52010DC0296




[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 9.6.2010

KUMM(2010) 296 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Impetu ġdid għall-kooperazzjoni Ewropea fl-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali biex tiġi appoġġjata l-istrateġija Ewropa 2020

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Impetu ġdid għall-kooperazzjoni Ewropea fl-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali biex tiġi appoġġjata l-istrateġija Ewropa 2020

1. Introduzzjoni

Il-kwalità tal-kapital uman hija kruċjali għas-suċċess tal-Ewropa. L-Istrateġija Ewropa 2020[1] titfa' enfasi qawwi fuq l-edukazzjoni u t-taħriġ biex tippromwovi "tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv". Din il-Komunikazzjoni hija reazzjoni għas-sejħa tal-Istrateġija Ewropa 2020 biex issaħħaħ l-attrazzjoni tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET) u tispjega l-potenzjal tagħha fir-rigward tal-Inizjattivi Ewlenin "Aġenda għal ħiliet u impjiegi ġodda" u "Żgħażagħ fil-Mobilità", inkluż il-qafas tagħha tal-impjiegi għaż-Żgħażagħ.

Il-VET irid ikollu rwol doppju: bħala għodda biex ikunu ta' għajnuna biex jintlaħqu bżonnijiet ta' ħiliet immedjati u futuri; u, b'mod parallel, biex jitnaqqas l-impatt soċjali tal-kriżi u jiġi ffaċilitat l-irkupru minnha. Dawn iż-żewġ sfidi simili jitolbu riformi urġenti. Il-każ għall-iżvilupp ta' ħiliet aqwa[2] fl-Ewropa huwa terġa' iktar urġenti fid-dawl tat-tellieqa globali għat-talent u l-iżvilupp rapidu tas-sistemi ta' Edukazzjoni u Taħriġ (E&T) f'ekonomiji emerġenti bħaċ-Ċina, il-Brażil jew l-Indja.

Tbassir ta' bżonnijiet futuri tal-ħiliet juru domanda ikbar għal kwalifiki medji u ta' livell għoli sal-2020[3]. L-evoluzzjoni kontinwa mmexxija mill-ICT tal-prodotti u l-proċessi, flimkien mal-bżonn għal ekonomija b'livell baxx ta' karbonju kif ukoll it-tixjiħ tal-popolazzjoni se tfisser li l-impjiegi u l-istrutturi soċjali se jinbidlu: l-edukazzjoni u t-taħriġ, inkluż il-VET, iridu jiġu adattati skont dan. L-edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali inizjali (IVET) iridu jarmaw liż-żgħażagħ li qed jitgħallmu b'ħiliet direttament rilevanti għal swieq tax-xogħol li qed jevolvu, bħall-ħiliet fl-elettronika[4], u kompetenzi ewlenin żviluppati sew[5]; bħall-għarfien diġitali u tal-mezzi ta' komunikazzjoni biex tintlaħaq kompetenza diġitali[6]; hija għandha rwol partikolari fl-indirizzar tal-qgħad għoli fost iż-żgħażagħ fl-Ewropa. Barra minn hekk, peress li s-sekwenza tradizzjonali tal-ħajja "taħriġ-xogħol-irtirar" se tkun modifikata minn bidliet ta' karrieri u xogħlijiet li jseħħu f'nofs il-ħajja, l-adulti jridu jkunu kapaċi jaġġornaw il-ħiliet u l-kompetenzi tagħhom permezz ta' edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali kontinwu (CVET) . Ir-Rapport reċenti tal-Esperti dwar Ħiliet Ġodda għal Impjiegi Ġodda[7] fih sensiela ta' rakkomandazzjonijiet għaż-żewġ partijiet tas-sistemi ta' VET.

Il-VET għandu responsabilità wkoll biex jirreaġixxi għal sfidi usa' tas-soċjetà, partikolarment għall-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali. Huwa kruċjali li n-nies kollha tal-età tax-xogħol jingħataw is-setgħa li jipparteċipaw fil-ħajja ekonomika u soċjali permezz ta' opportunitajiet ta' taħriġ aċċessibbli u ekwitabbli.

Jekk nagħmlu l-ekonomija iktar ekoloġika, dan joħloq xogħlijiet ġodda li jirrikjedu ħiliet ġodda. Is-sistemi tal-VET għandhom ikunu adattati biex jiżguraw li l-forza tax-xogħol tkun tista' taġġusta l-ħiliet tagħha għall-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol ta' ekonomija ambjentalment sostenibbli mibni fuq kunċetti ta' taħriġ ibbażati fuq il-kompetenza.

Il-VET fl-Ewropa jkopri sistemi nazzjonali diversi, ankrati fl-ambjenti ekonomiċi u soċjali speċifiċi tagħhom. L-IVET normalment ikun parti mill-edukazzjoni sekondarja ogħla[8] imma jinkludi wkoll livell terzjarju (imsejjaħ "Fachhochschulen", "universitajiet tax-xjenzi applikati" jew "kulleġġi vokazzjonali" f'ħafna pajjiżi)[9]. Is-CVET jinkludi firxa ta' taħriġ orjentati lejn il-vokazzjoni pprovduti minn varjetà ta' fornituri tat-taħriġ. L-IVET iseħħ f'oqfsa relattivament regolati filwaqt li s-CVET spiss ma jkunx regolat. Li hemm komuni hu li kollha qed jiffaċċjaw l-isfidi, kollha għandhom ikunu mmodernizzati.

