52010DC0189

Opinjoni tal-Kummissjoni skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 48(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea dwar deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew biex jiġu eżaminati l-emendi għat-Trattati dwar kif inhu magħmul il-Parlament Ewropew, kif propost mill-Gvern ta' Spanja /* KUMM/2010/0189 finali */


[pic] | KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 27.4.2010

KUMM(2010) 189 finali

OPINJONI TAL-KUMMISSJONI

skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 48(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropeadwar deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew biex jiġu eżaminati l-emendi għat-Trattati dwar kif inhu magħmul il-Parlament Ewropew, kif propost mill-Gvern ta' Spanja

OPINJONI TAL-KUMMISSJONI

skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 48(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropeadwar deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew biex jiġu eżaminati l-emendi għat-Trattati dwar kif inhu magħmul il-Parlament Ewropew, kif propost mill-Gvern ta' Spanja

Il-Kummissjoni tilqa' b'sodisdfazzjon l-inizjattiva tal-gvern ta' Spanja li jemenda l-Protokoll Nru 36 ta' mat-Trattat ta' Lisbona dwar id-Dispożizzjonijiet Tranżitorji. Hija taqbel mal-pożizzjoni li jeħtieġ li l-miżuri tranżitorji li għandhom x'jaqsmu ma' kif inhu magħmul il-Parlament Ewropew, u li l-Kunsill Ewropew ta l-ftehim politiku tiegħu għalihom, jiġu adottati mill-aktar fis possibbli, skont il-proċeduri legali meħtiġin.

Il-Kummissjoni tfakkar li l-inizjattiva Spanjola għandha l-għan li twettaq fil-prattika ftehim politiku tal-Kunsill Ewropew li ilu ħafna li sar. L-inizjattiva qed tittieħed minħabba l-fatt li l-elezzjonijiet Ewropej ta' Ġunju 2009 ma sarux, kif kien maħsub għall-bidu, skont ir-regoli tat-Trattat ta' Lisbona.

Wara talba mill-Kunsill Ewropew, il-Parlament Ewropew kien diġà adotta riżoluzzjoni[1], fil-11 ta' Ottubru 2007, li kienet tinkludi abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew dwar kif se jkun magħmul il-Parlament fil-ġejjieni. L-abbozz ta' deċiżjoni pprovda l-għadd ta' rappreżentanti fil-Parlament Ewropew minħabba l-Artikolu 14 (2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, kif emendat mit-Trattat ta' Lisbona. Il-Kunsill Ewropew ta l-ftehim politiku tiegħu għall-abbozz ta' deċiżjoni waqt li kienet għaddejja l-Konferenza Intergovernattiva tal-2007[2], filwaqt li żied emenda waħda oħra għan-numri li kienu tressqu (jiġifieri, siġġu wieħed iktar għal membru mill-Italja)[3].

Fil-laqgħa tiegħu tal-11 u t-12 ta' Diċembru 2008, il-Kunsill Ewropew iddikjara li f'każ li t-Trattat ta' Lisbona ma jidħolx fis-seħħ qabel l-elezzjonijiet Ewropej ta' Ġunju 2009, jiġu adottati mill-aktar fis possibbli miżuri tranżitorji sabiex l-għadd ta' Membri tal-Parlament Ewropew (MPE) jiżdied sa ma jasal fi tmiemu l-perjodu leġiżlattiv 2009-2014, skont in-numri li dwarhom intlaħaq qbil fiż-żmien meta kienet għaddejja l-Konferenza Intergovernattiva tal-2007. Id-dikjarazzjoni tiddikjara b'mod espliċitu li l-għadd totali ta' MPE għalhekk se jitla' minn 736 għal 754 sa tmiem il-perjodu leġiżlattiv 2009-2014. Tiddikjara wkoll li jeħtieġ li, jekk jista' jkun, il-modifiki jidħlu fis-seħħ fil-2010.

Wara l-elezzjonijiet Ewropej f'Ġunju 2009, il-Kunsill Ewropew għal darb'oħra fakkar fiddikjarazzjoni tiegħu waqt il-laqgħa tiegħu tat-18 u d-19 ta' Ġunju 2009, u elenka b'mod espliċitu n-numri li kien intlaħaq qbil dwarhom matul il-Konferenza Intergovernattiva tal-2007. Ġie speċifikat ukoll kif l-Istati Membri jistgħu jimlew is-siġġijiet addizzjonali, jiġifieri b'elezzjoni ad hoc, b'referenza għar-riżultati tal-elezzjonijiet Ewropej li saru f'Ġunju 2009 jew billi l-parlament nazzjonali rispettiv jaħtar l-għadd meħtieġ ta' membri minn fostu. Wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona fl-1 ta' Diċembru 2009, il-gvern Spanjol ressaq l-inizjattiva tiegħu, li dwarha l-Kunsill Ewropew issa kkonsulta lill-Kummissjoni.

Minħabba li l-proposta tirrifletti l-ftehim politiku li jeżisti fost l-Istati Membri, li ntlaħaq bl-idea li t-Trattat jidħol fis-seħħ wara l-elezzjonijiet Ewropej ta' Ġunju 2009, il-Kummissjoni tirrakkomanda li mill-aktar fis possibbli jingħata bidu għal Konferenza Intergovernattiva li tibqa' strettament limitata għal diskussjoni dwar il-proposta Spanjola għal protokoll li jemenda l-Protokoll 36 dwar id-Dispożizzjonijiet Tranżitorji.

[1] Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Ottubru 2007 dwar il-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew (2007/2169(INI))

[2] Dikjarazzjoni Nru 5 annessa mal-Att Finali tal-Konferenza Intergovernattiva

[3] Dikjarazzjoni Nru 4 annessa mal-Att Finali tal-Konferenza Intergovernattiva.