52010DC0436

/* KUMM/2010/0436 finali */ RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW dwar l-implimentazzjoni tal-applikazzjonijiet ta' telerilevament u l-użu tar-riżorsi finanzjajri li jkunu tqiegħdu għad-dispożizzjoni tagħha skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 78/2008 (rapport interim)


[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 16.8.2010

KUMM(2010) 436 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-implimentazzjoni tal-applikazzjonijiet ta' telerilevament u l-użu tar-riżorsi finanzjajri li jkunu tqiegħdu għad-dispożizzjoni tagħha skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 78/2008(rapport interim)

SEG(2010) 984

WERREJ

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW dwar l-implimentazzjoni tal-applikazzjonijiet ta' telerilevament u l-użu tar-riżorsi finanzjajri li jkunu tqiegħdu għad-dispożizzjoni tagħha skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 78/2008 (rapport interim) 3

1. Introduzzjoni 3

2. Is-Sistema MARS għall-Previżjoni tar-Rendiment tal-Uċuħ tar-raba' 3

3. Implimentazzjoni 6

3.1. Implimentazzjoni globali 6

3.2. L-implimentazzoni fir-rigward tal-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 78/2008, 6

3.2.1. Il-miri tal-miżuri implimentati (l-Artikolu 1(1)) 6

3.2.2. Miżuri li għandhom ikunu implimentati (l-Artikolu 1(2)) 8

4. Prodotti u riżultati 9

5. L-użu tar-riżorsi tal-baġit 9

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-implimentazzjoni tal-applikazzjonijiet ta' telerilevament u l-użu tar-riżorsi finanzjajri li jkunu tqiegħdu għad-dispożizzjoni tagħha skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 78/2008(rapport interim)

INTRODUZZJONI

Informazzjoni dettaljata dwar l-użu tal-art agrikola u l-kondizzonjiet tal-uċuħ tar-raba' hija essenzjali għall-kwalità tar-rendiment u l-previżjonijiet tal-produzzjoni agrikola. Informazzjoni bħal din hija ta' użu partikolari għall-monitoraġġ tas-suq u l-ġestjoni tal-miżuri tas-suq relatati taħt l-Organizzazzjoni Komuni tas-Suq unika. F'dan il-kuntest, l-Unjoni Ewropea għamlet sforzi sostanzjali biex tiżviluppa u ttejjeb teknoloġiji u mudelli innovattivi relatati speċifikament mal-applikazzjonijiet tat-telerilevament. L-esperjenza li nkisbet turi li t-telerilevament jipprovdi informazzjoni indipendenti ta' kwalità għolja li ma tistax tinkiseb mill-istatistika agrikola u mis-sistema ta' previżjoni tradizzjonali.

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 78/2008[1] jipprovdi l-qafas legali għal dawn l-attivitajiet ta' telerilevament għall-perjodu 2008-2013.

L-applikazzjonijiet ta' telerilevament appoġġati taħt dan il-qafas jipprovdu informazzjoni utli lill-Kummissjoni Ewropea iżda wkoll għall-Istati Membri interessati, għall-istituti tar-riċerka u għal utenti oħrajn, permezz ta' tixrid ta' prodotti fuq firxa wiesgħa. Sa mill-bidu nett, is-sistema kienet tiġi mtejba b'mod kostanti. Lil hinn mill-għan primarju li tipprovdi previżjonijiet tar-rendiment mill-ħsad u l-produzzjoni, is-sistema pprovdiet ukoll għarfien utli dwar oqsma oħra rilevanti għall-agrikoltura tal-UE bħal kwistjonijiet tat-tibdil fil-klima.

Dan ir-rapport tħejja skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 78/2008 li jistipula li l-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport interim mhux aktar tard mill-31 ta' Lulju 2010 dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri ta' telerilevament u dwar l-użu tar-riżorsi finanzjarji li tqiegħdu għad-dispożizzjoni tagħha skont ir-Regolament.

