52010DC0170

Rapport tal-Kummissjoni dwar l-istat tal-protezzjoni tad-dejta fis-Sistema ta' Informazzjoni tas-Suq Intern /* KUMM/2010/0170 finali */


[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 22.4.2010

KUMM(2010)170 finali

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI

dwar l-istat tal-protezzjoni tad-dejta fis-Sistema ta' Informazzjoni tas-Suq Intern

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI

dwar l-istat tal-protezzjoni tad-dejta fis-Sistema ta' Informazzjoni tas-Suq Intern

SINTEżI EżEKUTTIVA

Il-Kummissjoni tinsab sodisfatta bil-mod kif id-drittijiet u l-libertajiet personali fir-rigward tad-dejta personali (minn issa 'l quddiem "il-protezzjoni tad-dejta") huma mħarsa fis-Sistema ta' Informazzjoni tas-Suq Intern (IMI). L-IMI hija sistema ta' skambju ta' informazzjoni bbażata fuq l-internet, sikura u multilingwali li tgħin lill-Istati Membri jwettqu l-kompiti tagħhom ta' kooperazzjoni amministrattiva. Il-Kummissjoni tinsab sodisfatta wkoll bil-fatt li r-Rakkomandazzjoni dwar il-linji gwida għall-protezzjoni tad-dejta għall-IMI ġiet implimentata.

L-Istati Membri ma rrappurtawx xi problemi relatati mal-protezzjoni tad-dejta. Dan jiġġustifika l-approċċ gradwali li sar qbil dwaru mas-Superviżur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta sabiex jinbena l-ambitu legali għall-IMI rigward l-iżviluppi tekniċi u l-estensjoni tas-sistema għal oqsma oħra fil-leġiżlazzjoni dwar is-Suq Intern.

Fl-2010, il-Kummissjoni se tesplora l-possibbiltà li tiġi estiża l-IMI għal oqsma oħra tas-Suq Intern u li tikseb iktar esperjenza permezz tal-użu prattiku tas-sistema fil-qasam tas-servizzi. Fl-ewwel kwart tal-2011, se tippubblika dokument ta' ħidma għal persunal dwar il-funzjonament u l-iżvilupp tas-sistema IMI fl-2010, li se jkopri wkoll il-protezzjoni tad-dejta.

L-GħAN TA' DAN IR-RAPPORT

Dan ir-rapport, li tħabbar fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-linji gwida għall-protezzjoni tad-dejta għas-Sistema ta' Informazzjoni tas-Suq Intern[1] ("ir-Rakkomandazzjoni"), janalizza l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni mill-Istati Membri u l-Kummissjoni u jivvaluta l-istat tal-protezzjoni tad-dejta fl-IMI. Ikopri wkoll kwistjonijiet ġodda li ma kinux indirizzati fir-Rakkomandazzjoni – b'mod partikolari, id-Direttiva l-ġdida dwar is-Servizzi.

Meta kienet qed tabbozza r-rapport, il-Kummissjoni qieset ir-reazzjonijiet li bagħtu l-Istati Membri kemm fil-konsultazzjoni ad hoc li tvarat f'Novembru 2009[2] u kemm permezz tal-kuntatti regolari mal-koordinaturi tal-IMI u r-rappreżentanti tal-Istati Membri fil-laqgħat bejn l-IMAC u l-IMI (il-Kumitat tal-IMI – is-Suq Intern).

L-IżVILUPP TAL-IMI MATUL L-2009

Is-sena 2009 kienet sena kruċjali għall-iżvilupp tal-IMI. L-użu tal-IMI għal-leġiżlazzjoni dwar il-kwalifiki professjonali kien estiż għal 20 professjoni ġdida u l-biċċa l-kbira tar-riżorsi kienu mmirati sabiex tiġi estiża l-IMI sabiex tkopri d-Direttiva dwar is-Servizzi[3].

Il-koordinaturi nazzjonali tal-IMI pparteċipaw fil-proġett pilota sabiex jiskambjaw informazzjoni dwar id-Direttiva dwar is-Servizzi (abbażi tal-każijiet li seħħew fil-verità u dawk fittizji) u fis-sessjonijiet ta' taħriġ li saru fi Brussell[4]. Il-Kummissjoni ħarġet verżjoni ġdida tas-softwer (1.7) li tippermetti lill-awtoritajiet jirreġistraw lilhom infushom. Fl-aħħar tas-sena ħarġet ukoll verżjoni interim 2.0 li inkludiet applikazzjoni separata tal-IT għall-mekkaniżmu ta' twissija[5]. Il-ħruġ ta' dan is-softwer il-ġdid beda jitħaddem għal kollox matul l-ewwel kwart tal-2010.

Bis-saħħa ta' dawn l-isforzi konġunti tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri, sal-aħħar ta' Jannar 2010, ġew irreġistrati 4 508 awtoritajiet kompetenti fl-IMI, li 3 698 minnhom kellhom aċċess għat-taqsima l-ġdida tas-Servizzi, għalkemm hu mistenni li dan in-numru jiżdied sostanzjalment matul ix-xhur li ġejjin. L-għadd medju ta' utenti differenti ta' kuljum li daħlu fis-sistema żdied minn 40 f'Jannar 2009 għal 180 f'Diċembru.

