52010DC0010

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill - Valutazzjoni tal-azzjoni effettiva meħuda mil-Latvja u l-Ungerija b'rispons għar-Rakkomandazzjonijiet tas-7 ta' Lulju 2009 bil-ħsieb li jtemmu l-qagħda ta' żbilanċ eċċessiv tal-gvern /* KUMM/2010/0010 finali */


[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussell, 27.1.2010

KUMM(2010) 10 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL

Valutazzjoni tal-azzjoni effettiva meħuda mil-Latvja u l-Ungerija b'rispons għar-Rakkomandazzjonijiet tas-7 ta' Lulju 2009 bil-ħsieb li jtemmu l-qagħda ta' żbilanċ eċċessiv tal-gvern

1. L-applikazzjoni tal-patt ta' stabbiltà u tkabbir ekonomiku fil-qagħda tal-kriżi attwali

Bosta pajjiżi tal-UE bħalissa qegħdin iħabbtu wiċċhom ma’ żbilanċi ġenerali tal-gvern ’il fuq mill-valur ta’ referenza ta’ 3 % tal-PGD stabbilit fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFEU). Id-deterjorament ta’ spiss qawwi fl-iżbilanċ kif ukoll il-pożizzjonijiet tad-dejn għandhom jitqiesu fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja u t-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku globali bla preċedent fl-2008/09. Hemm bosta fatturi involuti. L-ewwel nett, ir-reċessjoni ekonomika ġġib magħha inqas dħul mit-taxxi u iktar infiq għall-benefiċċji soċjali (p.e. benefiċċji għall-qgħad). It-tieni, ladarba għarfet li l-politiki baġitarji għandhom sehem importanti x’jagħtu fil-qagħda ekonomika straordinarja li hawn bħalissa, il-Kummissjoni talbet biex ikun hemm stimulu fiskali fil-Pjan Ewropew ta' Rilanċ Ekonomiku (EERP) tagħha ta’ Novembru 2008, li ġie approvat mill-Kunsill Ewropew f’Diċembru. Il-Pjan jispjega li l-istimulu għandu jkun ddifferenzjat fl-Istati Membri kollha biex jirrifletti l-pożizzjonijiet differenti tagħhom f'termini ta' sostenibbiltà u l-kompetittività tal-finanzi pubbliċi. Fil-każ tal-Latvja u l-Ungerija, ma kienx hemm spazju għal dan l-istimulu fiskali. Fl-aħħar nett, diversi pajjiżi ħadu miżuri biex jistabbilizzaw is-settur finanzjarju li xi wħud minnhom kellhom impatt fuq il-pożizzjoni tad-dejn jew jikkostitwixxu riskju ta’ żieda fl-iżbilanċi u fid-dejn fil-ġejjieni, għalkemm xi wħud mill-ispejjeż ta’ sostenn tal-gvern jistgħu jiġu rkuprati fil-ġejjieni.

Il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir jirrikjedi li l-Kummissjoni tagħti bidu għall-proċedura ta' żbilanċ eċċessiv (PŻE) kull meta l-iżbilanċ ta’ Stat Membru jaqbeż il-valur ta’ referenza ta’ 3 % tal-PGD. L-emendi għall-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir tal-2005 kellhom l-għan li jiżguraw li l-isfond ekonomiku u baġitarju jiġi kkunsidrat b’mod partikolari bis-sħiħ fl-istadji kollha tal-PŻE. B’dan il-mod, il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir jipprovdi l-qafas li jappoġġja l-politiki tal-gvern għal ritorn ta’ malajr lejn pożizzjonijiet baġitarji mingħajr problemi billi titqies is-sitwazzjoni ekonomika, u għalhekk tiġi żgurata s-sostenibbiltà dewwiema tal-finanzi pubbliċi.

2. valutazzjoni tal-azzjoni effettiva meħuda

Fis-7 ta' Lulju, il-Kunsill indirizza rakkomandazzjonijiet skont l-Artikolu 104(7) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (TEC) lil-Latvja u l-Ungerija bil-ħsieb li tinġieb fit-tmiem is-sitwazzjoni ta' żbilanċ eċċessiv. Għal-Latvja, dawn ir-rakkomandazzjonijiet kienu bbażati fuq aġġornament tat-tbassir tar-rebbiegħa 2009 tas-servizzi tal-Kummissjoni, speċifikament ippreparati fis-segwitu tar-reviżjoni tal-assistenza tal-Bilanċ tal-Pagamenti multilaterali provduta lil-Latvja f'Ġunju 2009. Għall-Ungerija, ir-rakkomandazzjonijiet kienu bbażati fuq ix-xejra ekonomika ppreżentata fit-tbassir tar-rebbiegħa 2009 tas-servizzi tal-Kummissjoni.

Skont ir-Regolament (KE) Nru 1467/97[1] u l-Kodiċi tal-Kondotta rivedut[2], Stat Membru għandu jitqies li jkun ħa azzjoni effettiva jekk ikun aġixxa f'konformità mar-rakkomandazzjoni tal-Artikolu 104(7) tat-TEC. Il-Kodiċi tal-Kondotta jistqarr li l-valutazzjoni tal-azzjoni effettiva għandha b'mod partikolari tqis jekk l-Istat Membru kkonċernat kisibx it-titjib annwali tal-bilanċ tiegħu aġġustat b'mod ċikliku, bl-esklużjoni ta' miżuri ta' darba u miżuri oħra temporanji, irrakkomandati inizjalment mill-Kunsill. Fil-każ li l-aġġustament osservat ikun anqas minn dak rakkomandat, għandha ssir analiżi bir-reqqa tar-raġunijiet għan-nuqqas. Fil-każ ta' aġġustament multiannwali, il-Kodiċi tal-Kondotta jispeċifika li l-aġġustament għandu jiffoka prinċipalment fuq il-miżuri meħuda biex ikun żgurat aġġustament fiskali adegwat fis-sena ta' wara l-identifikazzjoni tal-iżbilanċ eċċessiv.

