[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA | Brussell, 3.8.2010 COM(2010) 418 finali RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U L-PARLAMENT EWROPEW rapport komprensiv dwar il-funzjonament tal-Fond ta’ Garanzija SEC(2010) 968 WERREJ 1. Daħla- Il-Fond li jħares il-baġit tal-Unjoni minn talbiet minħabba inadempjenzi sa mill-1994 3 2. Funzjonament tal-Fond fil-perjodu 2007-2009 3 2.1. Operazzjonijiet koperti mill-Fond 3 2.1.1. Monitoraġġ tar-Riskji 4 2.1.2. Self estern tal-BEI – il-volumi u l-karatteristiċi ewlenin tar-riskju tal-garanziji mogħtija lill-BEI 4 2.1.3. Assistenza Makrofinanzjarja koperta mill-Fond 5 2.1.4. Operazzjonijiet tal-Euratom koperti mill-Fond 5 2.2. Provvediment tal-Fond – esperjenza sodisfaċenti bil-mekkaniżmu l-ġdid ta’ forniment 5 2.3. Parametri oħra tal-mekkaniżmu l-ġdid ta’ forniment 6 3. It-tħaddim tal-assi tal-Fond f’ambjent tas-suq diffiċli – L-iżvilupp u l-prestazzjoni tal-Fond matul il-perjodu 2007-2009 6 3.1. Kuntest tal-kriżi 6 3.2. Żvilupp tal-portafoll tal-Fond 6 4. Evalwazzjoni tar-Rata fil-mira 7 4.1. Analiżi tal-profil tar-riskju ta’ kreditu 7 4.2. Rata fil-mira 8 5. Evalwazzjoni tal-Fond minn konsulent estern 8 5.1. Ir-Riżultati Ewlenin: 8 5.2. Rakkomandazzjonijiet: 9 5.3. Evalwazzjoni kwantitattiva speċifika tar-rata fil-mira 9 5.4. L-impatt tal-kriżi finanzjarja – żieda fil-volum ta’ self bl-assistenza Makrofinanzjarja 9 5.5. L-impatt potenzjali taż-żieda fir-ritmu tal-ħlasijiet ta’ fondi mill-BEI 10 5.6. Rakkomandazzjonijiet għall-kwadru finanzjarju li jmiss wara l-2013 10 5.7. Reviżjoni tal-arranġamenti istituzzjonali għat-tħaddim tal-assi tal-Fond li ħarġu mir-rapport komprensiv tal-2006 10 6. Konklużjoni 11 1. DAħLA- IL-FOND LI JħARES IL-BAġIT TAL-UNJONI MINN TALBIET MINħABBA INADEMPJENZI SA MILL-1994 Il-Fond ta’ Garanzija għall-azzjonijiet esterni ("Il-Fond") kien stabbilit fl-1994 bir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2728/94 tal-31 ta’ Ottubru 1994[1] sabiex iħares il-baġit tal-Unjoni fil-każ ta’ inadempjenza mill-benefiċjarji tas-self mogħti jew garantit mill-Unjoni Ewropea. Ir-regolament tal-Fond kien emendat tliet darbiet[2] u bħalissa qed jopera skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 480/2009 tal-25 ta’ Mejju 2009[3] (verżjoni kodifikata). It-tliet reviżjonijiet tal-funzjonament tal-Fond seħħew fl-1998, fl-2003 u fl-2006. Wara l-aħħar reviżjoni tal-2006, ġie implimentat mekkaniżmu ġdid ta’ forniment li daħal fis-seħħ fl-2007. Il-ftehim Interistituzzjonali[4] bejn il-Kunsill u l-Kummissjoni kkonkluda li fil-kuntest tar-Rapport komprensiv li jmiss dwar il-funzjonament tal-Fond ta’ Garanzija għandha tingħata analiżi sħiħa tal-mekkaniżmu l-ġdid ta’ funzjonament. F’dan il-kwadru, ġiet ikkummissjonata evalwazzjoni tal-Fond ta’ Garanzija mill-Kummissjoni f’Settembru tal-2009 ma’ kumpanija tal-Konsultazzjoni esterna sabiex tevalwa l-funzjonament tal-mekkaniżmu l-ġdid ta’ forniment u l-parametri differenti tal-Fond ta’ Garanzija partikolarment il-provvediment tar-rata fil-mira ta’ 9%. Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal (SWD) tal-Kummissjoni jikkompleta dan ir-rapport billi jipprovdi l-graffs u t-tabelli. Ir-rapport attwali juri li l-Fond ta’ Garanzija fl-ambjent preżenti tiegħu jiffunzjona tajjeb u li l-mekkaniżmu l-ġdid ta’ forniment issodisfa l-aspettattivi. Din l-analiżi tistrieħ fuq ir-riżultati tal-evalwazzjoni tal-Fond ta’ Garanzija mill-konsulent estern li b’mod partikolari tikkonferma li r-rata fil-mira ta’ 9% hija adattata meta wieħed iqis ir-riskju kopert mill-Fond. Konsegwentement, ir-rapport jikkonkludi li fil-preżent ma hemmx bżonn li tinbidel il-bażi legali tal-Fond jew xi parametri tal-Fond. 2. FUNZJONAMENT TAL-FOND FIL-PERJODU 2007-2009 2.1. Operazzjonijiet koperti mill-Fond L-operazzjonijiet ta’ self koperti mill-Fond huma relatati ma’ tliet strumenti differenti li jibbenefikaw minn garanzija mill-baġit tal-Unjoni Ewropea: garanziji lill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) fuq self estern u garanziji fuq self, lill-Euratom fuq self estern, u fuq self tal-Assistenza Makrofinanzjarja (MFA) tal-UE lill-pajjiżi terzi. Iċ-ċart tal-organizzazzjoni tal-Fond fl-SWD tiddeskrivi l-funzjonament tal-Fond u l-flussi finanzjarji kollha involuti fil-funzjonament tal-Fond. 2.1.1. Monitoraġġ tar-Riskji Il-Fond ikopri r-riskju ta’ self u garanziji fuq self lill-pajjiżi terzi. Sal-aħħar tal-2009, il-Fond kien ikopri l-ammont ta’ EUR 16,361 biljun ta’ self garantit magħmul minn EUR 16,239 biljun li għadhom dovuti u EUR 122 miljun ta’ imgħax akkumulat. Sa minn meta bdiet l-implimentazzjoni tal-mandat[5] estern kurrenti tal-BEI fl-2007, l-ammont dovut kopert żdied b’medja ta’ 15% fis-sena għal EUR 16 361 miljun. It-tkabbir tal-ammont dovut kopert mill-Fond ma jfissirx li l-Fond għandu riskju ikbar għal kull euro kopert. Il-monitoraġġ tar-riskji li jġorr il-Fond juri li r-riskji jibqgħu stabbli fir-rigward tal-esponiment tal-kreditu tal-operazzjonijiet il-ġodda sakemm is-self il-ġdid jiġi ffirmat għal proġetti li għandhom l-istess profil ta’ riskju bħall-portafoll tas-self kurrenti (ara l-graffs fit-taqsima 5 tal-SWD). Dan kien il-każ sa mis-sena 2000. Għal din ir-raġuni, ir-rapport komprensiv ta’ qabel ikkonkluda fl-2006 li r-rata fil-mira nżammet fil-livell tagħha ta’ 9%. 2.1.2. Self estern tal-BEI – il-volumi u l-karatteristiċi ewlenin tar-riskju tal-garanziji mogħtija lill-BEI Madwar 97% tal-ammont totali dovut kopert mill-Fond jikkonċerna l-garanziji fuq self maħruġa fir-rigward ta’ self mogħti għal proġetti f’pajjiżi terzi mill-BEI. Fuq il-bażi tat-twettiq imbassar tal-mandat preżenti, din il-predominanza tal-garanziji tal-BEI fir-riskju kopert mill-Fond mhux se tinbidel fil-ġejjieni. Jekk ir-riċevitur ta’ self garantit jonqos milli jagħmel il-ħlas fid-data meta dovut, il-BEI jitlob lill-Kummissjoni biex tħallas l-ammonti dovuti mid-debitur inadempjent skont il-ftehim ta’ garanzija bejn il-Kummissjoni u l-BEI. Jekk il-BEI għandu garanti ieħor pubbliku jew privat flimkien mal-garanzija tal-UE, dan il-garanti jiġi attivat qabel issir is-sejħa skont il-garanzija tal-UE. Tabella1: Sehem tal-operazzjonijiet tal-BEI koperti mill-Fond fl-2009 (kapital u imgħax dovut) [pic] Il-Garanzija tal-UE tkopri r-riskji kollha tal-kreditu tal-operazzjoni tas-self garantit f’pajjiżi terzi. L-Operazzjonijiet tal-Iffinanzjar kollha li l-BEI jidħol fihom ma’ Stat, ma’ settur pubbliku jew ma’ entità fis-settur privat koperta minn garanzija ta’ Stat, huma koperti ' ipso facto' minn Garanzija Komprensiva. Għal tipi oħra ta’ operazzjonijiet, notevolment l-operazzjonijiet tas-settur privat, il-garanzija hija limitata għall-avvenimenti ta’ riskju politiku definiti sew. 2.1.3. Assistenza Makrofinanzjarja koperta mill-Fond F’dan it-tip ta’ operazzjonijiet koperti mill-Fond, l-Unjoni Ewropea tissellef mis-swieq finanzjarji u tgħaddi l-flus li sselfet bħala self (fuq bażi "dahar ma’ dahar") lill-pajjiżi