IS-SISTEMA MARS GħALL-PREVIżJONI TAR-RENDIMENT TAL-UċUħ TAR-RABA'

Is-sistema għall-previżjonijiet tar-rendiment tal-produzzjoni tal-ħsad inbdiet fl-1988 bħala proġett pilota fuq 10 snin. L-attività, li dak iż-żmien kienet tissejjaħ il-Monitoraġġ tal-Agrikoltura permezz tar-Remote Sensing [tat-Telerilevament] (l-akronimu ta' dak iż-żmien kien MARS-STAT - Monitoring Agriculture with Remote Sensing, waqt li t'issa huwa AGRI4CAST), iffokat fuq il-valutazzjoni tar-rendiment tal-uċuħ tar-raba' u l-volumi tal-produzzjoni ta' diversi uċuħ tar-raba' fl-UE, abbażi tal-analiżi meteoroloġika, l-indikaturi agrometeoroloġiċi ssimulati tat-tkabbir tal-uċuħ, id-dejta bis-satellita b'riżoluzzjoni baxxa u l-analiżi statistika bl-użu tas- Sistema tat-Tbassir tal-Produzzjoni tal-Ħxejjex ( Mars Crop Yield Forecasting System - MCYFS) . Mill-1999 'l hemm din l-attività ġiet implimentata skont il-bażi legali tad-Deċiżjoni 1445/2000/KE[2] għall-perjodu 1999-2003 u l-estensjoni tagħha għall-perjodu 2004-2007 bid-Deċiżjoni 2066/2003/KE[3]. Mill-2008 sal-2013, din l-attività ġiet implimentata taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 78/2008. Is-sistema titħaddem fl-Istitut għall-Protezzjoni u s-Sigurtà taċ-Ċittadin (Institute for the Protection and Security of the Citizen - IPSC) taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (ĊKR) f'Ispra.

L-MCYFS hija għodda kumplessa ta' analiżi integrata li tindirizza l-għanijiet deskritti fir-Regolament, speċifikament għall-monitoraġġ tal-kondizzjonijiet tal-uċuħ, ir-rendimenti u l-produzzjoni agrikola.

Is-sistema tikkonsisti minn bosta moduli indipendenti, li huma integrati għall-monitoraġġ tal-andament tal-uċuħ u tipproduċi previżjonijiet dwar ir-rendiment tal-uċuħ. Mill-perspettiva teknika, l-MCYFS tinkludi: 1) il-manutenzjoni ta' dejtabejż meteoroloġika (ara l-Artikolu 1(2)(a) tar-Regolament); 2) l-applikazzjoni ta' mudelli agrometeoroloġiċi (ara l-Artikolu 1(2)(d)); 3) l-ipproċessar tad-dejta bis-satellita b'riżoluzzjoni baxxa (ara l-Artikolu 1(2)(a)); 4) analiżi statistika u previżjonijiet tar-rendiment tal-uċuħ prinċipali fil-livell nazzjonali madwar l-UE (ara l-Artikolu 1(2)(b)) kif ukoll għodod ta' viżwalizzazzjoni.

L-MCYFS titħaddem fuq erja li tkopri l-Kontinent Ewropew kollu, il-pajjiżi tal-Magreb u t-Turkija. L-uċuħ koperti bil-mudelli ta' simulazzjoni huma tal-qamħ artab, il-qamħ durum, ix-xgħir tax-xitwa u tar-rebbiegħa, iż-żerriegħa tal-qamħirrun, iż-żerriegħa tar-rapa, il-ġirasol, il-patata, il-pitravi taz-zokkor, il-ful, il-mergħat u r-ross.

Aktar informazzjoni dettaljata dwar is-sistema u r-riżultati tagħha tinsab fid-Dokument ta' Ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni mehmuż.

(1) Dejtabejż meteoroloġika

Dejta meteoroloġika tinġabar minn stazzjonijiet tal-meteoroloġija madwar l-Ewropa kollha. Id-dejta tiġi kkontrollata għall-kwalità u pproċessata aktar u analizzata. Tista' tintuża biex tiskatta allarmi ta' riskju (pereżempju detezzjoni ta' kondizzjonijiet tat-temp mhux normali matul xahar partikolari). Barra minn hekk tiġi analizzata dejta ta' previżjoni miċ-Ċentru Ewropew għall-Previżjonijiet Metereoloġiċi fuq Perijodu Medju (European Centre for Medium-Range Weather Forecasts ) bi tħejjija għal ħarsien inġenerali dwar il-kondizzjonijiet tat-temp li jaffettwaw l-art agrikola.

