RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U L-PARLAMENT EWROPEW dwar l-operazzjonijiet tal-Kunsill Ewropew tar-Riċerka u l-ilħiq tal-għanijiet stabbiliti fil-Programm Speċifiku "Ideat" fl-2009 /* KUMM/2010/0458 finali */
[pic] | Il-KUMMISSJONI EWROPEA | Brussel 3.9.2010 KUMM(2010) 458 finali RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U L-PARLAMENT EWROPEW dwar l-operazzjonijiet tal-Kunsill Ewropew tar-Riċerka u l-ilħiq tal-għanijiet stabbiliti fil-Programm Speċifiku "Ideat" fl-2009 (Test b'rilevanza għaż-ŻEE) DAħLA U BAżI LEGALI Il-Kunsill Ewropew tar-Riċerka (KER) li nħoloq b'Deċiżjoni tal-Kummissjoni[1] fl-2007, jimplimenta Programm Speċifiku "Ideat" taħt is-Seba' Programm Kwadru (FP7). Il-KER jikkonsisti f'Kunsill Xjentifiku indipendenti (ScC – Scientific Council) appoġġat bi Struttura Ddedikata għall-Implimentazzjoni (DIS – Dedicated Implimentation Structure). Fl-2007 inħolqot l-Aġenzija Eżekuttiva tal-KER (ERCEA) [2] taħt ir-reġim ġenerali tal-aġenziji eżekuttivi[3] bil-ħsieb li din tieħu f'idejha r-rwol tad-DIS mill-Kummissjoni. Ir-responsabbiltà għall-implimentazzjoni tal-programm "Ideat" u tal-appoġġ għas-ScC kien iddelegat lill-ERCEA permezz ta' Att ta' Delegazzjoni[4] u ngħatat awtonomija lill-ERCEA f'Lulju 2009. L-"Analiżi tal-Istrutturi u l-Mekkaniżmi" tal-KER kienet pass ieħor importanti matul l-2009. Din kienet valutazzjoni indipendenti ta' ċerti aspetti ewlenin tal-KER, li tqis l-esperjenza miksuba minn meta dan inħoloq. F'konformità mal-Artikolu 4.4 u l-Anness I għad-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-Programm Speċifiku "Ideat", dan ir-Rapport Annwali tal-Kummissjoni, imfassal f'kooperazzjoni mal-ScC tal-KER, jippreżenta l-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-operazzjonijiet tal-KER u l-ilħiq tal-għanijiet tiegħu fl-2009. Il-kontribuzzjoni tal-ERCEA hija rikonoxxuta. KWISTJONIJIET TA' STRATEġIJA L-ScC huwa responsabbli mit-twaqqif ta' strateġija xjentifika tal-KER, u jistabbilixxi l-Programm ta' Ħidma (WP-Working Programme) "Ideat". Skemi ta' Finanzjament Il-Kunsill Xjentifiku jimmira li jiddefinixxi viżjoni ċara u stabbli għall-attivitajiet ta' riċerka tal-KER permezz ta żewġ skemi ta' għotjiet għall-oqsma kollha tar-riċerka: - L-Għotjiet tal-KER Għal Riċerkaturi Indipendenti Debuttanti (“Għotjiet tal-KER għal Riċerkaturi Debuttanti"(StG – Starting Grants)) : imfasslin sabiex jgħinu lir-riċerkaturi li jkunu kisbu l-Ph.D fi żmien riċenti sabiex jistabbilixxu l-indipedenza tagħhom. - L-Għotjiet tal-KER għal Riċerkaturi Avvanzati (“Għotjiet tal-KER għal Riċerkaturi Avanzati (AdG – Advanced Grants) ) : għar-riċerka li tkun assolutament l-aqwa waħda, mwettqa minn riċerkaturi b'iktar esperjenza u li jaħdmu fl-Ewropa. Programm ta' Ħidma għall-Programm Speċifiku "Ideat" tal-2010 Il-Programm ta' Ħidma tal-2010 għall-Programm Speċifiku "Ideat"[5] kien stabbilit minn ScC fit-2/04/09 u wara ġie adottat mill-Kummissjoni fid-29/07/09. Ma ddaħħlet l-ebda tibdila fundamentali fl-istrateġija permezz tal-Programm ta' Ħidma tal-2010, għalkemm l-iskemi tal-għotjiet ġew irfinati skont l-esperjenza miksuba. Sabiex tkompli tiġi żgurata valutazzjoni iktar xierqa għaż-żewġ sottogruppi li jikkompetu għall-StG tal-KER (jiġifieri investigaturi fi stadju bikri tat-tranżizzjoni għall-indipendenza fir-riċerka u riċerkaturi li jkunu fil-fażi ta' konsolidazzjoni tal-attività u tat-tim tar-riċerka tagħhom), l-ScC estenda l-perjodu tal-eliġibbiltà għall-applikanti minn sentejn (2) għall-għaxar (10) snin wara l-Ph.D. Dan kien possibbli wkoll bħala riżultat tal-baġit imsaħħaħ b'mod konsiderevoli għall-2010. Matul il-perjodu ta' eliġibbiltà, l-Investigaturi Prinċipali applikanti jitqassmu f'sottogruppi