mhux membri (self MFA). Is-self MFA kollu għandu jiġi awtorizzat individwalment mill-Kunsill. Ir-rifużjonijiet tas-self mogħti huma skedati li jaqblu mar-rifużjonijiet tat-teħid tas-self dovuti mill-UE. 2.1.4. Operazzjonijiet tal-Euratom koperti mill-Fond Il-faċilità tas-self tal-Euratom tista’ tintuża biex tiffinanzja proġetti fl-Istati Membri (id-Deċiżjoni tal-Kunsill 77/270/Euratom) jew f’ċerti pajjiżi terzi (l-Ukraina, ir-Russja jew l-Armenja) (id-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/179/Euratom). Fl-1990 il-Kunsill iffissa l-limitu tas-self għal EUR 4 biljun, li minnu xi EUR 3,4 biljun ġew deċiżi u mqassma. Fl-2002 il-Kummissjoni pproponiet żieda fil-limitu tas-self minn EUR 4 biljun għal EUR 6 biljun, li dwarhom għadu ma ntlaħaqx ftehim fil-Kunsill. Bħal fis-self MFA, il-Euratom tissellef mis-swieq finanzjarji u tgħaddi l-flus li sselfet bħala self (fuq bażi "dahar ma’ dahar") lill-kumpaniji attivi fil-qasam tal-enerġija nukleari f’ċerti pajjiżi terzi. Ir-rifużjonijiet tas-self mogħti huma skedati li jaqblu mar-rifużjonijiet tat-teħid tas-self dovuti mill-Euratom. Fl-2009, is-sehem tal-operazzjonijiet tal-Euratom huwa marġinali (inqas minn 1%) meta mqabbel mal-ammont totali dovut ta’ kapital u imgħax kopert mill-Fond (ara t-tabella 1 hawn fuq). 2.2. Provvediment tal-Fond – esperjenza sodisfaċenti bil-mekkaniżmu l-ġdid ta’ forniment Il-mekkaniżmu l-ġdid ta’ forniment introdott fl-2007 bidel ir-regoli tal-provvediment għall-Fond billi ġab fi tmiemha l-prattika ta’ qabel tal-provvediment tal-Fond fuq il-bażi tal-projezzjonijiet tas-self iffirmat b’mod indipendenti mill-ħlasijiet ta’ fondi attwali. Il-mekkaniżmu l-ġdid ta’ forniment issa huwa bbażat fuq il-ħlas nett ta’ fondi. Din il-bidla ssodisfat l-għan ewlieni tagħha jiġifieri li ttejjeb il-funzjonament tal-Fond billi tnaqqas għal wieħed l-għadd ta’ trasferimenti annwali bejn il-Baġit tal-Unjoni u l-Fond u billi ttejjeb il-preċiżjoni tal-flussi baġitarji bejn il-Fond u l-baġit. Fil-fatt, billi l-provvediment isir fuq il-bażi tal-ħlas nett ta’ fondi osservat għas-self garantit, ir-riżorsi tal-baġit meħtieġa għall-provvediment jistgħu jiġu introdotti fi żmien tajjeb fil-proċess regolari tal-baġit. Din il-bidla ġabet fi tmiemu l-provvediment strutturali żejjed osservat fil-mekkaniżmu tal-forniment l-antik li kien adattat matul it-twaqqif tal-Fond. Kif jidher fit-tabella 2 tal-SWD, matul l-ewwel nofs tal-perjodu tal-kwadru finanzjarju preżenti 2007-2011, ir-riżorsi baġitarji disponibbli għall-provvediment tal-Fond ta’ EUR 200 miljun fis-sena deċiżi mill-awtorità baġitarja kienu iktar milli biżżejjed għall-provvediment tal-Fond. Madankollu, skont ir-rata tal-implimentazzjoni tal-mandat tas-self estern tal-BEI, l-estimi tal-bżonnijiet tal-provvediment tal-Fond għas-snin 2012 u 2013 juru li l-Fond jaf ikun jeħtieġ madwar EUR 598 miljun. L-ammont inkluż fl-ipprogrammar finanzjarju indikattiv għall-2012-2013 huwa ta’ EUR 400 miljun. Dan ikun ikkumplimentat mill-imgħax li l-Fond jaqla’ fuq l-assi tiegħu (ara t-taqsima 3.2). Għall-perjodu kollu 2007-2013 ir-riżorsi totali użati u stmati huma mistennija li jkunu sew taħt l-ammont totali ta’ EUR 1,4 biljuni maħsub oriġinarjament għall-kwadru finanzjarju 2007-2013. Il-proporzjon bejn it-total tat-trasferimenti mill-baġit għall-Fond u l-allokazzjoni totali tal-baġit huwa mistenni li jkun madwar 60% fi tmiem il-perjodu 2007-2013. 