52010DC0128




[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 31.3.2010

KUMM(2010)128 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, IL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Ir-Rwol tal-UE fis-Saħħa Globali

SEG(2010)380 SEG(2010)381 SEG(2010)382

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, IL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Ir-Rwol tal-UE fis-Saħħa Globali

L-ISFIDA TAS-SAħħA GLOBALI

Is-saħħa globali huwa terminu li m'għandux tifsira waħda. Dan jolqot it-titjib dinji tas-saħħa, it-tnaqqis tad-differenzi, u l-protezzjoni kontra t-theddid tas-saħħa globali. Sabiex tiġi indirizzata s-saħħa globali jeħtieġ li jkun hemm koerenza tal-politiki u l-azzjonijiet interni u esterni kollha bbażati fuq prinċipji miftiehma.

It-Trattat tal-Unjoni Ewropea jistipula li għandu jkun żgurat livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politiki u l-attivitajiet kollha tal-Unjoni. Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tistipula wkoll li kulħadd għandu d-dritt ta' aċċess għal kura tas-saħħa preventiva u d-dritt li jgawdi minn kura medika skont il-kondizzjonijiet stabbiliti mil-liġijiet u l-prattiki nazzjonali[1]. Żieda fil-koerenza bejn il-politiki interni u esterni rilevanti se ssaħħaħ l-UE bħala attur globali. Il-mudell soċjali tal-UE, in-normi sodi ta' sigurtà tagħha, il-kummerċ globali tagħha u l-pożizzjoni tal-għajnuna għall-iżvilupp jippermettulha li jkollha rwol ewlieni fit-titjib tas-saħħa globali.

Is-saħħa hija marbuta ma' fatturi soċjali, ekonomiċi u ambjentali li dejjem qed ikunu iktar influwenzati mill-globalizzazzjoni. B'mod ġenerali, it-titjib fis-saħħa jiddependi wkoll fuq ġustizzja soċjali akbar. Dan il-fatt qed jiġi iktar ipprovat mill-effett tal-kriżi finanzjarja u tal-prezzijiet tal-ikel fuq il-foqra. Ir-Rapport dwar id-Determinanti Soċjali tal-2008 tad-WHO jipprovdi evidenza li l-progress jeħtieġ tibdil fil-bilanċi ta' qawwa eżistenti – ta' natura politika, ekonomika, soċjali u bbażat fuq is-sess.

Matul l-aħħar seklu l-medja tal-istennija tal-ħajja rduppjat, minn 30 għal 64 sena. Min-naħa waħda, żdid l-aċċess għall-prevenzjoni, it-trattament u l-kura . Min-naħa l-oħra, żdiedu d-differenzi bejn is-sinjuri u l-foqra fil-pajjiżi u bejn pajjiż u ieħor. Iż-żieda fil-popolazzjoni, l-urbanizzazzjoni, ix-xjuħija, stili ta' ħajja ħżiena għas-saħħa, degradazzjoni ambjentali, aċċess baxx għall-ilma sigur, servizzi ta' ikel u ta' saħħa, flimkien ma' differenzi soċjali u ekonomiċi jeħtieġu azzjoni multisettorjali u globali.

Għalhekk, il-politiki tas-saħħa pubblika jeħtieġu li jmorri lil hinn mil-livell nazzjonali u jeħtieġu istituzzjonijiet globali b'saħħithom u sforzi koordindati.

Governanza tas-saħħa globali u oqsfa tal-politika internazzjonali

L-Assemblea Dinjija tas-Saħħa (WHA) għandha l-awtorità li tadotta riżoluzzjonijiet u regolamenti internazzjonali vinkolanti. Il-Konvenzjoni Qafas dwar il-Kontroll tat-Tabakk[2] huwa l-ewwel trattat internazzjonali dwar is-saħħa. Iktar riċenti, id-WHA adottat ir-Regolamenti Internazzjonali dwar is-Saħħa li jipprovdu qafas għall-ġestjoni kkoordinata tal-emerġenzi tas-saħħa pubblika. Madankollu, il-biċċa l-kbira tar-riżoluzzjonijiet tad-WHA mhumiex vinkolanti u l-konformità tiddependi fuq il-kapaċitajiet nazzjonali u r-rieda politika.

