52010DC0265

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni - Analiżi tal-alternattivi biex isir progress lil hinn mit-tnaqqis ta' 20 % tal-emissjonijiet ta’ gassijiet b'effett serra u l-valutazzjoni tar-riskju ta’ rilaxx tal-karbonju {SEG(2010) 650} /* KUMM/2010/0265 finali */


[pic] | Il-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 26.5.2010

KUMM(2010) 265 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL- PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL, IL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Analiżi tal-alternattivi biex isir progress lil hinn mit-tnaqqis ta' 20 % tal-emissjonijiet ta’ gassijiet b'effett serra u l-valutazzjoni tar-riskju ta’ rilaxx tal-karbonju

{SEG(2010) 650}

INTRODUZZJONI

Meta fl-2008 l-UE ddeċidiet li tnaqqas l-emissjonijiet tagħha ta’ gassijiet b'effett serra, uriet l-impenn tagħha li tindirizza t-theddida tat-tibdil fil-klima u biex tmexxi d-dinja billi turi kif dan jista' jsir. It-tnaqqis miftiehem ta' 20 % mil-livelli tal-1990 sal-2020, flimkien ma' mira ta' 20 % tas-sorsi ta' enerġija rinnovabbli, kienu pass importanti ħafna għall-iżvilupp sostenibbli u sinjal ċar lill-kumplament tad-dinja li l-UE kienet lesta tieħu l-azzjoni meħtieġa. L-UE se tilħaq il-mira tal-Protokoll ta' Kjoto u għandha storja twila warajha ta' suċċess fl-azzjoni dwar il-klima.

Iżda minn dejjem kien jidher ċar li l-azzjoni mill-UE biss mhijiex se tkun biżżejjed biex tiġġieled it-tibdil fil-klima kif ukoll li bi tnaqqis ta'20 % min-naħa tal-UE, l-istorja mhijiex se tieqaf hemm. L-azzjoni tal-UE biss mhijiex biżżejjed biex jinkiseb l-għan li ż-żieda fit-temperatura globali tinżamm taħt iż-2 C meta mqabbla mal-livelli preindustrijali. Il-pajjiżi kollha jeħtieġ li jagħmlu sforz addizzjonali, inkluż il-pajjiżi żviluppati li għandhom jaslu għal tnaqqis ta' 80-95 % sal-2050. Il-mira tal-UE li jkun hemm tnaqqis ta' 20 % sal-2020 hija biss l-ewwel pass biex tqiegħed l-emissjonijiet f'din id-direzzjoni.

Dik kienet ir-raġuni għalfejn l-UE kkomplimentat l-isforz unilaterali tagħha ta' 20 % b'impenn tant li jkun hemm tnaqqis ta' 30 %, bħala parti minn sforz globali awtentiku[1]. Din tibqa' waħda mill-politiki attwali tal-UE.

Minn meta ġiet miftiehma l-politika tal-UE 'l hawn, iċ-ċirkustanzi nbidlu b'ritmu mgħaġġel. Esperjenzajna kriżi ekonomika fid-dawl tal-iskala bla preċedent. Din tefgħet pressjoni kbira ħafna fuq in-negozji u l-komunitajiet fl-Ewropa kollha, kif ukoll kkawżat tensjoni enormi fuq il-finanzi pubbliċi. Iżda fl-istess ħin, ikkonfermat li hemm opportunitajiet kbar ħafna għall-Ewropa sabiex tinbena soċjetà aktar effiċjenti fl-użu tar-riżorsi.

Kellna wkoll is-samit ta' Kopenħagen. Minkejja d-diżappunt minħabba li ma ntlaħaqx l-għan ta' ftehim internazzjonali vinkolanti sħiħ li jindirizza t-tibdil fil-klima, l-aktar riżultat pożittiv kien li l-pajjiżi li huma responsabbli ta' madwar 80 % tal-emissjonijiet attwali għamlu wegħdiet sinifikanti biex inaqqsu l-emissjonijiet, minkejja li dawn mhux se jkunu biżżejjed biex tintlaħaq il-mira ta' 2 C. Se jibqa' jkun essenzjali li l-Qbil ta' Kopenħagen jiġi integrat fin-negozjati tal-UNFCCC li għadhom għaddejjin. Iżda l-ħtieġa għall-azzjoni tibqa' valida bħal dejjem.

L-iskop ta' din il-Komunikazzjoni mhuwiex li jiġi deċiż issa li biex tintlaħaq il-mira ogħla ta' 30 %: jidher ċar li l-kundizzjonijiet stipulati mhumiex jintlaħqu. Biex jiġi ffaċilitat dibattitu aktar informat dwar l-implikazzjonijiet tal-livelli differenti ta' ambizzjoni, din il-Komunikazzjoni tistipula r-riżultat li joħroġ minn analiżi tal-implikazzjonijiet tal-miri ta' 20 % u 30 % kif jidhru mill-perspettiva attwali. Tiffoka partikolarment fuq ir-rilaxx tal-karbonju, fil-kuntest tad-Direttiva dwar l-Iskema għall-Iskambju tal-Emissjonijiet (ETS)[2] biex tressaq analiżi fid-dawl tar-riżultati tal-Konferenza ta' Kopenħagen sa Ġunju 2010. Hija akkumpanjata minn analiżi teknika dettaljata ta' dawn il-kwistjonijiet, stipulati f'dokumenti tax-ħidma tal-persunal.

IL-MIRA ATTWALI TA' 20 %

Il-linja ta' referenza għal valutazzjoni ta' x'tista' tfisser il-mira ta' 30 % għandha tkun li jiġu analizzati l-implikazzjonijiet attwali tal-mira ta' 20 %. Għalhekk, bir-raġun, il-kriżi ekonomika kellha impatt ewlieni fuq is-suppożizzjonijiet li saru meta ntlaħaq il-qbil dwar il-mira ta' 20 %. Iżda l-impatt tagħha ħadem b'modi differenti.

Il-kriżi ekonomika u l-isfida li tintlaħaq il-mira ta' 20 %

Bejn l-2005 u l-2008, l-UE naqqset l-emissjonijiet tagħha minn 7 % għal 10 % taħt il-livelli tal-1990[3]. B'hekk meta faqqgħet il-kriżi, din tat spinta fl-azzjoni tal-klima u l-prezzijiet għolja tal-enerġija kienu diġà wasslu għal tnaqqis iktar mgħaġġel fl-emissjonijiet tal-UE.

Il-kriżi ġabet iktar tnaqqis immedjat. L-emissjonijiet li ġew ivverifikati fl-ETS fl-2009 kienu 11.6 % inqas mill-emissjonijiet tal-2008. Il-prezzijiet tal-karbonju roħsu b'mod korrispondenti, tant li l-prezz niżel minn € 25 għal € 8 għal kull tunnellata ta' CO2 fil-bidu tal-2009[4]. Iżda r-roħs fil-prezzijiet tal-karbonju wera kif l-impatt tal-ETS fuq il-kumpaniji u l-konsumaturi jista' wkoll jadatta għal ċikostanzi ekonomiċi li l-ħin kollu jinbidlu.

Dan it-tnaqqis ta' darba biss fl-emissjonijiet kien ifisser li fl-2009, l-UE pproduċiet madwar 14 % inqas gassijiet b'effett ta' serra mill-1990. Iżda, bir-raġun, hekk kif il-produzzjoni tirkupra fl-industriji b'konsum għoli ta' enerġija bħall-azzar, din ir-rata ta' tnaqqis ma tistax sempliċiment tiġi estrapolata fil-ġejjieni.