2.3. Parametri oħra tal-mekkaniżmu l-ġdid ta’ forniment Sabiex il-baġit tal-UE jitħares minn xokkijiet, il-mekkaniżmu ta’ forniment jipprevedi mekkaniżmu ta’ twittija li għandu l-għan li jillimita l-ammont annwali trasferit lejn il-Fond fil-każ ta’ inadempjenzi maġġuri. Barra dan, ġew introdotti dawk imsejħa valuri li minnhom tiskatta l-azzjoni. Il-funzjoni tagħhom hija li jżommu l-awtorità baġitarja infurmata dwar it-telf ewlieni fil-Fond (il-valur li jiskatta l-azzjoni ta’ 80%, jiġifieri meta l-valur tal-Fond jaqa’ taħt it-80% tal-ammont fil-mira) jew li jikkaġunaw rapport mill-Kummissjoni dwar il-miżuri eċċezzjonali li jistgħu jkunu meħtieġa biex jerġa’ jimtela l-Fond (il-valur li jiskatta l-azzjoni ta’ 70%). Il-funzjonament tal-mekkaniżmu ta’ twittija jista’ jiġi spjegat kif ġej: Jekk b’riżultat ta’ inadempjenza waħda jew iktar, l-ammont li għandu jiġi kopert mill-Fond jaqbeż il-EUR 100 miljun f’sena waħda (b’impatt fuq il-baġit għall-bidu tas-sena n+2 wara l-inadempjenza), l-ammont li jaqbeż il-EUR 100 miljun jitħallas lura fil-Fond f’lottijiet annwali ta’ massimu ta’ EUR 100 miljun fis-snin ta’ wara. Id-daqs tal-lott annwali jkun l-inqas minn EUR 100 miljun, jew l-ammont dovut li jkun jonqos (l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 480/2009). Il-mekkaniżmu ta’ twittija ma ġiex attivat sa mill-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu l-ġdid ta’ forniment hekk kif il-Fond ma ġiex imsejjaħ matul dan il-perjodu. 3. IT-TħADDIM TAL-ASSI TAL-FOND F’AMBJENT TAS-SUQ DIFFIċLI – L-IżVILUPP U L-PRESTAZZJONI TAL-FOND MATUL IL-PERJODU 2007-2009 3.1. Kuntest tal-kriżi Matul il-perjodu 2007 – 2009, ir-redditu assolut mill-portafoll tal-Fond baqa’ dejjem pożittiv u l-portafoll ma ġarrab l-ebda telf kapitali b’riżultat tal-kriżi finanzjarja. La l-awdituri esterni u lanqas dawk interni jew il-Qorti Ewropea tal-Awdituri ma qajmu xi tħassib dwar l-immaniġġjar tal-assi tal-Fond mill-BEI taħt is-sorveljanza tas-servizzi tal-Kummissjoni. Il-BEI ħaddem l-assi tal-Fond taħt is-superviżjoni tal-Kummissjoni b’suċċess kbir f’ambjent finanzjarju diffiċli. Matul il-perjodu kollu 2007-2009, il-Fond kellu b’mod ġenerali redditu assolut medju ta’ +4.6928% fis-sena. Madankollu, fl-isfond tal-agħar kriżi tas-swieq finanzjarji dinjin fl-istorja riċenti, il-Fond kellu prestazzjoni agħar mill-indiċi benchmark tiegħu ta’ medja ta’ -15.27 punti bażi fis-sena. Id-daqs kurrenti tal-fondi totali mħaddma fil-portafoll tal-Fond ta’ Garanzija fil-31 ta’ Diċembru 2009 kien ilaħħaq il-valur fis-suq ta’ EUR 1,240.5 miljun (inkluż il-kontanti), b’tul taż-żmien immodifikat ta’ 3,01 snin. 3.2. Żvilupp tal-portafoll tal-Fond Graff 2 fl-SWD turi li l-volum tal-Fond naqas fl-2007 wara l-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu l-ġdid ta’ forniment u żdied fl-2008 biex laħaq l-EUR 1,240.5 miljun fl-2009. It-tnaqqis fl-2007 huwa spjegat mill-andament kajman tal-ħlasijiet tas-self fil-bidu tal-mandat estern kurrenti tal-BEI li wassal għal ammont żejjed ta’ EUR 125,75 miljun li ġie trasferit mill-Fond għall-Baġit. L-assi tal-Fond żdiedu b’medja ta’ +2.5% fis-sena sa mill-2007. Il-valur tal-assi tal-Fond għandu jkompli jiżdied u jilħaq madwar EUR 2.2 biljun fl-2013. L-aċċelerazzjoni potenzjali fir-ritmu tal-ħlasijiet ta’ fondi tal-mandat tas-self estern fl-2010 u t-tkabbir potenzjali tal-operazzjonijiet MFA jispjegaw din l-aċċelerazzjoni mistennija fil-valur tal-assi tal-Fond (ara t-taqsimiet 6 u 7 tal-SWD). Barra l-provvediment permezz tal-linja tal-baġit tiegħu, is-sors ewlieni l-ieħor tad-dħul tal-Fond huwa l-imgħax li jaqla’ minn fuq l-assi tiegħu. L-imgħax li qala’ l-Fond minn fuq l-assi tiegħu waqa’ sa mill-2007 minħabba t-tnaqqis ġenerali fir-rati tal-imgħax tas-suq għal livelli storikament baxxi. L-imgħax li qala’ matul il-perjodu 2007-2009 kien ilaħħaq il-EUR 146 miljun (ara t-tabella 1 tal-SWD, dħul u ħruġ sa mill-ħolqien tal-Fond). Fi tmiem l-2009 l-assi totali tal-Fond kienu jlaħħqu l-EUR 1 240,5 miljun (valur fis-suq). 