L-Artikolu 166 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jgħid li " L-Unjoni għandha timplimenta politika ta' formazzjoni vokazzjonali, li għandha tappoġġa u tissuplimenta l-azzjoni tal-Istati Membri…" . Il-proċess ta' Kopenħagen[10] imniedi fl-2002 appoġġa lill-Istati Membri fil-modernizzazzjoni tas-sistemi tal-VET. Dan ta spinta lill-iżvilupp tal-approċċ tar-riżultati tat-tagħlim, il-perspettiva tat-tagħlim tul il-ħajja u appoġġa l-iżvilupp tal-għodod ta' referenza komuni (Europass, il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki - EQF, is-Sistema Ewropea ta' Kreditu għall-VET – ECVET u Qafas Ewropew ta' Referenza tal-Assikurazzjoni tal-Kwalità għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali – EQAVET).

Il-Ministri tal-UE inkarigati mill-VET, l-Imsieħba Soċjali Ewropej u l-Kummissjoni Ewropea se jirrevedu l-prijoritajiet skont il-proċess ta' Kopenħagen f'Diċembru 2010. L-għan ta' din il-Komunikazzjoni hija għalhekk li tipproponi viżjoni għall-futur tal-VET. Dan jibni fuq u jikkontribwixxi għall-istrateġija Ewropa 2020 u l-Qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ sal-2020[11]. Dan iqis ukoll l-aġenda soċjali mġedda tal-UE[12] u l-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ[13].

2. Impetu ġdid għall-VET

Edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali fl-Ewropa sal-2020 għandu jikkontribwixxi kemm għall-eċċellenza kif ukoll għall-ekwità fis-sistemi ta' tagħlim tul il-ħajja tal-UE u b'hekk għall-għanijiet tal-Ewropa 2020 ta' tkabbir intelliġenti u inklussiv, ma':

- L-IVET bħala għażla attraenti tat-tagħlim b'rilevanza għolja għas-suq tax-xogħol u għal meded għal edukazzjoni ogħla,

- Is-CVET faċilment aċċessibbli għan-nies f'sitwazzjonijiet tal-ħajja differenti b'tali mod li jkunu ffaċilitati l-iżvilupp tal-ħiliet u l-bidliet fil-karriera,

- sistemi flessibbli bbażati fuq ir-rikonoxximent tar-riżultati tat-tagħlim, fosthom diplomi, u appoġġ għal meded ta' tagħlim individwali

- appoġġ adegwat għal dawk li jinsabu żvantaġġati, u

- mobilità transkonfinali bħala parti integrali tal-prassi tal-VET.

Dan il-Kapitolu jenfasizza l-elementi ewlenin li jridu jittieħdu fit-tnedija mill-ġdid tal-proċess ta' Kopenħagen. Huwa jieħu mill-erba' prijoritajiet tal-qafas Strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ sal-2020 - tagħlim tul il-ħajja u mobilità, kwalità u effiċjenza, ekwità u ċittadinanza attiva u innovazzjoni, kreattività u intraprenditorjat. Dan jinkludi wkoll aspett ta' kooperazzjoni internazzjonali fil-qasam tal-VET.

2.1. Rwol ewlieni tal-VET fit-tagħlim tul il-ħajja u l-mobilità

Hekk kif l-istruttura tal-popolazzjoni Ewropea tinbidel u hekk kif bidliet f'nofs il-karriera jsiru iktar frekwenti, il-bżonn għal aġġornament kostanti tal-ħiliet jikber u miegħu l-importanza relattiva tas-CVET. Għalhekk, l-aċċess għall-opportunitajiet tat-taħriġ f'livelli differenti għandu jkun massimizzat. Dan jista' jimplika bidliet sostanzjali f'kif, meta u min se jorganizza, jieħu ħsieb u jiffinanzja l-għoti ta' VET.

Aċċess flessibbli għat-taħriġ u l-kwalifiki

Jidher li hemm bżonn ta' flessibilità ikbar dwar kif jinkisbu r-riżultati tat-tagħlim, kif jiġu vvalutati u kif iwasslu għall-kwalifiki.

Ir-rwol ta' min iħaddem fl-għoti ta' CVET qiegħed jikber u, hekk kif il-bidla taċċelera, min iħaddem għandu jipprovdi lill-impjegati tiegħu b'opportunitajiet għal perjodi intensivi ta' taħriġ. Fornituri tradizzjonali tat-taħriġ inizjali bħall-iskejjel tal-VET jaf ikollhom jintroduċu kunċetti ta' CVET "à la carte" flessibbli għal grupp eteroġenji ta' studenti. Istituzzjonijiet ta' edukazzjoni ogħla probabbilment għandhom jibdew joffru CVET, taħriġ orjentat lejn il-klijenti adattat għall-bżonnijiet tal-impjegati u ta' min iħaddem, partikolarment mikronegozji u negozji żgħar. Aċċess flessibbli għat-taħriġ għandu jkun ikkombinat ma' organizzazzjoni flessibbli tax-xogħol u arranġamenti tas-suq tax-xogħol. Ir-rikonċiljazzjoni tax-xogħol, tat-tagħlim u tal-familja se tkun sfida speċifika biex b'hekk tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa.

Validazzjoni ta' tagħlim informali u mhux formali[14] tipprovdi meded għal titjib tal-ħiliet u riintegrazzjoni ta' nies fis-suq tax-xogħol. L-adozzjoni ta' approċċ ibbażat fuq ir-riżultati għall-kwalifiki vokazzjonali, kif promoss mill-EQF u l-ECVET, huwa kruċjali biex dan jintlaħaq: dan irid isir parti integrali fil-partijiet kollha tas-sistema E&T.

Ix-xejra ġenerali għat-"titjib tal-ħiliet" għandha implikazzjonijiet għar-relazzjoni bejn il-VET u l-edukazzjoni ogħla (HE). Sabiex ikun hemm kontribuzzjoni lejn il-mira ewlenija tal-Ewropa 2020 li tingħata spinta lis-sehem ta' gradwati mill-edukazzjoni terzjarja għal 40%, għandhom ikunu żgurati meded ġenwinament miftuħa bejn il-VET u l-HE u għandu wkoll jingħata appoġġ qawwi lill-VET terzjarju. Oqfsa tal-kwalifiki nazzjonali komprensivi irreferenzjati lill-EQF se jgħinu l-permeabilità bejn il-VET u l-HE: l-ogħla livelli tal-oqfsa tal-kwalifiki għandhom ikopru ż-żewġ setturi, b'konverġenza qawwija bejn is-sistemi tal-ECTS u ECVET.