prinċipali matul l-evalwazzjoni: l-applikanti li jkunu ngħataw il-Ph.D mill-inqas sentejn (2) u mhux iktar minn sitt (6) snin qabel (deskritti b'mod ġenerali bħala "debuttanti") u dawk li jkunu ġabu l-Ph.D iktar minn sitt (6) snin qabel iżda mhux iktar minn għaxar (10) snin qabel il-pubblikazzjoni tas-sejħa. Sabiex tiġi assigurata rata ta' suċċess komparabbli bejn id-"debuttanti" u l-"konsolidaturi" il-baġit indikattiv għal kull panel tqassam b'mod proporzjonat skont id-domanda tal-baġit tal-proposti mressqa miż-żewġ kategoriji ta' applikanti. Aġġustamenti oħra kienu jinkludu iktar simplifikazzjoni fir-regoli tat-tressiq mill-ġdid u applikazzjonijiet multipli u l-introduzzjoni ta' miżuri li jiġbdu iktar lir-riċerkaturi li joqogħdu f'pajjiżi terzi lejn l-UE u lejn il-pajjiżi assoċjati kif ukoll sabiex sabiex titħeġġeġ iktar il-parteċipazzjoni tax-xjentisti nisa. Għandu jkun hemm iktar disponibbiltà ta' finanzjament addizzjonali għar-riċerkaturi minn pajjiżi terzi bil-għan li dawn jiġi megħjuna u mħeġġa jistabbilixxu rwieħhom fl-Ewropa. Se tingħata iktar konsiderazzjoni f'każijijiet fejn ikunu saru interuzzjonijiet iktar qabel fil-karriera u meta jkunu ttieħdu toroq mhux konvenzjonali fil-karriera. Wieħed jittama li dawn se jħeġġu iktar parteċipazzjoni min-naħa tax-xjentisti nisa. Metodoloġija ta' analiżi minn pari Il-KER jagħmel użu minn struttura ta' panels ta' analiżi minn pari ta' livell għoli ħafna magħżul mill-ScC u jinkludi xjentisti, inġiniera u studjużi kemm mill-UE u kemm minn barra l-UE. Dawn il-panels ikopru d-dixxiplini kollha tar-riċerka u huma organizzati kemm għall-AdG u kemm għall-StG f'qafas ta' tliet dominji ewlenin tar-riċerka: Ix-Xjenzi tal-Fiżika u l-Inġinerija (PE), Ix-Xjenzi tal-Ħajja (LS) u x-Xjenzi Soċjali u Umanistiċi (SH). PROGRAMM TA' IMPLIMENTZZJONI Impenji ta' iktar minn EUR 794 861 770 u ħlasijiet ta' iktar minn EUR 221 422 331 50 ġew eżegwiti bis-sħiħ, u dawn jirrappreżentaw 100% tal-approprjazzjonijiet operazzjonali tal-Programm Speċifiku "Ideat" għall-2009. Għotjiet Mill-Programm ta' Ħidma tal-2008 'l hawn, is-sejħiet tal-KER jinvolvu proċess ta' applikazzjoni fuq stadju wieħed, fejn l-applikanti huma mitluba jressqu l-proposta sħiħa tagħhom, u evalwazzjoni f'żewġ stadji[6]. L-għotjiet jiġu offruti għall-aqwa proposti skont il-baġit disponibbli. L-offerta ssir abbażi l-proposta stess u l-finanzjament rakkomandat mill-evalwazzjoni tal-analiżi magħmula minn pari. Għotjiet tal-Bidu tal-KER Is- sejħa tal-StG tal-KER tal-2009 kienet ippubblikata f'Lulju 2008 b'dati tal-iskadenza fil-ħarifa tal-2008 u b'baġit indikattiv ta' EUR 295.8 miljun. B'kollox intlaqgħu 2 503 proposti, imqassmin skont id-dominju kif ġej: 1 112 f'PE, 927 f'LS u 464 f'SH. Sar possibbli li jiġu ffinanzjati 242 proposta permezz tat-total tal-baġit miżjud għal EUR 325 miljun bis-saħħa tal-kontribuzzjonijiet tal-Pajjiżi Assoċjati fl-FP7[7]. Is-sejħa tal-StG tal-KER tal-2010 kienet ippubblikata f'Lulju 2009 b'dati tal-iskadenza bejn Ottubru u Diċembru tal-2009 u b'baġit indikattiv ta' EUR 528 miljun. B'kollox intlaqgħu 2 873 proposta, imqassmin skont id-dominju kif ġej: 1 205 proposti fix-Xjenzi tal-Fiżika u tal-Inġinerija, 1 029 fix-Xjenzi tal-Ħajja u 639 fix-Xjenzi Soċjali u Umanistiċi[8]. Għotjiet Avvanzati tal-KER B'kollox ġew iffinanzjati 282 applikazzjoni mressqa għas- sejħa tal-AdG tal-KER tal-2008 minn baġit finali ta' EUR 553 miljun li kienu jinkludu l-kontribuzzjonijiet tal-baġit mill-Pajjiżi Assoċjati tal-FP7[9]. Is-sejħa tal-StG tal-KER tal-2009 kienet ippubblikata f'Novembru 2008 b'dati tal-iskadenza fir-rebbiegħa tal-2009 u b'baġit indikattiv ta' EUR 489.5 miljun. Minħabba li kien mistenni li jkun hemm domanda għolja, l-ScC