Dokument ta’ ħidma tal-Kummissjoni il-futur tar-'Rifużjoni tad-Dazju' fir-regoli tal-oriġini tal-Ftehimiet ta' kummerċ ħieles tal-UE /* KUMM/2010/0077 finali */
[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA | Brussel 9.3.2010 KUMM(2010)77 finali DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-KUMMISSJONI Il-futur tar-'Rifużjoni tad-Dazju' fir-regoli tal-oriġini tal-Ftehimiet ta' kummerċ ħieles tal-UE DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-KUMMISSJONI Il-futur tar-'Rifużjoni tad-Dazju' fir-regoli tal-oriġini tal-Ftehimiet ta' kummerċ ħieles tal-UE Nhar l-Erbgħa s-7 ta' Ottubru 2009, sar dibattitu Kulleġġjali dwar il-Ftehim ta' kummerċ ħieles bejn l-UE u l-Korea. F'dan il-kuntest, il-President stieden lid-DĠ Kummerċ u lid-DĠ Taxud biex jabbozzaw nota ta' riflessjoni komuni dwar il-futur tar-'Rifużjoni tad-Dazju'. I. Introduzzjoni Ir-'Rifużjoni tad-Dazju', kif iddefinita fil-protokolli tal-oriġini fil-ftehimiet tal-kummerċ preferenzjali, hija r-rifużjoni, ir-remissjoni jew in-nuqqas ta' ħlas – parzjali jew sħiħ – tad-dazji doganali jew l-ispejjeż ekwivalenti fuq inputs barranin (materjali jew komponenti mhux ipproċessati, semi-manifatturati) li jintużaw fil-produzzjoni ta' prodott finali li jiġi esportat lejn pajjiż terz[1]. Ir-rifużjoni tad-dazju tintuża f' ambjent mhux preferenzjali mill-UE u minn ħafna pajjiżi (jekk mhux minn kollha). Din tpoġġi l-industriji tal-esportazzjoni f'pajjiżi differenti f'livell indaqs minkejja d-differenza fil-livell tad-dazji fuq l-importazzjoni. Min-naħa tal-importazzjoni, il-pajjiżi jżommu l-possibbiltà li jħarsu s-suq domestiku tagħhom permezz tad-dazji MFN applikati. Ir-rifużjoni tad-dazju hija permessa skont id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim tas-Sussidji tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ. F' ambjent preferenzjali , l-UE tradizzjonaliment segwiet prassi ta' projbizzjoni tar-rifużjoni tad-dazju f'ħafna mill-ftehimiet ta' kummerċ ħieles tagħha[2], għalkemm ippermettietha parzjalment jew kompletament fir-rigward ta' ħafna pajjiżi li għadhom jiżviluppaw[3]. Madankollu, xi wħud mis-sħab fin-negozjati tal-ftehim ta' kummerċ ħieles tal-UE joġġezzjonaw għal dan it-tip ta' projbizzjoni, u - kif kien il-każ dan l-aħħar bil-Korea – it-trattament tar-rifużjoni tad-dazju qed isir wieħed mill-kwistjonijiet ewlenin f'dawn in-negozjati. Għaldaqstant, jinħtieġ eżami tal-politika tal-UE dwar ir-rifużjoni tad-dazju, u din in-nota biħsiebha tipprovdi xi kunsiderazzjonijiet bażiċi u suġġerimenti għal linja politika dwar din il-kwistjoni, biex imbagħad jiġu diskussi mal-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-partijiet interessati. II. L-impatt tal-projbizzjoni jew l-awtorizzazzjoni tar-rifużjoni tad-dazju fil-ftehimiet ta' kummerċ ħieles a) Effetti negattivi tar-rifużjoni tad-dazju Tradizzjonalment, il-liberalizzazzjoni tal-kummerċ internazzjonali tikkonċerna t-tnaqqis jew it-tneħħija sħiħa tar-restrizzjonijiet kummerċjali eżistenti. It-tneħħija ġenerali tal-ostakli kummerċjali eżistenti fuq bażi erga omnes hija l-aktar mod dirett biex ikun hemm kummerċ ħieles, jiġu eliminati u mnaqqsa d-dazji doganali flimkien mal-ħarsien tal-investiment, il-ftuħ tas-suq tas-servizz, eċċ. Minflok ma għażlu l-liberalizzazzjoni kummerċjali sħiħa, ħafna pajjiżi għażlu li jieħdu passi intermedji bħal pereżempju, li jippermettu r-rifużjoni tad-dazju, bil-għan li jikkoreġu l-impatt tad-dazji fuq l-importazzjoni fuq l-esportazzjonijiet u għall-promozzjoni tagħhom. Ir-rifużjoni tad-dazju tista' tabilħaqq titqies bħala kompromess għal-liberalizzazzjoni kummerċjali billi kellha xi effetti negattivi fuqha. Għalkemm ma hemmx fehma waħda fil-letteratura ekonomika, xi studji ekonomiċi sabu, pereżempju, li r-rifużjoni tad-dazju tnaqqas l-inċentiv għall-produtturi esportaturi biex jinsistu li ma jkunx hemm tariffi għolja fuq l-inputs tagħhom u dan għandu effett oppost fuq il-kummerċ ħieles. Ir-rifużjoni tad-dazju tista' tippremja l-protezzjoniżmu: tista' tippermetti