[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA | Brussell, 19.1.2010 KUMM(2010) 4 final KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Alternattivi għal viżjoni Ewropea u mira għall-bijodiversità wara l-2010 1. Introduzzjoni Il-Bijodiversità – il-varjetà ta' ekosistemi, speċijiet u ġeni—hija l-kapitali naturali tad-dinja. Hija fattur integrali għall-iżvilupp sostenibbli billi tipprovdi oġġetti u servizzi vitali bħall-ikel, il-qbid tal-karbonju u l-kontroll tal-ibħra u tal-ilma li jsaħħu l-prosperità ekonomika, il-benessri soċjali u l-kwalità tal-ħajja. Flimkien mal-bidla klimatika, it-telf tal-bijodiversità hija l-iktar theddida ambjentali globali kritika u toħloq telf ekonomiku u soċjali sostanzjali. Fl-2001, l-UE għamlet mira għaliha nnifisha biex twaqqaf it-telf tal-bijodiversità fl-UE sal-2010. Fl-2002, hija ffirmat mira globali biex jitnaqqas b'mod sinifikanti t-telf tal-bijodiversità madwar id-dinja sal-2010. Sussegwentement, l-isforzi biex ikun ittrattat it-telf tal-bijodiversità żdiedu u fl-2006 il-Kummissjoni adottat Pjan ta' Azzjoni għall-Bijodiversità tal-UE (BAP) biex jitħaffef il-progress[1] Madankollu, minkejja l-isforzi li saru sal-lum, hemm indikazzjonijiet ċari li l-UE mhix se tilħaq il-mira tagħha[2] Fil-laqgħa tiegħu ta' Marzu 2009 dwar l-ambjent, il-Kunsill talab li jkun hemm viżjoni Ewropea ġdida u mira għall-bijodiversità li tibni fuq u li tikkontribwixxi għad-deliberazzjonijiet internazzjonali dwar viżjoni globali għall-bijodiversità wara l-2010 bħala parti minn pjan strateġiku aġġornat li għandu jkun adottat sal-aħħar tal-2010 biex tkun implimentata l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Diversità Bijoloġika (CBD). Il-konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati dwar l-iżvilupp ta' politika dwar il-bijodiversità wara l-2010, waqfu fl-aħħar xhur. Fuq livell tal-UE, il-konferenza mal-partijiet ikkonċernati ta' livell għoli organizzata mill-Kummissjoni f'Ateni bejn is-26 u s-27 ta'April 2009, kienet pass importanti ħafna. L-eżitu, 'Messaġġ minn Ateni', jenfasizza l-bżonn għal mira wara l-2010. Din il-Komunikazzjoni timmarka l-ewwel pass lejn dan l-objettiv. Hija tippreżenta alternattivi għall-iżvilupp ta' viżjoni wara l-2010. Il-Komunikazzjoni għandha l-għan li tiffaċilita d-dibattitu billi tidentifika l-kwistjonijiet u tistabbilixxi x-xogħol meħtieġ biex tkun tista' tistipula u twettaq il-miri ambizzjużi tal-UE. Ibbażat fuq dan id-dibattitu u fuq xogħol ulterjuri li jipprovdu l-evidenza meħtieġa li ssaħħaħ l-għażla tal-possibbiltà fost livelli differenti ta' ambizzjoni għal mira tal-UE, il-Kummissjoni se tippreżenta strateġija kompluta għall-bijodiversità tal-UE sal-aħħar tas-sena. 2. Il-Każ għall-protezzjoni tal-bijodiversità 2.1. L-istat u t-tendenzi tal-bijodiversità fl-Ewropa u fid-dinja Diversi rapporti awtorevoli[3] jikkonfermaw li l-bijodiversità globali għadha mhedda serjament, b'telfiet isiru għal 100 jew 1 000 darba iktar mir-rata normali. Aktar minn terz tal-ispeċijiet valutati qed jaffaċċjaw l-estinzjoni u huwa stmat li madwar 60% tal-ekosistemi tad-Dinja ġew degradati fl-aħħar 50 sena b'konsegwenzi għas-servizzi ta' ekosistemi li jiddependu fuqhom. Il-bijodiversità marittima tinsab ukoll taħt pressjoni u madwar 90% tal-bijomassa tal-pjaneta tgħix fl-oċean. Il-qerda, il-frammentazzjoni u d-degradazzjon tal-ħabitat ikkawżat minn tibdil fl-użu tal-art, mill-isfruttar żejjed, minn prattiki mhux sostenibbli (pereżempju sajd eċċessiv), mill-ispeċijiet invażivi, mill-aċidifikazzjoni tal-oċean, mit-tniġġis u iktar u iktar mill-bidla klimatika, huma l-iktar pressjonijiet qawwijin fuq il-bijodiversità. Ir-rata attwali tat-tkabbir tal-popolazzjoni u ż-żieda tal-konsum ras għal ras flimkien mal-istrutturi tas-suq mhux żviluppati biżżejjed u tal-istituzzjonijiet biex jallokaw bl-aħjar mod ir-riżorsi naturali qed iwasslu għat-telf tal-bijodiversità minħabba li r-riżorsi qed jintużaw b'rata iktar mgħaġġla milli qed ikunu sostitwiti. Hemm evidenza li qed tiżdied li l-istat ta' ħafna ekosistemi qed jilħaq punt jew diġà laħaq punt irriversibbli[4] Bl-istess mod li bih żieda ta' 2 gradi fit-temperatura globali iktar mil-livelli preindustrijali se twassal għal bidla katastrofika fil-klima, it-telf tal-bijodiversità iktar minn ċerti limiti se jkollu konsegwenzi estensivi għall-iffunzjonar innifsu tal-pjaneta. Dawn il-limiti għadhom qed jiġu definiti, iżda diġà huwa ċar għall-komunità xjentifika li r-rata attwali tat-telf tal-bijodiversità jpoġġi l-benessri futuri taċ-ċittadini fl-UE u madwar id-dinja f'riskju. Fl-Ewropa, il-valutazzjonijiet tal-konservazzjoni tal-ispeċijiet u tal-ambjent naturali, juru li minkejja li kien hemm xi suċċessi, is-sitwazzjoni ġenerali baqgħet tiddeterjora. L-ewwel valutazzzjoni fuq skala kbira tal-iktar ambjenti u speċijiet vulnerabbli fl-Ewropa li huma protetti mid-Direttiva dwar il-Ħabitat, uriet li 17% biss kellhom stat ta' konservazzjoni pożittiv, kif mitlub mid-Direttiva. Mergħat ta' art, artijiet mistgħadra, estwarji u ħabitats kostali għandhom riskju ikbar.