84,3% ta’ dan l-ammont kien investit f’bonds, 15,6% f’depożiti u 0,1% kien miżmum f’kontijiet kurrenti. 4. EVALWAZZJONI TAR-RATA FIL-MIRA Fl-2006, il-bażi legali tal-Fond inbidlet bil-ħsieb li jiġi implimentat il-mekkaniżmu l-ġdid ta’ forniment fl-2007[6], il-Kummissjoni qablet li tipprovdi fir-rapport komprensiv preżenti l-analiżi tal-iffunzjonar tal-mekkaniżmu l-ġdid. Barra dan kien miftiehem ukoll li jiġi rivedut l-adattament tal-parametri ewlenin tal-Fond, notevolment ir-rata fil-mira ta’ 9% (ir-relazzjoni tad-daqs tal-Fond mal-ammont ġenerali ta’ riskji koperti). 4.1. Analiżi tal-profil tar-riskju ta’ kreditu Il-profil tar-riskju ta’ kreditu tal-Fond ma nbidilx sa mill-aħħar rapport komprensiv fl-2006 (ara l-paragrafu 2.1.1 hawn fuq u l-graffs fit-taqsima 5 fl-SWD; il-profil tar-riskju tas-self kopert mill-Fond fl-2006 u fl-2009). Matul l-istess perjodu l-Fond ma ssejjaħx biex ikopri inadempjenzi. L-analiżi tal-profil tar-riskju ta’ kreditu tas-self kopert mill-Fond tissuġġerixxi li r-rata fil-mira ma għandhiex tinbidel. Ir-riskju ta’ inadempjenza mill-benefiċjarju tas-self jeżisti u huwa rifless fiż-żamma tar-rata fil-mira ta’ 9%. Jista’ jiġi nnutat li madwar 14% tal-portafoll tas-self garantit fl-2009 għandu klassifikazzjoni tal-kreditu taħt il-livell ta’ B (Moody's jew l-ekwivalenti) li jfisser li skont ir-rati ta’ inadempjenzi kumulattivi storiċi għal klassifikazzjonijiet tal-kreditu differenti għar-riskji tal-gvern fuq orizzonti ta’ żmien differenti ppubblikati mill-aġenziji ewlenin li jikklassifikaw il-kreditu, il-probabbiltà ta’ inadempjenza f’sena mhix negliġibbli. L-istabbilità relattiva tal-profil tar-riskji tal-gvern hija r-riżultat tad-distribuzzjoni ġeografika tal-operazzjonijiet tas-self koperti mill-Fond li hija relattivament stabbli fil-perjodu 2000-2009. Id-distribuzzjoni tal-mandat tal-BEI, li tispjega din l-istabbilità bħala l-qsim mill-ġdid tal-operazzjonijiet tas-self bejn il-mandat ta’ qabel u dak kurrenti, hija simili. Madwar 81% tal-operazzjonijiet tas-self huma ffukati fuq il-pajjiżi Mediterranji u kemm pajjiżi potenzjali kif ukoll kandidati (ara l-graff 3 fl-SWD: id-distribuzzjoni ġeografika tal-operazzjonijiet tas-self koperti mill-Fond fl-2009). Il-Fond ikopri r-riskju ta’ kreditu tal-inadempjenzi fi 42 pajjiż. L-iktar 10 pajjiżi importanti jammontaw għal madwar 81% tal-esponiment totali. L-esponiment massimu f’pajjiż wieħed huwa ta’ 27% tar-riskju totali fl-2009. Sa mill-1994 il-Fond issejjaħ għall-ammont kumulattiv ta’ madwar EUR 478 miljun u kellu rata tal-irkuprar ta’ 100% (ara t-tabella 1 tal-SWD). L-aħħar sejħiet kienu fl-2003 u fl-2004 fir-rigward tar-Repubblika tal-Arġentina għall-ammont totali ta’ madwar USD 10 miljun. L-ammonti kienu rkuprati kollha fl-2004 u fl-2008 għall-imgħax tal-penali. 4.2. Rata fil-mira Fuq il-bażi tal-osservazzjonijiet tagħna tal-imgħoddi u l-analiżi tal-profil tar-riskju ta’ kreditu tal-operazzjonijiet tas-self kurrenti koperti mill-Fond, il-parametru ewlieni tal-Fond (ir-rata "fil-mira" ta’ 9%), huwa ffissat f’livell suffiċjenti biex iqis ir-riskju li jġorr il-Fond u l-evoluzzjoni potenzjali ta’ dan ir-riskju ta’ kreditu minħabba l-impatt tal-kriżi finanzjarja. 