biex pajjiż ikompli jipproteġi l-produtturi tiegħu ta' materjali intermedji filwaqt li jnaqqas din il-protezzjoni b'mod selettiv sabiex jippromwovi l-esportazzjonijiet tiegħu ta' prodotti lesti. Filwaqt lir-rifużjoni tad-dazju jista' jkollha impatt pożittiv fuq il-kompetittività ta' pajjiż fir-rigward tal-esportazzjoni, tista' twassal ukoll għal esportazzjonijiet b'valur domestiku baxx u kontenut barrani relattivament għoli. Ir-rifużjoni tad-dazju, madankollu, tippreżenta iktar dubji meta tinżamm fi proċess ta' liberalizzjoni sħiħa ta' Ftehim ta' Kummerċ Ħieles. L-aktar konsegwenza negattiva magħrufa tar-rifużjoni tad-dazju aktarx hija din li ġejja. Meta r-rifużjoni tad-dazju tkun permessa f'żona ta' kummerċ ħieles, produttur tal-pajjiż A li hu sħab fi ftehim ta' kummerċ ħieles, jista' jakkwista parts mingħajr dazju minn pajjiżi terzi għall-esportazzjoni lejn il-pajjiż B li hu wkoll sħab fi ftehim ta' kummerċ ħieles, filwaqt li l-kompetituri tiegħu fil-pajjiż B jkollhom iħallsu d-dazji MFN applikabbli meta jakkwistaw parts minn pajjiżi terzi għal prodotti mibjugħa fis-suq domestiku tagħhom. Eżempju: kumpanija minn sħab fi ftehim ta' kummerċ ħieles li tesporta drapp lejn l-UE tibbenefika minn rifużjoni tad-dazju għall-fibri li timporta minn pajjiż terz biex tipproduċi d-drappijiet; min-naħa l-oħra, manifattur tad-drappijiet fl-UE li jbiegħ fl-UE ma jibbenefikax mir-rifużjoni tad-dazji mħallsa fuq il-fibri li jista' jimporta minn pajjiżi terzi għall-manifattura ta' dawk id-drappijiet. Jekk is-sehem ta' dawn il-fibri impurtati fil-valur tad-drapp ikun, ngħidu aħna, 25 % għall-manifattur tal-UE, il-vantaġġ kompetittiv potenzjali ta' dak l-esportatur fl-UE (espress bħal perċentwal tal-prezz totali tal-manifattur tal-UE tad-drapp lest) ikun ir-riżultat tal-moltiplikazzjoni b'25 % tar-rata tad-dazju fuq l-importazzjoni fl-UE ta' dawn il-fibri (4 %), jew madwar 1 % tal-valur tad-drapp[4]. Ir-rifużjoni tad-dazju tista' għalhekk twassal għal kompetizzjoni żbilanċjata fis-suq tal-pajjiż importatur u dan jista' jkollu effetti negattivi fuq l-industrija domestika b'konsegwenzi potenzjali fuq ix-xogħol. Barra minn hekk, l-awtorizzazzjoni tar-rifużjoni tad-dazju tista' tippermetti wkoll lil pajjiżi terzi biex igawdu b'ċertu mod mill-benefiċċji tal-ftehim ta' kummerċ ħieles, fir-rigward tal-kummerċ fi prodotti u materjali intermedji. Filwaqt li projbizzjoni tar-rifużjoni tad-dazju tippromwovi użu ikbar tal-prodotti u l-materjali intermedji mill-pajjiżi sħab tal-ftehim ta' kummerċ ħieles permezz tal-użu tal-possibilitajiet tal-kumulazzjoni, l-awtorizzazzjoni tar-rifużjoni tad-dazju twassal biex l-inputs minn pajjiżi terzi jiġu ttrattati bl-istess mod bħall-inputs li joriġinaw mill-ftehim ta' kummerċ ħieles: iż-żewġ inputs fir-realtà jidħlu fil-pajjiż sħab fil-ftehim ta' kummerċ ħieles b'dazju ta' 0 % meta jiġu esportati mill-ġdid wara li jiddaħħlu fi prodott finali. Għalhekk, għalkemm ir-rifużjoni tad-dazju mhijiex legalment "sussidju fuq l-esportazzjoni", għandha titqies bħala tip ta' inċentiv għall-esportazzjoni li żona ta' kummerċ ħieles għandha tippromwovi. b) Parametri li jiddeterminaw l-impatt tar-rifużjoni tad-dazju Ir-rifużjoni tad-dazju hija għodda ekonomika kumplessa. L-impatt tal-awtorizzazzjoni jew il-projbizzjoni tar-rifużjoni tad-dazju fuq l-esportaturi, fuq il-kompetizzjoni fis-suq tal-pajjiż tal-importazzjoni, u fuq il-kummerċ fi prodotti intermedji, jiddependi minn ħafna fatturi. Dawn huma deskritti hawn taħt.