Fit-taqsimiet li ġejjin speċifiċi għal pajjiżi, l-azzjonijiet meħuda mil-Latvja u l-Ungerija b'rispons għar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill huma valutati.

3. Il-Latvja

3.1. Proċedura ta' żbilanċ eċċessiv u r-rakkomandazzjonijiet l-aktar reċenti

Fis-7 ta' Lulju 2009, il-Kunsill ddeċieda li kien hemm żbilanċ eċċessiv fil-Latvja skont l-Artikolu 104(6) tat-TEC u indirizza rakkomandazzjonijiet lil-Latvja skont l-Artikolu 104(7) tat-TEC bil-ħsieb li tinġieb fit-tmiem is-sitwazzjoni ta' żbilanċ eċċessiv tal-gvern. Fir-rakkomandazzjonijiet tiegħu, il-Kunsill stabbilixxa l-iskadenza tas-7 ta' Jannar 2010 biex tittieħed azzjoni effettiva.

Il-Kunsill rrakkomanda li l-Latvja ġġib fit-tmiem is-sitwazzjoni ta' żbilanċ eċċessiv kemm jista' jkun malajr u sa mhux aktar tard mill-2012, billi tiżgura sforz fiskali annwali medju tal-anqas ta' 2¾ % tal-PGD matul il-perjodu 2010-2012, billi ssaħħaħ l-governanza u t-trasparenza fiskali (titjib fil-qafas baġitarju, tisħiħ tal-kontrolli tal-infiq tal-Ministeru tal-Finanzi), kif ukoll regolamentazzjoni u superviżjoni tas-suq finanzjarju. Il-Kunsill jistabbilixxi ż-żmien ta' skadenza għas-7 ta' Jannar 2010 għall-gvern Latvjan biex jieħu azzjoni effettiva biex jimplimenta l-miżuri marbutin mal-baġit supplimentari tas-16 ta' Ġunju 2009, biex jadotta baġit tal-2010 artikolat kompletament b'miżuri ta' konsolidament ta' kwalità għolja b'konsistenza mar-rotta maħsuba għall-korrezzjoni tal-iżbilanċ eċċessiv u biex jiddeskrivi b'mod ġenerali l-miżuri previsti għall-2011 u l-2012.

Il-Latvja qiegħda tirċievi għajnuna finanzjarja fuq perjodu ta' terminu medju mill-UE f'forma ta' self sa EUR 3,1 biljun, deċiża fl-20 ta' Jannar 2009. Din l-għajnuna – provduta flimkien ma' ftehim Stand-by tal-IMF[3] – hijaa suġġett għal numru ta' kondizzjonijiet politiċi inklużi dawk dwar il-konsolidament fiskali kontinwu u msaħħaħ, il-governanza fiskali u r-riformi strutturali. Huma kienu konsistenti mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill skont il-PŻE.

3.2. Valutazzjoni tal-azzjoni effettiva meħuda

Il-baġit supplimentari ta' Ġunju 2009 kien implimentat b'mod ġenerali kif ippjanat. Skont it-tbassir tal-ħarifa 2009 tas-servizzi tal-Kummissjoni, l-iżbilanċ ġenerali tal-gvern f'95 termini tal-ESA kien mistenni li jilħaq 9,0 % tal-PGD fl-2009 (imqabbel mal-10,0 % tal-PGD irrapurtat mill-awtoritajiet Latvjani fin-notifika tal-PŻE tagħhom ta' Ottubru 2009). Peress li hemm kuntest makroekonomiku li b'mod ġenerali baqa' l-istess meta mqabbel mat-tbassir tal-Kummissjoni fl-isfond tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill ta' Lulju 2009, id-dħul żviluppa f'konformità mal-aspettattivi (li spiċċa ftit aktar baxx, possibbilment minħabba kwistjonijiet ta' konformità). L-iżviluppi pożittivi ta' flus kontanti jirriflettu riżultat aħjar minn dak mistenni fuq in-naħa tal-infiq u dan inkiseb minkejja żidiet fl-infiq ta' xi 1 % tal-PGD, deċiż f'Ottubru-Diċembru 2009 bil-kunsens tal-KE u l-IMF, sabiex ikun aċċellerat l-assorbiment tal-fondi tal-UE, u minħabba finanzjament ieħor provdut għall-bżonnijiet soċjali (programm ta' emerġenza tax-xogħol, żieda fid-dħul minimu ġenerali, ko-ħlasijiet tal-pazjenti, djar u benefiċċji għat-tisħin). B'mod ġenerali, it-tnaqqis sinifikattiv fl-infiq li kien hemm fil-baġit supplimentari tal-2009 (4,1 % tal-PGD) kien implimentat, l-unika eċċezzjoni notevoli kien it-tnaqqis fil-pensjonijiet li se jkollu jitħallas lura wara sentenza reċenti tal-Qorti Kostituzzjonali (tal-21 ta' Diċembru 2009). Fis-sentenza tagħha, il-Qorti Kostituzzjonali stqarret li t-tnaqqis fil-pensjonijiet introdott mal-baġit supplimentari ta' Ġunju 2009 kien sar b'mod inkonsistenti mal-kostituzzjoni Latvjana u għandu jitħallas mill-ġdid. F'dan il-kuntest, huwa mistenni żbilanċ tal-2009 akbar abbażi tal-ESA b'xi 0,5 % tal-PGD (filwaqt il-ħlasijiet lura ta' flus huma mistennija li jsiru fl-ewwel nofs tal-2010). Kollox ma' kollox, meta tkun ikkunsidrata l-informazzjoni disponibbli bħalissa, l-iżbilanċ tal-gvern ġenerali għall-2009 hu previst li jkun viċin iżda anqas mill-10 % tal-PGD u allura f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill skont l-Artikolu 104(7) tat-TEC.