It-tliet Għanijiet għall-Iżvilupp tas-saħħa tal-Millenju (MDG 4, 5 u 6) tejjbu l-isforzi regolatorji u finanzjarji tal-Komunità internazzjonali sabiex jitjiebu r-riżultati tas-saħħa. L-Għajnuna diretta għas-saħħa żdiedet minn EUR 4 biljuni fl-1990 għal iktar minn EUR 16 biljun illum. Donaturi emerġenti u kooperazzjoni min-Nofsinhar għan-Nofsinhar qed ikollhom rwol li dejjem qed isir importanti. Aħna għandna stejjer tajbin x'nirrakuntaw u eżempji tajbin li nistgħu nibnu fuqhom. Madankollu, il-progress lejn l-MDGs tas-saħħa huwa irregolari u fil-biċċa l-kbira għadu lura fil-maġġoranza tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Minkejja li sar xi progress biex inaqqas il-mortalità tat-tfal (MDG 4) inkluż l-impatt tal-Alleanza Globali għall-Vaċċini u t-Tilqim (GAVI), kważi 15% tat-tfal fl-Afrika l-isfel mis-Saħara għadhom qed imutu qabel l-età ta' 5 snin. Ir-rati tal-mortalità materna (MDG 5) bilkemm naqsu. Fir-rigward tal-HIV/AIDS (MDG 6), in-numru tal-persuni minn pajjiżi li qed jiżviluppaw li qed jirċievu trattament antiretrovirali żdiet għal għaxar darbiet f'dawn l-aħħar ħames snin, l-iktar minħabba l-finanzjament dirett mill-Fond Globali għall-ġlieda kontra l-AIDS, it-tuberkolożi u l-malarja (GFATM)[3]. Madankollu, l-HIV/AIDS jibqa' l-kawża waħda ewlenija tal-mewt fl-Afrika l-isfel mis-Saħara.

Attenzjoni mhux bilanċjata u frammentata lill-prijoritajiet tas-saħħa dgħajfet il-progress. Iktar minn 140 inizjattiva tas-saħħa globali li immirati lejn ħtiġijiet speċifiċi ħafna drabi jsiru b'mod parallel u jistgħu potenzjalment iżidu l-pressjoni fuq sistemi tas-saħħa li diġà huma dgħajfa. Hu meħtieġ li tingħata attenzjoni speċjali, permezz ta' approċċ multisettorjali, lil MDG 1 dwar in-nutrizzjoni, MDG 3 dwar ugwaljanza bejn is-sessi u MDG 7 dwar sostenibilità ambjentali, li jikkostitwixxu sehem kbir tar-riskju attribwibbli għal saħħa ħażina fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

Sfida ewlenija hija n-nuqqas ta' kapaċità tal-pajjiżi – li ħafna drabi huma fraġli, jinsabu wara kunflitt jew mingħajr istituzzjonijiet b'saħħithom biżżejjed u mingħajr riżorsi adegwati – biex jimplimentaw politiki tas-saħħa pubblika effettivi, inkluż l-aċċess għas-servizzi tas-saħħa adegwati. Pereżempju, is-Sri Lanka għandha rata tal-mortalità materna 30 darba inqas minn Angola, li għandha livelli simili ta' GDP per kapita, jew il-Malawi għandu rata tal-mortalità tat-tfal li għandhom inqas minn ħames snin li hija n-nofs minn dik tal-Ginea Ekwatorjali, li għandha GDP per kapita 30 darba inqas.

Din il-Kummissjoni tipproponi viżjoni tal-UE dwar saħħa globali, tiddefinixxi l-prinċipji ta' gwida li għandhom japplikaw għas-setturi ta' politika rilevanti kollha u tippreżenta numru ta' oqsma fejn l-UE tista' taġixxi b'mod iktar effettiv[4].

IL-LEġITIMITÀ TAL-UE BIEX TAġIXXI

It-Trattat tal-Unjoni Ewropea jistqarr li l-UE għandha tiġġieled kontra l-esklużjoni soċjali u d-diskriminazzjoni, u tippromwovi l-ġustizzja u l-protezzjoni soċjali, l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, is-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet u l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal[5]. It-Trattat jistqarr ukoll li fir-relazzjonijiet tagħha mal-bqija tad-dinja, l-Unjoni għandha ssostni u tippromwovi l-valuri u l-interessi tagħha[6].

L-UE qablet dwar valuri komuni ta' solidarjetà lejn kopertura ekwa u universali ta' kura ta' kwalità[7]. Komunikazzjoni reċenti tindirizza wkoll l-isfida ta' inugwaljanzi ta' saħħa fi ħdan l-UE[8].

L-azzjoni tal-UE biex tippromwovi s-saħħa f'pajjiżi terzi hija bbażata fuq it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Hu jispeċifika li l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jinkoraġixxu kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi u l-organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti fl-isfera tas-saħħa pubblika, u li livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem għandha kun żgurata fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politiki u l-attivitajiet kollha tal-Unjoni[9].

L-Istrateġija tas-Saħħa tal-UE tistqarr li tmexxija kollettiva sostnuta fis-saħħa globali hija meħtieġa għal riżultati aħjar ta' saħħa fl-Ewropa u barra mill-Ewropea. Permezz tal-Programmi Oqsfa ta' Riċerka, l-UE kienet qed issostni r-riċerka madwar iċ-ċiklu kollu ta' innovazzjoni. Dan jibda b'riċerka bażika, riċerka klinika u riċerka dwar is-saħħa pubblika u s-servizzi tas-saħħa. Din tinkludi teknoloġija tal-informatika u tal-komunikazzjoni (ICT) għas-saħħa (eHealth). Barra minn hekk, il-politiki tal-UE dwar l-istandards ambjentali jew dwar l-implimentazzjoni ta' ftehimiet ambjentali multilaterali għandhom ukoll impatt pożittiv fuq is-saħħa globali.