kien iddeċieda li l-ewwel żewġ sejħiet tal-AdG tal-KER (2008 u 2009) jkunu marbutin flimkien. Għal din ir-raġuni, kien iddikjarat fil-Programm ta' Ħidma "Ideat" tal-2008 li fil-każ ta' kwalunkwe waħda miż-żewġ sejħiet, l-ebda applikant ma jista' jiġi assoċjat ma' iktar minn proposta waħda. Is-sejħa tal-2009 xorta attirat 1 583 applikazzjoni li minnhom, 236 ġew inizjalment magħżula għal finanzjament. Jista' jkun li jiġu ffinanzjati iktar proposti skont id-disponibbiltà tal-kontribuzzjonijiet tal-Pajjiżi Assoċjati tal-FP7. Is-sejħa tal -AdG tal-KER tal-2010 kienet ippubblikata f'Ottubru 2009 b'dati tal-iskadenza bejn Frar u April tal-2010 u b'baġit indikattiv ta' EUR 590 miljun. Rappurtar dwar din is-sejħa se jkun disponibbli fir-Rapport Annwali tal-Kummissjoni tal-2010. Kumitat tal-Programm Minbarra d-doveri formali tiegħu, il-Kumitat tal-Programm[10] tal-Programm Speċifiku "Ideat" iservi ta' netwerk ta' komunikazzjoni importanti bejn l-Istati Membri u l-Pajjiżi Assoċjati tal-FP7, l-ScC, is-Segretarju Ġenerali tal-KER u l-Kummissjoni. Fl-2009, il-laqgħat ta' dan il-kumitat saru fit-23/04 u fit-30 /09. Analiżi etika Il-Panel estern tal-Etika eżamina 133 proġett minn dawk magħżula għall-finanzjament taħt is-sejħa għall-StG tal-KER tal-2009 u wettaq analiżi etika sħiħ ta' 42 minnhom. Il-proġetti kollha ħlief wieħed ġew approvati mill-analiżi[11]. Għas-sejħa tal-AdG tal-KER tal-2009, tressqu 146 proposta għall-approvazzjoni etika, li minnhom ġew identifikati 49 proposta għall-analiżi etika sħiħa u 78 proposta li għalihom intalbu biss approvazzjonijiet mill-awtoritajiet nazzjonali. L-analiżi etika sħiħa kienet organizzata mill-ERCEA ħlief għal 19-il proposta li kienu jirrikjedu metodi li jinvadu lis-suġġetti umani – l-iktar tfal – u primati mhux umani u għalhekk tressqu lill-Kummissjoni minħabba n-natura sensittiva tagħhom. Rimedju Il-konfigurazzjoni ta' "Ideat" tal-kumitat ta' rimedju[12] ikkonsidrat 85 talba ta' rimedju b'konnessjoni ma' proposti mressqa taħt is-sejħa tal-StG tal-KER għall-2009 u 74 talba marbutin mas-sejħa tal-AdG tal-KER tal-2009, li jirrappreżentaw bejn wieħed u ieħor 3.5% u 4.5% tal-proposti mressqa għal kull sejħa. Il-kumitat ta' rimedju kkonkluda li 10 talbiet marbutin mas-sejħa tal-StG tal-KER għall-2009 kien jistħoqqilhom evalwazzjoni jew evalwazzjoni mill-ġdid. F'każ wieħed bħal dan, marbut ma' proġett magħżul, id-deċiżjoni meħuda qabel dwar l-ammont tal-finanzjament inbidlet. Id-deċiżjonijiet li jirrigwardaw it-talbiet ta' rimedju fil-każ tal-AdG tal-KER fl-2009 ma ġewx iffinalizzati sal-aħħar tas-sena. Komunikazzjoni Il-KER ipparteċipa f'għadd ta' avvenimenti ta' interess fil-komunità xjentifika u pproduċa u qassam materjal promozzjonali. Laqgħat Saret konferenza ddedikata esklussivament għall-KER f'Istanbul fit-13/03/09 li ħabtet mas-sessjoni plenarja tal-ScC li nżammet hemmhekk[13]. Il-konferenza kienet indirizzata mir-rappreżentanti tal-KER, il-gvern Tork u l-komunità tar-riċerka lokali kif ukoll dawk li rċevew l-għotjiet u l-partijiet interessati tal-KER. Il-KER kellu rwol sinifikanti u viżibbli fil-konferenza Konnessjoni tar-Riċerka (7-8/05/09) organizzata mill-Kummissjoni fi Praga matul il-Presidenza Ċeka tal-UE. Il-KER kien qed jipparteċipa wkoll fit-58 Laqgħa tar-Rebbieħa tal-Premju Nobel f'Lindau (bejn it-28/06 u t-3/07),fis-"Source Event", li hija fiera tal-karrieri fix-xjenzi li saret Londra (25/09) u l-ewwel Fiera tal-Karrieri fir-Riċerka Ewropea li saret f'Berlin (4/12). L-avveniment ta' inawgurazzjoni tal-ERCEA, ERC – The future starts today (KER- Il-futur jibda llum) sar f'Settembru 2009 fl-okkażjoni tal-awtonomija tal-aġenzija u l-installazzjoni tagħha fil-bini l-ġdid. Ġew organizzati għadd ta' ġranet