[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA | Brussel 27.4.2010 KUMM(2010) 185 finali RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar il-funzjonament tal-ftehim interistituzzjonali dwar il-dixxiplina baġitarja u t-tmexxija finanzjarja tajba RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar il-funzjonament tal-ftehim interistituzzjonali dwar il-dixxiplina baġitarja u t-tmexxija finanzjarja tajba 1. Introduzzjoni Il-Ftehim Interistituzzjonali dwar il-dixxiplina baġitarja u t-tmexxija finanzjarja tajba (FII) huwa ftehim politiku bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni. Fih bosta dispożizzjonijiet u prinċipji li wrew li huma ta' għajnuna u saħansitra neċessarji biex jiżguraw dixxiplina baġitarja u proċeduri baġitarji migħajr intoppi. Il-FII jaffettwa aspetti numerużi tal-ippjanar, il-parteċipazzjoni, l-eżekuzzjoni u l-kontroll tal-baġit. Il-FII attwali kien adottat fis-17 ta' Mejju 2006[1] fuq il-bażi tal-ftehim milħuq fil-Kunsill Ewropew ta' Brussell fil-15 u fis-16 ta' Diċembru 2005 u bidliet li ġew maqbula iktar tard mal-Parlament Ewropew. Huwa jirrappreżenta l-iktar żvilupp importanti riċenti fi storja twila – iktar minn 50 sena – ta' dibattiti baġitarji bejn l-Istituzzjonijiet Ewropej. Mill-1988, ġew konklużi erba' FIIs suċċessivi: il-pakketti Delors I (1988-1992) u Delors II (1993-1999), Agenda 2000 (2000-2006) u l-pakkett attwali tal-2007-2013. Flimkien żguraw li l-baġit tal-UE kien adottat bla intoppi u fil-ħin matul l-aħħar 20 sena. Dan ir-rapport jippreżenta analiżi dettaljata tal-funzjonament tal-FII attwali b'konformità mad-Dikjarazzjoni 1 tal-FII, li tigħd li fir-rigward tal-Punt 7 tal-Ftehim Interistituzzjonali, il-Kummissjoni ser tipprepara rapport dwar il-funzjonament tal-Ftehim Interistituzzjonali 'akkumpanjat, jekk meħtieġ, minn proposti relevanti'. L-analiżi ta' hawn taħt timxi b'mod wiesa' mal-istruttura tal-FII. Tiffoka l-ewwel fuq il-proċeduri li jimplimentaw il-Qafas Finanzjarjru Multiannwali (QFM), b'mod partikolari l-aġġustamenti u r-reviżjonijiet, u dwar il-flessibiltà (marġini u strumenti ta' flessibiltà). Hija imbagħad tivvaluta d-dispożizzjonijiet relatati mal-kollaborazzjoni istituzzjonali waqt il-proċedura baġitarja. Fl-aħħar nett, ikunu eżaminati kwistjonijiet rigward it-tmexxija finanzjarja tajba tal-Fondi tal-UE (Dikjarazzjonijiet ta’ Assigurazzjoni, programmar finanzjarju u strumenti finanzjarji ġodda). Dan ir-rapport ma jqisx ruħu eżawrjenti. Numru ta' kwistjonijiet importanti relatati mal-kollaborazzjoni interistituzzjonali ma humiex eżaminati hawnhekk. U ħafna aspetti importanti tar-riforma baġitarja jitħallew għar-'reviżjoni sħiħa u wiesgħa' tal-baġit tal-UE skont id-Dikjarazzjoni 3 tal-FII. Ugwalment, it-trattat ta' Lisbona jintroduċi jew jagħti enfasi ġdida lil ħafna oqsma politiki li jistgħu fuq medda itwal ta' żmien jirrikjedu bidliet baġitarji korrispondenti. Imma dan l-ewwel jeħtieġ il-preparazzjoni ta' atti legali ġodda u valutazzjoni bir-reqqa tal-impatt finanzjarju potenzjali tagħhom. Finalment, għandu jkun innutat li l-Kummissjoni ressqet proposti għal Regolament li jistipula l-Qafas Finanzjarju Multiannwali skont l-Artikolu 312(2) tat-Trattat dwar il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea[2]. Ir-regolament tal-Qafas Finanzjarju Multiannwali flimkien mal-Ftehim Interistituzjonali ġdid propost dwar il-koperazzjoni fi kwistjonijiet baġitarji[3] u ċertu dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju[4] ser jieħdu post il-FII. 2. ANALIżI TAL-PROċEDURI TA' IMPLIMENTAZZJONI RELATATI MAL-QFM Il-QFM, flimkien mal-FII, żgura - dixxiplina baġitarja: il-proċedura baġitarja annwali trid tirrispetta l-limiti talQFM; - proċedura baġitarja mingħajr intoppi u koperazzjoni effettiva bejn l-istituzzjonijiet grazzi għar-regoli ta' proċedura varji li ntalħaq qbil dwarhom fil-FII. Huwa importanti li jkun enfasizzat li mill-1988 il-baġits kollha kienu adottati fil-ħin; - iktar prevedibbiltà rigward l-evoluzzjoni tan-nefqa tal-UE. Ir-rikonoxximent tal-utilità tal-QFM huwa rifless fl-inseriment tal-artikolu 312(1) fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea li jistabilixxi li 'il-baġit annwali tal-Unjoni għandu jikkonforma mal-qafas finanzjarju multiannwali'. 2.1. Proċeduri biex ikun aġġustat il-Qafas Finanzjarju Multiannwali 2.1.1. Aġġustament tekniku annwali Il-Punt 16 tal-FII jipprovdi għall-aġġustament tekniku annwali qabel il-proċedura baġitarja għas-sena n+1. Dan jinvolvi b'mod partikolari rivalutazzjoni, skont il-prezzijiet tas-sena n+1, tal-limiti ffissati u tal-figuri ġenerali għall-approprjazzjonijiet tal-impenji kif ukoll għal dawk tal-ħlasijiet[5]. Għal dan il-għan, deflatur fiss ta' 2 % kull sena huwa użat u mhux id-deflatur tal-prezz tal-PGD kif kien parzjalment il-każ għall-QFM preċedenti. Dan joffri vantaġġ ċar f'termini ta' trasparenza għax il-limiti huma magħrufa kemm f'termini reali kif ukoll nominali għat-tul kollu tal-qafas finanzjarju. Minn-naħa tiegħu dan jiffaċilita l-ippjanar finanzjarju fit-tul u jagħti iktar ċertezza lill-partijiet kollha involuti fil-proċedura baġitarja. Il-vantaġġi tas-sistema attwali jidhru li jegħlbu d-differenza pożittiva jew negattiva inevitabbli bejn il-limiti u l-figuri ġenerali għall-approprjazzjonijiet miksuba bl-użu tad-deflatur fiss u l-figuri li jirriżultaw meta jintuża id-deflatur tal-PGD għall-prezzijiet osservat. Fl-2007, il-limiti kienu jkunu 1.7% ogħla meta jintuża d-deflatur tal-PGD għall-prezzijiet osservat. Fl-2008 id-differenza sparixxiet. Fl-2009, dehret diverġenza b'konsegwenza tar-riċessjoni ekonomika: l-indiċi tad-deflatur meta jintuża d-deflatur fiss kien 110.4 (għas-sena bażi 2004 = 100) waqt li l-indiċi tad-deflatur meta jintuża d-deflatur tal-PGD għall-prezzijiet osservat kien 106.7. 2007 | 2008 | 2009 | (a) Deflatur fiss użat għall-aġġustamenti tekniċi | 2.0 % | 2.0 % | 2.0% | (b) Indiċi kumulat meta jintuża deflatur ta' 2% (2004=100) | 106.1 | 108.2 | 110.4 | (c)Deflatur tal-PGD għall-prezzijiet(Previżjoni tal-ECFIN tal-ħarifa 2009) | 2.9 % | 0.4 % | -1.3% | (b) Indiċi kumulat meta jintuża deflatur effettiv (2004=100) | 107.8 | 108.2 | 106.7 | (e) Diverġenza kumultata (d)-(b) | 1.7 | 0.0 | -3.7 | 2.1.2. Aġġustament tal-allokazzjonijiet tal-politika ta’ koeżjoni Il-Punt 17 tal-FII jipprovdi għall-aġġustamenti tekniċi għas-sena 2011 jekk ikun stabbilit li l-PGD ta' Stat Membru kkumulat għas-snin 2007-2009 għamel diverġenza ta' iktar minn +/- 5 % mill-PGD ikkumulat stmat waqt l-abozz tal-FII. F'dak il-każ, il-Kummissjoni ser taġġusta l-ammonti allokati għal dak il-perjodu lill-Istati Membri kkonċernati mill-fondi ta' sostenn għall-koeżjoni. L-evalwazzjoni tad-diverġenza tal-PGD u l-aġġustamenti korrispondenti saret mill-Kummissjoni bħala parti mill-aġġustament tekniku għas-sena 2011 ippreżentat f'April 2010[6]. 