52010DC0253

Rapport tal-progress dwar is-suq waħdieni ewropew tal-komunikazzjonijiet elettroniċi għall-2009 (IL-15-IL RAPPORT) SEG(2010)630 /* KUMM/2010/0253 finali */


[pic] | Il-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 25.5.2010

KUMM(2010)253 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL, IL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI

RAPPORT TAL-PROGRESS DWAR IS-SUQ WAĦDIENI EWROPEW TAL-KOMUNIKAZZJONIJIET ELETTRONIĊI GĦALL-2009 (IL-15-IL RAPPORT)

SEG(2010)630

1. Introduzzjoni

Din il-Komunikazzjoni tirraporta dwar l-iżviluppi fis-suq u dawk regolatorji fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi fl-2009[1].

Filwaqt li l-qafas regolatorju attwali tal-UE ġab miegħu benefiċċji għaċ-ċittadini Ewropej fir-rigward ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi li huma innovattivi u bi prezz kompetittiv, xorta għad iridu jintgħelbu xi ostakli serji. Għad hemm tħassib dwar l-indipendenza u l-effettività tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali (NRAs). Id-differenzi sinifikanti fi prezzijiet bl-ingrossa u bl-imnut fl-Istati Membri ma jistgħux jiġu ġġustifikati mill-karatteristiċi tas-swieq biss imma huma wkoll ir-riżultat ta’ approċċi regolatorji differenti. Pereżempju, it-tariffi bl-ingrossa għat-terminazzjoni tas-sejħiet bil-mowbajl fil-ħames Stati Membri bl-aktar tariffi għoljin huma medja ta' 2.5 drabi ogħla milli fil-ħames Stati Membri bl-aktar tariffi baxxi. Bl-istess mod, il-medja tal-prezz bl-imnut tal-komunikazzjoni bil-mowbajl kull minuta hija kważi erba’ darbiet ogħla bħala medja fil-ħames Stati Membri bl-ogħla tariffi meta mqabbla mal-ħames tariffi l-inqas għoljin. Dawn id-differenzi jkomplu jikbru meta ma jiġux applikati rimedji b’mod konsistenti, f’waqthom, trasparenti u li jistgħu jitbassru kif ukoll min-nuqqas tal-kapaċità tal-NRAs li jaġixxu meta kkonfrontati bi żviluppi teknoloġiċi u kummerċjali ġodda. Il-konsumaturi u n-negozji għadhom qed iħabbtu wiċċhom ma’ 27 suq differenti u għalhekk mhumiex f’pożizzjoni li jgawdu l-vantaġġ tal-potenzjal ekonomiku ta' suq waħdieni.

Is-swieq tal-komunikazzjonijiet elettroniċi bħat-telefonija bil-vuċi qed jimmaturaw u t-tkabbir fis-settur qed jimxi aktar bil-mod. It-tkabbir sostenibbli fil-futur jeħtieġ innovazzjoni fis-servizzi u mudelli kummerċjali ġodda. Huwa tal-akbar importanza li nimxu lejn l-ambjent tal-ġenerazzjoni li jmiss, bl-opportunitajiet u l-isfidi tiegħu. Din it-tranżizzjoni teħtieġ investiment sinifikanti fit-titjib tal-kapaċità tan-netwerks fissi u mobbli.

Fit-19 ta' Mejju 2010, taħt il-kappa tal-istrateġija Ewropa 2020[2], il-Kummissjoni adottat Aġenda Diġitali[3] li stabbilixxiet għadd ta’ miżuri ta’ politika biex jagħtu spinta lill-ekonomija diġitali, biex jistimulaw it-tranżizzjoni għal ambjent b’veloċità għolja u biex isaħħu s-suq waħdieni onlajn. Jeħtieġ li dawn il-miżuri jkunu akkumpanjati minn approċċi regolatorji konsistenti u mill-infurzar effikaċi ta’ rimedji. Barra minn hekk, il-qafas regolatorju rivedut[4] li daħal fis-seħħ fid-19 ta’ Diċembru 2009 jeħtieġ li jkun traspost u applikat sew fi żmien xieraq mill-Istati Membri.

2. Żviluppi fis-suq

Minkejja li s-settur irreżista sew għall-kriżi ekonomika fl-2009, il-maturazzjoni tas-swieq tradizzjonali bħat-telefonija bil-vuċi fissa u mobbli tippreżenta sfidi sinifikanti għat-tkabbir. Ir-rata mgħaġġla tat-tkabbir li rajna wara l-liberalizzazzjoni bdiet tonqos fis-snin reċenti. Iż-żidiet fid-dħul finanzjarju mill-komunikazzjoni tad-dejta għadhom mhux qed jikkumpensaw għat-tnaqqis fid-dħul mill-komunikazzjoni bil-vuċi.

Il-klima ekonomika dgħajfet l-infiq tal-utent. Madankollu, pjanijiet kbar ta’ tnaqqis ta' spejjeż flimkien ma’ fatturi bħal mudelli kummerċjali abbażi ta’ prodotti b’rata fissa żguraw il-profitabbiltà kontinwa. L-investiment naqas u fil-biċċa l-kbira kien iffokat fuq netwerks fissi. Madankollu, f’ħafna pajjiżi, l-investiment f’netwerks ta’ aċċess tal-ġenerazzjoni li jmiss għadu limitat, minkejja li kien xprunat mill-kompetizzjoni tat-teknoloġija tal-kejbil u minn investimenti mill-awtoritajiet lokali. Filwaqt li jista’ jkun diffiċli li wieħed jirritorna għar-rati ta’ tkabbir tal-passat, hemm prospetti tajbin li jinkisbu rati ta’ tkabbir pożittivi fl-2010/2011, grazzi għall-irkupru tal-PGD u żieda fl-infiq tal-utent.