[5] a) Fir-rigward tal- impatt fuq il-pożizzjoni kompetittiva tal-esportaturi tal-prodotti lesti , il-fatturi relevanti huma d- dazji MFN li l-pajjiż esportatur japplika fuq il-materjali intermedji flimkien mal-livell ta' akkwist barrani fl-istess pajjiż. iktar kemm ikunu għolja d-dazji MFN u iktar kemm ikun kbir l-użu tal-inputs barranin (skont ir-regoli tal-oriġini fil-ftehim ta' kummerċ ħieles), iktar ikun kbir l-impatt tar-rifużjoni tad-dazju fuq il-prodott finali esportat. Din hija waħda mir-raġunijiet ewlenin għaliex, pereżempju, tradizzjonalment, fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi fl-Ażja fejn id-dazji MFN huma pjuttost għoljin, ir-rifużjoni tad-dazju għandha rwol ħafna iktar importanti milli fl-Istati Uniti jew fl-UE fejn id-dazji MFN huma komparattivament relattivament baxxi. Eżempju: ir-Ruritanja tapplika tariffa ta' 14 % fuq l-importazzjonijiet tal-fibri minn pajjiżi terzi; jekk il-fibri impurtati jirrappreżentaw 25 % tal-valur tad-drapp esportat minn kumpanija tar-Ruritanja, il-valur tad-dazji mħallsa fuq dawn il-fibri impurtati jkun ta' 3,5 % (25 % ta' 14 %) tal-valur tad-drapp tal-esportatur tar-Ruritanja. Kif jidher hawn fuq, għal esportatur tal-UE il-valur tad-dazji imposti fuq l-importazzjoni ta' dawn il-fibri jkun ta' 1 % tal-prezz tad-drapp tiegħu stess. b) Fir-rigward tal-impatt fuq il- kompetizzjoni fis-suq tal-prodotti lesti fil-pajji li qed jimporta , l-aktar aspett relevanti huwa d-dazju MFN li l-pajjiż li qed jimporta japplika fuq il-materjali intermedji: iktar kemm ikunu għoljin id-dazji MFN li pajjiż preferenzjali japplika fuq l-importazzjoni ta' materjali intermedji u iktar kemm ikun kbir l-użu minn manifatturi domestiċi ta' dawn il-materjali impurtati minn pajjiż terz, iktar ikun potenzjalment kbir l-iżvantaġġ kompetittiv tal-manifatturi domestiċi tal-prodotti lesti meta mqabbel mal-esportaturi minn pajjiż sħab fil-ftehim ta' kummerċ ħieles li jibbenefika mir-rifużjoni tad-dazju. Biex nużaw l-istess eżempju ta' qabel, il-manifattur tad-drapp fl-UE li jimporta fibri minn pajjiżi terzi, ikollu jħallas dazji tal-importazzjoni fuq dawn il-fibri li jikkorrispondu għal 1 % tal-prezz tal-bejgħ tagħhom, irrispettivament minn jekk ir-rifużjoni tad-dazju tkunx permessa jew ipprojbit. Għalhekk, fil-każ li r-rifużjoni tad-dazju tkun permessa fi ftehim ta' kummerċ ħieles, il-vantaġġ kompetittiv ta' esportatur minn pajjiż sħab fi ftehim ta' kummerċ ħieles bħal, ngħidu aħna, ir-Ruritanja, fuq produttur domestiku tal-UE jkun ta' 1 % tal-valur tad-drappijiet. Jekk inħarsu lejn is-sitwazzjoni fir-Ruritanja, manifattur tad-drappijiet tar-Ruritanja li jimporta l-istess ammont ta' fibri minn pajjiżi terzi, ikollu jħallas id-dazji fuq fibri importati li jiswew 3,5 % tal-valur tad-drappijiet: dan jikkostitwixxi l-vantaġġ għal manifattur tal-UE li jesporta dawn id-drappijiet lir-Ruritanja fil-każ li r-rifużjoni tad-dazju tkun permessa. Madankollu, fil-każ li r-rifużjoni tad-dazju tiġi pprojbita fi ftehim ta' kummerċ ħieles bejn l-UE u r-Ruritanja, l-esportatur tar-Ruritanja lill-UE jkun iffaċċjat b'vantaġġ negattiva ta' 2,5 % tal-valur tad-drappijiet (3,5 % f'dazji li jkollu jħallas fuq il-fibri impurtati minn pajjiżi terzi nieqes 1 % tad-dazji mħallsa fuq l-istess fibri mill-kompetitur fl-UE tiegħu); bil-maqlub ta' dan, l-esportatur tal-UE lejn ir-Ruritanja jkollu vantaġġ kompetittiv fir-Ruritanja ta' 2,5 % (3,5 % tad-dazji mħallsa mill-manifatturi tar-Ruritanja nieqes 1 % mħallsa fuq dawn l-importazzjonijiet mill-esportaturi tal-UE). c) Biex ikun hemm qalba mill-kummerċ fil-prodotti lesti għal kummerċ f'materjali intermedji, il-fattur ewlieni li jiddetermina l-impatt fuq il-kummerċ ta' materjali u komponenti intermedji bejn l-UE u l-imsieħba tagħna fil-ftehimiet ta' kummerċ ħieles huwa l-livell ta' dazji fuq l-importazzjoni applikati miż-żewġ naħat fuq dawn il-materjali u l-komponenti li jiġu eliminati bi ftehim ta' kummerċ ħieles. iktar ma jkunu għolja dawk id-dazji, iktar ikun hemm inċentiv għall-kummerċ bejn il-pajjiżi sħab fil-ftehim ta' kummerċ ħieles f'dawk il-materjali, għad-detriment ta' provvedituri minn pajjiżi terzi. Biex nieħdu l-istess eżempju ta' qabel: li kieku r-rifużjoni tad-dazju kellha tiġi pprojbita, kumpanija Ruritena li timporta l-fibri minn pajjiżi terzi biex timmanifattura drappijiet għall-esportazzjoni lejn l-EU jkollha tifffaċċja spiża addizzjonali ta' 3,5 %. Din l-ispiża tkun inċentiv biex il-fibri jiġu akkwistati domestikament jew mill-UE minflok minn pajjiżi terzi oħra. Jekk tkun permessa