Madankollu, l-ispejjeż assoluti biex tintlaħaq il-mira ta' 20 % naqsu. Fl-analiżi ppreżentata fl-2008 li ssostni l-pakkett dwar il-klima u l-enerġija, abbażi tal-istennija ta' tkabbir ekonomiku kontinwu, l-ispejjeż biex tintlaħaq il-mira ġew stmati għal tal-anqas EUR 70 biljun kull sena sal-2020[5]. Attwalment, l-analiżi tqis ukoll ir-reċessjoni[6]. Il-prezz issa huwa stmat li hu ta' EUR 48 biljun (0.32 % tal-PGD fl-2020). Dan jirrapreżenta tnaqqis ta' madwar EUR 22 biljun, jew ta' 30 % inqas min dak li kien mistenni sentejn (2) ilu. Minkejja dan, dan it-tnaqqis fl-ispejjeż assoluti huwa fil-kuntest ta' kriżi li ħalliet lin-negozji b'ħafna inqas kapaċità li jsibu l-investiment meħtieġ għall-immodernizzar fi żmien qasir, u l-inċertezza kbira dwar kemm jieħdu żmien biex jirkupraw. L-ispiża iżgħar tal-pakkett dwar il-klima u l-enerġija hija dovuta għall-interazzjoni ta' bosta fatturi. L-ewwel, it-tkabbir inqas ekonomiku naqqas b'mod effettiv l-istrettezza tal-mira ta' 20 %. It-tieni, iż-żieda fil-prezzijiet taż-żejt[7] kienet inċentiv biex titjieb l-effiċjenza tal-enerġija: naqset it-talba għall-enerġija. It-tielet, il-prezz tal-karbonju x'aktarx se jibqa' aktar baxx peress li kwoti mhux użati fir-reċessjoni se jiġu trasferiti għall-ġejjieni.

L-istruttura flessibbli tal-ETS tfisser li l-impatt tal-kriżi se jkollu konsegwenzi li jibqgħu jinħassu għal bosta snin. B'għadd kbir ta' kwoti li ma ntużawx matul il-kriżi, il-kumpaniji se jkunu jistgħu jitrasferixxu madwar 5-8 % tal-kwoti tagħhom mill-perjodu tal-2008-2012 għat-tielet fażi tal-ETS (2013-2020). Barra minn hekk, il-kisba tal-miri tal-enerġija rinnovabbli u l-miżuri ta' effiċjenza se jkomplu jnaqqsu aktar l-emissjonijiet. Ir-riżultat se jkun prezz tal-karbonju ferm inqas mill-previżjonijiet li saru fl-2008[8].

Fis-"setturi tal-qsim tal-isforzi"[9] mhux koperti mil-ETS, toħroġ stampa simili b'livelli differenti ta' tnaqqis f'setturi differenti. Bl-ilħiq tal-mira tas-sorsi ta' enerġija rinnovabbli u l-miżuri tal-effiċjenza tal-enerġija li diġà jinsabu għaddejjin, se jkun hemm bżonn ta' inċentivi xierqa biex tintlaħaq il-mira kumplessiva tal-UE ta' tnaqqis ta' 10 % meta mqabbla mal-2005 għas-setturi li mhumiex koperti bl-ETS.

Fl-istess ħin, il-kriżi tefgħet pressjoni kbira fuq l-ekonomija tal-UE. Attwalment in-negozji huma magħfusa minħabba t-talba mnaqqsa u l-isfida li jsibu sorsi ta' finanzjament. Bi prezz inqas tal-karbonju, id-dħul tal-gvern mill-irkant jista' jitnaqqas bin-nofs, li jkompli jżid mal-pressjoni li hemm fuq il-finanzi pubbliċi u jnaqqas sors potenzjali ieħor ta' fondi pubbliċi disponibbli għal skopijiet tal-klima. Għadu jinħass ir-rekwiżit li jinstab investiment meħtieġ f'oqsma bħall-elettriku, it-tisħin, u t-trasport biex tintlaħaq il-mira ta' 20 % tal-enerġija rinnovabbli miftiehma.

Ir-revoluzzjoni tat-teknoloġija ekoloġika

Attwalment hemm kunsens mifrux li l-iżvilupp ta' teknoloġiji effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u ekoloġiċi se jkun wieħed mill-kawżi prinċipali tat-tkabbir. Kif pajjiżi madwar id-dinja fittxew li jsaħħu l-ekonomiji tagħhom fil-kriżi permezz ta' pakketti ta' stimolu, kien hemm xejra ċara ta' investiment li qed jiġi mmirat lejn l-infrastruttura ta' mezzi ta' trasport li jniġġsu inqas, bħat-trasport pubbliku, sistemi intelliġenti ta' ġestjoni tat-traffiku (ITS), produzzjoni ta' enerġija b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju, sistemi ta' distribuzzjoni intelliġenti tal-elettriku, u riċerka u żvilupp relatati mal-enerġija u t-trasport nadif. Mad-dinja kollha qed jidhru s-sinjali tat-tranżizzjoni lejn ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju, b'pajjiżi li qed jaqbdu t-triq tal-għażla ekoloġika anki minħabba l-potenzjal li jinħoloq għadd kbir ta' impjiegi ġodda.

Fl-UE, il-programm "Ewropa 2020" fil-qofol tiegħu għandu l-konvinzjoni li l-bażi industrijali tal-Ewropa teħtieġ li tiġi orjentata mill-ġdid lejn ġejjieni aktar sostenibbli u li jinħatfu l-opportunitajiet provvduti mill-investiment bikri Ewropew fit-teknoloġija ekoloġika. Iżda dan il-potenzjal li tkun minn ta' quddiem ma jistax jiġi injorat.

Ir-realtà hi li l-kompetizzjoni globali hija waħda kiefra. Is-settur Ewropew tal-karozzi huwa fuq quddiem nett fl-isforzi biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 ta' karozzi ġodda. 17 % tal-karozzi ġodda kollha mibjugħa fl-2008 fl-UE kienu jipproduċu inqas minn 120 g/km, u għal xi wħud mill-Istati Membri s-sehem tas-suq ta' karozzi bħal dawn diġà kien ikbar minn 25 %. Fl-2009 l-iskemi għat-tiġdid tal-flotta tal-karozzi kompliet tenfasizza dan. Iżda qed isir progress simili minn manufatturi oħra, li qed jaqbżu għal vetturi ibridi u elettriċi.

Fl-enerġija, is-sorsi ta' enerġija rinnovabbli ammontaw għal 61 % tal-kapaċità ġdida ta' ġenerazzjoni tal-elettriku fl-UE fl-2009. Iżda l-pożizzjoni tal-Ewropa għandha sfida fuqha. 2010 Renewable Energy Attractiveness Index (l-Indiċi ta' Attrazzjoni tal-Enerġija Rinnovabbli) isemmi lill-Istati Uniti[10] u liċ-Ċina bħala l-aqwa opportunità ta' investiment għall-enerġija rinnovabbli. L-Istati Uniti għandha l-ħsieb li tirdoppja l-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli tagħha sal-2012. Fl-2009, iċ-Ċina kienet fil-quċċata tat-tabella tal-lega globali għall-installazzjoni tal-enerġija mir-riħ. Il-manufatturi Ċiniżi u Indjani ta' turbini tar-riħ issa qed jidhru mal-ewwel għaxra. Iċ-Ċina u t-Tajwan issa qed jipproduċu l-parti l-kbira ta' panils fotovoltajċi fid-dinja. Dan qed isir fi żmien li fih il-prezz aktar baxx tal-materjali bażiċi, l-effiċjenzi mtejba u l-produttività miżjuda raw il-prezz tal-moduli fotovoltajċi jonqos bin-nofs fi ftit snin biss. Fi żmien qasir dawn l-industriji qed isiru parteċipanti globali.

Raġuni oħra li minħabba fiha jeħtieġ li jkenn hemm bidla hija s-sigurtà tal-enerġija. Minkejja eċċezzjoni fl-2009, il-konsum tal-enerġija baqa' jiżdied. L-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija avżat li, sal-2015, il-provvista taż-żejt tista' tiltaqa' ma' diffikultajiet biex tibqa' tissodisfa d-domanda, li jwasslu għal żieda fil-prezzijiet taż-żejt, potenzjalment tnaqqis fit-tkabbir ekonomiku mġedded. Enerġija minn sorsi domestiċi bħall-enerġija rinnovabbli ġġib benefiċċji prinċipali f'termini ta' inqas dependenza fuq l-importazzjoni.

