52010DC0126




[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 31.3.2010

KUMM(2010)126 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

Għajnuna Umanitarja tal-Ikel

SEG(2010)374

INTRODUZZJONI

Skont l-orjentazzjoni tal-Kunsens dwar l-Għajnuna Umanitarja[1], u b'mod iktar ġenerali għall-promozzjoni tal-aħjar prattiċi fil-provvista tal-għajnuna umanitarja tal-ikel mill-UE u l-Istati Membri tagħha, il-miriet ewlenin ta' din il-Komunikazzjoni huma li:

1. tiġi massimizzata l-effettività u l-effiċjenza tal-għajnuna tal-ikel tal-UE, skont il-mandat umanitarju tal-Kummissjoni definit mill-qafas legali umanitarju, u skont ir-Regolament Finanzjarju[2];

2. tittejjeb il-koerenza politika, il-koordinazzjoni, u l-kumplimentarità bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri u donaturi oħra, fil-provvista tal-għajnuna tal-ikel;

3. jiġu infurmati l-isħab u l-partijiet interessati dwar l-għanijiet, il-prijoritajiet u l-istandards tal-Kummissjoni fit-twassil tal-għajnuna umanitarja tal-ikel.

Din il-Komunikazzjoni għalhekk tistabilixxi l-qafas ta' politika għall-għajnuna umanitarja tal-ikel tal-UE. Tispjega l-kwistjonijiet u x-xejriet li għandhom jiġu kkunsidrati; il-kunċetti, id-definizzjonijiet u l-għanijiet li għandhom imexxu l-għajnuna umanitarja tal-ikel; il-prinċipji li għandhom jenfasizzaw l-importanza ta' din il-ħidma; u l-ambitu tal-attivitajiet intrapriżi.

Id-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal mehmuż jispjega, minn perspettiva operazzjonali iktar dettaljata, il-mod kif il-Kummissjoni tipprogramma, timplimenta u tikkoordina l-għajnuna umanitarja tal-ikel tagħha.

Din il-Komunikazzjoni għandha tinqara flimkien mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-sigurtà tal-ikel ("Qafas ta' politika tal-UE għall-għajnuna ta' pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jindirizzaw l-isfidi tas-sigurtà tal-ikel"). Żewġ Komunikazzjonijiet separati dwar dawn is-suġġetti interrelatati huma meqjusa neċessarji sabiex tiġi rispettata d-distinzjoni bejn l-attenzjoni tal-politika tagħhom, jiġifieri għajnuna tal-ikel marbuta mal-għanijiet umanitarji għall-popolazzjonijiet milquta mill-kriżijiet f'kuntesti ta' emerġenza u sigurtà tal-ikel marbuta mal-għanijiet ta' żvilupp. Iż-żewġ oqfsa ta' politika ġew imfassla b'tali mod biex jiżguraw il-koerenza u s-salvagwardja kontra sovrappożizzjoni mhux ikkoordinata.

SFOND

Hemm inċidenza dejjem qed tiżdied ta' diżastri naturali, spiss aggravata mill-impatt tat-tibdil fil-klima, li qed taffetwa lil iktar nies milli fl-imgħoddi. Il-kunflitt u r-repressjoni jkomplu jimminaw l-abbiltà tan-nies li jkomplu l-ħajja ta' kuljum, u spiss jiġġeneraw numri kbar ta' refuġjati u persuni spustjati internament. Tkabbir rapidu tal-popolazzjoni żżid il-pressjonijiet eżistenti fuq ir-riżorsi naturali. F'bosta partijiet tad-dinja li qed tiżviluppa, dawn il-fatturi jġiegħlu lill-popolazzjonijiet vulnerabbli biex jikkompetu iktar għar-riżorsi naturali u dan potenzjalment iwassal għal inċidenzi dejjem jiżdiedu ta' kunflitt.

L-impatt ta' dawn it-tendenzi jżid il-vulnerabbiltà tal-fqar tad-dinja, b'mod partikolari l-vulnerabbiltà tagħhom tal-ikel u n-nutrizzjoni. L-insigurtà kronika tal-ikel, fejn il-produzzjoni tal-ikel hija insuffiċjenti jew hemm nuqqas ta' abbiltà ta' xiri ta' ammont suffiċjenti ta' ikel nutrittiv li jwassal għal nuqqasijiet kontinwi u persistenti fil-kwantità jew il-kwalità tal-ikel ikkonsmat, hija kawża ta' malnutrizzjoni kronika. Din imbagħad ikollha konsegwenzi irreversibbli u li jikkawżaw dannu fl-iżvilupp tat-tfal u l-produttività fuq terminu twil, li konsegwentement iktar taggrava l-faqar u l-vulnerabbiltà. Dawk l-iktar fqar, bl-inqas reżiljenza, huma wkoll l-iktar esposti għall-konsegwenzi tad-diżastri. Dawn jistgħu joħolqu interruzzjonijiet iktar temporanji iżda drammatiċi fil-konsum tal-ikel (insigurtà tal-ikel tranżitorja), li jwassal għal malnutrizzjoni akuta u riskji iktar għolja ta' morbidità u mortalità[3].

