52010DC0356

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-reġ>Juni dwar ir-rapport interim dwar il-qagħda tal-iżvilupp tas-servizzi tar-roaming fl-Unjoni Ewropea (Test b'rilevanza għaż-ŻEE) /* KUMM/2010/0356 finali */


[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 29.6.2010

KUMM(2010)356 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

dwar ir-rapport interim dwar il-qagħda tal-iżvilupp tas-servizzi tar-roaming fl-Unjoni Ewropea(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

WERREJ

1. Introduzzjoni 3

2. Sfond 3

2.1. Ir-Regolament Attwali 4

3. Xejriet ewlenin fis-servizzi tar-roaming 6

3.1. Evoluzzjoni tal-prezzijiet tar-roaming 6

3.2. Evoluzzjoni tat-traffiku 6

3.3. Miżuri ta' trasparenza 6

4. Progress biex jinkisbu l-miri tar-Regolament 6

5. Konklużjoni 6

1. INTRODUZZJONI

Waħda mill-prijoritajiet politiċi l-iktar riċenti tal-Kummissjoni hija li toħloq suq intern għas-servizzi tar-roamning u li telimina l-imposti eċċessivi li jeżistu. F'Ġunju 2007, l-ewwel Regolament dwar roaming fuq netwerks pubbliċi tat-telefonija mobbli [it-telefonija ċellulari] fi ħdan il-Komunità[1] (ir-Regolament dwar ir-Roaming) ġie adottat sabiex jikkontribwixxi għall-funzjonament mingħajr xkiel tas-suq intern filwaqt li jikseb livell għoli ta' protezzjoni għall-konsumaturi, isaħħaħ il-kompetizzjoni u t-trasparenza fis-suq.

L-għan tar-Regolament dwar ir-Roaming kien li jindirizza sitwazzjoni li kienet ta' żvantaġġ dirett għall-attività ekonomika transkonfinali (roaming) meta mqabbla mal-attività ekonomika intra-Statali (l-użu domestiku tas-servizzi ċellulari). [2]

Il-Kummissjoni wettqet l-ewwel reviżjoni ta' dan ir-Regolament, li żvelat li l-kompetizzjoni kienet għadha mhix qed titħaddem b'mod sodisfaċenti. Għalhekk, il-Kummissjoni ressqet proposti għall-emendar tar-Regolament dwar ir-Roaming. Dawn l-emendi ġew adottati mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill f'Ġunju 2009[3] u inkludew estensjoni fiż-żmien kif ukoll fl-ambitu li tkopri s-servizzi dwar ir-roaming tal-SMS u tad-dejta.

Ir-Regolament dwar ir-Roaming, kif emendat, huwa validu sat-30 ta' Ġunju 2012. Sadanittant, il-Kummissjoni għandha l-kompitu li timmonitorja u li tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-funzjonament tar-Regolament. Il-Kummissjoni għandha tirrevedi l-funzjonament ta' dan ir-Regolament sa mhux aktar tard mit-30 ta' Ġunju 2011.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni hija mitluba tħejji rapport interim sa mhux iktar tard mit-30 ta' Ġunju 2010 dwar l-attivitajiet ta' monitoraġġ fir-rigward tar-roaming. Din il-Komunikazzjoni tikkostitwixxi r-rapport interim skont ir-Regolament dwar ir-Roaming, kif ġie emendat. Minħabba li r-Regolament emendat ilu fis-seħħ biss minn Ġunju 2009, dan ir-rapport interim jipprovdi sommarju ġenerali tal-aħħar xejriet fir-roaming u valutazzjoni inizjali tal-progress li sar biex jinkisbu l-miri tar-Regolament.

2. Sfond

Minn meta ġie adottat ir-Regolament emendat, il-Kummissjoni kompliet taħdem mill-qrib mal-Grupp ta' Regolaturi Ewropej (ERG) u mas-suċċessur tiegħu, il-Korp tar-Regolaturi Ewropej għat-Telekomunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC), sabiex timmonitorja l-implimentazzjoni kif ukoll l-iżviluppi li saru fis-servizzi tar-roaming. Il-BEREC wettaq eżerċizzju estensiv ta' ġbir ta' dejta li kien il-bażi għar-Rapporti ta' Dejta Referenzjali. L-aħħar rapport minn din is-sensiela ta' rapporti ġie ppubblikat f'April 2010 u ta input importanti għal din il-Komunikazzjoni. F'Marzu 2010, il-BEREC ħareġ rapport ukoll dwar it-tariffi alternattivi għall-konsumaturi għas-servizzi tar-roaming tal-vuċi, tal-SMS u tad-dejta, kif ukoll rapport ta' konformità dwar ir-roaming. Iż-żewġ rapporti pprovdew input utli għal dan id-dokument. [4]

Fl-24 ta' Marzu 2010, il-Kummissjoni organizzat laqgħa ta' ħidma dwar is-servizzi tar-roaming li għaliha attendew ir-rappreżentanti tal-industrija, tal-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi, tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali (National Regulatory Awtorities - NRAs) u tal-Ministeri. L-eżerċizzju ta' rappurtar tal-Kummissjoni qies ukoll l-opinjonijiet li tressqu fil-laqgħa ta' ħidma[5].