[5] Ir-rata ta' telf tal-bijodiversità marittima hija wkoll allarmanti. Fil-każ ta' servizzi ta' ekosistemi fl-UE, teżisti pereżempju evidenza li l-kapaċità tal-ħżin tal-karbonju ta' ċertu ħamrija f'art li tista' tinħarat, li tiddependi ħafna fuq il-bijodiversità tal-ħamrija, qed tonqos.[6] Forom xierqa ta' mmaniġġjar tal-art u tal-baħar huma meħtieġa biex jinżammu u jissaħħu l-ekosistemi li jipprovdu servizzi ta' ekosistemi lis-soċjetà ġenerali. Servizzi ta' ekosistemi marittimi u kostali importanti bħal dawk provduti mill-artijiet mistgħadra melħin jistgħu jintilfu wkoll jekk jisparixxu l-artijiet mistgħadra kostali. 2.2. Implikazzjonijiet tat-telf tal-bijodiversità Minbarra li għandha valur intrinsiku, il-bijodiversità toffri valur permezz ta' servizzi ta' ekosistemi, pereżempju permezz tal-provvediment tal-ikel u l-ilma, billi toffri protezzjoni naturali mill-għargħar u t-tempesti u billi tirregola l-klima. L-implikazzjonijiet ambjentali tat-telf tal-bijodiversità jvarjaw minn bidliet mikro għall-kollass tal-ekosistemi u servizzi kollha li eventwalment jistgħu jkollhom impatt fuq il-prosperità futura tagħhom. Għalkemm ir-rwol tal-bijodiversità fil-manutenzjoni tal-iffunzjonar tal-ekosistema ma jinftiehemx b'mod sħiħ, l-evidenza xjentifika turi li l-ekosistemi karatterizzati minn diversità kbira ta' speċijiet huma iktar produttivi, iktar stabbli u b'saħħithom, inqas vulnerabbli għal stress u pressjonijiet esterni u jikkontribwixxu għal funzjonalità ogħla tal-ekosistema ġenerali[7]. Minħabba li n-natura hija kemm l-iktar regolatur tal-klima effettiv u kemm l-ikbar carbon sink, it-telf tal-bijodiversità jxekkel l-objettivi tal-klima. Ekosistemi b'saħħithom u flessibbli huma l-assigurazzjoni fuq ħajjitna kontra l-bidla klimatika, filwaqt li jipprovdu 'soluzzjoni naturali' biex nimmitigaw u nadattaw għall-konsegwenzi tagħha[8]. Hemm ukoll spejjeż ekonomiċi assoċjati mat-telf tal-bijodiversità u d-degradazzjoni tal-ekosistema li, sa ftit żmien ilu kienu ġeneralment jintesew. It-telf annwali tas-servizzi ta' ekosistemi huwa stmat li hu ekwivalenti għal €50 biljun, filwaqt li sal-2050, it-telfiet tal-benessri kkumulati kienu stmati ekwivalenti għal 7 %tal-Prodott Gross Domestiku[9]. Il-bijodiversità mhix biss ta' valur fiha nnifisha, iżda hija wkoll is-sors ta' servizzi ta' ekosistemi li jipprovdu kontribuzzjonijiet imprezzabbli għall-ekonomija li ħafna drabi mhumiex rikonoxxuti mis-swieq. Għalhekk jeħtieġ li jkun hemm valutazzjoni xierqa tas-servizzi ta' ekosistemi. Dan huwa wkoll riżultat proviżorju ewlieni tal-istudju internazzjonali bl-isem 'The Economics of Ecosystems and Biodiversity’ (TEEB) (L-Ekonomiji tal-Ekosistemi u l-Bijodiversità)[10]. Minbarra dan, minħabba li l-bijodiversità tipprovdi ħafna mill-istess servizzi bħas-soluzzjonijiet teknoloġiċi li jsiru mill-bniedem, ħafna drabi bi prezz irħas, il-protezzjoni u r-restawr tal-bijodiversità jipprovdu opportunitajiet effikaċi għall-mitigazzjoni u l-adattament għall-bidla klimatika[11]. Minħabba li r-riżorsi naturali huma inputs għal firxa wiesgħa ta' attivitajiet ekonomiċi, ir-restawr tal-istat tagħhom u t-tisħiħ tal-użu tagħhom jistgħu jgħollu l-produttività jew jiżviluppaw sorsi ġodda ta' tkabbir permezz ta' proċessi ta' innovazzjoni ekoloġiċi. Fl-aħħar nett, il-bijodiversità u s-servizzi tal-ekosistemi jagħtu kontribut kruċjali għall-benessri tal-bniedem. Huma jiżguraw l-għajxien ta' miljuni ta' persuni madwar id-dinja u huma essenzjali biex jitnaqqas il-faqar u biex jinkisbu l-objettivi tal-millenju għall-iżvilupp. Il-bijodiversità hija wkoll bażi ta' riżorsi tal-ikel. Id-diversità ġenetika, b'mod partikolari taġixxi bħala lqugħ kontra telf ta' għelejjel minn insetti li jeqirdu l-ħxejjex u minn mardiet u kontra l-bidla klimatika, biex b'hekk titħares