(2) Mudelli agrometeoroloġiċi użati għas-simulazzjoni tat-tkabbir tal-uċuħ

Isiru mudelli agrometeoroloġiċi għall-konverżjoni tad-dejta meteoroloġika f'estimi dwar il-produzzjoni tal-uċuħ f'bijomassa. L-għodod użati huma s-Sistema tal-Monitoraġġ tat-Tkabbir tal-Uċuħ (il-mudell World Food Study - WOFOST – adattat għal skala Ewropea), il-mudell Lingra użat għall-mergħat u l-Mudell Water Accounting Rice (WARM).

Informazzjoni addizzjonali, bħall-parametri tal-ħamrija, il-kalendarji tal-uċuħ, il-prassi tal-uċuħ u l-parametri tal-uċuħ, tintuża biex isiru s-simulazzjonijiet. F'dan il-livell, jinħolqu ħafna indikaturi/preditturi tal-uċuħ (pereżempju l-bijomassa potenzjali) u dawn jiġu ttrasferiti għall-analiżi statistika b'appoġġ għall-produzzjoni ta' previżjoni kwantitattiva tar-rendiment. Dawn l-elementi jikkontribwixxu wkoll għall-valutazzjoni tal-kondizzjonijiet tal-uċuħ (l-Artikolu 1(1)(b) tar-Regolament). Eżempji huma l-mapep li jindikaw temperatura estrema fi stadju partikolari tal-wiċċ, simulazzjonijiet tal-bijomassa u l-produzzjoni taż-żerriegħa, estimi tar-riżerva attwali tal-umdità fil-ħamrija, l-iżvilupp tal-wiċċ f'xahar partikolari, u d-diverġenza mill-medja fuq perjodu twil f'deċennju jew perjodu partikolari waqt l-istaġun tat-tkabbir għal kwalunkwe indikatur agrometeoroloġiku.

(3) Dejta bis-satellita b'riżoluzzjoni baxxa

L-applikazzjonijiet ta' telerilevament jikkontribwixxu fis-sistema fil-livelli kollha kif ukoll għat-titjib tal-mudelli tal-previżjonijiet agrikoli u għall-istabbiliment ta' mudelli bbażati skont ir-reġjun. Minbarra d-dejta mwassla mill-istazzjonijiet meteoroloġiċi tintuża informazzjoni mis-satelliti meteoroloġiċi (pereżempju r-radjazzjoni mkejla bis-satelliti fil-livell ta' riżoluzzjoni ta' 5 kilometri). Informazzjoni tat-telerilevament tiġi pproċessata biex jinħolqu indikaturi “imkejla” tal-veġetazzjoni li jistgħu jitqabblu mal-indikaturi agrometeoroloġiċi u jintużaw għall-analiżi statistika. Jintuża apparat tas-sensors tas-satellita b-riżoluzzjoni bejn baxxa u medja: SPOT Vegetation/NOAA-AVHRR (riżoluzzjoni ta' madwar 1 km) u MODIS (riżoluzzjoni ta' madwar 300-500 metru)[4].

(4) L-analiżi statistika

L-indikaturi miksuba mid-dejtabejż meteoroloġika, mid-dejtabejż agrometeoroloġika u mid-dejtabejż tat-telerilvament jitqabblu mas-serje taż-żmien tar-rendiment u jiġu analizzati b'metodi statistiċi (pereżempju analiżi rigressiva jew tax-xenarju). Ir-riżultati finali huma previżjonijiet kwantitattivi tar-rendiment li, flimkien mal-analiżi tar-riżultati msemmija hawn fuq, jiġu ppubblikati fil-bullettini tal-MARS. Id-dejta disponibbli fis-sistema tkopri perjodu ta' żmien twil, b'serje li tibda mill-1975.