Fil-fatt, in-numru ta' persuni li m'għandhomx biżżejjed nutrizzjoni affettwati minn kemm l-insigurtà kronika tal-ikel kif ukoll l-insigurtà tranżitorja2 tal-ikel żdied b'172 miljun, minn 848 miljun fl-2006 għal 1.02 biljun fl-2009[4]. 95% ta' dawk li jinsabu f'stat ta' malnutrizzjoni jgħixu f'pajjiżi li qed jiżviluppaw u parti dejjem tikber minnhom jgħixu f'ambjent urban, jiġifieri esposti iktar għall-impatt tal-prezzijiet tal-ikel volatili u l-kriżijiet ekonomiċi/finanzjarji. Il-prevalenza ta' malnutrizzjoni akuta żdiedet, u taffetwa lil 8% tat-tfal taħt l-età ta' ħames snin fid-dinja fil-perjodu 1995-2003, b'żieda ta' 11% fil-perjodu 2000-2006[5].

Madwar 10% ta' dawk li huma malnutriti huma f'insigurtà tal-ikel bħala konsegwenza ta' sitwazzjoni ta' diżastru jew emerġenza, u huwa antiċipat li ħtiġijiet relatati umanitarji u ta' żvilupp ta' ikel ikomplu jiżdiedu. Għalhekk huwa essenzjali li r-riżorsi umanitarji disponibbli jintużaw bil-mod l-iktar effiċjenti u effettiv, sabiex jiġi adattat għal dan l-ambjent iktar kumpless u ta' pressjoni, u li d-deċiżjonijiet jiġu infurmati bl-aħjar prassi li tevolvi malajr.

DEFINIZZJONIJIET U GħANJIET

L-għajnuna umanitarja tal-ikel hija mmirata biex tiżgura l-konsum ta' ikel suffiċjenti, sikur u nutrittivi fl-antiċipazzjoni ta', matul, u wara kriżi umanitarja, meta l-konsum tal-ikel ikun insuffiċjenti jew mhux adegwat biex tiġi evitata l-mortalità eċċessiva[6], rati ta' emerġenza ta' malnutrizzjoni akuta[7], jew mekkaniżmi detrimentali ta' sopravvivenza. Dan jinkludi l-iżgurar tad-disponibbiltà tal-ikel, l-aċċess għal ikel nutrittiv, għarfien xieraq dwar in-nutrizzjoni u prattiċi tajba tal-ikel. L-għajnuna tal-ikel tista' tinvolvi l-proviżjoni diretta tal-ikel, iżda tista' tuża firxa usa' ta' għodod, inkluż it-trasferiment jew il-proviżjoni ta' servizzi relevanti, dħul jew komoditajiet, kontanti jew vawchers, snajjiet jew għarfien.

Għajnuna umanitajra tal-ikel tista' tintuża wkoll għall-protezzjoni u t-tisħiħ tal-għixien ta' popolazzjoni affettwata minn kriżi, biex jiġu prevenuti jew irriversjati mekkaniżmi negattivi ta' sopravvivenza (bħall-bejħ ta' assi produttivi, jew l-akkumulazzjoni ta' djun) li jistgħu jikkawżaw konsegwenzi li jagħmlu l-ħsara jew fuq terminu qasir jew fuq terminu twil għall-bażi ta' għixien tagħhom, l-istatus ta' sigurtà ta' ikel tagħhom, jew l-istatus ta' nutrizzjoni tagħhom.

Konsum adegwat tal-ikel jista' ma jiżgurax fih innifsu nutrizzjoni adegwata. Saħħa fqira tista' tfixkel id-diġestjoni u l-utilizzazzjoni ta' nutrijenti li jwassal għal malnutrizzjoni. Għalhekk, intervenzjonijiet kumplimentarji, inklużi dawk li jiżguraw il-preparazzjoni sikura tal-ikel (pereżempju proviżjoni ta' fjuwil għat-tisjir), jew aċċess għall-ilma tax-xorb, iġjene u servizzi tas-saħħa, jistgħu jkunu meħtieġa wkoll, flimkien ma' għajnuna diretta għall-ikel, biex tiġi evitata jew ittrattata l-malnutrizzjoni.

Fil-livell kunċettwali kien hemm kambjament importanti matul dawn l-aħħar 15-il sena mill-użu ta' komodità ta' għajnuna tal-ikel fin-natura bħala rispons awtomatiku għall-ħtiġijiet ta' emerġenza fl-ikel, għal kunsiderazzjoni ta' għadd iktar wiesa' ta' għodod ta' għajnuna tal-ikel imfassla biex jindirizzaw il-kawżi u s-sintomi diversi ta' insigurtà tranżitorja tal-ikel.