Il-konsensus dwar l-iżvilupp Ewropew[10] jirrikonoxxi s-saħħa bħala għan essenzjali fi ħdan il-qafas MDG. L-UE tippromwovi tmexxija inklużiva, drittijet tal-bniedem, demokrazija, governanza tajba u stabilità, li kollha kemm huma huma fatturi essenzjali għal soċjetajiet b'saħħithom u viċe versa. Is-saħħa hija element kritiku fit-tnaqqas tal-faqar u fil-promozzjoni tat-tkabbir sostenibbli. Il-politika tal-UE dwar is-saħħa u t-tnaqqis tal-faqar[11] tindirizza dawn il-punti. Attenzjoni speċjali hija mogħtija lill-mard relatat mal-faqar[12] u lill-kriżi tar-riżorsi umani għas-saħħa[13]. Hemm impenji ċari biex tiżdied l-għajnuna għall-iżvilupp[14] kif ukoll il-livelli tagħha ta' allinjament mal-istrateġiji u l-prevedibilità tal-pajjiżi msieħba, sabiex jippermettulhom li jkollhom il-politiki u azzjonijiet ta' saħħa proprji tagħhom.

Ir-rwol prinċipali tal-UE fil-kummerċ internazzjonali, fil-governanza ambjentali globali u fl-għajnuna tal-iżvilupp, kif ukoll il-valuri u l-esperjenza tagħha ta' kura fis-saħħa ta' kwalità universali u ekwa, jagħtuha leġitimità qawwija biex taġixxi fis-saħħa globali.

VIżJONI, VUċI U AZZJONI IKTAR QAWWIJA TAL-UE

3.1. L-isfida tal-governanza: kif tmexxija qawwija tista' tikkoordina atturi globali

Hemm għad kbir ta' atturi u inizjattivi impenjati fis-saħħa globali u hemm ħtieġa kontinwa biex jiġu mobilizati r-riżorsi. Dan jitlob tmexxija globali iktar ċara u iktar effiċjenti. Mad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Liżbona, ir-rwol tal-UE fid-WHO jeħtieġ li jkun inkluż f'riflessjonijiet iktar wiesgħa dwar ir-rwol tagħha fin-Nazzjonijiet Uniti (NU).

3.2. L-isfida tal-kopertura universali: żgurar tal-aċċess għas-servizzi tas-saħħa għal kulħadd

It-tnaqqis tan-nuqqasijiet attwali fil-kopertura tas-servizzi tas-saħħa se jeħtieġ mhux biss iż-żieda tar-riżorsi domestiċi iżda wkoll l-għajnuna għall-iżvilupp fil-pajjiżi l-iktar foqra. Aparti t-titjib fl-allokazzjoni tar-riżorsi fil-pajjiżi u bejn pajjiż u ieħor, dan ifisser li jrid jissaħħaħ id-djalogu politiku dwar is-sistemi tas-saħħa u l-arranġamenti finanzjarji tagħhom. Fit-twettiq tal-aġenda tal-effettività tal-għajnuna, l-UE għandha żżid l-allinjament u l-prevedibilità tal-appoġġ tagħha. L-approċċ lejn l-MDĠs tas-saħħa jrid jikkunsidra r-rabta tagħhom mal-MDĠs l-oħra (l-iktar is-sess, in-nutrizzjoni u l-ilma u s-sanità). Dan irid ukoll jipprovdi għall-ħtiġijiet importanti oħra, b'mod partikolari l-Mard li Ma Jittiħidx (NCDs)[15], u l-ħtiġijiet speċjali tal-persuni f'sitwazzjonijiet ta' kriżi umanitarja. Sabiex issegwi dan l-approċċ olistiku ta' "sistemi", l-UE se jkollha bżonn ittejjeb il-kapaċità tagħha għall-analiżi u d-djalogu dwar sfidi ta' saħħa globali fuq livell nazzjonali, reġjonali u internazzjonali.

3.3. L-isfida tal-koerenza politika: Il-politika tas-saħħa ma tistax tkun itrattata waħedha

L-UE għandha opportunità biex tgħaqqad ir-rwoli globali ewlenin fil-kummerċ u l-għajnuna għall-iżvilupp mal-impenn tagħha lejn il-progress soċjali u ambjentali, sabiex issawwar approċċ koerenti lejn is-saħħa globali. Il-ħames oqsma ta' prijorità miftiehma dan l-aħħar mill-UE fl-indirizzar tal-Koerenza Politika għall-Iżvilupp ikopru fatturi ewlenin li jinfluwenzaw is-saħħa globali. Dawn huma: kummerċ u finanzjament, migrazzjoni, sigurtà, sigurtà tal-ikel u bidla fil-klima. Żieda fl-attenzjoni lejn l-impatti tal-iżvilupp f'dawn l-oqsma ta' politika u oħrajn bħal l-edukazzjoni u l-għoti ta' setgħa liż-żgħażagħ se ġġib benefiċċji għas-saħħa globali.