(5) L-għodod ta' viżwalizzazzjoni u t-tixrid tar-riżultati

Id-detabejżiż (informazzjoni meteoroloġika, informazzjoni agrometeoroloġika, informazzjoni ta' telerilevament) jistgħu jiġu esplorati mill-utenti permezz tal-għodod tal-informazzjoni. L-attività AGRI4CAST tħaddem portal tal-internet li minn fuqu wieħed jista jiskrinja u jiddawnlowdja d-dejta tat-telerilevament u portal li minn fuqu wieħed jista jara u jiddawnlowdja l-informazzjoni meteoroloġika u agrometeoroloġika fil-forma ta' mapep elettroniċi. Wieħed għandu l-faċilità wkoll li jiddawnlowdja l-kondizzjonijiet tal-uċuħ u l-estimi tar-rendiment.

L-elementi kollha elenkati hawn fuq jintużaw għat-tħejjija tal-bullettini u l-istudji speċifiċi dwar il-kondizzjonijiet klimatiċi (ara l-Artikolu 1(2)(c)). Jipprovdu l-analiżijiet tas-sitwazzjoni tal-uċuħ tar-raba' fir-reġjuni differenti tal-UE, il-mapep tat-temp u l-indikaturi tal-uċuħ u l-mistennijiet tar-rendiment. Il-MARS Bulletin jiġi ppubblikat fuq il-karta kif ukoll fuq l-internet kważi kull xahar matul l-istaġun prinċipali tat-tkabbir.

IMPLIMENTAZZJONI

Implimentazzjoni globali

Għat-tkomplija tas-servizzi tal-operat mill-2008 sal-2013 f'konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 78/2008, ġie mniedi proġett ġdid imsejjaħ MARSOP3. Dan jiffoka fuq il-forniment ta' prodotti ta' operat f'ħin kważi reali liċ-ĊKR għall-monitoraġġ tal-produzzjoni u r-rendiment agrikoli fl-Ewropa. F'Awwissu 2007 ġiet ippubblikata sejħa għall-offerti (Attivitajiet ta' operat għall-azzjonijiet MARS (MARSOP3) 2008-2013, In-Notifika tal-Kuntratt Nru 2007/S 154-191094) fis-supplement ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

Wara l-evalwazzjoni tal-offerta għal Lot I (id-dejta meteoroloġika) u għal Lot II (l-akkwist u l-ipproċessar tad-dejta tas-satellita) u l-opinjoni favorevoli tal-Grupp ta' Konsulenza dwar l-Akkwist Pubbliku, ġie ffirmat kuntratt ma' konsorzju mmexxi minn Alterra BV.

Abbażi tal-prodotti tal-operat imwassla b'dan il-kuntratt, iċ-ĊKR iwettaq l-analiżi tal-kondizzjonijiet tal-uċuħ u jħejji l-estimi tar-rendiment u tal-produzzjoni. Dawn jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, tal-Istati Membri u taċ-ċittadini tal-UE.

L-implimentazzoni fir-rigward tal-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 78/2008,

L-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 78/2008 jistipula l-għanijiet fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-miżuri tat-telerilevament (l-Artikolu 1(1)) u d-dettalji dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu (l-Artikolu 1(2)). Għall-finijiet ta' referenzar faċli, id-deskrizzjoni li ġejja dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri ssegwi l-istruttura tal-Artikolu 1.

Il-miri tal-miżuri implimentati (l-Artikolu 1(1))

L-Artikolu 1(1)(a): il-ġestjoni tas-swieq agrikoli

L-attività tipprovdi previżjonijiet tar-rendiment tal-uċuħ li huma indipendenti, fil-ħin, xjentifiċi u traċċabbli għall-Istati Membri u l-pajjiżi ġirien tal-UE kollha fuq għażla ta' uċuħ tar-raba'. Din l-informazzjoni tintuża mis-servizzi tal-Kummissjoni għall-iskopijiet prinċipali li ġejjin: 1) aġġornament tal-karti bilanċjali tal-provvista tal-uċuħ; 2) valutazzjoni tal-kondizzjonijiet klimatiċi u tal-impatti potenzjali ta' avvenimenti tat-temp partikolari fl-Istati Membri jew f'reġjuni (pereżempju l-impatt ta' avvenniment ta' ġlata tard); 3) monitoraġġ ta' kondizzjonijiet tal-uċuħ f'pajjiżi terzi. Previżjonijiet tar-rendiment tal-AGRI4CAST jingħataw ukoll lis-Sistema ta' Estimi Bikrija tal-Eurostat.

