52010DC0100

dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal ċerti kategoriji ta' akkordji, deċiżjonijiet u prattiki miftiehma fis-settur tal-assigurazzjoni {K(2010) 1746 finali} /* KUMM/2010/0100 finali */


[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussell, 24.3.2010

KUMM(2010) 100 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI

dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal ċerti kategoriji ta' akkordji, deċiżjonijiet u prattiki miftiehma fis-settur tal-assigurazzjoni

{K(2010) 1746 finali}

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI

dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal ċerti kategoriji ta' akkordji, deċiżjonijiet u prattiki miftiehma fis-settur tal-assigurazzjoni

1. INTRODUZZJONI U SFOND

1. Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) 358/2003[1], ir-Regolament għall-Eżenzjoni ta' Kategorija tal-Assigurazzjoni ta’ qabel (BER) li skada fil-31 ta' Marzu 2010, kien japplika l-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea( (it-Trattat) għal ċerti kategoriji ta’ akkordji, deċiżjonijiet u prattiki miftiehma fis-settur tal-assigurazzjoni.

2. Wara reviżjoni fit-tul (ir-Reviżjoni) tal-funzjonament tar-Regolament Nru (KE) Nru 358/2003, fl-24 ta' Marzu 2009 il-Kummissjoni ppubblikat ir-Rapport tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-funzjonament ta’ dak ir-Regolament[2]. (ir-Rapport) kif ukoll Dokument ta' Ħidma li jakkumpanjah[3] (id-Dokument ta’ Ħidma).

3. B’riżultat tal-konklużjonijiet li segwew mir-Rapport, il-Kummissjoni issa adottat BER tal-assigurazzjoni ġdid li jġedded l-eżenzjonijiet għal tnejn mill-erba' kategoriji ta’ akkordji eżentati fil-BER ta' qabel; jiġifieri: (i) kumpilazzjonijiet, tabelli u studji konġunti; u (ii) kopertura komuni għal ċerti tipi ta’ riskji (pools).

2. ANALIŻI TAL-EWWEL PRINĊIPJI

4. L-għan oriġinali tal-Kummissjoni meta adottat ir-Regolament (KE) Nru 358/2003 li tnaqqas in-numru ta' notifiki li rċeviet m'għadux rilevanti peress li taħt ir-Regolament (KE) Nru 1/2003 impriżi m'għadx jistgħu jinnotifikaw l-akkordji tagħhom lill-Kummissjoni, iżda issa jridu jagħmlu awtovalutazzjoni. F'dan il-kuntest, strument legali speċifiku bħal BER jista' jiġi adottat biss jekk kooperazzjoni fis-settur tal-assigurazzjoni tkun "speċjali" u differenti minn setturi oħra li ma jibbenefikawx minn BER (jiġifieri l-maġġoranza tas-setturi bħalissa). L-analiżi tal-Kummissjoni dwar jekk il-BER għandux jiġi mġedded indirizzat tliet mistoqsijiet ewlenin fir-rigward ta’ kull waħda mill-erba' kategoriji ta’ akkordji eżentati mill-BER jiġifieri:

(a) jekk ir-riskji tan-negozju jew kwistjonijiet oħra fis-settur tal-assigurazzjoni jagħmlux dan “speċjali” u differenti minn setturi oħra b’tali mod li dan iwassal għal ħtieġa msaħħa għall-kooperazzjoni fost l-assiguraturi;

(b) jekk dan ikun il-każ, jekk din il-ħtieġa msaħħa għall-kooperazzjoni teħtieġx strument legali bħall-BER biex tipproteġiha jew tiffaċilitaha; u

(c) jekk dan ikun il-każ, liema hu l-istrument legali l-iktar adattat (jiġifieri jekk huwiex il-BER attwali jew jekk tiġdid parzjali, tiġdid emendat, jew gwida jkunux iktar adattati).

3. EŻENZJONIJIET IMĠEDDA

5. Fuq il-bażi tar-Reviżjoni u l-konsultazzjoni tagħha mal-partijiet interessati li saret fuq perjodu ta' sentejn, il-Kummissjoni adottat il-BER il-ġdid [Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru xx/xx tal- xx/xx/xxxx] li ġedded (b'emendi) l-eżenzjonijiet għal żewġ forom ta' kooperazzjoni, jiġifieri (i) kumpilazzjonijiet, tabelli u studji konġunti; u (ii) kopertura komuni għal ċerti tipi ta’ riskji (pools).