B'hekk l-Ewropa teħtieġ li żżid aktar l-inċentivi biex tiżviluppa dawn l-industriji fit-territorju stess. Madankollu, hekk kif qed jonqsu l-pakketti ta' stimolu gradwalment u għaddejjin minn perjodu ta' nfiq pubbliku baxx, l-inċentivi qed jonqsu. Jeżistu kawżiet oħra, bħall-mira għall-enerġija rinnovabbli, u l-istandards ta' prodotti għal prodotti u vetturi effiċjenti fl-użu tal-enerġija u bħall-akkwist pubbliku ekoloġiku. Iżda l-mira ta' 20 % minn dejjem tqieset bħala forza vitali għall-immodernizzar. Investimenti f'għażliet bħall-qbid u l-ħżin tad-dijossidu tal-karbonju (CCS) jiddependu ħafna mis-sinjal mogħti mill-prezz tal-karbonju fis-suq. Prezz aktar baxx tal-karbonju jservi ta' inċentiv ferm anqas qawwi għall-bidla u l-innovazzjoni.

Iktar diverġenza mit-trajettorja ta' 2 C wara l-2020

Sabiex jintlaħaq l-għan li ż-żieda fit-temperatura tibqa' taħt iż-2 C jeħtieġ li jkun hemm tnaqqis ta' 80-95 % sal-2050 għall-pajjiżi żviluppati, meta mqabbel mal-1990[11]. Anki jekk xi parti minn dan jitqies mill-isforzi tal-UE lil hinn mill-fruntieri tagħha, stima inizjali tindika li l-emmissjonijiet tal-UE stess għandhom jonqsu għal madwar 70 % fit-territorju stess. It-trajettorja miftiehma fl-2008 se tnaqqas l-emissjonijiet tal-UE għal -20 % sal-2020 u, jekk il-proċess jibqa' sejjer mingħajr ma jkun hemm tibdiliet,l-emissjonijiet jonqsu għal -25 % fl-2030 fit-territorju stess. Dan ma jkunx biżżejjed biex l-UE tilħaq il-livell tal-2050 bi spiża ottimali. Jekk ikun hemm dewmien fl-azzjoni, l-UE, kif ukoll l-imsieħba tagħna globali, se jkollhom jirkupraw wara l-2020. Pereżempju, l-IEA stmat li fil-livell globali, kull sena ta' dewmien fl-investiment f'aktar sorsi ta' enerġija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju żżid EUR 300-400 biljun mal-prezz.[12] Għalhekk, teħtieġ tfassal pjan direzzjonali fuq terminu ta' żmien twil għall-2050 sabiex jiġi ppjanat bil-quddiem l-investiment bl-aktar mod kost-effettiv.

Għalhekk, hemm riskju li, l-mira ta' 20 % sal-2020 li attwalment qed tikkawża bidla inqas qawwija milli kienet mistennija fl-2008, ix-xogħol tal-UE wara l-2020 se jsir aktar diffiċli u ogħla bħala prezz.

ANALIżI TAL-MIRA TA' 30 %

Iċ-ċirkustanzi li qed jinbidlu u li kellhom tant impatt fuq il-mira ta' 20 % jenfasizzaw il-bżonn ta' analiżi li titwettaq b'attenzjoni tal-mira ta' 30 %. Il-konsegwenzi ekonomiċi tal-mira ta' 30 % għall-UE għandhom ikunu ċari. Lil hinn mill-mira ta' 20 % il-probabbiltà hi li jkun hemm żieda fl-istrettezza tal-politiki attwali jew l-introduzzjoni ta' politiki ġodda. Għalhekk il-mistoqsija li tqum hija x'jistgħu jkunu dawn il-politiki ġodda, liema politiki attwali jistgħu jgħaddu minn proċess ta' strettezza, u kif tista' tiżdied din l-istrettezza.

L-għażliet hawn taħt huma fost dawk li jistgħu jitqiesu mill-UE jekk u meta tittieħed id-deċiżjoni biex jiżdiedu l-isforzi biex tintlaħaq il-mira ta' 30 %.

Għażliet possibbli sabiex tintlaħaq il-mira ta' 30 %

Għażliet fi ħdan is-Sistema għall-Iskambju tal-Emissjonijiet

Bħala l-għodda primarja li tikkawża t-tnaqqis fl-emissjonijiet, l-ETS għandha tkun il-punt ta' tluq għall-għażliet li jmorru lil hinn mill-mira ta' 20 %.

- Il-kalibrazzjoni mill-ġdid tal-ETS permezz ta' "twarrib" ta' sehem mill-kwoti ppjanati għall-irkant – Jekk għandha titttieħed deċiżjoni politika biex tiżdied il-mira tat-tnaqqis tal-emissjonijiet, l-ETS tista' tagħti l-kontribut prinċipali tagħha għal mira ogħla bi tnaqqis gradwali tal-kwoti li jmorru għall-irkant. Limitu tal-ETS aktar strett se jżid il-livell tal-kisba ambjentali, u dan ikollu l-effett li jsaħħaħ l-effett li jħalli l-inċentiv fuq is-suq tal-karbonju. Ikun biżżejjed li jitnaqqsu d-drittijiet tal-irkant b'xi 15 % matul il-perjodu kollu bejn l-2013-2020, li jirrapreżenta madwar 1.4 biljun fi kwoti. Il-previżjonijiet jissuġġerixxu li d-dħul mill-irkant jista' jiżdied b'madwar terz, minħabba li l-prezzijiet tal-karbonju huma mistennija jiżdiedu b'aktar meta mqabbla mat-tnaqqis ta' kwoti li jmorru għall-irkant. Kif l-Istati Membri se jużaw id-dħul il-ġdid mill-irkant huwa importanti f'termini ta' investiment f'soluzzjonijiet ta' karbonju baxx għall ġejjieni.

- L-għoti ta' premju lil dawk li jinvestu malajr f'teknoloġija mill-aqwa li trendi – Is-sistema ta' valutazzjoni komparattiva tipprovdi l-opportunità li tidentifika dawk li jagħmlu progress rapidu fit-titjib tal-prestazzjoni u li jingħatalhom premju f'forma ta' iktar kwoti ħielsa mhux allokati. Dan jaf ikun il-mod li bih jiġi rilaxxat finanzjament żejjed lil kumpaniji li huma lesti li jagħmlu innovazzjoni.

Għażliet teknoloġiċi

Ir-Regolament jista' jikkontribwixxi fl-ilħiq ta' miri aktar ambizzjużi dwar il-klima, partikolarment billi titħeġġeġ l-effiċjenza tal-enerġija u r-riżorsi. Din tista' sseħħ permezz ta' standards ta' prodotti, bħall-miżuri meħuda skont id-Direttiva dwar l-Eko-disinn[13] u ta' limiti ta' emissjonijiet tas-CO2 minn vetturi[14], u l-implimentazzjoni tal-Aġenda Diġitali[15]. Is-sistemi ta' distribuzzjoni intelliġenti jistgħu jgħinu jbiddlu l-imġieba tal-konsumatur, iżidu l-effiċjenza tal-enerġija u jippermettu penetrazzjoni ogħla tal-enerġija rinnovabbli. Pereżempju hu stmat li l-meters intelliġenti, jġibu prezzhom lura f'inqas minn 4 snin permezz tal-produttività miżjuda, b'riżultat ta' għarfien miżjud tal-konsumatur u s-sinjali tal-prezz tal-enerġija.

Taxxi tal-karbonju

L-introduzzjoni ta' taxxi li jolqtu l-emissjonijiet tas-CO2 f'setturi li mhumiex koperti mill-ETS tirrappreżenta strument faċli abbażi tas-suq li jagħti inċentiv għal anqas emissjonijiet f'livell nazzjonali jew dak Ewropew. Il-kalibrazzjoni tas-sistema tat-taxxi għall-fjuwils jew għall-prodotti li tirrifletti l-komponent tas-CO2 hija waħda mill-għażliet li diġà qed japplikaw l-Istati Membri, pereżempju li jiġi sfruttat il-potenzjal qawwi ta' tnaqqis fit-tisħin, li titnaqqas l-intensità tal-karbonju tal-flotta tal-karozzi, u li tiżdied l-effiċjenza tat-trasport. L-analiżi tindika li din tista' tagħti kontribut importanti biex jintlaħqu miri ogħla, u , skont il-livell u l-firxa tal-applikazzjoni, tiġġenera dħul konsiderevoli għall-Istati Memri, li jista' jintuża għal investimenti b'livell baxx ta' karbonju sabiex joħolqu impjiegi lokali ekoloġiċi, u jippermettu l-akkwist pubbliku "aktar ekoloġiku", kif ipprovdut fid-Direttiva dwar il-Promozzjoni ta' Vetturi tat-Trasport fuq it-Toroq Nodfa u Effiċjenti fl-Użu tal-Enerġija[16].