r-rifużjoni tad-dazju, din l-inċentiva ma tibqax hemm. Fattur ieħor li għandu rwol fuq l-impatt tar-rifużjoni tad-dazju huwa l- grad ta' restrizzjoni jew flessibbiltà tar-regoli tal-oriġini skont il-ftehim ta' kummerċ ħieles: ir-regoli tal-oriġini speċifiċi għall-prodott, li jistabbilixxu 'l-ħidma jew l-ipproċessar suffiċjenti' li jeħtieġ isir fuq materjali mhux oriġinarji biex jinkiseb prodott 'oriġinarju' li jista' jibbenefika minn trattament tat-tariffi preferenzjali, jiddeterminaw il-livell ta' akkwist barrani permissibbli u, għalhekk, l-ammonti massimi ta' dazju li jista' jkollhom jitħallsu jew li jistgħu jiġu rtirati jekk il-prodott finali jiġi esportat. Eżempju: għad-drapp, ir-regola tal-oriġini preferenzjali standard tal-UE hija l-manifattura minn fibri, u dan jimplika żewġ trasformazzjonijiet - l-għażil u n-nisġa/nitting - li tipikament jirrappreżentaw madwar tliet kwarti tal-valur miżjud tad-drapp, u li mbagħad ikollhom jiġu pprovduti domestikament. Dan jillimita l-akkwist minn barra u, għalhekk, l-ambitu u l-impatt tal-awtorizzazzjoni jew il-projbizzjoni tar-rifużjoni tad-dazju. L-impatt tal-awtorizzazzjoni tar-rifużjoni tad-dazju jkun, madankollu, ikbar fis-setturi fejn ir-regoli mhumiex daqshekk stretti - pereżempju għal xi kimiċi, metalli jew makkinarji, fejn il-materjali minn pajjiżi terzi jistgħu jirrappreżentaw 40 % - 50 % tal-valur tal-prodott u l-prodott jibqa' jitqies li ġie manifatturat domestikament. F'dawk il-każijiet, il-projbizzjoni tar-rifużjoni tad-dazju tista' tpoġġi piż addizzjonali kbir fuq il-possibilitajiet tal-akkwist li huma teoretikament permessi mir-regoli tal-oriġini. L-importanza tar-rifużjoni tad-dazju tiddependi wkoll mill- ekonomija tal-pajjiż . Tabilħaqq, fir-rigward tal-kummerċ fil-prodotti lesti, l-impatt għall-UE tal-awtorizzazzjoni tar-rifużjoni tad-dazju huwa relattivament limitat, billi l-UE ġeneralment tapplika tariffi baxxi ħafna fuq l-importazzjoni ta' prodotti/materjali intermedji u, minħabba l-bażi industrijali varjata ħafna tal-UE, il-ħtieġa għall-manifatturi li jiddependu fuq l-akkwist barrani tista' xi kultant tkun limitata, għalkemm il-globalizzazzjoni qed iżżid id-dipendenza tal-manifatturi tal-UE fuq il-provvedituri esterni. Dan l-impatt jista' jkun ikbar fis-sħab kummerċjali tal-UE, li ħafna drabi japplikaw dazji ogħla fuq l-importazzjonijiet u li jkollhom jiddependu iktar fuq il-materjali impurtati minħabba d-daqs tagħhom. Fi kliem ieħor, fi swieq protezzjonisti magħluqa b'dazji MFN għolja fuq il-parts, u fi swieq fejn l-akkwist barrani huwa importanti, l-awtorizzazzjoni tar-rifużjoni tad-dazju għandha iktar impatt milli f'territorju doganali iktar liberali b'ekonomija integrata. Kollox ma' kollox, l-impatt negattiv potenzjali tal-awtorizzazzjoni tar-rifużjoni tad-dazju jikkostitwixxi raġuni tajba favur li, bħala politika ġenerali, ir-rifużjoni tad-dazju tiġi pprojbita fiż-żoni ta' kummerċ ħieles. c) Problemi marbuta mal-projbizzjoni tar-rifużjoni tad-dazju Anki jekk il-projbizzjoni tar-rifużjoni tad-dazju tidher li hija l-għażla preferuta f'kuntest ta' ftehim ta' kummerċ ħieles, din il-politika tista' toħloq problemi fl-applikazzjoni tagħha. Qabel ma jsir arranġament preferenzjali, il-kummerċ internazzjonali bejn il-pajjiżi sħab futuri taż-żona ta' kummerċ ħieles ikun ibbażat fuq ambjent mhux preferenzjali. F'dawn ir-relazzjonijiet kummerċjali, ir-rifużjoni tad-dazju dejjem tintuża jew għallinqas tkun disponibbli. Jekk din is-sitwazzjoni tevolvi lejn il-projbizzjoni tar-rifużjoni tad-dazju f'żona ta' kummerċ ħieles, il-benefiċċji massimi li wieħed jista' jistenna mit-tnaqqis tat-tariffi miftiehma fil-ftehim ta' kummerċ ħieles jistgħu jitnaqqsu sewwa. Filwaqt li projbizzjoni tar-rifużjoni tad-dazju tkun timplika inqas benefiċċji meta mqabbel mal-awtorizzazzjoni tar-rifużjoni tad-dazju, ir-rifużjoni tad-dazju mhijiex fiha nnfisha benefiċċju għal sħab fi ftehim ta' kummerċ ħieles flimkien mat-tneħħija tad-dazju fuq l-importazzjonijiet. Pereżempju, bit-trattament MFN, id-dazju