6. Meta akkordji li jaqgħu f'dawn il-kategoriji ta' akkordji ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet biex jibbenefikaw mill-eżenzjoni ta' kategorija, tkun meħtieġa analiżi individwali taħt Artikolu 101 tat-Trattat. Il-qafas analitiku stipulat mil-Linji Gwida tal-Kummissjoni dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 81 tat-Trattat KE għal akkordji ta’ kooperazzjoni orizzontali[4] (il-Linji Gwida Orizzontali) se jgħin lill-impriżi jevalwaw il-kompatibbiltà tal-akkordji mal-Artikolu 101 tat-Trattat[5].

3.1 Kumpilazzjonijiet, Tabelli u Studji Konġunti

7. Suġġett għal ċerti kundizzjonijiet, il-BER ta' qabel kien jeżenta akkordji relatati mat-twaqqif konġunt u d-distribuzzjoni ta’ (i) kalkoli tal-ispiża medja tal-kopertura ta’ riskju speċifiku fil-passat u (ii) tabelli ta’ mortalità u tabelli li juru l-frekwenza ta’ mard, inċidenti u invalidità, b’konnessjoni mal-assigurazzjoni li tinvolvi element ta’ kapitalizzazzjoni. Kien jeżenta wkoll (suġġett għal ċerti kundizzjonijeit) it-twettiq konġunt ta’ studji dwar l-impatt probabbli ta’ ċirkostanzi ġenerali esterni għall-impriżi interessati, fuq il-frekwenza jew skala ta’ pretensjonijiet futuri għal riskju speċifiku jew kategorija ta' riskji speċifika jew fuq kemm jirrendu tipi differenti ta' investiment u d-distribuzzjoni tar-riżultati ta’ tali studji.

8. Kif miġbur fil-qosor fir-Rapport, l-ispejjeż ta’ prodotti tal-assigurazzjoni ma jkunux magħrufa meta jiġi miftiehem il-prezz u jiġi kopert ir-riskju. Il-kalkolu tar-riskju huwa kwistjoni ewlenija fl-ipprezzar tal-prodotti kollha tal-assigurazzjoni li tidher li hija fattur li jiddifferenzjaha minn setturi oħra inkluż is-settur bankarju. Dan ifisser li l-aċċess għad-dejta statistika tal-passat huwa kruċjali għall-ipprezzar tar-riskji b’mod tekniku. Għalhekk, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-kooperazzjoni f'dan il-qasam hija kemm speċifika għall-industrija tal-assigurazzjoni kif ukoll neċessarja sabiex isir l-ipprezzar tar-riskji.

9. Il-Kummissjoni tikkunsidra wkoll li hemm raġunijiet tajbin sabiex il-kooperazzjoni f'dan il-qasam tiġi protetta u ffaċilitata permezz ta' BER u li huwa xieraq li l-BER jiġġedded għal din il-kategorija ta' akkordji sabiex jiġi evitat kwalunkwe tnaqqis f'tali kooperazzjoni pro-kompetittiva.

10. Madanakollu, fit-tiġdid tal-eżenzjoni l-Kummissjoni għamlet it-tibdiliet ewlenin li ġejjin: (i) it-terminu "kalkoli konġunti" nbidel għal "kumpilazzjonijiet konġunti" (li jistgħu jinkludu wkoll xi kalkoli); (ii) kjarifika li l-iskambju ta' informazzjoni jista' jsir biss fejn meħtieġ; u (iii) l-aċċess għal dejta komuni issa huwa wkoll permess għal organizzazzjonijiet tal-konsumatur u organizzazzjonijiet tal-klijenti (kif distint minn individwi), b'eċċezzjoni f'każ ta' sigurtà pubblika.

3.2 Kopertura komuni ta’ ċerti tipi ta’ riskji (pools)

11. Il-BER ta' qabel kien jeżenta[6] t-twaqqif u t-tħaddim ta’ pools ta’ ko-(ri)assigurazzjoni għall-kopertura komuni ta’ riskji ġodda kif ukoll pools ta’ ko-(ri)assigurazzjoni li jkopru riskji li mhumiex ġodda, suġġett għal ċerti kundizzjonijiet, b'mod partikolari għal limiti tas-sehem fis-suq.