Opportunitajiet ta' tagħlim tul il-ħajja kemm fil-VET inizjali kif ukoll f'dak kontinwu jridu jkunu akkumpanjati b'servizzi ta' gwida u ta' konsulenza biex jiġu ffaċilitati t-tranżizzjonijiet mit-taħriġ għall-impjieg u bejn xogħol u ieħor. Il-gwida mis-servizzi tal-impjiegi pubbliċi trid taħdem b'kooperazzjoni mill-qrib mal-gwida pprovduta minn sistemi ta' E&T. Kemm iż-żgħażagħ u kemm l-adulti għandhom jingħataw is-setgħa biex ma jkollhomx problemi ta' tranżizzjoni fl-iżvilupp ta' ħiliet ta' ġestjoni tal-karriera[15]. Il-gwida għandha tinbidel minn approċċ ta' "ttestjar" għal approċċ ta' "tidwiq", fejn iż-żgħażagħ jingħataw l-opportunità biex jiltaqgħu ma' sengħat vokazzjonali u possibilitajiet ta' karrieri differenti. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-kwistjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi biex iż-żgħażagħ jitħeġġew jikkunsidraw impjiegi li jmorru lil hinn mill-isterjotipi tradizzjonali tas-sessi.

Approċċ strateġiku għall-mobilità fil-VET

Jidher li hemm bżonn urġenti biex tissaħħaħ il-mobilità transnazzjonali għall-finijiet ta' tagħlim fil-qasam tal-VET, b'mod partikolari f'taħriġ vokazzjonali inizjali li jinkludi l-apprendisti. Il-mobilità tista' tgħin biex jingħelbu l-ostakli tal-lingwa kif ukoll biex wieħed jiżviluppa l-kunfidenza fih innifsu, sens ta' responsabilità, impjegabilità u kompetenza interkulturali. L-Istrateġija Ewropa 2020 u l-inizjattiva Żgħażagħ fil-Mobilità jenfasizzaw il-valur tal-mobilità fit-tagħlim u jipproponu li l-benefiċċji tagħha għandhom ikunu iktar disponibbli għaż-żgħażagħ kollha. B'konformità ma' dan, approċċi innovattivi ġodda għandhom ikunu esplorati dwar kif il-mobilità fl-VET, partikolarment tal-apprendisti, tista' titqawwa.

Hemm bżonn perjodi ta' studju jew taħriġ f'pajjiżi oħra li jsiru parti normali tal-meded ta' taħriġ vokazzjonali, kemm għal min jitgħallem u kemm għall-professjonisti tal-VET. Il-lingwi barranin fil-programmi VET huma ta' importanza partikolari f'dan il-kuntest. Irid jiġi żgurat ir-rikonoxximent tal-esperjenza ta' taħriġ tal-mobilità permezz tal-użu tal-ECVET. Il-Pjazzamenti tat-Taħriġ fl-Intrapriżi jiffaċċjaw l-isfida partikolari li jinvolvu lin-negozji, ġeneralment lill-SMEs, fil-proċess. Abbażi tar-riżultati tal-proġett pilota Mobilità għall-apprendisti, għandhom jitwaqqfu għal dan il-fini, strutturi xierqa ta' appoġġ għall-mobilità mmexxija minn netwerks ta' partijiet interessati kompetenti tal-VET. Il-"mobilità virtwali" permezz tal-użu tal-ICT (e-learning) għandha tkun promossa biex tikkomplementa l-mobilità fiżika. Minħabba l-isfidi partikolari li jeżistu fi ħdan il-VET, il-punt ta' riferiment propost għall-mobilità li tkun qiegħda tiġi żviluppata fi ħdan l-OMC għall-E&T għandu jfassal mira ambizzjuża speċifikatament għall-VET.

Il-modernizzazzjoni tas-sistemi tal-VET għat-tagħlim tul il-ħajja u l-mobilità se jirrikjedu involviment u impenn qawwija mill-partijiet interessati kollha. L-awtoritajiet pubbliċi fil-livelli kollha għandhom rwoli differenti imma kruċjali. L-imsieħba soċjali għandhom ikunu appoġġjati biex jagħtu sehemhom fl-organizzazzjoni, l-għoti u l-finanzjament tat-taħriġ, imma għandu jkollhom wkoll rwol attiv fil-promozzjoni u faċilitazzjoni tal-mobilità. Hemm bżonn li l-individwi jkunu motivati biex jieħdu sehem fil-mobilità u biex jibdew tagħlim tul il-ħajja permezz ta' għodod u skemi ta' finanzjament effiċjenti u sostenibbli (eż. vawċers għat-taħriġ, kontijiet individwali ta' tagħlim, fondi għal taħriġ u oħrajn).

L-azzjonijiet ewlenin fil-VET biex jiġi appoġġjat it-tagħlim tul il-ħajja u l-mobilità għandu jiffoka fuq:

- kunċetti flessibbli "à la carte" biex jiġi mmassimizzat l-aċċess għal VET kontinwu li jingħata minn min iħaddem, min tradizzjonalment iħarreġ u istituzzjonijiet ta' edukazzjoni ogħla u flimkien ma' inċentivi finanzjarji xierqa;

- meded ġenwinament miftuħa minn VET għal HE u żvilupp għall-programmi ta' VET fl-edukazzjoni terzjarja;

- grad għoli ta' validazzjoni tat-tagħlim informali u mhux formali;

- servizzi integrati ta' gwida u konsulenza biex jiġu ffaċilitati t-tranżizzjonijiet u t-tagħlim u l-għażliet tal-karrieri;

- sal-2020, użu sistematiku ta' EQF, ECVET u Europass bl-għan tat-trasparenza tal-kwalifiki u l-portabilità tar-riżultati tat-tagħlim;

- strateġiji ta' mobilità tranżnazzjonali fil-livell tal-fornituri tal-VET iffaċilitati minn strutturi ta' appoġġ xieraq għall-mobilità.