L-indipendenza u l-affidabbiltà tar-riżultati mħejjija mill-AGRI4CAST jitqiesu mis-servizzi tal-Kummissjoni bħala assi importanti. L-analiżi statistika mwettqa bis-saħħa tal-indikaturi tat-tkabbir tal-uċuħ hija trasparenti, traċċabbli u tinżamm għas-simulazzjoni tal-uċuħ u għas-snin kollha. Sett ta' indikaturi statistiċi (pereżempju l-għerq kwadrat tal-medja tad-differenzi kwadrati (root mean square error) għal intervalli differenti ta' kunfidenza, devjazzjoni standard) jingħata għal kull wieħed mill-mudelli. Fi tmiem il-kampanja tal-previżjoni ssir analiżi tad-differenza li tqabbel il-previżjonijiet tar-rendiment tal-uċuħ mar-rendimenti attwali osservati biex tiġi kkwantifikata d-differenza tal-previżjoni tar-rendiment u tiġi evalwata l-prestazzjoni tal-eżerċizzju ta' previżjoni. Biex jingħata eżempju, id-differenza globali, imkejla bħala medja tad-differenza perċentwali assoluta tal-previżjoni għall-UE-27 fl-2007 u fl-2008 tul ix-xhur kollha kienet ta' 1,6 % għaċ-ċereali kollha flimkien. Il-mira hija li d-differenza tkun anqas minn 3 %

L-Artikolu 1(1)(b): il-monitoraġġ tal-kondizzjonijiet u l-estimi tal-uċuħ tar-raba'

Minbarra l-previżjonijiet tar-rendimenti, il-kondizzjonijiet tal-uċuħ huma mmonitorjati mill-qrib matul l-istaġun tat-tkabbir kollu. Informazzjoni meteoroloġika u tat-telerilevament hija analizzata u marbuta mal-informazzjoni rilevanti dwar l-uċuħ tar-raba' abbażi tar-riżultati tal-immudellar bijofiżiku (pereżempju l-impatt ta' mewġa ta' sħana jew ta' kesħa f'salt fi stadji partikolari tal-iżvilupp tal-wiċċ). Barra minn hekk, ir-riżultati mill-mudell tat-tkabbir tal-uċuħ jintużaw direttament għall-valutazzjoni tal-kondizzjonijiet tal-uċuħ (pereżempju l-indiċi simulat tal-erja bil-weraq jew il-bijomassa simulata) Dan il-monitoraġġ ikopri l-UE u japplika għall-uċuħ kollha elenkati fit-taqsima 2.

L-Artikolu 1(1)(c): il-promozzjoni tal-aċċess għall-estimi

Aċċess miftuħ għad-diversi riżultati huwa ggarantit mis-siti tal-internet miżmuma miċ-ĊKR u mill-konsorzju tal-MARSOP3. Is-sit tal-internet MARSOP joffri firxa wiesgħa ta' informazzjoni (ir-riżultati mill-kejl tat-telerilevament applikat, riżultati mill-mudell tat-tkabbir tal-uċuħ, il-links għall-bullettini). Id-dejta u l-immaġnijiet bis-satellita huma organizzati f'server tal-immaġnijiet minn fejn wieħed jista' jara u jiddawnlowdja d-dejta. Huwa possibbli wkoll li wieħed jitlob u jiddawnlowdja dejta meteorologika mis-sit tal-internet tal-MARSOP.

L-Artikolu 1(1)(b): l-iżgurar tas-segwitu teknoloġiku tas-sistema agrometeoroloġika

Iċ-ĊKR iwettaq segwitu tekniku b'mod kostanti li jiżgura l-kontinwità tas-sistema u jiggarantixxi l-validità xjentifika tal-metodoloġiji applikati bħall-interpolazzjoni tad-dejta meteoroloġika fuq "raster", id-derivazzjoni ta' kejl mit-telerilevament li tiddeskrivi l-andament fit-tkabbir tal-uċuħ jew l-analiżi statistika mwettqa għall-ksib tal-estimi tar-rendiment tal-uċuħ.