12. B’riżultat tar-Reviżjoni tagħha, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-qsim tar-riskju għal ċerti tipi ta' riskji (bħal riskji nukleari, terroristiċi u ambjentali), li għalihom kumpaniji ta’ assigurazzjoni individwali joqogħdu lura jew ma jistgħux jassiguraw ir-riskju kollu waħedhom, huwa kruċjali sabiex jiġi żgurat li dawn it-tipi kollha ta' riskji jkunu jistgħu jiġu koperti. Dan jagħmel is-settur tal-assigurazzjoni differenti minn setturi oħra u jiġġenera bżonn kbir għal kooperazzjoni[7]. Għaldaqstant, il-BER il-ġdid jeżenta wkoll lill-pools taħt ċerti kundizzjonijiet.

13. Fit-tiġdid tal-eżenzjoni il-Kummissjoni għamlet it-tibdiliet ewlenin li ġejjin: (i) bidla fl-approċċ għall-kalkolu tas-sehem fis-suq sabiex tiġi aġġornata ma' regoli oħra ta' kompetizzjoni ġenerali u speċifiċi għas-setturi biex b'hekk jittieħed inkunsiderazzjoni mhux biss id-dħul gross miksub mill-premiums fi ħdan il-pool mill-impriżi parteċipanti, iżda wkoll dak miksub barra mill-pool; u (ii) emenda u twessigħ tad-definizzjoni ta' "riskji ġodda".

14. Għal dak li jikkonċerna l-awtovalutazzjoni huwa importanti li jiġi kkunsidrat li hemm tliet tipi ta' pools u jiġi determinat f'liema kategorija jaqa' pool partikulari. (i) pools li ma jeħtiġux BER bħala safe harbour għaliex ma jikkaġunawx restrizzjoni ta' kompetizzjoni sakemm il-pooling huwa neċessarju biex jippermetti lill-membri tiegħu jipprovdu tip ta’ assigurazzjoni li ma jkunux jistgħu jipprovdu waħedhom; (ii) pools li jaqgħu taħt l-Artikolu 101(1) tat-Trattat u li ma jikkonformawx mal-kundizzjonijiet tal-BER ġdid izda jistgħu jibbenefikaw minn eċċezzjoni individwali taħt l-Artikolu 101(3) tat-Trattat; (iii) pools li jaqgħu taħt l-Artikolu 101(1) tat-Trattat iżda li jikkonformaw mal-kundizzjonijiet tal-BER.

15. Għaż-żewġ tipi (ii) u (iii) huwa meħtieġ li jkun iddefinit b'attenzjoni il-prodott u s-suq ġeografiku rilevanti, minħabba li d-definizzjoni tas-suq hija prerekwiżit sabiex tiġi evalwata l-konformità mal-limiti tas-sehem fis-suq[8]. L-Avviż tal-Kummissjoni dwar id-definizzjoni tas-suq rilevanti għall-finijiet tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni[9], flimkien mad-deċiżjonijiet rilevanti tal-Kummissjoni u ittri ta' sostenn fis-settur tal-assigurazzjoni jistgħu jintużaw bħala gwida sabiex il-pools jiddeterminaw is-suq rilevanti fejn joperaw.

16. Madanakollu r-Reviżjoni wriet li ħafna assiguraturi kienu qed jużaw b'mod skorrett l-eżenzjoni tal-pool prevista fil-BER bħala eżenzjoni "ġenerali", mingħajr ma jwettqu l-valutazzjoni legali bir-reqqa meħtieġa dwar kemm pool jikkonforma mal-kundizzjonijiet tal-BER[10].

17. Wieħed għandu wkoll jiftakar li akkordji ta' ko-(ri)assigurazzjoni ad-hoc fis-suq ta' sottoskrizzjoni[11] qatt ma kienu koperti mill-BER u għadhom barra mill-ambitu tal-BER il-ġdid. Kif isemmi r-Rapport Finali tal-Kummissjoni dwar l-Inkjesta Settorjali tal-Assigurazzjoni għall-Impriżi tal-25 ta' Settembru 2007[12], prattiki li jinvolvu allinjament tal-premium (bejn ko-(ri)assiguraturi permezz ta' akkordji ta' ko-(ri)assigurazzjoni ad-hoc ) jistgħu jaqgħu fl-ambitu tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat, iżda jistgħu jibbenefikaw mill-eżenzjoni li joffri l-Artikolu 101(3) tat-Trattat.