2.1.3. Aġġustament tal-limitu globali tal-ħlasijiet Skont il-Punt 18 tal-FII, il-Kummissjoni tiċċekkja annwalment il-limiti globali tal-approprjazzjonijiet tal-ħlasijiet, li kien stabbilit meta l-qafas finanzjarju kien abbozzat, fid-dawl tal-implimentazzjoni, biex tiżgura progressjoni ordinata fir-rigward tal-approprazzjonijiet għall-impenji[7]. Matul l-ewwel snin tal-perjodu tal-ipprogrammar, il-livell fattwali tal-approprjazzjonijiet tal-ħlasijiet kien iktar baxx mil-limiti b'mod sinjifikanti, li jista' jwassal għall-fenomenu ta' rkupru b'livelli ta' ħlasijiet ogħla milli mistenni fis-snin li ġejjin. Madanakollu, skont il-valutazzjoni attwali rigward il-livelli tal-approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet sal-2013, huwa prematur li jkun aġġustat il-limitu eżistenti tal-ħlasijiet. Il-Kummissjoni ser tkompli ssegwi bir-reqqa l-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni u tirfina l-estimi tagħha tal-ħlasijiet għall-operazzjonijiet strutturali u għall-intestaturi l-oħrajn kollha. Rigward l-approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet wara l-2013, il-Kummissjoni ser taġġorna l-previżjonijiet fl-2010, skont it-termini tal-punt 19 tal-FII fi- forma tal-"Fiche" 11 ġdida kif ippreżentata fit-28 ta' April 2004. 2.1.4. Aġġustament għall-implimentazzjoni tal-fondi strutturali, fondi ta' koeżjoni, żvilupp rurali u Fond Ewropew għas-Sajd (FES) Skont il-Punt 48 tal-FII, fil-każ tal-adozzjoni wara l-1 ta’ Jannar 2007 tar-regoli jew programmi ġodda li jirregolaw il-Fondi Strutturali, il-Fond ta’ Koeżjoni, Żvilupp Rurali u l-Fond Ewropew għas-Sajd (FES), iż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja jimpenjaw irwieħhom li jawtorizzaw, wara proposta mill-Kummissjoni, it-trasferiment għas-snin sussegwenti, lil hinn mill-ammonti massimi ta’ nfiq korrispondenti, ta’ allokazzjonijiet mhux użati fl-2007. L-approprjazzjonijiet għall-impenji li jammontaw għal EUR 2 034 miljuni ma ġewx implimentati fl-2007 u ma ġewx trasferiti għall-2008. Dan l-ammont jikkorrispondi għall-allokazzjonijiet tal-2007 għal 45 Programm Operattiv li ma setgħux jiġu adottati fl-2007, l-iktar minħabba li damu ma ġew sottomessi lill-Kummissjoni. Ir-riprogrammar tal-intestatura 1b u tal-intestatura 2 kien implimentat kif ġej permezz ta' Deċiżjoni Nru. 2008/371 [8] tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2008 : (fi prezzijiet attwali, f'miljuni ta' EUR) 2008 | 2009 | 2010 | 2011 | 2012 | 2013 | Intestatura 1b | 378 | 0 | 0 | 24 | 24 | 0 | Intestatura 2 | 394 | 387 | 387 | 147 | 147 | 147 | Preparazzjoni aħjar min-naħa tal-Kummissjoni fissret li dan l-ammont kien ħafna inqas mill-EUR -6 152.3 miljun riprogrammati fl-2001[9]. Messaġġi ewlenin dwar il-proċeduri bien ikun aġġustat l-QFM Il-Proċeduri biex ikun aġġustat il-QFM jidher li qed jiffunzjonaw. Il-vantaġġi tal-użu ta' deflatur fiss (il-Punt 16) jegħlbu id-differenza medja limitata mad-deflatur tal-PGD għall-prezzijiet osservat. Aġġustament tal-limitu tal-ħlasijiet globali (il-Punt 18) sa issa ma kenitx neċessarja, iżda monitoraġġ kontiwu bir-reqqa huwa xieraq. Finalment, l-aġġustament għall-implimentazzjoni (il-Punt 48) mexa bla ntoppi u l-ammonti kkonċernati kienu ħafna inqas mnn dawk tal-2001. 2.2. Flessibiltà fil-Qafas Finanzjarju Multiannwali 2.2.1. Analiżi tal-Marġini Intestatura 1a tkopri l-prijoritajiet ta' relevanza immedjata għall-Aġenda mġedda ta' Liżbona dwar it-tkabbir u l-impjiegi. Din l-intestatura tiġbor l-ikbar numru ta' politiki tal-UE differenti u hija regolarment taħt pressjoni minħabba l-kuntest evoluttiv tal-isfidi globali. Il-finanzjament tal-programm Galileo, tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-teknoloġija u tal-proġetti relatati mal-enerġija skont il-Pjan ta' Rkupru Ekonomiku Ewropew kienu jirrikjedu reviżjonijiet repetuti tal-limiti (ara l-Kapitolu 2.3.1). Approprjazzjonijiet għall-deċiżjonijiet riċenti jew proposti, bħall-kontinwazzjoni tal-iffinanzjar għad-diżattivazzjoni tal-impjant tal-enerġija nukleari ta' Kozlouy (il-Bulgarija), l-istabbiliment ta' Awtoritajiet ġodda għas-superviżjoni finanzjarja, il-Faċilità Ewropea għall-Mikrofinanzi u t-tnedija tal-fażi operazzjonali tal-Programm Ewropew għall-Osservazzjoni tad-Dinja (GMES) diġà kienu inklużi fl-ipprogrammar finanzjarju aġġornat fuq il-bażi ta' proposta mill-Kummissjoni. Il-marġini disponibbli u l-possibilitajiet biex wieħed jirreaġixxi għall-eventwalitajiet futuri tnaqqsu biex jirriflettu dan, u Tħalla biss marġini stmat ta' EUR 50.1 miljun fl-2011, EUR 34.6 miljun għall-2012 u EUR 47.8 miljun għall-2013. Bżonnijiet ġodda addizzjonali huma mistennija li jinqalgħu matul it-tliet snin li ġejjin, pereżempju fir-rigward tal-ITER. L-estimu tal-approprjazzjonijiet għall-impenji addizzjonali għall-ITER li għandu jkun provdut mill-baġit tal-UE taħt il-QFM preżenti jaf jaqbeż sew il-biljun euro. Il-ħtieġa ta' approprjazzjonjiet għall-ħlasijiet għadha trid tkun ivvalutata fid-dawl tal-iskeda attwalment diskussa, iżda l-ħlasijiet huma mistennija li jsiru prinċipalement wara l-2013. Il-kwistjoni tal-marġini mhix relevanti għall- intestatura 1b għax, skont il-Punt 13 tal-FII, l-istituzzjonijiet ma humiex obbligati li jżommu xi marġini taħt din l-intestatura, jiġifieri dan il-limitu huwa mira għan-nefqa. Is-sitwazzjoni ta' intestatura 2 hija pjuttost differenti. Fil-Kunsill Ewropew fi Brussell f'Ottubru 2002 il-mexxejja tal-UE qablu dwar il-limiti tal-ispiża tal-ewwel pilastru tal-PAK fil-livell tal-2006 b'żieda annwali ta' 1% fil-prezzijiet attwali mill-2007 sas-sena 2013. Ir-riforma sussegwenti tal-PAK fl-2003 introduċiet mekkaniżmu ta' dixxiplina finanzjarja biex tiżgura li l-ammonti għall-iffinanzjar tal-PAK ma jinqabżux fi kwalunkwe sena. Fil-prattika din is-sitwazzjoni ma nqalgħatx, u matul is-snin baġitarji mill-2007 sal-2009 l-eżekuzzjoni baġitarja ħalliet marġini sostanzjali taħt il-limiti tal-intestatura 