Fl-2008, id-dħul finanzjarju fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi laħħaq l-EUR 351 biljun fl-UE, li b’mod ġenerali jirrappreżenta madwar nofs is-settur tal-ICT Sebgħa mill-akbar għaxar kumpaniji tat-telekomunikazzjonijiet fid-dinja huma Ewropej. 43% tad-dħul mis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi ġejjin mit-telefonija bil-vuċi fissa u mill-aċċess tal-internet fiss (inklużi s-servizzi tad-dejta kummerċjali), 47% minn servizzi mobbli (vuċi u dejta) u l-10% l-bqija mill-Pay TV[5]. Skont l-Osservatorju Ewropew għall-Informazzjoni Teknoloġika (EITO - European Information Technology Observatory), it-tkabbir fl-2009 kien viċin ħafna iż-żero (it-Tabella 1):

Tabella 1

Rata tat-tkabbir | Sehem fid-dħul mis-servizzi tat-telekomunikazzjoni |

Telefonija bil-vuċi fissa u aċċess u servizzi tal-internet | -2.5% | 36% |

telefonija tal-vuċi fissa | -6.3% | 24% |

aċċess u servizzi tal-internet | 5.6% | 12% |

Telefonija mobbli bil-vuċi u servizzi mobbli tad-dejta | 0.6% | 47% |

telefonija bil-vuċi mobbli | -1.8% | 36% |

servizzi tad-dejta mobbli | 9.3% | 11% |

Servizzi tad-dejta tan-negozju | 0.6% | 7% |

TV bi ħlas | 11.7% | 10% |

Total tas-Servizzi tat-Telekomunikazzjoni | (Servizzi carrier) | 0% | 100% |

Sors: EITO (2009)

Broadband

Fl-2009, xi Stati Membri (fosthom, l-Olanda u d-Danimarka) kienu fuq quddiem nett fid-dinja f’dak li jirrigwarda l-penetrazzjoni. Ir-rata medja tal-penetrazzjoni tal-broadband fiss laħqet l-24.8%[6] li tirrappreżenta żieda ta’ 2 punti tal-persentaġġ meta mqabbla maċ-ċifri tas-sena ta' qabel, għalkemm ir-rata ta' tkabbir naqset b'aktar minn terz.

Figura 1

[pic]

Il-maġġoranza tal-linji tal-broadband huma bbażati fuq teknoloġiji xDSL. L-użu ta’ broadband ta’ kapaċità kbira għadu limitat, b’madwar kwart tal-linji jipprovdu aktar minn 10 megabit kull sekonda (Mbps). L-Ewropa qed taqa’ lura fejn jidħol l-aċċess tal-ġenerazzjoni li jmiss. Il-linji bbażati fuq il-fibra sal-binjiet (FTTP – fibre to the premises)[7] jirrappreżentaw biss bejn 1.8% u 5% tal-linji broadband fissi kollha, u dan juri l-ħtieġa li jitjiebu l-kundizzjonijiet għall-użu tan-netwerks tal-aċċess tal-ġenerazzjoni li jmiss (NGAs). Il-prezzijiet bl-imnut naqsu, l-aktar bħala konsegwenza ta’ titjib fil-veloċita tal-konnessjoni u ta' pakketti ta’ offerti b’rata fissa.

Minn Lulju 2003 is-sehem tas-suq ta’ operaturi diġà stabbiliti fis-suq tal-broadband fiss naqas u bħalissa qed jistabbilizza għal 45% (48.3% jekk jiġi inkluż il-bejgħ mill-ġdid). Madankollu, f’xi pajjiżi l-operaturi stabbiliti qed jirkupraw sehem fis-suq. Id-diżaggregazzjoni tal-ħolqa tal-linji lokali (local loop unbundling) kibret (73.7% tal-linji DSL tal-operaturi ġodda, li żdiedet meta mqabbla mad-69.2% f'Jannar 2009) l-aktar b'dannu għall-bejgħ mill-ġdid, li naqas minn 12.9% ta’ linji DSL ta’ operaturi ġodda f’Jannar 2009 għal 9.4% f’Jannar 2010. Il-ħoloq tal-linji lokali diżaggregati jippermettu lill-parteċipanti sabiex joffru servizzi triple play inkluż it-TV permezz tal-IP.