2.1. Ir-Regolament Attwali

Ir-Regolament dwar ir-Roaming jirregola l-imposti tar-roaming tal-vuċi fil-livelli tal-operaturi kif ukoll tal-konsumaturi u jinkludi miżuri biex tiżdied it-trasparenza. Fil-livell tal-operaturi, japplika limitu massimu fuq il-prezz, bi tnaqqis kull sena; minn Lulju 2009, il-limitu rilevanti fuq il-prezz fil-livell tal-operaturi kien ta' EUR 0.26 u dan se jinżel għal EUR 0.22 mill-1 ta' Lulju 2010. Fil-livell tal-konsumaturi, ġie stabbilit limitu massimu fuq il-prezz għall-Ewrotariffa, li l-operaturi kollha ntalbu joffru, ukoll bi tnaqqis fis-sena. Dan ġie applikat awtomatikament għall-konsumaturi kollha sakemm dawn ma kinux espliċitament talbu pjan ta' tariffa ieħor fl-2007. Bħalissa, il-prezz hu ffissat għal EUR 0.43 kull minuta għas-sejħiet li jsiru u EUR 0.19 għas-sejħiet li wieħed jirċievi; u mill-14 ta' Lulju 2010, dawn il-limiti massimi tal-prezzijiet se jkomplu jonqsu għal EUR 0.39 u EUR 0.15 rispettivament. F'konformità mar-Regolament emendat dwar ir-Roaming, qed jiġu segwiti dawn il-limiti tal-prezzijiet biex jinħareġ il-kont lill-konsumatur kull sekonda tas-servizzi li jagħmel, bil-possibbiltà li jiġi stabbilit perjodu minimu ta' tariffa ta' 30 sekonda fil-livell tal-operaturi kif ukoll għas-sejħiet li jsiru fil-livell tal-konsumaturi. Filwaqt li l-operaturi huma mitluba joffru Ewrotariffa, xorta waħda għandhom il-libertà li jipprovdu offerti alternattivi lill-konsumaturi għas-servizzi tar-roaming bil-vuċi. Barra minn hekk, mill-1 ta' Lulju 2010 l-operaturi mhux se jkunu jistgħu jimponu xi tariffa fuq il-konsumaturi li jirċievu voicemail bir-roaming.

Għal SMS, ġie stabbilit limitu ta' prezz fil-livell tal-operaturi ta' EUR 0.04 u tariffa tal-konsumatur f'Euro għal SMS li l-operaturi huma mitluba joffru mingħajr ma jaqbżu l-limitu ta' EUR 0.11 (għas-servizzi bil-vuċi, l-operaturi jistgħu jipprovdu offerti alternattivi). Għar-roaming tad-dejta, ġie ffissat limitu għall-prezz fil-livell tal-operaturi li bħalissa huwa ta' EUR 1 għal kull Megabyte (MB); dan ukoll se jonqos fuq bażi annwali u minn Lulju 2010 se jkun ta' EUR 0.80. Ġew introdotti wkoll miżuri ta' trasparenza għall-konsumaturi. L-operaturi għandhom jibagħtu informazzjoni dwar it-tariffi tar-roaming malli l-konsumaturi jidħlu ġo Stat Membru ieħor, u kif ukoll, informazzjoni dwar il-possibbiltà li jistgħu jċemplu 112 b'xejn matul iż-żjara tagħhom fl-Istat Membru. Il-miżuri ta' trasparenza jinkludu wkoll dispożizzjonijiet sabiex jiġu evitati "xokkijiet mill-kont" meta wieħed ikun qed juża servizzi ta' dejta bir-roaming (il-‘limitu tal-qtugħ’) (cut-off limit). Il-limitu tal-qtugħ sar disponibbli, fuq talba tal-konsumatur, mill-1 ta' Marzu 2010 u l-limitu tal-qtugħ ta' EUR 50 se jibda japplika awtomatikament mill-1 ta' Lulju 2010 għall-konsumaturi kollha li ma jkunux għażlu limitu differenti.

3. Xejriet ewlenin fis-servizzi tar-roaming

3.1. Evoluzzjoni tal-prezzijiet tar-roaming

Vuċi

Punti prinċipali

- Illum il-prezzijiet għas-sejħiet bil-vuċi li wieħed jagħmel u jirċievi huma bejn 46 % u 55 % irħas, rispettivament, minn qabel ma daħal fis-seħħ l-ewwel Regolament dwar ir-Roaming.

- Il-prezzijiet medji għall-Ewrotariffa offruti mill-operaturi u t-tariffi alternattivi huma kkonċentrati madwar il-livelli tal-limiti tal-prezzijiet regolati.

- Hemm biss differenza żgħira bejn it-tariffi regolati (Ewrotariffa) u dawk li mhumiex regolati (alternattivi). Hemm varjazzjoni sinifikanti bejn l-Istati Membri.

- Id-dispożizzjonijiet ġodda dwar il-kontijiet li qed jintroduċu kont kull sekonda wasslu għal tnaqqis ta' 63 % fil-ħlas żejjed ikkawżat minħabba l-metodi tal-kontijiet li kienu jintużaw qabel għas-sejħiet li jsiru u minħabba l-fatt li dan kien jiġi eliminat għas-sejħiet li wieħed jirċievi.