is-sigurtà tal-ikel. Fl-UE, it-tnaqqis fil-vijabbiltà ta' prattiki agrikoli favur il-bijodiversità wassal għat-telf ta' xi servizzi tal-ekosistema kritiċi fil-qasam rurali u tal-art agrikola fertili, filwaqt li l-abbandun tal-art qed jikkawża telfiet ekonomiċi u soċjali b'mod partikolari fil-komunitajiet rurali. Fl-ambjent marittimu, is-sitwazzjoni hija simili għal xi komunitajiet tas-sajjieda li kienu affettwati serjament mit-tbattil tal-istokkijiet tal-ħut. Dawn l-impjiegi jinsabu f'riskju jekk l-ekosistemi jkomplu jiġu degradati. L-ekosistemi kostali jgħinu biex titnaqqas il-vulnerabbiltà tal-komunitajiet kostali għal avvenimenti ta' temp estrem, biex tkun immitigata l-erożjoni kostali, biex ikunu provduti ħabitats tajbin għas-saħħa għall-istokkijiet tal-ħut u biex ikun hemm kapaċità sinifikanti għall-ħżin tad-dijossidu tal-karbonju. 2.3. Kisbiet u defiċenzi tal-politika attwali Il-bijodiversità hija prijorità ambjentali ewlenija tal-UE u l-objettivi tagħha huma integrati fl-Istrateġija għall-Iżvilupp Sostenibbli tal-UE. Il-mira tal-UE tal-2010 kienet il-katalista ewlenija għall-iżvilupp tal-Pjan ta' Azzjoni għall-Bijodiversità fl-2006, u l-isforzi miżjuda biex ikunu implimentati b'mod sħiħ id-Direttivi dwar l-Għasafar u l-Ħabitats tal-UE, flimkien jiffurmaw is-sinsla tal-leġiżlazzjoni dwar il-konservazzjoni tan-natura tal-UE. In-netwerk tal-UE Natura 2000, li jkopri 17% tat-territorju tal-UE u li huwa l-ikbar netwerk taż-żoni protetti fid-dinja, huwa storja ta' suċċess. L-approċċ tal-ekosistemi huwa l-bażi tad-Direttiva Kwadru dwar l-Ilma[12] u tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina[13] li għandhom l-għan li jiksbu stat tajjeb tal-ekosistemi, b'kunsiderazzjoni għall-pressjonijiet kumulattivi Benefiċċji oħra ġew u se jkomplu jiġu mill-implimentazzjoni ta' leġiżlazzjoni li tiffoka fuq it-tnaqqis ta' ċertu sustanzi li jniġġsu u minn leġiżlazzjoni oħra dwar il-bijodiversità, sforzi li jirriflettu aħjar it-tħassib dwar il-bijodiversità f'oqsma politiċi oħra bħall-Politika tas-Sajd Komuni wara r-riforma tal-2002, u l-opportunitajiet finanzjarji ikbar favur il-bijodiversità skont diversi politiki differenti tal-UE, inkluża l-Politika Agrikola Komuni (CAP). Saru wkoll sforzi biex jitnaqqas l-impatt tal-produzzjoni u t-tendenzi tal-konsum fuq il-bijodiversità kemm fl-UE u kemm barra l-UE. Pereżempju, il-Konsum Sostenibbli u l-Pjan ta' Azzjoni għall-Produzzjoni għandu l-għan li jikkontrolla l-forzi tas-suq intern, filwaqt li l-Pjan ta' Azzjoni l-Infurzar tal-Liġi dwar il-Foresti, Governanza u Kummerċ (ILFGK) u r-regolamentazzjoni proposta li tistipula l-obbligi tal-operaturi li jqiegħdu fis-suq l-injam u l-prodotti tal-injam għandhom l-għan li jwaqqfu l-erożjoni tal-istokk ta' kapital naturali. Madankollu, minkejja dawn il-kisbiet, diversi fatturi żammew lura lill-UE milli tilħaq il-mira tagħha tal-2010 u jeħtieġ li dawn il-fatturi jkunu indirizzati fil-politika dwar il-bijodiversità għall-perjodu wara l-2010. L-ewwel, għad hemm diskrepanzi fl-implimentazzjoni fl-istabbiliment tan-netwerk Natura 2000, li mhemmx ħsieb li jkun komplut fuq l-art sal-2010 u fil-baħar sal-2012. Miżuri mmirati fil-leġiżlazzjoni dwar il-konservazzjoni tan-natura tal-UE wrew li huma kapaċi li jmexxu lura t-tnaqqis fl-ispeċijiet u l-ħabitats mhedda, iżda kien hemm dewmien u problemi fl-implimentazzjoni, inklużi riżorsi insuffiċjenti allokati għal dan l-isforz. It-tieni, għad hemm diskrepanzi kbar fil-politika . B'mod partikolari, il-politiki dwar il-ħamrija u l-ispeċijiet invażivi jeħtieġ li jkunu żviluppati aktar, minħabba li huma kruċjali biex ikun indirizzat it-telf tal-bijodiversità. Sa issa, fuq livell Ewropew, rekwiżiti relatati ma' konformità kienu stabbiliti taħt il-Politika Agrikola Komuni. Il-politika attwali ma tindirizzax biżżejjed is-servizzi tal-ekosistema. Dawn mhux se jinżammu biss minn miżuri ta' konservazzjoni tal-bijodiversità. Livelli għoljin ta' konservazzjoni tal-ispeċijiet u l-ħabitat huma komponent ewlieni wieħed biss, iżda ħafna servizzi huma provduti barra l-inħawi protetti. Bħala pass lejn il-mili ta' dan il-vojt, il-Kummissjoni se tlesti l-ewwel set ta' mapep bijofiżiċi tas-servizzi tal-ekosistemi u l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) se tiffinalizza x-xogħol li għaddej tagħha dwar il-verifika u l-kejl tas-servizzi tal-ekosistemi sal-aħħar tal-2010. Barra minn hekk, filwaqt li r-regoli tal-UE