ta' informazzjoni għal partijiet interessati, ħafna drabi permezz tan-netwerk tal-Punti ta' Kuntatt Nazzjonali. Dawn iltaqgħu f'postijiet madwar l-UE u fil-Pajjiżi Assoċjati fl-FP7 inkluż bliet fid-Danimarka, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, il-Lussemburgu, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Portugall, is-Serbja, l-Isvezja, ir-Renju Unit u n-Norveġja. Il-KER fittex ukoll li jżid il-viżibbiltà fl-Istati Uniti billi pparteċipa fil-Fiera Ewropea tal-Karrieri (Boston), fil-Laqgħa Annwali tal-Assoċjazzjoni Amerikana għall-Avvanz tax-Xjenza (AAAS - American Association for the Advancement of Science) (Chicago) u fil-Fiera Internazzjonali tal-Karrieri (San Francisco). Pubblikazzjonijiet Ġie ppubblikat it-tieni Rapport Annwali tal-KER, ippreparat taħt l-awtorità tal-ScC u li jiddeskrivi l-attivitajiet u s-suċċessi tal-KER. Ingħatat l-iktar importanza lill-perspettivi u l-aspettattivi tal-Investigaturi Prinċipali tal-proġetti ffinanzjati. Pubblikazzjonijiet fuq il-karta kienu jinkludu wkoll volantini, skedi informattivi, fuljetti u posters li għadhom sa issa jitqassmu fi kwantitajiet kbar bħala mod ta' kif jiġi introdott il-KER u x-xogħol tiegħu. Ġie prodott vidjow li jispjega l-istrateġija tal-KER, il-missjoni u l-finanzjament tal-StG tal-KER u huwa mistenni li jiġi ċċirkolat f'firxa wiesgħa. L-informazzjoni aġġornata issa saret disponibbli permezz tal-websajt[14] tal-KER u tal-CORDIS[15], il-portal Ewropew dwar ir-riċerka u l-iżvilupp. Monitoraġġ, Valutazzjoni u Evalwazzjoni tal-Programm Speċifiku "Ideat" Fl-2009 baqgħet tapplika l-istrateġija u l-qafas għall-monitoraġġ, il-valutazzjoni u l-evalwazzjoni tal-KER li kienu ġew żviluppati qabel. Fl-2008 intgħażlu żewġ proposti għall-Azzjonijiet ta' Koordinazzjoni u Appoġġ (CSAs- Co-ordination and Support Actions): waħda li tanalizza l-impatt tal-programm fuq ir-riċerkaturi, l-organizzazzjonijiet tar-riċerka, l-istituzzjonijiet tal-finanzjament u l-istrutturi tal-politka, u l-oħra fuq l-iżvilupp tal-karrieri, l-istituzzjonijet ospitanti, l-istrutturi tar-riċerka u r-riżultati tar-riċerka. Wara analiżi ta' dawn ir-riżultati, ġie ppubblikat it-tieni sett ta' sejħiet tas-CSA fl-2009, li kienu jikkonċentraw fuq il-"lakuni" fis-suġġetti u l-oqsma ta' interess fejn ma kien hemm l-ebda proposta magħżula għal finanzjament fis-sejħa ta' qabel. L-ewwel riżultati huma mistennija għall-aħħar tal-2010. CSA oħra li għalihom ġiet varata sejħa fl-2008 tipprovdi appoġġ lill-President u l-Viċi President tal-ScC fuq il-postijiet tax-xogħol tagħhom. STRUTTURI U MEKKANIżMI TAL-KUNSILL EWROPEW TAR-RIċERKA Il-Kunsill Xjentifiku Matul l-2009, l-ScC iltaqa' ħames darbiet f'postijiet differenti li jinsabu fl-Istati Membri u fil-Pajjiżi Assoċjati tal-FP7 għal sessjoni plenarja sabiex jippromwovi l-KER u l-Programm Speċifiku "Ideat" f'dawn il-pajjiżi u biex jiġbed ukoll l-attenzjoni tal-komunità tax-xjenza u r-riċerka lokali. Fl-2009 il-Kunsill Xjentifiku ltaqa' darbtejn fi Brussell (27-29/04 u 12-14/10) u darba f'Istanbul (10-12/03), f'Varsavja (29/06 - 1/07) u f'Rehovot, l-Iżrael (14-16/12). Il-Bord tal-KER, stabbilit mill-ScC iltaqa' ħames darbiet matul is-sena sabiex jippjana l-laqgħat tal-ScC u sabiex jikkoordina mal-ERCEA. Ħatra ta' membri ġodda Fl-2008 ġie stabbilit "Kumitat ta' Identifikazzjoni"[16] mill-Kummissjoni sabiex jidentifika membri ġodda biex jimtlew il-postijiet vakanti tal-ScC u sabiex jagħmel rakkomandazzjonijiet fuq metodu għal bdil tal-membri fil-ġejjieni[17]. Il-Kumitat ippreżenta proposti lill-Kummissjoni f'Jannar 2009 wara konsultazzjonijiet mal-komunità xjentifika[18]. Abbażi tal-proposti ta' dan il-kumitat, il-Kummissjoni nnominat lil Prof. Dr Sierd