Kumplessivament, wieħed jista' jgħid li l-operaturi huma konformi mal-limiti ġodda tal-prezzijiet u mad-dispożizzjonijiet tal-kontijiet. Għalhekk, il-konsumaturi komplew jibbenefikaw minn tariffi orħos tar-roaming, u l-prezzijiet attwali biex wieħed jagħmel u jirċievi sejħiet jirrappreżentaw tnaqqis ta' madwar 46 % u 55 % rispettivament, kif imqabbel mas-sitwazzjoni ta' qabel ma daħal fis-seħħ l-ewwel Regolament dwar ir-Roaming. Il-konsumaturi issa jibbenefikaw ukoll mid-dispożizzjonijiet ġodda ta' kkontjar kull sekonda u b'hekk il-ħlasijiet żejda li kienu jitħallsu qabel minħabba l-metodu ta' kkontjar li kien jintuża qabel naqsu b'iktar minn nofs għas-sejħiet li wieħed jagħmel. Madankollu, il-prezzijiet kemm fil-livell tal-operaturi kif ukoll tal-konsumaturi (ara l-Grafika nru 1 hawn taħt) jibqgħu kkonċentrati madwar il-livelli tal-limiti tal-prezzijiet.

Il-prezz medju fil-livell tal-operturi għal kull minuta fl-aħħar tal-2009 kien EUR 0.23. Fil-livell tal-konsumaturi, il-prezzijiet medji kull minuta fl-aħħar tal-2009 għall-Ewrotariffa offruta mill-operaturi kienet EUR 0.38 għas-sejħiet li wieħed jagħmel u EUR 0.17 għas-sejħiet li jirċievi. Dawn il-prezzijiet medji ilhom jorħsu gradwalment skont it-tnaqqis li jsir fil-limiti tal-prezzijiet regolati.

[pic]

Grafika nru 1 (Sors: BEREC)

Hemm tariffi alternattivi disponibbli għas-sejħiet kemm għal dawk li jsiru u kemm għal dawk li wieħed jirċievi; f'xi każijiet dawn huma orħos mill-Ewrotariffa offruta mill-operaturi, iżda hemm varajzzjoni sinifikanti bejn l-Istati Membri. Il-prezz medju għas-sejħiet magħmula skont it-tariffi alternattivi għola matul it-tieni nofs tal-2009 u issa jinsab kważi fl-istess livell tal-prezz medju kull minuta għall-Ewrotariffa (ara l-Grafika nru 1 hawn fuq). Għas-sejħiet li wieħed jirċievi, it-tariffi alternattivi huma fil-medja orħos mill-Ewrotariffa offruta mill-operaturi, imma wara li sar tnaqqis fil-limiti tal-prezzijiet regolati f'Lulju 2009, dawn il-prezzijiet medji huma x'aktarx fl-istess livell.

Il-kontijiet kull sekonda għas-sejħiet bil-vuċi ġew introdotti bil-għan li jiġu eliminati l-ispejjeż moħbija li l-kontijiet kull minuta jirrappreżentaw għall-konsumaturi u biex jiżguraw li l-utenti jħallsu għal dak li jikkunsmaw attwalment. Id-dejta miġbura tindika li dan wassal għal tnaqqis sinifikanti fil-ħlasijiet żejda[6]. L-Awtoritajiet Regolatorji Nazzjonali qalu li xi operaturi ma setgħux jimplimentaw dawn id-dispożizzjonijiet fil-ħin, imma li kellhom il-ħsieb li jagħmlu dan mill-iktar fis possibbli u li jikkumpensaw lill-konsumaturi għal kwalunkwe telf li jkunu ġarrbu.

Fil-livell tal-konsumaturi, kien stmat li l-ħlasijiet żejda fuq il-kontijiet li kienu jintalbu kienu jżidu madwar 24 % għas-sejħiet magħmula u issa dan naqas b'iktar minn nofs għal 10 %. Għas-sejħiet li wieħed jirċievi, kien stmat li permezz tal-ikkontjar kull minuta li kien japplika qabel, il-konsumaturi kienu jintalbu madwar 19 % iktar fi ħlasijiet żejda u, minħabba li bħalissa qed japplikaw il-kontijiet strettament kull sekonda, dawn il-ħlasijiet żejda kellhom jiġu eliminati għalkollox. L-Awtoritajiet Regolatorji Nazzjonali qed jimmonitorjaw l-applikazzjoni tajba ta' dawn id-dispożizzjonijiet min-naħa tal-operaturi.

SMS

Punti prinċipali

- Il-prezzijiet tal-SMS raħsu b'medja ta' madwar 60 %.

- Il-prezzijiet fil-livell tal-operaturi u għall-Euro-SMS offruti mill-operaturi huma kkonċentrati fil-livell tal-limiti tal-prezzijiet regolati.

- Il-prezz medju għat-tariffi alternattivi ta' SMS huwa ogħla mil-livell tal-limiti tal-prezzijiet regolati (EUR 0.14 għan-Non-Euro SMS meta mqabbel ma' EUR 0.10 għal Euro-SMS); it-tariffa tal-Euro-SMS offruta mill-operaturi hija ġeneralment l-aqwa għażla għall-konsumaturi f'dan l-istadju.

Il-konformità mal-limiti tal-prezzijiet għal SMS introdotti fil-livelli tal-operaturi u tal-utent finali imxiet kif suppost ukoll u l-konsumaturi issa qed jibbenefikaw minn prezzijiet ħafna orħos għar-roaming tal-SMS meta mqabbla mas-sitwazzjoni kif kienet qabel ma daħal fis-seħħ ir-Regolament emendat. Madankollu, il-prezzijiet huma kkonċentrati madwar il-livelli tal-limiti tal-prezzijiet u t-tariffi alternattivi kompetittivi għadhom iridu jiġu elaborati.