qed jikkontribwixxu biex ikun żgurat li l-impatti ambjentali tal-iżvilupp infrastrutturali u l-ippjanar tal-ispazju fuq livell Ewropew ikunu mminimizzati, jista' jkun hemm benefiċċji ulterjuri minn koordinazzjoni aħjar, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, bl-iżvilupp u investiment f'infrastruttura ekoloġika[14] fi 83% tat-territorju tal-UE li mhux parti min-netwerk Natura 2000. Approċċ bħal dan se jirrikjedi r-restawr tal-ekosistemi safejn ikun possibbli biex tissaħħaħ ir-reżistenza tagħhom u jinżammu servizzi ewlenin li huma jipprovdu, filwaqt li jintlaħqu l-objettivi ta' konservazzjoni u jippermettu lill-Istati Membri biex jadattaw għall-bidla klimatika. Il-Kummissjoni qed tippromwovi u tappoġġja skambji tal-aħjar prattiki bħala bażi għal strateġija tal-UE dwar infrastruttura ekoloġika li għandha tkun żviluppata wara l-2010. It-tielet, għalkemm inġabret ħafna informazzjoni wara li kienet adottata l-mira tal-2010, għad fadal ħafna diskrepanzi ta' għarfien u dejta fil-livelli kollha – fil-livell tal-Istati Membri, tal-UE u fuq livell globali. Il-ġbir ta' dejta, ta' analiżi u ta' validazzjoni ma segwewx approċċ komprensiv minħabba l-kumplessità tal-bijodiversità li ma tistax titnaqqas għal varjant wieħed iżda teħtieġ l-iżvilupp ta' set ta' indikaturi interrelatati. Barra minn hekk, ir-rappurtar mill-Istati Membri skont id-Direttivi dwar l-Għasafar u l-Ħabitats ma kienx ugwali kif ma kinux l-istess l-isforzi għall-monitoraġġ tal-bijodiversità. Ix-xogħol għall-iżvilupp ta' linja bażi u ta' indikaturi interrelatati issa qed jitħaffef kemm fl-UE u kemm fuq livell globali. Qed jiġu żviluppati set ta' indikaturi li, flimkien mad-dejta miġbura għall-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Ħabitats, huma mistennija li jkunu l-iktar avvanzati fid-dinja. F'Ġunju 2010, l-EEA se tiffinalizza l-ewwel linja bażi tal-bijodiversità tal-UE, tniedi Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Bijodiversità għall-Ewropa (BISE) u tipproduċi pjan strateġiku li jimla d-diskrepanzi b'mod partikolari indikaturi għall-ekosistemi u servizzi ta' ekosistemi. Fl-ambjent marittimu, ħafna ekosistemi u ħabitats ma jinftehmux tajjeb, speċijiet mhumiex deskritti sew u l-għarfien tar-riżorsi ġenetiċi marittimi għadu fi stadju bikri. Id-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina se twassal għal valutazzjoni u monitoraġġ aħjar tal-bidliet fl-ekosistemi kostali u marittimi, inklużi dawk li jirriżultaw mill-bidla klimatika u mill-impatti fuq il-bijodiversità u għandha tibbenefika minn sforzi bħan-Netwerk Ewropew tal-Osservazzjoni u d-Dejta dwar l-Ibħra (EMODNET) u l-Pjanifikazzjoni tal-Ispazju Marittimu. Fuq livell globali, l-UE qed tappoġġja sforzi biex tkun stabbilita Pjattaforma Intergovermentali dwar il-Bijodiversità u s-Servizzi tal-Ekosistemi (IPBES) biex tirriproduċi s-suċċess tal-Bord Intergovermentali dwar il-Bidla Klimatika (IPCC). L-UE għandha tibni konsensus qawwi billi tivvalida l-evidenza xjentifika eżistenti u tikkontribwixxi għall-integrazzjoni tal-bijodiversità u tas-servizzi tal-ekosistemi fil-proċessi tat-tfassil tal-leġiżlazzjoni biex ikunu żgurati l-benessri tal-bniedem għal tul ta' żmien twil. Deċiżjoni dwar jekk għandux ikun stabbilit jew le IPBES hija mistennija fir-rebbiegħa 2010. Ir-raba', l-integrazzjoni ta' fatturi relatati mal-bijodiversità f'politiki oħra għandha titjieb. L-evoluzzjoni tal-bijodiversità hija indikatur tajjeb ta' kemm l-attività tal-bniedem u s-soċjetà jkunu ekoloġiċi. Azzjoni biex jiġu indirizzati problemi f'oqsma politiċi oħra xi drabi dehret mhux kompatibbli mal-objettivi tal-bijodiversità u kellhom anke effetti mhux aċċettabbli. Il-benefiċċji li jipprovdu l-ekosistemi ħafna drabi ma jkunux ikkunsidrati. Jeħtieġ li jsir iktar biex setturi oħra jkunu sistematikament impenjati biex jifformulaw reazzjonijiet għall-isfida tal-bijodiversità, li jkunu msaħħin b'indikaturi ċari li jikkalkulaw il-progress. Il-politiki għall-bijodiversità u politiki oħra għandhom ikunu koerenti u reċiprokament isaħħu lil xulxin. L-indirizzar tal-problemi identifikati fil-Green Paper dwar ir-riforma tal-politika komuni dwar is-sajd hija prijorità sabiex ikun hemm politika sostenibbli ekoloġika fl-2012 ibbażata fuq parir xjentifiku u li titratta b'mod effikaċi l-kapaċità żejda u biex tikkontribwixxi aħjar għall-miri tal-bijodiversità. It-tisħiħ tal-politika għall-iżvilupp rurali bl-għan li jkunu