Il-qafas kunċettwali li ġej juri l-kawżi varji bażiċi, l-aggravaturi, is-sintomi u l-konsegwenzi ta' insigurtà tal-ikel, li mbagħad jenfasizzaw id-definizzjonijiet u l-għanijiet għall-għajnuna umanitarja adottati mill-Kummissjoni:

[pic] Adattata mill-Qafas Kunċettwali għall-Malnutrizzjoni tal-UNICEF 1997

Skont l-għanijiet ewlenin tal-għajnuna umanitarja tal-UE hekk kif stipulata fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/96 tal-20 ta' Ġunju 1996 dwar l-Għajnuna Umanitarja, l-għan prinċipali tal-għajnuna umanitarja tal-ikel hija li ssalva u tippreserva l-ħajja, biex tipproteġi l-għixien, u biex iżżid ir-reżiljenza, għall-popolazzjonijiet li jiffaċċjaw kriżijiet tal-ikel kontinwi jew previsti[8] b'mod ċert, jew biex jirkupraw minnhom.

Dan għandu jinkiseb permezz ta' għanijiet speċifiċ ta' għajnuna umanitarja tal-ikel, kif ġej;

4. għas-salvagwardja tad-disponibbiltà ta', aċċess għal, u konsum ta' ikel adegwat, sikur u nutrittiv għal popolazzjonijiet affettwati minn kriżijiet umanitarji kontinwi, previsti b'mod ċert jew reċenti sabiex tiġi evitata l-mortalità eċċessiva[9], malnutrizzjoni akuta, jew effetti u konsegwenzi oħra li huma ta' theddida għall-ħajja;

5. biex jiġu protetti l-għixien mhedda minn kriżijiet reċenti, kontinwi jew imminenti, jiġi minimizzat id-dannu għall-produzzjoni tal-ikel u s-sistemi ta' suq, u jiġu stabbiliti kundizzjonijiet għall-promozzjoni tar-rijabilitazzjoni u r-restawr tad-awtodipendenza; kif ukoll

6. biex jissaħħu l-kapaċitajiet tas-sistema internazzjonali ta' għajnuna umanitarja, biex titjieb l-effiċjenza u l-effettività fit-twassil tal-għajnuna tal-ikel.

PRINċIPJI

Bl-għan li jintlaħqu dawn l-għanijiet, dawn il-prinċipji li ġejjin għandhom jenfasizzaw it-twassil tal-għajnuna umanitarja tal-ikel. Huma konsistenti mal-prinċipji ġenerali li jiggvernaw it-twassil tal-għajnuna umanitarja tal-UE, hekk kif stipulati fil-Konsensus Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja:

Il-modalitajiet ta' għajnuna tal-ikel għandhom jirrispettaw il-prinċipji umanitarji fundamentali ta' umanità , imparzjalità , newtralità u indipendenza . Deċiżjonijiet dwar l-allokazzjoni ta' għajnuna umanitarja tal-ikel tkun strettament ibbażata fuq il-bżonnijiet. Il-finanzjament jiġi allokat b'mod oġġettiv, skont dawn il-prinċipji, sabiex jitjieb il-konsum tal-ikel ta' dawk li jinsabu l-iktar fi bżonn, mingħajr preferenza jew preġudizzju.

B'dan il-għan, l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jiżguraw li t-tweġibiet tal-Għajnuna Umanitarja tal-Ikel tagħhom jiġu preċeduti minn, u bbażati fuq, valutazzjonijiet dettaljati tal-ħtiġijiet u analiżi kawżali li huma preċiżi u aġġornati kemm jista' jkun.

Il-finanzjament tal-interventi ta' għajnuna umanitarja tal-ikel jiġu prijoritizzati skont (i) is-severità tal-kriżi u l-iskala tal-ħtiġijiet li għandhom jintlaħqu (ii) l-immedjatezza tal-kriżi, u (iii) l-impatt mistenni tar-reazzjoni. Madankollu, l-UE hija impenjata wkoll biex turi solidarjetà fuq bażi globali, biex taqsam il-piż ta' ħtiġijiet umanitarji tal-ikel urġenti li ma ġewx sodisfatti u biex tagħti rispons għall-kriżijiet minsijin.

L-UE u l-Istati Membri tagħha se jappoġġjaw l-operazzjonijiet umanitarji tal-għajnuna tal-ikel b'riżorsi flessibbli sabiex titwassal ir-rispons l-iktar adattata u effettiva f'kuntest speċifiku. It-tfassil ta' kwalunkwe rispons għandha tqabbel attivitajiet u għodod alternattivi abbażi tal-effettività fl-infiq tagħhom fl-ilqigħ tal-ħtiġijiet definiti.

Meta l-għajnuna tal-ikel hija meqjusa l-għodda l-iktar xierqa, ix-xiri lokali (jiġifieri x-xiri fil-pajjiż tal-operazzjoni) jew, fit-tieni każ, xiri reġjonali tal-ikel (jiġifieri xiri minn pajjiżi ġirien) huwa preferut, sabiex tiġi massimizzata l-aċċettabbiltà tal-prodotti tal-ikel, għall-protezzjoni u l-appoġġ tas-swieq lokali, u għat-tnaqqis tal-ispejjeż ta' trasportazzjoni u ż-żmien ta' twassil.