3.4. L-isfida tal-għarfien: investiment fir-riċerka li minnha jibbenefika kulħadd

L-innovazzjoni fir-riċerka tas-saħħa kkontribwixxiet ħafna fit-titjib tas-saħħa tal-bniedem u l-kwalità tal-ħajja fl-Ewropa u barra minnha. L-interventi ġodda jew il-prodotti mediċinali ma jridux ikunu biss effettivi u siguri; iżda jridu jkunu wkoll aċċetabbli, ikollhom prezz li jista' jintlaħaq u jkunu aċċessibbli sabiex il-popolazzjoni kollha tkun tista' tibbenefika minnhom. ICT jista' jkollu rwol ewlieni fit-titjib tal-provvediment tas-servizzi tas-saħħa. Għad hemm nuqqas kbir bejn dak li hu magħruf li jtejjeb is-saħħa u dak li qed jinkiseb fil-prattika. Barra minn hekk, l-istruttura tal-inċentivi għall-iżvilupp tal-mediċini ġodda u t-teknoloġiji mediċi hija inqas effettiva meta l-pazjenti jkunu jew ftit wisq jew foqra ħafna. Huwa għalhekk essenzjali li l-prijoritajiet ta' riċerka jkunu mmirati biex jagħmlu l-ikbar impatt fuq is-saħħa pubblika. L-aċċess u l-innovazzjoni jeħtieġu li jkunu indirizzati fl-istess ħin, kif enfasizzat fl-Istrateġija u l-Pjan ta' Azzjoni Globali għas-Saħħa Pubblika, l-Innovazzjoni u l-Proprjetà Intelletwali[16]. Dawk li jfasslu l-politika u r-riċerkaturi jridu jibdlu r-riżultati tar-riċerka f'deċiżjonijiet ibbażati fuq l-evidenza. Il-politiki bbażati fuq l-evidenza jistgħu jinbnew biss fuq sistemi xierqa ta' informazzjoni dwar is-saħħa u ġenerazzjoni ta' riċerka u għarfien immexxija mill-pajjiżi. Dan jeħtieġ kapaċità ta' riċerka multidixxiplinari fuq livell nazzjonali.

RISPONS IMSAħħAħ TAL-UE

L-UE għandha tapplika l-valuri u l-prinċipji komuni ta' solidarjetà lejn kopertura ekwa u universali tas-servizzi tas-saħħa ta' kwalità fil-politiki u azzjonijiet esterni u interni kollha.

4.1. Governanza demokratika u inklużiva

- F'livell globali, l-UE għandha tagħmel ħilitha biex tiddefendi pożizzjoni unika fi ħdan l-aġenziji tan-NU. L-UE għandha tistinka biex tnaqqas id-duplikazzjoni u l-frammentazzjoni u żżid il-koordinazzjoni u l-effettività tas-sistema tan-NU. Hi għandha issostni tmexxija iktar b'saħħitha mid-WHO fil-funzjonijiet tagħha normattivi u ta' gwida sabiex ittejjeb is-saħħa globali. L-UE għandha tfittex sinerġiji mad-WHO sabiex tindirizza l-isfidi tas-saħħa globali. Hi għandha tnaqqas il-frammentazzjoni tal-finanzjament lid-WHO u torjenta ruħha b'mod gradwali lejn il-finanzjament tal-baġit ġenerali tagħha. Fuq livell reġjonali, l-UE għandha tippromwovi netwerking eqreb bejn il-ġirien u trawwem l-istabbiliment ta' netwerks tas-saħħa reġjonali bħal pereżempju d-Dimensjoni tat-Tramuntana u n-Netwerk tas-Saħħa tal-Ewropa tax-Xlokk. Fejn diġà jeżistu istituzzjonijiet reġjonali (pereżempju l-Unjoni Afrikana) jew djalogi (pereżempju taħt il-Politika Ewropea tal-Viċinat), l-UE għandha tippromwovi l-inklużjoni ta' kwistjonijiet tas-saħħa globali fost il-prijoritajiet tagħhom u ssaħħaħ il-kooperazzjoni maċ-Ċentru Ewropew għall-Kontrol tal-Mard.

- Fuq livell nazzjonali, l-UE għandha ttejjeb l-appoġġ tagħha għall- parteċipazzjoni sħiħa tal-partijiet interessati kollha fl-iżvilupp, l-implimetazzjoni u s-sorveljanza tal-politika tas-saħħa u politiki rilevanti oħra. Hi għandha tippromwovi l-iskrutinju parlamentari tad-deċiżjonijiet ta' finanzjament pubbliku li jinfluwenzaw it-twassil tas-servizzi tas-saħħa f'pajjiżi imsieħba. Dawn l-azzjonijiet għandhom jinkludu rabtiet mal-edukazzjoni, li jinvolvu żgħażagħ, familji u komunitajiet, u jagħtuhom is-setgħa li jkollhom stili ta' ħajja iktar b'saħħithom, ikabbru l-potenzjal uman tagħhom u jikkontribwixxu b'mod effettiv għall-proċess ta' politika[17].