18. Il-Kummissjoni bi ħsiebha tissorvelja mill-qrib, f'kooperazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, fi ħdan il-qafas tan-Netwerk Ewropew tal-Kompetizzjoni, l-operazzjoni tal-pools sabiex tiżgura li mhux qed iseħħu applikazzjonijiet ġenerali tal-BER jew tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat. Din is-sorveljanza iktar mill-qrib se titwettaq skont il-proċeduri għall-infurzar fejn jinstab li pools mhux qed josservaw l-Artikolu 101(1) tat-Trattat u/jew il-BER.

4. EŻENZJONIJIET MHUX IMĠEDDA

19. Fuq il-bażi tal-analiżi tal-Kummissjoni stipulata fir-Rapport u Dokument ta' Ħidma, kif ukoll fil-Valutazzjoni tal-Impatt tal-BER il-ġdid, tnejn mill-erba' eżenzjonijiet fil-BER ta' qabel, jiġifieri l-akkordji dwar kundizzjonijiet tal-polza standard (SPC) u dispożittivi ta' sigurtà ma ġewx imġedda mill-BER il-ġdid. Primarjament dan huwa minħabba li mhumiex speċifiċi għas-settur tal-assigurazzjoni u għaldaqstant l-inklużjoni tagħhom fi strument legali eċċezzjonali bħal dan tista' tirriżulta f'diskriminazzjoni mhux ġustifikata kontra setturi oħra li ma jibbenefikawx minn BER. Barrra minn hekk, minkejja li dawn iż-żewġ forom ta' kooperazzjoni jistgħu jirriżultaw f'xi benefiċċji għall-konsumaturi, ir-Reviżjoni wriet li jistgħu jwasslu wkoll għal ċertu tħassib dwar il-kompetizzjoni. Għalhekk, huwa iktar xieraq li jkunu suġġetti għal awtovalutazzjoni.

20. Minkejja li l-fatt li ma jiġix imġedded il-BER rigward dawn iż-żewġ tipi ta' kooperazzjoni inevitabbilment se jwassal għal ftit tnaqqis ta' ċertezza legali, għandu jiġi enfasizzat li s-settur tal-assigurazzjoni se jibbenefika f'dan ir-rigward mill-istess livell ta' ċertezza legali bħas-setturi l-oħra li ma jibbenefikawx minn BER. Barra minn hekk, kif deskritt fil-qosor hawn taħt il-Kummissjoni qed tippjana li tindirizza dawn iż-żewġ forom ta' kooperazzjoni fil-Linji Gwida Orizzontali tagħha.

4.1 Kundizzjonijiet Standard ta’ Polza

21. Il-BER ta' qabel kien jeżenta t-twaqqif konġunt u d-distribuzzjoni ta’ kundizzjonijiet tal-polza standard li ma jorbtux legalment (SPC) għal assigurazzjoni diretta[13].

22. Fuq il-bażi tal-evidenza li nstabet matul ir-Reviżjoni, il-Kummissjoni m'għadhiex tikkunsidra li BER speċifiku għal settur huwa neċessarju minħabba li kooperazzjoni fuq l-SPCs mhijiex speċifika għas-settur tal-assigurazzjoni, iżda komuni għal ħafna oħrajn, bħas-settur bankarju, li ma jibbenefikawx minn BER. Minħabba li SPCs mhumiex speċifiċi għas-settur tal-assigurazzjoni huwa xieraq li kull gwida dwar l-SPCs tingħata lill-industrija globalment u fil-forma ta' strument orizzontali.