L-użu ta' politiki tal-UE bħala vetturi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet

L-UE tista' tkompli tħeġġeġ lill-Istati Memrbi, ir-reġjuni u lill-ibliet biex iżidu l-investiment b'livell baxx ta' karbonju billi jibagħtu volum akbar ta' Finanzjament tal-Politika ta' Koeżjoni lejn investimenti ekoloġiċi. Dan għandu jaċċellera x-xejra attwali għall-użu ta' fondi tal-koeżjoni b'mod aktar effettiv biex tissaħħaħ l-enerġija rinnovabbli, l-effiċjenza tal-enerġija, u l-promozzjoni tat-trasport pubbliku. Għandu jipprovdi wkoll alternattiva għall-użu ta' unitajiet tal-ammont assenjat (AAUs) żejda bħala sors ta' finanzjament, li jenfasizzaw l-integrità ambjentali tas-suq tal-karbonju.

Possibilitajiet sinifikanti għall-iffrankar tal-enerġija jibqgħu mhux utilizzati minħabba ħafna ostakoli tas-suq u dawk regolatorji. Qafas imtejjeb ta' politika għall-effiċjenza tal-enerġija għandu jkun ta' kontribut importanti biex isir progress lil hinn mill-mira ta' 20 %.

L-attivitajiet tal-użu tal-art, tat-tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija (LULUCF) ma ġewx inklużi fil-pakkett dwar il-klima u l-enerġija tal-2008, iżda għandhom potenzjal għal iktar tnaqqis tal-emissjonijiet. Il-manutenzjoni u r-restawr ta' ħażniet tal-karbonju naturali huma wkoll meħtieġa biex ikunu evitati iktar żidiet tal-emissjonijiet. Attwalment, minħabba l-inċertezzi fil-kalkolu[17] u l-volatilità[18] huwa diffiċli biex issir valutazzjoni tat-tbassir fuq perjodu ta' żmien qasir tal-attivitajiet tal-LULUCF - u tal-kontribut tagħhom għall-miri tal-UE. Madankollu, kif ix-xogħol ikompli jistabbilixxi r-regoli effettivi li jirregolaw dawn l-attivitajiet, matul iż-żmien dawn jistgħu jagħtu kontribut dejjem akbar fl-isforzi ta' mitigazzjoni permezz ta' metodi aħjar ta' kultivazzjoni u ta' ġestjoni tal-forestrija. Il-Politika Agrikola Komuni tista' tagħti inċentiv lill-bdiewa u lill-operaturi tal-forestrija biex jibdew jużaw prattiki aktar sostenibbli u jagħtu kontribut akbar għat-tnaqqis tal-emissjonijiet matul iż-żmien.

L-użu tal-ingranaġġ tal-krediti internazzjonali

L-UE kienet l-ewwel li rrikonoxxiet li l-isforzi li jsiru lil hinn mill-fruntieri tagħha jistgħu jistimulaw azzjonijiet fis-settur privat. Il-Mekkaniżmu għal Żvilupp Nadif (CDM) wassal għal eluf ta' proġetti mad-dinja kollha, li ta' spiss iwasslu għal tnaqqis effettiv ħafna f'termini ta' spiża. Iżda issa jidher li hu iktar xieraq li l-ekonomiji emerġenti jieħdu azzjoni huma stess dwar dawn l-inizjattivi. Fluss ta' dan it-tip ta' tnaqqis bi spiża baxxa fl-iskema tal-ETS tal-UE, li hu ikbar minn dak meħtieġ u mtawwal, inaqqas ir-ritmu tal-innovazzjoni fl-UE.

Mod wieħed kif jitjieb l-ingranaġġ tal-azzjoni tal-UE jista' jkun dak li tiġi sostitwita parti mid-domanda għal krediti tas-CDM bi krediti ġodda settorjali[19]. Dan jagħti direzzjoni mill-ġdid lill-finanzjament tas-suq tal-karbonju lejn azzjonijiet b'potenzjal akbar għat-tnaqqis tal-karbonju (eż. fis-settur tal-enerġija f'ekonomiji avvanzati li qed jiżviluppaw), u jista' jiġi marbut ma' skemi bħal multiplikatur[20] għal krediti tas-CDM konvenzjonali (eż. proġetti ta' gass industrijali). Dan jaf iwassal għal iktar tnaqqis ulterjuri ta' emissjonijiet f'pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jingħata kontribut lill-isforz kumplessiv tal-UE, filwaqt li fl-istess ħin jagħti aktar spazju għal CDM kontinwu f'Pajjiżi l-Anqas Żviluppati (LDCs).

Dwar l-emissjonijiet marittimi, l-UE se tkompli ssegwi ftehim internazzjonali permezz tal-IMO u l-UNFCCC. Kif miftiehem skont il-pakkett dwar il-klima u l-enerġija, l-UE se tieħu passi biex timxi 'l quddiem jekk ma jintlaħaqx ftehim bħal dan sal-31 ta' Diċmebru 2011.

Sar progress sinifikanti f'Kompenħagen dwar l-iżvilupp ta' ktieb tar-regoli internazzjonali robust sabiex tikber il-ġlieda kontra t-telf ta' foresti tropikali. Għandha titrawwem il-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi li qed jiżviluppaw li hemm foresti tropikali fihom, l-Istati Membri tal-UE u l-Kummissjoni. L-UE tista' tissodisfa parzjalment il-miri msaħħa mill-ġdid bi krediti internazzjonali għat-tnaqqis tal-emissjonijiet li jissodisfaw standards adegwati ta' integrità ambjentali.

L-isfida li tintlaħaq il-mira ta' 30 %

Il-fatt li l-mira ta' 20 % issa tista' tintlaħaq aktar faċilment milli kien mistenni fl-2008 għandu effett sekondarju ovvju fuq l-isfida li tintlaħaq il-mira ta' 30 %. F'termini assoluti, il-prezz ta' EUR 70 biljun fl-2020 kif stmat fil-bidu tal-2008, ikun biżżejjed illum biex iwassal lill-UE aktar minn nofs triq lejn iż-żieda minn 20 % għal 30 %, għalkemm din hija sitwazzjoni fejn l-ekonomija tal-UE hija aktar kostretta.

L-ispejjeż totali addizzjonali għall-UE biex jiżdied l-isforz ta' 20 % bħalissa għal 30 % huma stmati li jitilgħu għal madwar €33 biljun fis-sena 2020, jew 0.2 % tal-PGD. Sabiex jinkiseb dan it-tnaqqis ta' 30 %, huwa stmat li l-prezz tal-karbonju fl- ETS tal-UE se jammonta għal madwar EUR 30 kull tunnellata ta' CO2, li huwa simili għal-livell stmat bħala neċessarju biex tintlaħaq il-mira ta' tnaqqis ta' 20 % fl-2008. L-emissjonijiet domestiċi se jonqsu għal -25 % meta mqabbel mal-1990 b'dak li jifdal jiġi kopert minn kwoti tal-banek u krediti internazzjonali[21].

L-ispiża totali ta' tnaqqis ta' 30 %, inklużi l-ispejjeż biex tintlaħaq l-mira ta'20 %, issa hija stmata li tiswa EUR 81 biljun, jew 0.54 % tal-PGD[22].