Miżuri li għandhom ikunu implimentati (l-Artikolu 1(2))

L-Artikolu 1(2)(a): il-ġbir u x-xiri tad-dejta meteoroloġika u bis-satellita

Il-ġbir u x-xiri tad-dejta meteoroloġika jiġbor fih 3 655 stazzjon li jwasslu informazzjoni dwar il-parametri tat-temp li jiddaħħlu kuljum fl-MCYFS. Dan is-servizz jinżamm fuq bażi permanenti. Tinkiseb ukoll dejta ta' telerilevament li tkun disponibbli liberament minn satelliti b'riżoluzzjoni baxxa u medja (1 km sa 300 m riżoluzzjoni "pixel") iddedikata għall-monitoraġġ tal-veġetazzjoni, liema dejta tinħażen, tiġi pproċessata u analizzata aktar.

L-Artikolu 1(2)(b): infrastruttura ta' dejta spazjali u websajt

L-infrastruttura ta' dejta spazjali tiġbor fiha t-teknoloġija, l-istandards, ir-riżorsi umani u l-attivitajiet relatati meħtieġa għall-ksib, l-ipproċessar, id-distribuzzjoni, l-użu, iż-żamma u l-ħżin tad-dejta spazjali. Din l-infrastruttura ġiet stabbilita flimkien mal-MCYFS u t-timijiet involuti fiċ-ĊKR u skont il-kuntratt tal-MARSOP3. Tkopri s-settijiet tad-dejta spazjali għall-Ewropa kollha fi skali differenti. Id-dejta hija pproċessata biex tikkunsidra l-ħtiġijiet tal-monitoraġġ tal-kondizzjoni tal-uċuħ tar-raba' u l-previżjonijiet tal-produzzjoni tal-uċuħ. Ir-riżultati u l-informazzjoni li jirriżultaw mis-sorsijiet differenti (pereżempju t-telerilevament) isiru disponibbli permezz tal-websajts differenti u l-portals tal-internet.

L-infrastruttura tikkonforma mal-qafas stabbilit mid-Direttiva dwar l-Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika [Spazjali] fil-Komunità Ewropea (Infrastructure for Spatial Information in the European Community - INSPIRE)[5]: id-dejta spazjali tiġi ġeoreferenzjata skont il-projezzjoni INSPIRE, id-deskrizzjoni tal-metadejta ssegwi l-prinċipji tal-INSPIRE u se tkun armonizzata aktar.

L-Artikolu 1(2)(c): studji sepeċifiċi dwar il-kondizzjonijiet tal-klima

Is-sistema tippermetti t-tħejjija ta' studji speċifiċi dwar il-kondizzjonijiet klimatiċi permezz ta' abbundanza ta' informazzjoni disponibbli li tkopri l-aspetti relevanti kollha. Dawn l-istudji speċifiċi twettqu wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 78/2008:

- L-analiżi tal-impatt tan-nixfa matul ir-rebbiegħa/is-sajf u xita abbundanti f'Awwissu 2008 fuq il-produzzjoni taċ-ċereali tax-xitwa fil-Latvja;

- L-analiżi tal-impatt tal-kondizzjonijiet tat-temp estremi fuq l-agrikoltura matul bosta ġranet f'Lulju u f'Awwissu 2008 fis-Slovenja;

- Id-disponibbiltà tal-ilma għat-tkabbir tar-ross fi Spanja fl-2008 (l-analiżi tal-kumulazzjoni tal-preċipitazzjoni);

- L-analiżi tal-impatt tal-avvenimenti tal-ġlata xitwija fl-2009 fuq iċ-ċereali tax-xitwa fl-Ewropa.

L-Artikolu 1(2)(d): l-aġġornament tal-mudelli agrometeoroloġiċi u ekonomiċi.