[pic]

Grafika nru 2 (Sors: BEREC)

Kien hemm tnaqqis sinifikanti fil-prezz medju tal-SMS fil-livell tal-operaturi, li niżel minn EUR 0.13 qabel ma daħal fis-seħħ ir-Regolament emendat għal EUR 0.04 fi tmiem l-2009. Dan it-tnaqqis għadu ma rriżultax f'iktar kompetizzjoni fil-livell tal-konsumaturi.

Il-prezz medju għat-tariffa tal-Euro-SMS offrut mill-operaturi kien EUR 0.10 fi tmiem l-2009, filwaqt li l-limitu tal-prezz regolat huwa EUR 0.11. Meta mqabbel mal-prezz medju ta' EUR 0.24 qabel ma daħlu fis-seħħ dawn id-dispożizzjonijiet, dan jirrappreżenta tnaqqis ta' madwar 60 %.

Huwa possibbli wkoll għall-operaturi biex dawn joffru tariffi alternattivi; madankollu għad ma kienx hemm ħafna innovazzjoni fit-tariffi alternattivi tal-SMS madwar l-UE. Il-livelli tal-prezzijiet ta' dawn it-tariffi alternattivi jvarjaw b'mod sinifikanti u l-prezz medju għal kull SMS skont it-tariffi alternattivi kien EUR 0.14 fi tmiem l-2009, li hu ogħla b'mod konsiderevoli mil-limitu tal-prezz regolat. Fi ftit Stati Membri biss, qed jiġu offruti tariffi alternattivi li huma aktar attraenti mit-tariffa regolata tal-Euro-SMS. F'bosta Stati Membri dawn it-tariffi alternattivi jinsabu fil-livell tal-limitu tal-prezz filwaqt li f'uħud mill-Istati Membri dawn huma ogħla b'mod konsiderevoli, f'xi każijiet saħansitra iktar minn EUR 0.20 għal kull SMS. Għalhekk, it-tariffa tal-Euro-SMS, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, hija l-aqwa għażla għall-konsumaturi.

Dejta

Punti prinċipali

- It-tnaqqis sinifikanti fil-prezzijiet fil-livell tal-operaturi għas-servizzi tad-dejta (minn EUR 1.2 għal EUR 0.55 kull MB), il-prezz medju issa huwa ferm inqas mil-livell tal-limitu tal-prezz regolat.

- Il-prezzijiet fil-livell tal-konsumaturi għas-servizzi tad-dejta qed jieħdu xejra 'l isfel imma l-infiltrazzjoni tat-tnaqqis fil-livell tal-operaturi għadha mhix tidher għalkollox.

- Ix-xokkijiet mill-kontijiet għadhom problema.

Ir-Regolament emendat introduċa limitu tal-prezz fil-livell tal-operaturi għas-servizzi tar-roaming tad-dejta li issa jinsab f'livell ta' EUR 1 għal kull MB, iċċarġjat abbażi ta' kull kilobyte (kb). Il-faċilità tal-limitu tal-qtugħ fil-livell tal-konsumaturi saret disponibbli fuq talba tal-konsumaturi mill-1 ta' Marzu 2010 'il quddiem. Filwaqt li l-introduzzjoni tal-limitu tal-prezzijiet fil-livell tal-operaturi wasslet għal tnaqqis fil-prezzijiet medji fil-livelli kemm tal-operaturi kif ukoll tal-konsumaturi, il-konsumaturi għadhom mhumiex qed igawdu għalkollox mill-benefiċċji ta' dan it-tnaqqis għall-operaturi u hemm diverġenzi kbar bejn l-Istati Membri.

Il-konformità tal-operaturi mal-limitu tal-prezzijiet għall-operaturi tidher li mxiet sew u l-imposta medja tal-operaturi naqset b'mod sinifikanti. Il-prezz medju għal kull MB kien EUR 0.55 fi tmiem l-2009, li hu ħafna inqas mil-livell tal-limitu tal-prezz regolat. Il-prezz medju fil-livell tal-operaturi qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament emendat kien EUR 1.2 kull MB, jiġifieri kien hemm tnaqqis ta' 50 %.

[pic]

Grafika nru 3 (Sors: BEREC)

Kif jidher fil-Grafika nru 3 ta' hawn fuq, il-prezzijiet medji tas-servizzi tad-dejta għall-klijenti qed isegwu xejra 'l isfel; madankollu mhuwiex ċar jekk it-tnaqqis fil-livell tal-operaturi huwiex qed jinħass fil-prezzijiet għall-klijenti fil-każijiet kollha. Il-prezz medju għall-utent finali għal kull MB kien EUR 2.66 fi tmiem l-2009, dan ifisser li sar tnaqqis kbir mill-bidu tal-2009 meta l-prezz medju kien EUR 3.62. Madankollu l-prezzijiet iktar baxxi għall-operaturi qed iwessgħu saħansitra iktar il-marġini għall-operaturi minħabba li l-prezzijiet għall-konsumaturi ma raħsux bl-istess rata. Barra minn hekk, hemm varjazzjoni konsiderevoli bejn il-pajjiżi; il-prezzijiet medji għall-konsumaturi f'xi Stati Membri huma madwar EUR 4 kull MB u saħansitra qrib EUR 6 kull MB.