2.2. Attraenza u eċċellenza li dejjem jikbru tal-VET permezz ta' kwalità u effiċjenza

L-attraenza u l-eċċellenza dejjem tikber tal-VET tiddependi minn fatturi multipli. Għal individwu, l-attraenza tiddependi mir-riżultati fil-medda l-qasira u f'dik twila taż-żmien f'termini ta' tranżizzjoni faċli mill-iskola għax-xogħol, id-domanda għal professjonijiet speċifiċi[16], il-livelli tal-pagi u l-prospetti tal-karriera. Minn perspettiva ġenerali, l-attraenza tal-VET tiddependi mill-kwalità u l-effiċjenza tagħha, standards għoljin tal-għalliema u min iħarreġ, ir-rilevanza għall-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol u l-meded għal iktar tagħlim li jiftħu mingħajr ma wieħed jingħalaq f'xi sqaq, inkluż fil-livell terzjarju.

L-implimentazzjoni tal-assikurazzjoni tal-kwalità fil-VET

Filwaqt li l-importanza tal-assikurazzjoni tal-kwalità hija ġeneralment rikonoxxuta, it-twaqqif ta' politika ta' assikurazzjoni tal-kwalità u ta' "kultura ta' kwalità" fil-VET jidher li għadu ma ntlaħaqx. Il-Qafas Ewropew ta' Referenza tal-Assikurazzjoni tal-Kwalità (EQAVET) jippreżenta aġenda għall- kwalità kemm f'VET inizjali u kemm f'dak kontinwu. Huwa jżid it-trasparenza u jgħin biex tinbena fiduċja reċiproka bejn is-sistemi ta' VET nazzjonali. Fil-livell Ewropew, il-kooperazzjoni bejn il-punti ta' referenza nazzjonali għall-assikurazzjoni tal-kwalità (QANRPs) se tkun żgurata permezz tan-netwerk EQAVET. Fil-livell nazzjonali se jkunu meħtieġa l-arranġamenti biex jiġi stabbilit qafas għall-assikurazzjoni tal-kwalità, li jinkludi attivitajiet ta' appoġġ lil min joffri t-taħriġ sabiex jiġu ggarantiti l-implimentazzjoni u l-impenn fil-livelli kollha

L-evoluzzjoni tar-rwoli tal-għalliema u ta' min iħarreġ

Ir-rwol tal-għalliema u min iħarreġ huwa kruċjali fil-modernizzazzjoni tal-VET b'fokus speċjali fuq kif se jiġu reklutati, l-iżvilupp professjonali tagħhom u l-istatus tagħhom fis-soċjetà. Il-ġejjieni ddominat minn bdil kif spjegat hawnhekk jippreżenta sfidi ġodda kemm għall-għalliema u kemm għal min iħarreġ fil-VET[17], li jinvolvu pedagoġiji ġodda, tfassil tal-kurrikulu, assikurazzjoni tal-kwalità, kompiti maniġerjali u amministrattivi.

Hemm konverġenza fir-rwoli tal-għalliema u ta' min iħarreġ: Persuna li tħarreġ f'ambjent ibbażat fuq ix-xogħol se jkollha bżonn ta' iktar kompetenzi pedagoġiċi u jrid ikollha rwol li joffri appoġġ u konsulenza; filwaqt li għalliem fi skola se jkollu bżonn, bħal min iħarreġ, li jifhem sew il-prattiki tax-xogħol. Il-konverġenza għandha tiġi riflessa fil-politiki għar-reklutaġġ u tal-iżvilupp kontinwu ta' ħiliet u kompetenzi, li għandhom ikunu vvalidati u riflessi fl-istatus tal-karriera tagħhom.

Eċċellenza professjonali flimkien ma' kompetenzi essenzjali żviluppati sew

Il-fokus fuq kompetenzi essenzjali qed isir prijorità urġenti anke fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali[18]. Il-kompetenzi essenzjali huma l-bażi għat-tagħlim tul il-ħajja u għas-suċċess fil-karrieri u l-professjonijiet tal-individwi. L-iżvilupp ta' kompetenzi essenzjali għandu jkompli anke wara l-edukazzjoni obbligatorja, kemm fil-VET inizjali u anke f'dak kontinwu. Fl-istess waqt, bdil teknoloġiku rapidu jimplika titjib kontinwu ta' ħiliet professjonali/vokazzjonali "tqal"[19]. L-isfida hija li tintlaħaq l-aqwa kumbinazzjoni possibbli ta' ħiliet vokazzjonali u kompetenzi essenzjali bit-tnejn ikunu ta' standard għoli.

Sabiex tiġi mmassimizzata r-rilevanza tal-għoti ta' VET għall-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol, l-użu ta' forom differenti ta' tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol għandu jissaħħaħ. Ir-riċerka tindika li tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol għandu t-tendenza jżid l-opportunitajiet ta' impjieg fil-bidu tal-ħajja tax-xogħol. Tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol jiffaċilita wkoll l-iżvilupp ta' approċċ tar-riżultati tat-tagħlim fil-VET b'ċaqliq lejn tagħlim ibbażat fuq il-kompetenza, kwalifiki u valutazzjonijiet ibbażati fuq il-kompetenza (turijiet tal-ħiliet). Għalhekk, min iħaddem għandu jkun imħeġġeġ jimmassimizza l-offerta ta' pjazzazmenti ta' apprendistat u ta' taħriġ.