żviluppati s-servizzi ta' ekosistemi billi jkunu ppreservati u msaħħa l-biedja u l-forestrija b'valur naturali għoli fil-kuntest tal-PAK, hija essenzjali. Se jkun importanti wkoll li jkun massimizzat l-użu tal-Fondi Strutturali li jsaħħu l-kumplementarjiet u s-sinerġiji bejn diversi fergħat tal-Komunità u mekkaniżmi oħra ta' kofinanzjar li jippromwovu l-objettivi tal-bijodiversità fir-reġjuni kollha fl-UE. Integrazzjoni ulterjuri hija prijorità fil-politika esterna u f'politiki oħra interrelatati mal-bijodiversità. Minbarra ż-żieda fl-isforzi biex jitnaqqas l-impatt negattiv ta' dawn il-politiki fuq il-bijodiversità fl-UE u fid-dinja[15], jeħtieġ iktar sensibilizzazzjoni dwar l-implikazzjonijiet tat-telf tal-bijodiversità għas-sostenibbiltà fit-tul tal-attivitajiet li jirriżultaw minn dawn il-politiki kif ukoll il-benefiċċji ekonomiċi li jistgħu jittieħdu minn ekosistemi b'saħħithom. Din iż-żieda fis-sensibilizzazzjoni għandha importanza kruċjali wkoll għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw li huma affettwati direttament mill-effetti tat-telf tal-bijodiversità. Il-ħames, l-iffinanzjar meħtieġ għall-bijodiversità fl-UE għandu jkun valutat b'mod xieraq, anke b'kunsiderazzjoni għall-benefiċċji tal-benessri li jipprovdu l-ekosistemi. Rigward is-siti Natura 2000, il-Kummissjoni qed twettaq valutazzjoni tal-iffinanzjar meħtieġ għall-immaniġġjar ta' dawn is-siti bbażata fuq kontribuzzjoni mill-Istati Membri biex jiksbu stampa preċiża tal-kobor u d-distribuzzjoni tal-bżonnijiet. Stimi bikrija juru li 20% biss mill-bżonnijiet tal-iffinanzjar totali għall-immaniġġjar ta' oqsma protetti fl-Ewropa qed jintlaħqu. F'dan ir-rigward, l-Istati Membri jistgħu b'mod aktar sistematiku jieħdu vantaġġ mill-possibilitajiet offruti mill-iffinanzjar għall-iżvilupp rurali għal miżuri agroambjentali, inkluzi Stati Membri li għandhom żoni kbar ta' art agrikola 'b'valur naturali għoli' u b'bijodiversità rikka. Fl-aħħar nett, il-kwistjoni tal- ekwità għandha tkun ikkunsidrata fuq livell tal-UE u fuq livell globali. Minħabba li l-bijodiversità mhix mifruxa b'mod ugwali u li t-tendenzi jvarjaw minn reġjun għall-ieħor, anke l-piż kif tiġi trattata l-isfida mhux mifrux b'mod ugwali. Dan jitlob għal għodod politiċi diversifikati li jikkombinaw ir-regolamentazzjoni ma' strumenti bbażati fuq is-suq. Minbarra l-prinċipji importanti ta' 'min iħammeġ iħallas' u 'l-irkupru sħiħ tal-ispejjeż' (full cost recover) li diġà huma mħaddna fil-leġiżlazzjoni ambjentali, l-ekwità se tissuġġerixxi l-applikazzjoni msaħħa tal-pagamenti għas-servizzi tal-ekosistemi biex tippremja lil dawk li l-art tagħhom tipprovdi dawn is-servizzi mingħand dawk li jibbenefikaw. Fuq livell globali, l-UE hija impenjata li tiżgura eżitu li jkun suċċess fl-2010 min-negozjati li għaddejjin taħt il-UN CBD dwar aċċess għal riżorsi genetiċi u l-qsim ġust u ekwu ta' benefiċċji derivati mill-użu tagħhom. L-UE hija impenjata wkoll li jkollha suċċess fin-negozjati dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet mid-deforestazzjoni u tad-degradazzjoni tal-foresti u tinkludi l-konservazzjoni bħala l-ewwel pass essenzjali lejn approċċ iktar wiesa' għall-valutazzjoni u l-ippremjar tas-servizzi tal-ekosistemi. Il-wegħda ta' permakultura bħala protettur u ristawratur effettiva tal-bijodiversità għandha tkun esplorata u msaħħa. L-UE jeħtieġ ukoll li tevalwa b'mod sħiħ l-impatt tat-tendenzi ta' konsum tagħha dwar il-bijodiversità lil hinn mill-fruntieri tagħha. 3. Alternattivi għal viżjoni u mira TAL-UE GħALL-BIJODIVERSITÀ GħAL WARA L-2010 3.1. LEJN VIżJONI GħALL-2050 Hemm konsensus wiesa' fost il-partijiet ikkonċernati dwar x'għandhom ikunu l-fatturi ewlenin tal-viżjoni ġdida tal-UE għal tul ta' żmien twil għall-bijodiversità. Il-viżjoni għandha tinkludi perjodu ta' żmien ċar (sal-2050), għandha tirrifletti l-urġenza tal-kriżi tal-bijodiversità u l-valuri intrinsiċi u tanġibbli tal-bijodiversità u l-importanza tas-servizzi li tipprovdi. Il-pubbliku għandu jifhem u jaċċetta din il-viżjoni u hija għandha tapplika fuq livell tal-UE u fuq livell globali. Fuq din il-bażi, dawn l-elementi jistgħu jintużaw fil-preparazzjoni ta' viżjoni tal-UE għall-2050 sabiex tissaħħaħ il-mira ewlenija li tkun stipulata viżjoni u li din il-viżjoni ssir realta. Il-bijodiversità u s-servizzi tal-ekosistemi – il-kapitali naturali tad-dinja – huma priservati, valutati u safejn ikun possibbli, ristawrati għall-valur