li għandu jitħallas għall-importazzjoni fl-UE ta' karozza huwa 10 %. Jekk il-prezz tal-importazzjoni tal-karozza huwa 10 000 €, id-dazju ffrankat bi ftehim ta' kummerċ ħieles ikun 1 000 € meta mqabbel mas-sitwazzjoni MFN attwali. Għalhekk, jekk wieħed jassumi li manifattur tal-karozzi, ngħidu aħna, fir-Ruritanja, ikollu 20 % ta' parts u komponenti importati minn pajjiżi terzi mhux preferenzjali, u billi d-dazji fuq l-importazzjonijiet fir-Ruritanja ta' dawn il-komponenti jkunu f'medja ta' 16 %, id-dazju mħallas fuq dawn il-komponenti jkun ta' 320 €. Fil-każ li ftehim ta' kummerċ ħieles jipprojbixxi r-rifużjoni tad-dazju, il-benefiċċju nett għall-esportatur imbagħad ikun ta' 680 € (1 000 € - 320 €) minflok 1 000 €, u b'hekk ikun hemm tnaqqis ta' 32% tal-benefiċċju tat-tneħħija tad-dazju. Jekk is-sehem tal-parts importati użati mill-manifattur tal-karozzi fir-Ruritanja jilħaq il-massimu permess skont ir-regoli tal-oriġini standard tal-UE (40 %), imbagħad il-benefiċċju nett jonqos għal ftit iktar minn terz tad-dazji fuq l-importazzjoni tal-UE (1 000 € - 640 € = 360 €)[6]. Għal xi prodotti, il-produtturi ta' pajjiż sħab jistgħu saħansitra jippreferu jużaw dazju ta' tariffa MFN , billi l-ispiża tar-rinunzja tar-rifużjoni tad-dazju tista' tkun ogħla mid-dazju MFN applikabbli. Sa liema punt jinqalgħu dawn il-problemi u l-importanza relattiva tagħhom meta mqabbel mal-impatt tal-awtorizzazzjoni tar-rifużjoni tad-dazju jiddependu, kif indikat hawn fuq, fuq il-parametri ekonomiċi differenti bħat-tariffi MFN rispettivi taż-żewġ pajjiżi, il-livell ta' tnaqqis/tneħħija tat-tariffi fil-ftehim ta' kummerċ ħieles, u l-livell ta' 'flessibbiltà' tar-'regoli tal-oriġini' u, għalhekk, il-kontenut barrani massimu permess u l-ekonomiji taż-żewġt imsieħba. Filwaqt li projbizzjoni tar-rifużjoni tad-dazju għal ftehim ta' kummerċ ħieles tista' tevita ċerti effetti negattivi tar-rifużjoni tad-dazju fuq il-kompetizzjoni fis-suq domestiku u tippromwovi l-kummerċ bilaterali fil-prodotti/materjali intermedji, fl-arranġamenti kummerċjali preferenzjali ma' pajjiż li qed jiżviluppa l-aspett ta' żvilupp addizzjonali jista' jwassal għal kunsiderazzjoni oħra. Tabilħaqq, projbizzjoni tar-rifużjoni tad-dazju fir-rigward tal-pajjiżi li qed jiviluppaw tista' mhux dejjem tkun mixtieqa. Pereżempju, jista' jkun diffiċli li wieħed jikkonċepixxi li, minn naħa waħda, pajjiż żviluppat jagħti pajjiż li qed jiżviluppa aċċess mingħajr dazju lis-suq tiegħu sabiex jgħin u jappoġġa l-ekonomija tal-pajjiż li qed jiżviluppa filwaqt li, min-naħa l-oħra, jillimita l-benefiċċji ekonomiċi li jirriżultaw minn dan l-aċċess ħieles bi projbizzjoni tar-rifużjoni tad-dazju għal inputs barranin użati mill-produtturi tal-pajjiż li qed jiżviluppa, jekk iż-żewġ sħab jidħlu fi ftehim ta' kummerċ ħieles. Dan ikun il-każ, pereżempju, jekk l-UE tidħol fi ftehim ta' kummerċ ħieles ma' grupp ta' pajjiżi li jinkludi l-pajjiżi l-inqas żviluppati. Billi l-pajjiżi l-inqas żviluppati huma pajjiżi benefiċjarji tal-EBA, dawn jistgħu jesportaw lejn l-UE mingħajr dazju filwaqt li jibbenefikaw mir-rifużjoni tad-dazju. Li kieku f'dan il-ftehim ta' kummerċ ħieles, ir-rifużjoni tad-dazju kellha tkun ipprojbita, l-esportaturi mill-pajjiżi l-inqas żviluppati kkonċernati jkollhom iħallsu dazji għall-imputs impurtati minn pajjiżi terzi li jkunu inkorporati fil-prodotti tagħhom u esportati mingħajr dazji lejn l-UE; xi ħaġa li mhijiex obbligatorja f'EBA. Bl-istess mod, billi s-sehem tal-esportazzjonijiet lejn l-UE tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw u li jkunu soġġetti għad-dazji fuq l-importazzjonijiet tal-UE huwa relattivament limitat[7], projbizzjoni tar-rifużjoni tad-dazju, li tkun timplika limitazzjoni tal-benefiċċji tal-eliminazzjoni tad-dazju f uq l-importazzjonijiet, tnaqqas iktar l-inċentivi tagħhom biex jidħlu fi ftehim ta' kummerċ ħieles mal-UE. Barra minn hekk, il-pajjiżi li qed jiżviluppaw bħalissa huma intitolati li japplikaw ir-rifużjoni tad-dazju għall-esportazzjonijiet kollha tagħhom lejn