Effiċjenza u rilevanza tas-suq tax-xogħol permezz ta' sħubijiet

Kif enfasizzat fl-Istrateġija Ewropa 2020, is-sħubijiet bejn il-partijiet interessati fil-VET u b'mod partikolari l-involviment tal-imsieħba soċjali fit-tfassil, l-organizzazzjoni, it-twassil u l-finanzjament ta' VET huma prerekwiżit għall- effiċjenza u r-rilevanza għall-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol. F'ħafna pajjiżi dawn is-sħubijiet jieħdu l-forma ta' kunsilli tal-ħiliet[20], li jkunu involuti fil-monitoraġġ tas-swieq tax-xogħol, l-iżvilupp tal-profili tal-ħiliet, il-kurrikuli, iċ-ċertifikazzjoni u affarijiet oħra. Il-kunsilli pilota tas-setturi Ewropej dwar l-impjiegi u l-ħiliet skedati li se jitnedew fl-2011 għandhom iwasslu l-informazzjoni u l-aħjar prassi dwar ix-xejriet f'dan il-qasam[21].

Ir-rilevanza tas-suq tax-xogħol tal-VET tista' tissaħħaħ bl-iżvilupp ta' għodod ta' ppjanar bil-quddiem biex iqabblu l-ħiliet mal-impjiegi[22]. Fuq il-bażi ta' dan it-tqabbil, il-fornituri ta' VET b'kooperazzjoni mar-rappreżentanti tas-suq tax-xogħol lokali għandhom ikunu kapaċi jadattaw il-kurrikuli b'tali mod li jirriflettu n-nuqqasijiet ta' ħiliet, ħiliet żejda, perjodi b'xi ħiliet neqsin jew obsolexxenza. Hemm bżonn ta' titjib ta' metodoloġiji biex l-għodod ta' antiċipazzjoni jkunu koerenti u komparabbli, inkluż l-iżvilupp ta' sistema komuni ta' klassifikazzjoni għall-ħiliet kompetenzi u okkupazzjonijiet ibbażati fuq riżultati ta' tagħlim.

L-azzjonijiet ewlenin għat-titjib tal-kwalità u l-effiċjenza tal-VET inizjali kif ukoll ta' dak kontinwu għandu jkollhom l-għan li:

- jimplimentaw sistemi ta' assikurazzjoni tal-kwalità fil-livell nazzjonali, kif rakkomandat mill-qafas EQAVET;

- jiżviluppaw qafas ta' kompetenza għall-għalliema u min iħarreġ f'VET inizjali u kontinwa;

- jipprovdu lill-forza tax-xogħol b'ħiliet vokazzjonali ta' kwalità għolja rilevanti għas-suq tax-xogħol b'iktar użu ta' forom differenti ta' tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol;

- isaħħu l-iżvilupp ta' kompetenzi ewlenin biex jiġu żgurati l-adattabilità u l-flessibilità tal-ħaddiema u ta' min qiegħed jitgħallem;

- jagħmlu l-għoti ta' VET iktar kapaċi jirreaġixxi għall-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol li qed jevolvi fuq għodod ta' ppjanar bil-quddiem b'kooperazzjoni ma' msieħba soċjali u servizzi pubbliċi tal-impjiegi

2.3. Ekwità u ċittadinanza attiva

L-edukazzjoni u t-taħriġ għandhom rwol ewlieni fil-promozzjoni tal-ekwità, l-inklużjoni soċjali u ċ-ċittadinanza attiva. L-esklużjoni soċjali ta' min għandu ħiliet baxxi, min qed jitgħallem u ġej minn sfond migratorju, il-qiegħda u dawk bi bżonnijiet edukattivi speċjali spiss tkun ir-riżultat ta' elementi kumulanti bħal kwalifiki formali baxxi u n-nuqqas ta' ħiliet bażiċi u kompetenzi trażversali. L-edukazzjoni u t-taħriġ jistgħu jkunu forzi importanti biex ipattu għall-esklużjoni soċjali; Is-sistemi ta' VET għandhom rwol partikolarment importanti[23].

VET inklussiv għal tkabbir inklussiv

It-tnaqqis tal-perċentwal ta' nies li jitilqu kmieni mill-iskola għal 10% kemm fl-edukazzjoni ġenerali u kemm fil-VET huwa wieħed mill-miri prinċipali tal-Istrateġija Ewropa 2020. Xi eżempji minn xi pajjiżi b'għoti ta' taħriġ ta' kwalità għolja inklużi skemi ta' apprendistat juru li hemm potenzjal għal VET biex min jitlaq kmieni mill-iskola jkollu l-għażla li jerġa' lura għat-tagħlim. L-użu ta' tagħlim mhux fil-klassijiet, ibbażat fuq ix-xogħol b'rabtiet mill-qrib mas-suq lokali tax-xogħol u bl-integrazzjoni ta' tagħlim informali u mhux formali jista' jipprovdi alternattiva attraenti għal studenti li jkunu inqas orjentati akkademikament.

Il-VET adattat għall-bżonnijiet individwali tal-istudenti huwa importanti biex tiżdied l-inklussività. L-offerta ta' taħriġ għandha ssir iktar flessibbli u modularizzata u għandha toffri meded ta' tagħlim individwalizzati. Approċċi ta' dan it-tip huma iktar effettivi meta t-taħriġ ikun parti minn VET miftuħ għal kulħadd u mhux strutturat bħala kors speċifiku għal gruppi fil-mira. Madankollu, l-integrazzjoni ta' xi gruppi, bħal nies b'diżabilità jew nies bi sfond migratorju, tista' teħtieġ appoġġ addizzjonali, pereżempju validazzjoni ta' tagħlim mhux formali u informali u korsijiet tal-lingwa speċifiċi għall-migranti.