Servizzi mobbli

Filwaqt li ħafna mit-tkabbir fis-snin riċenti kien xprunat mill-komunikazzjonijiet mobbli, bħalissa s-settur jinsab f'salib it-toroq. Aktar minn 80% tad-dħul kollu ġej mis-settur mobbli. Madankollu, is-sehem tal-komunikazzjoni bil-vuċi f’termini ta’ traffiku qed jonqos b’benefiċċju għas-sehem tal-komunikazzjoni tad-dejta u dan ipoġġi aktar pressjoni fuq il-kapaċità tan-netwerk. Id-dħul mill-internet mobbli jammonta biss għal 4% tad-dħul totali mill-komunikazzjonijiet mobbli. Il-penetrazzjoni medja ta’ biljetti (cards) dedikati għall-broadband mobbli qed tikber b’rata mgħaġġla u minn 2.8% f'Jannar 2009 issa laħqet il-5.2% (Figura 2). Fil-Finlandja, il-Portugall u l-Awstrija r-rata ta’ penetrazzjoni hija aktar minn 15%. Il-konverġenza saret realità u l-operaturi tas-servizzi mobbli qed jadattaw il-mudelli tan-negozju tagħhom hekk kif atturi ġodda bħall-fornituri u l-manifatturi tas-servizzi tal-internet qed jidħlu fis-suq tal-broadband mobbli.

Figura 2

[pic]

3. Ambjent regolatorju

Il-qafas istituzzjonali

Indipendenza tal-NRAs

L-indipendenza tal-NRAs hija ta’ importanza vitali għas-salvagwardja tar-regolazzjoni ġusta u effettiva. Il-bżonn li tkun żgurata separazzjoni strutturali effettiva tal-funzjonijiet regolatorji tal-Istati Membri minn attivitajiet assoċjati mas-sjieda jew il-kontroll ta’ operaturi wassal għal proċeduri ta' ksur li għaddejjin bħalissa kontra l-Latvja, il-Litwanja u r-Rumanija.

It-tkeċċija ta’ presidenti tal-NRA wasslet lill-Kummissjoni sabiex tieħu azzjoni kontra Stati Membri (ir-Rumanija u s-Slovakkja) u tniedi investigazzjoni dwar il-kriterji li wasslu għat-tkeċċija fis-Slovenja. Il-qafas regolatorju rivedut jitlob li l-Istati Membri jiżguraw li l-kap tal-NRA jista’/tista’ jitkeċċa/titkeċċa biss jekk huwa/hija ma jibqax/tibqax jissodisfa/tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-qadi tad-dmirijiet tiegħu/tagħha li huma stipulati minn qabel fil-liġi nazzjonali. Il-Kummissjoni se tkompli tiffoka l-attenzjoni tagħha fuq dan matul il-proċess lejn l-implimentazzjoni tal-qafas regolatorju rivedut.

Setgħat u riżorsi tal-NRA

L-NRAs għandu jkollhom il-poteri kollha meħtieġa biex jaqdu dmirijiethom kif stipulat mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja[8].

Il-qafas regolatorju rivedut jeħtieġ li l-NRAs ikollhom riżorsi finanzjarji u umani adegwati biex iwettqu x-xogħlijiet mogħtija lilhom. Is-sitwazzjoni ekonomika diffiċli trendi l-garanzija ta' riżorsi suffiċjenti dejjem aktar iebsa f'diversi Stati Membri. Minkejja li bosta NRAs jidhru li huma mgħammra sew biex iwettqu x-xogħlijiet regolatorji tagħhom, f'għadd ta' Stati Membri ġiet irrappurtata l-problema ta' riżorsi limitati.

Appelli

L-aċċess għal analiżi ġudizzjarja effettiva tad-deċiżjonijiet tal-NRA huwa dritt fundamentali tal-partijiet kollha affettwati. Ġew irrappurtati bidliet fil-prattika preċedenti wara l-interpretazzjoni ta’ 'parti affettwata' mogħtija mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja[9]. Fl-Awstrija, l-NRA issa qed tinvolvi lill-partijiet kollha interessati fil-proċeduri tal-analiżi tas-suq. Fl-Isvezja hemm leġiżlazzjoni ġdida li tippermetti lil dawk kollha involuti fis-suq, kemm fornituri kif ukoll utenti, jappellaw kontra deċiżjonijiet tal-NRA.

Il-ħin u r-riżorsi li jittieħdu minn proċeduri tal-appell jibqgħu sfida serja għar-regolazzjoni effettiva u ċ-ċertezza legali. Dan ġie rrappurtat bħala li huwa l-każ, pereżempju, fil-Belġju, fil-Greċja, fil-Lussemburgu, fil-Polonja, fil-Portugall, fl-Isvezja u fir-Renju Unit. F’ċerti każi, ir-regolaturi huma mħassba li l-għadd ta’ appelli u tilwim qed jaffettwa l-pjan ta’ ħidma tagħhom.

Miżuri regolatorji

Analiżi tas-suq u rimedji [10]

Filwaqt li xi NRAs komplew bl-analiżijiet perjodiċi regolari tagħhom u/jew indirizzaw il-kwistjonijiet l-aktar problematiċi b'rimedji aktar effettivi magħmula apposta għall-ambjent tal-ġenerazzjoni li jmiss (pereżempju l-aċċess għal ħoloq tal-linji tal-fibra diżaggregati fl-Olanda), regolaturi oħra pproduċew riżultati limitati (pereżempju l-Belġju u l-Lussemburgu). Ir-Rumanija u l-Bulgarija, minkejja l-progress li għamlu, għad iridu jiffinalizzaw l-ewwel analiżijiet tagħhom tas-suq. F’ċerti każi, ir-rimedji se jkun għadda żmienhom meta finalment se jkunu disponibbli, eż. l-ATM bitstream fil-Ġermanja. In-nuqqas ta' ċarezza fir-rimedji jkompli jkabbar id-dewmien tal-użu tagħhom u x'aktarx li jipprovoka tilwim li jkompli jieħu mir-riżorsi tar-regolaturi.