4.2. Lejn kopertura universali tal-kura ta' saħħa bażika ta' kwalità: Fejn, xiex, u kif taġixxi

- L-UE għandha tagħti prijorità u ssostni iktar il-pajjiżi li jinsabu f'kuntest fraġli, tgħin lil orfni u/jew dawk li huma l-aktar imbegħda mill-MDGs tas-saħħa. Hi għandha ssostnihom fit-tfassil u fl-implimentazzjoni tal-politiki, l-istrateġiji u l-programmi nazzjonali sabiex iħaffu l-progress lejn il-kisba ta' MDGs tas-saħħa. Dan l-approċċ għandu jitwettaq b'mod kostanti mill-UE permezz ta' mezzi bilaterali u parteċipazzjoni f'inizjattivi globali u fora internazzjonali. Il-Kummissjoni se tipproponi lista ta' pajjiżi ta' prijorità fejn l-UE għandha tikkonċentra l-Assistenza għall-Iżvilupp Uffiċjali tagħha bil-ħsieb tas-Summit tal-MDG tal-2010.

- L-UE għandha tikkonċentra l-appoġġ tagħha fuq it-tisħiħ tas-sistemi tas-saħħa sabiex tiżgura li l-komponenti ewlenin tagħha – il-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa, aċċess għall-mediċini, infrastruttura u loġistika u ġestjoni deċentralizzata – ikunu biżżejjed effettivi biex jagħtu kura tas-saħħa bażika ekwa u ta' kwalità għal kulħadd mingħajr diskriminazzjoni fuq kwalunkwe bażi kif definit fl-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Dan l-approċċ huwa partikolament importanti għall- MDG 5 . Dan it-tip ta' proċess immexxi mill-Isħubija Internazzjonali tas-Saħħa fil-valutazzjoni ta' pjanijiet komprensivi tas-saħħa nazzjonali (permezz tal-Valutazzjoni Konġunta tal-Istrateġiji Internazzjonali) li jiffinanzja baġit tas-saħħa nazzjonali u proċess ta' sorveljanza għandu jkun il-qafas preferut għall-provvediment tal-appoġġ tal-UE. Approċċ komprensiv li jinkludi l-prijoritajiet kollha huwa l-unika wieħed effiċjenti.

L-UE għandha tippromwovi dan l-approċċ fl-inizjattivi ta' finanzjament globali bħal pereżempju l-GFATM u l-GAVI u permezz tal-parteċipazzjoni tagħha fil-governanza tal-Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali (IFIs). Il-fondi globali eżistenti għandhom ikunu adattati għall-isfidi tas-saħħa globali, pjuttost milli jinħolqu strumenti ġodda.

- Fit-twassil tal-wegħdiet tagħha dwar l-għajnuna għall-iżvilupp, l-UE għandha żżid l-appoġġ għall-implimentazzjoni tal-istrateġiji tas-saħħa nazzjonali permezz tas-sistemi tal-pajjiżi. Kemm jekk tkun diretta kif ukoll indiretta (bħala parti mill-appoġġ tal-baġit jew inizjattivi globali), l-għajnuna tal-UE għas-saħħa għandha toffri prevedibilità ta' mill-inqas tliet snin . Dan huwa essenzjali sabiex tippermetti t-tfassil u l-implimentazzjoni tal-istrateġiji tas-saħħa nazzjonali f'pajjiżi li għandhom l-inqas kapaċità ta' finanzjament pubbliku. L-Istati Membri għandhom ikunu mħeġġa biex jissieħbu mal-Kummissjoni f'"kuntratti tal-MDG" li joffru prevedibilità u żieda fir-riżorsi nazzjonali. Rabta mfissra sew mal-mekkaniżmi konġunti ta' sorveljanza u ta' djalogu tas-settur tas-saħħa ibbażata fuq politiki tas-saħħa nazzjonali se ttejjeb ir-rilevanza tagħhom għas-saħħa. F'konformità mal-għanijiet tal-effettività tal-għajnuna, l-UE għandha tqassam żewġ terzi tal-ODA tas-saħħa permezz ta' programmi ta' żvilupp tal-pajjiżi imsieħba u 80% permezz tas-sistemi ta' ġestjoni tal-akkwist u tal-finanzjament pubbliku ta' dawn il-pajjiżi . Flimkien mal-imsieħba globali, l-UE għandha wkoll tesplora b'mod attiv l-opportunitajiet għall-finanzjament innovattiv addizzjonali sabiex titrattata l-isfidi tas-saħħa globali u r-rwol li l-Bank Ewropew għall-Investiment jista' jkollu fil-finanzjament tal-infrastrutturi soċjali u relatati mas-saħħa. Hi għandha wkoll tippromwovi d-diviżjoni tax-xogħol bejn l-atturi istituzzjonali u l-organizzazzjonijiet privati.