Il-baġit tal-2010 kien adottat mill-Parlament fl-1 ta’ Diċembru 2009. Huwa bbażat fuq miżuri fiskali sostenibbli u jirrikjedi titjib ieħor diskrezzjonali fil-bilanċ baġitarju ta' LVL 500 miljun (aktar minn 4,2 % tal-PGD), li għandu jkun suffiċjenti biex tkun rispettata l-mira tal-iżbilanċ ta' 8,5 % tal-PGD iffissata għall-2010, minkejja l-ispejjeż fiskali mhux mistennija li jirriżultaw mis-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali dwar il-pensjonijiet li, għall-2010, jammontaw għal xi 1 % tal-PGD. Il-baġit adottat tal-2010 huwa f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill skont l-Artikolu 104(7) tat-TEC[4].

Min-naħa tad-dħul, il-baġit tal-2010 jinkludi miżuri li jżidu d-dħul li jammonta għal xi LVL 275 miljun (2,3 % tal-PGD). Fost il-miżuri, hemm riformi importanti li jagħmlu t-taxxa fuq id-dħul personali u l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali aktar newtrali, billi titwessa' l-bażi tat-taxxa tad-dħul kapitali (qligħ kapitali, dividendi u interesssi), jitneħħew l-eżenzjonijiet speċjali fit-turiżmu u l-attivitajiet agrikoli, ikunu ntaxxati benefiċċji mhux bi flus u rigali (esklużi rigali intra-familjari) u tiżdied ir-rata tat-taxxa ta' dawk li jaħdmu għal rashom għall-istess livell tal-impjegati. Dawn il-miżuri jammontaw għal kważi LVL 100 miljun. Miżura ġdida oħra importanti hija ż-żieda tar-rata tat-taxxa fuq id-dħul personali minn 23 % għal 26 %, li għandha tiġbor aktar minn LVL 90 miljun. It-tassazzjoni tal-għana ssaħħet, notevolment permezz ta' taxxi fuq il-proprjetà li żdiedu u twessgħu, biex jinkludu taxxa fuq il-proprjetà residenzjali progressiva (b'mod ħafif ħafna). It-twessigħ tal-bażi tat-taxxa fuq binjiet residenzjali se jiġbor biss LVL 8 miljuni, iżda miżuri oħrajn fil-baġit madankollu se jġibu l-ammont addizzjonali ġenerali mit-taxxa fuq il-proprjetà għal LVL 30 miljun, notevolment żieda minn 1 % għal 1,5 % fir-rata li tapplika fuq l-art u proprjetà kummerċjali, it-twessigħ tal-bażi tat-taxxa fuq strutturi ta' inġenerija ċivili ta' proprjetà privata u żieda tar-rata għal 3 % fuq l-artijiet agrikoli mhux koltivati. Barra minn hekk, il-gvern introduċa miżuri oħra ta' tassazzjoni progressiva fuq il-karozzi (ibbażata fuq l-istokk tal-karozzi) li għandhom jiġbru kważi LVL 20 miljun. Miżuri oħra ta' dħul jikkonsistu f'taxxi addizzjonali tas-sisa fuq il-gass u t-tabakk, li jiswew xi LVL 12-il miljun u dħul ieħor addizzjonali li mhux taxxa li jiswa kważi LVL 20 miljun.

Fuq in-naħa tal-infiq, il-baġit tal-2010 jinkludi qtugħ sinifikattiv fl-infiq ibbażat ħafna fuq ir-riformi strutturali, notevolment l-amalgamazzjoni jew l-abolizzjoni ta' aġenziji u istituti fil-Ministeri tal-Agrikoltura, il-Kultura, l-Edukazzjoni u d-Difiża. Il-miżuri se jġibu tfaddil fl-2010 u fuq medda itwal ta' żmien. Ittieħdu xi miżuri oħra b'impatt prinċipalment fuq medda qasira ta' żmien fil-baġit soċjali. Biex titjieb is-sostenibbiltà ta' dan tal-aħħar, matul l-2010 se ssir reviżjoni tas-sistemi tal-benefiċċji tal-assigurazzjoni soċjali u tal-pensjonijiet u se jiġu adottati proposti għal riforma tas-sistema fuq medda medja ta' żmien. Dan kollu hu necessarju aktar minn qatt qabel wara s-sentenza reċenti tal-Qorti Kostitutzzjonali. Il-gvernijiet lokali għad għandhom jiżguraw tnaqqis fin-nefqa tal-pagi għall-2010 konsistenti mat-tfaddil imbassar. Dawn jidhru realistiċi peress li l-qtugħ fil-pagi fuq il-livell lokali beda biss bl-adozzjoni tal-baġits supplimentari korrispondenti f'Ottubru 2009. F'dan il-kuntest, ix-xibka unifikata tal-pagi fis-settur pubbliku se tkun estiża għall-gvernijiet lokali.

Fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-2010, l-awtoritajiet se jieħdu miżuri biex iżidu l-effiċjenza tas-Servizz tad-Dħul tal-Istat (li ngħata finanzjament addizzjonali fil-baġit tal-2010) u tkun miġġielda l-ekonomija l-griża. Dawn il-miżuri u l-monitoraġġ tal-osservanza tat-taxxa se jkunu importanti biex jiżguraw li d-dħul jiżviluppa f'konformità ma', jew possibbilment aħjar minn dak imbassar.

Meta wieħed iqis il-firxa tal-aġġustament li sar mil-Latvja fl-2009 u l-aġġustament fil-baġit tal-2010, jista' jingħad b'mod raġonevoli li l-isforz strutturali kien restrittiv, f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill ta' Lulju 2009. Il-fatt li t-tbassir tas-servizzi tal-Kummissjoni ma jurix titjib baġitarju strutturali fl-2009 u fl-2010 huwa spjegat b'diversi fatturi. L-ewwel nett, dwar l-2010, it-tbassir tal-ħarifa 2009 tas-servizzi tal-Kummissjoni eskluda l-baġit tal-2010 li kien għadu qed jiġi diskuss fiż-żmien meta t-tbassir kien ippubblikat. Barra minn hekk, u b'mod aktar ġenerali, l-ambjent ekonomiku eċċezzjonalment prekarju bejn l-2008 u l-2011 jimplika li l-komponent ċikliku tas-soltu tal-iżbilanċ, li juża l-elastiċitajiet standard, jista' ma jaqbadx b'mod suffiċjenti l-impatt tat-tnaqqis estrem imġarrab mil-Latvja fl-2009. Għalhekk il-valutazzjoni tal-isforz strutturali jistrieħ fuq aspetti aktar kwalitattivi u jibni fuq l-analiżi tal-baġits supplimentari ta' Ġunju 2009 u l-2010. Wara 19,5 % tal-PGD fl-2008, id-dejn gross ġenerali tal-gvern jinsab fuq xejra li qiegħda tikber malajr biex jilħaq it-33 % tal-PGD fl-2009 u l-49 % tal-PGD fl-2010 skont it-tbassir tal-ħarifa tas-servizzi tal-Kummissjoni (wara li wieħed jassumi li se tittieħed l-għajnuna finanzjarja internazzjonali offruta lil-Latvja matul il-perjodu sal-2011).

