[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA | Brussel 5.3.2010 KUMM(2010)78 finali KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI Impenn imsaħħaħ għall-ugwaljanza bejn in-Nisa u l-Irġiel Karta f'Isem il-Mara Stqarrija mill-Kummissjoni Ewropea fl-okkażjoni ta' Jum il-Mara Internazzjonali 2010 b'tifkira tal-15-il anniversarju mill-adozzjoni ta' Stqarrija u Pjattaforma għal Azzjoni fil-Konferenza Dinjija tal-UN f'Beijing dwar in-Nisa u tat-30 anniversarju mill-Konvenzjoni tal-UN dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI Impenn imsaħħaħ għall-ugwaljanza bejn in-Nisa u l-Irġiel Karta f'Isem il-Mara Stqarrija mill-Kummissjoni Ewropea fl-okkażjoni ta' Jum il-Mara Internazzjonali 2010 b'tifkira tal-15-il anniversarju mill-adozzjoni ta' Stqarrija u Pjattaforma għal Azzjoni fil-Konferenza Dinjija tal-UN f'Beijing dwar in-Nisa u tat-30 anniversarju mill-Konvenzjoni tal-UN dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa Introduzzjoni L-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel huwa dritt fondamentali, minqux fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u fil-Karta tad-Drittijiet Fondamentali tal-Unjoni Ewropea. Huwa wieħed mill-valuri komuni li fuqhom hija msejsa l-Unjoni Ewropea. Il-koeżjoni ekonomika u soċjali, it-tkabbir sostenibbli u l-kompetittività, u s-soluzzjoni tal-isfida demografika jiddependu mill-ugwaljanza vera bejn in-nisa u l-irġiel. L-Ewropa għamlet progress notevoli lejn l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel matul l-aħħar deċennji: hija kellha għalqalbha l-impenn, wettqet is-sħubija, u għaqdet flimkien ir-riżorsi u l-għodda tagħha – legali, politiċi u finanzjarji – biex isseħħ il-bidla. Illum il-ġurnata, mill-universitajiet jiggradwaw aktar bniet milli subien. Illum il-ġurnata, aktar nisa minn qatt qabel jagħtu seħemhom fil-forza tax-xogħol Ewropea. Illum il-ġurnata, l-Ewropa tissodisfa aktar talenti minn tagħha u tuża aktar minn ħilijietha. Iżda, ix-xkiel għall-ugwaljanza vera għadu hemm. Fl-okkażjoni tal-15-il anniversarju tal-Konferenza Dinjija ta' Beijing tal-UN dwar in-Nisa, intennu u nsaħħu l-impenn tal-Kummissjoni Ewropea biex l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel isseħħ fil-fatt. Aħna se nagħmlu dan billi nsaħħu l-perspettiva tal-ugwaljanza tas-sessi fil-politika kollha tagħna matul il-mandat tagħna u billi nressqu miżuri speċifiċi biex inġibu 'l quddiem l-ugwaljanza tas-sessi. Nintrabtu li niddedikaw ir-riżorsi meħtieġa biex dan inwettquh. B'mod partikolari, il-prinċipji li ġejjin ta' ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel se jirfdu l-azzjonijiet taħt dan il-mandat tal-Kummissjoni Ewropea: INDIPENDENZA EKONOMIKA UGWALI Id-diskriminazzjoni, l-istereotipi edukattivi, il-firda fis-suq tax-xogħol, il-kondizzjonijiet prekarji ta' impjieg, ix-xogħol part-time involontarju u t-tqassim mingħajr bilanċ tar-responsabbiltajiet tal-kura mal-irġiel jaffettwaw l-għażliet tal-ħajja u l-indipendenza ekonomika ta' ħafna nisa. Aħna ntennu l-impenn tagħna li niżguraw it-twettiq sħiħ tal-potenzjal tan-nisa u l-użu sħiħ tal-ħiliet tagħhom, biex fis-suq tax-xogħol ikun hemm tqassim aħjar tas-sessi u aktar impjiegi ta' kwalità għan-nisa. B'determinazzjoni aħna se nġibu 'l quddiem l-ugwaljanza bejn is-sessi fl-istrateġija Ewropa 2020, nikkunsidraw miri kwalifikati fejn xieraq, u nġibu 'l quddiem opportunitajiet ġenwini sabiex kemm in-nisa kif ukoll l-irġiel igawdu bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata. L-ISTESS PAGA GħALL-ISTESS XOGħOL U XOGħOL TA' VALUR L-ISTESS In-nisa fl-Unjoni Ewropea għadhom jaqilgħu bħala medja 18% inqas mill-irġiel għal kull siegħa xogħol li jaħdmu. Għandhom inqas riżorsi matul il-ħajja tax-xogħol tagħhom u meta jirtiraw, jiffaċċjaw iktar diffikultajiet fl-aċċess għall-iffinanzjar, u għalhekk huma iktar affettwati mill-irġiel minn kull sura ta' faqar, inkluż il-faqar minkejja x-xogħol. Intennu l-impenn tagħna ta' mobilizzazzjoni effettiva tal-għodda kollha, kemm leġiżlattiva kif ukoll mhux leġiżlattiva, biex tispiċċa d-differenza tal-pagi bejn is-sessi. Id-differenza tal-pagi bejn is-sessi huwa prezz li l-Ewropa ma tiflaħx tħallas. Flimkien mas-27 Stati Membri tal-UE, se naħdmu biex inaqqsu b'mod sinifikanti d-differenza tal-pagi bejn