L-għajnuna umanitarja tal-ikel tal-UE għandha tkun ibbażata fuq ir-riżultati, billi jitkejjlu r-riżultati u l-impatt fuq l-operazzjonijiet kollha (kif ukoll mill-prattiċi ta' atturi oħra, u minn riċerka relevanti) u billi kollu jintuża biex it-tfassil jiġi infurmat b'interventi ta' għajnuna umanitarja tal-ikel sussegwenti.

L-UE u l-Istati Membri tagħha għalhekk se jagħmlu kull ma jistgħu biex jiżguraw li l-operazzjonijiet ta' għajnuna umanitarja tal-ikel li jiġu ffinanzjati jiġu segwiti, mingħajr tfixkil.

L-UE u l-Istati Membri tagħha se jaħdmu biex ma ssir l-ebda ħsara fil-proċess tal-għoti tal-għajnuna umanitarja tal-ikel. Pereżempju, għandhom jiżguraw, kemm jista' jkun, li l-ħtiġijiet umanitarji tal-ikel jintlaħqu b'modi li ma joħolqux dipendenza mhux meħtieġa fuq is-sistema ta' rinforz, u lanqas ma jiġi mfixkel il-funzjonament tas-swieq, u lanqas ma jesponi lill-benefiċjarji għal riskju żejjed meta jirċievu għajnuna, filwaqt li jiġu minimizzati l-impatti ambjentali negattivi u l-iżgurar li l-kunflitti dwar riżorsi naturali ma jfaqqgħux jew jiġu antagonizzati. L-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jiżguraw li, speċjalment f'kunflitti, ir-riskji ta' protezzjoni u l-opportunitajiet ta' protezzjoni jiġu evalwati sew fil-kunsiderazzjoni tal-konsegwenzi kemm tal-intervent u non-intervent[10].

L-UE u l-Istati Membri tagħha se jinkorporaw perspettivi nutrizzjonali fil-valutazzjonijiet u r-risponsi kollha tal-ħtiġijiet ta' għajnuna tal-ikel, u se jagħtu attenzjoni partikolari għall-ħtiġijiet nutrizzjonali speċifiċi ta' gruppi vulnerabbli definiti (inkluż it-tfal taħt is-sentejn u n-nisa' tqal u li jkunu qed ireddgħu).

L-UE u l-Istati Membri tagħha se jiżguraw li d-dinjità umana hija rispettata fl-għoti tal-għajnuna umanitarja tal-ikel. Se jfittxu li jiksbu l-involviment ta' komunitajiet benefiċjarji fl-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet, u fit-tfassil u l-implimentazzjoni tar-risponsi. Se jiżguraw li l-ħtiġijiet speċjali tal-gruppi vulnerabbli fi ħdan il-każijiet benefiċjarji tagħhom (pereżempju l-persuni b'diżabbiltà, l-anzjani, il-morda gravi) jiġu inklużi fit-tfassil tar-risponsi ta' għajnuna umanitarja tal-ikel.

L-għarfien tal-ħtiġijiet, kapaċitajiet u rwoli differenti tan-nisa, l-bniet, is-subien u l-irġiel, l-UE u l-Istati Membri se tfittex biex tintegra l-kunsiderazzjonijiet tad-differenzi bejn is-sessi fil-valutazzjonijiet ta' ħtiġijiet umanitarji tal-ikel, fit-tfassil ta' risponsi ta' għajnuna umanitarja tal-ikel, u fl-analiżi tal-impatt tagħhom.

L-operazzjonijiet tal-għajnuna umanitarja tal-ikel u l-interventi ta' żvilupp ta' sigurtà tal-ikel għandhom jiġu mfassla u implimentati b'tali mod li flimkien jiżguraw kopertura mill-aqwa tal-ħtiġijiet ta' emerġenza u żvilupp, kemm jekk ikunu wara xulxin kif ukoll f'kontinuum jew f'koeżistenza f'kontinuum2, kif inhu l-każ f'ħafna stati fraġli. Għandhom ikunu koordinati u eventwalment integrati perfettament flimkien sabiex jiġu massimizzati l-opportunitajiet għal impatt sostenibbli u fit-tul, konformi mal-għan finali ta' awtodipendenza għall-vittmi ta' kriżijiet tal-ikel.

Għalhekk l-għajnuna umanitarja tal-ikel tal-UE se tappoġġja l-prinċipji tar-Rabta bejn l-Għajnuna, ir-Rijabilitazzjoni u l-Iżvilupp (LRRD) u tiffaċilita l-għanijiet tal-LRRD, skont il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-LRRD 2001[11], il-Konsensus ta' Għajnuna Umanitarja tal-UE 2007[12], u fi ħdan l-istipulazzjonijiet tal-Ftehim Qafas ta' Sħubija[13].