Kif indikat fir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill, hemm bżonn ta' aġġustament sinifikattiv fis-snin li ġejjin. Diversi miżuri li mistennija li jittieħdu fil-baġits tal-2011 u fl-2012 tfasslu mill-awtoritajiet Latvjani fil-kuntest tal-programm ta' stabilizzazzjoni fl-għajununa tal-bilanċ tal-pagamenti. Dawn jinkludu miżuri oħra fuq in-naħa tad-dħul, li jiffokaw fuq it-tassazzjoni tal-għana (riforma fit-taxxa fuq il-karozzi bbażata fuq il-konsiderazzjoni ambjentali u tal-għana u riforma komprensiva tat-tassazzjoni fuq il-proprjetà li tippermetti eżenzjonijiet skont il-mezzi ttestjati). Fuq in-naħa tal-infiq, l-awtoritajiet Latvjani huma mistennija li jwettqu reviżjoni wiesgħa tas-sistemi tal-benefiċċji tal-assigurazzjoni soċjali u tal-pensjonijiet, kif imsemmi hawn fuq. Fir-rigward tal-pensjonijiet, ir-reġimi varji u l-etajiet ta' ritirar se jkunu riveduta bl-għan ikun li tkun preżervata s-sostenibbiltà u l-adegwatezza fil-futur tat-tliet pilastri tas-sistema. Se ssir reviżjoni tal-kumpaniji kollha pubbliċi u s-sussidjarji tagħhom skont il-kriterji stabbiliti fil-Liġi tal-Amministrazzjoni tal-Istat Latvjan bil-ħsieb ta' ristrutturar possibbli.

Il-proċess ta' preparazzjoni tal-baġit tal-2010 wera li kien hemm xi ftit progress fit-tisħiħ tal-qawwa u l-kapaċitajiet analitiċi tal-Ministeru tal-Finanzi vis-à-vis ministeri oħra simili. Hu mistenni aktar progress fit-tisħiħ tal-qafas baġitarju fl-2010 permezz tal-adozzjoni ta' miżuri relatati b'mod partikolari mal-ippjanar u l-monitoraġġ baġitarju.

Is-sorveljanza tas-settur finanzjarju ssaħħet b'mod sodisfaċenti permezz ta' analiżijiet akbar tar-riskju tal-kreditu u l-monitoraġġ tal-espożizzjoni tal-valuta barranija tal-banek. Ittieħdu passi biex ikun żgurat li l-banek ikunu adegwatament kapitalizzati u li t-telf ikun adegwatament sostnut..

3.3. Konklużjonijiet

Bl-informazzjoni li hemm bħalissa, jidher li l-Lavja ħadet azzjoni li tirrappreżenta progress xieraq lejn il-korrezzjoni tal-iżbilanċ eċċessiv fil-limiti taż-żmien iffssati mill-Kunsill. B'mod partikolari, il-Latvja:

- implimentat b'mod strett il-baġit tal-2009 li ppermetta t-taffijja tal-impatt tal-osservanza tas-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali ta' Diċembru 2009 dwar il-pensjonijiet; l-iżbilanċ tal-2009 hu għalhekk mistenni li jkun konformi mal-mira tal-10 % tal-PGD stabbilita fir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill u wkoll f'konformità mal-impenji assunti skont il-programm tal-bilanċ tal-pagamenti;

- adotatt il-baġit tal-2010 fl-1 ta' Diċembru 2009 li jeżiġi konsolidament fiskali ta' LVL 500 miljun (aktar minn 4,2 % tal-PGD) f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill u wkoll f'konformità mal-impenji assunti skont il-programm tal-bilanċ tal-pagamenti. Il-miżuri fil-baġit, anke meta wieħed iqis l-impatt fuq l-2010 tal-osservanza tas-sentenza tal-Qorti, għandhom jippermettu lil-Latvja li tkun konformi mar-rakkomandazzjoni biex jinkiseb żbilanċ ta' mhux aktar minn 8,5 % tal-PGD. Filwaqt li kienu inklużi miżuri ta' darba, il-baġit jimplika aġġustament strutturali sinifikattiv sew 'il fuq minn 2¾ pp tal-PGD (l-isforz fiskali annwali medju matul il-perjodu 2010-12 rakkomandat);

- Il-fażi tat-tħejjija tal-baġit tal-2010 turi sinjali ta' titjib fil-qasam tal-governanza fiskali u ttieħdu passi sinifikattivi fir-rigward tat-tisħiħ fir-regolamentazzjoni tas-swieq finanzjarji u s-sorveljanza.

Ir-riskji marbutin mal-miri baġitarji jirrelataw mal-implimentazzjoni tal-qtugħ fl-infiq fuq il-livell lokali, notevolement dwar dak li jikkonċerna n-nefqa tal-pagi konsistenti mat-tfaddil imbassar fil-pakkett ta' konsolidament fiskali. Fuq in-naħa tad-dħul, u l-monitoraġġ tal-osservanza tat-taxxa u l-miżuri kontra l-ekonomija l-griża se jkunu importanti biex jiżguraw li d-dħul jiżviluppa f'konformità ma', jew possibbilment aħjar minn dak imbassar.