5. EVALWAZZJONI TAL-FOND MINN KONSULENT ESTERN L-evalwazzjoni tal-Fond twettqet minn GHK Consulting u Volterra Consulting bejn Settembru 2009 u Frar 2010. L-għan tal-evalwazzjoni kien li tiġi evalwata r-rilevanza, l-effettività u l-effiċjenza tal-Fond, b’mira partikolari fuq l-adattament tal-livelli kurrenti tal-parametri ewlenin tal-Fond, notevolment ir-rata fil-mira. Biex jiġu indirizzati l-mistoqsijiet tal-evalwazzjoni l-istudju ġabar fih diversi tekniċi kwalitattivi u kwantitattivi, inklużi riċerka speċjalizzata u analiżi, intervisti kif ukoll l-immudellar tar-riskju kwantitattiv (simulazzjonijiet Monte Carlo). 5.1. Ir-Riżultati Ewlenin: - il-Fond huwa mekkaniżmu effettiv u effiċjenti għall-provvediment għar-riskji assoċjati mal-azzjonijiet tas-self esterni tal-UE; - l-ispejjeż biex jopera l-Fond huma modesti f’relazzjoni mal-ħarsien baġitarju u l-istabbilità li joffri l-Fond; - il-metodi kurrenti tat-tħaddim tal-Fond qed jaħdmu b’mod effettiv u huma adatti għall-finijiet tagħhom; - ir-rata fil-mira tal-forniment ta’ 9% tinsab f’livell adattat u tipprovdi lqugħ komdu kontra t-telf. Anke f’xenarju aċċellerat[7] (it-tip ta’ inadempjenza li sa issa ma ġietx osservata bis-self tal-UE), l-evalwazzjoni kwantitattiva tindika li telf bħal dan ta’ darba f’għoxrin sena jista’ potenzjalment jiġi kopert; - il-mekkaniżmu ta’ forniment iqis sew il-profil tar-riskju tal-Fond. Meta wieħed iqis l-‘improbabbiltà’ li l-Fond jaqbeż jew il-valur li jiskatta l-azzjoni ta’ 80% jew ta’ 70%, il-mekkaniżmu kurrenti jipprovdi rispons sodisfaċenti għar-riskji assoċjati mal-ħlas tas-self maqbuż. Fir-rigward tal-adegwatezza tar-riżorsi baġitarji maħsuba għall-Fond, il-konklużjonijiet tal-evalwazzjoni huma li: - il-ħlasijiet tal-Fond li huma minħabba t-telf għandhom massimu permezz tal-mekkaniżmu ta’ twittija ta’ EUR 100 miljun. Ir-riżultati tal-immudellar jissuġġerixxu li l-mekkaniżmu ta’ twittija u l-limitu ta’ EUR 100 miljun huma adattati; - il-ħlasijiet tal-Fond li jirriżultaw minn ħlasijiet addizzjonali huma pproġettati li jaqbżu l-allokazzjoni annwali kurrenti tal-baġit ta’ EUR 200 miljun. 5.2. Rakkomandazzjonijiet: - il-Fond għandu jkompli jkopri l-operazzjonijiet tas-self estern tal-UE; - ir-rata fil-mira tal-Fond għandha tinżamm ta’ 9%; għalkemm għandha tiġi riveduta minn żmien għal żmien; - fil-kwadru finanzjarju li jmiss, ir-riżorsi baġitarji maħsuba għall-Fond għandhom jirriflettu aħjar il-profil mistenni tal-ħtiġijiet tal-provvediment. Għalhekk, ikun prudenti li tiżdied l-allokazzjoni annwali tal-baġit għal madwar EUR 250-300 miljun; - għandha titwettaq iżjed analiżi biex jiġi ddeterminat jekk l-istess kwalità tas-servizzi tat-tħaddim tal-portafoll tistax tintlaħaq mill-Kummissjoni (meta mqabbla mal-BEI) b’inqas spiża (fir-rigward tal-ħlasijiet għat-tħaddim imħallsa lill-BEI). 