Minbarra t-tħaddim tas-sistema, jiġu aġġornati kontinwament il-mudelli u d-dejtabejżiż relatati. Bħalissa d-dejtabejż fiha 2,5 terra bytes ta' informazzjoni. Minn mindu r-Regolament tal-Kunsill daħal fis-seħħ sar titjib kbir: in-netwerk tal-istazzjonijiet meteoroloġiċi żdied fid-densità biex tkun żgurata sistema ta' monitoraġġ aħjar; ir-riżoluzzjoni preċedenti tal-grid ta' 50 km x 50 km għall-analiżi spazjali żdiedet għal 25 km x 25 km; Twettqu l-kalibrazzjonijiet ġodda tal-uċuħ tar-raba'; u nħarġu dejtabejż u verżjoni tas-softwer ġodda.

PRODOTTI U RIżULTATI

Il-Kummissjoni Ewropea, l-Istati Membri u partijiet interessati oħrajn jingħataw prodotti differenti fil-forma ta' informazzjoni li jistgħu jiġu ggruppjati minn naħa f'rapporti u bulletti u fuq in-naħa l-oħra f'servizzi ta' informazzjoni u dejta. Ir-iżultati kollha jkunu disponibbli elektronikament (l-Artikolu 2 tar-Regolament) u parzjalment fuq format tal-karta.

Rapporti u Bullettini

Il-bullettin dwar il-monitoraġġ tal-uċuħ tar-raba' għall-Ewropa joffri, f'ħin reali u f'kuntest operazzjonali, informazzjoni u analiżijiet dwar il-monitoraġġ tat-tkabbir tal-uċuħ tar-raba' u dwar il-previżjonijiet tar-rendiment. Il-pajjiżi koperti huma l-pajjiżi tal-UE u tar-reġjuni ġirien (iż-żoni tal-Magreb, tal-Baħar l-Iswed). L-uċuħ koperti huma dwak tal-qamħ artab, il-qamħ durum, ix-xgħir tax-xitwa u tar-rebbiegħa, iż-żerriegħa tal-qamħirrun, iż-żerriegħa tar-rapa, il-ġirasol, il-pitravi taz-zokkor u l-patata. Analiżi sħiħa hija ppubblikata fuq l-internet ġeneralment sitt darbiet fis-sena u tiġi ssupplementata minn estimi tar-rendiment aġġornati darbtejn jew tliet darbiet fis-sena. Jitħejjew bullettini ddedikati għall-UE għall-mergħat u għar-ross. Jingħataw aġġornamenti u analiżijiet tal-kondizzjonijiet agrometeoroloġiċi bejn il-bullettini tal-analiżijiet sħaħ (bejn 10 darbiet sa 12-il-darba fis-sena).

Dawn il-pubblikazzjonjiet ikunu disponibbli permezz tal-internet iżda huma disponibbli wkoll fuq talba fil-format tal-karta.

Servizzi tal-informazzjoni u tad-dejta

Fuq is-sit web u l-paġni tal-MARSOP hemm disponabbli varjetà sħiħa ta' informazzjoni dwar l-istaġun attwali tal-produzzjoni agrikola fl-Ewropa u dwar żoni agrikoli importanti oħrajn tad-dinja. Prodotti disponibbli jinkludi graffs u mapep tal-indikaturi tat-temp ibbażati fuq osservazzjonijiet u mudelli tat-temp numeriċi, graffs u mapep tal-indikaturi tal-uċuħ ibbażati fuq mudelli agrometeoroloġiċi u graffs u mapep tal-indiċijiet tal-veġetazzjoni u ta' materjal niexef ikkumulat ibbażati fuq immaġnijiet bit-telerilevament.

L-UżU TAR-RIżORSI TAL-BAġIT

Tabella 1. L-użu ta' riżorsi finanzjarji skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 78/2008 fl-2008 u fl-2009 (pagamenti kkreditati f'EUR)

2008 | 2009 |

Ammont | Deskrizzjoni qasira | Ammont | Deskrizzjoni qasira |

LOT 1 / il-fażi 1 | 1 016 084 | Pagament interim u tal-aħħar |

LOT 1 / il-fażi 2 | 283 185 | Pagament interim |

Stazzjonijiet meteoroloġiċi addizzjonali għal LOT 1 | 67 800 | Stazzjonijiet f'ħin kważi reali (aktar minn 250) |