Wieħed jiftakar li fil-bidu tal-2008, l-ispiża tal-pakkett dwar il-klima u l-enerġija kienet ġiet stmata li tiswa EUR 70 biljun, jew 0.45 % tal-PGD fl-2020. Għalhekk, il-progress lejn il-mira ta' tnaqqis ta' 30 % jirrappreżenta żieda ta' EUR 11 biljun meta mqabbla mal-ispejjeż assoluti tal-pakkett dwar il-klima u l-enerġija fl-2020 kif prevista fl-2008.

Iżda filwaqt li b'mod ċar l-ispejjeż naqsu, il-profitabbiltà anqas tal-kumpaniji, is-saħħa tax-xiri min-naħa tal-konsumaturi, u l-aċċess għal self mill-banek ilkoll naqsu l-abbiltà tal-ekonomija tal-UE li tinvesti f'teknoloġiji b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju: wirt tal-kriżi li tista' tiġi kkumpensata biss bir-ritorn tal-politiki ta' tkabbir u dawk proattivi biex tingħata prijorità lit-tkabbir f'dawn is-setturi.

Fuq min se jinħass il-piż żejjed?

F'termini ta' setturi, l-analiżi tissuġġerixxi li l-akbar potenzjal għat-tnaqqis tal-emmissjonijiet ġej mis-settur tal-elettriku permezz ta' taħlita ta' effiċjenza mtejba min-naħa tad-domanda u tnaqqis fl-investimenti li jagħmlu użu intensiv mill-karbonju min-naħa tal-provvista. Ammont sinifikanti tal-kapaċità tal-ġenerazzjoni tal-elettriku li qed teqdiem teħtieġ li tinbidel fl-għaxar snin li ġejjin, u jekk dan jsir permezz ta' soluzzjonijiet b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju iservi ta' opportunità importanti biex jitnaqqsu l-emmissjonijiet. Għas-setturi industrijali fl-ETS, xi wħud għandhom potenzjal sinifikanti kost-effettiv (eż. raffineriji). Fis-"setturi tal-qsim tal-isforzi" id-djar u s-servizzi huma importanti biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' CO2 fil-parti l-kbira mit-tisħin. Fis-settur agrikolu, l-esperjenza f'xi wħud mill-Istati Memrbi tissuġġerixxi li jista' jkun hemm potenzjal ulterjuri għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan u tal-ossidu nitriku fil-biedja intensiva, għalkemm l-ispejjeż għandhom jiġu evalwati b'attenzjoni.

Fir-rigward tad-distribuzzjoni ġeografika, il-potenzjal tat-tnaqqis tal-emissjonijiet biex isir progress mill-mira ta' 20 % għal 30 % huwa proporzjonalment ogħla fl-Stati Membri li huma ifqar minn oħrajn. Jeħtieġ li jiġu mmobilizzati r-riżorsi finanzjarji pubbliċi u privati biex ikun hemm iktar tnaqqis tal-emissjonijiet mingħajr ma jkun hemm tfixkil fit-tkabbir ekonomiku. Il-politika tal-UE dwar il-koeżjoni hija strument importanti f'dan ir-rigward.

Analiżi ulterjuri tenfasizza aktar li f'termini relattivi, id-differenza kost-effettiva bejn l-isforzi tal-ETS u dawk li ma jagħmlux parti mill-ETS fil-każ tal-mira tat-tnaqqis ta' 30 % tibqa' fil-biċċa l-kbira l-istess bħal dik tal-mira ta' 20 %. Fil-każ li tintlaħaq il-mira ta' 30 %, fl-2020, il-limitu tal-ETS ikun ta' 34 % minflok 21% taħt il-limitu tal-emissjonijiet tal-2005 kif inhi s-sitwazzjoni bħalissa, filwaqt li l-mira kumplessiva għas-setturi li mhumiex koperti bl-ETS se tkun 16 % inqas mill-emissjonijiet tal-2005, minflok 10 % kif inhi bħalissa.

L-analiżi li ssib fid-dokument, li jakkumpanja, d-dokument ta' ħidma tal-persunal twettqet fil-livell tal-UE. Progress potenzjali għal 30 % jkun jeħtieġ deċiżjoni dwar taħlita speċifika ta' għażliet dwar kif se jinqasam it-tnaqqis addizzjonali. Analiżi dettaljata dwar l-impatti fuq livell ta' Stat Membru u setturi ekonomiċi tista' ssir biss abbażi tal-għażliet speċifiċi.

Implikazzjonijiet oħra tal-mira ta' 30 %

Wieħed ma jistax jara l-kisba tal-mira ta' 30 % għaliha waħidha. Flimkien mat-twettiq tal-mira ta' 30 % innifisha, se jkun hemm varjetà ta' konsegwenzi oħra.

Waħda se tkun it-tisħiħ tal-inċentivi għall-innovazzjoni ffaċilitati mill-mira ta' 20 %. Din se tkun partikolarment importanti għax it-teknoloġiji b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju għandhom tendenza li jkunu jeħtieġu aktar ħaddiema minn setturi konvenzjonali, u żżid ukoll is-sigurtà tal-enerġija. It-twettiq tal-mira ta' tnaqqis ta' 30 % tnaqqas l-importazzjoni taż-żejt u l-gass b'madwar EUR 40 biljun fl-2020, fejn qed jitqies li l-prezz taż-żejt ikun ta' US$ 88 għal kull barmil fl-2020. Minflok, l-investiment se jkun immirat lejn il-promozzjoni tal-impjiegi ekoloġiċi f'teknoloġiji b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju fl-UE, bħal stokk ta' akkomodazzjoni aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija. L-analiżi makroekonomika ġeneralment turi effetti kumplessivi żgħar fuq l-impjiegi – għalkemm jeżistu differenzi settorjali – iżda l-użu intelliġenti ta' dħul mill-irkant jew taxxi tal-karbonju jbiddel l-istampa. Se jkun hemm bżonn ukoll ta' tagħlim kemm għal ħiliet ġodda kif ukoll għal titjib tal-ħiliet, u s-sistemi ta' edukazzjoni u taħriġ għandhom jadattaw għal dawn l-isfidi, kif rifless fl-inizjattiva prominenti tal-istrateġija "Ewropa 2020".

Is-swieq globali b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju u l-kobenefiċċji tal-kwalità tal-arja

Il-vantaġġ li tittieħed azzjoni minn qabel aktar milli tard jikkontribwixxi għal benefiċċji sinifikanti fuq terminu ta' żmien twil għall-kompetittività tal-Ewropa, billi tinżamm pożizzjoni b'saħħitha f'suq globali ta' teknoloġiji b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju li qed jikber b'ritmu mgħaġġel.

Fl-aħħar nett, ser ikun hemm ukoll benefiċċji f'termini tal-kwalità tal-arja. It-twettiq tal-miri ta' 30 % ikun ifisser li hemm bżonn ta' inqas tagħmir għall-kontroll tat-tniġġis għat-tnaqqis ta' materjali li jniġġsu bħal partikuli, dijossidu tal-kubrit u metalli tqal sabiex l-ispejjeż biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Istrateġija Tematika dwar it-Tniġġis tal-Arja jkunu jistgħu jitnaqqsu b'madwar EUR 3 biljun fl-2020. Il-kwalità mtejba tal-arja iġġib magħha benefiċċji ta' saħħa addizzjonali, li huma stmati bejn EUR 3.5 sa 8 biljun fl-2020[23]. Dawn il-kobenefiċċji mhumiex inklużi fl-istimi tal-ispiża għal progress lejn it-30 %.

VALUTAZZJONI TAR-RISKJU GħAR-RILAXX TAL-KARBONJU

Waħda mill-konsiderazzjonijiet importanti fil-politika tal-UE dwar il-klima hija li jiġi evitat "ir-rilaxx tal-karbonju". Din tqajjem r-riskju li f'nuqqas ta' sforz biżżejjed globali, l-azzjoni domestika twassal għal bidla fis-sehem tas-suq lejn installazzjonijiet inqas effiċjenti x'imkien ieħor, b'riżultat ta' żieda globali ta' emissjonijiet. Jeżistu, ovvjament, ħafna raġunijiet għall-vantaġġi u l-iżvantaġġi kompetittivi għajr l-ispejjeż tal-karbonju, iżda aktar ma' jiffirmaw pajjiżi kompetituri għal livelli komparabbli ta' sforz għat-tnaqqis tal-emissjonijiet, inqas ikun hemm riskju ta' rilaxx tal-karbonju. Il-pakkett dwar il-klima u l-enerġija jirrikonoxxi li r-riskju tar-rilaxx tal-karbonju kellu jiġi mmonitorjat, u jiġu stabbiliti miżuri biex jiġġielduh.