Hemm bżonn ta' aġġustament sinifikattiv fis-snin li ġejjin sabiex l-iżbilanċ jinġieb taħt it-3 % tal-PGD fl-2012. Id-diversi miżuri mistennija li jittieħdu fil-baġits tal-2011 u fl-2012 tfasslu mill-awtoritajiet Latvjani fil-kuntest tal-programm ta' stabilizzazzjoni assunt bħala kondizzjoni għall-għajununa tal-bilanċ tal-pagamenti.

Fuq il-bażi ta' din il-valutazzjoni, il-Kummissjoni tikkunsidra li bħalissa m'huma meħtieġa l-ebda passi oħra fil-proċedura ta' żbilanċ eċċessiv tal-Latvja. Il-Kummissjoni se tkompli tosserva mill-qrib l-iżviluppi baġitarji fil-Latvja skont it-Trattat u l-SGP u l-kriterji ffissati fil-kuntest tal-għajnuna tal-Bilanċ tal-Pagamenti, b'mod partikolari fid-dawl tas-sitwazzjoni fraġili tal-finanzi pubbliċi.

Tqabbil tat-tbassir makroekonomiku u baġitarju ewlieni

| | 2007 |2008 |2009 |2010 |2011 | | PGD reali(% ta’ bidla) |COM tbassir ħarifa 2009 | 10,0 |-4,6 |-18,0 |-4,0 | 2,0 | | |National forecast |10,0 |-4,6 |-18,0 |-4,0 |n.a. | |Differenza fil-produzzjoni1(% tal-PGD potenzjali) |COM tbassir ħarifa 2009 | 16,3 |9,2 |-9,1 |-10,7 | -7,0 | | |Tbassir nazzjonali |m.a. |m.a. |m.a. |m.a. |m.a. | |Bilanċ tal-gvern ġenerali(% tal-PGD) |COM tbassir ħarifa 2009 | -0,3 |-4,1 |-9,0 |-12,3 | -12,2 | | |Tbassir nazzjonali |-0,3 |-4,1 |-10,0 |-5,4 |m.a. | |Bilanċ ewlieni(% tal-PGD) |COM tbassir ħarifa 2009 | 0,1 |-3,4 |-7,6 |-9,9 | -8,3 | | |Tbassir nazzjonali |0,1 |-3,4 |-8,6 |-3,2 |m.a. | |Bilanċ stipulat b'mod ċikliku(% tal-PGD) |COM tbassir ħarifa 2009 | -4,8 |-6,7 |-6,4 |-9,3 | -10,2 | | |Tbassir nazzjonali |m.a. |m.a. |m.a. |m.a. |m.a. | |Bilanċ strutturali2(% tal-PGD) |COM tbassir ħarifa 2009 | -4,8 |-6,7 |-7,0 |-10,2 | -10,2 | | |Tbassir nazzjonali |m.a. |m.a. |m.a. |m.a. |m.a. | |Dejn gross tal-gvern(% tal-PGD) |COM tbassir ħarifa 2009 | 9,0 |19,5 |33,2 |48,6 | 60,4 | | |Tbassir nazzjonali |9,0 |19,5 |41,5 |m.a. |m.a. | | Sors: Il-Ministeru tal-Finanzi Latvjan, it-Tieni Notifika skont il-PŻE 2009, it-tbassir tal-ħarifa tal-2009 tas-servizzi tal-Kummissjoni

1 Iċ-ċifri tat-tbassir tal-ħarifa tal-2009 tas-servizzi tal-Kummissjoni huma bbażati fuq it-tkabbir potenzjali ta' 4.5%, 1,6 %, -1,4 %, -2,3 % u -2,1 % rispettivament fil-perjodu 2007-2011.

2 Bilanċ strutturali = bilanċ aġġustat ċiklikament li jeskludi miżuri ta’ darba u miżuri temporanji oħrajn.

Noti dwar it-tabella:

It-tbassir tal-ħarifa tas-servizzi tal-Kummissjoni għal-Latvja jeskludi l-impatt fiskali tal-baġit tal-2010 li għadu qed jiġi diskuss.

It-tbassir nazzjonali għall-PGD reali kien komunikat mill-awtoritajiet Latvjani f'Jannar 2010; It-tbassir baġitarju nazzjonali għall-2009 hu dak tan-notifika tal-PŻE tal-ħarifa tal-2009; It-tbassir baġitarju nazzjonali għall-2010 jinkludi l-impatt tal-baġit adottat fl-1 ta' Diċembru iżda mhux il-konsegwenzi tas-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali tal-21 ta' Diċembru dwar it-tnaqqis fil-pensjonijiet imsemmija hawn fuq; Barra minnhekk, it-tbassir baġitarju nazzjonali għall-2010 huma disponibbli biss f'termini ta' flus u mhux komparabbli mat-tbassir li hu fuq bażi tal-ESA.

It-tbassir nazzjonali l-aktar reċenti tad-differenzi tal-produzzjoni u l-bilanċi huma dawk mill-programm ta' konverġenza ta' Jannar 2009 u huma esklużi għaliex mhumiex relevanti.

Minkejja li t-tabella ma turix titjib baġitarju strutturali – peress li t-tbassir tas-servizzi tal-Kummissjoni jeskludi l-baġit tal-2010 u jonqos it-tbassir il-ġdid tal-bilanċ strutturali – l-analiżi preċedenti tal-baġits supplimentari ta' Ġunju 2009 u tal-2010 juri li l-azzjoni meħuda hija f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill ta' Lulju 2009 f'dan ir-rigward. Barra minn hekk, minħabba l-ambjent ekonomiku eċċezzjonalment prekarju bejn l-2008 u l-2011, il-komponent ċikliku normali tal-iżbilanċ li juża l-elastiċitajiet standard, jista' ma jaqbadx b'mod suffiċjenti l-impatt tat-tnaqqis ekonomiku.