Barra l-mekkaniżmu ta’ konsultazzjoni tal-Komunità, il-Kummissjoni tuża l-poteri implimentattivi tagħha u toħroġ Rakkomandazzjonijiet biex issaħħaħ ir-regolazzjoni konsistenti. Se jkun jeħtieġ li r-rwol imtejjeb tal-Kummissjoni fir-rimedji u l-istruttura stabbilita ġdida istituzzjonali li tinsab fil-qafas rivedut ikun sfruttat b’mod effettiv biex tittejjeb il-konsistenza. L-azzjoni f’waqtha tal-Korp tar-Regolaturi Ewropej għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC) hija partikolarment vitali.

Broadband

Is-sitwazzjoni kompetittiva fis-swieq tal-broadband reċentement waqfet u, f'xi Stati Membri, saħansitra marret lura. Dan hu parzjalment dovut għal fatt li r-rimedji ma ġewx infurzati b’mod effettiv u fi żmien xieraq. F’xi każi, l-aċċess għal prodotti importanti sar disponibbli biss reċentement, pereżempju DSL li ma għandux bżonn kejbil tat-telefown (naked DSL) fir-Repubblika Ċeka, Ċipru u s-Slovenja jew il-bitsream fis-Slovakkja. L-offerti ta' referenza rilevanti, bħal mhuma dawk għall-ADSL jew il-VDSL, xi kultant jittardjaw (pereżempju fl-Italja, fil-Ġermanja, fil-Belġju, fil-Bulgarija jew fil-Lussemburgu).

Ix-xejra attwali tas-suq lejn prodotti offruti flimkien qed taffettwa b'mod sinifikanti d-dinamiki kompetittivi u qed toħloq sfida regolatorja oħra għall-NRAs. Huwa meħtieġ li jiġi eżaminat sa fejn l-aċċess tal-prodotti bl-ingrossa disponibbli jippermetti lill-operaturi alternattivi biex jikkompetu mal-prodotti offruti flimkien ta' min diġà huwa stabbilit fis-suq fuq il-livell ta’ bejgħ bl-imnut.

Filwaqt li xi NRAs inkludew il-fibra fis-swieq tal-broadband bl-ingrossa u imponew obbligi (pereżempju l-Olanda, il-Finlandja, il-Latvja u l-Estonja) oħrajn eskludew il-fibra mis-suq jew ma rregolawhiex (pereżempju Franza, il-Ġermanja, l-Italja, Ċipru, l-Greċja, il-Lussemburgu u l-Isvezja). L-Olanda imponew obbligu tad-diżaggregazzjoni tal-ħoloq tal-linji tal-fibra. Xi NRAs iddiversifikaw ir-rimedji imposti fuq in-netwerks tal-fibra u tar-ram (pereżempju l-Estonja, l-Olanda u l-Finlandja).

Sabiex jitrawwem l-użu tal-NGAs, ittieħdu miżuri leġiżlattivi (pereżempju fil-Portugall, fl-Awstrija, fi Franza u fis-Slovenja) biex ikun faċilitat l-aċċess għall-infrastruttura fiżika u l-qsim tal-faċilità. Barra minn hekk, ħafna NRAs imponew l-aċċess għall-infrastruttura passiva, biex jiffaċilita l-użu tan-netwerk minn operaturi alternattivi (pereżempju id-Danimarka, il-Greċja, l-Estonja, is-Slovenja, il-Portugall, il-Ġermanja, Franza u Spanja). Fi Franza, il-Portugall u Spanja ġew adottati miżuri fir-rigward tal-in-house wiring permezz ta’ obbligi simettriċi.

Huma meħtieġa aktar konsistenza, trasparenza u ċertezza legali fil-miżuri regolatorji bħal dawk li jikkonċernaw il-migrazzjoni mir-ram għall-fibra. Minħabba dan, fl-2010, il-Kummissjoni se tadotta Rakkomandazzjoni dwar aċċess regolat għall-NGAs.

Servizzi mobbli

Ir-rati ta’ terminazzjoni tas-sejħiet bil-mowbajl (MTRs – Mobile Termination Rates) baqgħu neżlin (bi 18.4% meta mqabbel ma' 14.8% fl-2008) iżda xorta b'diskrepanzi sinifikanti bejn l-Istati Membri (Figura 3). Ir-rati huma l-aktar baxxi f’Ċipru (1.95 €ċenteżmi) filwaqt l-Bulgarija għandha l-ogħla rata (12.4 €ċenteżmi). L-MTRs jibqgħu għoljin meta mqabbla ma’ rati ta’ interkonnessjoni fissa. Id-diverġenzi fit-trattament regolatorju tar-rati ta’ terminazzjoni joħolqu tfixkil tal-kompetizzjoni u huma ta ostaklu għall-iżvilupp tas-suq uniku. Huwa għalhekk li l-Kummissjoni adottat Rakkomandazzjoni għat-trattament regolatorju tar-rati ta’ terminazzjoni għat-telefonija fissa u mobbli[11]. Huwa mistenni aktar tnaqqis meta l-NRAs jimplimentaw ir-Rakkomandazzjoni.