Il-fatt li l-prezz tal-karbonju kien inqas milli kien previst oriġinarjament għandu l-konsegwenzi għad-dibattitu dwar ir-rilaxx tal-karbonju. Apparti minn hekk, minħabba n-nuqqas fl-emissjonijiet, is-setturi b'konsum għoli tal-enerġija li jkunu diġà fl-ETS qabel l-2013 x'aktarx jispiċċaw b'għadd konsiderevoli ta' kwoti allokati b'mod ħieles li mhumiex użati fit-tmiem tat-tieni perjodu tal-ETS fl-2012, li jistgħu jiġu trasferiti għat-tielet fażi (2013-2020). Dan ipoġġihom f'qagħda komparattivament aħjar, għal meta jiltaqgħu mal-kompetizzjoni internazzjonali meta mqabbla mal-istimi tal-2008.

Il-leġiżlazzjoni tal-ETS stipulat il-ħtieġa li jitħejja rapport sa Ġunju 2010, biex jiġi eżaminat ir-rilaxx tal-karbonju fid-dawl tar-riżultat tan-negozjati internazzjonali. Il-fatt li għadhom qed isiru n-negozjati tal-UNFCCC, ifisser li hija diffiċli li ssir valutazzjoni definittiva. Iżda li jiġi implimentat il-Qbil ta' Kopenħagen ikun ifisser b'mod ċar progress fid-direzzjoni t-tajba. Il-pajjiżi żviluppati u dwak kollha ewlenin – jiġifieri l-kompetituri prinċipali għall-industriji tal-UE b'konsum għoli tal-enerġija – għall-ewwel darba uffiċċjalment wegħdu li jieħdu azzjonijiet biex jitnaqqsu l-emissjonijiet.

L-impatti tal-mira ta' 20 % tal-UE, waqt li oħrajn qed jimplimentaw l-wegħdiet ta' livell baxx tagħhom, huma stmati li jkunu inqas minn 1 %, bl-aktar setturi li jintlaqtu f'termini ta' produzzjoni huma s-setturi tal-kimiċi organiċi, il-kimiċi inorganiċi u l-fertilizzant b'telf ta' 0.5 %, 0.6 % u 0.7 % rispettivament. Is-settur "kimiċi oħra" biss għandu impatt saħansitra ogħla minn 2.4 %. Meta mqabbla mal-implimentazzjoni unilaterali tal-UE tal-mira ta' 20 %, xi wħud mis-setturi tal-UE b'konsum għoli tal-enerġija filfatt se jkunu f'pożizzjoni ftit aħjar, filwaqt li għal setturi oħrajn mhux se jagħmlu differenza. Minkejja l-inċertezzi relatati mal-implimentazzjoni reali tal-Qbil ta' Kopenħagen, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-miżuri li dwarhom diġà ntlaħaq qbil biex jgħinu lil industriji b'konsum għoli tal-enerġija – l-allokazzjoni ħielsa u l-aċċess għal krediti internazzjonali – attwalment għadhom iġġustifikati.

Iż-żieda għal 30 %

L-analiżi makroekonomika turi li l-impatt inkrementali taż-żieda fl-isforz tal-UE li tilħaq il-mira ta' 30 % filwaqt li l-oħrajn jibqgħu bil-wegħdiet ta' livell baxx meta mqabbla mal-pakkett dwar il-klima u l-enerġija attwali li jittratta r-riżultat tal-indstrija tal-UE b'konsum għoli tal-enerġija se tkun limitata, sakemm jibqgħu fis-seħħ il-miżuri speċjali għall-industriji b'konsum għoli ta' enerġija. Il-fatt li tintlaħaq il-mira ta' 30 % ifisser iktar telf fil-produzzjoni stmata ta' madwar 1 % meta mqabbel mal-mira ta' 20 % fl-industriji tal-produzzjoni tal-metalli li fihom il-ħadid u dawk li ma fihomx ħadid, industriji ta' prodotti kimiki u industriji oħra b'konsum għoli tal-enerġija. L-impatti għas-setturi tal-kimiċi organiċi, il-kimiċi inorganiċi u l-fertilizzant u "kimiċi oħra" b'żieda ta' 0.9 %, 1.1 %, 1.2 % u 3.5 % rispettivament. Aktar ma l-imsieħba ewlenin fin-negozju jimplimentaw il-wegħdiet ta' livell għoli, ikun hemm inqas riskju għar-rilaxx tal-karbonju.

L-evidenza miksuba sa issa mix-xejriet tal-emissjonijiet ta' industriji b'konsum għoli tal-enerġija mhijiex konklużiva, partikolarment rigward il-limitu safejn il-politika tal-UE dwar il-klima tkun tat bidu għar-rilokazzjoni tal-attività ekonomika barra mill-Ewropa. Min-naħa waħda, l-emissjonijiet tas-setturi b'konsum għoli tal-enerġija naqsu b'mod sinifikanti matul dawn l-aħħar snin. Il-kwoti ħielsa mhux użati ġew konvertiti f'valur monetarju. Min-naħa l-oħra, l-investiment f'teknoloġija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju fis-setturi b'konsum għoli tal-enerġija saħħaħ il-produttività kumplessiva tagħhom.

Hemm każijiet fejn ir-rilaxx tal-karbonju jista' jkollu effetti oħra għajr telf ta' kompetittività. Għal xi wħud mill-Istati Membri, fil-periferija tal-UE li għandhom interkonnessjoni faċli ma' pajjiżi li mhumiex fl-UE, jista' jkun hemm impatt fuq is-sigurtà tal-enerġija. Pereżempju, dan huwa l-każ għall-Istati Baltiċi, minħabba s-sitwazzjoni unika tas-swieq tal-elettriku fil-pajjiżi Baltiċi. Din hija waħda mir-raġunijiet għalfejn l-ETS diġà tipprovdi għal eżenzjoni fakultattiva jew parzjali minn irkant b'mod sħiħ minn dawn il-pajjiżi. Investimenti fis-sistemi ta' distribuzzjoni jistgħu jgħinu jnaqqsu r-riskju għas-sigurtà tal-elettriku. Barra minn hekkk, il-Kummissjoni se twettaq monitoraġġ mill-qrib tal-iżviluppi u jekk xieraq, se tieħu miżuri ulterjuri bil-għan li ssaħħaħ is-sigurtà tal-enerġija u tipprovdi kundizzjonijiet ugwali għall-kompetizzjoni fis-swieq tal-elettriku.

Għażliet għall-indirizzar tar-rilaxx tal-karbonju

Il-kwistjoni ewlenija għar-rilaxx tal-karbonju hija d-differenza kompetittiva bejn l-UE u l-pajjiżi terzi. Jeżistu, għalhekk, ġeneralment tliet modi kif ir-rilaxx tal-karbonju, jekk jiġi vverifikat, jista' jiġi indirizzat: billi jingħata aktar appoġġ lill-industriji b'konsum għoli ta' enerġija permezz ta' kwoti ħielsa kontinwi. billi jiżdiedu l-ispejjeż tal-importazzjoni li jikkumpensaw il-benefiċċju li jiġu evitati l-politiki dwar il-livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju; jew billi jittieħdu miżuri li jqarrbu l-kumplament tad-dinja għal-livelli ta' sforzi tal-UE.

Fid-dawl tal-inċertezzi li qed iduru madwar il-wegħdiet ta' Kopenħagen, l-ilħiq ta' mira ogħla ta' 30 % tista' tiġi akkumpanjata b'passi addizzjonali f'din id-direzzjoni. Dawn il-miżuri jipprovdu wkoll inċentivi addizzjonali għal pajjiżi sabiex ikunu involuti aktar fi ftehim internazzjonali.