A. P. L. Cloetingh (VU Amsterdam), Prof. Carlos M. Duarte (Kunsill Spanjol għar-Riċerka Xjentifika, CSIC) u Prof. Henrietta L. Moore (Università ta' Cambridge) bħala membri ġodda tal-ScC[19]. Għal ħatriet fil-ġejjieni, il-kumitat ippropona li bejn wieħed u ieħor, it-terminu ta' terz mill-membri tal-ScC jiġġedded darba kull sentjen (li jimplika li normalment it-terminu tagħhom ikun ta' sitt snin, u jista' jiġġedded) u li l-Kumitat ta' Identifikazzjoni jiġi stabbilit bħala kumitat permanenti sabiex jidentifika membri ġodda sabiex jimtlew postijiet vakanti li jinqalgħu. Is-Segretarju Ġenerali tal-KER Fit-30 ta' Ġunju t-terminu tal-ewwel segretarju ġenerali, Prof. Ernst-Ludwig Winnacker, wasal fi tmiemu. Prof. Andreu Mas-Colell, Professor tal-Ekonomija fl-Universitat Pompeu Fabra f'Barcelona u President tal-"Barcelona Graduate School of Economics", inħatar fil-kariga b'mandat sa Diċembru 2011[20]. Is-Segretarju Ġenerali tal-KER jaġixxi taħt l-awtorità tal-ScC, huwa responsabbli għal koordinazzjoni effettiva bejn l-ScC, il-Kummissjoni u l-ERCEA, u jimmonitorja l-implimentazzjoni effettiva tal-Istrateġija u l-pożizzjonijiet adottati mill-ScC, mill-ERCEA. L-Aġenzija Eżekuttiva tal-KER Fil-15/07/09 l-ERCEA ingħatat Awtonomija amminstrattiva. Din kienet inawgurata uffiċjalment fil-bini l-ġdid tagħha fi Brussell fl-24/09 waqt l-avveniment "ERC – The future starts today " li kienet indirizzata minn Dr Tobias Krantz (Ministru Svediż għall-Edukazzjoni u r-Riċerka, bħala rappreżentant tal-Presidenza tal-UE) Janez Potočnik (Kummissarju Ewropew għax-Xjenza u r-Riċerka), Herbert Reul MPE (President tal-Kumitat ITRE tal-PE), Prof. Fotis C. Kafatos (President tal-KER u tal-ScC) u Dr Jack Metthey (Direttur ad interim tal-ERCEA u Direttur fil-Kummissjoni) flimkien ma' partijiet interessati mistiedna u l-persunal tal-ERCEA. Sa minn Lulju 2009 l-ERCEA kienet responsabbli għall-aspetti kollha tal-implimentazzjoni amministrattiva u tal-eżekuzzjoni tal-programm kif provdut fil-Programm ta' Ħidma. L-operazzjonijiet tal-ERCEA huma sorveljati minn Kumitat tat-Tmexxija, maħtur mill-Kummissjoni u magħmul minn tliet ufficjali tal-Kummissjoni, membru tal-ScC u xjentist indipendenti; is-Segetarju Ġenerali tal-KER huwa osservatur. Fl-2009, il-Kumitat tat-Tmexxija iltaqa' erba' darbiet u adotta deċiżjonijiet marbutin mal-Programm ta' Ħidma Annwali u l-baġit tal-ERCEA, l-istruttura organizzattiva u d-data tal-awtonomija. F'kull waħda mil-laqgħat tiegħu, il-Kumitat tat-Tmexxija rċieva rapport dettaljat dwar il-progess mingħand id-Direttur tal-ERCEA. Staff tal-ERCEA Ir-rata tat-taħriġ u effettivament tal-bidu tal-qadi tad-dmirijiet żdiedet b'mod konsiderevoli fl-2009 meta mqabbel mas-sena ta' qabel. 201 rekluta ġdid wasslu sabiex it-total tal-persunal tal-ERCEA jilħaq il-262 li jfisser żieda ta' erba' darbiet fuq l-2008. Fir-rigward tat-tmexxija tal-ERCEA, 13 mis-16-il kariga issa mtlew. Matul l-2009, minbarra l-għażla u t-taħriġ tal-persunal, l-ERCEA kkonsolidat u żviluppat ir-riżorsi umani tagħha. B'mod partikolari, il-Kumitat tat-Tmexxija adotta regoli ta' implimentazzjoni marbutin mat-tmexxija tal-persunal. Memorandum ta' Ftehim L-MoU ġie ffirmat bejn il-Kummissjoni u l-ERCEA f'Lulju tal-2009 f'konformità mal-Artikolu 4.3 tal-Att ta' Delegazzjoni. L-għan huwa li jiġu stabbiliti arranġamenti għall-komunikazzjoni ta' kuljum bejn id-DĠ responsabbli u l-ERCEA fl-implimentazzjoni tal-Programm Speċifiku "Ideat". Analiżi tal-Istrutturi u l-Mekkaniżmi Il-proċess tal-analiżi L-Anness I għad-Deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi l-Programm Speċifiku "Ideat" jitlob li jkun hemm "analiżi indipendenti li trid titwettaq ukoll mill-istrutturi u l-mekkaniżmi tal-KER, skont