Barra minn hekk, il-prezzijiet standard tal-operaturi għadhom ogħla mill-medja msemmija hawn fuq. It-tariffi standard jistgħu jkunu bejn EUR 2 u EUR 5 kull MB u saħanistra iktar minn EUR 7 kull MB. Ir-roħs fil-prezzijiet medji għall-konsumaturi għas-servizzi tad-dejta jistgħu għalhekk jitfissru permezz taż-żieda fir-rata fissa jew tal-offerti fi gruppi u l-użu iktar effiċjenti li jagħmlu l-konsumaturi minnhom. B'mod ġenerali l-operaturi żammew il-prattika li joffru pakketti speċjali abbażi taż-żmien; jiġifieri l-aktar abbażi ta' ġurnata jew ta' xahar. Dan ifisser li abbonat li juża volumi għolja jista' jibbenefika minn tnaqqis sinifikanti fil-prezz li jħallas għal kull MB filwaqt li l-konsumaturi li jużaw volumi baxxi ta' dejta fil-biċċa l-kbira tal-każijiet jispiċċaw iħallsu għal iktar milli jikkunsmaw.

L-operaturi issa jibbenefikaw minn limitu ta' prezz fil-livell tal-operaturi li jitħallas abbażi ta' kull kb u dan iddaħħal sabiex il-kwistjoni taż-żieda fil-kont ma terġax tirrepeti ruħha kif diġà ġara bis-servizzi tal-vuċi. Għaldaqstant, l-operaturi mhux dejjem jiċċarġjaw lill-konsumaturi abbażi tal-konsum attwali, jiġifieri abbażi ta' kull kb, u spiss jinħarġu kontijiet ogħla għal konsum ta' 10kb jew 100kb.

Prezzijiet standard li jkunu għoljin b'mod persistenti, flimkien maż-żidiet applikati fil-kontijiet, f'xi każijiet ikomplu jagħtu lill-konsumaturi "xokkijiet mill-kontijiet". Hu mistenni li l-implimentazzjoni sħiħa tal-limitu tal-qtugħ mill-1 ta' Lulju 2010 'il quddiem se tgħin biex jiġu eliminati dawn ‘ix-xokkijiet mill-kontijiet’.

3.2. Evoluzzjoni tat-traffiku

Punti prinċipali

- Il-volumi għas-servizzi bil-vuċi, b'mod partikolari għas-sejħiet li wieħed jirċievi, u l-SMS ikomplu jiżdiedu.

- Fl-2009, is-servizzi tar-roaming tad-dejta żdiedu b'iktar minn 40 % f'termini ta' volum.

Sabiex issir valutazzjoni kif suppost tal-evoluzzjoni tat-traffiku jeħtieġ li wieħed jirreferi għall-istess perjodi kull sena, billi tittieħed id-distribuzzjoni tal-ivvjaġġar skont l-istaġun.

F'termini ġenerali, l-iżviluppi fil-volumi tat-traffiku huma influwenzati mir-riċessjoni ekonomika u t-tnaqqis fl-ivvjaġġar madwar l-UE. L-impatt tar-Regolament dwar ir-Roaming fuq il-volumi ma jistax jiġi iżolat b'mod ċar mill-effetti tas-sitwazzjoni ekonomika kumplessiva.

Minkejja dawn l-iżviluppi ekonomiċi, kif jidher fil-Grafika nru 4 hawn taħt, il-konsumaturi komplew jużaw is-servizzi tar-roaming. Din turi li l-konsumaturi għandhom il-fiduċja u li r-Regolament dwar ir-Roaming jagħti l-benefiċċji, b'mod partikolari fl-isfond ta' riċessjoni li wasslet ukoll għal tnaqqis sinifikanti fit-turiżmu u fl-ivvjaġġar fuq xogħol[7]. B'mod ġenerali, f'dawn l-aħħar sentejn żdiedu l-volumi fit-traffiku tas-servizzi bil-vuċi għas-sejħiet li wieħed jirċievi u għas-servizzi tar-roaming tal-SMS, l-iktar fl-istaġun matul it-tielet trimestru ta' kull sena. Il-volumi tas-sejħiet li saru s-sena li għaddiet baqgħu stabbli u saħansitra niżlu ftit fit-tieni trimestru tas-sena.

[pic]

Grafika nru 4 (Sors: BEREC)

Ġiet osservata żieda sostanzjali fil-volumi tas-servizzi tal-SMS wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament emendat, li introduċa l-limitu tal-prezz ta' SMS. Il-volumi tal-SMS żdiedu b'20 % fit-tielet perjodu ta' tliet xhur tal-2009 meta mqabbel ma kemm intbagħtu fl-istess perjodu tal-2008. Dan jindika li l-prezzijiet iktar baxxi u iktar trasparenza wasslu għal rati ogħla fil-konsum.

Kif jidher fil-Grafika nru 5 ta' hawn taħt, il-volumi tas-servizzi tar-roaming tad-dejta kompliet tiżdied b'rata sinifikanti, b'rata ta' tkabbir ta' iktar minn 40 % fl-2009. Minħabba li s-servizzi ċellulari tad-dejta qegħdin jiżdiedu, din ix-xejra mistennija tkompli kif inhi fil-ġejjieni qarib.