Iktar ma l-VET ikun integrat fis-sħiħ fis-sistema E&T kumplessiva, iktar ikun jista' jkollu rwol sinifikanti għall-ekwità soċjali. L-iżvilupp tal-livell ta' eċċellenza fil-VET, il-ftuħ ta' meded mill-VET għall-edukazzjoni ogħla u t-tisħiħ tal-programmi VET fil-livell terzjarju jistgħu jgħollu l-aspettattivi għall-istudenti tal-VET u jipprovdu meded għall-mobilità soċjali 'l fuq.

Dan kollu jrid jiġi appoġġjat minn servizzi ta' gwida aċċessibbli u fil-mira, li joffru appoġġ addizzjoanli għal punti ewlenin ta' tranżizzjoni għal studenti li qegħdin fir-riskju li ma jilħqux il-potenzjal tagħhom. Barra minn hekk, hemm bżonn ta' monitoraġġ kostanti tar-rati tal-impjiegi ta' studenti tal-VET, b'mod partikolari ta' dawk li jinsabu fi gruppi fir-riskju, inkluża dejta dwar il-profil soċjoekonomiku tal-istudenti u tar-rati ta' min jieqaf kmieni mill-VET[24].

Iktar ma l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali jmur lil hinn mill-aspett purament tas-suq tax-xogħol, iktar se jkun jippromwovi l-ekwità. Il-VET jista' jappoġġja kemm l-iżvilupp tal-identitajiet professjonali u soċjali tan-nies kif ukoll jgħinhom iħossuhom parti mill-komunitajiet tal-prattika. Dan jikkontribwixxi għal kapital soċjali, fiduċja u integrazzjoni fis-soċjetajiet. Il-kompetenzi ewlenin għal ċittadinanza attiva jistgħu jkunu żviluppati permezz ta' kurrikuli, metodi ta' ħidma parteċipattiva, permezz tal-parteċipazzjoni tal-istudenti fit-teħid tad-deċiżjonijiet u permezz ta' sħubijiet bejn min joffri l-VET, il-komunitajiet lokali u l-għaqdiet tas-soċjetà ċivili.

Il-VET inizjali jista' jikkontribwixxi b'mod sinifikanti fil-ġlieda biex l-istudenti ma jibqgħux jieqfu kmieni mill-istudju, biex titjieb l-ekwità edukattiva u tiġi promossa l-mobilità soċjali 'l fuq ta' gruppi fir-riskju billi:

- Jiġi pprovdut taħriġ ta' kwalità għolja ffukat fuq tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol adattat għal bżonnijiet individwali;

- meded aċċessibbli mill-VET għall-HE lil gruppi fir-riskju;

- "sistemi ta' traċċċar" xierqa biex jiġu monitorizzati r-rati tal-impjiegi tal-istudenti tal-VET, b'mod partikolari ta' dawk li jagħmlu parti mill-gruppi fir-riskju.

Il-VET kontinwu huwa f'qagħda partikolarment tajba biex iżid il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol ta' gruppi fir-riskju permezz ta':

- meded ta' tagħlim individwali flessibbli u modularizzat;

- tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol iffukat fuq l-akkwist ta' kompetenzi essenzjali;

- servizzi ta' gwida u validazzjoni ta' tagħlim preċedenti, partikolarment għall-migranti sabiex tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni tagħhom fis-soċjetà.

Bil-ħsieb li jiġu żviluppati kompetenzi essenzjali għal ċittadinanza attiva:

- għandhom jissaħħu s-sħubijiet bejn min joffri l-VET, il-komunitajiet lokali, l-għaqdiet tas-soċjetà ċivili, il-ġenituri u l-istudenti.

2.4. Innovazzjoni, kreattività u intraprenditorjat

Kif enfasizzat fl-Istrateġija Ewropa 2020, is-sistemi E&T għandhom jiffukaw fuq il-kurrikuli tagħhom dwar il-kreattività, l-innovazzjoni u l-intraprenditorjat. Sabiex jissodisfaw ir-rwol tagħhom, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali jridu jirrifletti l-bidliet fl-ekonomija u s-soċjetà.

Hemm bżonn ta' viżjoni ta' trawwim tal- kreattività u l-innovazzjoni li tiffoka fuq l-individwi fi ħdan sistemi ta' VET modernizzati, eċċellenti u ta' kwalità għolja. Min joffri l-VET, bi sħubija mal-awtoritajiet u l-intrapriżi, għandu jrawwem kreattività u qafas li jwassal għall-innovazzjoni li jinkoraġġixxi t-teħid ta' riskji u esperimentazzjoni.

Min joffri l-VET għandu juża tagħlim ibbażat fuq l-esperjenza u jesponi lill-istudenti għal xogħol mhux ta' rutina u sitwazzjonijiet atipiċi. Jidher li hemm bżonn li jiġi promoss tagħlim attiv kemm f'VET ibbażat fuq ix-xogħol u kemm f'dak ibbażat fl-iskola u l-individwi jingħataw l-opportunità jikkontrollaw u jiżviluppaw it-tagħlim tagħhom stess, anke permezz tal-użu ta' għodod tal-ICT innovattivi, kreattivi u magħmula apposta, fosthom l-e-learning, biex jittejjeb l-aċċess għat-taħriġ u l-flessibilità tiegħu.

Fl-istess waqt, l-edukazzjoni għall- intraprenditorjat , jiġifieri sens ta' inizjattiva, kapaċità li l-ideat jissarrfu fil-prattika, kreattività u kunfidenza, għandha tiġi mħeġġa u tkun aċċessibbli għall-istudenti kollha tal-VET, madwar il-kurrikuli u l-oqsma ta' studju kollha[25]. Hija għandha tqajjem għarfien dwar kif li wieħed jaħdem għal rasu tista' tkun għażla ta' karriera u tħarreġ lill-istudenti biex jibdew in-negozju tagħhom. L-intraprenditorjat irid isir parti normali tal-qafas tal-kompetenzi tal-għalliema u tal-istudenti. Fil-livell Ewropew, inizjattivi differenti, bħall-ħolqien ta' netwerks, il-proġett tal-Erasmus għal Intraprendituri Żgħażagħ, skambji bejn l-edukaturi u intraprendituri li jippromwovu l-intraprenditorjat kif ukoll prassi tajbin fil-qasam tal-edukazzjoni tal-intraprenditorjat għandhom jiġu appoġġjati u żviluppati ulterjorment..