Għadd totali ta' talbiet mibgħutin kull kwart tas-sena u skont it-taqsima leġiżlattiva għall-2009

[pic]

Fil-qasam tal-kwalifiki professjonali, is-sistema żviluppat u s-suċċess tagħha hu ċar tant li juri l-potenzjal tal-IMI bħala għodda għall-kooperazzjoni amministrattiva fl-UE. Intbagħtu madwar 350 talba kull kwart tas-sena. Iktar minn 90% tat-talbiet kollha li jikkonċernaw il-kwalifiki professjonali li ntbagħtu fl-2009 oriġinaw mill-UE-15, l-Istati Membri li ssieħbu qabel l-2004, u dan jirrifletti d-direzzjoni lil fejn sejra l-migrazzjoni tal-ħaddiema. Il-Polonja u r-Rumanija rċevew 32% tat-talbiet kollha.

Meta wieħed iħares lejn dawn iċ-ċifri, huwa importanti li jinnota li 56% tat-talbiet twieġbu fi żmien ġimgħa.

Tul ta' żmien meħtieġ sabiex tkun inidirizzata talba skont id-Direttiva dwar il-Kwalifiki Professjonali fl-2009

Talbiet aċċettati | Talbiet kumulattivi f'% | Talbiet imwieġba | Talbiet kumulattivi f'% |

Fi żmien 3 ijiem | 741 | 57.0 % | 518 | 43.0 % |

Fi żmien ġimgħa | 216 | 73.7 % | 167 | 56.8 % |

Fi żmien ġimagħtejn | 166 | 86.5 % | 170 | 71.0 % |

Fi żmien 4 ġimgħat | 120 | 95.7 % | 164 | 84.6 % |

Fi żmien 8 ġimgħat | 35 | 98.4 % | 106 | 93.4 % |

Iktar minn 8 ġimgħat | 21 | 100.0 % | 80 | 100.0 % |

Total: | 1299 | 1205 |

(* Hemm diskrepanza bejn it-talbiet aċċettati u dawk imwieġba minħabba li twaqqgħu xi talbiet jew inkella kienu għadhom pendenti sal-aħħar ta' Diċembru 2009)

IT-TITIJIB TAL-PROTEZZJONI TAD-DEJTA FL-IMI, APPROċċ GRADWALI

L-IMI ssegwi l-approċċ imsejjaħ "Privatezza fid-disinn" fejn il-konformità mal-privatezza tad-dejta tinħoloq fis-sistemi li jaħżnu l-informazzjoni mill-bidu nett. Il-konsiderazzjonijiet tal-protezzjoni tad-dejta jagħmlu parti wkoll mill-użu ta' kuljum tas-sistema u huma inklużi fil-materjal tat-taħriġ, approċċ li jmur lil hinn mill-protezzjoni formalistika jew teoretika. Dan juri li qed iħalli l-frott hekk kif l-ebda Stat Membru ma rrapporta inċident wieħed dwar il-protezzjoni tad-dejta fl-IMI u ma wasal l-ebda ilment mill-persuni kkonċernati.

Il-Kummissjoni ilha tiddjaloga mal-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-dejta u s-Superviżur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta (EDPS) għal dawn l-aħħar sentejn. Il-prinċipju ewlieni li jmexxi l-approċċ gradwali hu li, minħabba li s-sistema tiggarantixxi livell għoli ta' protezzjoni tad-dejta teknika u proċedurali u l-Kummissjoni hija impenjata bis-sħiħ biex tkompli ttejjeb dan, il-qafas legali għall-IMI għandu jsegwi l-iżvilupp tekniku u l-estensjoni tas-sistema għal oqsma oħra tal-leġiżlazzjoni dwar is-Suq Intern.

L-approċċ gradwali, abbażi tal-esperjenza limitata fit-tħaddim tas-sistema, ippermetta lill-Kummissjoni sabiex din tleħħen il-preokkupazzjonijiet tal-EDPS permezz ta' opinjoni li tat fit-12 ta' Diċembru 2007 u li tadotta tliet testi legali li jindirizzaw il-kwistjonijiet dwar il-protezzjoni tad-dejta għall-IMI.

a) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tat-12 ta' Diċembru 2007 dwar l-implimentazzjoni tas-Sistema ta' Tagħrif [Informazzjoni] tas-Suq Intern (IMI) fir-rigward tal-protezzjoni tad-dejta personali[6]

b) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea tas-26 ta' Marzu 2009 dwar linji gwida għall-protezzjoni tad-dejta għas-Sistema ta' Informazzjoni tas-Suq Intern (IMI) [7]

c) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tat-2 ta' Ottubru 2009 li tistipula l-arranġamenti prattiċi għall-iskambju ta' informazzjoni b'mezzi elettroniċi bejn l-Istati Membri taħt il-Kapitolu VI tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-servizzi fis-suq intern[8].

Is-Sezzjoni 6 ta' dan ir-Rapport se tiddiskuti kwalunkwe kwistjonijiet li jkun għad fadal kif ukoll il-kontenut u sabiex jitwettqu l-miżuri fil-ġejjieni f'waqthom, inkluż l-adozzjoni possibbli ta' strument legali.