Figura 3

[pic]

Servizzi fissi

Ġiet imneħħija aktar regolazzjoni fis-swieq tal-bejgħ bl-imnut tas-sejħiet bil-vuċi fir-Renju Unit, fis-Slovenja, fl-Olanda, f’Malta, fi Spanja, fl-Awstrija u fil-Ġermanja. Ir-regolazzjoni fis-suq tal-kiri tal-linji bl-imnut tneħħiet fil-Finlandja, fil-Ġermanja, fir-Repubblika Ċeka u fl-Italja. Fuq il-livell tal-bejgħ bl-ingrossa, it-tneħħija tar-regolazzjoni seħħet fi swieq tranżitorji (l-Isvezja, Spanja u l-Ġermanja) u fis-suq ta’ trunk segments ta’ linji mikrija (l-Italja, il-Polonja u Spanja) L-azzjonijiet mill-NRAs fir-rigward tat-terminazzjoni tas-sejħiet fissi rriżultaw fi tnaqqis modest fil-livelli tar-rati medji tat-terminazzjoni tas-sejħiet fissi. Madankollu, il-livelli ta’ rati bħal dawn xorta għandhom differenti (Figura 4)

Figura 4[12]

[pic]

Id-diverġenzi fir-rati ta’ terminazzjoni bejn l-Istati Membri (Figura 5) ma naqsux matul l-aħħar snin. Il-varjazzjonijiet fir-rati ta' terminazzjoni tas-sejħiet fissi qegħdin jiżdiedu bi ftit.

Figura 5[13]

[pic]

Ġestjoni tal-ispettru

Dividend diġitali

L-azzjonijiet regolatorji immedjati rakkomandati mill-Kummissjoni għandhom jiffinalizzaw il-bidla mix-xandir analogu għax-xandir diġitali sal-1 ta' Jannar 2012 u jfasslu kundizzjonijiet armonizzati għall-użu tas-submedda 790-862 MHz[14]. Hija meħtieġa azzjoni koordinata biex jinfetaħ l-ispettru tad-dividend diġitali għal servizzi differenti, peress li din toħloq opportunità partikolari għall-operaturi tan-netwerk tal-broadband mingħajr fili biex jiksbu spettru tar-radju importanti ħafna. Dan mistenni jsaħħaħ il-kompetittività fil-forniment tas-servizzi tal-broadband.

Diversi Stati Membri adottaw deċiżjonijiet strateġiċi dwar l-użu tad-dividend diġitali u xi wħud ħabbru l-intenzjonijiet tagħhom dwar l-assenjazzjoni tiegħu. B’mod partikolari, ġie rappurtat li fl-2010 se jsiru rkantijiet tal-ispettru tad-dividend diġitali fil-Ġermanja, ir-Renju Unit u l-Isvezja. Id-Danimarka diġà ħabbret li d-dividend diġitali se jkun użat għal finijiet oħra barra x-xandir, b'mod partikolari l-broadband mobbli, filwaqt li Franza għandha pjanijiet simili.

Liberalizzazzjoni tal-ispettru

Kien hemm aktar Stati Membri li ħadu passi biex jintroduċu approċċi abbażi tas-suq għall-prattiki ta' ġestjoni tal-ispettru tagħhom. Id-Direttiva riveduta tal-GSM[15] tipprovdi għall-introduzzjoni ta’ servizzi ġodda mingħajr fili li jibdew mis-servizzi UMTS fil-medda ta’ 900 MHz. Ħafna Stati Membri ħadu miżuri regolatorji konkreti sabiex jippermettu l-użu tal-meded ta' frekwenza tad-900 MHz u l-1800 MHz għal servizzi li jiddependu minn teknoloġiji oħra apparti l-GSM.

Servizzi Mobbli tas-Satellita (MSS)

Wara Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill[16] dwar l-għażla u l-awtorizzazjoni ta’ sistemi li jipprovdu l-MSS, f'Mejju 2009 tlestiet proċedura tal-għażla tal-Komunità. B’riżultat ta’ dan, ġew magħżula żewġ operaturi biex jipprovdu s-servizzi. L-Istati Membri għandhom bżonn jieħdu passi malajr sabiex jawtorizzaw u jimmonitorjaw l-iżvilupp ta’ dawn is-sistemi.

4. Interess tal-konsumatur

Veloċitajiet u prezzijiet tal-broadband.

Ħafna linji tal-broadband fl-Ewropa huma ’l fuq minn 2 Mbps, sehem li qiegħed jiżdied (figura 6). Il-prezzijiet bl-imnut tal-broadband naqsu, għalkemm b’inqas mis-sena ta’ qabel. L-utenti qed jirċievu aċċess għall-internet aktar mgħaġġel bl-istess prezzijiet.

Figura 6

[pic]

Prezzijiet tas-servizzi mobbli

Ir-Regolament tar-Roaming[17] naqqas b’mod sinifikanti t-tariffi tar-roaming u tejjeb it-trasparenza tat-tariffi għall-utenti tat-telefonija bil-mowbajl ġewwa l-UE.