intrinsiku tagħhom sabiex ikunu jistgħu jappoġġjaw il-prosperità ekonomika u l-benesseri tal-bniedem kif ukoll biex jevitaw il-bidliet katastrofiċi relatati mat-telf tal-bijodiversità. Bħalissa għaddejjin diskussjonijiet fuq livell globali dwar mira għall-2020. F'dan l-isfond, il-Kummisjoni tqis li l-UE għandu jkollha mira u li l-alternattivi stipulati hawn taħt jieħdu l-2020 bħala fattur li ma jinbidilx biex tkun żgurata r-rilevanza tal-mira tal-UE fin-negozjati internazzjonali. Għaxar snin huwa wkoll il-minimu meħtieġ biex titfassal, tiġi implimentata u vvalutata azzjoni fil-qasam tal-bijodiversità, meta r-reazzjonijiet ħafna drabi jkunu bil-mod u jvarjaw ħafna, u biex isir progress kalkolabbli u realistiku. Barra minn hekk, politiki oħra b'rabtiet qawwija għall-politika qed jaħdmu fil-kuntest tal-2020 bħala l-qafas ta' żmien tagħhom. Il-mira ewlenija tal-2020 għandha tkun effikaċi biex tiżgura l-progress biex il-viżjoni tinbidel f'realtà; il-mira għandha tkun kalkolabbli, li tista' tintlaħaq u tkun kosteffikaċi u għandha tikkontribwixxi biex l-UE tissodisfa l-impenji internazzjonali tagħha dwar il-bijodiversità. Xi wħud minn dawn il-kriterji huma korrelatati proporzjonalment. Pereżempju, iktar huwa realistiku li tintlaħaq mira baxxa iżda huwa inqas realistiku li jkunu evitat li wieħed jilħaq 'punti kritiċi' tal-bijodiversità. Dawn il-fatturi jeħtieġ li jkunu meqjusa kontra xulxin biex ikun valutat kemm b'mod ġenerali, l-alternattivi proposti huma xierqa u biex tintgħażel l-aħjar mira. 3.2. Il-livelli ta' ambizzjoni Hawn taħt qed jiġu ppreżentati erba' livelli ta' ambizzjoni għall-mira ewlenija 2020 f'ordni axxendenti. Alternattiva 1 It-tnaqqis sinifikanti tar-rata tat-telf tal-bijodiversità u s-servizzi ta' ekosistemi fl-UE sal-2020 Alternattiva 2 It-twaqqif tat-telf tal-bijodiversità u s-servizzi ta' ekosistemi fl-UE sal-2020 Alternattiva 3 It-twaqqif tat-telf tal-bijodiversità u s-servizzi ta' ekosistemi fl-UE sal-2020 u r-restawr tagħhom safejn hu possibbli Alternattiva 4 It-twaqqif tat-telf tal-bijodiversità u s-servizzi ta' ekosistemi fl-UE sal-2020 u r-restawr tagħhom safejn ikun possibbli u ż-żieda tal-kontribuzzjoni tal-UE biex ikun evitat telf tal-bijodiversità globali L-erba' livelli ta' ambizzjoni se jkollhom benefiċċji u spejjeż differenti u se jirrikjedu l-iżvilupp ta' azzjonijiet politiki u strumenti relattivament iktar stretti. L-erba' livelli jibnu fuq linja bażi politika li tinkludi leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE dwar il-konservazzjoni tan-natura u leġiżlazzjoni oħra relatata mal-bijodiversità flimkien ma' leġiżlazzjoni f'oqsma politiki rilevanti oħra, b'mod partikolari l-klima u l-enerġija u l-leġiżlazzjoni eżistenti dwar il-Politika Agrikola Komuni u r-riforma tal-Politika tas-Sajd Komuni. L-opportunitajiet kollha biex isir progress lejn il-miri politiċi dwar il-bijodiversità li fl-istess ħin joffru mitigazzjoni u adattament ekonomiċi għall-bidla klimatika, għandhom jingħataw prijorità. Minħabba li l-indirizzar ta' ċertu pressjonijiet li għandhom impatt fuq il-bijodiversità fl-UE jeħtieġ ukoll kooperazzjoni internazzjonali, se jkun importanti wkoll li jitwettqu l-impenji internazzjonali eżistenti b'mod partikolari dawk li huma parti minn ftehimiet ambjentali multilaterali bħall-Konvenzjoni dwar il-Migrazzjoni tal-Ispeċijiet (CMS), il-Konvenzjoni Ramsar dwar Korpi tal-Ilma u l-Ftehim dwar l-Għasafar tal-Ilma Migratorji Afro-Ewroasjatiċi u li jsir progress ulterjuri fl-istabbiliment ta' żoni marittimi protetti fuq livell internazzjonali. L-erba' alternattivi jirrikjedu l-istabbiliment ta' linja bażi xjentifika dwar l-istat tal-bijodiversità u s-servizzi tal-ekosistemi fl-Ewropa. Din hija meħtieġa sabiex ikun jista' jiġi kkalkulat il-progress. Il-linja bażi mhix se tikkonsisti f'numru wieħed, iżda se tkun ibbażata fuq l-istat attwali tal-attribwiti ewlenin tal-bijodiversità: Il-konservazzjoni tal-ispeċijiet u l-ħabitats, l-ekosistemi u l-iktar servizzi kritiċi tal-ekosistemi. Fl-istess ħin, 'it-twaqqif tat-telf tal-bijodiversità' mhux interpretat f'termini assoluti, iżda jfisser li attribwiti ewlenin jinżammu għola mil-linja bażi. Diġà hemm għarfien disponibbli biex tkun stabbilita linja bażi ċara u affidabbli, iżda jeħtieġ aktar xogħol biex dan l-għarfien jiġi tradott f'indikaturi speċifiċi, li jistgħu jitkejlu u li jirreaġixxu għall-politika. Jeħtieġ li r-riċerka tiżdied ukoll biex timla