l-UE bi preferenzi unilaterali (GSP); tabilħaqq, sehem kbir tal-esportazzjonijiet minn ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw lejn l-UE diġà ma għandhomx dazju jew huma soġġetti għal rati baxxi ħafna tad-dazju (xi kultant imsejħa 'nuisasnce duties') bil-GSP filwaqt li jibbenefikaw mir-rifużjoni tad-dazju. F'dawk il-każijiet, is-sitwazzjoni li tirriżulta bi ftehim ta' kummerċ ħieles tkun agħar minn dik li hemm bħalissa għal dawk il-prodotti li jibbenefikaw minn dazju ta' żero bil-GSP[8]. Bħala eżempju: id-dazju MFN tal-UE għall-magni tal-vetturi motorizzati huwa 4,2 % iżda wara t-tnaqqis tad-dazju skont ir-Regolament GSP dan id-dazju jonqos għal żero għall-pajjiżi kollha li qed jiżviluppaw. Għalhekk, pajjiż li qed jiżviluppa jista' jesporta dawn il-magni skont il-GSP lejn l-UE mingħajr dazju u bir-rifużjoni tad-dazju. Jekk bi ftehim ta' kummerċ ħieles ma' pajjiż li qed jiżviluppa, ir-rifużjoni tad-dazju tkun ipprojbita, it-trattament tal-ftehim ta' kummerċ ħieles għall-esportatur tal-magni minn dak il-pajjiż li qed jiżviluppa jkun agħar minn dak attwali: jekk wieħed jassumi li l-valur tal-magna hija 2,000 €, u li s-sehem tal-parts importati għall-manifattura tal-magna kien 20 %, jekk id-dazji medji fuq l-importazzjoni ta' dawn il-parts ikun, ngħidu aħna, 16 %, il-magni esportati skont l-ftehim ta' kummerċ ħieles minn dak il-pajjiż li qed jiżviluppa jaffaċċaw spiża oħra ta' 64 € meta mqabbel mal-esportazzjonijiet skont ir-regoli attwali (20 % ta' 2,000 € x 16 %=64 €, li tkun ekwivalenti għal dazju ta' 3,2 % fuq il-magna). Jekk is-sehem tal-parts importati użati jilħaq il-massimu permess skont ir-regoli tal-oriġini standard tal-UE (40 %), imbagħad l-ispiża addizzjonali tirdoppja, 128 €, daqs 6,4 % tal-valur tal-esportazzjoni u ogħla mid-dazju fuq l-importazzjoni MFN tal-UE. III. Konklużjonijiet Jekk ir-rifużjoni tad-dazju tkun permessa, ikun hemm problemi fil-kuntest ta' żona ta' kummerċ ħieles, billi tintroduċi l-possibbiltà ta' distorzjonijiet kompetittivi bejn il-pajjiżi parteċipanti, filwaqt li l-kummerċ tal-prodotti u s-servizzi għandu jsir fis-swieq rispettivi tagħhom fuq il-bażi ta' vantaġġi komparattivi. Għalhekk, hemm raġunijiet tajbin favur il-projbizzjoni, bħala politika ġenerali, tar-rifużjoni tad-dazju fiż-żoni tal-kummerċ ħieles. Madankollu, billi l-projbizzjoni tar-rifużjoni tad-dazju tista' wkoll toħloq problemi fl-applikazzjoni tagħha għall-pajjiżi sħab tagħna, xi konċessjonijiet limitati għal din il-linja politika ġenerali jistgħu jitqiesu bi tpattija għal konċessjonijiet xierqa mill-parti l-oħra, u bil-kundizzjoni li 'r-regoli dwar l-oriġini' (RoO – Rules on Origin) jaqdu l-bżonnijiet tal-industrija tal-UE. Għalhekk, possibbiltà limitata għall-eċċezzjonjiet tista' tiġi kkunsidrata fuq il-bażi ta' evalwazzjoni komprensiva tal-kriterji li ġejjin: a) Il-punt sa fejn ir-regoli dwar l-oriġini tal-ftehim ta' kummerċ ħieles jkunu sodisfaċenti għall-UE , inkluż għall-industrija tagħha. Tabilħaqq, il-fatt li jkun hemm ir-regoli dwar l-oriġini xierqa speċifiċi għall-prodott f'termini ekonomiċi jista' jkun sinifikanti daqs jew iktar mill-projbizzjoni tar-rifużjoni tad-dazju. Minn naħa waħda, ir-regoli dwar l-oriġini fil-ftehimiet ta' kummerċ ħieles tagħna għandhom jirrikjedu livell xieraq ta' trasformazzjoni u/jew valur miżjud, sabiex jippromwovu li l-benefiċċji tal-ftehim ta' kummerċ ħieles jakkumulaw primarjament għall-imsieħba tal-ftehim ta' kummerċ ħieles. Min-naħa l-oħra, ikun sewwa ħafna jekk il-ftehimiet ta' kummerċ ħieles ikollhom l-istess regoli dwar l-oriġini jew simili, billi mhux prattiku għall-industrija tal-UE li tadatta l-akkwist barrani għal regoli differenti skont is-suq tad-destinazzjoni. Għalhekk, l-aċċettanza tar-regoli dwar l-oriġini qrib kemm jista' jkun tar-regoli standard tal-UE dwar l-oriġini hija fattur importanti u relevanti biex wieħed iqis. Ladarba r-regoli dwar l-oriġini aċċettabbli jkunu miftiehma u li ġeneralment jaqdu l-bżonnijiet tal-industrija tal-UE, jista' jkun għalhekk aċċettabbli