Il-prezz medju kull minuta tal-komunikazzjonijiet bil-mowbajl naqas minn €0.14 fl-2007 għal €0.13 fl-2008. Il-kompetittività msaħħa, imtejba permezz ta' regolazzjoni aktar effettiva tar-rati ta' terminazzjoni, wasslet għal tkabbir fl-offerti b'rata fissa u b'hekk naqqset il-prezzijiet tal-bejgħ bl-imnut. L-aktar tnaqqis sinifikanti fil-persentaġġ seħħ fil-Finlandja u l-Latvja (Figura 7), imma l-prezzijiet xorta jvarjaw ħafna minn €0.04 fil-Latvja sa €0.24 f’Malta. Dawn id-differenzi ma jistgħux jiġu spjegati mill-karatteristiċi tas-suq biss u dan jindika li, sa issa, mhemmx suq uniku.

Figura 7

[pic]

Prezzijiet Fissi

It-tariffi tat-telefonija fissa bil-vuċi żdiedu fl-2009. Minkejja xejra ġenerali ’l isfel matul l-aħħar għaxar snin, il-prezz ta’ telefonata lokali ta’ 3 minuti żdied bi 3.7% fl-2009[18], filwaqt li telefonata nazzjonali ta’ 3 minuti żdiedet b' 4.8%. Telefonata lokali ta' 10 minuti żdiedet ftit b' 0.5%, filwaqt li telefonata nazzjonali ta' 10 minuti żdiedet b' 4.1% (Figura 8). Mill-2007, il-prezzijiet tal-bejgħ bl-imnut tat-telefonati lokali iddifferixxew dejjem aktar filwaqt li l-frammentazzjoni għall-prezz tat-telefonati nazzjonali bil-vuċi ma naqsitx maż-żmien (Figuri 9 u 10).

Figura 8

[pic]

Figura 9

[pic]

Figura 10

[pic]

Trasparenza fit-tariffi

Diversi Stati Membri saħħew it-trasparenza permezz ta’ leġiżlazzjoni ġdida (fosthom ir-Rumanija, il-Portugall, Franza, ir-Renju Unit, Spanja, il-Litwanja, il-Polonja, l-Ungerija u s-Slovenja).

Xi Stati Membri saħħew l-obbligi tat-trasparenza, il-kodiċijiet tal-kondotta jew il-limiti tal-prezzijiet inklużi r-rata tal-primjum u s-servizzi tal-valur miżjud.

Fir-rigward tal-kwalità tas-servizz, ħafna mill-attenzjoni ffukat fuq is-servizzi tal-internet, b'mod partikolari l-veloċitajiet tal-broadband. Xi NRAs (pereżempju d-Danimarka, il-Latvja u l-Greċja) komplew jiżviluppaw għodod tal-IT li jippermettu lill-utenti finali jittestjaw il-veloċitajiet reali tal-broadband tagħhom.

Il-qafas regolatorju rivedut ikompli jsaħħaħ aktar il-ħtieġa li tkun ipprovduta informazzjoni trasparenti dwar il-prezzijiet u l-kundizzjonijiet tas-servizz.

Servizz universali

L-azzjonijiet li jittieħdu fir-rigward ta’ servizzi universali huma fuq żewġ aspetti. L-ewwel nett, diversi Stati Membri wettqu proċeduri ġodda ta’ nomina għall-elementi kollha, jew għal xi wħud minnhom, ta’ obbligi eżistenti ta’ servizz universali. It-tieni nett, l-Istati Membri ikkunsidraw dejjem aktar li jinkludu s-servizzi tal-broadband fl-ambitu tas-servizz universali. F’għadd ta’ Stati Membri, is-servizz universali għadu qed jiġi pprovdut taħt l-iskema tranżizzjonali jew permezz ta' leġiżlazzjoni mingħajr proċedura ta' nomina. Il-Kummissjoni enfasizzat il-ħtieġa li n-nomini jitwettqu malajr. Minkejja li l-għadd ta’ rikjesti għal kumpens qed jiżdied, f’ħafna mill-Istati Memrbi l-mekkaniżmu tal-finanzjament għas-servizz universali għadu ma ġiex attivat. Minħabba d-dewmien fi proċeduri amministrattivi, fil-proċeduri tal-qorti jew fl-aġġornamenti tal-metidoloġija tal-kalkolu tal-ispiża netta, il-kumpens permezz tal-fond tas-Servizz Universali huwa biss fis-seħħ fi Franza, fir-Repubblika Ċeka u fir-Rumanija.

Diversi Stati Membri huma inqas stretti dwar obbligi relatati ma' servizzi li huma mogħtija mis-suq jew li huma kkunsidrati li għandhom sinifikanza li qed tonqos. Pereżempju, fir-Republikka Ċeka, l-Estonja, l-Italja, il-Finlandja, l-Irlanda u l-Awstrija mhu qed jittieħed l-ebda impenn għall-provvediment ta' direttorji komprensivi u servizzi ta' tiftix fid-direttorju. Fil-Ġermanja, il-Lussemburgu u l-Isvezja s-servizz universali huwa pprovdut mingħajr nomina formali.

Il-proċedimenti ta’ ksur għal implimentazzjoni żbaljata għadhom pendenti kontra l-Belġju, il-Portugall u Spanja. Barra minn hekk, il-mekkaniżmu Daniż tal-finanzjament huwa attwalment taħt skrutinju.