5.3. Evalwazzjoni kwantitattiva speċifika tar-rata fil-mira L-evalwazzjoni esterna tal-Fond li tiffoka fost punti oħra fuq l-analiżi kwantitattiva tal-profil tar-riskju tal-Fond u l-livell korrispondenti tal-assi tal-Fond ikkonfermat il-konklużjoni tas-servizzi tal-Kummissjoni li l-livell tar-rata fil-mira ta’ 9% tippermetti li l-Fond jissodisfa l-għan ewlieni tiegħu li jipprovdi riżerva ta' likwidità fil-każ ta’ inadempjenza minn dawk li jissellfu mill-UE u l-istabbilità baġitarja kontinwa. L-istudju jikkonferma li l-livell kurrenti ta’ 9% huwa adattat fir-rigward tar-riskju ta’ kreditu kurrenti tas-self u tal-operazzjonijiet tas-self garantit koperti mill-Fond. L-analiżi tas-sensittività mwettqa mill-konsulenti esterni, wriet li l-approċċ biex ir-rata fil-mira tinżamm f’dan il-livell (9%) huwa approċċ prudenti fir-rigward tal-profil tar-riskju tal-portafoll li diġà jqis livell ta’ inċertezza li ma jistax jiġi evitat dwar il-probabbiltà tal-inadempjenzi. It-tnaqqis tar-rata fil-mira mil-livell kurrenti tagħha ta’ 9%, li jippermetti t-tnaqqis fir-rikors għar-riżorsi baġitarji allokati għall-iffinanzjar tal-provvediment tal-Fond, ma jkunx approċċ prudenti. Dan huwa minnu b’mod partikolari jekk wieħed jikkunsidra l-profil tar-riskju tal-portafoll eżistenti tas-self kopert mill-Fond u fid-dawl tad-deterjorament tas-sitwazzjoni ekonomika f’ħafna pajjiżi sussegwentement għall-kriżi finanzjarja. 5.4. L-impatt tal-kriżi finanzjarja – żieda fil-volum ta’ self bl-assistenza Makrofinanzjarja L-intensità tal-kriżi finanzjarja internazzjonali wasslet biex diversi pajjiżi ta’ qabel is-sħubija u ġirien jersqu lejn il-Kummissjoni formalment jew informalment b’talbiet għal self bl-MFA. L-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet tas-self bl-MFA lil dawn il-pajjiżi tlaħħaq madwar EUR 1,5 biljun fuq il-perjodu 2010 u 2011 (ma jeżisti l-ebda tbassir għall-perjodu lil hinn mill-2011) u jkollha impatt massimu tal-ammont addizzjonali ta’ EUR 135 miljun fuq il-provvediment tal-Fond l-iktar kmieni fl-2012 b’dan jiddependi fuq ir-ritmu tal-ħlasijiet tas-self. 5.5. L-impatt potenzjali taż-żieda fir-ritmu tal-ħlasijiet ta’ fondi mill-BEI Ir-ritmu tal-ħlasijiet mill-BEI għal self iffirmat skont il-mandat kurrenti osservat fil-perjodu 2007-2009 kien wieħed kwiet. Konsegwentement, it-trasferimenti annwali mill-baġit għall-Fond kienu sostanzjalment taħt il-mezzi baġitarji disponibbli. Iż-żieda possibbli fir-ritmu tal-ħlasijiet tal-BEI flimkien maż-żieda fl-operazzjonijiet tal-MFA ta’ madwar EUR 1,5 biljun ikunu jfissru li l-baġit disponibbli għall-Fond aktarx ma jkunx biżżejjed mingħajr żieda fil-linja tal-baġit għall-provvediment tal-Fond matul il-perjodu 2012-2013. Dan iżid il-pressjoni fuq il-linja tal-baġit 01 04 01 14 għall-provvediment tal-Fond sal-aħħar tal-kwadru finanzjarju fl-2013. 5.6. Rakkomandazzjonijiet għall-kwadru finanzjarju li jmiss wara l-2013 Huwa diffiċli li jiġu stmati l-mezzi baġitarji tal-Fond lil hinn mill-2014. Dan jiddependi l-iktar fuq ir-riforma fil-ġejjieni rigward l-arkitettura finanzjarja tal-UE (fuq il-bażi tar-Rapport Camdessus[8]) u iktar preċiż fuq il-Mandat estern il-ġdid tal-BEI skont il-kwadri finanzjarji l-ġodda. Fis-sitwazzjoni tal-evalwazzjoni tal-Fond, twettqu simulazzjonijiet fuq il-bażi ta’ replika tal-mandat skont il-kwadru finanzjarju li jmiss. Ir-riżultati tas-simulazzjonijiet jikkonfermaw li l-profil tal-ħlasijiet tal-BEI għal darba oħra jħalli impatt qawwi fuq il-ħtiġijiet għall-provvediment tal-Fond (ara t-taqsima 9 fl-SWD). Fuq il-bażi tas-sitwazzjoni kurrenti, mhux rakkomandat baġit annwali fiss għall-provvediment tal-Fond. Dan l-aspett għandu jiġi kkunsidrat meta jiġi mfassal il-kwadru finanzjarju li jmiss wara l-2013. 