2. Dawn il-marġini għalhekk kienu sors ta' flessibiltà: li biha żiediet f'intestaturi oħra kienu bbilanċjati bi tnaqqis fl-intestaura 2, biex jippermettu li l-QFM ġenerali jibqa' mhux mibdul Madanakollu, dawn il-marġini ser jonqsu matul is-snin li ġejjin b'mod partikolari fid-dawl tal-introduzzjoni gradwali kontinwa ta' għajnuna diretta fl-Istati Membri. Attwalment baqa' marġini ta' EUR 456 miljun fil-baġit tal-2010, li jistgħu jsiru disponibbli lejn l-aħħar tas-sena. Sakemm ma jkunx hemm kundizzjonijiet tas-suq favorevoli ħafna, mhux probabbli li għall-2011-2013 jinstabu disponibiltajiet baġitarji fis-sottolimitu għall-ewwel pilastru tal-PAK, partikolarment mhux bil-quddiem fid-dawl tal-obbligazzjoni li jinżamm marġini ta' mill-inqas EUR 300 miljun biex tkun evitata l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu tad-dixxiplina finanzjarja. Rigward l-intestatura 3 , l-evoluzzjoni tan-nefqa kienet ġestita fil-limiti eżistenti mingħajr ebda problemi maġġuri mill-2007 sal-2009. Għas-sotto-intestatura 3a Libertà, Sigurtà u Ġustizzja li kienet possibbli grazzi għall-profil ta' nefqa relattivament sostanzjali tal-limitu, li tiżdied b'darbtejn u nofs bejn l-2007 u l-2013. Min-naħa l-oħra, is-sitwazzjoni hija iktar issikkata fis-sotto-intestatura 3b Ċittadinanza minħabba l-limitu relattivament stabbli li jwassal għall-marġini stretti sa tmiem il-perjodu. Kriżijiet internazzjonali u emerġenzi rikorrenti regolarment jikkonfrontaw lis- sotto-intestatura 4 b'marġini insuffiċjenti u kwistjonijiet ta' flessibilità. Problemi f'dan il-qasam huma partikolarment kbar minħabba n-natura volatili tal-avvenimenti esterni, pereżempju kunflitti li jinqalgħu f'daqqa waħda u diżastri naturali, bħat-terremoti riċenti fil-Ħaiti, fiċ-Ċili u fit-Turkija. Anke jekk sa issa kien possibbli li jkunu akkomodati ħtiġijiet addizzjonali permezz ta' rikors għal strumenti varji flessibbli matul il-proċedura baġitarja annwali, l-eżempju tan-negozjati mtawla fuq il-faċilità alimentari, urew biċ-ċar il-limiti tal-mekkaniżmu tal-flessibiltà tal-FII. Barra minn hekk, is-separazzjoni stretta attwali tan-nefqa interna minn dik esterna, li kienet enfasizzata meta l-awtorità baġitarja rrifjutat il-proposta tal-Kummissjoni biex tagħmel disponibbli parti mill-finanzjament għall-hekk imsejħa Faċilità Alimentari fil-marġini disponibbli taħt intestatura 2, tidher li tillimita l-kapaċità tal-Unjoni li tirreaġixxi fil-waqt għall-isfidi globali. Fis-snin li fadal tal-QFM attwali l-marġini pprogrammati għall-intestatura 4 huma limitati ħafna. Wara li kien kkunsidrat il-finanzjament tal-miżuri li jakkumpanjaw il-banana fil-pajjiżi tal-AKP wara l-ftehim tal-kummerċ fil-qafas tan-negozjati tal-kummerċ tal-WTO, il-marġini mistennija jammontaw għal EUR 70.3 miljun għall-2011, EUR 132.3 miljun għall-2012, u EUR 134.6 miljun għall-2013. Fil-qasam tal-bidla klimatika, il-baġit tal-UE huwa mistenni jikkontribwixxi EUR 150 miljun bejn l-2010 u l-2012 lejn il-finanazjament internazzjonali b'bidu mgħaġġel stabbilit bħala parti mill-Qbil ta' Kopenħagen. Addizzjonalment għall-EUR 50 miljun diġà inklużi fil-baġit 2010, EUR 50 miljun ser ikunu mistennija għal kull sena fl-2011 u l-2012. Madanakollu dimensjoni ġdida tista' tinfetaħ jekk mill-2013 ikun provdut finanzjament għal ftehim ambjentali ambizzjuż mill-baġit tal-UE kif propost mill-Kummissjoni f'Settembru tal-2009[10]. Matul il-perjodu 2007-2009, in-nefqa taħt l- intestatura 5 evolviet flimkien mal-limiti tan-nefqa. Bħala parti mill-pakkett miftiehem biex ikun iffinanzjat il- Pjan Ewropew ta' Rkupru Ekonomiku (ara taqsima 2.3.1 hawn taħt), il-limitu tan-nefqakien imnaqqas b'EUR 126.5 miljun fl-2010 (u b'EUR 173.5 miljun fl-2009). Is-sitwazzjoni fl-intestatura 5 qed issir iktar issikkata fl-2010 u sal-aħħar tal-perjodu minħabba żewġ raġunijiet prinċipali: l-impatt tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, u l-impatt tal-aġġustament tas-salarju annwali tal-persunal li kien ogħla milli stmat oriġinarjament. Fuq naħa, bosta istituzzjonijiet talbu approprjazzjonijiet addizzjonali fir-rigward tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona b'hekk jieklu mill-marġini disponibbli. Addizzjonalment, ma jistax ikun eskluż li l-ħolqien tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE)jista' jirrikjedi infiq addizzjonali. Fuq in-naħa l-oħra, jekk id-deċiżjoni tal-Kunsill biex jillimita l-aġġustament tas-salarju annwali għall-persunal għal nofs dak propost biss kellha tkun mreġġa' lura b'sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (wara l-appell mill-Kummissjoni), ikun hemm żieda addizzjonali ta' darba fin-nefqa (b'effett retroattiv) u żieda fil-bażi tan-nefqa li magħha jridu jżommu aġġustamenti fis-salarji futuri. Kollox ma kollox, il-limiti tal-intestatura 5 ser isiru impedimenti iktar qawwija fuq in-nefqa minn dawk li rajna sa issa. Madanakollu, xorta hemm marġini limitat minħabba li l-Kummissjoni żżomm mal-politika stretta tagħha li ma ddaħħalx riżorsi umani ġodda (ħlief fil-każ ta' tkabbir) u qed tiffaċċja xogħlijiet ġodda li ħarġu mit-Trattat ta' Lisbona u prijoritajiet oħra ġodda permezz tat-trasferimenti biss. 2.2.2. Strumenti ta' flessibiltà Il-FII fih dispożizzjonijiet rigward numru ta' strumenti ta' flessibiltà: ir-Riżerva għall-Għajnuna ta' Emerġenza (EAR), il-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (EUSF), il-Fond Ewropew għal Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF) u l-Istrument ta' Flessibilità. L-ammonti għall-Fond ta' Solidarjetà tal-UE huma mdaħħla fil-baġit meta l-Fond huwa mobilizzat waqt li l-ammonti li jikkorrispondu għar-Riżerva għall-Għajnuna ta' Emerġenza u l-Fond Ewropew għal Aġġustament għall-Globalizzazzjoni huma diġà mdaħħla fil-baġit mill-bidu tas-sena, minkejja li f'riżerva. L-Istrument ta' Flessibbilità huwa ta' natura differenti: huwa qatt ma jiddaħħal fil-baġit bħala tali iżda jippermetti li nefqa tkun imdaħħla fil-baġit fuq il-limitu tal-intestatura korrispondenti tal-qafas finanzjarju multiannwali. Hemm ukoll differenzi żgħar ħafna fil-proċeduri biex jimmobilizzaw dawn l-istrumenti; - Il-mobilizzazzjoni tar- Riżerva għall-Għajnuna ta' Emerġenza tirrikjedi trasferiment u proċedura triloga, 'jekk neċessarju f'forma simplifikata'. L-approprjazzjonijiet għall-impenji immobilizzati riċentement huma EUR 49 miljun fl-2007, EUR 479 miljun fl-2008[11] u