LOT 2 / il-fażi 1 | 387 720 | Pagament interim u tal-aħħar |

Lot 2 / il-fażi 2 | 137 989 | Pagament interim |

Id-dejtabejż MARS u s-sostenn tat-teknoloġija tal-informazzjoni (IT) | 97 298 | Il-manutenzjoni u l-iżvilupp tas-sistemi ta' informazzjoni u l-MARS DB | 477 562 | Il-manutenzjoni u l-iżvilupp tas-sistemi ta' informazzjoni u l-MARS DB |

TOTAL | 97 298 | 2 370 340 |

Lot 1 ikopri l-akkwist ta' dejta meteoroloġika u tal-previżjonijiet tat-temp (inkluża ż-żieda fid-densità tan-netwerk tal-istazzjonijiet meteoroloġiċi). Ikopri l-perjodu tat-tħaddim u l-manutenzjoni tal-mudelli tat-tkabbir tal-uċuħ imħaddma fi ħdan l-MCYFS. Ir-riżultati fis-sura ta' aġġornamenti tad-dejtabejż u mapep jintbagħtu fid-dejtabejż taċ-ĊKR jew kuljum jew kull għaxart ijiem. Jinżammu u jiġu żviluppati għodod xierqa għall-isfruttament tar-riżultati. Il-manutenzjoni u t-titjib tas-sit tal-internet tal-MARSOP huma wkoll parti minn dan il-lott flimkien mal-koordinament u l-ġestjoni globali.

Lot 2 ikopri l-ipproċessar tad-dejta tat-telerilevament. Il-ħidma mwettqa tkopri l-passi kollha taż-żieda tad-dejta mill-akkwist tal-immaġini mhux ipproċessati u t-twassil kull għaxart ijiem tal-kompożizzjonijiet (l-inġestjoni tad-dejta, l-ikkalibrar, eċċ.).

Id-dejtabejż Mars u s-sostenn tal-IT : il-MCYFS tirrikjedi l-forniment ta' servizzi tal-IT biex ikun żgurat li l-bullettin jitwasslu fil-ħin. Il-ħidma mwettqa tkopri l-ġestjoni u l-manutenzjoni tad-dejtabejż bid-dejta tat-telerilevament, bid-dejta meteoroloġika u bl-indikaturi agrimeteorolġiċi. L-iżvilupp u l-manutenzjoni tal-għodod tal-analiżi u tas-siti tal-internet jiffurmaw parti minn dan il-komponent.

[1] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 78/2008 tal-21 ta’ Jannar 2008 dwar il-miżuri li l-Kummissjoni għandha twettaq għall-perjodu 2008-2013 bl-użu tal-applikazzjonijiet ta' telerilevament implimentati fil-qafas tal-politika agrikola komuni, Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea , L 25 tat-30 ta' Jannar 2008, p. 1.

[2] Id-Deċiżjoni Nru 1445/2000/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2000 dwar l-appplikazzjoni ta' stħarriġ mill-ajru u metodi ta' teknika ta' remote-sensing għall-istatistiċi agrikoli għall-1999 sal-2003, il-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej L 163 tal-4 ta' Lulju 2000, p. 1.

[3] Id-Deċiżjoni Nru 2066/2003/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Novembru 2003 dwar it-tkomplija tal-applikazzjoni fl-istatistiċi agrikoli mill-2004 sal-2007 ta' tekniċi ta' stħarriġ għal żoni u ta' remote sensing u li jemenda d-Deċiżjoni 1445/2000/KE, Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 309 tas-26 ta' Novembru 2003, p. 9.

[4] L-akronimu SPOT jirreferi għal "Satellite pour l'Observation de la Terre", NOAA jirreferi għal National Oceanic and Atmospheric Administration u AVHRR jirreferi għal Advanced very high Resolution Radiometer, MODIS jirreferi għal Moderate Resolution Imaging Spectroradiometer.

[5] Id-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Marzu 2007 li tistabbilixxi Infrastruttura għal Informazzjoni Ġeografika fil-Komunita' Ewropea (INSPIRE), Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 108 tal-25 ta' April 2007, p. 1).