4. L-UNGERIJA

4.1. Proċedura ta' żbilanċ u rakkomandazzjonijiet

Fil-5 ta' Lulju 2004 il-Kunsill ddeċieda li kien hemm żbilanċ eċċessiv fl-Ungerija skont l-Artikolu 104(6) tat-TEC. Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill l-aktar reċenti skont l-Artikolu 104(7) tat-TEC kienet adotatta fis-7 ta' Lulju 2009 li tistabbilixxi data ta' skadenza biex tittieħed azzjoni effettiva sas-7 ta' Jannar 2010.

Il-Kunsill rrakkomanda lill-Ungerija li ġġib fit-tmiem il-qagħda preżenti ta' żbilanċ eċċessiv mill-aktar fis possibbli, u sa mhux aktar tard mill-2011. B'mod partikolari, l-iżbilanċi fl-2009 u l-2010 għandhom jirrispettaw il-limiti ta' 3,9 % tal-PGD u 3,8 % tal-PGD, rispettivament , kif inhu previst ukoll fir-rapport ta' progress tal-PŻE tal-awtoritajiet tad-29 ta' Mejju 2009, u l-Kunsill stabilixxa data ta' skadenza biex tittieħed azzjoni effettiva f'dan ir-rigward. Barra minnhekk, il-miżuri baġitarji għandhom jiżguraw titjib fil-bilanċ strutturali ta' mill-anqas 0,5 punti perċentwali kumulattivi fuq is-sentejn tal-2010 u 2011 meħudin flimkien. Il-liġi dwar ir-responsabbiltà fiskali adottata reċentement għandha tkun implimentata kompletament. Fl-aħħar nett, id-dejn tal-gvern fi proporzjon mal-PGD għandu jinġieb fit-triq 'l isfel b'mod sod, jekk hu possibbli qabel l-2011.

4.2. Valutazzjoni tal-azzjoni effettiva meħuda

L-analiżi li ġejja tieħu in konsiderazzjoni s-sitt rapport ta' progress skont il-proċedura ta' żbilanċ eċċessiv ppreżentat mill-awtoritajiet Ungeriżi fl-24 ta' Settembru 2009[5], kif ukoll informazzjoni addizzjonali li kienet disponibbli dakinhar, inkluża l-adozzjoni ta' miżuri addizzjonali u l-pubblikazzjoni tad-dejta baġitarja.

Il-pożizzjoni fiskali fl-2009 u, anke jekk fuq skala iżgħar, fl-2010 kompliet tkun restrittiva. L-Ungerija ma kellha l-ebda spazju għal miżuri ta' stimulu baġitarju u meta l-kriżi laħqet l-ewwel qofol tagħha fi tmiem Ottubru 2008, il-gvern tilef ukoll aċċess għall-finanzjament ibbażat fuq is-suq. F'dan il-kuntest, irċeviet għajnuna finanzjarja fuq perjodu medju mill-UE f'forma ta' self sa EUR 6.5 biljun, deċiż fl-4 ta' Novembru 2008. Din l-għajnuna hija suġġetta għal numru ta' kundizzjonijiet politiċi inklużi dawk dwar il-konsilidament fiskali kontinwu u msaħħaħ, il-governanza fiskali u r-riformi strutturali u provduta flimkien ma' EUR 12,5 biljun, provduti skont ftehim Stand-by tal-IMF[6]. Huma kienu konsistenti mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill skont il-PŻE.

Dwar l-2009, it-tbassir tal-ħarifa tas-servizzi tal-Kummissjoni ppreveda żbilanċ ġenerali tal-gvern ta' 4,1 % tal-PGD (ibbażat fuq l-informazzjoni kollha disponibbli sat-22 ta' Ottubru 2009, id-data tal-limitu tat-tbassir). Il-mira ta' 3,9 % tal-PGD issa probabbli tintlaħaq, skont l-informazzjoni dwar ir-riżultat tal-iżbilanċ tal-flus kontanti ġenerali tal-gvern tal-2009 li teskludi l-muniċipalitajiet (3,6 % tal-PGD skont il-pjan ta' 3,8 % tal-PGD). Kollox ma' kollox, inklużi l-miżuri adotattati qabel ir-rapport ta' progress ta' Mejju, il-miżuri ta' konsolidament fiskali li jiswew 1½ % tal-PGD kienu adottati fl-2009 bi tqabbil mal-baġit oriġinali. L-impatt kien prinċipalment fuq in-naħa tal-infiq (b'mod partikolari, tnaqqis fil-pagi pubbliċi, il-pensjonijiet u s-sussidji fuq id-djar) u sa ċertu punt limitat (0,2 % tal-PGD) ukoll fuq in-naħa tad-dħul. Il-progress lejn li tintlaħaq il-mira tal-iżbilanċ tal-2009 kien sostnut ukoll b'pagamenti ta' dividendi ogħla inter alia mill-kumpaniji tal-istat, kontrol imsaħħaħ tal-infiq fil-ministeri rilevanti kif ukoll spiża netta fuq l-interessi baxxa aktar milli mistennija ta' xi 0,2 % tal-PGD, li jġibu t-tfaddil totali għal kważi 2 % tal-PGD. Din pattiet għad-deterjorament qawwi tad-dħul tal-gvern konness mat-tnaqqis massiv tal-attività ekonomika. F'termini strutturali, it-titjib fil-bilanċ ġenerali tal-gvern fl-2009 huwa stmat li jkun qrib it-3 % tal-PGD li jġib l-aġġustament strutturali akkumulat wara l-2006 għal 8½ % tal-PGD.