EUR 188 miljun fl-2009. - Li timmobilizza il- Fond ta' Solidarjetà tal-UE jirrikjedi proposta biex jintuża l-istrument, l-użu tal-'istrument baġitarju xieraq', li de facto huwa baġit emendatorju, u l-bidu tal-proċedura triloga, 'jekk neċessarju f'forma simplifikata'. Għalkemm il-EUSF jista' ikun mobilizzat sa EUR 1 biljun f'sena partikolari, l-ogħla mobilizzazzjoni kienet fl-ewwel sena, l-2002, u kienet għal EUR 728 miljun. Fis-snin l-oħra kollha, il-livelli ta' mobilizzazzjoni annwali kienu bejn EUR 22 miljun u EUR 615 miljun. Similarment, qatt ma kien hemm problema biex tkun irrispettata r-regola li 25% tal-ammonti totali għandhom jibqgħu mhux utilizzazti sal-1 ta' Ottubru. - Il- Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni huwa mobilizzat permezz ta' proposta biex jintuża l-istrument u trasferiment. L-ammonti totali mobilizzati kienu EUR 18.6 miljun fl-2007, EUR 49 miljun fl-2008 u EUR 54 miljun fl-2009. Użu ta' trasferiment għall-EGF għandu jġib miegħu proċess iktar mgħaġġel. Madanakollu, in-neċessità li dan ikun akkumpanjat b'deċiżjoni ta' mobilizzazzjoni tnaqqas ir-ritmu tal-proċedura. Huwa biss meta tkun finalment adottata d-deċiżjoni ta' mobilizzazzjoni li t-trasferiment jista' fil-fatt isir mis-sistema ta' kontabilità, minkejja li diġà kienet endosrjata mill-awtorità baġitarja. Bl-esperjenza miksuba matul l-aħħar tliet snin il-modalitajiet prattiċi tal-proċedura kienu aġġustati[12]. - Il-mobilizazzjoni tal- Istrument ta' Flessibilità huwa akkumpanjat minn proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill. Fil-prattika din tista' takkumpanja l-Abbozz tal-Baġit [Preliminari] tal-Kummissjoni jew proposta tal-Kummissjoni għal Abbozz ta' Baġit Emendatorju [Preliminari] jew Ittra Emendatorja. Il-proposta tista' wkoll tkun ippreparata wara ftehim politiku f'konċiljazzjoni biex ikun mobilizzat l-Istrument. Skont id-dispożizzjonijiet tal-FII, l-ammonti mobilizzati jittieħdu l-ewwel mill-porzjon li jkun ilu l-aktar miftuħ. Id-differenza ewlenija bejn it-test preżenti u dak inkluz fil-FII tas-6 ta' Mejju 1999 hija it-tneħħija tat-test segwenti 'L-istrument ta' flessibilità ma għandux, bħala regola, jintuża biex ikopri l-istess ħtiġijiet għal sentejn fuq xulxin'. Il-fatt li din l-istipulazzjoni ma għadhiex tapplika huwa żvilupp pożittiv għax l-esperjenza wriet (pereżempju fil-Kosovo jew il-Palestina) li ċertu kriżijiet jistgħu jirrikjedu rikors repetut għall-Istrument ta' Flessibilità. Fl-istess ħin, hemm kontradizzjoni inerenti – u kompromessi inevitabbli – meta strument finanzjarju li nħoloq biex jaqdi l-ħtiġijiet ta' kriżijiet fit-tul ikollu wkoll jintuża biex isolvi kriżijiet dewwiema u rikurrenti. Il-linja ta' żvilupp l-iktar segwita għall-ewwel tliet strumenti hija l-proċedura tat-trilogu "'jekk neċessarju f'forma simplifikata". X'inhu implikat bil-'forma simplifikata' qatt ma ġie ċċarat. Is-soluzzjoni prammatika, frekwentament segwita, hi li ma jseħħ l-ebda trilogu, sakemm ma jkunx ippjanat trilogu baġitarju regolari. L-abbozz tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar il-koperazzjoni fi kwistjonijiet baġitarji jinkorpora l-prattiċi attwali u jistupula li t-trilogu jissejjaħ biss jekk hemm nuqqas ta' qbil bejn l-istituzzjonijiet dwar il-mobilizzazzjoni tal-istrumenti. Ir-raġuni prinċipali biex jkun immobilizzat l-Istrument ta' Flessibilità matul il-perjodu bejn l-2000 u l-2009 kien biex ikunu sodisfatti l-ħtiġijiet tal-intestatura 4, fejn il-marġini wrew li huma limitati wisq biex ilaħħqu ma' avvenimenti mhux mistennija. Ladarba tittieħed id-deċiżjoni politika biex timmobilizza, l-proċedura tavvanza pjuttost mingħajr intoppi. Għaldaqstant hawnhekk il-kwistjoni prinċipali mhix waħda ta' proċeduri, iżda waħda ta' disponibbiltà tal-mezzi meta mqabbla ma firxa wiesgħa ta' bżonnijiet li jirrispondu għall-prioritajiet importanti Ewropej. Minkejja li l-FII jipprevedi li l-ammont mhux użat jista' jinġarr sas-sena n+2, l-ammont disponibbli attawalment fl-2010 huwa limitat għal EUR 115 miljun minħabba l-użu rikurrenti tal-Istrument ta' Flessibilità 2.2.3. Il-possibilità li tibiegħed b'5% mill-att leġislattiv Il-Punt 37 tal-FII jiddefinixxi ċ-ċirkustanzi li fihom l-ammonti stabbiliti fl-Abbozz tal-Baġit [Preliminari] jistgħu jitbiegħdu b'iktar minn 5% mill-ammonti ta' referenza stipulati fl-att leġiżlattiv, waqt li tħalli lill-Kummissjoni u lill-awtorità baġitarja ċertu ammont ta' diskrezzjoni għal devjazzjonijiet fil-limitu ta' 5%[13]. Dan irrżulta fl-adozzjoni ta' sett ta' regoli komuni li għandhom ikunu applikati fl-ibbaġittjar u l-ipprogrammar fil-Kummissjoni: bħala regola ġenerali, modifiki huma sistematikament ibbilanċjati fis-snin li jsegwu fil-perjodu ta' pprogrammar biex tkun irrispettata l-allokazzjoni finanzjarja totali tal-att leġiżlattiv korrispondenti. Eċċezzjonijiet għal din ir-regola ġenerali jistgħu jkunu kkunsidrati jek il-Kummissjoni ssib argumenti sostanzjali biex titbiegħed mill-allokazzjoni finanzjarja, u li jkunu spjegati fid-dokumenti tal-ipprogrammar finanzjarju trażmessi lill-awtorità finanzjarja. Waqt li r-regola ġenerali ta' kumpens tkun applikata għall-proposti tal-Kummissjoni, ma tkunx applikata f'każjiet fejn il-Kunsill jew il-Parlament Ewropew jemenda l-proposta tall-Abbozz tal-Baġit [Preliminari] b'approprjazzjonijiet addizzjonali. Messaġġi ewlenin dwar il-flessibilità fil-QFM Il-Marġini taħt il-limiti kollha tal-QFM qed isiru stretti ħafna. Il-marġini taħt l-intestatura 2 huma mistennija jonqsu b'mod sinjifikanti fis-snin li ġejjin. Fl-istess ħin il-marġini li fadal u l-possibiltajiet ta' tqassim mill-ġdid fi ħdan l-intestaturi 1a, 3b u 4 l-iktar l-iktar joffru biss skop limitat biex nirrispondu għal eventwalitajiet futuri. B'mod ġenerali, il-marġini li jifdal għall manuvri fi ħdan il-QFM għas-snin li ġejjin huwa limitat serjament . L-istrumenti varji (il-Punti 25 sa 28) li jipprovdu flessibilità barra mill-QFM kienu użati f'livelli ta' intensità li jvarjaw . Barra minn hekk, rigward l-Istrument ta' Flessibiltà, il-kwistjoniji prinċipali hija waħda ta' mezzi disponibbli ikkumparata ma' firxa varja ta' bżonnijiet li jirrispondu għall-prijoritajiet importanti Ewropej. Minbarra dan, ir-regoli li jinkwadraw il-possibilità għall-ammoti fl-Abbozz tal-Baġit [Preliminari] li jitlqu mill-ammonti ta' referenza (il-Punt 37) huma ċari u jiffunzjonaw sew. 2.3. Reviżjonijiet tal-Qafas