il-kriterji tal-eċċellenza xjentifika, l-awtonomija, l-effiċjenza u t-trasparenza u bil-parteċipazzjoni sħiħa tal-ScC [traduzzjoni mhux uffiċjali][21]. L-analiżi twettqet bejn Frar u Lulju 2009. L-ScC tal-KER kien involut bis-sħiħ fil-proċess ta' analiżi u qabel b'mod ġenerali mal-orjentazzjonijiet li ttieħdu fl-aħħar mill-Panel. Ġew ippreżentati evidenza u dokumentazzjoni lill-Panel, mill-Kummissjoni, mill-ScC u minn organizzazzjonijiet tar-riċerka Ewropej[22]. Saru seduti ma' uffiċjali tal-Kummissjoni (mid-Direttorati Ġenerali tar-Riċerka u tal-Baġit u mis-Servizz Legali) u mill-ScC (il-President, il-Viċi President u s-Segretarju Ġenerali) u l-President tal-assoċjazzjoni Ewropea tal-kapijiet ta' organizzazzjonijiet li jiffininzjaw u jwettqu attivitajiet ta' riċerka, il-EUROHORCS. Ġie mħejji kwestjonarju onlajn għall-applikanti, il-membri tal-panel u l-arbitri speċifikament dwar il-proċess ta' evalwazzjoni tal-analiżi minn pari. L-Istitut Universitarju Ewropew qed imexxi l-proċess u janalizza r-riżultati ta' dan il-kwestjonarju. Ir-riżultati tal-analiżi. Il-Panel ippreżenta r-rapport tiegħu f'Lulju[23]. B'mod ġenerali ntqal li l-KER irnexxielu "minkejja li ma kien qatt mistenni", li joħloq struttura prominenti fir-riċerka Ewropea, li ġeneralment tilħaq l-għan iddikjarat tagħha li huwa dak tal-libertà akkademika, l-eċċellenza u l-mertu u pproduċa "effett sekondarju pożittiv" f'uħud mis-sistemi tar-riċerka nazzjonali. Madankollu, il-Panel identifika xi problemi speċifiċi marbutin mar-regoli u l-prattiki applikati fil-governanza tal-KER li ma kinux adattati bis-sħiħ għall–missjoni tal-KER, jiġifieri l-finanzjament tar-riċerka fil-fruntieri tal-għarfien., li huma problemi li għalihom jeħtieġ li tinsab soluzzjoni sabiex tkun żgurata s-sostenibbiltà tal-KER fuq perjodu twil ta' żmien. Ir-regoli finanzjari huma "ta' xkiel", jibbażaw l-iktar fuq kif jiġi evitat ir-riskju ta' frodi jew ta' ġestjoni ħażina iktar milli fuq il-fiduċja. Il-miżuri immedjati rakkomandati mill-analiżi jinkludu s-simplifikazzjoni u l-integrazzjoni tal-istrutturi ta' governanza flimkien mal-fużjoni tal-pożizzjonijiet tas-Segretarju Ġenerali tal-KER u tad-Direttur tal-ERCEA, billi jadattaw filosofija ta' finanzjament tar-riċerka fil-fruntieri tal-għarfien, jistabilixxu kumitati permanenti fuq għadd ta' suġġetti, jadottaw proċeduri sempliċi u ġodda għal persuni responsabbli mill-analiżi u għal dawk li jkunu fuq il-panels, itejbu t-trasparenza, il-kumpens finanzjarju lill-membri tal-ScC u jiffaċilitaw l-ingaġġ tax-xjentisti permezz tal-ERCEA. Il-Panel talab ukoll sabiex l-għotja li hija "kważi kuntratt" tinbidel f'somma sħiħa "għotja f'għajnuna" billi tingħata flessibbiltà lil kull min jingħata l-għotja sabiex jadatta d-direzzjoni ta' riċerka li jkun qed jaħdem fuqha. Ġew proposti proċeduri eħfef għall-ħatra u l-ġestjoni tal-esperti fil-proċess ta' analiżi minn pari. Fl-aħħar, il-Panel approva l-proposta tal-Kumitat ta' Identifikazzjoni dwar il-ħatra ta' membri ġodda fil-ScC u, ippropona li l-minuti tal-ScC[24] jiġu ppubblikati sabiex ikun hemm iktar trasparenza. Wara li ġew ikkunsidrati l-opportunitajiet u r-riskji potenzjali marbutin maż-żewġ tipi ta' struttura, l-analiżi ġiet f'pożizzjoni li filwaqt li mudell ta' aġenzija eżekuttiva, fl-istat attwali tagħha, tinvolvi għadd ta' limitazzjonijiet, id-diffikultajiet u r-riskji marbutin mal-bidla għal struttura ġdida bbażata fuq l-Artikolu 187 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea[25] li jinkludi l-possibbiltà ta' interferenza politika fl-indipendenza xjentifika tal-KER, ma jiġġustifikawx bidla fl-istruttura – għall-inqas sakemm jitwettqu l-prospetti għall-iżvilupp u l-irfinar tal-ERCEA sabiex tilħaq