23. Il-Kummissjoni tikkunsidra li f’bosta każijiet l-SPCs jistgħu jirriżultaw f'effetti pożittivi għall-kompetizzjoni u l-konsumaturi. Pereżempju, l-SPCs jippermettu l-tqabbil ta' poloz tal-assigurazzjoni li joffru assiguraturi differenti, u b'hekk il-klijenti jistgħu jivverifikaw il-kontenut tal-garanziji b'mod eħfef u jkun eħfef għall-klijenti biex jaqilbu bejn assiguraturi u prodotti tal-assigurazzjoni. Madanakollu, filwaqt li hemm ħtieġa għal komparabilità bejn prodotti tal-assigurazzjoni għall-klijenti, wisq standardizzazzjoni tista' tagħmel ħsara lill-konsumaturi u twassal għal nuqqas ta’ kompetizzjoni mhux ibbażata fuq il-prezz. Barra minn hekk, minħabba li ċerti SPCs jistgħu jkunu żbilanċjati, huwa iktar xieraq li l-impriżi jagħmlu l-awtovalutazzjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat fil-każ li l-Artikolu 101(1) tat-Trattat ikun applikabbli sabiex jintwera li l-kooperazzjoni li jiffurmaw parti minnha twassal għal titjib fl-effiċjenza, li parti sew minnu jibbenefikaw minnu l-konsumaturi[14].

24. Għaldaqstant, il-Kummissjoni qed tippjana li tespandi l-Linji Gwida Orizzontali sabiex jindirizzaw ukoll l-SPCs għas-setturi kollha. Dawn bħalissa jinsabu taħt reviżjoni u huwa ppjanat li jiġi pubblikat abbozz tal-Linji Gwida Orizzontali riveduti għal konsultazzjoni mal-partijiet interessati fl-ewwel nofs tal-2010.

4.2 Dispożittivi ta’ Sigurtà

25. Il-BER ta' qabel kien jeżenta (i) speċifikazzjonijiet tekniċi, regoli jew kodiċijiet ta’ prattika li jirrigwardaw id-dispożittivi ta’ sigurtà u proċeduri għall-evalwazzjoni u l-approvazzjoni tal-konformità tagħhom ma’ dawn l-istandards kif ukoll (ii) speċifikazzjonijiet tekniċi, regoli jew kodiċijiet ta’ prattika għall-installazzjoni u l-manutenzjoni ta’ dispożittivi ta' sigurtà u proċeduri għall-evalwazzjoni u l-approvazzjoni tal-konformità tal-impriżi li jinstallaw jew jieħdu ħsieb il-manutenzjoni ta’ dispożittivi ta’ sigurtà b’dawn l-istandards.

26. Madankollu, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-elaborazzjoni ta' standards tekniċi taqa' taħt il-qasam ġenerali tal-elaborazzjoni tal-istandards, li mhuwiex uniku għas-settur tal-assigurazzjoni. Minħabba li dawn it-tipi ta' akkordji mhumiex speċifiċi għas-settur tal-assigurazzjoni, huwa xieraq li kwalunkwe gwida tingħata lill-industrija globalment u fil-forma ta' strument orizzontali. Dan diġà huwa l-każ, minħabba li l-punt 6 tal-Linji Gwida Orizzontali jipprovdi gwida dwar il-konformità tal-istandards tekniċi mal-Artikolu 101 tat-Trattat. Barra minn hekk, il-Linji Gwida Orizzontali bħalissa jinsabu taħt reviżjoni u huwa ppjanat li jiġi pubblikat abbozz tal-Linji Gwida Orizzontali riveduti għal konsultazzjoni mal-partijiet interessati fl-ewwel nofs tal-2010.

27. Barra minn hekk, dawn l-akkordji kienu koperti mill-BER sakemm għadha ma teżistix armonizzazzjoni fuq il-livell tal-Unjoni. Ir-Reviżjoni tal-Kummissjoni wriet li hemm inqas skop għall-BER, minħabba li l-armonizzazzjoni issa hija estensiva. Rigward il-qasam limitat fejn għad m'hemmx armonizzazzjoni fuq il-livell tal-Unjoni, regoli nazzjonali dettaljati jirriżultaw fi frammentazzjoni tas-suq intern, tnaqqis tal-kompetizzjoni bejn il-produtturi tal-mekkaniżmi tas-sigurtà madwar l-Istati Membri u inqas għażla għall-konsumaturi minħabba li l-konsumaturi ma jakkwistawx assigurazzjoni fil-każ li d-dispożittivi ta' sigurtà tagħhom ma jikkonformawx mal-istandards stabbiliti ġeneralment mill-assiguraturi.

28. Il-Kummissjoni għalhekk ma ġedditx il-BER għal dawn il-kategoriji ta' akkordji.

5. KONKLUŻJONIJIET

29. Se jkun neċessarju għall-impriżi li jjivvalutaw sew il-kooperazzjoni tagħhom fil-kompilazzjonijiet, tabelli u studji konġunti u pools taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-BER, sabiex tiġi evitata applikazzjoni ġenerali tal-BER.