Finanzjarju Multiannwali 2.3.1. Analiżi tar-reviżjonijiet reċenti tal-QFM u emendi għall-FII Ħlief għall-ewwel perspettivi finanzjarji (1988-1992), ftit sar użu qabel l-2007 mill-possibilità li jiġi rivedut il-Qafas Finanzjarju Multiannwali (QFM). Il-qafas tal-1993-1999 kien revedut darba biss u dak tal-2000-2006 lanqas darba, minbarra l-aġġustamenti relatati mat-tkabbir. B'kuntrast, żviluppi eċċezzjonali diġà taw bidu għal żewġ reviżjonijiet fil-qafas finanzjarju tal-2007-2013, kif ukoll emenda oħra fil-FII: - Fl-ewwel nofs tal-2007, in-negozjati mal-imsieħba privati dwar il-finanzjament tal-programmi EGNOS tas-Sistema Globali ta' Navigazzjoni bis-Satellita (GNSS) u tal- GALILEO fallew. Sabiex tiżgura l-implimentazzjoni ta' dan il-proġett strateġikament importanti, kif ukoll il-finanzjament tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT), l-awtorità baġitarja fit-18 ta' Diċembru 2007 iddeċiediet li tirrevedi l-qafas finanzjarju. Iż-żieda fil-limiti għall-intestatura 1a għas-snin 2008 sal-2013 b'ammont totali ta' EUR 1.6 biljun fi prezzijiet attwali kienet ibbilanċata bi tnaqqis ekwivalenti fil-limitu tal-intestatura 2 għas-sena 2007[14]. Addizzjonalment, EUR 600 miljun saru disponibbli bir-riallokazjoni ta' fondi minn programmi u linji baġitarji oħra f-intestatura 1a, u EUR 200 miljun bil-mobilizzazzjoni tal-Istrument ta' Flessibilità. B'kollox, ammont ta' EUR 2.4 biljun ta' finanzjament mill-UE kien miżjud mal-ammont provdut f'Mejju tal-2006 meta kien sar ftehim fuq il-qafas finanzjarju. - Sabiex tiġi pprovduta reazzjoni rapida għall-ogħli tal-prezzijiet tal-ikel fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw tard fl-2008 kienet stabbilita l- Faċilità Alimentari ta' EUR 1 biljun. Is-soluzzjoni maqbula mit-tliet istituzzjonijiet għal finanzjament ta' din il-faċilità ħtieġet emenda tal-FII biex eċċezzjonalment tiżdied ir-Riżerva għall-Għajnuna ta' Emerġenza (EAR) li kien hemm EUR 240 miljun ipprovduti għaliha fil-Punt 25 tal-FII fl-2008[15]. Dan ippermetta lill-EAR li tpoġġi EUR 340 miljun disponibbli għall-faċilità alimentari. L-ammont li baqa' kien ipprovdut mill-Istrument ta' Flessibilità (EUR 420 miljun għall-2009) u permezz ta' trasferiment minn programmi oħra fl-intestatura 4 (EUR 240 miljun fl-2009 u l-2010). - Fit-2 ta' April 2009 intlaħaq ftehim dwar il-finanzjament ta' pakkett ta' EUR 5 biljuni għall-enerġija u l-iżvilupp rurali propost mill-Kummissjoni fil-qafas tal- Pjan Ewropew ta' Rkupru Ekonomiku (EERP) fis-26 ta' Novembru 2008. Il-ftehim involva reviżjoni immedjata tal-qafas finanzjarju[16], li permezz tiegħu il-limitu tal-2009 għall-approprjazzjonijiet tal-impenji taħt l-intestatura 1a kien miżjud b'EUR 2.0 biljuni, kompletament ibbilanċjati bi tnaqqis tal-limitu tal-2009 għall-approprjazzjonijiet għall-impenji taħt l-intestatura 2. Addizzjonalment, EUR 600 miljun tpoġġew fil-marġini tal-intestatura 2 fl-2009 għall-iżvilupp rurali bħala infrastruttura tal-broadband u miżuri relatati ma 'sfidi ġodda' identifikati fl-'evalwazzjoni tal-istat tas-saħħa' tal-Politika tal-Agrikoltura Komuni, Bħala t-tieni pass, fil-laqgħa ta' konċiljazzjoni ta' Novembru 2009 EUR 1980 miljun addizzjonali saru disponibbli għall-proġetti tal-enerġija taħt l-intestatura 1a. Dan implika reviżjoni ulterjuri tal-qafas finanzjarju[17] b'żieda tal-limitu tal-2010 tal-approprjazzjonijiet tal-impenji taħt l-intestatura 1a kompletament ibbilanċjata bi tnaqqis tal-limiti tal-2009 u l-2010 ta' intestaturi oħra (prinċipalemet intestatura 2). Barra minn hekk, EUR 420 miljun saru disponibbli għall-broadband u 'sfidi ġodda' fil-marġini tal-2010 tal-intestatura 2. Ir-reviżjonijiet hawn fuq imsemmija tal-QFM 2007-2013 għandhom l-għan li jżidu l-limiti għall-approprjazzjonijeit tal-impenji taħt l-intestatura 1a. Iż-żmien meħtieġ għall-ftehim (ibda mill-proposta inizjali tal-Kummissjoni) kellu t-tendenza li jiżdied: tliet xhur kienu meħtieġa għall-ewwel reviżjoni (Galileo u EIT) tal-QFM 2007-2013. Ħames xhur kienu meħtieġa għall-ftehim dwar il-pakket tal-EERP, eskluż iż-żmien meħtieġ biex ikun implimentat b'mod effettiv il-'mekkaniżmu ta' kumpens' li l-pakkett jipprovdi għalih. Il-Kunsill aċċetta biss il-prinċipju ta' reviżjoni sal-punt li iż-żieda tal-limiti taħt l-intestatura 1a tista' tkun kompletament ibbilanċjata bi tnaqqis ta' limiti għal intestatura oħra biex b'hekk il-'limitu ġenerali' (iġifieri l-ammonti totali espressi fi prezzijiet attwali għall-approprjazzjonijiet għall-impenji kif ukoll għall-approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet għall-intestaturi u s-snin kollha) tal-QFM 2007-2013 jitħalla mhux mibdul. Għall-iffinanzjar tal-pakkett ta' EUR 5 biljuni tal-EERP, mekkaniżmu ta' kumpens potenzjalment fuq żewġ u anke tliet proċeduri baġitarji kien ippreferut minn reviżjoni ta' darba tal-QFM kif propost mill-Kummissjoni. Fil-prattika, dan illimita l-flessibilità permessa mill-FII. Ibbilanċjar komplut taż-żieda tal-limiti taħt intestatura 1a bi tnaqqis tal-limiti għall-intestatura 2 kien possibbli biss għax matul is-snin mill-2007 sal-2009 tħallew marġini eċċezzjonalment kbar taħt dik l-intestatura partikolari. Dan seħħ miħabba l-effett kumbinat ta' kundizzjonijiet tas-suq favorevoli ħafna fis-settur tal-agrikoltura, livelli għolja ta' dħul assenjat u id-dħul gradwali ta' għajnuna diretta fl-Istati Membri ġodda. Kollox ma kollox, l-esperjenza turi li qbil għal reviżjoni jieħu ż-żmien u li reviżjonijiet reċenti kienu faċilitati ħafna bil-marġini eżistenti. Madanakollu, tali ambjent favorevoli għar-reviżjonijiet mhux probabbli li jinsab fil-futur qrib, b'hekk jitqajmu dubji dwar il-kapċità tal-Unjoni li tirreaġixxi malajr u b'mod effettiv għal bidliet futuri. 