15.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 169/198


L-Erbgħa 15 ta’ Diċembru 2010
Il-Mobilizzazzjoni tal-Istrument ta’ Flessibbiltà għall-Programm ta’ Tagħlim Tul il-Ħajja, għall-Programm għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni u għall-Palestina

P7_TA(2010)0474

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta’ Diċembru 2010 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Istrument ta’ Flessibilità (COM(2010)0760 – C7-0398/2010 – 2010/2293(BUD))

2012/C 169 E/38

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2010)0760 – C7-0398/2010),

wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina tal-baġit u l-ġestjoni finanzjarja soda (1) (il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006), u b'mod partikulari l-punt 27 tiegħu,

wara li kkunsidra l-ewwel qari tiegħu tal-20 ta’ Ottubru 2010 dwar l-abbozz tal-baġit ġenerali tal-2011 (2),

wara li kkunsidra r-riżultati tal-konċiljazzjoni tal-15 ta’ Novembru 2010,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A7-0367/2010),

A.

billi l-livelli massimi tal-Qafas Finanzjarju Multiannwali, speċjalment għas-subintestatura 1a u l-intestatura 4, ma jippermettux il-finanzjament ta’ prijoritajiet tal-UE bla ma jkunu pperikolati l-istrumenti u l-politiki eżistenti,

B.

billi ż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja qablu fil-konċiljazzjoni,sakemm jintlaħaq ftehim komprensiv fuq il-kwistjonijiet kollha pendenti, li jimmobilizzaw l-Istrument ta’ Flessibilità bi tpattija tat-tisħiħ għall-prijoritajiet identifikati taħt dawn iż-żewġ intestaturi,

1.

Jirrimarka li, minkejja tisħiħ ristrett f'impenji fuq għadd limitat ta’ partiti tal-baġit, il-limiti massimi tas-subintestura 1a u tal-intestatura 4 ma jippermettux finanzjament adegwat tal-prijoritajiet magħżula tal-Parlament u tal-Kunsill;

2.

Jilqa', għaldaqstant, il-qbil milħuq matul il-konċiljazzjoni dwar l-użu tal-Istrument ta’ Flessibilità għall-finanzjament tal-Programm tat-Tagħlim tul il-Ħajja u l-Programm tal-kmpetittivita u l-Innovazzjoni taħt is-subintestura 1a, u l-fnanzjament tal-assistenza finanzjarja għall-Palestina, il-proċess tal-paċi u l-UNRWA taħt l-intestatura 4 għal ammont totali ta’ EUR 105 miljun;

3.

Ifakkar li dawn il-programmi huma ta’ importanza kruċjali għall-Unjoni minħabba li jipprovdu spinta ċara għall-attività ekonomika, ukif ukoll għar-rwol tal-Unjoni bħala protagonista dinjija;

4.

Itenni li l-mobilizzazzjoi ta’ dan l-istrument, kif previst fil-punt 27 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006, għal darb' oħra jenfasizza l-ħtieġa vitali li l-baġit tal-UE jkun dejjem aktar flessibbli;

5.

Japprova d-deċiżjoni annessa ma’ din ir-riżoluzzjoni;

6.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma d-deċiżjoni mal-President tal-Kunsill u biex jagħmel l-arranġamenti meħtieġa għall-publikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

7.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, inkluż l-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


(1)  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

(2)  Testi adottati, P7_TA(2010)0372.


L-Erbgħa 15 ta’ Diċembru 2010
ANNESS

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Istrument ta’ Flessibbiltà

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda (1), u b'mod partikulari l-ħames paragrafu tal-punt 27 tagħha,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi, wara li eżaminaw il-possibilitajiet kollha għar-riallokazzjoni tal-approprjazzjonijiet taħt is-subintestatura 1a u l-intestatura 4, fil-laqgħa ta’ konċiljazzjoni tal-11 ta’ Novembru 2010, iż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja qablu li jimmobilizzaw l-Istrument ta’ Flessibilità biex, fil-baġit tal-2010, jikkomplementaw il-finanzjament, lil hinn mil-limitu massimu tas-sottointestatura 1a u l-intestatura 4, ta':

EUR 18-il miljun għall-Programm tat-Tagħlim tul il-Ħajja taħt is-sottointestatura 1a;

EUR 16-il miljun għall-Programm tal-Kompetittività u l-Innovazzjoni taħt is-sottointestatura 1a;

EUR 71 miljun għall-Palestina taħt l-intestatura 4.

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2011 (minn hawn 'il quddiem “il-baġit tal-2011”), l-Istrument tal-Flessibilità għandu jiġi mmobilizzat biex jipprovdi s-somma ta’ EUR 34 miljun f'approprjazzjonijiet għall-impenji taħt is-sottointestatura 1a u EUR 71 miljun f'approprjazzjonijiet għall-impenji taħt l-intestatura 4.

Dawk l-ammonti għandhom jintużaw sabiex jikkumplementaw il-finanzjament ta':

EUR 18-il miljun għall-Programm tat-Tagħlim tul il-Ħajja taħt is-sottointestatura 1a;

EUR 16-il miljun għall-Programm tal-Kompetittività u l-Innovazzjoni taħt issottointestatura 1a;

EUR 71 miljun għall-Palestina taħt l-intestatura 4.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi

Ghall-Parlament Ewropew

Il-President

Għall-Kunsill

Il-President


(1)  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.