L-IMPLIMENTAZZJONI TAR-RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

It-titjib li sar mill-Istati Membri

Il-kuntatti mal-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-dejta

Ir-Rakkomandazzjoni ‘ħeġġet lill-koordinaturi tal-IMI biex jagħmlu kuntatt mal-Awtoritajiet Nazzjonali tal-Protezzjoni tad-Dejta tagħhom għall-gwida u l-assistenza dwar l-aħjar mod biex jimplimentaw dawn il-linji gwida skont il-liġi nazzjonali’ . Fir-rapporti tagħhom lill-Kummissjoni, ħafna mill-Istati Membri stqarrew li kienu kkonsultaw lill-awtoritajiet nazzjonali tagħhom dwar il-protezzjoni tad-dejta. Dawn il-konsultazzjonijiet reġgħu aċċertaw lill-utenti tal-IMI li d-dejta personali tista' tiġi skambjata permezz tal-IMI f'konformità mal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-dejta u, fl-istess ħin, ippermettew lir-regolaturi nazzjonali sabiex jistabbilixxu relazzjonijiet ta' ħidma mar-rappreżentanti tal-amministrazzjonijiet pubbliċi li jagħtu stima għolja lill-protezzjoni tad-dejta u huma impenjati jagħmlu dan il-proġett Ewropew suċċess.

L-istqarrijiet dwar il-privatezza

Fuq suġġeriment li ta l-EDPS, ir-Rakkomandazzjoni ħeġġet ukoll lill-koordinaturi tal-IMI jiddiskutu l-kontenut tal-istqarrijiet dwar il-privatezza mal-awtoritajiet lokali tal-protezzjoni tad-dejta. Ma kienx possibbli li r-Rakkomandazzjoni tkun speċifika ħafna dwar din il-kwistjoni minħabba li għalkemm id-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Dejta hija għal kollox armonizzata, l-Istati Membri għandhom marġini ta' diskrezzjoni fl-implimentazzjoni ta' xi dispożizzjonijiet. Ir-rapporti tal-Istati Membri jikkonfermaw li hemm prattiki nazzjonali differenti dwar il-kontenut u l-format tal-istqarrijiet dwar il-privatezza. Maġġoranza żgħira ta' Stati Membri huma tal-fehma li l-format u l-kontenut it-tajjeb tal-informazzjoni li għandhom jingħataw lill-individwi għandhom jiġu deċiżi fuq livell lokali minn kull awtorità kompetenti f'konformità mal-liġijiet lokali. Min-naħa l-oħra, f'xi Stati Membri, il-mudelli adattabbli huma proposti għall-Istat Membru kollu[9].

L-għarfien u t-taħriġ

Wieħed mill-iktar riżultati importanti tar-Rakkomandazzjoni hu li permezz tagħha żdied l-għarfien dwar il-protezzjoni tad-dejta fost l-atturi u l-utenti tal-IMI li sa issa huma midħla mal-prinċipji ġenerali tal-protezzjoni tad-dejta u diġà taw ukoll suġġerimenti prattiċi sabiex jiggarantixxu livell għoli ta' protezzjoni tad-dejta fl-IMI. Bis-saħħa tar-Rakkomandazzjoni, ir-referenzi għal-linji gwida dwar il-protezzjoni tad-dejta ġew inkorporati wkoll fil-materjal għat-taħriġ dwar l-IMI abbozzati mill-awtoritajiet kompetenti.

It-titjib li sar min-naħa tal-Kummissjoni

Il-pjan ta' sigurtà tal-IMI

Is-sigurtà tad-dejta u l-kunfidenzjalità huma rregolati bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Awwissu 2006 li tikkonċerna s-sigurtà tas-sistemi tal-informazzjoni użati mill-Kummissjoni Ewropea[10]. Din id-Deċiżjoni ġiet aġġornata bir-regoli ta' implimentazzjoni adottati fl-2009 u l-linji gwida u l-istandards reċenti li fil-maġġoranza huma l-istess bħall-istandards internazzjonali. Il-miżuri ta' sigurtà fl-IMI ġew reveduti u aġġornati kif xieraq u fl-2009 tfassal Pjan komprensiv tas-Sigurtà li għandu jiġi analizzat fl-2010.

It-titjib tekniku

Fil-każ li l-iskambji tal-informazzjoni jikkonċernaw dejta sensittiva, issa hemm messaġġ fuq l-iskrin li jfakkrek li l-informazzjoni hija sensittiva u li l-amministratur tal-każ għandu jitlob biss din l-informazzjoni jekk assolutament tkun neċessarja u direttament relatata mal-eżerċitar tal-attività professjonali jew it-twettiq ta' servizz partikolari. Il-konsiderazzjonijiet dwar il-protezzjoni tad-dejta tqiesu kollha meta kien qed jinħoloq u jiġi implimentat il-mekkaniżmu l-ġdid ta' twissija (ara s-sezzjoni 5.2.3.2 hawn taħt).

Is-sit tal-IMI tjiebet ukoll tant li hi iktar intuwittiva għall-utenti biex ifittxu d-dokumenti rilevanti. Is-sezzjoni dwar il-protezzjoni tad-dejta[11] ġiet aġġornata bit-testi kollha legali relatati mal-protezzjoni tad-dejta, il-korrispondenza mal-DPS u s-settijiet ta' mistoqsijiet użati fis-sistema. Għal finijiet ta' trasparenza, fuq suġġeriment tas-Superviżur Ewropew, ġew identifikati l-mistoqsijiet ikkonċernati d-dejta sensittiva.

Il-qasam leġiżlattiv ġdid tad-Direttiva dwar is-Servizzi

L-użu tal-IMI għad-Direttiva dwar is-Servizzi

Id-Direttiva dwar is-Servizzi ma rreferietx għall-IMI b'mod speċifiku (imma biss b'mod iktar ġenerali għal sistema elettronika għall-iskambju tal-informazzjoni). Għalhekk, kien neċessarju sabiex ikun formalment determinat li l-IMI se jintuża għal dak il-għan. Dan sar permezz ta' Deċiżjoni[12] adottata mill-Kummissjoni skont il-proċedura pprovduta fid-Direttiva dwar is-Servizzi ("id-deċiżjoni dwar il-komitoloġija").