2.3.2. Proċeduri applikabbli għar-reviżjonijiet Il-Punt 22 tal-FII, li jistipula r-regoli ta' votazzjoni għar-reviżjoni tal-QFM, jistabbilixxi limitu minimu biex jaqleb minn vot ta’ maġġoranza kwalifikata fil-Kunsill għal deċiżjoni unanima ta' 0.03% tad-DGN tal-UE. Dan għandu jkun interpretat li jirrelata ma' kull waħda mis-snin konċernati mir-reviżjoni, pereżempju għall-2009 il-limitu minimu kien stabbilit bħala 0.03% tad-DGN tal-UE tal-2009 jew EUR 3.6 biljun[18]. Għalkemm ġeneralment wieħed kien ifittex li d-deċiżjonijiet jittieħdu b'mod konsenswali, il-possibilità li jkun hemm vot ta' maġġoranza kwalifikata fil-Kunsill kienet kruċjali biex jinkiseb qbil fil-ħin dwar ir-reviżjoni. Il-Punt 22 tal-FII jkompli jgħid li 'bħala regola ġenerali', kwalunkwe reviżjoni tal-QFM trid tkun preżentata u adottata qabel il-bidu tal-proċedura baġitarja għas-sena jew l-ewwel waħda mis-snin konċernati. Il-kliem 'bħala regola ġenerali' kienu interpretati li jħallu ammont ta' flessibilità rigward iż-żmien tal-proposta relevanti tal-Kummissjoni fis-sena baġitarja kkonċernata. Madanakollu, ma kien hemm l-ebda ftehim bejn l-istituzzjonijiet dwar jekk iż-żieda tal-limitu għas-sena preżenti u dawk futuri jistax ikun 'ibbilanċjat' (fit-tifsira tal-Punt 23, it-tieni paragrafu, tal-FI) bit-tnaqqis tal-limitu għal sena li għaliha l-eżerċizzju finanzjarju huwa magħluq. B'riżultat ta' dan, din l-għażla kienet eskluża[19]. Messaġġi ewlenin dwar il-flessibilità fil-QFM Fl-ewwel tliet snin tal-QFM tal-2007-2013, il-qafas finanzjarju u l-FII diġà ġew emendati fi tliet okkażjonijiet differenti biex jakkomodaw inizjattivi ġodda bi bżonnijjiet sostanzjali ta' finanzjament: Il-finanzjament tal-Galileo u tal-EIT, iż-żieda tar-Riżerva Ewropea għall-Emerġenza beix tiffinanzja parti mill-faċilità Alimentar, u l-Pjan Ewropew ta' Rkupru Ekonomiku. L-aġġustamenti relatati mal-Qafas Finanzjarju attwali u mal-FII ammontaw għal EUR 8.4 biljun. Waqt li l-istituzzjonijiet qablu dwar il-proċeduri u l-istrumenti biex jiffaċċjaw l-impatt finanzjarju ta' dawn is-sitwazzjonijiet mhux mistennija (il-Punti 21 sa 23), f'kull waqt l-użu tagħhom wassal għal negozjati politiċi mtawla u diffiċli ħafna. Is-suċċess kienn fl-aħħar nett possibbli għax iż-żidiet fil-limitu tal-intestatura 1a kienu bbilanċjati bi tnaqqis ta' limiti oħra, b'mod partikolari tal-intestatura 2, fejn kien hemm marġini kbar. Rikors għal din l-għażla ser ikun ħafna iktar diffiċli fit-tieni nofs tal-Qafas Finanzjarju fi żmien meta iktar aġġustamenti jistgħu jkunu meħtieġa. 3. Kollaborazzjoni interistituzzjonali Il-punti 31, 32, u 33 u l-Anness II tal-FII stabbilew id-dispożizzjonijiet relatati mat-titjib tal-kollaborazzjoni interistituzzjonali waqt il-proċedura baġitarja Dawn id-dispożizzjonijiet irriżultaw bħala estremament utli bħala qafas għall-proċedura baġitarja annwali. 3.1. Kollaborazzjoni interistituzzjonali u l-proċedura baġitarja Minħabba li t-Trattat ta' Lisbona ibiddel sostanzjalemt il-proċedura baġitarja, id-dispożizzjonijiet dwar il-koperazzjoni interistituzzjonali aġġustati għall-proċedura ġdida huma inklużi fl-Anness tal-Ftehim Interistituzzjonali ġdid dwar il-koperazzjoni fi kwistjonijiet baġitarji. Dan l-anness ġdid iżomm uħud mill-prattiċi stabbiliti tal-ftehim preċedenti iżda ħafna mid-dispożizzjonijiet kellhom ikunu aġġustati. Fost id-dispożizzjonijiet li għandhom jibqgħu, għalkemm aġġustati fil-qafas il-ġdid, għandha tingħata attenzjoni xierqa lil dawn li ġejjin: - Il-Punt 33 jirrefrei għal hekk imsejħa 'Ittra ta' Implimentabilità', li fiha l-Kummissjoni tikkummenta dwar l-emenda mill-ewwel qari tal-Parlament Ewropew. Il-FII jispeċifika li "iż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja ser iqisu dawk il-kummenti fil-kuntest tal-proċedura konċiljatorja." Ikun utli li l-awtorità baġitarja tuża aktar dawn id-dispożizzjonijiet u dan ċertament jgħin biex itejjeb l-implimentazzjoni baġitarja. Skont il-proċedura ġdida, il-format u l-kontenut tal-kummenti tal-Kummissjoni jkollu jkun aġġustat biex jikkunsidra kemm il-pożizzjoni tal-Kunsill u l-emendi tal-Parlament Ewropew. - Skont id-dispożizzjonijiet tal-Parti D tal-Anness II, iż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja ser jinfurmaw lill-Kummissjoni bl-intenzjonijiet tagħhom rigward il-proġetti pilota/azzjonijiet preparatorji sa nofs Ġunju, bil-għan li ssir l-ewwel diskussjoni fil-laqgħa konċiljatorja tal-ewwel qari tal-Kunsill. Waqt il-proċedura tal-2009, sar progress importanti f’dan ir-rigward, meta l-Parlament Ewropew ippreżenta l-proposti inizjali tiegħu fiż-żmien. Il-partijiet kollha qablu li dan kien tejjeb il-proċess sostanzjalment, u nittamaw li wieħed ikun jista' jibni fuq tali approċ fil-futur. 3.2. Klassifikazzjoni ta' nfiq Ladarba l-Kunsill kellu l-aħħar kelma fuq in-nefqa obbligatorja, u l-Parlament Ewropew kellu l-aħħar kelma fuq in-nefqa mhux obbligatorja, il-potenzjal għall-kunflitti kien sinjifikanti. Madanakollu, bl-introduzzjoni tal-ftehimiet interistituzzjonali, u tqassim iddettaljat maqbul bejn iż-żewġ kategoriji, dan it-tip ta' kunflitt fil-biċċa l-kbira tiegħu sparixxa. It-Trattat ta’ Lisbona jieħu dan l-istadju pass iktar 'il quddiem billi jabolixxi d-distinzjoni kollha kemm hi. 3.3. Rata massima ta’ żieda L-Artikolu 272(9) tat-Trattat, li huwa mħassar mit-Trattat ta’ Lisbona, kien jirrikjedi li l-Kummissjoni tiddikjara kull sena ‘ir-rata massima taż-żieda’ tan-nefqa mhux obbligatorja fil-baġit tas-sena ta’ wara u li tikkomunika din ir-rata qabel l-1 ta’ Mejju lill-istituzzjonijiet kollha tal-Kommunità. Din ir-rata massima, li kienet ibbażata fuq il-medja tat-tkabbir tal-PDG, in-nefqa tal-gvern ċentrali u l-għoli tal-ħajja fl-IStati Membri, kienet stabbilita għal 4.6 % għall-baġit tal-2010[20], 5.0 % għall-baġit tal-2009 u 4.7 % għall-baġit tal-2008. Minn meta l-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni qablu li jirrispettaw il-limiti tal-QFM, din ir-rata massima kienet de facto purament indikattiva. 3.4. Ftehimiet tas-sajd u l-PESK Id-dispożizzjonijiet relatati mal-ftehimiet tas-sajd huma stipulati fil-Punt 41 u l-Anness IV tal-FII. Il-Kummissjoni tieħu fuqha r-responsabbilitài żżomm il-Parlament Ewropew regolarment infurmat dwar l-iżviluppi, u kull tliet xhur il-Kummissjoni tippreżenta informazzjoni dettaljata dwar l-implimentazzjoni ta’ ftehimiet fis-seħħ u tbassir finanzjarju għall-bqija tas-sena[21]. Fil-prattika dan il-proċess jidher li qed jaħdem sew. Mhux neċessarju li jkun modifikat. Id-dispożizzjonijiet relatati mal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (PESK) huma stipulati fil-punti 42 u 43. Il-prassi tajba ta’ laqgħat konġunti bejn il-Kunsill u l-Parlament Ewropew (kumitati tal-AFET u l-COBU), li jsiru skont il-Punt 43 mill-inqas ħames darbiet f’sena, uriet li hi għodda utli mhux biss għad-djalogu fuq kwistjonijiet politiċi rigward il-PESK, iżda wkoll għal aġġornamenti regolari fuq kwistjonijiet baġitarji[22]. Messaġġi ewlenin dwar id-dispożizzjonijiet tal-kollaborazzjoni interistituzzjonali Il-FII kien għodda utli biex