komunikazzjoni COM(2010) 245 tad-19.05.2010, fis-sit http://ec.europa.eu/information_society/digital-agenda/index_en.htm, in particular p. 31-32. [3] Ara l-Komunikazzjoni COM(2010) 183, 27.4.2010, fihttp://ec.europa.eu/culture/our-policy-development/doc2577_en.htm [4] Ara http://ec.europa.eu/culture/portal/action/diversity/unesco_en.htm [5] Ara d-dokument tal-isfond tal-Konsultazzjoni pubblika:http://ec.europa.eu/culture/media/programme/overview/consultations/docs/background_digital_cinema_en.pdf [6] Fl-2007 (sors: Media Salles). [7] European Audiovisual Observatory, Yearbook 2008, volum 3, paġna 18. [8] Madwar EUR 60 000 (proġekter u server) kull skrin + spejjeż tal-installazzjoni + spejjeż assoċjat (adattament ta—kabina, estrazzjoni tal-kejbil, arja kkundizzjonata, lampi...) + spejjeż tal-manutenzjoni (ogħla milli għall-35 mm). [9] Erba' biss huma attivi f'itkar minn pajjiż Ewropew wieħed: Arts Alliance Media, XDC, Ymagis u Sony għal tagħmir 4k. [10] Mill-EUR 347 biljun li l-Politika ta' Koeżjoni se tinvesti f'reġjuni bejn l-2007 u l-2013, EUR 5.9 biljun se jiġu ddedikati lill-kultura, EUR 10 biljuni lill-proġetti ta' riġenerazzjoni urbana u rurali u EUR 15.2 biljuni lill-iżvilupp tal-infrastrutturi diġitali. Għall-proġetti kulturali appoġġati mill-Fondi Strutturali ara: http://ec.europa.eu/regional_policy/themes/culture/index_en.htm [11] Il-ġestjoni dettaljata tal-programmi li jirċievu appoġġ mill-Fondi Strutturali hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri. Għal kull programm, jaħtru awtorità tal-ġestjoni (fil-livell nazzjonali, reġjonali jew livell ieħor) li tinforma lill-benefiċjarji potenzjali, tagħżel il-proġetti u ġeneralment timmonitorja l-implimentazzjoni. Biex issib l-awtorità responsabbli ara"http://ec.europa.eu/regional_policy/manage/authority/authority_en.cfm [12] Il-Fond Ewropew ta' Żvilupp Rurali. [13] L-investigazzjoni tal-għajuna tal-Istat infetħet mill-Kummissjoni f'Lulju 2009. [14] State aid N 477/04 – United Kingdom, UK Film Council Distribution and Exhibition Initiatives - Digital Screen Network: L-Artikolu 107(3)(d) jirreferi għal "għajnuna biex tippromwovi l-konservazzjoni tal-kultura u l-wirt, fejn din l-għajnuna ma taffettwax il-kompetizzjoni u l-kundizzjonijiet ta' kummerċ b'mod li jmur kontra l-interess komuni". Fil-każ tal-UK Digital Screen Network, l-għajnuna skont din l-eżenzjoni ġiet approvata għas-swali taċ-ċinema li juru proporzjon kbir ta' films "speċjalizzati" bl-użu tat-tagħmir tal-proġezzjoni diġitali li kien iffinanzjat (kompletament). [15] Għajuna tal-Istat NN 70/2006 – Skema ta' għajuna liċ-ċinema fil-Finlandja: l-Artikolu 107(3)(c) jirreferi għal "għajnuna biex tiffaċilita l-iżvilupp ta' ċerti attivitajiet ekonomiċi jew ċerti oqsma ekonomiċi komuni, fejn din l-għajnuna ma taffettwax ħażin il-kundizzjonijiet tal-kummerċ b'mod li jmur kontra l-interess komuni". Il-Kummissjoni approvat l-appoġġ lis-swali taċ-ċinema fl-iskema ta' għajuna fil-Finlandja fuq din il-bażi. L-appoġġ kien intiża bħala finanzjament parzjali għall-akkwist tat-tagħmir u l-modernizzazzjoni fi swali taċ-ċinema (arthouse u dawk b'1-3 skrins) li joperaw primarjament f'lokalitajiet żgħar jew medji. Il-multiplexes u s-swali taċ-ċinema li kienu parti minn katina ikbar fiż-żona kapitali ġew esklużi mill-għajuna (u wkoll f'muniċipalitajiet