li jkun hemm flessibbiltà fir-rigward tar-rifużjoni tad-dazju, għalkemm, preferibbilment b'ċerti limiti, u bil-kunsiderazzjoni tal-kriterji l-oħra hawn taħt. b) L-impatt li aktarx ikollha l-awtorizzazzjoni – jew il-projbizzjoni skont il-każ – tar-rifużjoni tad-dazju, kemm f'termini ta' kundizzjonijiet kompetittivi fis-suq tal-UE kif ukoll fuq l-esportaturi tal-UE , għandu jiġi evalwat u meqjus fl-evalwazzjoni tal-bilanċ globali tal-ftehim. Din l-analiżi, li tkun tinkludi evalwazzjoni kwantitattiva li għandha tibda kmieni fil-proċess tan-negozjati u fi kwalunkwe każ tippreċedi d-deċiżjoni dwar il-konklużjoni tal-ftehim ta' kummerċ ħieles, se tħares lejn l-impatt fuq il-kummerċ, il-produzzjoni, l-investiment u l-imjiegi, fuq l-użu tal-possibbiltajiet ta' kumulazzjoni fil-ftehim ta' kummerċ ħieles u fuq pajjiżi li qed jiżviluppaw li huma milquta. c) L-ambizzjoni tal-ftehim ta' kummerċ ħieles f'termini ta' aċċess tas-suq u l-punt sa fejn dan jissodisfa l-interessi tal-industrija tal-UE. L-elementi li jistgħu jitqiesu, każ b'każ, biex tiġi evalwata din il-flessibbiltà huma l-punt sa fejn pajjiżi aktar avvanzati jieħdu fuqhom impenji ta' liberalizzazzjoni tal-kummerċ ambizzjużi b'riżultat tal-ftehim ta' kummerċ ħieles li jikkostitwixxu riżultat ġeneralment sodisfaċenti għall-industrija tal-UE. Bl-istess mod, għandu jkun hemm kundizzjonijiet xierqa għall-aċċess tas-suq għall-esportaturi tal-UE ta' prodotti intermedji li inkella lilhom ma jingħatawlhomx benefiċċji tal-ftehim ta' kummerċ ħieles. d) Kunsiderazzjonijiet tal-iżvilupp, inkluż il-punt sa fejn sħab fin-negozjat ta' ftehim ta' kummerċ ħieles ikun diġà qed jesporta mingħajr dazju (jew bl-hekk imsejħa "nuisance duties") lill-UE bir-rifużjoni tad-dazju, l-impatt tal-projbizzjoni tar-rifużjoni tad-dazju fuq il-benefiċċji u fuq l-inċentivi għalihom biex jidħlu fi ftehim ta' kummerċ ħieles u l-effetti tal-awtorizzazzjoni tar-rifużjoni tad-dazju fuq l-użu ta' materjali intermedji prodotti domestikament. Il-grad tal-iżvilupp tal-pajjiż terz ikkonċernat għandu wkoll jitqies. Fir-rigward tal-konċessjonijiet possibbli fuq ir-rifużjoni tad-dazju, eżempju ta' flessibbiltà limitata jista' jkun li r-rifużjoni tad-dazju tkun ristretta għad-differenza bejn ir-rati MFN medji applikabbli għall-inputs intermedji fil-pajjiż sħab u l-UE rispettivament, meta r-rati tad-dazji MFN ta' pajjiż sħab futur ikunu relattivament għoljin u relattivament baxxi fl-UE. Dan jista' jsir ġeneralment jew għal xi setturi (jew anki prodotti skont il-bżonn) fejn l-impatt tar-rifużjoni tad-dazju jista' jkun aktar sinifikanti minħabba d-dazji MFN differenzjali. Dan ikollu l-għan li jżomm kuntest uniformi għall-industriji taż-żewġ pajjiżi fiż-żona ta' kummerċ ħieles F'każijiet oħra, jistgħu jitqiesu limitazzjonijiet tal-ħin jew limiti oħra. Fil-każ ta' pajjiżi li qed jiżviluppaw, pożizzjoni inqas impenjattiva tkun iġġustifikata fid-dawl ta' politika favur l-iżvilupp (il-livell tagħha jista' jiddependi fuq jekk tikkonċernax pajjiż l-inqas żviluppat jew GSP+ jew le), u għandu jitqies li dawn diġà jibbenefikaw mir-rifużjoni tad-dazju għall-esportazzjonijiet tagħhom lill-UE skont il-GSP. [1] Biex jingħata eżempju tal-mekkaniżmu, wieħed jista' jimmaġina magna ta' karozza Ġappuniża li teħel 10 % dazji meta tidħol fil-Korea. Meta din il-magna tal-karozza tiġi użata f'karozza Koreana li mbagħad tiġi esportata lejn l-UE, il-manifattur Korean tal-karozza jista' 'jieħu lura' d-dazji ta' 10 % li ħallas fuq il-magna tal-karozza Ġappuniża/input barrani. [2] L-UE mhijiex l-unika Membru tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ li għandha projbizzjonijiet tar-rifużjoni tad-dazju fil-ftehimiet ta' kummerċ ħieles. Pajjiżi oħra jipprojbixxuha wkoll f'ħafna mill-ftehimiet ta' kummerċ ħieles tagħhom, għalkemm dan jista' jiddependi mis-sħab tagħhom: eż. il-Messiku u ċ-Ċili xi kultant jipprojbixxu r-rifużjoni tad-dazju u xi kultant jipperemettuha. Fil-Mercosur, ir-rifużjoni tad-dazju hija pprojbita għal ċerti karozzi. Għall-Istati