jiffaċilita l-kollaborazzjoni interistituzzjonali Il-prinċipji u l-proċeduri għall-koperazzjoni spjegati fl-Anness II tal-FII ikkontribwixxew għal proċeduri ta’ negozjazzjoni b’inqas intoppi Abbażi ta’ din l-esperjenza pożittiva, dawn il-prinċipji għandhom ovvjament jkunu reveduti biex jieħdu inkunsiderazzjoni il-proċedura ġdida u l-kompetenzi li joħorġu mit-Trattat ta’ Lisbona. L-arranġament li bih il-Kummissjoni tipprovdi lill-Parlament bl-informazzjoni ta' kull tliet xhur dwar l-implimentazzjoni tal-ftehimiet tas-sajd fis-seħħ u t-tbassir finanzjarju għall-bqija tas-sena (il-Punt 41) jidher li qed jaħdem sew fil-prattika B’mod simili, laqgħat konġunti regolari bejn il-Kunsill u l-Parlament Ewropew dwar il-PESK (il-Punt 43) urew li huma għodda utli. Fl-istess ħin, użu ikbar tad-dispożizzjonijiet rigward l-hekk imsejħa 'ittra ta' Implimentabilità' u kummenti magħmula mill-Kummissjoni fil-kuntest ġdid tal-proċedura ta' konċiljazzjoni(il-Punt 33) għandu ċertament jgħin biex itejjeb l-implimentazzjoni baġitarja. Sar progress importanti matul il-proċedura tal-2009 dwar informazzjoni rigward proġetti pilota/azzjonijiet preparatorji (l-Anness II) u nittamaw li tali approċċ wieħed jista' jibni fuqu fil-futur. 4. Tmexxija finanzjarja tajba tal-fondi tal-UE 4.1. Dikjarazzjonjieti ta' Assigurazzjoni Biex ikun implimentat il-Punt 44 tal-Ftehim Interistituzzjonali, ir-Regolament Finanzjaju u r-Regoli ta' Implimentazzjoni kienu fortifikati b'dispożizzjonijiet li jsaħħu l-kontrolli interni fil-qasam tal-ġestjoni konġunta fejn awtoritajiet relevanti ta' verifika fl-Istati membri kellhom jipproduċu valutazzjoni dwar il-Konformità tas-sistemi tal-ġestjoni u kontroll mar-Regolamenti tal-Komunità permezz ta' sommarju annwali tal-verifiki u d-dikjarazzjonijiet disponibbli fuq il-livell nazzjonali rispettiv[23]. Il-Kummissjoni ħarġet gwida lill-Istati Membri dwar il-preparazzjoni tad-dikjarazzjonijiet ta' assigurazzjoni u s-sommarji annwali tal-2007, u rrevedietha fid-dawl tal-esperjenza tal-2008 u l-2009 biex issaħħaħ l-elementi tal-valur miżjud. Waqt li fl-agrikoltura l-leġiżlazzjoni tas-settur fiha ħtieġa legali għall-provvediment ta' dikjarazzjonijiet annwali ta' assigurazzjoni, dan mhux il-każ tal-politika ta' koeżjoni. B'riżultat ta' dan il-Kummissjoni attwalment tista' biss tirrakkomanda li l-Istati Membri jissuplimentaw is-sommarji tagħhom f'dan il-qasam b'dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni: Seba' Stati membri pprovdew tali dikjarazzjonijiet fis-sommarji annwali tagħhom dovuti fil-15 ta' Frar 2009. Għal dawn is-sommarji, l-Istati Membri kollha irrispettaw l-obbligazzjoni u eventwalment issottomettew is-sommarji li kienu konformi mar-rekwiżiti minimi. Għall-ewwel darba kienu irċevuti wkoll sommarji annwali fil-qasam tal-ġustizzja, libertà u sigurtà. Id-dipartimenti responsabbli pprovdew valutazzjoni tal-kwalità tas-sommarji u l-kontribuzzjoni tagħhom għall-assigurazzjoni fir-rapporti annwali tagħhom dwar l-attività. Il-Kummissjoni ser tkompli taħdem mal-Istati membri biex ikun immassimizzat il-valur miżjud tas-sommarji annwali u biex tikseb assigurazzjoni ikbar dwar is-sistemi ta' ġestjoni u kontroll tagħhom. Fir-rapport annwali tagħha, l-Qorti tal-Awdituri wriet li għall-2008 għadd ta’ Stati Membri ppreżentaw elementi jew analiżi li żiedu l-valur tas-Sommarji Annwali, billi fittxew li jidentifikaw u jikkumentaw fuq nuqqasijiet sistemiċi jew kwistjonijiet trasversali. Waqt li tinnota l-inkoraġġiment fir-Riżoluzzonijiet ta’ Rilaxx suċċessivi tagħha, il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni, fil-proposta tagħha għar-reviżjoni triennali tar-Regolament Finanzjarju, li ssaħħaħ id-dispożizzjonijiet dwar is-sommarji annwali biex iżżied il-valur f'termini ta' assigurazzjoni, b'mod notevoli permezz tal-inkorporazzjoni ta' dikjarazzjonijiet ta' assigurazzjoni u opinjonijiet ta' verifika.○ B'mod parallel max-xogħol tas-sommarji annwali, il-Kummissjoni tappoġġa l-inizjattivi volontarji meħuda minn xi Stati Membri biex jipprovdu dikjarazzjonijiet nazzjonali ta' ġestjoni li jkopru l-fondi. 4.2. Ipprogrammar finanzjarju Skont il-Punt 46 tal-FII, il-Kummissjoni tissottometti l-iprogrammar finanzjarju lill-awtorità baġitarja darbtejn fis-sena – darba f'Mejju/Ġunju bħala parti mill-Abbozz tal-Baġit [Preliminari], u darba f'Diċembru/Jannar wara l-adozzjoni tal-baġit[24]. L-ipprogrammar finanzjarju mibgħut kull Jannar huwa aġġornament tekniku għar-riżultati tal-proċedura baġitarja u għall-evoluzzjoni ta' bosta proċeduri leġiżlattivi. Fil-preżentazzjoni tal-ipprogrammar finanzjarju, id-dispożizzjonijiet tal-Punt 37 tal-FII jittieħdu in kunsiderazzjoni (ara hawn fuq). L-ipprogrammar finanzjarju jipprovdi orjentazzjoni għas-snin futuri, jibqa' indikattiv fin-natura tiegħu u, bħala tali, ma jippreġudikax kwalunkwe deċiżjoni li l-Kummissjoni jew l-awtorità baġitarja jistgħu jieħdu fil-proċeduri baġitarji annwali fil-futur. F'konformità ma rikjesti miż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja, il-format tad-dokument tal-ipprogrammar finanzjarju kien revedut fl-2009 biex jindika b'mod iktar ċar il-bidliet mill-aħħar programmar finanzjarju. Il-Punt 46 tal-FII jistqarr ukoll li " Abbażi tad-dejta mogħtija mill-Kummissjoni, l-inventarju għandu jsir f'kull trilogu". Fil-prattika dan mhux il-każ, sakemm waħda mill-istituzzjonijiet speċifikament ma titlobx li l-punt jiżdied mal-aġenda tat-trilogu. Dan l-approċċ flessibbli huwa importanati u din id-dsipożizzjoni m'għandhiex tkun riprodotta fil-FII ġdid. 4.3. Aġenziji u Skejjel Ewropej Kif propost mill-Kummissjoni, il-Punt 47 tal-FII rigward l-aġenziji jinkludi proċedura għaż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja biex jaslu għall-ftehim dwar il-finanzjament ta' aġenzija ġdida fi żmien xieraq. It-tliet Istituzzjonijiet iċċaraw l-applikazzjoni prattika tal-Punt 47 f'dikjarazzjoni konġunta f'Novembru 2009, billi applikaw tliet passi proċedurali biex jaslu għal ftehim. Bl-istess mod, il-Kummissjoni pproponiet li tinkludi t-test tad-dikjarazzjoni konġunta fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar il-koperazzjoni fuq kwistjonijiet baġitarji[25]. 