L-AMBITU TAL-AZZJONIJIET UMANITARJI TAL-GħAJNUNA TAL-IKEL

Sabiex jinkisbu l-għanijiet spjegati hawn fuq, l-irwol ċentrali tal-ħidma ta' għajnuna umanitarja tal-ikel hija definita bħala waħda li ssalva l-ħajjiet, permezz ta' twassil ta' għajnuna biex jintlaħqu l-ħtiġijiet umanitarji bażiċi ta' ikel u nutrizzjoni. Madankollu, għandu l-għan ukoll li jissodisfa funzjonijiet ta' appoġġ, li jikkontribwixxu speċifikament għat-tnaqqis tar-riskju u l-vulnerabbiltà, u t-titjib fl-adattezza u l-effettività tal-għajnuna umanitarja tal-ikel permezz tat-tisħiħ tal-kapaċitajiet u l-pariri.

L-ambitu operazzjonali tal-Għajnuna Umanitarja tal-Ikel tal-Kummissjoni

Il-Kummissjoni tista' tniedi rispons għall-għajnuna umanitarja tal-ikel meta:

7. minħabba konsum mhux adegwat ta' ikel, rati ta' emerġenza[14] ta' mortalità jew malnutrizzjoni akuta ntlaħqu jew inqabżu, jew huma antiċipati, abbażi ta' previżjonijiet ċerti[15]; jew

8. għixien kompromessi jew strateġiji estremi ta' sopravvivenza (inkluż bejgħ ta' assi produttivi, migrazzjoni minħabba stress, prattiċi mhux sikuri ta' sopravvivenza) joħolqu, jew huma antiċipati fiċ-ċert li joħolqu, theddida qawwija għall-ħajja, jew riskju ta' sofferenza estrema, sew ikkawżata minn, jew li twassal għal, konsum mhux adegwat tal-ikel.

Bl-għarfien li kriżi tal-ikel kultant tibda, u għandu jkun hemm reazzjoni għaliha, qabel ma jiddeterjora l-istatus tan-nutrizzjoni, il-Kummissjoni mhijiex neċessarjament se tistenna li jiżdiedu r-rati ta' malnutrizzjoni akuta qabel ma tipprovdi l-għajnuna umanitarja tal-ikel, iżda se tirrispondi wkoll għal riskji umanitarji definiti li huma ta' theddida għall-ħajja. Lanqas il-Kummissjoni mhi se tirrekjedi dikjarazzjoni formali ta' diżastru biex tagħti rispons.

Meta tikkunsidra jekk u kif se tirreaġixxi għal kriżi partikolari tal-ikel, il-Kummissjoni se tagħti attenzjoni partikolari għall-vantaġġi u l-iżvantaġġi kumparattivi tal-istrumenti umanitarji tagħha. Dan se jkun ibbażat fuq analiżi dettaljata tal-ħtiġijiet u l-kawżi; fuq kunsiderazzjoni tat-tip ta' reazzjoni li tkun l-aħjar biex jiġu indirizzati dawk il-ħtiġijiet bl-aħjar mod mingħajr ma ssir ħsara; u fuq reviżjoni bir-reqqa tas-sorsi alternattivi ta' finanzjament disponibbli.

Il-Kummissjoni tagħraf li l-istrumenti umanitarji tagħha m'għandhomx vantaġġ kumparattiv fl-indirizzar tal-insigurtà kronika tal-ikel. Bħala prinċipju, mhijiex se tuża l-għajnuna umanitarja tal-ikel biex tindirizza l-insigurtà kronika tal-ikel, ħlief: fejn in-nuqqas ta' intervent joħloq riskju umanitarju[16] immedjat jew imminenti ta' skala u severità sinifikanti. fejn atturi oħra iktar xierqa, inkluż l-istrumenti ta' żvilupp tagħha stess, jew ma jistgħux jew ma jridux jaġixxu, u ma jistgħux jiġu persważi li jieħdu azzjoni; u fejn, minkejja l-iżvantaġġi komparattivi tagħha, impatt pożittiv jista' jkun mistenni fi ħdan il-limitazzjonijiet ta' żmien tal-intervent tagħha. F'każijiet bħal dawn, il-Kummissjoni se timpenja l-għajnuna umanitarja tal-ikel biss abbażi ta' djalogu, koordinazzjoni u promozzjoni b'atturi potenzjali ta' żvilupp, fejn jeżistu, u b'strateġija definita ta' ħruġ ċara u realistika, li jiżgura tranżizzjoni kkoordinata u b'hekk jiġi evitat sovrapponiment mhux ikkoordinat.

Il-Kummissjoni se tikkunsidra t-tneħħija gradwali tal-interventi tal-għajnuna umanitarja tal-ikel meta indikaturi ta' malnutrizzjoni akuta, mortalità u sopravvivenza estrema (marbuta ma' konsum inadegwat tal-ikel jew użu mhux tajjeb tal-ikel), huma stabbli taħt il-livelli ta' emerġenza[17], jew huma mistennija li jistabilizzaw taħt dawn il-livelli indipendentement mill-appoġġ umanitarju tal-Kummissjoni. Dan għandu jirriżulta fil-kisba, mill-maġġoranza tal-popolazzjoni milquta mill-kriżi, għal perjodu sostnut u għall-futur previżibbli, titjib fil-konsum tal-ikel u l-użu tal-ikel, mingħajr ma jkun hemm rikors għal strateġiji detrimentali ta' sopravvivenza.