5.7. Reviżjoni tal-arranġamenti istituzzjonali għat-tħaddim tal-assi tal-Fond li ħarġu mir-rapport komprensiv tal-2006 Fl-2003 il-kumitat tal-baġit tal-PE qajjem il-kwistjoni dwar min għandu jħaddem il-portafoll tal-Fond jekk hiex il-Kummissjoni jew il-BEI. L-unika raġuni għaliex għandha tiġi proposta din il-bidla hija l-vantaġġ potenzjali ta' inqas spejjeż jekk l-assi jkunu mħaddma direttament mill-Kummissjoni. Ma teżisti l-ebda indikazzjoni li l-kwalità tat-tħaddim tal-assi tal-BEI tista’ tiġi kkritikata u għalhekk tiġġustifika din il-bidla. Madankollu, hija biss l-analiżi komparattiva tal-ispejjeż tat-tħaddim tal-BEI u tal-Kummissjoni li tista’ tipprovdi l-fatti sodi meħtieġa biex tiġi proposta bidla bħal din. Fil-preżent, ma teżisti l-ebda dejta affidabbli u dettaljata dwar l-ispejjeż (ta’ opportunità) tal-Kummissjoni fil-każ li tkun qed tħaddem l-assi tal-Fond direttament meta mqabbla mal-BEI. Fil-ġejjieni, il-Kummissjoni tiddeċiedi jekk għandhiex titwettaq analiżi bħal din. Sakemm tittieħed din id-deċiżjoni, l-ebda proposta mhu qed issir biex jinbidel l-arranġament mal-BEI. 6. KONKLUżJONI Il-mekkaniżmu l-ġdid ta’ forniment ġab miegħu t-titjib imwiegħed fil-proċess baġitarju bil-provvediment ibbażat fuq il-ħlas nett osservat. Dan irriżulta fi proċess baġitarju mtejjeb għall-provvediment tal-Fond. L-analiżi kwantitattiva bir-reqqa tar-riskju kopert mill-Fond u r-rata fil-mira ta’ 9% tal-Fond urew li din ir-rata fil-mira u l-parametri ewlenin l-oħra tal-Fond huma adattati. Il-Kummissjoni għalhekk ma tarax il-bżonn li tbiddel ir-rata fil-mira jew il-parametri l-oħra tal-Fond. Madankollu dawn il-parametri għandhom jiġu riveduti minn żmien għal żmien sabiex jiġi kkunsidrat jekk għadhomx iqisu b’mod adegwat il-profil tar-riskju li jġorr il-Fond. Din ir-reviżjoni tiġi ppreżentata fil-kuntest tar-rapport komprensiv li jmiss dwar il-funzjonament tal-Fond, mistenni fl-2013. Skont il-kwadru finanzjarju preżenti, ir-riżorsi baġitarji totali mistennija għall-Fond huma adattati madankollu jeżisti titjib fil-profil tal-ħtiġijiet tal-provvediment tal-Fond. Dawn għandhom jiġu implimentati fl-ippjanar tal-kwadru finanzjarju ta’ wara l-2013. [1] Ir-<sp>Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2728/94 (ĠU L 293, 12.11.1994, p. 1). [2] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1149/1999 (ĠU L 139, 2.6.1999, p. 1); ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2273/2004 (ĠU L 396, 31.12.2004, p. 28); ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 89/2007 (ĠU L 22, 31.1.2007, p. 1). [3] ĠU L 2009 145, 10.6.2009, p. 10. [4] 2005/0025 (CNS) tas-16 ta’ Jannar 2007. [5] "Mandat" tirreferi għall-envelop ta’ Garanzija provdut mill-baġit tal-UE lill-BEI. Il-mandati normalment jingħataw għat-tul tal-kwadru finanzjarju (il-perjodu preżenti 2007-2013) u jinqasmu skont ir-reġjuni u skont is-setturi tal-attività. [6] [ara n-nota tal-qiegħ 2]. [7] Normalment il-Fond jissejjaħ biss biex jikkumpensa għall-ammont tal-ħlas maqbuż (imgħax u/jew kapital) f’data partikolari meta dovut. Dan ifisser li l-ammont kollu tal-ħlasijiet dovuti fil-ġejjieni jaffettwaw il-Fond biss matul iż-żmien hekk kif dawn il-ħlasijiet jiġu dovuti. Teoretikament, wara l-ħlas maqbuż, il-kreditur tas-self jista’ jitlob il-ħlasijiet kollha tal-ġejjieni jekk mhux mistenni li dawn l-ammonti jitħallsu. Sabiex jiġi simulat stress massimu fuq il-Fond, l-analiżi kwantitattiva ssimulat ukoll xenarju li fih il-ħlasijiet maqbuża jiskattaw l-aċċelerazzjoni tal-ħlasijiet kollha dovuti fil-ġejjieni. [8] Ir-Rapport Camdessus tħejja minn grupp ta’ "Nies għorrief" fil-kwadru tar-Reviżjoni ta’ Nofs it-Terminu tal-mandat estern tal-BEI fi Frar 2010.