30. Rigward l-awtovalutazzjoni taħt l-Artikolu 101(3) tat-Trattat għall-kooperazzjoni dwar l-SPCs u d-dispożittivi ta' sigurtà, l-impriżi jibbenefikaw minn żewġ strumenti legali, jiġifieri l-Linji Gwida Orizzontali (li bħalissa qed jiġu riveduti) u l-Linji Gwida dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) tat-Trattat[15].

[1] ĠU L 53, 28.2.2003, p. 8.

( B’effett mill-1 ta’ Diċembru 2009, l-Artikolu 81 tat-Trattat KE sar l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Iż-żewġ Artikoli huma essenzjalment identiċi. Għall-finijiet ta’ din il-Komunikazzjoni, referenzi għall-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandhom, fejn xieraq, jinftiehmu bħala referenzi għall-Artikolu 81 tat-Trattat KE.

[2] http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=CELEX:52009DC0138:EN:NOT

[3] http://ec.europa.eu/competition/sectors/financial_services/insurance_ber_working_document.pdf

[4] Ara paragrafu 7 tal-Avviż tal-Kummissjoni tas-6 ta' Jannar 2001: Linji Gwida dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 81 tat-Trattat KE għal akkordji ta' koperazzjoni orizzontali, ĠU C 3, 6.1.2001, p. 2.

[5] Il-Linji Gwida Orizzontali kurrenti qed jiġu riveduti.

[6] Għal tliet snin mid-data tal-kostituzzjoni tal-grupp, irrispettivament mis-sehem fis-suq tal-grupp.

[7] Metodu alternattiv biex jiġu koperti r-riskji permezz ta' ko-(ri)assigurazzjoni huwa akkordji ta' ko-(ri)assigurazzjoni ad-hoc fis-suq ta' sottoskrizzjoni, li jistgħu jkunu għażla inqas restrittiva skont l-analiżi fuq bażi ta' każ b'każ.

[8] Kien hemm ukoll tħassib dwar id-definizzjoni ta’ “riskji ġodda”.

[9] ĠU C 372, 9.12.1997, p. 5.

[10] B'mod partikolari f'relazzjoni mal-limiti tas-sehem fs-suq. Barra minn hekk, huwa kruċjali li kwalunkwe pool li jkopri riskji ġodda u li jippretendi li jaqa' fi ħdan il-BER jiżgura li huwa fil-fatt kopert mid-definizzjoni preċiża ta' riskji ġodda fl-Artikolu 1 tal-BER il-ġdid, kif imsemmi fir-Rapport u d-Dokument ta' Ħidma.

[11] Li permezz tiegħu ċerta parti minn riskju partikolari tkun koperta minn assiguratur ewlieni u l-parti rimanenti tar-riskju tkun koperta minn assiguraturi li jsegwu li jkunu mistednin ikopru l-kumplament.

[12] COM(2007) 556 finali: Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni - Inkjesta Settorjali skond l-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 dwar assigurazzjoni lill-impriżi (Rapport Finali).

[13] Artikolu 6(1)(a) sa (k) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 358/2003.

[14] Uħud mill-klawżoli elenkati fl-Artikolu 6(1) tal-BER ta’ qabel, ir-Regolament(KE) Nru 358/2003, jibqgħu rilevanti għall-awtovalutazzjoni tal-akkordji taħt l-Artikolu 101 tat-Trattat b'mod partikolari dawk li għandhom impatt fuq il-prezzijiet u l-innovazzjoni tal-prodott. Ta' rilevanza partikolari huma, pereżempju, klawżoli li (i) fihom kwalunkwe indikazzjoni tal-livell tal-premiums kummerċjali; (ii) jindikaw l-ammont ta' kopertura jew dik il-parti li d-detentur tal-polza jrid iħallas huwa stess; (iii) jimponu kopertura komprensiva inklużi riskji li għalihom għadd sostanzjali ta' detenturi tal-poloz mhumiex esposti simultanjament; (iv) jeħtieġu li d-detentur tal-polza jakkwista kopertura mill-istess assiguratur għal riskji differenti.

[15] ĠU C 101, 27.4.2004, p. 97.