Din id-Deċiżjoni dwar il-komitoloġija tistipula arranġamenti prattiċi għall-iskambju tal-informazzjoni fil-qasam tas-Servizzi fl-IMI. Tikkontribwixxi għal-livell għoli tas-sistema tal-protezzjoni tad-dejta u tagħti trasparenza u preċiżjoni addizzjonali lir-regoli ġenerali li joħorġu mid-Deċiżjoni 2008/49/KE u l-linji gwida dwar il-protezzjoni tad-dejta li jinsabu fir-Rakkomandazzjoni. Kwalunkwe salvagwardja dwar il-protezzjoni tad-dejta tista' tiġi deċiża iktar tard, jekk ikun neċessarju fid-dawl tal-esperjenza fit-tħaddim tas-sistema[13].

Disinn favorevoli għall-protezzjoni tad-dejta għall-mekkaniżmu ta' twissija

Il-mekkaniżmu ta' twissija huwa mekkaniżmu li jgħarraf stabbilit skont l-Artikoli 29(3) u 32 tad-Direttiva dwar is-Servizzi li jikkumplimenta s-sistema RAPEX għall-prodotti. Jgħin sabiex ikun evitat ir-riskju li jikkawżaw is-servizzi għal dawk li jirċevuh.

Il-mekkaniżmu ta' twissija jagħti lok lill-Istati Membri biex ikunu konformi ma' obbligu legali għall-iskambju tal-informazzjoni u huwa għal kollox leġittimu mill-perspettiva tal-protezzjoni tad-dejta. Madankollu, il-Kummissjoni hija konxja tal-implikazzjonijiet tal-protezzjoni tad-dejta li joħorġu minn sistema bħal din. Għalhekk qagħdet tabilħaqq attenta meta kien qed jinħoloq dan il-mekkaniżmu, billi żgurat li jkun favorevoli għall-protezzjoni tad-dejta, u jitlob lill-Istati Membri, li huma responsabbli għall-protezzjoni tad-dejta meta dawn jibagħtu jew jirċievu twissijiet, sabiex ikunu viġilanti meta dawn japplikaw ir-regoli kif suppost.

Il-mekkaniżmu ta' twissija fih għadd kbir ta' salvagwardji dwar il-protezzjoni tad-dejta li huma fatturi ġenerali tas-sistema tal-IMI, kif ukoll xi salvagwardji speċifiċi mmirati sabiex jiżguraw li:

a) L-aċċess għad-dejta hu limitat għall-awtoritajiet kompetenti/utenti speċifiċi

Skont l-approċċ kumplessiv fl-IMI, l-aċċess għall-informazzjoni skont il-mekkaniżmu ta' twissija hu strettament limitat abbażi tal-bżonn għall-għarfien. L-awtoritajiet kompetenti u l-utenti tal-IMI għandhom aċċess biss għat-twissijiet dejjem jekk ikunu ngħataw aċċess speċifiku mill-Istati Membri mhux biss għall-IMI b'mod ġenerali imma wkoll għall-applikazzjoni speċifika għat-twissijiet. Awtomatikament, l-awtoritajiet kompetenti u l-utenti tal-IMI ma jistgħux jibagħtu jew jirċievu twissijiet. Din il-funzjoni għandha tiġi attivata separatament.

b) Ma tintbagħat l-ebda twissija li ma tkunx neċessarja

L-ebda twissija ma tista' tintbagħat mingħajr ma timtela l-lista ta' verifika sabiex ikun żgurat li jkunu ntlaħqu l-kriterji; pereżempju, li ma hemmx azzjonijiet jew ċirkostanzi serji speċifiċi relatati ma' attività ta' servizz li jikkawżaw ħsara serja. Jekk l-awtorità li tagħti bidu għat-twissija ma timmarkax l-kriterji kollha rilevanti, is-sistema ma tħallihiex tkompli tibgħat twissijiet.

Barra minn hekk, it-twissija ma tintbagħatx direttament lill-Istati Membri l-oħra imma l-ewwel tintbagħat lill-koordinatur li jieħu ħsieb tat-twissijiet fl-istess Stat Membru. Dan il-koordinatur li jieħu ħsieb it-twissijiet għandu, għal darba oħra, jara jekk it-twissija għandhiex tintbagħat lil Stati Membri oħra.

c) It-twissijiet ma jaslux għand iktar riċevituri milli meħtieġ biex ikunu konformi mar-rekwiżiti tal-informazzjoni stipulati fil-leġiżlazzjoni.

Meta t-twissijiet jintbagħtu lil Stati Membri oħra, l-awtorità li tagħti bidu għat-twissija u l-koordinatur li jieħu ħsieb tat-twissijiet jeħtieġu jivvalutaw liema Stat Membru għandu bżonn jirċievi t-twissija. Jekk l-Istat Membru li fih jingħata xi servizz irid jibgħat xi twissija, awtomatikament l-Istat Membru li fih hemm stabbilit il-fornitur tas-servizz u l-Kummissjoni jirċievu t-twissija. Din il-konfigurazzjoni awtomatika tiżgura li ż-żieda ta' Stati Membri oħra mal-lista ta' riċevituri hija soġġetta għal deċiżjoni skont il-każ abbażi tal-bżonn għall-għarfien.