[pic]

Grafika nru 5 (Sors: BEREC)

3.3. Miżuri ta' trasparenza

Ir-Regolament dwar ir-Roaming fih għadd ta' miżuri ta' trasparenza li l-għan tagħhom hu li jiżguraw li l-konsumaturi huma konxji tal-prezzijiet tar-roaming. Barra min-notifika dwar l-imposti applikabbli għar-roaming tal-vuċi u tal-SMS, il-fornitur fi Stat domestiku huwa marbut ukoll li jgħarraf lill-konsumatur li jkun qiegħed jagħmel roaming bl-imposti applikabbli tar-roaming tad-dejta. Għalkemm il-konsumaturi jirċievu bosta messaġġi separati, dan jgħinhom sabiex ikollhom għarfien sew tal-prezzijiet tar-roaming. Fi kwalunkwe eventwalità, il-konsumaturi jistgħu jitolbu lill-operatur tagħhom biex jieqaf jibagħtilhom dawn l-SMSs bl-informazzjoni dwar il-prezzijiet tar-roaming.

Xi operaturi ma kinux f'pożizzjoni li jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha tar-Regolament emendat dwar ir-Roaming fl-1 ta' Lulju 2009, imma fil-biċċa l-kbira tal-każijiet dawn il-problemi li nqalgħu fi stadju bikri ġew solvuti malajr. L-Awtoritajiet Regolatorji Nazzjonali jimmonitorjaw il-konformità fi kwalunkwe każ li jkun għad baqa', li jkunu jikkonċernaw l-aktar lill-operaturi l-ġodda fis-suq (MVNO) li bdew l-attivitajiet tagħhom wara l-1 ta' Lulju 2009.

Barra minn hekk, u sabiex jiġu eliminati ‘x-xokkijiet mill-kontijiet’ meta jużaw is-servizzi tar-roaming tad-dejta, ir-Regolament emendat introduċa limitu ta' qtugħ. Sa mill-1 ta' Marzu 2010 l-operaturi għandhom jagħmlu disponibbli faċilità li biha l-konsumaturi jistgħu jispeċifikaw minn qabel l-ammont massimu li jridu jonfqu fuq is-servizzi tad-dejta meta jkunu msefrin. Tintbagħat notifika meta tintlaħaq 80 % tal-faċilità u, hekk kif din tintlaħaq, il-konsumatur għandu jingħata l-għażla jekk iridx ikompli juża dawn is-servizzi. Mill-1 ta' Lulju 2010, se japplika awtomatikament limitu ta' qtugħ ta' EUR 50 għall-konsumaturi kollha li ma jkunux għażlu limitu ieħor.

Fl-1 ta' Marzu 2010, kien irrappurtat b'mod ġenerali li l-implimentazzjoni ta' din il-faċilità hija sodisfaċenti. Filwaqt li ġew irrappurtati problemi inizjali, jidher li sa issa l-biċċa l-kbira tagħhom ġew solvuti. Xi drabi, l- Awtoritajiet Regolatorji Nazzjonali kellhom jintervjenu sabiex jiżguraw li hemm konformità u wieħed mill-operaturi ddeċieda li jevita milli joffri s-servizzi tar-roaming tad-dejta lill-kljienti tiegħu li jħallsu l-kontijiet tagħhom bil-quddiem sakemm is-sistema tiegħu tkun ġiet adattata għalkollox sabiex takkomoda l-limitu tal-qtugħ. Dan il-limitu tal-qtugħ għandu jkun disponibbli għat-tipi kollha ta' konsumaturi li jużaw is-servizzi tar-roaming tad-dejta, kemm dawk li jħallsu l-kontijiet tagħhom bil-quddiem u kemm dawk li jħallsu b'lura[8].

L-Awtoritajiet Regolatorji Nazzjonali qed jimmonitorjaw mill-qrib l-implimentazzjoni ta' dawn id-dispożizzjonijiet sabiex jiżguraw li l-faċilità tal-‘limitu tal-qtugħ’ tkun applikata b'mod korrett, partikolarment minħabba li fl-1 ta' Lulju 2010 din se tiġi applikata għall-konsumaturi kollha. Minħabba li l-‘limitu tal-qtugħ’ ilu disponibbli biss mill-1 ta' Marzu 2010 għal dawk il-konsumaturi li speċifikament talbu li jkollhom dan is-servizz, analiżi iktar dettaljata li tikkonċerna l-implimentazzjoni kumplessiva tiegħu, u l-perċezzjoni tal-konsumatur dwar il-limitu, se tkun inkluża fir-reviżjoni tal-2011 tal-Kummissjoni.

4. Progress biex jinkisbu l-miri tar-Regolament

Il-miri prinċipali tar-Regolament dwar ir-Roaming huma li jippromwovi l-kompetizzjoni, li jikkonsolida s-suq uniku u li jiżgura li l-konsumaturi ma jħallsux prezzijiet għoljin li ma jkunux iġġustifikati meta mqabbla mal-imposti domestiċi meta l-konsumaturi jaqsmu l-fruntieri. Ir-Regolament dwar ir-Roaming jipprovdi l-kundizzjonijiet neċessarji sabiex titkattar il-kompetizzjoni, u l-Kummissjoni tistenna li l-operaturi jieħdu din l-opportunità sabiex jiżviluppaw offerti kompettivi fuq ir-roaming.

Ir-Regolament kien ta' suċċess għax ipprovda protezzjoni adegwata lill-konsumaturi u kkontribwixxa sabiex jikkonsolida s-suq intern; dawn inkisbu l-aktar billi ġew imposti l-limiti tal-prezzijiet.