Il-Kummissjoni se tqis ukoll it-tneħħija gradwali tal-appoġġ umanitarju tagħha meta atturi non-umanitarji (eż atturi ta' stat jew żvilupp) jistgħu jkopru n-nuqqas tal-ikel tal-popolazzjoni jew fejn il-ħtiġijiet umanitarji tal-popolazzjoni huma koperti bis-sħiħ minn donaturi u atturi umanitarji oħra.

Il-Kummissjoni se tevalwa kontinwament l-istrateġiji ta' ħruġ umanitarji tagħha abbażi tal-vantaġġi kumparattivi fir-rigward ta' atturi oħra disponibbli, u se tevita li toħloq diżinċentivi għall-impenn ta' atturi oħra iktar adattati li jirriżultaw minn dewmien fil-ħruġ tagħha stess. Hija se taħdem favur l-impenn tal-atturi l-iktar adattati fil-firxa kollha ta' għajnuna u żvilupp, skont il-kuntest u l-ħtiġijiet.

Il-Kummissjoni se tqis ukoll il-ħruġ minn operazzjonijiet ta' għajnuna umanitarja tal-ikel meta l-prinċipji ewlenin tal-għajnuna umanitarja tal-ikel ma jistgħux jiġu rispettati, u b'mod partikolari meta r-riskju tad-dannu jista' jkun iktar mill-benefiċċji potenzjali ta' tkomplija fl-impenn.

L-Ilqigħ tal-Ħtiġijiet Bażiċi ta' Ikel u Nutrizzjoni ta' Popolazzjonijiet Affetwati minn Kriżi

L-UE u l-Istati Membri tagħha se jagħtu rispons għad-diversi sintomi u kawżi sottostanti ta' insigurtà tal-ikel tranżitorja u malnutrizzjoni akuta b'varjetà ta' attivitajiet u għodod biex il-problemi ta' disponibbiltà tal-ikel, aċċess għall-ikel u użu tal-ikel jiġu indirizzati direttament. Dawn għandhom jiffaċilitaw ipprogrammar kumplimentari, multisettorjali u integrat biex jiġi żgurat li l-ħtiġijiet umanitarji tal-ikel jiġu indirizzati b'mod sħiħ u effettiv.

L-għażla tal-għodda ta' intervenzjoni u trasferiment l-iktar adattata (eż kontanti jew fin-natura) għandha tkun speċifika għall-kuntestu u bbażata fuq l-evidenza, u għandha tiġi riveduta b'mod regolari. Ir-relevanza u l-vantaġġ komparattiv tal-għażla proposta - jew il-ġabra ta' għodod li għandha tintuża - għandha tintwera, abbażi ta' valutazzjonijiet tal-ħtiġijiet u analiżi kawżali li huma preċiżi u aġġornati kemm jista' jkun.

L-għajnuna umanitarja tal-ikel se tagħti attenzjoni partikolari biex il-benefiċjarji jiġu pprovduti b'aċċess f'waqtu ta' ikel sikur u bbilanċjat sew, ta' kwantità u kwalità[18] suffiċjenti biex jintlaħqu l-ħtiġijiet djetetiċi tagħhom. Fejn possibbli, l-għajnuna tal-ikel għandha tkun konformi wkoll mal-preferenzi djetetiċi lokali u tkun aċċettabbli għall-benefiċjarji.

It-tisħiħ jew il-protezzjoni ta' għixien agrikolu u non-agrikolu (eż il-provvediment ta' servizzi veterinarju għall-merħliet vulnerabbli, jew titjib tal-ħażna ta' ħsad agrikolu) hija rispons ta' emerġenza leġittimu u adattat f'ċerti kuntesti umanitarji, sakemm din tkun kkawżata minn ħtiġijiet ta' emerġenza u tissodisfa l-għanijiet umanitarji fi żmien xieraq u definit.

Flimkien ma' miżuri ta' għajnuna tal-ikel li jindirizzaw direttament il-ħtiġijiet ta' konsum tal-ikel, huma meqjusa essenzjali miżuri kumplimentari (eż miżuri ta' saħħa pubblika) , anki jekk dawn m'għandhomx impatt dirett fuq id-disponibbiltà, l-aċċess jew l-użu tal-ikel. Għandhom influwenza kritika fuq kif il-ġisem uman jista' juża l-ikel u għalhekk jinfluwenzaw ir-riżultati nutrizzjonali. L-UE u l-Istati Membri tagħha jagħrfu l-ħtiġijiet speċjali ta' ikel u nutrizzjoni ta' gruppi speċifiċi fi ħdan il-każijiet ġenerali ta' benefiċjarji (eż it-tfal iż-żgħar, b'mod partikolari t-tfal taħt is-sentejn[19], in-nisa' tqal / li jkunu qed ireddgħu, l-anzjani, il-persuni li jgħixu bl-HIV/AIDS)[20]. Fejn dawn il-gruppi huma inklużi fl-operazzjonijiet ta' għajnuna umanitarja tal-ikel abbażi tal-ħtiġijiet ta' ikel jew nutrizzjoni, ir-rispons għandha tikkunsidra l-bżonnijiet partikolari tagħhom billi tipprovdi ikel li huwa nutrittiv u adattat biżżejjed.