L-UE għandha ssostni l-isforzi tal-pajjiżi terzi biex jifformulaw politiki effettivi biex jimmobilizzaw dħul domestiku, iżidu l-finanzjament ġust tas-sistemi tas-saħħa u jiżviluppaw jew isaħħu l-mekkaniżmi tal-protezzjoni soċjali fis-settur tas-saħħa. Dan hu mħeġġeġ permezz tal-proċess ta' tkabbir fejn l-allinjament legali mal-acquis fil-qasam tas-saħħ, il-politiki u l-prattika tal-UE huwa sorveljat b'mod regolari mill-Kummissjoni. F'pajjiżi li qed jiżviluppaw, għandu jiġi kkunsidrat it-tibdil tal-ispejjeż tal-utent mal-mekkiżmi ta' finanzjament ġust u l-konformità mal-impenji dwar l-allokazzjoni nazzjonali tal-baġit għas-saħħa[18]. L-UE se ssostni d-WHO, fi ħdan il-ftehim ta' sħubija attwali, biex tivvaluta, tanalizza u tipprovdi stimi regolari ta' nuqqasijiet ta' finanzjament pubbliku nazzjonali għat-twassil tal-kura tas-saħħa bażika. L-UE għandha tindirizza n- natura multisettorjali tas-saħħa u r-rabtiet mill-qrib mas-sess, nutrizzjoni, ilma, sanità, kwalità tal-ambjent u edukazzjoni fid-djalogi politiċi rilevanti. Flimkien mar-reġjuni jew il-pajjiżi l-iktar affettwati min-nutrizzjoni ħażina tal-ommijiet u tat-tfal, l-UE għandha ssostni l-formulazzjoni u l-implimentazzjoni tal-politiki dwar in-nutrizzjoni tal-gvern, billi jkun hemm rabta bejn l-interventi tas-saħħa u tas-sigurtà tal-ikel.

4.3. Koerenza bejn il-politiki rilevanti tal-UE relatati mas-saħħa globali

L-UE għandha tiżgura li l-politiki interni u esterni rilevanti kollha jikkontribwixxu għall-promozzjoni ta' kopertura ekwa u universali tas-servizzi tas-saħħa ta' kwalità. Sabiex tagħmel dan, il-valutazzjoni tal-impatt tal-oqsma ta' politika rilevanti għandha tanalizza l-effetti tal-għażliet ta' politika dwar is-saħħa globali[19]. Ir-rabta bejn l-għajnuna umanitarja u għall-iżvilupp tal-UE għandha tkun imħeġġa. F'konformità mal-impenji magħmula dwar il-koerenza ta' politika għall-iżvilupp [20], l-UE għandha tkun ippreparata biex tindirizza dawn l-aspetti li ġejjin tas-saħħa globali:

- Dwar il-kummerċ , l-UE għandha taħdem biex tiżgura użu iktar effettiv tad-dispożizzjonijiet TRIPS[21] biex iżżid il-prezzijiet raġonevoli u l-aċċess għall-mediċini essenzjali . L-UE għandha ssostni l-azzjonijiet ta' prijorità identifikati fl-Istrateġija u l-Pjan ta' Azzjoni Globali għas-Saħħa Pubblika, l-Innovazzjoni u l-Proprjetà Intelletwali. Din għandha tindirizza l-isfidi mistennija wara l-2016 meta l-qafas tat-TRIPS jidħol fis-seħħ fil-pajjiżi l-inqas żviluppati. L-UE għandha tkompli tiżgura li l-ftehimiet bilaterali tal-kummerċ tal-UE jevitaw klawżoli li jistgħu jdagħjfu l-aċċess għall-mediċini. Il-kompetizzjoni ġenerika[22] u l-użu razzjonali tal-mediċini huma ta' importanza kbira biex tkun żgurata s-sostenibilità tas-sistemi tal-kura tas-saħħa[23]. L-UE għandha wkoll taħdem fuq livell globali u reġjonali biex telimina l-kummerċ fil-mediċini falsifikati pereżempju permezz tat-task force internazzjonali għall-ġlieda kontra l-mediċini foloz (International Medical Products Anti-Counterfeiting Taskforce). L-UE għandha wkoll tindirizza iktar il-problema tad-drogi illegali u l-effetti tagħha fuq is-saħħa u tikkunsidra r-rwol importanti tat-tnaqqis fid-domanda. L-UE għandha wkoll tkompli tippromwovi governanza globali aħjar tal-ftehimiet ambjentali rilevanti għas-saħħa.

- Dwar il-migrazzjoni , l-Istati Membri tal-UE għandhom jiżguraw li l-politiki ta' migrazzjoni tagħhom ma jdgħajfux id-disponibilità tal-professjonisti tas-saħħa f'pajjiżi terzi filwaqt li jirrispettaw il-libertà ta' moviment individwali u aspirazzjonijiet personali u professjonali. F'dan ir-rigward, l-UE għandha tgħaġġel il-progress lejn l-impenji miftiehma taħt l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għall-Azzjoni dwar il-Kriżi fir-Riżorsi Umani għas-Saħħa fil-Pajjiżi li Qed Jiżviluppaw u tikkontribwixxi għall-Kodiċi ta' Prattika tad-WHO dwar ir-Reklutaġġ Internazzjonali tal-Persunal fil-Qasam tas-Saħħa. L-UE għandha tiffaċilita l-migrazzjoni ċirkolari bħala mezz biex jitnaqqas il-brain drain minn pajjiżi li qed jesperjenzaw tali pressjoni. L-Istati Membri tal-UE għandhom iżidu l-isforzi tagħhom biex jiżguraw li kulħadd – anki l-migranti – fl-UE ikollhom aċċess għal servizzi ta' saħħa ta' kwalità mingħajr diskriminazzjoni.