Barra minn dan, meta tintbagħat twissija lil Stati Membri oħra, din ma tintbagħatx lill-awtoritajiet kompetenti kollha fl-Istati Membri li jirċievu t-twissijiet imma biss lill-kaxxa postali tat-twissijiet (normalment il-koordinatur nazzjonali li jieħu ħsieb tat-twissijiet). Ir-reċivitur għandu jieħu d-deċiżjoni dwar liema awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru tiegħu huma kkonċernati u li għandhom bżonn ikunu involuti.

d) Il-Kummissjoni, filwaqt li tirċievi t-twissijiet kif inhu pprovdut fid-Direttiva dwar is-Servizzi, ma għandhiex aċċess għad-dejta personali.

Id-Direttiva dwar is-Servizzi tipprovdi li t-twissijiet kollha għandhom jintbagħtu lill-Kummissjoni imma, b'differenza mill-Istati Membri, il-Kummissjoni ma għandux bżonn ikollha aċċess għad-dejta personali. Il-Kummissjoni għalhekk tirċievi t-twissijiet mingħajr id-dejta personali.

e) F'każ li jintbagħtu twissijiet bla bażi, minħabba l-prekawzjonijiet, dawn jistgħu jiġu rtirati minnufih jew inkella d-dejta mhux korretta tista' tiġi rretifikata jew imħassra

Is-sistema tal-IMI tippermetti li awtorità kompetenti tirtira immedjatament xi twissija bla bażi li tkun bagħtet, u hekk tagħmilha inviżibbli għall-utenti kollha tal-IMI. Jekk it-twissija kienet iġġustifikata imma jkun neċessarju li tiġi rretifikata xi informazzjoni, l-awtorità kompetenti li tagħti bidu għat-twissija tista' tagħmel dan meta trid. Ukoll, is-sistema tal-IMI tippermetti li awtoritajiet kompetenti oħra li jkunu rċevew it-twissija jindikaw li ċerta informazzjoni mogħtija f'xi twissija ma tkunx korretta.

f) It-twissijiet jingħalqu hekk kif ma jkunx hemm iktar riskji; id-dejta immedjatament issir inviżibbli għall-utenti kollha, u d-dejta personali titħassar wara sitt xhur minn meta tkun ingħalqet

Ladarba r-riskju li wassal għat-twissija jisparixxi, it-twissija għandha tingħalaq. Għalhekk is-sistema tal-IMI tippermetti li l-Istat Membru tal-istabbiliment jagħlaq it-twissija u jintbagħtu tfakkiriet lill-awtoritajiet responsabbli permezz tal-posta elettronika. Ladarba twissija tingħalaq, din issir inviżibbli. Sa mhux iktar tard minn sitt xhur minn meta tingħalaq, id-dejta personali kollha titħassar u titneħħa awtomatikament mis-sistema.

KWISTJONIJIET LI ħAQQHOM IKTAR KONSIDERAZZJONI

Għalkemm bosta Stati Membri esprimew l-opinjonijiet pożittivi tagħhom dwar il-protezzjoni tad-dejta fl-IMI, ftit Stati Membri qajmu xi kwistjonijiet li huma analizzati f'din is-sezzjoni tar-rapport.

Ir-regoli applikabbli dwar is-sigurtà tad-dejta u l-kunfidenzjalità

Il-proċess tad-dejta personali fl-IMI jinvolvi proċessar konġunt (bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri), ir-rwol konġunt ta' kontrollur (bejn l-utenti u l-atturi differenti) u s-superviżjoni konġunta (mill-awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni tad-dejta u l-EDPS). F'xenarju kumpless bħal dan, mhux dejjem faċli li wieħed jalloka r-responsabbiltajiet.

L-awtoritajiet Daniżi u Ġermaniżi tal-protezzjoni tad-dejta huma tal-opinjoni li minħabba li l-awtoritajiet kompetenti li jinsabu fit-territorji tagħhom għandhom jikkonformaw ma' ċerti rekwiżiti nazzjonali (eż. mekkaniżmu iktar b'saħħtu ta' awtentikazzjoni, kif imsemmi fis-sezzjoni li ġejja), għandhom jinsistu li l-IMI għandha tirrispetta dawn ir-rekwiżiti nazzjonali jew inkella jieqfu jużaw is-sistema. L-awtoritajiet kompetenti ressqu t-talbiet tagħhom lill-Kummissjoni, li hija responsabbli mis-sigurtà tas-sistema.

Il-Kummissjoni temmen li l-IMI hija sistema sigura u li n-netwerk veru Ewropew bħall-IMI sempliċiment ma jistax jaħdem jekk kull Stat Membru jinsisti li l-istandards nazzjonali tas-sigurtà tiegħu għandhom ikunu konformi miegħu. Kważi 20 sena ilu, l-adozzjoni tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Dejta kien fiha kontenut li jaqdi żewġ għanijiet li tipproteġi d-dritt fundamentali tal-protezzjoni tad-dejta, min-naħa, u li tiggarantixxi ċ-ċirkolazzjoni ħielsa tad-dejta personali bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE[14] min-naħa l-oħra.