L-aċċess tal-utenti għall-Internet u l-ġestjoni tan-netwerk

L-ekonomija diġitali tibni fuq id-disponibbiltà ta' servizzi u applikazzjonijiet innovattivi. Il-qafas regolatorju rivedut isaħħaħ il-ħtiġijiet ta’ trasparenza u jipprovdi l-NRAs b'poteri biex jistabbilixxu parametri ta' kwalità tas-servizz sabiex jevitaw id-degradazzjoni tas-servizzi u t-tfixkil jew it-tnaqqis fil-veloċità tat-traffiku In-newtralità tan-net ġiet identifikata bħala argument f’xi Stati Membri, l-aktar fil-kuntest tal-operaturi tal-mowbajl li jew jimpedixxu l-aċċess jew japplikaw strateġiji ddivrenzjati għall-għoti tal-prezzijiet għas-servizzi tal-VOIP. F’xi Stati Membri l-inizjattivi leġiżlattivi biex jipproteġu d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali ħolqu dibattitu dwar kif wieħed jista' jsib bilanċ bejn id-drittijiet tal-utenti finali u l-bżonn li jkunu salvagwardjati l-interessi leġittimi tas-sidien tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Il-Kummisjoni se żżomm l-iżviluppi taħt skrutinju mill-qrib, f'konformità mad-Dikjarazzjoni tal-Parlament Ewropew[19].

Portabbiltà tan-numri

Il-portabbiltà tan-numri issa tinsab fl-Istati Membri kollha. Iż-żmien u l-livell tat-tariffi huma fatturi importanti ħafna li jaffettwaw il-portabbiltà tan-numri. Ġie introdott jew kien ippjanat tnaqqis sinifikanti fil-limiti ta' żmien (il-Portugall, l-Olanda, is-Slovakkja, il-Polonja u r-Repubblika Ċeka). Il-medja tal-żminijiet sabiex isseħħ il-portabbiltà għal numri tat-telefonija tal-mowbajl u fissa kienet ta’ 4.1 ġranet u 6.5 ġranet rispettivament f'Ottubru 2009 meta mqabbla ma 8.5 ġranet u 7.5 ġranet rispettivament f’Ottubru 2008. Jeħtieġ li jkun hemm titjib peress li l-qafas regolatorju rivedut jeħtieġ li l-proċess ta’ portabbiltà jseħħ fi żmien ġurnata waħda ta’ xogħol.

Figura 11

[pic]

Figura 12

[pic]

Filwaqt li f’xi pajjiżi mhemm l-ebda tariffi fuq il-bejgħ bl-ingrossa, fis-Slovakkja l-operaturi jistgħu jitolbu ħlas ta' €50 lil xulxin. Għan-numri tal-mowbajl, seba’ Stati Membri ma japplikaw l-ebda ħlas għall-bejgħ bl-ingrossa f’kuntrast mat-tariffi għoljin ta’ €33 fis-Slovakkja u €21 fir-Repubblika Ċeka. F’xi Stati Membri anke l-konsumaturi huma mġegħla jħallsu fuq il-livell tal-bejgħ bl-imnut għall-portabbiltà tan-numru. Ħlas bħal dan jiskoraġixxi lill-persuni milli jitolbu għall-portabbiltà tan-numru.

112 - in-numru tal-emerġenza Ewropew

Il-Kummissjoni żżomm l-impenn tagħha li tiggarantixxi s-sikurezza taċ-ċittadini Ewropew meta jsiefru barra ’l pajjiż billi tipprovdi n-numru ta’ emerġenza 112 disponibbli mal-Ewropa kollha. Fil-maġġoranza kbira tal-każi, il-forniment tas-servizzi tal-112 issa huwa konformi mal-liġi Ewropea.

Is-servizzi tal-Kummissjoni bħalissa qed jinvestigaw kwistjonijiet f'xi Stati Membri relatati mal-informazzjoni dwar il-post minn fejn tkun qed issir it-telefonata. Hemm ksur li għadu pendenti kontra l-Italja dwar il-forniment tal-informazzjoni dwar il-post minn fejn tkun qed issir it-telefonata.

L-Istati Membri jridu jiżguraw li ċ-ċittadini ikunu infurmati dwar id-disponibbiltà tal-112. Attwalment, wieħed biss minn kull erba’ ċittadini fl-UE huwa konxju li jista’ jċempel 112 mal-UE kollha. Dan l-aħħar ittieħdu wkoll għadd ta’ miżuri fuq il-livell Ewropew sabiex jitjieb l-għarfien pubbliku[20]. Fi Frar 2009, il-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill iddikjaraw il-11 ta’ Frar bħala l-'Ġurnata Ewropea għall-112'. Skont ir-Regolament dwar ir-Roaming, l-utenti tal-mowbajl jirċievu SMS dwar id-disponibbiltà tal-112 meta jsiefru barra mill-pajjiż.

Il-qafas regolatorju rivedut isaħħaħ aktar id-dispożizzjonijiet dwar l-informazzjoni dwar il-post minn fejn qed issir is-sejħa u ż-żieda fl-għarfien, u l-Kummissjoni se tkompli taħdem mal-Istati Membri biex tiżgura li ċ-ċittadini Ewropej jieħdu l-benefiċċji sħaħ ta’ numru ta’ emerġenza uniku Ewropew.