l-ambizzjonijiet tal-KER. Il-Panel jirrakkomanda analiżi oħra indipendenti fi żmien sentejn . Reazzjoni għall-analiżi mingħand il-Kunsill Xjentifiku L-ScC ħareġ reazzjoni għall-analiżi, billi kkumenta fuq kull rakkomandazzjoni li saret[26]. Ingħatat attenzjoni partikolari mill-ScC għall-proposti li jaddattaw ir-reġim amministrattiv aħjar sabiex jilħqu l-missjoni tal-KER u jissodisfaw il-ħtieġa li jikkunsidraw iktar l-istruttura legali tiegħu. Ir-reazzjoni dwar l-analiżi u segwitu mill-Kummissjoni. Ġiet ippubblikata komunikazzjoni f'Ottubru 2009 b'risposta għall-analiżi[27]. Din kienet tistabbilixxi l-azzjonijiet proposti għall-fażi li jmiss tal-KER, billi tibni fuq ir-rakkomandazzjonijiet li saru fir-rapport tal-Panel tal-Analiżi tal-KER. Dawn l-azzjonijiet jinkludu: l-ingaġġ tad-Direttur tal-ERCEA bħala xjenzat distint b'esperjenza amministrattiva soda, l-integrazzjoni tal-istrateġija tal-komunikazzjoni tal-KER sabiex tinkiseb viżjoni ċara, kopertura integrali, trasparenza msaħħa, tnaqqis fir-riskju ta' konflitti ta' interess, l-iċċarar tar-rwoli tal-ERCEA u tal-ScC u l-esplorazzjoni tal-possibbiltajiet li jingħata unur lill-membri tal-ScC li jattendu l-laqgħat plenarji tal-ScC (bħala rikonoxximent tal-impenn personali tagħhom, partikolarment lill-President u lill-Viċi President). Il-Kummissjoni beħsiebha tistabbilixxi Kumitat ta' Identifikazzjoni permanenti u indipendenti għal membri tal-ScC tal-ġejjieni sabiex tiżgura t-tiġdid gradwali tal-ScC. L-azzjonijiet għal terminu medju ta' żmien proposti fil-komunikazzjoni jittrattaw l-iktar proposti dwar il-proċeduri amministrattivi u finanzjarji. Il-Kummissjoni se tieħu l-opportunità offruta mill-analiżi tar-Regolament Finanzjarju li se ssir fuq it-tliet snin li ġejjin sabiex tara kif il-qafas li tistabbilixxi jista' jiġi addattat aħjar għal politiki Ewropej f'dan il-qasam, u li jiġi ssimplifikat, skont il-Komunikazzjoni adottata dan l-aħħar[28]. Meta tikkonsidra l-KER bħala "organizzazzjoni ta' tagħlim", il-Kummissjoni tkun qed issegwi il-Programm Speċifiku "Ideat" li jgħid: "... L-implimentazzjoni u l-ġestjoni tal-attività ser jiġu riveduti u evalwati fuq bażi kontinwa sabiex jiġu vvalutati l-kisbiet tagħha u sabiex jiġu aġġustati u mtejba l-proċeduri abbażi tal-esperjenza. ". KONKLUżJONIJIET U ĦARSA LEJN L-2010 Iż-żewġ żviluppi ewlenin tal-pjan ta' żmien tal-KER għall-2009 kienu li tingħata awtonomija lill-ERCEA u l-Analiżi tal-Istrutturi u l-Mekkaniżmi. Matul din is-sena (l-2010)se jkun hemm iktar progress marbut ma' dawk l-iżviluppi. Is-segwitu tal-analiżi tal-KER se tinvolvi l-ħatra ta' Direttur tal-ERCEA; huma previsti wkoll, emendi għal leġiżlazzjoni sabiex jiġi inkorporat titjib fil-bini u fl-operazzjonijiet tal-KER, li jinkludu l-ġestjoni ta' esperti indipendenti fil-proċess ta' analiżi minn pari. Se jiġi stabbilit ukoll Kumitat ta' Identifikazzjoni permanenti fid-dawl tat-tiġdid tal-kariga ta' wħud mill-membri li kien antiċipat għall-aħħar tal-ewwel mandat tagħhom fi Frar 2011. Il-finanzjament tal-għotjiet tal-KER hu mistenni li jibqa' fit-triq tat-tkabbir attwali tiegħu, b'baġit annwali li dejjem jogħla matul l-FP7. Il-Kummissjoni tinsab kuntenta li l-KER għadu popolari ħafna mar-riċerkaturi u r-reputazzjoni tiegħu hija mtejba bir-rekord tajjeb ħafna li nbena. Fid-dawl tal-fatt li l-volum ta' proposti ta' kwalità għolja x'aktarx jiżdied, il-KER għandu jkun f'pożizzjoni iktar b'saħħitha sabiex jikkontribwixxi għall-ambizzjonijiet Ewropej għal eċċellenza fuq livell dinji fir-riċerka, u b'hekk jikkontribwixxi wkoll għall-għan tal-istrateġija Ewropa 2020[29], dak li tiġi żviluppata ekonomija bbażata fuq l-għarfien u l-innovazzjoni. L-għanijiet, kif ukoll ix-xejriet ewlenin tal-arkitettura u