Għal dak li jikkonċerna l-2010, il-Parlament Ungeriż adotta fit-30 ta' Novembru 2009 baġit f'konformità mal-mira ta' 3,8 % tal-PGD għall-iżbilanċ ġenerali tal-gvern tal-2010. Huwa msaħħaħ b'diversi miżuri strutturali li jnaqqsu l-infiq, inter alia b'aktar riformi tas-sistema tal-pensjonijiet u s-sostenn soċjali. Barra minn hekk, il-baġit tal-2010 jinkludi trasferimenti mill-gvern ċentrali lis-sistema ta' trasport pubbliku ta' distanza twila u lill-muniċipalitajiet. It-tbassir tal-ħarifa tal-2009 tas-servizzi tal-Kummissjoni jipproġetta żbilanċ ġenerali tal-gvern ta' 4,2% tal-PGD għall-2010. Minn dak iż-żmien 'l hawn, dettalji addizzjonali li jikkonċernaw ir-ristrutturar tas-sistema tat-trasport pubbliku li tagħmel it-telf u t-tnaqqis tat-trasferiment għal livelli aktar baxxi għamlu l-mira tal-2010 tal-iżbilanċ ta' 3,8 % tal-PGD aktar kredibbli. Madankollu, il-mira tal-iżbilanċ tal-2010 għadha suġġetta għal numru ta' riskji. Id-dħul, b'mod partikolari mit-taxxa fuq id-dħul tal-kumpaniji u s-sisa, jista' jkun aktar baxx milli mistenni, u l-infiq jista' jkun ogħla, b'mod partikolari fir-rigward tas-sistema tat-trasport pubbliku ta' distanza twila u t-trasferimenti għal livelli aktar baxxi ta' gvern, hekk kif il-miżuri fiż-żewġ oqsma mhumiex kompletament sostnuti minn tfaddil strutturali. Filwaqt li r-riżervi li jammontaw għal 0,8 % għandhom jipprovdu lqugħ suffiċjenti kif mitlub mir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill tas-7 ta' Lulju 2009, ma jistax ikun eskluż li jkun hemm bżonn ta' aktar miżuri x'jittieħdu biex tintlaħaq il-mira. F'dan ir-rigward, l-awtoritajiet esprimew l-impenn tagħhom li jieħdu azzjoni xierqa jekk ikun hemm kwalunkwe riskju negattiv.

Fir-rigward tal-bilanċ strutturali, it-tbassir tal-ħarifa tal-2009 tas-servizzi tal-Kummissjoni ma wera l-ebda titjib fl-2010. Madakollu, meta wieħed iqis l-miżuri addizzjonali fil-qasam tas-sistema tat-trasport pubbliku li jagħmel it-telf imħabbra f'Diċembru 2009 u aktar riżervi fil-baġit finali tal-2010, jista' jkun hemm titjib żgħir fil-bilanċ strutturali fl-2010[7]. Minħabba r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill li titlob għal sforz fiskali kumulattivi matul l-2010 u l-2011 ta' mill-anqas 0,5 % tal-PGD, se jkun hemm bżonn mizuri addizzjonali prinċipalment minħabba t-tnaqqis fit-taxxa ta' 0,6 % tal-PGD previst fl-2011 u li jrid ikun rifless fil-baġit tal-2011.

L-Ungerija għamlet titjib fil-qasam tal-governanza fiskali li għandu jiffaċilita l-konsolidament fil-futur u jnaqqas ir-riskju ta' ritorn għal politiki mhux sostenibbli. Qafas fiskali ġdid jidħol fis-seħħ fl-2010. Matul il-preparazzjoni tal-baġit tal-2010, il-maġġoranza tal-elementi l-ġodda tiegħu kienu diġà tqiesu u l-Kunsill Fiskali l-ġdid li għadu kif twaqqaf beda x-xogħol tiegħu. Kienet ippreparata reviżjoni tal-proċeduri baġitarji u ppubblikata fuq il-websajt tal-Ministeru tal-Finanzi fil-15 ta' Diċembru li tispjega t-tibdiliet li kien hemm bżonn minħabba l-qafas il-ġdid fiskali u li tidentifika xi oqsma fejn hemm bżonn ta' aktar titjib.

F'dak li jikkonċerna l-proporzjon ta' dejn tal-gvern imqabbel mal-PGD, it-tbassir tal-ħarifa tal-2009 tas-servizzi tal-Kummissjoni jipprevedi li l-proporzjon se jistabilizza ftit anqas mit-80 % fl-2010 u jibda jonqos fl-2011. Il-miżuri addizzjonali msemmija hawn fuq u li għadhom ma ittieħdux in konsiderazzjoni fit-tbassir tal-ħarifa għandhom jikkontribwixxu għal rotta li twassal għall-proporzjon tad-dejn aktar baxx milli mbassar. Barra minn hekk, il-baġit tal-2011 f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill se jaċċellera aktar dan l-iżvilupp.

4.3. Konklużjonijiet

Bl-informazzjoni li hemm bħalissa, jidher li l-Ungerija ħadet azzjoni li tirrappreżenta progress xieraq lejn il-korrezzjoni tal-iżbilanċ eċċessiv fil-limiti taż-żmien iffssati mill-Kunsill. B'mod partikolari, l-Ungerija:

- Ħadet azzjoni effettiva fir-rigward tal-mira tal-2009 ta' 3,9 tal-PGD tal-iżbilanċ ġenerali tal-gvern notevolment billi adottat miżuri ta' konsolidament fiskali ta' 1½ % tal-PGD fl-2009 bi tqabbil mal-baġit oriġinali u billi saħħet il-kontrol fl-infiq fil-ministeri rilevanti li patta għad-differenzi fid-dħul;

- adottat, fit-30 ta' Novembru 2009, baġit tal-2010 tal-gvern ċentrali f'konformità mal-mira ta' 3,8 tal-PGD tal-iżbilanċ ġenerali tal-gvern u inkludiet miżuri strutturali b'mod partikolari fis-sistema tal-pensjonijiet u s-sostenn soċjali li jsostnu din il-mira;

- sostniet il-maġġoranza vasta tal-miżuri li jnaqqsu l-infiq b'liġijiet xierqa li kienu adottati jew diġà fl-2009 jew fil-liġijiet li jakkumpanjaw il-baġit tal-2010 u inkludiet fil-baġit tagħha tal-2010 livell suffiċjenti ta' riżervi;

- bdiet timplimenta l-qafas fiskali l-ġdid tagħha fil-kuntest tal-preparazzjoni tal-baġit tal-2010 u inizjat ix-xogħol biex ittejjeb aktar l-proċeduri tal-ippjanar baġitarju u l-kontrolli tal-baġit bil-ħsieb li ssaħħaħ il-qafas baġitarju fuq medda medja ta' żmien.