diskrepanzi kbar fl-għarfien. Dawn huma relatati mal-ekonomiji tal-bijodiversità u s-servizzi tal-ekosistemi, mal-iżvilupp u l-irfinar ta' indikaturi li jippermettu l-kalkolabbiltà u mad-definizzjoni dwar l-ammont ta' pressjoni li tista' tissaporti l-bijodiversità qabel it-telf tagħha jsir irriversibbli - b'konsegwenzi potenzjalment katastrofiċi. Jekk tkun stabbilita fl-2010, Pjattaforma Intergovermentali dwar il-Bijodiversità u s-Servizzi tal-Ekosistemi (IPBES) se tikkontribwixxi ħafna għal dawn l-isforzi, iżda jeħtieġ ukoll azzjoni fuq livell Ewropew. Ix-xogħol li għaddej fuq dawn il-kwistjonijiet kollha jeħtieġ li jkun intensifikat u komplut. Finalment, għalkemm il-konservazzjoni trid tibqa' pilastru ewlieni tal-politika dwar il-bijodiversità tal-UE, kwalunkwe mira ġdida trid tinkludi r-rwol tal-ekosistemi u tas-servizzi ta' ekosistemi. L-importanza ta' servizzi ta' ekosistemi diġà hija rikonoxxuta fil-politika attwali u hija pereżempju element importanti tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina, bħala parti mill-Politika Marittima Integrata tal-UE[16], iżda din għada ma ġietx tradotta biżżejjed f'miżuri speċifiċi. Huwa importanti li s-servizzi ta' ekosistemi jkunu identifikati u vvalutati u li jkunu fatturi fil-mira tal-futur. Il-livell ta' ambizzjoni meħtieġ mill-mira stabbilita se jiddetermina l-grad safejn se jkunu integrati, li jvarja minn manutenzjoni għal restawr sħiħ. (Alternattiva 1) It-tnaqqis sinifikanti tar-rata tat-telf tal-bijodiversità u s-servizzi ta' ekosistemi fl-UE sal-2020 Din l-alternattiva se timplika l-aċċettazzjoni politika li t-twaqqif tat-telf tal-bijodiversità fl-UE ma jistax jintlaħaq fil-futur qrib u għalhekk l-istabbiliment ta' mira inqas ambizzjuża ta' 'titnaqqas b'mod sinifikanti' r-rata tat-telf tal-bijodiversità sal-2020. L-għan se jkun li t-telf tal-bijodiversità jsir iktar bil-mod iktar milli jitwaqqaf. L-implikazzjoni hija li l-bijodiversità mhux neċessarjament se tinżamm 'il fuq mil-linja bażi. Il-perjodu ta' żmien estiż se jippermetti iktar żmien għal azzjoni diġà implimentata jew li qed tkun implimentata biex jinħassu l-effetti tagħha, u b'hekk ikun aktar faċli li jidher is-suċċess. Għarfien ġdid u żviluppi li dehru minn meta ġiet stipulata l-mira 2010 jistgħu jkunu inklużi f'miżuri li diġà ttieħdu biex tintlaħaq il-mira. (Alternattiva 2) It-twaqqif tat-telf tal-bijodiversità u s-servizzi ta' ekosistemi fl-UE sal-2020 Din l-alternattiva se tinkludi ż-żamma tal-mira attwali, u s-suċċess se jkun postpost għal data iktar 'il quddiem. Bħall-alternattiva 1, dan se jippermetti iktar żmien għal azzjonijiet li diġà huma implimentati jew li qed ikunu implimentati biex ikollhom effett u għal azzjonijiet u żviluppi biex ikunu inklużi. L-għan se jkun l-istess bħal dak tal-mira 2010: li jitwaqqaf it-telf tal-bijodiversità, iżda wkoll tas-servizzi tal-ekosistemi fl-UE. Il-kisba tal-mira se twassal għall-irkupru ta' ċerti ekosistemi u tas-servizzi li jappoġġjaw. (Alternattiva 3) It-twaqqif tat-telf tal-bijodiversità u s-servizzi ta' ekosistemi fl-UE sal-2020 u r-restawr tagħhom safejn hu possibbli Din l-alternattiva se tinvolvi ż-żamma tal-mira eżistenti dwar il-bijodiversità u se testendi d-data tal-iskadenza għall-2020, filwaqt li twessa' l-ambitu tagħha biex tinkorpora l-bżonn li jkun żgurat li s-servizzi ta' ekosistemi ewlenin ipprovduti mill-bijodiversità fl-UE qed jingħataw b'mod suffiċjenti u se tirrikjedi r-restawr ta' ekosistemi fejn dawn qed jonqsu milli jipprovdu s-servizzi meħtieġa. Il-produzzjoni tal-ewwel lista u t-tfassil tas-servizzi ta' ekosistemi ta' importanza Ewropea sal-aħħar tal-2010 se jgħinu wkoll biex ikun definit l-ambitu tal-isforzi ta' manutenzjoni u restawr meħtieġa biex jinkiseb dan l-objettiv. L-objettivi ta' restawr jistgħu jkunu stipulati bbażati fuq ir-rekwiżit biex jintlaħaq stat ta' konservazzjoni favorevoli għall-ispeċijiet u għall-ħabitats kif definit fid-Direttiva dwar il-Ħabitats. L-istat attwali tal-ispeċijiet u tal-ħabitats kif ivvalutat f'rapport riċenti skont id-Direttiva dwar il-Ħabitats, jista' jservi ta' bażi ta' referenza. Din l-alternattiva tirrikonoxxi l-bżonn xjentifiku li jitwaqqaf telf ulterjuri tal-bijodiversità u fatturi sinifikanti tal-ekosistemi li għandhom importanza strateġika għall-UE. (Alternattiva 4) It-twaqqif tat-telf tal-bijodiversità u s-servizzi ta' ekosistemi fl-UE sal-2020 u r-restawr tagħhom safejn ikun possibbli u