Abbażi ta' dan, il-Kummissjoni tinsisti li fid-dawl tal-livell għoli ta' garanziji fir-rigward tal-protezzjoni tad-dejta fis-sistema IMI u l-prinċipju tal-kooperazzjoni sinċiera tal-Artikolu 4.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni tad-dejta ma għandhomx joħolqu ostakli fl-użu tas-sistema għall-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

Lejn awtentikazzjoni iktar b'saħħitha tal-IMI

Is-sistema ta' awtentikazzjoni tal-IMI hija verżjoni avvanzata ta' awtentikazzjoni ta' fattur wieħed minħabba li tikkumbina l-isem tal-utent u l-kelma muftieħ ma' PIN. Meta jipprova jaċċessa s-sistema, l-utent jintalab jipprovdi kumbinazzjoni ta' karattri li jkun għażel b'mod aleatorju mill-kodiċi tal-PIN.

L-awtoritajiet Ġermaniżi u Daniżi tal-protezzjoni tad-dejta esprimew xi tħassib dwar is-sistema ta' awtentikazzjoni tal-IMI. Il-Kummissjoni temmen li l-mekkaniżmu attwali ta' awtentikazzjoni huwa xieraq, filwaqt li wieħed iżomm f'moħħu l-istat l-iktar avvanzat u l-ispejjeż tal-implimentazzjoni, imma taqbel li l-awtentikazzjoni l-iktar b'saħħitha hija mixtieqa fuq perjodu twil ta' żmien. Hekk kif l-Istati Membri introduċew sistemi differenti ta' awtentikazzjoni li ma humiex interoperabbli, is-soluzzjoni ppreferuta għal awtentikazzjoni iktar b'saħħitha tal-IMI tidher li hi dik ta' identitajiet elettroniċi ġestiti fil-livell ta' Stat Membru li jkunu interoperabbli permezz tal-"middleware".

Waħda mill-għażliet hija l-proġett STORK, li bħalissa qiegħed jiżviluppa minn konsorzju li qegħdin jipparteċipaw fih xi Stati Membri u hu ffinanzjat skont il-Programm ta' Kompetittività u Innovazzjoni – il-Programm ta' Appoġġ għall-Politika dwar l-ICT. Il-Kummissjoni se timmonitorja mill-qrib il-progress li se jkun qed jagħmel fix-xhur li ġejjin, li huma kritiċi sabiex jiddeterminaw jekk għandux jintuża fl-IMI.

Hemm iktar referenzi għas-sigurtà dwar id-dejta fis-sezzjoni 7.2.

Iż-żamma tad-dejta

Il-politika dwar iż-żamma tad-dejta fl-IMI hija stretta ħafna[15] u xi atturi u utenti indikaw li din għandha terġa' tiġi analizzata. It-tħassir ta' malajr tad-dejta personali fis-sistema mhuwiex dejjem fl-interess tal-persuna kkonċernata, li jista' jkun li tippreferi taħżen id-dejta tagħha fl-IMI għal perjodu itwal, pereżempju f'rabta mal-proċeduri legali.

F'sentenza riċenti[16], il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej stqarret li d-dritt għall-aċċess għall-informazzjoni[17] japplika mhux biss għad-dejta preżenti imma wkoll għad-dejta miżmuma fl-imgħoddi. Għalhekk, il-Qorti tqis li l-fatt li jiġi limitat l-aċċess billi titħassar id-dejta jista' jkun kontra l-liġi sakemm ikun jista' jiġi ppruvat li l-ħżin tal-informazzjoni għal perjodu itwal ta' żmien jikkostitwixxi piż eċċessiv fuq il-kontrollur. Il-Kummissjoni ma tqisx li l-ħżin tal-informazzjoni personali fl-IMI għal perjodu itwal ta' żmien huwa ta' piż eċċessiv u għalhekk għandha l-ħsieb li tirrifletti dwar ħżin għal perjodu itwal ta' żmien, li jista' jinkludi wkoll fażi tranżizzjonali tal-ibblukkar tad-dejta, li jwassal sabiex id-dejta tkun inviżibbli għall-utenti kollha qabel ma titħassar. L-implikazzjonijiet possibbli ta' politika dwar l-imblukkar, inkluż min seta' jkollu aċċess għad-dejta mblukkata u għal liema finijiet kellu dan l-aċċess, se tiġi analizzata sew.

Dan huwa eżempju tajjeb tal-bżonn li wieħed jirrifletti ħafna qabel ma jiġi deċiż sett ta' regoli li jirregola l-funzjonament tal-IMI fi strument legali li jorbot. Hu essenzjali li l-Kummissjoni u l-Istati Membri, filwaqt li jiggarantixxu li jkun hemm protezzjoni tajba tad-dejta u l-involviment tal-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-dejta fil-proċess, jistgħu jibbenefikaw mill-fatt li jkollhom biżżejjed esperjenza tas-sistema sabiex jevitaw l-istabbiliment ta' regoli ineffikaċi jew inkella kontroproduttivi dwar il-protezzjoni tad-dejta.

L-użu nazzjonali tal-IMI

It-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi fl-Olanda tipprovdi sabiex l-IMI tintuża għal finijiet nazzjonali, jiġifieri, li jsir skambju tal-informazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet Olandiżi wkoll. Il-Kummissjoni Ewropea tħeġġeġ dan l-approċċ, li juri l-potenzjal tal-IMI għall-użu bejn l-amministrazzjonijiet. Madankollu, l-użu nazzjonali tal-IMI mill-Istati Membri hu soġġett għal tliet kundizzjonijiet:

a) li l-ipproċessar tad-dejta personali u l-ħżin tal-informazzjoni fuq is-servers tal-Kummissjoni huma meqjusin legali skont il-liġi nazzjonali,

b) li s-sistema tintuża kif inhi, bl-istess settijiet ta' mistoqsijiet u funzjonalitajiet, u

c) li l-Istati Membri jġorru r-responsabbiltà kollha għal kwalunkwe kwisjoni (il-protezzjoni tad-dejta jew kwistjonijiet oħra) b'rabta mal-użu tas-sistema għal finijiet nazzjonali.