is-sessi fl-Unjoni Ewropea sat-tmiem ta' dan il-mandat tal-Kummissjoni Ewropea. L-UGWALJANZA FIT-TEħID TAD-DEċIżJONIJIET In-nisa għad ma għandhomx aċċess sħiħ fit-tqassim tas-setgħa u t-teħid tad-deċiżjonijiet. Il-bilanċ bejn is-sessi fit-teħid tad-deċiżjonijiet, fil-ħajja politika u ekonomika u fis-setturi pubbliċi u privati, se jgħin lill-Ewropa tfassal politika aktar effettiva, tiżviluppa soċjetà msejsa fuq l-għarfien u konxja mill-ugwaljanza bejn is-sessi, u toħloq demokrazija aktar b'saħħitha u prosperuża. Intennu l-impenn tagħna li nfittxu li niksbu rappreżentanza aktar ġusta ta' nisa u rġiel f'pożizzjonijiet ta' setgħa fil-ħajja pubblika u l-ekonomija. Se nużaw is-setgħat tagħna, inklużi miżuri ta' inċentiva tal-Unjoni, biex ikun hemm sehem ikbar ta' nisa f'pożizzjonijiet ta' responsabbiltà. Fil-livell tagħna stess, se nintrabtu li nagħmlu l-isforzi kollha biex intejbu l-bilanċ bejn is-sessi fi ħdan il-Kummissjoni. DINJITÀ, INTEGRITÀ U TMIEM GħALL-VJOLENZA MINħABBA D-DIFFERENZA TA' SESS It-tgawdija sħiħa tad-drittijiet fundamentali min-nisa u l-bniet hija parti inaljenabbli, integrali u indiviżibbli mid-drittijiet universali tal-bniedem u hija essenzjali għall-avvanz tan-nisa u l-bniet, il-paċi, is-sigurtà u l-iżvilupp. Il-vjolenza minħabba d-differenza ta' sess, inklużi drawwiet stabbiliti jew tradizzjonali li huma ta' ħsara, tikkostitwixxi ksur tad-drittijiet fondamentali, b'mod partikolari d-dinjità tal-bniedem, id-dritt għall-ħajja, u d-dritt għall-integrità tal-persuna. Dan il-ksur ma jippermettix l-eżerċiżżju ta' ħajja skont ir-rieda tal-individwu. Aħna ntennu l-impenn tagħna biex niżguraw li r-rispett għad-drittijiet fondamentali jkun fil-qalba tal-ħidma tagħna. Nintrabtu li nagħmlu kull sforz biex inneħħu għal kollox in-nuqqas ta' ugwaljanza bejn is-sessi fl-aċċess għall-kura tas-saħħa u f'dak li huwa marbut magħha. L-Ewropa ma tittollerax il-vjolenza minħabba d-differenza ta' sess. Se nirsistu biex neqirdu kull forma ta' vjolenza u nipprovdu għajnuna għall-vittmi. Se nistabbilixxu qafas politiku effettiv u komprensiv biex negħlbu l-vjolenza minħabba d-differenza ta' sess. Se nsaħħu l-ħidma tagħna biex neqirdu l-mutilazzjoni ġenitali tan-nisa u atti oħra ta' vjolenza, inkluż permezz tal-liġi kriminali, fi ħdan il-limiti tas-setgħat tagħna. UGWALJANZA BEJN IS-SESSI LIL HINN MILL-UNJONI L-ambizzjoni tagħna ma tieqafx mal-fruntieri tal-Unjoni. L-ugwaljanza tas-sessi trid tiġi inkorporata bis-sħiħ fil-politika barranija tagħna wkoll sabiex titrawwem l-indipendenza soċjali u ekonomika u l-avvanz tan-nisa u l-irġiel mad-dinja kollha. L-UE hija marbuta li ġġib 'il quddiem l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-kuntesti kollha, inklużi l-pajjiżi f'kunflitt jew post-kunflitt. It-tnaqqis tal-inugwaljanzi bejn is-sessi, it-tfittxija tas-soluzzjonijiet għall-vjolenza minħabba d-differenza ta' sess, u l-promozzjoni tad-drittijiet tan-nisa huma essenzjali għall-iżvilupp ta' soċjetajiet sostenibbli u demokratiċi. Intennu l-impenn tagħna fit-tfittxija vigoruża biex niksbu l-ugwaljanza bejn is-sessi fir-relazzjonijiet tagħna ma' pajjiżi terzi, inħeġġu l-għarfien għad-drittijiet tan-nisa, u nirsistu għall-implimentazzjoni tal-istrumenti internazzjonali attwali. Se nġibu 'l quddiem u nsaħħu l-kooperazzjoni ma' għaqdiet internazzjonali u reġjonali għall-avanz tal-ugwaljanza bejn is-sessi filwaqt li nagħmlu użu sħiħ tal-medda kollha tal-istrumenti u l-għodod disponibbli. Se ngħinu wkoll lill-atturi statali u mhux statali fl-isforzi tagħhom biex iġibu 'l quddiem l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-pajjiżi imsieħba. Nistqarru id-disponibilità tagħna li naħdmu fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi bi sħab mal-partijiet kollha interessati, inkluża s-soċjetà ċivili, fil-livell nazzjonali, Ewropew u internazzjonali u b'mod partikolari fuq il-prinċipji stabbiliti f'din il-Karta. Se nressqu strateġija ġdida għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-2010 tul il-mandat ta' din il-Kummissjoni Ewropea u se nibagħtu tagħrif b'mod regolari dwar l-implimentazzjoni tagħha. Intennu l-impenn personali u kollettiv tagħna lejn Ewropa ta' ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel li toffri ħajja aħjar u ġejjieni sostenibbli għal kulħadd.