l-mekkaniżmi tal-finanzjament tar-riċerka tal-UE għall-ġejjieni, se jiġu żviluppati iktar fl-inizjattiva prominenti li tħabbret fil-komunikazzjoni "Ewropa 2020" u li se tiġi ppreżentata fil-ħarifa tal-2010. [1] 2007/134/KE (ĠU L 57, 24.02.2007, p.14) [2] 2008/37/KE (ĠU L9, 12.01.2008, p.15) [3] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) 58/2003 (ĠU L 11, 16.1.2003, p. 1) [4] C(2008) 5694 (mhux ippubblikat) [5] C(2009)5928 tad-29.07.09, mhux ippubblikat [6] Ara wkoll 3.3 [7] Riċerkaturi eċċellenti addizzjonali magħżulin mit-tieni kompetizzjoni tal-StG tal-KER (L-Istqarrija għall-Istampa tal-ScC tal-KER, 29/10/09) [8] It-tielet sejħa tal-StG tal-KER attirat total ta' 2873 proposta, Aġġornament tal-KER, 18/12/09 (http://erc.europa.eu/pdf/NewsRelease_StG3_submissions.pdf) [9] Rapport dwar din is-sejħa kien inkluż fir-Rapport Annwali tal-Kummissjoni tal-2008 [COM(2009)488finali] [10] Artikolu 8 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/972/KE [11] L-uniku proġett li ma għaddiex immedjatament mill-ewwel analiżi kien suġettat għal iktar analiżi li kien għada għaddejja sal-aħħar tas-sena [12] ĠU L391 u ĠU L 400 tat-30.12.2006 (regoli tal-KE u tal-Euratom rispettivament) u l-corrigendum fil-Euratom ĠU L 54 of 22. 02.2007, p. 4 [13] Ara wkoll 4.1 [14] http://erc.europa.eu/ [15] http://cordis.europa.eu/ [16] Il-Membri ta' dan il-Kumitat kienu Prof. Eero Vuorio (Kanċillier tal-Università ta' Turku) bħala l-President, Prof. Hélène Ahrweiler (Rettur Onorarju u Kanċillier tal-Akkademja ta' Pariġi), Prof. Zita Aušrelė Kučinskienė (Dekan tal-Fakultà tal-Mediċina, l-Università ta' Vilnius) u Prof. Arnold Schmidt (Professur fl-Università tat-teknoloġija fi Vjenna) bħala membri [17] Avviżi fir-Riċerka tal-UE: Stabbiliment tal-Kumitat ta' Identifikazzjoni tal-KER. Brussell, 23/09/08 (http://ec.europa.eu/research/index.cfm?pg=newsalert&lg=en&year=2008&na=na-230908) [18] Kumitat ta' Identifikazzjoni tal-ScC tal-KER . Rapport finali (19/01/09) [19] Stqarrija għall-Istampa tal-Kummissjoni Ewropea. Ħatra ta' membri ġodda fil-ScC tal-KER (27/04/09) [20] Segretarju Ġenerali Ġdid tal-KER, Stqarrija għall-Istampa, 2/07/09 (http://erc.europa.eu/pdf/Press_release_New_SecGen_02_07_09.pdf) [21] Il-panel, ippresedut minn Vaira Vike-Freiberga u Lord Sainsbury il-Viċi President u dawn li ġejjin bħala membri: Yves Mény (li kien ukoll rapporteur tal-panel), Fiorella Kostoris Padoa Schioppa, Lars-Hendrik Röller u Elias Zerhouni, twaqqaf permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2009) 1871 [22] Dawn kienu: ALLEA (All European Academies), EARTO (European Association of Research and Technology Organisations), ESF (European Science Foundation), EUROHORCs (European Heads of Research Councils), EIRMA (European Industrial Research Management Association), BUSINESSEUROPE (The Confederation of European Business), EUA (European University Association), EASAC (European Academies' Science Advisory Council) u Academia Europaea [23] Panel ta' Analiżi, Navvanzaw lejn Organizzazzjoni tar-Riċerka ta' livell dinji fil-Fruntieri tal-Għarfien: Analiżi tal-Istrutturi u l-Mekkaniżmi tal-Kunsill Ewropew tar-Riċerka (23/07/09) [24] Ara4.1 [25] Li kien l-Artikolu 171 tat-Trattat KE, "L-Unjoni tista’ toħloq impriżi komuni jew kull struttura oħra neċessarja għall-esekuzzjoni effiċjenti tal-programmi tar-riċerka ta' żvilupp teknoloġiku u ta' dimonstrazzjoni tal-Unjoni" [26] Ir-rispons tal-Kunsill Xjentifiku tal-KER għar-rapport dwar l-Analiżi tal-Istrutturi u l-Mekkaniżmi tal-Kunsill Ewropew tar-Riċerka "Navvanzaw lejn organizzazzjoni tar-riċerka ta' livell dinji fil-fruntieri tal-Għarfien". (25/08/09) [27] (COM(2009) 552 finali) [28] COM(2010)187 [29] COM(2010)2020