- Dwar is- sigurtà , il-Politika Barranija u ta' Sigurtà Komuni tal-UE għandha issaħħaħ il-progress fuq ir-rispons tal-UE għal sitwazzjonijiet ta' fraġilità [24] u tenfasizza l-importanza tal-aċċess tas-servizzi tas-saħħa għall-popolazzjonijiet taħt stress f'kuntesti fraġli, fi kriżi umanitarja u fi proċessi ta' paċi u stabilizzazzjoni. L-UE għandha tikkontribwixxi għall-kapaċitajiet nazzjonali globali tal-pajjiżi terzi li jipprevedu, isibu u jwieġbu minn kmieni għal theddid tas-saħħa globali , taħt ir-Regolamenti tas-Saħħa Internazzjonali. Minħabba t-theddid tal-mard żoonitiku, dan ifisser ukoll li tingħata attenzjoni iktar mill-qrib lejn il-kunċett ta' "dinja waħda, saħħa waħda"[25].

- Dwar is-sigurtà tal-ikel, l-assistenza tal-ikel u nutrizzjoni l-UE għandha tiżgura li l-politiki tagħha jaħdmu sabiex iżidu l-aċċess għall-ikel u jorbtu mal-istrateġiji tas-saħħa nazzjonali li jinkludu s-servizzi ta' nutrizzjoni u s-sorveljanza tal-istatus nutrizzjonali fil-popolazzjoni, kif elaborat fil-Komunikazzjonijiet dwar is-Sigurtà tal-Ikel u l-Assistenza tal-Ikel. L-UE għandha tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' tmexxija globali unika b'saħħitha u effettiva tan-NU dwar in-nutrizzjoni u dwar l-iżvilupp ta' Qafas tan-Nutrizzjoni Globali u Multisettorjali[26]. L-UE għandha tfittex ukoll biex tikkontribwixxi għas-sigurtà tal-ikel permezz tal-implimentazzjoni tal-konvenzjonijiet ta' biodiversità u ta' deżertifikazzjoni.

- Dwar il-bidla fil-klima , l-UE se tikkunsidra għanijiet tas-saħħa globali fl-implimentazzjoni tal-impenn kollettiv minn pajjiżi żviluppati, f'Diċembru 2009, għall-riżorsi ġodda u addizzjonali fil-ħmistax-il Konferenza tal-Partijiet.

4.4. Riċerka u evidenza bbażata fuq id-djalogu u l-azzjoni

- L-UE għandha tikkoordina b'mod iktar effettiv ir-riċerka dwar is-saħħa globali sabiex tindirizza x-xenarju fframmentat ħafna u tiddentifika l-prijoritajiet globali konġunti għar-riċerka dwar is-saħħa. Hi għandha tippromwovi finanzjament effettiv u ġust għar-riċerka li minnha tibbenefika is-saħħa ta' kulħadd .

- Il-Programmi Qafas ta' Riċerka tal-UE għandhom ikomplu jagħtu prijorità lill-azzjonijiet li jitrattaw l-isfidi tas-saħħa globali. Dawn l-azzjonijiet għandhom ikunu bbażati fuq proċessi konġunti ta' tfassil ta' prioritajiet, sħubiji ekwi u aċċess sigur għall-għarfien miksub.

- L-UE għandha ssaħħaħ u tibbilanċja il- proċess sħiħ tar-riċerka dwar is-saħħa tal-innovazzjoni, l-implimentazzjoni, l-aċċess, is-sorveljanza u l-evalwazzjoni. Tali riċerka għandha tipprovdi input effettiv għall-politiki tas-saħħa, ittejjeb il-provvediment tas-servizzi tas-saħħa, u tinkludi mekkaniżmi għall-pajjiżi msieħba sabiex jibnu u jsostnu l-kapaċità ta' riċerka nazzjonali tagħhom.

- L-UE għandha ssaħħaħ il-ħidma attwali tagħha[27] b'entitajiet nazzjonali u internazzjonali rilevanti bħad-WHO, l-OECD u l-Health Metrics Network, sabiex ittejjeb is-sistemi tal-informazzjoni tas-saħħa u l-ġabra ta' dejta u statistiċi komparabbli biex jippermettu valutazzjoni komparattiva u jikkontribwixxu għall-politiki globali, Ewropej u nazzjonali. L-UE għandha tippromwovi l-użu tal-ICT, kif ukoll l-eHealth.

- Kull azzjoni globali informattiva dwar is-sigurtà tal-ikel, għalf, prodotti, farmaċewtiċi, u mezzi mediċi jridu jkunu bbażati fuq l-evidenza. L-UE għandha tippromwovi t-tixrid tal-informazzjoni dwar perikli u riskji f'dawn l-oqsma.