Għalhekk, jekk l-Istati Membri jkunu interessati fl-użu nazzjonali tal-IMI, hu rrakkomandat li l-ewwel jikkonsultaw mal-awtoritajiet nazzjonali tagħhom tal-protezzjoni tad-dejta u mbagħad jikkuntattjaw lill-Kummissjoni sabiex jiddiskutu din il-kwistjoni u jkunu aċċertati li din ma toħloqx problemi mill-perspettiva tal-liġijiet dwar il-protezzjoni tad-dejta.

Salvagwardji speċifiċi tal-protezzjoni tad-dejta li jinsabu f'leġiżlazzjoni Komunitarja vinkolanti

Fl-opinjoni li ta fit-12 ta' Diċembru 2007 u fl-iskambju tal-ittri mal-Kummissjoni, l-EDPS talab sabiex jiġu stabbiliti salvagwardji vinkolanti speċifiċi tal-protezzjoni tad-dejta fil-leġiżlazzjoni tal-UE hekk kif l-IMI twessa' l-ambitu tagħha lil hinn mid-Direttivi dwar is-Servizzi u l-Kwalifiki Professjonali. L-awtoritajiet Ġermaniżi tal-protezzjoni tad-dejta huma tal-istess fehma.

Fl-2010, il-Kummissjoni l-ġdida se tħares mill-ġdid lejn kif jitħaddem is-Suq Uniku u lejn il-possibbiltà li l-IMI tagħti kontribut ikbar sabiex il-leġiżlazzjoni dwar is-Suq Intern tiġi implimentata aħjar mill-Istati Membri. Għalhekk se tqis liema oqsma oħra tal-politika jistgħu jibbenefikaw mill-użu tal-IMI.

Diġà jeżisti pakkett sħiħ ta' miżuri dwa il-protezzjoni tad-dejta u r-rispons li wasal sa issa mingħand l-Istati Membri kien pożittiv. Għalhekk, il-Kummissjoni temmen li ma jkunx għaqli li tgħaddi l-proposta leġiżlattiva qabel ma jkun iddefinit l-ambitu tal-IMI u qabel ma din tibbenefika mill-esperjenza miksuba permezz tal-użu prattiku tas-sistema għas-servizzi. Kwalunkwe proposta fil-ġejjieni teħtieġ li ssib postha sew ma' dawn l-iżviluppi sabiex tiżgura bażi solida, u li tilqa' għall-ġejjieni tal-IMI u l-protezzjoni tad-dejta.

Fl-istess ħin, il-Kummissjoni se tkompli ttejjeb il-protezzjoni tad-dejta fl-IMI b'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u l-EDPS kif spjegat hawn taħt.

IT-TITJIB FIL-ġEJJIENI

It-titjib tekniku

F'softwer li għad irid joħroġ fil-ġejjieni se jiġu introdotti tfakkiriet awtomatiċi u listi ta' urġenzi għall-aċċettazzjoni ta' rispons (sabiex it-talbiet ma jibqgħux miftuħin iktar milli suppost). Fir-rigward ta' proċedura onlajn għar-rettifikazzjoni, imblukkar jew tħassir ta' dejta, minħabba li sa issa ma kienx hemm u probabbilment mhux se jkun hemm ħafna talbiet, il-Kummissjoni temmen li hu iktar xieraq li tiġi introdotta proċedura iktar sempliċi li tkun ddokumentata kif xieraq bl-għajnuna tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-dejta tal-Kummissjoni u l-EDPS.

Is-sigurtà tad-Dejta

Skont il-linji gwida l-ġodda u l-istandards li l-Kummissjoni adottat riċentament, fl-2010, il-Kummissjoni se twettaq valutazzjoni mill-ġdid tar-riskji għall-IMI u se taġġorna l-pjan tas-sigurtà kif xieraq, billi tidentifika l-partijiet tas-sistema li jeħtieġ li jiġu kkunsidrati, it-theddid li jista' jkun hemm u l-infrastruttura neċessarja u l-miżuri tas-softwer. Jekk mill-valutazzjoni tar-riskji joħroġ li jkun hemm bżonn li jiġu introdotti miżuri addizzjonali tas-sigurtà, dawn il-miżuri se jiġu inkorporati bil-mod fis-softwer li għad irid joħroġ fil-futur.

Fil-bidu tal-2011 se jsir awditjar estern li se jiffoka prinċiparjament fuq it-twettiq u l-istabbiliment tas-sistema imma jista' jkopri wkoll xi kwistjonijiet relatati mal-protezzjoni u s-sigurtà tad-dejta.

Analiżi tad-Direttiva dwar il-Kwalifiki Professjonali

Se ssir evalwazzjoni tad-Direttiva dwar il-Kwalifiki Professjonali fl-2010-2011; din se tinkludi valutazzjoni tal-kooperazzjoni amministrattiva u l-użu tal-IMI, inkluż kwistjonijiet dwar il-protezzjoni tad-dejta.