Il-VET jista' jappoġġja l-kreattività, l-innovazzjoni u l-intraprenditorjat tal-istudenti billi:

- jipprovdi tagħlim attiv u bbażat fuq l-esperjenza biex jippromwovi l-akkwist ta' e-skills, kultura ta' teħid ta' riskji, inizjattiva, kurjożità, motivazzjoni intrinsika u l-ħsieb kritiku tal-individwi;

- jinkludi l-intraprenditorjat fil-qafas tal-kompetenzi tal-għalliema u tal-istudenti tal-VET.

2.5. Il-kooperazzjoni internazzjonali fil-qasam tal-VET

Il-politika tal-UE dwar il-VET għandha tkun is-suġġett ta' iktar djalogu politiku u tagħlim reċiproku mal-komunità internazzjonali, inklużi kemm il-pajjiżi terzi u l-għaqdiet internazzjonali rilevanti.

Għandha titneda kooperazzjoni strutturata mal-pajjiżi tal-Viċinat u li tkun estiża ulterjorment għall-pajjiżi tat-Tkabbir bl-appoġġ tal-ETF li wera l-valur miżjud tiegħu fl-appoġġ tal-iżvilupp tal-kurrikuli tal-VET u metodoloġiji ta' tagħlim ta' kwalità f'dawn il-pajjiżi. L-għodod Ewropej ta' referenza komuni u l-approċċi politiċi jipprovdu referenza importanti għall-modernizzazzjoni tas-sistemi ta' VET f'pajjiżi sħab, inklużi dawk involuti fl-adeżjoni mal-UE. Din il-kooperazzjoni għandha l-potenzjal li tikkontribwixxi għal kollaborazzjoni transnazzjonali, żvilupp reġjonali, ġestjoni mtejba ta' mobilità legali u għall-ġlieda kontra l-migrazzjoni illegali.

Il-kooperazzjoni tista' tkompli titrawwem ulterjorment mal-OECD, UNESCO (speċifikament mal-UNEVOC) u l-ILO fl-attivitajiet tar-riċerka u t-tfassil ta' politika bbażata fuq l-evidenza fil-qasam tal-VET (kooperazzjoni mal-PIAAC).

3. Aġenda ġdida għal kooperazzjoni Ewropea fil-VET

It-tnedija mill-ġdid ta' kooperazzjoni Ewropea fil-VET fi tmiem l-2010 għandha tkun ir-riżultat ta' sħubija mill-qrib bejn l-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-Imsieħba Soċjali. Dan għandu jinkludi d-definizzjoni tal-prijoritajiet għall-10 snin li ġejjin, b'għanijiet għal medda iktar qasira taż-żmien li jridu jkunu riveduti regolarment mill-partijiet interessati. Din il-Komunikazzjoni tikkostitwixxi l-kontribut tal-Kummissjoni għall-aġenda għall-modernizzazzjoni tal-VET fl-UE u tipprovdi reazzjonijiet politiċi għall-appoġġ tal-Istrateġija Ewropa 2020.

Il-kooperazzjoni Ewropea fil-VET s'issa kellha suċċess, partikolarment fit-twaqqif ta' għadd ta' għodod komuni tal-UE għat-tisħiħ tat-trasparenza u l-portabilità tal-kwalifiki. Madankollu, l-aġenda stabbilita f'Ewropa 2020 issejjaħ b'mod ċar għal approċċ ħafna iktar evidenti għar-riformi tas-sistemi tal-VET. Il-Kummissjoni għalhekk issejjaħ lill-Ministri tal-UE inkarigati mill-VET u l-Imsieħba Soċjali Ewropej:

- biex jendorsjaw aġenda ambizzjuża għall-modernizzazzjoni tal-VET,

- biex jiddefinixxu x'jista' jintlaħaq konkretament għad-deċenju li ġej u

- biex jagħmlu impenn qawwi għall-implimentazzjoni tiegħu fi ħdan il-programmi ta' riforma nazzjonali Ewropa 2020.

Id-deċenju li ġej se jkun iż-żmien meta jintlaħqu dawn l-objettivi. Dan jibda bl-implimentazzjoni rapida tal-għodod ta' referenza komuni, bħall-EQF, ECVET, Europass u EQAVET. L-Istati Membri għandhom rwol ewlieni, bi sħubija mal-imsieħba soċjali u li jinvolvi, lill-awtoritajiet reġjonali u lokali, lill-fornituri vokazzjonali, l-għalliema u lil min iħarreġ kif ukoll l-istudenti fil-livelli kollha. Fil-livell Ewropew il-pjattaformi eżistenti bħad-Diretturi Ġenerali għat-Taħriġ Vokazzjonali (DGVT) u l-Kumitat Konsultattiv għat-Taħriġ Vokazzjonali (ACVT) kif ukoll il-programmi rilevanti tal-UE se jintużaw biex jappoġġjaw it-tfassil u t-twassil tal-azzjonijiet maqbula. Barra minn hekk, kif intqal fl-Istrateġija Ewropa 2020, l-imsieħba soċjali fil-livell Ewropew għandhom jiżviluppaw l-inizjattivi personali tagħhom biex jikkontribwixxu għall-attraenza tal-VET.