L-iżviluppi fil-prezzijiet, kif ukoll id-diversità tal-offerti, jagħtu indikazzjoni tajba tal-estent safejn tkattret l-kompetizzjoni. F'dan ir-rigward, għar-roaming tal-vuċi u tal-SMS, il-fatt li l-operaturi joffru prezzijiet li jinsabu taħt il-livelli tal-limiti tal-prezzijiet regolati hu meqjus bħala indikatur prinċipali tal-livell tal-kompetizzjoni fis-suq. Madankollu, bħalissa l-prezzijiet tas-servizzi għar-roaming tal-vuċi u tal-SMS għadhom ikkonċentrati qrib il-livelli tal-limiti tal-prezzijiet. Ir-Regolament emendat dwar ir-Roaming introduċa marġini ogħla bejn il-prezzijiet fil-livell tal-operaturi u dawk fil-livell tal-konsumaturi għal-limiti tal-prezzijiet regolati tar-roaming tal-vuċi sabiex jippermetti l-iżvilupp tal-kompetizzjoni fil-livell tal-konsumaturi, b'mod partikolari għall-operaturi alternattivi, iżda dan għadu ma ssarrafx f'kompetizzjoni ikbar fil-prezzijiet.

Jidher li hemm varjetà ta' alternattivi għall-Ewrotariffa regolata u għat-tariffa regolata tal-Euro-SMS. Għas-servizzi bil-vuċi, hemm tariffi alternattivi bi strutturi varji ta' pprezzar (jiġifieri skont il-limitu tal-ħin, b'abbonament fix-xahar jew billi jinħareġ kont għall-installazzjoni, billi jinżamm kont ta' kull minuta). Il-prezz medju għal kull SMS skont it-tariffi alternattivi huwa ogħla mill-Euro-SMS offrut mill-operaturi. F'xi Stati Membri, it-tariffi alternattivi għar-roaming tal-SMS huma ogħla b'mod sinifikanti mil-limitu tal-prezzijiet regolati.

Għas-servizzi tar-roaming tad-dejta, għadu mhux ċar jekk it-tnaqqis fl-imposti fil-livell tal-operaturi hux se jirriżulta f'servizzi kompetittivi tar-roaming tad-dejta għall-konsumaturi. F'dan ir-rigward, minħabba li l-prezzijiet standard tal-operaturi għadhom għoljin, l-estent safejn il-konsumaturi qed jibbenefikaw minn pakketti speċjali ta' valur tajjeb għal flushom jagħti indikazzjoni b'saħħitha dwar jekk l-operaturi humiex jgħaddu l-benefiċċji tat-tariffi orħos fil-livell tal-operaturi għar-roaming tad-dejta.

Filwaqt li l-prezzijiet medji tas-servizzi tar-roaming tad-dejta raħsu, il-prezzijiet medji għall-konsumaturi għadhom juru marġini sostanzjali fuq ir-rati fil-livell tal-operaturi. Il-prezzijiet standard tal-operaturi ma jidhrux li raħsu; dan ifisser li t-tnaqqis fil-prezzijiet medji jista' jkun riżultat ta' iktar użu tal-offerti eżistenti u ta' użu iktar effettiv tagħhom.

Jidher li l-imposti tar-roaming għadhom ogħla mis-servizzi ċellulari fil-livell nazzjonali; il-prezzijiet għas-servizzi domestiċi ġeneralment qed jorħsu, u hemm disponibbità tiżdied ta' offerti b'rati fissi u fi grupp. Il-BEREC qed jeżamina x-xejriet fil-prezzijiet kemm tas-servizzi tar-roaming kif ukoll dawk domestiċi bil-għan li joħroġ analiżi dettaljata fir-reviżjoni tal-2011.

Minn dak li ntqal hawn fuq, wieħed jasal jgħid li għad ma hemmx dinamiki kompetittivi biżżejjed fl-istruttura tas-servizzi tar-roaming. Il-problemi strutturali tas-suq tar-roaming, li joħorġu min-nuqqas ta' ostakoli kompetittivi min-naħa tal-provvista u mill-karatteristiċi tad-domanda, għadhom preżenti. B'mod partikolari, is-suq tar-roaming jippreżenta karatteristiċi speċifiċi transkonfinali li s'issa rriżultaw f'nuqqas ta' kompetizzjoni effettiva li l-Awtoritajiet Regolatorji Nazzjonali għadhom ma kinux f'pożizzjoni li jindirizzaw. Minkejja li s-sistema preżenti tal-limiti tal-prezzijiet ġabet benefiċċji f'dak li għandu x'jaqsam mal-protezzjoni tal-konsumaturi u mal-iżvilupp tas-suq intern, ma tatx prova li tista' ssolvi dawn il-problemi b'mod adegwat.

Fil-livell tal-operaturi, meta t-traffiku jkun ibbilanċjat bejn l-operaturi tat-telefonija ċellulari, jista' jkun li ma jkunx hemm inċentiv biżżejjed li jqiegħed l-imposti fil-livell tal-operaturi f'pożizzjoni kompetittiva. Madankollu, bl-istess mod, il-prezzijiet medji għat-traffiku tal-operaturi li ma jgħaddix fi grupp jibqgħu qrib il-limiti massimi tal-prezzijiet, u dan jagħti wieħed x'jifhem li d-dinamiki kompetittivi għadhom mhumiex b'saħħithom. Barra minn hekk, l-utenti finali fil-livell tal-konsumaturi ma jixtrux servizzi tar-roaming separati imma flimkien ma' servizzi domestiċi.