Uniti, l-aktar ftehim ta' kummerċ ħieles importanti huwa n-NAFTA, fejn ir-rifużjoni tad-dazju mhijiex permessa. Wara diskussjoni politika fl-2003, f'dawn l-aħħar snin l-Istati Uniti kienet qed tiddeċiedi każ b'każ, u r-rifużjoni tad-dazju ġiet permessa fil-ftehimiet ta' kummerċ ħieles innegozjati, ħlief għall-dak bejn l-Istati Uniti u ċ-Ċili fejn ir-rifużjoni tad-dazju ġiet ipprojbita; ta' min jinnota madankollu, li l-maġġoranza ta' dawn il-ftehimiet ta' kummerċ ħieles jikkonċernaw pajjiżi li qed jiżviluppaw (fost oħrajn, il-Marokk, Oman, il-Bahrain, KAFTA, il-Kolumbja, il-Ġordan, il-Peru) - bl-eċċezzjoni tal-Iżrael u l-Awstralja u l-ftehim ta' kummerċ ħieles li għadu mhux adottat bejn l-Istati Uniti u l-Korea - u l-UE applikat ukoll flessibilità fil-passat għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Fil-ftehim ta' kummerċ ħieles bejn l-Istati Uniti u s-Singapor, ir-rifużjoni tad-dazju ma għandhiex konsegwenzi ekonomiċi reali billi l-MFN Singaporjan huwa 0 għall-biċċa l-kbira tal-prodotti, [3] Ir-rifużjoni tad-dazju hija pprojbita, soġġetta għal arranġamenti tranżizzjonali, fil-ftehimiet ta' kummerċ ħieles ma' pajjiżi li qed jiżviluppaw bħall-Messiku u ċ-Ċili u l-ftehimiet ta' kummerċ ħieles Euro-Mediterranji kollha. Madankollu, ġiet permessa fil-preferenzi kummerċjali marbuta ma' skopijiet ta' żvilupp: skont ir-regoli GSP applikabbli għall-pajjiżi kollha li qed jiżviluppaw u għall-pajjiżi ACP ta' Cotonou, fl-EPAs, u fil-Ftehim ta' Kummerċ, Żvilupp u Kooperazzjoni (TDCA) mal-Afrika ta' Isfel. [4] Ta' min jinnota li, fil-biċċa l-kbira tas-setturi industrijali u prodotti oħra, ir-regoli tal-oriġini jistgħu jippermettu għal sehem ikbar tal-kontenut barrani (sa 50 % f'ċerti każijiet), u ċ-ċifri u l-impatt tal-awtorizzazzjoni jew il-projbizzjoni tar-rifużjoni tad-dazju jistgħu jkunu ogħla skont l-użu li effettivament isir mill-possibilitajiet ta' akkwist barrani. [5] Għas-simpliċità, fl-eżempji mogħtija ma tqisux fatturi addizzjonali, bħal jekk il-materjali impurtati minn pajjiżi terzi ikunux ġejjin minn pajjiżi preferenzjali mhux soġġetti għad-dazji tal-importazzjoni jew il-possibbiltajiet ta' kumulazzjoni. Il-kalkolu tal-valur tar-rifużjoni tad-dazju saret ukoll għal raġunijiet ta' simpliċità fuq il-prezz tal-importazzjoni tal-prodott finali minflok fuq l-ispiża tal-manifattura, u għalhekk huwa kemxejn eżaġerat. [6] Wieħed jista' jargumenta, madankollu, (ara t-taqsima II.a hawn fuq ) li huwa leġittimu li fi ftehim ta' kummerċ ħieles l-esportaturi ma jitħallewx, permezz tal-projbizzjoni tar-rifużjoni tad-dazju, milli jibbenefikaw bis-sħiħ mit-tneħħija tad-dazju billi inkella l-esportaturi jkunu f'qagħda aħjar mill-kompetituri tagħhom li joperaw fis-suq domestiku tal-pajjiż li qed jimporta. [7] Madwar tliet kwarti tal-esportazzjonijiet tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw li l-UE bħalissa qed tinnegozja ftehimiet ta' kummerċ ħieles magħhom għandhom dazju baxx ħafna jew żero fl-UE skont l-MFN u l-GSP. Għalhekk, fl-2008 58 % tal-importazzjonijiet totali mill-Indja daħlu mingħajr dazju fl-UE u 7 % oħra b'nuisance duties (≤ 3 %); 65 % tal-importazzjonijiet mill-ASEAN daħlu mingħajr dazju u 5,6 % oħra b'dazji inqas minn 3 %; 80 % tal-importazzjonijiet mill-Amerka Ċentrali wkoll daħlu mingħajr dazju; 77 % tal-esportazzjonijiet mill-Kolombja daħlu mingħajr dazju, u 95 % mill-Peru. Għalhekk, il-projbizzjoni tar-rifużjoni tad-dazju tkun timplika l-limitu tal-benefiċċji tal-ftehim ta' kummerċ ħieles għal madwar kwart tal-esportazzjonijiet ta' dawn il-pajjiżi lejn l-UE; Madankollu, dawn jikkonċernaw prodotti li huma soġġetti għall-ogħla tarriffi fl-UE u li normalment ikunu iktar sensittivi. [8] L-ishma ta' dawn l-esportazzjonijiet li ma għandhomx dazju fil-GSP fl-2008 kienu: 24 % għall-Indja, 10 % għall-pajjiżi tal-ASEAN, 20 % għall-Amerika Ċentrali, 13 % għall-Kolombja u 23 % għall-Peru. F'dawk il-każijiet, it-trattament bi ftehim ta' kummerċ ħieles ikun agħar fis-sitwazzjoni ta' projbizzjoni tar-rifużjoni tad-dazju.