L-istrumenti tal-Komunità għandhom rwol kruċjali biex jappoġġjaw kemm l-aġenda ta' modernizzazzjoni kif ukoll il-mobilità fil-VET. Matul il-15-il sena li ilu jeżisti, il-Programm Leonardo de Vinci appoġġa iktar minn 600 000 pjazzament ta' taħriġ għaż-żgħażagħ, 110 000 skambju ta' għalliema u min iħarreġ fil-VET u 2 000 proġett innovattiv. Huwa jipprovdi appoġġ importanti għall-implimentazzjoni tal-għodod ta' trasparenza. Il-programm Leonardo da Vinci għandu jkompli jappoġġja bil-qawwi l-aċċessibilità, il-mobilità u l-innovazzjoni fil-VET fi ħdan il-Programm għat-Tagħlim Tul il-Ħajja. Għandu jsir użu ottimali tal-Fondi Strutturali biex tiġi appoġġjata l-modernizzazzjoni tas-sistemi tal-VET u, b'mod partikolari, il-parteċipazzjoni tal-individwi f'VET kontinwu.

Il-governanza tal-proċess ta' Kopenħagen li tnieda mill-ġdid għandu jkun koerenti mal-qafas tal-Metodu Miftuħ ta' Koordinament fl-Edukazzjoni u t-Taħriġ u jkun marbut mal-Istrateġija Ewropa 2020 li tqis il-profil tal-Unjoni Ewropea bħala attur globali. Tfassil tal-politika bbażata fuq l-evidenza se jkompli jkun appoġġjat permezz tar-riċerka, l-għarfien espert u l-analiżi ta' CEDEFOP u l-ETF kif ukoll l-evidenzi statistiċi pprovduti mill-Eurostat.

[1] COM(2010) 2020.

[2] It-terminu "ħila" jinkludi għarfien, ħiliet u kompetenzi kif definiti fil-Qafas tal-Kwalifiki Ewropej.

[3] Skont it-tbassir tal-bżonnijiet futuri tal-ħiliet sal-2020 li sar minn Cedefop fi Frar 2010, se jkun 15,6 miljun impjieg ġdid fl-UE għall-gradwati tal-edukazzjoni terzjarja u 3,7 miljun impjieg ġdid għall-gradwati tal-livell sekondarju. Kuntrarjament, se jkun hemm tnaqqis ta' 12-il miljun impjieg għal dawk bl-ebda kwalifiki jew bi kwalifiki baxxi.

[4] COM(2007) 496 "Ħiliet fl-elettronika għas-seklu 21". Huwa mbassar li fi żmien ħames snin 90% tal-impjiegi se jirrikjedu ħiliet fl-ICT (IDC, 2009)

[5] ĠU L 394, 30.12.2006, p. 10, Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja

[6] COM(2010) 245 "Aġenda Diġitali għall-Ewropa"

[7] COM(2008) 868 u r-Rapport tal-Grupp Espert dwar Ħiliet Ġodda għal Impjiegi Ġodda (2010).

[8] Il-proporzjon medju tal-istudenti miktuba fil-VET fil-livell sekondarju ogħla (ISCED livell 3) fl-UE kien ta' 51.5%, b'differenzi kbar ta' 13 % f'Ċipru sa 77% fl-Awstrija.

[9] Skont l-istudju tal-Kummissjoni dwar it-toroq tal-VET, mal-UE madwar 13% tal-istudenti huma miktuba f'VET terzjarju u madwar 10% tal-popolazzjoni li taħdem għandha grad ta' edukazzjoni postsekondarju mhux terzjarju.

[10] http://ec.europa.eu/education/vocational-education/doc1143_en.htm

[11] ĠU C 119/2, 28.5.2009.

[12] COM(2008) 412.

[13] COM(2009) 200.

[14] Linji gwida Ewropej għall-validazzjoni ta' tagħlim informali informali u mhux formali (Cedefop 2009) bħala riżultat dirett tal-proċess ta' Kopenħagen.

[15] ĠU C 319, 13.12.2008, p. 4–7.

[16] Skont l-analiżi "Hot jobs 2009" ta' Manpower, in-nuqqasijiet ta' ħiliet bħalissa huma rrappurtati l-iktar fis-sengħat artiġjanali tradizzjonali (mastrudaxxi, welders, plamers).

[17] Cedefop, Bord Nazzjonali tal-Edukazzjoni Finlandiż (2009): Competence Framework for VET professions.

[18] Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill 11.05.2010 dwar kompetenzi li jappoġġjaw it-tagħlim tul il-ħajja u u l-inizjattiva ħiliet ġodda impjiegi ġodda - ĠU C 135, 26.5.2010, p. 8–11.

[19] L-UE hija mxekkla minn nuqqas ta' ħiliet fl-ICT u tista' tkun nieqsa mill-ħiliet li timla sa 700 000 post tax-xogħol fl-IT sal-2015 – kapitolu 2.6 COM(2010) 245 "Aġenda Diġitali għall-Ewropa"

[20] Studju tal-Kummissjoni dwar il-Kunsilli tas-Setturi dwar l-Impjiegi u l-Ħiliet fil-livell tal-UE.

[21] Sabiex jiġu riflessi l-bżonnijiet tal-SMEs, il-Kummissjoni qiegħda tagħmel studju dwar il-ħiliet meħtieġa fil-ġejjieni għall-mikrointrapriżi u intrapriżi (tat-tip) artiġjanali sal-2020.

[22] Rapport tal-Grupp Espert dwar Ħiliet Ġodda għal Impjiegi Ġodda (2010).

[23] Konklużjonijiet tal-Kunsill 11.05.2010 dwar id-dimensjonijiet soċjali tal-edukazzjoni u t-taħriġ - ĠU C 135, 26.5.2010, p. 2–7.

[24] Kif deskritt fl-indikaturi 5 u 6 tar-Rakkomandazzjoni EQAVET.

[25] Rapport tal-Grupp Espert dwar l-Intraprenditorjat fil-VET (2009).