L-iżviluppi teknoloġiċi u/jew l-alternattivi għas-servizzi tar-roaming, bħal pereżempju d-disponibbiltà tal-VoIP jew tal-WiFi, jista' jagħmel is-suq tar-roaming fl-UE iktar kompetittiv. Filwaqt li dawn l-alternattivi, b'mod partikolari s-servizzi tal-VoIP, qed jintużaw dejjem iktar fil-livell domestiku, saru żviluppi sinifikanti fl-użu tagħhom bir-roaming.

Fil-fehma tal-Kummissjoni, huwa intrinsiku li jkun hemm kompetizzjoni effettiva f'suq tar-roaming li jkun qed jitħaddem sew. Indikaturi li hemm kompetizzjoni bħal din jinkludu prezzijiet medji li ma jkunux ikkonċentrati madwar il-livelli tal-limiti tal-prezzijiet regolati u l-eżistenza tal-offerti alternattivi li juru innovazzjoni u dinamiki kompetittivi.

5. Konklużjoni

In ġenerali, l-implimentazzjoni tar-Regolament emendat dwar ir-Roaming saret bla xkiel u l-operaturi kienu konformi mad-dispożizzjonijiet il-ġodda, filwaqt li l-Awtoritajiet Regolatorji Nazzjonali qed jiżguraw li dan jibqa' sejjer hekk. Il-konsumaturi qed jibbenefikaw mit-tnaqqis fil-prezzijiet għas-serizzi tar-roaming tal-vuċi u l-SMS u minn iktar trasparenza. Il-prezzijiet għar-roaming tad-dejta raħsu wkoll imma l-konsumaturi għadhom mhumiex igawdu għalkollox mir-roħs fil-livell tal-operaturi. S'issa, il-kompetizzjoni fis-swieq tar-roaming għadha ma żviluppatx biżżejjed u l-problemi strutturali għadhom jippersistu.

Id-dispożizzjoni tal-faċilità tal-qtugħ se tapplika awtomatikament mill-1 ta' Lulju 2010. Fl-istess ġurnata, se jibdew japplikaw skemi ta' roħs ġodda fuq il-mezzi ta' traħħis gradwali u, barra minn hekk l-operaturi mhux se jkunu jistgħu jiċċarġjaw kwalunkwe imposta lill-konsumaturi li jirċievu voicemail bir-roaming.

Il-Kummissjoni se tirrevedi bis-sħiħ il-funzjonament tar-Regolament dwar ir-Roaming sat-30 ta' Ġunju 2011. F'din ir-reviżjoni, il-Kummissjoni se tevalwa jekk intlaħqux il-miri ta’ dan ir-Regolament. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni se tirrevedi l-iżviluppi li jkunu saru fuq l-imposti fil-livelli tal-operaturi u tal-konsumaturi, il-kompetizzjoni li jkun hemm fil-forniment tas-servizzi tar-roaming u l-kwalità ta' dawn is-servizzi. Hija ser ukoll:

- tevalwa l-iżviluppi li jkunu saru fuq is-servizzi ċellulari fil-livell domestiku,

- teżamina d-disponibbiltà u l-kwalità tas-servizzi alternattivi tar-roaming fid-dawl tal-iżviluppi teknoloġiċi;

- tevalwa jekk hemmx metodi għajr ir-regolazzjoni tal-prezzijiet li jindirizzaw il-problemi strutturali tas-suq tar-roaming u toħloq suq intern kompetittiv għar-roaming.

Għalhekkir-reviżjoni tal-2011 se tanalizza jekk ir-regolamentazzjoni ulterjuri tas-servizzi tar-roaming tkunx għadha neċessarja, kemm fil-forma ta' regolazzjoni tal-prezzijiet jew permezz ta' approċċ alternattiv fuq perjodu ta' żmien twil, jew jekk ir-Regolament għandux jiskadi fl-2012, u b'hekk iħalli s-servizzi tar-roaming iserrħu biss fuq il-forzi tas-suq. Ikun x'ikun l-approċċ, għandu jkun żgurat li l-benefiċċji miksuba s'issa ma jintilfux.

[1] Ir-Regolament (KE) Nru 717/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2007 dwar roaming fuq networks pubbliċi tat-telefonija mobbli [tat-telefonija ċellulari] fi ħdan il-Komunità, ĠU L 171, 29.6.2007, p.32.

[2] Ara l-punt nru 20 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali tal-QĠE dwar il-Każ C-58/08.

[3] Ir-Regolament (KE) Nru 544/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-18 ta’ Ġunju 2009 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 717/2007, ĠU L 167, 29.6.2009, p.12.

[4] Għar-rapporti kollha li ħarġu l-ERG/BEREC, ara: http://www.erg.eu.int/documents/index_en.htm.

[5] Għal aktar informazzjoni dwar din il-laqgħa ta' ħidma, ara:

http://ec.europa.eu/information_society/activities/roaming/workshop/index_en.htm

[6] i.e. differenza bejn l-użu attwali u l-użu kif jidher fuq il-kont.

[7] Skont l-estimi tal-Eurostat, jidher li kien hemm tnaqqis ta' 12 % fl-ivvjaġġar.

[8] Ara wkoll il-punt 27 tal-Linji Gwida riveduti tal-ERG dwar ir-Regolament dwar ir-Roaming Internazzjonali li jinsab disponibbli fuq:

http://www.erg.eu.int/doc/publications/erg_09_24_final_roaming_regulation_erg_guidelines.pdf.