KONKLUżJONIJIET

Il-Kummissjoni tinsab sodisfatta bl-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni u tal-istat tal-protezzjoni tad-dejta fl-IMI. Madankollu, se tkompli taħdem sabiex ittejjeb dejjem iktar is-sistema, b'mod partikolari mil-lat tekniku u fir-rigward tas-sigurtà tad-dejta.

Il-Kummissjoni għandha wkoll il-ħsieb li tesplora l-possibbiltà li testendi l-IMI lejn oqsma oħra tas-Suq Intern filwaqt li tibbenefika minn iktar esperjenza prattika li tinkiseb bl-użu tagħha fil-qasam tas-Servizzi. Kwalunkwe proposta fil-ġejjieni għal-leġiżlazzjoni tal-UE se tqis dawn l-iżviluppi u r-riflessjonijiet sabiex tipprovdi bażi ta' evidenza solida għall-ġejjieni għall-IMI u l-protezzjoni tad-dejta.

Fl-ewwel kwart tal-2011, se jiġi ppubblikat dokument ta' ħidma tal-persunal dwar it-tħaddim u l-iżvilupp tas-sistema tal-IMI fl-2010. Dan ir-rapport se jkopri l-protezzjoni tad-dejta.

[1] C(2009) 2041finali. ĠU L 100, 18.4.2009, p. 12-28.

[2] Sbatax-il Stat Membru rrisponda għall-konsultazzjoni, li staqsiet il-mistoqsijiet li ġejjin:- Ikkuntattjajt l-awtorità nazzjonali tal-protezzjoni tad-dejta f'pajjiżek? Tawk l-opinjonijiet tagħhom dwar l-implimentazzjoni nazzjonali tal-linji gwida?- Stabbilixxejt stqarrija ġenerali dwar il-privatezza għall-utenti kollha tal-IMI jew din qiegħda issir fuq livell lokali mill-awtoritajiet kompetenti tiegħek (CAs)?- L-awtoritajiet kompetenti kellhom xi problemi li kellhom x'jaqsmu mal-protezzjoni tad-dejta meta kienu qed jibagħtu jew jirrispondu dak li kienu mitlubin mill-IMI?- L-awtoritajiet kompetenti rrappurtaw xi kwistjonijiet li kellhom x'jaqsmu mar-rekords kriminali?- L-awtoritajiet kompetenti tiegħek irċevew xi talbiet għall-aċċess, tħassir jew rettifika mill-persuni kkonċernati?- L-awtoritajiet kompetenti tiegħek huma konxji mill-possibbiltà li d-dejta personali tista' titħassar qabel mis-sistema? Qegħdin jagħmlu użu minn din il-possibbiltà?- Inkludejt il-protezzjoni tad-dejta fis-sessjonijiet tat-taħriġ tiegħek dwar l-IMI?

[3] Id-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-Suq Intern ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36-68.

[4] Fl-2009, il-Kummissjoni organizzat, fi Brussell, sessjonijiet ta' taħriġ ta' ġurnata għall-koordinaturi tal-IMI, maħsuba għal 60 parteċipant għal kull sessjoni. Matul l-istess perjodu, l-Istati Membri organizzaw iktar minn 100 avveniment ta' taħriġ flimkien mal-awtoritajiet kompetenti fil-livell lokali, reġjonali u nazzjonali.

[5] Ara l-Artikolu 32 tad-Direttiva dwar is-Servizzi.

[6] C(2007) 6306, ĠU L 13, 16.1.2008, p. 13-23.

[7] C(2009) 2041 finali, ĠU L 100, 18.4.2009, p. 12-28.

[8] C(2009) 7493, ĠU L 263, 7.10.2009, p. 32-34.

[9] Eżempju tajjeb ta' mudell nazzjonali mfassal bl-assistenza teknika mill-awtorità nazzjonali tal-protezzjoni tad-dejta huwa l-istqarrija dwar il-privatezza ( cláusula de privacidad ) disponibbli mit-tim Spanjol tal-IMI:http://www.mpt.es/documentacion/sistema_IMI/documentos/protec_datos/ClausulaIMI_ES/document_es/Clausula_IMI.pdf.

[10] C(2006)3602.

[11] http://ec.europa.eu/internal_market/imi-net/data_protection_en.html

[12] Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Ottubru 2009 li tistipula l-arranġamenti prattiċi għall-iskambju ta' informazzjoni b'mezzi elettroniċi bejn l-Istati Membri taħt il-Kapitolu VI tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-servizzi fis-suq intern.

[13] Ara l-Kapitolu 13 tar-Rakkomandazzjoni, is-subsezzjoni "Xogħol li qed isir", il-punt (d).

[14] Dan il-prinċipju hu stabbilit b'mod ċar fl-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Dejta, u fl-Artikolu 1.1. u fil-Premessa 13 tar-Regolament dwar il-Protezzjoni tad-Dejta. "Il-mira hija li tiġi żgurata kemm il-konformità effettiva mar-regoli li jirregolaw il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u l-libertà ta' l-individwi u ċirkulazzjoni ħielsa tad-data personali bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità jew bejn l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità għal għanijiet konnessi fl-eżerċizzju tal-kompetenzi rispettivi tagħhom."

[15] Huwa possibbli li d-dejta personali titħassar qabel permezz ta' xi klikks tal-maws u fi kwalunkwe każ id-dejta personali kollha titħassar awtomatikament sitt xhur wara li jingħalqu it-talbiet għall-informazzjoni.

[16] C-553/07, Rotterdam v Rijkeboer.

[17] Ara l-Artikolu 12 a) tad-Direttiva 95/46/KE.