medji, ħlief f'ċirkostanzi ekonomiċi limitati). [16] Biex tibbenefika mir-regola de minimis , l-għajnuna għandha tissodisfa l-kriterji li ġejjin:- Il-limitu għall-għajnuna koperta mir-regola de minimis hija ġeneralment EUR 200 000 (jew ekwivalenti tal-għotja fi flus) fi kwalunkwe perjodu ta' tliet snin fiskali lil kwalunwe impriża benefiċjarja. Il-perjodu relevanti ta' tliet sin għandu karattru mobbli, sabiex għal kull għotja ġdida ta' de minimis, l-ammont totali ta' għajnuna de minimis mogħtija matul tliet snin fiskali konsekuttivi (inkluż is-sena fiskali kurrenti) jeħtieġ jiġi determinat;- Il-limitu japplikaw għat-total tal-għajnuna pubblika kollha lil kull impriża benefiċjarja, li titqies li hi għajnuna de minimis. Din ma taffettwax il-possibbiltà tal-benefiċjarju li jikseb għajnuna tal-Istat oħra fi skemi approvati mill-Kummissjoni;- Il-limitu japplika għal għajuna ta' kull tip, irrispettivament mill-għamla tagħha jew l-għan li jrid jintlaħaq. L-uniku tip ta' għajnuna li huwa eskluż mill-benefiċċju tar-regola de minimis hija l-għajnuna għall-esportazzjoni;- Ir-Regolament japplika biss għal forom "trasparenti" ta' għajnuna li jfisser għajnuna li għaliha huwa possibbli li jiġi determinat l-ammont gross tal-għotja bil-quddiem mingħajr ma jkun hemm bżonn li ssir evalwazzjoni tar-riskju. Dan jimplika ċertu numru ta' restrizzjonijiet fuq ċerti forom ta' għajnuna bħal, pereżempju, il-garanziji;- Fid-dawl tas-sitwazzjoni ekonomika attwali, il-Kummissjoni, għal perjodu temporanju, se tqis l-għajnuna tal-Istat sa massimu ta' EUR 500 000 kull impriża bħala kompatibbli, sakemm jiġu sodisfatti ċerti kundizzjonijiet. Il-possibbiltà ta' garanzija tas-self sa massimu ta' EUR 1.5 miljuni se jitqies ukoll bħala de minimis. [17] Ara partikolarment it-18-il premessa fil-Preambolu u l-Artikolu 1(g). [18] L-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni dwar il-MEDIA 2007 tistipula l-għanijiet globali tal-programm:(a) li jippreserva u jtejjeb id-diversità kulturali u lingwistika Ewropea u l-wirt ċinematografiku u awdjoviżiv, jiggarantixxi l-aċċessibbiltà lill-pubbliku u jippromwovi d-djalogu interkulturali;(b) iżid iċ-ċirkolazzjoni u l-udjenza tax-xogħlijiet awdjoviżivi Ewropej fl-Unjoni Ewropea u barra, inkluż permezz ta' iktar kooperazzjoni bejn dawk involuti;(c) isaħħaħ il-kompetittività tas-settur awdjoviżiv Ewropew fil-qafas ta' suq Ewropew miftuħ u kompetittiv li jiffavorixxi l-impjiegi, inkluż permezz tal-promozzjoni tar-rabtiet bejn il-professjonisti awdjoviżivi. [19] Ara "Where to be trained in Europe" (Edizzjoni tal-2010 , partikolarment il-paġni 59-71): http://ec.europa.eu/culture/media/programme/training/guide/docs/guide2010v2_en.pdf [20] http://www.finest-film.com/en/index.html [21] Issa msejħa l-Librerija Ewropea taċ-Ċinema Diġitali (EDCL): Ara http://www.cnfilms.fr/soutien.html [22] 36 % tal-iskrinings u 34 % tal-ammissjonijiet kienu għal films Ewropew mhux nazzjonali fl-2009, meta mqabbel ma' inqas minn medja ta' 10 % fl-Unjoni Ewropea. [23] Fl-Artikolu 1.4.c), id-Deċiżjoni MEDIA 2007 tistabbilixxi bħala waħda mill-prijoritajiet tagħha "it-tnaqqis tal-iżbilanċi fis-suq awdjoviżiv Ewropew bejn il-pajjiżi b'kapaċità għolja ta' produzzjoni awdjoviżiva u pajjiżi jew reġjuni b'kapaċità baxxa ta' produzzjoni awdjoviżiva u/jew żona ġeografika u lingwistika ristretta".