Azzjonijiet ta' Sostenn

L-interventi ta' għajnuna umanitarja tal-ikel tal-UE għandhom jikkunsidraw l-opportunitajiet għall-integrazzjoni ta' tnaqqis ta' riskju ta' diżastru (DRR), tħejjija, mitigazzjoni u prevenzjoni, fil-limiti tal-mandati, regolamenti u għanijiet ta' għajuna tal-ikel umantarji. L-istrateġija ta' għajnuna umanitarja tal-ikel tal-Kummissjoni għandha tkun infurmata dwar l-istrateġija li hemm fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Strateġija tal-UE għal DRR fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw[21].

Il-Kummissjoni tagħraf li l-inizjattivi ta' Tnaqqis ta' Riskju ta' Diżastri (bħas-Sistemi ta' Allarm Bikri u Ħażniet Strateġiċi ta' Ikel) spiss jitolbu appoġġ fuq terminu twil, appartenenza nazzjonali jew reġjonali, u kunsiderazzjoni bir-reqqa ta' perspettivi ekonomiċi u politiċi. Għalhekk appoġġ ta' rutina għalihom hija meqjusa lil'hinn mill-vantaġġ kumparattiv tal-atturi umanitarji. Madankollu l-azzjoni umanitarja tal-Kummissjoni tista' ssegwi riżultati simultanji ta' tnaqqis ta' riskju filwaqt li twassal l-għajnuna tal-ikel, u tista' wkoll tipparteċipa f'tisħiħ fuq terminu qasir, tmexxija u tkabbir ta' skala tal-inizjattivi DRR, f'kollaborazzjoni mal-atturi ta' żvilupp. Fir-rispett tal-prinċipju li "ma ssir ebda ħsara", l-azzjonijiet għandhom jevitaw li jżidu l-vulnerabbiltà u l-espożizzjoni għar-riskju ta' kriżijiet oħra tal-benefiċjarji.

L-esperjenza limitata u l-ħiliet ta' snajja ta' atturi umanitarji spiss jillimitaw l-użu tal-intervenzjonijiet ta' għajnuna tal-ikel l-iktar adattati. Għalhekk l-UE u l-Istati Membri tagħha jagħrfu l-bżonn li jsir investiment fit-tisħiħ tal-kapaċità tas-sistema umanitarja biex jitwasslu forom iktar varjati u iktar adattati ta' għajnuna tal-ikel.

Żieda fil-livelli ta' insigurtà tal-ikel tfisser numru dejjem jiżdied ta' persuni vulnerabbli għall-kriżijiet futuri. Jekk dan ma jitwaqqafx, ifisser żieda fid-domandi fuq riżorsi umanitarji limitati. Koordinazzjoni u promozzjoni huma għalhekk meħtieġa biex jiġu influwenzati d-dibattiti pubbliko-politiċi u d-deċiżjonijiet ta' allokazzjoni ta' riżorsi ta' gvernijiet nazzjonali u atturi ta' żvilupp biex jintlaħqu l-għanijiet relatati mas-sigurtà tal-ikel. Il-promozzjoni għandha tkun indirizzata lill-atturi tal-istat sabiex jissodisfaw ir-responsabbiltà fundamentali tagħhom fis-salvagwardja tas-sigurtà tal-ikel tal-poplu tagħhom. Il-promozzjoni għandha tiġi diretta wkoll lejn l-atturi ta' żvilupp (inkluż il-gvernijiet) fir-rigward tal-ħtiġijiet ta' żvilupp tal-popolazzjonijiet f'kuntesti ta' kriżi.

L-integrazzjoni effettiva tal-għajnuna umanitarja u ta' żvilupp għandha tiġi promossa permezz tal-LRRD, billi jiġi żgurat li s-sistema internazzjonali ta' għajnuna taħdem b'mod konsistenti, koerenti u trasparenti biex tinidirizza l-ġuħ u l-vulnerabbiltà. Il-promozzjoni għandha tiżgura li sforzi kollettivi jinkludu ħtiġijiet ta' emerġenza, tranżizzjonali u ta' żvilupp simultanjament, u li jippromwovu l-kundizzjonijiet li jippermettu marbuta ma' governanza tajba u li jwasslu għal politiki nazzjonali u internazzjonali (eż għall-kummerċ u l-migrazzjoni).

L-UE u l-Istati Membre tagħha jappoġġjaw l-idea ta' koordinazzjoni inklużiva ta' Għajnuna Umanitarja tal-Ikel taħt governanza u tmexxija b'saħħitha u kapaċi. Dan jinkludi koordinazzjoni mill-qrib mal-atturi umanitarji nazzjonali relevanti u vijabbli. Fi ħdan il-qafas tan-NU u r-Riforma Umanitarja, il-Kummissjoni tapprova l-istrateġija ta' grupp għall-koordinazzjoni, u tappoġġja l-isforzi kollha biex din tkun effettiva għas-setturi tal-ikel u n-nutrizzjoni, billi tiżgura li tkun marbuta wkoll mal-arkitettura globali għall-governanza tal-agrikoltura, is-sigurtà tal-ikel u n-nutrizzjoni.