L-aktar mod ovvju biex tiġi provvduta għajnuna ulterjuri sabiex jinkisbu kundizzjonijiet ugwali fl-UE hu li tinżamm l-allokazzjoni ħielsa tal-kwoti.

Kif hemm stipulat fil-leġiżlazzjoni attwali, hemm ukoll l-għażla li jiġu inklużi l-importazzjonijiet fl-ETS. Il-proposti speċifiċi ġew formulati skont il-linji li bihom ġew inklużi l-attivitajiet internazzjonali tal-avjazzjoni fl-ETS. Dak jimplika li l-kwoti għandhom jinxtraw minn fuq is-suq biex ikopru għall-emissjonijiet ta' xi wħud mill-merkanzija importata. Qed jiġu diskussi proposti simili fl-Istati Uniti, u ovvjament ikun aħjar li inizjattivi bħal dawn jittieħdu flimkien ma' msieħba bħal dawn.

Dawn iqajmu kwistjonijiet usa' dwar il-politika tal-UE dwar il-kummerċ u l-interess kumplessiv f'sistema miftuħa ta' kummerċ: għadd ta' ekonomiji emerġenti diġà taw sinjali tat-tħassib tagħhom li għandhom x'jaqsmu ma' din il-kwistjoni u kull sistema se jkollha tirrikonoxxi li l-isforzi ta' mitigazzjoni tal-pajjiżi żviluppati u ta' dawk li qed jiżviluppaw mhumiex se jimxu bl-istess pass. Jeħtieġ li jiġi kkunsidrat ukoll l-impatt tal-ispejjeż ogħla tad-dħul importat għall-manufatturi tal-UE. Miżura bħal din tista' potenzjalment tiġi evitata billi l-importazzjoni tal-UE ssir mill-produtturi "l-aktar nodfa" fost il-pajjiżi terz, filwaqt li jżommu l-produzzjoni "aktar maħmuġa" għall-użu fit-territorju tagħhom stess.

L-inklużjoni tal-importazzjoni per se fl-ETS teħtieġ li tkun imfassla b'attenzjoni kbira biex jiġi żgurat li hi kompletament kompatibbli mar-rekwiżiti tad-WTO. Se tkun diffiċli li tiġi implimentata sistema li ppruvat tiddefenixxi fid-dettall il-kontenut ta' -karbonju ta' kull kategorija individwali ta' merkanzija, iżda preċiżjoni bħal din taf tkun meħtieġa: din tissuġġerixxi li s-sistema tista', fl-aħjar ċirkostanzi, titbassar għal għadd limitat ta' prodotti bażiċi standardizzati, bħall–azzar jew is-siment. It-tieni, għal kull kategorija ta' merkanzija għandu jiġi ddefinit il-kontenut medju tal-karbonju li jiġi rilaxxat waqt il-produzzjoni ta' dawn il-prodotti fl-UE. Dan jista' jkun ta' piż amministrattiv, u jkun jeħtieġ ftehim dwar medja bħal din, li x'aktarx jaf ikun proċess diffiċli u twil. It-tielet, taf tkun diffiċli biex tivverifika r-rendiment tal-istallazzjonijiet individwali fil-pajjiżi terzi mingħar sistema stabbilita u sofistikata ħafna ta' monitoraġġ u rappurtar fil-livell ta' installazzjoni.

Hemm modi differenti li bihom l-azzjoni mill-UE tista' tgħin biex iqarrbu l-miżuri ta' livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju f'pajjiżi oħra għal-livelli tal-UE, sabiex titnaqqas id-differenza għall-industriji b'konsum għoli tal-enerġija. Dawn jgħinu biex jitneħħa kwalunkwe effett ta' "opportuniżmu żejjed" jew kompetizzjoni mhux ġusta minn pajjiżi terzi.

Pereżempju, l-UE għandha tikkunsidra l-applikazzjoni ta' approċċ aktar immirat lejn in-natura u r-rikonoxximent ta' krediti internazzjonali fl-ETS. L-għażliet huma li jissaħħu l-isforzi biex isir progress lejn l-ikkreditar settorjali abbażi ta' limiti tal-ikkreditar ambizzjużi (għajr għall-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati), u li jiġi ristrett l-użu ta' krediti tas-CDM iġġenerati f'setturi b'konsum għoli tal-enerġija (eż. azzar, siment u aluminju) fil-pajjiżi terzi għajr il-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati. Għandu jitqies ukoll it-tisħiħ tal-integrità ambjentali tal-krediti tas-CDM minn pajjiżi li mhumiex jipparteċipaw b'mod xieraq fl-isforzi tal-klima internazzjonali. Waħda mill-għażiet promettenti għal tisħiħ bħal dan għandha tkun li jiġi applikat multiplikatur, meta jkunu meħtieġa pereżempju żewġ krediti tas-CDM li jiġu ċeduti għal kull tunnellata maħruġa fl-ETS. Dawn l-ideat jistgħu jiġu inkorporati fi ftehimiet bilaterali dwar l-ikkreditar settorjali bejn l-UE u għadd ta' pajjiżi terzi – pereżempju, l-UE għandha timpenja ruħha fl-appoġġ ta' proġett pilota għal ftehim ta' kkreditar settorjali bejn l-UE u ċ-Ċina dwar l-azzar.

Approċċi oħra għandhom jaraw aktar sforzi pożittivi mill-UE biex jgħinu lill-imsieħba biex jilħqu l-livelli tal-azzjoni dwar il-klima u jnaqqsu d-distakk potenzjali kompetittiv. Għall-ekonomiji li qed jiżviluppaw u dawk emerġenti, dan jista' jinkludi trasferiment tat-teknoloġija. Għall-imsieħba aktar żviluppati, l-iżvilupp rapidu ta' kopertura internazzjonali tas-suq tal-karbonju, l-ewwel nett, l-aktar setturi b'konsum għoli ta' enerġija fid-dinja kollha, għandu jneħħi l-bżonn li jittieħdu miżuri speċjali.

5 KONKLUżJONI

Peress li l-UE ħadet id-deċiżjonijiet storiċi tagħha dwar il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima fl-2008, il-kriżi ekonomika ġabet magħha bidliet fundamentali fix-xenarju politiku u ekonomiku tal-politika tal-UE dwar il-klima Hemm pressjoni kbira fuq l-ekonomija tal-UE. Madankollu, l-UE tibqa' impenjata bis-sħiħ fl-azzjoni dwar it-tibdil fil-klima. Waħda mill-ikbar sfidi li qed tiltaqa' magħha din il-ġenerazzjoni tibqa' dik li jitrażżan it-tisħin tat-temperatura gloabli. L-UE wriet il-mod kif jistgħu jittieħdu miżuri konkreti u effettivi biex titreġġa' lura x-xejra tal-emissjonijiet ta’ gassijiet b'effett serra li dejjem qed jiżdiedu mingħajr ma jiġi affetwat b'mod ħażin it-tkabbir ekonomiku. Dan il-fenomenu se jibqa' fuq quddiem nett tal-isforzi globali permezz tal-implimentazzjoni tal-pakkett dwar il-klima u l-enerġija.

L-implimentazzjoni ta' politiki biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet b'effett serra qed isservi bħala waħda mill-kawżiet ewlenin għall-immodernizzar tal-ekonomija tal-UE, u qed tidderieġi l-investiment u l-innovazzjoni lejn setturi b'potenzjal qawwi ta' tkabbir u ta' ħolqien ta' impjiegi fil-ġejjieni. Kif hemm stipulat fl-istrateġija "Ewropa 2020", din hija waħda mit-temi prinċipali fi kwalunkwe strateġija kredibbli li tinbena prosperità sostenibbli għall-ġejjieni.