4.5 Ir-riżultati miksuba permezz ta' koordinazzjoni, sorveljanza u bini ta' kapaċita msaħħa

Sabiex tkabbar u tkejjel l-impatt tal-politiki u l-programmi tagħha li jirrilataw mas-saħħa globali, l-UE se tistabbilixxi dawn il-mekkaniżmi li ġejjin:

- Il-faċilitazzjoni ta' azzjoni konġunta tal-UE dwar saħħa fuq livelli nazzjonali u globali; il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom kull wieħed jinnominaw koordinatur dwar is-saħħa globali. Il-koordinaturi tas-saħħa globali tal-UE se jaħdmu flimkien f'pjattaforma biex jagħtu lil xulxin informazzjoni u jiltaqgħu regolarment sabiex jiftiehmu dwar pożizzjonijiet komuni u opportunitajiet għall-azzjoni konġunta.

- Sorveljanza tal-għajnuna ġenerali tal-UE għas-saħħa u kif inhi mqassma. L-UE għandha tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa tal-Kodiċi ta' Kondotta tal-UE dwar id- Diviżjoni tax-Xogħol [28] fil-qasam tas-saħħa. L-UE għandha tibni għarfien kollettiv dwar il-kapaċità fl-analiżi u d-djalogu politiku dwar is-saħħa globali sabiex tkun tista' titkellem b'vuċi waħda ma' pajjiżi terzi u f'fora internazzjonali. L-evalwazzjoni tal-għarfien eżistenti tal-UE għandha tkun il-bażi għall-azzjoni f'dan il-qasam.

- Twettiq ta' djalogi ma' atturi globali ewlenin u partijiet interessati: L-UE għandha tkompli taħdem fi sħubiji mal-aġenziji tan-NU u l-IFIs kkonċernati bis-saħħa globali. L-UE għandha tinkludi l-isfidi tas-saħħa globali fid-djalogi tagħha ma' atturi oħra globali ewlenin. Is-summit li jmiss bejn l-UE u l-Afrika fl-aħħar tal-2010 se jkun mument ieħor ewlieni għaż-żewġ kontinenti biex jaġixxu flimkien dwar l-MDGs tas-saħħa.

[1] L-Artikolu 35 ĠU C 303/7, 14.12.2007, p.1.

[2] FCTC, WHO, 21 ta' Mejju 2003.

[3] UNAIDS, Aġġornament dwar l-epidemija tal-AIDS, 2009.

[4] Il-Komunikazzjoni hija akkumpanjata minn tliet Dokumenti ta' Ħidma tal-Persunal li jitrattaw rispettivament: "Il-Kontribuzzjoni lejn Kopertura Universali tas-Servizzi tas-Saħħa permezz ta' Politika ta' Żvilupp"; "Saħħa globali: tweġiba għall-isfidi tal-globalizzazzjoni" u "Riċerka Ewropea u Għarfien għas-saħħa globali" fejn huma spjegati fid-detall il-kwistjonijiet ta' politika.

[5] Konformità mal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, Artikolu 24 dwar it-tgawdija tat-tfal mill-ogħla standard ta' saħħa li jista' jintlaħaq.

[6] L-Artikolu 3 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea.

[7] Konklużjonijiet tal-Kunsill (2006/C 146/01).

[8] COM (2009) 567, 20 ta’ Ottubru 2009.

[9] L-Artikolu 168 tat-Trattat dwar il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

[10] COM (2006) 46, 24 ta’ Frar 2006.

[11] COM (2002) 129, , 22 ta’ Marzu 2002.

[12] COM(2006) 870.

[13] COM(2005) 179.

[14] Konklużjonijiet tal-Kunsill: Aġenda tal-UE għall-Azzjoni dwar l-MDGs, 11096/08, 24 ta' Ġunju 2008.

[15] WHA 2008 61.14.

[16] Riżoluzzjoni WHA61.21, 2008.

[17] COM(2007) 498.

[18] Dikjarazzjoni u Pjan ta' Azzjoni dwar l-HIV u l-AIDS, Tuberculosis u Mard Ieħor li Jittieħed (ORID) tal-2001 tal-Kapijiet tal-Istat u l-Gvern tal-Unjoni Afrikana li saru f'Abuja u d-dikjarazzjoni ta' Brussell. ACP/83/016/07, 26 ta' Ottubru 2007.

[19] Kif previst mil-linji gwida tal-Valutazzjoni tal-Impatt (SEC (2009) 92 , COM(2005)172 tas-27.4.2005 u COM(2009) 205 finali tad-29.4.2009.

[20] Koerenza ta' Politika għall-Iżvilupp – l-aċċelerazzjoni tal-progress lejn il-kisba tal-Għanijiet tal-Iżvilupp għall-Millenju, COM(2005) 134, 12 ta' April 2005 u rapporti biannwali, tal-aħħar COM(2009) 461.

[21] WTO, Ġinevra, 30 ta' Awwissu 2003.

[22] COM (2009) 351 tat-08.07.2009.

[23] COM(2008) 666, 10.12.2008.

[24] COM(2007) 643.

[25] Ara: http://www.oneworldonehealth.org/

[26] WHO EB126/9, 19 ta' Novembru 2009.

[27] Ġabra konġunta tad-dejta mill- Eurostat /OECD/WHO dwar il-kura tas-saħħa.

[28] COM (2007) 72, 28 ta’ Frar 2007.