4.4. Strumenti finanzjarji ġodda Skont il-Punt 49, meta tippreżenta l-Abbozz tal-Baġit [Preliminari], il-Kummisjoni hija mitluba tirraporta lill-awtorità baġitarja dwar l-attivitajiet iffinanzjati mill-EIB, mill-EIF u l-EBRD biex jappoġġaw l-investment fir-riċerka u l-iżvilupp, TENs u SMEs. Ma hemm l-ebda problemi partikulari li jridu jkunu indirizzati hawnhekk, u ma hemmx bżonn għall-bidla[26]. Messaġġi ewlenin dwar il-dispożizzjonijiet għal ġestjoni finanzjarja tajba Valutazzjoni ġeneralment pożittiva tista' ssir dwar id-dispożizzjonijiet tal-FII rigward il-ġestjoni finanzjajra tajba tal-Fondi tal-UE. Il-format tal-ipprogrammar finanzjarju (il-Punt 46) jidher li hu għodda valida biex jingħata appoġġ għad-deċiżjonijiet politiċi. Rapporti mill-Kummissjoni lill-awtorità baġitarja dwar l-attivitajiet iffinanzjati mill-EIB, EIF u l-EBRD biex isostnu investiment fir-riċerka u l-iżvilupp, Tens u SMEs (il-Punt 49) mexjin mingħajr intoppi. Ir-rinfurzar tas-sommarji annwali ser ikun propost fir-reviżjoni triennali tar-Regolament Finanzjarju. Sadanittant iridu jsiru sforzi biex jiżdied il-valur tas-somamrji annwali u biex dawk l-Istati Membri li jagħżlu li jipproduċu dikjarazzjonijiet nazzjonali volontarjament ikunu appoġġjati. Fl-aħħar nett, proċedura iktar sistematika għall-implimentazzjoni tal-Punt 47 rigward l-aġenziji ġiet maqbula. 5. KONKLUŻJONIJIET Il-Ftehim Interistituzzjonali wera li huwa imprezzabbli biex jiffaċilita d-dixxiplina baġitarja u jiżgura proċedura baġitarja mingħajr intoppi. B'mod ġenerali, il-passat ta' dan l-istrument u, b'mod partikolari, tal-Qafas Finanzjarju Multiannwali (QFM) jista' jitqies pjuttost pożittiv. Fl-istess ħin dan ir-rapport indika li aġġustamenti fil-QFM attwali u l-FII li l-ammont gross totali tagħhom hu EUR 8.4 biljun diġà kienu meħtieġa fl-ewwel nofs tal-QFM, u li l-marġini li fadal għaċ-ċaqliq issa huwa limitat ħafana. Dan iqajjem mistoqsijiet dwar jekk l-Unjoni hux ser tkun armata adegwatament għall-isfidi ġodda u ċ-ċirkostanzi li jevolvu rapidament fit-tinei nofs tal-QFM. Fatturi ta' tħassib f'dan is-sens diġà kienu espressi mill-Parlament Ewropew fir-Rapport tiegħu dwar il-Verifika Intermedja tal-Qafas finazjarju tal-2007-2013[27]. Barra minn hekk, l-istrateġija Ewropa 2020 tagħmilha ċara li jista' u għandu jsir iktar biex iseħħ tkabbir bil-għaqal, sostenibbli u inklużiv u jinħolqu impjiegi ġodda. Skont l- intestaura 1A , numru ta' kwistjonijiet qed jinqalgħu, li għalihom għadhom jridu jkunu determinati eżattament il-bżonnijiet finanzjarji (pereżempju għall-ITER) Minħabba l-marġini estremament limitat, l-ammonti potenzjali inkwistjoni jeċċedu b'mod deċisiv l-ammonti li mistennija ma jintefqux/ ma jkunux impenjati taħt il-limitu attwali tal-intestaura 1A u ma hemmx spazju baġitarju għal inizjattivi ġodda. Rigward l- intestaura 4 , il-marġini attwali jidher li huma limitati ħafna u jisgħu ma jkunux biżżejjed biex jissodisfaw id-domanda futura. B'mod partikolari għandhom ikunu kkunsidrati bir-reqqa, il-konsegwenzi tal-kriżi internazzjonali rikurrenti u l-impatt potenzjalment importanti tal-bżonnijiet finanzjarja tal-bidla klimatika fl-2013. Skont id-daqs tal-ħtiġijiet addizzjonali fl-intestauri 1a u 4 u n-natura (ta' darba vs. permanenti) tal-bżonnijiet addizzjonali, numru ta' għażliet jistgħu ikunu kkunsidrati: - Trasferiment fl-intestaura kkonċernata għall-ammonti limitati; - Tista' tintuża l-mobilizzazzjoni tal-Istrument ta' Flessibilità; - Reviżjoni tal-limiti tal-intestatura kkonċernata tista' tkun neċessarja jekk l-ammonti meħtieġa huma sostanzjali u permanenti, li jista' ikun il-każ jew għall-ITER jew għall-finanzjament tal-bidla klimatika fl-2013. Tali reviżjoni tista' jew tieħu l-forma ta' mekkaniżmu ta' kumpens li jibbilanċja żieda f'intestatura bi tnaqqis f'oħra jew, jekk ikun hemm bżonn, żieda netta fil-limitu ġenerali tal-QFM 2007-2013. Possibiltajiet oħra ta' finanzjament barra l-iskop tal-FII bħall-self mill-EIB jew finanzjament intergovernattiv jistgħu jkunu eżaminati wkoll. Fid-dawl tal-marġini limitati ħafna, huwa ċar li ser ikun hemm bżonn iktar flessibilità biex inlaħħqu mal-impatt baġitarju potenzjali tal-iżviluppi l-ġodda. Abbażi tal-għażliet hawn fuq imsemmija, il-Kummissjoni ser tagħmel il-proposti hekk kif l-impatt baġitarju, tal-kwistjonijiet pendenti imsemmija f'dan ir-rapport, ikunu ċċarati biżżejjed. [1] Ftehim Interistituzzjonali (FII) tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja u t-tmexxija finanzjarja tajba (ĠU C 139, 14.6.2006.) [2] COM(2010) 72. [3] COM(2010) 73. [4] COM(2010) 71. [5] L-istess disppożizzjonijiet sostnuti fl-abbozz tar-Regolament tal-QFM (l-Artikolu 4) [6] COM(2010) 160. [7] L-istess disppożizzjonijiet sostnuti fl-abbozz tar-Regolament tal-QFM (l-Artikolu 6) [8] ĠU L 128, 16.5.2008, p. 8. [9] Ara d-Deċiżjoni 2001/692/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' Mejju 2001 adottata skont il-paragrafu 17 tal-FII tas- 6 ta' Mejju 1999. [10] Komunikazzjoni mil-Kummissjoni lill-PE, lill-Kunsill, lill-ECOSOC u lill-KtR - Żieda fil-finanzjament internazzjonali għall-klima: Pjan Ewropew għall-ftehim ta’ Kopenħagen - COM(2009) 475 finali, 10.9.2009 [11] Meta wieħed jikkunsidra ż-żieda ta' darba ta' EUR 240 miljun maqbula fil-qafas tal-ftehim milħuq waqt il-konċiljazzjoni fil-21 ta' Novembru 2008 għall-finanzjamet tal-Faċilità Alimentari. [12] Kif suġġerit mill-Parlament ewropew, il-Kummmissjoni issa tissottometti applikazzjonijiet individwali tal-EGF lill-awtorità baġitarja, miflokk fi gruppi. [13] L-istess dispożizzjonijiet sostnuti fl-abbozz tar-Regolament tal-FII (il-Punt 15) [14] ĠU L 6, 10.1.2008, p. 7. [15] ĠU C 326, 20.12.2008, p. 3. [16] ĠU L 132, 29.5.2009, p. 8. [17] ĠU L 347, 24.12.2009, p. 26. [18] Id-DGN li għandu jintuża biex ikun stabbilit il-limitu minimu huwa dak użat għall-aġġustamenti l-aktar riċenti tal-qafas finanzjarju u huwa d-DGN użat għall-għanijiet tad-deċiżjoni tar-Riżorsi Proprji. [19] L-istess dispożizzjonijiet huma inklużi fl-abbozz tar-Regolament tal-QFM (l-Artikolu 8) [20] SEC (2009) 583, 30.4.2009. [21] L-istess dispożizzjonijiet huma inkulżi fil-FII ġdid (il-Punt 17) [22] Dispożizzjonijiet inklużi kemm fl-abbozz tar-Regolament tal-QFM (artikolu 12) kif ukoll fl-abbozz tal-FII ġdid (il-Punti 18 u 19) [23] L-Artikoli 53b(3) tar-Regolament Finanzjarju u 42a tar-Regoli ta' Implimentazzjoni [24] L-istess disppożizzjonijiet huma inkulżi fil-FII ġdid (il-Punt 20) [25] Il-punt 21 tal-abbozz tal-FII ġdid. [26] L-istess dispożizzjonijiet inkulżi fl-abbozz tal-FII ġdid (il-Punt 22) [27] P6_TA(2009)0174, 25.3.2009.