Din il-Komunikazzjoni stipulat kif iċ-ċirkustanzi globali li nbidlu ħallew impatt fuq il-miri stipulati fl-2008. Minħabba li l-ispejjeż assoluti biex tintlaħaq il-mira ta' 20 % naqsu, in-negozji li kienu qed iħabbtu wiċċhom mal-isfida qawwija tal-irkupru serħu rashom, dan wassal ukoll sabiex ikun hemm inqas riskju li titnaqqas l-effikaċja tal-mira ta' 20 % sabiex issir il-bidla. Dan kollu ġej fi żmien ta' restrizzjoni ekonomika severa, kemm għall Gvernijiet kif ukoll għan-negozji.

Għalhekk, huwa importanti li jiġu analizzati il-konsegwenzi diretti tal-progress lejn il-mira ta' 30 %. Id-deċiżjoni politika sabiex tintlaħaq din il-mira ma tistax tittieħed mingħajr ma jkun ikkunsidrat il-kuntest internazzjonali. Attwalment il-kundizzjonijiet stabbiliti biex tintlaħaq il-mira ogħla ta' 30 % ma ġewx sodisfatti. Barra minn hekk deċiżjoni bħal din teħtieġ ukoll li tittieħed b'għarfien sħiħ tal-konsegwenzi ekonomiċi domestikament. Kemm il-kuntest internazzjonali kif ukoll l-analiżi ekonomika ssuġġerew li l-UE għandha tibqa' ssostni l-għażla li jsir progress lejn il-mira ta' 30 %: aħna għandna nkunu lesti biex naġixxu meta l-kundizzjonijiet jkunu tajba biex tittieħed din id-deċiżjoni.

Sadanittant, jeħtieġ li nsaħħu l-isforzi biex naħdmu flimkien mal-imsieħba tagħhna, biex nagħtuhom spinta u nħeġġuhom sabiex inkunu nistgħu niksbu l-livell ta' ambizzjoni meħtieġ biex immexxu l-isforzi globali fid-direzzjoni t-tajba u niżguraw li t-tibdil fil-klima jkun fir-realtà limitat; aħna lkoll impenjati li nagħmlu dan.

Il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja s-sitwazzjoni, inkluż il-kompetittività tal-industrija tal-UE vis-à-vis il-kompetituri internazzjonali ewlenin tagħha, partikolarment dawk li għadhom ma ħadux azzjoni konvinċenti fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Barra minn hekk, fid-dawl tas-sitwazzjoni ekonomika u n-negozjati internazzjonali li dejjem qed jevolvu, il-Kumissjoni se tkompli taġġorna l-analiżi tagħha biex toħloq diskussjonijiet informati kontinwament fil-Kunsill u l-Parlament Ewropew dwar il-kontenut ta' din il-Komunikazzjoni.

[1] F'Diċembru 2008 il-Kunsill Ewropew ikkonferma "il-Kunsill Ewropew isaħħaħ l-impenn tal-Unjoni Ewropea li jkun hemm iktar tnaqqis tant li jkun jammonta għal 30 % fil-qafas ta' ftehim dinji ambizzjuż u globali f'Kopenħagen dwar it-tibdil fil-klima għal wara l-2012 bil-kundizzjoni li l-pajjiżi żviluppati l-oħrajn jimpenjaw ruħhom biex jilħqu tnaqqis ta' emissjonijiet komparabbli u li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw u li huma ekonomikament aktar avvanzati jikkontribwixxu adegwatament skont ir-responsabbiltajiet u l-kapaċitajiet rispettivi tagħhom".

[2] Id-Direttiva 2009/29/KE.

[3] Dejta abbażi tal-inventarji tal-Istati Membri, mingħajr LULUCF, iżda bl-avjazzjoni inkluża.

[4] Minn dak iż-żmien, il-prezz tal-karbonju tela' għal EUR 12-15.

[5] Dawn iċ-ċifri jirrapreżentaw spiża ta' enerġija addizzjonali, mhux tnaqqis tal-PGD. Din tinkludi l-investimenti addizzjonali meħtieġa, kif ukoll l-iffrankar tal-enerġija. Ma tinkludix il-benefiċċji tal-kwalità tal-arja.

[6] Fl-analiżi ppreżentat fl-2008, Il-PGD tal-UE matul il-perjodu 2005-2020 ġie kkunsidrat li kiber annwalment b'rata medja ta' 2.4 %. Fl-analiżi aġġornat, din il-medja ta' tkabbir anwali matul l-istess perjodu naqset għal 1.7 %. għal aktar tagħrif ara t-tabella 4 tal-Parti II tad-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal (SEC(2010) 650) li qed takkumpanja din il-Komunikazzjoni.

[7] Il-prezz stmat taż-żejt fil-linja ta' referenza tal-2007 kien ta' USD 66 kull barmil fl-2020, filwaqt li fil-linja tal-bażi l-ġdida huwa USD 88$.

[8] Il-previżjoni tal-prezz tal-karbonju mill-Valutazzjoni tal-Impatt kien ta' madwar EUR 32 (prezzijiet tal-2008) fl-ETS, f'każ ta' implimentazzjoni sħiħa tal-pakkett (inklużi l-politiki dwar sorsi ta' enerġija rinnovabbli u l-użu massimu ta' krediti internazzjonali). Il-previżjonijiet ġodda juru prezz tal-karbonju ta' EUR 16 fl-2020 (inklużi l-politiki dwar sorsi ta' enerġija rinnovabbli sabiex tintlaħaq il-mira ta' 20 %, mingħajr il-ħtieġa li jintużaw krediti internazzjonali).

[9] Id-Deċiżjoni dwar il-Qsim tal-Isforzi (Deċiżjoni Nru 406/2009/EC) tkopri l-emissjonijiet kollha mis-setturi li mhumiex koperti bl-ETS, bħat-trasport bit-triq, it-tisħin, l-agrikoltura (LULUCF eskluż) u l-iskart.

[10] Partikolarment dawk l-Istati bi standards ta' portafoll rinnovabbli.

[11] Sabiex jintlaħaq l-għan li ż-żieda fit-temperatura tibqa' taħt iż-2 C jeħtieġ ukoll li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw bħala grupp, partikolarment dawk fosthom l-aktar żviluppati, li jiksbu devjazzjoni sostanzjali u kwantifikabbli inqas mir-rata attwali ta' tkabbir tal-emissjonijiet previst, fil-klassifika ta' bejn il-15 u t-30 % inqas min-normal sal-2020.

[12] World Energy Outlook 2009, stima: USD 500 biljun.

[13] Id-Direttiva 2005/32/KE.

[14] Ir-Regolament (KE) Nru 443/2009

[15] COM(2010 245)

[16] Id-Direttiva 2009/33/KE.

[17] eż. minħabba n-nuqqas ta' dejta jew ta' tekniki ta' kejl miftiehma għall-karbonju f'ħamrija tal-foresti u dik agrikola.

[18] Minħabba l-impatt qawwi tal-kundizzjonijiet varjabbli tat-temp (eż. maltempati li jaffetwaw il-preżenza tal-karbonju fil-foresti).

[19] L-Artikolu 11.a(5) tad-Direttiva tal-ETS (2009/29/KE) fih il-bażi legali għall-Komunità biex jiġu konklużi ma’ pajjiż terzi għall-provvista ta' krediti settorjali f'każ li n-negozjati dwar ftehim internazzjonali dwar it-tibdil fil-klima ma jiġux konklużi sal-31 ta' Diċembru 2009

[20] Multiplikatur ta' eż. 2 għal 1 ikun ifisser li għal kull tunnellata li ħarġet f'installazzjoni tal-ETS, ikollhom jiġu ċeduti żewġ tunnellati ta' krediti tas-CDM. B'dan il-mod kull kreditu tas-CDM użat biex ikopri tunnellata li ħarġet fl-Ewropa jirriżulta bħala prodott sekondarju f'tunnellata mnaqqsa f'pajjiż li qed jiżviluppa.

[21] Kif disponibbli skont il-leġiżlazzjoni eżistenti.

[22] L-istima tal-ispiża tinkludi l-kisba tal-mira ta' 20 % tas-sorsi ta' enerġija rinnovabbli.

[23] Dan se jgħin biex jinkisbu l-għanijiet tal-Istrateġija Tematika dwar it-Tniġġis tal-Arja – COM(2005) 466.