ż-żieda tal-kontribuzzjoni tal-UE biex ikun evitat telf tal-bijodiversità globali Din l-alternattiva tmur lil hinn mill-alternattiva 3: Hija tirrikonoxxi li huwa fl-interess tal-UE li tieħu azzjoni biex tindirizza t-telf tal-bijodiversità mhux biss fl-UE, iżda wkoll lil hinn mill-fruntieri tagħha. Minħabba li l-biċċa l-kbira tal-bijodiversità tad-dinja tinsab barra l-UE, l-indirizzar tat-telf tal-bijodiversità fl-UE biss mhux se jkun biżżejjed biex ikunu evitati konsegwenzi serji tat-telf kontinwu fuq skala globali. Din l-alternattiva titlob li l-UE iżżid l-azzjoni biex tindirizza l-kriżi globali tal-bijodiversità. Dan jista' jinkludi miżuri bl-għan li jitnaqqas iktar l-impatt tat-tendenzi ta' konsum fl-UE fuq il-bijodiversità madwar id-dinja u li jissaħħu l-isforzi biex tkun protetta l-bijodiversità f'pajjiżi oħra, inkluż permezz ta' strumenti speċifiċi. 4. Il-passi li jmiss L-istabbiliment ta' viżjoni u mira wara l-2010 mhux għan fih innifsu. Huwa jimmarka l-bidu ta' proċess li jintroduċi strateġija ġdida tal-UE għall-bijodiversità sa dak iż-żmien li l-mira attwali tkun spiċċat. M'hemm l-ebda mod ħafif kif it-telf tal-bijodiversità jkun indirizzat b'mod effikaċi. Jeħtieġ approċċ ibbażat fuq evidenza u integrat li jiffoka fuq l-indirizzar tal-pressjonijiet ewlenin li jsiru fuq il-bijodiversità u s-servizzi tal-ekosistemi minn setturi speċifiċi- tibdil fl-użu tal-art, l-isfruttar żejjed, l-ispeċijiet invażivi, it-tniġġis u l-bidla klimatika. Jeħtieġ li jitfasslu sottomiri għal kull tip ta' pressjoni, settur jew ekosistema, flimkien ma' azzjoni ekonomika fil-livell adattat ta' intervenzjoni biex jipproduċu r-riżultati mixtieqa. Ħaġa waħda hija diġà ċara: jeħtieġ li jkunu kkunsidrati soluzzjonijiet ekwitabbli għall-politiki għal kull sitwazzjoni speċifika. Fi kliem ieħor, se jkun hemm bżonn ta' azzjoni u implimentazzjoni fuq diversi livelli: Fuq livell internazzjonali, tal-UE, nazzjonali u sottonazzjonali. L-approċċ li ttieħed fl-UE BAP biex tinqasam ir-responsabbiltà għall-implimentazzjoni bejn is-setturi kollha u biex ikunu stabbiliti sħubijiet mal-Istati Membri għadu rilevanti ħafna. Dan se jirrikjedi qafas ta' ġestjoni effikaċi li jinvolvi l-atturi kollha kkonċernati fuq livelli differenti. Il-Kummissjoni se tkompli b'xogħlha matul l-2010, inkluż, permezz ta' iktar konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati, li tistabbilixxi l-bażi ta' evidenza neċessarju biex il-qafas ġdid tal-politika tal-UE jkun definit iktar. Dan se jkompli jikkontribwixxi wkoll għall-istrateġija u l-objettivi tal-UE biex ikun innegozjat il-qafas tal-bijodiversità internazzjonali futur. [1] COM (2006) 216. [2] COM (2008) 864. [3] ‘Growing within limits’, Netherlands Environmental Assessment Agency, Ottubru 2009; 'Millennium Ecosystem Assessment’, 2005; ‘IUCN Red List', Novembru 2009. [4] ‘A safe operating space for humanity’, Nature , 23 ta' Settembru 2009. [5] COM (2009) 358. [6] CLIMSOIL: http://ec.europa.eu/environment/soil/index.htm [7] ‘Biodiversity and ecosystem functionality’ , Nature , 12 ta' Lulju 2007 . [8] ‘Convenient solutions to an inconvenient truth: ecosystem-based approaches to climate change’, il-Bank Dinji, 2009; ‘TEEB Climate Issues Update’, Settembru 2009; ‘The Natural Fix? The role of ecosystems in climate mitigation’, UNEP, Ġunju 2009. [9] COM (2009) 400. [10] ‘TEEB Interim Report’, Mejju 2008; ‘TEEB for Policy-Makers’, Novembru 2009:http://www.teebweb.org. [11] Pereżempju, investimenti mir-restawr ta' foresti tropikali jrendu ħafna qligħ: l-ispejjeż tipiċi huma madwar $ 3 500 għal kull ettaru filwaqt li stimi konservattivi ta' benefiċċji annwali minn oġġetti u servizzi pubbliċi ta' dawn l-ekosistemi, mill-qbid tal-karbonju għall-kontrolli tal-għargħar u tal-erożjoni huma madwar $ 7 000 għal kull ettaru. [12] Id-Direttiva 2000/60/KE. [13] Id-Direttiva 2008/56/KE. [14] L-Infrastruttura Ekoloġika hija netwerk interkonnetjat ta' żoni naturali li jinkludu art agrikola, modijiet ekoloġiċi, l-artijiet mistagħdra, parks, riservi tal-foresta u komunitajiet indiġini tal-pjanti, u żoni marini li jirregolaw b'mod naturali l-flussi tal-maltemp, it-temperaturi ir-riskju tal-għargħar, u l-kwalità tal-ilma, l-arja u l-ekosistema. [15] L-impatt ekoloġiku (ecoloġical footprint) individwali tal-UE huwa 4.7 ettari globali jew id-doppju tal-kapaċità bijoloġika tal-UE skont l-indikatur tal-impatt tal-UE. [16] COM(2009) 540 finali, 15.10.2009.