Madankollu, hemm riskji konsiderevoli mehmużin mal-mira tal-iżbilanċ tal-2010, kemm fuq in-naħa tad-dħul kif ukoll fuq in-naħa tal-infiq. Skont dan l-isfond, u minħabba t-tnaqqis fit-taxxi mhux kompensati diġà miftiehma fl-2011, il-kumulattiv meħtieġ ta' 0,5 % tal-aggustament strutturali neċessarju biex iġib l-iżbilanċ taħt it-3 % fl-2011 għadu mhux żgurat.

Fuq il-bażi ta' din il-valutazzjoni, il-Kummissjoni tikkunsidra li bħalissa m'huma meħtieġa l-ebda passi oħra fil-proċedura ta' żbilanċ eċċessiv tal-Ungerija. Il-Kummissjoni se tkompli tosserva mill-qrib l-iżviluppi baġitarji fl-Ungerija skont it-Trattat u l-SGP, b'mod partikolari fid-dawl tas-sitwazzjoni fraġili tal-finanzi pubbliċi.

Tqabbil tat-tbassir makroekonomiku u baġitarju ewlieni

| | 2007 |2008 |2009 |2010 |2011 | | PGD reali(% ta’ bidla) |COM tbassir ħarifa 2009 | 1,0 |0,6 |-6,5 |-0,5 |3,1 | | |Tbassir nazzjonali |1,0 |0,6 |-6,7 |-0,9 |m.a. | |Differenza fil-produzzjoni1(% tal-PGD potenzjali) |COM tbassir ħarifa 2009 | 3,1 |2,9 |-4,0 |-4,7 |-2,0 | | |Tbassir nazzjonali |m.a. |m.a. |m.a. |m.a. |m.a. | |Bilanċ tal-gvern ġenerali(% tal-PGD) |COM tbassir ħarifa 2009 | -5,0 |-3,8 |-4,1 |-4,2 |-3.9 | | |Tbassir nazzjonali |-5,0 |-3,8 |-3,9 |-3,8 |m.a. | |Bilanċ primarju(% tal-PGD) |COM tbassir ħarifa 2009 | -0,9 |0,4 |0,2 |-0,1 |-0,2 | | |Tbassir nazzjonali |-0,9 |0,4 |0,5 |0,7 |1,3 | |Bilanċ aġġustat b'mod ċikliku2(% tal-PGD) |COM tbassir ħarifa 2009 | -6,4 |-5,1 |-2,2 |-2,1 |-3,0 | | |Tbassir nazzjonali |m.a. |m.a. |m.a. |m.a. |m.a. | |Bilanċ strutturali3(% tal-PGD) |COM tbassir ħarifa 2009 | -5,5 |-4,8 |-2,1 |-2,1 |-3,0 | | |Tbassir nazzjonali |m.a. |m.a. |m.a. |m.a. |m.a. | |Dejn gross tal-gvern(% tal-PGD) |COM tbassir ħarifa 2009 | 65,9 |72,9 |79,1 |79,8 |79,1 | | |Tbassir nazzjonali |65,9 |72,9 |78,8 |79,2 |m.a. | | Sors: Il-Ministeru tal-Finanzi Ungeriż, it-Tieni Notifika skont l-EDP 2009, is-Sitt rapport ta' progress ta' Settembru 2009, it-tbassir tal-ħarifa tal-2009 tas-servizzi tal-Kummissjoni

1 Iċ-ċifri tal-previżjoni tal-ħarifa tal-2009 tas-servizzi tal-Kummissjoni huma bbażati fuq it-tkabbir potenzjali ta' 1,4%, 0,8%, 0,3%, 0,2% u 0,3% rispettivament fil-perjodu 2007-2011.

2 Minħabba l-ambjent ekonomiku eċċezzjonalment prekarju bejn l-2008 u l-2011, il-komponent ċikliku normali li juża l-elastiċitajiet standard, jista' ma jaqbadx b'mod suffiċjenti l-impatt tat-tnaqqis ekonomiku.

3 Bilanċ strutturali = bilanċ aġġustat ċiklikament li jeskludi miżuri ta’ darba u miżuri temporanji oħrajn.

[1] ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6.

[2] “Speċifikazzjonijiet dwar l-implimentazzjoni tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir Ekonomiku u l-linji gwida dwar il-forma u l-kontenut ta' programmi ta' stabbiltà u konverġenza”, approvati mill-Kunsill tal-ECOFIN tal-10 ta’ Novembru 2009.http://ec.europa.eu/economy_finance/sgp/deficit/legal_texts/index_en.htm

[3] Il-pakkett ta' għajnuna internazzjonali ta' total ta' EUR 7,5 biljun jinkludi kontribuzzjonijiet mill-IMF li jiswew EUR 1,7 biljun, mill-pajjiżi Nordiċi li jiswew EUR 1,9 biljun, self mill-Bank Dinji ta' EUR 0,4 biljun, u ħlasijiet oħra bin-nifs mill-Bank Ewropew ta' Rikostruzzjoni u Żvilupp, ir-Repubblika Ċeka u l-Polonja li fit-total jiswew EUR 0,4 biljun.

[4] Il-kalkolu tal-bilanċ strutturali huwa assoċjat mal-inċertezzi konsiderevoli speċjalment għall-Istati Membri l-ġodda.

[5] Ir-rapport kien reġistrat bħala dokument tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea 14226/09 (ECOFIN 616, UEM 233), Brussell, it-8 ta' Ottubru 2009.

[6] Il-pakkett tal-għajnuna internazzjonali ta' total ta' EUR 20 biljun kien sussugwentement kompletat b'self mill-Bank Dinji ta' EUR 1 biljun.

[7] Il-kalkolu tal-bilanċ strutturali huwa assoċjat mal-inċertezzi konsiderevoli speċjalment għall-Istati Membri l-ġodda.