[1] F'Diċembru 2007, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta l-Kunsens dwar l-Għajnuna Umanitarja (Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja: 2008/C 25/01). Fil-Pjan ta' Azzjoni mehmuż, adottat bħala Dokument ta' Ħidma tal-Persunal fl-2008 (Kunsens Ewropew dwar Għajnuna Umanitarja – Pjan ta' Azzjoni: SEC(2008)1991), il-Kummissjoni Ewropea tgħaraf impliċitament il-qasam li qed jevolvi malajr tal-aħjar prattika fis-settur tal-ikel, u tieħu impenn speċifiku li telabora strateġija diversifikati għall-għajnuna tal-ikel u taġġusta l-politika skont dan.

[2] IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE, Euratom) Nru1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-budget ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1)

[3] Ara l-Glossarju fl-Anness A tad-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal mehmuż.

[4] L-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ikel u l-Agrikoltura (FAO), 19 ta' Ġunju 2009.

[5] Il-Fond għat-Tfal tan-Nazzjonijiet Uniti (UNICEF) "Il-Qagħda tat-Tfal tad-Dinja" Statisticċi 2005 u 2008.

[6] "Eċċessiv" hija meqjusa li tiġbor flimkien miżuri assoluti fir-rigward ta' livelli stabbilit ta' emerġenza (kif definit mill-ktejjeb Sphere, UNICEF u l-Kumitat Permanenti tan-NU dwar in-Nutrizzjoni (SCN)), u miżuri relatati fir-rigward ta' limiti ta' bażi speċifiċi għall-kuntest.

[7] Kif definit mill-Kumitat Permanenti tan-NU dwar Nutrizzjoni (SCN) u l-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa (WHO)

[8] Dan it-tip ta' "previżjonijiet" għandhom ikun ibbażati fuq indikaturi ta' allarm bikri, u għandhom juru nuqqas ta' adegwatezz kritika jew deterjorazzjoni fil-konsum tal-ikel li, sakemm ma joħloqs rispons bikri, isir ta' theddida għall-ħajja fi żmien konsistenti mal-mandat umanitarju tal-KE.

[9] Ara n-noti ta' qiegħ il-paġna 6 u 7

[10] Ara l-Linji Gwida ta' Finanzjament għall-Protezzjoni Umanitarja tad-DĠ ECHO; 21 ta’ April 2009

[11] Il-Komunikazzjoni KE dwar LRRD, 2001: Konklużjonijiet .

[12] Il-Konsensus Umanitarju tal-UE, 2007: Taqsima 2.4, Artikolu 22; Taqsima 3.4, Artikolu 53; Taqsima 5; Anness.

[13] Ftehim Qafas ta' Sħubija tad-DĠ ECHO 2008: Artikolu 8.

[14] Il-KE tiffefinixxi emerġenza bbażata fuq taħlita ta' livelli assoluti (eż Sphere, WHO eċċ) u indikaturi relatati fuq sfond ta' standarts f'kuntest.

[15] Dan it-tip ta' "antiċipazzjoni" għandha tkun ibbażata fuq indikaturi ta' allarm bikri li juru nuqqas ta' adegwatezz kritika jew deterjorazzjoni fil-konsum tal-ikel li, sakemm ma joħloqx rispons bikri, isir ta' theddida għall-ħajja fi żmien konsistenti mal-mandat umanitarju tal-KE.

[16] Ara l-Glossarju fl-Anness A tad-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal mehmuż

[17] Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna nru 14

[18] Il-kwantitày, kif imkejjla f'kompożizzjoni tal-enerġija, u kwalità, kif imkejjla fis-sigurtà tal-ikel u l-kompożizzjoni tal-proteini, makronutrijenti u mikronutrijenti. Standard SPHERE / WHO għall-kwantità tal-ikel / bżonnijiet ta' enerġija hija ta' 2100 Kcal għal kull persuna kuljum, medja għall-etajiet kollha. WHO/UNICEF/Programm Dinji tal-Ikel (WFP)Kummissjoni Għolja tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (UNHCR) qablu dwar l-istandards ta' kwalità tal-ikel/ kompożizzjoni tal-mikronutrijenti ( ara Food and Nutrition Needs in Emergencies, Nov 2002) għalkemm dawn bħalissa qed jiġu riveduti.

[19] It-tfal taħt l-età ta' sentejn huma dawk li huma fl-ogħla riskju ta' mard u malnutrizzjoni, u li għalihom teżisti opportunità biex tiġi żgurata saħħa fuq terminu twil u benefiċċji konjitivi permezz ta' teħid adegwat ta' nutrijenti.

[20] Jekk jogħġbok ara l-Linji Gwida tad-DĠ ECHO dwar l-HIV, adottati f'Ottubru 2008.

[21] Ara COM(2009) 84