Privatezza elettronika (ePrivacy)

Ir-regoli nazzjonali dwar il-privatezza għandhom ikunu adegwati għall-użu fl-ekonomija diġitali ġdida. Il-Kummissjoni nediet proċeduri ta’ ksur kontra r-Renju Unit għat-traspożizzjoni ħażina tar-regoli tal-UE dwar il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet. Il-kwistjonijiet jinvolvu l-kunsens tal-utent, in-nuqqas ta' sanzjonijiet fil-każ ta' ksur u l-assenza ta' awtorità indipendenti għas-superviżjoni ta' attivitajiet ta' interċettazzjoni Stati Membri oħra qed jieħdu miżuri biex jiżguraw l-integrità u s-sigurtà tal-komunikazzjonijiet elettroniċi (pereżempju Malta u l-Isvezja) u biex ikattru l-għarfien dwar ir-riskji tas-sigurtà onlajn (is-Slovakkja, l-Olanda u l-Isvezja).

Studju riċenti[21] dwar azzjonijiet li jittrattaw l-ispam, spyware u softwer malizzjuż jikkonferma l-ħtieġa ta' tibdiliet leġiżlattivi li huma inklużi fil-qafas regolatorju rivedut. Dawn it-tibdiliet jinkludu regoli ta' infurzar aktar ċari u konsistenti u sanzjonijiet dissważivi, kooperazzjoni transkonfinali aħjar, u riżorsi adegwati għall-awtoritajiet nazzjonali responsabbli mill-protezzjoni tal-privatezza taċ-ċittadini onlajn.

Il-Kummissjoni se tkompli taħdem biex ittejjeb il-fiduċja u l-kunfidenza tal-konsumatur sabiex ikun jista’ jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tal-ekonomija diġitali tal-UE.

5. Konklużjonijiet

Huwa vitali li nqawwu l-isforzi biex nindirizzaw il-kwistjonijiet identifikati f’din il-Komunikazzjoni, sabiex noqorbu aktar lejn suq uniku reali. Il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja mill-qrib l-iżviluppi kummerċjali biex il-problemi jiġu ttrattati malajr. Il-Kummissjoni ukoll se tieħu għadd ta’ miżuri mmirati f’konformità mal-Aġenda Diġitali u l-miżuri mfassla dwar l-ispettru, is-servizz universali, it-trattament regolatorju tal-NGAs u l-privatezza:

1. biex tindirizza d-diverġenzi fl-approċċi regolatorji u n-nuqqas ta’ infurzar f’waqtu u effettiv tar-rimedji;

2. biex tistabbilixxi l-bażi għal implimentazzjoni korretta u f'waqtha tal-qafas regolatorju rivedut u;

3. biex tiżgura t-tħaddim effettiv tal-Korp tar-Regolaturi Ewropej għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC).

Dawn il-miżuri, min-naħa tagħhom, se jsaħħu l-kompetittività għall-benefiċċju tal-konsumaturi u se jiżguraw li l-operaturi jaħdmu f'ambjent li jippermettilhom jadattaw il-mudelli kummerċjali tagħhom għal realtajiet ġodda.

[pic][pic][pic][pic][pic][pic][pic][pic][pic]

[1] Sakemm ma jkunx indikat mod ieħor is-sitwazzjoni hija deskritta kif kienet fil-31 ta’ Diċembru 2009 u d-dejta tas-suq hija dik li kienet tapplika fl-1 ta' Ottubru 2009.

[2] COM (2010) 2020

[3] Aġenda Diġitali għall-Ewropa

[4] ĠU L 337, 18.12.2009

[5] Dħul finanzjarju mis-servizzi tat-TV bi ħlas jinkludi dħul totali minn abbonamenti fi stazzjonijiet u servizzi tat-TV bi ħlas (jiġifieri stazzjonijiet primjum u stazzjonijiet tas-satellita, cable, ADSL u pakketti offerti tat-televiżjoni terrestri)

[6] Rata tal-penetrazzjoni bbażata fuq il-popolazzjoni kif kienet fl-1 ta’ Jannar 2010

[7] Inklużi l-fibra sad-dar (FTTH – fibre to the home) u l-fibra sal-bini (FTTB - fibre to the building) flimkien ma’ soluzzjonijiet tan-netwerk taż-żona lokali (LAN), imma mhux ’l hekk imsejħa teknoloġiji VDSL (Rata tal-Bit Għolja Ħafna DSL – Very High Bit Rate DSL)

[8] C-424/07

[9] C-426/05

[10] Ara wkoll il-Komunikazzjoni dwar l-Analiżijiet tas-Suq skont il-Qafas Regolatorju tal-UE (it-3 rapport).

[11] ĠU L 124, 20.05.2009, p. 67.

[12] Il-livell lokali mhux applikabbli fil-Latvja

[13] Il-koeffiċjenti tal-varjazzjoni huwa l-proporzjoni tad-devjazzjoni standard mal-medja

[14] COM(2009)586 u COM(2009)8287

[15] ĠU L 274, 20.10.2009, p. 25

[16] ĠU L 172, 02.07.2008, p. 15.

[17] ĠU L 167, 29.6.2009, p. 12.

[18] Metidoloġija OECD

[19] ĠU L 337, 18.12.2009, p. 37-69.

[20] http://ec.europa.eu/information_society/activities/112/index_en.htm

[21] http://ec.europa.eu/information_society/policy/ecomm/doc/library/ext_studies/privacy_trust_policies/spam_spyware_legal_study2009final.pdf